RAPPORT dwar il-politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar

6.10.2017 - (2016/2270(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Laura Agea

Proċedura : 2016/2270(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0292/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar

(2016/2270(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 4, 9, 14, 19, 151 u 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

-  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, li ġiet ikkonfermata mill-ġdid mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1993, u b'mod partikolari l-Artikoli 3, 23 u 25 tagħha,

-  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fosthom id-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet soċjali, b'mod partikolari, l-Artikoli 34, 35 u 36 li jiddefinixxu b'mod speċifiku d-dritt għall-assistenza soċjali u għall-akkomodazzjoni, id-dritt għal livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u d-dritt għal aċċess għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali,

-  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Karta Soċjali Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 4, 6, 12, 14, 17, 19, 30 u 31 tagħha,

-  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet Nri 29 u 150 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-abolizzjoni tax-xogħol furzat, il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 102 dwar is-Sigurtà Soċjali u r-Rakkomandazzjoni tal-ILO Nru 202 tal-ILO dwar pjattaformi ta' protezzjoni soċjali,

-  wara li kkunsidra l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti u l-Patt Globali għall-Impjiegi tal-ILO, kif adottati b'kunsens dinji waqt il-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fid-19 ta' Ġunju 2009,

-  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO ta' Ġunju 2013 "Towards social investment for growth and jobs" (Lejn investiment soċjali għat-tkabbir u l-impjiegi),

-  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tal-24 ta' Ġunju 1992, dwar kriterji komuni relatati mar-riżorsi u l-assistenza soċjali suffiċjenti fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali (rakkomandazzjoni dwar l-introjtu minimu)[1],

-  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/442/KEE tas-27 ta' Lulju 1992, dwar il-konverġenza tal-objettivi u tal-politiki tal-protezzjoni soċjali[2],

-  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "L-Investiment fit-Tfal: jinkiser iċ-ċiklu tal-iżvantaġġ" (C(2013)0778)[3];

-  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020" (SWD(2013)0038),

-  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies li huma esklużi mis-suq tax-xogħol[4],

-  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu"Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

-  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2015 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida tal-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (COM(2015)0098),

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-aġenda soċjali mġedda[5],

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa[6],

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Il-Patt dwar l-Investiment Soċjali – bħala reazzjoni għall-kriżi"[7],  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal[8],

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-ilħuq tal-mira tal-ġlieda kontra l-faqar fid-dawl tal-ispejjeż li qed jiżdiedu għall-familji[9],

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 bit-titolu "Il-Faqar: perspettiva tas-sessi"[10],

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[11],

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali[12],

-  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-15 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali – Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali",

-  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar "Introjtu minimu Ewropew u indikaturi tal-faqar",

-  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Towards adequate and accessible minimum income schemes in Europe" (Lejn skemi ta' introjtu mimimu adegwati u aċċessibbli fl-Ewropa), ippubblikat fl-2015 min-Netwerk Ewropew dwar l-Introjtu Miminu (EMIN),

-  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2015 bit-titolu "Access to social benefits: reducing non-take-up" (Aċċess għall-benefiċċji soċjali: jitnaqqas l-għadd ta' dawk li ma jieħdux benefiċċji),

-  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2017 dwar "Income inequalities and employment patterns in Europe before and after the great Recession" (Inugwaljanzi fl-introjtu u xejriet tal-impjiegi fl-Ewropa qabel u wara r-Reċessjoni l-kbira),

-  wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku A tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Minimum income policies in EU Member States" (Politiki dwar l-introjtu minimu fl-Istati Membri tal-UE) ippubblikat fil-forma finali f'April 2017,  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Minimum Income Schemes in Europe - A study of national policies 2015" (Skemi dwar l-Introjtu Minimu fl-Ewropa - Studju dwar il-politiki nazzjonali 2015) imfassal għall-Kummissjoni Ewropea min-Netwerk Ewropew dwar il-Politika Soċjali (ESPN) fl-2016,

-  wara li kkunsidra l-mistoqsija tiegħu għal tweġiba orali O-000087/2016 tas-16 ta' Ġunju 2016,

-  wara li kkunsidra l-mistoqsija tiegħu għal tweġiba bil-miktub P-001004/16 tat-2 ta' Frar 2016,

-  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[13],

-  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Schuman tad-9 ta' Mejju 1950, li sejħet għal "l-ugwalizzazzjoni u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0292/2017),

A.  billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li l-kawżi u d-durata tagħhom ma jiddependux mir-rieda ta' dawk li jġarrbuhom, jikkostitwixxu ksur tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; billi fl-2010 l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li sal-2020 inaqqsu n-numru ta' persuni f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali b'20 miljun; billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali mhumiex biss kwistjonijiet ta' responsabbiltà individwali u jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod kollettiv;

B.  billi l-Ewropa hija wieħed mill-aktar reġjuni sinjuri fid-dinja, għalkemm data reċenti dwar il-faqar abbażi tal-introjtu enfasizzat żieda fil-faqar kif ukoll privazzjoni materjali gravi fl-Ewropa u inugwaljanzi li qed jiżdiedu bejn l-Istati Membri;

C.  billi ekonomija b'saħħitha b'qgħad baxx għadha l-aktar għodda effikaċi għall-ġlieda kontra l-faqar;

D.  billi l-faqar abbażi tal-introjtu huwa biss parti mill-kunċett globali tal-faqar, u għalhekk il-faqar ma jirreferix biss għal riżorsi materjali, iżda wkoll għal riżorsi soċjali, b'mod partikolari l-edukazzjoni, is-saħħa u l-aċċess għas-servizzi;

E.  billi t-terminu "faqar relattiv" mhuwiex indikattiv tal-ħtiġijiet reali, iżda, minflok, sempliċement jiddeskrivi l-introjtu ta' persuna meta mqabbel ma' dak ta' oħrajn;

F.  billi, skont il-metodoloġija żviluppata mill-Eurostat, il-limitu minimu ta' riskju ta' faqar huwa stabbilit għal 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tal-medjan nazzjonali (għal kull entità domestika wara trasferimenti soċjali); billi, minħabba d-diverġenzi eżistenti bejn l-Istati Membri u l-politiki soċjali nazzjonali differenti, dan il-perċentwal għandu jitqies flimkien ma' indikaturi oħrajn bħalma huma baġits ta' referenza; billi l-introjtu huwa indikatur indirett tal-istandard tal-għajxien filwaqt li baġit ta' referenza jirrifletti d-diversità ta' xejriet ta' konsum u l-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri;

G.  billi l-politiki tal-UE u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-FMI imponew politiki ta' baġit ta' awsterità ferm restrittivi fuq ċerti Stati Membri, li ġiegħlu li jsir tnaqqis fl-infiq f'oqsma fundamentali bħall-edukazzjoni, is-saħħa, il-ġustizzja, il-kultura u l-appoġġ soċjali u s-servizzi soċjali u li ppromwovew tnaqqis sinifikanti fl-infiq fuq il-persunal, bi tnaqqis fl-impjiegi, fil-pagi u fid-drittijiet tal-ħaddiema tas-settur pubbliku, b'hekk wasslu għal żieda fid-degradazzjoni u l-limitazzjoni tal-funzjonijiet soċjali tal-istat; billi politiki bħal dawn xekklu u pprevenew l-implimentazzjoni ta' politiki ta' investiment u ta' żvilupp li jservu l-ħtiġijiet tal-popli u tal-Istati Membri; billi dawn l-għażliet politiċi wasslu għal żieda qawwija fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali;

H.  billi ma għandux ikun hemm ebda konfużjoni bejn "differenzi tal-introjtu" u "faqar";

I.  billi skont il-Kummissjoni[14], 119-il miljun persuna fl-UE – madwar 25 % tat-total tal-popolazzjoni – jinsabu f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali minkejja l-benefiċċji soċjali; billi, f'xi Stati Membri, dan il-fatt hu akkumpanjat minn rati għolja u persistenti ta' qgħad u billi din is-sitwazzjoni taffettwa b'mod partikolari liż-żgħażagħ, li għalihom iċ-ċifri huma saħansitra aktar allarmanti; billi, minkejja li n-numri juru tnaqqis żgħir, għad hemm iktar persuni f'riskju ta' faqar milli fl-2008; billi l-UE u l-Istati Membri għadhom 'il bogħod milli jilħqu l-mira tal-Ewropa 2020 dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali peress li l-livell għadu ogħla minn dik il-mira;

J.  billi d-data disponibbli tissuġġerixxi li ċerti gruppi ta' persuni, bħat-tfal, in-nisa, dawk li huma qiegħda, il-familji b'ġenitur wieħed u persuni b'diżabilità, huma partikolarment vulnerabbli għall-faqar, il-privazzjoni u l-esklużjoni soċjali;

K.  billi l-faqar jolqot b'mod partikolari lill-familji;

L.  billi r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol, speċjalment għall-ġenituri waħedhom, hija ta' importanza assoluta sabiex wieħed joħroġ mill-faqar;

M.  billi għandha tittieħed konsiderazzjoni tal-bżonn li tiġi inkorporata l-azzjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali f'kull qasam ta' politika rilevanti, b'hekk jiġi żgurat aċċess universali għas-servizzi pubbliċi, għal impjiegi deċenti u introjtu li jippermettu lin-nies jgħixu b'dinjità;

N.  billi, skont il-Kummissjoni, ir-rati għoljin tal-qgħad, il-faqar u l-inugwaljanza jibqgħu tħassib ewlieni f'uħud mill-Istati Membri; billi l-inugwaljanzi fl-introjtu mhux biss huma ta' detriment għall-koeżjoni soċjali, iżda jfixklu wkoll it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, kif ġie nnutat mill-Kummissarju Thyssen; billi, skont il-Eurofound, l-impatt tal-kriżi kien ġeneralment aktar qawwi fost individwi b'introjtu aktar baxx, u dan żied l-inugwaljanzi fl-introjtu fost is-soċjetajiet Ewropej[15];

O.  billi l-persuni mingħajr dar jirrappreżentaw l-aktar forma estrema ta' faqar u privazzjoni u fis-snin reċenti dawn żdiedu prattikament fl-Istati Membri kollha, partikolarment f'dawk l-aktar milquta mill-kriżi ekonomika u finanzjarja; billi, skont il-Federazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali li jaħdmu mal-persuni mingħajr dar (FEANTSA), kull sena ikun hemm madwar 4 miljun persuna fl-UE li jgħaddu minn esperjenza ta' mingħajr dar, aktar minn 10.5 miljun unità domestika jsofru minn privazzjoni gravi ta' akkomodazzjoni u 22.3 miljun unità domestika jiffaċċjaw piż eċċessiv fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, li jindika li dawn jonfqu aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli fuq l-akkomodazzjoni;

P.  billi s-sitwazzjoni attwali titlob miżuri li jippromwovu skemi nazzjonali ta' introjtu minimu, sabiex dawk kollha mingħajr introjtu suffiċjenti u dawk il-persuni kollha li jissodisfaw kundizzjonijiet speċifiċi għall-eliġibbiltà jkunu assigurati kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti, filwaqt li jittejbu l-inklużjoni soċjali u dik fis-suq tax-xogħol u jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs fit-tgawdija tad-drittijiet fundamentali; billi l-edukazzjoni, it-trasferimenti u l-benefiċċji soċjali ridistributtivi, il-politika fiskali ġusta u politika tal-impjieg soda huma fatturi importanti biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-introjtu, titnaqqas ir-rata tal-qgħad u jonqos il-faqar; billi l-fatt li wieħed ikollu impjieg deċenti jipproteġi lil dak l-individwu mir-riskju ta' faqar u jista' jitqies bħala mezz ewlieni u indispensabbli ta' integrazzjoni soċjali;

Q.  billi skont ħarsa ġenerali mwettqa mill-Eurofound, ħafna persuni fl-UE ma jirċevux il-benefiċċji li huma intitolati għalihom, inklużi l-benefiċċji fuq ix-xogħol, pereżempju minħabba l-kumplessità tas-sistemi tal-benefiċċji jew il-proċeduri ta' applikazzjoni, jew minħabba li ma jkunux konxji mid-drittijiet ta' intitolamenti tagħhom;

R.  billi l-kunċett ta' "introjtu minimu" ma jridx jitħallat ma' dak ta' "paga minima", li hija stabbilita permezz ta' ftehim kollettiv jew permess tal-leġiżlazzjoni fil-livell nazzjonali;

S.  billi l-iffissar tal-pagi huwa kompetenza tal-Istat Membru;

T.  billi l-introduzzjoni u t-tisħiħ tal-iskemi tal-introjtu minimu adegwat fl-Istati Membri kollha, b'biżżejjed riżorsi baġitarji, umani u materjali, flimkien ma' politiki attivi fis-suq tal-impjieg għal nies li jistgħu jaħdmu, hija miżura importanti u effikaċi fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza, li tiżgura koeżjoni ekonomika u territorjali, tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-individwi, filwaqt li jiġi żgurat bilanċ bejn l-objettivi ekonomiċi u soċjali u appoġġ favur integrazzjoni soċjali u aċċess għas-suq tax-xogħol;

U.  billi l-provvista u l-ġestjoni ta' sistemi tas-sigurtà soċjali hija kompetenza tal-Istat Membri li l-Unjoni tikkoordina iżda ma tarmonizzax;

V.  billi skont l-Osservatorju Soċjali Ewropew (OSE), diġà jeżistu xi forom ta' appoġġ għall-introjtu f'26 Stat Membru[16];

W.  billi hemm bosta differenzi bejn l-Istati Membri fit-trattament tal-politiki dwar l-introjtu minimu, peress li d-dritt għal ħajja dinjituża ma jitqiesx bħala dritt universali u soġġettiv fl-Istati Membri kollha; billi jeżistu livelli għoljin ta' persuni li ma jirċevux benefiċċji, kif ukoll nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-appoġġ għall-introjtu, politiki attivi tas-suq tax-xogħol u servizzi soċjali; billi fi ftit każijiet biss, l-iskemi ta' introjtu minimu huma kapaċi joħorġu lill-persuni mill-faqar;

X.  billi ħafna eluf ta' ċittadini bħalissa minkejja l-impjieg jinsabu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali jew jgħixu fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali (9,8 % fl-UE-28[17]), li jagħmilha essenzjali li jiżdiedu l-pagi flimkien mal-implimentazzjoni ta' dan l-istrument, speċjalment fil-livelli inferjuri;

Y.  billi xi wħud mill-persuni l-aktar vulnerabbli huma persuni mingħajr dar li jesperjenzaw diffikultajiet biex jaċċessaw l-iskemi ta' introjtu minimu;

Z.  billi l-garanzija ta' forniment ta' introjtu minimu adegwat għal dawk li għandhom nuqqas tar-riżorsi meħtieġa sabiex jiksbu standard ta' għajxien deċenti, kif ukoll miżuri ta' (ri)integrazzjoni fis-suq tax-xogħol li jissalvagwardjaw l-aċċess għall-impjiegi u l-motivazzjoni sabiex wieħed ifittex xogħol huma dispożizzjonijiet li huma inklużi fl-ewwel pilastru Ewropew dwar id-drittijiet soċjali[18]; billi, matul il-konferenza ta' livell għoli li saret fi Brussell fit-23 ta' Jannar 2017, wara konsultazzjoni pubblika dwar din il-kwistjoni, il-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, tenna li dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri kollha;

AA.  billi, skont il-Eurostat, fl-2015 ir-rata tal-qgħad taċ-ċittadini tal-UE li għandhom bejn l-20 u l-64 sena kienet ta' 70,1 % u kienet ferm 'il bogħod mill-għan tal-istrateġija UE 2020 stabbilit għal 75 %;

AB.  billi l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2015 dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi ttenni l-importanza ta' appoġġ għall-introjtu biex jiġi miġġieled il-faqar (linja gwida 8);

AC.  billi sistemi ta' appoġġ għall-introjtu mfassla tajjeb, xierqa u disponibbli b'mod wiesa' m'għandhomx jipprevjenu jew jiskoraġġixxu ritorn għas-suq tax-xogħol u jgħinu wkoll biex tingħata spinta lid-domanda interna;

AD.  billi r-Rakkomandazzjoni dwar l-Inklużjoni Attiva ġustament tirrikonoxxi li minbarra l-iffaċilitar tal-aċċess għall-impjieg ta' kwalità għal dawk li jistgħu jaħdmu, il-politiki ta' inklużjoni attiva jenħtieġ li barra minn hekk "[j]ipprovd[u] riżorsi li huma biżżejjed biex jgħixu b'dinjità, flimkien ma' għajnuna għall-parteċipazzjoni soċjali, għal dawk li ma jistgħux";

AE.  billi fil-5 ta' Ottubru 2015, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-adegwatezza tal-pensjonijiet, filwaqt li qies bħala essenzjali l-fatt li l-pensjoni pubblika jew skemi oħra ta' protezzjoni soċjali jinkludu salvagwardji adegwati għall-persuni li l-opportunitajiet ta' xogħol tagħhom ma jħalluhomx jew ma ħallewhomx jakkumulaw biżżejjed intitolamenti għall-pensjoni u li tali salvagwardji jinkludu b'mod partikolari pensjonijiet minimi jew dispożizzjonijiet oħra ta' introjtu minimu għall-persuni anzjani;

AF.  billi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tal-24 ta' Ġunju 1992 il-Kunsill talab lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu d-dritt bażiku ta' kull persuna għal assistenza soċjali u għal riżorsi suffiċjenti biex tgħix b'mod dinjituż; billi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/442/KEE tas-27 ta' Lulju 1992, l-Istati Membri huma mħeġġa jibbażaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom fuq dawk il-prinċipji;

AG.  billi fil-konklużjonijiet tas-17 ta' Diċembru 1999 il-Kunsill approva l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali bħala wieħed mill-objettivi lejn il-modernizzazzjoni u t-titjib tal-protezzjoni soċjali;

AH.  billi r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tidentifika l-appoġġ adegwat għall-introjtu bħala wieħed mit-tliet oqsma ugwalment importanti għal strateġija ta' inklużjoni attiva u tenfasizza li dan irid ikun akkumpanjat minn aċċess għal servizzi ta' kwalità u swieq tax-xogħol inklużivi; billi, bl-istess mod, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali tirrikjedi miżuri kkoordinati li jindirizzaw lill-individwu u d-dipendenti tiegħu jew tagħha, flimkien ma' azzjoni li tippromwovi xogħol stabbli;

AI.  billi f'ħafna pajjiżi, l-ostakoli ewlenin għall-iżvilupp ta' rabtiet effikaċi bejn l-oqsma differenti ta' inklużjoni attiva jinkludu nuqqas ta' kapaċità, ta' ħiliet u riżorsi fis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u fl-istituzzjonijiet tal-għajnuna soċjali, nuqqas ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn is-servizzi, u tendenza li tingħata prijorità lil gruppi differenti fil-bżonn ta' appoġġ bil-ħsieb li jistgħu jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol b'mod aktar faċli[19];

AJ.  billi l-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-Kummissjoni 2013 tenna mill-ġdid l-importanza ta' approċċ ta' inklużjoni attiva u, fi ħdan dan il-Pakkett, enfasizza l-importanza ta' appoġġ adegwat għal introjtu minimu; billi ġie ddikjarat li l-adegwatezza tal-iskemi nazzjonali eżistenti ta' introjtu minimu tista' tittejjeb sabiex jiġi żgurat li l-livell ikun għoli biżżejjed li jippermetti ħajja deċenti; billi kien stabbilit li "l-Kummissjoni se tissorvelja, bħala parti mis-Semestru Ewropew, l-adegwatezza tal-appoġġ għall-introjtu u se tuża għal dan l-għan il-baġits ta' referenza ġaladarba dawn jiġu żviluppati flimkien mal-Istati Membri",

AK.  billi r-Rakkomandazzjoni Nru 202 tal-ILO dwar il-pjattaformi ta' protezzjoni soċjali tiddikjara li jenħtieġ li l-pajjiżi "jistabbilixxu mill-aktar fis possibbli u jżommu l-pjattaformi ta' protezzjoni soċjali tagħhom li jinkludu garanziji bażiċi tas-sigurtà soċjali" u ddikkjarat wkoll: "Jenħtieġ li l-garanziji tal-inqas jiżguraw li, matul iċ-ċiklu tal-ħajja, dawk il-persuni kollha fil-bżonn ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa essenzjali u għas-sigurtà bażika tal-introjtu li flimkien jiżguraw aċċess effettiv u sigur għall-prodotti u s-servizzi";

AL.  billi l-Kunsill irrikonoxxa l-ħtieġa għal inklużjoni attiva b'appoġġ adegwat għall-introjtu u l-importanza ta' approċċ integrat taċ-ċiklu tal-ħajja sabiex jiġi indirizzat il-faqar[20];

AM.  billi dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, li fi tmiem l-2015 kienu jammontaw għal 48,1 % tat-total ta' persuni qiegħda fl-UE, ekwivalenti għal 10,9 miljun persuna, isibuha aktar diffiċli li jidħlu fis-suq tax-xogħol;

AN.  billi f'diversi każijiet, bħala riżultat tat-trobbija tat-tfal u ta' perjodi ta' żmien utilizzat għal dan il-għan, hemm ħafna telf ta' introjtu u żvantaġġi finanzjarji kontinwi ("distakk fil-pagi tal-familja");

AO.  billi l-ommijiet u l-missirijiet li jrabbu t-tfal qed jagħmlu xogħol daqs kull xogħol ieħor li jrid jiġi rikonoxxut bħala tali;

AP.  billi, fi tmiem l-2015, 5,1 % tal-persuni inattivi fl-UE kienu persuni skuraġġiti, li xtaqu jaħdmu imma li waqfu jfittxu impjieg, u billi dawn in-nies ma jingħaddux b'mod sistematiku mal-istatistika dwar il-qgħad;

AQ.  billi l-qgħad iwassal għal deterjorament rapidu u kostanti tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-ħaddiema u tal-istat mentali u emottiv tagħhom, li jxekkel il-prospetti tagħhom li jaġġornaw ħiliethom u konsegwentement, il-possibbiltà ta' (ri)integrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

AR.  billi ċerti programmi pubbliċi ta' impjieg jistgħu jkunu għodda effikaċi li tista' tiffunzjona flimkien ma' skemi ta' introjtu minimu bħala mezz ta' inklużjoni soċjali u vokazzjonali ta' kategoriji partikolari, bħal żgħażagħ qiegħda, dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil u gruppi vulnerabbli oħra; billi programmi bħal dawn jistgħu jkunu effikaċi f'kuntesti u żoni ġeografiċi depressi fejn hu meħtieġ taħriġ mill-ġdid; billi persuni li jżommu lilhom infushom attivi jaħdmu fi programm pubbliku soċjali tal-impjiegi isibuha eħfef li jsibu impjieg; billi dawn il-programmi jeħtieġ li jipprovdu paga deċenti u jinkludu itinerarju personalizzat, u għandhom iwasslu għal xogħol deċenti;

AS.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2017 adottati mill-Kunsill EPSCO fit-3 ta' Marzu 2017[21] it-tnejn li huma jistiednu lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jipprovdu appoġġ adegwat għall-introjtu u li r-riformi jkomplu jiffokaw, fost l-oħrajn, fuq il-provvista ta' appoġġ adegwat għall-introjtu u servizzi ta' abilitazzjoni u attivazzjoni ta' kwalità għolja;

AT.  billi t-taħriġ vokazzjonali, b'mod partikolari permezz ta' skemi ta' taħriġ relatat max-xogħol, jipprovdi l-ħiliet neċessarji sabiex wieħed iwettaq attività professjonali u jibni netwerk professjonali, b'hekk jgħin sabiex tinkiseb integrazzjoni sostenibbli tas-suq tax-xogħol u jitnaqqas ir-riskju ta' faqar;

AU.  billi l-Iskemi ta' introjtu minimu jirrappreżentaw perċentwal żgħir ħafna tal-infiq soċjali tal-Gvern, filwaqt li jipprovdu qligħ kbir fuq l-investiment, u l-konsegwenza tan-nuqqas ta' investiment għandha impatti immedjati kbar ħafna fuq l-individwi kkonċernati u konsegwenzi fit-tul għas-soċjetà;

AV.  billi l-iskemi ta' introjtu minimu huma tajbin għas-soċjetà kollha kemm peress li dawn huma indispensabbli biex jinkisbu soċjetajiet aktar ugwali u soċjetajiet aktar ugwali jiffunzjonaw aħjar fuq bosta indikaturi soċjali u ekonomiċi;

AW.  billi l-iskemi ta' introjtu minimu huma forma effikaċi ta' ġabra ta' stimulu ekonomiku effikaċi, peress li l-flus jintużaw biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti u jerġgħu jidħlu mill-ġdid b'mod immedjat fl-ekonomija reali;

AX.  billi d-dritt għal standard ta' għajxien adegwat huwa rikonoxxut fl-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u jirreferi għal-livell limitu li fih il-benefiċċji jipprovdi biżżejjed riżorsi lill-persuni biex jiġi żgurat "standard ta' għajxien adegwat għas-saħħa u l-benesseri tagħhom"; billi l-kopertura tirreferi għal-limitu li permezz tiegħu l-persuni kollha fil-bżonn ta' appoġġ huma koperti mill-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà li għandhom x'jaqsmu ma' skema ta' introjtu minimu; billi t-teħid tal-benefiċċji jirreferi għal-limitu li fih dawk li huma eliġibbli biex jirċievu benefiċċju ta' introjtu minimu, jirċevuh tassew;

AY.  billi n-nuqqas ta' pagamenti adegwati, flimkien ma' kopertura limitata u rikors dgħajjef għall-benefiċċji minħabba fost l-oħrajn amministrazzjoni dgħajfa, aċċess inadegwat għall-informazzjoni, burokrazija żejda u l-istigmatizzazzjoni, ta' spiss ifisser li l-pagamenti kkonċernati għadhom ferm 'il bogħod milli jiżguraw ħajja deċenti għal dawk il-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà[22];

AZ.  billi għadd ta' Stati Membri jeħtiġilhom jindirizzaw id-defiċits baġitarji gravi u żieda fil-livelli tad-dejn u konsegwentement qed jissikkaw il-kontroll fuq l-infiq soċjali, u dan affettwa s-saħħa pubblika, l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali u s-sistemi ta' protezzjoni u tad-djar tagħhom, u b'mod partikolari, l-aċċess għas-servizzi relatati u l-adegwatezza, id-disponibbiltà u l-kwalità ta' dawk is-servizzi, li jwassal għal impatt negattiv b'mod speċjali fuq dawk l-aktar fil-bżonn f'dawk l-Istati Membri;

BA.  billi skemi ta' introjtu minimu jistgħu jaġixxu bħala stabbilizzaturi awtomatiċi makroekonomiċi b'rispons għal xokkijiet ekonomiċi;

BB.  billi l-effikaċja tal-iskemi ta' introjtu minimu b'mod li jtaffu l-faqar, irawmu l-integrità tas-suq tax-xogħol speċjalment għaż-żgħażagħ, u jaġixxu bħala stabbilizzaturi awtomatiċi jvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri;

BC.  billi l-politiki dwar l-introjtu minimu jaġixxu bħala stabbilizzatur awtomatiku; billi r-reċessjoni kienet inqas gravi fil-pajjiżi li għandhom sistemi solidi ta' appoġġ għall-introjtu disponibbli għall-unitajiet domestiċi;

BD.  billi l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa joħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi fi ħdan l-UE u qed iċaħħdu lill-Istati Membri minn għadd kbir ta' dħul li jista' kieku jikkontribwixxi bħala finanzjament suffiċjenti għal politiki soċjali b'saħħithom u l-benesseri taċ-ċittadini, kif ukoll inaqqas id-dħul tal-gvern meta tali dħul jista' jiffinanzja kundizzjonijiet aħjar għat-tkabbir ekonomiku, għal introjti ogħla u għall-politiki soċjali; billi dan il-fenomenu għadu problema serja għall-UE;

BE.  billi għadd ta' studji wrew kif il-faqar qed jaffettwa b'mod negattiv it-tkabbir ekonomiku[23];

BF.  billi xi Stati Membri qed iniedu proġetti pilota għall-ittestjar tal-politiki ta' introjtu bażiku, fosthom il-Finlandja, fejn kampjun aleatorju ta' 2 000 persuna qiegħda se jirċievu somma inkondizzjonata ta' EUR 560 fix-xahar, li għandha tipproduċi inċentiv xieraq sabiex jiġi aċċettat xogħol temporanju jew part-time;

BG.   billi l-implimentazzjoni ta' skemi ta' introjtu bażiku qed tiġi diskussa f'diversi Stati Membri;

Skemi ta' introjtu minimu:

1.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jintroduċu skemi adatti ta' introjtu minimu, akkumpanjati minn miżuri ta' appoġġ għad-dħul mill-ġdid għax-xogħol għal dawk li jistgħu jaħdmu kif ukoll programmi ta' edukazzjoni u taħriġ adattati għas-sitwazzjoni personali u tal-familja tal-benefiċjarju, bil-ħsieb li jgħinu lill-unitajiet domestiċi b'introjtu insuffiċjenti u jippermettulhom li jkollhom livell ta' għajxien deċenti; jisħaq fuq il-fatt li dan l-introjtu minimu għandu jkun l-aħħar netwerk ta' protezzjoni soċjali u għandu jikkonsisti f'appoġġ finanzjarju adegwat flimkien ma' aċċess garantit għal servizzi ta' kwalità u għal politiki attivi tas-suq tax-xogħol, bħala mod effikaċi biex jiġi miġġieled il-faqar u tiġi żgurata eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti; jenfasizza f'dan ir-rigward li d-dritt għal assistenza soċjali huwa dritt fundamentali u li jenħtieġ li introjtu minimu adegwat jgħin lill-persuni jgħixu ħajja dinjituża, jappoġġja l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà u jiżgura l-indipendenza tagħhom tul iċ-ċiklu tal-ħajja;

2.  Huwa tal-fehma li l-promozzjoni ta' soċjetajiet inklużivi u ħielsa mill-faqar trid tkun ibbażata fuq ir-ridistribuzzjoni tal-ġid prodott, fuq it-tisħiħ tal-istatus tax-xogħol bi drittijiet tax-xogħol abbażi ta' negozjar kollettiv u żidiet fil-pagi, u fuq il-provvista ta' servizzi universali, mingħajr ħlas u ta' kwalità għolja tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà soċjali u tal-edukazzjoni li jkissru ċ-ċikli ta' esklużjoni u jippromwovu l-iżvilupp;

3.  Jenfasizza l-importanza ta' finanzjament pubbliku adegwat sabiex jiġu ffinanzjati l-iskemi ta' introjtu minimu; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja speċifikament l-użu ta' 20 % tal-allokazzjoni totali tal-FSE ddedikata għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll biex teżamina, fir-rieżami li jmiss tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-Fondi Strutturali (ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013), u b'mod partikolari fil-qafas tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), il-possibbiltajiet ta' finanzjament li jgħin lil kull Stat Membru jistabbilixxi skema ta' introjtu minimu fejn ma jeżistix jew itejjeb it-tħaddim u l-effikaċja tas-sistemi eżistenti u, jekk ikun meħtieġ, jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta' Fond Ewropew adatt, fuq bażi temporanja, biex jaħdem bħala strument tal-politika ta' koeżjoni u ta' solidarjetà Ewropea;

4.  Jirrikonoxxi li huwa diffiċli għall-Istati Membri biex imorru minn ebda skema ta' introjtu minimu jew ta' kwalità baxxa għal skemi ta' livell għoli; jitlob għalhekk li l-Istati Membri jaħdmu għar-realizzazzjoni progressiva ta' skemi adegwati ta' introjtu minimu li jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-adegwatezza, tal-kopertura u tal-użu tal-iskemi;

5.  Jenfasizza li l-istabbiliment ta' skemi ta' introjtu minimu jistgħu jnaqqsu l-inugwaljanzi u l-impatt soċjali tal-kriżi kif ukoll ikollhom impatt kontroċikliku billi jipprovdu riżorsi sabiex tittejjeb id-domanda fis-suq intern;

6.  Jenfasizza li huwa essenzjali għal dawk kollha li jeħtiegu aċċess għal skemi ta' introjtu minimu suffiċjenti li jkunu jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom, inkluż għal dawk l-aktar esklużi bħalma huma persuni mingħajr dar; iqis li introjtu minimu adegwat huwa introjtu indispensabbli għal dawk fil-bżonn biex jgħixu ħajja dinjituża, u li dan għandu jiġi kkunsidrat flimkien mad-dritt tal-aċċess universali għas-servizzi pubbliċi u soċjali; huwa tal-fehma li l-iskemi ta' introjtu minimu jridu jiżguraw li jispiċċa ċ-ċiklu ta' dipendenza soċjali u jiffaċilitaw l-inklużjoni fis-soċjetà; ifakkar li r-rakkomandazzjoni dwar l-inklużjoni attiva tirrikonoxxi l-ħtieġa għal strateġija integrata fl-implimentazzjoni tat-tliet oqsma tal-inklużjoni soċjali (appoġġ adegwat għall-introjtu, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta' kwalità);

7.  Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni tal-istabbilizzazzjoni awtomatika tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali sabiex jiġu ammortizzati l-mewġ ta' xokkijiet soċjali kkawżati minn effetti esterni bħalma huma r-reċessjonijiet; jistieden għalhekk lill-Istati Membri, fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni Nru 202 tal-ILO, jiddefinixxu l-pjattaformi ta' protezzjoni soċjali, biex jiżguraw u jżidu l-investiment fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali sabiex tiġi ggarantita l-prestazzjoni tagħhom fl-indirizzar u fil-prevenzjoni tal-faqar u tal-inugwaljanzi filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom;

8.  Jiġbed l-attenzjoni, b'rabta mad-dibattitu dwar l-introjtu minimu, għall-pożizzjoni partikolari tal-familji u tal-ġenituri waħedhom u kemm dawn huma partikolarment affettwati;

9.  Jenfasizza li l-persuni għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija u li dan id-dritt jiġi rikonoxxut bis-sħiħ u jsir viżibbli fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni billi jiġu żgurati sistemi universali ta' protezzjoni soċjali ta' kwalità tajba li jinkludu fihom skemi effikaċi u adegwati ta' introjtu minimu;

10.  Iqis li l-protezzjoni soċjali, inklużi l-pensjonijiet u s-servizzi bħall-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal u l-kura fit-tul, jibqgħu essenzjali għal tkabbir bilanċjat u inklużiv, għaliex dawn jikkontribwixxu wkoll għal ħajja tax-xogħol itwal, joħolqu l-impjiegi u jnaqqsu l-inugwaljanzi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki li jiżguraw is-suffiċjenza, l-adegwatezza, l-effiċjenza kif ukoll il-kwalità tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' persuna, b'hekk jiggarantixxu ħajja deċenti, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u t-tisħiħ tal-inklużjoni bl-għan li jeqirdu l-faqar, speċjalment għal dawk esklużi mis-suq tax-xogħol u għall-gruppi l-aktar vulnerabbli;

11.  Jenfasizza li introjtu adegwat tul iċ-ċiklu tal-ħajja huwa fundamentali biex jgħin lin-nies li għandhom livelli insuffiċjenti ta' introjtu jiksbu ħajja deċenti;

12.  Jenfasizza li skemi adegwati ta' introjtu minimu bħala għodda ta' inklużjoni attiva jippromwovu l-parteċipazzjoni u l-inklużjoni soċjali;

13.  Ifakkar li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 huwa t-tnaqqis tal-għadd ta' dawk affettwati mill-faqar u l-esklużjoni soċjali b'tal-inqas 20 miljun u li hemm bżonn ta' aktar sforzi biex jintlaħaq dak l-għan; jemmen li l-iskemi ta' introjtu minimu jistgħu jkunu mod utli biex jintlaħaq dan l-objettiv;

14.  Jenfasizza li l-impjiegi deċenti huma l-aħjar mod biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali; ifakkar f'dan il-kuntest fl-importanza li tingħata spinta lit-tkabbir, l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol;

15.  Jiddispjaċih ħafna li xi Stati Membri jidhru li mhumiex jirrispettaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE li tirrikonoxxi "id-dritt bażiku ta' persuna li jkollha riżorsi adegwati u assistenza soċjali biex tgħix b'mod li jkun kompatibbli mad-dinjità tal-bniedem";

16.  Jenfasizza li, minkejja li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom skemi nazzjonali ta' introjtu minimu, għadd ta' dawn l-iskemi ma jipprovdux appoġġ adegwat għall-introjtu għall-persuni kollha li jeħtiġuhom[24]; jistieden lill-Istati Membri kollha jipprevedu l-introduzzjoni u, jekk meħtieġ, l-aġġornament ta' skemi ta' introjtu minimu garantiti biex jgħinu jimpedixxu l-faqar u jinkoraġġixxu l-inklużjoni soċjali;

17.  Jenfasizza li l-introduzzjoni ta' skema nazzjonali ta' introjtu minimu jenħtieġ li ma tnaqqasx il-protezzjoni mogħtija minn skemi reġjonali ta' introjtu minimu;

18.  Jenfasizza l-importanza tas-Semestru Ewropew biex dawk l-Istati Membri li s'issa għad m'għandhomx skemi ta' introjtu minimu jiġu mħeġġa jintroduċu sistemi ta' appoġġ għal introjtu adegwat;

19.  Jinnota li f'xi Stati Membri, l-intitolament għall-benefiċċji ta' introjtu minimu huwa soġġett għall-parteċipazzjoni f'miżuri attivi tas-suq tax-xogħol; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol importanti tal-UE bħala mezz li jippermetti lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki;

20.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tal-introjtu minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa,

21.  Jieħu nota tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar id-direttiva qafas dwar introjtu minimu adegwat fl-Unjoni Ewropea li għandha tistabbilixxi regoli u indikaturi komuni, tipprovdi metodi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha u ttejjeb id-djalogu bejn l-individwi kkonċernati, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jindika, f'dan ir-rigward, kif diġà ntwera, li huwa legalment possibbli li jkun hemm direttiva qafas dwar l-introjtu minimu fi ħdan il-kuntest tat-Trattati tal-UE fis-seħħ[25]; iqis li qafas ta' dan it-tip għandu jserraħ fuq elementi tanġibbli u għandu jikkunsidra l-kuntest soċjali u ekonomiku u l-prattiki storiċi ta' kull Stat Membru, li dan jista' jkun inċentiv li jimmotiva lill-persuni biex ikunu ekonomikament attivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jivvalutaw il-mod u l-mezzi li bihom jipprovdu introjtu minimu adegwat fl-Istati Membri kollha;

22.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li s-Semestru Ewropew issa qed jitfa' enfasi aktar b'saħħitha fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali iżda jemmen li hemm bżonn aktar sforzi biex jintlaħaq dan l-għan u biex tiġi żgurata koerenza globali, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-investiment soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tivvaluta b'mod regolari l-progress li sar mill-Istati Membri fir-rigward tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) fl-għoti ta' servizzi aċċessibbli, affordabbli u ta' kwalità, kif ukoll fl-implimentazzjoni ta' skemi adegwati u effiċjenti ta' introjtu minimu;

23.  Jenfasizza l-importanza tas-Semestru Ewropew fil-monitoraġġ tal-adegwatezza tal-iskemi eżistenti ta' introjtu minimu u l-impatt tagħhom fuq it-tnaqqis tal-faqar, b'mod speċifiku permezz tas-CSRs, iżda jenfasizza wkoll l-importanza tar-rapport konġunt dwar l-impjiegi u tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir;

24.  Jenfasizza li l-iskemi ta' introjtu minimu għandhom jiżguraw introjtu li huwa ogħla mis-soll tal-faqar, li jimpedixxi privazzjoni materjali severa, u li jerfa' l-familji minn sitwazzjonijiet bħal dawn, u għandu jkun akkumpanjat mill-għoti ta' servizzi pubbliċi bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-kura tat-tfal;

25.  Iqis li skemi nazzjonali ta' introjtu minimu għandhom ikunu integrati f'approċċ strateġiku dwar l-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali, li jinvolvi kemm il-politiki ġenerali kif ukoll miżuri mmirati - f'dak li jirrigwarda l-akkmodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-servizzi soċjali u servizzi oħra ta' interess ġenerali - u b'hekk jgħin lin-nies joħorġu mill-faqar filwaqt li jipprovdi appoġġ personalizzat, kif ukoll assistenza biex jinkiseb aċċess għas-suq tax-xogħol għal dawk li jistgħu jaħdmu; jemmen li l-objettiv reali tal-iskemi ta' introjtu minimu mhuwiex biss li jgħin lill-benefiċjarji, imma fuq kollox biex jakkumpanjahom ħalli minn sitwazzjonijiet ta' esklużjoni soċjali jgħaddu għal ħajja attiva, b'hekk jevitaw dipendenza fuq terminu twil;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni u l-ippjanar integrat bejn l-amministrazzjonijiet u s-servizzi li jindirizzaw oqsma differenti ta' inklużjoni attiva, billi jiżviluppaw punt uniku ta' kuntatt għall-klijenti u jtejbu l-kapaċità tar-riżorsi u d-disponibbiltà għalihom, sabiex jiżdied l-aċċess għas-servizzi u titjieb il-kwalità tagħhom;

27.  Iqis li huwa kruċjali li jiġi ggarantit introjtu adegwat anki għall-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli li għalihom ritorn lejn ix-xogħol mhuwiex possibbli jew ma għadux għażla, kif rikonoxxut mir-Rakkomandazzjoni dwar l-Inklużjoni Attiva;

28.  Jitlob li jsir progress sinifikanti u verifikat dwar l-adegwatezza tal-iskemi tal-introjtu minimu sabiex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali partikolarment fost dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà u jgħin biex jiġi garantit id-dritt ta' ħajja dinjituża;

29.  Jinnota bi tħassib li f'ħafna Stati Membri, pereżempju, l-ispejjeż tal-kura fit-tul saħansitra jaqbżu l-introjtu medju tal-pensjonijiet; jenfasizza l-importanza li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-ispejjeż tal-għajxien tal-gruppi ta' etajiet differenti;

30.  Jenfasizza l-importanza li jiġu definiti kriterji ta' eliġibbiltà xierqa adattati għas-sitwazzjoni soċjoekonomika fl-Istati Membri sabiex ikun possibbli li wieħed jista' jibbenefika minn skema ta' introjtu minimu adegwat; jemmen li dawn il-kriterji għandhom jinkludu l-fatt li persuna ma tkunx qed tibbenefika minn benefiċċju tal-qgħad, jew il-fatt li tkun benefiċjarju ma jkunx biżżejjed biex jiġu evitati l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u għandhom iqisu wkoll l-għadd ta' tfal u dipendenti oħra; jenfasizza, barra minn hekk, li dawn il-kriterji jenħtieġ li ma joħolqux ostakoli amministrattivi għall-aċċess għall-iskemi ta' introjtu minimu għall-persuni li diġà jinsabu f'sitwazzjoni vulnerabbli ħafna, (eż.ma għandux ikun rikjest indirizz fiss għall-persuni mingħajr dar);

31.  Itenni l-importanza ta' aċċess ugwali għall-iskemi ta' introjtu minimu mingħajr ebda diskriminazzjoni fir-rigward tal-etniċità, is-sess, il-livell tal-edukazzjoni, in-nazzjonalità, l-orjentazzjoni sesswali, ir-reliġjon, id-diżabilità, l-età, l-opinjoni politika jew l-isfond soċjoekonomiku;

32.  Jinsab imħasseb dwar ir-rata għolja ta' persuni li ma jeħdux il-benefiċċji fost dawk li huma intitolati għal introjtu minimu; iqis li n-nuqqas ta' teħid tal-benefiċċji huwa wieħed mill-ostakoli ewlenin għall-inklużjoni soċjali tal-persuni kkonċernati; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jagħmlu aktar riċerka dwar il-problema tan-nuqqas ta' teħid tal-benefiċċji u jiżviluppaw rakkomandazzjonijiet u linji gwida sabiex tiġi indirizzata din il-problema; jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu n-nuqqas ta' teħid ta' benefiċċji, anki billi jżidu l-għarfien pubbliku dwar l-eżistenza ta' skemi ta' introjtu minimu, jipprovdu linji gwida xierqa dwar l-aċċess għal dawk l-iskemi u jtejbu l-organizzazzjoni amministrattiva tagħhom;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jieħdu miżuri li jiddefinixxu l-kriterji ta' introjtu minimu, abbażi ta' indikaturi rilevanti, inklużi baġits ta' referenza, li jiggarantixxu l-koeżjoni ekonomika u soċjali u jnaqqsu r-riskju tal-faqar fl-Istati Membri kollha; huwa tal-fehma li din l-informazzjoni għandha tkun ippreżentata kull sena fil-Jum Internazzjonali għall-Qerda tal-Faqar (is-17 ta' Ottubru);

34.  Jinnota li ħafna Stati Membri diġà jużaw l-Indikaturi tal-Protezzjoni tal-Introjtu Minimu (MIPI); jitlob l-użu tad-data tal-MIPI mill-Istati Membri kollha, li tippermetti wkoll paragun aħjar bejn is-sistemi nazzjonali;

35.  Jemmen li l-introjtu minimu jenħtieġ li jitqies fuq bażi temporanja u għandu dejjem ikun akkumpanjat b'politiki ta' inklużjoni attiva fis-suq tax-xogħol;

36.  Jargumenta li skemi ta' introjtu minimu huma strumenti tranżitorji biex jitnaqqas u jiġu miġġielda l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza u li dawn għandhom jitqiesu bħala investiment soċjali; jinnota l-effetti kontroċikliċi ta' skemi ta' introjtu minimu;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa, meta jiġu determinati l-livelli ta' introjtu minimu, li jittieħed kont xieraq tad-dipendenti, b'mod partikolari t-tfal u persuni b'dipendenza għolja, bil-għan li jinkiser iċ-ċirku vizzjuż tal-faqar, b'mod partikolari tal-faqar fost it-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tar-rakkomandazzjoni tal-2013 dwar "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ", barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tfassal rapport annwali tal-progress li jkun sar fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni bl-għajnuna tal-indikaturi inklużi fih;

38.  Jirrimarka li l-baġits ta' referenza jistgħu jgħinu jistabbilixxu l-livell tal-introjtu minimu meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet fundamentali tal-persuni, inklużi wkoll aspetti mhux monetarji, bħall-aċċess għall-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, akkomodazzjoni deċenti, servizzi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità, attivitajiet soċjali jew parteċipazzjoni ċivika, filwaqt li jqisu l-kompożizzjoni tal-familja u l-etajiet, kif ukoll il-kuntest ekonomiku u soċjali ta' kull Stat Membru; ifakkar li l-Kummissjoni, fil-Pakkett ta' Investiment Soċjali tagħha ta' komunikazzjoni, tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu baġits ta' referenza li jgħinu fit-tfassil ta' appoġġ għal introjtu effiċjenti u xieraq li jqis il-ħtiġijiet soċjali identifikati fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex titjieb il-koeżjoni territorjali; jitlob, barra minn hekk, l-użu tal-baġits ta' referenza bħala għodda biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-iskemi ta' introjtu minimu pprovduti mill-Istati Membri;

39.  Jemmen li l-Istati Membri, meta jistabbilixxu l-iskemi ta' introjtu minimu adegwati għandhom iqisu il-limitu minimu tar-riskju ta' faqar tal-Eurostat, stabbilit għal 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tal-medjan nazzjonali (wara t-trasferimenti soċjali), flimkien ma' indikaturi oħra bħal baġits ta' referenza; iqis li l-baġits ta' referenza jistgħu jintużaw biex jindirizzaw aħjar il-faqar u biex jittestjaw ir-robustezza tal-livell tal-introjtu minimu u tal-limitu minimu msemmi hawn fuq, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

40.  Jemmen li n-nuqqas ta' ċifri aġġornati dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien huwa ostakolu għall-implimentazzjoni u l-paragun ta' baġit ta' referenza u ta' introjtu minimu meta jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki mill-iskemi ta' introjtu minimu;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jiddokumentaw u jxerrdu eżempji ta' strateġiji ta' suċċess u jippromwovu evalwazzjonijiet bejn il-pari u metodi oħra għall-iskambju ta' prattiki tajba dwar skemi ta' introjtu minimu; jirrakkomanda li dawn l-isforzi jiffukaw fuq kwistjonijiet ewlenin bħall-iżgurar ta' rivalutazzjoni regolari, titjib fil-kopertura u t-teħid, l-indirizzar tad-diżinċentivi u t-tisħiħ fir-rabtiet bejn it-taqsimiet differenti ta' inklużjoni attiva;

43.  Jemmen li, minħabba l-ħafna mistoqsijiet li jirriżultaw mill-iskemi ta' introjtu minimu, bħall-aċċessibbiltà, il-kopertura, il-finanzjament, il-kundizzjonijiet tal-intitolament u t-tul ta' żmien, kunċett imfassal fil-livell Ewropew li jikkonċerna objettivi komuni għall-iskemi nazzjonali ta' introjtu minimu jista' jkun ta' għajnuna fil-kontribut ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn l-Istati Membri; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt ta' skemi ta' introjtu minimu fl-UE biex titlob sorveljanza u rappurtar regolari u tqis li tieħu azzjoni ulterjuri billi tikkunsidra ċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali ta' kull Stat Membru u l-ħtiġijiet tal-gruppi l-aktar affettwati, kif ukoll tivvaluta jekk l-iskemi jippermettux lill-familji jilħqu l-ħtiġijiet personali bażiċi tagħhom u jonqos il-faqar;

44.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-miżuri ta' awsterità li ddominaw il-politika ekonomika ddefinita mill-UE fis-snin reċenti wasslu għal tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku, b'żieda fil-livell tal-qgħad u tnaqqis ta' opportunitajiet ta' xogħol, li dan żied in-numru ta' nies fir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, u li din il-problema hi partikolarment akuta f'xi Stati Membri li jbatu minn rati għolja ta' qgħad jew ta' inattività fit-tul;

45.  Jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fl-ammont u/jew fit-tul tal-benefiċċji tal-qgħad kif ukoll fir-restrizzjoni tal-kriterji ta' eliġibbiltà li seħħew f'ħafna Stati Membri fis-snin reċenti, li rriżultaw f'aktar persuni jkollhom jiddependu aktar fuq l-iskemi ta' introjtu minimu u jikkawżaw b'hekk pressjoni żejda fuq dawn l-iskemi[26];

46.  Jenfasizza li l-inugwaljanzi qegħdin jikbru fi ħdan kull Stat Membru u fi ħdan l-UE;

47.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li f'ħafna Stati Membri l-livell ta' benefiċċji u l-kopertura ta' skemi ta' introjtu minimu jidhru li tnaqqsu fis-snin reċenti; iqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jżidu l-kopertura bi skemi ta' introjtu minimu tal-persuni li jeħtieġu l-appoġġ, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ESPN[27]:

a.  jistieden lill-Istati Membri b'sistemi kumplessi u frammentati ħafna, jissimplifikaw dawn is-sistemi u jiżviluppaw oħrajn aktar komprensivi;

b.  jistieden lill-Istati Membri, li attwalment għandhom livelli baxxi ta' kopertura, jeżaminaw mill-ġdid il-kundizzjonijiet tagħhom sabiex jiżguraw li l-persuni kollha fil-bżonn ikunu koperti;

c.  jistieden lill-Istati Membri, li attwalment l-iskemi tagħhom ta' introjtu minimu jeskludu gruppi sinifikanti li jesperjenzaw il-faqar, bħall-persuni mingħajr dar, ir-refuġjati, il-persuni li jfittxu l-asil, ir-Rom jew iż-żgħażagħ, jemendaw l-iskemi tagħhom biex ikopruhom aħjar;

d.  jistieden lill-Istati Membri, b'livelli għolja ta' diskrezzjoni amministrattiva fis-sistemi ewlenin ta' introjtu tagħhom, jippruvaw jillimitaw din id-diskrezjoni u jiżguraw li jkun hemm kriterji ċari u konsistenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet marbuta ma' proċess effikaċi tal-appelli;

48.  Jenfasizza l-importanza li tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja tal-ħaddiema, dawk li huma qiegħda u l-gruppi soċjali vulnerabbli kollha kif ukoll il-ħtieġa li jitjieb il-livell tal-kwalifiki professjonali u l-ksib ta' ħiliet ġodda, li huma għodda fundamentali biex titħaffef l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, tiżdied il-produttività u biex in-nies jiġu megħjuna jsibu impjieg;

49.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-iżviluppi demografiċi b'rabta mal-ġlieda kontra l-faqar fl-Ewropa;

50.  Jenfasizza li jeħtieġ jittieħdu passi prattiċi urġenti biex jinqerdu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, jiġu promossi xbieki ta' sikurezza soċjali effikaċi, b'tali mod li jassiguraw koeżjoni ekonomika u territorjali; jenfasizza li dawn il-passi jridu jitwettqu fil-livell xieraq, b'azzjonijiet kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew skont it-tqassim tal-kompetenzi għall-politiki rilevanti;

51.  Jappoġġja l-approċċ ta' investiment soċjali tal-Kummissjoni li jikkunsidra l-politiki soċjali mfassla sew bħala li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, filwaqt li jipproteġu l-persuni mill-faqar u jaġixxu bħala stabbilizzaturi ekonomiċi[28];

52.  Jilqa' r-riflessjonijiet u l-istudji dwar kif tista' tinkiseb distribuzzjoni aktar ġusta ta' introjtu u ġid fi ħdan is-soċjetajiet tagħna;

53.  Jenfasizza li fatturi ewlenin li jxekklu l-iżvilupp ta' approċċ ta' investiment soċjali mill-Istati Membri jinkludu l-impatt tal-kriżi ekonomika u tal-politika dwar l-ambjent dominati mill-awsterità[29];

54.  Jitlob li tingħata attenzjoni xierqa minn issa, fit-tfassil ta' politiki makroekonomiċi, sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u jiġi garantit aċċess għall-gruppi soċjali kollha b'finanzjament kif xieraq mis-servizzi soċjali pubbliċi, b'hekk jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

55.  Jitlob li tittieħed azzjoni biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali, billi l-persuni jitħallew jagħmlu l-aħjar użu mid-doni u l-kapaċitajiet tagħhom; jitlob ukoll appoġġ soċjali li jkun iffokat fuq dawk li huma fqar u ma jkunux jistgħu jaqilgħu biżżejjed flus permezz tal-isforzi proprji tagħhom;

56.  Jinnota li l-esperjenzi reċenti ta' riformi bbażati fuq eżenzjonijiet mit-taxxa juru li jaqbel aktar li l-politiki ta' introjtu minimu jiġu ffinanzjati bl-appoġġ tal-baġit milli b'inċentivi fiskali;

57.  Jissottolinja l-fatt li l-edukazzjoni, it-trasferimenti soċjali u sistemi ta' taxxa progressivi, ġusti u ridistributtivi, flimkien ma' miżuri prattiċi li jsaħħu l-kompetittività u jiġġieldu l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, kollha għandhom il-potenzjal sabiex jikkontribwixxu għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

58.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-adattament tal-iskemi eżistenti ta' introjtu minimu sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

Programmi pubbliċi tal-Impjieg

59.  Jieħu nota ta' ċerti programmi pubbliċi tal-impjieg, li jikkonsistu fl-għażla, għal dawk li jixtiequ u jistgħu jaħdmu, ta' impjieg tranżizzjonali fis-settur pubbliku jew f'entitajiet mingħajr skop ta' qligħ u f'intrapriżi tal-ekonomija soċjali; jenfasizza, madankollu, li huwa importanti li dawn il-programmi jippromwovu xogħol bi drittijiet, abbażi ta' negozjar kollettiv u l-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol;

60.  Huwa tal-fehma li programmi pubbliċi tal-impjieg għandhom jgħinu biex itejbu l-impjegabbiltà tal-ħaddiema u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom fis-suq tax-xogħol regolari; ifakkar li dawn il-programmi għandhom jinkludu itinerarju personalizzat u għandhom jipprovdu pagi deċenti u jwasslu għal xogħol deċenti;

61.  Jemmen li l-ħolqien ta' impjiegi deċenti għandu jkun prijorità għall-UE, bħala pass importanti biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' politiki u programmi dwar l-introjtu minimu;

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 245, 26.8.1992, p. 46.
  • [2]  ĠU L 245, 26.8.1992, p. 49.
  • [3]  ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.
  • [4]  ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.
  • [5]  ĠU C 212E, 5.8.2010, p. 11.
  • [6]  ĠU C 70E, 8.3.2012, p. 8.
  • [7]  ĠU C 419, 16.12.2015, p. 5.
  • [8]  Testi adottati, P8_TA(2015)0401.
  • [9]  Testi adottati, P8_TA(2016)0136.
  • [10]  Testi adottati, P8_TA(2016)0235.
  • [11]  Testi adottati, P8_TA(2016)0355.
  • [12]  Testi adottati, P8_TA(2017)0010.
  • [13]  Testi adottati, P8_TA(2016)0317.
  • [14]  "Semestru Ewropew: Valutazzjoni tal-progress dwar riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi, u riżultati tal-analiżijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011" (COM(2017)0090)
  • [15]  https://www.eurofound.europa.eu/publications/report/2017/income-inequalities-and-employment-patterns-in-europe-before-and-after-the-great-recession
  • [16]  "Towards a European minimum income", Novembru 2013: http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/revenu-minimum_-etude-ose_-vfinale_en--2.pdf
  • [17]  Data tal-Eurostat.
  • [18]  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (Com(2016)127) – Anness I
  • [19]  Netwerk Ewropew dwar il-Politika Soċjali, "Minimum Income Schemes in Europe: A study of national policies 2015"(Skemi ta' introjtu miminu fl-Ewropa: studju tal-politiki nazzjonali 2015), Jannar 2016
  • [20]  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Combating Poverty and Social Exclusion: An integrated approach" (Il-ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Approċċ integrat), 16 ta' Ġunju 2016
  • [21]  Dokument tal-Kunsill 6885/17: "L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2017: Gwida politika dwar il-politika tal-impjiegi u dik soċjali - Konklużjonijiet tal-Kunsill (3 ta' Marzu 2017)"; u d-dokument tal-Kunsill 6887/17: "Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mill-Kummissjoni u l-Kunsill li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni fuq l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017 (3 ta' Marzu 2017)".
  • [22]  Netwerk Ewropew dwar il-Politika Soċjali, "Minimum Income Schemes in Europe: A study of national policies 2015"(Skemi ta' introjtu minimu fl-Ewropa: Studju tal-politiki nazzjonali 2015), Jannar 2016
  • [23]  Ara: Bank Dinji ,"Poverty Reduction and Growth: The Virtuous and Vicious Circle" (Tnaqqis fil-Faqar u Tkabbir: Iċ-Ċirku Virtuż u Vizzjuż), 2006; OECD, "Trends in Income Inequality and its Impact on Economic Growth" (Xejriet fl-Inugwaljanza fl-Introjtu u l-Impatti tagħha fuq it-Tkabbir Ekonomiku), 2014.
  • [24]  "Minimum Income Schemes in Europe - A study of national policies 2015" (Skemi ta' Introjtu Minimu fl-Ewropa - Studju dwar il-politiki nazzjonali 2015)
  • [25]  A. Van Lancker, "EAPN Working Paper on a Framework Directive on adequate minimum income" (Dokument ta' Ħidma tal-EAPN dwar Direttiva Qafas dwar introjtu minimu adegwat), Settembru 2010
  • [26]  Netwerk Ewropew dwar il-Politika Soċjali, "Social Investment in Europe: A study of national policies 2015"(Investiment Soċjali fl-Ewropa: Studju tal-politiki nazzjonali 2015), Jannar 2016
  • [27]  Netwerk Ewropew dwar il-Politika Soċjali, "Minimum Income Schemes in Europe: A study of national policies 2015"(Skemi ta' introjtu minimu fl-Ewropa: Studju tal-politiki nazzjonali 2015), Jannar 2016
  • [28]  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020" – COM (2013) 0083, 20 ta' Frar 2013; u: ESPN, "Social Investment in Europe: A study of national policies 2015"(L-Investiment Soċjali fl-Ewropa: Studju tal-politiki nazzjonali 2015), 2015
  • [29]  "Social Investment in Europe" (L-Investiment Soċjali fl-Ewropa) (op. cit.).

NOTA SPJEGATTIVA

Il-kriżi finanzjarja l-kbira li ilha taffettwa l-kontinent Ewropew sa mill-2008 ħalliet impatt permanenti fuq is-suq tax-xogħol Ewropew. Hi ħalliet effett sinifikanti fuq in-nisġa soċjali, tant li bidlitha sew, u kabbret b'mod esponenzjali d-distakk bejn il-klassijiet soċjali, filwaqt li enfasizzat tip ta' suddiviżjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-kontinent u kkawżat sallum 120 miljun ċittadin li qed jgħixu f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali.

Minkejja l-isforzi min-naħa kemm tal-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll tal-gvernijiet nazzjonali biex jiġu adottati miżuri li b'xi mod jistgħu jrażżnu l-effetti tal-kriżi, għadna llum b'livelli ta' qgħad u ta' faqar li ma jidhirx li qed jonqsu; barra minn hekk, ir-riformi strutturali imposti fuq l-Istati Membri u t-tentattivi mill-gvernijiet nazzjonali biex jippromwovu politiki attivi tal-impjieg ma pproduċew ebda riżultati sinifikanti.

Dan ir-rapport dwar l-introjtu minimu għandu l-għan li jipprovdi gwida prattika dwar kif wieħed għandu jaġixxi, minn naħa, biex itaffi l-effetti soċjali tal-kriżi ekonomika, b'ħidma effikaċi li toħroġ lill-120 miljun ċittaddin Ewropew mill-faqar u l-esklużjoni soċjali li llum qed jgħixu f'din is-sitwazzjoni, u min-naħa l-oħra, biex ikunu inċentivati politiki attivi mfassla sabiex joħolqu postijiet tax-xogħol u jiggarantixxu impjiegi sostenibbli.

Minħabba diversi fatturi, il-ħaddiema li jispiċċaw qiegħda jitilfu wkoll is-setgħa ta' negozjar u jispiċċaw esklużi, b'mod li diffiċli jerġa' jkollhom il-possibbiltà li jidħlu lura fis-suq tax-xogħol. Il-fatt li jibqgħu barra mis-suq tax-xogħol, iwassal biex is-sitwazzjoni tagħhom tkompli teħżien għaliex progressivament jitilfu wkoll il-ħiliet u l-istima tagħhom infushom kif ukoll l-entużjażmu li jwassal imbagħad biex ma jibqgħux jipparteċipaw f'ħajja soċjali attiva. Il-ħsara li ssir hi kbira u diversa:

•  telf ta' produzzjoni;

•  esklużjoni soċjali;

•  deterjorament tal-ħiliet;

•  ħsara psikoloġika;

•  aspettattiva tal-ħajja mnaqqsa;

•  telf ta' motivazzjoni;

•  tmur lura l-ħajja tal-familja;

•  jikbru l-inugwaljanzi;

•  jintilfu l-valuri u r-responsabbiltajiet.

Barra minn hekk it-telf tal-impjieg jista' f'ċerta każijiet jirrappreżenta aċċess għal impjieg mhux iddikjarat, li hu vitali li jiġi miġġieled b'kull mod.

Il-ħtieġa li jinħoloq qafas Ewropew dwar l-introjtu minimu ġej mill-fatt li deher ċar li d-diversi miżuri li ħadu diversi Stati Membri f'dan il-kuntest ma għandhomx il-potenzjal jindirizzaw b'mod komprensiv il-problema tal-faqar u l-inugwaljanzi. L-Ewropa f'dan ir-rigward għandha tagħmel kull sforz possibbli biex tipprova tilħaq l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 li tistabbilixxi bħala mira fundamentali, dik li twassal biex persuni li jgħixu fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali joħorġu minn din is-sitwazzjoni.

Illum dan l-objettiv jista' jintlaħaq permezz ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol, ta' taħriġ u ta' appoġġ lill-individwi f'kull qasam li jkunu involuti fih.

Postijiet ġodda tax-xogħol huma possibli b'attenzjoni fuq dawk is-setturi li llum nafu li huma l-aktar adatti biex jirċievu investimenti sostanzjali, bħalma huma l-ekonomija ċirkolari, l-ekonomija ekoloġika u l-ekonomija soċjali, filwaqt li jkun żgurat li jkunu aġġornati l-ħiliet u msaħħa dawk il-ħiliet diġà akkwistati.

Talba oħra bażika li qed jagħmel dan ir-rapport hu li jkunu użati indikaturi rilevanti u komuni li jistgħu jiggarantixxu l-koeżjoni ekonomika u soċjali biex b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' livelli ta' rimunerazzjonijiet differenti għall-istess attivitajiet.

L-iskema ta' introjtu minimu għandha timxi id f'id ma' approċċ strateġiku li jimmira lejn l-integrazzjoni soċjali; għal dan il-għan, hu rakkomandat li, flimkien mal-implimentazzjoni ta' skema ta' introjtu minimu, ikunu assoċjati miżuri effikaċi ta' protezzjoni soċjali fir-rigward ta' oqsma differenti tal-ħajja taċ-ċittadini bħalma huma l-garanzija ta' akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

L-għan ta' dan ir-rapport hu li mhux biss jistimola dibattitu dwar is-suġġett, li issa ilu preżenti f'kull livell għal ħafna snin, imma wkoll li jimpenja lill-Kummissjoni biex tieħu pożizzjoni deċiża u fattwali dwaru.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (29.6.2017)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

rigward politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar
(2016/2270(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Miguel Viegas

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi fl-2015, 23,7 % tal-popolazzjoni u 12,5 % tal-persuni impjegati li għandhom 'il fuq minn 18-il sena fl-UE-28, kienu f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali[1];

B.  billi fl-2015, 17,3 % tal-popolazzjoni fl-UE-28 kienu f'riskju speċifiku ta' faqar[2]; billi, skont il-Eurostat, dan l-indikatur speċifiku ma jkejjilx il-prosperità jew il-faqar, iżda juri li individwu, meta mqabbel ma' persuni oħra fl-istess pajjiż, għandu introjtu baxx u dan mhux neċessarjament jikkorrispondi għal standard tal-għajxien baxx;

C.  billi bejn l-2008 u l-2015 in-numru kumulattiv ta' persuni f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali żdied b'1.6 miljuni fl-UE (+5,5 miljuni fiż-żona tal-Euro), b'kuntrast mal-mira tal-Europe 2020 li sal-2020 dan jitnaqqas b'20 miljun;

D.  billi, skont il-metodoloġija żviluppata mill-Eurostat[3], il-limitu minimu ta' riskju ta' faqar huwa stabbilit għal 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tal-medjan nazzjonali (wara trasferimenti soċjali);

E.  billi l-Ewropa hija wieħed mill-aktar reġjuni sinjuri fid-dinja, għalkemm data reċenti dwar il-faqar abbażi tal-introjtu tenfasizza ż-żieda fil-faqar kif ukoll privazzjoni materjali gravi fl-Ewropa;

F.  billi l-faqar abbażi tal-introjtu huwa biss parti mill-kunċett globali tal-faqar, u l-kunċett ta' faqar għalhekk ma jirreferix biss għal riżorsi materjali, iżda wkoll għal riżorsi soċjali, b'mod partikolari l-edukazzjoni, is-saħħa u l-aċċess għas-servizzi;

G.  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Schuman tad-9 ta' Mejju 1950, li sejħet għall-"ugwalizzazzjoni u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema";

H.  billi għadd ta' Stati Membri jeħtiġilhom jindirizzaw id-defiċits baġitarji gravi u żieda fil-livelli tad-dejn u konsegwentement qed jissikkaw il-kontroll fuq l-infiq soċjali li affettwa s-saħħa pubblika, l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali u s-sistemi ta' protezzjoni u tad-djar, u b'mod partikolari, l-aċċess għas-servizzi relatati u l-adegwatezza, id-disponibbiltà u l-kwalità ta' dawk is-servizzi, li jwassal għal impatt negattiv b'mod speċjali fuq dawk l-aktar fil-bżonn f'dawk l-Istati Membri;

I.  billi r-riformi strutturali tas-swieq tax-xogħol u l-konsolidazzjoni fiskali kellhom effetti ħżiena tant li żiedu d-diverġenzi fost l-Istati Membri f'termini ta' kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-introjtu disponibbli tal-familji, u li rriżultaw f'disparità fi ħdan l-UE; billi, pereżempju, il-livell ta' għajxien medjan ta' 10 % tal-familji l-aktar fqar fi Franza huwa ogħla mil-livell ta' għajxien medjan tal-popolazzjoni Portugiża kollha kemm hi, u l-livell ta' għajxien medjan ta' 1 % tal-familji l-aktar sinjuri fil-Lussemburgu huwa 75 darba ogħla mil-livell ta' għajxien medjan ta' 10 % tal-ifqar familji fir-Rumanija;

J.  billi l-politiki dwar l-introjtu minimu jaġixxu bħala stabbilizzatur awtomatiku; billi r-reċessjoni kienet inqas gravi fil-pajjiżi li għandhom sistemi solidi ta' appoġġ għall-introjtu disponibbli tal-familji;

K.  billi l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa joħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi fi ħdan l-UE u qed iċaħħdu lill-Istati Membri minn għadd kbir ta' dħul li jista' kieku jikkontribwixxi bħala finanzjament suffiċjenti għal politiki soċjali b'saħħithom u l-benesseri taċ-ċittadini, kif ukoll inaqqas id-dħul tal-gvern meta tali dħul jista' jiffinanzja kundizzjonijiet aħjar għat-tkabbir ekonomiku, għal introjti ogħla u għall-politiki soċjali; billi dan il-fenomenu għadu problema serja għall-UE;

L.  billi l-edukazzjoni, it-trasferimenti u l-benefiċċji soċjali ridistributtivi, il-politika fiskali ġusta u politika tal-impjieg soda huma fatturi importanti biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-introjtu, titnaqqas ir-rata tal-qgħad u jonqos il-faqar;

M.  wara li kkunsidra l-inklinazzjonijiet differenti ta' konsum li jikkaratterizzaw diversi kwintili tal-introjtu[4]; billi jidher li l-politiki li jappoġġjaw l-aktar setturi soċjali mċaħħda fl-UE se jkunu ta' benefiċċju għall-ekonomija kollha u se jkollhom it-tendenza li jkunu newtrali f'termini ta' baġit; billi l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) kkonkluda li "jekk is-sehem tal-introjtu tal-ogħla 20 fil-mija jiżdied b'1 punt perċentwali, it-tkabbir tal-PDG ikun fil-fatt 0,08 punt perċentwali aktar baxx matul il-ħames snin ta' wara" u li, min-naħa l-oħra, "żieda simili tas-sehem tad-dħul tal-aħħar 20 fil-mija (il-foqra) hija assoċjata ma' 0,38 punti perċentwali ogħla ta' tkabbir"[5];

N.  billi l-introduzzjoni u t-tisħiħ tal-politiki ta' introjtu minimu, jekk jiġu kombinati kif xieraq ma' miżuri u politiki oħrajn dwar is-swieq soċjali u tax-xogħol, jistgħu joffru mod li bih jiġi indirizzat il-faqar, li jkunu appoġġjati l-inklużjoni soċjali u l-aċċess għas-suq tax-xogħol;

O.  billi għadd ta' studji wrew kif il-faqar qed jaffettwa b'mod negattiv it-tkabbir ekonomiku[6];

P.  billi skemi ta' introjtu minimu jistgħu jaġixxu bħala stabbilizzaturi awtomatiċi makroekonomiċi b'rispons għal xokkijiet ekonomiċi;

Q.  billi l-effettività tal-iskemi ta' introjtu minimu b'mod li jtaffu l-faqar, irawmu l-integrità tas-suq tax-xogħol speċjalment għaż-żgħażagħ, u jaġixxu bħala stabbilizzaturi awtomatiċi jvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri;

R.  billi s-sistemi ta' appoġġ għall-introjtu mfassla sew ma jiffunzjonawx bħala diżinċentivi għax-xogħol[7];

S.  billi l-kunċett ta' introjtu minimu ma jridx jitħallat ma' dak ta' paga minima;

T.  billi l-fatt li jiġi żgurat li introjtu minimu għal dawk li m'għandhomx biżżejjed riżorsi għal ħajja deċenti, jew ma jirċevux ħlas xieraq għax-xogħol tagħhom, jiġi kopert mill-ewwel pilastru tad-drittijiet soċjali;

U.  billi xi Stati Membri qed iniedu proġetti pilota għall-ittestjar tal-politiki ta' introjtu bażiku, fosthom il-Finlandja, fejn kampjun aleatorju ta' 2 000 persuna qiegħda se jirċievu somma inkondizzjonata ta' EUR 560 fix-xahar, li għandha tipproduċi inċentiv xieraq sabiex jiġi aċċettat xogħol temporanju u part-time;

V.  billi l-implimentazzjoni ta' skemi ta' introjtu bażiku qed tiġi diskussa f'diversi Stati Membri;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi evalwazzjoni ladarba tintemm l-esperimentazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-iskemi ta' introjtu bażiku li għaddejja bħalissa fl-Istati Membri;

2.  Jenfasizza li jeħtieġ jittieħdu passi prattiċi urġenti biex jinqerdu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, jiġu promossi xbieki ta' sikurezza soċjali effettivi, b'tali mod li jassiguraw koeżjoni ekonomika u territorjali; jenfasizza li dawn il-passi jridu jitwettqu fil-livell xieraq, b'azzjonijiet kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew skont it-tqassim tal-kompetenzi għall-politiki rilevanti;

3.  Jikkunsidra li l-iskemi ta' introjtu minimu huma kompetenza nazzjonali u li għaldaqstant l-introduzzjoni jew l-iżvilupp tagħhom jenħtieġ li, f'kull każ, iqisu kemm ir-realtà ekonomika u soċjali kif ukoll is-sistema produttiva tagħhom; jirrakkomanda li l-introduzzjoni possibbli ta' tali skemi tiggarantixxi l-ħarsien ta' inċentivi permezz tar-(ri)integrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

4.  Itenni l-fatt li l-aħjar mod sabiex jitnaqqas il-faqar u tiġi evitata l-esklużjoni soċjali huwa li tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli u jinħolqu kundizzjonijiet ta' qafas favorevoli għall-kumpaniji Ewropej - b'mod partikolari billi jiġu evitati piżijiet amministrattivi eċċessivi kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal finanzjament - sabiex jippermettulhom joħolqu l-impjiegi;

5.  Jappoġġja l-approċċ ta' investiment soċjali tal-Kummissjoni li jikkunsidra l-politiki soċjali mfassla sew bħala kontribut għat-tkabbir ekonomiku, filwaqt li jipproteġu l-persuni mill-faqar u jaġixxu bħala stabbilizzaturi ekonomiċi[8];

6.  Jilqa' r-riflessjonijiet u l-istudji dwar kif tista' tinkiseb id-distribuzzjoni ġusta ta' introjtu u ġid fi ħdan is-soċjetajiet tagħna;

7.  Jenfasizza li fatturi ewlenin li jxekklu l-iżvilupp ta' approċċ ta' investiment soċjali mill-Istati Membri jinkludu l-impatt tal-kriżi ekonomika u tal-politika dwar l-ambjent dominati mill-awsterità[9];

8.  Jitlob li tingħata attenzjoni xierqa minn issa, fit-tfassil ta' politiki makroekonomiċi, għall-ħtieġa li jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u jiġi garantit aċċess għall-gruppi soċjali kollha b'finanzjament kif xieraq mis-servizzi soċjali pubbliċi, u b'hekk jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali; 9.  Jitlob li tittieħed azzjoni biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali, billi l-persuni jitħallew jagħmlu l-aħjar użu mid-doni u l-kapaċitajiet tagħhom; jitlob ukoll appoġġ soċjali li jkun iffokat fuq dawk li huma fqar u ma jkunux jistgħu jaqilgħu biżżejjed flus permezz tal-isforzi proprji tagħhom;

10.  Jirrispetta d-dritt sovran ta' kull Stat Membru biex b'mod demokratiku jagħżel il-politika ekonomika proprja tiegħu;

11.  Jinnota li l-esperjenzi reċenti ta' riformi bbażati fuq eżenzjonijiet mit-taxxa juru li jaqbel aktar li l-politiki ta' introjtu minimu jiġu ffinanzjati bl-appoġġ tal-baġit milli b'inċentivi fiskali;

12.  Jissottolinja l-fatt li l-edukazzjoni, it-trasferimenti soċjali u sistemi ta' taxxa progressivi, ġusti u ridistributtivi, flimkien ma' miżuri prattiċi li jsaħħu l-kompetittività u jiġġieldu l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, kollha għandhom il-potenzjal sabiex jikkontribwixxu għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

13.  Jirrimarka li l-iskemi ta' ridistribuzzjoni waħedhom mhux se jdaħħlu lill-persuni fid-dinja tax-xogħol; itenni wkoll li l-fatt li persuna jkollha impjieg huwa dejjem l-aħjar mod sabiex persuna tiġi protetta mir-riskju ta' faqar u huwa mezz b'saħħtu ta' integrazzjoni soċjali; jenfasizza li biex jiġi evitat il-ħolqien ta' klassi ta' persuni megħjuna, jeħtieġ li jitwettaq u jkun sorveljat is-suq tax-xogħol u r-riformi tal-ambjent tan-negozju;

14.  Jargumenta li skemi ta' introjtu minimu huma strumenti tranżitorji biex jitnaqqas u jiġi miġġielded il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza u li dawn għandhom jitqiesu bħala investiment soċjali; jinnota l-effetti kontroċikliċi ta' skemi ta' introjti minimi;

15.  Jemmen li l-iskemi ta' introjtu minimu jenħtieġ li jkunu temporanji u jenħtieġ li jkunu dejjem akkumpanjati b'politiki attivi ta' inklużjoni fis-suq tax-xogħol;

16.  Jemmen li iktar studju u riċerka dwar mudelli ta' skemi ta' introjtu minimu differenti potenzjali jistgħu jkunu għodda utli fil-ġlieda biex jitnaqqsu u jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jenfasizza li huwa essenzjali li kwalunkwe skema u mudell potenzjali jridu jinħolqu bl-involviment ta' dawk l-aktar fil-bżonn fl-Istati Membri; jitlob, f'dan ir-rigward, evalwazzjoni dwar skemi ta' introjtu minimu li qed jiġu implimentati f'xi Stati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki li jirriżultaw minn skemi ta' introjtu minimu;

17.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jevalvaw il-mod u l-mezzi li bihom jipprovdu skemi ta' introjtu minimu adegwat, komprensiv u aċċessibbli fl-Istati Membri kollha u sabiex jikkunsidraw passi ulterjuri bħala appoġġ għal konverġenza soċjali fi ħdan l-UE, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull Stat Membru, kif ukoll il-prattiki u t-tradizzjonijiet nazzjonali; iqis, f'dan ir-rigward, li d-disinn ta' introjtu minimu għandu jiġu definit fil-livell tal-Istati Membri;

18.  Itenni l-importanza ta' aċċess ugwali għall-iskemi ta' introjtu minimu mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tal-etniċità, is-sess, il-livell tal-edukazzjoni, in-nazzjonalità, l-orjentazzjoni sesswali, ir-reliġjon, id-diżabilità, l-età, l-opinjoni politika jew l-isfond soċjoekonomiku;

19.  Jinnota li l-iskemi ta' introjtu minimu jeħtieġ jiġu implimentati u evalwati fil-kuntest tas-sistemi nazzjonali ġenerali tas-servizzi soċjali, (l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal, l-akkomodazzjoni u l-mobilità);

20.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-adattament tal-iskemi eżistenti ta' introjtu minimu sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

21.  Jiġbed l-attenzjoni għall-problema tal-faqar fost it-tfal u jitlob li l-iskemi ta' introjtu minimu jikkunsidraw b'mod speċjali l-bżonnijiet tat-tfal;

22.  Jirrimarka li l-baġits ta' referenza jistgħu jgħinu jistabbilixxu l-livell ta' introjtu minimu neċessarju sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġiet fundamentali tal-persuni, inklużi wkoll aspetti mhux monetarji, bħall-aċċess għall-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, l-akkomodazzjoni, is-servizzi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità, u l-attivitajiet soċjali jew il-parteċipazzjoni ċivika; jemmen, għalhekk, li għandhom jiġu kkunsidrati wkoll id-diverġenzi eżistenti bejn l-Istati Membri u d-diversi politiki soċjali nazzjonali, jemmen li l-livell tal-introjtu minimu għandu jqis il-limitu tar-riskju tal-faqar kif ukoll il-baġits ta' referenza.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.6.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Udo Bullmann, Fabio De Masi, Markus Ferber, Jonás Fernández, Sven Giegold, Neena Gill, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Petr Ježek, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Philippe Lamberts, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Fulvio Martusciello, Gabriel Mato, Costas Mavrides, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Pirkko Ruohonen-Lerner, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Peter Simon, Kay Swinburne, Paul Tang, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtasun, Marco Valli, Miguel Viegas, Sotirios Zarianopoulos, Esther de Lange, Cora van Nieuwenhuizen, Beatrix von Storch, Jakob von Weizsäcker

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Simona Bonafè, Enrique Calvet Chambon, Nessa Childers, David Coburn, Andrea Cozzolino, Mady Delvaux, Jan Keller, Paloma López Bermejo, Luigi Morgano, Romana Tomc, Roberts Zīle

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Jarosław Wałęsa

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

43

+

ALDE

ECR

EFDD

GUE/NGL

PPE

 

S&D

 

VERTS/ALE

Enrique Calvet Chambon, Petr Ježek, Ramon Tremosa i Balcells

Pirkko Ruohonen-Lerner

Marco Valli

Fabio De Masi, Paloma López Bermejo, Marisa Matias, Miguel Viegas

Burkhard Balz, Markus Ferber, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Werner Langen, Ivana Maletić, Fulvio Martusciello, Gabriel Mato, Sirpa Pietikäinen, Romana Tomc, Jarosław Wałęsa, Esther de Lange

Simona Bonafè, Udo Bullmann, Nessa Childers, Andrea Cozzolino, Mady Delvaux, Jonás Fernández, Neena Gill, Jan Keller, Olle Ludvigsson, Costas Mavrides, Luigi Morgano, Alfred Sant, Peter Simon, Paul Tang, Jakob von Weizsäcker

Sven Giegold, Philippe Lamberts, Molly Scott Cato, Ernest Urtasun

7

-

ALDE

ECR

ENF

NI

Cora van Nieuwenhuizen

Bernd Lucke, Stanisław Ożóg, Kay Swinburne, Roberts Zīle

Gerolf Annemans

Sotirios Zarianopoulos

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

  • [1]  Eurostat, "People at risk of poverty or social exclusion" (Persuni f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali), Diċembru 2016 - http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/People_at_risk_of_poverty_or_social_exclusion
  • [2]  Eurostat, ibid.
  • [3]  http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Glossary:At-risk-of-poverty_rate
  • [4]  Ara: Bank Ċentrali Ewropew, "The distribution of wealth and the marginal propensity to consume" (Id-distribuzzjoni tal-ġid u l-propensità marġinali għall-konsum), Dokument ta' Ħidma Nru 1655, Marzu 2014
  • [5]  FMI, "Causes and Consequences of Income Inequality: A Global Perspective" (Kawżi u Konsegwenzi tal-Inugwaljanza fl-Introjtu: Perspettiva Globali), 2015 - ikkwotat minn: http://www.taxjustice.net/2015/06/22/new-imf-research-tax-affects-inequality-inequality-affects-growth/
  • [6]  Ara: Bank Dinji ,"Poverty Reduction and Growth: The Virtuous and Vicious Circle" (Tnaqqis fil-Faqar u Tkabbir: Iċ-Ċirku Virtuż u Vizzjuż), 2006; OECD, "Trends in Income Inequality and its Impact on Economic Growth" (Xejriet fl-Inugwaljanza fl-Introjtu u l-Impatti tiegħu fuq it-Tkabbir Ekonomiku), 2014.
  • [7]  Ara: Kummissjoni Ewropea, "Employment and Social Developments in Europe 2013" (Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa 2013), 2014
  • [8]  Kummissjoni Ewropea: komunikazzjoni "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020", COM (2013)0083, 20 ta' Frar 2013, u: "Social Investment in Europe: A study of national policies 2015"(L-Investiment Soċjali fl-Ewropa: Studju tal-politiki nazzjonali 2015), 2015
  • [9]  Kummissjoni Ewropea, "Social Investment in Europe" (L-Investiment Soċjali fl-Ewropa) (op. cit.).

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

28.9.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

7

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Brando Benifei, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Marian Harkin, Czesław Hoc, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Javi López, Dominique Martin, Elisabeth Morin-Chartier, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Dennis Radtke, Robert Rochefort, Siôn Simon, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Georges Bach, Heinz K. Becker, Krzysztof Hetman, Paloma López Bermejo, Edouard Martin, Evelyn Regner, Jasenko Selimovic, Michaela Šojdrová, Kosma Złotowski

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Klaus Buchner, Ignazio Corrao, Jens Nilsson, Gabriele Preuß, Jozo Radoš, Marco Zullo, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

36

+

ALDE

EFDD

GUE/NGL

NI

PPE

S&D

VERTS/ALE

Marian Harkin, Jozo Radoš, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Yana Toom

Laura Agea, Ignazio Corrao, Marco Zullo

Paloma López Bermejo, João Pimenta Lopes

Lampros Fountoulis

Georges Bach, Heinz K. Becker, Krzysztof Hetman, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Elisabeth Morin-Chartier, Dennis Radtke, Michaela Šojdrová

Maria Arena, Guillaume Balas, Brando Benifei, Elena Gentile, Agnes Jongerius, Jan Keller, Javi López, Edouard Martin, Jens Nilsson, Georgi Pirinski, Gabriele Preuß, Evelyn Regner, Siôn Simon, Marita Ulvskog

Margrete Auken, Klaus Buchner, Tatjana Ždanoka

7

-

ALDE

ECR

ENF

Martina Dlabajová

Arne Gericke, Czesław Hoc, Ulrike Trebesius, Kosma Złotowski, Jana Žitňanská

Dominique Martin

4

0

PPE

Danuta Jazłowiecka, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Ádám Kósa, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni