Proċedura : 2017/2221(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0011/2018

Testi mressqa :

A8-0011/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/02/2018 - 5.1
CRE 06/02/2018 - 5.1

Testi adottati :

P8_TA(2018)0020

RAPPORT     
PDF 627kWORD 56k
30.1.2018
PE 615.494v02-00 A8-0011/2018

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Steeve Briois

(2017/2221(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Evelyn Regner

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Steeve Briois

(2017/2221(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Steeve Briois, imressqa fil-25 ta' Settembru 2017 mill-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż fuq talba tal-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta' Douai b'rabta ma' kwerela mressqa kontra s-Sur Briois minn parti ċivili għar-reat ta' insult li sar fil-pubbliku dirett lejn individwu ("injures publiques envers un particuliers") u mħabbra fis-seduta plenarja fit-2 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-informazzjoni addizzjonali dwar il-kawża mogħtija mill-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Reġjonali ta' Douai f'ittra datata 12 ta' Diċembru 2017,

–  wara li sema' lil Steeve Briois skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, kif emendat mil-Liġi Kostituzzjonali Nru 95-880 tal-4 ta' Awwissu 1995,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0011/2018),

A.  billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta' Douai talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Steeve Briois, b'rabta mal-proċedimenti legali pendenti quddiem il-Qorti Reġjonali ta' Douai; billi din it-talba twasslet lill-Parlament mill-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż;

B.  billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità tas-Sur Briois hija marbuta mal-proċedimenti legali istitwiti fir-rigward tar-reat ta' insult li sar fil-pubbliku dirett lejn individwu (l-Artikoli 29(2), 33(2) u 23 tal-Att tad-29 ta' Lulju 1881) b'rabta ma' kummenti allegatament malafamanti li għadd ta' utenti tal-internet ħallew b'reazzjoni għat-test li ppubblika s-Sur Briois fit-23 ta' Diċembru 2015 fuq il-paġna ta' Facebook tiegħu u li ma tneħħewx fil-pront mis-Sur Briois; billi, fuq talba tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Reġjonali ta' Douai ddikjara li fil-21 ta' Novembru 2017 il-kummenti msemmija hawn fuq żgur kienu għadhom online;

C.  billi skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7, il-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

D.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

E.  billi, fost affarijiet oħra, l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża jipprevedi li l-ebda Membru tal-Parlament ma jista' jiġi arrestat għal delitt jew ikun soġġett għal kwalunkwe miżura li ċċaħħad jew li tirrestrinġi l-libertà ħlief bl-awtorizzazzjoni tal-parlament;

F.  billi l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jeskludu lil xulxin(2);

G.  billi l-allegazzjonijiet kontra Steeve Briois u t-talba sussegwenti għat-tneħħija tal-immunità tiegħu mhumiex relatati ma' opinjoni espressa jew vot mogħti minnu fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, iżda mal-fatt li hu allegatament naqas milli jneħħi mill-paġna uffiċjali ta' Facebook tiegħu għadd ta' kummenti miktuba minn partijiet terzi u perċepiti mill-persuna mmirata bħala insult;

H.  billi, bħala konsegwenza, l-immunità mogħtija mill-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 mhijiex applikabbli u l-każ inkwistjoni jaqa' kompletament taħt l-Artikolu 9 tal-istess Protokoll;

I.  billi l-Parlament għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-orjentazzjoni li jixtieq jagħti lil deċiżjoni fir-rigward ta' talba għall-ħarsien ta' immunità relatata mal-Artikolu 9 tal-Protokoll(3);

J.  billi ma hemm l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-kawża nfetħet bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru kkonċernat;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Steeve Briois;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Franċiża u lil Steeve Briois.

(1)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C‑200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, ECLI:EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

(2)

Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07, Marra, iċċitati aktar 'il fuq, paragrafu 45.

(3)

Kawżi magħquda T-346/11 u T-347/11, Gollnisch, iċċitati aktar 'il fuq, paragrafu 101.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Fis-seduta tat-2 ta' Ottubru 2017, il-President ħabbar li fil-25 ta' Settembru 2017 huwa kien irċieva ittra mill-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż b'talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Steeve Briois.

B'konformità mal-Artikolu 9(1), il-President irrefera din it-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali.

Fit-18 ta' Marzu 2016, membru tal-oppożizzjoni tal-Kunsill Muniċipali ta' Hénin-Beaumont, ressaq ilment quddiem id-Dekan tal-imħallfin inkwirenti ta' Douai, sabiex ikun jista' jingħaqad bħala parti ċivili fil-proċedimenti kontra Steeve Briois, sindku ta' dik il-Muniċipalità, għar-reat ta' insulti li saru fil-pubbliku diretti lejn individwu, punibbli skont l-Artikoli 29(2), 33(2) u 23 tal-Att tad-29 ta' Lulju 1881.

Insostenn tal-ilment tiegħu, il-kunsillier muniċipali espona li fit-2 ta' Diċembru 2015, huwa kien ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Amministrattiva ta' Lille biex deċiżjoni meħuda mill-Muniċipalità ta' Hénin-Beaumont dwar l-armar ta' presepju fl-entrata tal-bini muniċipali prinċipali, tkun annullata bħala ultra vires. Fl-istess waqt huwa kien ippreżenta wkoll rikors għal digriet għal miżuri provviżorji ta' sospensjoni bbażat fuq l-istess motivi. Ir-rikors tiegħu ġie miċħud.

Fit-23 ta' Diċembru 2015, is-Sur Briois kiteb fuq il-kont ta' Facebook personali tiegħu, iżda aċċessibbli għall-pubbliku, test li kien jiddikjara, fost affarijiet oħrajn, li t-tentattiv tal-oppożizzjoni li tipprojbixxi l-presepju tal-Milied kien ġie miċħud mill-Qorti.

B'reazzjoni għal dan it-test, għadd ta' kummenti, li l-Kunsillier Muniċipali mmirat qies li kienu offensivi fil-konfront tiegħu, inkitbu fuq il-paġna ta' Facebook ta' Steeve Briois. Bħala konsegwenza, il-kunsillier muniċipali ressaq ilment mad-Dekan tal-imħallfin inkwirenti ta' Douai dwar, b'mod partikolari, l-allegat nuqqas tas-Sur Briois li jneħħi dawk il-kummenti mill-paġna ta' Facebook tiegħu.

L-awtoritajiet rikjedenti jqisu li t-tneħħija tal-immunità tas-Sur Briois hija neċessarja sabiex huwa jkun jista' jiġi rikjest, anke mġiegħel jekk meħtieġ, jidher quddiem l-imħallef inkwirenti, għall-interrogazzjoni tal-ewwel dehra, li fit-tmiem tagħha l-maġistrat inkwirenti jkun jista' jagħtih l-istatus ta' xhud assistit jew iressaq akkużi fil-konfront tiegħu. F'din l-aħħar ċikostanza, il-każ tas-Sur Briois jitressaq quddiem il-qorti kriminali.

Bi tweġiba għat-talba għal aktar informazzjoni dwar il-każ imressqa mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali b'konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura, permezz ta' ittra tat-12 ta' Diċembru 2017, il-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Reġjonali ta' Douai għarraf li l-kummenti allegatament offensivi kienu ċertament għadhom online meta l-awtoritajiet kompetenti kienu ċċekkjaw l-aħħar fil-21 ta' Novembru 2017.

Is-Sur Briois instema mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fis-7 ta' Diċembru 2017 skont l-Artikolu 9(6).

II.  Il-liġi u l-proċedura applikabbli għall-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jipprevedu:

Artikolu 8

Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 9

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

(a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

(b) fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta' reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta' xi wieħed mill-membri tiegħu.

L-Artikoli 5, 6 u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew jipprevedu:

Artikolu 5: Privileġġi u immunitajiet

1. Il-Membri jgawdu l-privileġġi u l-immunitajiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

2. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu rigward il-privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. L-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu. [...]

Artikolu 6: Tneħħija tal-immunità

1. Kull talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tiġi eżaminata skont it-termini tal-Artikoli 7, 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u skont il-prinċipji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(2).

2. Meta jkun meħtieġ li Membru jidher bħala xhud jew li jixhed bħala espert, ma jkunx hemm għalfejn issir talba għat-tneħħija tal-immunità kemm-il darba:

- li ma jkunux obbligati jidhru f'data u f'ħin li ma jippermettilhomx iwettqu d-dmirijiet parlamentari tagħhom, jew jagħmluhielhom diffiċli li jwettqu dawk id-dmirjiet, jew li se jkunu jistgħu jagħtu stqarrija bil-miktub jew b'xi forma oħra li ma tkunx tagħmilha diffiċli għalihom li jwettqu d-dmirijiet parlamentari tagħhom; u

- li ma jkunux obbligati jixhdu dwar informazzjoni miksuba b'mod kunfidenzjali fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom u li ma jkunux iħossu li għandhom jagħtu.

Artikolu 9: Proċeduri dwar l-immunità

1. Kwalunkwe talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta' xi Membru, jew minn Membru jew xi ex Membru għal ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tiġi riferuta lill-kumitat responsabbli.

2. Bil-qbil tal-Membru jew tal-ex Membru kkonċernat, it-talba tista' ssir minn Membru ieħor, li għandu jitħalla jirrappreżenta lill-Membru jew lill-ex Membru kkonċernat fl-istadji kollha tal-proċedura.

Il-Membru li jirrappreżenta lill-Membru jew lill-ex Membru kkonċernat m'għandux ikun involut fid-deċiżjonijiet meħuda mill-kumitat.

3. Il-kumitat għandu jeżamina mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet.

4. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet. L-emendi m'għandhomx ikunu ammissibbli. Jekk proposta tiġi miċħuda, id-deċiżjoni kuntrarja għandha titqies li tkun ġiet adottata.

5. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità titneħħa jew titħares.

6. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema' u jista' jippreżenta kwalunkwe dokument jew evidenza oħra bil-miktub li jħoss li huma rilevanti.

Il-Membru kkonċernat ma għandux ikun preżenti matul id-dibattiti dwar it-talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tiegħu, ħlief għas-smigħ innifsu.

Il-president tal-kumitat għandu jistieden lill-Membru għas-smigħ, billi jindika d-data u l-ħin. Il-Membru kkonċernat jista' jirrinunzja d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-smigħ.

Jekk il-Membru kkonċernat ma jattendix għas-smigħ skont dik l-istedina, huwa jitqies li rrinunzja id-dritt li jiġi mismugħ, sakemm ma jitlobx li jkun eżonerat mis-smigħ f'dik id-data u ħin kif proposti, u jagħti r-raġunijiet tiegħu. Il-president tal-kumitat għandu jagħti deċiżjoni dwar jekk tali talba għall-eżonerazzjoni tintlaqax fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija. Il-Membru kkonċernat ma jkunx jista' jappella minn din id-deċiżjoni.

Jekk il-president tal-kumitat jilqa' t-talba għall-eżonerazzjoni, huwa għandu jistieden lill-Membru kkonċernat jinstema' f'data u ħin ġodda. Jekk il-Membru kkonċernat jonqos li jimxi mat-tieni stedina li jinstema', il-proċedura tissokta mingħajr ma jinstema' l-Membru. L-ebda talba ulterjuri għall-eżonerazzjoni, jew għas-smigħ, ma tista' tintlaqa'.

7. Jekk it-talba tfittex li tneħħi jew li tħares l-immunità għal aktar minn raġuni waħda, kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tista' tkun suġġetta għal deċiżjoni separata. Ir-rapport tal-kumitat jista', bħala eċċezzjoni, jipproponi li t-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tapplika biss għal proċeduri ta' prosekuzzjoni u li, sakemm tingħata sentenza definittiva, il-Membru għandu jkun immuni minn kull forma ta' detenzjoni jew rimandar jew minn kull miżura oħra li ma tħallihx iwettaq id-dmirijiet marbuta mal-mandat tiegħu. [...]

Barra minn hekk, l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, kif magħmul applikabbli mill-Artikolu 9 tal-Protokoll, huwa fformulat kif ġej:

Artikolu 26

Fil-qasam kriminali jew penali, Membru tal-Parlament, jista' jiġi arrestat jew suġġett għal kull miżura li ċċaħħad jew li tirrestrinġi l-libertà biss bl-awtorizzazzjoni tal-[K]umitat tal-[A]ssemblea li jagħmel parti minnu. Din l-awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa fil-każ ta' delitt serju jew reat serju ieħor imwettaq in flagrante delicto jew meta kundanna tkun saret definittiva.

Id-detenzjoni, il-miżuri li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-libertà, jew il-proċeduri kriminali kontra Membru tal-Parlament għandhom jiġu sospiżi għal tul is-sessjoni jekk l-assemblea li tagħha jkun membru titlob hekk.

III.  Ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni proposta

Abbażi tal-fatti msemmija hawn fuq, dan il-każ jikkwalifika għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt, l-allegazzjonijiet kontra Steeve Briois u t-talba sussegwenti għat-tneħħija tal-immunità tiegħu mhumiex relatati ma' opinjoni espressa jew vot mogħti minnu fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, iżda mal-fatt li hu allegatament naqas milli jneħħi mill-paġna uffiċjali ta' Facebook tiegħu għadd ta' kummenti miktuba minn partijiet terzi u perċepiti mill-persuna mmirata bħala insult.

L-Artikolu 8 tal-Protokoll huwa ċarissimu fl-istabbiliment tal-libertà tal-espressjoni tal-Membri biss u mhux ta' partijiet terzi ("Membri [...] m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' [...] proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi [...] minnhom"), u l-anqas ma jista' jiġi b'xi mod ieħor dedott minn dik id-dispożizzjoni li d-dmirijiet tal-Membri jinkludu t-teħid ta' responsabilità għal dikjarazzjonijiet magħmulin minn partijiet terzi(1).

Jekk l-immunità assoluta skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll ma tkunx applikabbli, dan ifisser li l-każ inkwistjoni jaqa' kompletament taħt l-Artikolu 9 tal-istess Protokoll. Fir-realtà, dawn iż-żewġ artikoli jeskludu lil xulxin(2).

Skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll, il-Membri jgawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-Parlament ta' dak l-Istat Membru. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża. Bħala riżultat, Membru Franċiż tal-Parlament Ewropew, fil-qasam kriminali jew penali, jista' jiġi arrestat jew suġġett għal kull miżura li ċċaħħad jew li tirrestrinġi l-libertà biss bl-awtorizzazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Kif ippreċiżat il-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 9 tal-Protokoll huwa intiż sabiex "jassigura l-indipendenza tal-Membri tal-Parlament billi jipprojbixxi li xi pressjoni, fil-forma tar-riskju ta' arrest jew ta' proċeduri legali, tkun eżerċitata fuqhom waqt il-perijodu tas-sessjonijiet tal-Parlament"(3). Il-Qorti ċċarat ukoll li l-Parlament għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-orjentazzjoni li jixtieq jagħti lil deċiżjoni fir-rigward ta' talba għall-ħarsien ta' immunità relatata mal-Artikolu 9 tal-Protokoll(4).

Sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru, il-Parlament Ewropew japplika l-prinċipji konsistenti tiegħu stess. Wieħed minn dawn il-prinċipji huwa li l-immunità normalment titneħħa meta r-reat jaqa' taħt l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, sakemm ma jkunx hemm fumus persecutionis, jiġifieri, suspett serju u preċiż biżżejjed li l-kwistjoni qed titressaq quddiem qorti bl-intenzjoni li tiġi kkawżata ħsara politika lill-Membru kkonċernat.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis f'dan il-każ.

IV.  Konklużjonijiet

Fuq il-bażi ta' dak riportat hawn fuq u b'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura, wara li kkunsidra l-argumenti favur u kontra, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament għandu jneħħi l-immunità ta' Steeve Briois.

(1)

Ara n-nota spjegattiva fid-dok. A6-0421/2008 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Frank Vanhecke, fejn il-Kumitat għall-Affarijiet Legali kellu jittratta każ simili: "Hu meqjus l-ewwelnett li dan il-każ mhux kopert mill-Artikolu 9 [issa 8] tal-Protokoll fis-sens li d-dmirijiet ta' MEP ma jinkludux li jkun editur responsabbli ta' gazzetta nazzjonali ta' partit. Minħabba f'hekk, il-każ għandu jkun ikkunsidrat skont l-Artikolu 10 [issa 9]".

(2)

Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07, Marra, iċċitati aktar 'il fuq, paragrafu 45.

(3)

Is-sentenza Mote, iċċitata aktar 'il fuq, paragrafu 50, issemmi d-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża Rothley et vs Il-Parlament, T-17/00 R, ECLI:EU:T:2000:119, paragrafu 90.

(4)

Is-sentenza Gollnisch, iċċitata aktar 'il fuq, paragrafu 101.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.1.2018

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

12

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, Emil Radev, Julia Reda, Pavel Svoboda, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Luis de Grandes Pascual, Jens Rohde, Tiemo Wölken

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Jannar 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza