RAPPORT Rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar il-mandat ta' negozjar propost għal negozjati kummerċjali mal-Awstralja

19.10.2017 - (2017/2192(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Daniel Caspary


Proċedura : 2017/2192(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0311/2017
Testi mressqa :
A8-0311/2017
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar il-mandat ta' negozjar propost għal negozjati kummerċjali mal-Awstralja

(2017/2192 (INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-15 ta' Novembru 2015 tal-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, u tal-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, u tal-Prim Ministru tal-Awstralja, Malcolm Turnbull,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sħubija UE-Awstralja tad-29 ta' Ottubru 2008 kif ukoll il-Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Awstralja konkluż fil-5 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra ftehimiet bilaterali oħra UE-Awstralja, b'mod partikolari l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità, iċ-ċertifikati u l-immarkar u l-Ftehim dwar il-kummerċ tal-inbid,

–  wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Kummerċ tal-Kummissjoni ppubblikat fl-14 ta' Settembru 2017 li fih il-Kummissjoni impenjat ruħha li tagħmel il-mandati kollha futuri ta' negozjar kummerċjali pubbliċi;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tal-25 ta' Frar 2016 fir-rigward tal-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles (FTA) mal-Awstralja u New Zealand[1], u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta' Settembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja li jemenda l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku[2],

–  wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa wara l-laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-G20 li saret fi Brisbane fil-15 u s-16 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-22 ta' April 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Awstraljan bit-titolu "Lejn sħubija aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Awstralja",

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tas-16 ta' Mejju 2017 dwar il-kompetenza tal-Unjoni biex tiffirma u tikkonkludi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ma' Singapore[3],

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2016 dwar l-effetti kumulattivi ta' ftehimiet kummerċjali futuri dwar l-agrikoltura tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207(3) u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0311/2017),

A.  billi l-UE u l-Awstralja jaħdmu flimkien biex jaffrontaw l-isfidi komuni f'firxa wiesgħa ta' oqsma u jikkooperaw f'diversi fora internazzjonali, inkluż dwar kwistjonijiet ta' politika kummerċjali fl-arena multilaterali;

B.  billi l-UE hija t-tielet l-akbar sieħba kummerċjali tal-Awstralja, b'kummerċ bilaterali annwali li jammonta għal aktar minn EUR 45,5 biljun fl-2015, b'bilanċ kummerċjali pożittiv ta' aktar minn EUR 19 biljun fuq in-naħa tal-UE;

C.  billi fl-2015, l-istokk tal-investiment dirett barrani tal-UE fl-Awstralja ammonta għal EUR 145,8 biljun;

D.  billi l-Awstralja tinsab fil-proċess tal-adeżjoni fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi;

E.  billi l-UE kkonkludiet negozjati dwar il-Ftehim Qafas UE-Awstralja (FA) fit-22 ta' April 2015;

F.  billi s-settur agrikolu Ewropew u ċerti prodotti agrikoli, bħal-laħam taċ-ċanga, il-laħam tal-ħaruf, il-prodotti tal-ħalib, iċ-ċereali u z-zokkor – inkluż tipi speċjali ta' zokkor – huma partikolarment kwistjonijiet sensittivi f'dawn in-negozjati;

G.  billi l-Awstralja hija t-tielet l-akbar esportatur tad-dinja kemm tal-laħam taċ-ċanga kif ukoll taz-zokkor, u hija attur ewlieni fis-suq tal-esportazzjoni globali għall-prodotti tal-ħalib u ċ-ċereali;

H.  billi l-UE u l-Awstralja huma impenjati f'negozjati plurilaterali biex jilliberalizzaw aktar il-kummerċ fil-prodotti ekoloġiċi (il-Ftehim dwar il-Prodotti Ambjentali) u l-kummerċ fis-servizzi (il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi);

I.  billi l-Awstralja hija parti min-negozjati konklużi għal Sħubija Trans-Paċifika (TPP), li l-futur tagħha jibqa' inċert, u n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP) fir-reġjun Asja-Paċifiku, li tgħaqqad flimkien lill-aktar sħab kummerċjali importanti tal-Awstralja; billi l-Awstralja kellha ftehim ta' kummerċ ħieles maċ-Ċina sa mill-2015;

J.  billi l-Awstralja għamlet impenji sinifikanti fit-TPP biex tippromwovi l-konservazzjoni fit-tul ta' ċerti speċijiet u fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-organiżmi selvaġġi permezz ta' miżuri msaħħa ta' konservazzjoni, u billi stabbiliet ir-rekwiżiti għall-infurzar effikaċi tal-protezzjoni ambjentali u biex tinvolvi ruħha f'kooperazzjoni reġjonali mtejba; billi dawn l-impenji għandhom iservu bħala punt ta' riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-FTA UE-Awstralja;

K.  billi l-Awstralja hija fost l-eqdem u l-eqreb sħab tal-UE, u t-tnejn jikkondividu valuri komuni u impenn favur il-promozzjoni tal-prosperità u s-sigurtà fi ħdan sistema bbażata fuq ir-regoli;

L.  billi l-Awstralja rratifikat u implimentat il-patti internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem, soċjali u tax-xogħol u dwar il-protezzjoni ambjentali u tirrispetta bis-sħiħ l-istat tad-dritt;

M.  billi l-Awstralja hija waħda minn sitt membri biss tad-WTO li għad m'għandhiex aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE jew negozjati li għaddejjin għal dan il-għan;

N.  billi, wara d-dikjarazzjoni konġunta tal-15 ta' Novembru 2015, tnieda eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija biex jinvestiga l-fattibilità u l-ambizzjoni komuni lejn it-tnedija ta' negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Awstralja; billi l-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija tal-elementi ewlenija ta' tħassib kien konkluż;

O.  billi l-Parlament ser jintalab jiddeċiedi jekk għandux jagħti l-kunsens tiegħu għall-FTA UE-Awstralja potenzjali;

Il-kuntest strateġiku, politiku u ekonomiku

1.  Jenfasizza l-importanza li jiġu approfonditi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-reġjun Asja-Paċifiku, fost affarijiet oħra, għat-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa u jenfasizza li dan għandu jkun rifless fil-politika kummerċjali tal-UE; jirrikonoxxi li l-Awstralja hija komponent fundamentali ta' din l-istrateġija u li t-twessigħ u l-approfondiment tar-relazzjonijiet kummerċjali jistgħu jgħinu biex jintlaħaq dan l-objettiv;

2.  Ifaħħar lill-Awstralja għall-impenn b'saħħtu u konsistenti tagħha favur l-aġenda kummerċjali multilaterali;

3.  Iqis li l-potenzjal sħiħ tal-istrateġiji ta' kooperazzjoni bilaterali u reġjonali tal-Unjoni jista' jiġi realizzat biss permezz ta' aderenza ma' kummerċ ibbażat fuq ir-regoli u l-valuri u li l-konklużjoni ta' FTA ta' kwalità għolja, ambizzjuż u ġust mal-Awstralja fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku, filwaqt li taħt l-ebda ċirkostanza ma jiġu mdgħajfa l-ambizzjoni li jinkiseb progress multilaterali jew l-implimentazzjoni ta' ftehimiet multilaterali u bilaterali diġà konklużi, hija parti kruċjali ta' dawk l-istrateġiji; jemmen li kooperazzjoni bilaterali aktar fil-fond tista' tkun pass 'il quddiem għal aktar kooperazzjoni multilaterali u plurilaterali;

4.  Jemmen li n-negozjar ta' FTA modern, fil-fond, ambizzjuż, ibbilanċjat, ġust u komprensiv ikun mod xieraq ta' approfondiment tas-sħubija bilaterali u tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bilaterali eżistenti u diġà maturi; hu tal-fehma li dawn in-negozjati jistgħu jservu ta' eżempju għal ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles, filwaqt li jenfasizza l-importanza li jiżdiedu aktar l-ambizzjonijiet, jitwessgħu l-limiti ta' dak li jinvolvi FTA modern, meta wieħed iqis l-ekonomija u l-ambjent regolatorju żviluppati ferm tal-Awstralja;

L-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija

5.  Jinnota l-konklużjoni tal-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija UE-Awstralja fis-6 ta' April 2017 għas-sodisfazzjon reċiproku tal-Kummissjoni u tal-Gvern tal-Awstralja;

6.  Jilqa' l-konklużjoni u l-pubblikazzjoni f'waqthom tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-valutazzjoni, bil-ħsieb li tkun tista' tiġi pprovduta evalwazzjoni komprensiva tal-gwadann u t-telf possibbli li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ta' kummerċ u ta' investiment imsaħħa bejn l-UE u l-Awstralja għall-benefiċċju tal-popolazzjoni u n-negozji fuq iż-żewġ naħat, inkluż l-aktar reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-impatti soċjali u ambjentali, inkluż is-suq Ewropew tax-xogħol u biex ikun antiċipat u mitqies l-impatt li l-Brexit jista' jkollu fuq il-kummerċ u l-flussi tal-investiment mill-Awstralja lejn l-UE, b'mod partikolari meta jkunu qed isiru l-preparamenti tal-iskambju tal-offerti u l-kalkolu tal-kwoti;

Mandat għan-negozjati

7.  Jistieden lill-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati għal ftehim ta' kummerċ u ta' investiment mal-Awstralja abbażi tal-eżitu tal-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija, ir-rakkomandazzjonijiet stipulati f'din ir-riżoluzzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt u miri ċari;

8.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tenfasizza li l-pagamenti tal-kaxxa ħadra ma jxekklux il-kummerċ u m'għandhomx ikunu fil-mira ta' miżuri anti-dumping jew kontra s-sussidji;

9.  Jistieden lill-Kunsill jirrispetta bis-sħiħ id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif jista' jinsilet mill-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE tas-16 ta' Mejju 2017, fid-deċiżjoni tiegħu dwar l-adozzjoni tad-direttivi ta' negozjati;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iressqu proposta malajr kemm jista' jkun dwar l-arkitettura futura ġenerali ta' ftehimiet ta' kummerċ li jqisu l-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapor, u biex jiddistingwu b'mod ċar bejn kummerċ u liberalizzazzjoni ta' ftehim tal-investiment dirett barrani (FDI), li jkun fih biss kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE, u tat-tieni ftehim potenzjali li jkopri suġġetti li l-kompetenzi tagħhom huma maqsumin mal-Istati Membri; jenfasizza li distinzjoni bħal din jista' jkollha implikazzjonijiet fuq il-proċess ta' ratifikazzjoni parlamentari u li mhijiex maħsuba biex jiġu evitati proċessi demokratiċi nazzjonali, iżda hija kwistjoni ta' delega demokratika tar-responsabbiltajiet ibbażati fuq it-trattati Ewropej; jitlob li l-Parlament ikun involut mill-qrib f'kull negozjati attwali u futuri dwar l-FTA fl-istadji kollha tal-proċess;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tippreżenta l-ftehimiet iffinalizzati għall-iffirmar u l-konklużjoni, u lill-Kunsill, meta jiddeċiedi dwar il-firma u l-konklużjoni, biex jirrispettaw bis-sħiħ it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi n-negozjati bl-iktar mod trasparenti possibbli, filwaqt li ma tiġix imminata l-pożizzjoni tan-negozjar tal-Unjoni, tiggarantixxi mill-inqas il-livell ta' trasparenza u konsultazzjoni pubblika implimentat għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) mal-Istati Uniti tal-Amerka permezz ta' djalogu kostanti mas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, u li tirrispetta bis-sħiħ l-aħjar prattiki kif stabbilit f'negozjati oħra; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippubblika r-rakkomandazzjonijiet kollha tagħha għad-direttivi ta' negozjati għal ftehimiet ta' kummerċ u jqis li dan jikkostitwixxi preċedent pożittiv; iħeġġeġ lill-Kunsill isegwi dan l-eżempju u jippubblika d-direttivi ta' negozjati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom;

13.  Jenfasizza li l-FTA jrid iwassal għal aċċess aħjar għas-suq u għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fil-post, joħloq impjiegi deċenti, jiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-benefiċċju taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat, jinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli, jirrispetta l-istandards tal-UE, jissalvagwardja s-servizzi ta' interess ġenerali, u jirrispetta proċeduri demokratiċi filwaqt li jagħti spinta lill-opportunitajiet ta' esportazzjoni tal-UE;

14.  Jenfasizza li ftehim ambizzjuż irid jindirizza, b'mod sinifikanti, l-investiment, il-kummerċ fi prodotti u servizzi (abbażi tar-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-ispazju politiku u s-setturi sensittivi), id-dwana u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, id-diġitalizzazzjoni, il-kummerċ elettroniku u l-protezzjoni tad-data, ir-riċerka teknoloġika u l-appoġġ għall-innovazzjoni, l-akkwist pubbliku, l-enerġija, l-intrapriżi tal-Istat, il-kompetizzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-kwistjonijiet regolatorji, bħalma huma l-istandards sanitarji u fitosanitarji ta' kwalità għolja u normi oħra fi prodotti agrikoli u tal-ikel mingħajr ma jiddgħajfu l-istandards għolja tal-UE, l-impenji soda u infurzabbli dwar l-istandards tax-xogħol u ambjentali, u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni, filwaqt li jibqa' fi ħdan l-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u dan kollu fl-istess waqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tal-mikrointrapriżi u l-SMEs;

15.  Jistieden lill-Kunsill jirrikonoxxi b'mod espliċitu l-obbligi tal-parti l-oħra lejn il-popli indiġeni fid-direttivi ta' negozjati u jippermetti riżervazzjonijiet għal skemi ta' preferenza domestika f'dan ir-rigward; jenfasizza li l-Ftehim għandu jafferma mill-ġdid l-impenn taż-żewġ partijiet għall-Konvenzjoni 169 tal-ILO dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

16.  Jenfasizza li ġestjoni mhux adegwata tas-sajd u sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jista' jkollhom impatti negattivi sinifikanti fuq il-kummerċ, l-iżvilupp u l-ambjent, u li l-partijiet iridu jieħdu impenji serji biex jipproteġu l-klieb il-baħar, ir-rajja, il-fkieren tal-baħar u l-mammiferi marini u sabiex jiġi evitat is-sajd żejjed, il-kapaċità żejda, u s-sajd IUU;

17.  Jenfasizza li l-prinċipju tat-Tliet Rs (3R), biex nissostitwixxu, innaqqsu u nirraffinaw l-użu tal-annimali għal skopijiet xjentifiċi, huwa ankrat sew fil-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza li huwa essenzjali li l-miżuri eżistenti tal-UE dwar l-ittestjar fuq l-annimali u r-riċerka ma jiġux żarmati jew imnaqqsa, li r-regolamenti futuri dwar l-użu tal-annimali mhumiex ristretti u li l-istabbilimenti tar-riċerka tal-UE ma jitpoġġewx fi żvantaġġ kompetittiv; iqis li l-partijiet iridu jfittxu allinjament regolatorju tal-aħjar prassi tat-3R sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-ittestjar, jitnaqqsu l-ispejjeż u titnaqqas il-ħtieġa tal-użu tal-annimali;

18.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi miżuri maħsuba biex jeliminaw il-falsifikazzjoni ta' prodotti agroalimentari;

19.  Jenfasizza li, biex FTA jkun verament vantaġġjuż għall-ekonomija tal-UE, l-aspetti li ġejjin għandhom jiġu inklużi fid-direttivi ta' negozjati:

a)  il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fi prodotti u servizzi u opportunitajiet ta' aċċess għas-suq reali għaż-żewġ naħat fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi ta' xulxin permezz tal-eliminazzjoni ta' ostakli regolatorji bla bżonn, filwaqt li jkun żgurat li xejn fil-ftehim ma jipprevjeni lil kwalunkwe naħa milli jirregolaw, b'mod proporzjonat, bil-għan li jinkisbu objettivi leġittimi ta' politika; dan il-ftehim (i) ma jridx jimpedixxi l-partijiet milli jiddefinixxu, jirregolaw, jipprovdu u jappoġġjaw servizzi fl-interess ġenerali u jrid jinkludi dispożizzjonijiet espliċiti dwar dan; (ii) lanqas ma jeħtieġ lill-gvernijiet jipprivatizzaw xi servizz jew iwaqqaf lill-gvernijiet milli jespandu l-firxa ta' servizzi li jipprovdu lill-pubbliku; (iii) ma jwaqqafx lill-gvernijiet milli jerġgħu jġibu taħt is-servizzi tal-kontroll pubbliku li l-gvernijiet kienu għażlu minn qabel biex jipprivatizzaw bħall-ilma, l-edukazzjoni, is-saħħa u s-servizzi soċjali, jew inaqqas l-istandards għolja tas-saħħa, l-ikel, tal-konsumatur, ambjentali, tax-xogħol u tas-sikurezza fl-UE jew jillimita l-finanzjament pubbliku tal-arti u l-kultura, l-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa u soċjali bħalma kien il-każ bi ftehimiet ta' kummerċ preċedenti; l-impenji għandhom isiru abbażi tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS); jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-istandards meħtieġa mill-produtturi Ewropej iridu jiġu ppreżervati;

b)   sa fejn il-ftehim jista' jinkludi kapitolu dwar ir-regolamentazzjoni domestika, in-negozjaturi m'għandhomx jinkludu testijiet tan-neċessità;

c)  l-impenji dwar il-miżuri ta' anti-dumping u kompensatorji li jmorru lil hinn mir-regoli tad-WTO f'dan il-qasam, li possibbilment jeskludu l-applikazzjoni tagħhom meta jkun hemm fis-seħħ biżżejjed standards komuni dwar il-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni;

d)  it-tnaqqis bla bżonn ta' ostakli mhux tariffarji u t-tisħiħ u l-estensjoni tad-djalogi regolatorji ta' kooperazzjoni fuq bażi volontarja kull meta jkun fattibbli u ta' benefiċċju reċiproku, filwaqt li ma tiġix limitata l-kapaċità ta' kull parti li twettaq l-attivitajiet regolatorji, leġiżlattivi u ta' politika tagħha, peress li l-kooperazzjoni regolatorja jrid ikollha l-għan li tkun ta' benefiċċju għall-governanza tal-ekonomija globali permezz tal-konverġenza u l-kooperazzjoni intensifikati dwar l-istandards internazzjonali u l-armonizzazzjoni regolatorja, pereżempju, permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istandards stabbiliti mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE), filwaqt li jkun garantit l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumatur (eż. is-sikurezza tal-ikel), ambjentali (eż. is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti), soċjali u tax-xogħol;

e)  konċessjonijiet sinifikanti dwar l-akkwist pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern, inklużi l-intrapriżi tal-Istat u l-intrapriżi bi drittijiet speċjali jew esklużivi li jiggarantixxu lill-kumpaniji Ewropej aċċess għas-suq f'setturi strateġiċi u l-istess livell ta' ftuħ bħal dak tas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE, minħabba li l-proċeduri ssimplifikati u t-trasparenza għall-offerenti, inklużi dawk minn pajjiżi oħra, jistgħu wkoll ikunu għodda effikaċi għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u t-trawwim tal-integrità fl-amministrazzjoni pubblika filwaqt li jingħata valur għall-flus lill-kontribwenti, f'termini ta' kwalità tal-konsenja, l-effiċjenza, l-effikaċja u r-responsabbiltà; jiggarantixxi li l-kriterji ekoloġiċi u soċjali jiġu applikati fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku;

f)  kapitolu separat li jqis il-ħtiġijiet u l-interessi tal-mikrointrapriżi u tal-SMEs b'rabta ma' kwistjonijiet li jirrigwardaw l-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq inkluż, iżda mhux limitat għal, kompatibilità miżjuda ta' standards tekniċi, u proċeduri doganali razzjonalizzati, bil-għan li jiġġenera opportunitajiet kummerċjali konkreti u jrawwem l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom;

g)  fid-dawl tal-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapor li l-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-UE u li l-iżvilupp sostenibbli huwa parti integrali mill-politika kummerċjali komuni tal-UE, kapitolu solidu u ambizzjuż dwar l-iżvilupp sostenibbli huwa parti indispensabbli minn kwalunkwe ftehim potenzjali; id-dispożizzjonijiet għal għodod effikaċi għad-djalogu, il-monitoraġġ u l-kooperazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli li huma soġġetti għal mekkaniżmi xierqa u effikaċi għas-soluzzjoni ta' tilwim, u jqis, fost diversi metodi ta' infurzar, mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet, filwaqt li jippermetti lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw b'mod xieraq, kif ukoll il-kooperazzjoni mill-qrib ma' esperti minn organizzazzjonijiet multilaterali rilevanti; id-dispożizzjonijiet f'dan il-kapitolu jkopru l-aspetti tax-xogħol u dawk ambjentali tal-kummerċ u tar-rilevanza tal-iżvilupp sostenibbli f'kuntest ta' kummerċ u ta' investiment, li jinkludi dispożizzjonijiet li jippromwovu l-adeżjoni għal, u l-implimentazzjoni effikaċi ta', regoli u prinċipji rilevanti miftehma internazzjonalment, bħalma huma l-istandards fundamentali tax-xogħol, l-erba' konvenzjonijiet prijoritarji tal-ILO dwar il-governanza kif ukoll il-ftehimiet ambjentali multilaterali, inklużi dawk marbuta mat-tibdil fil-klima;

h)   ir-rekwiżit li l-partijiet iridu jippromwovu r-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), inkluż f'dak li għandu x'jaqasm ma' strumenti rikonoxxuta internazzjonalment, u l-adozzjoni ta' linji gwida settorjali tal-OECD u l-Prinċipji ta' Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

i)   dispożizzjonijiet komprensivi dwar il-liberalizzazzjoni tal-investiment fi ħdan il-kompetenza tal-Unjoni filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi reċenti fil-politika, pereżempju, l-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapor tas-16 ta' Mejju 2017;

j)  miżuri b'saħħithom u infurzabbli li jkopru r-rikonoxximent u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) għall-inbejjed u l-ispirti u prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel oħra, billi jittieħdu bħala punt ta' riferiment id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim UE-Awstralja dwar is-settur tal-inbid, filwaqt li jkun hemm sforz biex jittejjeb il-qafas ġuridiku eżistenti u jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għall-indikazzjonijiet ġeografiċi kollha; proċeduri doganali ssimplifikati u sempliċi u regoli ta' oriġini flessibbli li huma adatti għal dinja kumplessa ta' katini ta' valur mondjali (GVCs), inkluż f'termini ta' tisħiħ fit-trasparenza u r-responsabbiltà fi ħdanhom, u jkunu applikati kemm jista' jkun regoli ta' oriġini multilaterali jew f'każijiet oħra regoli ta' oriġini bħal "bidla fis-subintestatura tariffarja";

k)  riżultat ibbilanċjat u ambizzjuż fil-kapitoli tal-agrikoltura u s-sajd li jista' jagħti spinta biss lill-kompetittività u jkun ta' benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi, jekk iqis b'mod xieraq l-interessi tal-produtturi u tal-konsumaturi Ewropej kollha, filwaqt li jirrispetta l-fatt li hemm għadd ta' prodotti agrikoli sensittivi li għandhom jingħataw trattament adatt, pereżempju, permezz ta' kwoti tar-rati tariffarji allokati jew perjodi adegwati ta' tranżizzjoni, filwaqt li jitqies b'mod xieraq l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet kummerċjali fuq l-agrikoltura u potenzjalment jeskludi mill-ambitu tan-negozjati l-aktar setturi sensittivi; l-inklużjoni ta' klawżola ta' salvagwardja bilaterali li tista' tintuża, effikaċi, adatta u rapida li tippermetti s-sospensjoni temporanja ta' preferenzi, jekk, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' kummerċ, żieda fl-importazzjonijiet tikkawża jew thedded ħsara serja għas-setturi sensittivi;

l)  dispożizzjonijiet ambizzjużi li jippermettu l-funzjonament sħiħ tal-ekosistema diġitali, u jiġu promossi flussi transfruntiera tad-data, inklużi prinċipji bħalma huma kompetizzjoni ġusta u regoli ambizzjużi għal trasferimenti transfruntieri tad-data, f'konformità sħiħa u mingħajr preġudizzju għar-regoli attwali u futuri tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, peress li l-flussi tad-data huma muturi kruċjali tal-ekonomija tas-servizzi u huma element essenzjali tal-GVC tal-kumpaniji ta' manifattura tradizzjonali, u għalhekk rekwiżiti ta' lokalikazzjoni mhux ġustifikati għandhom ikunu limitati kemm jista' jkun; il-protezzjoni tad-data u l-privatezza mhumiex ostakli għall-kummerċ, iżda drittijiet fundamentali, minquxa fl-Artikolu 39 tat-TUE u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

m)  dispożizzjonijiet speċifiċi u ċari dwar it-trattament li jingħata lil pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCTs) u l-aktar reġjuni ultraperiferiċi (ORs) sabiex fin-negozjati jkun żgurat li tingħata kunsiderazzjoni biżżejjed lill-interessi partikolari tagħhom;

Ir-rwol tal-Parlament

20.  Jenfasizza li, skont l-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapor, il-Parlament għandu jara r-rwol tiegħu jissaħħaħ f'kull stadju tan-negozjati UE-FTA mill-adozzjoni tal-mandat għall-konklużjoni finali tal-ftehim; jistenna bil-ħerqa li jitniedu n-negozjati mal-Awstralja, u li jsegwihom mill-qrib u jagħti l-kontribut tiegħu għal eżitu ta' suċċess; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li tinforma lill-Parlament immedjatament u b'mod sħiħ fil-fażijiet kollha tan-negozjati (qabel u wara ċ-ċikli ta' negozjati); huwa impenjat li jittratta l-kwistjonijiet leġiżlattivi u regolatorji li jafu jinqalgħu fil-kuntest tan-negozjati u tal-ftehim futur mingħajr preġudizzju għal prerogattivi tiegħu bħala koleġiżlatur; itenni r-responsabbiltà fundamentali tiegħu li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE u jistenna b'ħerqa li jiffaċilita diskussjonijiet inklużivi u miftuħa matul il-proċess tan-negozjati;

21.  Ifakkar li l-Parlament se jintalab jagħti l-kunsens tiegħu għall-ftehim futur, kif stipulat mit-TFUE, u li l-pożizzjonijiet tiegħu għandhom għalhekk jitqiesu kif jixraq fil-fażijiet kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jitolbu l-kunsens tal-Parlament qabel l-applikazzjoni tiegħu, filwaqt li jintegra wkoll din il-prattika ta' ftehim interistituzzjonali;

22.  Ifakkar li l-Parlament ser jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-ftehim futur;

°

°  °

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament Awstraljan.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AGRIKOLTURA U L-IŻVILUPP RURALI (5.10.2017)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar il-mandat ta' negozjar propost għal negozjati kummerċjali mal-Awstralja
(2017/2192(INI))

Rapporteur: Eric Andrieu

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Hu tal-fehma li l-Awstralja hija waħda mill-akbar atturi globali tal-kummerċ fi prodotti agrikoli u żviluppat setturi tal-esportazzjoni sodi (70 % tal-prodotti jiġu esportati);

2.  Huwa tal-fehma li, fl-2015, l-Awstralja kienet it-tielet l-akbar esportatur globali ta' ċanga u vitella, it-tmien l-akbar esportatur globali ta' prodotti tal-ħalib, il-ħames l-akbar esportatur globali ta' prodotti tar-raba' li jinħarat u t-tielet l-akbar esportatur globali taz-zokkor;

3.  Jindika li l-Awstralja, minħabba l-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola baxxi li għandha bis-saħħa tal-azjendi fuq skala kbira estensivi tagħha, għandha settur agrikolu kompetittiv ħafna ffukat fuq l-esportazzjoni, li kontinwament ifittex opportunitajiet ġodda għall-prodotti tiegħu fis-suq internazzjonali; jenfasizza, għalhekk, li l-iżgurar ta' aċċess akbar għas-suq vast tal-UE permezz tat-tneħħija jew it-tnaqqis tal-ostakli tariffarji u mhux tariffarji fis-settur bla dubju se jkunu prijorità tan-negozjar għall-produtturi u l-esportaturi Awstraljani, u jemmen li ftehim ta' kummerċ ħieles (FTA) ibbilanċjat u komprensiv, li jirrispetta l-aktar setturi vulnerabbli tal-agrikoltura Ewropea, jaf ikun ta' benefiċċju reċiproku;

4.  Jenfasizza li l-agrikoltura Ewropea għandha rwol speċjali x'taqdi fiż-żamma tan-nisġa tal-komunitajiet rurali u għat-tmigħ tal-popolazzjonijiet Ewropej; jenfasizza li l-bdiewa u l-għajxien tagħhom m'għandhomx ikunu pedini fil-ftehimiet kummerċjali;

5.  Jemmen li l-ħolqien ta' inċentivi għal standards għoljin u r-reċiproċità, u l-osservanza għalkollox tal-istandards soċjali, tal-produzzjoni, ambjentali u ta' benessri tal-annimali għoljin u l-prinċipji ta' agrikoltura sostenibbli stabbiliti mill-produtturi tal-UE huma essenzjali għal FTA bbilanċjat, li jaf joffri xi opportunitajiet għall-produtturi Ewropej u jmexxi 'l quddiem il-pożizzjoni tal-UE bħala attur globali ewlieni; iqis li dawn l-istandards ma jistgħux jitbaxxew fi ħdan is-suq intern la bl-importazzjonijiet u lanqas bl-esportazzjonijiet, u jenfasizza li r-rispett lejn produzzjoni sostenibbli u l-protezzjoni stretta tal-istandards dwar is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-bniedem, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, kif definiti skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, huma prinċipju fundamentali ta' kwalunkwe negozjar għal ftehim ta' kummerċ ħieles tal-UE għall-agrikoltura Ewropea, li ma jistax jiġi kompromess;

6.  Jenfasizza li jridu jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-istandards tal-benessri tal-annimali jistgħu jissaħħu skont l-attitudnijiet tal-pubbliku fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mas-saħħa u l-etika;

7.  Jenfasizza li r-rikonoxximent reċiproku ta' regoli sanitarji u fitosanitarji ma jridx iwassal għal theddidiet lill-ambjent, in-nies u l-annimali, pereżempju bħala riżultat tal-abolizzjoni ta' kontrolli fuq l-ikel u l-għalf importat;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel valutazzjoni tal-impatt ta' FTA bejn l-UE u l-Awstralja, iżda jinnota li l-produtturi u l-esportaturi Ewropej ta' prodotti agrikoli jaf li ma jistgħux jevalwaw għalkollox il-benefiċċji u t-telf potenzjali tagħhom minħabba informazzjoni limitata dwar l-importazzjoni, b'mod partikolari dwar is-sottokategoriji fis-settur tal-laħam, u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' valutazzjoni skont l-Istat Membru tal-UE u skont is-settur, u ta' informazzjoni dwar l-impatt possibbli fuq ir-Reġjuni Ultraperiferiċi u l-impatt tal-Brexit fir-rigward tal-kwoti eżistenti; jinnota bi tħassib, madankollu, li l-istudju jistenna li laħam ta' annimali ruminanti jara l-akbar tnaqqis fl-output settorjali tal-UE, u jistenna, barra minn hekk, li tiġi pprovduta analiżi dettaljata addizzjonali biex jimtlew dawn il-lakuni fl-informazzjoni;

9.  Jenfasizza li, għall-esportaturi Ewropej ta' prodotti agrikoli, li l-Awstralja tirrappreżenta suq ġdid ta' 23 miljun konsumatur li hu 20 darba iżgħar mis-suq Ewropew, u li l-interessi offensivi Ewropej fl-agrikoltura huma limitati għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u prodotti niċċa u huma kondizzjonali fuq it-tneħħija ta' ostakoli mhux tariffarji; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tieħu kont debitu ta' dan;

10.  Jinsab imħasseb dwar ir-riskju ta' żbilanċ serju fid-dispożizzjonijet agrikoli tal-ftehim għad-detriment tal-produtturi agrikoli tal-UE, u jisħaq li l-agrikoltura m'għandhiex tintuża bħala pedina biex jinkiseb aċċess akbar għas-suq Awstraljan għall-prodotti u servizzi mhux agrikoli;

11.  Jinnota li l-azjendi agrikoli Awstraljani ma jġorrux l-ispejjeż tal-identifikazzjoni elettronika tan-nagħaġ, Żoni Vulnerabbli għan-Nitrati jew l-inċinerazzjoni tal-bhejjem mejta, u jitlob li dan jiġi ċċarat permezz tat-tikkettar;

12.  Jenfasizza li l-prinċipju ta' prekawzjoni, li fuqu huma bbażati r-regolamenti tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel, u l-approċċ "mir-razzett sal-furketta" li jistabbilixxi regoli aktar stretti tal-UE, kif ukoll l-istandards u l-proċeduri sanitarji u fitosanitarji tal-UE, għandhom jinżammu fil-qafas tan-negozjati;

13.  Jixtieq jiġbed l-attenzjoni dwar in-natura sensittiva ta' xi setturi tal-industrija tal-biedja Ewropea, bħal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, il-laħam tal-mogħoż u tan-nagħaġ, iz-zokkor, l-għasel, iċ-ċereali u l-prodotti tal-ħalib, li bosta minnhom dan l-aħħar għaddew minn kriżijiet kbar li rrikjedew skemi ta' appoġġ speċjali ta' emerġenza, u huwa tal-opinjoni li aktar ftuħ tas-suq f'dawn is-setturi jista' jkollu konsegwenzi negattivi u ta' tfixkil ulterjuri għall-produtturi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi, li tittratta bħala sensittivi dawk il-prodotti li għalihom kompetizzjoni diretta tesponi lill-produtturi agrikoli tal-UE għal pressjoni eċċessiva jew insostenibbli, u jitlob l-inklużjoni ta' miżuri ta' salvagwardja bilaterali rilevanti u effikaċi, perjodi ta' tranżizzjoni, u kwoti mnaqqsa xierqa, fid-dawl tal-kompetittività tas-settur Awstraljan għall-prevenzjoni ta' żieda f'daqqa fl-importazzjonijiet li tikkawża, jew thedded li tikkawża, dannu serju lil produtturi Ewropej f'setturi sensittivi jew li n-negozji tagħhom huma impriżi żgħar u ta' daqs medju;

14.  Huwa tal-fehma li l-UE jeħtiġilha żżomm lura milli tagħmel kwalunkwe xorta ta' impenn fir-rigward tal-prodotti agrikoli l-aktar sensittivi bħalma huma l-prodotti tal-ħalib, iċ-ċanga, il-vitella, il-laħam tan-nagħaġ u t-tipi speċjali ta' zokkor, filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet kummerċjali ekwi, u jenħtieġ li tħalli dawk il-prodotti barra, u teskludihom min-negozjati;

15.  Jenfasizza li ftehim kummerċjali jista' jinbena biss fuq il-bażi ta' vantaġġi reċiproki, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi protezzjoni permanenti kontra t-theddidiet minn importazzjonijiet liberalizzati, fosthom billi tinkorpora fil-ftehim dispożizzjonijiet dwar klawżoli ta' salvagwardja, li jiġu attivati permezz ta' mekkaniżmi sempliċi u flessibli meta l-importazzjonijiet mill-Awstralja jaqbżu l-limiti stabbiliti u jiġġeneraw żbilanċi eċċessivi għas-suq Ewropew, kif ukoll billi tinkludi klawżola ta' salvagwardja bilaterali b'tul ta' żmien mhux limitat għas-settur agrikolu;

16.  Jittama li l-miżuri adottati mill-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-kriżi tas-settur tal-ħalib ma jitqisux mill-Awstralja bħala forma ta' għajnuna mill-Istat (kif kien ġara fil-passat fis-settur tat-tadam), u b'hekk jintużaw bħala skuża biex jiġi limitat l-aċċess tal-prodotti Ewropej għas-suq Awstraljan;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tirriżolvi t-tilwimiet kummerċjali kollha pendenti bejn l-UE u l-Awstralja qabel jinfetħu n-negozjati dwar kwistjonijiet agrikoli, bħal, fost l-oħrajn, il-kontroversja relatata mal-miżuri anti-dumping imposti mill-awtoritajiet Awstraljani fuq kumpaniji Ewropej tal-ipproċessar tat-tadam;

18.  Jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati kriterji komuni dwar l-istandards ta' kwalità u ta' sikurezza fir-rigward ta' prodotti agrikoli għall-kummerċ;

19.  Ifakkar b'mod partikolari li fl-Unjoni Ewropea l-ħrief jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss meta jkollhom 6 jew 9 xhur, filwaqt li fl-Awstralja età akbar, jiġifieri 12-il xahar, hi permessa; jinsisti li l-ftehim futur irid jistabbilixxi limitu tal-età ta' 6 jew 9 xhur għall-bejgħ legali fis-suq intern tal-UE ta' kwalunkwe ħaruf li jiġi minn barra l-UE;

20.  Jenfasizza li l-ebda element tal-ftehim m'għandu jipprevjeni lil xi waħda miż-żewġ naħat milli jirregolaw b'mod indipendenti biex jistabbilixxu u jimplimentaw objettivi leġittimi tal-politika, fosthom miri u salvagwardji soċjali, ambjentali u tas-saħħa pubblika;

21.  Jenfasizza l-impatt kumulattiv tal-konċessjonijiet li għamlet l-UE fis-settur agrikolu, fi ftehimiet multilaterali kif ukoll bilaterali; jesiġi, għalhekk, li kwalunkwe konċessjoni agrikola tal-UE, fil-kuntest tan-negozjati previsti, tiġi evalwata billi jitqiesu għalkollox il-konċessjonijiet li diġà ġew maqbula mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (bħal pereżempju l-kumpens għaċ-ċanga ttrattata bl-ormoni), mill-Kanada (il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA)), u dawk li jaf jiġu maqbula dalwaqt mal-Mercosur, il-Messiku, in-New Zealand u l-Istati Uniti (f'każ li jerġgħu jibdew it-taħditiet dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP)); jinnota, barra minn hekk, li fil-każ taċ-ċanga u l-vitella, iż-żieda tal-kwoti tas-CETA ġab l-ammont kumulattiv ta' kwoti miftiehma għal-limitu ta' assorbiment ta' 3000 tunnellata stabbilit fis-snin 2000, li jfisser li, flimkien mat-tnaqqis fil-konsum domestiku, is-suq tal-UE qed jilħaq il-punt ta' saturazzjoni; jenfasizza, fl-aħħar nett, li l-istudju tal-Kummissjoni dwar l-impatt kumulattiv ta' ftehimiet futuri juri rduppjar possibbli tad-defiċit kummerċjali għaċ-ċanga u l-vitella li jammonta għal kważi EUR 0.9 biljuni, skont l-ipoteżi tal-liberalizzazzjoni;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm approċċ ta' negozjar armonizzat, ibbilanċjat ma' dak adottat tul in-negozjati konkomitanti ma' New Zealand, filwaqt li tqis il-fatturi speċifiċi li jiddistingwu ż-żewġt iswieq;

23.  Ifakkar li l-kwoti tariffarji li jaf jingħataw lill-Awstralja wara l-Brexit se japplikaw għal suq tal-UE mċekken; jistieden lill-Kummissjoni tqis in-negozjati tal-Brexit li għaddejjin bħalissa u l-impatt tal-Brexit fuq is-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel tal-UE fin-negozjati kummerċjali mal-Awstralja, partikolarment f'setturi li fihom ir-Renju Unit jirrappreżenta volum sinifikanti tal-konsum u/jew tal-importazzjoni; jenfasizza li, minn issa 'l quddiem, l-UE se jkollha tqis il-Brexit b'reqqa meta tiddeċiedi x'konċessjonijiet tista' toffri, jekk ikun hemm konċessjonijiet, fi ftehimiet kummerċjali ġodda, u jekk ikun meħtieġ, tirrevedi l-mandat ta' negozjar;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura protezzjoni legali xierqa fis-suq Awstraljan għall-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE u għall-prodotti agrikoli ta' kwalità tal-UE, kif ukoll miżuri li jindirizzaw l-użu mhux xieraq u informazzjoni u prattiki qarrieqa; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżgura protezzjoni fir-rigward tat-tikkettar, it-traċċabbiltà u l-oriġini ġenwina tal-prodotti agrikoli bħala element essenzjali ta' ftehim ibbilanċjat;

25.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi miżuri maħsuba biex titrażżan il-falsifikazzjoni ta' prodotti agroalimentari;

26.  Jirrikonoxxi l-importanza għall-UE ta' ftehim mal-Awstralja li jista' jnaqqas l-ostakoli tariffarji għal xi prodotti agrikoli proċessati, inaqqas kwalunkwe kontroll sanitarji strett iżżejjed u jirrikonoxxi u jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi b'mod effettiv, billi dispożizzjonijiet ċari li jissalvagwardjaw l-akbar għadd possibbli ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, fost l-oħrajn għall-inbejjed, inklużi dawk diġà koperti permezz tal-Ftehim Bilaterali bejn l-UE u l-Awstralja dwar il-kummerċ tal-inbid, kif ukoll għall-ispirti u prodotti oħra tal-ikel, u l-protezzjoni ta' setturi sensittivi, jenħtieġ li jkunu prerekwiżit għal kwalunkwe ftehim; ifakkar lill-Kummissjoni, madankollu, li jkun inaċċettabbli li l-interessi tal-agrikoltura Ewropea jiġu ssagrifikati sabiex jiġi żgurat ftehim, u li skont l-Artikolu 207, paragrafu 3 tat-TFUE, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-PE jeħtieġ li jinżamm infurmat dwar il-progress tan-negozjati fir-rigward tal-aspetti agrikoli kollha, u jenfasizza li l-Kummissjoni jeħtieġ tinvolvi ruħha b'mod trasparenti għalkollox, fil-ħin u b'mod komprensiv mal-partijiet interessati kollha fil-qasam tal-agrikoltura dwar l-aspetti kollha tan-negozjati, filwaqt li tippubblika l-mandat.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

2.10.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

12

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, José Bové, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Albert Deß, Diane Dodds, Jørn Dohrmann, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Jarosław Kalinowski, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Nuno Melo, Giulia Moi, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marijana Petir, Bronis Ropė, Maria Lidia Senra Rodríguez, Ricardo Serrão Santos, Czesław Adam Siekierski, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Angélique Delahaye, Karin Kadenbach, Norbert Lins, Hannu Takkula, Tom Vandenkendelaere

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

31

+

PPE

Franc Bogovič, Daniel Buda, Michel Dantin, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Esther Herranz García, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Nuno Melo, Marijana Petir, Czesław Adam Siekierski, Tom Vandenkendelaere

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Nicola Caputo, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Viorica Dăncilă, Maria Noichl, Ricardo Serrão Santos, Tibor Szanyi, Marc Tarabella

ECR

Beata Gosiewska, Zbigniew Kuźmiuk

Verts/ALE

Martin Häusling, Bronis Ropė

EFDD

Giulia Moi, Marco Zullo

ENF

Edouard Ferrand, Philippe Loiseau

12

-

ECR

Richard Ashworth, Jørn Dohrmann, James Nicholson

ALDE

Jan Huitema, Ivan Jakovčić, Ulrike Müller, Hannu Takkula

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan, Anja Hazekamp, Maria Lidia Senra Rodríguez

Verts/ALE

José Bové

EFDD

John Stuart Agnew

2

0

GUE/NGL

Matt Carthy

NI

Diane Dodds

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.10.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

5

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Tiziana Beghin, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Salvatore Cicu, Karoline Graswander-Hainz, France Jamet, Jude Kirton-Darling, Patricia Lalonde, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Alessia Maria Mosca, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Klaus Buchner, Nicola Danti, Edouard Ferrand, Seán Kelly, Frédérique Ries, Fernando Ruas, Paul Rübig, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Pedro Silva Pereira, Jarosław Wałęsa

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

30

+

ALDE

Frédérique Ries, Hannu Takkula, Marietje Schaake, Patricia Lalonde

ECR

David Campbell Bannerman, Emma McClarkin, Jan Zahradil, Joachim Starbatty

EFDD

David Borrelli, Tiziana Beghin

PPE

Adam Szejnfeld, Fernando Ruas, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Iuliu Winkler, Jarosław Wałęsa, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Paul Rübig, Salvatore Cicu, Seán Kelly, Tokia Saïfi, Viviane Reding

S&D

Alessia Maria Mosca, Bernd Lange, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Joachim Schuster, Jude Kirton-Darling, Karoline Graswander-Hainz, Nicola Danti, Pedro Silva Pereira

5

-

ENF

Edouard Ferrand, France Jamet, Matteo Salvini

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur, Helmut Scholz

3

0

S&D

David Martin, Emmanuel Maurel

Verts/ALE

Klaus Buchner

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni