RAPPORT Rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar il-mandat ta' negozjar propost għal negozjati kummerċjali ma' New Zealand
19.10.2017 - (2017/2193(INI))
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Daniel Caspary
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
Rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar il-mandat ta' negozjar propost għal negozjati kummerċjali ma' New Zealand
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tad-29 ta' Ottubru 2015 mill-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, mill-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, u mill-Prim Ministru ta' New Zealand, John Key,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u New Zealand dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni tal-21 ta' Settembru 2007 u l-Ftehim ta' Sħubija bejn l-UE u New Zealand dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni (PARC) iffirmat fil-5 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Kummerċ tal-Kummissjoni ppubblikat fl-14 ta' Settembru 2017 li fih il-Kummissjoni impenjat ruħha li tagħmel il-mandati kollha futuri ta' negozjar kummerċjali pubbliċi;
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-UE u New Zealand dwar il-Kooperazzjoni u l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka f'Materji Doganali ffirmat fit-3 ta' Lulju 2017,
– wara li kkunsidra ftehimiet bilaterali oħra bejn l-UE u New Zealand, b'mod partikolari l-Ftehim dwar miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ fl-annimali ħajjin u l-prodotti tal-annimali u l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-ftuħ ta' negozjati dwar FTA mal-Awstralja u New Zealand[1], u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta' Settembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand li jemenda l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku[2],
– wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa wara l-laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-G20 li saret fi Brisbane fil-15 u s-16 ta' Novembru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-25 ta' Marzu 2014 mill-President Van Rompuy, il-President Barroso u l-Prim Ministru Key dwar l-approfondiment tas-sħubija bejn New Zealand u l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tas-16 ta' Mejju 2017 dwar il-kompetenza tal-Unjoni biex tiffirma u tikkonkludi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ma' Singapore[3],
– wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2016 dwar l-effetti kumulattivi ta' ftehimiet kummerċjali futuri dwar l-agrikoltura tal-UE, ippubblikat mill-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tiegħu dwar strateġija għall-kummerċ diġitali (2017/2065(INI)),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 207(3) u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0312/2017),
A. billi l-UE u New Zealand jaħdmu flimkien biex jaffrontaw l-isfidi komuni f'firxa wiesgħa ta' oqsma u jikkooperaw f'diversi fora internazzjonali, inkluż dwar kwistjonijiet ta' politika kummerċjali fl-arena multilaterali;
B. billi fl-2015, l-UE kienet it-tieni l-ikbar imsieħba kummerċjali ta' New Zealand fi prodotti wara l-Awstralja, bil-kummerċ f'merkanzija bejn l-UE u New Zealand jammonta għal EUR 8,1 biljun, u l-kummerċ fis-servizzi jammonta għal EUR 4,3 biljun;
C. billi fl-2015, l-istokk tal-investiment dirett barrani tal-UE fi New Zealand ammonta għal kważi EUR 10 biljun;
D. billi New Zealand huwa parti mill-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi;
E. billi l-UE kkonkludiet negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija bejn l-UE u New Zealand dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni (PARC) fit-30 ta' Lulju 2014;
F. billi s-settur agrikolu Ewropew u ċerti prodotti agrikoli, bħal-laħam taċ-ċanga, tal-vitella, tan-nagħaġ, il-prodotti tal-ħalib, iċ-ċereali u z-zokkor – inklużi zokkrijiet speċjali – huma partikolariment kwistjonijiet sensittivi f'dawn in-negozjati;
G. billi New Zealand huwa l-esportatur ewlieni tal-butir fid-dinja, it-tieni l-akbar esportatur tal-ħalib tat-trab u huwa wkoll attur ewlieni fis-suq dinji tal-esportazzjonijiet għal prodotti oħrajn tal-ħalib kif ukoll għal-laħam taċ-ċanga, tal-vitella u tan-nagħaġ;
H. billi l-UE u New Zealand huma impenjati f'negozjati plurilaterali biex ikomplu jilliberalizzaw iktar il-kummerċ fi prodotti ekoloġiċi (Ftehim dwar il-Beni Ambjentali) u l-kummerċ fis-servizzi (Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi);
I. billi l-UE tirrikonoxxi l-adegwatezza tal-protezzjoni tad-data personali fi New Zealand;
J. billi New Zealand huwa parti min-negozjati konklużi għal Sħubija Trans-Paċifika (TPP), li l-futur tagħha għadu inċert, u min-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP) fil-Lvant tal-Asja, li tgħaqqad flimkien lill-aktar sħab kummerċjali importanti tiegħu; billi New Zealand kellu ftehim ta' kummerċ ħieles maċ-Ċina sa mill-2008;
K. billi New Zealand ħa impenji sinifikanti fit-TPP biex jippromwovi l-konservazzjoni fit-tul ta' ċerti speċijiet u fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' organiżmi selvaġġi permezz ta' miżuri msaħħa ta' konservazzjoni, u billi stabbilixxa wkoll rekwiżiti għall-infurzar effikaċi tal-protezzjoni ambjentali u biex jinvolvi ruħu f'kooperazzjoni reġjonali msaħħa; billi dawn l-impenji jenħtieġ li jservu bħala punt ta' riferiment għall-FTA bejn l-UE u New Zealand;
L. billi New Zealand huwa fost l-eqdem u l-eqreb sħab tal-UE, u t-tnejn jikkondividu valuri komuni u impenn favur il-promozzjoni tal-prosperità u s-sigurtà fi ħdan sistema globali bbażata fuq ir-regoli;
M. billi New Zealand irratifika u implimenta l-patti internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem, dwar id-drittijiet soċjali u tax-xogħol u dwar il-protezzjoni ambjentali u jirrispetta bis-sħiħ l-istat tad-dritt;
N. billi New Zealand huwa wieħed minn sitt membri biss tad-WTO li sa issa m'għandhom l-ebda aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE jew negozjati li għaddejjin għal dak l-għan;
O. billi, wara d-dikjarazzjoni konġunta tad-29 ta' Ottubru 2015, tnedew eżerċizzji ta' identifikazzjoni bikrija sabiex jiġu investigati l-fattibilità ta' u l-ambizzjoni komuni tat-tnedija ta' negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u New Zealand; billi dan l-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija ġie konkluż;
P. billi l-Parlament ser jintalab jiddeċiedi jekk għandux jagħti l-kunsens tiegħu għall-FTA potenzjali bejn l-UE u New Zealand;
Il-kuntest strateġiku, politiku u ekonomiku
1. Jenfasizza l-importanza li jiġu approfonditi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku, fost affarijiet oħra, sabiex jitrawwem tkabbir ekonomiku fi ħdan l-Ewropa, u jenfasizza li dan għandu jkun rifless fil-politika kummerċjali tal-UE; jirrikonoxxi li New Zealand huwa komponent fundamentali ta' din l-istrateġija u li t-twessigħ u l-approfondiment tar-relazzjonijiet kummerċjali jistgħu jgħinu biex jintlaħaq dan l-objettiv;
2. Ifaħħar lil New Zealand għall-impenn b'saħħtu u konsistenti tiegħu favur l-aġenda kummerċjali multilaterali;
3. Iqis li l-potenzjal sħiħ tal-istrateġiji ta' kooperazzjoni bilaterali u reġjonali tal-Unjoni jista' jiġi realizzat biss permezz ta' aderenza ma' kummerċ ibbażat fuq ir-regoli u l-valuri, u li l-konklużjoni ta' FTA ta' kwalità għolja, ambizzjuż u ġust ma' New Zealand fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku, filwaqt li taħt l-ebda ċirkostanza ma jiġu mdgħajfa l-ambizzjoni li jinkiseb progress multilaterali jew l-implimentazzjoni ta' ftehimiet multilaterali u bilaterali diġà konklużi, hija parti kruċjali minn dawk l-istrateġiji; jemmen li kooperazzjoni bilaterali aktar profonda tista' tkun pass 'il quddiem lejn kooperazzjoni multilaterali u plurilaterali ulterjuri;
4. Jemmen li n-negozjar ta' FTA modern, profond, ambizzjuż, ibbilanċjat, ġust u komprensiv huwa mod xieraq għall-approfondiment tas-sħubija bilaterali u għat-tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bilaterali eżistenti u diġà maturi; hu tal-fehma li dawn in-negozjati jistgħu jservu ta' eżempju għal ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles, filwaqt li jenfasizza l-importanza li jiżdiedu aktar l-ambizzjonijiet, u jitwessgħu l-limiti ta' dak li jinvolvi FTA modern, fid-dawl tal-ekonomija u l-ambjent regolatorju żviluppati ferm ta' New Zealand;
5. Jenfasizza li l-UE u New Zealand huma fost ta' quddiem fid-dinja fil-qasam tal-politiki ambjentali sostenibbli, u li f'dan ir-rigward huma għandhom l-opportunità li jinnegozjaw u jimplimentaw kapitolu ambizzjuż ħafna fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli;
6. Iwissi kontra l-periklu ta' żbilanċ kbir fid-dispożizzjonijiet agrikoli tal-ftehim għad-detriment tal-UE, u kontra t-tentazzjoni li l-agrikoltura tintuża bħala munità ta' skambju biex jiġi żgurat aċċess akbar għas-suq ta' New Zealand għal servizzi u prodotti industrijali;
L-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija
7. Jinnota l-konklużjoni tal-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija bejn l-UE u New Zealand fis-7 ta' Marzu 2017 għas-sodisfazzjon reċiproku tal-Kummissjoni u tal-Gvern ta' New Zealand;
8. Jilqa' l-konklużjoni u l-pubblikazzjoni f'waqthom mill-Kummissjoni tal-valutazzjoni tal-impatt, bil-ħsieb li tkun tista' tiġi pprovduta evalwazzjoni komprensiva tal-gwadann u t-telf possibbli li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ta' kummerċ u investiment imsaħħa bejn l-UE u New Zealand għall-benefiċċju tal-popolazzjoni u tan-negozji fuq iż-żewġ naħat, inklużi l-aktar reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-impatti soċjali u ambjentali, inkluż fuq is-suq tax-xogħol Ewropew u sabiex jiġi antiċipat u kkunsidrat l-impatt li l-Brexit jista' jkollu fuq il-flussi kummerċjali u ta' investiment minn New Zealand lejn l-UE, b'mod partikolari meta jkunu qed isiru l-preparamenti tal-iskambju tal-offerti u l-kalkolu tal-kwoti;
Mandat għan-negozjati
9. Jistieden lill-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati għal ftehim ta' kummerċ u investiment ma' New Zealand abbażi tal-eżitu tal-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija, ir-rakkomandazzjonijiet stipulati f'din ir-riżoluzzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt u miri ċari;
10. Jistieden lill-Kunsill jirrispetta bis-sħiħ id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif jista' jinsilet mill-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE tas-16 ta' Mejju 2017, fid-deċiżjoni tagħha dwar l-adozzjoni tad-direttivi ta' negozjati;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iressqu proposta malajr kemm jista' jkun dwar l-arkitettura ġenerali futura ta' ftehimiet kummerċjali li jqisu l-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapore, u biex jiddistingwu b'mod ċar bejn kummerċ u liberalizzazzjoni ta' ftehim tal-investiment dirett barrani (IDB) li jkun fih biss kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE, u tat-tieni ftehim potenzjali li jkopri suġġetti li l-kompetenzi tagħhom ikunu kondiviżi mal-Istati Membri; jenfasizza li distinzjoni bħal din jista' jkollha implikazzjonijiet fuq il-proċess ta' ratifika parlamentari u li mhijiex maħsuba biex jiġu evitati proċessi demokratiċi nazzjonali, iżda hija kwistjoni ta' delega demokratika tar-responsabbiltajiet abbażi tat-trattati Ewropej; jitlob li l-Parlament ikun involut mill-qrib f'kull negozjati attwali u futuri dwar FTA fl-istadji kollha tal-proċess;
12. Jistieden lill-Kummissjoni, meta tippreżenta l-ftehimiet iffinalizzati għall-iffirmar u l-konklużjoni, u lill-Kunsill, meta jiddeċiedi dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, biex jirrispettaw b'mod sħiħ id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi n-negozjati bl-iktar mod trasparenti possibbli, bla ma timmina l-pożizzjoni tan-negozjar tal-Unjoni, u filwaqt li jiġi garantit mill-inqas il-livell ta' trasparenza u konsultazzjoni pubblika implimentat għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment mal-Istati Uniti tal-Amerka permezz ta' djalogu kostanti mas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, u tirrispetta bis-sħiħ l-aħjar prattiki kif stabbilit f'negozjati oħra; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippubblika r-rakkomandazzjonijiet kollha tagħha għad-direttivi ta' negozjati għal ftehimiet ta' kummerċ, u jqis li dan jikkostitwixxi preċedent pożittiv; iħeġġeġ lill-Kunsill isegwi dan l-eżempju u jippubblika d-direttivi ta' negozjati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom;
14. Jenfasizza li l-FTA jrid iwassal għal aċċess aħjar għas-suq u għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fil-post, joħloq impjiegi deċenti, jiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-benefiċċju taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat, u jinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli, jirrispetta l-istandards tal-UE, jissalvagwardja s-servizzi ta' interess ġenerali, u jirrispetta proċeduri demokratiċi filwaqt li jagħti spinta lill-opportunitajiet ta' esportazzjoni tal-UE;
15. Jenfasizza li ftehim ambizzjuż irid jindirizza, b'mod sinifikattiv, l-investiment, il-kummerċ fi prodotti u servizzi (abbażi tar-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-ispazju politiku u s-setturi sensittivi), id-dwana u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, id-diġitalizzazzjoni, il-kummerċ elettroniku u l-protezzjoni tad-data, ir-riċerka dwar it-teknoloġija u l-appoġġ għall-innovazzjoni, l-akkwist pubbliku, l-enerġija, l-intrapriżi tal-Istat, il-kompetizzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, kwistjonijiet regolatorji, bħalma huma l-istandards sanitarji u fitosanitarji ta' kwalità għolja u normi oħrajn fi prodotti agrikoli u tal-ikel mingħajr ma jiddgħajfu l-istandards għoljin tal-UE, l-impenji soda u infurzabbli dwar l-istandards tax-xogħol u ambjentali, u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni, filwaqt li jibqgħu fi ħdan l-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u dan kollu fl-istess waqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tal-mikrointrapriżi u l-SMEs;
16. Jistieden lill-Kunsill biex jirrikonoxxi b'mod espliċitu l-obbligi tal-parti l-oħra lejn il-popli indiġeni;
17. Jenfasizza li l-UE hija mexxej globali fil-promozzjoni tal-politika tal-benessri tal-annimali tal-irziezet u minħabba li l-FTA bejn l-UE u New Zealand se jkollu impatt fuq miljuni ta' annimali tal-irziezet, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-partijiet jieħdu impenji robusti li jtejbu l-benessri u l-protezzjoni tal-annimali tal-irziezet;
18. Jenfasizza li l-kummerċ illeċitu tal-organiżmi selvaġġi għandu impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali sinifikanti, u li ftehim ambizzjuż irid jippromwovi l-konservazzjoni tal-ispeċi ta' organizmu selvaġġi kollha u tal-ħabitats tagħhom, u jiġġieled bil-qawwa kontra t-teħid illegali, il-kummerċ u t-trasbord ta' organiżmi selvaġġi
19. Jenfasizza li l-ġestjoni mhux adegwata tas-sajd u s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (sajd IUU) jista' jkollhom impatti negattivi sinifikanti fuq il-kummerċ, l-iżvilupp u l-ambjent, u li l-partijiet iridu jieħdu impenji sinifikattivi biex jipproteġu l-klieb il-baħar, ir-rajja, il-fkieren tal-baħar u l-mammiferi marini u biex jevitaw is-sajd żejjed, il-kapaċità żejda, u s-sajd IUU;
20. Jenfasizza li, biex Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ikun verament vantaġġjuż għall-ekonomija tal-UE, l-aspetti li ġejjin għandhom jiġu inklużi fid-direttivi ta' negozjati:
a) il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fi prodotti u servizzi u l-opportunitajiet ta' aċċess għas-suq reali għaż-żewġ naħat fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi ta' xulxin permezz tal-eliminazzjoni ta' ostakli regolatorji bla bżonn, filwaqt li jkun żgurat li xejn fil-ftehim ma jipprevjeni lil kwalunkwe naħa milli tirregola, b'mod proporzjonat, bl-għan li jinkisbu objettivi ta' politika leġittimi; dan il-ftehim (i) ma jridx jimpedixxi l-partijiet milli jiddefinixxu, jirregolaw, jipprovdu u jappoġġjaw servizzi fl-interess ġenerali u jrid jinkludi dispożizzjonijiet espliċiti dwar dan; (ii) ma jridx jitlob lill-gvernijiet jipprivatizzaw xi servizz jew iwaqqaf lill-gvernijiet milli jespandu l-firxa ta' servizzi li jipprovdu lill-pubbliku; (iii) ma jridx iwaqqaf lill-gvernijiet milli jerġgħu jġibu taħt kontroll pubbliku dawk is-servizzi li gvernijiet kienu għażlu li jipprivatizzaw preċedentement bħall-ilma, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u tas-saħħa, jew inaqqas l-istandards għolja tas-saħħa, tal-ikel, tal-konsumatur, tal-ambjent, tax-xogħol u tas-sikurezza fl-UE jew jillimita l-finanzjament pubbliku tal-arti u l-kultura, tal-edukazzjoni, tas-servizzi soċjali u tas-saħħa bħalma ġara bi ftehimiet ta' kummerċ preċedenti; jenħtieġ li l-impenji jsiru abbażi tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS); jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-istandards meħtieġa mill-produtturi Ewropej iridu jiġu ppreżervati;
b) sa fejn il-ftehim jista' jinkludi kapitolu dwar ir-regolamentazzjoni domestika, in-negozjaturi ma jridux jinkludu testijiet tan-neċessità;
c) impenji dwar miżuri kompensatorji u ta' antidumping li jmorru lil hinn mir-regoli tad-WTO f'dan il-qasam, li possibbilment jeskludu l-applikazzjoni tagħhom meta jkun hemm fis-seħħ standards komuni dwar il-kompetizzjoni u kooperazzjoni suffiċjenti;
d) it-tnaqqis bla bżonn ta' ostakli mhux tariffarji u t-tisħiħ u l-estensjoni tad-djalogi regolatorji ta' kooperazzjoni fuq bażi volontarja kull meta jkun fattibbli u ta' benefiċċju reċiproku, filwaqt li ma tiġix limitat l-kapaċità ta' kull parti li twettaq l-attivitajiet regolatorji, leġiżlattivi u ta' politika tagħha, peress li l-kooperazzjoni regolatorja jrid ikollha l-għan li tkun ta' benefiċċju għall-governanza tal-ekonomija globali permezz ta' kooperazzjoni u konverġenza msaħħa dwar l-istandards internazzjonali u l-armonizzazzjoni regolatorja, pereżempju, permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istandards stabbiliti mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), filwaqt li jiġi garantit l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumatur (eż. is-sikurezza tal-ikel), ambjentali (eż. is-saħħa u l-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti), soċjali u tax-xogħol;
e) konċessjonijiet sinifikanti dwar l-akkwist pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern, inklużi l-intrapriżi tal-Istat u l-intrapriżi bi drittijiet speċjali jew esklużivi li jiggarantixxu lill-kumpaniji Ewropej aċċess għas-suq f'setturi strateġiċi u l-istess livell ta' ftuħ bħal dak tas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE, minħabba li l-proċeduri ssimplifikati u t-trasparenza għall-offerenti, inklużi dawk minn pajjiżi oħra, jistgħu wkoll ikunu għodda effikaċi għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u t-trawwim tal-integrità fl-amministrazzjoni pubblika filwaqt li jingħata valur għall-flus lill-kontribwenti, f'termini ta' kwalità tal-konsenja, l-effiċjenza, l-effikaċja u r-responsabbiltà; garanziji li l-kriterji ekoloġiċi u soċjali huma applikati fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku;
f) kapitolu separat li jqis il-ħtiġijiet u l-interessi tal-mikrointrapriżi u tal-SMEs b'rabta ma' kwistjonijiet li jirrigwardaw l-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq inkluż, iżda mhux limitat għal, kompatibilità miżjuda ta' standards tekniċi, u proċeduri doganali razzjonalizzati, bl-għan li jiġu ġġenerati opportunitajiet kummerċjali konkreti u titrawwem l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom;
g) fid-dawl tal-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapore li l-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-UE u li l-iżvilupp sostenibbli huwa parti integrali mill-politika kummerċjali komuni tal-UE, kapitolu solidu u ambizzjuż dwar l-iżvilupp sostenibbli huwa parti indispensabbli minn kwalunkwe ftehim potenzjali; dispożizzjonijiet għal għodod effikaċi għad-djalogu, il-monitoraġġ u l-kooperazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli soġġetti għal mekkaniżmi xierqa u effikaċi għas-soluzzjoni ta' tilwim, u jqis, fost diversi metodi ta' infurzar, mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet, filwaqt li jippermetti lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw b'mod xieraq, kif ukoll il-kooperazzjoni mill-qrib ma' esperti minn organizzazzjonijiet multilaterali rilevanti; dispożizzjonijiet fil-kapitolu li jkopri l-aspetti tax-xogħol u dawk ambjentali tal-kummerċ u r-relevanza tal-iżvilupp sostenibbli f'kuntest ta' kummerċ u ta' investiment, li jinkludu dispożizzjonijiet li jippromwovu l-adeżjoni għal, u l-implimentazzjoni effikaċi ta', regoli u prinċipji relevanti miftiehma internazzjonalment, bħalma huma l-istandards fundamentali tax-xogħol, l-erba' konvenzjonijiet prijoritarji tal-ILO dwar il-governanza kif ukoll il-ftehimiet ambjentali multilaterali, inklużi dawk relatati mat-tibdil fil-klima;
h) ir-rekwiżit li l-partijiet iridu jippromwovu r-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), inkluż f'dak li għandu x'jaqasm ma' strumenti rikonoxxuti internazzjonalment, u l-adozzjoni ta' linji gwida settorjali tal-OECD u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;
i) dispożizzjonijiet komprensivi dwar il-liberalizzazzjoni tal-investiment fi ħdan il-kompetenza tal-Unjoni filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi reċenti fil-politika, pereżempju, l-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapore tas-16 ta' Mejju 2017;
j) miżuri b'saħħithom u infurzabbli li jkopru r-rikonoxximent u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbejjed u x-xorb spirituż u għal prodotti agrikoli u tal-ikel oħrajn; proċeduri doganali simplifikati u regoli ta' oriġini sempliċi u flessibbli adatti għal dinja kumplessa ta' ktajjen ta' valur mondjali, inkluż f'termini ta' tisħiħ fit-trasparenza u r-responsabbiltà fi ħdanhom, u filwaqt li jkunu applikati kulmeta jkun possibbli regoli ta' oriġini multilaterali jew f'każijiet oħra regoli ta' oriġini mhux ta' piż bħal "bidla fis-subintestatura tariffarja";
k) eżitu bbilanċjat u ambizzjuż fil-kapitoli tal-agrikoltura u s-sajd li jista' biss jagħti spinta lill-kompetittività u jkun ta' benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi, jekk iqis b'mod xieraq l-interessi tal-produtturi u tal-konsumaturi Ewropej kollha, filwaqt li jiġi rispettat il-fatt li hemm għadd ta' prodotti agrikoli sensittivi li jenħtieġ li jingħataw trattament adatt, pereżempju, permezz ta' kwoti tar-rati tariffarji allokati jew perjodi adegwati ta' tranżizzjoni, filwaqt li jitqies b'mod xieraq l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet kummerċjali fuq l-agrikoltura u filwaqt li potenzjalment jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tan-negozjati l-aktar setturi sensittivi; l-inklużjoni ta' klawżola ta' salvagwardja bilaterali li tista' tintuża, effikaċi, adatta u rapida li tippermetti s-sospensjoni temporanja ta' preferenzi, jekk, b'riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' kummerċ, żieda fl-importazzjonijiet tikkawża jew thedded li tikkawża ħsara serja lil setturi sensittivi;
l) dispożizzjonijiet ambizzjużi li jippermettu l-funzjonament sħiħ tal-ekosistema diġitali, u li jippromwovu flussi transfruntiera tad-data, inklużi prinċipji bħall-kompetizzjoni ġusta u regoli ambizzjużi għat-trasferimenti transfruntiera tad-data, b'konformità sħiħa u mingħajr preġudizzju għar-regoli attwali u futuri tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, peress li l-flussi tad-data huma muturi kruċjali tal-ekonomija tas-servizzi u huma element essenzjali tal-katina ta' valur mondjali tal-kumpaniji ta' manifattura tradizzjonali, u għalhekk ir-rekwiżiti ta' lokalikazzjoni mhux ġustifikati jenħtieġ li jkunu limitati kemm jista' jkun; il-protezzjoni tad-data u l-privatezza mhumiex ostakli għall-kummerċ, iżda huma drittijiet fundamentali minquxa fl-Artikolu 39 tat-TUE u fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
(m) dispożizzjonijiet speċifiċi u mhux ambigwi dwar it-trattament mogħti lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (OCTs) u lir-reġjuni ultraperiferiċi (ORs) sabiex ikun żgurat li fin-negozjati tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lill-interessi partikolari tagħhom;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, bħala element essenzjali ta' ftehim ibbilanċjat, protezzjoni fir-rigward tat-tikkettar, it-traċċabilità u l-oriġini ġenwina tal-prodotti agrikoli, bl-għan li jiġi evitat li l-konsumaturi jingħataw impressjoni falza jew qarrieqa;
22. Jenfasizza d-differenza fid-daqs bejn is-suq uniku Ewropew u s-suq ta' New Zealand, li għandha titqies fil-kuntest ta' ftehim potenzjali ta' kummerċ ħieles bejn iż-żewġ pajjiżi;
Ir-rwol tal-Parlament
23. Jenfasizza li, skont l-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapore, il-Parlament jenħtieġ li jara r-rwol tiegħu jissaħħaħ f'kull stadju tan-negozjati ta' FTA tal-UE mill-adozzjoni tal-mandat sal-konklużjoni finali tal-ftehim; jistenna bil-ħerqa t-tnedija tan-negozjati ma' New Zealand, u li jsegwihom mill-qrib u jikkontribwixxi għall-eżitu ta' suċċess tagħhom; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li tinforma lill-Parlament immedjatament u b'mod sħiħ fil-fażijiet kollha tan-negozjati (kemm qabel kif ukoll wara ċ-ċikli ta' negozjati); huwa impenjat li jeżmina l-kwistjonijiet leġiżlattivi u regolatorji li jafu jinqalgħu fil-kuntest tan-negozjati u tal-ftehim futur mingħajr preġudizzju għal prerogattivi tiegħu bħala koleġiżlatur; itenni r-responsabbiltà fundamentali tiegħu li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE, u jistenna bil-ħerqa li jiffaċilita diskussjonijiet inklużivi u miftuħa matul il-proċess tan-negozjati;
24. Ifakkar li l-Parlament se jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim futur, kif stipulat mit-TFUE, u li l-pożizzjonijiet tiegħu għandhom għalhekk jitqiesu kif dovut fl-istadji kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jitolbu l-approvazzjoni tal-Parlament qabel l-applikazzjoni tiegħu, filwaqt li jintegraw ukoll din il-prattika fil-ftehim interistituzzjonali;
25. Ifakkar li l-Parlament ser jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-ftehim futur;
°
° °
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u l-parlament ta' New Zealand.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2016)0064.
- [2] ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 210.
- [3] ECLI:EU:C:2016:992.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (3.10.2017)
għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
dwar ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar il-mandat ta' negozjar propost għal negozjati kummerċjali ma' New Zealand
(2017/2193(INI))
Rapporteur għal opinjoni: James Nicholson
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Huwa tal-fehma li l-agrikoltura Ewropea tinsab kjarament f'qagħda difensiva f'dak li jikkonċerna l-prodotti – b'mod partikolari prodotti mill-annimali – minn New Zealand, speċjalment fir-rigward tal-ispejjeż ta' produzzjoni, li huma fost l-aktar baxxi fid-dinja u huma marbuta ma' prattiki estensivi; jirrimarka li f'dak li jikkonċerna d-daqs tas-suq ta' New Zealand (4.5 miljun konsumaturi), l-interessi offensivi tal-UE huma limitati għal prodotti niċċa u jiddependu fuq it-tneħħija ta' ostakli nontariffarji;
2. Jemmen li ftehim ta' kummerċ ħieles ambizzjuż, bilanċjat u komprensiv li jirrispetta u jipproteġi bis-sħiħ is-setturi vulnerabbli tal-agrikoltura Ewropea, u jirrispetta u jiddefendi l-istandards għolja fejn jidħlu l-produzzjoni, l-ambjent, is-sigurtà tal-ikel u t-trattament xieraq tal-annimali mħaddna mill-produtturi tal-UE, jista' jkun ta' benefiċċju reċiproku, u għandu l-potenzjal li joffri opportunitajiet għall-produtturi Ewropej u jmexxi 'l quddiem il-pożizzjoni tal-UE bħala ta' quddiem nett fost l-atturi fis-suq globali;
3. Jiġbed l-attenzjoni lejn in-natura sensittiva ta' wħud mis-setturi fil-qasam agrikolu Ewropew, bħall-prodotti tal-ħalib, il-laħam tan-nagħaġ u tal-ħaruf, il-laħam tal-mogħoż, iċ-ċanga, il-vitella, l-inbid, il-prodotti tan-naħal u tal-frott, u jwissi li kwalunkwe żbilanċ fil-ftehim ta' kummerċ ħieles b'rabta mas-settur tal-agrikoltura u l-oqsma sensittivi tiegħu jagħmel ħsara lill-produtturi Ewropej, speċjalment lill-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi, filwaqt li tittratta bħala sensittivi dawk il-prodotti li għalihom il-kompetizzjoni diretta tkun tesponi lill-produtturi agrikoli tal-UE għal pressjoni eċċessiva jew insostenibbli, pereżempju billi ddaħħal perjodi ta' tranżizzjoni jew kwoti xierqa, jew billi ma tagħmel l-ebda impenn f'dak li jikkonċerna l-aktar setturi sensittivi jew billi teskludi tali setturi; jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rispett għaċ-ċikli staġjonali tal-produzzjoni fl-Ewropa, b'mod partikolari għas-setturi tal-ħrief u tal-ħalib;
5. Jitlob l-inklużjoni ta' miżuri ta' salvagwardja bilaterali effikaċi biex tiġi evitata żieda fl-importazzjonijiet li tikkawża, jew hemm riskju li tikkawża, dannu serju lill-produtturi Ewropej fis-setturi sensittivi;
6. Jisħaq fuq il-punt li l-agrikoltura Ewropea għandha rwol speċjali x'taqdi fiż-żamma tan-nisġa tal-komunitajiet rurali u l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa, u jwissi kontra r-riskju ta' żbilanċ serju tal-ftehim fis-settur agrikolu, għad-detriment tal-Unjoni Ewropea u l-mudell tal-irziezet tal-familja, u kontra t-tentazzjoni li l-agrikoltura tintuża bħala pedina fin-negozjati għal aċċess akbar għas-suq ta' New Zealand għall-prodotti industrijali u s-servizzi; jitlob, għaldaqstant, li l-agrikoltura tkun waħda mill-ewwel kapitoli li għandhom jiġu nnegozjati fi ftehimiet ta' dan it-tip fil-ġejjieni;
7. Jenfasizza l-fatt li l-produtturi tal-UE jħabbtu wiċċhom ma' għadd ta' obbligi attwali u futuri fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent u ż-żamma ta' standards għoljin f'dak li jikkonċerna t-trattament xieraq tal-annimali, flimkien ma' livell għoli ta' obbligi amministrattivi;
8. Jisħaq fuq il-punt li r-rispett għal produzzjoni agrikola sostenibbli, il-prinċipju ta' prekawzjoni li fuqu huwa bbażat ir-regolamenti tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel, l-approċċ mill-farm sal-furketta, ir-reċiproċità u l-preservazzjoni stretta tal-istandards sanitarji u fitosanitarji u l-proċeduri dwar is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel tal-UE, kif definiti skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, huma prinċipji fundamentali u sodi tan-negozjati tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika tal-UE kollha għall-agrikoltura Ewropea;
9. Jenfasizza li t-trattament xieraq tal-annimali huwa ta' importanza liema bħalha għaċ-ċittadini tal-UE, u jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali tal-UE jiġu protetti u li l-importazzjonijiet kollha jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, il-ħarsien tal-konsumatur u l-istandards ambjentali;
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-partijiet jieħdu impenji sodi biex itejbu l-protezzjoni u l-istandards tat-trattament xieraq għal annimali tal-irziezet, u jisħaq fuq il-punt li l-ebda element fil-ftehim m'għandu jimpedixxi lil ebda waħda miż-żewġ naħat milli tadotta regoli b'mod indipendenti biex tistabbilixxi u timplimenta objettivi politiċi leġittimi u aktar ambizzjużi;
11. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm approċċ ta' negozjar armonizzat, ibbilanċjat ma' dak adottat tul in-negozjati konkomitanti mal-Awstralja, filwaqt li tqis il-fatturi speċifiċi li jiddistingwu ż-żewġt iswieq;
12. Jenfasizza l-importanza li tiġi rikonoxxuta s-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) bħala komponent ewlieni tal-interessi Ewropej, u jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi inklużi lista rappreżentattiva u kbira biżżejjed ta' prodotti b'indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati taħt l-iskemi fi ftehim potenzjali ma' New Zealand, u biex tiġi żgurata l-protezzjoni legali tagħhom, kemm bħala interess offensiv ta' prijorità kif ukoll bħala prerekwiżit għall-konklużjoni ta' ftehim;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, bħala element essenzjali ta' ftehim ibbilanċjat, protezzjoni fir-rigward tat-tikkettar, it-traċċabilità u l-oriġini ġenwina tal-prodotti agrikoli, bil-għan li jiġi evitat li l-konsumaturi jingħataw impressjoni falza jew qarrieqa;
14. Jinnota li l-produtturi ta' New Zealand ma jġorrux l-ispejjeż tal-identifikazzjoni elettronika tan-nagħaġ, żoni denominati li jkunu vulnerabbli għan-nitrati jew l-inċinerazzjoni tal-bhejjem mejta, u jitlob li dan jiġi ċċarat permezz tat-tikkettar;
15. Jenfasizza d-differenza fid-daqs bejn is-suq uniku Ewropew u s-suq ta' New Zealand, li għandha titqies fil-kuntest ta' ftehim potenzjali ta' kummerċ ħieles bejn iż-żewġ pajjiżi;
16. Ifakkar li New Zealand għandha settur agrikolu kompetittiv ħafna u mixħut b'mod qawwi lejn l-esportazzjoni u li huwa uniku fl-esponiment tiegħu għas-swieq internazzjonali minħabba livell baxx ta' appoġġ agrikolu; jinnota, b'mod partikolari, id-dominanza tas-setturi tal-ħalib, tan-nagħaġ u tal-mogħoż, u s-settur tal-produzzjoni tal-frott, li huwa dominanti u mixħut ħafna fuq l-esportazzjoni;
17. Iqis li New Zealand hija waħda mill-atturi ewlenin fil-kummerċ dinji tal-prodotti agrikoli, u li żviluppat setturi b'saħħithom ibbażati fuq attivitajiet ta' esportazzjoni kważi monopolistiċi; jinnota li l-prodotti agrikoli u agroalimentari kollha kemm huma jammontaw għal 60 % tat-total tal-kummerċ tal-oġġetti tal-pajjiż, u s-settur tal-ħalib jammonta għal 25.3 % tal-esportazzjonijiet totali u l-esportazzjonijiet tal-laħam tan-nagħaġ jikkostitwixxu 45 % tal-kummerċ globali; iqis li New Zealand hija waħda mill-akbar esportaturi ta' laħam tan-nagħaġ, partikolarment tal-ħaruf, u hija l-akbar esportatur tal-kiwi;
18. Jenfasizza l-fatt li l-esportazzjonijiet ta' New Zealand lejn l-Unjoni Ewropea huma prinċipalment prodotti agrikoli, filwaqt li l-importazzjonijiet ta' New Zealand mill-Unjoni huma ddominati minn prodotti manifatturati, u jinnota li New Zealand għadha timponi tariffi relattivament għoljin fuq għadd ta' prodotti agroalimentari pproċessati (pereżempju l-ġobon, l-inbid u l-ispirti) u li ċerti ostakli nontariffarji, bħalma huma l-miżuri għas-saħħa tal-pjanti, jimpedixxu b'mod sinifikanti uħud mill-esportazzjonijiet tal-UE;
19. Jirrimarka li New Zealand hija firmatarja għall-Ftehim ta' Sħubija Trans-Paċifika, fatt li wkoll għandu jitqies fil-proċess ta' negozjar;
20. Jisħaq li bosta setturi agrikoli sensittivi Ewropej intlaqtu bl-ikrah mill-embargo tar-Russja li għaddej bħalissa, miċ-ċaqliq fil-munita minħabba l-eżitu tar-referendum dwar Brexit u mill-kriżijiet fis-swieq b'rabta mal-volatilità tal-prezzijiet; huwa tal-fehma li l-ftuħ ulterjuri tas-suq f'dawn is-setturi, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-istruttura monopolistika ta' wħud mill-industriji, b'mod partikolari s-settur tal-ħalib ta' New Zealand, jista' jikkawża problemi serji u jkollu konsegwenzi diżastrużi għall-produtturi Ewropej; jisħaq fuq il-punt li fir-riżultat finali għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għall-interessi tal-produtturi Ewropej kollha;
21. Jinnota l-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni dwar l-impatt potenzjali ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u New Zealand, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi analiżi ulterjuri dwar l-impatt tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles skont is-settur u skont l-Istat Membru, bil-għan li tkun tista' ssir evalwazzjoni sħiħa tal-qligħ u t-telf possibbli ta' tali ftehim kummerċjali għall-produtturi Ewropej, u l-impatt potenzjali tiegħu fuq il-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola f'setturi sensittivi u fuq l-impenji skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;
22. Jinnota l-vantaġġi fis-setturi tal-prodotti tal-ħalib u l-laħam tan-nagħaġ li ngħataw lil New Zealand fi żmien l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Komunitajiet Ewropej, u jisħaq fuq il-punt li dawn l-allokazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati fin-negozjati tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles;
23. Jisħaq fuq il-punt li l-kwoti tariffarji futuri potenzjali kollha li jistgħu jingħataw lil New Zealand fl-ambitu ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles se jkunu applikabbli għal suq tal-UE iżgħar ta' 443 miljun konsumatur, li neċessarjament jaffettwa l-impatt ekonomiku ta' tali kwoti, b'mod partikolari f'setturi bħal dak tal-laħam tan-nagħaġ u l-prodotti tal-ħalib, fejn ir-Renju Unit jirrappreżenta parti sinifikanti tal-konsum u/jew l-importazzjoni ta' dawn il-prodotti; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex fin-negozjati kummerċjali ma' New Zealand tqis in-negozjati attwali dwar Brexit, u l-impatt ta' Brexit fuq is-setturi tal-agrikoltura u l-ikel tal-UE.
24. Jenfasizza l-impatt kumulattiv tal-konċessjonijiet kummerċjali tal-UE fl-agrikoltura u jinnota li kwalunkwe konċessjoni agrikola li tiġi offruta lil New Zealand għandha tiġi kkunsidrata bis-sħiħ fil-kuntest tal-konċessjonijiet ta' aċċess għas-suq mogħti skont l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jew bħala parti minn negozjati oħra dwar il-kummerċ ħieles li ġew konklużi jew li għadhom għaddejjin; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-istudju tal-Kummissjoni dwar l-impatt kumulattiv ta' ftehimiet kummerċjali futuri jindika, fir-rigward tal-prodotti tal-ħalib, li t-tnaqqis tad-defiċit kummerċjali attwali ta' EUR 200 miljun ikun irduppjat jew jiżdied b'aktar mit-triplu, u dan jiddependi mill-ipoteżijiet ta' liberalizzazzjoni;
25. Jisħaq fuq il-punt li l-Kummissjoni għandha tinvolvi ruħha b'mod trasparenti għalkollox, fi żmien utli u b'mod komprensiv mal-partijiet agrikoli kkonċernati kollha dwar l-aspetti kollha tan-negozjati u jitlob li l-Kumitat għall-Agrikoltura jinżamm mgħarraf dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-agrikoltura.
26. Ifakkar li, fl-Unjoni Ewropea, il-ħrief jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss meta jkollhom 6 jew 9 xhur, filwaqt li New Zealand dan jista' jsir ta' età akbar, jiġifieri 12-il xahar; jinsisti li l-ftehim futur jistabbilixxi limitu ta' età ta' 6 jew 9 xhur għall-bejgħ legali fis-suq intern tal-UE ta' kwalunkwe ħaruf li jiġi minn barra l-UE.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
2.10.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
35 7 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, José Bové, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Albert Deß, Diane Dodds, Jørn Dohrmann, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Jarosław Kalinowski, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Nuno Melo, Giulia Moi, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marijana Petir, Bronis Ropė, Maria Lidia Senra Rodríguez, Ricardo Serrão Santos, Czesław Adam Siekierski, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Marco Zullo |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Franc Bogovič, Angélique Delahaye, Norbert Lins, Hannu Takkula, Tom Vandenkendelaere |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
35 |
+ |
|
ALDE |
Jan Huitema, Ivan Jakovčić, Ulrike Müller, Hannu Takkula |
|
ECR |
Richard Ashworth, Jørn Dohrmann, Beata Gosiewska, Zbigniew Kuźmiuk, James Nicholson |
|
ENF |
Edouard Ferrand, Philippe Loiseau |
|
NI |
Diane Dodds |
|
PPE |
Franc Bogovič, Daniel Buda, Michel Dantin, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Esther Herranz García, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Nuno Melo, Marijana Petir, Czesław Adam Siekierski, Tom Vandenkendelaere |
|
S&D |
Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Nicola Caputo, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Viorica Dăncilă, Maria Noichl, Ricardo Serrão Santos, Tibor Szanyi, Marc Tarabella |
|
7 |
- |
|
GUE/NGL |
Matt Carthy, Luke Ming Flanagan, Anja Hazekamp, Maria Lidia Senra Rodríguez |
|
VERTS/ALE |
José Bové, Martin Häusling, Bronis Ropė |
|
3 |
0 |
|
EFDD |
John Stuart Agnew, Giulia Moi, Marco Zullo |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
12.10.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
30 5 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Tiziana Beghin, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Salvatore Cicu, Karoline Graswander-Hainz, France Jamet, Jude Kirton-Darling, Patricia Lalonde, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Alessia Maria Mosca, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler, Jan Zahradil |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Klaus Buchner, Nicola Danti, Edouard Ferrand, Seán Kelly, Frédérique Ries, Fernando Ruas, Paul Rübig, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Pedro Silva Pereira, Jarosław Wałęsa |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
30 |
+ |
|
ALDE |
Frédérique Ries, Hannu Takkula, Marietje Schaake, Patricia Lalonde |
|
ECR |
David Campbell Bannerman, Emma McClarkin, Jan Zahradil, Joachim Starbatty |
|
EFDD |
David Borrelli, Tiziana Beghin |
|
PPE |
Adam Szejnfeld, Fernando Ruas, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Iuliu Winkler, Jarosław Wałęsa, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Paul Rübig, Salvatore Cicu, Seán Kelly, Tokia Saïfi, Viviane Reding |
|
S&D |
Alessia Maria Mosca, Bernd Lange, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Joachim Schuster, Jude Kirton-Darling, Karoline Graswander-Hainz, Nicola Danti, Pedro Silva Pereira |
|
5 |
- |
|
ENF |
Edouard Ferrand, France Jamet, Matteo Salvini |
|
GUE/NGL |
Anne-Marie Mineur, Helmut Scholz |
|
3 |
0 |
|
S&D |
David Martin, Emmanuel Maurel |
|
Verts/ALE |
Klaus Buchner |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni