Proċedura : 2017/2072(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0019/2018

Testi mressqa :

A8-0019/2018

Dibattiti :

PV 01/03/2018 - 2
CRE 01/03/2018 - 2

Votazzjonijiet :

PV 01/03/2018 - 8.16

Testi adottati :

P8_TA(2018)0058

RAPPORT     
PDF 739kWORD 68k
7.2.2018
PE 612.243v02-00 A8-0019/2018

dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2017

(2017/2072(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Sander Loones

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2017

(2017/2072(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar "L-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2016"(1),

–  wara li kkunsidra l-feedback tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Frar 2017 dwar "L-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2016",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ottubru 2017 dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013,

–  wara li kkunsidra l-proposti li jemendaw ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (CRR), u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (CRDIV),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta' Novembru 2017 dwar emendi fil-qafas tal-Unjoni għal rekwiziti tal-kapital ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment (CON/2017/46),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) tal-9 ta' Lulju 2017 dwar l-implikazzjonijiet għall-istabbiltà finanzjarja tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2017 dwar il-pjan ta' azzjoni biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Sottogrupp dwar Self Improduttiv (NPLs) tal-Kumitat tas-Servizzi Finanzjarji tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-gwida tal-BĊE lill-banek dwar is-self improduttiv tal-20 ta' Marzu 2017, u l-konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tal-addendum għal din il-gwida tal-4 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2017 dwar garanziji statutorji ta' kontinġenza prudenzjali li jindirizzaw il-provvediment insuffiċjenti ta' self li għadu kif joriġina u li jsir improduttiv,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BERS tal-11 ta' Lulju 2017 dwar is-sejba ta' soluzzjoni għal self improduttiv fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-10 ta' Lulju 2017 dwar l-iżvilupp ta' swieq sekondarji għal self improduttiv u assi f'diffikultà u l-protezzjoni ta' kredituri garantiti mill-inadempjenza tas-selliefa,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-BĊE tas-6 ta' Ġunju 2017 li fiha ddetermina li Banco Popular Español S.A. kien qed ifalli jew x'aktarx kien se jfalli,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' Banco Popular Español S.A.,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-BĊE tat-23 ta' Ġunju 2017 li fiha ddetermina li Veneto Banca u Banca Popolare di Vicenza kienu qed ifallu jew x'aktarx kienu se jfallu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-SRB tat-23 ta' Ġunju 2017 dwar id-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' Banca Popolare di Vicenza u Veneto Banca,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2017 dwar l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-ħruġ mis-suq ta' Banca Popolare di Vicenza u ta' Veneto Banca skont il-liġi Taljana dwar l-insolvenza, li tinvolvi l-bejgħ ta' xi partijiet lil Intesa Sanpaolo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata r-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja ta' Monte dei Paschi di Siena,

–  wara li kkunsidra l-verżjoni ta' Frar 2017 tal-gwida tal-BĊE għar-reviżjoni mmirata ta' mudelli interni (TRIM),

  wara li kkunsidra l-abbozz tal-verżjoni ta' Lulju 2017 tal-gwida tal-BĊE għall-ispezzjonijiet fuq il-post u l-investigazzjonijiet ta' mudell intern,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tal-31 ta' Mejju 2017 dwar prinċipji ġenerali li jappoġġaw il-konverġenza superviżorja fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, kif ukoll it-tliet opinjonijiet tagħha tat-13 ta' Lulju 2017 dwar konverġenza superviżorja fl-oqsma ta' mmaniġġjar tal-investiment, ditti ta' investiment u swieq sekondarji fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-EBA tat-12 ta' Ottubru 2017 dwar kwistjonijiet relatati mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2017 dwar it-tisħiħ tas-superviżjoni integrata biex tissaħħaħ l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-integrazzjoni finanzjarja f'ambjent li qed jinbidel (COM(2017)0542) u l-proposti tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2017 dwar ir-rieżami tas-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF), inkluża l-proposta "omnibus" li temenda l-governanza, il-finanzjament u s-setgħat tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE),

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-BĊE tal-21 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' gwidi għal valutazzjonijiet ta' applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-istituzzjoni ta' kreditu u tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-istituzzjoni ta' kreditu FinTech,

–  wara li kkunsidra d-dokument dwar il-kundizzjonijiet tal-kapaċità totali ta' assorbiment tat-telf (TLAC) tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek – BRRD),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2014 (Regolament SRM),

–  wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2016 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE dwar il-kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' rikapitalizzazzjoni ta' istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u li temenda d-Direttiva 98/26/KE, id-Direttiva 2002/47/KE, id-Direttiva 2012/30/UE, id-Direttiva 2011/35/UE, id-Direttiva 2005/56/KE, id-Direttiva 2004/25/KE u d-Direttiva 2007/36/KE, u għal Regolament tal-Parlament Ewropew li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward tal-kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' rikapitalizzazzjoni għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta' Novembru 2017 dwar reviżjonijiet tal-qafas tal-Unjoni għall-immaniġġjar ta' kriżi (CON/2017/47),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Speċjali Nru 3/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tad-19 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni: Bdiet il-ħidma fuq kompitu diffikultuż relatat mal-Unjoni Bankarja, iżda għad hemm ħafna xi jsir",

–  wara li kkunsidra l-irtirar mill-Kummissjoni tal-proposta dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE COM(2014)0043,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2017 bit-titolu "Il-pakkett ta' proċeduri ta' ksur għax-xahar ta' April: deċiżjonijiet ewlenin" (MEMO/17/1045),

–  wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-EBA, ir-Rapport dwar it-Tendenzi tal-ESMA, ir-Riskji u l-Vulnerabbiltajiet Nru 2 (2017), it-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-BERS, ir-Rapport Annwali tal-BERS 2016, ir-Rieżami tal-BERS dwar il-Politika Makroprudenzjali fl-UE ta' April 2017 u l-Monitoraġġ tas-sistema Bankarja "parallela" tal-UE Nru 2 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva (UE) 2014/59/UE fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta' dejn mhux garantiti fil-ġerarkija tal-insolvenza,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 107(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja ("il-Komunikazzjoni dwar il-Banek")(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (id-DGSD),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti ("EDIS") (COM(2015)0586),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja" (COM(2015)0587),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar pjan direzzjonali biex titlesta l-Unjoni Bankarja,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ottubru 2017 dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja (COM(2017)0592),

–  wara li kkunsidra l-Monitoraġġ tas-Sistema Bankarja "parallela" tal-UE tal-BERS Nru 2 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BERS ta' Marzu 2015 dwar it-trattament regolatorju ta' skoperturi sovrani,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0019/2018),

A.  billi fuq bażi mhux ikkonsolidata, in-numru totali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fiż-żona tal-euro kien ta' 5 073 fi tmiem l-2016, li niżel minn 5 474 fi tmiem l-2015 u minn 6 768 fi tmiem l-2008, li jammonta għal tnaqqis ta' 25 % matul il-perjodu mill-2008 sal-2016; billi fuq bażi kkonsolidata, in-numru totali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fiż-żona tal-euro kien ta' 2 290 fi tmiem l-2016, li niżel minn 2 904 fi tmiem l-2008 u 2 379 fi tmiem l-2005(4); billi, madankollu, huwa xieraq li tiġi inkluża referenza dwar kif il-proporzjon ta' banek "kbar wisq biex ifallu" inbidel matul l-istess perjodu;

B.  billi hemm dispersjoni kbira tal-ammont totali u tal-proporzjonijiet tas-self improduttiv bejn l-Istati Membri, u hemm differenzi sostanzjali fil-banek f'dawk il-pajjiżi li għandhom l-ogħla perċentwalijiet tas-self improduttiv; billi l-istokk ta' self improduttiv kien jammonta għal total ta' EUR 1 triljun, skont rapport tal-BERS ta' Lulju 2017 bit-titolu, "Is-sejba ta' soluzzjoni għal self improduttiv fl-Ewropa"; billi, skont it-Tabella Operattiva tar-Riskji trimestrali tal-EBA, il-banek prinċipali tal-Ewropa rrapportaw perċentwal medju ponderat tas-self improduttiv (self improduttiv, gross tal-indebolimenti, diviż bis-self totali) ta' 4,47 % sa mit-30 ta' Ġunju 2017; billi dan il-proporzjon were xejra ta' tnaqqis matul dawn l-aħħar 30 xahar;

C.  billi skont studju riċenti li tal-Awtorità Ewropea għas-Swieq Finanzjarji (ESMA), is-suq tad-derivattivi fl-Unjoni Ewropea għandu valur nozzjonali totali ta' EUR 453 000 biljun;

D.  billi l-Unjoni Bankarja teħtieġ tisħiħ peress li hija objettiv fundamentali għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona euro, u hija element kostitwenti indispensabbli għal Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina; billi jinħtieġu aktar sforzi għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja, peress li hija tibqa' mhux kompluta sakemm din ma jkollhiex garanzija ta' kontinġenza fiskali u t-tielet pilastru, li huwa approċċ Ewropew għall-assigurazzjoni/riassigurazzjoni tad-depożiti; billi l-President tal-BĊE, Mario Draghi, ddikjara ripetutament li Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) tibqa' pilastru fundamentali tal-Unjoni Bankarja; billi Unjoni Bankarja kompluta hija fundamentali biex tinkiser ir-rabta bejn ir-riskji bankarji u r-riskji s-sovrani; billi jeħtieġ li jissaħħu l-isforzi biex issir bidla minn rikapitalizzazzjoni għal rikapitalizzazzjoni interna; billi r-riskji f'ċerti sistemi bankarji nazzjonali għadhom mhux indirizzati biżżejjed; billi l-kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli attwali jikkostitwixxu tieqa ta' opportunità biex jitmexxew 'il quddiem ir-riformi neċessarji biex titlesta l-Unjoni Bankarja;

E.  billi d-dewmien ta' tindif xieraq tal-karti bilanċjali tal-banek wara l-kriżi, xorta waħda qiegħed ixekkel it-tkabbir ekonomiku; billi, b'mod ġenerali, il-perċentwali kapitali u tal-likwidità tal-banek fl-UE tjiebu f'dawn l-aħħar snin, filwaqt li ħafna banek, inkluż dawk kbar, għadhom sottokapitalizzati; billi għalkemm għadhom jippersistu r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, dawn diġà tnaqqsu b'mod sostanzjali mill-bidu tal-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja; billi l-qafas istituzzjonali u regolatorju tal-banek Ewropew ssaħħaħ b'mod fundamentali;

F.  billi l-parteċipazzjoni fl-Unjoni Bankarja hija miftuħa għall-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro; billi l-ebda Stat Membru sa issa ma ddeċieda li jipparteċipa fuq din il-bażi; billi bosta Stati Membri qegħdin jiddiskutu l-possibbiltà li jissieħbu fl-Unjoni Bankarja; billi l-istituzzjonijiet finanzjarji differenti jaraw vantaġġi fil-fatt li jkunu jagħmlu parti mill-Unjoni Bankarja;

G.  billi l-ħidma tagħna fuq l-unjoni tas-swieq kapitali jenħtieġ li ma tbiegħedx il-pressjoni mit-tlestija tal-ħidma tagħna fuq l-unjoni bankarja, li xorta għadha prerekwiżit għall-istabbiltà finanzjarja fil-kuntest ta' dipendenza fuq il-banek li tikkaratterizza lill-Unjoni Ewropea;

H.  billi r-responsabbiltà primarja tal-banek hija li jipprovdu finanzi lill-ekonomija reali;

I.  billi minkejja li l-BĊE jeħtieġlu ċertu grad ta' flessibbiltà fit-twettiq tar-rwol superviżorju tiegħu, finalment id-deċiżjonijiet fundamentali u estensivi jridu fl-aħħar mill-aħħar jittieħdu mil-leġiżlatur Ewropew;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża r-regolament bħala l-għodda leġiżlattiva meta tipproponi leġiżlazzjoni bankarja;

Superviżjoni

2.  Jieħu nota tal-valutazzjonijiet "li qed ifallu jew li x'aktarx se jfallu" tal-BĊE fil-każijiet bankarji tal-2017; jinnota wkoll li l-mekkaniżmu ta' superviżjoni u l-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni b'mod ġenerali qegħdin jaħdmu f'dan il-kuntest, u jaqbel mal-Kummissjoni li l-proċeduri li jwasslu għal deċiżjonijiet dwar jekk bank hux "qiegħed ifalli jew li x'aktarx se jfalli" jeħtieġ li jitjiebu;

3.  Jinnota t-testijiet tal-istress li jmiss tal-EBA fl-2018; jistieden lill-EBA, lill-BERS, lill-BĊE u lill-Kummissjoni jużaw metodoloġiji, xenarji u suppożizzjonijiet konsistenti meta jiddefinixxu t-testijiet tal-istress sabiex jiġu evitati kemm jista' jkun possibbli distorzjonijiet potenzjali bejn ir-riżultati u l-ispariġġ, kif muri, bejn ir-riżultati tat-testijiet tal-istress u d-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni meħuda ftit wara l-preżentazzjoni ta' dawn ir-riżultati; jissottolinja, madankollu, li s-solidità ta' bank ma tistax tiġi koperta minn valutazzjoni abbażi ta' punt fiż-żmien tal-karta bilanċjali tiegħu biss, peress li din tiġi żgurata permezz ta' interazzjonijiet dinamiċi bejn il-bank u s-swieq, u hija affettwata minn diversi elementi fl-ekonomija kollha kemm hi; iqis, barra minn hekk, li t-test tal-istress tal-BĊE għal banek addizzjonali taħt is-superviżjoni tiegħu jista' jgawdi minn aktar trasparenza;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-EBA bħala awtorità regolatorja u l-MSU bħala awtorità superviżorja; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għad-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-BĊE u l-EBA, u għad-differenza fil-kamp ta' applikazzjoni ġeografika tal-attivitajiet ta' kull istituzzjoni; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li koordinazzjoni konkreta tal-inizjattivi li għandhom jittieħdu miż-żewġ istituzzjonijiet titjieb kull fejn huwa prattikabbli sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-ġabra unika tar-regoli, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-MSU għandu jkollu rwol ewlieni meta jiġu identifikati kwistjonijiet speċifiċi għall-Unjoni Bankarja jew lakuni regolatorji;

5.  Jilqa' l-fatt li l-Unjoni Bankarja tejbet l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet superviżorji, u tejbet il-ġbir u l-iskambju ta' data dwar is-sistema bankarja Ewropea, b'hekk tikkontribwixxi għal pereżempju valutazzjoni komparattiva aħjar, u tippermetti superviżjoni aktar olistika tal-gruppi bankarji transfruntiera; jilqa' l-ħidma eċċellenti tat-timijiet superviżorji konġunti (JSTs); jinnota, madankollu, li l-Kummissjoni identifikat oqsma fejn jeħtieġ li jsir titjib b'rabta mal-iskambju ta' informazzjoni u koordinazzjoni bejn is-superviżjoni bankarja tal-BĊE u l-SRB, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet kruċjali ta' jekk istituzzjoni hijiex eliġibbli għal rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja u jekk hijiex qed tfalli jew x'aktarx li se tfalli; jinnota li l-memorandum ta' qbil attwali bejn il-BĊE u l-SRB mhuwiex komprensiv biżżejjed biex jiżgura li l-SRB jkollu l-informazzjoni kollha li jeħtieġ mill-BĊE biex iwettaq il-kompiti tiegħu b'mod effiċjenti u f'waqtu; jistieden lill-BĊE u lill-SRB biex jieħdu l-opportunità li qegħdin joffru d-diskussjonijiet attwali dwar l-aġġornament tal-memorandum ta' qbil bejniethom sabiex jagħlqu l-lakuni eżistenti u jtejbu l-effikaċja tal-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni; jitlob li jsir titjib fil-modalitajiet prattiċi ta' kooperazzjoni u fl-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji u ta' riżoluzzjoni, li huma kruċjali għat-twettiq ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni li jkunu mingħajr xkiel u effikaċi, u bejn il-korpi Ewropej u nazzjonali kollha involuti fl-intervent bikri u fir-riżoluzzjoni; jistieden lill-BĊE u lill-SRB jibqgħu jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom ta' kuljum u jsaħħu r-relazzjoni tal-ħidma tagħhom; jilqa', f'dan ir-rigward, il-bidla fir-Regolament MSU rilevanti sabiex rappreżentant tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jitħalla jkun osservatur permanenti fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju tal-MSU; jitlob li jkun hemm ftehim interistituzzjonali bejn il-BĊE u l-ECA sabiex jiġi speċifikat l-iskambju ta' informazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet fi ħdan il-mandati rispetti tagħhom kif definiti fit-Trattati;

6.  Jinnota li fl-2017, ġiet applikata d-dispożizzjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD); jinnota li jenħtieġ li jiġi ċċarat l-użu tal-analiżi tal-kwalità tal-assi sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex issodisfati il-kundizzjonijiet għar-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja; jenfasizza li l-valutazzjoni minn qabel tal-assi trid tkun ibbażata fuq evidenza soda, b'mod partikolari li turi li l-bank huwa solventi u konformi mar-regoli Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat; jistieden lill-Kummissjoni, lill-MSU u lill-SRB biex jirriflettu dwar modi biex iżidu t-trasparenza meta jivvalutaw is-solvenza tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u meta jqisu d-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni;

7.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-livell għoli ta' self improduttiv (NPLs) f'ċerti ġurisdizzjonijiet; jilqa' l-isforzi ta' diversi Stati Membri biex inaqqsu l-livell ta' self improduttiv; jaqbel mal-Kummissjoni li "filwaqt li l-Istati Membri u l-banek stess għandhom responsabbiltà primarja fl-indirizzar tas-Selfiet Improduttivi, l-integrazzjoni tal-isforzi fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea hi ġġustifikata biex jitħalla impatt fuq l-akkumulazzjonijiet ta' Selfiet Improduttivi u biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni fil-futur ta' Selfiet Improduttivi ġodda fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek"(5);

8.  Jilqa', b'mod ġenerali, il-ħidma li saret mill-istituzzjonijiet u l-korpi differenti tal-UE dwar din il-kwistjoni; jixtieq jara, madankollu, koordinazzjoni aħjar bejn l-isforzi tagħhom; jistieden lil dawn l-atturi u lill-Istati Membri jimplimentaw kif xieraq u malajr il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2017 dwar il-pjan ta' azzjoni biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-Ewropa; jistenna b'interess il-pakkett ta' miżuri biex jiġi aċċellerat it-tnaqqis tas-self improduttiv li se jiġi propost fix-xhur li ġejjin; jappoġġa, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tesplora l-armonizzazzjoni potenzjali f'termini prudenzjali fil-livell tal-UE ta' self ġdid li jsir self improduttiv; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi biex tħeġġeġ l-għoti ta' informazzjoni lill-investituri potenzjali, l-istabbiliment ta' kumpaniji maniġerjali tal-assi ddedikati ("banek tal-assi ħżiena") u l-iżvilupp ta' swieq sekondarji għas-self improduttiv sabiex tiġi indirizzata l-problema kbira ta' self improduttiv; ifakkar il-ħtieġa għall-Istati Membri biex itejbu u jarmonizzaw fejn meħtieġ il-qafas tal-insolvenza, inkluż permezz ta' ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-ristrutturar bikri u t-tieni opportunità, u bl-għan li jiġu salvagwardjati d-debituri l-aktar vulnerabbli bħalma huma l-SMEs u l-unitajiet domestiċi;

9.  Jilqa' l-intenzjoni li jiġi aċċellerat it-tindif tal-karti bilanċjali tal-banek, filwaqt li jenfasizza li r-rimi obbligatorju ta' self improduttiv f'suq illiwkwidu u opak jista' jirriżulta f'telf mhux ġustifikat fil-karti bilanċjali tal-banek; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-abbozz ta' addendum għall-gwida tal-BĊE dwar is-self improduttiv; jissottolinja li, f'dan il-proċess ta' monitoraġġ u valutazzjoni skont il-ftehimiet ta' superviżjoni bankarja, il-BĊE taħt l-ebda ċirkostanza m'għandu jillimita l-privileġġi tal-leġiżlatur Ewropew; ifakkar li l-prinċipji ġenerali tat-tfassil tal-liġijiet fl-Unjoni li jirrikjedu valutazzjonijiet tal-impatt u konsultazzjoni, kif ukoll il-valutazzjoni tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà huma wkoll rilevanti għal-leġiżlazzjoni tat-tielet livell;

10.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-riskji li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni f'assi tat-tielet livell, inklużi d-derivattivi, u b'mod partikolari mid-diffikultà tal-valutazzjoni tagħhom; jilqa' f'dan ir-rigward l-inklużjoni min-naħa tal-EBA fil-proċeduri għat-testijiet tal-istress tal-2018 ta' trattament speċifiku għar-riskji li jirriżultaw mill-istrumenti tat-tieni u tat-tielet livell; itenni mill-ġdid l-appell tiegħu lill-MSU biex jagħmel il-kwistjoni waħda ta' prijorità fis-superviżjoni unika għall-2018;

11.  Jirrimarka li l-Kummissjoni rreferiet lill-Kroazja, Ċipru, il-Portugall u Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli ma implimentawx bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju (2014/17/UE), nuqqas li rriżulta fil-fatt li ċ-ċittadini f'dawk l-Istati Membri ma setgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni ggarantita mid-Direttiva meta joħorġu s-self ipotekarju tagħhom jew meta jesperjenzaw diffikultajiet biex iħallsuh; jinnota bi tħassib li, fi Spanja biss, sa mill-bidu tal-kriżi, 500 000 familja tilfu d-djar tagħhom u għadhom qed iħallsu d-dejn lill-bank minħabba l-liġi ta' preklużjoni;

12.  Ifakkar li hemm riskji assoċjati mad-dejn sovran; jinnota li f'xi Stati Membri l-istituzzjonijiet finanzjarji investew wisq f'bonds maħruġa mill-gvernijiet tagħhom stess, u dan jikkostitwixxi "tendenza għas-suq domestiku (home bias)" eċċessiv, filwaqt li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni Bankarja huwa li tinkiser ir-rabta tar-riskju tal-banek u tar-riskju sovran; jinnota li jkun aħjar jekk ikun hemm aktar diversità fil-portafolli ta' bonds tal-gvern tal-banek sabiex jonqsu r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja; iqis li l-qafas regolatorju tal-UE dwar it-trattament prudenzjali ta' dejn sovran jenħtieġ li jkun konsistenti mal-istandard internazzjonali; jirrimarka l-ħidma kontinwa tal-BCBS fuq ir-riskju sovran, u b'mod aktar speċifiku d-dokument ta' diskussjoni tiegħu li ġie ppubblikat reċentament dwar, "It-trattament regolatorju tal-iskoperturi sovrani"; jistenna, għalhekk, b'interess kbir ir-riżultati tal-ħidma tal-FSB fuq id-dejn sovran sabiex jiġu ggwidati deċiżjonijiet futuri; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-bonds tal-gvern fil-provvediment ta' assi ta' kwalità għolja u likwidi għall-investituri u ta' sorsi ta' finanzjament stabbli għall-gvernijiet; jieħu nota, f'dan ir-rigward, tal-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni fuq l-idea tal-hekk imsejħa titoli koperti minn bonds sovrani (SBBSs) bħala mod possibbli biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni; ifakkar li l-SBBSs ma jikkostitwixxux forma ta' mutwalizzazzjoni tad-dejn; iqis li l-kontribut minn parteċipanti tas-suq jista' jkun ta' għajnuna sabiex jiġi żgurat l-interess tas-suq fis-SBBSs;

13.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati f'mudelli interni sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kredibbiltà tagħhom u jinkisbu kundizzjonijiet ekwi fl-istituzzjonijiet kollha; jirrimarka, f'dan ir-rigward, l-istudju ta' riċerka esterna, "What conclusions can be drawn from the EBA 2016 Market Risk Benchmarking Exercise?" (X'konklużjonijiet jistgħu jinsiltu mill-Eżerċizzju ta' Benchmarking tar-Riskju tas-Suq tal-EBA 2016?), ikkummissjonat mill-Unità tas-Sostenn għall-Governanza Ekonomika tal-Parlament Ewropew, li fost oħrajn jiddikjara li "jekk ir-riżultati tal-istudju tal-EBA dwar il-benchmarking huma korretti, u safejn l-istrumenti tal-portafoll tat-test huma rappreżentattivi, il-mudelli ta' riskju tas-suq intern attwali li jużaw il-banek Ewropej huma fi ksur gravi tal-prinċipju tal-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni ('jekk il-banek differenti għandhom l-istess portafoll, huma għandhom ikunu meħtieġa jkollhom l-istess ammont ta' kapital regolatorju.')"; jinnota f'dan il-kuntest l-approvazzjoni tal-emendi mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) għall-finalizzazzjoni ta' Basel III, kif ukoll il-valutazzjoni tal-impatt tal-EBA fuq is-settur bankarju tal-UE; ifakkar li l-ftehim m'għandux jirriżulta f'żieda sinifikanti fir-rekwiżiti kapitali fil-livell tal-Unjoni, u lanqas m'għandu jippreġudika l-kapaċità tal-banek li jiffinanzjaw l-ekonomija reali, b'mod partikolari l-SMEs; jilqa' l-ħidma li saret mill-BĊE biex jivvaluta l-adegwatezza tal-mudelli interni, inkluża l-gwida ġdida tiegħu għat-TRIM, bl-għan li tiġi indirizzata l-varjabbiltà fil-piżijiet tar-riskju applikati għal assi mwieżna għar-riskju tal-istess klassi fl-istituzzjonijiet ta' kreditu; jilqa', finalment, il-ħidma li saret mill-EBA f'dan il-qasam fil-qafas tal-eżerċizzji ta' benchmarking tagħha; iqis li l-pożizzjoni kapitali tal-banek tista' tissaħħaħ, fost oħrajn, billi jitnaqqsu l-pagamenti tal-imgħax u tiżdied l-ekwità ġdida, u jqis li t-tisħiħ tal-pożizzjoni finanzjarja ġenerali tal-banek Ewropej jenħtieġ li tibqa' prijorità;

14.  Jenfasizza li l-proposti li saru minn korpi internazzjonali jenħtieġ li jissarrfu, f'xi forma jew oħra, fid-dritt Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur bankarju Ewropew;

15.  Jenfasizza li, b'mod partikolari, l-istandards tal-BCBS ma jenħtieġx li jiġu trasposti fid-dritt Ewropew f'daqqa mingħajr ma jitqiesu sew il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema bankarja Ewropea u l-prinċipju tal-proporzjonalità;

16.  Ifakkar il-prinċipju ta' separazzjoni bejn il-funzjoni ta' politika monetarja u l-funzjoni superviżorja tal-MSU, u jqis li konformità ma' dan il-prinċipju hija kruċjali sabiex jiġu evitati kunflitti ta' interess; huwa tal-fehma li dan il-prinċipju, b'mod ġenerali, ġie osservat tajjeb; jemmen li t-test li għandu jintuża sabiex tiġi ddeterminata l-adegwatezza ta' servizzi kondiviżi jenħtieġ li tkun ir-rilevanza tal-politika tal-kompiti li jwettqu; iqis, għalhekk, li s-servizzi kondiviżi mhumiex problematiċi meta jindirizzaw kwistjonijiet li mhumiex kritiċi f'termini tat-tfassil ta' politika, iżda jistgħu jagħtu lok għal tħassib u jistgħu jiġġustifikaw salvagwardji addizzjonali fejn u meta dan ma jkunx il-każ;

17.  Huwa tal-fehma li l-involviment ta' aktar persunal tal-BĊE fi spezzjonijiet fuq il-post jista' jikkontribwixxi biex tkompli tissaħħaħ l-indipendenza tas-superviżjoni bankarja minn kunsiderazzjonijiet nazzjonali;

18.  Jinnota l-pakkett tar-riforma bankarja propost mill-Kummissjoni f'Novembru 2016; jissottolinja l-importanza tal-proċedura rapida li wasslet għall-ftehim dwar l-introduzzjoni tal-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 9, kif ukoll l-arranġamenti tranżitorji għall-eżenzjoni mil-limitu tal-iskopertura kbira disponibbli għall-iskoperturi għal ċertu dejn tas-settur pubbliku tal-Istati Membri denominati f'muniti fi kwalunkwe Stat Membru (Regolament (UE) 2017/2394) sabiex jiġu evitati l-effetti ta' preċipizju fuq il-kapital regolatorju tal-istituzzjonijiet ta' kreditu; jinnota, madankollu, l-opinjonijiet tal-BĊE u tal-EBA li l-eżistenza ta' ftehim tranżitorju jenħtieġ li ma twassalx għal dewmien bla bżonn tal-implimentazzjoni tal-IFRS 9; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi mmonitorjat l-impatt tal-IFRS 9 fuq in-natura u l-allokazzjoni ta' self mill-banek, kif ukoll fuq l-effetti proċikliċi potenzjali derivati mis-sensittività ċiklika tal-parametri tar-riskju tal-kreditu; jistieden lill-BERS u lill-MSU jinvestigaw dawn il-kwistjonijiet; jitlob lill-EBA u lill-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS) jipprovdu gwida xierqa f'dan ir-rigward;

19.  Jirrimarka li l-istituzzjonijiet huma mitluba, skont ir-regoli dwar is-sorveljanza, biex jirrappurtaw għadd kbir ta' rapporti simili, f'formati differenti, lil diversi awtoritajiet, u li dan jirrappreżenta piż addizzjonali sinifikanti; jitlob, għalhekk, li tiġi introdotta sistema ta' rappurtar uniformi, fejn it-talbiet tal-awtoritajiet kollha responsabbli għas-sorveljanza jiġu kkonsolidati f'punt uniku ta' kuntatt ċentrali, li jgħaddi dawn it-talbiet lill-istituzzjonijiet superviżorji, u mbagħad jittrażmetti d-data miġbura lill-awtoritajiet kompetenti; jenfasizza li b'hekk jistgħu jiġu evitati talbiet doppji u talbiet għal data identika, filwaqt li dan inaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv fuq il-banek u l-awtoritajiet kompetenti, u fl-istess ħin itejjeb l-effiċjenza tas-superviżjoni;

20.  Jirrikonoxxi li l-ispejjeż għolja marbuta mal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta' superviżjoni jistgħu jkunu diffiċli sabiex jiġu ġestiti, speċjalment mill-banek iżgħar; iqis li l-prinċipju tal-proporzjonalità jista' jiġi kkunsidrat b'mod aħjar f'ċerti arranġamenti ta' superviżjoni mill-BĊE meta huwa jwettaq l-attivitajiet superviżorji tiegħu; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa urġenti ta' sforzi akbar għal aktar proporzjonalità fis-superviżjoni bankarja għall-istituzzjonijiet żgħar, b'riskju baxx; jenfasizza li titjib fil-proporzjonalità bl-ebda mod ma timplika tnaqqis fl-istandards superviżorji, iżda sempliċement timplika ffiċilitar tal-piż amministrattiv, pereżempju, f'termini ta' rekwiżiti ta' konformità u rappurtar; jilqa', għalhekk, it-tweġiba tal-Kummissjoni għar-Rapport Annwali tal-Unjoni Bankarja 2016, li tikkondividi l-opinjoni tal-Parlament li r-rekwiżiti ta' rappurtar jenħtieġ li jiġu ssimplifikati, kif ukoll l-isforzi tal-Kummissjoni biex tintroduċi aktar proporzjonalità fis-superviżjoni;

21.  Ifakkar li l-għażliet u s-setgħat diskrezzjonali previsti fid-dritt tal-Unjoni għas-sorveljanza tal-banek jenħtieġ li jkunu armonizzati kemm jista' jkun possibbli; iqis li ħafna drabi dawn iridu jkunu kemm jista' jkun tranżitorji, u jridu jiġu rtirati meta ma jibqgħux aktar meħtieġa, sabiex jiġu evitati kumplikazzjonijiet żejda fil-ħidma ta' kuljum tas-superviżuri Ewropej u dawk nazzjonali;

22.  Jenfasizza li l-qafas regolatorju jenħtieġ li jakkomoda l-prinċipji operazzjonali partikolari u jirrispetta l-missjoni speċifika tal-banek kooperattivi u reċiproċi, u li l-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jikkunsidrawhom u jirriflettuhom fil-prattiki u l-approċċi tagħhom;

23.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Mejju 2017 dwar FinTech; iqis li l-FinTechs, li jwettqu l-istess tip ta' attivitajiet bħall-atturi l-oħra tas-sistema finanzjarja, għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom; jitlob, f'dan ir-rigward, li jittieħed approċċ fir-rigward tal-FinTechs li jsib bilanċ tajjeb bejn il-protezzjoni tal-konsumaturi, iż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja u l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni; jinnota, f'dan ir-rigward, il-ħidma tal-Kummissjoni, l-inklużjoni proposta ta' innovazzjoni teknoloġika fil-mandati tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (ASE), u l-konsultazzjoni pubblika kontinwa dwar l-abbozz ta' gwida tal-BĊE għall-valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji bankarji ta' FinTech;

24.  Jirrikonoxxi li ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni tal-aspetti kollha tas-servizzi bankarji wasslet biex il-banek saru konsiderevolment aktar vulnerabbli għar-riskji taċ-ċibersigurtà; jenfasizza li l-ġestjoni taċ-ċibersigurtà hija l-ewwel u qabel kollox ir-responsabbiltà tal-banek stess; jenfasizza li r-rwol kruċjali taċ-ċibersigurtà għas-servizzi bankarji u l-ħtieġa li jiġu inċentivati l-istituzzjonijet finanzjarji biex ikunu ambizzjużi ħafna fil-ħarsien tad-data tal-konsumatur u l-garanzija taċ-ċibersigurtà; jistieden lill-awtoritajiet superviżorji jissorveljaw mill-qrib u jivvalutaw ir-riskji taċ-ċibersigurtà, u jistieden ukoll lill-istituzzjonijiet finanzjarji madwar l-UE biex ikunu ambizzjużi ħafna fil-protezzjoni tad-data dwar il-konsumaturi u fil-garanzija taċ-ċibersigurtà; jilqa' l-inizjattiva tal-BĊE li tobbliga lill-banek taħt superviżjoni jirrapportaw ċiberattakki sinifikanti taħt servizz ta' twissija f'ħin reali, u jilqa' wkoll l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-SMU biex tiġi ssorveljata ċ-ċibersigurtà; jistieden lill-MSU jżid l-isforzi tiegħu u formalment jagħmel iċ-ċibersigurtà waħda mill-prijoritajiet tiegħu ta' livell għoli;

25.  Jilqa' l-ħidma li saret mill-EBA, mill-ESMA u mill-MSU dwar il-promozzjoni ta' konverġenza superviżorja fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, bl-għan li jiġi limitat l-iżvilupp ta' riskji ta' arbitraġġ regolatorji u superviżorji; jemmen li, kwalunkwe mudell ta' kooperazzjoni superviżorja li għandu jiġi żviluppat bejn l-UE u r-Renju Unit jenħtieġ li jirrispetta l-istabbiltà finanzjarja tal-UE, u r-reġim u l-istandards regolatorji u superviżorji tagħha u l-applikazzjoni tagħhom; ifakkar l-importanza tat-tħejjija u tal-ippjanar adegwat tal-kontinġenza mill-banek sabiex jiġi mmitigat l-effett ta' tfixkil tal-Brexit; huwa mħasseb dwar il-fatt li xi banek, b'mod partikolari l-banek iżgħar, jaf għadhom lura fit-tħejjijiet tagħhom għall-Brexit, u jistedinhom biex jintensifikaw il-ħidma tagħhom; ifakkar li l-proċess għall-ksib tal-liċenzji bankarji u l-approvazzjoni tal-mudelli interni jdumu bosta snin u jenħtieġ li dan il-fatt jiġi kkunsidrat;

26.  Jieħu nota tal-proposti dwar ir-reviżjoni tas-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF), inkluża l-proposta "omnibus" li temenda l-governanza, il-finanzjament u s-setgħat tal-ESA;

27.  Huwa mħasseb dwar l-iżviluppi li juru tendenzi għall-gruppi bankarji li jużaw dejjem aktar strutturi kumplessi u entitajiet li fil-parti l-kbira tagħhom iwettqu l-istess attivitajiet bħall-banek iżda jevitaw is-superviżjoni bankarja; jinnota, f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni dwar id-ditti ta' investiment, li jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn id-ditti ta' investiment u l-istituzzjonijiet ta' kreditu, u għall-eliminazzjoni tad-diskrepanzi li jistgħu jippermettu l-użu ta' ditti ta' investiment kbar sabiex jiġu evitati r-rekwiżiti regolatorji bankarji;

28.  Jinsab imħasseb dwar it-tixrid tas-sistema bankarja "parallela" fl-UE; jieħu nota tal-Monitoraġġ Bankarju "parallel" tal-UE 2017 mill-BERS li jissottolinja diversi riskji u vulnerabbiltajiet li jeħtieġ li jiġu mmonitorjati fis-sistema bankarja "parallela" tal-UE; jitlob, għalhekk, biex azzjoni kkoordinata tindirizza dawn ir-riskji sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u stabbiltà finanzjarja; jirrikonoxxi, madankollu, li mill-kriżi finanzjarja, ġew introdotti politiki sabiex tiġi indirizzata l-instabbiltà finanzjarja li tirriżulta mis-sistema bankarja "parallela"; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet biex ikomplu jissorveljaw u jindirizzaw b'mod viġilanti r-riskji ta' stabbiltà finanzjarja emerġenti, u biex kull azzjoni dwar ir-regolamentazzjoni tas-settur bankarju tkun akkumpanjata minn regolamentazzjoni xierqa tas-settur bankarju "parallel"; jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset milli tindirizza din il-kwistjoni fit-tweġibiet tagħha għar-rapport tas-sena li għaddiet(6);

29.  Iqis li, għalkemm huwa mixtieq titjib, l-aktar f'termini ta' komunikazzjoni u ta' trasparenza, l-Unjoni Bankarja tibqa' bidla pożittiva u fundamentali għall-Istati Membri li għandhom l-euro; ifakkar li l-Unjoni Bankarja hija miftuħa għall-Istati Membri kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li għadhom ma adottawx l-euro biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jissieħbu mal-Unjoni Bankarja, sabiex b'mod progressiv jallinjaw l-Unjoni Bankarja mas-suq intern kollu;

30.  Jilqa' l-progress li sar mid-Deċiżjoni tal-BĊE ta' Ġunju 2017, billi din ippermettiet ċerta delegazzjoni fil-qasam tad-deċiżjonijiet ta' kompetenza u idoneità; itenni li hemm bżonn ta' bidla fir-regolamenti biex tiġi permessa aktar delegazzjoni u delegazzjoni aktar faċli tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar ċerti kwistjonijiet ta' rutina, mingħand il-Bord Superviżorju għal għand l-uffiċjali rilevanti; itenni l-opinjoni favorevoli tiegħu li tali bidla tikkontribwixxi sabiex is-superviżjoni bankarja tal-BĊE issir aktar effiċjenti u effettiva; jistieden lill-BĊE jispeċifika l-kompiti għad-delegazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

Riżoluzzjoni

31.  Jilqa' l-ewwel applikazzjoni tar-reġim ta' riżoluzzjoni l-ġdid; jieħu nota tal-għadd kbir ta' applikazzjonijiet legali ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali tal-UE b'rabta ma' dan il-każ; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif u jekk dan jistax jipperikola l-effettività tar-reġim ta' riżoluzzjoni il-ġdid, u jekk irendix il-qafas ta' riżoluzzjoni fis-seħħ inapplikabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-SRB jippubblikaw b'mod konġunt sommarju tal-kwistjonijiet l-aktar ikkritikati mill-applikazzjonijiet legali; iqis li l-każijiet bankarji tal-2017 iqajmu mistoqsijiet f'termini ta' trasparenza u komunikazzjoni, u jitlob li jkun hemm aktar trasparenza f'deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni futuri, inkluż l-aċċess għall-Parlament Ewropew, skont kundizzjonijiet ċari u xierqa, għal dokumenti ewlenin li jinfurmaw dwar id-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni, bħal rapporti tal-valutazzjoni minn valutaturi indipendenti, sabiex jinftiehem aħjar ir-reġim ta' riżoluzzjoni ex-ante; jistieden lill-koleġiżlaturi jqisu l-każijiet bankarji tal-2017 bħala lezzjonijiet meħuda fil-kodeċiżjoni dwar il-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tat-TLAC/MREL u l-għodda moratorja;

32.  Jinsab imħasseb dwar id-diskrepanza bejn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mal-kapaċità ta' skemi ta' garanzija tad-depożiti (SGD) li jipparteċipaw f'riżoluzzjoni kif previst fil-BRRD u fid-DGSD, kif imsemmi fir-rapport preċedenti(7); jistieden lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-interpretazzjoni tagħha tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat billi tirreferi għall-Artikoli 11(3) u 11(6) tad-DGSD sabiex jiġi ggarantit li l-miżuri preventivi u alternattivi previsti mil-leġiżlatur Ewropew ikunu jistgħu jiġu effettivament implimentati; iqis li fil-każijiet bankarji tal-2017 ġie kkonfermat, kif previst fil-BRRD, li l-Istati Membri jistgħu jipproċedu bil-proċedimenti normali ta' insolvenza, li jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġu akkumpanjati minn "għajnuna għal-likwidazzjoni"; jemmen li kawża tal-opportunitajiet ta' arbitraġġ żvelati mill-każijiet riċenti ta' riżoluzzjoni hija d-diskrepanza bejn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li japplikaw skont ir-reġim ta' riżoluzzjoni u d-dritt nazzjonali dwar l-insolvenza rispettivament; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni twettaq rieżami tal-oqsfa għall-insolvenza tal-banek fl-Unjoni, inkluż il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013, sabiex jinsiltu lezzjonijiet mill-każijiet bankarji tal-2017;

33.  Ifakkar li l-BRRD ġiet imfassla biex tiġi żgurata l-kontinwità ta' funzjonijiet kritiċi, jiġu evitati l-effetti negattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, jiġu protetti fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja straordinarja għal istituzzjonijiet li qed ifallu, u sabiex jiġu protetti d-depożituri koperti, l-investituri, il-fondi tal-klijent u l-assi tal-klijent; ifakkar li l-miżuri ta' appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarji jistgħu jintużaw biss biex jirrimedjaw "tfixkil serju fl-ekonomija" u biex "jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja", u li huma "ma għandhomx jintużaw biex jibbilanċjaw telf li l-istituzzjoni ġarrbet jew li probabbilment se ġġarrab fil-futur qarib"; iqis li appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju għandu jkun akkumpanjat ukoll, fejn xieraq, minn azzjonijiet ta' rimedju; jistieden lill-Kummissjoni twettaq malajr kemm jista' jkun possibli r-rieżami msemmi fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 32(4) tal-BRRD, li ilhu mistenni mill-2015; jinnota li r-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja hija strument għall-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni terġa' teżamina fuq bażi annwali jekk ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE dwar il-possibbiltà ta' għajununa mill-Istat fis-settur finanzjarju baqgħux jiġu ssodisfati;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk is-settur bankarju bbenefikax sa mill-bidu tal-kriżi minn sussidji impliċiti u għajnuna mill-Istat permezz tal-forniment ta' appoġġ ta' likwidità mhux konvenzjonali;

36.  Jilqa' l-prijoritizzazzjoni iddikjarata tal-SRB li tittejjeb il-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, kif ukoll il-progress li sar fl-istabbiliment ta' miri vinkolanti fir-rigward tal-iżvilupp ta' rekwiżit minimu individwali għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) fil-livell konsolidat; jenfasizza l-importanza tal-pjanijiet operazzjonali u kredibbli ta' riżoluzzjoni, u f'dak il-kuntest jirrikonoxxi l-problemi li l-istrateġiji ta' punt ta' dħul uniku jistgħu jimplikaw għall-istabbiltà finanzjarja tal-pajjiżi ospitanti jekk ma jitfasslux kif xieraq; jissottolinja l-ħtieġa għal reġim effettiv li jindirizza l-ksur ta' dan ir-rekwiżit u li l-MREL jenħtieġ li jqis il-mudelli ta' negozju tal-istituzzjonijiet għall-fini li jiżgura r-riżolvibbiltà ta' dawn l-istituzzjonijiet; jistieden lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jipprovdi lista komprensiva ta' ostakoli għar-riżolvibbiltà li jinstabu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew Ewropea; jenfasizza li r-reviżjoni tal-BRRD ma għandha taħt l-ebda ċirkostanza taqa' lura mill-istandards miftiehma fuq livell internazzjonali;

37.  Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq dwar l-armonizzazzjoni addizzjonali fil-klassifikazzjoni ta' prijorità ta' strumenti ta' dejn mhux garantiti permezz tad-Direttiva (UE) 2017/2399; jitlob implimentazzjoni rapida mill-Istati Membri sabiex il-banek ikunu jistgħu joħorġu dejn fil-klassi l-ġdida ta' insolvenza u b'hekk jibnu l-buffers meħtieġa; itenni l-pożizzjoni tiegħu, kif espressa fir-rapport preċedenti(8), li strumenti ta' rikapitalizzazzjoni interna jenħtieġ li jinbiegħu lil investituri adegwati li jistgħu jassorbu telf potenzjali mingħajr ma jipperikolaw il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom stess; jirrakkomanda, għalhekk, li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jeħtieġ li jissorveljaw il-punt sa fejn l-istrumenti suxxettibbli għal rikapitalizzazzjoni interna jinżammu minn investituri mhux professjonali, u li l-EBA jeħtieġ li tipproċedi għal divulgazzjoni annwali ta' dawn l-ammonti kif ukoll, fejn xieraq, toħroġ twissijiet u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni rimedjali;

38.  Jinnota l-proposti leġiżlattivi li għaddejjin dwar l-implimentazzjoni ta' kapaċità totali ta' assorbiment tat-telf (TLAC) fid-dritt tal-Unjoni, li għandhom l-għan li jnaqqsu r-riskji fis-settur bankarju Ewropew;

39.  Ifakkar li s-sustanza tal-Ftehim Intergovernattiv fir-rigward tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF) hija li fl-aħħar mill-aħħar ikun inkorporat fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni; ifakkar li l-garanzija ta' kontinġenza fiskali hija essenzjali sabiex jiġu żgurati qafas ta' riżoluzzjoni kredibbli u effiċjenti, u l-kapaċità li jiġu ġestiti kriżijiet sistemiċi fl-Unjoni Bankarja, kif ukoll biex jiġi evitat ir-rikors għal rikapitalizzazzjonijiet tal-banek iffinanzjati minn fondi pubbliċi; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni biex il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jinbidel f'Fond Monetarju Ewropew, li jkollu l-funzjoni ta' garanzija ta' kontinġenza fiskali għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni;

40.  Jilqa' l-ħidma li saret mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni fil-bini tal-kapaċità tiegħu għal riżoluzzjoni bankarja fil-livell tal-Unjoni; jinnota, madankollu, li l-ippjanar tar-riżoluzzjoni bħalissa għadu pjuttost fl-istadju ta' xogħol fl-idejn; jinnota wkoll li l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandu nuqqas sinifikanti tal-persunal; jistieden lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni biex jintensifika l-isforzi tiegħu ta' reklutaġġ, u jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali biex jagħmlu lill-esperti nazzjonali faċilment disponibbli għall-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa fi ħdan il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, għal bilanċ xieraq bejn il-persunal mil-livell ċentrali u l-persunal mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, kif ukoll il-ħtieġa għal diviżjoni ċara tal-ħidma bejn il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, il-passi li ttieħdu mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni fl-allokazzjoni ta' rwoli u kompiti fi ħdan il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni; jirrimarka li minbarra l-banek taħt superviżjoni diretta mill-BĊE, il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni wkoll għandu responsabbiltà diretta għall-istituzzjonijiet transfruntiera sinifikanti; jistieden lill-Istati Membri, lil-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u lill-BĊE biex jaġixxu b'tali mod li jillimitaw kemm jista' jkun possibbli l-piż addizzjonali u l-kumplessità għall-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni li jirriżultaw minn din id-differenza fil-kamp ta' applikazzjoni;

41.  Jitlob li l-kontribuzzjonijiet ex-ante għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni jiġu kkalkulati b'mod trasparenti, permezz tal-għoti ta' informazzjoni dwar il-metodoloġija tal-kalkolu, flimkien mal-isforzi sabiex tiġi armonizzata l-informazzjoni dwar l-eżiti tal-kalkolu;

42.  Huwa mħasseb dwar l-influwenza li d-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni jista' jkollhom fuq l-istruttura tas-sistema bankarja; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib din il-kwistjoni, issegwi d-deċiżjonijiet li jittieħdu u tinforma lill-Parlament Ewropew dwar is-sejbiet tagħha fuq bażi regolari;

L-assigurazzjoni tad-depożiti

43.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-EBA li tippubblika fuq bażi annwali, id-data li tirċievi skont l-Artikolu 10(10) tad-DGSD; jissuġġerixxi li l-preżentazzjoni tad-data tittejjeb sabiex ikun jista' jsir paragun dirett tal-adegwatezza tal-finanzjament fl-iskemi kollha ta' garanzija tad-depożiti (SGD); jinnota, madankollu, il-ħtieġa li bosta SGD jaċċelleraw l-akkumular ta' mezzi finanzjarji disponibbli sabiex jintlaħqu l-miri ġodda tagħhom sat-3 ta' Lulju 2024;

44.  Jistieden lill-EBA tespandi l-analiżi tagħha għal, fost aspetti oħra, l-arranġamenti ta' finanzjament alternattiv stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(9) tad-DGSD, u tippubblika din l-analiżi flimkien mal-informazzjoni li tirċievi skont l-Artikolu 10(10) tad-DGSD;

45.  Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd kbir ta' għażliet u diskrezzjonijiet skont id-DGSD; huwa tal-fehma li hija meħtieġa armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli li japplikaw għall-iskemi ta' garanzija ta' depożiti sabiex ikun hemm kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Bankarja;

46.  Ifakkar li l-protezzjoni tad-depożiti hija ta' tħassib komuni għaċ-ċittadini kollha tal-UE, u li l-Unjoni Bankarja tibqa' mhux kompluta mingħajr it-tielet pilastru tagħha; qiegħed attwalment jiddibatti l-proposta dwar Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) fil-livell ta' Kumitat; jinnota, f'dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ottubru 2017;

47.  Jirrimarka li għad hemm diskussjonijiet għaddejjin dwar il-bażi ġuridika xierqa għall-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti;

48.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-EBA, lill-BĊE, lill-SRB, lill-parlamenti nazzjonali u lill-awtoritajiet kompetenti kif definit fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0041.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0006.

(3)

ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.

(4)

Bank Ċentrali Ewropew, Rapport dwar strutturi finanzjarji, Ottubru 2017, pp. 23-24.

(5)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja, 11 ta' Ottubru 2017,(COM(2017)0592), p. 17.

(6)

Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni tal-15 ta' Frar 2017 dwar "L-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2016", paragrafu 9.

(7)

Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni tal-15 ta' Frar 2017 dwar "L-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2016", paragrafu 38.

(8)

Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni tal-15 ta' Frar 2017 dwar "L-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2016", paragrafu 48.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

7

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, David Coburn, Esther de Lange, Markus Ferber, Jonás Fernández, Sven Giegold, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Barbara Kappel, Wajid Khan, Wolf Klinz, Philippe Lamberts, Werner Langen, Sander Loones, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Fulvio Martusciello, Bernard Monot, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Pirkko Ruohonen-Lerner, Anne Sander, Martin Schirdewan, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Kay Swinburne, Paul Tang, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtasun, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Jakob von Weizsäcker, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Calvet Chambon, Matt Carthy, Mady Delvaux, Herbert Dorfmann, Ramón Jáuregui Atondo, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Luigi Morgano, Lieve Wierinck

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edward Czesak, Manolis Kefalogiannis, Rainer Wieland


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Wolf Klinz, Caroline Nagtegaal, Ramon Tremosa i Balcells, Lieve Wierinck

ECR

Edward Czesak, Sander Loones, Bernd Lucke, Stanisław Ożóg, Pirkko Ruohonen-Lerner, Kay Swinburne

PPE

Burkhard Balz, Herbert Dorfmann, Markus Ferber, Brian Hayes, Danuta Maria Hübner, Manolis Kefalogiannis, Werner Langen, Verónica Lope Fontagné, Ivana Maletić, Thomas Mann, Fulvio Martusciello, Luděk Niedermayer, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Anne Sander, Tom Vandenkendelaere, Rainer Wieland, Esther de Lange

S&D

Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Mady Delvaux, Jonás Fernández, Roberto Gualtieri, Cătălin Sorin Ivan, Ramón Jáuregui Atondo, Wajid Khan, Olle Ludvigsson, Luigi Morgano, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Paul Tang, Jakob von Weizsäcker

Verts/ALE

Sven Giegold, Philippe Lamberts, Molly Scott Cato, Ernest Urtasun

7

-

EFDD

David Coburn, Marco Valli

ENF

Gerolf Annemans, Marco Zanni

GUE/NGL

Matt Carthy, Dimitrios Papadimoulis, Martin Schirdewan

2

0

ENF

Barbara Kappel, Bernard Monot

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Frar 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza