RAPPORT Prospettivi u sfidi għas-settur tal-apikultura tal-UE
8.2.2018 - (2017/2115(INI))
Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Norbert Erdős
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
Prospettivi u sfidi għas-settur tal-apikultura tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2011 dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel u l-isfidi għas-settur tal-apikultura[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd (8606/11 ADD 1 REV 1) li jikkonċernaw il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel (17608/10),
– wara li kkunsidra l-Ġimgħa Ewropea tan-Naħal u d-dakkir tan-naħal u – EU Bee Week – li ilha ssir fil-Parlament Ewropew mill-2012,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) "Ġbir u Kondiviżjoni ta' Data dwar is-Saħħa tan-Naħal: Lejn Sħubija Ewropea tan-Naħal" ta' Settembru 2017, li poġġa fil-prattika is-Sħubija Ewropea tan-Naħal
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0014/2018),
A. billi s-settur tal-apikultura huwa parti integrali mill-agrikoltura Ewropea fejn jirrappreżenta aktar minn 620 000 apikultur fl-UE[2]; billi l-apikultura hija prattikata ħafna bħala delizzju jew għall-finijiet ta' konsum proprju, u hija wkoll ipprattikata b'mod professjonali;
B. billi l-valur ekonomiku fornut min-naħal jinvolvi d-dakkir u l-produzzjoni tal-għasel, tax-xama' tal-għasel, u ta' prodotti oħra tan-naħal, filwaqt li l-oqfsa tal-injam jew id-doqqajs, kif ukoll apituriżmu, huma wkoll ta' importanza kbira;
C. billi s-settur tal-apikultura huwa vitali għall-UE u tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għas-soċjetà, kemm ekonomikament b'madwar EUR 14.2-il biljun kull sena, u kemm ambjentalment billi jżomm il-bilanċ ekoloġiku u d-diversità bioloġika, peress li 84 % tal-ispeċijiet tal-pjanti u 76 % tal-produzzjoni tal-ikel fl-Ewropa huma dipendenti mid-dakkir min-naħal selvaġġ u domestiku;
D. billi n-naħal u dakkara oħra jipprovdu d-dakkir u b'hekk jiżguraw ir-riproduzzjoni ta' għadd kbir ta' pjanti kkultivati u selvaġġi, b'tali mod li jiġu żgurati l-produzzjoni tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel u tiġi preservata l-bijodiversità mingħajr ħlas fl-Ewropa u fid-dinja; billi l-importanza tad-dakkir fl-UE mhijiex rikonoxxuta biżżejjed u spiss neħduh bħala ħaġa fatta, filwaqt li fl-Istati Uniti, pereżempju, jintefqu total ta' EUR 2 biljun kull sena fid-dakkir artifiċjali; billi l-Ewropa fiha madwar 10 % tad-diversità globali tan-naħal; billi skont l-Istitut Nazzjonali Franċiż għar-Riċerka Agrikola, il-mortalità tan-naħal se tiswa EUR 150 biljun madwar id-dinja, jew 10 % tal-valur tas-suq tal-ikel, fatt li jagħti xhieda tal-ħtieġa li nħarsu lill-insetti dakkara;
E. billi r-riċerka riċenti mwettqa mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU turi li żieda fid-densità u fil-varjetà ta' insetti dakkara għandha impatt dirett fuq ir-rendimenti tal-ħsad u, għaldaqstant, tista' tgħin lill-bdiewa żgħar iżidu l-produttività tagħhom b'medja ta' 24 % b'mod globali;
F. billi mhux il-pajjiżi kollha għandhom sistema ta' reġistrazzjoni ta' min irabbi n-naħal u tad-doqqajs, ħaġa li kieku tiffaċilita l-monitoraġġ tal-iżviluppi fis-settur, fis-suq u fis-saħħa tan-naħal;
G. billi fl-2004 il-Kummissjoni assigurat is-somma ta' EUR 32 miljun lill-programmi nazzjonali tal-apikultura għall-benefiċċju uniku tal-apikultura, u billi sal-2016 din iċ-ċifra żdiedet għal EUR 36 miljun, iżda għad jonqosha ħafna biex tkun biżżejjed (tirrappreżenta 0.0003 % tal-baġit tal-PAK);
H. billi bejn l-2004 u l-2016 il-għadd ta' kolonji tan-naħal tal-għasel żdied b'47.8 % permezz ta' l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda, iżda l-finanzjament mill-UE żdied biss bi 12 %, li jfisser li l-finanzjament tal-UE disponibbli mhuwiex biżżejjed għall-manutenzjoni tal-popolazzjoni tan-naħal u biex jassisti kif xieraq lil dawk li jrabbu n-naħal fit-tiġdid tal-kolonji tan-naħal tagħhom wara t-telfiet fil-popolazzjoni fi Stati Membri li jsofru minn rati għolja ta' mortalità;
I. billi, minkejja din iż-żieda ta' statistika, ħafna persuni professjonali li jrabbu n-naħal waqqfu l-attività tagħhom, u f'xi Stati Membri l-għadd ta' kolonji tan-naħal naqas sa saħansitra 50 % jew aktar[3], minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima (eż. ġlata fir-Rebbiegħa, nixfa, nirien), ċerti sustanzi kimiċi attivi, u disturbi fis-suq intern tal-għasel tal-UE; billi sal-ġurnata tal-lum għadhom qed jiġu rreġistrati għadd kbri ta' każijiet ta' telf u diżorni ta' żmien ix-xitwa ;
J. billi l-programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura li jirċievu kofinanzjament tal-UE għandhom effett ġenerali pożittiv; billi huwa aktar probabbli li tkun l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali li tista' xi drabi tiġġenera nuqqas ta' fiduċja min-naħa tas-settur u, għalhekk, titnaqqas ir-rata ta' assorbiment;
K. billi s-settur tal-apikultura jbati minn problema demografika u tat-tixjiħ partikolarment serja, fejn persentaġġ żgħir biss ta' dawk li jrabbu n-naħal huma taħt l-età ta' 50 sena, sitwazzjoni li qed tipperikola l-ġejjieni tas-settur; billi l-apikultura tirrappreżenta għajn potenzjali ta' xogħol u integrazzjoni għaż-żgħażagħ fiż-żoni rurali, peress li l-aċċess għall-art huwa limitat f'ħafna reġjuni Ewropej;
L. billi l-għarfien teoretiku flimkien mat-taħriġ prattiku jistgħu jgħinu biex jiġi aġevolat fehim aħjar tal-isfidi li ġejjin għall-kolonji tan-naħal u biex tiġi aġevolata l-azzjoni biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati, u għalhekk huma importanti; billi dawk li jrabbu n-naħal għandhom joperaw b'mod responsabbli u professjonali u b'koperazzjoni mill-qrib mal-bdiewa sabiex jittrattaw b'mod determinat l-isfidi futuri bħat-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali, it-tnaqqis taż-żoni fil-miftuħ fejn in-naħal jista' jfittex l-ikel, l-attakki minn annimali selvaġġi u minn speċijiet ta' għasafar migratorji f'uħud mir-reġjuni (id-doqqajs huma ferm esposti għal tali predaturi peress li l-apikultura spiss tiġi pprattikata fil-beraħ), u l-piżijiet amministrattivi għolja f'xi Stati Membri;
M. billi l-Programmi Nazzjonali tal-Apikultura kofinanzjati mill-UE jagħti lill-parteċipanti l-opportunità li jwettqu proġetti ta' riċerka u żvilupp; billi l-proġetti li jagħmlu suċċess jistgħu jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għat-tisħiħ tas-settur u għat-titjib tal-kapaċità tiegħu li jirreżisti lill-kriżijiet naturali u tas-suq; billi t-trasferiment tal-għarfien u l-iskambju tal-prattiki tajba u innovattivi jipprovdu valur miżjud lis-settur tal-apikultura Ewropew, b'mod partikolari jekk jiġu kkumplementati bi programm speċifiku, bħalma hu dak tal-"Erasmus għal min irabbi n-naħal" taħt il-Pilastru II tal-PAK;
N. billi l-prattika tal-hekk imsejħa biedja nomadika għandha ħafna aspetti pożittivi iżda wkoll uħud problematiċi, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-konformità mar-regoli biex sitwazzjonijiet ta' riskji jiġu pprevenuti milli jinfirxu; billi, għalhekk, jeħtieġ li jsir aktar monitoraġġ bir-reqqa;
O. billi ż-żieda attwalment osservata fir-rata tal-mortalità fost in-naħal tal-għasel u d-dakkara selvaġġi fl-Ewropa hija inkwetanti minħabba l-impatt negattiv tagħha fuq l-agrikoltura, il-bijodiversità u l-ekosistemi; billi hemm diversi fatturi ta' stress li jikkawżaw żieda fir-rata ta' mortalità tan-naħal, li jvarjaw skont iż-żona ġeografika, il-karatteristiċi lokali u l-kundizzjonijiet klimatiċi; billi dawn il-fatturi jinkludu l-impatt sever ta' speċijiet aljeni invażivi bħalma huma l-Varroa destructor, il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala (Aethina tumida), iż-żunżan bagħal ażjatiku (Vespa velutina) u l-batterja Amerikana tal-larva tan-naħal (Paenibacillus larvae), kif ukoll patoġeni tal-annimali bħan-nosemosis, l-impatt ta' ċerti sustanzi attivi fil-prodotti ta' protezzjoni tal-pjanti u bijoċidi oħra, it-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali, id-deġenerazzjoni tal-ħabitats u l-għajbien progressiv tal-pjanti li jagħmlu l-fjuri; billi n-naħal huma dipendenti mill-art agrikola, fejn l-erjas tal-wiċċ u d-diversità tal-għelejjel jipprovdu l-għajn ewlenija tal-ikel tagħhom, u għalhekk ikun utli li kemm dawk li jrabbu n-naħal u kemm il-bdiewa japplikaw ċertu tip ta' erjas ta' attenzjoni ekoloġiku partikolari msejħa "żoni għall-apikultura", li jistgħu sussegwentement jiġu użati b'mod mifrux fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari matul l-istaġun meta joħorġu inqas fjuri;
P. billi dawk li jrabbu n-naħal ħafna drabi ma jkollhomx il-kapaċità li jiġġieldu lill-mard u lill-parassiti tan-naħal, minħabba nuqqas ta' informazzjoni u taħriġ u nuqqas ta' mezzi effettivi biex biex jilqgħu għalihom, bħalma hu l-aċċess għall-mediċini ta' trattament tan-naħal; billi dawk li jrabbu n-naħal qed jirċievu appoġġ għal miżuri protettivi kontra l-Varroa destructor, għalkemm dawn il-miżuri għadhom mhumiex kompletament ta' suċċess peress li l-isforzi li jsiru fir-riċerka u l-iżvilupp għadhom inadegwati fir-rigward tal-kura kontra l-ispeċijiet parassitiċi, l-impatt tad-dieti tan-naħal u l-esponiment għal prodotti kimiċi;
Q. billi l-fatt li dawk li jrabbu n-naħal huma obbligati jiddikjaraw il-mard u l-parassiti jwassal għall-qerda sistematika tad-doqqajs u dan jista' jħajjarhom ma jiddikjarawhom xejn; billi l-mediċini disponibbli fis-suq biex jiġi ttrattat il-mard tan-naħal huma limitati u ma jippermettux li tiġi mwieġba l-ħtieġa dejjem akbar ta' mediċini veterinarji effettivi; billi ġew ittestjati għadd ta' sustanzi naturali għall-kontroll tal-varroażi, u tlieta minnhom saru l-bażi għat-trattamenti organiċi, jiġifieri l-aċidu formiku, l-aċidu ossaliku u t-timol;
R. billi l-biedja bbażata fuq il-monokultura bl-użu ta' varjetajiet ta' għelejjel u ibridi b'rendimenti aktar baxxi ta' nektar u għabra tad-dakra u perjodi iqsar ta' ħruġ ta' fjuri tnaqqas bil-kbir kemm il-bijodiversità u kemm il-firxa tal-meded ta' art użati biex in-naħal ifittex l-ikel tiegħu; billi xjenzjati Brittaniċi dan l-aħħar ikkonkludew li r-razez tan-naħal lokali u reġjonali jkampaw aħjar f'żona partikolari mir-razez ta' naħal tal-għasel li jkunu nġabu jgħixu hemm minn xi mkien ieħor[4]; billi s-saħħa u s-sostenibilità fit-tul tas-settur tal-apikultura fl-Ewropa huma bbażati fuq li jiġu żgurati s-saħħa u s-sostenibilità fit-tul tal-ekotipi tan-naħal tal-għasel lokali, minħabba d-diversità tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jadattaw ruħhom għal ambjenti lokali;
S. billi l-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi (IPBES), fir-rapport tagħha adottat fis-26 ta' Frar 2016, kif ukoll l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali (IUCN) fil-Valutazzjonijiet Integrati Mondjali (Worldwide Integrated Assessments) tagħha dwar l-insettiċidi sistemiċi, wissew kontra t-tnaqqis fid-dakkara; billi n-naħal huma indikatur importanti tal-kwalità tal-ambjent;
T. billi dawk li jrabbu n-naħal, il-bdiewa, l-ambjentalisti u ċ-ċittadini jistennew azzjonijiet ibbażati fuq kunsens xjentifiku ċar dwar il-kawżi kollha tal-mortalità tan-naħal, inklużi l-effetti tas-sustanzi attivi tal-pestiċidi (eż. xi neonikotinojdi u ċerti insettiċidi sistemiċi oħra), kif identifikati mill-EFSA;
U. billi l-varjazzjoni fis-sejbiet xjentifiċi tista' tiġi parzjalment attribwita għall-użu ta' metodi analitiċi u ta' protokolli ta' riċerka differenti; billi n-nuqqas ta' koordinazzjoni tar-riċerka dwar id-dakkar fil-livell tal-UE u n-nuqqas ta' data aċċessibbli u armonizzata bejn partijiet ikkonċernati qed jirriżultaw fi proliferazzjoni ta' studji diverġenti jew kontradittorji;
V. billi huwa importanti li jinżammu u jiġu approfonditi d-djalogu u l-kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati kollha (dawk li jrabbu n-naħal, il-bdiewa, ix-xjenzjati, l-NGOs, l-awtoritajiet lokali, l-industriji tal-protezzjoni tal-pjanti, is-settur privat, il-veterinarji u l-pubbliku ġenerali), ħalli r-riċerka tiġi kkoordinata u d-data relevanti miġbura kollha tiġi kondiviża f'waqtha;
W. billi hemm talba ġenerali għal bażi tad-data komuni u armonizzata, li tkun tinkludi, inter alia, it-tip ta' wiċċ tar-raba' u l-prattika agrikola, il-preżenza ta' pesti u mard, il-kundizzjonijiet tal-klima u tat-temp, il-pajsaġġ u l-infrastruttura, id-densità tal-kolonji tan-naħal u r-rata tal-mortalità tan-naħal għal kull reġjun, u hemm talba ġenerali wkoll għal għodod u teknoloġiji diġitali rilevanti li ma jagħmlux ħsara lin-naħal, kif ukoll għal midja kif issuġġerit mill-inizjattiva "Sħubija Ewropea tan-Naħal" adottata f'Ġunju 2017; billi r-riżultati tar-rieżami xjentifiku komprensiva tal-EFSA, li diġà ttardja b'aktar minn sena, huma meħtieġa biex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza l-aktar reċenti; billi huma meħtieġa malajr kemm jista' jkun riżultati ċari dwar l-indikaturi kollha tas-saħħa tan-naħal sabiex titwaqqaf u titnaqqsu il-mortalità tan-naħal, b'mod partikolari permezz ta' testijiet fuq il-post; billi dawk li jrabbu n-naħal, il-bdiewa u ċ-ċittadini jistennew li l-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib, flimkien mal-aġenziji rilevanti tal-UE u l-esperti mill-Istati Membri, l-Gwida tal-EFSA għall-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti ta' protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal, u li hija tistenna li l-Istati Membri jimplimentawha b'mod xieraq;
X. billi l-produzzjoni tal-għasel hija affettwata wkoll mill-kundizzjonijiet tat-temp, peress li t-temp sħun u umdu jippromwovi l-produzzjoni tal-għasel, filwaqt li temp li fl-istess ħin ikun kiesaħ u milwiem ixekkilha; billi t-telf li jseħħ fil-ħarifa u fix-xitwa jikkontribwixxi biex il-popolazzjonijiet tal-kolonji jsiru inqas iffullati u wkoll għat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-għasel, liema tnaqqis jaf jilħaq il-50 % f'ċerti Stati Membri, u saħansitra 100 % f'xi reġjuni;
Y. billi għandha tingħata attenzjoni lid-daqs tal-popolazzjoni tan-naħal tal-għasel li jvarja f'żoni agrikoli differenti, minħabba li qed tikber f'xi pajjiżi li jipproduċu l-għasel u qed tonqos f'oħrajn;
Z. billi ż-żieda fil-mortalità tan-naħal ġiegħlet lil dawk li jrabbu n-naħal jixtru kolonji ġodda b'mod aktar regolari, li wassal biex l-ispejjeż tal-produzzjoni jiżdiedu; billi l-ispiża ta' kolonja tan-naħal żdied mill-inqas erba' darbiet mill-2002 'il hawn; billi s-sostituzzjoni tal-kolonji tan-naħal spiss tista' twassal għal tnaqqis fil-produzzjoni, kemm fuq perjodu qasir u kemm fuq perjodu medju, peress li l-kolonji ġodda huma anqas produttivi meta jkunu għadhom qed jiġu stabbiliti; billi fil-produzzjoni tal-għasel, dawk li jrabbu n-naħal qatt ma jużaw daqstant kolonji tan-naħal daqskemm turi l-istatistika, peress li matul is-sena huma jerġgħu jibnu l-għadd oriġinali ta' kolonji, a skapitu tal-kwantità tal-produzzjoni peress li l-istokkjar mill-ġdid tal-kolonji li jkunu ntilfu wkoll jeħtieġ l-għasel;
AA. billi kien hemm żieda doppja fl-ammont ta' għasel li jiġi prodott u esportat f'ċerti pajjiżi terzi matul dawn l-aħħar 15-il sena; billi l-UE bilkemm tipproduċi 60 % tal-bżonnijiet tagħha ta' għasel – ċifra li mhix qed tiżdied – filwaqt li l-għadd ta' doqqajs fl-UE kważi rdoppja bejn l-2003 u l-2016 u n-numru ta' dawk li jrabbu n-naħal żdied minn madwar 470 000 għal madwar 620 000 matul l-istess perjodu; billi fl-2016 it-tliet produtturi Ewropej ewlenin tal-għasel kienu r-Rumanija, Spanja u l-Ungerija, segwiti mill-Ġermanja, l-Italja u l-Greċja;
AB. billi kull sena, l-UE timporta madwar 40 % tal-għasel tagħha; billi fl-2015 l-għasel importat kien bħala medja 2.3 darbiet orħos mill-għasel prodott fl-UE; billi l-UE timporta madwar 200 000 tunnellata għasel fis-sena, prinċipalment miċ-Ċina, l-Ukrajna, l-Arġentina u l-Messiku, fatt li qed joħloq żvantaġġ kompetittiv serju għal dawk li jrabbu n-naħal fl-Ewropa meta mqabbla ma' produtturi minn pajjiżi terzi u mhux qed jippermetti livell ogħla ta' awtosuffiċjenza; billi l-għasel importat spiss ma jilħaqx l-istandards applikati lil dawk li jrabbu n-naħal fl-UE;
AC. billi l-konsumaturi sikwit jaħsbu li qed jieklu għasel mill-UE, meta proporzjon minn dak l-għasel fil-fatt huwa taħlita ta' għasel tal-UE u għasel ta' pajjiżi terzi, filwaqt li proporzjon kbir tal-għasel importat huwa adulterat;
AD. billi mill-2002 'il hawn l-ammont ta' għasel mir-reġjuni ewlenin li jipproduċu l-għasel fid-dinja staġna jew naqas kawża tal-istat ħażin tas-saħħa tan-naħal, filwaqt li l-ammont ta' għasel prodott fiċ-Ċina irdoppja (għal madwar 450 000 tunnellata fis-sena mill-2012 'il hawn), li jirrappreżenta aktar mill-produzzjoni tal-għasel tal-UE, l-Arġentina, il-Messiku, l-Istati Uniti u l-Kanada kollha f'daqqa;
AE. billi fl-2015 aktar minn nofs l-għasel impurtat tal-UE ġie miċ-Ċina – madwar 100 000 tunnellata, id-doppju tal-ammont tal-2002 – alavolja l-għadd ta' kolonji tan-naħal naqas f'partijiet oħra tad-dinja; billi, skont l-assoċjazzjonijiet ta' dawk li jrabbu n-naħal u l-professjonisti, proporzjon kbir tal-għasel importat miċ-Ċina jista' jkun adulterat b'zokkor eżoġenu tal-kannamieli jew tal-qamħirrum; billi mhux l-Istati Membri kollha huma f'pożizzjoni li jwettqu analiżijiet biex isibu l-irregolaritajiet fl-għasel importat fil-postijiet ta' kontroll fil-fruntieri esterni tal-UE;
AF. billi l-għasel huwa t-tielet l-aktar prodotti adulterat fid-dinja; billi l-adulterazzjoni tagħmel ħsara kbira lil dawk li jrabbu n-naħal fl-Ewropa u tesponi lill-konsumaturi għal riskji tas-saħħa serji;
AG. billi skont l-esperti, il-problema kloramfenikola tal-2002 ġiet solvuta minn kumpaniji li jesportaw għasel miċ-Ċina, mhux billi kkonformaw mar-regoli iżda billi użaw filtri tar-reżina;
AH. billi fil-laqgħa tiegħu f'Diċembru 2015 il-Kunsill Agrikoltura u Sajd iddiskuta preokkupazzjonijiet dwar il-kwalità fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-għasel u l-kompetittività tas-settur tal-apikultura Ewropew; billi wara dik il-laqgħa l-Kummissjoni ordnat l-ittestjar ċentralizzat tal-għasel;
AI. billi ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ttestja l-kampjuni tal-għasel tal-Istati Membri, u sab, fost affarijiet oħra, li 20 % tal-kampjuni meħuda fil-fruntieri esterni tal-UE u fil-bini tal-importaturi ma kinux jirrispettaw il-kompożizzjoni tal-għasel u/jew il-proċessi tal-produzzjoni tal-għasel stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Għasel (2001/110/KE), u li 14 % tal-kampjuni kienu miżjuda z-zokkor; billi, minkejja dan, għadu jidħol fl-Ewropa għasel falz u adulterat;
AJ. billi skont il-Codex Alimentarius, li jintuża fl-UE, l-għasel huwa prodott naturali li ma tista' tiżdied miegħu l-ebda sustanza u li minnu ma jista' jiġi estratt xejn, u li ma jistax jitnixxef barra d-doqqajs;
AK. billi l-iżbilanċ fis-suq tal-għasel Ewropew li jirriżulta mill-importazzjoni bl-ingrossa ta' għasel irħis adulterat naqqas il-prezz tax-xiri tal-għasel fil-pajjiżi produtturi ewlenin tal-UE (ir-Rumanija, Spanja, l-Ungerija, il-Bulgarija, il-Portugall, Franza, l-Italja, il-Greċja u l-Kroazja) bin-nofs bejn l-2014 u l-2016, u dan ikompli jpoġġi lil dawk li jrabbu n-naħal fl-Ewropa f'pożizzjoni diffiċli u ta' ħsara;
AL. billi l-Premessa 6 tad-Direttiva emendatorja (2014/63/UE) tiddikjara li skont id-Direttiva 2001/110/KE, jekk l-għasel joriġina f'aktar minn Stat Membru jew pajjiż terz wieħed, l-indikazzjoni mandatorja tal-pajjiżi tal-oriġini tista' tiġi sostitwita b'waħda minn dawn li ġejjin, kif ikun xieraq: "taħlita ta' għasel tal-KE", "taħlita ta' għasel mhux tal-KE", "taħlita ta' għasel tal-KE u mhux tal-KE"; billi t-tikketta msemmija l-aħħar ma tagħtix biżżejjed informazzjoni għall-konsumatur;
AM. billi ħafna persuni li jippakkjaw l-għasel u negozjanti tal-għasel issa qed jabbużaw minn dan il-mod ta' kif jindikaw l-oriġini sabiex jaħbu l-pajjiż ta' oriġini reali, kif ukol il-proporzjon ta' għasel mill-pajjiżi differenti kkonċernati, peress li x-xerrejja qed isiru aktar konxji u mhux qed jafdaw oġġetti tal-ikel minn ċerti pajjiżi; billi ħafna pajjiżi produtturi tal-għasel kbar bħalma huma l-Istati Uniti, il-Kanada, l-Arġentina jew il-Messiku għandhom rekwiżiti wisq aktar stretti dwar it-tikkettar tal-għasel mir-regoli ssimplifikati tal-UE, u għalhekk joffru garanziji ferm aħjar minn tal-UE f'dik li hi l-informazzjoni li huma meħtieġa jagħtu lill-konsumaturi;
AN. billi r-regoli attwali ma jqisux il-prattiki qarrieqa li jaffettwaw lill-prodotti pproċessati bħalma huma l-gallettini, iċ-ċereali għall-kolazzjon, il-ħelu, eċċ; billi t-tikketta "għasel" tista' tiżgwida lill-konsumaturi fir-rigward tal-kontenut reali ta' prodott partikolari, għaliex ta' spiss tintuża meta ħafna anqas minn 50 % tal-kontenut ta' zokkor tal-prodott joriġina mill-għasel;
AO. billi l-inizjattiva "European Honey Breakfast" ("Kolazzjon b'Għasel Ewropew") li ġiet varata fl-2014 kienet ta' suċċess kbir, u din l-inizjattiva eċċellenti hija miftuħa għall-Istati Membri kollha, fejn l-għan tagħha hu li tikkontribwixxi għall-edukazzjoni tat-tfal fir-rigward tal-konsum ta' ikel tajjeb għas-saħħa bħalma hu l-għasel u li tippromwovu s-settur tal-apikultura; billi fil-11 ta' Mejju 2015, is-Slovenja, fil-laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd, tat bidu għar-rikonoxximent uffiċjali tal-20 ta' Mejju bħala l-Jum Dinji tan-Naħal li għandu jiġi ddikjarat min-NU, liema idea ġiet appoġġata b'mod ġenerali mill-Istati Membri kollha u ġiet approvata mill-FAO waqt il-Konferenza tagħha li saret f'Ruma f'Lulju 2017; billi hemmhekk ġie miftiehem li għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-settur tal-apikultura f'dawk li huma agrikultura, protezzjoni tal-pjanti u biedja sostenibbli, peress li n-naħal għandu impatt kbir fuq il-bilanċ ekoloġiku fid-dinja kollha;
AP. billi l-programmi tal-UE tal-iskemi tal-frott, tal-ħaxix u tal-ħalib għall-iskejjel jirrappreżentaw għodda essenzjali biex jerġgħu jqarrbu lit-tfal lejn l-agrikoltura u l-varjetà tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk prodotti fir-reġjun tagħhom; billi flimkien mal-promozzjoni tal-konsum tal-ħaxix u l-frott frisk u tal-ħalib, dawn il-programmi jippermettu lill-Istati Membri jinkludu speċjalitajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali oħra bħalma hu l-għasel;
AQ. billi, għalkemm il-fatt li wieħed jinvolvi lill-produtturi lokali fil-programmi taħt l-iskema tal-UE "tal-frott, il-ħaxix u l-ħalib għall-iskejjel" jfisser piż amministrattiv u finanzjarju addizzjonali, il-benefiċċji potenzjali f'dawk li huma t-tisħiħ tal-għarfien dwar il-benefiċċji nutrittivi ta' għasel, l-importanza tal-apikultura, l-inkoraġġiment biex jiżdied il-konsum u l-involviment bla xkiel prinċipalment ta' dawk li jrabbu n-naħal lokalment, jistgħu jkunu pożittivi għas-settur u għall-katina tal-għasel b'mod ġenerali; billi l-produtturi lokali jesperjenzaw diffikultajiet biex jipparteċipaw fil-programmi taħt l-iskema tal-iskejjel tal-UE minħabba l-applikazzjoni ristrettiva tal-leġiżlazzjoni dwar il-forniment dirett ta' kwantitajiet żgħar ta' għasel f'xi Stati Membri; billi huwa essenzjali li jiġu promossi l-produzzjoni u l-konsum lokali;
AR. billi l-konsum annwali tal-għasel ivarja bil-kbir fost l-Istati Membri: filwaqt li l-Istati Membri fl-Ewropa tal-Punent għandhom konsum medju ta' 2.5-2.7 kg għal kull persuna, iċ-ċifra għall-Istati Membri li ssieħbu fl-UE mill-2004 'l quddiem huwa biss ta' 0.7 kg f'xi każijiet; billi l-iskemi Ewropej tal-kwalità u b'mod partikolari l-iskemi ta' indikazzjoni ġeografika (IĠ) huma ta' importanza kbira għall-preservazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi; billi s'issa ġew irreġistrati aktar minn 30 IĠ għall-għasel; billi t-tikketti "Ewropew" ("European") u "Magħmul fl-Ewropa" ("Made in Europe") spiss huma assoċjati ma' prodotti ta' valur għoli;
AS. billi l-għasel għandu impatt psikoloġiku pożittiv, b'mod partikolari f'dik li hi saħħa, minħabba l-proprjetajiet antisettiċi, antiinfjammatorja, u ta' fejqan tiegħu, li jistgħu jiġu rikonoxxuti ulterjorment fil-politika agrikola futura;
AT. billi diversi eżempji ta' organizzazzjoni awtonoma u ta' bejgħ dirett minn dawk li jrabbu n-naħal qegħdin juru li l-bejgħ tal-għasel u b'mod partikolari l-għasel organiku, u ta' prodotti oħra tal-apikultura bi ktajjen tal-provvista qosra u fis-swieq tal-produtturi lokali huwa ta' suċċess kbir;
AU. billi l-apikultura urbana żdiedet fil-popolarità f'dawn l-aħħar snin u għandha l-potenzjal li żżid l-għarfien fost ċirku usa' ta' ċittadini, inklużi t-tfal, tan-natura u l-benefiċċji tal-apikultura; billi t-tħawwil, mill-membri tal-pubbliku u/jew mill-awtoritajet lokali u reġjonali, ta' pjanti li jagħmlu l-fjuri, fil-ġonna u fiż-żoni urbani, wkoll jikkontribwixxi biex jiġu arrikkiti s-sorsi dijetetiċi tad-dakkara;
AV. billi prodotti oħra tal-apikultura bħall-għabra tad-dakra, iż-żaftur (propolis), ix-xama' tan-naħal, il-velenu tan-naħal u ħalib in-naħal (royal jelly) jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-benesseri taċ-ċittadini u huma użati bħala ikel ta' kwalità għolja u mfittxija bħala parti minn stil ta' ħajja naturali; billi huma jaqdu wkoll rwol ewlieni fis-settur tal-kura tas-saħħa u f'dak tal-kosmetiċi, u għalhekk jikkostitwixxu riżors addizzjonali għat-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika ta' dawk li jrabbu n-naħal; billi, madankollu, dawn il-prodotti mhumiex iddefiniti fid-Direttiva dwar l-Għasel (2001/110/KE), u din l-ommissjoni taħdem kontra l-implimentazzjoni ta' politika settorjali effettiva u ma timpedixxi approċċi bbażati fuq il-kwalità u l-ġlieda kontra l-frodi u l-adulterazzjoni; billi kwalunkwe Stat Membru jista' jiddeċiedu li jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM fit-territorju tiegħu sabiex jipproteġi lill-konsumaturi Ewropej minn għasel ikkontaminat minn għabra tad-dakra ġenetikament modifikat;
AW. billi fl-UE jiġu importati kwantitajiet kbar ta' għasel u dan il-fatt, f'ħafna każijiet, jikkawża disturbi serji u saħansitra kriżijiet fis-suq tal-għasel tal-UE, u b'hekk jikkontribwixxi għad-dgħajfien tas-settur Ewropew tal-apikultura; billi s-settur tal-apikultura jistħoqqlu jiġi ttratta bħala prijorità fl-UE fin-negozjati dwar ftehimiet ta' kummerċ ħieles, u l-prodotti tal-għasel u prodotti oħra tan-naħal jinħtieġ li jiġu kklassifikati bħala "prodotti sensittivi".
L-importanza tal-apikultura
1. Jenfasizza li n-naħal tal-għasel, flimkien man-naħal selvaġġ u dakkara oħra, iwettqu servizzi fundamentali għall-ekosistemi u għall-agrikoltura billi jdakkru l-fjuri, inklużi l-għelejjel, li mingħajrhom l-agrikoltura Ewropea, u b'mod partikolari l-kultivazzjoni tal-pjanti entomofili (pjanti imdakkra mill-insetti), ma tkunx teżisti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' PAK orjentata lejn l-iżvilupp sostenibbli u t-tisħiħ tal-bijodiversità, li hija aħjar mhux biss biex in-naħal ikompli jeżisti u jkompli jiġġedded fil-popolazzjoni tiegħu, iżda wkoll għar-rendimenti tal-uċuħ tar-raba';
2. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-prominenza tal-apikultura fil-proposti futuri ta' politiki agrikoli, f'dawk li huma appoġġ u simplifikazzjoni, riċerka u innovazzjoni, u programmi ta' edukazzjoni dwar l-apikultura;
3. Jissottolinja li, filwaqt li l-UE tista' tieħu azzjoni ulterjuri għal dawk li jrabbu n-naħal u għan-naħal, jeħtieġ li jiġi rikonoxxut il-kontribut tal-PAK fl-appoġġ attwali mogħti lill-apikultura u potenzjalment ukoll lit-titjib tal-ambjent u l-biodiversità permezz ta' diversi għodod, bħalma huma l-miżuri ta' diversifikazzjoni tal-għelejjel, iż-żoni ta' interess ekoloġiku (ŻIE), Natura 2000, il-biedja organika, miżuri oħra agroambjentali li jgħinu biex l-istabbiliment ta' kolonji tan-naħal, miżuri għall-protezzjoni tal-klima jew is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni;
L-appoġġ mill-UE lil dawk li jrabbu n-naħal
4. Jissottolinja li l-finanzjament tal-apikultura għall-produzzjoni tal-ikel u għal finijiet terapewtiċi irid ikun strutturat b'mod aktar immirat u effettiv, u jrid jiżdied b'mod xieraq f'politika agrikola futura (mistennija mill-2021 'il quddiem);
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ għas-settur tal-apikultura tal-UE permezz ta' għodod ta' politika b'saħħithom u miżuri ta' finanzjament xierqa li jikkorrispondu għall-istokk attwali tan-naħal; jipproponi, għalhekk, li jkun hemm żieda ta' 50 % fil-linja tal-baġit tal-UE allokata għall-programmi nazzjonali tal-apikultura, li tkun tirrifletti l-popolazzjoni attwali tan-naħal tal-għasel fl-UE u l-importanza tas-settur b'mod ġenerali; iħeġġeġ bil-qawwa lil kull Stat Membru, skont l-Artikolu 55 tar-Regolament 1308/2013/UE dwar l-OKS Unika, jiżviluppa programm nazzjonali għas-settur tal-apikultura tiegħu;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra bir-reqqa l-inklużjoni ta' skema ġdida ta' appoġġ għal dawk li jrabbu n-naħal għall-PAK ta' wara l-2020, sabiex b'mod adegwat tirrifletti r-rwol ekoloġiku tan-naħal bħala dakkara; jissottolinja f'dan ir-rigward li għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, inklużi dawk li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fir-reġjuni ultraperiferiċi u muntanjużi u fil-gżejjer; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tinvestiga miżuri addizzjonali, bħalma hu l-appoġġ għax-xiri tal-fondazzjonijiet tax-xehda;
7. Jistieden lil dawk li jrabbu n-naħal jidħlu fi djalogu attiv mal-awtoritajiet kompetenti bil-ħsieb li ssir applikazzjoni aktar effettiva tal-programmi nazzjonali tal-apikultura, għall-fini li jittejbu u tiġi kkoreġuta kwalunkwe problema li tista' tinqala';
Il-ġestjoni tar-riskju
8. Jistieden lill-Kummissjoni tvara studju dwar il-fattibilità ta' skema ta' mmaniġġjar tar-riskju tal-apikultura bħala parti mill-programmi nazzjonali tal-apikultura, sabiex jiġi ttrattat it-telf fil-produzzjoni mġarrab minn dawk li jipprattikaw l-apikultura b'mod professjonali; jissuġġerixxi, għalhekk, indennizz ikkalkolat skont il-fatturat tan-negozji affettwati; jenfasizza li f'għadd ta' Stati Membri l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jirrifjutaw li jassiguraw il-kolonji tan-naħal u li dawk li jrabbu n-naħal għandhom diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-għodod tal-ġestjoni tar-riskju taħt il-Pilastru II tal-PAK; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġevolaw l-aċċess ta' dawk li jrabbu n-naħal għall-għodod tal-ġestjoni tar-riskju;
Programmi Nazzjonali tal-Apikultura kofinanzjati mill-UE
9. Jenfasizza l-ħtieġa ta' taħriġ xieraq fl-apikultura, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinkludu dan bħala prerekwiżit fil-programmi nazzjonali; jemmen li n-nefqa fix-xiri tat-tagħmir għall-apikultura, fejn huwa eliġibbli u kofinanzjati skont il-programmi nazzjonali individwali tal-apikultura, jenħtieġ li tiġi rrikonoxxuta matul il-perjodu ta' programmazzjoni ta' tliet snin kollu kemm hu, u mhux biss fis-sena tal-programm li fiha tkun ġiet imġarrba n-nefqa;
10. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' skema ta' kumpens fil-programmi nazzjonali tagħhom tal-apikultura għall-mortalitajiet tal-kolonji tan-naħal li jirriżultaw minn diżastri naturali, mard jew attakki minn predaturi;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi bidla fl-iskedar tas-sena tal-programm, għall-finijiet tal-programmi nazzjonali tal-apikultura, fejn l-aħħar tas-sena jiġi estiż sat-30 ta' Ottubru, filwaqt li wieħed jiftakar li, skont ir-regolament attwalment fis-seħħ, is-sena tal-programm tintemm fil-31 ta' Lulju, data li taħbat fl-aqwa tal-istaġun tal-apikultura f'xi Stati Membri, u dan jagħmilha mument partikolari li mhuwiex adattat;
12. Jirrimarka li t-tifrix tal-orsijiet kannella u ta' annimali predatorji oħra f'xi reġjuni fl-Ewropa qed joħloq sfidi ġodda għal dawk li jrabbu n-naħal fir-rigward tas-sikurezza personali tagħhom u l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw modi xierqa li bihom jistgħu jindirizzaw dan il-fatt, b'mod partikolari permezz ta' kumpens għall-ħsara kkawżata;
Riċerka taħriġ u edukazzjoni
13. Jissuġġerixxi li s-suġġetti u s-sejbiet tar-riċerka dwar l-apikultura jiġu estiżi u kondiviżi wkoll fuq il-linji tal-konsorzju tal-proġett tal-apiterapija – b'mod partikolari fejn dawn huma ffinanzjati mill-UE – fost l-Istati Membri sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni; jitlob, f'dan ir-rigward, it-twaqqif ta' bażi tad-data diġitali komuni, armonizzata fil-livell tal-UE, għall-iskambju ta' informazzjoni fost dawk li jrabbu n-naħal, ir-riċerkaturi u l-partijiet kollha involuti; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippromwovi u tagħti spinta lill-proġetti ta' riċerka Ewropej dwar l-apikultura, bħalma l-programm ta' riċerka tal-EFSA taħt il-proġett "Collecting and Sharing Data on Bee Health: towards a European Bee Partnership" ("Il-Ġbir u l-Kondiviżjoni ta' Data dwar is-Saħħa tan-Naħal: lejn Sħubija Ewropea tan-Naħal"); iqis li huwa essenzjali li jsir investiment privat u pubbliku akbar fil-kompetenza teknika u xjentifika u li għandu jiġi inċentivizzat, fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE, b'mod partikolari dwar l-aspetti ġenetiċi u veterinarji u l-iżvilupp ta' mediċini innovattivi għas-saħħa tan-naħal; jappoġġa l-attività tal-istituzzjonijiet u l-laboratorji ta' referenza tal-UE, li tirriżulta f'titjib fil-koordinazzjoni tar-riċerka, inter alia għal skopijiet ta' investigazzjoni ulterjuri tal-kawżi tal-mortalità tan-naħal;
14. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm programmi ta' taħriġ bażiku u vokazzjonali xierqa għal dawk li jrabbu n-naħal; jenfasizza li lil hinn mill-aspett agrikolu u aspetti ekonomiċi oħra tal-apikultura, il-materjal tat-tagħlim għandu jkun fih l-għarfien relatat mad-dakkir u prattiki ambjentali oħra, bħalma huma ż-żamma tal-bilanċ ekoloġiku u l-preservazzjoni tal-bijodiversità, u t-titjib tal-kondizzjonijiet tas-sopravivenza għad-dakkara fil-pajsaġġi fejn isseħħ il-biedja; jemmen li, flimkien ma' dawk li jrabbu n-naħal, jenħtieġ li jiġu żviluppati moduli ta' taħriġ speċifiċi dwar dawn il-kwistjonijiet għall-produtturi agrikoli involuti fil-koltivazzjoni tal-art; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kooperazzjoni akbar u l-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-informazzjoni, inklużi sistemi ta' twissija bikrija avvanzati u reċiproċi bejn il-bdiewa u dawk li jrabbu n-naħal, dawk li jieħdu ħsieb il-foresti, ix-xjenzjati u l-veterinarji dwar il-perjodi tal-bexx u applikazzjonijiet oħra ta' insettiċidi, il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lin-naħal, u metodi ta' protezzjoni tal-pjanti li jnaqqsu l-mortalità tad-dakkara;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta rakkomandazzjonijiet sabiex fl-UE tagħti appoġġ lil programmi nazzjonali differenti ta' edukazzjoni bażika u vokazzjonali ta' kwalità għolja dwar l-apikultura ; jitlob programmi li jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ jaqbdu l-professjoni tal-apikultura, minħabba l-ħtieġa urġenti ta' tiġdid ġenerazzjonali fis-settur; iqis li huwa neċessarju li l-potenzjal tas-settur tal-apikultura jiġi żviluppat aktar b'modi li huma mfassla għall-ħtiġijiet ta' dawk kollha li jrabbu n-naħal; jistieden ukoll lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri u mas-settur biex tiżviluppa kodiċi tal-aħjar prattika fl-apikultura, appoġġjat permezz ta' aċċess fil-livell ta' Stat Membru għal taħriġ ta' kwalità għolja; f'dak li għandu x'jaqsam mal-edukazzjoni professjonali, jinkoraġġixxi lill-fakultajiet tal-mediċina veterinarja fl-universitajiet isaħħu l-qasam tas-sorveljanza veterinarja u dak tal-involviment veterinarju; iqis li programmi bħalma huma Orizzont 2020 u Erasmus + għandhom jinkoraġġixxu r-riċerka u t-taħriġ fil-qasam tal-apiterapija;
Is-saħħa tan-naħal u aspetti ambjentali
16. Itenni t-tħassib li ż-żieda fir-rata tal-mortalità, u t-tnaqqis, fost in-naħal tal-għasel u d-dakkara selvaġġi, inklużi n-naħal selvaġġ, fl-Ewropa se jkollhom impatt negattiv profond fuq l-agrikoltura, il-produzzjoni u s-sikurezza tal-ikel, il-bijodiversità, is-sostenibilità ambjentali u l-ekosistemi;
17. Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jieħdu l-passi neċessarji u immedjati meħtieġa biex tiġi implimentata strateġija fuq skala kbira u fit-tul għas-saħħa u r-ripopolazzjoni tan-naħal sabiex jiġi ppreservata l-istokk tan-naħal selvaġġ li attwalment qed jonqos fl-UE, anke permezz ta' miżuri agroambjentali li jappoġġjaw l-istabbiliment ta' kolonji tan-naħal;
18. Jenfasizza l-importanza tal-bijodiversità għas-saħħa u l-benesseri tan-naħal, li tipprovdilhom artijiet fejn jistgħu jfittxu l-ikel kif ukoll ħabitati naturali u seminaturali flimkien ma' mergħat permanenti estensivi; jiġbed l-attenzjoni lejn l-għajbien gradwali tal-pjanti siewja li joffru l-ikel għan-naħal – pjanti bħalma huma wardet il-qamħ, il-ġulbiena, ix-xewk tal-Madonna jew is-silla bajda – ikkawża mill-użu ħażin ta' prodotti ta' ħarsien tal-pjanti, it-tnaqqis fl-użu tal-bwar biex l-annimali jirgħu fihom u ż-żieda fl-użu tagħhom għall-produzzjoni tal-ħuxlief; jirrimarka li dan jirriżulta f'nuqqas ta' għabra tad-dakra u dan in-nuqqas jikkawża malnutrizzjoni fin-naħal, li mbagħad tikkontribwixxi biex tonqos is-saħħa tan-naħal u tiżdied is-suxxettibilità tagħhom għall-patoġeni u għall-parassiti; jenfasizza l-ħtieġa jiġu protetti l-fjuri selvaġġi u l-ispeċijiet favorevoli għall-insetti fl-Ewropa kollha; ifakkar li "ż-żoni tal-apikultura" b'fattur ta' ponderazzjoni ta' 1.5 huma tip ta' Żona ta' Interess Ekoloġiku (ŻIE) fl-ekoloġizzazzjoni tal-PAK; jistieden lill-Kummissjoni, lil dawk li jnisslu ż-żrieragħ u lill-bdiewa jippromwovu skemi ta' kwalità tat-tnissil tal-pjanti b'kapaċità għolja u ppruvata ta' produzzjoni tal-għasel jew tal-għabra tad-dakra fil-kriterji tal-għażla, bi preferenza diversità bijoloġika massima ta' speċijiet u varjetajiet adattati lokalment u li huma fornuti lokalment;
19. Jindika l-ħtieġa ta' inċentivi finanzjarji xierqa għal min jipprattika l-apikultura organika, minħabba r-rekwiżiti addizzjonali li jeħtieġ li jissodisfaw u l-impatti dejjem ikbar li jirriżultaw mill-ambjent;
20. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ppreservati l-wirt ġenetiku straordinarji, id-diversità u l-kapaċità ta' adattament tal-popolazzjonijiet tan-naħal tal-għasel endemiċi lokali, kull waħda mfassla tul ġenerazzjonijiet skont il-partikularitajiet tal-ambjent lokali tagħhom, filwaqt li jfakkar li din id-diversità hija importanti fil-ġlieda kontra l-ispeċijiet invażivi, inklużi l-parassiti u l-mard;
21. Jinnota li l-biedja bbażata fuq il-monokultura tnaqqas il-bijodiversità u tippreżenta r-riskju ta' dakkir insuffiċjenti u ta' għajbien tal-flora li tipproduċi l-għasel, u jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji għaż-żrigħ, fuq art mhix użata, ta' pjanti li jipproduċu n-nektar; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-preservazzjoni tar-riżorsi abijotiċi, b'mod partikolari tal-ħamrija u tal-ilma, kif ukoll diversità sostanzjali ta' għabra tad-dakra u varjetà kbira ta' nutriment, huma essenzjali għall-protezzjoni tan-naħal;
22. Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu l-inċentivi neċessarji ħalli jinkoraġixxu prattiki żviluppati lokalment, sabiex jiġu ppreservati l-ekotipi tan-naħal tal-għasel u kultivazzjoni tagħhom fl-UE kollha;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal inventarju sabiex tevalwa r-riskji emerġenti tas-saħħa, kemm dawk eżistenti u kemm dawk emerġenti, fil-livell tal-UE u f'dak internazzjonali, bil-għan li tistabbilixxi pjan ta' azzjoni biex tiġġieled lill-mortalità tan-naħal;
24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-proġetti pilota fuq in-naħal u dakkara oħra bħala indikaturi ta' saħħa ambjentali u tal-ħabitats, peress li dawn jistgħu joħorġu utli għall-iżvilupp ta' politiki futuri;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sussidji għall-azjendi tal-biedja mid-diversi linji baġitarji tal-PAK iqisu l-prattiki li jiffavorixxu n-naħal, pereżempju l-istabbiliment ta' żoni ta' interess ekoloġiku jew it-tkabbir ta' fjuri selvaġġi li huma ppreferuti min-naħal fuq art mistrieħa;
26. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi applikat il-prinċipju ta' prekawzjoni ħalli d-dakkara b'mod ġenerali jiġu protetti, kemm dawk domestiċi kif ukoll dawk selvaġġi;
27. Jinnota li n-naħal b'saħħtu huwa f'pożizzjoni aħjar sabiex jirreżisti parassitiżmu, il-mard u l-attakki mill-predaturi; jifhem li xi speċijiet aljeni invażivi bħalma huma l-Varroa destructor, il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala (Aethina tumida), iż-żunżan bagħal ażjatiku (Vespa velutina) - speċi li hija estremament aggressiva lejn insetti oħra), kif ukoll il-batterja Amerikana tal-larva tan-naħal (Paenibacillus larvae), u ċerti patoġeni bħan-nosemosis, huma l-kawżi ewlenin tal-mortalità tan-naħal u jikkawżaw dannu ekonomiku serju għal dawk li jrabbu n-naħal; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-proġett pilota varat mill-Parlament dwar il-programm ta' tnissil u selezzjoni għar-riċerka dwar ir-reżistenza għall-Varroa destructor; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ir-riċerka applikata madwar l-UE kollha permezz ta' programmi ta' tnissil effettivi li jipproduċu speċijiet ta' naħal li jkunu reżiljenti quddiem l-ispeċijiet invażivi u l-mard u li jkollhom il-karatteristika ta' mġiba tal-iġjene sensittiva għall-varroa (VSH); fid-dawl tar-riskju li xi speċijiet aljeni invażivi bħall-Varroa destructor huma kapaċi jiżviluppaw reżistenza għal ċerti prodotti mediċinali veterinarji (PMV), iħeġġeġ lill-Istati Membri biex kull sena jwettqu testijiet fuq il-livell ta' reżistenza tad-dud għas-sustanzi attivi differenti użati fil-PMV; jipproponi li l-ġlieda obbligatorja kontra l-Varroa tinżamm għaddejja fil-livell tal-UE;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-produtturi rilevanti kollha tal-mediċini fir-riċerka dwar mediċini tan-naħal, inter alia sabiex tiġi miġġielda l-Varroa destructor u jiġu evitati l-effetti sekondarji negattivi fuq is-sistemi immunitarji tan-naħal minn dawn il-mediċini, u tistabbilixxi pjattaforma tal-informatika komuni sabiex taqsam l-aħjar soluzzjonijiet u mediċini mal-partijiet interessati, ittejjeb id-disponibilità tal-prodotti veterinarji vitali għall-apikultura, issaħħaħ ir-rwol tal-veterinarji fil-ġestjoni tas-saħħa tan-naħal, u tagħmel lil dawk li jrabbu n-naħal konxji tas-soluzzjonijiet disponibbli kollha; jitlob li ssir riċerka pubblika u privata dwar metodi alternattivi bijoloġiċi u fiżiċi li ma jkunux ta' ħsara la għas-saħħa tal-bniedem u lanqas għal tal-annimali, kif ukoll dwar l-użu ta' sustanzi u komposti naturali għall-kontroll tal-varrożi, b'kont meħud tal-vantaġġi speċifiċi tat-trattamenti organiċi;
29. Jirrikonoxxi l-fatt li r-riżultati tal-eżerċizzji ta' monitoraġġ sabiex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni tas-saħħa tan-naħal li saru minn xi Stati Membri huma importanti u li jenħtieġ li jiġu kondiviżi mal-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni;
30. Jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni jużaw il-mezzi kollha possibbli sabiex jipproteġu l-ispeċijiet lokali u reġjonali tan-naħal tal-għasel (razez ta' naħal tal-Apis Mellifera) mit-tifrix mhux mixtieq ta' speċijiet aljeni naturalizzati jew invażivi li jkollhom impatt dirett jew indirett fuq id-dakkara; jappoġġja r-ripopolament tad-doqqajs li jkun intilef minħabba speċijiet aljeni invażivi b'naħal ta' speċijiet nattivi lokali; jirrakkomanda lill-Istati Membri joħolqu ċentri ddedikati għat-tnissil u s-salvagwardja tal-ispeċijiet nattivi tan-naħal; jissottolinja, f'dan ir-rigward, kemm hu importanti li jiġu żviluppati strateġiji ta' tnissil biex jiżdiedu l-frekwenzi ta' karatteristiċi siewja fil-popolazzjonijiet lokali tan-naħal tal-għasel; jinnota l-possibilitajiet li jiddisponi għalihom ir-Regolament 1143/2014/UE dwar l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi, kif ukoll potenzjalment ir-regolamenti adottati dan l-aħħar dwar is-Saħħa tal-Annimali u tal-Pjanti (ir-Regolament 429/2016/UE u r-Regolament 2031/2016/UE rispettivament); jesprimi t-tħassib tiegħu li x-xama' tan-naħal ikkontaminata importata miċ-Ċina spiss tista' tikkawża problemi tas-saħħa għan-naħal;
31. Jappella għal proċedura meqjusa biex tiġi estiża l-lista ta' speċijiet ta' pjanti invażivi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis fid-diversità fil-mergħat tan-naħal fl-UE;
Sustanzi kimiċi perikolużi għan-naħal
32. Jitlob lill-Kummissjoni tissospendi l-awtorizzazzjoni ta' dawk is-sustanzi attivi tal-pestiċidi li jipperikolaw is-saħħa tan-naħal fuq il-bażi tas-sejbiet xjentifiċi tal-EFSA bbażati fuq testijiet fuq il-post, sa ma tiġi ppubblikata l-valutazzjoni tal-impatt dettaljata finali mwettqa mill-EFSA; itenni li kwalunkwe proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni u sejbiet xjentifiċi;
33. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu fuq il-kunsens xjentifiku stabbilit u jipprojbixxu dawk is-sustanzi attivi tal-pestiċidi, inklużi dawk in-neonikotinojdi u dawk l-insettiċidi sistemiċi li huma xjentifikament ippruvati (fuq il-bażi tar-riżultati tal-analiżijiet tal-laboratorju u, speċjalment, it-testijiet fuq il-post) li huma ta' periklu għas-saħħa tan-naħal; jitlob, fl-istess ħin, li jiġu implimentati prodotti alternattivi jew metodi agronomiċi sikuri (eż. diversi forom effettivi ta' ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara li jikkontribwixxu livell baxx ta' pestiċidi, ta' kontroll bijoloġiku u ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara) biex jieħdu post dawk is-sustanzi attivi li huma ta' riskju għan-naħal;
34. Jistieden lill-Kummissjoni jimmonitorjaw mill-qrib, flimkien mal-aġenziji rilevanti tal-UE u l-esperti tal-Istati Membri, il-Gwida tal-EFSA għall-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal, u jistieden lill-Istati Membri jimplimentawha;
35. Jissottolinja li kwalunkwe prodott li fih sustanzi li huma kkonfermati li huma ta' ħsara għan-naħal fl-użu agrikolu għandu jiġi ttikkettat bħala ‘perikoluż għan-naħal";
36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex immedjatament iżidu r-riċerka xjentifika, bi skeda ddeterminata b'mod ċar, dwar is-sustanzi kollha li x'aktarx jipperikolaw is-saħħa tan-naħal;
37. Jenfasizza li l-effetti fit-tul ta' prodotti sistemiċi għall-protezzjoni tal-pjanti huma sottovalutati; jilqa' l-adozzjoni riċenti ta' proġett pilota dwar għall-monitoraġġ ambjentali tal-użu tal-pestiċidi permezz tan-naħal tal-għasel;
38. Jirrikonoxxi li, skont evidenza xjentifika indipendenti vvalutati mill-pari, ir-reżistenza tan-naħal hija mdgħajfa b'mod konsiderevoli mill-esponiment kimiku kumulattiv, li jħallihom inkapaċi li jiffaċċjaw kundizzjonijiet stressanti bħas-snin umdi, in-nuqqas ta' nektar, il-mard jew il-parassiti;
39. Ifakkar fid-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha, li jagħmilha mandatarja li l-bdiewa kollha japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara fl-azjenda tal-biedja tagħhom mill-2014 'il quddiem, u l-Artikolu 9, li jistabbilixxi projbizzjoni ġenerali fuq il-bexx mill-ajru;
40. Jirrimarka li l-UE introduċiet restrizzjonijiet temporanji fuq l-użu ta' erba' insettiċidi neonikotinojdi (klotijanidin, tijametoksam, imidakloprid u fipronil) sabiex jittaffa l-impatt minn fuq in-naħal;
Il-ġlieda kontra l-adulterazzjoni tal-għasel
41. Jistenna lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jiggarantixxu l-konformità sħiħa tal-għasel importat u tal-prodotti importati l-oħra tan-naħal mal-istandards ta' kwalità għolja tal-UE, u b'hekk jiġġieldu kemm lill-produtturi tal-għasel f'pajjiżi mhux tal-UE li jużaw metodi mhux onesti u kemm lil dawk fl-UE li jippakkjaw u lin-negozjanti tal-UE li intenzjonalment iħalltu għasel impurtat adulterat ma' għasel Ewropew;
42. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proċeduri effettivi ta' analiżi fil-laboratorju, bħalma huma l-ittestjar bir-reżonanza manjetika nukleari, li jidentifikaw peptidi speċifiki għan-naħal u markaturi oħra speċifiċi għan-naħal, sabiex taqbad il-każijiet ta' adulterazzjoni tal-għasel, u jistieden lill-Istati Membri jimponu penali aktar ħorox fuq it-trasgressuri; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi laboratorji privati li huma internazzjonalment rikonoxxuti, bħal dak Franċiż EUROFINS jew il-Ġermaniża QSI, biex iwettqu eżamijiet l-aktar sofistikati; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa bażi tad-data uffiċjali għall-għasel, fejn tikkategorizza l-għasel ta' oriġini differenti bl-użu ta' metodu komuni ta' analiżi;
43. Jinnota li l-impjanti tal-ippakkjar tal-għasel, li jħalltu jew jipproċessaw l-għasel minn diversi produtturi, huma soġġetti għal monitoraġġ tas-sikurezza tal-ikel tal-UE kif stabbiliti fir-Regolament Nru 853/2004/KE; jemmen li dan għandu jiġi estiż għall-impjanti kollha li jipproċessaw l-għasel importat; jispeċifika l-ħtieġa li jiġi evitat il-ħolqien ta' kwalunkwe piż finanzjarju jew amministrattiv għal dawk li jrabbu n-naħal fl-UE li jippakkjaw l-għasel tagħhom stess;
44. Jenfasizza li l-miżuri ssuġġeriti se jsaħħu l-monitoraġġ tal-UE applikat għal dawk li jippakkjaw l-għasel f'pajjiżi mhux tal-UE, u b'hekk jippermettu lill-awdituri uffiċjali jsiru jafu jekk ikunx intuża għasel adulterat u jiżguraw it-tneħħija tiegħu mill-katina tal-ikel;
45. Jemmen li l-għasel għandu dejjem ikun identifikabbli tul il-katina tal-provvista tal-ikel u għandu jkun jista' jiġi kklassifikat skont il-pjanta li minnu joriġina, irrispettivament jekk huwiex prodott domestiku jew prodott impurtat, ħlief fil-każijiet ta' tranżazzjonijiet diretti bejn il-produttur u l-konsumatur; jitlob, f'dan ir-rigward, l-issikkar tar-rekwiżit tat-traċċabilità għall-għasel; jemmen li l-kumpaniji li jimpurtaw l-għasel barrani, kif ukoll il-bejjiegħa bl-imnut, jenħtieġ li jikkonformaw mar-regoli tal-UE jenħtieġ li jbiegħu biss prodotti tal-apikultura li jissodisfaw id-definizzjoni tal-għasel kif stabbilit fil-Codex Alimentarius;
46. Jitlob li l-Kummissjoni temenda l-hekk imsejħa "Direttiva dwar l-Għasel" (2001/110/KE) bil-ħsieb li tipprovdi definizzjonijiet ċari u tispjega l-karatteristiċi distintivi ewlenin tal-prodotti kollha tal-apikultura, bħalma huma l-għasel ġej minn tip wieħed ta' fjura u l-għasel ġej minn varjetà ta' tipi ta' fjuri, iż-żaftur, ħalib in-naħal, ix-xama' tan-naħal, il-gerbub tal-għabra tad-dakra, it-taħlita ta' għasel u għabra tad-dakra, u l-velenu tan-naħal, kif diġà ġie mitlub f'testi adottati mill-Parlament;
47. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa t-tħaddim tas-suq tal-UE tal-għalf, is-supplimenti u l-mediċini tan-naħal, u tieħu l-miżuri meħtieġa biex tissemplifika s-suq u tipprevjeni l-adulterazzjoni u l-ikkummerċjar illegali ta' dawk il-prodotti;
48. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-protokolli ta' livell ta' azzjoni żero, punti ta' referenza għall-azzjoni, jew il-limiti massimi ta' residwu għall-għasel u prodotti oħra tal-apikultura, sabiex tkopri sustanzi li ma jistgħux jiġu awtorizzati għas-settur tal-apikultura tal-UE, u tarmonizza l-ispezzjonijiet veterinarji fil-fruntieri u l-kontrolli tas-suq interni, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li sa fejn għandu x'jaqsam l-għasel, l-importazzjonijiet ta' kwalità baxxa, l-adulterazzjoni u s-sostituti jgħawġu s-suq u qed ikomplu jagħmlu pressjoni fuq il-prezzijiet u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-kwalità tal-prodotti fi ħdan is-suq intern, u li għandu jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-prodotti u għall-produtturi kemm mill-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi;
49. Jinsab konxju li sistema ta' twissija bikrija għall-ikel u l-għalf ikollha sinifikat prattiku, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex dejjem tqiegħed il-każijiet tal-għasel li jkun ċar li hu falz fuq il-lista tal-RASFF (Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf);
50. Jistieden lill-Kummissjoni tipprojbixxi kemm jista' jkun malajr id-distribuzzjoni ta' għasel iffiltrat mir-reżina, peress li dan l-għasel ma fih l-ebda valur bijoloġiku ta' xejn;
51. Jitlob li jsiru kontrolli kontinwi fuq il-kwalità tal-għasel impurtat minn pajjiżi terzi li l-leġiżlazzjoni tagħhom tippermetti t-trattament tal-kolonji tan-naħal bl-antibijotiċi;
52. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal standards tal-manifattura għall-fondazzjonijiet tax-xehdiet, li għandhom jinkludu l-proporzjonijiet rispettivi permessi ta' paraffina, ta' spori tal-batterja tal-larva, u ta' residwi tal-akariċida, bid-dispożizzjoni li l-kontenut tar-residwu tal-akariċida tax-xama' li jkun se jifforma l-fondazzjonijiet ma jridx ikun tali li r-residwi jkunu jistgħu jibdew jgħaddu għal ġol-għasel;
53. Jistieden lill-Kummissjoni tittestja bir-reqqa l-importazzjoni fuq skala kbira ta' għasel miċ-Ċina f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1036/2016, u b'mod partikolari teżamina l-operazzjoni tal-kumpaniji li jesportaw l-għasel miċ-Ċina u tevalwa l-kwalità, il-proporzjon tal-kwantità u l-livell tal-prezz tal-bejgħ tal-għasel fis-suq tal-għasel tal-UE;
54. Iqis li, fid-dawl tal-kwantitajiet kbar ta' għasel li jiġu importati miċ-Ċina, tendenza li aċċelerat f'dawn l-aħħar 15-il sena, il-prezz tax-xiri tal-għasel skont il-kosti reali tal-produzzjoni fl-UE u l-kwalità ħażina tal-għasel importat "manifatturat" (u mhux prodott) għandhom jagħmluha ċara lill-Kummissjoni li wasal iż-żmien li tibda tinvestiga l-prattiki ta' xi esportaturi Ċiniżi, sabiex possibilment jinbdew proċeduri ta' "anti-dumping";
55. Jistieden lill-Kummissjoni tirrikjedi li fil-fruntieri esterni tal-UE jsir l-ikkampjunar u l-ittestjar uffiċjali tal-lottijiet ta' għasel ġej minn pajjiżi mhux tal-UE, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 2017/625 (dak li kien ir-Regolament (KE) 882/2004);
56. Jinnota li d-Direttiva 2014/63/UE tistipula li l-pajjiż li fih ikun inġabar l-għasel irid jiġi indikat fuq it-tikketta meta l-għasel joriġina minn Stat Membru wieħed jew minn pajjiż terz wieħed; jirrikonoxxi, madankollu, li tinħtieġ aktar azzjoni biex tiġi indirizzata l-frodi fil-qasam tal-prodotti tan-naħal u biex tiġi indirizzata l-kompetizzjoni inġusta rappreżentata mill-"għasel" adulterat;
57. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-konsumaturi għandhom id-dritt li jkunu jafu l-post tal-oriġini tal-oġġetti tal-ikel kollha; iqis, madankollu, li tikkettar bħal "taħlita ta' għasel tal-UE", "taħlita ta' għasel mhux tal-UE", u speċjalment "taħlita ta' għasel tal-UE u mhux tal-UE", kompletament jaħbi l-oriġini tal-għasel mill-konsumatur u konsegwentement jonqos milli jissodisfa l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżgurata b'mod preċiż u mandatarju t-tikkettar tal-għasel u tal-prodotti tan-naħal, kif ukoll armonizzazzjoni akbar għall-produzzjoni tal-għasel, f'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar skemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli, ħalli l-konsumaturi ma jitħallewx jiġu mqarrqa u tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-frodi; jirrikonoxxi s-suċċess tal-bejgħ dirett tal-għasel, li jeliminaw parti mill-problema fir-rigward tat-tikkettar tal-oriġini;
58. Jitlob li d-deskrittur tat-"taħlita ta' għasel tal-UE u mhux tal-UE" fuq it-tikketti jiġi sostitwit b'indikazzjoni ta' mil-liema pajjiż jew pajjiżi eżattament hu ġej l-għasel użat fil-prodott finali, u li dawn jiġu elenkati fl-ordni li tikkorrispondi għall-proporzjonijiet perċentwali użati fil-prodott finali (filwaqt li addizzjonalment jiġi ddikjarat il-perċentwal skont il-pajjiż fi prodott partikolari);
59. Jitlob lill-Kummissjoni temenda d-Direttiva dwar l-Għasel fir-rigward tal-użu tal-kelma "għasel" jew it-termini "li fih/li fiha l-għasel" jew "magħmul/magħmula mill-għasel" fid-denominazzjoni tal-prodotti pproċessati, jew fi kwalunkwe element grafiku jew mhux grafiku li jindika li l-prodott fih l-għasel, b'tali mod li dawk it-termini jkunu jistgħu jintużaw biss jekk mill-inqas 50 % tal-kontenut ta' zokkor tal-prodott jkun joriġina mill-għasel;
60. Jappoġġja l-idea li l-Istati Membri jagħmluha obbligatorja li fuq il-prodotti tal-għasel u prodotti oħra tan-naħal jiġi indikat il-post ta' oriġini tal-għasel, bħalma huwa l-każ b'ċerti prodotti tal-laħam u tal-ħalib;
Il-promozzjoni tal-prodotti tan-naħal u l-użu terapewtiku tal-għasel
61. Jilqa' l-inizjattiva Kolazzjon b'Għasel Ewropew, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinfurmaw lit-tfal dwar il-prodotti magħmula lokalment u l-iskoperta mill-ġdid tat-tradizzjonijiet ta' produzzjoni li ilhom stabbiliti żmien twil; jinnota li l-għasel fih ammont kbir ta' kaloriji u jista' jintuża b'moderazzjoni biex jieħu post iz-zokkor raffinat u dolċifikanti oħra, u b'hekk jikkontribwixxi għas-saħħa pubblika;
62. jenfasizza li l-għasel huwa wieħed mill-prodotti agrikoli li jistgħu jiġu inklużi fl-iskema tal-"frott, ħaxix u ħalib għall-iskejjel"; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni tal-produtturi lokali tal-għasel fil-programmi skolastiċi rilevanti, u jenfasizza l-importanza ta' miżuri edukattivi li għandhom l-għan li jqajmu kuxjenza fost iż-żgħażagħ tal-prodotti lokali, filwaqt li jiftħu d-dinja tal-biedja għat-tfal;
63. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta sabiex l-appoġġ annwali tal-UE għal dawn il-progammi jiżdied b'50 %, ħalli jkunu jistgħu jiġu operati b'mod effettiv, fejn l-organizzazzjoni ta' kompetizzjonijiet għat-tfal fit-tagħlim preprimarju u prodotti lokali bħalma huma l-għasel, iż-żebbuġ u ż-żejt taż-żebbuġa jiġu inklużi kif xieraq;
64. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-ammont ta' għasel ikkunsmat u x-xejriet tal-konsum fl-Istati Membri kollha, kif ukoll rapport ieħor dwar id-diversi prattiki terapewtiċi li jużaw l-għasel, l-għabra tad-dakra, ħalib in-naħal u l-velenu tan-naħal fl-UE; jenfasizza l-importanza li kulma jmur qed tikber tal-apiterapija bħala alternattiva naturali għat-trattament li juża mediċini konvenzjonali, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jippromwovu dawk il-prodotti fost il-professjonisti mediċi u paramediċi u fost il-pubbliku fl-UE;
65. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni volontarja tal-marka "Għasel mill-UE", li tidenomina l-għasel li joriġina 100 % u esklussivament fl-Istati Membri tal-UE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha kollu biex tiżgura li n-NU tiddikjara l-20 ta' Mejju bħala l-Jum Dinji tan-Naħal;
66. Jistieden lill-Kummissjoni talloka somma speċifika mill-baġit promozzjonali tal-UE għar-reklamar tal-prodotti tal-għasel tal-UE għall-konsum u għal skopijiet mediċi, inklużi miżuri bħalma huma l-promozzjoni tal-bejgħ dirett tal-għasel fis-swieq lokali, avvenimenti pubbliċi ta' tidwiq tal-għasel, workshops u avvenimenti oħra; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-bejgħ lokali u reġjonali tal-għasel, b'mod partikolari lill-għasel organiku, bil-mezzi kollha li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, b'mod partikolari billi jipprovdu appoġġ intensiv għall-ktajjen tal-provvista qosra permezz tal-programmi tagħhom ta' żvilupp rurali, u billi jippromwovu prodotti ta' kwalità għolja abbażi ta' skemi ta' indikazzjoni ġeografika; jirrikonoxxi r-rwol li għandu l-konsum tal-għasel prodott lokalment bħala mezz biex tinbena r-reżistenza għall-allerġeni lokali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi x-xama' tal-għasel bħala prodott kopert mir-Regolament 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, minħabba l-interess li kulma jmur qed jikber min-naħa tal-konsumaturi u tal-produtturi kif ukoll il-produzzjoni tradizzjonali tagħha li ilha teżisti f'ċerti Stati Membri;
67. Jipproponi li l-Istati Membri jinkoraġġixxu, b'kull mezz li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, l-użu tal-prodotti tal-apikultura, bħalma huma l-għabra tad-dakra, iż-żaftur (propolis) jew ħalib in-naħal (royal jelly), fl-industrija farmaċewtika;
68. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-produzzjoni tal-għasel organiku, sabiex tingħeleb kwalunkwe diskrepanza li tista' tipprevjeni lil dawk li jipprattikaw l-apikultura organika fl-Ewropa milli jkollhom aċċess għas-suq taħt l-istess regoli;
69. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-għasel u prodotti oħra tan-naħal jitqiesu bħala "prodotti sensittivi" kemm fin-negozjati li għaddejjin attwalment u kemm f'dawk futuri għal ftehimiet ta' kummerċ ħieles, peress li kompetizzjoni diretta tista' tesponi lis-settur tal-apikultura tal-UE għal pressjoni eċċessiva jew mhux sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex potenzjalment teskludihom mill-kamp ta' applikazzjoni tan-negozjati għal ftehimiet ta' kummerċ ħieles;
70. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw, flimkien mas-settur tal-biedja u dak tal-apikultura, sistema ta' tikkettar li tippromwovi l-istabbiliment ta' sistema ta' produzzjoni responsabbli għan-naħal;
71. Jilqa' x-xejra attwali li hemm lejn l-apikultura urbana u, fl-istess ħin, jappella għall-integrazzjoni mandatarja u mill-qrib bejn l-assoċjazzjonijiet reġjonali ta' dawk li jrabbu n-naħal u l-awtoritajiet, u għall-introduzzjoni ta' standards minimi biex jitwaqqfu l-prattiki ta' trobbija abbużivi u jiġi pprevenut it-tixrid intenzjonat tal-mard fost il-popolazzjonijiet tan-naħal;
72. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2011)0493.
- [2] https://ec.europa.eu/agriculture/honey_en
- [3] dan iwassal għal telf fil-produttività għax dawk li jrabbu n-naħal ikollhom iżidu l-istokkijiet tan-naħal tagħhom biex jipproduċu ammonti ekwivalenti ta' għasel;
- [4] ‘Honey bee genotypes and the environment' ("Il-ġenotipi tan-naħal tal-għasel u l-ambjent"), fil-Journal of Agricultural Research 53(2), pp. 183-187 (2014)
NOTA SPJEGATTIVA
Is-settur tal-apikultura huwa parti integrali mill-agrikoltura Ewropea, u jipprovdi lil iktar minn 620 000 ċittadin tal-UE l-introjtu ewlieni tagħhom jew qligħ addizzjonali. L-importanza tas-settur hija akbar minn dak li nistgħu nobsru mill-ammont tal-kontribut tiegħu għall-valur gross ta' produzzjoni tal-ekonomija, peress li 84 % tal-ispeċijiet tal-pjanti u 76 % tal-produzzjoni tal-ikel tal-Ewropa jiddependu mid-dakkir tan-naħal, sabiex il-valur ekonomiku li jiġi prodott – stmat li hu ta' EUR 14.2-il biljun fis-sena fl-UE – jaqbeż ferm il-valur tal-għasel prodott. Is-sinifikat tal-għasel fiż-żamma tal-bilanċ ekoloġiku u tad-diversità bijoloġika jidher ċar ukoll. Naħseb li l-importanza tad-dakkir mhix qed tiġi apprezzata biżżejjed u qed titqies bħala ħaġa fatta fl-UE, filwaqt li fl-Istati Uniti jintefqu EUR 2 biljun fis-sena fid-dakkir artifiċjali. Għalhekk l-apikultura u l-persuni li jrabbu n-naħal iridu jkunu fil-qalba tal-politika agrikola komuni. Il-politika agrikola futura trid issaħħaħ il-profil u l-finanzjament tal-apikultura fuq il-livell attwali tagħha.
Illum is-sitwazzjoni tal-persuni li jrabbu n-naħal u li huma attivi fl-UE mhijiex faċli affattu, b'ħafna fatturi li jagħmlu ħajjithom diffiċli.
1. L-akbar problema bil-bosta hija d-distribuzzjoni ta' għasel falz fis-suq intern, li hija responsabbli għall-prezz tax-xiri tal-għasel li sa tmiem l-2016 naqas bin-nofs tal-valur tiegħu tal-2014, u primarjament fil-pajjiżi ewlenin li jipproduċu l-għasel bħar-Rumanija, il-Bulgarija, Spanja, il-Portugall, Franza, il-Kroazja u l-Ungerija. Dan qed iqiegħed il-persuni li jrabbu n-naħal fl-Ewropa f'pożizzjoni ddisprata. L-għasel huwa t-tielet l-aktar prodott iffalsifikat fid-dinja, u li jfisser li aħna jeħtiġilna niġġieldu mhux biss biex nipproteġu l-persuni li jrabbu n-naħal fl-UE iżda wkoll għal raġunijiet ta' protezzjoni tal-konsumatur u saħħa tan-nies. Il-falsifikazzjoni taffettwa kważi l-għasel kollu impurtat fl-UE u b'mod partikolari prodotti li joriġinaw fiċ-Ċina. Skont l-istatistika, iċ-Ċina tipproduċi 450 000 tunnellata għasel fis-sena, ammont li huwa iktar minn dak li jipproduċu l-akbar produtturi tad-dinja – l-UE, l-Arġentina, il-Messiku, l-Istati Uniti u l-Kanada – kollha f'daqqa. L-esperti jgħidu li kwantità bħal din sempliċement ma tistax tkun ir-riżultat ta' attività tal-apikultura. Skont inizjattiva fformulata fuq talba tal-Ungerija waqt il-laqgħa ta' Diċembru 2015 tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd, il-Kummissjoni ordnat l-ittestjar ċentralizzat tal-għasel. Dan sar miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka li, fost ħwejjeġ oħra, sab li 20 % mill-kampjuni meħuda fil-fruntiera esterna tal-UE u fil-bini tal-importaturi kienu għasel falz. Mill-perspettiva tas-saħħa, huwa partikolarment ta' tħassib li, fil-fehma tal-esperti, il-produtturi tal-għasel fiċ-Ċina solvew il-problema tal-kloramfenikol tal-2002 mhux billi kkonformaw mar-regoli iżda billi użaw filtri tar-reżina; madankollu, peress li "għasel" bħal dan ma fih xejn affattu li hu ta' valur bijoloġiku, jenħtieġ li ma jissejjaħx għasel iżda jissejjaħ xi tip ta' ġulepp. Xi pesuni frodulenti li jippakkjaw l-għasel u negozjanti frodulenti jtejbu dawn is-sustanzi billi jħalltuhom b'għasel Ewropew ta' kwalità għolja, filwaqt li japplikaw it-tikketta "taħlita ta' għasel tal-UE u għasel mhux tal-UE" mar-riżultat, kif inhu permess mid-Direttiva 2001/110/KE; din hija informattiva għall-konsumaturi daqslikieku tkun tikketta li taqra "għasel li ma joriġinax minn Mars" - fi kliem ieħor, ma hi informattiva xejn affattu.
Sabiex b'mod sodisfaċenti tissolva din is-sitwazzjoni mhux sostenibbli, nistenna lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurzaw lill-produtturi tal-għasel f'pajjiżi mhux tal-UE li jużaw metodi mhux onesti (primarjament ċerti produtturi Ċiniżi) u lill-persuni li jippakkjaw u n-negozjanti tal-UE li intenzjonament iħalltu għasel adulterat u impurtat ma' għasel Ewropew ta' kwalità għolja sabiex jikkonformaw mal-liġi; Jien nirrakkomanda b'mod partikolari l-iżvilupp ta' metodi analitiċi tal-laboratorju li jistgħu jiffiltraw il-falsifikazzjonijiet aktar sofistikati (eż. ittestjar b'reżonanza manjetika nukleari), li jsiru impjanti tal-imballaġġ tal-għasel li jipproċessaw ukoll għasel impurtat soġġett għall-monitoraġġ tas-sikurezza tal-ikel tal-UE (853/2004/EC) u jiġi żgurat li l-għasel huwa identifikabbli mill-mument li jitlaq mid-doqqajs u jista' jiġi kklassifikat skont l-oriġini tal-pjanta tiegħu. Nixtieq nara wkoll il-karatteristiċi tal-għasel monoflorali sabiex jiġi ddeterminat fil-livell tal-UE, l-għasel li huwa b'mod ċar falz jitqiegħed fuq il-lista RASFF, it-teknoloġija tal-iffiltrar tar-reżina tiġi pprojbita u l-għasel li jasal fil-fruntiera esterna tal-UE minn pajjiżi mhux tal-UE għandu jitteħidlu kampjun mil-lott u l-kampjuni għandhom jiġu ttestjati. Il-fatt kruċjali li s-soluzzjoni tissolva għat-"taħlita tal-għasel tal-KE u mhux tal-KE" vaga u bla tifsira li għandha tiġi sostitwita b'indikazzjoni fuq it-tikketta ta' mil-liema pajjiż jew pajjiżi eżattament ġej l-għasel użat fil-prodotti finali u li dawn jiġu elenkati fl-ordni li tikkorrispondi għall-proporzjonijiet użati fil-prodott finali.
2. B'żieda ma' dan, numru ta' mard tal-annimali jikkawża problemi serji għall-persuni li jrabbu n-naħal. Speċijiet aljeni invażivi bħal Varroa destructor, il-koleotteru tal-ġabsala (Aethina tumida), iż-żunżan bagħal Asjatiku u l-larva Amerikana qed jikkawżaw firxa kbira ta' distruzzjoni fil-popolazzjoni tan-naħal Ewropea u qed jikkawżaw ħsara serja lil dawk li jrabbu n-naħal, u dan wassal għal sitwazzjoni li fiha ħafna produtturi qed ifallu. Il-Varroa destructor għadu ma ngħelibx, għaliex m'hemmx mediċini li se jeqirdu effettivament il-parassita u r-riċerka u żvilupp f'dan il-qasam mhumiex adegwati. B'żieda ma' dan, ir-riżultati tat-testijiet ta' monitoraġġ tal-Istat Membru / reġjonali li jivvalutaw is-sitwazzjoni tas-saħħa tan-naħal jaħbu ħafna informazzjoni importanti mill-Istati Membri l-oħra, il-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti tal-UE, bħall-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.
Għalhekk jien nissuġġerixxi li l-Istati Membri jikkondividu r-riżultati tat-testijiet ta' monitoraġġ ma' xulxin u mal-Kummissjoni. Bħala mod sabiex tingħata spinta lir-riċerka u żvilupp tal-mediċina, nistieden lill-Kummissjoni tinvolvi fir-riċerka l-produtturi rilevanti kollha tal-mediċina u sabiex tistabbilixxi pjattaforma komuni tal-IT sabiex jiġu kondiviżi l-aħjar soluzzjonijiet u mediċini mal-partijiet interessati. Finalment, il-persuni li jrabbu n-naħal, il-produtturi agrikoli u l-ambjentalisti jistennew ukoll li jkun hemm kunsens xjentifiku ċar fl-UE dwar is-sustanzi kollha u dwar fatturi oħrajn li huma ta' periklu għas-saħħa tan-naħal. Għalhekk nipproponi li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tintalab twettaq riċerka, skont skeda ddeterminata b'mod ċar u flimkien ma' aġenziji oħra tal-UE kkonċernati (eż. l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi), fis-sustanzi kollha u fatturi oħra li jipperikolaw is-saħħa tan-naħal.
3. L-appoġġ mill-UE għall-persuni li jrabbu n-naħal irid jiġi rivedut ukoll. Filwaqt li l-populazzjoni tan-naħal fl-UE żdiedet b'47.8 % bejn l-2004 u l-2016, il-baġit tal-programmi nazzjonali tal-apikultura żdied bi 12 % biss, minn EUR 32 għal EUR 36 miljun f'sena. Dan huwa total kumplessiv ta' 3 minn kull elf tal-baġit tal-PAK! Għalhekk il-baġit tal-UE għal dawn il-programmi jrid jiżdied b'50 %, li huwa ekwivalenti għal EUR 54 miljun fis-sena. Dan jista' faċilment jiġi akkomodat. Jenħtieġ li, fil-politika agrikola ta' wara l-2020, tiġi kkunsidrata wkoll l-integrazzjoni ta' sussidju tal-apikultura ġdid u dirett, ibbażat fuq l-għadd ta' kolonji. B'żieda ma' dan, ir-riċerka u żvilupp fl-apikultura, l-edukazzjoni u aktar taħriġ għall-persuni li jrabbu n-naħal u inċentivi ta' politika fiskali (eż. eżenzjoni mit-taxxa għall-attivitajiet tal-apikultura) jgħinu lill-persuni li jrabbu n-naħal jagħmlu suċċess.
4. Jenħtieġ li l-għasel jiġi promoss ukoll fost it-tfal, fl-edukazzjoni pubblika tagħhom, bħala oġġett tal-ikel li hu tajjeb għas-saħħa. Eżempju eċċellenti ta' dan hija l-inizjattiva "European Honey Breakfast" (Kolazzjon b'Għasel Ewropew) organizzata mis-Slovenja u li sussegwentement ġiet introdotta minn għadd ta' Stati Membri oħra; din tista' ssir b'mod utli karatteristika fl-UE kollha. din tista' ssir b'mod utli karatteristika fl-UE kollha. Il-programmi tal-iskola huma wkoll forum perfett sabiex l-għasel jiġi inkluż fl-iżvilupp tal-perspettiva tat-tfal. Għalhekk jien nagħti l-appoġġ tiegħi biex il-baġit tal-UE jiżdied għall-programmi tal-iskola.
5. Il-promozzjoni tal-għasel fl-UE hija importanti wkoll, peress li l-konsum annwali mhuwiex sodisfaċenti: il-medja ta' 2.5-2.7 kg kull persuna fis-sena fl-Istati Membri tal-Punent tal-Ewropa hija ftit jew wisq aċċettabbli, iżda ċ-ċifra għall-Ungerija, pereżempju, hija biss ta' 0.7 kg fis-sena, li hija waħda baxxa. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi mistiedna tfassal rapport dwar l-ammont ta' għasel ikkunsmat u dwar ix-xejriet ta' konsum fl-UE. Jien ninkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri jużaw kull mezz disponibbli, b'mod partikolari l-assistenza intensiva għall-ktajjen tal-provvista qosra fil-programmi ta' żvilupp rurali, sabiex jiġi promoss il-bejgħ lokali u reġjonali tal-għasel u b'mod partikolari tal-għasel bijoloġiku. Finalment, is-settur tal-apikultura jistħoqqlu attenzjoni partikolari mill-UE għall-protezzjoni tiegħu fin-negozjati dwar ftehimiet ta' kummerċ ħieles u l-prodotti tal-għasel u prodotti oħra tan-naħal jistħoqqilhom jiġu kklassifikati bħala "prodotti sensittivi".
OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (24.10.2017)
għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
dwar prospetti u sfidi għas-settur tal-apikultura tal-UE
(2017/2115(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Mireille D’Ornano
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li l-apikultura bħala attività ekonomika u soċjali għandha rwol kruċjali fl-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali, toħloq l-impjiegi u tipprovdi servizz importanti lill-ekosistema permezz tad-dakkir, li jagħti kontribut għat-titjib tal-bijodiversità billi jsostni d-diversità ġenetika tal-pjanti;
2. Iqis li l-biedja u l-apikultura jikkondividu l-istess art u huma ta' benefiċċju reċiproku, u huwa għalhekk li l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ setturi jeħtieġ li tingħata spinta biex jiżdiedu s-sinerġiji u jitnaqqsu r-riskji;
3. Jenfasizza l-importanza tad-dakkir għas-sigurtà alimentari fl-Ewropa u fid-dinja, minħabba l-impatt tan-naħal u d-dakkara (domestiċi u selvaġġi) fuq il-biedja, il-produzzjoni agrikola, il-bijodiversità u s-sostenibbiltà ambjentali;
4. Jirrimarka dwar ir-riċerka riċenti mwettqa mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU, li turi li żieda fid-densità u l-varjetà ta' insetti li jdakkru għandha impatt dirett fuq il-ħsad u, għaldaqstant, tista' tgħin lill-bdiewa żgħar iżidu l-produttività tagħhom b'medja ta' 24 % b'mod globali.
5. Jirrikonoxxi li filwaqt li d-dakkara tal-għelejjel, inkluż in-naħal tal-għasel, idakkru iktar minn 80 % tal-għelejjel u l-pjanti selvaġġi kollha u jikkontribwixxu mill-inqas EUR 22 biljun kull sena lill-industrija agrikola Ewropea, il-popolazzjonijiet tan-naħal qed jonqsu b'rata allarmanti;
6. Jiġbed l-attenzjoni dwar id-daqsijiet li jvarjaw tal-popolazzjoni tan-naħal tal-għasel f'diversi żoni agrikoli: il-popolazzjoni qed tikber f'xi pajjiżi li jipproduċu l-għasel, filwaqt li pajjiżi oħra qed jiffaċċjaw tnaqqis;
7. Huwa preokkupat ħafna li l-mortalità tal-bhejjem f'xi pajjiżi laħqet livelli ogħla minn 50 % u jwissi li t-tnaqqis fil-produttività tal-għasel tad-doqqajsiet jista' jinħeba minħabba ż-żieda statistika fil-popolazzjonijiet tan-naħal tal-għasal f'dawn l-aħħar deċennji;
8. Iqis li d-deterjorament tal-ambjent minħabba l-impatt dejjem jikber tal-attività umana, il-firxa ta' biedja intensiva, l-użu li qed jiżdied ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u t-tibdil fil-klima, qed jikkawżaw rati għolja ta' mortalità fost in-naħal u tnaqqis drastiku fin-numru ta' kolonji tan-naħal;
9. Jenfasizza li ħafna mill-konsegwenzi previsti tat-tibdil fil-klima, bħaż-żieda fit-temperatura, bidla fix-xejriet tax-xita u avvenimenti tat-temp estremi jew inqas prevedibbli, se jkollhom impatt fuq il-popolazzjonijiet tad-dakkara;
10. Jiġbed l-attenzjoni dwar in-nuqqas ta' informazzjoni suffiċjenti u ta' ċifri preċiżi dwar is-sitwazzjoni tad-dakkara fil-livell dinji, u dwar l-għadd u d-diversità tagħhom;
11. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' programmi reġjonali jew internazzjonali biex jissorveljaw il-qagħda u x-xejriet attwali fir-rigward tad-dakkara;
12. Jenfasizza l-importanza li titħares il-varjetà ġenetika tan-naħal, li hija riżorsa vitali biex jiġi żgurat li l-popolazzjonijiet tan-naħal ikunu kapaċi jadattaw għal bidliet ambjentali u theddid għal saħħithom;
13. Jirrikonoxxi li r-reżistenza tan-naħal tiġi mdgħajfa b'mod konsiderevoli mill-esponiment kimiku kumulattiv, u għaldaqstant ma jkunux jistgħu jiffaċċjaw kundizzjonijiet stressanti bħas-snin li fihom tagħmel ħafna xita, nuqqas ta' nektar, mard u parassiti;
14. Jenfasizza li l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-agrikoltura għandu jitqies bħala fattur ewlieni li jaffettwa s-saħħa tan-naħal;
15. Jenfasizza li l-effetti fit-tul ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti sistemiċi huma sottovalutati; jemmen li l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jitqies sabiex jiġi ċċarat sa liema punt għandhom rwol fis-saħħa tan-naħal; jilqa' l-adozzjoni riċenti ta' proġett pilota dwar il-monitoraġġ ambjentali tal-użu tal-pestiċidi permezz tan-naħal tal-għasel;
16. Jitlob lill-UE tadotta formalment il-linji gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għan-naħal sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta' "riskju aċċettabbli" mitlub mir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;
17. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi applikat il-prinċipju ta' prekawzjoni sabiex jipproteġi d-dakkara b'mod ġenerali, kemm domestiċi kif ukoll selvaġġi;
18. Ifakkar fid-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi, b'mod partikolari l-Artikolu 14, li jagħmilha mandatorja li l-bdiewa kollha japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara fil-farms tagħhom mill-2014 'il quddiem, u l-Artikolu 9, li jdaħħal projbizzjoni ġenerali fuq il-bexx mill-ajru, tagħha;
19. Jirrimarka li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-familja tan-neonikotinojdi (klotijanidin, tijakloprid, imidakloprid, tijametoksam), fenilpirażol (fipronil), piretrojdi u sustanzi attivi bħall-klorpirifos u d-dimetoat, b'effetti letali (mortalità dovuta għat-tossiċità akuta jew kronika ta' sustanzi attivi fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti) jew effetti sottoletali (effetti fuq is-sistema immunitarja jew fuq l-imġiba tan-naħal), direttament jew permezz ta' ilma kkontaminat, guttazzjoni tal-qatriet, nektar u għabra tad-dakra li jistgħu jikkawżaw disturbi diġestivi u ormonali;
20. Isostni li pestiċidi bbażati fuq in-neonikotinojdi għandhom rwol partikolari fit-tnaqqis preokkupanti fil-popolazzjonijiet tan-naħal fl-Ewropa kollha, kif inhu evidenti minn għadd ta' studji internazzjonali li servew bħala l-bażi għal petizzjonijiet miċ-ċittadini li jinkludu mijiet ta' eluf ta' firem mill-kontinent kollu;
21. Jirrimarka dwar l-ammont dejjem jikber ta' riċerka xjentifika li torbot l-estinzjoni ta' kolonji tan-naħal mal-użu ta' pestiċidi neonikotinojdi;
22. Jirrimarka li l-UE introduċiet restrizzjonijiet temporanji fuq l-użu ta' erba' insettiċidi neonikotinojdi (klotijanidin, tijametoksam, imidakloprid u fipronil) sabiex jitnaqqas l-impatt fuq in-naħal;
23. Jappella għal projbizzjoni definittiva tat-tqegħid ta' pestiċidi neonikotinojdi fis-suq Ewropew;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-produzzjoni, il-bejgħ u l-użu tal-pestiċidi kollha bbażati fuq in-neonikotinojdi madwar l-UE, mingħajr derogi u bħala miżura ta' prijorità, sabiex tipproteġi l-popolazzjonijiet tan-naħal;
25. Jilqa', għalhekk, il-proposta mill-Kummissjoni għal projbizzjoni komprensiva tal-klotijanidin, l-imidakloprid u t-tijametoksam, u jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw, jimplimentaw u jirrispettaw din il-projbizzjoni bis-sħiħ;
26. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-evalwazzjoni, l-awtorizzazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tal-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika, filwaqt li jibqgħu jżommu livell għoli ta' valutazzjoni tar-riskju sabiex joffru firxa saħansitra usa' ta' alternattivi lill-bdiewa;
27. Jissuġġerixxi li l-pajjiż jew il-pajjiżi tal-oriġini tal-għasel għandhom jiġu elenkati b'mod ċar fuq it-tikketta sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-konsumaturi u tiġi megħjuna l-ġlieda kontra prattiki frodulenti;
28. Jinnota li d-Direttiva 2014/63/UE tistipula li l-pajjiż tal-oriġini li fih ikun inġabar l-għasel irid jiġi indikat fuq it-tikketta, meta l-għasel joriġina minn aktar minn Stat Membru jew pajjiż terz wieħed; jirrikonoxxi, madankollu, li tenħtieġ aktar azzjoni biex tiġi indirizzata l-frodi fil-qasam tal-prodotti tal-apikultura u biex tiġi indirizzata l-kompetizzjoni inġusta rappreżentata mill-"għasel" adulterat;
29. Jitlob li jsiru kontrolli kontinwi fuq il-kwalità tal-għasel impurtat minn pajjiżi terzi li l-leġiżlazzjoni tagħhom tippermetti t-trattament ta' kolonji tan-naħal bl-antibijotiċi;
30. Jinnota l-importanza ta' allokazzjoni tal-baġit b'saħħitha għall-programmi nazzjonali tal-apikultura u, minħabba l-importanza tas-settur għall-agrikoltura b'mod ġenerali, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tingħata prominenza fin-negozjati tal-politiki agrikoli futuri f'termini ta' appoġġ, riċerka u innovazzjoni, u tal-programmi edukattivi dwar l-apikultura;
31. Huwa tal-fehma li l-politiki tal-biedja tal-UE, u primarjament il-politika agrikola komuni (PAK), iridu jinkorporaw l-evidenza xjentifika l-aktar riċenti dwar il-benefiċċji u t-theddid għall-popolazzjonijiet ta' naħal u dakkara selvaġġi;
32. Jitlob li jingħata appoġġ finanzjarju akbar biex jiżdied il-livell ta' għarfien fost dawk li jrabbu n-naħal fl-oqsma tal-mard tan-naħal u tal-apikultura sabiex jiġi żgurat li l-apikultura tibqa' parti mill-produzzjoni agrikola u biex il-pajsaġġ jitħares għall-futur;
33. Jissottolinja li s-EUR 36 miljun allokati lil min irabbi n-naħal huma insinifikanti meta mqabbla mal-isfidi ffaċċjati mis-settur u mhux possibbli li jinstabu soluzzjonijiet effikaċi u dejjiema għall-problemi li jiffaċċjaw;
34. Jilqa' l-fatt li l-miżuri ta' ekoloġizzazzjoni obbligatorji tar-Regolament emendat dwar Pagamenti Diretti (Regolament (UE) Nru 1307/2013), b'mod partikolari fir-rigward tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel u ż-żoni ta' interess ekoloġiku, jistgħu jikkontribwixxu għal ambjent aħjar għan-naħal; jenfasizza, madankollu, li n-naħal u dakkara oħra jridu jkunu fil-qalba tas-sistema tal-produzzjoni tal-ikel tal-UE u li jeħtieġ li jsir iktar biex jiġu stabbiliti sistemi agrikoli li jirrispondu għall-ħtiġijiet tad-dakkara, filwaqt li tiġi ggarantita l-produzzjoni tal-ikel li tikkontribwixxi għall-benessri taċ-ċittadini tal-UE; isostni li l-ekoloġizzazzjoni tal-PAK hija inadegwata għax ma tibdilx l-għanijiet ġenerali tagħha;
35. Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tirrieżamina l-PAK wara l-2020, tagħti prijorità lil miżuri li jiggarantixxu l-integrità ambjentali meħtieġa biex jiġi żgurat l-aħjar stat ta' saħħa tal-popolazzjoni tan-naħal;
36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw in-naħal bħala indikatur tal-kwalità ambjentali u bħala strument biex jivvalutaw l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-objettivi tal-PAK, b'mod partikolari permezz ta' analiżi tar-residwi u diversità botanika tal-għabra tad-dakra minn kampjuni meħuda mid-doqqajsiet u minn matriċi/prodotti oħra tal-apikultura;
37. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel progress fuq l-implimentazzjoni tal-proġetti pilota fuq in-naħal u dakkara oħra bħala indikaturi ta' saħħa ambjentali u tal-ħabitats;
38. Jilqa' s-suċċess tal-programmi tal-UE li għaddejjin bħalissa bħal SmartBees (Ġestjoni Sostenibbli tal-Popolazzjonijiet tan-Naħal Reżiljenti) u jitlob għal aktar impenn favur il-protezzjoni tal-bijodiversità tan-naħal selvaġġ u r-razez lokali, u b'hekk tiġi evitata l-konċentrazzjoni żbilanċjata fuq ir-razez li jitrabbew l-aktar illum: Carnica, Ligustica u Buckfast;
39. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sussidji għall-farms mid-diversi linji baġitarji tal-PAK iqisu l-prattiki li jiffavorixxu n-naħal, bħal pereżempju ż-żoni ta' interess ekoloġiku jew iż-żrigħ ta' fjuri selvaġġi li jippreferu n-naħal fuq art mistrieħa;
40. Jappella għal proċedura meqjusa biex tiġi estiża l-lista ta' speċijiet ta' pjanti invażivi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis fid-diversità fil-mergħat tan-naħal fl-UE;
41. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi programm tal-UE ta' sorveljanza u monitoraġġ tas-saħħa tan-naħal ikkoordinat mill-Istati Membri, bl-għan li jinftiehmu l-fatturi li jaffettwaw is-saħħa tan-naħal u li jiġu mmonitorjati fuq medda twila ta' żmien;
42. Jirrikonoxxi li mhux il-pajjiżi kollha għandhom sistema ta' reġistrazzjoni ta' min irabbi n-naħal u tad-doqqajsiet li tiffaċilita l-monitoraġġ ta' żviluppi fis-settur, fis-suq u fis-saħħa tan-naħal;
43. Jappella għall-espansjoni u l-użu akbar ta' teknoloġiji tal-informazzjoni avvanzati li jistgħu jgħinu biex jissimplifikaw il-proċess ta' identifikazzjoni ta' mard tal-kolonji tan-naħal;
44. Jissottolinja b'mod partikolari r-rwol tar-riċerka dwar il-kawżi tat-tnaqqis fuq skala kbira tal-immunità tal-kolonji tan-naħal, li huwa fenomenu inkwetanti, u ta' azzjoni komuni fit-tfittxija għal trattamenti u miżuri xierqa kontra l-parassiti tan-naħal (b'mod partikolari id-dud distruttiv Varroa); jitlob li ssir riċerka dwar l-impatt tal-importazzjoni ta' naħal reġina ħajjin minn pajjiżi terzi;
45. Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-livell ta' appoġġ għal riċerka relatata mas-saħħa tan-naħal tal-għasel fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss u tiffoka r-riċerka fuq l-iżviluppi teknoloġiċi, u b'mod partikolari fuq l-impatt ta' fatturi ambjentali fuq is-sistemi immunitarji tal-kolonji tan-naħal u l-interazzjonijiet tagħhom mal-patoloġiji, fuq l-istabbiliment ta' prattiki agrikoli sostenibbli, fuq il-promozzjoni ta' alternattivi mhux kimiċi (i.e. prattiki agronomiċi preventivi bħar-rotazzjoni tal-għelejjel u l-użu tal-kontroll bijoloġiku) u, b'mod ġenerali, fuq l-inkoraġġiment ulterjuri tat-tekniki tal-ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara;
46. Jemmen li hemm nuqqas ta' mediċini awtorizzati għan-naħal; jinnota li huwa diffiċli li wieħed ikun jaf liema molekuli jawtorizza kull Stat Membru u li qed jiġu żviluppati ftit prodotti ġodda;
47. Jinnota li m'hemmx standards komuni tal-UE għal min irabbi n-naħal;
48. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw, flimkien mas-setturi tal-biedja u tal-apikultura, gwidi ta' prattiki tajbin li jippromwovu s-sinerġiji bejn iż-żewġ attivitajiet u jinkoraġġixxu l-użu tal-aqwa tekniki disponibbli;
49. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi prattiki agrikoli sostenibbli fil-PAK, tinkoraġġixxi lill-bdiewa kollha jutilizzaw prattiki agronomiċi sempliċi skont id-Direttiva 2009/128/KE u ssaħħaħ il-miżuri agroambjentali speċifiċi għas-settur tal-apikultura, fl-ispirtu tal-Istrateġija tal-Bijodiversità l-ġdida tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri agroambjentali maħsuba għall-apikultura fil-programmi tagħhom ta' żvilupp rurali u jinkoraġġixxu lill-bdiewa jipparteċipaw f'miżuri agroambjentali li jappoġġjaw il-bwar li jiffavorixxu lin-naħal fil-marġini tal-għelieqi u jutilizzaw livell avvanzat ta' produzzjoni integrata, filwaqt li jieħdu approċċ olistiku għall-biedja u jużaw metodi ta' kontroll bijoloġiku b'riskju baxx meta jkun possibbli;
50. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw, flimkien mas-setturi tal-biedja u tal-apikultura, sistema ta' tikkettar li tippromwovi l-istabbiliment ta' sistema ta' produzzjoni responsabbli għan-naħal;
51. Jappella għal żieda tal-finanzjament pubbliku u privat għar-riċerka u l-iżvilupp dwar prattiki mtejba fil-qasam tal-biedja organika;
52. Jilqa' x-xejra attwali ta' apikultura urbana u, fl-istess ħin, jappella għal integrazzjoni mandatorja u mill-qrib tal-assoċjazzjonijiet reġjonali ta' min irabbi n-naħal u tal-awtoritajiet, u għal standards minimi biex jitwaqqfu l-prattiki ta' trobbija abbużivi u jiġi evitat t-tixrid intenzjonat ta' mard fost il-popolazzjonijiet tan-naħal;
53. Jappella għall-appoġġ u l-promozzjoni ta' attivitajiet nazzjonali u internazzjonali għaż-żgħażagħ li jrabbu n-naħal fid-dawl tal-età medja għolja ta' min irabbi n-naħal fl-UE.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
19.10.2017 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
38 12 9 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Angélique Delahaye, Mark Demesmaeker, Stefan Eck, Bas Eickhout, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Jo Leinen, Norbert Lins, Rupert Matthews, Joëlle Mélin, Miroslav Mikolášik, Gilles Pargneaux, Pavel Poc, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Nils Torvalds, Adina-Ioana Vălean, Damiano Zoffoli |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Mireille D’Ornano, Herbert Dorfmann, Eleonora Evi, Anja Hazekamp, Jan Huitema, Gesine Meissner, Ulrike Müller, Younous Omarjee, Gabriele Preuß, Christel Schaldemose, Bart Staes, Keith Taylor, Claude Turmes, Tiemo Wölken, Carlos Zorrinho |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Olle Ludvigsson |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
38 |
+ |
|
ALDE |
Frédérique Ries |
|
ECR |
Mark Demesmaeker |
|
EFDD |
Mireille D’Ornano, Eleonora Evi |
|
ENF |
Sylvie Goddyn, Jean-François Jalkh, Joëlle Mélin |
|
GUE/NGL |
Lynn Boylan, Stefan Eck, Anja Hazekamp, Kateřina Konečná, Younous Omarjee |
|
NI |
Zoltán Balczó |
|
PPE |
Herbert Dorfmann, José Inácio Faria |
|
S&D |
Simona Bonafè, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Miriam Dalli, Karin Kadenbach, Jo Leinen, Olle Ludvigsson, Gilles Pargneaux, Pavel Poc, Gabriele Preuß, Christel Schaldemose, Daciana Octavia Sârbu, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Tiemo Wölken, Damiano Zoffoli, Carlos Zorrinho |
|
VERTS/ALE |
Margrete Auken, Bas Eickhout, Benedek Jávor, Bart Staes, Keith Taylor, Claude Turmes |
|
12 |
- |
|
ALDE |
Jan Huitema, Anneli Jäätteenmäki, Gesine Meissner, Ulrike Müller, Nils Torvalds |
|
PPE |
Ivo Belet, Birgit Collin-Langen, Angélique Delahaye, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Norbert Lins, Annie Schreijer-Pierik |
|
9 |
0 |
|
ECR |
Julie Girling, Urszula Krupa, Rupert Matthews |
|
PPE |
Pilar Ayuso, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, György Hölvényi, Miroslav Mikolášik, Adina-Ioana Vălean |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
23.1.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
38 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, José Bové, Daniel Buda, Nicola Caputo, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Albert Deß, Jørn Dohrmann, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Jarosław Kalinowski, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Bronis Ropė, Ricardo Serrão Santos, Czesław Adam Siekierski, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Marco Zullo |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Franc Bogovič, Stefan Eck, Jens Gieseke, Maria Heubuch, Karin Kadenbach, Momchil Nekov, Sofia Ribeiro, Annie Schreijer-Pierik, Hannu Takkula, Tom Vandenkendelaere, Thomas Waitz |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Stanisław Ożóg |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
38 |
+ |
|
ALDE |
Ivan Jakovčić, Ulrike Müller, Hannu Takkula |
|
ECR |
Richard Ashworth, Jørn Dohrmann, Zbigniew Kuźmiuk, James Nicholson, Stanisław Ożóg |
|
EFDD |
Marco Zullo |
|
ENF |
Philippe Loiseau, Laurenţiu Rebega |
|
GUE/NGL |
Stefan Eck, Luke Ming Flanagan |
|
PPE |
Franc Bogovič, Daniel Buda, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Jens Gieseke, Esther Herranz García, Mairead McGuinness, Marijana Petir. Sofia Ribeiro, Annie Schreijer-Pierik, Tom Vandenkendelaere |
|
S&D |
Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Nicola Caputo, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Momchil Nekov, Maria Noichl, Ricardo Serrão Santos, Tibor Szanyi, Marc Tarabella |
|
Verts/ALE |
José Bové, Martin Häusling, Bronis Ropė |
|
1 |
- |
|
EFDD |
John Stuart Agnew |
|
0 |
0 |
|
|
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni