RAPPORT dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK
18.7.2017 - (2017/2029(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Bodil Valero
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-prinċipji minquxa fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u ż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (minn hawn 'il quddiem il-"Pożizzjoni Komuni")[1],
– wara li kkunsidra s-17[2] u t-18[3] ir-Rapport Annwali tal-UE, imfassla f'konformità mal-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2309 tal-10 ta' Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni ta' kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni tal-armi[4] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/915 tad-29 ta' Mejju 2017 dwar attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tal-Unjoni b'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi[5],
– wara li kkunsidra l-Lista Militari Komuni aġġornata tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fis-6 ta' Marzu 2017[6],
– wara li kkunsidra l-Gwida għall-Utent għall-Pożizzjoni Komuni li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari,
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-25 ta' Ġunju 2012 u l-punt 11(e) tiegħu, u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019), tal-20 ta' Lulju 2015, u l-punt 21(d) tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) li ġie adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' April 2013[7], u li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/768/PESK tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar l-attivitajiet tal-UE f'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà[8],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità[9],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju[10], kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 599/2014 tas-16 ta' April 2014, u l-lista ta' oġġetti b'użu doppju u t-teknoloġija fl-Anness I tagħha (minn hawn 'il quddiem "Regolament dwar l-Użu Doppju"),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/2134 tat-23 ta' Novembru 2016 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra[11],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar dan is-suġġett, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Diċembru 2015[12] dwar l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen[13], tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015[14], u tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati[15],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kumpaniji tas-sigurtà privati[16],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0264/2017),
A. billi d-dritt inerenti għall-awtodifiża individwali jew kollettiva huwa stabbilit fl-Artikolu 51 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
B. billi l-aħħar data[17] turi li t-trasferimenti internazzjonali ta' armi kbar bejn l-2012 u l-2016 laħqu l-ogħla volum tagħhom għal kwalunkwe perjodu ta' ħames snin minn tmiem il-Gwerra Bierda, u kienu 8.4 % ogħla miċ-ċifra għall-perjodu 2007-2011;
C. billi l-esportazzjoni u t-trasferimenti tal-armi għandhom impatt fuq is-sigurtà tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-governanza tajba u l-iżvilupp soċjoekonomiku; billi l-esportazzjoni tal-armi tikkontribwixxi wkoll għal ċirkostanzi li jwasslu biex in-nies jaħarbu minn pajjiżhom; billi dan jitlob li jkun hemm sistema ta' kontroll tal-armi stretta, trasparenti, effikaċi u aċċettata u definita b'mod komuni;
D. billi l-aħħar ċifri[18] juru li l-esportazzjonijiet mill-UE28 kienu jammontaw għal 26 % tat-total globali fl-2012-2016, li jagħmlu lill-UE28 kollettivament it-tieni l-akbar fornitur tal-armi fid-dinja, wara l-Istati Uniti tal-Amerka (33 %) u segwita mir-Russja (23 %); billi, skont l-aktar rapport riċenti mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali, il-pajjiżi tal-UE kienu ngħataw liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi b'valur totali ta' EUR 94.40 biljun fl-2014;
E. billi l-aħħar ċifri[19] juru li l-esportazzjoni tal-armi lejn il-Lvant Nofsani żdiedet b'86 % u ammontat għal 29 % tal-esportazzjonijiet globali bejn l-2012-2016;
F. billi l-aħħar data uffiċjali tal-UE tindika li fl-2015, il-Lvant Nofsani kien l-aktar reġjun sinifikanti f'termini ta' esportazzjoni tal-armi għall-UE-28, b'total ta' EUR 78.8 biljun f'liċenzji awtorizzati tal-esportazzjoni tal-armi;
G. billi ċerti trasferimenti ta' armi minn Stati Membri tal-UE lejn reġjuni u pajjiżi mhux stabbli u suxxettibbli għall-kriżijiet intużaw f'kunflitti armati jew għar-repressjoni interna; billi ġie rrappurtat li xi wħud minn dawn it-trasferimenti ġew iddevjati f'idejn gruppi terroristiċi, pereżempju fis-Sirja u fl-Iraq; billi, f'xi każijiet, l-armi esportati lejn ċerti pajjiżi, pereżempju, l-Arabja Sawdija, intużaw f'kunflitti bħal dak fil-Jemen; billi tali esportazzjonijiet jiksru b'mod ċar il-Pożizzjoni Komuni u għaldaqstant jenfasizzaw il-ħtieġa għal skrutinju u trasparenza aħjar;
H. billi ma teżisti l-ebda sistema standardizzata ta' verifika u rappurtar li tagħti tagħrif dwar jekk l-esportazzjonijiet ta' Stati Membri individwali humiex jiksru t-tmien kriterji u sa liema punt qed jagħmlu dan, u fin-nuqqas, barra dan, ta' mekkaniżmi ta' sanzjoni fil-każ ta' prattika ta' esportazzjoni min-naħa ta' Stat Membru li biċ-ċar ma tikkonformax mat-tmien kriterji;
I. billi investigazzjonijiet li saru miċ-Ċentru Internazzjonali ta' Bonn għall-Konverżjoni (BICC) urew li fil-Ġermanja biss fl-2015, inħarġu 4 256 liċenzja għall-esportazzjoni tal-armi fi 83 pajjiż li kienu meqjusa bħala problematiċi fir-rigward tal-Pożizzjoni Komuni[20];
J. billi kemm l-ambjent tas-sigurtà globali kif ukoll dak reġjonali nbidel b'mod drammatiku, speċjalment fir-rigward tal-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Unjoni, u dan jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jitjiebu metodoloġiji fir-rigward tal-produzzjoni tal-informazzjoni għall-valutazzjoni tar-riskju tal-liċenzjar tal-esportazzjoni u sabiex isiru aktar sikuri;
K. billi xi Stati Membri reċentement iffirmaw ftehimiet strateġiċi dwar il-kooperazzjoni militari, inklużi t-trasferimenti ta' kwantitajiet kbar ta' teknoloġija militari ta' kwalità għolja, ma' pajjiżi mhux demokratiċi fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Afrika ta' Fuq;
L. billi, skont it-Trattat ta' Lisbona, il-qerda tal-faqar hija l-għan ewlieni tal-politika tal-iżvilupp tal-UE, u billi hija wkoll waħda mill-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-UE biex tfittex tibni dinja aktar stabbli u għanja; billi l-provvista ta' armi lil pajjiżi f'kunflitt, kif ukoll il-fatt li huwa possibbli li tinxtered il-vjolenza, inaqqsu l-potenzjal li dawn il-pajjiżi jiżviluppaw;
M. billi x-xena industrijali tad-difiża fl-Ewropa hija settur ta' importanza ewlenija u, fl-istess ħin, hija kkaratterizzata minn kapaċitajiet żejda, duplikazzjoni u frammentazzjoni, li taġixxi bħala trażżin tal-kompetittività tal-industrija tad-difiża u li wasslet għal politiki dwar l-esportazzjoni li qed jespandu;
N. billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen appellat lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex tniedi inizjattiva sabiex jiġi impost embargo tal-armi tal-UE fuq l-Arabja Sawdija;
O. billi s-sitwazzjoni fil-Jemen kompliet tmur għall-agħar ukoll minħabba l-azzjoni militari mwettqa mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija; billi xi Stati Membri waqfu jipprovdu armi lill-Arabja Sawdija minħabba l-azzjonijiet tagħha fil-Jemen, filwaqt li oħrajn komplew jipprovdu teknoloġija militari u dan imur kontra l-kriterji 2, 4, 6, 7 u 8;
P. billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015 enfasizzat li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu prijorità, u appellat lill-Istati Membri biex jaqblu li jimxu lejn politika tal-esportazzjoni aktar moderna, flessibbli u bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fir-rigward ta' pajjiżi b'rekord ippruvat ta' repressjoni interna vjolenti u ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
Q. billi l-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà għandha sservi biex tittejjeb il-koerenza tal-politika dwar il-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi;
1. Jinnota li l-Istati għandhom id-dritt leġittimu li jakkwistaw teknoloġija militari għal skopijiet ta' awtodifiża; jissottolinja li l-fatt li tinżamm industrija tad-difiża jservi bħala parti mill-awtodifiża tal-Istati Membri; ifakkar li waħda mill-motivazzjonijiet wara l-istabbiliment tal-Pożizzjoni Komuni kienet li jiġi evitat l-użu tal-armi Ewropej kontra l-forzi armati tal-Istati Membri kif ukoll sabiex jiġu evitati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u li jiġu estiżi l-kunflitti armati; itenni li l-Pożizzjoni Komuni hija qafas legalment vinkolanti li tistabbilixxi rekwiżiti minimi li l-Istati Membri jridu japplikaw fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi, u li dan jinkludi l-obbligu li tiġi eżaminata talba għal liċenzja tal-esportazzjoni kontra kull wieħed mit-tmien kriterji elenkati fih;
2. Jinnota li l-iżvilupp tat-tagħmir għad-difiża huwa għodda importanti għall-industrija tad-difiża u li l-Bażi Teknoloġika u Industrijali ta' Difiża Ewropea kompetittiva u innovattiva li għad trid tiġi żviluppata għandha sservi ta' strument biex tiżgura s-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri, taċ-ċittadini tal-Unjoni u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u b'mod partikolari l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK); jistieden lill-Istati Membri jegħlbu n-nuqqas attwali ta' effiċjenza fl-infiq għad-difiża minħabba d-duplikazzjoni, il-frammentazzjoni, in-nuqqas ta' interoperabbiltà, u biex ikollhom l-għan li l-UE ssir fornitur tas-sigurtà, anke permezz ta' kontroll aħjar tal-esportazzjoni tal-armi; itenni li l-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni jsostni li kunsiderazzjonijiet ta' interessi ekonomiċi, kummerċjali u industrijali mill-Istati Membri ma jridux jaffettwaw l-applikazzjoni tat-tmien kriterji li jirregolaw l-esportazzjoni tal-armi;
3. Jinnota, madankollu, li t-teknoloġija militari xi drabi tilħaq destinazzjonijiet u utenti finali li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni; jinsab imħasseb li l-proliferazzjoni tas-sistemi tal-armi, fi żmien ta' gwerra u f'sitwazzjonijiet ta' tensjoni politika sinifikanti, tista' taffettwa b'mod sproporzjonat lil persuni ċivili; jinsab allarmat dwar it-tlielaq globali għall-armi u l-approċċi fil-livell militari għas-soluzzjoni tal-kunflitti u t-taqlib politiku; jissottolinja li l-kunflitti għandhom jiġu solvuti permezz ta' mezzi diplomatiċi bħala prijorità;
4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) itejbu b'mod sinifikanti l-konsistenza tal-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni sabiex isaħħu s-sigurtà tal-popolazzjoni ċivili li qed ibatu minħabba kunflitti u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi, is-sigurtà tal-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha, u joħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li implimentazzjoni konsistenti tal-Pożizzjoni Komuni hija essenzjali għall-kredibbiltà tal-UE bħala attur globali bbażata fuq il-valuri;
5. Iħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi li jinsabu fil-proċess li jiksbu l-istatus ta' kandidat, jew pajjiżi oħra li jixtiequ jimpenjaw ruħhom fit-triq lejn l-adeżjoni fl-UE, biex japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kanada, il-Georgia, l-Iżlanda, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u n-Norveġja allinjaw ruħhom mal-kriterji u mal-prinċipji tal-Pożizzjoni Komuni u b'hekk qed isegwu wkoll allinjament ulterjuri mal-PESK u mal-PSDK; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib ma' pajjiżi terzi li għandhom impenn formali biex iħarsu l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni, speċjalment bil-ħsieb li jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni u biex tkun żgurata trasparenza akbar fl-għoti ta' liċenzji; jistieden barra minn hekk lis-SEAE jħeġġeġ partikolarment lill-pajjiżi Ewropej sabiex jallinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni biex b'hekk jiżguraw żona Ewropea usa' u aktar sikura;
6. Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jikkooperaw mill-qrib sabiex jiġu evitati r-riskji li jirriżultaw mid-devjazzjoni u mill-ħżin tal-armi, bħalma huma t-traffikar u l-kuntrabandu ta' armi illegali; jenfasizza r-riskju tal-armi esportati lejn pajjiżi terzi li jidħlu lura fl-UE permezz tal-kuntrabandu u tat-traffikar tal-armi;
7. Jinnota l-livell għoli ta' responsabbiltà għall-Unjoni f'termini ta' riskju għas-sigurtà min-nuqqas ta' appoġġ u impenn aktar b'saħħtu min-naħa tal-UE dwar id-dekummissjonar tal-bosta ħażniet tal-armi li għadhom jeżistu fil-Bożnija-Ħerzegovina, fl-Albanija u fl-Ukrajna;
8. Jemmen li l-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskju tal-liċenzjar tal-esportazzjoni għandha tinkorpora prinċipju ta' prekawzjoni u li l-Istati Membri, minbarra li jiffokaw fuq jekk it-teknoloġija militari speċifika tistax tintuża għal repressjoni interna jew għal skopijiet oħrajn mhux mixtieqa (l-approċċ funzjonali), għandhom ukoll jivvalutaw ir-riskji bbażati fuq is-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta' destinazzjoni (l-approċċ bi prinċipju);
9. Jinnota li fil-kuntest tal-Brexit, ikun importanti għar-Renju Unit li jibqa' marbut mal-Pożizzjoni Komuni u li japplika dispożizzjonijiet operattivi kif jagħmlu pajjiżi terzi Ewropej oħrajn;
10. Jitlob lill-Istati Membri u lis-SEAE jiżviluppaw strateġija dedikata biex jipprovdu protezzjoni formali lill-informaturi li jirrappurtaw prattiki minn organizzazzjonijiet u kumpaniji fl-industrija tal-armi li jiksru l-kriterji u l-prinċipji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni;
11. Jenfasizza l-importanza tal-koerenza bejn ir-reġimi għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kriterji ta' kontroll; itenni, barra dan, l-importanza ta' koerenza bejn il-kontroll tal-esportazzjoni u strumenti oħrajn tal-politika barranija, kif ukoll strumenti kummerċjali, bħalma huma s-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi u r-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt;
12. Itenni l-effett negattiv li l-esportazzjoni bla rażan ta' teknoloġiji ta' sorveljanza ċibernetika minn kumpaniji tal-UE jista' jkollha fuq is-sigurtà għall-infrastruttura diġitali tal-UE u fuq id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' aġġornament rapidu, effikaċi u komprensiv tar-Regolament tal-UE dwar l-Użu Doppju u jistieden lill-Kunsill jadotta skeda ta' żmien ambizzjuża dwar din il-kwistjoni;
13. Jisħaq fuq l-importanza li effettivament tiġi limitata l-esportazzjoni tal-armi lil kumpaniji tas-sigurtà privati bħala utent finali, u li kwalunkwe liċenzja bħal din tingħata biss meta, wara kontrolli ta' diliġenza bir-reqqa, jiġi determinat li l-kumpanija tas-sigurtà privata inkwistjoni ma tkunx ipparteċipat fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-mekkaniżmi ta' responsabbiltà jridu jiġu implimentati sabiex jiżguraw l-użu responsabbli ta' armi minn kumpaniji privati tas-sigurtà;
L-implimentazzjoni tal-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni
14. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 1 ġie invokat 81 darba għal ċaħdiet fl-2014 u 109 darbiet fl-2015;
15. Itenni t-talba tiegħu lir-RGħ/VP biex tniedi inizjattiva mmirata sabiex jiġi impost embargo tal-armi tal-UE fuq il-pajjiżi li jiġu akkużati bi ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali, partikolarment fir-rigward tat-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' infrastruttura ċivili; jenfasizza għal darb'oħra li l-fatt li qed ikompli jiġi liċenzjat il-bejgħ ta' armi lejn dawn il-pajjiżi jirrappreżenta ksur tal-Pożizzjoni Komuni;
16. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 2 ġie invokat 72 darba għal ċaħdiet fl-2014 u 89 darba fl-2015; jiddeplora l-fatt li d-data turi n-nuqqas ta' approċċ komuni dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fl-Iraq u fil-Jemen, b'mod partikolari; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-SEAE jagħtu bidu għal diskussjoni dwar l-estensjoni tal-kriterju 2 sabiex jinkludi indikaturi tal-governanza demokratika, peress li tali kriterji ta' valutazzjoni jistgħu jgħinu jistabbilixxu aktar salvagwardji kontra l-konsegwenzi negattivi mhux intenzjonati tal-esportazzjonijiet; jemmen, barra minn hekk, li approċċ bi prinċipju għall-valutazzjoni tar-riskju jkun jiffoka fuq ir-rispett ġenerali tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem mir-riċevitur;
17. Jemmen li l-esportazzjonijiet lejn l-Arabja Sawdija lanqas ma jikkonformaw għall-inqas mal-kriterju 2 rigward l-involviment tal-pajjiż fi ksur serju tad-dritt umanitarju, kif stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tan-NU; itenni t-talba tiegħu mis-26 ta' Frar 2016 dwar il-bżonn urġenti li jiġi impost embargo fuq l-armi lill-Arabja Sawdija;
18. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 3 ġie invokat 99 darba għal ċaħdiet fl-2014 u 139 darba fl-2015; fi ħdan il-kuntest tal-kriterju 3, jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu vvalutati t-trasferimenti tal-armi riċenti mill-Istati Membri għal atturi mhux statali, inkluż l-għoti ta' assistenza teknika u taħriġ, fid-dawl tal-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni destabbilizzanti u t-tixrid ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW); ifakkar li l-Azzjoni Konġunta tiddikkjara li l-ebda SALW m'għandu jiġi trasferit mill-Istati Membri għal atturi mhux statali;
19. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 4 ġie invokat 57 darba għal ċaħdiet fl-2014 u 85 darba fl-2015; jiddeplora l-fatt li fil-kunflitt tal-Jemen qed tiġi użata teknoloġija militari esportata mill-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonformaw mal-Pożizzjoni Komuni b'mod konsistenti abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju bir-reqqa fuq medda twila ta' żmien;
20. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 5 ġie invokat 7 darbiet għal ċaħdiet fl-2014 u 16-il darba fl-2015; ifakkar li dan il-kriterju jirreferi għall-interessi tas-sigurtà tal-Istati Membri u n-nazzjonijiet alleati, filwaqt li jirrikonoxxi li dawn l-interessi ma jistgħux jaffettwaw il-kunsiderazzjonijiet tal-kriterji dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;
21. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 6 ġie invokat 6 darbiet għal ċaħdiet fl-2014 filwaqt li l-ebda ċaħda ma ġiet innotifikata fl-2015; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti ta' devjazzjoni tal-esportazzjoni tal-armi mill-Istati Membri għal atturi mhux statali, inklużi gruppi terroristiċi, u jwissi li dawn l-armi jistgħu jintużaw kontra l-persuni ċivili, kemm fit-territorju tal-UE kif ukoll barra minnu; itenni l-importanza ta' kontrolli iktar stretti fuq l-esportazzjoni tal-armi sabiex jiġu onorati l-impenji internazzjonali li jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;
22. Jinsab imħasseb dwar id-devjazzjonijiet possibbli tal-esportazzjonijiet lejn l-Arabja Sawdija u l-Qatar għal atturi armati mhux statali fis-Sirja li jikkommettu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, u jistieden lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali jindirizza din il-kwistjoni b'mod urġenti; jirrikonoxxi li l-parti l-kbira tal-armi f'idejn ribelli u gruppi terroristiċi ġew minn sorsi li m'humiex Ewropej;
23. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 7 ġie invokat 117-il darba għal ċaħdiet fl-2014 u 149 darba fl-2015; jesprimi t-tħassib tiegħu, inter alia, dwar l-allegati devjazzjonijiet tal-esportazzjonijiet ta' SALW minn pajjiżi Ewropej għal ċerti destinazzjonijiet li minnhom ġew iddevjati dawn l-esportazzjonijiet sabiex atturi mhux statali u utenti finali oħra mhux konformi jingħataw il-Pożizzjoni Komuni f'pajjiżi bħas-Sirja, l-Iraq, il-Jemen u s-Sudan t'Isfel; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti biex il-valutazzjonijiet tar-riskju ta' devjazzjoni jiġu bbażati fuq aktar minn sempliċi aċċettazzjoni ta' impenji li jieħu pajjiż destinatarju f'ċertifikat ta' utent finali; jenfasizza l-ħtieġa għal mekkaniżmi effikaċi ta' kontrolli ta' wara t-trasportazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-armi ma jkunux qed jiġu esportati mill-ġdid lejn utenti finali mhux awtorizzati; jenfasizza r-rwol potenzjali li s-SEAE jista' jiżvolġi fl-appoġġ għall-isforzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam;
24. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 8 ġie invokat darba għal ċaħdiet fl-2014, filwaqt li l-ebda ċaħda ma ġiet innotifikata fl-2015; jirrikonoxxi li implimentazzjoni aħjar tal-kriterju 8 tikkostitwixxi kontribut deċiżiv għall-għanijiet tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tal-UE u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, b'mod partikolari l-SDG 16.4; jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jaġġornaw il-Gwida għall-Utent fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK f'dan ir-rigward u biex jiffokaw fuq il-fatt li l-użu tal-armi jista' jħalli dannu fuq l-iżvilupp;
25. Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jżidu kriterju ġdid mal-Pożizzjoni Komuni sabiex jiġi żgurat li, meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet, jitqies ir-riskju ta' korruzzjoni dwar l-esportazzjonijiet rilevanti;
It-tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni fost l-Istati Membri
26. Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jtejbu l-konsistenza fl-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni u jsaħħu l-mekkaniżmi għall-iskambju tal-informazzjoni billi jagħmlu disponibbli, b'mod kwalitattiv u kwantitattiv, informazzjoni aħjar għall-valutazzjonijiet tar-riskju tal-liċenzjar tal-esportazzjoni bbażati fuq diġitalizzazzjoni sigura u estensiva tas-sistema attwali, kif ġej:
a) jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-liċenzji tal-esportazzjoni u l-esportazzjonijiet attwali maqsuma b'mod sistematiku u f'waqtu, inkluż dwar utenti finali ta' tħassib, każijiet ta' devjazzjoni, ċertifikati tal-utenti finali foloz jew inkella ta' tħassib, u sensara jew kumpaniji tat-trasport suspettati, skont il-liġijiet domestiċi;
b) iżommu lista ta' entitajiet u individwi li nstabu ħatja ta' ksur tal-leġiżlazzjoni marbuta mal-esportazzjoni tal-armi, ta' każijiet ta' devjazzjoni identifikata, u ta' persuni li huma magħrufa jew suspettati li huma involuti f'kummerċ tal-armi illegali jew f'attivitajiet li huma ta' theddida għas-sigurtà internazzjonali u nazzjonali;
c) jikkondividu l-aħjar prattiki adottati għall-implimentazzjoni tat-tmien kriterji;
d) ibiddlu l-Gwida għall-Utent attwali f'riżors interattiv online;
e) ibiddlu r-Rapport Annwali tal-UE f'database online li wieħed jista' jfittex minn tmiem l-2018, b'format ġdid li għandu jiġi applikat għad-data tal-2016;
f) jippromwovu proċeduri ta' kooperazzjoni ċari, stabbiliti sew bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet tal-fruntieri, ibbażati fuq il-kondiviżjoni ta' informazzjoni, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u l-qerda tan-negozjar illegali tal-armi, li huwa ta' riskju għas-sigurtà tal-UE u taċ-ċittadini tagħha;
27. Jilqa' l-intenzjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali li jinvolvi lis-SEAE aktar sistematikament meta jħejji diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni f'pajjiżi ta' destinazzjoni u utenti finali potenzjali; jinsisti dwar l-importanza ta' konsultazzjoni regolari mal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'dan il-proċess;
28. Jinnota li skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni effikaċi jirrikjedu wkoll laqgħat ma' persunal responsabbli għat-tfassil tal-politika, il-liċenzjar u l-infurzar u jħeġġeġ id-dispożizzjonijiet ta' riżorsi suffiċjenti għal dan l-għan; jemmen li fattur kruċjali għat-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni huwa li jespandu l-kapaċitajiet rilevanti tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jżidu l-għadd ta' persunal li jaħdem fuq kwistjonijiet relatati mal-esportazzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE; iħeġġeġ li l-istabbiliment ta' fondi tal-UE jintuża fil-bini tal-kapaċità fost l-uffiċjali tal-liċenzjar u l-infurzar fl-Istati Membri;
29. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ biex jindirizza sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jagħmlu interpretazzjoni differenti tat-8 kriterji tal-Pożizzjoni Komuni għall-esportazzjonijiet ta' prodotti li huma essenzjalment simili, għal destinazzjonijiet u utenti finali simili, sabiex jiġu preservati l-kundizzjonijiet ekwi u l-kredibbiltà tal-UE barra mit-territorju tagħha; jemmen li wasal ukoll iż-żmien li jitqies rwol aktar b'saħħtu għall-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-proċess tal-liċenzjar fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward ta' tali sitwazzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħolqien ta' korp ta' sorveljanza għall-kontroll tal-armi taħt l-awspiċi tal-VP/RGħ; iqis li għandha tiġi ppubblikata opinjoni lill-Istati Membri li qed jippjanaw li joħorġu liċenzja li ġiet rifjutata minn Stat Membru jew Stati Membri oħrajn;
30. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jissaħħaħ ir-rwol tad-Delegazzjonijiet tal-UE biex jassistu lill-Istati Membri u lis-SEAE bil-valutazzjoni tar-riskju tal-liċenzjar tal-esportazzjoni u l-implimentazzjoni ta' kontrolli fuq l-utent finali, kontrolli ta' wara t-trasportazzjoni u spezzjonijiet fuq il-post;
31. Iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu dispożizzjoni fil-Pożizzjoni Komuni sabiex jiżguraw li l-embargo tal-UE kontra pajjiż terz jirrevoka awtomatikament liċenzji li kienu diġà ngħataw għal merkanzija koperta mill-embargo;
32. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jkomplu jagħtu assistenza lil pajjiżi mhux tal-UE fl-abbozzar, fl-aġġornament u fl-implimentazzjoni, fejn xieraq, ta' miżuri leġiżlattivi u amministrattivi sabiex jiżguraw li tiġi stabbilita sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' armi u teknoloġija militari;
It-tisħiħ tal-konformità mal-obbligi ta' rapportar
33. Jiddispjaċih għall-pubblikazzjoni tard ħafna tas-17-il Rapport Annwali tal-UE, li saret mill-inqas 17-il xahar wara li nħarġu l-liċenzji, jew wara li saru l-esportazzjonijiet; jiddispjaċih, barra minn hekk, għall-fatt li t-18-il Rapport Annwali tal-UE sar biss pubbliku f'Marzu 2017;
34. Jikkritika l-ksur tat-tmien kriterji mill-Istati Membri; iqis li għandha tiġi promossa applikazzjoni uniformi u konsistenti tat-tmien kriterji; jinnota n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet għall-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mat-tmien kriterji għall-għoti ta' liċenzji u jagħti parir lill-Istati Membri biex jipprevedu arranġamenti sabiex iwettqu kontrolli indipendenti; jemmen li wasal iż-żmien li jitnieda proċess li jwassal għal mekkaniżmu li jissanzjona lil dawk l-Istati Membri li ma jikkonformawx mal-Pożizzjoni Komuni;
35. Ifakkar li skont l-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni, l-Istati Membri kollha huma obbligati li jirrapportaw dwar l-esportazzjoni tal-armi tagħhom, u jistieden lill-Istati Membri kollha jikkonformaw mal-obbligi tagħhom; jiddispjaċih li, għas-17-il Rapport Annwali, 21 Stat Membru għamlu osservazzjonijiet sħaħ għar-Rapport Annwali tal-UE permezz ta' data diżaggregata dwar il-liċenzji u l-esportazzjonijiet attwali u kienu biss 20 Stat Membru li għamlu dan għat-18-il Rapport; jitlob lill-Istati Membri kollha, inklużi t-tliet Stati Membri ewlenin li jesportaw l-armi, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit, li ma għamlux osservazzjonijiet sħaħ, biex jipprovdu sett sħiħ ta' data dwar l-esportazzjonijiet tal-passat tagħhom għar-rapport annwali li jmiss;
36. Jappella biex tiġi garantita proċedura ta' rapportar u sottomissjoni aktar standardizzata u f'waqtha, pereżempju billi tiġi stabbilita skadenza stretta għat-tressiq tad-data sa mhux aktar tard minn Jannar wara s-sena li fiha jkunu saru l-esportazzjonijiet, u billi tiġi stabbilita data tal-pubblikazzjoni fissa sa mhux aktar tard minn Marzu wara s-sena tal-esportazzjonijiet;
37. Huwa tal-fehma li l-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi akkumpanjata minn lista aġġornata regolarment u disponibbli għall-pubbliku flimkien ma' ġustifikazzjoni estensiva li titfa' dawl fuq kemm l-esportazzjoni lejn pajjiżi benefiċjarji partikolari hija konformi mat-tmien kriterji;
38. Iqis li għandha tiġi stabbilita sistema standardizzata ta' verifika u rappurtar li titfa' dawl fuq il-fatt jekk l-esportazzjonijiet ta' Stati Membri individwali tal-UE jiksrux it-tmien kriterji u sa liema punt qed jagħmlu dan;
39. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jikkonformaw b'mod sħiħ mal-obbligi tagħhom ta' rappurtar stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni; jenfasizza li data ta' kwalità għolja dwar il-kunsinni effettivi hija essenzjali biex wieħed jifhem kif huma applikati t-tmien kriterji; jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jesploraw kif jistgħu jużaw id-data ġġenerata mill-awtoritajiet doganali, inkluż billi jinħolqu kodiċi doganali speċifiċi għal oġġetti militari;
40. Jirrikonoxxi li l-Istati Membri kollha tal-UE huma firmatarji għat-TKA; jitlob li t-TKA jiġi universalizzat u li ssir aktar enfasi fuq dawk il-pajjiżi li mhumiex firmatarji, inklużi r-Russja u ċ-Ċina; ifaħħar ukoll l-isforzi ta' sensibilizzazzjoni rigward it-TKA u jappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tiegħu;
L-immodernizzar ta' għodod relatati
41. Iħeġġeġ ir-reviżjoni tal-Lista Militari Komuni u l-listi annessi mar-Regolament dwar l-Użu Doppju, b'tali mod li tkun żgurata kopertura sħiħa tas-sistemi mingħajr ekwipaġġ rilevanti kollha; ifakkar fir-riżoluzzjoni tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati, u b'mod partikolari, il-paragrafu 2(c) li appella biex id-drones armati jiġu inklużi f'reġimi rilevanti għall-kontroll tal-armi;
42. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu eżami aktar dettaljat ta' produzzjoni liċenzjata minn pajjiżi terzi u jiżguraw li jkun hemm salvagwardji aktar b'saħħithom kontra użi mhux mixtieqa; jitlob l-applikazzjoni stretta tal-Pożizzjoni Komuni rigward produzzjoni liċenzjata f'pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-attitudni u l-istatus tal-pajjiż terz fir-rigward tat-TKA meta jiddeċiedu dwar it-trasferimenti li jkunu jistgħu jtejbu l-manifattura u/jew il-kapaċità ta' esportazzjoni ta' dak il-pajjiż fir-rigward tat-tagħmir militari;
43. Iqis li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/43/KE dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità għandha tkun konsistenti mal-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, inklużi l-parts tal-bdil u l-komponenti; jinnota li l-Pożizzjoni Komuni mhijiex restrittiva fil-kamp ta' applikazzjoni u, għaldaqstant, it-tmien kriterji japplikaw ukoll għal esportazzjonijiet fi ħdan l-UE;
44. Jinsab imħasseb dwar l-isfidi taċ-ċibersigurtà, b'mod partikolari l-iżviluppi fil-metodi tal-hacking użati għall-aċċess ta' informazzjoni u data tal-awtoritajiet nazzjonali tal-liċenzji; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvestu biżżejjed fondi fl-oqsma tat-teknoloġija u tar-riżorsi umani biex individwi jitħarrġu fi programmi u metodi speċifiċi dwar iċ-ċibersigurtà u sabiex jiġu evitati u indirizzati dawn l-isfidi taċ-ċibersigurtà;
Ir-rwol tal-parlamenti u l-opinjoni pubblika
45. Jinnota li mhux il-parlamenti nazzjonali kollha tal-UE jiskrutinizzaw id-deċiżjonijiet governattivi tal-liċenzjar billi, inter alia, jipproduċu rapporti annwali dwar l-esportazzjoni tal-armi, u f'dan ir-rigward, jappella għal żieda ġenerali fis-sorveljanza parlamentari u pubblika; jiġbed l-attenzjoni lejn ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, li jipprevedu l-possibbiltà ta' rispons regolari għar-Rapporti Annwali tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi;
46. Jilqa' l-konsultazzjonijiet regolari mal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u s-soċjetà ċivili bħala ċentrali għal trasparenza sinifikanti; jistieden lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali, lill-Istati Membri kollha u lis-SEAE biex isaħħu d-djalogu mas-soċjetà ċivili u l-konsultazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali u mal-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali, lis-soċjetà ċivili u lill-akkademja jeżerċitaw skrutinju indipendenti tal-kummerċ tal-armi, u jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jappoġġaw dawn l-attivitajiet, inkluż b'mezzi finanzjarji;
o
o o
47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.
- [2] ĠU C 163, 4.5.2016, p. 1.
- [3] Għadha mhijiex ippubblikata.
- [4] ĠU L 326, 11.12.2015, p. 56.
- [5] ĠU L 139, 30.05.2017, p. 38.
- [6] ĠU C 97, 28.03.2017, p. 1.
- [7] It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, NU, 13-27217.
- [8] ĠU L 341, 18.12.2013, p. 56.
- [9] ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.
- [10] ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.
- [11] ĠU L 338, 13.12.2016, p. 1.
- [12] Testi adottati, P8_TA(2015)0472.
- [13] Testi adottati, P8_TA(2016)0066.
- [14] Testi adottati, P8_TA(2016)0502.
- [15] Testi adottati, P7_TA(2014)0172.
- [16] Testi adottati, P8_TA(2017)0289.
- [17] "Trends in international arms transfers, 2016" (Tendenzi fit-trasferimenti internazzjonali tal-armi, 2016) (Skeda Informattiva tas-SIPRI, Frar 2017).
- [18] Ibid.
- [19] Ibid.
- [20] Rapport tal-2016 dwar l-esportazzjoni tal-armi, Gemeinsame Konferenz Kirche und Entwicklung (GKKE) (Konferenza Konġunta dwar il-Knisja u l-Iżvilupp), p. 54.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
11.7.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
36 14 14 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Bas Belder, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ryszard Antoni Legutko, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Charles Tannock, László Tőkés, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans, Boris Zala |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Brando Benifei, Luis de Grandes Pascual, Javi López, Miroslav Poche, Eleni Theocharous, Ernest Urtasun, Bodil Valero, Paavo Väyrynen, Marie-Christine Vergiat |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Inés Ayala Sender, Ádám Kósa |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
36 |
+ |
|
ALDE |
Petras Auštrevičius, Iveta Grigule, Javier Nart, Jozo Radoš, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen |
|
EFDD |
Fabio Massimo Castaldo |
|
GUE/NGL |
Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Miguel Urbán Crespo, Marie-Christine Vergiat |
|
S&D |
Francisco Assis, Inés Ayala Sender, Brando Benifei, Victor Boştinaru, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Arne Lietz, Javi López, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Miroslav Poche, Elena Valenciano, Boris Zala |
|
VERTS/ALE |
Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Jordi Solé, Ernest Urtasun, Bodil Valero |
|
14 |
- |
|
ECR |
Bas Belder, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Eleni Theocharous, Geoffrey Van Orden |
|
EFDD |
James Carver |
|
NI |
Aymeric Chauprade |
|
PPE |
Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Ádám Kósa, Cristian Dan Preda, Luis de Grandes Pascual |
|
14 |
0 |
|
ENF |
Mario Borghezio |
|
NI |
Janusz Korwin-Mikke |
|
PPE |
Lars Adaktusson, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Julia Pitera, Jaromír Štětina, László Tőkés |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni