RAPPORT dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro
18.10.2017 - (2017/2114(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Gunnar Hökmark,
Rapporteur għal opinjoni (*):
Yana Toom, Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
(*) Kumitat assoċjat – l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
- MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- NOTA SPJEGATTIVA
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
- INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
- VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2), 136, il-protokolli Nru 1 u 2 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2017 dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2017 (COM(2017)0500),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2017 bit-titolu "Semestru Ewropew 2017: Valutazzjoni tal-progress dwar riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi, u riżultati tal-analiżijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 (COM(2017)0090),
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017", "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2017" u "Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2017", u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Lejn pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro" (COM(2016)0727),
- wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Fiskali Ewropew dwar "Il-valutazzjoni tal-pożizzjoni fiskali prospettiva xierqa għaż-żona tal-euro" tal-20 ta' Ġunju 2017,
- wara li kkunsidra d-Dokument Okkażjonali Nru 182 dwar "Pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro" mill-Bank Ċentrali Ewropew ta' Jannar 2017,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2017 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2017 dwar analiżijiet fil-fond u implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2016,
- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017 dwar l-għeluq ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv għal żewġ Stati Membri u dwar politiki ekonomiċi u fiskali,
– wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni – Rebbiegħa 2017 ta' Mejju 2017,
– wara li kkunsidra d-dettalji tas-sett tad-data tal-Eurostat dwar il-PDG reali per capita, ir-rata ta' tkabbir u t-totali tal-31 ta' Mejju 2017,
– wara li kkunsidra l-istatistika tal-OECD dwar id-dħul totali mit-taxxa tat-30 ta' Novembru 2016,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja,
wara li kkunsidra l-ftehim COP 21 adottat fil-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima fit-12 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[2],
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[6],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro[7],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro[8],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom[9],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0310/2017),
A. billi, skont il-previżjonijiet tal-Kummissjoni, ir-rata ta' tkabbir tal-PDG għaż-żona tal-euro kienet ta' 1.8 % fl-2016 u hija mistennija li tibqa' stabbli fil-livell ta' 1.7 % fl-2017 u ta' 1.9 % fl-UE kollhabiex b'hekk taqbeż il-livelli ta' qabel il-kriżi, imma xorta tibqa' insuffiċjenti b'differenzi sinifikanti fir-rati ta' tkabbir fl-UE kollha; billi l-konsum privat kien il-mutur ta' tkabbir ewlieni f'dawn l-aħħar ftit snin, filwaqt li hemm possibbiltà li din is-sena tkun aktar moderata minħabba ż-żieda temporanja fl-inflazzjoni tal-konsum, għalkemm id-domanda domestika mistennija li tagħti spinta lill-perspettiva ta' tkabbir fuq terminu medju; billi t-tkabbir fl-UE baqa' kajman biex joħloq impjiegi ġodda fl-Istati Membri u ferm iktar kajman mit-tkabbir proġettat għad-dinja kollha;
B. billi r-rati tal-qgħad taż-żona tal-euro u tal-UE28 kienu ta' 9.3 % u ta' 7.8 % rispettivament f'April 2017, l-aktar rati baxxi tagħhom sa minn Marzu 2009 u Diċembru 2008; imma xorta waħda 'l fuq mil-livelli ta' qabel il-kriżi; billi fl-UE għad hemm differenzi sinifikanti fir-rati tal-qgħad, li jvarjaw bejn it-3.2 % u t-23.2 %; billi ż-żona tal-euro u r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ tal-UE28 kienu għadhom f'livelli ferm għoljin f'April 2017, speċifikament 18.7 % u 16.7 %;
C. billi d-defiċit ġenerali tal-gvern fiż-żona tal-euro hi proġettata li tkun 1.4 % fl-2017 u 1.3 % fl-2018, filwaqt li l-prestazzjoni tal-Istati Membri individwali hi mistennija li tkun eteroġena; billi d-dejn ġenerali tal-gvern fi proporzjon tal-PDG fiż-żona tal-euro huwa mbassar li jonqos għal 90,3% fl-2017 u għal 89,0% fl-2018;
D. billi t-tkabbir ekonomiku globali għadu fraġli u l-ekonomija taż-żona tal-euro qed tiffaċċja żieda fl-inċertezza u sfidi politiċi interni u esterni importanti;
E. billi l-produttività u l-kompetittività globali eċċessivament baxxi tal-UE jitolbu riformi strutturali soċjalment bilanċjati, sforzi fiskali u investiment kontinwi fl-Istati Membri sabiex iwasslu għal tkabbir sostenibbli u inklużiv kif ukoll impjiegi, u jiksbu konverġenza 'l fuq ma' ekonomiji globali oħra u fl-UE;
F. billi r-rata tal-impjieg fiż-żona tal-euro kibret b'1,4 % fl-2016; billi f'Marzu 2017, ir-rata tal-qgħad niżlet għal 9.5 %, meta mqabbla ma' 10.2 % f'Marzu 2016; billi, minkejja t-titjib riċenti, ir-rati tal-qgħad għadhom ma rritornawx lura għal-livelli ta' qabel il-kriżi;
G. billi r-rata tal-impjieg kibret b'1.2 % fl-2016 fl-UE-28, filwaqt li kien hemm 234.2 miljun persuna fl-impjieg fl-ewwel kwart tal-2017, l-ogħla numru li qatt ġie rreġistat[10]; billi, madankollu, in-numru konsiderevoli ta' impjiegi maħluqa b'rabta mat-tkabbir ekonomiku jaħbi ċerti sfidi, bħall-irkupru mhux komplut f'sigħat maħduma u tkabbir modest tal-produttività. billi jekk jippersistu, dawn il-fatturi jistgħu joħolqu pressjoni addizzjonali fuq l-aspetti fit-tul tat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fl-UE[11];
H. billi r-rati ta' impjieg huma ġeneralment aktar baxxi fost in-nisa: fl-2015, ir-rata ta' impjieg għall-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena kienet ta' 75.9 % fl-UE-28, meta mqabbla ma' 64.3 % għan-nisa;
I. billi f'Marzu 2017, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fiż-żona tal-euro kienet ta' 19.4 %, meta mqabbla ma' 21.3 % f'Marzu 2016; billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu għoli b'mod inaċċettabbli; billi fl-2015 is-sehem ta' persuni NEET baqa' għoli u kien jirrappreżenta 14.8 % ta' dawk fl-età ta' bejn il-15 u d-29 sena, jiġifieri 14-il miljun persuna; billi n-NEET huma stmati li jiswew lill-Unjoni EUR 153 biljun (1.21 % tal-PDG) fis-sena, f'benefiċċji u fi qligħ u taxxi mitlufin[12], filwaqt li l-istima tal-ispiża totali biex jiġu stabbiliti skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ fiż-żona tal-euro hija ta' EUR 21 biljun fis-sena, jew 0.22 % tal-PDG; billi attwalment hemm ammont ta' EUR 1 biljun allokat għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, ammont li miegħu se jiżdied EUR 1 biljun mill-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu 2017-2020;
J. billi minkejja li l-qgħad fit-tul fl-UE-28 naqas minn 5 % fl-2014 għal 4 % fl-2016, dan għadu problema u jirrappreżenta kważi nofs il-qgħad totali; jinnota bi tħassib li r-rata tal-qgħad fit-tul ħafna ta' 2.5 % fl-2016 għadha 1 % ogħla miċ-ċifra tal-2008; billi għad hemm diskrepanzi kbar fost l-Istati Membri;
K. billi f'ħafna Stati Membri, id-daqs tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol u l-forza tax-xogħol qed ikomplu jinxtorbu, b'mod partikolari minħabba rati baxxi ta' twelid; billi kemm l-impjegabbiltà tan-nisa kif ukoll il-wasla kontinwa ta' migranti, rifuġjati u applikanti għall-asil huma opportunitajiet għall-Istati Membri biex jindirizzaw din il-kwistjoni u jsaħħu l-forza tax-xogħol fl-UE;
L. billi waħda mill-ħames miri tal-Ewropa 2020 għandha l-għan li tnaqqas b'mill-inqas 20 miljun in-numru ta' persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali; billi l-faqar qed jonqos, b'4.8 miljun persuni inqas f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali fl-2015 milli fl-2012; billi din iċ-ċifra tal-2015 għadha teċċedi ċ-ċifra tal-2008 b'1.6 miljun; billi 32.2 miljun persuna b'diżabbiltà kienu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali fl-UE fl-2012; billi fl-2013, 26.5 miljun tifel u tifla fl-UE-28 kienu f'riskju li jispiċċaw fil-faqar jew f'esklużjoni soċjali; billi r-rata ta' riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni għadha inaċċettabbilment għolja f'livell ta' 23.7 %, b'ċifri li jibqgħu għoljin ħafna f'xi Stati Membri; billi, barra minn hekk il-faqar enerġetiku tant għadu kbir li għall-11 % tal-popolazzjoni tal-UE ikkonċernata dan iwassal għal ċiklu ta' żvantaġġ ekonomiku;
M. billi l-kundizzjonijiet u l-prestazzjonijiet tas-suq tax-xogħol juru differenzi sostanzjali fost l-Istati Membri, għalkemm dawn id-differenzi qed jonqsu;
N. billi forom ġodda ta' impjieg u xogħol qed isiru iktar komuni bir-rivoluzzjoni diġitali tas-suq tax-xogħol;
1. Jilqa' l-prestazzjoni mtjeba tal-ekonomija Ewropea, li qed ikollha dejjem bażi usa', appoġġjata minn tkabbir moderat fil-PDG, li jaqbeż il-livell ta' qabel il-kriżi, u minn tnaqqis fir-rati tal-qgħad, li xorta għadhom għoljin; iqis li din it-tendenza pożittiva hija dovuta għall-politiki ta' dawn l-aħħar ftit snin; jinnota li l-irkupru moderat, madankollu, għadu fraġli u mhux uniformi fis-soċjetajiet u r-reġjuni kollha, filwaqt li l-iżvilupp tal-PDG per capita huwa qrib l-istaġnar; jiddispjaċih li l-iżviluppi ekonomiċi għadhom mgħobbija bil-piż tal-konsegwenzi tal-kriżi; jinnota li minkejja l-progress sostanzjali li sar il-livelli ta' dejn f'ħafna Stati Membri għadhom għoljin ħafna iktar mil-livell limitu kif speċifikat fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;
2. Jinnota bi tħassib li r-rati ta' tkabbir tal-PDG u tal-produttività għadhom ma laħqux il-potenzjal sħiħ u jenfasizza li għalhekk ma għandu jkun hemm l-ebda lok għal kompjaċenza, u li dan l-irkupru moderat jirrikjedi sforzi bla waqfien sabiex tinkiseb reżiljenza u sostenibbiltà akbar fuq terminu medju sa twil permezz ta' livell ogħla ta' tkabbir u impjiegi;
3. Jinnota li l-portijiet tal-Ewropa ma sfruttawx il-potenzjal ekonomiku hekk kif it-tkabbir u l-impjiegi qed javvanzaw b'mod inkonsistenti; jissottolinja li dan huwa r-riżultat tal-prestazzjoni eteroġenea tal-ekonomiji tal-Istati Membri; jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali soċjalment ibbilanċjati u żieda fl-investiment privat u pubbliku kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE tista' tiffaċilita mill-inqas 1 % aktar tkabbir; ifakkar li l-koordinazzjoni ekonomika u fiskali għandha tibqa' prijorità ewlenija tas-Semestru Ewropew sabiex tikkontribwixxi biex tiżgura konverġenza u stabbiltà fl-UE ;
4. Huwa tal-opinjoni li se jkun meħtieġ livell akbar ta' konverġenza 'l fuq u ta' kompetittività ġenerali biex ikun sostnut l-irkupru ekonomiku fl-UE u fiż-żona tal-euro fuq terminu twil; iqis li l-indikaturi eżistenti ekonomiċi u tal-impjieg huma kruċjali biex jiżguraw sostenibbiltà u tkabbir inklużiv;
5. Iqis li biex dan jimmaterjalizza jeħtieġ li jitjiebu l-kundizzjonijiet strutturali għat-tkabbir; huwa tal-opinjoni li t-tkabbir potenzjali tal-Istati Membri kollha għandu jiżdied fuq terminu twil għal mill-inqas 3 %; biex dan jiġri, jeħtieġ jingħata fokus akbar fuq il-konverġenza ekonomika, fejn l-istabbiliment ta' valuri referenzjarji ċari ta' kif jittejjeb it-tkabbir potenzjali tal-Istati Membri jista' jipprovdi l-gwida meħtieġa għal azzjonijiet politiċi; jindika li dan l-eżerċizzju ta' valutazzjoni komparattiva regolari għandu jqis kif xieraq is-saħħa u d-dgħufijiet strutturali individwali tal-Istati Membri u jsegwi tkabbir inklużiv u sostenibbli; dan għandu jinkludi oqsma bħall-ekonomija diġitali, is-settur tas-servizzi, is-suq tal-enerġija, imma wkoll il-kwalità tas-servizzi, kundizzjonijiet għall-investiment, l-inklussività u t-tħejjija tas-sistemi edukattivi;
6. Jenfasizza li dan jikkomplementa l-isforzi kontinwi biex titjieb il-kwalità u l-ġestjoni tal-baġits nazzjonali billi jindirizza l-iskattaturi għat-tkabbir f'konformità mar-regoli fiskali tal-Unjoni u b'rispett sħiħ tal-flessibbiltà tagħhom;
Politiki strutturali
7. Iqis li s-sitwazzjoni inkonsistenti tat-tkabbir u tal-impjiegi fiż-żona tal-euro teħtieġ koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi partikolarment permezz ta' sjieda nazzjonali mtejba u konsistenti u implimentazzjoni soda tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSR), ukoll bl-għan li tiġi promossa l-konverġenza 'l fuq, u billi tinkludi implimentazzjoni aħjar u rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza li r-riformi għandhom bżonn jikkunsidraw sew is-sitwazzjoni u l-isfidi speċifiċi f'kull Stat Membru; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura l-konsistenza bejn ir-riformi strutturali u n-nefqa tal-UE; ifakkar ukoll f'din il-perspettiva l-importanza tal-assistenza teknika sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jibnu l-kapaċità u jikkonverġu lejn approċċ abbażi tas-sħubija li jista' jiżgura dover ta' rendikont u r-riżultat tal-implimentazzjoni tas-CSRs;
8. Jinnota li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' ferm għoli fil-pajjiżi taż-żona tal-euro u jirrimarka li qgħad elevat u persistenti taż-żgħażagħ jirrapreżenta riskju strutturali fuq terminu twil; jaqbel li l-indirizzar tal-konsegwenzi tal-kriżi, minn qgħad fit-tul, impjiegi li ma jisfruttawx b'mod komplet il-ħiliet u l-abilitajiet, u soċjetajiet li qed jixjieħu għal livelli għolja ta' dejn privat u pubbliku, jibqa' prijorità urġenti li titlob l-implimentazzjoni ta' riformi sostenibbli u inklużivi;
9. Huwa tal-opinjoni li l-konsegwenzi tal-kriżi, bħal-livell għoli ta' dejn u ta' qgħad f'xi setturi tal-ekonomija, għadhom ta' xkiel għat-tkabbir sostenibbli u joħolqu riskji potenzjali ta' tnaqqis fit-tkabbir; jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu l-livelli eċċessivi ta' dejn; jinsab imħasseb f'dan ir-rigward li l-livell persistentement għoli ta' self improduttiv (NPL) f'xi Stati Membri jista' jkolli effetti konsegwenzjali sinifikattivi minn Stat Membru għall-ieħor, u bejn il-banek u s-sovrani u b'hekk jippreżenta risjku għall-istabbilità finanzjarja fl-Ewropa; jinnota li l-bafers kapitali fis-settur finanzjarju ssaħħu imma profittabilità baxxa, flimkien ma' livelli għolja ta' NPLs qed joħolqu sfidi ġodda; jinsab konvint li strateġija tal-UE li tindirizza l-NPLs tista' tipprovdi soluzzjoni komprensiva li tiġbor flimkien azzjonijiet ta' politika kumplimentari, f'livell nazzjonali u, fejn xieraq, f'livell Ewropew;
10. Huwa tal-opinjoni li huma meħtieġa riformi u inizjattivi li jtejbu l-klima kummerċjali biex jagħtu spinta lill-produttività, lill-kompetittività marbuta mal-prezzijiet u dik mhux marbuta mal-prezzijiet, lill-investiment u l-impjiegi fiż-żona tal-euro; jemmen li huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jissaħħaħ l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, li huwa fattur kruċjali sabiex in-negozji jiġġeddu u jespandu; jissottolinja f'dan il-kuntest l-importanza ta' riformi orjentati lejn il-futur li jkunu adattati lejn il-provvista u d-domanda;
11. Iqis li swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb u produttivi, flimkien ma' livell adegwat ta' protezzjoni soċjali u ta' djalogu, jgħinu biex jiżdiedu l-impjiegi u jiżguraw tkabbir sostenibbli; jissottolinja l-importanza li jinżammu rati tal-impjieg għoljin fejn dawn diġà intlaħqu; jinnota li n-nuqqas ta' ħiliet, is-soċjetajiet li qed jixjieħu kif ukoll għadd ta' sfidi oħra, jitfgħu wkoll piż fuq tkabbir ulterjuri tal-impjiegi u fuq it-tnaqqis tal-livelli tal-qgħad fl-Istati Membri;
12. Jenfasizza l-importanza ta' żviluppi tal-pagi responsabbli u favur it-tkabbir, li jipprovdu standard tal-għajxien tajjeb, bi qbil mal-produttività filwaqt li jqisu l-kompetittività; jieħu nota tal-fatt li hu mbassar li t-tkabbir fil-pagi se jkun relattivament moderat; huwa tal-fehma li t-tkabbir fil-produttività għandu jkun għan prijoritarju tar-riformi strutturali; jaqbel mal-Kummissjoni li hemm lok għal żidiet fil-pagi li jista' jkollhom effetti pożittivi relatati mal-konsum aggregat;
13. Jenfasizza li l-livelli ta' tassazzjoni għandhom ukoll jappoġġjaw il-kompetittività, l-investimenti u l-ħolqien tal-impjiegi; jitlob riformi fit-tassazzjoni bl-għan li jitjieb il-ġbir tat-taxxa, jiġi evitat l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, kif ukoll ikun indirizzat il-piż għoli tat-taxxa fuq ix-xogħol fl-Ewropa, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi ta' ħarsien soċjali; jemmen li jekk il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol jitnaqqas, jiżdiedu l-impjiegi u jitħeġġeġ it-tkabbir; jissottolinja li l-istimolu fiskali, fejn ikun possibbli, inkluż permezz ta' taxxi aktar baxxi, jista' jappoġġja d-domanda domestika, is-sigurtà soċjali u l-provvista ta' investimenti u ta' xogħol;
Investiment
14. Jaqbel li ż-żieda ekonomika jeħtieġ li tkun appoġġjata mill-investiment pubbliku u privat, partikolarment fl-innovazzjoni, u jinnota li għad hemm distakk fl-investiment fiż-żona tal-euro; jilqa' l-fatt li f'ċerti Stati Membri l-investimenti diġà jaqbżu l-livell ta' qabel il-kriżi, u jiddispjaċih li fi Stati Membri oħrajn l-investiment għadu lura jew mhuwiex għaddej bir-rata meħtieġa; jissottolinja l-fatt li jenħtieġ ukoll miżuri ulterjuri biex jiġi indirizzat id-"distakk fl-investiment" akkumulat minn meta bdiet il-kriżi;
15. Iqis li r-riformi li jeliminaw l-ostakli għall-investiment privat u pubbliku jippermettu appoġġ immedjat għall-attività ekonomika u fl-istess ħin jgħinu jistabbilixxu kundizzjonijiet għat-tkabbir fit-tul; jirrimarka li l-investimenti fl-edukazzjoni, fl-innovazzjoni u fir-R&Ż jippermettu li jsir adattament aħjar għall-ekonomija bbażata fuq l-għarfien; jenfasizza barra minn hekk li t-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija fattur kruċjali biex jiġi attirat u jiżdied l-investiment, u biex jitjieb il-finanzjament tat-tkabbir u l-impjiegi;
16. Iqis li r-riċerka, it-teknoloġija u l-edukazzjoni huma ta' importanza vitali għall-iżvilupp ekonomiku fit-tul taż-żona tal-euro; jenfasizza d-disparitajiet bejn l-Istati Membri fl-investiment f'dawn l-oqsma u jirrimarka li l-investiment jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-innovazzjoni u jippermetti li jsir adattament aħjar għall-ekonomija bbażata fuq l-għarfien, f'konformità mal-Ewropa 2020;
17. Jilqa' l-fatt li l-qbil f'waqtu dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jista' jgħin biex tittejjeb l-effikaċja ta' dan l-istrument u biex jiġu indirizzati nuqqasijiet esperjenzati fl-implimentazzjoni tiegħu sa issa billi jiffaċilita l-finanzjament ta' aktar proġetti li jkollhom potenzjal qawwi filwaqt li jiżgura infurzar strett tal-addizzjonalità, tisħiħ tal-kopertura ġeografika, filwaqt li jappoġġja l-investimenti li kieku ma kienux jiġu realizzati;
18. Jinnota l-objettivi differenti tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) meta mqabbla mal-FEIS u għalhekk bl-istess mod l-importanza kontinwa tal-FSIE, inkluż biex ikunu appoġġjati riformi strutturali sostenibbli;
19. Jenfasizza li Unjoni tas-Swieq Kapitali li tiffunzjona kompletament tista', fuq perjodu ta' żmien itwal, tipprovdi finanzjament ġdid għall-SMEs, filwaqt li tikkumplimenta dak tas-settur bankarju; jenfasizza li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, u jqis għalhekk li żieda fl-aċċess tagħhom għall-finanzi u l-ġlieda kontra l-inċertezza tan-negozji marbuta mal-attivitajiet tagħhom għandhom ikunu żewġ prijoritajiet ewlenin, b'mod li jtejbu l-kompetittività fiż-żona tal-euro; jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas il-burokrazija żejda, ikunu allinjati s-servizzi governattivi u jsiru aktar effiċjenti;
Politiki fiskali
20. Iqis li l-politiki fiskali prudenti u mmirati lejn il-futur għandhom rwol fundamentali għall-istabbiltà taż-żona tal-euro u tal-Unjoni b'mod globali; jissottolinja li koordinazzjoni b'saħħitha tal-politiki fiskali, l-implimentazzjoni xierqa u l-konformità mar-regoli tal-Unjoni, inkluż rispett sħiħ għall-klawżoli flessibbli eżistenti, f'dan il-qasam huma rekwiżiti legali u essenzjali għall-funzjonament xieraq tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM);
21. Jilqa' f'dan ir-rigward il-fatt li l-finanzi pubbliċi jidhru li qed jitjiebu hekk kif id-defiċits tal-gvernijiet fiż-żona tal-euro huma projettati li jonqsu; madankollu, sforzi biex jitnaqqas il-piż tad-dejn jeħtieġ li jitkompla filwaqt li jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku sabiex ikun evitat li l-Istati Membri jkunu vulnerabbli għal xokkijiet esterni;
22. Jaqbel mal-Kummissjoni li d-dejn tal-gvern għadu għoli f'xi Stati Membri u li hemm bżonn li l-finanzi pubbliċi jsiru sostenibbli, filwaqt li jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi; jirrimarka f'dan il-kuntest li l-ħlasijiet ta' rati tal-imgħax baxxi, politiki monetarji akkomodanti, miżuri ta' darba u fatturi oħra li jtaffu l-piż attwali tad-dejn huma biss temporanji u jenfasizza għalhekk li l-finanzji pubbliċi jeħtieġ li jkunu sostenibbli filwaqt li jittieħed kont ukoll tal-obbligazzjonijiet futuri u jkun fil-mira tkabbir fuq terminu twil; jirrimarka li hemm il-possibbiltà ta' żieda fl-ispejjeż tas-servizz tad-dejn; jissottolinja l-importanza li jitniżżlu l-livelli ġenerali tad-dejn;
23. Jissottolinja li l-pożizzjonijiet fiskali fil-livell nazzjonali u taż-żona tal-euro jridu jibbilanċjaw is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi f'konformità sħiħa mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li jkunu rispettati d-dispożizzjonijiet imfassla għall-flessibbiltà, bi stabbilizzazzjoni makroekonomika fuq terminu qasir;
24. Jindika li l-pożizzjoni fiskali aggregata attwali għall-euro baqgħet fil-biċċa l-kbira newtrali fl-2016 u mistennija li tibqa' hekk fl-2017; ifakkar li l-Kummissjoni talbet, fil-komunikazzjoni tagħha, għal approċċ fiskali pożittiv, filwaqt li l-grupp tal-euro wara li kkonkluda l-pożizzjoni fiskali newtrali fl-2017 ddeċieda favur bilanċ xieraq biex jissottolinja l-importanza ta' bilanċ xieraq bejn il-ħtieġa li tkun żgurata s-sostenibbiltà u l-ħtieġa li jkun appoġġjat l-investiment biex jissaħħaħ l-irkupru u b'hekk jingħata kontribut għal taħlita bilanċjata ta' politika; f'dan il-kuntest, jieħu nota tal-ewwel valutazzjoni tal-pożizzjoni fiskali xierqa għaż-żona tal-euro mill-Bord Fiskali Ewropew (EFB) indipenenti tal-20 ta' Ġunju 2017; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprevedu pożizzjoni fiskali xierqa skont iċ-ċirkustanzi rispettivi;
25. Jenfasizza li l-opinjoni aggregata għandha tikkunsidra s-sitwazzjoni eteroġenea fost l-Istati Membri u l-ħtieġa li ssir differenzjazzjoni fil-politiki fiskali meħtieġa minn kull Stat Membru; jenfasizza li l-kunċett ta' pożizzjoni fiskali aggregata ma timplikax li s-surpluses u d-defiċits fi Stati Membri differenti jistgħu jibbilanċjaw lil xulxin;
Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi
26. Jinnota li bil-mgħodija taż-żmien, l-Istati Membri għamlu tal-inqas xi progress f'żewġ terzi tar-rakkomandazzjonijiet għall-2016; hu tal-fehma, madankollu, li l-implimentazzjoni tas-CSRs għada lura u b'hekk tfixkel il-proċess ta' konverġenza fiż-żona tal-euro; hu tal-fehma li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà għall-konsegwenzi tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tas-CSRs u jistenna għalhekk impenn akbar mill-Istati Membri biex jieħdu l-azzjonijiet ta' politika meħtieġa abbażi tas-CSRs maqbula;
27. Jirrikonoxxi li l-Istati Membri għamlu progress fl-implimentazzjoni tas-CSRs fil-qasam tal-politika fiskali u fil-politiki attivi fis-suq tax-xogħol, filwaqt li ma sarx progress biżżejjed f'oqsma bħall-kompetizzjoni fis-servizzi u fl-ambjent tan-negozju; jistenna impenn akbar min-naħa tal-Istati Membri biex jieħdu l-azzjonijiet politiċi meħtieġa abbażi tas-CSRs, li l-implimentazzjoni tagħhom hi kruċjali biex ikunu indirizzati l-iżbilanċi fiż-żona tal-euro;
28. Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex jingħalqu l-Proċeduri ta' Defiċit Eċċessiv għal bosta Stati Membri; jilqa' l-isforzi fiskali u ta' riforma tal-passat u dawk attwali li wasslu lil dawk l-Istati Membri joħorġu mill-EDP, imma jinsisti li dawn l-isforzi se jkunu meħtieġ li jitkomplew biex jiżguraw finanzi pubbliċi sostenibbli wkoll fuq terminu twil, filwaqt li jippromwovu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni xierqa tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir billi jiġu applikati r-regoli tiegħu b'mod konsistenti;
29. Jinnota li 12-il Stat Membru qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi ta' natura u severità differenti, filwaqt li jeżistu żbilanċi eċċessivi f'sitt Stati Membri; jieħu nota tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li fil-preżent ma hemm l-ebda raġuni sabiex tiġi msaħħa l-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku għall-ebda wieħed mill-Istati Membri;
30. Jenfasizza li l-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku hija mmirata biex tipprevjeni l-iżbilanċi fl-Istati Membri bil-għan li jiġu evitati effetti kollaterali negattivi fuq Stati Membri oħra;
31. Iqis li hija essenzjali, għalhekk, li l-Istati Membri kollha jieħdu l-azzjoni politika meħtieġa biex jindirizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi, b'mod partikolari l-livelli għolja ta' dejn, is-surpluses fil-kontijiet kurrenti u żbilanċi fil-kompetittività, u jimpenjaw ruħhom għal riformi strutturali soċjalment ibbilanċjati u inklużivi li jiżguraw is-sostenibbiltà ekonomika ta' kull Stat Membru individwali, biex b'hekk jiżguraw il-kompetittività globali u r-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea;
Kontribuzzjonijiet settorjali għar-Rapport dwar il-politiki Ekonomiċi taż-żona tal-euro
Politiki Soċjali u tal-Impjieg
32. Huwa tal-fehma li huma meħtieġa sforzi kontinwi biex jinkiseb bilanċ bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-proċess tas-Semestru Ewropew u biex jiġu promossi riformi strutturali soċjalment u ekonomikament ibbilanċjati li jnaqqsu l-inugwaljanzi u jippromwovu impjiegi deċenti li jwasslu għal impjieg ta' kwalità, tkabbir sostenibbli u investiment soċjali; jappoġġja l-użu tat-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew; jitlob li tingħata attenzjoni ikbar fir-rigward tal-iżbilanċi strutturali fis-suq tax-xogħol fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs);
33. Itenni t-talba biex it-tliet indikaturi ewlenin il-ġodda fil-qasam tal-impjieg jingħataw l-istess importanza bħall-indikaturi ekonomiċi eżistenti, sabiex b'hekk jiġi żgurat li l-iżbilanċi interni jkunu vvalutati aħjar filwaqt li r-riformi strutturali jsiru iktar effettivi; jipproponi l-introduzzjoni ta' proċedura nonpunittiva ta' żbilanċi soċjali fit-tfassil tas-CSRs sabiex tiġi evitata ġirja lejn l-iktar livell baxx f'termini ta' standards soċjali, filwaqt li nibnu fuq l-użu effikaċi tal-indikaturi soċjali u tal-impjieg fis-sorveljanza makroekonomika; jinnota li l-inugwaljanza intensifikat f'madwar għaxar Stati Membri u hija waħda mill-isfidi soċjoekonomiċi ewlenin fl-UE[13];
34. Jenfasizza li riformi soċjalment u ekonomikament responsabbli jridu jkunu bbażati fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni u l-ġustizzja soċjali; jenfasizza li r-riformi għandhom iqisu wkoll appoġġ sostnut għall-irkupru soċjali u ekonomiku, joħolqu impjiegi ta' kwalità, isaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali, jipproteġu lill-gruppi vulnerabbli u jtejbu l-istandards tal-għajxien għaċ-ċittadini kollha;
35. Jemmen li l-proċess tas-Semestru Ewropew għandu jindirizza mhux biss l-isfidi soċjetali eżistenti iżda anki dawk emerġenti sabiex tiġi żgurata effiċjenza ekonomika ikbar flimkien ma' Unjoni Ewropea iktar soċjalment koeżiva; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-politiki tal-UE;
36. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura finanzjament adegwat biex jiġi missielet il-qgħad fost iż-żgħażagħ li fl-UE għadu għoli b'mod inaċċettabbli, u biex titkompla l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) lil hinn minn tmiem il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) attwali, filwaqt li fl-istess ħin jitjiebu l-funzjonament u l-implimentazzjoni tagħha u b'kont meħud tal-aħħar sejbiet tar-rapport speċjal tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-impjieg taż-żgħażagħ u l-użu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u jiżguraw li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tkun kompletament aċċessibbli; jiddispjaċih dwar ċaqliq fil-baġits mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), inkluża l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, lejn Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li minflok jinħtieġ li jkunu ffinanzjati mill-mezzi finanzjarji kollha disponibbli taħt ir-Regolament QFP eżistenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva tal-impjiegi maħluqa; jenfasizza li l-fondi tal-UE m'għandhomx jintużaw biex jieħdu post il-pagamenti tas-servizzi soċjali nazzjonali;
37. Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jinħtieġ li tissaħħaħ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u jenfasizza l-importanza tagħha għat-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol; jindika li għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u l-bniet, li jistgħu jiffaċċjaw ostakoli relatati mal-ġeneru biex jiksbu offerta ta' kwalità tajba ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tilħaq liż-żgħażagħ li qed jiffaċċjaw esklużjonijiet multipli u faqar estrem;
38. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw il-proposti li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol[14];
39. Iqis li l-ambitu, l-effiċjenza u l-effettività ta' politiki tas-suq tax-xogħol attivi u sostenibbli għandhom jiżdiedu b'finanzjament xieraq u adegwat b'enfasi fuq il-protezzjoni ambjentali, ta' min iħaddem, tal-ħaddiema, tas-saħħa u tal-konsumatur; huwa tal-fehma li l-fenomenu tal-faqar fost dawk li jaħdmu jrid jiġi indirizzat;
40. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-ekonomija soċjali ġiet injorata mill-Kummissjoni fil-pakkett tagħha ta' valutazzjonijiet/rakkomandazzjonijiet; jirrimarka li dan is-settur jinkludi 2 miljun impriża li jimpjegaw aktar minn 14-il miljun persuna u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-miri 2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu lill-impriżi tal-ekonomija soċjali rikonoxximent u viżibbiltà akbar, permezz ta' Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-ekonomija soċjali; iqis li dan in-nuqqas ta' rikonoxximent jagħmilha aktar diffiċli għalihom li jaċċessaw il-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal statut Ewropew għall-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-impriżi mutwi;
41. Ifakkar fil-bżonn li jiġu appoġġjati u msaħħa d-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema f'sistemi tal-iffissar tal-pagi li jiżvolġu rwol kritiku fil-kisba ta' kundizzjonijiet ta' xogħol ta' livell għoli; jenfasizza li l-liġi tax-xogħol u l-istandards soċjali għoljin għandhom rwol kruċjali fl-ekonomija tas-suq soċjali, is-sostenn tad-dħul, u l-inkoraġġiment tal-investiment fil-kapaċità; jenfasizza li d-dritt tal-UE għandu jirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet tat-trejdjunjins, jikkonforma mal-ftehimiet kollettivi bi qbil mal-prattiki tal-Istati Membri u jiddefendi t-trattament ugwali fl-impjieg u x-xogħol;
42. Jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament billi tressaq proposti ambizzjużi għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali b'saħħtu u billi tikseb għal kollox l-għanijiet soċjali tat-Trattati sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol ta' kulħadd u jiġu pprovduti opportunitajiet tajbin għal kulħadd;
43. Iwissi dwar it-tnaqqis fis-sehem tal-pagi fl-UE, it-twessigħ tal-inugwaljanzi fil-pagi u d-dħul u ż-żieda tal-faqar fost dawk li jaħdmu; ifakkar li kemm id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll il-Kostituzzjoni tal-1919 tal-ILO jirrikonoxxu l-bżonn li l-ħaddiema jaqilgħu paga, u li d-dikjarazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem jaqblu li r-rimunerazzjoni għandha tkun suffiċjenti biex issostni familja;
44. Jenfasizza li l-pagi jridu jippermettu lill-ħaddiema jlaħħqu mal-ħtiġijiet tagħhom u ma' dawk tal-familji tagħhom u li kull ħaddiem fl-Unjoni Ewropea għandu jirċievi paga li tiggarantixxi l-għajxien li mhux biss tipprevedi għas-sempliċi neċessitajiet tal-ikel bażiku, il-kenn u l-ħwejjeġ, iżda li tkun ukoll suffiċjenti biex tkopri l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport, ir-rikreazzjoni u xi ftit tfaddil li jgħin biex jipprevedi avvenimenti mhux previsti, bħal mard u aċċidenti; jenfasizza li dan huwa l-istandard ta' għajxien deċenti li l-pagi li jiggarantixxu l-għajxien għandhom jipprovdu għall-ħaddiema u l-familji tagħhom fl-UE;
45. Jitlob lill-Kummissjoni tistudja dwar kif jiġi identifikat x'tinkludi paga li tiggarantixxi l-għajxien u kif jinħtieġ li titkejjel, bil-għan li tistabbilixxi għodda ta' referenza għas-sħab soċjali u tgħin biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;
46. Ifakkar li pagi deċenti huma importanti mhux biss għall-koeżjoni soċjali, iżda wkoll għaż-żamma ta' ekonomija b'saħħitha u ta' forza tax-xogħol produttiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi u titnaqqas id-dispersjoni tal-pagi;
47. Jirrimarka l-ħtieġa kontinwa ta' koordinazzjoni aħjar fil-livell Ewropew tas-sistemi ta' sigurtà soċjali, li huma responabbli għalihom l-Istati Membri; jenfasizza li hi prijorità assoluta li jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-ġustizzja tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, minħabba li dawn huma pilastri ċentrali tal-mudell soċjali Ewropew; jenfasizza li l-pensjonijiet adegwati u sostenibbli huma dritt universali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw pensjonijiet adegwati u sostenibbli fid-dawl ta' bidla demografika kontinwa; jissottolinja l-fatt li s-sistemi tal-pensjonijiet għandhom jiżguraw dħul ta' rtirar adegwat ferm ’il fuq mil-limitu tal-faqar u għandhom jippermettu lill-pensjonanti jżommu livell ta' għajxien xieraq; jemmen li l-aħjar mod biex jiġu żgurati pensjonijiet sostenibbli, sikuri u adegwati għan-nisa u l-irġiel huwa li jiżdiedu kemm ir-rata ġenerali tal-impjiegi kif ukoll in-numru ta' impjiegi deċenti disponibbli għall-etajiet kollha, u li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg; jirrimarka li diskrepanzi fil-pensjonijiet bejn is-sessi għadhom sinifikanti u għandhom konsegwenzi soċjali u ekonomiċi negattivi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u ta' miżuri adegwati oħrajn kontra d-differenza fil-paga bejn is-sessi u l-faqar fix-xjuħija; jemmen li r-riformi tas-sistemi tal-pensjoni u l-età tal-irtirar b'mod partikolari għandhom jirriflettu wkoll ix-xejriet tas-suq tax-xogħol, ir-rati tat-twelid, is-sitwazzjoni tas-saħħa u tal-ġid, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija;
48. Iqis li dawn ir-riformi jridu jqisu wkoll is-sitwazzjoni ta' miljuni ta' ħaddiema fl-Ewropa, b'mod partikolari n-nisa, iż-żgħażagħ u dawk li jaħdmu għal rashom, li jsofru minn impjiegi mhux sikuri, perjodi ta' qgħad involontarju u ħin tax-xogħol imnaqqas;
49. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħti attenzjoni partikolari għat-titjib tas-servizzi ta' kura tat-tfal u tal-arranġamenti flessibbli fil-ħinijiet tax-xogħol, u għall-bżonnijiet ta' nisa u rġiel li qed jixjieħu u persuni dipendenti oħra fir-rigward ta' kura fuq perjodu twil ta' żmien;
50. Jenfasizza l-fatt li investiment insuffiċjenti u ffukat b'mod inadegwat fl-iżvilupp tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, partikolarment il-ħiliet u l-ipprogrammar diġitali u ħiliet oħrajn bżonnjużi f'setturi li qed jikbru, bħall-ekonomija ekoloġika, jista' jdgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw skambju aħjar ta' għarfien, tal-aħjar prattiki u tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE, biex b'hekk jgħinu fit-trawwim tal-iżvilupp fil-ħiliet permezz tal-aġġornament ta' kwalifiki u edukazzjoni, programmi ta' taħriġ u kurrikuli korrispondenti; jinnota l-importanza ta' ħiliet u kompetenzi miksuba f'ambjenti ta' tagħlim mhux formali u informali; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-ħolqien ta' sistema ta' validazzjoni għal forom ta' għarfien mhux formali u informali, speċjalment dawk miksuba permezz ta' attivitajiet volontarji;
51. Huwa tal-fehma li t-tqabbil aħjar tal-ħiliet u għarfien reċiproku mtejjeb tal-kwalifiki huma meħtieġa biex jindirizzaw in-nuqqas ta' ħiliet u d-diskrepanzi fihom; jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom f'dan ir-rigward l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) u l-apprendistati; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodda pan-Ewropea li tbassar il-ħtiġijiet tal-ħiliet, inklużi l-ħiliet meħtieġa fis-setturi li qed jikbru; jemmen li, sabiex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet ta' ħiliet futuri, il-partijiet ikkonċernati kollha tas-suq tax-xogħol iridu jkunu involuti b'mod qawwi fil-livelli kollha;
52. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-mekkaniżmi xierqa kollha għal aktar mobbiltà fost iż-żgħażagħ, inklużi apprendistati; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-apprendistati u jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-Erasmus+ li huma disponibbli għall-apprendisti sabiex jiġu ggarantiti l-kwalità u l-attraenza ta' dan it-tip ta' taħriġ; jitlob implimentazzjoni aħjar tar-Regolament EURES; jenfasizza li kollaborazzjoni aħjar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-partijiet interessati fil-livell lokali u sinerġiji aħjar bejn il-livelli tal-gvernijiet iżidu l-firxa u l-impatt tal-programmi;
53. Huwa tal-fehma li għandhom jitjiebu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kwalità tal-edukazzjoni; ifakkar li r-rwol tal-Istati Membri hu li jiżguraw aċċess affordabbli għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità, minkejja l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fl-UE kollha; jinnota li f'ħafna Stati Membri jinħtieġ sforz akbar biex il-forza tax-xogħol tiġi edukata, inklużi l-edukazzjoni għall-adulti u l-opportunitajiet ta' taħriġ vokazzjonali; ipoġġi enfasi partikolari fuq it-tagħlim tul il-ħajja, inkluż għan-nisa, billi dan jagħti l-opportunità li l-ħaddiema jitħarrġu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol li dejjem qed jinbidel; jitlob promozzjoni mmirata ulterjuri tas-suġġetti tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM) għall-bniet sabiex jiġu indirizzati l-isterjotipi tal-edukazjoni eżistenti u jiġu miġġielda d-diskrepanzi bejn is-sessi fl-impjiegi, il-pagi u l-pensjonijiet;
54. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fin-nies minn kmieni kemm jista' jkun fiċ-ċiklu tal-ħajja sabiex titnaqqas l-inugwaljanza u titrawwem l-inklużjoni soċjali minn età żgħira; jitlob għalhekk aċċess għal edukazzjoni bikrija tat-tfal li tkun ta' kwalità, inklużiva u affordabbli u servizzi ta' indukrar għat-tfal kollha fl-Istati Membri kollha; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-isterjotipi mill-aktar età bikrija fl-iskola billi tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni dwar l-Investiment fit-Tfal u jissorveljaw mill-qrib il-progress tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jintroduċu inizjattivi bħall-Garanzija għat-Tfal li tpoġġi lit-tfal fiċ-ċentru tal-politiki eżistenti għat-tnaqqis tal-faqar;
55. Jisħaq fuq il-bidliet kbar fis-suq tax-xogħol tal-futur b'segwitu għall-emerġenza tal-intelliġenza artifiċjali; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw strumenti u inizjattivi ta' kooperazzjoni, filwaqt li jinvolvu lis-sħab soċjali, biex itejbu l-ħiliet f'dan is-settur permezz ta' taħriġ preliminari, inizjali u kontinwu;
56. Jitlob, għal dan il-għan kif ukoll bħala mezz ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li tingħata kunsiderazzjoni għal arranġamenti ta' flessigurtà, inklużi t-telexogħol u l-ħinijiet flessibbli tax-xogħol, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali;
57. Jenfasizza l-importanza ta' investiment fil-kapital uman – bħala l-ixprun wara l-iżvilupp, il-kompetittività u t-tkabbir;
58. Jenfasizza li bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u tisħiħ tal-ugwaljanza bejn is-sessi huma essenzjali biex tkun appoġġjata l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-fatt li hu ferm importanti għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa li s-suq tax-xogħol u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jkunu trasformati u adattati b'mod li jitqiesu ċ-ċikli tal-ħajja tan-nisa;
59. Jilqa' l-proposta għal direttiva dwar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jqisha bħala l-ewwel pass pożittiv ’il quddiem kemm sabiex jiġi żgurat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għal dawk in-nisa u l-irġiel li jieħdu ħsieb uliedhom jew persuni dipendenti oħra, kif ukoll sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jiddispjaċih, madankollu, li ma sar l-ebda progress dwar il-liv tal-maternità; jinsisti li l-iżgurar ta' remunerazzjoni xierqa u ta' sigurtà soċjali u protezzjoni b'saħħithom huwa essenzjali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;
60. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki ta' trasformazzjoni u jinvestu f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni biex jegħlbu l-isterjotipi tas-sessi u jippromwovu kondiviżjoni aktar ugwali tal-attivitajiet ta' kura u x-xogħol domestiku, filwaqt li jiffokaw ukoll fuq id-dritt u l-ħtieġa li l-irġiel jerfgħu responsabbiltajiet tal-kura mingħajr ma jiġu stigmatizzati u ppenalizzati;
61. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki proattivi u investiment xieraq immirati u mfassla b'mod li jkunu ta' appoġġ għan-nisa u l-irġiel li jidħlu, jirritornaw, jibqgħu u javvanzaw fis-suq tax-xogħol wara perjodi ta' liv relatat mal-familja u l-kura, b'impjieg sostenibbli u ta' kwalità, b'konformità mal-Artikolu 27 tal-Karta Soċjali Ewropea; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġi ggarantit: dħul lura mill-ġdid jew fl-istess post jew f'kariga ekwivalenti jew simili; protezzjoni kontra t-tkeċċija u t-trattament inqas favorevoli bħala riżultat ta' tqala; id-dritt li japplikaw għal-liv tal-familja jew li jieħduh; u perjodu ta' protezzjoni għal dawk li jirritornaw biex ikunu jistgħu jadattaw mill-ġdid għal xogħolhom; itenni li bidliet fil-ħinijiet tax-xogħol u/jew fir-rutini mar-ritorn fix-xogħol (inkluża l-ħtieġa għall-impjegatur li jiġġustifika rifjut) u perjodi ta' taħriġ għandhom ukoll ikunu garantiti;
62. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u t-tkeċċija illegali relatata mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproponu politiki li jtejbu l-infurzar tal-miżuri kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, inkluż billi jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet legali rigward it-trattament ugwali permezz tat-twettiq ta' kampanji ta' informazzjoni, it-treġġigħ lura tal-oneru tal-provi u l-għoti tas-setgħa lil korpi ta' ugwaljanza nazzjonali biex iwettqu, fuq inizjattiva tagħhom stess, investigazzjonijiet formali ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza u tingħata għajnuna lill-vittmi potenzjali ta' diskriminazzjoni;
63. Jenfasizza l-fatt li l-integrazzjoni ta' individwi qiegħda fuq terminu twil permezz ta' miżuri mfasslin individwalment hija fattur ewlieni għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u fl-aħħar mill-aħħar se tikkontribwixxi lejn is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali; iqis din l-integrazzjoni neċessarja, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi soċjali ta' dawn iċ-ċittadini u l-ħtiġijiet tagħhom f'termini ta' introjtu suffiċjenti, akkomodazzjoni adegwata, trasport pubbliku, saħħa u kura tat-tfal; jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ aħjar fuq skala Ewropea tal-politiki implimentati fil-livell nazzjonali;
64. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu mifhuma forom ġodda ta' impjieg u xogħol, u li tinġabar data kumparabbli dwar din il-kwistjoni, sabiex il-leġiżlazzjoni tas-suq tax-xogħol issir aktar effiċjenti, u biex finalment jiżdiedu l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli;
65. Jitlob strateġija integrata kontra l-faqar sabiex tintlaħaq il-mira tal-faqar ta' Ewropa 2020; jenfasizza r-rwol tal-iskemi tad-dħul minimu tal-Istati Membri fil-ħidma biex jitnaqqas il-faqar, speċjalment meta mqabbel ma' miżuri ta' inklużjoni soċjali li jinvolvu l-benefiċjarji; jitlob li l-Istati Membri jaħdmu favur l-istabbiliment progressiv ta' skemi ta' dħul minimu li mhux biss ikunu adegwati iżda li jiżguraw ukoll kopertura u użu suffiċjenti; iqis li dħul minimu adegwat huwa dħul li huwa indispensabbli biex wieħed jgħix ħajja dinjituża u jipparteċipa b'mod sħiħ fis-soċjetà tul ħajtu kollha; jinnota li sabiex dħul minimu ikun adegwat, irid ikun ’il fuq mis-soll tal-faqar sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet fundamentali tal-persuni, inklużi aspetti mhux monetarji, bħall-aċċess għall-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, l-akkomodazzjoni diċenti, is-servizzi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità, l-attivitajiet soċjali u l-parteċipazzjoni ċivika;
66. Jitlob użu aktar effiċjenti, immirat u mmonitorjat b'mod aktar bil-għaqal tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jippromwovu investiment f'servizzi soċjali, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-impjiegi ta' kwalità u sabiex jiġġieldu l-faqar fl-enerġija, l-ispejjeż tal-għajxien li qed jiżdiedu, l-esklużjoni soċjali, il-privazzjoni ta' abitazzjoni u l-kwalità insuffiċjenti ta' unitajiet residenzjali;
67. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-Istati Membri ħalli jistabbilixxu programmi ta' investiment speċifiċi għar-reġjuni tagħhom li fihom ir-rati tal-qgħad, tal-qgħad taż-żgħażagħ u tal-qgħad fuq terminu twil jaqbżu t-30 %;
68. Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika l-Kunsill tar-Rebbiegħa li jmiss għal investiment soċjali fis-setturi fejn teżisti evidenza qawwija li tissuġġerixxi li dan jippromwovi redditu ekonomiku u soċjali (pereżempju l-edukazzjoni bikrija u l-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni primarja u sekondarja, it-taħriġ u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, l-akkomodazzjoni affordabbli u soċjali kif ukoll il-kura tas-saħħa);
69. jitlob aġenda li tagħti prominenza akbar lill-pożizzjoni tal-Parlament u li tikkunsidraha qabel ma tittieħed deċiżjoni; jitlob li jissaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill EPSCO fis-Semestru Ewropew;
70. Jitlob sforzi konġunti addizzjonali biex titjieb l-integrazzjoni tal-migranti u tal-persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni fis-suq tax-xogħol.
Politiki reġjonali
71. Jilqa' l-fatt li l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni jirrappreżenta EUR 454 biljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu 2014-2020; jenfasizza, madankollu, li l-politika ta' koeżjoni mhijiex sempliċement strument, iżda politika strutturali fuq medda twila ta' żmien li l-għan tagħha huwa li jitnaqqsu d-disparitajiet ta' żvilupp reġjonali u jiġu promossi l-investiment, l-impjiegi, il-kompetittività, l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir, u li hija l-aktar politika importanti u komprensiva għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Istati Membri kollha, mingħajr ebda distinzjoni bejn dawk li qegħdin fiż-żona tal-euro u barra minnha; ifakkar li l-baġit tal-UE huwa 50 darba iżgħar mit-total tan-nefqa tal-gvernijiet tal-UE-28, billi jammonta għal madwar 1 % tal-PDG tal-UE-28; jenfasizza, għalhekk, li għandhom jiġu stabbiliti sinerġiji bejn il-baġits tal-UE u tal-Istati Membri, il-prijoritajiet politiċi u l-azzjonijiet u l-proġetti li jimmiraw li jissodisfaw il-miri tal-UE, filwaqt li jinżammu bbilanċjati d-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-qafas ta' politika tal-UE; jirrimarka li r-rekwiżiti għall-kofinanzjament taħt il-Fondi SIE huma mekkaniżmi importanti biex jiġu stabbiliti sinerġiji; huwa tal-fehma li l-unità tal-baġit tal-UE għandha tiġi preservata; jilqa' l-miżuri introdotti fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali sabiex jallinjaw aħjar il-politika ta' koeżjoni mal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;
°
° °
72. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, u lill-Bank Ċentrali Ewropew.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2017)0038.
- [2] ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.
- [3] ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.
- [4] ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.
- [5] ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.
- [6] ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
- [7] ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
- [8] ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.
- [9] ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
- [10] Employment and Social Developments in Europe (Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa), Rieżami Annwali 2017, p. 11.
- [11] Ibid, p. 46.
- [12] Ir-rapport Eurofound dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ.
- [13] Employment and Social Developments in Europe (Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa), Rieżami Annwali 2017, p. 47.
- [14] ĠU C, 20.2.2016, p. 1.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
L-Unjoni Ewropa hija l-akbar ekonomija fid-dinja. Tiġġenera aktar minn 20 % tal-prodott domestiku gross globali. Għamilna kisbiet ferm importanti f'termini tal-ħolqien tal-akbar suq uniku fid-dinja fejn il-500 miljun ċittadin tagħna jistgħu jaħdmu, jivvjaġġaw u jinvestu b'mod liberu.
L-istampa madankollu ma tantx hi ċara. L-UE daħlet f'perjodu ta' staġnar. It-tkabbir fil-produttività huwa qrib iż-żero. In-nuqqas ta' riformi strutturali u l-piż tad-dejn attwalment għoli wassal lill-Istati Membri fi triq ta' produttività insuffiċjenti. Fl-2015 il-PDG tal-UE kważi laħaq biss il-livell tiegħu tal-2008. Il-PDG per capita tal-UE kien EUR 26 200 fl-2007 u EUR 26 900 fl-2016. Iż-żieda mill-2007 kienet ta' EUR 700 biss.
Dan mhux biss jimmina l-pożizzjoni tal-Ewropa bħala ekonomija mexxejja fid-dinja imma jiżra' wkoll diskordanza fost in-nies tagħna. Il-koeżjoni tal-prosperità soċjali tista' tinkiseb biss bil-koeżjoni tat-tkabbir. Dan jitlob riformi strutturali f'ħafna Stati Membri.
Li kieku kellhom jiġu implimentati r-riformi fil-kompetizzjoni tas-suq, fit-tassazzjoni u fit-tnaqqis tan-nefqa pubblika, l-Ewropa tara effetti pożittivi fuq it-tkabbir u l-prosperità. Dan jiżgura l-impjiegi li neħtieġu biex niġġieldu l-qgħad u jipprevedi d-domanda li toħloq opportunitajiet ġodda. Il-konverġenza akbar rigward ir-riformi tagħti aktar mill-koeżjoni soċjali li neħtieġu. L-aġenda għar-riforma jeħtieġ li ssir kemm permezz ta' approċċ ġenerali kif ukoll permezz ta' miżuri speċifiċi għall-pajjiżi.
Ir-Rapporteur qasam ir-rapport f'ħames partijiet: L-ewwel parti hija introduzzjoni għall-perspettiva ekonomika fl-Istati Membri u l-ħtieġa ta' riformi; it-tieni parti tar-rapport tiddiskuti l-oqsma għar-riformi strutturali, it-tielet parti tar-rapport tiddiskuti l-ħtieġa ta' investimenti għat-tkabbir ekonomiku; ir-raba' parti tar-rapport tikkonċerna l-politiki fiskali responsabbli, il-ħames u l-aħħar parti hija ddedikata għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-ħtieġa ta' riformi koerenti u koordinati billi jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.
It-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali
Dawk li jargumentaw li t-tkabbir ekonomiku mhuwiex imqassam b'mod konsistenti fl-Unjoni Ewropea għandhom raġun. Imma t-tkabbir mhuwiex imqassam kif twassalna biex nemmnu din il-formulazzjoni rikorrenti; din l-inkonsistenza hija riflessjoni tad-differenzi strutturali fost l-ekonomiji tal-Istati Membri. Il-pajjiżi li wettqu riformi għal kompetittività aħjar kellhom rati ta' tkabbir ekonomiku ogħla u ħolqien tax-xogħol aktar b'saħħtu u għalhekk igawdu standards tal-għajxien ogħla u rati tal-qgħad aktar baxxi, filwaqt li l-pajjiżi li naqsu milli jwettqu riformi strutturali għadhom lura.
Fost l-Istati Membri, hemm korrelazzjoni b'saħħitha bejn il-livelli tal-kompetittività u tad-dħul. Fil-graff t'hawn taħt, qed jintwerew 26 pajjiż skont il-punteġġ tagħhom fuq l-Indiċi tal-Kompetittività Globali (GCI) tal-Forum Ekonomiku Dinji (WEF) u l-PDG per capita tagħhom (PPP)[1]. Aktar ma jkun kompetittiv, aktar ikun għoli l-livell tad-dħul.
Sors: Eurostat u Forum Ekonomiku Dinji. Livell tad-dħul: PDG per capita, PPP.
L-aktar ekonomija kompetittiva
Fil-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2000 f'Lisbona, il-kapijiet ta' stat u ta' gvern solennement impenjaw ruħhom, fuq perjodu ta' għaxar snin, li jagħmlu l-UE "l-aktar ekonomija bbażata fuq l-għarfien kompetittiva u dinamika fid-dinja li hija kapaċi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli b'aktar impjiegi u impjiegi aħjar u b'koeżjoni soċjali akbar".
Minn dak iż-żmien, ġara l-oppost. Sal-2016-2017, il-medja tal-UE kienet niżlet fil-post numru 34 fil-klassifikazzjoni tal-GCI, 'l isfel mit-28 post fl-2001-2002. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-kompetittività mhijiex primarjament dwar l-ispiża tax-xogħol. L-aktar pajjiżi kompetittivi tal-UE huma dawk bl-ogħla livelli ta' pagi, u mhux bil-kontra.
Diversi partijiet qed jitolbu t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali fl-Ewropa, bil-proposta tal-Kummissjoni għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) tkun eżempju wieħed. Ix-xbieki ta' sikurezza u s-sigurtà soċjali jeħtieġu riżorsi maħluqa mit-tkabbir ekonomiku, li huwa r-riżultat ta' riforma strutturali għal kompetittività mtejba. Il-koeżjoni soċjali msaħħa, għalhekk, teħtieġ koeżjoni aħjar fil-kompetittività. Madankollu, sa mill-2001-2002 id-differenza fil-kompetittività bejn l-Istati Membri żdiedet. L-aktar pass importanti għal koeżjoni soċjali akbar fl-Ewropa huwa, għalhekk, il-konverġenza ta' riforma ekonomika strutturali li toħloq konverġenza 'l fuq tal-kompetittività.
Il-Ġermanja hija l-akbar ekonomija tal-Unjoni, u se tkun anke aktar dominanti wara l-Brexit. Dan mhux dejjem kien hekk. Fil-bidu tas-snin 2000, il-Ġermanja kienet magħrufa bħala "r-raġel il-marid tal-Ewropa" u sofriet minn qgħad għoli. Sa minn dak iż-żmien, il-Ġermanja għaddiet minn riforma strutturali serja, u telgħet tnax-il post fil-klassifika tal-GCI sa mill-2001-2002. Hemm lezzjonijiet importanti x'nitgħallmu mill-istorja ta' suċċess tal-Ġermanja. L-UE jeħtieġ li tgħolli l-mira tagħha għal tkabbir potenzjali. L-uniku mod biex tagħmel dan huwa permezz ta' riforma strutturali.
Riformi Strutturali Ewlenin
Sabiex l-Ewropa terġa' lura fit-triq it-tajba jeħtieġ li jiġu implimentati riformi strutturali. Dan huwa vitali għall-kompetittività futura tagħna, għall-kapaċità tagħna li noħolqu l-impjiegi u mhux l-inqas għal Ewropa aktar soċjali.
Fl-2015 l-infiq pubbliku medju tal-UE kien ta' 47 % tal-PDG. Madankollu, 9 Stati Membri kellhom infiq pubbliku ta' 35-42 % tal-PDG. Ċerti Stati Membri jeħtieġ li jillimitaw l-infiq pubbliku billi jirriformaw is-sistema tal-pensjonijiet, iħaffu x-xogħol amministrattiv u t-trasferimenti soċjali eċċessivi sabiex iżidu l-kompetittività. Sistema tal-aħjar prattika tkun ta' gwadann għall-Istati Membri kollha u għall-Unjoni b'mod ġenerali.
Mhux biss irridu nnaqqsu l-infiq pubbliku sabiex inżidu l-kompetittività, imma wkoll sabiex insaħħu s-sostenibbiltà u s-saħħa fiskali tagħna. Fl-2015 id-dejn pubbliku tal-UE kien ta' 87 % tal-PDG. Dan iħalli l-Ewropa vulnerabbli għall-ġejjieni b'obbligazzjonijiet massivi għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin u huwa effett tal-infiq żejjed.
Konklużjoni
Is-Semestru Ewropew huwa utli sabiex nivvalutaw is-saħħa ekonomika tagħna. Hemm bżonn riformi strutturali sabiex insaħħu l-Unjoni b'mod ġenerali. Dan huwa meħtieġ bħala approċċ ġenerali imma anke speċifiku għall-pajjiżi. Fl-isforzi kollha tagħna biex noħolqu Ewropa aktar soċjali, l-aktar politika soċjali hija li tiġi stabbilita l-bażi għat-tkabbir u miegħu t-tkabbir soċjali. Din mhijiex biss possibbiltà konkreta biex tinbena Ewropa futura b'saħħitha, imma meħtieġa sabiex ma tkunx dgħajfa.
Fil-livell Ewropew, nistabbilixxu suq diġitali dinamiku. Napprofondixxu s-suq tas-servizzi. Nimplimentaw l-Unjoni tal-Enerġija bi swieq miftuħa. Ir-riċerka u x-xjenza għall-eċċellenza u niffaċilitaw iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u x-Xjenza. Fil-livell nazzjonali nnaqqsu l-piż tat-taxxa u t-taxxi fuq ix-xogħol u l-investimenti. Nirriformaw is-swieq tax-xogħol sabiex niffaċilitaw il-ħolqien ta' impjiegi ġodda u li nies ġodda jidħlu fihom. Żieda fil-kompetizzjoni sabiex ninfetħu għal negozji ġodda, numru dejjem jikber ta' kumpaniji żgħar u ta' daqs medju li jiżviluppaw fi ġganti nazzjonali u globali.
Jenħtieġ li nkunu kapaċi niksbu tkabbir ta' mill-inqas 3 % u jenħtieġ li nimplimentaw ir-riformi meħtieġa biex aħna lkoll nagħmlu dan, fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u mingħajr ma noħolqu żbilanċi. Għalhekk jeħtieġ li nistabbilixxu miri aktar kuraġġużi għat-tkabbir u standards ogħla għar-riformi li jimmiraw lejn livell ogħla tat-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tagħna. Dan huwa kif nistgħu niżguraw tmexxija ekonomika u politika u noffru liċ-ċittadini tagħna l-aqwa opportunitajiet possibbli.
- [1] Minħabba d-distorsjonijiet fil-PDG per capita meta mqabbla mad-DNG per capita, l-Irlanda (peress li l-profitti tal-kumpaniji mhumiex relatati mal-produzzjoni fil-pajjiż) u l-Lussemburgu (minħabba s-sehem kbir ta' ħaddiema li huma ġejjin minn pajjiżi oħra) huma esklużi.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (28.9.2017)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro
(2017/XXXX(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Yana Toom
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi r-rata tal-impjieg fiż-żona tal-euro kibret b'1.4 % fl-2016; billi f'Marzu 2017, ir-rata tal-qgħad niżlet għal 9.5 %, meta mqabbla ma' 10.2 % f'Marzu 2016; billi, minkejja t-titjib riċenti, ir-rati tal-qgħad għadhom ma rritornawx lura għal-livelli ta' qabel il-kriżi;
B. billi r-rata tal-impjieg kibret b'1.2 % fl-UE-28, filwaqt li kien hemm 234.2 miljun persuna fl-impjieg fl-ewwel kwart tal-2017, l-ogħla numru li qatt ġie rreġistat[1]; billi, madankollu, in-numru konsiderevoli ta' impjiegi maħluqa b'rabta mat-tkabbir ekonomiku jaħbu ċerti sfidi, bħall-irkupru mhux komplut f'sigħat maħduma u tkabbir modest tal-produttività. billi jekk jippersistu, dawn il-fatturi jistgħu joħolqu pressjoni addizzjonali fuq l-aspetti fit-tul tat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fl-UE[2];
C. billi r-rati ta' impjieg huma ġeneralment aktar baxxi fost in-nisa: fl-2015, ir-rata ta' impjieg għall-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena kienet ta' 75.9 % fl-UE-28, meta mqabbla ma' 64.3 % għan-nisa;
D. billi f'Marzu 2017, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fiż-żona tal-euro kienet ta' 19.4 %, meta mqabbla ma' 21.3 % f'Marzu 2016; billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu għoli b'mod inaċċettabbli; billi fl-2015 is-sehem ta' persuni NEET baqa' għoli u kien jirrappreżenta 14.8 % ta' dawk fl-età ta' bejn il-15 u d-29 sena, jiġifieri 14-il miljun persuna; billi n-NEET huma stmati li jiswew lill-Unjoni EUR 153 biljun (1.21 % tal-PDG) fis-sena, f'benefiċċji u fi qligħ u taxxi mitlufin[3], filwaqt li l-istima tal-ispiża totali biex jiġu stabbiliti skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ fiż-żona tal-euro hija ta' EUR 21 biljun fis-sena, jew 0.22 % tal-PDG; billi attwalment hemm ammont ta' EUR 1 biljun allokat għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, ammont li miegħu se jiżdied EUR 1 biljun mill-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu 2017-2020;
E. billi minkejja li l-qgħad fit-tul fl-UE-28 naqas minn 5 % fl-2014 għal 4 % fl-2016, dan għadu problema u jirrappreżenta kważi nofs il-qgħad totali; jinnota bi tħassib li r-rata tal-qgħad fit-tul ħafna ta' 2.5 % fl-2016 għadha 1 % ogħla miċ-ċifra tal-2008; billi għad hemm diskrepanzi kbar fost l-Istati Membri;
F. billi f'ħafna Stati Membri, id-daqs tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol u l-forza tax-xogħol qed ikomplu jinxtorbu, b'mod partikolari minħabba rati baxxi ta' twelid; billi kemm l-impjegabbiltà tan-nisa kif ukoll il-wasla kontinwa ta' migranti, rifuġjati u applikanti għall-asil huma opportunitajiet għall-Istati Membri biex jindirizzaw din il-kwistjoni u jsaħħu l-forza tax-xogħol fl-UE;
G. billi waħda mill-ħames miri tal-Ewropa 2020 għandha l-għan li tnaqqas b'mill-inqas 20 miljun in-numru ta' persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali; billi l-faqar qed jonqos, b'4.8 miljun inqas persuni f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali fl-2015 milli fl-2012; billi din iċ-ċifra tal-2015 għadha teċċedi ċ-ċifra tal-2008 b'1.6 miljun; billi 32.2 miljun persuna b'diżabbiltà kienu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali fl-UE fl-2012; billi fl-2013, 26.5 miljun tifel u tifla fl-UE-28 kienu f'riskju li jispiċċaw fil-faqar jew f'esklużjoni soċjali; billi r-rata ta' faqar jew ta' esklużjoni għadha inaċċettabbilment għolja f'livell ta' 23.7 %, b'ċifri li jibqgħu għoljin ħafna f'xi Stati Membri; billi, barra minn hekk il-faqar enerġetiku tant għadu kbir li għall-11 % tal-popolazzjoni tal-UE ikkonċernata dan iwassal għal ċiklu ta' żvantaġġ ekonomiku;
H. billi t-tkabbir fil-maġġoranza tal-Istati Membri għadu baxx, bir-rata ta' tkabbir tal-UE għall-2016 li naqset għal livell stabbli ta' 2 % (filwaqt li b'kuntrast, it-tkabbir globali (l-UE eskluża) mistenni jissaħħaħ għal 3.7 % din is-sena u 3.9 % fl-2018 minn 3.2 % fl-2016), minkejja aspetti temporanji pożittivi bħal prezzijiet taż-żejt baxxi, imgħax baxx għal krediti u politiki monetarji mhux konvenzjonali, u għaldaqstant, dan juri li l-UE tista' tagħmel aktar sabiex tagħti spinta lill-irkupru soċjali u ekonomiku sabiex dan isir aktar sostenibbli fuq terminu medju;
I. billi kif iddikjarat mill-Kummissjoni[4], sabiex tissaħħaħ il-konverġenza fil-pajjiżi u l-UE, essenzjalment jinħtieġ li jinkiseb tkabbir iktar inklużiv, robust u sostenibbli;
J. billi l-kundizzjonijiet u l-prestazzjonijiet tas-suq tax-xogħol juru differenzi sostanzjali fost l-Istati Membri, għalkemm dawn id-differenzi qed jonqsu;
K. billi l-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro wkoll jaffettwaw bil-kbir l-ekonomiji ta' Stati Membri oħra;
L. billi l-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa, li huma dejjem iktar transnazzjonali, jaffettwaw lill-Istati Membri kollha u jdgħajfu l-prestazzjoni ekonomika tal-UE, l-istat tad-dritt u l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet demokratiċi;
M. billi forom ġodda ta' impjieg u xogħol qed isiru iktar komuni bir-rivoluzzjoni diġitali tas-suq tax-xogħol;
N. billi l-investiment, sew jekk hux privat jew pubbliku, huwa għodda ewlenija biex jiżdiedu kemm il-koeżjoni u t-tkabbir ekonomiku reali kif ukoll il-produttività u l-kompetittività globali;
1. Huwa tal-fehma li huma meħtieġa sforzi kontinwi biex jinkiseb bilanċ bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-proċess tas-Semestru Ewropew u biex jiġu promossi riformi strutturali soċjalment u ekonomikament ibbilanċjati li jnaqqsu l-inugwaljanzi u jippromwovu impjiegi deċenti li jwasslu għal impjieg ta' kwalità, tkabbir sostenibbli u investiment soċjali; jappoġġja l-użu tat-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew; jitlob li tingħata attenzjoni ikbar fir-rigward tal-iżbilanċi strutturali fis-suq tax-xogħol fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs);
2. Itenni t-talba biex it-tliet indikaturi ewlenin il-ġodda fil-qasam tal-impjieg jingħataw l-istess importanza bħall-indikaturi ekonomiċi eżistenti, sabiex b'hekk jiġi żgurat li l-iżbilanċi interni jkunu vvalutati aħjar filwaqt li r-riformi strutturali jsiru iktar effettivi; jipproponi l-introduzzjoni ta' proċedura nonpunittiva ta' żbilanċi soċjali fit-tfassil tas-CSRs sabiex tiġi evitata ġirja lejn l-iktar livell baxx f'termini ta' standards soċjali, filwaqt li nibnu fuq l-użu effikaċi tal-indikaturi soċjali u tal-impjieg fis-sorveljanza makroekonomika; jinnota li l-inugwaljanza intensifikat f'madwar għaxar Stati Membri u hija waħda mill-isfidi soċjoekonomiċi ewlenin fl-UE[5];
3. Jenfasizza li riformi soċjalment u ekonomikament responsabbli jridu jkunu bbażati fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni u l-ġustizzja soċjali; jenfasizza li r-riformi għandhom iqisu wkoll appoġġ sostnut għall-irkupru soċjali u ekonomiku, joħolqu impjiegi ta' kwalità, isaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali, jipproteġu lill-gruppi vulnerabbli u jtejbu l-istandards tal-għajxien għaċ-ċittadini kollha;
4. Jemmen li l-proċess tas-Semestru Ewropew għandu jindirizza mhux biss l-isfidi soċjetali eżistenti iżda anki dawk emerġenti sabiex tiġi żgurata effiċjenza ekonomika ikbar flimkien ma' Unjoni Ewropea iktar soċjalment koeżiva; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-politiki tal-UE;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura finanzjament adegwat biex jiġi missielet il-qgħad fost iż-żgħażagħ li fl-UE għadu għoli b'mod inaċċettabbli, u biex titkompla l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) lil hinn minn tmiem il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) attwali, filwaqt li fl-istess ħin jitjiebu l-funzjonament u l-implimentazzjoni tagħha u b'kont meħud tal-aħħar sejbiet tar-rapport speċjal tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-impjieg taż-żgħażagħ u l-użu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u jiżguraw li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tkun kompletament aċċessibbli; jiddispjaċih dwar ċaqliq fil-baġits mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), inkluża l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, lejn Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li minflok jinħtieġ li jkunu ffinanzjati mill-mezzi finanzjarji kollha disponibbli taħt ir-Regolament QFP eżistenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva tal-impjiegi maħluqa; jenfasizza li l-fondi tal-UE m'għandhomx jintużaw biex jieħdu post il-pagamenti tas-servizzi soċjali nazzjonali;
6. Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jinħtieġ li tissaħħaħ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u jenfasizza l-importanza tagħha għat-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol; jindika li għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u l-bniet, li jistgħu jiffaċċjaw ostakoli relatati mal-ġeneru biex jiksbu offerta ta' kwalità tajba ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tilħaq liż-żgħażagħ li qed jiffaċċjaw esklużjonijiet multipli u faqar estrem;
7. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw il-proposti li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol[6];
8. Iqis li l-ambitu, l-effiċjenza u l-effettività ta' politiki tas-suq tax-xogħol attivi u sostenibbli għandhom jiżdiedu b'finanzjament xieraq u adegwat b'enfasi fuq il-protezzjoni ambjentali, ta' min iħaddem, tal-ħaddiema, tas-saħħa u tal-konsumatur; huwa tal-fehma li l-fenomenu tal-faqar fost dawk li jaħdmu jrid jiġi indirizzat; jenfasizza l-importanza li jiżdied l-investiment pubbliku u jissaħħaħ l-involviment tas-settur privat fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali;
9. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-ekonomija soċjali ġiet injorata mill-Kummissjoni fil-pakkett tagħha ta' valutazzjonijiet/rakkomandazzjonijiet; jirrimarka li dan is-settur jinkludi 2 miljun impriża li jimpjegaw aktar minn 14-il miljun persuna u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-miri 2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu lill-impriżi tal-ekonomija soċjali rikonoxximent u viżibbiltà akbar, permezz ta' Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-ekonomija soċjali; iqis li dan in-nuqqas ta' rikonoxximent jagħmilha aktar diffiċli għalihom li jaċċessaw il-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal statut Ewropew għall-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-impriżi mutwi;
10. Ifakkar fil-bżonn li jiġu appoġġjati u msaħħa d-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema f'sistemi tal-iffissar tal-pagi li jiżvolġu rwol kritiku fil-kisba ta' kundizzjonijiet ta' xogħol ta' livell għoli; jenfasizza li l-liġi tax-xogħol u l-istandards soċjali għoljin għandhom rwol kruċjali fl-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ekonomiji tas-suq soċjali, is-sostenn tad-dħul, u l-inkoraġġiment tal-investiment fil-kapaċità; jenfasizza li d-dritt tal-UE għandu jirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet tat-trejdjunjins, jikkonforma mal-ftehimiet kollettivi bi qbil mal-prattiki tal-Istati Membri u jiddefendi t-trattament ugwali fl-impjieg u x-xogħol;
11. Jindika li l-ekonomija Ewropea għadha ma rkupratx biżżejjed biex tipprovdi impjieg lil kull min qed ifittex impjieg u lill-persuni qiegħda kollha; jenfasizza li flimkien mal-ħolqien tal-impjiegi, inkluż permezz ta' investiment pubbliku, l-integrazzjoni ta' dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri mfasslin individwalment tibbenefika lill-individwu, tistabbilizza s-sigurtà soċjali u tappoġġja l-ekonomija;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament billi tressaq proposti ambizzjużi għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali b'saħħtu u billi tikseb għal kollox l-għanijiet soċjali tat-Trattati sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol ta' kulħadd u jiġu pprovduti opportunitajiet tajbin għal kulħadd;
13. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħmlu kull sforz possibbli biex inaqqsu l-piż amministrattiv u l-ispiża finanzjarja lis-settur tan-negozju, speċjalment l-impriżi mikro, żgħar u medji, u biex iħassru kwalunkwe leġiżlazzjoni li tirriżulta f'burokrazija żejda, biex b'hekk tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi;
14. Iwissi dwar it-tnaqqis fis-sehem tal-pagi fl-UE, it-twessigħ tal-inugwaljanzi fil-pagi u d-dħul u ż-żieda tal-faqar fost dawk li jaħdmu; ifakkar li kemm id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll il-Kostituzzjoni tal-1919 tal-ILO jirrikonoxxu l-bżonn li l-ħaddiema jaqilgħu paga, u li d-dikjarazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem jaqblu li r-rimunerazzjoni għandha tkun suffiċjenti biex issostni familja;
15. Jenfasizza li l-pagi jridu jippermettu lill-ħaddiema jlaħħqu mal-ħtiġijiet tagħhom u ma' dawk tal-familji tagħhom u li kull ħaddiem fl-Unjoni Ewropea għandu jirċievi paga li tiggarantixxi l-għajxien li mhux biss tipprevedi għas-sempliċi neċessitajiet tal-ikel bażiku, il-kenn u l-ħwejjeġ, iżda li tkun ukoll suffiċjenti biex tkopri l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport, ir-rikreazzjoni u xi ftit tfaddil li jgħin biex jipprevedi avvenimenti mhux previsti, bħal mard u aċċidenti; jenfasizza li dan huwa l-istandard ta' għajxien deċenti li l-pagi li jiggarantixxu l-għajxien għandhom jipprovdu għall-ħaddiema u l-familji tagħhom fl-UE;
16. Jitlob lill-Kummissjoni tistudja dwar kif jiġi identifikat x'tinkludi paga li tiggarantixxi l-għajxien u kif jinħtieġ li titkejjel, bil-għan li tistabbilixxi għodda ta' referenza għas-sħab soċjali u tgħin biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;
17 Ifakkar li pagi deċenti huma importanti mhux biss għall-koeżjoni soċjali, iżda wkoll għaż-żamma ta' ekonomija b'saħħitha u ta' forza tax-xogħol produttiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi u titnaqqas id-dispersjoni tal-pagi;
18. Jirrimarka l-ħtieġa kontinwa ta' koordinazzjoni aħjar fil-livell Ewropew tas-sistemi ta' sigurtà soċjali, li huma responabbli għalihom l-Istati Membri; jenfasizza li hi prijorità assoluta li jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-ġustizzja tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, minħabba li dawn huma pilastri ċentrali tal-mudell soċjali Ewropew; jenfasizza li l-pensjonijiet adegwati u sostenibbli huma dritt universali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw pensjonijiet adegwati u sostenibbli fid-dawl ta' bidla demografika kontinwa; jissottolinja l-fatt li s-sistemi tal-pensjonijiet għandhom jiżguraw dħul ta' rtirar adegwat ferm ’il fuq mil-limitu tal-faqar u għandhom jippermettu lill-pensjonanti jżommu livell ta' għajxien xieraq; jemmen li l-aħjar mod biex jiġu żgurati pensjonijiet sostenibbli, sikuri u adegwati għan-nisa u l-irġiel huwa li jiżdiedu kemm ir-rata ġenerali tal-impjiegi kif ukoll in-numru ta' impjiegi deċenti disponibbli għall-etajiet kollha, u li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg; jirrimarka li diskrepanzi fil-pensjonijiet bejn is-sessi għadhom sinifikanti u għandhom konsegwenzi soċjali u ekonomiċi negattivi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u ta' miżuri adegwati oħrajn kontra d-differenza fil-paga bejn is-sessi u l-faqar fix-xjuħija; jemmen li r-riformi tas-sistemi tal-pensjoni u l-età tal-irtirar b'mod partikolari għandhom jirriflettu wkoll ix-xejriet tas-suq tax-xogħol, ir-rati tat-twelid, is-sitwazzjoni tas-saħħa u tal-ġid, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija;
19. Iqis li dawn ir-riformi jridu jqisu wkoll is-sitwazzjoni ta' miljuni ta' ħaddiema fl-Ewropa, b'mod partikolari n-nisa, iż-żgħażagħ u dawk li jaħdmu għal rashom, li jsofru minn impjiegi mhux sikuri, perjodi ta' qgħad involontarju u ħin tax-xogħol imnaqqas;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħti attenzjoni partikolari għat-titjib tas-servizzi ta' kura tat-tfal u tal-arranġamenti flessibbli fil-ħinijiet tax-xogħol, u għall-bżonnijiet ta' nisa u rġiel li qed jixjieħu u persuni dipendenti oħra fir-rigward ta' kura fuq perjodu twil ta' żmien;
21. Jiddeplora l-persistenza tad-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, jistabbilixxu u jimplimentaw politiki li jeliminaw id-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Istati Membri jwettqu ppjanar dwar il-pagi fuq bażi regolari biex jikkomplementaw dawn l-isforzi;
22. Jenfasizza l-fatt li investiment insuffiċjenti u ffukat b'mod inadegwat fl-iżvilupp tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, partikolarment il-ħiliet u l-ipprogrammar diġitali u ħiliet oħrajn bżonnjużi f'setturi li qed jikbru, bħall-ekonomija ekoloġika, jista' jdgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw skambju aħjar ta' għarfien, tal-aħjar prattiki u tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE, biex b'hekk jgħinu fit-trawwim tal-iżvilupp fil-ħiliet permezz tal-aġġornament ta' kwalifiki u edukazzjoni, programmi ta' taħriġ u kurrikuli korrispondenti; jinnota l-importanza ta' ħiliet u kompetenzi miksuba f'ambjenti ta' tagħlim mhux formali u informali; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-ħolqien ta' sistema ta' validazzjoni għal forom ta' għarfien mhux formali u informali, speċjalment dawk miksuba permezz ta' attivitajiet volontarji;
23. Huwa tal-fehma li t-tqabbil aħjar tal-ħiliet u għarfien reċiproku mtejjeb tal-kwalifiki huma meħtieġa biex jindirizzaw in-nuqqas ta' ħiliet u d-diskrepanzi fihom; jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom f'dan ir-rigward l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) u l-apprendistati; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodda pan-Ewropea li tbassar il-ħtiġijiet tal-ħiliet, inklużi l-ħiliet meħtieġa fis-setturi li qed jikbru; jemmen li, sabiex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet ta' ħiliet futuri, il-partijiet ikkonċernati kollha tas-suq tax-xogħol iridu jkunu involuti b'mod qawwi fil-livelli kollha;
24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-mekkaniżmi xierqa kollha għal aktar mobbiltà fost iż-żgħażagħ, inklużi apprendistati; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-apprendistati u jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-Erasmus+ li huma disponibbli għall-apprendisti sabiex jiġu ggarantiti l-kwalità u l-attraenza ta' dan it-tip ta' taħriġ; jitlob implimentazzjoni aħjar tar-Regolament EURES; jenfasizza li kollaborazzjoni aħjar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-partijiet interessati fil-livell lokali u sinerġiji aħjar bejn il-livelli tal-gvernijiet iżidu l-firxa u l-impatt tal-programmi;
25. Huwa tal-fehma li għandhom jitjiebu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kwalità tal-edukazzjoni; ifakkar li r-rwol tal-Istati Membri hu li jiżguraw aċċess affordabbli għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità, minkejja l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fl-UE kollha; jinnota li f'ħafna Stati Membri jinħtieġ sforz akbar biex il-forza tax-xogħol tiġi edukata, inklużi l-edukazzjoni għall-adulti u l-opportunitajiet ta' taħriġ vokazzjonali; ipoġġi enfasi partikolari fuq it-tagħlim tul il-ħajja, inkluż għan-nisa, billi dan jagħti l-opportunità li l-ħaddiema jitħarrġu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol li dejjem qed jinbidel; jitlob promozzjoni mmirata ulterjuri tas-suġġetti tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM) għall-bniet sabiex jiġu indirizzati l-isterjotipi tal-edukazjoni eżistenti u jiġu miġġielda d-diskrepanzi bejn is-sessi fl-impjiegi, il-pagi u l-pensjonijiet;
26. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fin-nies minn kmieni kemm jista' jkun fiċ-ċiklu tal-ħajja sabiex titnaqqas l-inugwaljanza u titrawwem l-inklużjoni soċjali minn età żgħira; jitlob għalhekk aċċess għal edukazzjoni bikrija tat-tfal li tkun ta' kwalità, inklużiva u affordabbli u servizzi ta' indukrar għat-tfal kollha fl-Istati Membri kollha; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-isterjotipi mill-aktar età bikrija fl-iskola billi tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni dwar l-Investiment fit-Tfal u jissorveljaw mill-qrib il-progress tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jintroduċu inizjattivi bħall-Garanzija għat-Tfal li tpoġġi lit-tfal fiċ-ċentru tal-politiki eżistenti għat-tnaqqis tal-faqar;
27. Jisħaq fuq il-bidliet kbar fis-suq tax-xogħol tal-futur b'segwitu għall-emerġenza tal-intelliġenza artifiċjali; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw strumenti u inizjattivi ta' kooperazzjoni, filwaqt li jinvolvu lis-sħab soċjali, biex itejbu l-ħiliet f'dan is-settur permezz ta' taħriġ preliminari, inizjali u kontinwu;
28. Jitlob, għal dan il-għan kif ukoll bħala mezz ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li tingħata kunsiderazzjoni għal arranġamenti ta' flessigurtà, inklużi t-telexogħol u l-ħinijiet flessibbli tax-xogħol, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali;
29. Jenfasizza l-importanza ta' investiment fil-kapital uman bħala l-ixprun wara l-iżvilupp, il-kompetittività u t-tkabbir;
30. Jenfasizza li bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u tisħiħ tal-ugwaljanza bejn is-sessi huma essenzjali biex tkun appoġġjata l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-fatt li hu ferm importanti għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa li s-suq tax-xogħol u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jkunu trasformati u adattati b'mod li jitqiesu ċ-ċikli tal-ħajja tan-nisa;
31. Jilqa' l-proposta għal direttiva dwar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jqisha bħala l-ewwel pass pożittiv ’il quddiem kemm sabiex jiġi żgurat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għal dawk in-nisa u l-irġiel li jieħdu ħsieb uliedhom jew persuni dipendenti oħra, kif ukoll sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jiddispjaċih, madankollu, li ma sar l-ebda progress dwar il-liv tal-maternità; jinsisti li l-iżgurar ta' remunerazzjoni xierqa u ta' sigurtà soċjali u protezzjoni b'saħħithom huwa essenzjali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;
32. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki ta' trasformazzjoni u jinvestu f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni biex jegħlbu l-isterjotipi tas-sessi u jippromwovu kondiviżjoni aktar ugwali tal-attivitajiet ta' kura u x-xogħol domestiku, filwaqt li jiffokaw ukoll fuq id-dritt u l-ħtieġa li l-irġiel jerfgħu responsabbiltajiet tal-kura mingħajr ma jiġu stigmatizzati u ppenalizzati;
33. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki proattivi u investiment xieraq immirati u mfassla b'mod li jkunu ta' appoġġ għan-nisa u l-irġiel li jidħlu, jirritornaw, jibqgħu u javvanzaw fis-suq tax-xogħol wara perjodi ta' liv relatat mal-familja u l-kura, b'impjieg sostenibbli u ta' kwalità, b'konformità mal-Artikolu 27 tal-Karta Soċjali Ewropea; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġi ggarantit: dħul lura mill-ġdid jew fl-istess post jew f'kariga ekwivalenti jew simili; protezzjoni kontra t-tkeċċija u t-trattament inqas favorevoli bħala riżultat ta' tqala; id-dritt li japplikaw għal-liv tal-familja jew li jieħduh; u perjodu ta' protezzjoni għal dawk li jirritornaw biex ikunu jistgħu jadattaw mill-ġdid għal xogħolhom; itenni li bidliet fil-ħinijiet tax-xogħol u/jew fir-rutini mar-ritorn fix-xogħol (inkluża l-ħtieġa għall-impjegatur li jiġġustifika rifjut) u perjodi ta' taħriġ għandhom ukoll ikunu garantiti;
34. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u t-tkeċċija illegali relatata mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproponu politiki li jtejbu l-infurzar tal-miżuri kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, inkluż billi jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet legali rigward it-trattament ugwali permezz tat-twettiq ta' kampanji ta' informazzjoni, it-treġġigħ lura tal-oneru tal-provi u l-għoti tas-setgħa lil korpi ta' ugwaljanza nazzjonali biex iwettqu, fuq inizjattiva tagħhom stess, investigazzjonijiet formali ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza u tingħata għajnuna lill-vittmi potenzjali ta' diskriminazzjoni;
35. Iqis li l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tista' tagħti spinta lill-PDG; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex isaħħu l-politiki u jżidu l-investiment favur l-impjieg tan-nisa f'impjiegi ta' kwalità, b'mod partikolari fis-setturi u fil-pożizzjonijiet fejn in-nisa huma sottorappreżentati, bħal fis-setturi ta' STEM u tal-ekonomija ekoloġika, jew f'pożizzjonijiet maniġerjali għolja fis-setturi kollha;
36. Jenfasizza l-fatt li l-integrazzjoni ta' individwi qiegħda fuq terminu twil permezz ta' miżuri mfasslin individwalment hija fattur ewlieni għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u fl-aħħar mill-aħħar se tikkontribwixxi lejn is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali; iqis din l-integrazzjoni neċessarja, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi soċjali ta' dawn iċ-ċittadini u l-ħtiġijiet tagħhom f'termini ta' introjtu suffiċjenti, akkomodazzjoni adegwata, trasport pubbliku, saħħa u kura tat-tfal; jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ aħjar fuq skala Ewropea tal-politiki implimentati fil-livell nazzjonali;
37. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu mifhuma forom ġodda ta' impjieg u xogħol, u li tinġabar data kumparabbli dwar din il-kwistjoni, sabiex il-leġiżlazzjoni tas-suq tax-xogħol issir aktar effiċjenti, u biex finalment jiżdiedu l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli;
38. Jitlob sforzi konġunti biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi abbażi tal-ġeneru fl-Istati Membri u appoġġ kontinwu għal pjanijiet imfassla u aġġustati lokalment biex jitnaqqas id-distakk fl-impjieg u fil-pagi u fil-pensjonijiet abbażi tal-ġeneru permezz ta' politiki ekonomiċi;
39. Jitlob strateġija integrata kontra l-faqar sabiex tintlaħaq il-mira tal-faqar ta' Ewropa 2020; jenfasizza r-rwol tal-iskemi tad-dħul minimu tal-Istati Membri fil-ħidma biex jitnaqqas il-faqar, speċjalment meta mqabbel ma' miżuri ta' inklużjoni soċjali li jinvolvu l-benefiċjarji; jitlob li l-Istati Membri jaħdmu favur l-istabbiliment progressiv ta' skemi ta' dħul minimu li mhux biss ikunu adegwati iżda li jiżguraw ukoll kopertura u użu suffiċjenti; iqis li dħul minimu adegwat huwa dħul li huwa indispensabbli biex wieħed jgħix ħajja dinjituża u jipparteċipa b'mod sħiħ fis-soċjetà tul ħajtu kollha; jinnota li sabiex dħul minimu ikun adegwat, irid ikun ’il fuq mis-soll tal-faqar sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet fundamentali tal-persuni, inklużi aspetti mhux monetarji, bħall-aċċess għall-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, l-akkomodazzjoni diċenti, is-servizzi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità, l-attivitajiet soċjali u l-parteċipazzjoni ċivika;
40. Jitlob użu aktar effiċjenti, immirat u mmonitorjat b'mod aktar bil-għaqal tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jippromwovu investiment f'servizzi soċjali, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-impjiegi ta' kwalità u sabiex jiġġieldu l-faqar fl-enerġija, l-ispejjeż tal-għajxien li qed jiżdiedu, l-esklużjoni soċjali, il-privazzjoni ta' abitazzjoni u l-kwalità insuffiċjenti ta' unitajiet residenzjali;
41. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-Istati Membri ħalli jistabbilixxu programmi ta' investiment speċifiċi għar-reġjuni tagħhom li fihom ir-rati tal-qgħad, tal-qgħad taż-żgħażagħ u tal-qgħad fuq terminu twil jaqbżu t-30 %;
42. Jiddispjaċih għall-fatt li, fil-pakkett ta' rakkomandazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni injorat it-talba tal-Parlament biex issaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE, partikolarment bl-adozzjoni ta' miżuri speċfiċi, imfassla biex jintegraw ir-reġjuni ultraperiferiċi aktar mill-qrib fl-UE; jinnota li dawn ir-reġjuni għandhom il-karatteristiċi u l-limiti partikolari tagħhom, bil-qgħad li huwa ogħla minn 30 %; jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri u programmi differenzjati biex jitnaqqsu l-asimmetriji u b'hekk tiġi massimizzata l-koeżjoni soċjali fl-UE;
43. Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika l-Kunsill tar-Rebbiegħa li jmiss għal investiment soċjali fis-setturi fejn teżisti evidenza qawwija li tissuġġerixxi li dan jippromwovi redditu ekonomiku u soċjali (pereżempju l-edukazzjoni bikrija u l-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni primarja u sekondarja, it-taħriġ u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, l-akkomodazzjoni affordabbli u soċjali kif ukoll il-kura tas-saħħa);
44. Jiddispjaċih għall-fatt li, ladarba tiġi adottata fil-plenarja, ser ikun hemm ftit possibbiltà għall-pożizzjoni tal-Parlament li tinfluwenza s-CSRs li qed jiġu diskussi; jitlob aġenda li tagħti prominenza akbar lill-pożizzjoni tal-Parlament u li tikkunsidraha qabel ma tittieħed deċiżjoni; jitlob li jissaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill EPSCO fis-Semestru Ewropew;
45. Jitlob sforzi addizzjonali biex titjieb l-integrazzjoni tal-migranti u tal-persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni fis-suq tax-xogħol.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
28.9.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 10 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Guillaume Balas, Brando Benifei, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Marian Harkin, Czesław Hoc, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Kostadinka Kuneva, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Dominique Martin, Elisabeth Morin-Chartier, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Dennis Radtke, Robert Rochefort, Siôn Simon, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Maria Arena, Georges Bach, Elmar Brok, Krzysztof Hetman, Dieter-Lebrecht Koch, Paloma López Bermejo, Evelyn Regner, Sven Schulze, Jasenko Selimovic, Michaela Šojdrová, Helga Stevens |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Klaus Buchner, Jens Nilsson, Gabriele Preuß, Jozo Radoš |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
34 |
+ |
|
ALDE EPP
S&D Verts/ALE |
Martina Dlabajová, Marian Harkin, Jozo Radoš, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Yana Toom Georges Bach, Elmar Brok, Krzysztof Hetman, Danuta Jazłowiecka, Dieter-Lebrecht Koch, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Ádám Kósa, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Dennis Radtke, Sven Schulze, Michaela Šojdrová Maria Arena, Guillaume Balas, Brando Benifei, Elena Gentile, Agnes Jongerius, Jan Keller, Jens Nilsson, Georgi Pirinski, Gabriele Preuß, Evelyn Regner, Siôn Simon, Marita Ulvskog Klaus Buchner, Tatjana Ždanoka |
|
10 |
- |
|
GUE/NGL ECR ENF NI |
Kostadinka Kuneva, Paloma López Bermejo, João Pimenta Lopes Arne Gericke, Czesław Hoc, Helga Stevens, Ulrike Trebesius, Jana Žitňanská Dominique Martin Lampros Fountoulis |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa, Rieżami Annwali 2017, p. 11.
- [2] Ibid, p. 46.
- [3] Ir-rapport Eurofound dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ.
- [4] Stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2017 bit-titolu "European Semester 2017 Spring Package: Commission issues country-specific recommendations" (Il-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew 2017: Il-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi).
- [5] Employment and Social Developments in Europe (Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa), Rieżami Annwali 2017, p. 47.
- [6] ĠU C, 20.2.2016, p. 1.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (8.9.2017)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro
(2017/2114(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Ramón Luis Valcárcel Siso
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li, f'konformità mal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha timmira li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni kollha kemm hi u li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni varji u n-nuqqas ta' progress ta' dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti;
2. Jisħaq li żona tal-euro b'saħħitha hija prerekwiżit għal Ewropa b'saħħitha bħala entità sħiħa, u li l-munita unika, bħall-politika ta' koeżjoni, isservi l-għanijiet fit-tul, sabiex tiġġenera t-tkabbir u l-impjiegi, iktar stabbiltà, sigurtà u opportunitajiet aħjar; jenfasizza, madankollu, li ż-żona tal-euro ma tistax tagħmel progress u tilħaq livell sinifikanti ta' tkabbir meħtieġ għall-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp mingħajr sforzi konġunti biex tiġi implimentata taħlita tajba ta' politika ekonomika, magħmula mill-investiment, ir-riformi strutturali u l-konsolidazzjoni fiskali fl-Istati Membri kollha, kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll barra minnha; ifakkar li politiki ekonomiċi għandhom ikunu żviluppati għal kull Stat Membru individwalment abbażi tal-ispeċifiċitajiet tal-Istat Membru kkonċernat, bħalma huwa l-każ fis-Semestru Ewropew, filwaqt li wieħed joqgħod il-bogħod minn approċċ ''wieħed tajjeb għal kulħadd'' u tiġi evitata kwalunkwe diviżjoni ġeografika jew oħra, bħal pereżempju bejn iż-żona tal-euro u ż-żona mhux tal-euro tal-Istati Membri; jieħu nota, f'dan ir-rigward, tal-istudju fuq l-esternalitajiet tal-investimenti tal-politika ta' koeżjoni, li juri li hemm redditu fuq l-investimenti fi Stati Membri kontributuri netti, bħala konsegwenza tal-investimenti li saru fi Stati Membri benefiċjarji fil-qafas tal-programmi operattivi[1];
3. Jirrikonoxxi, madankollu, li d-differenzi u d-diverġenzi fiż-żona tal-euro, b'mod partikolari fir-rigward tal-impjiegi u r-rati tal-qgħad, jikkostitwixxu theddida għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u għall-UE b'mod ġenerali, li jeħtieġ li tiġi evitata kemm jista' jkun; ifakkar, għal dan l-għan, li l-kunsiderazzjoni tad-disparitajiet reġjonali u l-monitoraġġ tal-evoluzzjoni tagħhom huma mingħajr dubju ta' importanza ewlenija fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, għax l-isfidi fiż-żona tal-euro, jiġifieri t-titjib tal-governanza tagħha, iż-żieda tal-konverġenza fiskali u l-iżgurar ta' koordinazzjoni aħjar mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), x'aktarx li joħolqu ambjent aktar favorevoli biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni;
4. Jinnota li x-xejra fil-PDG taż-żona tal-euro per capita hija qrib l-istaġnar; jitlob, barra minn hekk, l-applikazzjoni ta' kriterji ta' valutazzjoni soċjoekonomiċi usa', inkluż pereżempju Indiċi tal-Progress Soċjali, bħala fattur essenzjali li jikkomplementa l-PDG; jirrimarka l-parametri tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u jinnota l-użu ta' data aggregata, li tista' ma tippermettix fehim profond tal-kuntrasti u d-differenzi ekonomiċi u soċjali bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, liema nuqqas ta' fehim imbagħad ikun jeħtieġ miżuri ulterjuri taħt il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jenfasizza l-fatt li l-massa tal-popolazzjoni tal-UE li tgħix taħt il-linja tal-faqar hija wiesa' ħafna; jitlob, għalhekk, l-implimentazzjoni ta' strateġija komprensiva għall-qerda tal-faqar, bl-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020; jirrimarka li taħlita bbilanċjata ta' forza vinkolanti u solidarjetà hija meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-politika ekonomika, monetarja u politiki oħra tal-UE; jenfasizza li għadd sostanzjali ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ma jistgħux jiġu implimentati bis-sħiħ mingħajr rwol attiv għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu proċess għall-involviment adegwat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew;
5. Jilqa' l-fatt li l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni jirrappreżenta EUR 454 biljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu 2014-2020; jenfasizza, madankollu, li l-politika ta' koeżjoni mhijiex sempliċement strument, iżda politika strutturali fuq medda twila ta' żmien li l-għan tagħha huwa li jitnaqqsu d-disparitajiet ta' żvilupp reġjonali u jiġu promossi l-investiment, l-impjiegi, il-kompetittività, l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir, u li hija l-aktar politika importanti u komprensiva għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Istati Membri kollha, mingħajr ebda distinzjoni bejn dawk li qegħdin fiż-żona tal-euro u barra minnha; ifakkar li l-baġit tal-UE huwa 50 darba iżgħar mit-total tan-nefqa tal-gvernijiet tal-UE-28, billi jammonta għal madwar 1 % tal-PDG tal-UE-28; jenfasizza, għalhekk, li għandhom jiġu stabbiliti sinerġiji bejn il-baġits tal-UE u tal-Istati Membri, il-prijoritajiet politiċi u l-azzjonijiet u l-proġetti li jimmiraw li jissodisfaw il-miri tal-UE, filwaqt li jinżammu bbilanċjati d-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-qafas ta' politika tal-UE; jirrimarka li r-rekwiżiti għall-kofinanzjament taħt il-Fondi SIE huma mekkaniżmi importanti biex jiġu stabbiliti sinerġiji; huwa tal-fehma li l-unità tal-baġit tal-UE għandha tiġi preservata; jilqa' l-miżuri introdotti fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali sabiex jallinjaw aħjar il-politika ta' koeżjoni mal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;
6. Jenfasizza r-rabta stretta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-objettivi tal-politika ekonomika, u li sehem sinifikanti mill-baġit tal-UE huwa ddedikat għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u l-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, primarjament taħt is-subintestatura 1a tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u l-Fondi SIE; jenfasizza, madankollu, li minħabba l-għanijiet, l-istruttura u l-importanza fundamentali tal-politika ta' koeżjoni għar-reġjuni tal-UE, huwa diffiċli li wieħed jorbot il-finanzjament mill-politika ta' koeżjoni mal-prestazzjoni makroekonomika ta' gvernijiet ċentrali; jemmen li, minħabba li l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni huwa maħsub biex tingħata spinta lill-investiment, lit-tkabbir u l-impjiegi fl-UE kollha, il-Kummissjoni għandha tesplora, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet tal-Istati Membri, jekk u kif għandu jiġi eskluż il-kofinanzjament reġjonali u lokali mir-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;
7. Jisħaq li l-politika ta' koeżjoni tal-UE hija l-aħjar għodda biex tikkontribwixxi kemm għall-kompetittività kif ukoll għas-solidarjetà madwar ir-reġjuni tal-UE, peress li tappoġġa l-isforzi biex jiġu indirizzati l-isfidi lokali u speċifiċi b'mod komprensiv u kkoordinat, f'konformità mal-objettivi tal-politika komuni tal-Unjoni, billi twettaq rwol ewlieni fil-prevenzjoni ta' flutwazzjonijiet u tgħin biex tipprovdi stabbiltà, li għalhekk huwa essenzjali li din tkompli għar-reġjuni kollha tal-UE lil hinn mill-2020, filwaqt li l-baġit tagħha jibqa' intatt, sabiex tikkumbatti d-disparitajiet bejn ir-reġjuni u fi ħdanhom, li żdiedu wara l-kriżi, u li din għandha tkun akkumpanjata minn sforzi u objettivi ulterjuri ta' konverġenza fl-oqsma ekonomiċi u soċjali biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern; jemmen, b'mod partikolari, li l-investimenti f'infrastruttura fiżika u diġitali jgħinu biex jagħtu spinta lit-tkabbir u jingħelbu d-disparitajiet bejn l-Istati Membri u r-reġjuni; jappella b'mod speċifiku biex il-Fond ta' Koeżjoni jiġi estiż lil hinn mill-2020 għal din ir-raġuni; iqis li l-politika ta' koeżjoni tista' u għandha tgħin biex jinstabu modi ta' sfruttament ta' potenzjal mhux sfruttat fir-reġjuni; jenfasizza li l-approċċ integrat u fit-tul għall-politika ta' koeżjoni għandu jinżamm fil-futur;
8. Ifakkar fil-ħtieġa li jingħalaq id-distakk bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni hija għodda unika li tiżgura li l-UE twettaq fuq il-post, billi tikkombina l-għanijiet ewlenin tal-UE mal-ħtiġijiet u r-realtajiet territorjali f'approċċ ibbażat fuq il-post; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati kollha biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jikkomunikaw aħjar ir-riżultati tanġibbli u l-valur miżjud ta' din il-politika komuni tal-UE ibbażata fuq is-solidarjetà, li hija ta' benefiċċju għall-Istati Membri kollha; jenfasizza li r-responsabilità għat-titjib tal-viżibbiltà tal-investimenti tal-UE hija prinċipalment f'idejn il-partijiet interessati lokali; jinsisti li l-politika ta' koeżjoni għandha impatt ekonomiku u soċjali importanti, kif ukoll tagħti kontribut importanti għall-integrazzjoni Ewropea;
9. Huwa konvint li d-dimensjoni urbana tal-politika ta' koeżjoni jista' jkollha rwol importanti fl-appoġġ għat-tkabbir, l-impjiegi, l-inklużjoni, l-integrazzjoni u l-innovazzjoni, mhux biss f'żoni urbani ewlenin, iżda wkoll f'żoni periurbani, f'ħinterland urban, żoni rurali u fir-reġjuni kollha b'karatteristiċi ġeografiċi speċjali, kif deskritt fl-Artikolu 174 tat-TFUE; jenfasizza l-livell għoli ta' għarfien espert f'żoni urbani u l-kapaċità tagħhom li jamministraw l-użu tal-fondi tal-UE;
10. Jemmen li l-ispinta għat-tkabbir sostenibbli u l-impjieg ta' kwalità jirrikjedu tisħiħ tal-appoġġ għal proġetti edukattivi, ta' inklużjoni soċjali u ta' riċerka u innovazzjoni, inklużi b'mod partikolari inizjattivi ġodda li jinvolvu żgħażagħ b'talent u negozji ġodda, kif ukoll is-simplifikazzjoni tal-aċċess għal, u l-kundizzjonijiet biex jinkisbu, ir-riżorsi neċessarji; jenfasizza li l-prekundizzjonijiet għal soċjetà u ekonomija orjentati lejn l-innovazzjoni, in-negozji ġodda u r-riċerka huma marbuta mal-implimentazzjoni ta' riformi fis-sistemi tal-edukazzjoni u x-xjenza, li jorbtuhom mal-imprendituri u mal-bżonnijiet tagħhom, u riformi tas-suq tax-xogħol, it-taxxa u s-sistema finanzjarja; jirrikonoxxi l-importanza li jiġu promossi negozji ġodda teknoloġiċi u ekosistemi li jlaqqgħu flimkien imprendituri, investituri, speċjalisti u konsulenti fi sforz biex jiżdiedu l-proġetti innovattivi; jilqa' l-appoġġ li qed jingħata lill-programmi ta' kompetittività tal-imprendituri u tal-SMEs, b'enfasi fuq l-imprendituri nisa u l-għoti ta' prijorità lit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi;
11. Jenfasizza li l-produttività tax-xogħol tiddependi primarjament fuq l-ammont ta' kapital użat, it-teknoloġiji użati u l-veloċità tal-innovazzjoni; jenfasizza l-fatt li r-riformi strutturali huma maħsuba biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni minn kumpaniji u industriji inqas produttivi għal kumpaniji aktar produttivi;
12. Jirrimarka li inugwaljanza għolja persistenti bejn l-Istati Membri twassal għal migrazzjoni minn pajjiżi fqar għal dawk iktar sinjuri, u dan ta' spiss iwassal għal eżodu ta' mħuħ serju meta l-aktar nies kwalifikati jitilqu għal impjiegi mħallsa aħjar fir-reġjuni ewlenin tal-UE;
13. Jinnota li r-rata tal-qgħad fiż-żona tal-euro għadha ma tbaxxietx għal-livell ta' qabel il-kriżi; jinsab imħasseb dwar ir-riperkussjonijiet serji kkawżati minn livelli għolja ta' qgħad f'diversi Stati Membri, speċjalment fil-każ ta' żgħażagħ u anzjani; jemmen, għalhekk, li l-għan tal-miżuri tal-UE fiż-żona tal-euro għandu jkun li jimplimentaw politiki li se jsaħħu l-impjiegi u jiġġieldu b'mod effettiv l-insigurtà tax-xogħol; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva tal-Ewropa għaż-Żgħażagħ jgħinu lill-Istati Membri jintegraw liż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol; jitlob, għalhekk, li din l-inizjattiva tinżamm u l-baġit tagħha jiżdied b'mod sostanzjali matul il-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, peress li hija għodda essenzjali mhux biss biex tippromwovi t-tkabbir ekonomiku, iżda wkoll biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali;
14. Jirrikonoxxi li, fil-kuntest ta' aktar sinerġija bejn il-baġit tal-UE u l-baġits nazzjonali, jeħtieġ li l-UE tindirizza l-isfidi serji ġodda, bħat-tibdil fil-klima, l-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati taħt il-protezzjoni internazzjonali, politika komuni dwar id-difiża aktar b'saħħitha, edukazzjoni, impjieg, akkomodazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, li ħafna minnhom jistgħu jiġu indirizzati parzjalment permezz tal-politika ta' koeżjoni, li diġà qed tindirizza xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet sa ċertu punt; jenfasizza, madankollu, li l-politika ta' koeżjoni diġà qed tindirizza firxa kbira ħafna ta' sfidi b'rabta mal-objettivi stabbiliti fit-Trattati u jinnota, għalhekk, li sabiex tkun tista' tiffaċċja aktar sfidi, ir-riżorsi finanzjarji tal-politika ta' koeżjoni għandhom jiġu adattati 'l fuq kif meħtieġ, sabiex din il-politika ma tiċċaħħadx mill-mezzi biex tilħaq l-għanijiet tagħha;
15. Jirrimarka li l-Brexit se jkollu impatt importanti fuq il-baġit tal-UE; jitlob, f'dan il-kuntest, għal tisħiħ tal-isforzi ta' komunikazzjoni sabiex jiġi enfasizzat il-valur miżjud tal-kontribut tal-politika ta' koeżjoni biex jitrawmu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fir-reġjuni tal-UE, u b'hekk jintwera li l-politika ta' koeżjoni tal-UE għandha tibqa' l-għodda ta' investiment prinċipali tal-UE fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;
16. Jemmen li sorsi differenti ta' finanzjament jistgħu jiġu kkoordinati permezz tat-tisħiħ u l-ħolqien ta' sinerġiji ġodda għal użu aħjar ta' flus fl-istrumenti kollha eżistenti, bħall-Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Erasmus+ u Life+; itenni li l-għotjiet għandhom jibqgħu s-sors ewlieni ta' finanzjament tal-koeżjoni, mingħajr preġudizzju għal strumenti finanzjarji, li għandhom rwol importanti x'jaqdu f'ċerti każijiet; jenfasizza li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-Fondi SIE f'xi każijiet jistgħu jikkomplementaw lil xulxin, imma li l-FEIS m'għandu bl-ebda mod idgħajjef il-koerenza strateġika, il-perspettiva fit-tul u l-konċentrazzjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni;
17. Huwa konvint li l-politika ta' koeżjoni, filwaqt li żżomm l-importanza fundamentali tagħha, għandha ssir aktar flessibbli, tuża għodod aktar effiċjenti, tnaqqas ir-regolamentazzjoni żejda, tkun iktar orjentata lejn ir-riżultati, u ssir aktar sempliċi u effiċjenti biex jiġu żgurati l-użu aktar effettiv tal-flus u riżultati aħjar għall-perjodu li jmiss ta' wara l-2020; iqis li użu xieraq, trasparenti u responsabbli tar-riżorsi tal-UE huwa ġeneralment konformi mal-prinċipju li l-proġett Ewropew jinġieb eqreb taċ-ċittadini tal-UE.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
7.9.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
24 5 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Pascal Arimont, Mercedes Bresso, James Carver, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Raymond Finch, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Jens Nilsson, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Konstantinos Papadakis, Stanislav Polčák, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Maria Spyraki, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Kerstin Westphal |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Andor Deli, John Howarth, Ivana Maletić, Dimitrios Papadimoulis, Georgi Pirinski, Bronis Ropė |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Santiago Fisas Ayxelà, Olga Sehnalová |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
24 |
+ |
|
ECR |
Sławomir Kłosowski |
|
PPE |
Pascal Arimont, Andor Deli, Santiago Fisas Ayxelà, Krzysztof Hetman, Marc Joulaud, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Fernando Ruas, Maria Spyraki, Lambert van Nistelrooij |
|
S&D |
Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Michela Giuffrida, John Howarth, Constanze Krehl, , Louis-Joseph Manscour, Jens Nilsson, Georgi Pirinski, Liliana Rodrigues, Olga Sehnalová, Kerstin Westphal |
|
VERTS/ALE |
Bronis Ropė |
|
5 |
- |
|
ALDE |
Ivan Jakovčić,, Matthijs van Miltenburg |
|
EFDD |
James Carver, Raymond Finch |
|
NI |
Konstantinos Papadakis |
|
4 |
0 |
|
EFDD |
Rosa D’Amato |
|
GUE/NGL |
Martina Michels, Younous Omarjee, Dimitrios Papadimoulis |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] Ir-rapport intitolat ''Kif l-Istati Membri tal-UE-15 jibbenefikaw mill-Politika ta' Koeżjoni V4?'', imħejji bħala parti mill-istudju kkummissjonat mill-Ministeru Pollakk tal-Iżvilupp Ekonomiku dwar l-evalwazzjoni ex-post u t-tbassir tal-benefiċċji lil pajjiżi tal-UE-15 bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni f'pajjiżi V4.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
16.10.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 8 5 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gerolf Annemans, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Markus Ferber, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Barbara Kappel, Georgios Kyrtsos, Esther de Lange, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Fulvio Martusciello, Gabriel Mato, Costas Mavrides, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Cora van Nieuwenhuizen, Stanisław Ożóg, Sirpa Pietikäinen, Pirkko Ruohonen-Lerner, Anne Sander, Molly Scott Cato, Peter Simon, Kay Swinburne, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtsaun, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Richard Corbett, Mady Delvaux, Frank Engel, Ramón Jáuregui Atondo, Eva Joly, Verónica Lope Fontagné, Luigi Morgano, Tibor Szanyi, Lieve Wierinck |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Carlos Iturgaiz, Axel Voss, Anna Záborská, Bogdan Andrzej Zdrojewski |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
33 |
+ |
|
ALDE |
Ramon Tremosa i Balcells, Lieve Wierinck, Cora van Nieuwenhuizen |
|
PPE |
Frank Engel, Markus Ferber, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Carlos Iturgaiz, Georgios Kyrtsos, Werner Langen, Verónica Lope Fontagné, Fulvio Martusciello, Gabriel Mato, Luděk Niedermayer, Sirpa Pietikäinen, Anne Sander, Tom Vandenkendelaere, Axel Voss, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Anna Záborská, Esther de Lange |
|
S&D |
Hugues Bayet, Pervenche Berès, Richard Corbett, Mady Delvaux, Roberto Gualtieri, Ramón Jáuregui Atondo, Olle Ludvigsson, Costas Mavrides, Luigi Morgano, Peter Simon, Tibor Szanyi, Jakob von Weizsäcker |
|
8 |
- |
|
EFDD |
Marco Valli |
|
ENF |
Gerolf Annemans, Bernard Monot, Marco Zanni |
|
GUE/NGL |
Miguel Viegas |
|
Verts/ALE |
Eva Joly, Molly Scott Cato, Ernest Urtasun |
|
5 |
0 |
|
ECR |
Bernd Lucke, Stanisław Ożóg, Pirkko Ruohonen-Lerner, Kay Swinburne |
|
ENF |
Barbara Kappel |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni