RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 189/2014/UE li tawtorizza lil Franza tapplika rata mnaqqsa ta' ċerti taxxi indiretti fuq ir-rum "tradizzjonali" prodott fil-Guadeloupe, fil-Guyana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/659/KE
16.10.2017 - (COM(2017)0297 – C8‑0212/2017 – 2017/0127(CNS)) - *
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Iskra Mihaylova
(Proċedura simplifikata – l-Artikolu 50(1) tar-Regoli ta' Proċedura)
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 189/2014/UE li tawtorizza lil Franza tapplika rata mnaqqsa ta' ċerti taxxi indiretti fuq ir-rum "tradizzjonali" prodott fil-Guadeloupe, fil-Guyana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/659/KE
(COM(2017)0297 – C8‑0212/2017 – 2017/0127(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2017)0297),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8‑0212/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0304/2017),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
Ir-rum tradizzjonali tar-reġjuni ultraperifiċi Franċiżi ilu mill-1923 suġġett għal arranġamenti speċjali tad-dazju tas-sisa fis-suq ta' Franza kontinentali. Dan jirrifletti strateġija fiskali fit-tul ta' għajnuna mill-Istat. Sa mill-ħolqien tas-suq intern u l-armonizzazzjoni tad-dazji tas-sisa fl-Ewropa, dawn l-arranġamenti speċjali tad-dazju tas-sisa ġew estiżi bl-approvazzjoni tal-UE. Is-sistema attwali li tippermetti din l-estensjoni ġiet introdotta permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/166/KE, li iffissat il-volum ta' rum eliġibbli għal dazju tas-sisa speċjali.
Is-suq dinji tar-rum qed jikber b'mod stabbli, u l-kwantitajiet ta' rum eliġibbli għal trattament speċjali tat-taxxa jiġu aġġustati perjodikament biex tkun żgurata l-kompetittività fit-tul tas-settur tar-rum tal-kannamieli fir-reġjuni ultraperiferiċi ta' Franza.
Fl-2016, il-produzzjoni tar-rum fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi qabżet il-kwota eliġibbli għal trattament speċjali tat-taxxa b'madwar 20 fil-mija. Sakemm il-kwota għall-2016 ma tiġix mibdula retroattivament, il-produtturi se jkollhom iħallsu rata ogħla ta' taxxa fuq is-sehem tal-prodott tagħhom li mhumiex koperti mill-arranġamenti speċjali, u peress li l-prezz li jitħallsu huwa miftiehem minn qabel, l-effett tal-għajnuna mill-Istat ta' dawn l-arranġamenti ser jiġi newtralizzat u l-produtturi jaf iġarrbu dannu ekonomiku.
Fit-22 ta' Settembru 2016, l-awtoritajiet Franċiżi talbu lill-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' adattament tekniku għad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 189/2014/UE tal-20 ta' Frar 2014, biex il-kwota annwali tiżdied minn 120 000 għal 144 000 ettolitru ta' alkoħol pur. Il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha (skont l-Artikolu 349) fid-9 ta' Ġunju 2017.
Il-pożizzjoni tar-rapporteur
Ir-rapporteur tilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill u tirrakkomanda li l-Kumitat u l-Parlament fl-istadju tas-sessjoni plenarja jaċċettawha mingħajr emenda.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 189/2014/UE li tawtorizza lil Franza tapplika rata mnaqqsa ta’ ċerti taxxi indiretti fuq ir-rum “tradizzjonali” prodott fil-Guadeloupe, fil-Guyana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/659/KE |
||||
Referenzi |
COM(2017)0297 – C8-0212/2017 – 2017/0127(CNS) |
||||
Data meta ġie kkonsultat il-PE |
27.6.2017 |
|
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
REGI 6.7.2017 |
|
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Iskra Mihaylova 20.6.2017 |
|
|
|
|
Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni |
9.10.2017 |
||||
Data tal-adozzjoni |
9.10.2017 |
|
|
|
|
Data tat-tressiq |
16.10.2017 |
||||