RAPPORT dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

13.11.2017 - (2017/2121(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: David McAllister


Proċedura : 2017/2121(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0350/2017
Testi mressqa :
A8-0350/2017
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

(2017/2121(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar responsabbiltà politika,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-2016 dwar Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u s-SEAE tal-2017 dwar Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-Azzjoni Esterna tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji ewlenin stabbiliti fl-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropa, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw s-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati, u l-invjolabbiltà tal-fruntieri, li huma rispettati b'mod ugwali mill-istati parteċipanti,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mill-VP/RGħ tat-12 ta' Diċembru 2011 bl-isem "Id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE: Lejn Approċċ Aktar Effettiv" (COM(2011)0886),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Baġits (A8-0350/2017),

Introduzzjoni

1.  Jinsab konvint li l-ebda Stat Membru waħdu ma huwa kapaċi jindirizza l-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum; jenfasizza li azzjoni komuni tal-UE hija l-aktar mod effettiv biex jiġu mħarsa l-interessi tal-Ewropa, biex l-UE tirrispetta l-valuri tagħha, tinvolvi ruħha f'dinja usa' bħala attur globali unit u influwenti, u biex tipproteġi ċ-ċittadini u l-Istati Membri tagħha minn theddid li qiegħed jiżdied fuq is-sigurtà tagħhom, inkluż fl-isfera diġitali globali; huwa mħasseb dwar l-arkitettura tas-sigurtà tal-UE, li għadha fraġli u frammentata fil-konfront ta' sfidi kontinwi u ġodda ta' kuljum u li fiha "paċi ibrida" saret realtà mhux sodisfaċenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni u jissodisfaw ix-xewqat ta' dawk iċ-ċittadini Ewropej li enfasizzaw ripetutament li l-politika estera u ta' sigurtà tal-UE bbażata fuq il-valuri fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem hija l-iktar importanti u neċessarja mill-politiki kollha tal-UE; iqis li wasal iż-żmien li l-Istati Membri jimplimentaw l-għodod, strumenti u politiki tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) biex jippermettu lill-UE tirrispondi għal kunflitti u kriżijiet esterni, tibni l-kapaċijiet tas-sħab u tipproteġi lill-Unjoni Ewropea;

2.  Ifakkar fl-impenn tal-UE biex tiżviluppa Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni ggwidata mill-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-konformità mal-Karta tan-NU u tad-dritt internazzjonali; iqis li, sabiex josservaw dan l-impenn u jikkontribwixxu biex isir progress fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fid-dinja kollha, jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri jitkellmu b'vuċi magħquda u jiżguraw li l-messaġġ tagħhom jinstema';

3.  Huwa tal-fehma li, sabiex l-UE tkun tista' tirnexxi fl-indirizzar tal-isfidi li tħabbat wiċċa magħhom kif ukoll tegħlibhom, b'mod partikolari t-theddid għas-sigurtà, jeħtieġ li hija tkun attur globali effettiv, kredibbli u bbażata fuq il-valuri, b'kapaċità għal azzjoni u djalogu effettiv ma' atturi globali oħra, li jimplika li l-UE titkellem b'vuċi waħda, taġixxi flimkien u tiffoka r-riżorsi tagħha fuq il-prijoritajiet strateġiċi;

4.  Jisħaq fuq il-bżonn li l-politiki esterni tal-UE jkunu konsistenti bejniethom kif ukoll ma' politiki oħrajn li għandhom dimensjoni esterna, u li jsegwu l-objettivi definiti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

5.  Jemmen li l-kisbiet ewlenin biex l-Unjoni Ewropea tilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha huma:

–  koordinazzjoni ta' valutazzjoni ta' theddid u sfidi kbar fi ħdan l-UE, u approċċ komuni kif dawn għandhom jiġu indirizzati; jittieħed kont dovut b'mod partikolari tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, li tista' twassal għar-reklutaġġ minn gruppi terroristiċi,

–  konsolidazzjoni u approfondiment tal-proġett Ewropew u l-azzjoni esterna tiegħu billi, fost oħrajn, tissaħaħ il-kooperazzjoni u l-kapaċitajiet tal-UE fil-qasam tal-politika estera u tas-siġurtà komuni tagħhom, inkluż il-gwerra tal-informazzjoni,

-  kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, is-sħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet li jħarsu l-paċi fi ħdan kundizzjonijiet definiti b'mod ċar u magħżula bir-reqqa biex isaħħu l-ordni globali politiku u ekonomiku bbażata fuq ir-regoli, inkluż il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, u li taħdem flimkien mas-sħab biex ikollha rwol ewlieni fir-rikonċiljazzjoni, żamma tal-paċi, u fejn meħtieġ, l-infurzar tal-paċi;

Koordinazzjoni ta' valutazzjoni ta' theddid u sfidi kbar: naffaċċjaw l-ambjent politiku u ta' sigurtà attwali

6.  Jenfasizza li l-garanzija tas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u tal-integrità tat-territorju tal-UE, l-istabbilizzazzjoni tal-viċinat, b'mod speċjali fil-Balkani tal-Punent u li tiffoka fuq aktar viżibbiltà tal-UE f'dan ir-reġjun, il-promozzjoni ta' riformi biex jitħares ordni internazzjonali politiku u ekonomiku kooperattiv u bbażat fuq ir-regoli, l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-kunflitti armati u t-tisħiħ tal-politiki dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u djalogu ma' demokraziji pluralisti li huma impenjati biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, huma kundizzjonijiet ewlenin għall-istabbiltà tal-UE; jitlob li d-diplomazija pubblika tal-UE tkun aktar attiva u biex tingħata aktar viżibbiltà lill-proġetti implimentati mill-UE;

7.  Huwa tal-fehma li, f'ambjent internazzjonali li dejjem qed ikun aktar ikkarratterizzat minn kunflitti u instabbiltà, huwa biss permezz ta' taħlita ta' multilateraliżmu effettiv, setgħa ta' persważjoni konġunta u setgħa ta' koerċizzjoni kredibbli, li tista' tkun kapaċi tindirizza l-isfidi ta' siġurtà kbar, b'mod speċjali l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, il-ksur tal-ordni tas-sigurtà fl-Ewropa, it-terroriżmu, il-kunflitti fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, il-gwerer bi prokura, il-gwerra ibrida u tal-informazzjoni, inkluż l-aggressjoni diġitali u l-insikurezza tal-enerġija; jenfasizza li dawn l-isfidi jinkludu wkoll il-kriżijiet tar-refuġjati fid-dimensjoni umanitarja tagħhom, ir-reazzjoni għall-imġiba aggressiva tal-Korea ta' Fuq, il-ksur tad-dritt internazzjonali mir-Russja u l-qawwa militari li qiegħda tikber taċ-Ċina, li reazzjoni diplomatika b'saħħitha għalihom biss hija suffiċjenti;

8.  Huwa tal-fehma li politika estera u ta' sigurtà komuni aktar effikaċi tiddependi primarjament fuq l-istabbiliment ta' prijoritajiet u viżjonijiet strateġiċi komuni; huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-instabbiltà, li nfirxet sew minħabba stati falluti jew fraġli, u tal-migrazzjoni furzata u irregolari: Il-faqar, in-nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi u aċċess għall-edukazzjoni, l-esklużjoni soċjali, kunflitti armati, governanza ineffiċjenti u mhux demokratika, korruzzjoni, tibdil fil-klima, żieda tas-settarjaniżmu, it-theddida tar-radikalizzazzjoni u t-tixrid ta' ideoloġiji estremisti; ifakkar il-pjan ta' azzjoni adottat fis-Summit tal-Belt Valletta li jsejjaħ għal responsabbiltà kondiviża tal-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni; jenfasizza l-importanza li jitkisser il-mudell ekonomiku tan-netwerks tat-traffikanti;

9.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu miġġielda t-tendenzi awtokratiċi u ta' nepotiżmu, jiġi intensifikat l-appoġġ għall-forzi demokratiċi u jiġi miġġieled it-terroriżmu Iżlamiku fil-viċinat tan-Nofsinhar u fost il-girien tal-girien u s-sħab tagħna, u li jitpoġġew fil-mira dawk il-gruppi li jfittxu li jħeġġu ċittadini tal-UE biex jiġġieldu għall-kawża estremista tagħhom; ifakkar li r-reġjun tas-Saħel u żoni oħra konnessi ġeografikament huma reġjuni ta' prijorità sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea; itenni l-ħtieġa għal sforzi diplomatiċi koordinati min-naħa tal-UE, l-Istati Uniti u sħab internazzjonali oħrajn, biex jaħdmu flimkien mas-sħab fir-reġjun, bħat-Turkija, il-Pajjiżi tal-Golf u l-Iran, dwar il-bżonn ta' pożizzjoni ċara kontra l-estremiżmu reliġjuż u t-terroriżmu, u biex jistabbilixxu strateġija komuni li tindirizza din l-isfida globali f'konformità mal-impenn li ttieħed fil-livell tan-NU biex jiġu rispettati d-dritt internazzjonali u l-valuri universali; jemmen li sforzi diplomatiċi għandhom ikunu akkumpanjati minn firxa wiesgħa ta' għodod u strumenti oħra għad-dispożizzjoni tal-UE, inkluż dawk għat-titjib tal-kundizzjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi li jwasslu għall-istabbiliment tal-preservazzjoni tal-paċi;

10.  Jemmen li l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti għandha timxi id f'id mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem universali; jisħaq li l-UE trid tiġġieled u tikkundanna lis-sponsers mill-Istat tar-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu, b'mod partikolari fejn dan l-appoġġ qiegħed jingħata lil entitajiet elenkati mill-UE bħala organizzazzjonijiet terroristiċi; jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab tagħna li għandhom esperjenza fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

11.  Jenfasizza li soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi tas-Sirja tista' tinkiseb biss fi ħdan il-qafas eżistenti maqbul min-NU u jeħtieġ li tkun ibbażata fuq soluzzjoni politika inklużiva mmexxija mis-Sirjani u li tinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha; ikompli jħeġġeġ lill-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jonoraw ir-responsabbilitajiet tagħhom rigward il-kriżi; jappoġġa s-sejħa tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Sirja lill-istati garanti tal-waqfien mill-ġlied biex iwettqu sforzi urġenti biex jiddefendu r-reġim tal-waqfien mill-ġlied;

12.  Jilqa' l-istrateġija tal-UE dwar is-Sirja adottata f'April 2017, li tinkludi l-estensjoni ta' sanzjonijiet għal persuni involuti fl-iżvilupp u l-użu ta' armi kimiċi; iħeġġeġ l-estensjoni ulterjuri tas-sanzjonijiet għal dawk responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq li dawk kollha responsabbli għal ksur tad-dritt internazzjonali għandhom jinżammu responsabbli; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jesploraw flimkien mas-sħab it-twaqqif ta' tribunal tad-delitti tal-gwerra, sakemm jinħareġ riferiment lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE turi impenn sħiħ biex tassisti fir-rikostruzzjoni tas-Sirja wara l-kunflitt;

13.  Jistieden lill-partijiet involuti kollha, ġewwa u barra l-Libja, biex jappoġġaw kemm il-ftehim politiku Libjan iffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015 kif ukoll lill-Kunsill Presidenzjali li rriżulta minnu, li huwa l-unika awtorità rikonoxxuta mill-komunità internazzjonali u min-NU; jissottolinja li s-soluzzjoni għall-kriżi Libjana hija prerekwiżit għall-istabbiltà fil-Mediterran; jenfasizza l-importanza tal-viċinat tan-Nofsinhar u l-ħtieġa li tinkiseb żona Ewro-Mediterranja ta' paċi, prosperità, stabbiltà, u integrazzjoni; jissottolinja l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, bi stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, vijabbli u kontigwu li jikkoeżisti f'paċi u sigurtà maġenb l-Istat tal-Iżrael sigur; jisħaq fuq l-importanza tal-garanzija tal-koerenza tal-politika tal-UE dwar sitwazzjonijiet ta' okkupazzjoni jew annessjoni ta' territorju;

14.  Jilqa' l-issokktar tal-implimentazzjoni b'suċċess mill-partijiet kollha tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), maqbul bejn l-UE 3+3 flimkien mal-Iran; jisħaq li l-issokktar tal-implimentazzjoni sħiħa ta' dan il-ftiehem mill-partijiet kollha huwa essenzjali għall-isforzi globali fir-rigward tan-nonproliferazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani; jenfasizza li l-PAKK huwa ftehim multilaterali li ġie approvat minn riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u ma jistgħux jinbidel b'mod unilaterali; jenfasizza r-riskju għas-sigurtà li jirrappreżenta l-programm ta' missili ballistiċi tal-Iran, u jissottolinja l-ħtieġa li r-Riżoluzzjoni 2231 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tiġi implimentata bis-sħiħ, li tappella lill-Iran biex ma jwettaq l-ebda attività relatata ma' missili ballistiċi li huma ddisinjati biex ikunu jistgħu iwasslu armi nukleari, inkluż l‑illanċjar ta' missili permezz tat-teknoloġija tal‑missili ballistiċi;

15.  Jinnota li d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti aġġorna uffiċjalment il-lista tiegħu ta' kontra t-terroriżmu ta' “Ċittadini Magħżula Speċifikament” (Specially Designated Nationals (SDN)) biex jinkludi lill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC);

16.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-diżastru umanitarju li għadu għaddej fil-Jemen; jenfasizza għal darb' oħra li ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt imtawwal fil-Jemen, u jappoġġa l-isforzi li saru mill-UE u n-NU għall-kisba tal-waqfien mill-ġdid u għat-twittija tat-triq għal negozjati ta' paċi; huwa tal-fehma li l-UE trid taġixxi biex tiżgura l-eżistenza kontinwa ta' minoranzi ethniċi-reliġjużi fil-Lvant Nofsani, speċjalment fl-Iraq u s-Sirja;

17.  Jikkundanna l-użu ripetut tal-jedd tal-veto tagħha mir-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jqis li dan jimmina l-isforzi internazzjonali għall-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt fis-Sirja u fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea b'mod aktar wiesgħa;

18.  Jirrikonoxxi li jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex il-migrazzjoni u l-mobbiltà legali jsiru possibbli, inkluż fuq livell bilaterali, permezz tat-trawwim ta' mobbILtà ġestita tajjeb fi ħdan il-kontinenti u bejniethom, kif ukoll permezz tat-tħeġġiġ ta' politiki li jippromwovu kanali regolari għall-migrazzjoni filwaqt li jiġġieldu kontra netwerks illegali li japprofittaw ruħhom minn persuni vulnerabbli; jissottolinja l-isforzi li ttieħdu minn Stati Membri individwali f'dan ir-rigward, u jqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ l-aċċess sikur u legali lejn l-Ewropa; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, dwar in-nuqqas ta' politika Ewropea ġenwina, ibbilanċjata u kredibbli dwar il-migrazzjoni u l-asil, kif turi l-kriżi li għaddejja fil-Mediterran, u jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jaġixxu kif xieraq;

19.  Jemmen bil-qawwa li jenħtieġ approċċ ġdid għar-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha tal-Lvant; jemmen li l-appoġġ għal dawk il-pajjiżi li jixtiequ jkollhom rabtiet iktar mill-qrib mal-UE għandu jkun prijorità ewlenija għall-politika barranija tal-UE; jemmen li l-estensjoni tas-sanzjonijiet kontra individwi u entitajiet fir-Russja hija riżultat inevitabbli tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk, u jkompli jqis tali implimentazzjoni min-naħat kollha bħala l-bażi għal soluzzjoni politika sostenibbli għall-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna;

20.  Jenfasizza li l-possibbiltà ta' relazzjonijiet aktar kooperattivi mar-Russja tiddependi fuq il-fatt li r-Russja taderixxi bis-sħiħ mal-ordni tas-sigurtà Ewropew u mad-dritt internazzjonali; jinsisti li l-UE għandha tibqa' miftuħa għall-possibbiltà ta' aktar sanzjonijiet gradwali jekk ir-Russja tkompli tikser id-dritt internazzjonali; itenni l-impenn tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u tal-pajjiżi l-oħra tas-Sħubija tal-Lvant fi ħdan il-fruntieri tagħhom li huma rikonoxxuti internazzjonalment. jenfasizza li d-deċiżjoni tar-Russja tal-21 ta' Marzu 2014 li tinkorpora lill-Krimea fil-Federazzjoni Russa għadha illegali skont id-dritt internazzjonali, u jiddeplora d-deċiżjoni sussegwenti tal-awtoritajiet Russi li jimponu bil-forza l-passaport Russu fuq kull abitant tal-Krimea; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill biex ikollhom rwol aktar attiv u effettiv fis-soluzzjoni ta' kunflitti ffriżati u mtawla;

21.  Jiddeplora l-ksur multiplu tad-dritt internazzjonali min-naħa tar-Russja u l-gwerra ibrida tagħha; jirrikonoxxi, madankollu, il-possibbiltà ta' involviment u djalogu selettivi, raġunati u koerenti mar-Russja f'oqsma ta' interess komuni, sabiex jiġu żgurati r-responsabbiltà u r-rispett għad-dritt internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm u titħeġġeġ il-possibbiltà ta' kooperazzjoni futura għar-riżoluzzjoni ta' kriżijiet globali fejn hemm interess dirett jew indirett tal-UE jew opportunità għall-promozzjoni tal-valuri tal-UE;

22.  Jemmen li relazzjonijiet normalizzati huma neċessità kemm għall-UE kif ukoll għar-Russja, u li kwalunkwe strateġija futura bejn l-UE u r-Russja jenħtieġ li tenfasizza fuq it-tisħiħ tal-impenn u l-appoġġ għas-Sħab tal-Lvant tal-UE; jenfasizza li l-UE jenħtieġ li żżomm il-bieb miftuħ għall-approfondiment ta' relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bilaterali mar-Russja, li jkunu kundizzjonali għall-konformità min-naħa tar-Russja mad-dritt internazzjonali u ftehimiet sottoskritt, u għall-waqfien tal-attitudni dejjem aktar assertiva tagħha lejn il-ġirien tagħha u l-Ewropa;

23.  Itenni li s-sovranità, l-indipendenza u r-riżoluzzjoni paċifika ta' tilwim huma prinċipji ewlenin tal-ordni Ewropew ta' sigurtà li japplika għall-istati kollha; jikkundanna bla riżervi, għalhekk, l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, inklużi l-annessjoni illegali tal-Krimea u l-kunflitt sponsorjat mir-Russja fl-Ukrajna tal-Lvant; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali biex jitolbu li r-Russja trid twaqqaf l-agressjoni tagħha u teħles lill-priġunieri politiċi kollha; jistieden lill-komunità internazzjonali biex ikollha rwol aktar attiv u effettiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt u biex tappoġġa l-isforzi kollha għal soluzzjoni paċifika dejjiema li tirrispetta l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, b'mod partikolari bl-iskjerament – bil-kunsens tal-awtoritajiet Ukreni – ta' missjoni għall-bini u ż-żamma tal-paċi għat-territorju kollu;

24.  Itenni l-ħtieġa ta' ffukar mill-ġdid strateġiku fuq il-Balkani tal-Punent, li jirrikonoxxi li l-UE jenħtieġ li ssegwi l-ambizzjonijiet tagħha fir-reġjun, peress li jekk tagħmel dan jingħata impetu ġdid lill-politika ta' tkabbir kredibbli tal-UE bbażata fuq il-kriterji ta' Copenhagen, u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet tal-istat; jemmen li l-istabbiltà fil-Balkani tal-Punent trid tibqa' prijorità maġġuri; jappella għal aktar sforzi għat-titjib tal-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi u politiċi tar-reġjun; huwa konvint li l-integrazzjoni Ewropea u r-rikonċiljazzjoni reġjonali huma l-aħjar mezz biex jiġu indirizzati l-perikli li jirriżultaw minn indħil u influwenzi barranin destabbilizzanti, il-finanzjament ta' netwerks kbar ta' Salafisti u Wahhabi u r-reklutaġġ ta' ġellieda barranin, il-kriminalità organizzata, tilwim maġġuri bejn l-istati, id-diżinformazzjoni u t-theddid ibridu; jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jibqa' impenjat li jrawwem soċjetajiet poltiċi ferm effettivi fir-reġjun;

25.  Itenni li ladarba jiġu ssodifati dawk il-kriterji kollha, il-bibien tal-UE huma miftuħa għall-adeżjoni; jilqa' l-isforzi reċenti li ttieħdu bħala parti mill-Proċess ta' Berlin u s-Summit ta' Trieste li jagħtu impetu addizzjonali għall-konverġenza tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent lejn adeżjoni mal-UE; itenni li jenħtieġ li jingħataw attenzjoni u appoġġ speċjali għall-implimentazzjoni tar-riformi istituzzjonali u politiċi kruċjali fil-Balkani tal-Punent, u jistieden lill-Kummissjoni biex terġa tikkunsidra l-possibbiltà ta' allokazzjoni addizzjonali ta' riżorsi finanzjarji għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), bħala wieħed mill-aktar għodod importanti li jgħinu l-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi;

26.  Ifakkar li r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tirrikjedi l-involviment ta' pajjiżi terzi ġirien; jappella għal appoġġ akbar għall-ġirien tal-ġirien tagħna, fuq il-bażi tal-valuri u interessi kondiviżi, sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet globali u sfidi komuni; Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-awtonomizzazzjoni u l-protezzjoni tan-nisa, ta' gruppi soċjali vulnerabbli u tal-minoranzi, b'mod speċjali fl-Afrika, fejn il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-SMEs Ewropej u lokali, fi sħubija mas-soċjetà ċivili, u fejn jenħtieġu appoġġ għall-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi, trasparenti u effettivi, u promozzjoni ta' ordni globali bbażat fuq ir-regoli;

27.  Iqis il-kooperazzjoni internazzjonali u l-politiki ta' żvilupp bħala strumenti fundamentali sabiex jintlaħqu tali objettivi, u jħeġġeġ sabiex ikun hemm allokazzjoni u użu aktar trasparenti, effiċjenti, effettiv u mtejjeb aktar tal-finanzjament tal-UE, u sinerġiji akbar ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati t-theddid ta' sigurtà serju fl-Afrika bl-għan li tiġi eradikata t-theddida terroristika minn kull grupp terroristiku, tiġi ggarantita l-prevenzjoni tar-reklutaġġ ta' individwi, jiġu miġġielda ideoloġiji radikali u tiġi indirizzata s-sigurtà tal-enerġija permezz ta' sorsi ta' enerġija ekoloġiċi u sostenibbli u fl-istess ħin jiġu promossi soluzzjonijiet mhux kollegati mal-grilja;

28.  Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe tentattiv mill-presidenti attwali biex jibqgħu fil-poter wara l-mandat tagħhom billi jiksru, jevadu jew jemendaw b'mod illegali l-liġijiet elettorali u, b'mod partikolari, il-kostituzzjonijiet; Jikkundanna, bl-istess mod, kwalunkwe strateġija li tabolixxi jew tevita l-limiti ta' terminu; iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha biex jieħdu miżuri biex jiżguraw t-trasparenza u l-integrità tal-proċess elettorali kollu, u biex jieħdu kull miżura u prekawzjoni meħtieġa biex jiġi evitat li jitwettaq frodi jew kwalunkwe prattika illegali; jesprimi t-tħassib, f'dan ir-rigward, dwar il-kriżijiet politiċi, u l-vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali relatati, b'mod partikolari fil-pajjiżi fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar; itenni l-fiduċja tiegħu f'missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali b'saħħithom u, fejn meħtieġ, appoġġ finanzjarju, tekniku u loġistiku bħala mezz biex jinkisbu proċessi elettorali ġusti, kredibbli u demokratiċi;

29.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' strateġija koerenti u robusta għar-reġjun tas-Saħel bl-għan li titjieb il-governanza u r-responsabbiltà u l-leġittimità tal-istati u tal-istituzzjonijiet reġjonali, tissaħħaħ is-sigurtà, jiġu indirizzati r-radikalizzazzjoni, it-traffikar tal-persuni, l-armi u d-droga, u jissaħħu l-politiki ekonomiċi u tal-iżvilupp;

30.  Itenni l-ħtieġa ta' strateġija aġġornata għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja; jesprimi l-appoġġ, f'dan il-kuntest, għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha fil-qafas tal-Laqgħat Asja-Ewropa, inkluż f'dak li jirrigwarda d-dimensjoni parlamentari tagħha; jinkoraġġixxi l-appoġġ għal kooperazzjoni reġjonali aktar mill-qrib u miżuri għall-bini ta' fiduċja fl-Asja t'Isfel bl-għan li jitnaqqsu t-tensjonijiet bejn l-Indja u l-Pakistan; jirrakkomanda appoġġ kontinwu għal medjazzjoni għall-paċi tal-UE fil-proċess ta' paċi mmexxi u mħaddan mill-Afgani; jenfasizza li l-ħarsien tal-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità fir-reġjun Asja-Paċifiku hija ta' interess sostanzjali għall-UE u għall-Istati Membri tagħha; iqis li huwa fundamentali u ta' urġenza kbira li tiġi żviluppata strateġija tal-UE aġġornata għar-reġjun tal-Asja tal-Grigal fid-dawl tat-tkattir militari kontinwu u tal-attitudni aggressiva u irresponsabbli li uriet ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK); jikkundanna t-testijiet u l-provokazzjonijiet mir-RDPK, u l-vjolazzjonijiet multipli tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-obbligi internazzjonali; iħeġġeġ sabiex tintuża s-setgħa diplomatika tal-UE biex tagħmel pressjoni fuq ir-RDPK ħalli tikkonvinċi lill-mexxejja tagħha biex jabbandunaw l-armi tal-qerda massiva; jappella għall-mobbilizzazzjoni tal-għodod diplomatiċi kollha, inkluż sanzjonijiet, biex jiġi evitat l-eskalazzjoni ta' din il-kriżi; jappella għad-denuklearizzazzjoni irriversibbli tal-Peniżola Koreana permezz ta' mezzi paċifiċi u għall-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjonijiet kollha rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

31.  Jenfasizza li l-ħarsien tal-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità fir-reġjun Asja-Paċifiku hija ta' interess sostanzjali għall-UE u għall-Istati Membri tagħha; jistieden lill-partijiet kkonċernati kollha biex isolvu d-differenzi permezz ta' mezzi paċifiċi u jżommu lura milli jieħdu azzjoni unilaterali biex ibiddlu l-istatus quo, inkluż fl-Ibħra tal-Lvant u tan-Nofsinhar taċ-Ċina u l-Istrett tat-Tajwan sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà reġjonali; itenni l-impenn tiegħu li jappoġġa l-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan fl-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet internazzjonali;

32.  Ifakkar li l-Amerika Latina tikkondivi mal-UE valuri u prinċipji komuni, u fiduċja f'multilateraliżmu effettiv, u jemmen li s-sħubija bejn l-UE u l-Amerika Latina hija importanti u għandha tissaħħaħ sabiex jiġu indirizzati b'mod konġunt l-isfidi globali ewlenin; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-attakki li twettqu kontra membri tal-ġudikatura u l-oppożizzjoni eletta demokratikament u mexxejja tas-soċjetà ċivili fil-Venezwela; jenfasizza li r-rispett għall-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-progress lejn id-demokrazija, u l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem huma s-sisien għal integrazzjoni u kooperazzjoni aktar profonda mal-Amerika Latina u l-Karibew;

33.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja, li huwa kruċjali għall-futur tal-Kolumbjani u għall-istabbilizzazzjoni fir-reġjun; jitlob li l-assi kollha tal-FARC, inkluż il-kapital akkwistat mill-kuntrabandu tad-droga, jiġu użati biex jingħata kumpens lill-vittmi tal-kunflitt;

Il-konsolidazzjoni u l-approfondiment tal-proġett Ewropew permezz ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ komprensiv tal-UE f'kull opportunità rilevanti, u jemmen li azzjoni koerenti u kkoordinata fil-politiki tal-UE, filwaqt li jitqiesu u jiġu implimentati l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod partikolari fl-oqsma tal-għajnuna umanitarja, l-agrikoltura, l-iżvilupp, il-kummerċ, l-enerġija, il-klima, ix-xjenza u d-difiża ċibernetika u s-sigurtà, jenħtieġ li tiġi applikata fl-azzjoni esterna tal-UE b'mod konsistenti u strutturat, sabiex tiġi sfruttata l-forza kollettiva tal-UE; jemmen li s-sigurtà tal-enerġija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bneidem u d-diplomazija dwar il-klima jibqgħu aspetti importanti u komplementarji tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE li għandhom jiġu indirizzati bħala parti minn approċċ komprensiv, u li l-Unjoni tal-Enerġija għandha tkompli tavvanza;

35.  Jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima jista' jkollu effett serju fuq l-istabbiltà reġjonali u globali, billi t-tisħin globali jnibbet tilwim marbut mat-territorju, l-ikel, l-ilma u riżorsi oħra, idgħajjef l-ekonomiji, jhedded is-sigurtà reġjonali, u huwa sors ta' flussi migratorji; iħeġġeġ ulterjorment lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu kif l-ippjanar militari nazzjonali u tal-UE jista' jinkludi strateġiji ta' adattament għat-tibdil fil-klima u x'jista' jitqies bħala kapaċità, prijorità u reazzjoni adegwati;

36.  Jenfasizza li l-futur tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tad-difiża hija affettwata b'mod sinifikanti bid-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE, u jappella għall-involviment kontinwu bejn l-UE u r-Renju Unit bħala sħab internazzjonali ewlenin sabiex tinżamm is-sigurtà Ewropea; jenfasizza li l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Istati Uniti introduċew inċertezza fis-sħubija transatlantika, u jenfasizza l-ħtieġa ta' kontrapiż għad-difiża tal-UE u għall-istabbiliment ta' awtonomija strateġika;

37.  Huwa tal-fehma li, sabiex il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tkun aktar assertiva, effettiva u bbażata fuq il-valuri, jenħtieġ li l-UE ssaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tagħha, billi tnaqqas minnufih id-dipendenza tagħha, fil-preżent, fuq iż-żejt u l-gass forniti minn reġimi awtoritarji, u billi twaqqafha għalkollox fuq it-terminu medju;

38.  Jenfasizza li l-proċess preżenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-PESK, ibbażat fuq l-unanimità fil-Kunsill tal-UE, huwa ostaklu ewlieni għall-azzjoni esterna tal-UE effettiva u f'waqtha; huwa tal-fehma li votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għandha tiġi applikata wkoll għall-PESK; huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jtejbu l-kapaċità tagħhom li jantiċipaw kunflitti u kriżijiet, inkluż permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt tal-politiki tal-UE fuq it-terminu qasir u twil, biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-problemi; jemmen li l-UE jeħtieġ li tkun kapaċi tirreaġixxi aktar malajr u b'mod effettiv għall-kriżijiet li qed jiżviluppaw u għandha tqiegħed enfasi akbar fuq il-prevenzjoni ta' kunflitti billi primarjament tuża għodod ċivili fi stadju bikri; jistieden lill-Istati Membri biex ipoġġu fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u jħaddnu l-prinċipju tar-Responsabbiltà ta' Protezzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi approfondita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi sħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, u jissottolinja l-importanza ta' skambju ta' informazzjoni effettiv u koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta' prevenzjoni;

39.  Jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-kapaċità tal-UE li taffronta theddid ibridu u ċibernetiku, biex ikomplu jsaħħu l-kapaċità tal-UE u tal-pajjiżi sħab tagħha biex jiġġieldu l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni, biex ifasslu kriterji ċari biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' aħbarijiet foloz, biex jallokaw aktar riżorsi u jbidlu t-Task Force East StratCom f'unità vera u proprja tas-SEAE; jappella, f'dan ir-rigward, għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet u metodi ta' analiżi tar-riskji u tal-vulnerabilità konġunti u komprensivi, u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-komunikazzjoni strateġika tal-UE; jenfasizza r-rwol tal-midja indipendenti fil-promozzjoni – kemm online kif ukoll offline – tad-diversità kulturali u l-kompetenzi interkulturali, u l-bżonn li tali midja tissaħħaħ bħala sors ta' informazzjoni kredibbli, speċjalment fl-UE u fil-viċinat tagħha, u jissottolinja li l-istazzjonijiet televiżivi u tar-radju komuni tal-UE għandhom jissaħħu aktar; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina aħjar mas-SEAE u mal-Istati Membri dwar dawn il-kwistjonijiet;

40.  Huwa tal-fehma li l-poter tal-Ewropa jinsab fil-kapaċità tagħha li ssaħħaħ komunità ta' valuri u r-rispett għad-diversità tal-kultura, li jgħaqqad flimkien l-Ewropej kollha; jemmen, f'dan il-kuntest, li l-UE għandha rwol importanti bħala promotur tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-opportunitajiet indaqs, u għandha tkompli tippromwovi l-valuri tagħha barra mill-UE; ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma parti integrali tal-PESK, u għandhom ikunu kundizzjonalità ċentrali tal-politiki esteri, u barra minn hekk, li dawn il-politiki jridu jkunu konsistenti u sodi; jenfasizza li d-diplomazija kulturali għandha ssir parti sostanzjali tal-azzjoni esterna tal-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tespandi l-programm Erasmus+ u tippromwovi l-iżvilupp ta' diplomazija tax-xjenza ambizzjuża; jappella għal koordinazzjoni aktar mill-qrib mal-UNESCO u mal-Kumitat tal-Wirt Dinji u ma' atturi mhux statali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala sħab ewlenin tal-UE;

41.  Jirrimarka li kien osservat fir-Riżoluzzjoni 1820(2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tad-19 ta' Ġunju 2008, li l-istupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali jistgħu jikkostitwixxu delitt tal-gwerra, delitt kontra l-umanità, jew att kostituttiv fir-rigward tal-ġenoċidju, u li n-nisa jridu jingħataw protezzjoni umanitarja f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat;

42.  Iqis li l-iżvilupp ta' industrija tad-difiża b'saħħitha qiegħed isaħħaħ l-indipendenza teknoloġika tal-UE; jappella biex jiġu żviluppati r-riżorsi industrijali u teknoloġiċi meħtieġa biex tittejjeb is-sigurtà ċibernetika, anke permezz tal-promozzjoni ta' suq uniku għall-prodotti tas-sigurtà ċibernetika; jappella biex issir disponibbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE żieda sinifikanti ta' riżorsi finanzjarji u umani biex tiżdied il-kapaċitá taċ-ċibersigurtà u tad-difiża ċibernetika tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi integrata d-difiża ċibernetika fl-azzjonijiet esterni u l-politika estera u ta' sigurtà komuni, kif ukoll il-ħtieġa li titjieb il-kapaċitá li tiġi identifikata ċ-ċiberkrimnalità;

43.  Jinnota li l-gwerra tal-informazzjoni u dik ċibernetika, li tpoġġi fil-mira Stati Membri tal-UE u pajjiżi oħra tal-Punent, tirrappreżenta tentattiv biex jiġu destabbilizzati u diskreditati l-istrutturi politiċi, ekonomiċi u soċjali; ifakkar li s-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE li huma membri tan-NATO hija garantita skont l-Artikolu 5 tal-Alleanza; jappella għal koordinazzjoni aktar mill-qrib dwar id-difiża ċibernetika bejn l-Istati Membri tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-UE, in-NATO, l-Istati Uniti u sħab oħra kredibbli;

44.  Jenfasizza r-rwol tal-midja indipendenti fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u l-kompetenzi interkulturali, u l-bżonn li tali midja tissaħħaħ bħala sors ta' informazzjoni kredibbli, speċjalment fl-UE u fil-viċinat tagħha, u biex issaħħaħ iktar il-kapaċità tal-UE biex tiġġieled l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li tiġi żviluppata reżiljenza aktar b'saħħitha fuq il-livell tal-UE kontra tali informazzjoni mifruxa fuq l-Internet; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina aħjar mas-SEAE dwar dawk il-kwistjonijiet;

45.  Jemmen li l-Ewropa għandha ssaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni dwar id-difiża komuni, sabiex tiddefendi l-valuri u l-prinċipji komuni tagħha u l-awtonomija strateġika; jenfasizza l-importanza tar-rabta bejn is-sigurtà esterna u interna, l-użu aħjar tar-riżorsi u l-kontroll tar-riskju fil-periferija tal-Ewropa; ifakkar li r-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp hija prinċipju essenzjali li tirfed l-approċċ tal-Unjoni lejn il-kriżijiet u l-kunflitti esterni; jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), u jilqa' f'dan il-kuntest l-Pjan ta' Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża; jinkoraġġixxi rieżami tal-approċċ tal-UE fir-rigward tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu mfassla, implimentati u appoġġati b'mod xieraq; iqis li l-kapaċitajiet tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u l-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u l-Gruppi Tattiċi tal-UE jenħtieġ li jintużaw fil-potenzjal sħiħ tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu finanzjament addizzjonali għal dan il-għan;

46.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jridu jiżviluppaw politika estera u ta' sigurtà effettiva, u jridu jaħdmu flimkien man-NATO u sħab internazzjonali oħra, man-NU, mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u oħrajn dwar kwistjonijiet ta' tħassib komuni sabiex jiġu promossi l-paċi, l-prosperità u l-istabbiltà madwar id-dinja; jenfasizza l-importanza ta' sensibilizzazzjoni u impenn politiku għall-implimentazzjoni urġenti ta' PSDK ambizzjuża, effettiva u strutturata; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-problemi ta' komunikazzjoni tal-UE billi jagħmlu l-azzjoni esterna tal-UE aktar responsabbli u viżibbli; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex juru riżultati fil-qasam tad-difiża billi jsegwu l-Istrateġija Globali tal-UE u l-pjanijiet tal-Kummissjoni għat-titjib tar-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti bis-sħiħ l-isfidi dejjem akbar għas-sigurtà fil-proposta tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss; iqis li kemm id-daqs kif ukoll il-flessibbiltà tal-baġit tal-PESK iridu jilħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE dwar ir-rwol tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà; jinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm viżjoni globali għall-politika u l-istrumenti tal-UE fil-qasam tas-sigurtà, inkluża koordinazzjoni siewja mal-Fond Ewropew għad-Difiża propost; jistieden lill-Istati Membri biex jimmiraw lejn il-mira ta' 2 % tal-PDG fin-nefqa fuq id-difiża, u biex jonfqu 20 % tal-baġits tad-difiża tagħhom f'tagħmir identifikat mill-EDA bħala meħtieġ; jindika, barra minn hekk, li kull politika ġdida għandha tiġi appoġġata minn sorsi ta' finanzjament ġodda; jinnota li bosta Stati Membri għandhom diffikultà biex iżommu firxa wiesgħa ħafna ta' kapaċitajiet difensivi kompletament operazzjonali, l-aktar minħabba diffikultajiet finanzjarji; jappella, għalhekk, għal aktar kooperazzjoni u koordinament dwar liema kapaċitajiet għandhom jinżammu sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċjalizzaw f'ċerti kapaċitajiet u jonfqu r-riżorsi tagħhom b'mod aktar effiċjenti; jemmen li l-interoperabbiltà hija kruċjali jekk il-forzi tal-Istati Membri għandhom isiru aktar kompatibbli u integrati; ifakkar li l-approprjazzjonijiet tal-PESK kienu jirrappreżentaw 3,6 % tal-impenji tal-Intestatura 4 fl-2016 u 0,2 % tal-baġit kollu tal-UE; jiddispjaċih li d-daqs u s-sottoimplimentazzjoni tal-kapitolu tal-PESK, kif ukoll it-trasferimenti sistematiċi li saru minnu jiżvelaw nuqqas persistenti ta' ambizzjoni li l-UE taġixxi bħala protagonista globali;

48.  Jinnota li l-istaġnar fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU qiegħed jimpedixxi azzjoni mill-komunità internazzjonali u jimpedixxi r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet; jistieden għal darb' oħra lill-Istati Membri biex jappoġġaw riformi fil-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-Kunsill tas-Sigurtà;

Il-kooperazzjoni fi ħdan koalizzjonijiet u ma' istituzzjonijiet li jipprovdu s-sigurtà

49.  Jissottoinja li huwa fl-interess strateġiku tal-UE li tippreserva u tapprofondixxi r-relazzjonijiet transatlantiċi tagħha bbażati fuq ir-rispett għall-valuri komuni, id-dritt internazzjonali u l-multilateraliżmu; jistieden lill-UE biex tkompli ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha, u toħloq il-kapaċitajiet proprji biex tindirizza aħjar il-kunflitti reġjonali u internazzjonali li għandhom impatt fuq l-UE; jemmen li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jiffukaw fuq l-adattament tal-istrutturi transatlantiċi għall-isfidi tal-lum, bħalma huma d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, il-prevenzjoni tar-radikaliżmu, il-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, u l-ġlieda kontra l-isforzi tal-pajjiżi terzi biex jiddestabilizzaw l-UE u n-NATO; jenfasizza wkoll l-importanza li titkompla u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fuq livell bilaterali u permezz tan-NATO dwar kwistjonijiet komuni; ifakkar li l-UE u l-Istati Uniti huma s-sħab l-aktar importanti ta' xulxin u li passi unilaterali iservu biss biex idgħajfu s-sħubija transatlantika; jemmen li l-Ewropa għandha ssaħħaħ alleanza virtuża bejn is-setturi privati u pubbliċi, u jenħtieġ li tirrinforza r-relazzjoni strateġika mal-Istati Uniti; jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE biex b'mod konsistenti iqajmu l-kwistjoni tas-sanzjonijiet extraterritorjali tal-Istati Uniti fid-djalogu tagħhom mal-Gvern tal-Istati Uniti;

50.  Jappoġġa bis-sħiħ id-Dikjarazzjoni tas-Summit ta' Varsavja tal-2016, b'mod partikolari dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, u jilqa' d-deċiżjonijiet dwar kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn in-NATO u l-UE f'diversi oqsma kif ukoll fl-iskjerament tal-forzi Amerikani, Kanadiżi u forzi multinazzjonali oħra fuq il-fruntiera tal-Lvant tal-UE;

51.  Jappella għal żieda fil-kondiviżjoni tal-intelligence bejn l-Istati Membri, żieda fil-kondiviżjoni interistituzzjonali tal-intelligence, u tal-koordinazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri u n-NATO, u jinsisti li dawn iridu jkomplu jikkooperaw mill-qrib kemm jista' jkun b'mod komplementari filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-valuri u normi fundamentali Ewropej; jirrikonoxxi li l-kondiviżjoni ta' informazzjoni u azzjoni kkoordinata bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u n-NATO ser jipproduċu riżultati f'oqsma bħalma huma rispons ta' terroriżmu għat-theddid ibridu, l-għarfien tas-sitwazzjoni, il-bini tar-reżiljenza, il-komunikazzjonijiet strateġiċi, iċ-ċibersigurtà u l-bini tal-kapaċità fir-rigward tas-sħab tal-UE; jemmen li aktar koordinazzjoni u kooperazzjoni eqreb ma' entitajiet multilaterali eżistenti oħra bħall-Eurocorps huma meħtieġa sabiex tiżdied is-sigurtà tal-UE; itenni li t-tiġdid tas-sħubijiet strateġiċi jenħtieġ li tkun ta' prijorità għall-UE;

52.  Jissottolinja r-rwol tal-Parlament fit-tfassil ta' politika estera ġenwina skont l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej; jistieden lill-Kunsill jaġixxi flimkien mal-Parlament matul l-istadji ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-politika barranija;

53.  Jirrikonoxxi l-ħidma tal-VP/RGĦ, u jistedinha tkompli tiżgura li r-rapporti annwali futuri jkunu aktar konċiżi u li jħarsu 'l quddiem, billi tiffoka fuq l-iktar prijoritajiet importanti għas-sena li jmiss u evalwazzjoni tal-miżuri mnedija fis-sena preċedenti, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, sabiex tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-prestazzjoni tal-UE;

°

°  °

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin ul-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.

OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) 2016/2036(INI)

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: David McAllister

Rapport dwar l-Opinjoni tal-Minoranza mill-MEPs tal-Grupp GUE/NGL, Sabine Lösing, Takis Hadjigeorgiou, Miguel Urban Crespo, Javier Couso Permuy

Ir-rapport isostni li l-politika tal-UE hija bbażata fuq il-valuri, u li hija impenjata biex tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u tixtieq tindirizza l-kawżi ewlenin tal-insabbiltà, bħall-faqar, in-nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi, l-esklużjoni soċjali, il-kunflitti armati u l-migrazzjoni furzata, filwaqt li jitraskura l-fatt li l-politika tal-PESK tal-UE hija responsabbli bil-kbir bħala waħda mill-akbar esportaturi tal-armi fid-dinja u dan minħabba l-politiki kummerċjali u ekonomiċi aggressivi tagħha. Ir-rapport iqis li huwa essenzjali li jissaħħu r-rotot legali u siguri lejn l-Ewropa, iżda ma jitkellimx dwar l-appoġġ (finanzjarju) tal-UE għad-detenzjoni tar-rifuġjati fl-Afrika ta' Fuq, u għall-għeluq de facto ta' ħafna mir-rotot lejn l-UE.

Aħna noġġezzjonaw għar-rapport peress li:

•  jitkellem dwar soluzzjoni paċifika u diplomatika tal-kunflitt iżda jappoġġa industrija tad-difiża b'saħħitha u jitlob li jiżdied il-finanzjament għall-kapaċitajiet ta' difiża;

•  jitlob għat-tneħħija tal-prinċipju tal-unanimità fil-Kunsill dwar il-PESK iżda jippromwovi deċiżjonijiet b'maġġoranza kwalifikata;

•  jilqa' l-Pjan ta' Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża, jirrakkomanda kooperazzjoni strutturata permanenti u Gruppi Tattiċi tal-UE ffinanzjati mill-UE;

•  jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, jappoġġa l-inkorporazzjoni tas-sigurtà interna u esterna.

Aħna nesiġu:

-  id-diżarm komplut (anki nukleari), fl-UE u f'livell dinji;

-  l-ebda finanzjamentm militari mill-baġit tal-UE skont l-interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 41(2) tat-TUE, li jipprojbixxi l-użu tal-baġit tal-UE għal nefqa li tirriżulta mill-attivitajiet li għandhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża;

-  ix-xoljiment tan-NATO.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (10.10.2017)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni
(2017/2121(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jean Arthuis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li filwaqt li l-approprjazzjonijiet baġitarji adottati taħt il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) għall-2016 ammontaw għal EUR 326.8 miljun f'impenji u EUR 298.1 miljun f'pagamenti, il-proporzjon ta' trasferimenti mill-kapitolu tal-PESK laħaq livell mingħajr preċedent ta' EUR 124.4 miljun f'impenji u EUR 69 miljun f'pagamenti fl-2016;

2.  Jinnota li wara l-approvazzjoni ta' trasferiment ta' approprjazzjonijiet Nru DEC 07/2017 b'valur ta' EUR 85 miljun mill-kapitolu PESK għall-Faċilità tal-UE tar-Refuġjati fit-Turkija u ż-żieda fil-konsum ippjanat, il-PESK se tkun qed topera b'defiċit stmat ta' EUR 55.6 miljun sa tmiem l-2017, jekk l-operazzjonijiet kollha ppjanati jiġu approvati;

3.  Ifakkar li l-approprjazzjonijiet tal-PESK kienu jirrappreżentaw 3.6 % tal-impenji tal-Intestatura 4 fl-2016 u 0.2 % tal-baġit kollu tal-UE; jiddispjaċih li d-daqs u s-sottoimplimentazzjoni tal-kapitolu tal-PESK, kif ukoll it-trasferimenti sistematiċi li saru minnu jiżvelaw nuqqas persistenti ta' ambizzjoni li l-UE taġixxi bħala protagonista globali;

4.  Itenni t-talba tiegħu għall-użu sħiħ tal-għodod tat-Trattat għall-ġbir ta' fondi taħt il-PESK kif ukoll taħt il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), jiġifieri l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti u l-fond ta' tnedija għall-fażi inizjali tal-missjonijiet; itenni l-ħtieġa għal sinerġiji sabiex titjieb il-kosteffiċjenza; jemmen li l-kooperazzjoni tad-difiża tal-UE trid tissaħħaħ billi jitfittxew modi oħra għax-xiri konġunt, il-manutenzjoni u ż-żamma tal-forzi u l-materjali, peress li dan iwassal għal tisħiħ tal-assi u l-kapaċitajiet tal-UE u għal effetti pożittivi potenzjali fuq ir-riċerka dwar id-difiża u kwistjonijiet industrijali; jinnota li minħabba l-limitazzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri, għandu jkun hemm aktar koordinazzjoni u għażliet aktar ċari dwar liema kapaċitajiet għandhom jinżammu, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċjalizzaw f'ċerti kapaċitajiet; jistieden lill-Istati Membri jirrevedu u jwessgħu sostanzjalment il-mekkaniżmu ta' finanzjament Athena u jisiltu vantaġġ sħiħ mill-proġetti kooperattivi proposti mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), sakemm dawn ikunu jiġġeneraw valur miżjud għall-UE;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti bis-sħiħ l-isfidi dejjem akbar għas-sigurtà fil-proposta tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss; iqis li kemm id-daqs kif ukoll il-flessibbiltà tal-baġit tal-PESK iridu jilħqu, fost l-oħrajn, l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE dwar ir-rwol tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà, u l-isfidi u l-opportunitajiet mistennija għall-pożizzjoni tal-UE bħala attur strateġiku wara l-Brexit; jinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm viżjoni globali għall-politika u l-istrumenti tal-UE fil-qasam tas-sigurtà, inkluża koordinazzjoni siewja mal-Fond Ewropew għad-Difiża propost; jistieden lill-Istati Membri biex jimmiraw lejn il-mira ta' 2 % tal-PDG fin-nefqa fuq id-difiża, u biex jonfqu 20 % tal-baġits tad-difiża tagħhom f'tagħmir identifikat mill-EDA bħala meħtieġ; jindika, barra minn hekk, li kull politika ġdida għandha tiġi appoġġata minn sorsi ta' finanzjament ġodda;

6.  Jinnota li filwaqt li l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE fil-Ġeorġja, EULEX Kosovo u EUPOL Afganistan huma storikament l-uniċi missjonijiet b'linji baġitarji tagħhom stess, missjonijiet aktar importanti minn perspettiva baġitarja, bħal-EUCAP Somalia, EUCAP Sahel Niger u EUAM Ukraine, kollha jaqgħu taħt il-linja ġenerika; iqis li, sabiex jiġu rispettati l-prinċipji ta' trasparenza u speċifikazzjoni, approprjazzjonijiet relatati ma' missjonijiet ewlenin individwali għandhom jitniżżlu bħala linji baġitarji separati tal-kapitolu tal-PESK.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.10.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

10

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Manuel dos Santos, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, John Howarth, Bernd Kölmel, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Urmas Paet, Pina Picierno, Răzvan Popa, Paul Rübig, Jordi Solé, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Monika Vana, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Stanisław Żółtek

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Pierre Vieu, Auke Zijlstra

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

25

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Urmas Paet

PPE

Reimer Böge, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Patricija Šulin, Inese Vaidere, Tomáš Zdechovský

S&D

Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, John Howarth, Pina Picierno, Răzvan Popa, Isabelle Thomas, Derek Vaughan, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Manuel dos Santos

10

-

ECR

Richard Ashworth, Bernd Kölmel

EFDD

Jonathan Arnott

ENF

Auke Zijlstra, Stanisław Żółtek,

GUE/NGL

Liadh Ní Riada, Marie-Pierre Vieu

NI

Eleftherios Synadinos

VERTS/ALE

Jordi Solé, Monika Vana

1

0

VERTS/ALE

Indrek Tarand

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

6.11.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

6

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Petras Auštrevičius, Bas Belder, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Manolis Kefalogiannis, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ramona Nicole Mănescu, Alex Mayer, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Alojz Peterle, Julia Pitera, Jean-Luc Schaffhauser, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Charles Tannock, László Tőkés, Elena Valenciano, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Neena Gill, Ana Gomes, Antonio López-Istúriz White, Urmas Paet, Gilles Pargneaux, Bodil Valero

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Bogdan Andrzej Zdrojewski

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

28

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Javier Nart, Urmas Paet, Hilde Vautmans

PPE

Arnaud Danjean, Michael Gahler, Manolis Kefalogiannis, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Ramona Nicole Mănescu, Alojz Peterle, Julia Pitera, László Tőkés, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Jaromír Štětina

S&D

Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Neena Gill, Ana Gomes, Alex Mayer, Clare Moody, Gilles Pargneaux, Elena Valenciano, Boris Zala

6

-

EFDD

James Carver

ENF

Mario Borghezio, Jean-Luc Schaffhauser

GUE/NGL

Sabine Lösing

NI

Georgios Epitideios, Janusz Korwin-Mikke

7

0

ECR

Bas Belder, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

VERTS/ALE

Barbara Lochbihler, Jordi Solé, Bodil Valero

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni