RAPPORT dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (l-"ELD")

11.10.2017 - (2016/2251(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Laura Ferrara
Rapporteur for the opinion (*):
Benedek Jávor, Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
(*) Proċedura ta' kumitati assoċjati – l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2016/2251(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0297/2017
Testi mressqa :
A8-0297/2017
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U L-KONKLUŻJONIJIET

I.  L-għan

L-għan tad-Direttiva 2004/35/KE (minn hawn' il quddiem imsejħa "ELD"), kien li tistabbilixxi qafas komuni għall-prevenzjoni u r-rimedju għad-danni ambjentali bi spejjeż raġonevoli għas-soċjetà, abbażi tal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE.

Biex jintlaħaq dan l-għan l-ELD tistabbilixxi definizzjoni ġenerali ta' "dannu" bħala bidla negattiva kwantifikabbli fir-riżorsi naturali jew indeboliment kwantifikabbli ta' servizz tar-riżorsi naturali li jista' jseħħ direttament jew indirettament.

Hija tispeċifika wkoll kategorija ulterjuri ta' dannu (definit bħala "dannu ambjentali"), u b'mod partikolari:

a) id-dannu lill-ispeċijiet u l-ambjenti naturali protetti, jiġifieri kull dannu li jħalli effett negattiv sinifikanti fuq il-kisba u l-manteniment tal-istatus favorevoli ta' ħarsien ta' dan il-ħabitat jew l-ispeċijiet. L-importanza ta' dawn l-effetti għandha tiġi valutata b'referenza għal kundizzjoni ta' bażi u wara li jkunu kkunsidrati l-kriterji stabbiliti fl-istess direttiva;

b) id-dannu lill-ilma, li huwa kull dannu li jolqot b'mod negattiv u sinifikanti l-istatus ekoloġiku, kimiku jew kwantitattiv, jew il-potenzal ekoloġiku tal-ilmijiet interni (tal-wiċċ u ta' taħt l-art), kif ukoll l-istatus ambjentali tal-ilmijiet tal-baħar;

c) id-dannu lill-art, jiġifieri kull kontaminazzjoni tal-art li toħloq periklu sinifikanti u negattiv għas-saħħa tal-bniedem bħala riżultat tal-introduzzjoni diretta jew indiretta, fl-art, fuqha jew taħtha, ta' sustanzi, preparazzjonijiet, organiżmi jew mikro-organiżmi.

II.  Sorsi ta' informazzjoni

Dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali huwa bbażat fuq informazzjoni miġbura minn sorsi differenti, li jinkludu:

•  studju mħejji għall-Kummissjoni Ewropea bit-titolu "ELD Effectiveness: Scope and Exceptions"[1] (L-Effikaċja tal-ELD: Kamp ta' applikazzjoni u Eċċezzjonijiet);

•  studju mħejji għall-Kummissjoni Ewropea, bit-titolu "The feasibility of creating a fund to cover environmental liability and losses occurring from industrial accidents"[2] (Studju li jevalwa l-fattibbiltà tal-ħolqien ta' fond li jkopri r-responsabbiltà ambjentali u t-telf b'riżultat ta' aċċidenti industrijali);

•  studju mħejji għall-Kummissjoni Ewropea, bit-titolu "Experience gained in the application of ELD biodiversity damage"[3] (L-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tar-rimedju għad-dannu lill-bijodiversità skont l-ELD);

•  rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali[4];

•  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali[5];

•  tgħarrif tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "The implementation of the Environmental Liability Directive: a survey of the assessment process carried out by the Commission"[6] (L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali: stħarriġ tal-proċess ta' valutazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni).

III.  L-Istat attwali ta' implimentazzjoni tal-ELD

L-ELD tapplika oġġettivament għal kull "operatur" li bl-attivitajiet tiegħu jikkawża, jew jista' potenzjalment jikkawża "dannu ambjentali", abbażi ta' lista strinġenti li tinsab fl-Anness III għad-Direttiva.

Barra minn dawn l-attivitajiet, jeħtieġ jiġi ppruvat li kien hemm imġiba intenzjonali jew negliġenti tal-persuna li teżerċita l-professjoni, mifhuma bħala "kull attività magħmula bħala parti minn attività ekonomika, kummerċ jew impriża, mingħajr ma jingħata każ jekk l-attività hijiex pubblika jew privata, tagħmel qligħ jew li ma tagħmilx qligħ".

L-applikazzjoni ta' din is-sistema ta' responsabbiltà oġġettiva hija għaldaqstant limitata ħafna peress li tapplika biss għal tip speċifiku ta' dannu ambjentali (għall-ilma, l-art u l-bijodiversità) u biss fil-kuntest ta' ċerti attivitajiet li huma meqjusa bħala perikolużi u li jinsabu f'lista ristretta.

Barra minn hekk, il-kamp ta' applikazzjoni tal-ELD huwa limitat aktar minħabba l-inċertezza totali fir-rigward tal-kunċett ta' "limitu minimu ta' materjalità" tal-ħsara ambjentali u l-eċċezzjonijiet għar-reġim ta' responsabbiltà stabbiliti fl-Artikolu 4.

Il-konsegwenzi ta' dan il-qafas, li huwa estremament vag u inkomplet, ġew analizzati f'għadd ta' studji li saru mill-Kummissjoni u fir-rapport imħejji skont l-Artikolu 18(2) tal-ELD: fl-UE kollha, id-Direttiva ġiet trasposta b'manjiera mhux uniformi u frammentata u sikwit b'regoli li, fil-prattika, irriżultaw mhux effikaċi.

IV.  Il-limiti tal-effikaċja tal-ELD

In-nuqqasijiet prinċipali, apparti l-ġeneriċità tat-termini użati msemmija hawn fuq, instab li kienu relatati man-nuqqas ta' proċedura amministrattiva speċifika li l-gvernijiet kollha għandhom jadottaw biex jindirizzaw l-obbligu li jieħdu azzjoni, stipulat mid-Direttiva, f'każ ta' dannu ambjentali.

Barra minn hekk, mill-istudji tal-Kummissjoni ħareġ li ħafna Stati Membri, preċiżament minħabba d-diffikultà fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ELD, qed ikomplu jużaw il-liġi nazzjonali tagħhom biex jittrattaw każijiet ta' dannu ambjentali li jseħħu fit-territorju tagħhom.

Dan wassal ukoll għal riżultati kontradittorji u mhux kompluti fir-reġistrazzjoni ta' każijiet ta' danni ambjentali li għamilha diffiċli li tiġi identifikata sistema armonizzata possibbli ta' garanzija finanzjarja.

Punt ewlieni ta' tħassib f'ċerti Stati Membri huwa n-nuqqas totali ta' dispożizzjonijiet fl-ELD għal każijiet fejn ma jkunx possibbli li tiġi identifikata l-parti responsabbli għad-dannu jew fejn l-operatur ikun insolventi. F'każijiet bħal dawn, il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" jitwarrab u l-ispejjeż ta' rimedju għad-danni ambjentali kkawżati jaqgħu kompletament fuq l-amministrazzjoni pubblika u għaldaqstant fuq iċ-ċittadini tal-UE.

V.  Suġġerimenti għal armonizzazzjoni aħjar tad-ELD

Anki jekk l-ELD ma tippreġudikax il-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet aktar stretti, jekk hekk jixtiequ, ikun xieraq li fid-Direttiva tiddaħħal dispożizzjoni li tistabbilixxi sistema ta' responsabbiltà sekondarja fuq il-bażi tal-esperjenza ta' diversi mudelli diġà adottati f'xi Stati Membri bħal Franza, l-Ungerija, il-Polonja u r-Renju Unit.

Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kopertura akbar ta' każijiet ta' ħsara ambjentali li ma jkunux koperti mill-qafas attwali tal-ELD jew ma jistgħux ikunu koperti minn garanziji finanzjarji normali (bħal f'diżastri kbar), ikun xieraq li jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta' fond Ewropew għar-rimedju għal danni ambjentali.

Barra minn hekk, l-iskoperti ġodda fit-teknoloġija u fil-qasam mediku juru li t-tniġġis minn attivitajiet industrijali jistgħu jaġixxu fuq ġisem il-bniedem b'modi insuspettabbli. Tabilħaqq, is-sustanzi niġġiesa rilaxxati fl-ambjent jipperikolaw il-bilanċi bijoloġiċi u bijoevolutivi kumplessi ħafna, minħabba li, fi ftit għexieren ta' snin, ġew introdotti fl-ambjent sensiela ta' fatturi li qabel ma kinux jeżistu, li jistgħu jinterferixxu b'mod kumpless fuq il-ġisem tal-bniedem.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-leġiżlatur għandu jaħtaf l-opportunità li jfassal mill-ġdid id-definizzjoni ta' dannu ambjentali biex tkun effikaċi, uniformi u konsistenti mal-evoluzzjoni mgħaġġla tal-fatturi ta' tniġġis li jinħolqu mill-attivitajiet industrijali, filwaqt li jqis ukoll il-possibbiltà li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva jiġi estiż wkoll għal dannu lill-arja, lill-fawna u l-flora, u lill-pajsaġġ u billi jiġu identifikati dawk l-attivitajiet perikolużi ġodda li jenħtieġ li jiġu inklużi fil-lista tal-attivitajiet li għalihom l-operaturi għandhom ir-responsabbiltà stretta, kif stipulat fl-Anness III.

Mill-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni, u minn ħafna testimonjanzi ta' partijiet interessati, ħareġ li ħafna mill-industriji li jwettqu l-attivitajiet li għalihom huwa possibbli li jiġi adottat il-qafas tal-ELD, diġà adottaw sistemi ta' sigurtà finanzjarja, u li għalhekk is-suq għandu t-tendenza li jirregola lilu nnifsu. Ir-rappreżentanti tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni kkonfermaw din ix-xejra billi enfasizzaw li l-għoti ta' garanziji finanzjarji jista' jittejjeb kemm billi jiżdied il-volum ta' data dwar każijiet ta' dannu ambjentali li jseħħu fl-UE, kif ukoll billi jiġi ċċarat il-qafas legali għall-implimentazzjoni tad-direttiva.

B'kont meħud ta' dawn il-konsiderazzjonijiet, il-leġislatur jista' jikkunsidra l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni li tgħin lill-operaturi u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni bil-għan li jiżdied l-użu ta' skemi ta' assigurazzjoni għal każijiet ta' dannu ambjentali, filwaqt li jeżamina wkoll il-possibilità li s-sigurtà finanzjarja tkun obbligatorja għall-operaturi kkonċernati mill-ELD.

Minbarra din l-aħħar possibbiltà ta' azzjoni, jistgħu jiġu identifikati elementi addizzjonali li jistgħu jkunu utli għall-iskop li jittejjeb il-qafas ta' garanziji għal dannu ambjentali: l-istabbiliment ta' reġistru Ewropew għall-każijiet tal-ELD, l-istabbiliment ta' reġistru nazzjonali u Ewropew għall-operaturi li jwettqu l-attivitajiet perikolużi mniżżla fl-Anness III għad-Direttiva, u/jew it-twaqqif ta' sistema ta' kontroll finanzjarju fuq l-operaturi li jwettqu attivitajiet perikolużi.

L-ostakli għal-implimentazzjoni sħiħa tal-ELD huma dovuti wkoll għan-nuqqas ta' preparazzjoni tal-amministrazzjonijiet nazzjonali li mhux dejjem huma kapaċi jimplimentaw proċeduri effettivi biex jindirizzaw l-okkorrenza ta' każijiet ta' dannu ambjentali. Huwa minħabba f'hekk li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ u ttejjeb il-programm ta' taħriġ tagħha għall-implimentazzjoni tal-ELD billi żżid u ttejjeb il-laqgħat regolari tagħha ma' gruppi differenti ta' esperti nazzjonali.

  • [1]  BIO Intelligence Service (2014), "Study on ELD Effectiveness: Scope and Exceptions", rapport finali mħejji għall-Kummissjoni Ewropea – DĠ Ambjent.
  • [2]  Bio Intelligence Service et al. (2012), "Study to explore the feasibility of creating a fund to cover environmental liability and losses occurring from industrial accidents", rapport finali mħejji għall-Kummissjoni Ewropea, DĠ Ambjent.
  • [3]  Milieu Ltd., IUCN (2014), "Experience gained in the application of ELD biodiversity damage", rapport finali mħejji għall-Kummissjoni Ewropea, DĠ Ambjent.
  • [4]  COM(2016)0204.
  • [5]  SWD(2016)0121.
  • [6]  PE 556.943.

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (l-"ELD")

(2016/2251(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (minn hawn 'il quddiem l-"ELD")[1],

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (COM(2016)0204),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE[2],

–  wara li kkunsidra l-emenda għad-Direttiva 2004/35/KE bid-Direttiva 2006/21/KE[3] dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni, id-Direttiva 2009/31/KE[4] dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju, u d-Direttiva 2013/30/UE[5] dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali li jakkumpanja r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (SWD(2016)0121),

–  wara li kkunsidra n-nota tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "The implementation of the Environmental Liability Directive: a survey of the assessment process carried out by the Commission"[6] (L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali: stħarriġ tal-proċess ta' valutazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-għoti ta' awtorizzazzjoni biex jiġu ppreparati rapporti ta' inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0297/2017),

A.  billi, skont l-Artikolu 191(1) tat-TFUE, il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu objettivi, bħall-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini tagħha, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-promozzjoni tal-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, il-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali li jindirizzaw il-problemi ambjentali globali jew reġjonali;

B.  billi l-Artikolu 191(2) tat-TFUE jistipula li l-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent irid ikollha l-mira li jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni u għandha tkun imsejsa fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u fuq prinċipji li jenħtieġ li tittieħed azzjoni preventiva, u li d-dannu ambjentali jenħtieġ li, bħala prijorità, jiġi rettifikat;

C.  billi l-Artikolu 11 tat-Trattat TFUE, jistipula li r-rekwiżiti għall-ħarsien tal-ambjent iridu jkunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tal-Unjoni, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli;

D.  billi l-Artikolu 192 tat-TFUE jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-inkarigu li jidentifikaw l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-Unjoni li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent[7];

E.  billi l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jitlob li livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tiegħu ikunu integrati fil-politiki tal-Unjoni u għandhom jiġu żgurati skont il-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli;

F.  billi strateġija ambjentali kkoordinata fl-Unjoni kollha hija mod ta' kif tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni u jiġi żgurat li l-politiki tal-Unjoni jkunu konsistenti ma' xulxin;

G.  billi l-kamp ta' applikazzjoni attwali tal-ELD japplika biss għal danni ambjentali lill-bijodiversità (speċijiet u ħabitats naturali protetti), l-ilma u l-art, ikkawżati minn operaturi;

H.  billi biex tiġi koperta r-responsabbiltà għal dannu ambjentali ġie żviluppat b'mod spontanju suq ta' sigurtà finanzjarja li, madankollu jista' ma jkunx biżżejjed biex ikopri każijiet speċifiċi, bħall-SMEs, jew tipi partikolari ta' operazzjonijiet (pjattaformi offshore, faċilitajiet nukleari, eċċ.);

I.  billi l-applikazzjoni inkonsistenti tal-ELD hija dovuta, primarjament, fost kwistjonijiet oħrajn, għad-diffikultajiet biex jiġi aċċertat jekk id-dannu għal riżorsa naturali jkunx qabeż il-limitu previst, u għall-fatt li bosta Stati Membri m'għandhom l-ebda proċedura biex jeżaminaw il-kummenti u l-kritika mill-NGOs ambjentali jew korpi oħrajn ikkonċernati;

J.  billi f'ħafna Stati Membri, bosta partijiet ikkonċernati (NGOs ambjentali, kumpaniji tal-assigurazzjoni, operaturi, u fuq kollox l-awtoritajiet kompetenti), m'għandhomx biżżejjed, u xi drabi m'għandhomx affattu, għarfien dettaljat tal-ELD, anki minħabba n-nuqqas ta' dokumenti ta' gwida li jistgħu jgħinu t-traspożizzjoni leġiżlattiva;

K.  billi ħafna Stati Membri għamlu progress lejn il-kisba effikaċi tal-għanijiet ewlenin tal-prevenzjoni u r-rimedju għal dannu ambjentali; billi, madankollu, f'xi ftit Stati Membri l-infurzar tal-ELD għadu insuffiċjenti;

L.  billi sejbiet xjentifiċi ġodda juru li t-tniġġis minn attivitajiet industrijali jista' jolqot kemm l-ambjent kif ukoll lill-bnedmin b'modinsuspettabbli u li dan idgħajjef is-saħħa tal-bniedem, is-sostenibbiltà, il-bilanċ tal-proċessi bijoloġiċi u bijoevolutivi;

1.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-istudji u r-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-ELD u l-impatt tagħha fuq l-Istati Membri kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għall-implimentazzjoni effikaċi u koerenti tad-Direttiva billi tagħti prijorità l-armonizzazzjoni ta' soluzzjonijiet u prattiki nazzjonali f'qafas ta' responsabbiltà legali usa'; jilqa' f'dak il-kuntest l-iżvilupp tal-Programm ta' Ħidma Pluriennali (MAWP) tal-ELD għall-perjodu 2017-2020;

2.  Josserva bi tħassib li l-konklużjonijiet ta' dawn ir-rapporti juru stampa allarmanti tal-implimentazzjoni reali tal-ELD, u jinnota li d-Direttiva ġiet trasposta b'mod inkonsistenti u superfiċjali minn ħafna Stati Membri;

L-Istat attwali ta' implimentazzjoni tal-ELD

3.  Jinnota li diversi Stati Membri naqsu milli jirrispettaw id-data ta' skadenza għat-traspożizzjoni tal-ELD u kien biss f'nofs l-2010 li din ġiet trasposta f'kull wieħed mis-27 Stat Membru;

4.  Iqis li, minħabba s-setgħat diskrezzjonali mogħtija fl-ELD u n-nuqqas sinifikanti ta' ċarezza u ta' applikazzjoni uniformi tal-kunċetti ewlenin, kif ukoll tal-kapaċitajiet u l-kompetenzi mhux żviluppati biżżejjed, it-traspożizzjoni tal-ELD f'sistemi nazzjonali ta' responsabbiltà ma wasslitx għal kundizzjonijiet ekwi u li, kif ikkonfermat fir-rapport tal-Kummissjoni, attwalment hija totalment differenti kemm f'termini legali kif ukoll f'dawk prattiċi, b'varjabbiltà kbira fl-ammont ta' każijiet bejn l-Istati Membri; għalhekk huwa tal-opinjoni li huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex tista' sseħħ standardizzazzjoni regolatorja fl-UE kollha;

5.  Jinnota li dan in-nuqqas ta' uniformità huwa wkoll dovut għan-natura ġenerika tal-ELD, li tfasslet skont il-mudell tad-direttiva qafas;

6.  Jiddispjaċih li, minkejja l-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni dwar traspożizzjoni tardiva u kwistjonijiet relatati man-nuqqas ta' konformità u li, minkejja l-flessibbiltà kbira mogħtija mill-ELD, seba' Stati Membri għad iridu jsolvu għadd ta' kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità;

7.  Jinnota li l-inkonsistenzi fost l-Istati Membri dwar kif jirrappurtaw każijiet ta' dannu ambjentali li jiskattaw l-applikazzjoni tal-ELD[8] jistgħu jiġu attribwiti għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tagħhom minflok l-ELD;

Il-limiti tal-effikaċja tal-ELD

8.  Josserva li l-effikaċja tal-ELD tvarja b'mod sinifikanti fl-Istati Membri differenti;

9.  Jirrimarka li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni differenti "tal-limitu minimu ta' materjalità" għad-dannu ambjentali jikkostitwixxu wieħed mill-ostakoli ewlenin għall-applikazzjoni uniformi u effikaċi tal-ELD, filwaqt li data preċiża dwar spejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi, inkluża data dwar l-applikazzjoni ta' rimedju komplementari u kompensatorju, hija limitata, pjuttost diverġenti, u għan-negozji mhijiex disponibbli affattu;

10.  Jiddeplora l-fatt li skont l-ELD, l-inċidenti jiġu definiti bħala "serji" biss jekk iwasslu għal imwiet jew korrimenti serji, mingħajr ebda referenza għall-konsegwenzi ambjentali; jenfasizza għalhekk li anke jekk ma jwassalx għal imwiet jew korrimenti serji, inċident jista' jkollu impatt serju fuq l-ambjent, minħabba l-iskala tiegħu jew minħabba li jaffettwa, pereżempju, żoni protetti, speċijiet protetti jew ħabitats partikolarment vulnerabbli;

11.  Jiddispjaċih li hemm attivitajiet b'impatti negattivi potenzjali fuq il-bijodiversità u l-ambjent, bħat-trasport bil-pipelines ta' sustanzi perikolużi, l-estrazzjoni, u l-introduzzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi, li bħalissa mhumiex koperti mir-rekwiżit għal responsabbiltà stretta; jinnota li, b'mod partikolari għal dannu għall-bijodiversità, l-attivitajiet elenkati fl-Anness III ma jkoprux b'mod suffiċjenti s-setturi li jistgħu potenzjalment jikkawżaw dannu;

12.    Iqis li fl-Artikolu 1, il-qafas tar-responsabbiltà ambjentali jenħtieġ li jitwessa' biex jinkludi r-riabilitazzjoni ambjentali u r-restawr ekoloġiku għall-kundizzjoni bażi wara li jkunu ntemmew l-attivitajiet okkupazzjonali, anke meta d-danni ambjentali jkunu kkawżati minn attivitajiet jew emissjonijiet awtorizzati espressament mill-awtoritajiet kompetenti;

13.  Jenfasizza li l-partijiet ikkonċernati kollha rrappurtaw problemi biex iżommu lill-operaturi strettament responsabbli għal attivitajiet perikolużi skont l-Anness III għall-ELD, fir-rigward ta' suċċessuri tal-partijiet terzi responsabbli[9];

14.  Ifakkar l-esperjenzi fl-implimentazzjoni tal-garanziji finanzjarji attwali, li wrew nuqqasijiet fir-rigward tal-iżgurar li l-operaturi jkollhom assigurazzjoni effettiva għal obbligi finanzjarji meta jkunu responsabbli għal dannu ambjentali, u jinsab imħasseb dwar il-każijiet fejn l-operaturi ma kinux f'pożizzjoni li jerfgħu r-responsabbiltà tal-ispejjeż għar-rimedju ambjentali;

15.  Jenfasizza li għad hemm il-problemi rigward l-applikazzjoni tad-direttiva għal inċidenti fuq skala kbira, speċjalment meta ma jkunx possibbli li jiġi identifikat l-individwu responsabbli għat-tniġġis u/jew l-individwu li jniġġes isir insolventi jew ifalli;

16.  Jinnota li l-ispejjeż għad-dannu ambjentali għall-operaturi responsabbli jistgħu jitnaqqsu bl-użu ta' strumenti ta' sigurtà finanzjarja (li jkopru l-assigurazzjoni u strumenti alternattivi, bħal garanziji bankarji, bonds, fondi jew titoli); jemmen li d-domanda fis-suq tas-sigurtà finanzjarja għall-ELD hija baxxa minħabba l-għadd żgħir ta' każijiet li jseħħu f'ħafna Stati Membri, in-nuqqas ta' ċarezza fir-rigward ta' xi kunċetti stipulati tad-Direttiva u l-fatt li f'ħafna Stati Membri, skont il-livell tal-maturità tas-suq f'dawn l-istrumenti, il-mudelli ta' assigurazzjoni għandhom it-tendenza li jinbtu b'pass kajman;

17.  Josserva li l-possibilità li jittejjeb l-għoti ta' garanziji finanzjarji hija mfixkla minn-natura insuffiċjenti u kontradittorja tad-data dwar il-każijiet tal-ELD fil-pussess tal-UE;

18.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jaċċeleraw l-iżvilupp ta' strumenti u swieq ta' garanzija finanzjarja mill-operaturi ekonomiċi u finanzjarji xierqa, inklużi mekkaniżmi finanzjarji fil-każ ta' insolvenza, bl-għan li l-operaturi jkunu jistgħu jużaw garanziji finanzjarji biex ikopru r-responsabbiltajiet tagħhom;

19.    Jiġbed l-attenzjoni għall-istudju tal-Kummissjoni dwar il-fattibbiltà tal-kunċett ta' faċilità ta' kondiviżjoni tar-riskju tad-diżastri industrijali fl-UE kollha[10] u jenfasizza l-ħtieġa li jsiru analiżi ulterjuri u studju tal-fattibbiltà aktar fil-fond dwar il-kwistjonijiet ġuridiċi u finanzjarji ewlenin;

20.  Jilqa' l-fatt li, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ELD f'dak li għandu x'jaqsam mal-ispeċijiet u l-ambjenti naturali protetti, nofs l-Istati Membri jadottaw kamp ta' applikazzjoni usa' (il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit);

21.  Iqis li fost id-diversi każijiet ta' nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-ELD hemm ukoll in-nuqqas ta' proċedura amministrattiva standard li għandha tiġi applikata biex jiġu nnotifikati l-awtoritajiet kompetenti dwar dannu ambjentali fattwali jew periklu imminenti ta' dannu ambjentali; jiddispjaċih, għalhekk, li m'hemm l-ebda obbligu li jiġu ppubblikati t-tali notifiki jew l-informazzjoni dwar kif il-każijiet ġew ittrattati; jinnota li xi Stati Membri identifikaw din il-limitazzjoni fil-leġiżlazzjoni tagħhom u b'hekk stabbilixxew bażijiet ta' data dwar in-notifiki/l-inċidenti/il-każijiet; jirrimarka, madankollu, li l-prattika tvarja b'mod wiesa' minn Stat Membru għal ieħor u hija pjuttost limitata;

22.  Jenfasizza li r-reġimi ta' kumpens iridu jkunu jistgħu jindirizzaw talbiet transfruntiera b'mod effettiv, rapidu u fi żmien raġonevoli u mingħajr diskriminazzjoni fost ir-rikorrenti ta' pajjiżi differenti taż-Żona Ekonomika Ewropea; jirrakkomanda li dawn jenħtieġ li jkopru kemm id-danni primarji kif ukoll dawk sekondarji fiż-żoni affettwati kollha, peress li tali inċidenti jaffettwaw żoni akbar u jaf ikollhom impatt fuq żmien twil; jenfasizza b'mod speċjali l-ħtieġa li l-pajjiżi ġirien, li mhumiex membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, jirrispettaw id-dritt internazzjonali rigward il-protezzjoni u r-responsabbiltà ambjentali;

23.  Itenni li skont l-Artikolu 4(5) tal-ELD, id-direttiva tapplika biss għal danni ambjentali jew periklu imminenti ta' danni ambjentali kkawżati minn tniġġis ta' natura mifruxa, meta huwa possibbli li tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-danni u l-attivitajiet tal-operatur individwali; itenni wkoll li l-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) kien, fir-Rapport tiegħu tal-2013, diġà stabbilixxa relazzjoni kawżali rigoruża bejn l-emissjonijiet ta' gassijiet u d-dannu relatat mat-tibdil fil-klima u l-ambjent[11];

Suġġerimenti għal armonizzazzjoni aħjar tad-ELD

24.  Jappella sabiex l-ELD tiġi riveduta mill-aktar fis, kif ukoll li tiġi riveduta d-definizzjoni ta' "dannu ambjentali" stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-direttiva, speċifikament fir-rigward tal-kriterji biex jiġu ddeterminati l-effetti negattiva fuq l-ispeċijiet u l-ħabitats protetti (Anness I), u tar-riskji ta' dannu lill-ilma u lill-art, bil-għan li ssir effettiva, konsistenti u koerenti biżżejjed biex iżżomm il-pass mal-evoluzzjoni rapida tas-sustanzi niġġiesa minn attivitajiet industrijali;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara, tiddefinixxi u tistabbilixxi fid-dettall il-kunċett ta' "livell minimu ta' materjalità" u tivvaluta l-limiti tar-responsabbiltà massimi differenzjati għall-attivitajiet, sabiex tistandardizza l-applikazzjoni tal-ELD fl-Istati Membri kollha;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi interpretazzjoni ċara u koerenti tal-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tal-"istatus favorevoli tal-ħarsien" (territorju tal-UE, territorju nazzjonali, żona ta' pajsaġġ naturali); iqis, f'dan ir-rigward, li hemm il-ħtieġa ta' approċċ speċifiku għas-sit biex tiġi żgurata implimentazzjoni korretta u effikaċi;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni tidentifika r-regoli meħtieġa biex tiġi stabbilita distinzjoni ċara u indiskutibbli bejn il-każijiet fejn tapplika l-ELD u dawk fejn jenħtieġ li tapplika r-regola nazzjonali, fil-każ li din tkun aktar stretta;

28.  Jinnota li t-tniġġis tal-arja huwa ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u skont l-Eurostat, it-tniġġis tad-dijossidu tan-nitroġenu u tal-materja partikolata jippreżenta riskji serji għas-saħħa; jappella, f'dan il-kuntest, biex l-"ekosistemi" jiddaħħlu fid-definizzjonijiet ta' "dannu ambjentali" u "riżorsi naturali" fl-Artikolu 2; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-ELD u timponi r-responsabbiltà għad-dannu għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż id-dannu lill-arja[12];

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi sigurtà finanzjarja obbligatorja, pereżempju assigurazzjoni ta' responsabbiltà ambjentali obbligatorja għall-operaturi, u tiżviluppa metodoloġija armonizzata tal-UE għall-kalkolu tal-limiti massimi tar-responsabbiltà, filwaqt li tqis il-karatteristiċi ta' kull attività u ż-żona ta' madwarha; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li twaqqaf fond Ewropew għall-protezzjoni tal-ambjent minn danni kkawżati minn attività industrijali koperta bl-ELD[13], mingħajr ma ddgħajjef il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, għal riskji ta' insolvenza u biss f'każijiet fejn is-swieq tas-sigurtà finanzjarja jfallu; iqis li l-istess jenħtieġ li japplika għal każijiet ta' aċċidenti fuq skala kbira, meta jkun impossibbli li jiġi traċċat l-operatur responsabbli għad-dannu;

30.    Jappella biex kull operatur li jibbenefika mit-twettiq tal-attivitajiet ikun responsabbli wkoll għal kwalunkwe dannu jew tniġġis ambjentali kkawżat minn dawk l-attivitajiet;

31.  Huwa tal-fehma li meta jitqiesu r-rilevanza u l-impatti potenzjali ta' diżastri relatati mal-industrija u r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent naturali u għall-proprjetà, jeħtieġ li jiġu miżjuda salvagwardji ulterjuri b'tali mod li ċ-ċittadini Ewropej jingħataw sistema ta' prevenzjoni u ġestjoni tad-diżastri sikura u soda bbażata fuq il-kondiviżjoni tar-riskji, responsabbiltà akbar tal-operaturi industrijali u l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas"; jappella sabiex issir valutazzjoni dwar jekk huwiex neċessarju li fl-ELD jiddaħħal reġim ta' responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent[14];

32.  Jitlob l-adozzjoni ta' sistema ta' responsabbiltà sekondarja tas-suċċessuri tal-partijiet terzi responsabbli;

33.    Jirrakkomanda li l-alternattiva li tkun meħtieġa responsabbiltà statali sussidjarja tkun obbligatorja sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi u proattiva tal-leġiżlazzjoni;

34.  Jitlob, barra minn hekk, it-tneħħija tal-alternattivi għall-għoti ta' eżoneru abbażi ta' permess u eżoneru abbażi tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku b'tali mod li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi, jiġi promoss il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas u tittejjeb l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal spezzjonijiet ambjentali fil-livell Ewropew mingħajr aktar dewmien;

36.  Iqis li, fil-kuntest ta' rieżami tal-ELD, l-estensjoni tar-responsabbiltà stretta għal attivitajiet li mhumiex inklużi fl-Anness III għal kull dannu ambjentali b'effetti avversi jenħtieġ li tkun prijorità, biex b'hekk tittejjeb l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas u jingħata inċentiv għall-operaturi biex iwettqu ġestjoni tar-riskju adatta għall-attivitajiet tagħhom; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tistabbilixxi reġistru tal-operaturi li jwettqu attivitajiet perikolużi u sistema ta' monitoraġġ finanzjarju li tiżgura li l-operaturi jkunu solventi;

37.    Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni tal-ELD għal danni ambjentali kkawżati minn kwalunkwe attività okkupazzjonali u tiżgura responsabbiltà stretta tal-produttur;

38.  Jitlob il-ħolqien ta' bażi ta' data Ewropea disponibbli għall-pubbliku ta' każijiet ta' dannu ambjentali koperti bl-ELD, fuq il-mudell, pereżempju, tas-sistema Irlandiża li tipprovdi sistema ta' rapportar onlajn għan-notifika ta' każijiet ta' dannu ambjentali, sabiex tinħoloq fiduċja akbar fis-sistema tal-ELD u tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar; iqis li tali bażi ta' data pubblika tippermetti lill-partijiet ikkonċernati, lill-operaturi u liċ-ċittadini jsiru aktar konxji dwar l-eżistenza tar-reġim ELD u l-infurzar tiegħu u b'hekk tikkontribwixxi għall-prevenzjoni u r-rimedju għad-danni ambjentali;

39.  Jirrakkomanda li, sabiex il-bażijiet ta' data pubbliċi tal-każijiet tal-ELD jkunu faċilment aċċessibbli u effikaċi, dawn għandhom jiġu stabbiliti skont il-kriterji li ġejjin:

–  għandhom ikunu disponibbli online u, fuq talba, għandha tingħata kull informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-każijiet,

–  kull pajjiż għandu jkollu bażi ta' data ċentralizzata aktar milli bażijiet ta' data separati għal kull reġjun,

–  in-notifiki dwar inċidenti ġodda jenħtieġ li jiġu ppubblikati immedjatament onlajn,

–  kull każ irreġistrat fil-bażi tad-data jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar l-isem ta' dak li ħoloq it-tniġġis, in-natura u d-daqs tad-danni kkawżati, miżuri ta' azzjoni ta' prevenzjoni/rimedju meħuda jew li għandhom jittieħdu, u proċedimenti mwettqa minn/jew mal-awtoritajiet;

40.  Jitlob li l-kategoriji ta' attivitajiet perikolużi mniżżla fl-Anness III jiġu estiżi biex jinkludu l-attivitajiet kollha li huma potenzjalment ta' dannu għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem;

41.  Jenfasizza l-importanza ta' kultura ta' prevenzjoni tad-dannu ambjentali, permezz ta' kampanja sistematika ta' informazzjoni, li fiha l-Istati Membri jiżguraw li dawk li potenzjalment iniġġsu u dawk li potenzjlament ikunu l-vittmi jiġu infurmati dwar ir-riskji li għalihom huma esposti, dwar id-disponibbiltà ta' assigurazzjoni jew ta' mezzi finanzjarji u legali oħra li jistgħu jipproteġuhom minn dawk ir-riskji u dwar il-vantaġġi li jistgħu jgawdu minnhom;

42.  Iqis li l-każijiet kollha ta' responsabbiltà ppruvata, kif ukoll id-dettalji tal-penali imposti, jenħtieġ li jsiru pubbliċi sabiex il-kost reali tad-dannu ambjentali jkun trasparenti għal kulħadd;

43.  Jissuġġerixxi l-ħolqien ta' mekkaniżmu li jista' jħeġġeġ kummenti u osservazzjonijiet minn NGOs ambjentali u entitajiet ikkonċernati oħra;

44.  Jissuġġerixxi li jiġi previst il-ħelsien mit-taxxa jew forom oħra favorevoli ta' taxxa għall-kumpaniji li jimpenjaw ruħhom b'suċċess fil-prevenzjoni tad-dannu ambjentali;

45.  Jirrakkomanda t-twaqqif ta' awtoritajiet indipendenti speċifiċi li jkollhom setgħat ta' ġestjoni u monitoraġġ kif ukoll is-setgħa li jimponu s-sanzjonijiet stipulati fl-ELD, inkluża l-possibbiltà li jintalbu garanziji finanzjarji mingħand il-partijiet potenzjalment responsabbli, b'kont meħud tas-sitwazzjoni speċifika tal-individwu singolu li potenzjalment iniġġes, pereżempju fil-kuntest ta' permessi ambjentali;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ELD adegwatament tappoġġa l-isforzi biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttivi tal-UE dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats; jinsisti li l-awtoritajiet responsabbli għall-ispezzjonijiet ambjentali jridu jkunu involuti fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-liġi dwar ir-responsabbiltà ambjentali;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-programm ta' taħriġ tagħha dwar l-applikazzjoni tal-ELD fl-Istati Membri u biex tistabbilixxi helpdesks għall-prattikanti li jipprovdu informazzjoni, assistenza u appoġġ fil-valutazzjoni tal evalwazzjonijiet ta' riskju u ta' dannu; jirrakkomanda, barra minn hekk, li jiġu adottati dokumenti ta' gwida biex jgħinu lill-Istati Membri jittrasponu l-leġiżlazzjoni b'mod korrett;

48.  Itenni li, skont l-ELD, il-persuni milquta negattivament mid-danni ambjentali huma intitolati li jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu azzjoni; jinnota wkoll li l-liġi tal-Unjoni tistipula li ċ-ċittadini Ewropej jenħtieġ li jkunu garantiti aċċess effettiv u f'waqtu għall-ġustizzja (l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, l-Artikolu 6 tat-TUE u dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem) u li l-ispejjeż għad-dannu ambjentali jenħtieġ li jitħallsu minn min iniġġes (l-Artikolu 191 TFUE); jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar standards minimi għall-implimentazzjoni tal-pilastru tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibilità li tintroduċi mekkaniżmi kollettivi ta' rimedju għal ksur tal-liġi ambjentali tal-Unjoni;

49.    Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' rieżami tal-ELD, tqis jekk tistax timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex jissottomettu rapporti kull sentejn dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva;

50.    Iqis is-sanzjonijiet kriminali bħala deterrent importanti ieħor kontra d-danni ambjentali, u jinnota b'dispjaċir li d-Direttiva 2008/99/KE tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali mhijiex aġġornata; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni, mingħajr aktar dewmien, biex tirrieżamina l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva sabiex ikopri l-leġiżlazzjoni ambjentali applikabbli kollha tal-Unjoni;

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.
  • [2]  ĠU L 106, 17.04.2001, p. 1.
  • [3]  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.
  • [4]  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114.
  • [5]  ĠU L 178, 28.6.2013, p. 66.
  • [6]  PE 556.943.
  • [7]  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Marzu 2010, ERG et al, C-378/08, ECLI:EU:C:2010:126, paragrafu 45; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Marzu 2010, ERG et al, C-379/08 u C-380/08, ECLI:EU:C:2010:127, paragrafu 38; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Marzu 2010, Buzzi Unicem SpA et al, C‑478/08 u C‑479/08, ECLI:EU:C:2010:129, paragrafu 35.
  • [8]  Skont ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, bejn April 2007 u April 2013, l-Istati Membri rrapportaw madwar 1 245 każ ikkonfermat ta' dannu ambjentali li skattaw l-applikazzjoni tal-ELD. Barra minn hekk, skont l-istess rapport, l-għadd ta' każijiet ivarjaw b'mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Aktar minn 86 % tal-każijiet kollha rrapportati ġejjin minn żewġ Stati Membri (l-Ungerija: 563, il-Polonja: 506 każ), u l-biċċa l-kbira tal-każijiet li jifdal ġew irrapportati minn sitt Stati Membri (60 mill-Ġermanja, 40 mill-Greċja, 17 mill-Italja u 8 mil-Latvja, minn Spanja u mir-Renju Unit). Fl-2007, 11-il Stat Membru ma rrapportawx inċidenti bħal dawn, possibbilment għaliex huma jittrattawhom esklussivament taħt is-sistema nazzjonali tagħhom.
  • [9]  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta' Marzu 2015, Ministero dell' Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare et al v Fipa Group Srl et al, C-534/13, ECLI:EU:C:2015:140.
  • [10]  Study to explore the feasibility of creating a fund to cover environmental liability and losses occurring from industrial accidents (Studju li jesplora l-fattibbiltà tal-ħolqien ta' fond li jkopri r-responsabbiltà ambjentali u t-telf imġarrab minħabba inċidenti industrijali), Rapport Finali, Kummissjoni Ewropea, DĠ Ambjent, 17 ta' April 2013.
  • [11]  IPCC, 2013: Climate Change 2013: The Physical Science Basis. Contribution of Working Group I to the Fifth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change" (Tibdil fil-Klima 2013: Il-Bażi tax-Xjenza Fiżika. Kontribuzzjoni tal-Grupp ta' Ħidma I għall-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima) [Stocker, T.F. et al. Cambridge University Press, Cambridge, United Kingdom and New York, NY, USA, 1535 pp, doi:10.1017/CBO9781107415324.
  • [12]  Din il-possibilità tqieset fid-dokument tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2014 "Study on ELD Effectiveness: Scope and Exceptions" (Studju dwar l-effikaċja tal-ELD: Kamp ta' applikazzjoni u Eċċezzjonijiet), p. 84.
  • [13]  Dwar din il-possibbiltà tista' ssir referenza għad-dokument ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fis-17 ta' April 2013 bit-titolu "Study to explore the feasibility of creating a fund to cover environmental liability and losses occurring from industrial accidents" (Studju biex jesplora l-fattibbiltà tal-ħolqien ta' fond li jkopri r-responsabbiltà ambjentali u telf li jirriżulta minn inċidenti industrijali).
  • [14]  Kif diġà previst fil-Portugall u kif ivvalutat fl-istudju tal-Kummissjoni tas-16 ta' Mejju 2013 bit-titolu "Implementation challenges and obstacles of the Environmental Liability Directive (ELD)" (Sfidi ta' implimentazzjoni u ostakli għad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (ELD)), p. 75.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (20.6.2017)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (l-"ELD")
(2016/2251(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Benedek Jávor

(*)  Proċedura ta' kumitati assoċjati – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li minħabba s-setgħat diskrezzjonali mogħtija fid-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (ELD), l-implimentazzjoni tagħha fl-Istati Membri għadha ma ġietx ikkoordinata u kienet nieqsa minn armonizzazzjoni u effikaċja, li wassal għall-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni, varjabbiltà konsiderevoli fl-għadd ta' każijiet bejn l-Istati Membri, u kundizzjonijiet mhux ekwi għall-operaturi;

2.  Jitlob li l-ELD tiġi riveduta kemm jista' jkun malajr;

3.  Jitlob li, fil-kuntest ta' rieżami tal-ELD, ikun hemm aktar ċarezza tad-definizzjoni ta' "dannu ambjentali" fl-Artikolu 2(1), b'mod speċifiku fir-rigward tal-kriterji relatati ma' li jiġu determinati l-effetti avversi fuq l-ispeċijiet u l-ħabitats protetti (l-Anness I), u tar-riskji ta' danni lill-ilma u danni lill-art (l-Artikolu 2(1)); jitlob definizzjoni mill-ġdid li tkopri d-danni kollha lill-ambjent;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tinkludi l-"ekosistemi" fid-definizzjonijiet ta' "dannu ambjentali" u "riżorsi naturali" fl-Artikolu 2;

5.  Jinnota li xi Stati Membri jidher li jagħmlu użu mill-ELD b'mod relattivament frekwenti għall-inċidenti li jikkawżaw danni ambjentali, filwaqt li oħrajn jidher li japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-inċidenti li jikkawżaw danni ambjentali, minflok l-ELD;

6.   Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tivvaluta u tnaqqas id-distakki fl-implimentazzjoni tal-ELD fost l-Istati Membri;

7.  Jilqa' l-iżvilupp tal-Programm ta' Ħidma Pluriennali (MAWP) tal-ELD għall-perjodu 2017-2020;

8.  Ifakkar l-esperjenzi fl-implimentazzjoni tal-garanziji finanzjarji attwali li wrew sfidi fl-iżgurar tar-responsabbiltà tal-operaturi għal danni ambjentali, u huwa mħasseb dwar il-każijiet fejn l-operaturi ma kinux f'pożizzjoni li jġarrbu l-ispejjeż tar-rimedju ambjentali;

9.  Ifakkar li nuqqas ta' obbligu għall-operaturi li jkollhom garanzija finanzjarja rigward ir-responsabbiltà ambjentali jista' jipprevjeni kumpens sħiħ tal-ispejjeż f'każ ta' inċident serju;

10.  Jappella biex kwalunkwe operatur li jibbenefika mit-twettiq tal-attivitajiet ikun responsabbli wkoll għal kwalunkwe dannu jew tniġġis ambjentali kkawżat minn dawk l-attivitajiet;

11.  Iqis li fl-Artikolu 1, il-qafas tar-responsabbiltà ambjentali jenħtieġ li jitwessa' biex jinkludi r-riabilitazzjoni ambjentali u r-restawr ekoloġiku għall-kundizzjoni bażi wara li jkunu ntemmew l-attivitajiet okkupazzjonali, anke meta d-danni ambjentali jkunu kkawżati minn attivitajiet jew emissjonijiet awtorizzati espressament mill-awtoritajiet kompetenti;

12.  Jiddispjaċih li hemm attivitajiet b'impatti negattivi potenzjali fuq il-bijodiversità u l-ambjent, bħat-trasport bil-pipelines ta' sustanzi perikolużi, l-estrazzjoni, u l-introduzzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi, li bħalissa mhumiex koperti mir-rekwiżit għal responsabbiltà stretta; jinnota li, b'mod partikolari għad-dannu tal-bijodiversità, l-attivitajiet elenkati fl-Anness III ma jkoprux b'mod suffiċjenti s-setturi li jistgħu potenzjalment jikkawżaw dannu;

13.  Iqis li fil-kuntest ta' rieżami tal-ELD, l-estensjoni tar-responsabbiltà stretta għal attivitajiet li mhumiex inklużi fl-Anness III għal kull dannu ambjentali b'effetti avversi jenħtieġ li tkun prijorità, biex b'hekk tittejjeb l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" u jingħata inċentiv għall-operaturi biex iwettqu ġestjoni tar-riskju adatta għall-attivitajiet tagħhom;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' rieżami tal-ELD, biex testendi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u timponi wkoll responsabbiltà għal danni lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent, eż. l-arja u l-artijiet mistagħdra; iqis li dan jallinja l-ELD ma' leġiżlazzjoni oħra tal-UE dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u jiffaċilita ż-żieda ta' dispożizzjonijiet fl-ELD, bħall-inklużjoni ta' rekwiżit għat-twettiq ta' miżuri preventivi u azzjoni ta' rimedju ta' emerġenza, fid-Direttiva nnifisha jew fid-dritt nazzjonali li jimplimentaha;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni tal-ELD għal danni ambjentali kkawżati minn kwalunkwe attività okkupazzjonali u tiżgura responsabbiltà stretta tal-produttur;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi, fir-rieżami li jmiss tal-ELD, id-danni lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent ikkawżati mit-tniġġis tal-arja minn emissjonijiet tal-karozzi li jiksru l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-emissjonijiet tal-karozzi, billi dan jista' jżid il-livelli ta' prevenzjoni u prekawzjoni;

17.  Jitlob, barra minn hekk, it-tneħħija tal-alternattivi għall-għoti ta' eżonerazzjoni abbażi ta' permess u eżonerazzjoni abbażi tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku b'tali mod li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u jiġi promoss il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", filwaqt li tittejjeb ukoll l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni;

18.  Jirrakkomanda li l-alternattiva li tinħtieġ responsabbiltà statali sussidjarja tkun obbligatorja sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi u proattiva tal-leġiżlazzjoni;

19.  Huwa tal-fehma li meta jitqiesu r-rilevanza u l-impatti potenzjali ta' diżastri relatati mal-industrija u r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent naturali u għall-proprjetà, jeħtieġ li jiġu miżjuda salvagwardji ulterjuri b'tali mod li ċ-ċittadini Ewropej jingħataw sistema ta' prevenzjoni u ġestjoni tad-diżastri sikura u soda bbażata fuq il-kondiviżjoni tar-riskji, ir-responsabbiltà akbar tal-operaturi industrijali u l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas";

20.  Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' rieżami tal-ELD, tqis jekk tistax timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex jissottomettu rapporti kull sentejn dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva;

21.  Itenni, fil-kuntest ta' rieżami tal-ELD, l-appell tiegħu għal garanzija finanzjarja obbligatorja, eż. assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ambjentali għall-operaturi; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija armonizzata tal-UE biex tikkalkula s-sollijiet tar-responsabbiltà massima, billi tqis il-karatteristiċi ta' kull attività u l-inħawi tagħha, u tivvaluta l-possibbiltà li tissupplimenta dan b'fond madwar l-UE kollha jew b'faċilità ta' kondiviżjoni tar-riskji bbażata fuq l-assigurazzjoni mfassla biex tindirizza l-ispejjeż tar-rimedju lil hinn mill-garanzija finanzjarja obbligatorja, f'koordinazzjoni ma' kwalunkwe fond internazzjonali eżistenti għal responsabbiltà ambjentali;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi polza tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ambjentali obbligatorja biex tkopri lill-operaturi kollha fl-UE, u tobbliga lil kull Stat Membru jieħu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżgura r-responsabbiltà ambjentali tal-operaturi kollha fit-territorju tiegħu;

23.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jaċċeleraw l-iżvillup ta' strumenti u swieq ta' garanzija finanzjarja mill-operaturi ekonomiċi u finanzjarji xierqa, inklużi mekkaniżmi finanzjarji fil-każ ta' falliment, bl-għan li l-operaturi jkunu jistgħu jużaw garanziji finanzjarji biex ikopru r-responsabbiltajiet tagħhom;

24.  Jiġbed l-attenzjoni għall-istudju ta' fattibbiltà tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' faċilità ta' kondiviżjoni tar-riskju tad-diżastri industrijali fl-UE kollha[1] u jenfasizza l-ħtieġa li jsiru analiżi ulterjuri u studju tal-fattibbiltà aktar fil-fond dwar il-kwistjonijiet ġuridiċi u finanzjarji ewlenin;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ELD adegwatament tappoġġa l-isforzi biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttivi tal-UE dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats; jinsisti li l-awtoritajiet responsabbli għall-ispezzjonijiet ambjentali jridu jkunu involuti fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-liġi dwar ir-responsabbiltà ambjentali;

26.  Iqis is-sanzjonijiet kriminali bħala deterrent importanti ieħor kontra d-danni ambjentali, u jinnota b'dispjaċir li d-Direttiva 2008/99/KE tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali mhijiex aġġornata; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni, mingħajr iktar dewmien, biex tirrieżamina l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva sabiex ikopri l-leġiżlazzjoni ambjentali applikabbli kollha tal-Unjoni;

27.  Jenfasizza l-urġenza li tiġi stabbilita leġiżlazzjoni Ewropea dwar standards minimi għall-implimentazzjoni tal-aċċess għall-pilastru tal-ġustizzja tal-Konvenzjoni ta' Aarhus;

28.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq mingħajr aktar dewmien proposta għal spezzjonijiet ambjentali fil-livell Ewropew.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

8.6.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

4

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Mark Demesmaeker, Bas Eickhout, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Jytte Guteland, György Hölvényi, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Jo Leinen, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Frédérique Ries, Davor Škrlec, Renate Sommer, Ivica Tolić, Adina-Ioana Vălean, Jadwiga Wiśniewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jørn Dohrmann, Ismail Ertug, Eleonora Evi, Jan Huitema, Urszula Krupa, Gesine Meissner, Ulrike Müller, Younous Omarjee, Sirpa Pietikäinen, Carolina Punset, Bart Staes, Tiemo Wölken, Carlos Zorrinho

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Arnaud Danjean, Wim van de Camp

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

46

+

ALDE

Jan Huitema, Valentinas Mazuronis, Gesine Meissner, Ulrike Müller, Carolina Punset, Frédérique Ries

ECR

Jørn Dohrmann, Arne Gericke

EFDD

Eleonora Evi

GUE/NGL

Lynn Boylan, Younous Omarjee

NI

Zoltán Balczó

PPE

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Birgit Collin-Langen, Arnaud Danjean, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Françoise Grossetête, György Hölvényi, Peter Liese, Norbert Lins, Sirpa Pietikäinen, Renate Sommer, Ivica Tolić, Adina-Ioana Vălean, Wim van de Camp

S&D

Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Ismail Ertug, Jytte Guteland, Jo Leinen, Susanne Melior, Pavel Poc Tiemo Wölken, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

VERTS/ALE

Margrete Auken, Bas Eickhout, Benedek Jávor, Davor Škrlec, Bart Staes

4

-

ECR

Julie Girling, Urszula Krupa, Bolesław G. Piecha, Jadwiga Wiśniewska

3

0

ECR

Mark Demesmaeker

ENF

Mireille D’Ornano, Jean-François Jalkh

  • [1]  Study to explore the feasibility of creating a fund to cover environmental liability and losses occurring from industrial accidents (Studju li jesplora l-fattibbiltà tal-ħolqien ta' fond li jkopri r-responsabbiltà ambjentali u t-telf imġarrab minħabba inċidenti industrijali), Rapport Finali, Kummissjoni Ewropea, DĠ ENV, 17 ta' April 2013.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

2.10.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Rosa Estaràs Ferragut, Laura Ferrara, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, Jiří Maštálka, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Angel Dzhambazki, Jens Rohde, Virginie Rozière, Tiemo Wölken

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Kateřina Konečná, Jens Nilsson

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

ALDE

EFDD

GUE/NGL

PPE

 

S&D

Verts/ALE

Jean-Marie Cavada, Jens Rohde

Joëlle Bergeron, Laura Ferrara

Kateřina Konečná, Jiří Maštálka

Rosa Estaràs Ferragut, Emil Radev, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jens Nilsson, Evelyn Regner, Virginie Rozière, Tiemo Wölken

Max Andersson, Julia Reda

1

-

ECR

Angel Dzhambazki

2

0

ENF

Marie-Christine Boutonnet, Gilles Lebreton

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni