RAPPORT dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina

28.11.2017 - (2017/2204(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Alyn Smith


Proċedura : 2017/2204(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0382/2017

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina

(2017/2204(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, adottata fl-4 ta' April 1990, u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjni Konġunta Sino-Brittanika,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2016 tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (JOIN(2017)0016), ir-Rapport Annwali 2015 tal-Kummissjoni tal-25 ta' April 2016 dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (JOIN(2016)0010), u r-Rapport Annwali 2014 tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2015 dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (JOIN(2015)0012),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina (JOIN(2016)0030), il-Koomunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ottubru 2015 dwar kummerċ għal kulħadd (COM(2015)0497), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju2016 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-politika tal-UE ta' "Ċina Waħda",

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Hong Kong, iċ-Ċina, dwar kooperazzjoni u għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali tal-1999[1],

–  wara li kkunsidra d-dħul mingħajr viża fiż-żona Schengen[2] u fil-bqija tal-Unjoni Ewropea għal detenturi ta' passaporti tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u viċi versa,

–  wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem li tnieda fl-1995,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Hong Kong, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina[3], tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong[4], tal-15 ta' Diċembru 2005 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet u f'Hong Kong[5], tat-8 ta' April 2003 dwar it-Tielet u r-Raba' Rapport Annwali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong[6], tad-19 ta' Diċembru 2002 dwar Hong Kong[7], tas-26 ta' Ottubru 2000 dwar l-Ewwel u t-Tieni Rapport Annwali tal-Kummissjoni u l-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong[8], tat-8 ta' Ottubru 1998, dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-Unjoni Ewropea u Hong Kong: Lil hinn mill-1997[9], u tal-10 ta' April 1997 dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong[10],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina (JOIN(2016)0030), il-Koomunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment" (COM(2015)0497), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar L-Istratreġija tal-UE dwar iċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, partikolarment dawk tas-16 ta' Diċembru 2015[11] u tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina[12],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0382/2017),

A.  billi fl-1 ta' Lulju 1997, is-sovranità fuq Hong Kong għaddiet mir-Renju Unit lejn ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

B.  billi d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 iggarantiet, u l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (SAR) tal-1990 tipprevedi, li Hong Kong se jżomm l-awtonomija u l-indipendenza tal-eżekuttiv, tal-leġiżlatura u tal-ġudikatura għal 50 sena wara t-trasferiment tas-sovranità;

C.  billi l-UE u l-Parlament Ewropew jibqgħu sostenituri qawwija tal-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" u ta' livell għoli ta' awtonomija għal Hong Kong taħt iċ-Ċina;

D.  billi l-UE u Hong Kong jorgnizzaw laqgħa annwali ta' livell għoli, imsejħa Djalogu Strutturat, li bdiet fl-2005; billi l-10 Djalogu Strutturat annwali sar fi Brussell fis-17 ta' Novembru 2016;

E.  billi r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u Hong Kong għadhom jikbru b'saħħithom; billi l-UE hija t-tieni l-akbar sħab kummerċjali ta' Hong Kong wara ċ-Ċina kontinentali, u l-Hong Kong huwa l-14 l-akbar sħab kummerċjali tal-UE fi prodotti, u huwa sħab ewlieni għal kummerċ fis-servizzi; billi relazzjonijiet bilaterali fil-futur għandhom jibbenefikaw mill-ħtieġa ta' Hong Kong għal aktar diversifikazzjoni ekonomika, rabtiet mill-qrib mar-Rotta tal-Ħarir il-Ġdida u integrazzjoni akbar mar-reġjun tad-Delta tax-Xmara Pearl; billi skont il-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD), il-Hong Kong huwa t-tieni l-akbar suq fil-mira għall-investiment dirett barrani;

F.  billi d-difiża u l-affarijiet barranin ta' Hong Kong jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

G.  billi l-Liġi Bażika tagħti lil Hong Kong SAR id-dritt li jorganizza r-relazzjonijiet ekonomiċi esterni tiegħu stess u li jsir membru ta' organizzazzjonijiet internazzjonali;

H.  billi anke wara l-1 ta' Lulju 1997, komplew japplikaw ftehimiet dwar id-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali u ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi ċ-Ċina iffirmat u rratifikat ukoll ftehimiet internazzjonali li jiggarantixxu dawn id-drittijiet, u b'hekk irrikonoxxiet l-importanza u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem; billi ċ-Ċina stabbiliet fora għal djalogu mal-UE u ma' sħab internazzjonali oħrajn dwar kwistjonijiet marbuta mal-istat tad-dritt;

I.  billi Hong Kong huwa membru jew membru assoċjat ta' aktar minn 20 organizzazzjoni internazzjonali inkluż l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-Kooperazzjoni Ekonomika Asja-Paċifiku (APEC), l-Interpol, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI), il-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB), il-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura (AIIB), il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, il-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (KIK) u l-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trejdjunjins;

J.  billi Hong Kong huwa parti għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

K.  billi l-Liġi Bażika tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jipprovdu protezzjoni għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet individwali;

L.  billi l-Artikolu 27 tal-Liġi Bażika jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni, libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, ta' parteċipazzjoni f'purċissjoni u dimostrazzjoni;

M.  billi l-Artikoli 45 u 68 tal-Liġi Bażika jipprevedu li l-Kap tal-Eżekuttiv u l-membri kollha tal-Kunsill Leġiżlattiv għandhom finalment jiġu eletti b'suffraġju universali;

N.  billi l-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ppubblika white paper dwar il-prattika tal-politika ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" f'Hong Kong fl-10 ta' Ġunju 2014, li tenfasizza li l-awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong hi finalment soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-gvern ċentrali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

O.  billi s-soċjetà tradizzjonalment miftuħa ta' Hong Kong wittiet it-triq għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina u indipendenti li b'mod attiv u kostruttiv tipparteċipa fil-ħajja pubblika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali;

P.  billi s-soċjetà ċivili ta' Hong Kong żiedet is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar id-drittijiet ċivili u politiċi, ir-reliġjon, il-kura tas-saħħa, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-parteċipazzjoni politika tan-nisa, id-drittijiet tal-ħaddiema domestiċi, id-drittijiet LGBTI, u l-libertajiet akkademiċi u kulturali;

Q.  billi Hong Kong igawdi minn sistema multipartitika dinamika; billi, tul is-snin, in-nies ta' Hong Kong għexu dimostrazzjonijiet tal-massa favur id-demokrazija u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Liġi Bażika, inklużi l-protesti tal-2014 mill-hekk imsejjaħ "Moviment Umbrella", kif ukoll dwar il-libertajiet tal-midja, u, fost l-oħrajn, kontra l-għajbien tal-bejjiegħa tal-kotba ta' Hong Kong;

R.  billi, matul l-aħħar għoxrin sena, xi ġurnalisti u ħaddiema oħrajn fil-midja, li spiss kienu sostenituri tad-demokrazija u esprimew fehmiet ta' kritika, ġew imġiegħla jirriżenjaw, ġew trasferiti biex ikopru oqsma anqas sensittivi u, f'xi każijiet, saħansitra kienu mhedda bi vjolenza;

S.  billi, fi tmiem l-2015, erba' residenti ta' Hong Kong u persuna mhux residenti, li kienu assoċjati mad-dar ta' pubblikazzjoni "Mighty Current" u mal-ħanut tal-kotba tagħha, għebu u xhur wara ħarġet informazzjoni li huma kienu detenuti fiċ-Ċina kontinentali f'postijiet mhux magħrufa, u billi wieħed mill-bejjiegħa tal-kotba rilaxxati ddikjara li l-konfessjoni tiegħu ta' għemil ħażin kienet furzata;

T.  billi, matul dawn l-aħħar snin, ġiet osservata żieda fl-awtoċensura tal-midja ta' Hong Kong fi kwistjonijiet li jikkonċernaw iċ-Ċina kontinentali, kif ikkonfermat ukoll minn stħarriġ u rapporti mill-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti ta' Hong Kong;

U.  billi Hong Kong joffri l-possibbiltà li wieħed isegwi taħriġ ta' livell għoli u jilħaq livell akkademiku għoli, madankollu, il-libertà akkademika tinsab f'riskju minħabb interferenzi ripetuti min-naħa tal-gvern ċentrali taċ-Ċina, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħatriet tal-kunsill universitarju;

V.  billi sar stħarriġ f'intervalli regolari mill-programm ta' analiżi tal-opinjoni pubblika tal-Università ta' Hong Kong li juri tnaqqis fit-tul tas-sentiment ta' identifikazzjoni maċ-Ċina;

W.  billi f'Jannar 2017, l-Uffiċċju tal-Ambjent ta' Hong Kong ippubblika il-"Pjan ta' Azzjoni ta' Hong Kong dwar il-Klima 2030+", pjan transsettorjali bbażat fuq il-Ftehim ta' Pariġi, li jistabbilixxi miri ġodda għal emissjonijiet tal-karbonju, jiġifieri tnaqqis b'żewġ terzi tal-intensità tal-karbonu u b'terz tal-emissjonijiet assoluti tal-karbonju sal-2030 meta mqabbla mal-valuri ta' referenza tal-2005;

X.  wara li kkunsidra l-importanza tal-port ta' Hong Kong għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u għall-kummerċ internazzjonali;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

(a)  li jenfasizzaw mal-awtoritajiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li bl-istess mod li l-politika tal-UE "Ċina Waħda" hija element essenzjali tal-impenn tal-UE, ir-rispett sħiħ tal-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u tal-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi", huwa ta' importanza ewlenija għall-iżvilupp u għal aktar tisħiħ u espansjoni tar-relazzjonijiet attwali u futuri mal-UE, u li l-intervent fl-affarijiet interni ta' Hong Kong għandu l-potenzjal li jimmina dan il-prinċipju u għaldaqstant għandu jiġi evitat;

(b)  li jikkundannaw l-interferenza kontinwa tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-affarijiet interni ta' Hong Kong, li tista' tippreġudika l-vijabbiltà fit-tul tal-mudell "pajjiż wieħed, żewġ sistemi";

(c)  li jirrinforzaw id-djalogu bilaterali mal-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, b'mod partikolari permezz tad-Djalogu Strutturat annwali bejn l-UE u Hong Kong, fuq firxa wiesgħa ta' suġġetti u oqsma ta' politika, bħalma huma d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-kummerċ, l-investiment, is-servizzi finanzjarji, id-dwana, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, ir-riċerka u l-edukazzjoni, li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-prinċipju "pajjiż wieħed, żewġ sistemi", u li jkompli r-rapportar annwali mill-VP/RGħ u mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi f'Hong Kong;

(d)  li jirrikonoxxu li, tul iż-żmien, Hong Kong żviluppa f'soċjetà miftuħa fejn iċ-ċittadini jgawdu minn drittijiet tal-bniedem, libertajiet, standards għolja ta' saħħa pubblika u ta' sigurtà, trasparenza, u għandu ġudikatura li hija fdata, u fejn jipprevalu l-istat tad-dritt u livelli baxxi ta' korruzzjoni, u li l-poplu ta' Hong Kong għandu d-dritt leġittimu li jitħalla jkompli jgawdi minn dan l-istil ta' ħajja u minn dawn id-drittijiet u valuri bi grad għoli ta' awtonomja;

(e)  li jenfasizzaw li r-rispett tal-awtonomija ta' Hong Kong hu essenzjali biex jitkompla l-iżvilupp pożittiv tiegħu kif ukoll biex jinżammu relazzjonijiet favorevoli maċ-Ċina kontinentali, kif ukoll għat-tkompli tad-djalogi maċ-Ċina kontinentali u mat-Tajwan;

(f)  li jieħdu impenn favur l-appoġġ tal-awtonomija u l-prosperità ta' Hong Kong u d-drittijiet u l-libertajiet tal-poplu tiegħu, u li jesprimu appoġġ qawwi għat-tnedija ta' proċess ta' riforma politika f'konformità mal-istandards internazzjonali u mal-Liġi Bażika, li jagħti lill-poplu tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali d-dritt li jeleġġi u li jiġi elett fi proċess ta' għażla għall-ogħla karigi ta' tmexxija, u li jirrifletti l-pożizzjoni tal-maġġoranza fi ħdan l-opinjoni pubblika ta' Hong Kong;

(g)  li jistiednu, f'dan il-kuntest, lill-Gvernijiet ta' Hong Kong u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex jikkonfermaw l-impenn tagħhom u jagħtu spinta ġdida għal riforma tas-suffraġju universali fl-elezzjoni li jmiss tal-Kap tal-Eżekuttiv u tal-membri tal-Kunsill Leġiżlattiv f'Hong Kong, sabiex ikun hemm sistem elettorali li hija demokratika, ġusta, miftuħa u trasparenti;

(h)  li jsibu mezzi ta' appoġġ għall-ikkonsolidar tad-demokrazija f'Hong Kong u tas-sistema multipartitika tiegħu, u li jesprimu tħassib għaż-żieda fl-intimidazzjoni tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni u għar-rifjut tar-Reġistru tal-Kumpaniji li jirreġistra għadd ta' gruppi prodemokratiċi;

(i)  li jilqgħu b'mod pożittiv ir-rekord ta' parteċipazzjoni fl-aħħar elezzjonijiet għall-Kunsill Leġiżlattiv tal-2016, filwaqt li jiddispjaċihom li, fl-2016, l-awtoritajiet ta' Hong Kong irrifjutaw li jirreġistraw partit politiku ġdid favur l-indipendenza għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Leġiżlattiv u skwalifikaw sitt kandidati b'fehmiet favur il-promozzjoni ta' awtonomija akbar għal Hong Kong;

(j)  li jikkundannaw it-theddid għas-sikurezza personali tal-politiċi prodemokratiċi, inkluż il-ħtif u l-vjolenza fiżika, kif irraportat minn xi leġiżlaturi;

(k)   li jilqgħu l-ħelsien fuq pleġġ tat-tliet mexxejja tal-moviment prodemokratiku, Joshua Wong, Nathan Law u Alex Chow, li reċentement ġew ikkundanti għal priġunerija ta' bejn sitt u tmien xhur għal raġuni ta' "għaqda illegali", wara li s-sena l-oħra ġew ikkundannati għal pieni mingħajr kustodja, inkluż servizz komunitarju, għal parteċipazzjoni tagħhom fi protesti paċifiċi; li jħeġġu lill-Qorti tal-Appell Finali ta' Hong Kong biex tikkunsidra l-każijiet tas-Sinjuri Wong, Law u Chow f'konformità mal-obbligi ta' Hong Kong skont id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u li jħeġġu lill-Gvern ta' Hong Kong biex jirrevedi l-Ordinanza dwar l-Ordni Pubbliku biex din tinġieb f'konformità mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

(l)  li jiġbdu l-attenzjoni taċ-Ċina li, anke jekk il-Liġi Bażika, id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Britannika u l-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" huma ġeneralment irrispettati, hemm tħassib dejjem akbar u mifrux li l-grad għoli ta' awtonomija miftiehem ta' Hong Kong, jew il-valur ġuridiku, jew l-ispirtu tad-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika ġew ikkontestati;

(m)  li jesprimu tħassib serju dwar il-fatt li l-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu, qabel il-ħruġ ta' sentenzi mill-qorti, qiegħed joħroġ interpretazzjonijiet, kemm jekk mitluba u kemm jekk le, dwar il-Liġi Bażika, li jissuġġerixxu li l-leġiżlaturi eletti demokratikament għandhom jiġu diskwalifikati, u b'hekk qiegħed jimmina l-fiduċja fl-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura f'każijiet individwali partikolari; li jfakkru li s-sistema ġudizzjarja u l-proċess ġudizzjarju normali ta' Hong Kong għandu jkun l-istrument ewlieni għar-riżulozzjoni tat-tilwim;

(n)  li jenfasizzaw li t-trattament tal-każ tal-ħames bejjiegħa tal-kotba li għebu qajjem dubji spjaċevoli dwar l-awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali, kif iddikjarat fil-Liġi Bażika, u dwar in-nuqqas ta' ċarezza rigward ir-rwol tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi taċ-Ċina kontinentali f'Hong Kong;

(o)  li jesprimu tħassib dwar l-allegazzjonijiet li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi taċ-Ċina qegħdin joperaw f'Hong Kong, li jkun jikkostitwixxi ksur tal-Liġi Bażika u jkun inkonsistenti mal-prinċipju "pajjiż wieħed, żewġ sistemi";

(p)  li jissottolinjaw li l-libertà tal-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni ġeneralment ġew rispettati, filwaqt li jesprimu tħassib dwar id-deterjorament kostanti tal-libertà tal-istampa f'Hong Kong, bi pressjoni dejjem tiżdied fuq il-midja, kemm dik stampata u kemm dik elettronika, biż-żieda fl-awtoċensura, b'mod partikolari rigward kwistjonijiet sensittivi dwar iċ-Ċina kontinentali jew dwar il-Gvern ta' Hong Kong, u bl-issikkar tal-kontroll fuq il-bejgħ ta' kotba politiċi sensittivi permezz tal-monopolju tas-sjieda ta' kważi l-ħwienet tal-kotba kollha;

(q)  li jkomplu d-djalogu bilaterali mal-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong dwar diversi oqsma ta' politika kif ukoll dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi";

(r)  li jtennu li kwalunkwe leġiżlazzjoni introdotta skont il-Liġi Bażika, inkluża kwalunkwe leġiżlazzjoni li se tiġi proposta abbażi tal-Artikolu 23 tal-Liġi Bażika, bħall-possibbiltà ta' Abbozz dwar is-Sigurtà Nazzjonali, ma tridx tinterferixxi fl-indipendenza u l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-ġudikatura ta' Hong Kong, u m'għandhiex tippreġudika l-obbligi meħuda skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), u lanqas ma għandha xxekkel il-libertajiet bħal-libertà tal-kelma, il-libertajiet tal-midja, il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-libertà ta' parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet, il-libertà li jiġu ffurmati trade unions, u li jsiru strajkijiet, u l-libertà tar-riċerka akkademika u tal-espressjoni kulturali u artistika, u m'għandhiex tintuża kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-kritiċi tal-gvern;

(s)  li jħeġġu u jappoġġaw il-movimenti prodemokratiċi kkoordinati fuq livell reġjonali, bħala għodda prinċipali biex titrawwem il-kooperazzjoni Asjatika dwar kwistjonijiet relatati mad-demokrazija u mad-drittijiet tal-bniedem;

(t)  li jsibu mezzi ta' appoġġ għas-soċjetà ċivili f'Hong Kong, b'mod partikolari fir-rigward ta' organizzazzjonijiet favur il-valuri universali u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u li jappoġġaw l-indipendenza tal-ġudikatura u l-libertà tal-istampa; li jenfasizzaw li huma biss forom ta' protesta mhux vjolenti u d-djalogu li jistgħu jkunu mezz ta' involviment f'każ ta' tilwim;

(u)  li jirrakkomandaw lill-Kunsill Leġiżlattiv ta' Hong Kong li jeżamina bir-reqqa l-leġiżlazzjoni futura dwar tal-ferroviji ta' veloċità għolja b'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini u ċ-ċittadini ta' Hong Kong;

(v)  li jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet akkademiċi ta' Hong Kong biex iżommu l-istandards għoljin tal-kurrikuli u r-riċerka tagħhom, u biex jippreservaw il-libertajiet akkademiċi, iżda li jesprimu tħassib, f'dan ir-rigward, dwar il-proċedura għall-ħatra tal-kunsilli tal-università u l-interferenzi esterni bl-għan li jimmodifikaw il-kurrikuli skolastiċi, li jistgħu jdgħajfu l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja; li jippromwovu t-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi Ewropej u ta' Hong Kong;

(w)  li jitolbu l-adozzjoni f'waqtha ta' liġi kontra d-diskriminazzjoni;

(x)  li jfakkru li s-soċjetà ta' Hong Kong u l-poplu tiegħu kienu influwenzati bil-kbir mill-immigrazzjoni, inkluż ir-refuġjati, u li jistiednu lill-Gvern ta' Hong Kong biex jallinja l-politika tiegħu dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati f'konformità mal-istandards internazzjonali, b'mod partikalori fir-rigward ta' refuġjati minorenni mhux akkumpanjati;

(y)  li jirrimarkaw li, għalkemm stħarriġ riċenti juri li ħafna abitanti ta' Hong Kong għandhom ix-xewqa li jemigraw, tkun qagħda infeliċi jekk Hong Kong ma jkunx jista' jżomm l-aħjar imħuħ milli jemigraw u tkun ukoll qagħda preokkupanti jekk ħafna, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, jitilfu kull tama fil-ġejjieni;

(z)  li josservaw bi tħassib li l-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar il-Korea ta' Fuq stabbilixxa fir-rapporti tiegħu li Hong Kong hija waħda miż-żewġ ġurisdizzjonijiet kummerċjali li fihom topera l-parti l-kbira tal-kumpaniji kkontrollati mill-Korea ta' Fuq; li jfakkru li impriżi konġunti internazzjonali mal-Korea ta' Fuq huma fi ksur tar-riżoluzzjoni l-aktar reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2388), u li jħeġġu lill-awtoritajiet ta' Hong Kong biex jindirizzaw it-tħassib tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar il-Korea ta' Fuq;

(aa)  li jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet ta' Hong Kong għall-fatt li, skont studju, l-iskart muniċipali f'Hong Kong żdied bi 80 % f'dawn l-aħħar għaxar snin, jiġifieri aktar mid-doppju tar-rata ta' tkabbir tal-popolazzjoni, u li jassistuhom fl-iżvilupp ta' politika effettiva għat-tnaqqis tal-iskart, fil-promozzjoni tar-riċiklaġġ u forom oħra ta' ekonomija ċirkolari, u fis-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar konsum responsabbli;

(ab)  li jissottolinjaw lill-awtoritajiet Ċiniżi li r-rispett sħiħ lejn l-awtonomija ta' Hong Kong jista' jipprovdi l-mudell għal proċess ta' riformi demokratiċi politiċi profondi fiċ-Ċina u l-liberalizzazzjoni u l-ftuħ gradwali tas-soċjetà Ċiniża;

(ac)  li jissottolinjaw l-impenn tal-UE għat-tisħiħ tad-demokrazija, inkluż l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, it-trasparenza, u l-libertà ta' informazzjoni u ta' espressjoni f'Hong Kong;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

  • [1]  ĠU L 151, 18.6.1999, p. 20.
  • [2]  ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1.
  • [3]  Testi adottati, P8_TA(2016)0444.
  • [4]  Testi adottati, P8_TA(2016)0045.
  • [5]  ĠU C 286 E, 23.11.2006, p. 523.
  • [6]  ĠU C 064 E, 12.03.2004, p. 130.
  • [7]  ĠU C 031 E, 05.02.2004, p. 261.
  • [8]  ĠU C 197, 12.07.2001, p. 387.
  • [9]  ĠU C 328, 26.10.1998, p. 186.
  • [10]  ĠU C 132, 28.04.1997, p. 222.
  • [11]  Testi adottati, P8_TA(2015)0458.
  • [12]  ĠU C 36, 29.01.2016, p. 126.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.11.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Bas Belder, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Eduard Kukan, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Michel Reimon, Jean-Luc Schaffhauser, Alyn Smith, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Laima Liucija Andrikienė, Jo Leinen, Urmas Paet, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Marietje Schaake, Janusz Zemke

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Alex Mayer, Ivica Tolić

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

45

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Urmas Paet, Marietje Schaake, Ivo Vajgl

ECR

Bas Belder, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden

PPE

Asim Ademov, Michèle Alliot-Marie, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Eduard Kukan, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Ramona Nicole Mănescu, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ivica Tolić, László Tőkés, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica

S&D

Francisco Assis, Victor Boştinaru, Eugen Freund, Jo Leinen, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Janusz Zemke

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Alyn Smith, Jordi Solé

5

-

EFDD

James Carver

ENF

Jean-Luc Schaffhauser

GUE/NGL

Javier Couso Permuy

NI

Georgios Epitideios, Janusz Korwin-Mikke

1

0

ENF

Mario Borghezio

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni