RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward it-tibdil fir-riżorsi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u fir-riżorsi għall-investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi u l-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea

17.11.2017 - (COM(2017)0565 – C8-0342/2017 – 2017/0247(COD)) - ***I

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Iskra Mihaylova
(Simplified procedure - Rule 50(1) of the Rules of Procedure)


Proċedura : 2017/0247(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0358/2017
Testi mressqa :
A8-0358/2017
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward it-tibdil fir-riżorsi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u fir-riżorsi għall-investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi u l-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea

(COM(2017)0565 – C8-0342/2017 – 2017/0247(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0565),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ressqet il-proposta lill-Parlament (C8-0342/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0358/2017),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-proposta leġiżlattiva twettaq għadd ta' bidliet tekniċi għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (Regolament (UE) Nru 1303/2013) sabiex jittieħed kont tal-aktar data statistika reċenti disponibbli u biex il-figuri f'dan ir-regolament jinġiebu f'konformità mal-eżitu ta' diversi deċiżjonijiet finanzjarji li diġà ttieħdu.

L-ewwel nett, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020 (QFP – ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013) fl-Artikolu 7 tiegħu jiddisponi għal aġġustament ta' pakketti tal-politika ta' koeżjoni bejn l-2016 u l-2017. L-Artikolu 92(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jikkonferma dan. Il-proċedura tipprevedi l-aġġustament tal-allokazzjoni totali għal kull Stat Membru fejn il-PDG nazzjonali nbidel b'aktar minn 5 %. Dan huwa l-każ għal 16-il Stat Membru. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-figuri jiġu aġġustati sabiex jirriflettu l-fatt li Ċipru sar eliġibbli taħt il-Fond ta' Koeżjoni. Iż-żieda totali għal fondi tal-politika ta' koeżjoni hija limitata għal EUR 4 biljun permezz tal-Artikolu 7(5) tar-QFP, għalkemm il-kalkolu nnifsu kien iwassal għal żieda akbar. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1941 diġà mmodifikat l-analiżi annwali skont l-Istat Membru.

It-tieni nett, il-figuri li jidhru fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jridu jirriflettu t-trasferimenti ta' approprjazzjonijiet bejn l-għanijiet differenti tal-politika ta' koeżjoni. Normalment mhuwiex possibbli li jiġu ttrasferiti approprjazzjonijiet bejn l-għan tal-"Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi" u l-għan tal-"kooperazzjoni territorjali Ewropea". Madankollu, l-Artikolu 94 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jippermetti lill-Kummissjoni tawtorizza tali trasferimenti jekk ċerti kundizzjonijiet jiġu sodisfatti. Il-Kummissjoni awtorizzat tali trasferiment fir-rigward tad-Danimarka fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1941, li wassal għal bidla fl-ammonti totali allokati għal kull għan li r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għandu jirrefletti.

It-tielet nett, l-emenda tal-2017 lill-QFP (Regolament (UE, Euratom) 2017/1123) għamlet bidla fir-regoli dwar il-marġnijiet li tħallew disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn (Marġni Globali tal-QFP), li ppermetta li dawn il-fondi jintużaw, inter alia, għal estensjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għall-perjodu 2017-2020. Il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għal din il-bidla fil-kuntest tar-reviżjoni tal-QFP. Dan jirrikjedi emenda ta' konsegwenza għall-figuri tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni. Iż-żieda ta' EUR 1.2 biljun għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għandha tintlaqa' tajjeb fid-dawl tar-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'ħafna partijiet tal-Ewropa, għalkemm ta' min jinnota li għadu jista' jsir xi titjib fl-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (ara b'mod partikolari r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 5/2017).

Ir-raba' nett, f'konformità mal-Artikolu 19(1) tal-QFP, ġiet adottata deciżjoni fl-2015 (ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/623) biex fondi tal-programm ta' koeżjoni mhux użati għall-2014 jiġu distribwiti mill-ġdid (l-ewwel sena tal-perjodu kurrenti) għas-snin ta' wara. Il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għal din id-deċiżjoni f'dak iż-żmien. Il-proposta attwali timmodifika l-figuri fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni sabiex jirrifletti dan it-tqassim ġdid.

Ir-rapporteur jinnota li l-proposta attwali twettaq serje ta' modifiki tekniċi fil-figuri fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni sabiex jirrifletti diversi deċiżjonijiet li diġà ttieħdu biex il-finanzjament tal-programmi ta' koeżjoni jiġi aġġornat u aġġustat. Dawn il-bidliet huma r-riżultat jew ta' kalkoli purament tekniċi li l-Kummissjoni għandha tagħmel bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, jew ta' bidliet fil-QFP li l-Parlament diġà ta l-approvazzjoni għalihom. Il-Parlament jista’, għalhekk, japprova dawn il-bidliet mingħajr emendi. Fid-dawl tal-fatt li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għandha titkompla b'urġenza, ir-rapporteur tipproponi li l-kumitat juża l-proċedura simplifikata.

Madankollu, il-Parlament jinnota li, għal diversi raġunijiet, il-Kummissjoni għamlet din il-proposta tard ħafna. Huwa jifhem li saru kuntatti preparatorji mill-qrib mal-Kunsill sabiex ikun hemm adozzjoni rapida hemmhekk, iżda jiddeplora l-fatt li l-ebda pass simili ma kien ittieħed sabiex il-Parlament jingħata avviż bil-quddiem ta' din il-proposta urġenti. Il-Kummissjoni ressqet għall-prova severa r-rieda tajba tal-Parlament f'dan ir-rigward, peress li ma hemm l-ebda raġuni ovvja għaliex ma setgħetx tagħti liż-żewġ koleġiżlaturi avviż minn qabel dwar din il-proċedura. Il-Kummissjoni qed tiġi mistiedna biex fil-ġejjieni tagħti kunsiderazzjoni ugwali liż-żewġ koleġiżlaturi.

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali organizza laqgħa straordinarja fl-13 ta' Novembru sabiex jiddiskuti l-proposta mal-Kummissarju responsabbli, Corina Creţu. B'reazzjoni għall-kritika tal-Membri dwar iż-żmien meta ssir il-proposta, il-Kummissarju nnota li l-aħħar waħda mid-deċiżjonijiet li ġew introdotti f'dan l-aġġustament ittieħdet mill-Kunsill f'Ġunju 2017, u talab lill-Membri jiskużaw id-dewmien fil-preżentazzjoni tal-proposta, li rriżulta mill-kumplessità amministrattiva inevitabbilment marbuta ma' kull emenda tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni. Wara dibattitu estensiv li fih l-importanza li jinżamm il-finanzjament tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ġiet enfasizzata, il-Kumitat approva l-proposta, billi applika l-Artikolu 50(1) tar-Regoli ta' Proċedura.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS

Ittra tad-9 ta' Novembru 2017 minn Jean Arthuis, President tal-Kumitat għall-Baġits, lil Iskra Mihaylova, President tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Suġġett: Rapport dwar emenda teknika għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

Sur President,

Il-Kumitat REGI attwalment qed iħejji rapport dwar emenda teknika għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward it-tibdil fir-riżorsi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u fir-riżorsi għall-investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi u l-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (2017/0247 (COD)).

F'isem il-Kumitat għall-Baġits nixtieq nissottomettilek il-fehmiet li ġejjin b'rabta ma' dan il-fajl.

Il-Kumitat għall-Baġits jilqa' b'mod pożittiv l-aġġustament tekniku tal-pakketti ta' koeżjoni, li jirriżulta f'żieda ta' EUR 4 biljun (fi prezzijiet tal-2011). Madankollu, huwa insista b'mod persistenti dwar il-ħtieġa urġenti li l-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020 titwettaq bis-sħiħ, biex tiġi żgurata l-ġestjoni f'waqtha tagħhom matul il-perjodu tal-QFP attwali u tiġi evitata rikostruzzjoni ta' pagamenti b'lura fil-bidu tal-qafas għal wara l-2020.

Konxju tal-ħtieġa urġenti tal-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-Kumitat għall-Baġits ukoll b'mod kostanti u ripetut fittex li jżid il-finanzjament tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI). Iż-żieda ta' EUR 1.2 biljun fi prezzijiet attwali tal-allokazzjoni speċifika għall-YEI, li ġiet approvata politikament fi ħdan ir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), u li jeħtieġ li tiġi kkomplementata b'tal-anqas EUR 1.2 biljun minn investiment immirat mill-FSE sal-2020, minn dejjem kienet meqjusa mill-Kumitat tagħna u mill-Parlament bħala insuffiċjenti.

Il-Kumitat jinnota, madankollu, li dan il-ftehim politiku jeħtieġ li jiġi tradott fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni sabiex jipprovdi bażi soda għall-aġġornament tal-programmi operazzjonali korrispondenti tal-Istati Membri.

Il-Kumitat għall-Baġits, għalhekk, jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jaqbel dwar l-emendi proposti għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Fi ħdan il-proċedura baġitarja annwali, il-Kumitat tagħna se jagħmel l-almu tagħha biex jiżgura li l-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-YEI jkunu mogħnija bl-approprjazzjonijiet meħtieġa.

Dejjem tiegħek,

Jean Arthuis

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Tibdil fir-riżorsi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u fir-riżorsi għall-investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi u l-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea

Referenzi

COM(2017)0565 – C8-0342/2017 – 2017/0247(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

5.10.2017

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

REGI

23.10.2017

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG

23.10.2017

EMPL

23.10.2017

CULT

23.10.2017

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

BUDG

8.11.2017

EMPL

14.11.2017

CULT

9.11.2017

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Iskra Mihaylova

26.10.2017

 

 

 

Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni

13.11.2017

Data tal-adozzjoni

13.11.2017

 

 

 

Data tat-tressiq

17.11.2017