RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Iżvezja – EGF/2017/007 SE/Ericsson)
23.2.2018 - (COM(2017)0782 – C8-0010/2018 – 2018/2012(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Urmas Paet
- MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
- NOTA SPJEGATTIVA
- ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI
- ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
- INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
- VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Iżvezja – EGF/2017/007 SE/Ericsson)
(COM(2017)0782 – C8-0010/2018 – 2018/2012(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0782 – C8-0010/2018),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0032/2018),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi, bil-għan li jiġu aġevolati r-riallokazzjoni u r-riintegrazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu;
C. billi l-Iżvezja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/007 SE/Ericsson għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 2388 sensja mogħtija fis-settur ekonomiku kklassifikat skont id-Diviżjoni 26 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi), fir-reġjuni ta' livell NUTS 2 ta' Stokkolma (SE11), Västsverige (SE23), u Östra Mellansverige (SE12), kif ukoll fiż-żona ta' Sydsverige (SE22);
D. billi l-applikazzjoni hi msejsa fuq il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrekjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħata s-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni u persuni li jaħdmu għal rashom u li ntemmet l-attività tagħhom;
E. billi, f'dawn l-aħħar snin ġew ippreżentati bosta applikazzjonijiet mill-istess settur jew minn setturi relatati u li jinvolvu kumpaniji kbar;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li l-Iżvezja intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 130 400 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 550 667;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Żvediżi ppreżentaw l-applikazzjoni fid-9 ta' Awwissu 2017, u li, wara li l-Iżvezja tat informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-18 ta' Diċembru 2017 u nnotifikat il-Parlament fil-15 ta' Jannar 2018;
3. Ifakkar li din hi t-tieni applikazzjoni mill-Iżvezja għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fir-rigward tas-sensji fl-Ericsson, wara applikazzjoni preċedenti f'Marzu 2016 u d-deċiżjoni pożittiva dwarha[4];
4. Jiddispjaċih dwar l-użu baxx tal-każ preċedenti tal-FEG tal-2016 li jinvolvi sensji fl-Ericsson, iżda jilqa' l-fatt li ġew misluta tagħlimiet minn dan il-każ; jinnota b'approvazzjoni li l-ex impjegati fil-mira tal-applikazzjoni attwali se jkunu jistgħu jibdew l-edukazzjoni u t-taħriġ mingħajr ma jiġi affettwat ħażin il-kumpens għas-sensji tagħhom;
5. Jinnota li l-Iżvezja targumenta li s-sensji huma marbuta ma' bidliet strutturali fix-xejriet tal-kummerċ dinji kaġun tal-globalizzazzjoni, u partikolarment minħabba t-tkabbir negattiv fil-linja kummerċjali ċċentrata fuq il-hardware tal-industrija tat-telekomunikazzjoni għall-Ericsson fl-Iżvezja, minħabba l-kompetizzjoni globali; jindika li fl-Iżvezja, l-Ericsson ilha tnaqqas l-persunal tagħha b'mod gradwali , filwaqt li fl-istess ħin kienet qed tikber madwar id-dinja kollha;
6. Jinsab konxju li hemm talba għolja għal persuni b'ħiliet fl-IT fost ir-reġjuni differenti, filwaqt li hemm spariġġ ta' ħiliet bejn dawk li ngħataw is-sensja mill-Ericsson u r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol; jirrikonoxxi li ħafna persuni bl-istess ħiliet qegħdin jingħataw is-sensja fl-istess żmien u fl-istess żoni ġeografiċi; iqis li l-ħaddiema manwali u dawk ikbar fl-età huma fi bżonn partikolari ta' għajnuna; jinnota li l-FEG jista' jiffaċilita wkoll il-moviment transfruntier tal-ħaddiema, minn setturi li qed jiċkienu lokalizzati f'xi Stati Membri, għal setturi li qed jespandu fi Stati Membri oħra;
7. Ifakkar fid-diversità tal-impjegati, li tinkludi kemm ħaddiema manwali kif ukoll dawk li mhumiex, u li ntlaqtu mis-sensji; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, fl-industriji tal-manifattura tradizzjonali, id-domanda fis-suq tax-xogħol hi pjuttost baxxa; jirrikonoxxi li l-opportunitajiet għal dawn il-ħaddiema fl-industriji tas-servizzi tas-settur pubbliku jew privat kieku jirrikjedu sforzi kbar ta' taħriġ mill-ġdid;
8. Jinnota li l-applikazzjoni tirrigwarda 2 388 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-Ericsson, u li minnhom, 900 se jintlaqtu mill-miżuri proposti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li aktar minn 30 % ta' dan il-grupp għandhom bejn 55 u 64 sena, b'ħiliet speċifiċi għall-industrija tal-hardware tat-telekomunikazzjoni, u li ma għadhomx rilevanti għas-suq tal-impjieg attwali, u li għalhekk jinsabu f'pożizzjoni ta' żvantaġġ biex jirritornaw f'impjieg u jinsabu f'riskju ta' qgħad fit-tul; jilqa', għalhekk, li l-proġett jiffoka fuq "Miżuri għal Gruppi Żvantaġġjati";
9. Jilqa' d-deċiżjoni li jipprovdi għajnuna speċjalizzata lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja li għandhom iktar minn 50 sena, li huma f'riskju li jispiċċaw qiegħda għal żmien twil, u dawk b'diżabbiltajiet ta' tagħlim jew fiżiċi, minħabba ż-żieda fl-isfidi li jistgħu jiffaċċjaw biex isibu xogħol alternattiv;
10. Jinnota li l-ispiża ta' allowances u inċentivi għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja kważi tilħaq il-limitu ta' 35 % tal-ispiża totali tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati elenkati skont il-punt(b) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar il-FEG u li dawk l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg jew ta' taħriġ;
11. Jinnota li l-Iżvezja qiegħda tippjana ħames tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma koperti minn din l-applikazzjoni: (i) konsulenza u ppjanar tal-karriera, (ii) miżuri għal gruppi żvantaġġjati, (iii) appoġġ għall-intraprenditorija, (iv) edukazzjoni u taħriġ, (v) tfittix ta' impieg u allowances għall-mobbiltà; jinnota wkoll li l-azzjonijiet proposti jistgħu jgħinu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jadattaw il-ħiliet tagħhom u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tagħhom lejn impjiegi ġodda jew jgħinuhom iwaqqfu l-impriżi tagħhom stess; jisħaq fuq il-fatt li l-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri ta' protezzjoni soċjali; jilqa' d-deċiżjoni tal-Iżvezja li tibda tipprovdi servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fi Frar 2017, qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tal-FEG;
12. Jirrikonoxxi li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal wara konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u mar-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll mal-atturi pubbliċi lokali; jappella għal aktar konsultazzjonijiet mal-intraprendituri sabiex l-iżvilupp ta' ħiliet ġodda u edukazzjoni jiġi adattat għall-ħtiġijiet tagħhom;
13. Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' l-obbligu tas-Servizz Pubbliku Żvediż għall-Impjiegi li jinkludi t-talbiet ambjentali fis-sejħiet għall-offerti tiegħu u fil-prattika tiegħu stess;
14. Jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Żvediżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;
15. Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi l-azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew tal-ftehimiet kollettivi, jew il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-prospettivi ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw, kif ukoll jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità, it-tul ta' żmien u s-sostenibbiltà ta' impjiegi ġodda, dwar l-għadd u l-perċentwal ta' persuni li jaħdmu għal rashom u negozji ġodda, u r-rata ta' riintegrazzjoni miksuba mill-FEG;
17. Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;
18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Iżvezja - EGF/2017/007 SE/Ericsson
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[2], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2) Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[3].
(3) Fid-9 ta' Awwissu 2017, l-Iżvezja ssottomettiet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji fl-Ericsson (Telefonaktiebolaget LM Ericsson) fl-Iżvezja. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. L-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(4) Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 2 130 400 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Iżvezja.
(5) Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 2 130 400 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.
Artikolu 2
Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni għandha tapplika mill-[data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni][4]*.
Magħmul fi ...,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
- [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
- [2] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
- [3] Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
- [4] * Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
NOTA SPJEGATTIVA
I. Sfond
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.
II. L-applikazzjoni tal-Iżvezja u l-proposta tal-Kummissjoni
Fit-18 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur l-Iżvezja għall-appoġġ tar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn impriża waħda li topera fis-settur ikklassifikat fid-Diviżjoni 26 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi) primarjament fir-reġjuni ta' livell NUTS 2 ta' Stokkolma (SE11), Västsverige (SE23), Östra Mellansverige (SE12), u fiż-żona ta' Sydsverige (SE22) fl-Iżvezja. Din il-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fil-15 ta' Jannar 2018.
Din hija t-tieni applikazzjoni li se tkun eżaminata fil-qafas tal-baġit tal-2018, u s-sbatax-il waħda fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 26 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi) minn mindu ġie stabbilit il-FEG. Din hija diġà t-tieni applikazzjoni tal-FEG tal-Iżvezja fir-rigward tal-Ericsson. Tirrigwarda 2 388 ħaddiem li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 2 130 400 mill-FEG għall-Iżvezja.
L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fid-9 ta' Awwissu 2017 u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-4 ta' Ottubru 2017. Il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-18 ta' Diċembru 2017 u kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-FEG.
L-Iżvezja targumenta li s-sensji huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'mod partikolari t-tkabbir fil-linja kummerċjali ċċentrata fuq il-hardware tal-industrija tat-telekomunikazzjoni tal-Ericsson fl-Iżvezja, kaġun tal-kompetizzjoni globali. L-Ericsson qiegħda tħabbat wiċċha ma' ġejjieni inċert minħabba l-bidliet strutturali li l-industrija għaddiet minnhom minħabba l-globalizzazzjoni u ż-żieda fil-kompetizzjoni minn kompetituri, b'mod partikolari fl-Asja. Filwaqt li l-għadd ta' ħaddiema tal-Ericsson impjegati globalment bejn l-2005 u l-2014 żdied minn 56 055 għal 118 055 impjegat, minn dak iż-żmien 'l hawn, f'Ġunju 2017 dan l-ammont naqas għal 109 127 impjegat.
L-avvenimenti li wasslu għal dawn is-sensji u l-waqfien temporanju ta' attività jiffurmaw parti mill-attivitajiet ta' ristrutturar u ta' delokalizzazzjoni tal-kumpanija ta' telekomunikazzjoni li bdew fl-2014. Matul dan il-perjodu, ġew magħluqa l-linji ta' produzzjoni tal-hardware tat-telekomunikazzjoni f'siti differenti u 3 fabbriki tal-Ericsson ingħalqu kompletament.
Għadd kbir mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma rġiel u l-maġġoranza kbira tagħhom jinsabu fl-età ta' bejn it-30 u l-54 sena filwaqt li 30 % minnhom għandhom bejn il-55 u l-64 sena. Il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG huma aktar u aktar importanti biex jittejbu l-possibbiltajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawn il-gruppi.
Il-ħames tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu f':
– Konsulenza u ppjanar tal-karriera: din il-miżura tinkludi valutazzjoni dettaljata u ppjanar individwali, għajnuna fit-tfittix ta' impjieg, u kkowċjar motivazzjonali u ppjanar tal-karriera.
– Miżuri għal gruppi żvantaġġjati: l-isforzi ta' din il-miżura se jikkonċentraw b'mod speċifiku fuq l-għajnuna għall-impjegati żvantaġġjati li jingħataw is-sensja, dawk li għandhom aktar minn 50 sena fil-perikolu li jispiċċaw qiegħda għal bosta snin, u dawk b'diżabbiltajiet ta' tagħlim jew fiżiċi li jistgħu jeħtieġu aktar appoġġ. Il-miżura tinkludi għajnuna speċjalizzata (bl-inklużjoni ta' psikologu u fiżjoterapista) biex il-ħaddiema jiġu megħjuna jidħlu għal professjonijiet ġodda.
– Appoġġ għall-intraprenditorija: din il-miżura se tippromwovi l-intraprenditorija fost l-applikanti billi tagħtihom l-opportunità li japplikaw għal għotjiet għal negozji ġodda permezz tal-programm PES (inkluża konsulenza kummerċjali dettaljata u servizzi ta' fattibbiltà qabel l-approvazzjoni ta' għotja ta' sitt xhur).
– Edukazzjoni u taħriġ: din il-miżura tinkludi opportunitajiet ta' taħriġ għall-impjiegi, li tiġbor flimkien l-edukazzjoni formali u l-esperjenza tal-kumpaniji (li normalment mhumiex offruti mill-PES), kif ukoll l-użu tas-servizzi ta' organizzjonijiet ta' rilokament. Barra minn hekk, il-miżura se tgħin l-applikanti jaċċedu għal korsijiet akkademiċi u korsijiet personalizzati, kif ukoll għal edukazzjoni speċjalizzata għal massimu ta' 12-il xahar, jew għal żewġ semestri f'istituzzjonijiet edukattivi tat-tielet livell.
– Allowances għat-tfittix ta' impjieg u l-mobbiltà: dawn il-miżuri se jgħinu lill-applikanti jgħixu l-ħajja ta' kuljum tagħhom, u jħallsu għall-ispejjeż tal-ivjaġġar għal intervisti ('il fuq minn SEK 60020), taħriġ, eċċ, waqt li jkunu qegħdin jfittxu impjieg.
Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.
L-awtoritajiet Żvediżi pprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:
– il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,
– hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE rigward is-sensji kollettivi,
– l-Ericsson, li kompliet l-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha li jirregolaw is-sensji u pprovdiet għall-ħaddiema skont tali obbligi,
– l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,
– l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,
– il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat.
L-Iżvezja nnotifikat lill-Kummissjoni li s-sors tal-prefinanzjament jew tal-kofinanzjament nazzjonali huwa l-baġit tal-Arbetsförmedlingen. Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita mill-Arbetsförmedlingen, bħal ma ġara fil-każ preċedenti tal-Ericsson. Il-kontijiet tal-proġett se jiġu eżaminati mill-Unità Interna tal-Awditjar, li hija entità separata marbuta mal-bord tal-Arbetsförmedlingen. Hu x-xogħol ta' din l-entità li teżamina l-proċess ta' kontroll intern u ta' verifika tal-Arbetsförmedlingen.
III. Proċedura
Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 2 130 400 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).
Din hija l-ewwel proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond li ntbagħtet lill-Awtorità Baġitarja matul l-2018.
F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI
Is-Sur Jean Arthuis
President tal-Kumitat għall-Baġits
ASP 09G205
Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2017/007 SE/Ericsson
Sur President,
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2017/007 SE/Ericsson u adotta l-opinjoni li ġejja.
Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-pagamenti.
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda 2 388 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn impriża li topera fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-Diviżjoni 26 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi);
B) Billi, sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, l-Iżvezja ssostni li l-industriji tal-produzzjoni tal-IT u tat-telekomunikazzjoni qed jimxu lejn l-Asja, bħala riżultat tar-relazzjonijiet favorevoli bejn il-kost u l-kwalità tal-produzzjoni fl-Indja u fiċ-Ċina, u minħabba d-daqs ta' swieq li qed jikbru qrib il-faċilitajiet ta' produzzjoni għall-prodotti tal-hardware;
C) Billi żewġ terzi tal-ħaddiema fil-mira tal-miżura huma rġiel u terz minnhom huma nisa; billi 68,56 % għandhom bejn it-30 u l-54 sena filwaqt li 30,22 % għandhom bejn il-55 u l-64 sena;
Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu rigward l-applikazzjoni Svediża:
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma ssodisfati, u li għaldaqstant l-Iżvezja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 130 400 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 550 667;
2. Jirrikonoxxi li, filwaqt li hemm talba għolja għal persuni b'ħiliet fl-IT, hemm spariġġ ta' ħiliet fost dawk li ngħataw is-sensja mill-Ericsson u r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol; iqis li l-ħaddiema manwali u dawk ikbar fl-età huma fi bżonn partikolari ta' għajnuna;
3. Jinnota li l-FEG ikkoofinanzja servizzi personalizzati għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja li jinkludu konsulenza u ppjanar tal-karriera, miżuri għal gruppi żvantaġġjati, appoġġ għall-intraprenditorija, edukazzjoni u taħriġ, u allowances għat-tfittix ta' impjieg u ta' mobbiltà; jilqa' d-deċiżjoni tal-Iżvezja li fi Frar 2017 tibda tipprovdi servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira , qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tal-FEG;
4. Jilqa' d-deċiżjoni li tipprovdi għajnuna speċjalizzata lill-persuni li għandhom iktar minn 50 sena, li huma f'riskju li jispiċċaw qiegħda għal żmien twil, u dawk b'diżabbiltajiet ta' tagħlim jew fiżiċi, minħabba ż-żieda fl-isfidi li jistgħu jiffaċċjaw biex isibu xogħol alternattiv;
5. Jilqa' l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, inklużi mal-benefiċjarji fil-mira u mar-rappreżentanti tagħhom, it-trade unions, ir-rappreżentanti tal-kumpaniji, l-awtoritajiet lokali u l-aġenziji ta' sejbien ta' impjieg ġdid biex jitfassal il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati;
6. Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jkunu 34,76 % tal-pakkett globali tal-miżuri personalizzati, ftit taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG; u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' taħriġ jew ta' tfittix ta' impjieg;
7. Jiddispjaċih dwar l-użu baxx tal-każ preċedenti tal-2016 li jinvolvi sensji fl-Ericsson, iżda jilqa' l-fatt li ġew misluta tagħlimiet minn dan il-każ; jinnota b'approvazzjoni li l-ex impjegati fil-mira tal-applikazzjoni attwali jistgħu jibdew l-edukazzjoni u t-taħriġ mingħajr ma jaffettwaw ħażin il-kumpens għas-sensji tagħhom;
8. Jinnota li l-awtoritajiet Żvediżi pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, li mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju u li l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;
9. Jilqa' l-konferma tal-Iżvezja li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhix se tissostitwixxi l-azzjonijiet li l-impriża kkonċernata hija meħtieġa tieħu skont id-dritt nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi;
10. Ifakkar fil-fatt li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' l-obbligu tas-Servizz Pubbliku Żvediż għall-Impjiegi li jinkludi t-talbiet ambjentali fis-sejħiet għall-offerti tiegħu u fil-prattika tiegħu stess.
Dejjem tiegħek,
Marita ULVSKOG
Aġent President tal-Kumitat EMPL
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
Is-Sur Jean ARTHUIS
President
Kumitat għall-Baġits
Parlament Ewropew
Suġġett: Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
Għażiż Sur Arthuis,
Il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li jiġi adottat rapport dwar din il-proposta mill-Kumitat għall-Baġits fil-21-22 ta' Frar 2018:
- COM(2017)0782 jipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 2 130 400 għal 900 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-Ericsson (il-kumpanija omm Telefonaktiebolaget LM Ericsson u s-sussidjarja, Ericsson AB) fl-Iżvezja. Din l-impriża topera prinċipalment fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-Diviżjoni 26 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi). Is-sensji mogħtija mill-Ericsson huma primarjament fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' Stokkolma (SE11), Västsverige (SE23) u Östra Mellansverige (SE12), iżda kien hemm ħaddiema ssensjati ukoll fil-qasam ta' Sydsverige (SE22).
Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.
Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-Membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.
Dejjem tiegħek,
Iskra MIHAYLOVA
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
22.2.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
30 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nedzhmi Ali, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, André Elissen, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, John Howarth, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Urmas Paet, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Jordi Solé, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Xabier Benito Ziluaga, Jean-Paul Denanot, Janusz Lewandowski, Ivana Maletić, Pavel Poc, Tomáš Zdechovský |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
30 |
+ |
|
ALDE |
Nedzhmi Ali, Gérard Deprez, Urmas Paet |
|
ECR |
Zbigniew Kuźmiuk |
|
ENF |
Marco Zanni |
|
GUE/NGL |
Xabier Benito Ziluaga |
|
PPE |
Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Esteban González Pons, Janusz Lewandowski, Ivana Maletić, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Inese Vaidere, Tomáš Zdechovský, Patricija Šulin |
|
S&D |
Jean-Paul Denanot, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, John Howarth, Vladimír Maňka, Pavel Poc, Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Manuel dos Santos |
|
Verts/ALE |
Jordi Solé, Indrek Tarand |
|
2 |
- |
|
ENF |
André Elissen |
|
NI |
Indrek Tarand |
|
0 |
0 |
|
|
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni