RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Italja – EGF/2017/004 IT/Almaviva)

9.11.2017 - (COM(2017)0496 – C8-0322/2017 – 2017/2200(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur għal opinjoni: Daniele Viotti

Proċedura : 2017/2200(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0346/2017
Testi mressqa :
A8-0346/2017
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Italja – EGF/2017/004 IT/Almaviva)

(COM(2017)0496 – C8-0322/2017 – 2017/2200(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0496 – C8-0322/2017),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0346/2017),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu;

C.  billi l-Italja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/004 IT/Almaviva għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont il-kriterji ta' intervent stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG b'segwitu għall-1 646 sensja f'Almaviva Contact SpA li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 82 ta' NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet ta' servizz ta' amministrazzjoni ta' uffiċċji, sostenn għal uffiċċji u negozju ieħor) fir-reġjun tal-Lazio tal-livell NUTS 2 fl-Italja (ITI4); billi 1 610 ħaddiema li ngħataw is-sensja huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, l-Italja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 347 370 skont dan ir-Regolament, ammont li jirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 5 578 950;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-applikazzjoni fid-9 ta' Mejju 2017, u li wara informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Italja, il-valutazzjoni tagħha ġiet konkluża mill-Kummissjoni fis-26 ta' Settembru 2017 u l-Parlament ġie avżat fl-istess ġurnata;

3.  Ifakkar li l-kriżi ekonomika poġġiet pressjoni sinifikanti fuq il-prezz tas-servizzi tal-kummerċjalizzazzjoni u l-assistenza lix-xerrejja ta' prodotti u ta' servizzi, li wassal għal tnaqqis tal-fatturat u l-profittabbiltà tal-fornituri tas-servizzi; filwaqt li jitqies il-fatt li l-kost lavorattiv huwa bil-bosta l-ogħla spiża tal-produzzjoni fis-settur taċ-ċentri telefoniċi, jinnota li n-negozji rreaġixxew għal dawn il-kundizzjonijiet ħżiena billi rrilokaw, u b'hekk bidlu l-kost lavorattiv jew għalqu; jiddispjaċih li, bejn l-2009 u l-ewwel tliet xhur tal-2014, terz mill-intrapriżi Taljani kollha fis-settur waqqfu l-attività tagħhom;

4.  Jirrikonoxxi li dawn is-sensji huma direttament marbuta ma' tnaqqis ta' 45 % fid-dħul taċ-ċentru Almaviva f'Ruma bejn l-2011 u l-2016; jiddispjaċih li ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim mar-rappreżentanza tat-trade unions magħqudin (RSU) dwar pjan biex jiġi allinjat il-kost lavorattiv ta' Almaviva f'Ruma ma' ċentri ta' xogħol oħrajn ta' Almaviva fl-Italja, li kien ikun jissarraf effettivament fi tnaqqis tal-paga bir-riżultat li jagħlaq iċ-ċentru li jinsab Ruma;

5.  Jinnota li l-ħaddiema tas-settur taċ-ċentri telefoniċi għandhom ikunu aktar protetti, dan jimplika li għandu jiġi evitat ċaqliq ta' persunal minn ċentru għal ieħor, li jintuża bħala strateġija partikolari għal sensji massivi furzati;

6.  Jirrikonoxxi li l-ekonomija reġjonali u lokali qiegħda tirkupra bil-mod il-mod il-vitalità biss wara d-diffikultajiet kbar li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika u finanzjarja u li s-sensji tal-massa jirriskjaw li jwaqqfu jew jinterrompu dan l-irkupru; jenfasizza l-importanza kruċjali ta' miżuri tas-suq tax-xogħol attiv, bħal dawk kofinanzjati mill-FEG, biex dan jiġi evitat;

7.  Jinnota li 79 % tal-benefiċjarji fil-mira huma nisa u li l-maġġoranza kbira minnhom għandhom bejn 30 u 55 sena; jiddispjaċih li ma kienx possibbli li tinstab soluzzjoni vijabbli biex tiġi evitata s-sensja tagħhom, b'mod partikolari minħabba l-fatt li n-nisa f'din il-faxxa ta' età diġà huma inqas probabbli li jibqgħu u javvanzaw fis-suq tax-xogħol minħabba d-diffikultà li jsibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bħala riżultat tar-responsabbiltajiet tagħhom bħala dawk li jagħtu l-kura b'mod informali, kif ukoll nuqqas ta' opportunitajiet indaqs fuq il-post tax-xogħol;

8.  Jisħaq li t-taħriġ u tipi oħra ta' servizzi personalizzati għandhom iqisu b'mod sħiħ tal-karatteristiċi ta' dan il-grupp ta' ħaddiema, b'mod partikolari, il-proporzjon għoli ta' nisa; jilqa' l-inklużjoni tal-ammont stmat ta' EUR 680 000 għar-rimborż tal-ispejjeż għal dawk li jieħdu ħsieb persuni dipendenti;

9.  Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Taljani bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji indirizzati fis-6 ta' April 2017, qabel l-applikazzjoni għal appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

10.  Jinnota li l-Italja qiegħda tippjana tmien tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) orjentazzjoni individwali, (ii) għajnuna għat-tfittxija għal impjieg, (iii) taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, (iv) vawċers għall-impjieg mill-ġdid, (v) appoġġ għall-intraprenditorija, (vi) kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju, (vii) rimborż tal-ispejjeż għal dawk li jieħdu ħsieb persuni dipendenti, u (viii) rimborż tal-ispejjeż għall-mobbiltà; jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jkunu 17,4 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, perċentwal li huwa sew taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' xogħol jew ta' taħriġ;

11.  Jilqa' l-istabbiliment ta' kumitat (magħmul mill-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku (MiSE1a, ANPAL1b, ir-Reġjun tal-Lazio u t-trade unions) biex jiddefinixxi l-istrateġija u l-interventi b'appoġġ għall-ħaddiema li kienu jaħdmu ma' Almaviva kif ukoll ifassal pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati;

12.  Jifhem li l-użu tal-vawċers għar-reimpjegabbiltà huwa ġdid, li kien użat biss f'każ wieħed preċedenti; jenfasizza l-importanza ta' evalwazzjoni b'mod sħiħ tal-effikaċja ta' tali miżuri ladarba jkun għadda biżżejjed żmien biex id-data tkun disponibbli;

13.  Jenfasizza li l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, iżda li dawn se jkunu kkumplementati minn azzjonijiet li jkunu ffinanzjati mill-FSE jew permezz tal-fondi nazzjonali biss;

14.  Ifakkar li t-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati bl-appoġġ tal-FEG għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol għall-ġejjieni u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla f'ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;

15.  Ifaħħar l-impenn tal-gvern Taljan fid-definizzjoni ta' qafas ġuridiku ġdid għal ħaddiema fit-telekomunikazzjoni sabiex jiġu evitati każijiet oħra bħal dak li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni EGF/2017/004 IT/Almaviva;

16.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi l-azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, jew il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-prospettivi ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw, kif ukoll jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' reintegrazzjoni miksuba mill-FEG;

18.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni waraapplikazzjoni mill-Italja – EGF/2017/004 IT/Almaviva

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020)[1] u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[2], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem "FEG") għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[3].

(3)  Fid-9 ta' Mejju 2017, l-Italja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji f'Almaviva Contact SpA fl-Italja. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 347 370 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Italja.

(5)  Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stabbilit għas-sena finanzjarja 2017, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 3 347 370 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni għandha tapplika minn [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni].

[4]Done at,Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

  • [1]   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [3]   Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
  • [4] *   Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.

NOTA SPJEGATTIVA

I.  Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala proviżjonament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II.  L-applikazzjoni tal-Italja u l-proposta tal-Kummissjoni

Fis-26 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur l-Italja bħala appoġġ għar-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Almaviva Contact SpA, impriża li topera taħt id-Diviżjoni 82 ta' NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet ta' servizz ta' amministrazzjoni ta' uffiċċji, sostenn għal uffiċċji u negozju ieħor) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 tal-Lazio (ITI4) fl-Italja.

Din hija l-ħames applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-kuntest tal-baġit tal-2017 u l-ewwel fis-settur tal-"Attivitajiet ta' servizz ta' amministrazzjoni ta' uffiċċji, sostenn għal uffiċċji u negozju ieħor". Tikkonċerna 1 664 ħaddiem li ngħataw is-sensja, li minnhom 1 610 huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri proposti, u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 3 347 370 mill-FEG għall-Italja.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fid-9 ta' Mejju 2017 u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-4 ta' Lulju 2017. Il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-26 ta' Settembru 2017 u kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG.

Il-kriżi ekonomika żiedet il-pressjoni fuq il-prezzijiet fis-settur taċ-ċentri telefoniċi, tat spinta lill-kompetizzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi u naqqset il-profitabbiltà globali. Peress li l-kost lavorattiv jikkostitwixxi l-akbar parti tal-ispejjeż tal-produzzjoni f'dan is-settur, ir-rapporteur jiddispjaċih bil-fatt li bosta fornituri ta' servizzi li reġgħu lura għal strateġiji li jnaqqsu l-piż tal-ispejjeż tal-persunal, permezz tar-rilokazzjoni, tnaqqis fir-remunerazzjoni jew saħansitra l-għeluq.

Id-dħul ta' Almaviva Ruma sofra minn tnaqqis ta' 45 % bejn l-2011 u l-2015. Sfortunatament, ma kienx possibbli li tinstab soluzzjoni prattika għal dan it-tnaqqis, li wassal għall-għeluq taċ-ċentru tax-xogħol ta' Ruma lejn tmiem l-2016. Azzjonijiet tas-suq tax-xogħol attivi bħal dawk kofinanzjati mill-FEG huma kruċjali biex tirnexxi l-integrazzjoni mill-ġdid ta' aktar minn 1 600 ħaddiem fis-suq tax-xogħol f'kuntest ta' rkupru ekonomiku kajman. Għal din ir-raġuni, ir-rapporteur jemmen li l-UE għandha taġixxi malajr kemm jista' jkun biex tirrinforza dan it-tip ta' għodda flimkien mal-istrumenti kollha soċjali u tal-benesseri tiegħu.

It-tmien tipi ta' miżuri li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:

-Orjentazzjoni individwali: Dan jinkludi l-valutazzjoni tal-ħiliet, it-tfassil tal-profili tal-ħaddiema parteċipanti u t-tfassil tal-perkors ta' reintegrazzjoni personalizzat, kif ukoll il-proċedura ta' iskrizzjoni.

-Tfittxija għal impjieg. Dan se jinvolvi tfittxija intensiva għal impjieg, inkluż it-tfittxija għal opportunitajiet tax-xogħol lokali u reġjonali u t-tqabbil tal-impjieg mal-ħiliet.

-Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali. Il-parteċipanti se jiġu offruti taħriġ vokazzjonali mmirat għall-kwalifikazzjoni mill-ġdid jew għall-aġġornament tal-ħiliet tal-ħaddiema sabiex jipprovdi għall-opportunitajiet tal-impjiegi identifikati waqt it-tfittxija intensiva għax-xogħol.

-Vawċer ta' impjieg mill-ġdid li jagħti ammont li jrid jintefaq għas-servizzi intensivi tat-tfittxija ta' impjieg mill-fornituri akkreditati (pubbliċi jew privati). Skont l-impjegabbiltà tal-ħaddiem, il-valur tal-vawċer jista' jvarja bejn EUR 500 u EUR 5 000. Il-fornituri tas-servizzi se jiġu remunerati fuq il-bażi tal-kapaċità għall-impjieg tal-ħaddiem u tat-tip ta' kuntratt konkluż, li jvarja bejn EUR 500 u EUR 2 500 għal kuntratt b'terminu fiss ta' mill-inqas sitt xhur u minn EUR 1 000 għal 5 000 għal kuntratti permanenti. Kull meta ma kienx possibbli li tinstab soluzzjoni għall-ħaddiem li ngħata s-sensja, il-fornitur tas-servizz jirċievi ammont fiss (tariffa għal servizzi) għal kull parteċipant. It-tariffa għas-servizzi ma tistax taqbeż EUR 106,5.

-Appoġġ favur l-intraprenditorija. Il-ħaddiema li ngħataw is-sensja li qed jikkunsidraw li jibdew in-negozji tagħhom stess se jkollhom id-disponibbiltà ta' firxa wiesgħa ta' appoġġ.

-Kontribuzzjoni biex jinfetaħ negozju. Il-ħaddiema li jiftħu n-negozji tagħhom stess se jirċievu sa EUR 15 000 biex ikopru l-kostijiet tal-istabbiliment, l-investiment fl-assi u n-nefqa kurrenti.

-Huwa previst ir-rimborż tal-ispejjeż għal min jieħu ħsieb persuni dipendenti sal-ammont ta' EUR 1 700. Dan għandu l-għan li jkopri l-kostijiet addizzjonali li jiffaċċjaw il-parteċipanti li għandhom responsabbiltajiet ta' kura (tfal, anzjani jew persuni b'diżabbiltà, eċċ.), sabiex japprofittaw minn taħriġ jew miżuri oħrajn.

-Rimborż tal-kostijiet ta' mobbiltà. B'appoġġ għall-mobbiltà ġeografika tal-ħaddiema fil-każ ta' impjieg mill-ġdid f'intrapriża 80 km jew aktar 'il bogħod mill-post tar-residenza tal-ħaddiem, huwa previst li r-rimborż tal-kostijiet tal-akkomodazzjoni u tat-trasport inizjali jammonta sa EUR 5 000.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Taljani pprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:

-il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

-hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE rigward is-sensji kollettivi,

-Almaviva Contact SpA, li ssoktat bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi ġuridiċi tagħha li jirregolaw is-sensji u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha kif xieraq,

-l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

-l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

-il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

L-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar il-fatt li s-sorsi ta' prefinanzjament jew ta' kofinanzjament nazzjonali huma riżorsi reġjonali pprovduti bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 2017/185 (24.9.2016) u l-Fond għat-Taħriġ Vokazzjonali ġestit minn ANPAL (Agenzia Nazionale per le Politiche Attive del Lavoro - Aġenzija Nazzjonali għall-Politiki Attivi tax-Xogħol). Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata minn ANPAL, u r-Reġjun tal-Lazio, ser ikun il-korp intermedjarju għall-awtorità maniġerjali.

III.  Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 3 347 370 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija l-ħames proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2017.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

D(2017)41749

Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2017/004 IT/Almaviva Contact S.p.A. mill-ITALJA (COM(2017) 496 final)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2017/004 IT/Almaviva Contact S.p.A. u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din l-applikazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda l-1 646 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Almaviva Contact S.p.A. li topera mis-setturi ekonomiċi kklasifikati taħt id-Diviżjoni 82 ta' NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet amministrattivi ta' uffiċċju, ta' appoġġ għal uffiċċju u attivitajiet oħra ta' appoġġ għal negozju);

B) Billi, sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, l-Italja targumenta li l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja poġġiet pressjoni sinifikanti 'l isfel fuq il-prezzijiet tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u l-għajnuna għax-xerrejja ta' merkanzija u servizzi li jwasslu għall-impriżi tas-settur jirrelokaw ruħhom f'pajjiżi b'kosti lavorattivi irħas, b'tali mod li jnaqqsu l-kosti lavorattivi jew jagħlqu;

C) Billi 79,3 % tal-ħaddiema li jinsabu fil-mira tal-miżura huma nisa u 20,7 % huma rġiel; billi 85,2 % għandhom bejn it-30 u l-54 sena u 13,9 % għandhom bejn il-55 u l-64 sena;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Taljana:

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma ssodisfati u li, għalhekk, l-Italja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 347 370 skont dan ir-Regolament li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 5 578 950;

2. Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet Taljani sal-finalizzazzjoni tal-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fis-26 ta' Settembru 2017, u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess jum;

3. Jirrikonoxxi li r-reġjun tal-Lazio u l-belt ta' Ruma qegħdin jirkupraw bil-mod il-mod il-vitalità biss wara d-diffikultajiet kbar li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika u finanzjarja u li s-sensji tal-massa jirriskjaw li jwaqqfu jew jinterrompu dan l-irkupru;

4. Jesprimi tħassib dwar il-falliment tan-negozjati mar-rappreżentazzjoni tat-trejdjunjins magħqudin, l-RSU;

5. Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu l-orjentazzjoni, it-tfittxija ta' impjieg, it-taħriġ, il-vawċers għall-impjegar mill-ġdid li għandhom jintefqu fuq servizzi intensivi għat-tiftix tax-xogħol, l-appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja li qed jaħsbu biex jibdew in-negozji tagħhom stess inkluż kontribuzzjoni għall-kosti involuti fil-bidu ta' negozju, ir-rimborż tal-ispejjeż għal dawk li jieħdu ħsieb persuni dipendenti, u r-rimborż tal-kosti tal-mobilità;

6. Jisħaq li t-taħriġ u tipi oħra ta' servizzi personalizzati għandhom iqisu b'mod sħiħ il-karatteristiċi ta' dan il-grupp ta' ħaddiema, b'mod partikolari, il-proporzjon għoli ta' nisa; jilqa' l-inklużjoni tal-ammont stmat ta' EUR 680 000 għar-rimborż tal-ispejjeż għal dawk li jieħdu ħsieb persuni dipendenti;

7. Jifhem li l-użu tal-vawċers għall-impjegar mill-ġdid huwa kunċett ġdid, li kien użat biss f'każ wieħed preċedenti; jenfasizza l-importanza ta' evalwazzjoni b'mod sħiħ tal-effikaċja ta' tali miżuri ladarba jkun għadda biżżejjed żmien biex id-data tkun disponibbli;

8. Jilqa' l-istabbiliment ta' kumitat (magħmul mill-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku (MiSE[1], ANPAL[2], Regione Lazio u t-trejdjunjins) biex jiddefinixxi l-istrateġija u l-interventi b'appoġġ għall-ħaddiema li kienu jaħdmu ma' Almaviva kif ukoll ifassal pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati;

9. Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu ser ikunu 17,4 % tal-pakkett globali tal-miżuri personalizzati, ferm taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament; u li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet tat-tfittxija ta' impjieg jew tat-taħriġ;

10. Jinnota li l-awtoritajiet Taljani pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux ser jirċievu appoġġ finanzjarju minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kwalunkwe rduppjar ta' finanzjament ser jiġi evitat u li dawn ser ikunu komplementari ma' azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

11. Jilqa' l-konferma tal-Italja li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux ser tissostitwixxi l-azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata meħtieġa tieħu skont id-dritt nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi;

12. Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament, it-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

L-Ewwel Viċi President, Aġent President

c.c. Thomas Händel

  • [1]   Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku (MiSE)
  • [2]   Aġenzija Nazzjonali għall-Politiki Attivi tax-Xogħol (ANPAL).

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Ittra tat-12 ta' Ottubru 2017 minn Iskra Mihaylova, President tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, lil Jean Arthuis, President tal-Kumitat għall-Baġits

Suġġett:  Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Għażiż Sur Arthuis,

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits fit-8 ta' Novembru 2017:

-  COM(2017)0496 hija proposta ta' kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 3 347 370 għal 1646 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Almaviva Contact SpA. L-intrapriża topera fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-Diviżjoni 82 ta' NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet amministrattivi tal-uffiċċju, tal-appoġġ għall-uffiċċju u attivitajiet oħra ta' appoġġ għan-negozju). Is-sensji mogħtija jinsabu fir-reġjun tal-livell NUTS 2 tar-reġjun Lazio (ITI4).

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.11.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Gérard Deprez, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, John Howarth, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Răzvan Popa, Jordi Solé, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov, Stanisław Ożóg, Marie-Pierre Vieu, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jonathan Bullock, Auke Zijlstra

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

18

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Gérard Deprez

GUE/NGL

Marie-Pierre Vieu

PPE

Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Tomáš Zdechovský, Patricija Šulin

S&D

Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, John Howarth, Vladimír Maňka, Răzvan Popa, Isabelle Thomas

Verts/ALE

Jordi Solé, Indrek Tarand

3

-

EFDD

Jonathan Bullock

ENF

Auke Zijlstra

NI

Eleftherios Synadinos

1

0

ECR

Stanisław Ożóg

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni