dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 87/217/KEE tal-Kunsill, id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE u d-Direttiva tal-Kunsill 94/63/KE f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli ta' proċedura fir-rappurtar fil-qasam tal-ambjent u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE
(COM(2016)0789 – C8‑0526/2016 – 2016/0394(COD))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 87/217/KEE tal-Kunsill, id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE u d-Direttiva tal-Kunsill 94/63/KE f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli ta' proċedura fir-rappurtar fil-qasam tal-ambjent u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0789),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8‑0526/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta' Frar 2017(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ta' ...(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0253/2017),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 12
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
(12)Skont id-Direttiva 2009/31/KE u d-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri jridu jipprovdu rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dawk id-Direttivi abbażi ta' kwestjonarju jew ta' deskrizzjoni ġenerali li l-Kummissjoni tkun fasslet skont il-proċedura stabbilita fid-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE. Sabiex jiġi evitat il-vojt legali li jinħoloq bit-tħassir tad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE, jeħtieġ li r-referenza għad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE tinbidel b'referenza għall-proċedura msemmija fid-Direttiva rilevanti.
imħassar
Ġustifikazzjoni
Tħassir sabiex jiġu rrispettati n-negozjati attwali tat-trilogu dwar l-ETS
Emenda 2
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 14
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 jirreferi għad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE.Id-dispożizzjoni rilevanti għandha x'taqsam mal-ewwel eżerċizzju tar-rappurtar, li diġà spiċċa. Għalhekk jenħtieġ li d-dispożizzjoni rilevanti titħassar.
(14) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013 jirreferi għad-Direttiva 91/692/KEE, li se tiġi rrevokata. Skont dik id-dispożizzjoni, l-ewwel eżerċizzju ta' rappurtar għandu jibda fid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013.Fid-19 ta' Diċembru 2016, permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2323, il-Kummissjoni stipulat l-ewwel verżjoni tal-Lista Ewropea tal-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti ("il-lista Ewropea").F'konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riċiklaġġ tal-bastimenti fil-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti inklużi fil-Lista Ewropea qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament.F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 ma japplikax.Sabiex jiġi evitat li jkun hemm perjodu ta' żmien meta l-informazzjoni tinġabar la skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u lanqas skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013, huwa xieraq li jkun introdott perjodu ta' rappurtar tranżitorju bejn id-data tal-ewwel awtorizzazzjoni antiċipata skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013 fi Stat Membru partikolari u d-data tal-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament għal kull Stat Membru li jiddeċiedi li juża l-perjodu tranżitorju previst f'dak l-Artikolu.Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv relatat għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, mhuwiex neċessarju li l-informazzjoni miġbura matul dan il-perijodu tranżitorju tifforma l-bażi ta' rapport separat.Minflok, għandu jkun biżżejjed li tali informazzjoni tiġi inkorporata jew tifforma parti mill-ewwel rapport regolari li jkopri l-perjodu ta' tliet snin mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013.
Emenda 3
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 15a (ġdid)
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
(15a)Minħabba li l-għan ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jiġu emendati jew irrevokati atti ġuridiċi tal-Unjoni fil-qasam tar-rappurtar dwar l-ambjent li m'għadhomx applikabbli jew rilevanti, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri iżda, minħabba n-natura tiegħu, jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Bi qbil mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.
Emenda 4
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Artikolu 1
imħassar
Emenda tad-Direttiva 2003/87/KE
Ir-raba' sentenza tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2003/87/KE qed tinbidel b'dan li ġej:
"Ir-rapport għandu jitfassal fuq il-bażi ta' kwestjonarju jew ta' mudell li l-Kummissjoni tkun adottat fil-forma ta' att ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2)."
Ġustifikazzjoni
Tħassir sabiex jiġu rrispettati n-negozjati attwali fit-trilogu
Emenda 5
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 3
Direttiva 2009/31/KE
Artikolu 29a – paragrafu 2
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 29 għal perjodu mhux limitat taż-żmien li jibda mid-[data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].
2. Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 29 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin li jibda minn ... [data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' tul identiku ta' żmien, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.
Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħat mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perjodu ta' ħames snin. Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Emenda 6
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt 1
Direttiva 86/278/KEE
Artikolu 13 – paragrafu 1
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 15a sabiex tadatta l-Annessi għall-progress tekniku u xjentifiku li jkun sar.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 15a biex temenda l-Annessi sabiex tadattahom għall-progress tekniku u xjentifiku.
Emenda 7
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt 4
Direttiva 86/278/KEE
Artikolu 15a – paragrafu 2
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 13 għal perjodu mhux limitat taż-żmien li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 13 għal perjodu ta' ħames snin li jibda minn ... [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni]. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' tul identiku ta' żmien, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.
Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħat mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perjodu ta' ħames snin. Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Emenda 8
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 5 – paragrafu 1 – parti introduttorja
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
L-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013 qed jinbidel b'dan li ġej:
Fl-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013,l-ewwel u t-tieni subparagrafi qed jiġu sostitwiti b'dan li ġej:
Emenda 9
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 5 – paragrafu 1
Regolament (UE) Nru 1257/2013
Artikolu 21 – paragrafu 2 – subparagrafu 2
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
L-ewwel rapport elettroniku għandu jkopri l-perjodu mid-data tal-pubblikazzjoni tal-Lista Ewropea sal-31 ta' Diċembru 2018.
L-ewwel rapport elettroniku għandu jkopri l-perjodu ta' tliet snin li jibda fid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 32(1).Meta Stat Membru jawtorizza r-riċiklaġġ tal-bastimenti fil-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti inklużi fil-Lista Ewropea qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament skont l-Artikolu 26, l-ewwel rapport elettroniku ta' dak l-Istat Membru għandu jkopri wkoll il-perjodu mid-data tat-tali awtorizzazzjoni sad-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Emenda 10
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 6 – paragrafu 1 – punt 3a (ġdid)
Direttiva 94/63/KE
Artikolu 9 – it-tieni sentenza
Test fis-seħħ
Emenda
3a. Fl-Artikolu 9, it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:
Il-Kummissjoni hija mistiedna li takkumpanja l-ewwel rapporti tagħha fejn xieraq bi proposti għal emendi ta' din id-Direttiva, inkluż b'mod partikolari l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni biex jinkludi kontroll tal-gass u sistemi ta' rkupru għat-tagħbija ta' stallazzjonijiet u bastimenti.
Il-Kummissjoni hija mistiedna li takkumpanja r-rapporti tagħha fejn xieraq bi proposti għal emendi ta' din id-Direttiva, inkluż b'mod partikolari l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni biex jinkludi kontroll tal-gass u sistemi ta' rkupru għat-tagħbija ta' stallazzjonijiet u bastimenti.
Emenda 11
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 8 – paragrafu 2
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Hija għandha tapplika mill-[Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: id-DATA tad-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-Artikolu 37(1)42 tad-Direttiva 2008/98/KE, tal-emenda tal-Artikolu 943 tad-Direttiva 2000/53/KE, tal-emenda tal-Artikolu 1544 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE u tal-emenda tal-Artikolu 1745 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE].
imħassar
_________________
42COM(2015) 595 final
43COM(2015) 593 final
44COM(2015) 594 final
45COM(2015) 596 final COM/2015/0337
Ġustifikazzjoni
Tħassir tar-referenzi biex jiġu rrispettati n-negozjati attwali tat-trilogu dwar il-pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari u r-riżultati tagħhom
L-ammont ta' leġiżlazzjoni ambjentali ilu jiżdied b'mod kostanti mis-snin sebgħin, u r-rappurtar minn dejjem kien parti mil-leġiżlazzjoni ambjentali kollha. It-tentattivi biex jiġu ssimplifikati l-obbligi ta' rappurtar bdew bid-Direttiva tar-Rappurtar Standardizzat (SRD) 91/692/KEE. L-SRD kellha l-għan li tirrazzjonalizza u ttejjeb, fuq bażi settorjali, id-disposizzjonijiet dwar it-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-pubblikazzjoni tar-rapporti. Hija ssimplifikat il-proċeduri u introduċiet ċiklu ta' rrappurtar ta' tliet snin għal-leġiżlazzjoni kollha koperta, eż. fl-oqsma tal-ilma u l-iskart. Il-kontenut dettaljat imbagħad tniżżel fi kwestjonarji speċifiċi għas-settur. Konsegwentement, għadd kbir ta' atti ta' implimentazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni matul is-snin. L-SRD bħalissa tkopri 28 att ambjentali. Wara għadd ta' tħassir, għadhom fis-seħħ regolament wieħed, disa' direttivi u 23 deċiżjoni b'referenzi għall-SRD, għalkemm il-biċċa l-kbira ta' dawn ir-referenzi m'għadhomx jgħoddu u ma għad għandhom l-ebda effett legali.
Għalkemm l-SDR kellha l-għan ta' kopertura kompluta tal-obbligi ta' rappurtar ambjentali, mhux ir-rekwiżiti kollha ġew armonizzati. Pereżempju, id-Direttiva 91/271/KEE dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u d-Direttiva 91/676/KEE dwar in-Nitrati kienu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-SRD. Matul l-aħħar 25 sena, intwera li kien diffiċli biex l-SRD tiġi implimentata, u saret dejjem aktar obsoleta. Ir-rilevanza tal-SRD naqset bl-iżvilupp tal-acquis ambjentali, inklużi reviżjonijiet ta' biċċiet individwali tal-leġiżlazzjoni ambjentali, li sikwit neħħew l-obbligi tar-rappurtar mill-SRD. Id-Direttiva Qafas 2000/60/KE dwar l-Ilma, pereżempju, ħassret il-leġiżlazzjoni aktar qadima dwar l-ilma bir-riżultat li l-kwestjonarju dwar l-ilma adottat fl-ambitu tal-SRD spiċċa żejjed. Id-Direttiva 96/61/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis u d-Direttiva 2010/75/KE dwar l-emissjonijiet industrijali introduċew ukoll l-obbligi ta' rappurtar indipendenti.
Raġuni oħra għan-nuqqasijiet tal-SRD kienet il-progress mhux imbassar fit-teknoloġiji tal-informatika u l-komunikazzjoni, u ħtieġa akbar għal informazzjoni ambjentali f'waqtha, transkonfinali u interattiva. Fl-1994 ġiet stabbilita l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA). Parti mill-mandat tagħha hu li tagħti lill-UE u lill-Istati Membri l-informazzjoni oġġettiva meħtieġa għat-tfassil u l-implementazzjoni ta' politiki ambjentali sodi u effettivi, u tirrekordja, tiġbor u tevalwa d-data dwar il-qagħda tal-ambjent. L-EEA tikkoordina n-netwerk Ewropew ta' informazzjoni u osservazzjoni tal-ambjent (Eionet). Segwew diversi inizjattivi settorjali bħalma huma s-Sistema ta' Informazzjoni dwar l-Ilma għall-Ewropa u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar il-Bijodiversità. Fl-2007, ġiet adottata d-Direttiva 2007/2/KE li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE).
Fl-2008, il-Kummissjoni kienet diġà kkonkludiet, fil-kuntest tal-iżvilupp ta' Sistema Komuni ta' Informazzjoni Ambjentali (SEIS), li, fid-dawl tal-modernizzazzjoni li kienet għaddejja tar-rappurtar, id-dispożizzjonijiet skaduti tal-SRD kien jenħtiġilhom li jiġu revokati, sabiex jagħmlu l-aċċess għal-liġi tal-UE, eż. permezz ta' għodod online, aktar sempliċi u aktar effiċjenti. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2014 dwar il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni ħabbret li kienet se tipproponi t-tħassir tal-obbligi obsoleti jew li ma kinux għadhom applikabbli fil-qasam tar-rappurtar ambjentali standardizzat. Il-Kummissjoni talbet ukoll rieżami wiesa' tal-obbligi tar-rappurtar eżistenti fil-Komunikazzjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar tagħha ta' Mejju 2015, u tat bidu għall-Kontroll tal-Idoneità REFIT għall-monitoraġġ u r-rappurtar ambjentali fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2016.
B'segwitu għal dawn l-impenji, hija pproponiet pakkett għat-tneħħija tal-SRD li ġie ppubblikat fil-15 ta' Diċembru 2016. Dan il-pakkett jikkonsisti fi tliet inizjattivi: l-ewwel inizjattiva hija l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2016)793 li tistabbilixxi rikonoxximent formali li għadd ta' atti tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent li ġew adottati skont l-SRD m'għadhomx jgħoddu. Din il-Komunikazzjoni telenka ħdax-il att ta' implimentazzjoni li kienu stabbilixxew kwestjonarji dwar rappurtar ambjentali. L-atti rispettivi jirreferu għall-inċinerazzjoni tal-iskart, l-emissjonijiet tal-VOC, l-IPPC, il-kontroll ta' perikli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi, l-iskart perikoluż, u l-ilma.
It-tieni inizjattiva tikkonsisti f'żewġ proposti għal Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, li se jħassru d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2011/92/UE dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u 2010/681/UE dwar il-limitazzjoni ta' emissjonijiet ta' taħlit volatili organiku [komposti organiċi volatili] (VOC) minħabba l-użu ta' solventi organiċi f'ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet matul il-perjodu 2011-2013. Id-Deċiżjonijiet it-tnejn li huma m'għadhomx rilevanti, iżda għal raġunijiet proċedurali se jitħassru permezz tal-komitoloġija fi stadju aktar tard.
Il-proposta
It-tielet l-inizjattiva - dik ewlenija - tal-pakkett ta' tħassir hija din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tħassar l-SRD u temenda sitt atti legali li jirreferu għaliha. Għal raġunijiet ta' ċarezza legali, id-deċiżjoni li tħassar l-SRD temenda r-referenzi kollha għall-SRD meta dawn ikunu obsoleti. Ma saret ebda bidla fil-kontenut u lanqas mhi prevista li ssir. Minbarra t-tħassir effettiv tal-SRD, li huwa stipulat fl-Artikolu 7, il-proposta tinkludi erba' gruppi differenti ta' dispożizzjonijiet.
L-Artikoli 1 u 5 jissostitwixxu r-riferenza għall-SRD fid-Direttiva 2003/87/KE dwar l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) li attwalment qed tiġi riveduta, u fir-Regolament (UE) 1257/2013 dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti. L-Artikolu 5 jallinja wkoll il-kalendarju għar-rapporti elettroniċi skont ir-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti ma' obbligi ta' rappurtar oħrajn, u jistabbilixxi l-31 ta' Diċembru 2018 bħala d-data ta' tmiem l-ewwel perjodu ta' rappurtar. Billi r-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti oriġinali jmur lura għall-2013, iċ-ċiklu ta' rappurtar ta' 3 snin intemm fl-2016, u dan jagħti lill-Istati Membri sentejn aktar milli kien oriġinarjament previst.
L-Artikoli 2 u 3 jallinjaw l-użu ta' atti ta' implimentazzjoni u atti ddelegati fid-Direttiva 2009/31/KE dwar il-Qbid u l-Ħżin tal-Karbonju u fid-Direttiva 86/278/KEE dwar il-Ħama tad-Drenaġġ. L-Artikoli 4 u 6 jħassru l-obbligi ta' rappurtar obsoleti fid-Direttiva 87/217/KEE dwar l-Asbestos u fid-Direttiva 94/63/KE (VOC(1)). L-Artikolu 8 jallinja d-data ta' applikazzjoni tal-proposta mad-data li għad trid tiġi determinata tad-dħul fis-seħħ tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-ETS.
Il-kwestjonarji adottati għall-ETS u għall-iskart li għadhom jintużaw, jiġifieri skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, għall-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE), skart perikoluż, ir-rimi ta' skart fil-miżbliet, il-vetturi li m'għadhomx jintużaw eċċ., baqgħu kif kienu.
Il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa biss jekk jitneħħew kompletament l-obbligi ta' rappurtar obsoleti bbażati fuq l-SRD, li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u t-trasparenza u leġiżlazzjoni tal-UE li tkun adattata għall-iskop f'konformità mal-aġenda ta' Regolamentazzjoni Aħjar.
Ir-rapporteur jaqbel li d-Direttiva 91/692/KEE dwar ir-Rappurtar Standardizzat hija skaduta u li l-obbligi ta' rrappurtar ambjentali mhumiex trasparenti biżżejjed u - f'xi każijiet - jistgħu jkunu limitati. Huwa jqis is-sejbiet ippreżentati u l-proposta bħala konklużivi, u jagħraf l-isforz magħmul mill-Kummissjoni fit-tindif tal-obbligi ta' rrappurtar eżistenti mingħajr ma tbiddel l-acquis. Huwa jilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni li jiġi evitat piż eċċessiv fuq il-persuni, l-organizzazzjonijiet u l-Istati Membri u jaqbel li kwalunkwe leġiżlazzjoni li ma sservix l-għan tagħha jenħtieġ li titneħħa mis-sistema legali tal-UE. Ir-rapporteur jappoġġa l-kjarifika rigward id-data ta' skadenza tal-ewwel rapport skont ir-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti. Huwa jaqbel ukoll dwar l-għażla ta' atti ddelegati għall-adattament tal-Annessi għad-Direttivi dwar il-Qbid u l-Ħżin tal-Karbonju u dwar il-Ħama tad-Drenaġġ għall-progress tekniku u xjentifiku.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu
Regoli ta' proċedura fir-rapportar fil-qasam tal-ambjent
Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Paul Brannen, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Stefan Eck, Bas Eickhout, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Giovanni La Via, Jo Leinen, Peter Liese, Norbert Lins, Rupert Matthews, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Julia Reid, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Ivica Tolić, Estefanía Torres Martínez, Adina-Ioana Vălean, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali
Luke Ming Flanagan, Elena Gentile, Esther Herranz García, Krzysztof Hetman, Ulrike Müller, James Nicholson, Christel Schaldemose, Bart Staes, Tiemo Wölken
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali
Siôn Simon
Data tat-tressiq
12.7.2017
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI