RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2017/001 ES/Castilla y León mining

29.6.2017 - (COM(2017)0266 – C8-0174/2017 – 2017/2079(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur għal opinjoni: Monika Vana

Proċedura : 2017/2079(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0248/2017
Testi mressqa :
A8-0248/2017
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2017/001 ES/Castilla y León mining(COM(2017)0266 – C8-0174/2017 – 2017/2079(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0266 – C8-0174/2017),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0248/2017),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji bħala appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-"FEG");

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill li jerġa' jiddaħħal il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi ffissata għal 60 % tal-kost totali stmat tal-miżuri proposti, li tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet lill-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, li l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u li jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi Spanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/001 ES/Castilla y León għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 5 (Tħaffir fil-minjieri tal-faħam u l-linjite) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Castilla y León (ES41), u billi mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri 339 ħaddiem li ngħataw is-sensja, kif ukoll 125 żagħżugħ taħt l-età ta' 30 sena li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs); billi s-sensji saru minn Hullera Vasco Leonesa SA, Centro de Investigación y Desarrollo SA, Hijos de Baldomero García SA, Minas del Bierzo Alto SL u Unión Minera del Norte SA;

E.  billi l-applikazzjoni tressqet skont il-kriterji ta' intervent stipulati fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG li jidderoga mill-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 4(1)b, li jeħtieġu li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jkunu jinsabu f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u għaldaqstant Spanja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 002 264 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 670 440;

2.  Jinnota li fl-20 ta' Jannar 2017, l-awtoritajiet Spanjoli ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fit-2 ta' Ġunju 2017 u ġiet notifikata lill-Parlament dakinhar stess;

3.  Ifakkar li tul dawn l-aħħar għaxar snin, il-produzzjoni tal-faħam fl-Unjoni u l-prezz globali tal-faħam waqgħu drastikament, u dan wassal għal żieda fil-volum ta' importazzjonijiet ta' faħam minn pajjiżi barra mill-UE u wkoll biex bosta minjieri tal-faħam tal-Unjoni ma baqgħux jiġġeneraw profitti u b'hekk kienu sfurzati jagħlqu; jindika li dawk ix-xejriet kienu aktar qawwija fi Spanja, u dan wassal għal organizzazzjoni u konverżjoni mill-ġdid tas-settur tal-estrazzjoni tal-faħam; jenfasizza li l-impjiegi fir-reġjun ta' Castilla y León intlaqtu serjament mill-impatt tal-kriżi fis-settur tat-tħaffir fil-minjieri u jirrimarka li f'Castilla y León biss, għaxar intrapriżi tal-estrazzjoni tal-faħam kellhom jagħlqu fuq il-perjodu 2010-2016;

4.  Jinnota li Spanja talbet deroga mill-Artikolu 4(1)b minħabba l-fatt li t-territorju milqut mis-sensji jikkonsisti f'numru ta' rħula żgħar u iżolati, imbiegħda u b'livell baxx ta' popolazzjoni, fil-wied muntanjuż ta' Kantabrija, u li fil-parti l-kbira tagħhom jiddependu b'mod qawwi fuq l-estrazzjoni tal-faħam u jbatu minn konnettività limitata u għaldaqstant jistgħu jitqiesu bħala suq żgħir tax-xogħol għall-finijiet tal-Artikolu 4(2);

5.  Jenfasizza, b'mod partikolari, id-densità baxxa ħafna tal-popolazzjoni, il-problemi marbuta ma' żona muntanjuża u s-sitwazzjoni diffiċli tal-impjiegi fit-Tramuntana tal-provinċji ta' León u Palencia; jesprimi tħassib dwar it-tnaqqis qawwi fil-popolazzjoni, li proporzjonalment kien l-akbar fost dawk taħt l-età ta' 25 sena;

6.  Jirrimarka li l-kontribuzzjoni finanzjarja hi intiża għal 339 ħaddiem li ngħataw is-sensja, u li 97 % minnhom huma rġiel;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni ta' Spanja biex massimu ta' 125 NEETs oħrajn, taħt l-età ta' 30 sena, jiġu pprovduti b'servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG; jifhem li dawk is-servizzi se jinkludu appoġġ lil dawk interessati li jistabbilixxu n-negozju tagħhom stess;

8.  Jinnota li l-miżuri se jkunu bbażati fuq studju li se jitwettaq dwar il-ħolqien tal-impjiegi u l-attivitajiet produttivi fir-reġjun ta' Castilla y León, sabiex l-inizjattivi msemmijin fil-pakkett jiġu definiti aħjar;

9.  Jinnota li Spanja qiegħda tippjana sitt tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u NEETs, koperti minn din l-applikazzjoni: (i) sessjonijiet ta' merħba u ta' informazzjoni, (ii) gwida u konsulenza okkupazzjonali, (iii) assistenza intensiva għat-tiftix ta' impjieg, (iv) taħriġ f'ħiliet u kompetenzi transsettorjali, u taħriġ vokazzjonali, (v) il-promozzjoni tal-intraprenditorija, u (vi) appoġġ għan-negozji ġodda, kif ukoll programm ta' inċentivi;

10.  Jinnota li l-inċentivi jikkorrispondu għal 19,53 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, li huwa ammont ferm inqas mill-massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG; u li dawk l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva fl-attivitajiet ta' taħriġ jew ta' tfittix ta' impjieg, tal-benefiċjarji fil-mira;

11.  Jinnota li l-korsijiet ta' taħriġ ipprovduti se jinkludu workshops dwar tekniki għat-tfittix ta' impjieg, taħriġ f'ħiliet personali u soċjali, fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), u fil-lingwi barranin, filwaqt li t-taħriġ vokazzjonali se jiffoka fuq it-tisħiħ tal-ħiliet relatati mal-estrazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għal setturi ekonomiċi oħra jew fuq l-iżvilupp ta' ħiliet għal setturi bħalma huma: it-turiżmu u l-ospitalità fiż-żoni rurali; ir-restawr ambjentali tal-baċiri tal-minjieri; ir-riforestazzjoni u l-ġestjoni tal-pajsaġġ;

12.   Jilqa' l-fatt li l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, fosthom trejdjunjins, assoċjazzjonijiet tan-negozju, l-aġenzija reġjonali għall-iżvilupp ekonomiku, l-innovazzjoni, il-finanzjament u l-internazzjonalizzazzjoni tan-negozju u fondazzjoni pubblika marbuta mas-servizz ta' impjieg pubbliku reġjonali, saru fil-livell reġjonali biex jitfassal il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati, u li l-politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni se jiġu applikati sabiex wieħed jingħata aċċess għall-miżuri ffinanzjati mill-FEG kif ukoll matul l-implimentazzjoni tiegħu;

13.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li ser ikun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

14.  Jilqa' l-inklużjoni fost l-inċentivi disponibbli, tal-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż ta' dawk li jindukraw lil persuni dipendenti, fid-dawl tal-impatt aktarx pożittiv fuq il-bilanċ bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta informazzjoni dettaljata dwar l-użu potenzjali ta' din il-possibbiltà;

15.  Ifakkar dwar il-bżonn ta' trasformazzjoni rapida tal-ekonomiji tal-Unjoni u l-promozzjoni ta' impjiegi rilevanti fid-dawl tal-ftehim ta' Pariġi COP 21;

16.  Jinnota l-importanza li titnieda kampanja ta' informazzjoni sabiex jintlaħqu n-NEETs li jistgħu jkunu eliġibbli skont dawn il-miżuri, u li fejn possibbli jiġi żgurat il-bilanċ bejn is-sessi;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-prospetti ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw, kif ukoll tiġbor data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' integrazzjoni mill-ġdid miksuba mill-FEG;

18.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u li mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju, u li l-azzjonijiet eliġibbli se jikkumplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

19.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-pjan ta' intervent se jinkludi inizjattiva ta' monitoraġġ li fiha jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw l-atturi soċjali, li l-għan tagħha huwa li tiggarantixxi li l-proposta tiġi implimentata f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta' studju, li għandhom jitwettqu bħala parti mill-azzjonijiet inklużi fl-inizjattiva, rigward id-domandi għat-taħriġ vokazzjonali u għal opportunitajiet ta' attività, kif ukoll sabiex tkun garantita l-ġestjoni tajba tal-baġit previst;

21.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

22.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni minn Spanja - EGF/2017/001 ES/Castilla y León mining

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[2], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u fil-każ ta' persuni li jaħdmu għal rashom meta l-attività tagħhom tkun intemmet b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u biex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Jenħtieġ li l-FEG ma jaqbiżx l-ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[3].

(3)  Fl-20 ta' Jannar 2017, Spanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt il-klassifikazzjoni Statistika ta' attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea ("NACE") Reviżjoni 2 Diviżjoni 5 (Estrazzjoni ta' faħam u linjite) fir-reġjun ta' Castilla y León. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  Skont l-Artikolu 6 (2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, Spanja ddeċidiet li tipprovdi servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil 125 żagħżugħ li jinsabu barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) ukoll.

(5)  F'konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, l-applikazzjoni minn Spanja titqies ammissibbli peress li s-sensji għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali.

(6)  Għalhekk, il-FEG jenħtieġ li jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 002 264 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata minn Spanja.

(7)  Biex jitnaqqas kemm jista' jkun iż-żmien għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 1 002 264 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tapplika minn ... [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni][4]*.

Magħmul fi ...

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

  • [1]   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [3]   Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
  • [4] *   Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.

NOTA SPJEGATTIVA

I.  Sfond:

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1], u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II.  L-applikazzjoni ta' Spanja u l-proposta tal-Kummissjoni

Fit-2 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur Spanja għall-appoġġ tal-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li ngħataw s-sensja fi 5 impriżi tal-estrazzjoni li joperaw taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 5 (Estrazzjoni ta' faħam u linjite) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Castilla y León (ES41) fi Spanja.

L-intrapriżi u l-għadd ta' sensji matul il-perjodu ta' referenza

Hullera Vasco Leonesa S.A.   (HVL)

227

Centro de Investigación y Desarrollo S.A.   (CIDSA)

68

Hijos de Baldomero García S.A.

7

Minas del Bierzo Alto S.L.

8

Unión Minera del Norte S.A.   (UMINSA)

29

L-għadd totali ta' intrapriżi: 5

L-għadd totali ta' sensji:

339

L-għadd totali ta' ħaddiema eliġibbli:

339

Din hija t-tielet applikazzjoni għal eżami taħt il-baġit 2017 u l-ewwel waħda fis-settur "tal-estrazzjoni ta' faħam u linjite". Tikkonċerna lil 339 ħaddiem li ngħataw is-sensja kif ukoll lil 125 żgħażagħ fil-mira barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) iżgħar minn 30 sena u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 002 264 mill-FEG għal Spanja.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fl-20 ta' Jannar 2017 u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sas-17 ta' Marzu 2017. Il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-2 ta' Ġunju 2017 u kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG.

Peress illi l-ammont totali ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja (339) hu anqas min-numru mitlub kif stabbilit fir-Regolament EG, Spanja talbet deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)b, li jeħtieġu li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jkun jinsab f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru; Id-deroga ntalbet skont l-Artikolu 4(2) minħabba l-fatt li d-distrett tal-minjieri milqut mis-sensji jikkonsisti f'numru ta' rħula żgħar u iżolati, imbiegħda u b'livell baxx ta' popolazzjoni, fil-wied muntanjuż ta' Kantabrija, u li fil-parti l-kbira tagħhom jiddependu fuq l-estrazzjoni tal-faħam u jbatu minn mobbiltà u konnettività infrastrutturali limitata u għaldaqstant jistgħu jitqiesu bħala suq żgħir tax-xogħol.

Barra minn hekk, ir-reġjun ibati minn nuqqas ta' offerti ta' impjieg fid-distrett tal-minjieri u minn emigrazzjoni ta' persuni f'età tax-xogħol, li jwasslu għal distorsjoni taċ-ċifri ta' impjieg, partikolarment għall-gruppi ta' età żgħira. Is-sensji l-iktar reċenti jirriskjaw li jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-impjiegi u d-depopolazzjoni fiż-żona.

L-awtoritajiet Spanjoli ddikjaraw li l-avvenimenti li qegħdin iwasslu għal żieda fis-sensji huma tibdiliet strutturali ewlenin fit-tendenzi kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, b'mod partikolari t-tnaqqis drammatiku fil-prezz globali tal-faħam, bi kważi 60 % tul il-perjodu 2005-2015. Dan seħħ minħabba l-ekonomija globali dgħajfa u minħabba talba baxxa għall-faħam wara t-tnaqqis fil-produzzjoni industrijali fl-Asja u s-sovraprovvista ta' faħam fiċ-Ċina. Minħabba f'hekk kien hemm tnaqqis qawwi fil-produzzjoni domestika u żieda qawwija fil-volum ta' importazzjonijiet ta' faħam minn barra l-UE lejn Spanja, li wasslet għal tnaqqis sinifikanti ta' profitabbiltà u għall-għeluq ta' bosta impriżi tal-minjieri fi Spanja. Fir-reġjun ta' Castilla y León, il-produzzjoni tal-faħam naqset b'86 % bejn l-2010 u l-2015, u dan wassal għall-għeluq ta' għaxar impriżi tal-estrazzjoni f'dan ir-reġjun tul il-perjodu 2010-2016.

Is-servizzi personalizzati li se jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu f'sitt tipi ta' miżuri: (i) sessjonijiet ta' merħba u ta' informazzjoni, (ii) gwida u konsulenza okkupazzjonali, (iii) assistenza għat-tiftix ta' impjieg intensiva, (iv) taħriġ f'ħiliet u kompetenzi transsettorjali, u taħriġ vokazzjonali, (v) il-promozzjoni tal-intraprenditorija, u (vi) appoġġ għan-negozji ġodda, kif ukoll programm ta' inċentivi;

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dan li ġej:

–  il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

–  hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE rigward is-sensji kollettivi,

–  l-impriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom li jirregolaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq,

–  l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

–  l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

–  il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Spanja għarrfet lill-Kummissjoni s-sors tal-prefinanzjament nazzjonali jew kofinanzjament tar-reġjun awtonomu ta' Castilla y León. Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li huma responsabbli għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

III.  Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 1 002 264 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija t-tielet proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond li ġiet trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2017.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, jenħtieġ li l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

D(2017)25522

Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2017/001 ES/Castilla y León mining

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL), flimkien mal-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG, eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2017/001  ES/Castilla y León mining u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din l-applikazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda 339 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'ħames intrapriżi li joperaw fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 5 (Tħaffir fil-minjieri tal-faħam u l-linjite);

B) Billi, sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, Spanja ssostni li l-industrija tal-faħam Ewropea qiegħda tħabbat wiċċha ma kompetizzjoni dejjem tikber minn faħam orħos minn pajjiżi mhux Ewropej. billi dan huwa rifless fi tnaqqis ta' 26,9 % fil-produzzjoni tal-UE fl-għaxar snin sal-2015, meta matul l-istess żmien il-produzzjoni dinjija żdiedet b'perċentwali simili;

C) Billi 96,8 % tal-ħaddiema kkonċernati mill-miżura huma rġiel u 3,2 % huma nisa; billi 96,2 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom bejn 30 u 54 sena, filwaqt li 1,8 % għandhom bejn 25 u 29 sena u 2 % għandhom bejn 55 u 64 sena;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Spanjola:

1. Jenfasizza li d-distrett tal-minjieri ta' Castilla y León huwa magħmul l-aktar minn widien muntanjużi remoti b'popolazzjonijiet sparsi u dipendenti ħafna fuq l-estrazzjoni tal-faħam; iqis għalhekk li l-applikazzjoni tissodisfa kompletament il-kriterji ta' intervent, kif stipulat fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

2. Jaqbel mal-Kummissjoni li, għalhekk, Spanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 002 264 skont dan ir-Regolament, ammont li jirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 670 440;

3. Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet ta' Spanja sal-finalizzazzjoni tal-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fit-2 ta' Ġunju 2017, u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess jum;

4. Jenfasizza, b'mod partikolari, id-densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, il-problemi marbuta mal-fatt li hija żona muntanjuża u s-sitwazzjoni diffiċli tal-impjiegi fit-Tramuntana tal-provinċji ta' León u Palencia; jesprimi tħassib dwar it-tnaqqis qawwi fil-popolazzjoni, li proporzjonalment kien l-akbar fost il-persuni taħt l-età ta' 25 sena;

5. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni ta' jekk hemmx lok għal miżuri ta' difiża kummerċjali kontra ċerti produtturi tal-faħam mhux tal-UE;

6. Jilqa' d-deċiżjoni ta' Spanja li toffri servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil massimu ta' 125 żagħżugħ/a li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 30 sena; jifhem li din l-offerta se tinkludi appoġġ lil dawk interessati li joħolqu n-negozju tagħhom stess;

7. Jinnota li l-korsijiet ta' taħriġ ipprovduti se jinkludu workshops dwar tekniki għat-tfittix ta' impjieg, taħriġ f'ħiliet personali u soċjali, fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), u fil-lingwi barranin, filwaqt li t-taħriġ vokazzjonali se jiffoka fuq it-tisħiħ tal-ħiliet relatati mal-estrazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għal setturi ekonomiċi oħra jew fuq l-iżvilupp ta' ħiliet għal setturi bħalma huma: it-turiżmu u l-ospitalità fiż-żoni rurali; ir-restawr ambjentali tal-baċiri tal-minjieri; ir-riforestazzjoni u l-ġestjoni tal-pajsaġġ;

8. Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu: sessjonijiet ta' merħba u ta' informazzjoni; gwida u konsulenza okkupazzjonali; assistenza għat-tiftix ta' impjieg intensiva; taħriġ; promozzjoni tal-intraprenditorija; appoġġ għall-bidu ta' negozju; u inċentivi;

9. Jilqa' l-inklużjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż ta' dawk li jindukraw lil persuni dipendenti fost l-inċentivi disponibbli, fid-dawl tal-impatt aktarx pożittiv fuq il-bilanċ bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta informazzjoni dettaljata dwar l-użu li jsir minn din il-possibbiltà;

10. Jilqa' l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, fosthom trejdjunjins, assoċjazzjonijiet tan-negozju, aġenzija reġjonali għall-iżvilupp ekonomiku, l-innovazzjoni, il-finanzjament u l-internazzjonalizzazzjoni tan-negozju u fondazzjoni pubblika marbuta mas-servizz ta' impjieg pubbliku reġjonali li saru fil-livell reġjonali biex jitfassal il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati;

11. Jinnota li l-inċentivi se jkunu jammontaw għal 19,53 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, li huwa ammont ferm inqas mill-massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament; u li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' taħriġ jew ta' tfittix ta' impjieg;

12. Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplementari għal azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

13. Jilqa' l-konferma ta' Spanja li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tieħu post l-azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata tkun meħtieġa tieħu skont id-dritt nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;

14. Ifakkar li, b'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament, it-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati jenħtieġ li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa u jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Thomas HÄNDEL

President tal-Kumitat EMPL

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Il-Parlament Ewropew

Suġġett:  Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Għażiż Sur Arthuis,

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits fid-29 ta' Ġunju 2017:

-  COM(2017)0266 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 002 264 għal 339 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 5 ta' NACE Reviżjoni 2 (Estrazzjoni ta' faħam u linjite). Is-sensji mogħtija mill-intrapriżi jinsabu fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Castilla y León (ES41).

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

29.6.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Esteban González Pons, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Paul Rübig, Patricija Šulin, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Tiemo Wölken

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga, Nicola Caputo, Anneli Jäätteenmäki, Ivana Maletić, Stanisław Ożóg, Tomáš Zdechovský

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

24

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Gérard Deprez, Anneli Jäätteenmäki

GUE/NGL

Xabier Benito Ziluaga, Younous Omarjee

PPE

Reimer Böge, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Esteban González Pons, Ivana Maletić, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht,Paul Rübig Inese Vaidere, Tomáš Zdechovský, Patricija Šulin

S&D

Nicola Caputo, Eider Gardiazabal Rubial, Clare Moody, Isabelle Thomas, Tiemo Wölken, Manuel dos Santos

Verts/ALE

Indrek Tarand

2

-

ECR

Richard Ashworth

EFDD

Jonathan Arnott

1

0

ECR

Stanisław Ożóg

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni