Proċedura : 2017/0820(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0002/2018

Testi mressqa :

A8-0002/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/01/2018 - 10.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0008

RAPPORT     
PDF 793kWORD 71k
12.1.2018
PE 615.276v02-00 A8-0002/2018

dwar il-ħatra proposta ta' Tony James Murphy bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8-0402/2017 – 2017/0820(NLE))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Indrek Tarand

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS 1: Il-CURRICULUM VITÆ TA' Tony James Murphy
 ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' TONY JAMES MURPHY GĦALL-KWESTJONARJU
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħatra proposta ta' Tony James Murphy bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8-0402/2017 – 2017/0820(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0402/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0002/2018),

A.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi waqt il-laqgħa tiegħu tal-11 ta' Jannar 2018, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Tony James Murphy bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.


ANNESS 1: Il-CURRICULUM VITÆ TA' Tony James Murphy

ESPERJENZA TA' XOGĦOL

01/05/2017–Preżent

Direttur tal-Awla IV – Regolamentazzjoni tas-Swieq u Ekonomija kompetittiva

Qorti Ewropea tal-Awdituri, Lussemburgu (Lussemburgu)

Ir-responsabbiltajiet jinkludu:

▪  L-għoti ta' assistenza u pariri lill-Membri tal-Awla fit-twettiq ta' dmirijiethom

▪  L-organizzazzjoni u l-immaniġġjar tax-xogħol tal-Awla

▪  Il-verifika tal-kwalità tax-xogħol ta' awditjar

▪  Il-koordinazzjoni ta' kwistjonijiet tal-persunal (madwar 100 membru tal-persunal tal-awditjar)

▪  Ir-rappreżentazzjoni tal-Qorti f'laqgħat u avvenimenti

01/01/2013–30/04/2017

Kap tal-Uffiċċju Privat tas-Sinjura IVANOVA

Qorti Ewropea tal-Awdituri, Lussemburgu (Lussemburgu)

Responsabbli mill-immaniġġjar tal-Uffiċċju Privat tas-Sinjura IVANOVA, membru Bulgaru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jinvolvi:

▪  L-għoti ta' assistenza fl-ippjanar u l-monitoraġġ kontinwu ta' dawk il-kompiti ta' awditjar li għalihom il-Membru huwa l-Membru Relatur

▪  Assistenza fl-abbozzar ta' diversi pubblikazzjonijiet tal-Qorti fil-qasam tal-Awditjar Finanzjarju, tal-Konformità u tal-Prestazzjonijiet, fl-oqsma ta' politika ta' Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali li jkopru suġġetti bħall-Impjiegi taż-Żgħażagħ u l-Istrumenti Finanzjarji

▪  Preżentazzjoni ta' rapporti speċjali lil diversi udjenzi

▪  Assistenza fl-organizzazzjoni ta' avvenimenti (jiġifieri laqgħat ta' livell għoli, konferenzi, żjarat ta' verifika)

▪  L-għoti ta' appoġġ lill-Membru fit-tħejjija u s-segwitu tal-laqgħat tal-Qorti u tal-Awla u anke sa minn Ottubru 2016 lill-Kumitat Amministrattiv meta l-membru sar Dekan tal-Awla

▪  Reviżjoni tad-dokumenti maħruġa minn Kmamar oħra u enfasi fuq kwistjonijiet importanti

▪  Il-Membru jinżamm infurmat dwar l-iżviluppi interni u esterni rilevanti

▪  L-iżvilupp ta' kuntatti u l-istabbiliment ta' relazzjonijiet tax-xogħol tajbin ma' kabinetti, Diretturi, Maniġers prinċipali oħra, u l-awdituri involuti f'kompiti li għalihom il-Membru huwa l-Membru Relatur, istituzzjonijiet Ewropej oħra bħall-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, l-Awtoritajiet Nazzjonali u l-Istampa

01/04/2007–31/12/2012

Kap tal-Unità tal-Awditjar Intern

Kummissjoni Ewropea - Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji - Unità tal-Awditjar Intern (ECFIN 01), Lussemburgu (Lussemburgu)

L-immaniġġjar ta' awditjar intern indipendenti u ta' attività ta' konsultazzjoni taħt ir-responsabbiltà diretta tad-Direttur Ġenerali. Superviżjoni ta' u gwida għall-persunal tal-unità, responsabbli mill-kwalità u l-puntwalità tar-rapporti tal-awditjar u outputs oħra.

2008

President tal-Bord tal-Awditjar

Fond Ewropew tal-Investiment (FEI)

Bħala President jippjana u jimmaniġġja l-laqgħat tal-Bord tal-Awditjar, inkluża l-preżentazzjoni tar-Rapport Annwali fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-FEI.

2007

Membru tal-Bord tal-Awditjar

Fond Ewropew tal-Investiment (FEI)

Jien ġejt innominat bħala r-rappreżentant tal-Kummissjoni fil-Bord tal-Awditjar tal-FEI għas-snin finanzjarji 2007 u 2008, fejn fl-2007 aġixxejt bħala Membru.

01/06/2003–31/03/2007

Awditur

Kummissjoni Ewropea - Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji - Unità tal-Awditjar Intern (ECFIN 01), Lussemburgu (Lussemburgu)

▪  Ikkollaborajt mill-qrib mal-Kap tal-Unità fit-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskju ECFIN 01 u l-istabbiliment sussegwenti ta' pjan strateġiku ta' 3 snin u programm ta' ħidma annwali għall-unità. Wettaqt kompiti ta' assigurazzjoni u ta' konsultazzjoni u kont involut ħafna fl-abbozzar ta' rapporti tal-awditjar u outputs oħra tal-unità (pereżempju rapporti ta' attività, opinjoni annwali dwar il-kontroll intern)

▪  Kont responsabbli mis-superviżjoni u r-reviżjoni tax-xogħol li sar minn kollegi oħra fl-unità, ikkomunikajt mal-Qorti tal-Awdituri u kont involut ukoll f'kuntatti regolari mas-Servizz tal-Awditjar Intern

01/11/1999–31/05/2003

Espert Nazzjonali Misluf

Kummissjoni Ewropea - Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji - Unità tal-Awditjar Intern (ECFIN 01)

▪  Assistejt fit-twettiq ta' kompiti tal-awditjar li kienu mmexxija minn uffiċjali ewlenin fl-unità

▪  Emendajt proċeduri ta' ħidma u metodoloġija abbażi ta' esperjenza preċedenti fin-nuqqas ta' kwalunkwe sistema ta' ġestjoni tal-awditjar tal-informatika disponibbli

01/09/1994–31/10/1999

Awditur Anzjan (maniġer ta' bosta timijiet tal-awdituri)

Uffiċċju tal-Kontrollur u tal-Awditur Ġenerali (Qorti Irlandiża tal-Awdituri), Dublin, Éire/l-Irlanda

▪  Maniġer tat-timijiet tal-awditjar fid-Diviżjoni tas-Saħħa minn Settembru 1994 sa Ottubru 1997. Responsabbli mill-awditjar ta' għadd ta' sptarijiet pubbliċi u awtoritajiet reġjonali tas-saħħa (baġits annwali bejn EUR 3 miljun u EUR 450 miljun)

▪  Minn Novembru 1997 ħadt transfer għad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u kelli responsabbiltajiet simili għal diversi entitajiet fis-Settur tal-Edukazzjoni inklużi l-Universitajiet, l-Awtoritajiet Reġjonali tal-Edukazzjoni u l-entitajiet semipubbliċi.

1998–1999

President tal-Bord tal-Awditjar

Il-Kunsill tal-Ewropa, Strasburgu (Franza)

Ippresedejt laqgħat tal-Bord u kont responsabbli mill-finalizzazzjoni tar-Rapport Annwali f'koordinazzjoni ma' Membri oħra tal-Bord

1997

Membru tal-Bord tal-Awditjar

Il-Kunsill tal-Ewropa, Strasburgu (Franza)

Ġejt innominat mill-Uffiċċju tal-Kontrollur u tal-Awditur Ġenerali biex nipparteċipa bħala Membru fil-Bord tal-Awditjar.

01/10/1979–31/08/1994

Trainee bħala Awditur, Assistent Awditur, Awditur

Uffiċċju tal-Kontrollur u tal-Awditur Ġenerali, Dublin, Éire/l-Irlanda

▪  Fil-bidu tħarriġt bħala membru ta' tim tal-awditjar involut fl-awditjar ta' diversi kumpaniji semistatali, imbagħad bħala membru ta' tim tal-awditjar involut fl-awditjar ta' diversi Dipartimenti tal-Gvern u kumpaniji semistatali u finalment bħala Kap ta' tim tal-awditjar involut fl-awditjar tal-Uffiċċju tal-Kummissarji tad-Dħul

▪  Assistent tal-Membru Irlandiż tal-Bord tal-Awditjar tal-Eurocontrol, Brussell għas-snin finanzjarji 1991 u 1992.

EDUKAZZJONI U TAĦRIĠ

1997–2006

Membru tal-IIA (Istitut tal-Awdituri Interni) u Awditur Intern Iċċertifikat wara l-eżaminazzjonijiet ta' Novembru 2005.

 

1989

Sieħeb fl-Association of Chartered Certified Accountants

 

1979–1984

Membru assoċjat mal-Association of Chartered Certified Accountants

 

1979

Ċertifikat ta' tkomplija tal-iskola sekondarja (ekwivalenti għall-Bakkalawrjat)

 

ĦILIET PERSONALI

Lingwa(i) materna(i)

Ingliż

 

 

Lingwa(i) oħra

FEHIM

TAĦDIT

KITBA

Smigħ

Qari

Taħdit interattiv

Taħdit produttiv

 

Irlandiż

 

 

Ċertifikat ta' tkomplija tal-iskola sekondarja

Franċiż

B2

B2

B2

B2

B2

 

Livelli 4-8 mitmuma fil-Kummissjoni minn Awwissu 2000-Lulju 2002

Ġermaniż

B2

B2

B2

B2

B2

 

Livelli 1-8 mitmuma fil-Kummissjoni minn Ottubru 2002-Lulju 2006

 

Livelli: A1 u A2: Utent bażiku - B1 u B2: Utent indipendenti - C1 u C2: Utent profiċjenti

Qafas Ewropew ta' Referenza Komuni għal-Lingwi

Ħiliet tal-komunikazzjoni

▪  Spirtu ta' tim eċċellenti u kapaċità b'saħħitha li jadatta f'ambjent multikulturali

▪  Stabbilixxa netwerk ta' kuntatti professjonali fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri, u mal-komunità tal-awditjar u tal-kontroll fil-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenziji u Korpi oħra tal-Unjoni

▪  Esperjenza fit-twettiq ta' preżentazzjonijiet fil-konferenzi u fis-seminars

Ħiliet organizzattivi/maniġerjali

▪  Kapaċi jimmaniġġja u jimmotiva membri ta' timijiet oħra

▪  Kapaċi jorganizza u jikseb riżultati b'valur miżjud sal-iskadenzi miftiehma

▪  Ħila analitika b'saħħitha

▪  Approċċ deċiżiv u prammatiku biex tinstab soluzzjoni għall-problema

▪  Sens kbir ta' inizjattiva

Ħiliet marbutin max-xogħol

▪  Għarfien eċċellenti tal-istandards u tal-prattiki professjonali relatati mal-professjoni tal-awditjar.

▪  Għarfien eċċellenti tal-Istandards ta' Kontroll Intern applikabbli fil-Kummissjoni

▪  Għarfien tajjeb tar-Regolament Finanzjarju u tal-leġiżlazzjoni settorjali fil-qasam tal-Politika ta' Koeżjoni u tar-Regolamentazzjoni tas-Swieq u Ekonomija kompetittiva

▪  Ħiliet tajbin ħafna ta' abbozzar

▪  Approċċ analitiku u oġġettiv għall-attivitajiet li jkunu qed jiġu awditjati

▪  Livell ta' impenn kunxjenzjuż u għoli

▪  Miftuħ għal metodoloġiji u approċċi ġodda

Ħiliet diġitali

▪  Utent regolari tal-Microsoft Office

▪  Familjari mal-AMS u mal-ASSYST

▪  Użu sew ta' IDEA (għodda tas-softwer tal-awditjar għall-estrazzjoni u l-analiżi tad-data) u s-sistema ta' ġestjoni tal-awditjar ibbażata fuq Lotus Notes f'esperjenza preċedenti


ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' TONY JAMES MURPHY GĦALL-KWESTJONARJU

Esperjenza professjonali

1.  Jekk jogħġbok elenka l-esperjenza professjonali tiegħek fil-finanzi pubbliċi, sew jekk hija fl-ippjanar baġitarju, fl-implimentazzjoni jew fil-ġestjoni tal-baġit, jew fil-kontroll jew l-awditjar tal-baġit.

Jien għandi esperjenza twila u wiesgħa fil-qasam tal-awditjar pubbliku ta' aktar minn 35 sena. Din l-esperjenza li ksibt fil-livell nazzjonali u Ewropew, tinkludi kemm l-awditjar intern kif ukoll dak estern u kienet tinvolvi parteċipazzjoni f'awditi finanzjarji, ta' konformità u tal-prestazzjonijiet u t-tmexxija tagħhom.

Bdejt il-karriera tiegħi fl-Uffiċċju tal-Kontrollur u tal-Awditur Ġenerali tal-Irish Supreme Audit Institution (SAI), fejn għamilt it-taħriġ inizjali tiegħi f'termini ta' awditjar tas-settur pubbliku u ksibt il-kwalifika professjonali ta' Certified Chartered Accountant.

Matul il-karriera tiegħi fl-SAI Irlandiża, minn trainee bħala awditur ilħaqt kap ta' tim u eventwalment maniġer tal-awditjar. Kont involut fl-awditi ta' diversi Dipartimenti tal-Gvern, tal-Uffiċċju tal-Kummissarji tad-Dħul u ta' bosta entitajiet iffinanzjati b'fondi pubbliċi. Bħala maniġer tal-awditjar kont responsabbli mill-ippjanar, mit-twettiq u mir-rapportar dwar l-awditi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u tal-Edukazzjoni fl-Irlanda inklużi l-bordijiet reġjonali tas-saħħa, l-isptarijiet, l-universitajiet u l-bordijiet lokali tal-edukazzjoni. Barra minn hekk, fiż-żmien li għamilt fl-SAI, ksibt esperjenza fl-awditjar fil-livell Ewropew f'ambjent multikulturali bħala assistent għall-Membru Irlandiż tal-Bord tal-Awditjar tal-Eurocontrol għal perjodu ta' sentejn u kelli mandat sussegwenti bħala Membru tal-Bord tal-Awditjar tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn aġixxejt bħala President għat-tieni sena.

Sabiex nikseb aktar esperjenza fil-fond tal-awditjar tas-settur pubbliku f'ambjent multikulturali u multilingwistiku, f'Novembru 1999 aċċettajt kariga fl-unità tal-awditjar intern tad-DĠ Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji fil-Kummissjoni Ewropea. Bqajt fl-unità sa Diċembru 2012 fejn, matul dan iż-żmien, ksibt kwalifika bħala Awditur Intern Iċċertifikat u kont Kap tal-Unità għal kważi sitt snin. Barra minn hekk, ġejt innominat parti mill-Bord tal-Awditjar tal-Fond Ewropew tal-Investiment bħala l-persuna nnominata tal-Kummissjoni Ewropea għal perjodu ta' sentejn.

Billi f'Jannar 2013 iċċaqlaqt għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri bħala l-Kap tal-Uffiċċju Privat ta' Membru tal-Qorti fl-Awla II ksibt aktar esperjenza professjonali. F'din il-kariga, kont involut ħafna f'awditi finanzjarji u ta' konformità għall-Kapitoli tar-Rapport Annwali tal-Qorti li huma relatati mal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. B'rabta mal-awditjar tal-prestazzjonijiet, kont involut b'mod attiv f'serje ta' rapporti speċjali dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ u oħrajn dwar Strumenti Finanzjarji, l-Iffinanzjar tal-mikroimprendituri, il-Passaġġi fuq l-Ilma Intern, it-Trasport Urban u l-Edukazzjoni. F'dan ir-rwol, tajt l-appoġġ tiegħi lill-Membru fil-preżentazzjoni ta' rapporti fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u Kumitati oħra tal-Parlament Ewropew u kelli bosta kuntatti u interazzjonijiet ma' persunal tal-Kummissjoni ta' livell għoli, inklużi l-Kummissarji.

F'Mejju 2017, ġejt innominat bħala d-Direttur tal-Awla IV tal-Qorti, fejn nimmaniġġja 100 membru tal-persunal tal-awditjar f'kompiti fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-aġenziji tal-UE u l-impriżi konġunti, is-suq uniku u l-kompetizzjoni, il-kummerċ, id-dwana u t-tassazzjoni u l-governanza finanzjarja u ekonomika. F'dan ir-rwol, nipprovdi appoġġ lis-Sitt Membri tal-Awla IV u ninsab responsabbli mill-kontroll tal-kwalità tal-outputs tal-Awla. Dawn l-inputs jinkludu d-Dikjarazzjoni tal-Assigurazzjoni għal "Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi", awditi finanzjarji u ta' legalità u ta' konformità tal-Aġenziji Ewropej u l-Impriżi konġunti u Rapporti Speċjali li jkopru l-oqsma msemmija hawn fuq.

Jien nemmen li, jekk niġi nnominat, l-esperjenza professjonali u maniġerjali wiesgħa tiegħi fl-awditjar tas-settur pubbliku f'ambjenti nazzjonali u internazzjonali u ż-żewġ kwalifki professjonali tiegħi fil-kontabbiltà u fl-awditjar jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-ħidma tal-Qorti tal-Awdituri.

2.  X'inhuma l-iktar riżultati sinifikanti li ksibt tul il-ħajja professjonali tiegħek?

Matul l-esperjenza twila tiegħi fl-awditjar tas-settur pubbliku, kelli għadd ta' kisbiet sinifikanti u nixtieq nenfasizza t-tliet kisbiet li ġejjin:

–  Fl-1994, l-SAI Irlandiża ngħatat mandat biex twettaq l-awditi ta' għadd kbir ta' entitajiet pubbliċi li preċedentement kienu awditjati mill-awdituri tal-Gvern Lokali. Ġejt innominat bħala Maniġer tal-awditjar għal portafoll ta' dawn l-entitajiet li kienu jinkludu l-awtoritajiet reġjonali tas-saħħa u l-isptarijiet b'baġits finanzjarji annwali li jvarjaw bejn EUR 3 miljun u EUR 450 miljun. Din kienet sitwazzjoni ta' sfida minħabba li s-settur tas-saħħa kien qasam kompletament ġdid għall-SAI u minħabba li ma kien hemm l-ebda esperjenza preċedenti disponibbli f'dak il-qasam. L-isfida ewlenija li kelli kienet li nfassal l-approċċ tal-awditjar u nelabora l-programmi tal-awditjar li kellhom jitlestew mit-timijiet tiegħi fi żmien qasir ħafna, sabiex inkun f'pożizzjoni li nagħti opinjoni dwar l-awditjar tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom. Dan kellu jitlesta sal-iskadenzi legali u anke sabiex l-SAI tkun tista' tqajjem kwalunkwe kwistjoni dwar il-legalità, ir-regolarità u l-ġestjoni finanzjarja tajba. Dawn l-iskadenzi u l-kwistjonijiet ta' rapportar intlaħqu permezz ta' qafas tal-awditjar robust f'termini ta' approċċ u metodoloġija.

–  It-tieni kisba li nixtieq insemmi għandha x'taqsam mar-rwol tiegħi fl-iżvilupp tal-funzjoni tal-awditjar intern fid-DĠ ECFIN. Meta ngħaqadt lejn l-aħħar tal-1999, l-awditjar intern kien għadu qed jiġi stabbilit fil-Kummissjoni Ewropea filwaqt li l-kapaċitajiet tal-awditjar intern (IACs) kienu qed jiġu stabbiliti fid-Direttorati Ġenerali kollha. Abbażi tal-esperjenza preċedenti tiegħi fl-SAI, kelli rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-programm ta' ħidma, il-metodoloġija tal-awditjar u l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri tal-funzjoni tal-awditjar intern fid-DĠ ECFIN biex jikkonformaw mal-istandards tal-awditjar internazzjonali. Dan sar f'kollaborazzjoni mas-Servizz tal-Awditjar Intern u l-IACs l-oħra fil-Kummissjoni permezz tal-laqgħat regolari ta' dan in-netwerk magħruf bħala Auditnet u gruppi tax-xogħol relatati stabbiliti biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi. Aktar tard bħala Kap tal-Unità, twettqet reviżjoni minn ditta ta' awdituri esterni li kkonkludiet li ġeneralment l-unità kkonformat mal-istandards tal-awditjar internazzjonali applikabbli.

–  It-tielet, nixtieq nirreferi għall-involviment tiegħi fis-serje ta' tliet Rapporti Speċjali dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ imwettqa fiż-żmien meta kont l-Kap tal-Uffiċċju Privat ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri. Dan l-involviment kien jinkludi l-analiżi, l-abbozzar u l-kjarifika tal-messaġġi ewlenin u t-tħejjija ta' strateġija ta' komunikazzjoni biex dawn il-messaġġi jiġu ppreżentati lill-partijiet ikkonċernati. Kont responsabbli wkoll mill-immaniġġjar tax-xogħol u l-organizzazzjoni tat-timijiet, speċjalment għall-ewwel rapport dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ li kont involut ħafna fih. Fil-fehma tiegħi, dan kien suġġett partikolarment rilevanti għaċ-ċittadini Ewropej speċjalment dawk iż-żgħażagħ li jiffaċċjaw diffikultajiet biex isibu impjieg. L-ewwel awditu kien jikkonċerna t-tfassil tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE u kien innovattiv minħabba li twettaq qabel l-implimentazzjoni reali tal-Garanzija u ppreżenta riskji potenzjali għall-implimentazzjoni sussegwenti li setgħet titqies diġà mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Istati Membri u mill-Awtoritajiet Baġitarji li huma l-Parlament Ewropew u l-Kunsill. It-tielet awditu fis-serje kien jikkonċerna l-implimentazzjoni reali f'termini tar-riżultati miksuba tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ f'kampjun ta' Stati Membri. Bejn dawn iż-żewġ Rapporti Speċjali kien hemm rapport ieħor li kien relatat ma' Gruppi ta' Azzjoni taż-Żgħażagħ li kien jinvolvi r-riprogrammazzjoni tal-fondi tal-UE għal miżuri li jindirizzaw l-impjiegi taż-żgħażagħ. Nemmen li din is-serje ta' rapporti tat kontribut siewi għad-dibattitu dwar l-orjentazzjoni futura tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. It-tliet rapporti kollha ntlaqgħu tajjeb mill-CONT u wasslu għal diskussjonijiet li taw ir-riżultati u finalment konferenza tal-QEA ta' livell għoli fil-bini tal-Parlament Ewropew.

3.  X'esperjenza professjonali għandek ta' organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet internazzjonali, multikulturali u multilingwi bbażati barra pajjiżek?

Li naħdem f'ambjent multilingwu u multikulturali kien għan tiegħi li wera li huwa esperjenza li għallmitni ħafna. Ingħaqadt mal-istituzzjonijiet tal-UE 18-il sena ilu u qattajt tnax-il sena f'DĠ ECFIN u sitt snin oħra fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, it-tnejn li huma bbażati fil-Lussemburgu. Minbarra l-Istituzzjonijiet, ksibt ukoll esperjenza internazzjonali bil-parteċipazzjoni tiegħi f'għadd ta' Bordijiet tal-Awditjar inkluż il-Eurocontrol fi Brussell u l-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu filwaqt li ħdimt fl-SAI Irlandiża u finalment fil-bord tal-awditjar tal-Fond Ewropew tal-Investiment fil-Lussemburgu bħala l-persuna nominata tal-Kummissjoni Ewropea.

4.  Ingħatajt kwittanza għad-dmirijiet amministrattivi li kont twettaq preċedentement, jekk tapplika proċedura ta' dan it-tip?

Tali proċedura ma kinitx tapplika matul il-karriera tiegħi.

5.  Liema mill-karigi professjonali preċedenti tiegħek kienu r-riżultat ta' nomina politika?

L-ebda.

6.  X'inhuma l-iktar tliet deċiżjonijiet importanti li kont involut fihom fil-ħajja professjonali tiegħek?

  L-aktar deċiżjonijiet importanti fil-ħajja professjonali tiegħi huma marbuta mal-kisbiet sinifikanti tiegħi. Peress li dawn kienu kollha relatati mal-awditjar tas-settur pubbliku, l-ewwel deċiżjoni importanti kienet li ningħaqad mal-SAI Irlandiża u li nikseb il-kwalifika professjonali bħala Certified Chartered Accountant li kienu l-pedamenti essenzjali għall-karriera sussegwenti tiegħi fl-awditjar tas-settur pubbliku.

  It-tieni deċiżjoni importanti kienet li nindirizza x-xewqa tiegħi li naħdem f'ambjent multikulturali u multilingwu billi ningħaqad mal-Kummissjoni Ewropea. Din kienet esperjenza li għallmitni ħafna kemm mil-lat professjonali kif ukoll minn dak personali u ppermettietli ninteraġixxi bħala kollega ma' persuni professjonali minn pajjiżi differenti u b'mentalitajiet differenti u dan kompla jwessa' l-għarfien u l-esperjenzi tiegħi.

  It-tielet deċiżjoni importanti kienet li ningħaqad mal-Uffiċċju Privat ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri. Din l-esperjenza kkomplementat l-esperjenza professjonali tiegħi billi minbarra li kont involut fl-aspetti tekniċi tal-awditi tatni għarfien aktar ċar tal-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-partijiet ikkonċernati tal-Qorti tal-Awdituri. Din l-esperjenza tatni wkoll l-opportunità li ninteraġixxi mal-Membri tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari mal-kumitat CONT u mal-Kummissarji u d-Diretturi Ġenerali fil-Kummissjoni Ewropea.

L-Indipendenza

7.  It-Trattat jistipula li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri jeħtiġilhom ikunu "kompletament indipendenti" fil-qadi ta' dmirijiethom. Kieku inti kif twettaq dan l-obbligu fil-qadi tad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

Bħala l-awditur estern tal-UE u l-gwardjan tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini, fejn huwa essenzjali li l-membri kollha tal-persunal jirrispettaw il-Linji Gwida Etiċi tal-istituzzjoni u fejn il-governanza titwettaq minn Membri kompletament indipendenti, din hija istituzzjoni indipendenti.

Mhux biss l-Artikoli 285 u 286 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jitolbu l-ħtieġa ta' indipendenza kompleta mill-Membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, iżda din hija rekwiżit integrali tal-istandard tal-awditjar tas-settur pubbliku importanti applikabbli għall-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar, ISSAI 1: id-Dikjarazzjoni ta' Lima. Barra minn hekk, il-Kodiċi ta' Etika ISSAI 30 jirrikjedi li l-persunal tal-SAI jkun ħieles minn affarijiet li jistgħu jfixklu l-indipendenza u l-oġġettività, kemm jekk reali kif ukoll jekk perċepiti, li jirriżultaw minn parzjalità politika, parteċipazzjoni fil-maniġment, awtoreviżjoni, interess finanzjarju jew interess personali ieħor, jew relazzjonijiet ma', jew influwenza mhux dovuta minn oħrajn. Dan il-prinċipju huwa rikonoxxut ukoll mill-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Qorti li l-Membri kollha tal-Qorti għandhom jaċċettaw u jikkonformaw miegħu.

Jekk niġi nnominat, meta nwettaq id-dmirijiet prospettivi tiegħi bħala Membru tal-QEA, jien se nikkonforma mal-istandards etiċi li jien soġġett għalihom attwalment bħala Direttur tal-QEA u se nwettaq dmirijieti f'konformità sħiħa mar-regoli u mar-regolamenti rilevanti. Nixtieq nenfasizza l-fatt li l-indipendenza u l-oġġettività huma attributi li jien kelli nirrispetta kompletament matul il-karriera tiegħi abbażi tal-funzjonijiet differenti li kelli u bħala riżultat tal-obbligazzjonijiet etiċi tas-sħubija tiegħi f'korpi tal-kontabbiltà u tal-awditjar professjonali.

Jekk tinħoloq sitwazzjoni fejn ikun hemm kunflitt ta' interess reali jew perċepit, jien infittex immedjatament il-parir tal-Kumitat tal-Etika tal-Qorti permezz ta' konsultazzjoni mal-President tal-QEA u nsegwi kull deċiżjoni li tittieħed.

8.  Inti jew qrabatek intimi (ġenituri, aħwa, sieħeb/sieħba legali u tfal) għandek jew għandhom xi parteċipazzjoni tan-negozju jew parteċipazzjoni finanzjarja, jew xi impenji oħra, li jistgħu jidħlu f'kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

Le

9.  Lest tiżvela l-interessi finanzjarji tiegħek kollha u impenji oħra li jista' jkollok lill-President tal-Qorti, u li tagħmilhom pubbliċi?

Iva

10.  Inti involut f'xi proċedimenti legali kurrenti? Jekk iva, jekk jogħġbok agħtina dettalji.

Le

11.  Għandek xi rwol attiv jew eżekuttiv fil-politika, u, jekk iva, f'liema livell? Okkupajt xi pożizzjoni politika f'dawn l-aħħar 18-il xahar? Jekk iva, jekk jogħġbok agħtina dettalji.

Le

12.  Tirtira minn kull kariga uffiċjali li kont elett għaliha jew titlaq kull funzjoni attiva b'responsabbiltajiet f'partit politiku jekk tinħatar Membru tal-Qorti?

Mhux applikabbli

13.  Kieku kif titratta irregolarità maġġuri jew saħansitra każ ta' frodi u/jew korruzzjoni li jinvolvi persuni fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħek?

Fil-fehma tiegħi għandha tittieħed azzjoni b'saħħitha biex jintwera li fir-rigward tal-fondi tal-UE, il-frodi u l-korruzzjoni mhu se jkunu ttollerati bl-ebda mod. Tali każijiet għandhom effett negattiv detrimentali fuq il-perċezzjoni taċ-ċittadini b'rabta mal-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-UE u b'mod partikolari li l-flus tal-kontribwenti ma jkunux soġġetti għal kontrolli u skrutinju adegwati sabiex jiġi żgurat li jintużaw għall-iskop maħsub.

  L-Artikolu 325 tal-TFUE jiddikjara b'mod ċar li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u l-Qorti għandha rwol importanti x'taqdi f'dan ir-rigward.

  L-Istandard Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (ISSAI) 1240, jiddikjara li r-responsabbiltà primarja għall-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-frodi taqa' fuq dawk li huma inkarigati mill-governanza u mill-immaniġġjar tal-attivitajiet, bħall-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-benefiċjarji b'rabta mal-fondi tal-UE. Madankollu, ir-rwol tal-Qorti fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni, bħala l-Awditur indipendenti tal-UE, huwa li żżomm xettiċiżmu professjonali u ġudizzju professjonali matul il-proċess tal-awditjar u li tidentifika dikjarazzjoni skorretta materjali potenzjali minħabba l-frodi, jikseb evidenza dwar ir-riskji u jirrapporta każijiet lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) b'dokumentazzjoni xierqa.

  F'każ li nsir naf b'xi każ ta' irregolarità jew frodi maġġuri li jinvolvi persuni fl-Istat Membru ta' oriġini tiegħi, jien nindirizzahom eżattament bl-istess mod bħal kwalunkwe każ ieħor minn kwalunkwe Stat Membru. Insegwi l-proċedura standard fil-Qorti tal-Awdituri għall-valutazzjoni u r-rapportar tal-każijiet lill-OLAF li nibda immedjatament sabiex kwalunkwe investigazzjoni sussegwenti potenzjali ma tiġix kompromessa.

Qadi ta' dmirijiet

14.  X'għandhom ikunu l-karatteristiċi ewlenin ta' kultura ta' amministrazzjoni finanzjarja soda fi kwalunkwe servizz pubbliku? Il-QEA b'liema mod tista' tgħin fl-infurzar ta' din il-kultura?

Kultura ta' ġestjoni finanzjarja tajba jenħtieġ li tagħti livell ta' assigurazzjoni raġonevoli liċ-ċittadini li l-flus skarsi tal-kontribwenti qed jintużaw bl-aktar mod ekonomiku, effiċjenti u effettiv (l-hekk imsejħa 3Es) biex jiġu promossi l-aħjar interessi tagħhom. Sabiex tingħata din l-assigurazzjoni, hemm ħtieġa ta' qafas li huwa sostnut mid-dover ta' rendikont u mit-trasparenza u li jinkludi l-komponenti li ġejjin:

  –  Direzzjoni ċara f'termini ta' strateġiji u għanijiet;

  –  Kapaċità amministrattiva adegwata li twassal;

–  Qafas ta' kontroll robust li jiżgura l-legalità u r-regolarità tal-infiq;

  –  Dover ta' rendikont demokratiku f'termini ta' rapportar trasparenti u pubblikazzjoni tar-riżultati miksuba;

–  Struttura ta' governanza li tiżgura standards etiċi infurzati.

  L-awditi tal-QEA jenħtieġ li jivvalutaw dawn il-komponenti waqt l-awditi ta' ġestjoni finanzjarja tajba bl-għan li jidentifikaw in-nuqqasijiet u jagħmlu rakkomandazzjonijiet biex jindirizzawhom bl-għan li titjieb is-sitwazzjoni futura.

15.  Skont it-Trattat, il-Qorti għandha l-obbligu li tassisti lill-Parlament huwa u jeżerċita s-setgħat tiegħu ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit. Kieku inti kif tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Parlament Ewropew (b'mod partikolari, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu) biex issaħħaħ sew is-sorveljanza pubblika fuq l-infiq ġenerali kif ukoll il-kosteffettività ta' dak l-infiq?

  L-Artikolu 287 tat-TFUE jiddikjara li l-Qorti tal-Awdituri għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti li għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-dikjarazzjoni tista' tiġi kompletata b'valutazzjoni speċifika għal kull qasam maġġuri tal-attività tal-Unjoni.

  Skont l-Artikolu 319 tat-TFUE, il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, għandu jagħti kwittanza lill-Kummissjoni rigward l-implementazzjoni tal-baġit. Għal dan l-għan, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom wieħed wara l-ieħor jeżaminaw il-kontijiet, id-dikjarazzjoni finanzjarja u r-rapport ta' valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 318, ir-rapport annwali mill-Qorti tal-Awdituri flimkien mar-risposti mill-istituzzjonijiet li tkun qiegħda ssirilhom il-verifika għall-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, l-istqarrija ta' assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 287(1), it-tieni subparagrafu, u kwalunkwe rapport speċjali rilevanti mill-Qorti tal-Awdituri.

  Abbażi tar-rekwiżiti tat-Trattat t'hawn fuq, il-QEA għandha rwol ewlieni fl-għoti ta' informazzjoni rilevanti lill-PE u lill-CONT sabiex tissaħaħ is-sorveljanza pubblika ta' nfiq ġenerali u l-kosteffettività ta' dak l-infiq. Hemm oneru fuq il-QEA li tiżgura li f'termini tar-Rapport Annwali u tar-Rapporti Speċjali din l-informazzjoni tingħata b'mod ċar u f'waqtu, fejn l-aktar kwistjonijiet importanti li jeħtieġ jiġu indirizzati jiġu enfasizzati sabiex jitqiesu mill-CONT, bl-għan li jikkontribwixxu fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għall-politiki tal-UE. Il-puntwalità tat-twassil tar-rapporti hija essenzjali għall-CONT sabiex is-sejbiet rilevanti jkunu jistgħu jitqiesu fid-dibattiti tiegħu li jifformulaw għanijiet politiċi ġodda jew eżistenti. Qed isir titjib kontinwu f'termini ta' ċarezza, rilevanza u puntwalità mill-QEA u dan huwa rifless fl-introduzzjoni ta' prodotti addizzjonali bħal analiżi panoramika, dokumenti ta' informazzjoni u awditi malajr. Tali adattament mill-Qorti għal ambjent li qed jinbidel huwa milqugħ tajjeb u jenħtieġ li jkompli sabiex il-Qorti żżid ir-rilevanza tagħha u tilħaq l-aspettattivi tal-partijiet ikkonċernati tagħha, filwaqt li żżomm l-indipendenza tagħha.

  Fir-rigward ta' dan, interazzjoni u komunikazzjoni kontinwa bejn il-Membri tal-QEA u l-CONT huma essenzjali u jekk in-nomina tiegħi tiġi approvata jien inkun proattiv f'dan ir-rigward, minħabba li għalija l-CONT huwa parti kkonċernata ewlenija tal-QEA. Minbarra l-prattika eżistenti tal-preżentazzjoni ta' rapporti speċjali lill-CONT, il-parteċipazzjoni tal-Membri tal-QEA fil-missjonijiet tal-CONT u l-konsultazzjonijiet mal-CONT biex tiżdied ir-rilevanza ta' suġġetti inklużi fil-Programm ta' Ħidma Annwali tal-QEA huma wkoll żviluppi milqugħa tajjeb, li jien nappoġġja bis-sħiħ u li se nkun involut fihom.

16.  X'valur miżjud taħseb li jġib miegħu l-awditjar tal-prestazzjonijiet, u s-sejbiet kif għandhom jiġu inkorporati fil-proċeduri tal-amministrazzjoni?

  L-awditjar tal-prestazzjonijiet jikkomplementa l-awditi finanzjarji u ta' konformità u huwa daqstant importanti għal dawn bl-għan li jipprovdi informazzjoni b'rabta mal-aspetti tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-maniġers li jimplimentaw l-attivitajiet u l-programmi. Fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji attwali u futuri probabbli, huwa vitali li dawn it-tliet aspetti jiġu mmassimizzati b'rabta mal-użu tal-fondi tal-UE sabiex b'hekk jikkontribwixxu għal governanza tajba, dover ta' rendikont u trasparenza.

Filwaqt li l-konformità mar-regoli u mar-regolamenti hija rekwiżit neċessarju, huwa estremament importanti li jiġi ddeterminat jekk il-programmi/l-attivitajiet iffinanzjati mill-UE humiex fil-fatt iwasslu l-għanijiet politiċi bl-aktar mod ekonomiku u effiċjenti possibbli. Is-sejbiet tal-awditi tal-prestazzjonijiet li jinkludu rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet, jenħtieġ li jitqiesu u jiġu inkorporati mill-maniġment fil-proċeduri tagħhom bl-għan li titjieb il-prestazzjoni futura. Is-segwitu tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet huwa importanti wkoll u l-CONT għandu wkoll rwol x'jaqdi f'dan ir-rigward abbażi tal-feedback mill-Kummissjoni u mir-rapporti ta' segwitu tal-QEA.

  Iż-żmien li fih jitwettqu l-awditi tal-prestazzjonijiet u jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet u s-sejbiet jeħtieġ li jiġi ppjanat kif xieraq sabiex dawn ikunu disponibbli fi żmien adegwat biex iservu bħala input għall-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-użu tal-fondi tal-UE, għal kwalunkwe reviżjoni futura, għall-iffissar ta' għanijiet politiċi u għat-tfassil tal-programmi futuri.

17.  Kif tista' tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) rigward l-awditjar tal-baġit tal-UE?

  Kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-TFUE, il-QEA u l-Istituzzjonijiet ta' Awditjar Nazzjonali għandhom jikkooperaw fi spirtu ta' fiduċja filwaqt li jżommu l-indipendenza tagħhom. Dan inkiseb u hemm qafas ta' kooperazzjoni żviluppat sew fost dawn l-istituzzjonijiet permezz tal-Kumitat ta' Kuntatt. Il-valur miżjud tal-kooperazzjoni bejn il-QEA u l-SAIs jinsab fil-promozzjoni ta' tagħlim reċiproku, kondiviżjoni tal-għarfien, valutazzjoni komparattiva u l-iżvilupp tal-aħjar prattika. Barra minn hekk, billi tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' ħidma ta' awditjar, il-kooperazzjoni għandha l-potenzjal li tkun mod kosteffikaċi biex jissaħħu r-riżultati tal-awditjar filwaqt li jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq il-parti awditjata. Il-laqgħat regolari tal-Kumitat ta' Kuntatt jipprovdu opportunitajiet biex jiġu diskussi dawn il-kwistjonijiet, jiġu kondiviżi l-programmi ta' ħidma ta' xulxin u jkun hemm qbil dwar it-twettiq ta' awditi kooperattivi.

  Filwaqt li l-fokus ewlieni tal-Istituzzjonijiet ta' Awditjar Nazzjonali huwa fuq l-awditjar ta' fondi nazzjonali, hemm valur miżjud f'tali kooperazzjoni, li huwa rilevanti u effettiv peress li l-fondi tal-UE jikkofinanzjaw bosta politiki nazzjonali. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-oqsma ta' politika implimentati taħt ġestjoni kondiviża li tikkonċerna madwar 80 % tal-baġit tal-UE. Dan huwa l-qasam fejn l-awditi kooperattivi jistgħu jkunu l-aktar ta' benefiċċju.

  Minħabba li l-QEA għandha relazzjoni diretta kontinwa kemm mal-CONT kif ukoll mal-Istituzzjonijiet ta' Awditjar Nazzjonali, hija tista' tiżgura li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni jiġu mmasimizzati f'termini tal-awditjar tal-baġit tal-UE. Finalment, it-tliet partijiet kollha qegħdin jaħdmu bis-sħiħ għall-aktar użu effettiv, effiċjenti u ekonomiku tal-fondi pubbliċi u billi jaħdmu flimkien b'mod effettiv ir-riżultat aħħari huwa aktar mis-somma tal-partijiet individwali.

18.  Kieku inti kif tiżviluppa iktar ir-rapportar tal-QEA biex il-Parlament Ewropew jingħata kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuratezza tad-data mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni Ewropea?

Il-QEA qajmet tħassib dwar djugħfijiet fid-data pprovduta mill-Istati Membri. Nuqqasijiet fir-robustezza tas-sistemi ta' monitoraġġ u ta' rapportar fil-livell tal-Istati Membri dehru kontinwament fir-Rapporti Speċjali tal-QEA. Eżempju tal-importanza ta' tali data jista' jinstab fir-Rapporti Annwali tal-Attività tad-DĠs li jinkludu dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni mid-Direttur Ġenerali u huma komponent ewlieni fl-istruttura ta' governanza tal-Kummissjoni Ewropea.

Minħabba l-fokus attwali fuq il-prestazzjoni u r-riżultati relatati mal-attivitajiet iffinanzjati mill-UE, huwa imperattiv li data affidabbli kompleta tkun disponibbli fil-livell tal-Istati Membri u li din tiġi rrapportata b'mod komprensiv fil-ħin. Dan jippermetti l-valutazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżultati ta' dawn l-attivitajiet għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, sabiex il-fondi limitati tal-UE jiġu allokati lil dawk li għandhom l-akbar impatt. Minħabba li ċ-ċiklu ta' programmazzjoni għadu mhux marbut mar-rapportar dwar il-prestazzjoni, din is-sitwazzjoni tqajjem diffikultajiet għall-CONT biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu minħabba li l-baġits għall-infiq futur għandhom jiġu approvati mingħajr ebda opinjoni ċara dwar ir-riżultati u l-impatt tal-programmi u l-attivitajiet eżistenti.

Huwa importanti li l-QEA tibqa' tiġbed l-attenzjoni tal-CONT dwar din il-kwistjoni u tagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex tiżgura li l-Istati Membri jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet futuri u tipprovdi informazzjoni pertinenti b'rabta mal-prestazzjoni filwaqt li tqis aspetti bħalma huma l-piż amministrattiv u l-kostijiet/benefiċċji.

Kwistjonijiet oħra

19.  Tirtira l-kandidatura tiegħek jekk l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ma tkunx favorevoli?

Iva.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Tiġdid parzjali tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri - kandidat IE

Referenzi

14272/2017 – C8-0402/2017 – 2017/0820(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

15.11.2017

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CONT

16.11.2017

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Indrek Tarand

30.11.2017

 

 

 

Eżami fil-kumitat

11.1.2018

 

 

 

Data tal-adozzjoni

11.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Arndt Kohn, Bogusław Liberadzki, Bart Staes, Indrek Tarand, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Hayes, Marian-Jean Marinescu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Norbert Erdős, Wolf Klinz, Sven Schulze, Lieve Wierinck

Data tat-tressiq

12.1.2018

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Jannar 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza