RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar
23.2.2018 - (14532/17 – C8-0444/2017 – 2017/0213(APP)) - ***
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Jean Arthuis
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar
(14532/17 – C8-0444/2017 – 2017/0213(APP))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill(14532/17),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill f'konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 37 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0444/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4), l-ewwel u t-tielet paragrafi, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0034/2018),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-"Fond ta' Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar" (RFCS), stabbilit wara l-iskadenza tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), huwa ddedikat għall-finanzjament ta' attivitajiet ta' riċerka f'dawn is-setturi li jammonta għal 72,8 % għall-azzar u 27,2 % għall-faħam[1]. Dawn l-attivitajiet huma ffinanzjati permezz ta' investimenti finanzjarji b'riskju baxx, magħmula mill-Kummissjoni. Iżda, fid-dawl tal-politika monetarja stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew, dawn tal-aħħar qegħdin jonqsu b'mod sostanzjali. Fil-fatt, huwa previst li l-pakkett finanzjarju tal-programm RFCS għall-2018 ser jammonta għal madwar EUR 27 miljun, tnaqqis ta' EUR 19-il miljun meta mqabbel mal-pakkett finanzjarju tal-2017. Skont il-previżjonijiet tal-Kummissjoni, din iċ-ċifra għandha tonqos aktar u fl-2019 ser tilħaq total ta' bejn EUR 14-il miljun u EUR 18-il miljun.
Il-proposta għal deċiżjoni[2] tal-Kummissjoni għandha l-għan li tawtorizza l-użu tad-diżimpenji kollha li mill-2003 'l hawn ikunu saru skont il-programm RFCS. Il-Kummissjoni tevalwa li l-benefiċċji potenzjali ta' dan ir-riċiklaġġ jammontaw għal EUR 40,3 miljun. L-adozzjoni tal-proposta ser tippermetti li l-Kummissjoni tagħlaq il-pakkett finanzjarju tar-RFCS għall-2018 b'EUR 40 miljun u li l-bqija tal-approprjazzjonijiet jintużaw għall-pakkett finanzjarju tal-2019.
Il-Kunsill[3] segwa l-proposta tal-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni partikolari tad-data tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-diżimpenji. Dan il-punt huwa ta' natura teknika billi l-Kunsill iqis li l-fondi li għandhom jiġu rkuprati jibdew mill-iskadenza tat-Trattat KEFA, jiġifieri mill-24 ta' Lulju 2002; il-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li l-fondi kienu disponibbli mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jiġifieri s-6 ta' Frar 2003.
Impatt baġitarju
Din hija miżura tranżitorja. Il-proposta hija maħsuba biss biex tpatti għat-telf tar-rendiment tas-snin 2018 sa 2020 u biex tiżgura finanzjament adegwat f'dawn is-setturi. Barra minn hekk, din il-miżura mhu ser ikollha l-ebda implikazzjoni baġitarja billi l-fondi jaqgħu barra mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u l-kapitalizzazzjoni inizjali tal-fondi baqgħet invarjata.
Min-naħa l-oħra, jekk il-finanzjament jidher żgurat sal-2020, il-Kummissjoni għandha ssib modi li jsaħħu l-approprjazzjonijiet disponibbli għal dawn is-setturi wara din id-data, mingħajr ma jiddgħajfu l-marġni ta' manuvra baġitarji tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali u dak futur.
Rikonċiljazzjoni mar-Regolament Finanzjarju
Mill-2003 'l hawn, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(5) jiġu applikati bħala lex specialis fir-rigward tar-Regolament Finanzjarju (RF) u għaldaqstant dawn jidderogaw minnu. Sal-lum, l-ammonti diżimpenjati kif ukoll ir-rimborżi tal-ammonti indebitament imħallsa jirritornaw bħala assi tal-KEFA u la huma disponibbli u lanqas riportati awtomatikament fil-baġit ġenerali tal-Programm RFCS.
Il-proposta għal emenda tal-Artikolu 4(4) twassal biex ir-regoli tar-RF ikunu applikabbli għar-rimborż tas-somom indebitament imħallsa. Barra minn hekk, l-emenda tal-Artikolu 4(5) hija konformi mal-ftehim politiku li ntlaħaq reċentement dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju (l-Artikolu 14(4) tar-RF futur) billi l-ammonti diżimpenjati ser jerġgħu jkunu disponibbli għal dawn l-istess programmi. Għaldaqstant, ladarba riveduta, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE tkun konformi mar-RF. Dan ser jissemplifika u jiċċara l-pożizzjoni tar-RFCS fost l-elementi kollha ta' din il-"galassja baġitarja".
Objettivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra
Ir-RFCS huwa maħsub biex jappoġġa r-riċerka fl-oqsma tal-faħam u l-azzar sabiex dawn ikunu innovattivi u tkun żgurata l-kompetittività tagħhom. Il-proġetti ma jkoprux biss il-proċessi ta' produzzjoni, l-użu u r-rikonverżjoni tar-riżorsi u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, iżda wkoll il-ħarsien ambjentali u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) li jirriżultaw mill-użu tal-faħam u mill-produzzjoni tal-azzar.
Rigward dan il-punt, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tnaqqas b'40 % (meta mqabbla mal-1990) l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet serra sal-2030 u li tirrispetta l-Ftehim ta' Pariġi COP 21. Aktar reċenti, waqt il-One Planet Summit, diversi banek u kumpaniji tal-assigurazzjoni kbar ħabbru l-impenn tagħhom li jnaqqsu, u eventwalment iwaqqfu, l-investimenti tagħhom fl-enerġija fossili, b'mod partikolari l-faħam.
F'dan il-kuntest, huwa rilevanti li jissemmew xi proġetti li juru l-kontribut pożittiv għall-ambjent li jirriżulta mill-kofinanzjamenti tar-RFCS:
ULCOS (azzar): dan huwa l-akbar proġett ta' riċerka li l-industrija tal-azzar globali qatt wettqet. Ilaqqa' konsorzju ta' 48 università, istitut ta' riċerka u sieħeb industrijali, li flimkien jagħmlu riċerka innovattiva bil-ħsieb li jitnaqqsu b'mod radikali l-emissjonijiet tal-karbonju prodotti mill-industrija tal-azzar. Diversi kunċetti rriżultaw minn dan, fosthom pereżempju r-riċiklaġġ tal-gass tal-forn tal-blast. Din it-teknoloġija tippermetti li jitneħħa s-CO2 u jiġi rriċiklat il-monossidu tal-karbonju (CO) direttament fil-forn tal-blast, li potenzjalment jista' jnaqqas bin-nofs il-livell tal-emissjonijiet attwali mill-fran tal-blast. Sal-lum, HIsarna hija l-parti l-aktar emblematika ta' ULCOS;
PROMS and EAF-PROMS (azzar): dawn iż-żewġ proġetti ppermettew li r-riċerkaturi jiżviluppaw azzar magħmul minn taħlita ta' liga ultrareżistenti għall-karatteristiċi prinċipali tad-deformazzjoni. Dawn il-ligi huma partikolarment interessanti għall-produtturi tal-karozzi peress billi jippermettulhom iħaffu l-piż tal-karozzi (permezz ta' folji irqaq), u jnaqqsu b'hekk il-konsum kif ukoll l-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom, filwaqt li tinżamm reżistenza li tiżgura s-sigurtà tal-passiġġieri;
COALBYPRO (faħam): l-irmied tal-faħam fih kontaminanti li, mingħajr ġestjoni adegwata, jista' jniġġes l-ambjent. L-għan ta' dan il-proġett huwa li l-irmied jerġa' jintuża bħala materjal għall-qbid u l-ħżin tas-CO2 permezz tal-karbonizzazzjoni minerali tagħhom. Ser tiġi studjata wkoll il-possibbiltà ta' qbid tas-CO2 fiż-żeoliti. L-għan aħħari huwa ġestjoni ambjentali tal-minjieri tal-faħam wara li dawn jingħalqu;
MERCURYCAP (faħam): dan il-proġett ippermetta li jinstabu żewġ soluzzjonijiet ġodda għall-qbid tal-emissjonijiet tal-merkurju mill-impjanti tal-faħam: l-iżvilupp ta' sorbenti promettenti u materjal katalizzatur tal-ossidazzjoni. Ir-riċerka tat riżultati sinifikanti: diversi sorbenti u materjali wrew kapaċità tajba għaż-żamma tal-merkurju.
Proġetti futuri fuq skala kbira għal azzar Ewropew nadif u kompetittiv
Filwaqt li jieħu nota tar-Rapport Lamy (LAB-FAB-APP)[4] u tal-proposta għal "missjoni tal-azzar", il-Parlament jappoġġa bis-sħiħ l-għan li jiġi promoss azzar Ewropew nadif u kompetittiv. Sabiex sal-2025 ikun fis-seħħ proġett dwar il-produzzjoni ta' azzar mingħajr emissjonijiet tas-CO2 hija meħtieġa qabża fil-kwalità. F'dan il-kuntest, hija meħtieġa mobilizzazzjoni tal-atturi kollha tas-settur u l-Parlament ser jiżgura li jiġi riżervat ammont allokat għal din l-inizjattiva fi ħdan il-Programm Qafas ġdid dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni (PQ9). Għal dan il-għan, firxa kbira ta' sħubijiet pubbliċi-privati pan-Ewropej jippermettu l-iżvilupp ta' teknoloġiji għall-produzzjoni fejn jiġu evitati emissjonijiet tas-CO2 (jiġifieri mill-elettriku u l-idroġenu) jew dawn jitnaqqsu ferm (l-integrazzjoni tal-proċessi, it-tekniki bijoindustrijali, ir-riċiklaġġ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju).
Konklużjoni
Ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE, li m'għandhiex impatt baġitarju, ser tippermetti mhux biss li r-RFCS jiġi rrikonċiljat mar-Regolament Finanzjarju iżda wkoll li jintużaw flus li huma kruċjali għall-finanzjament ta' proġetti innovattivi. Bħala medja, il-fondi jallokaw EUR 55 miljun fis-sena għal proġetti ta' riċerka. Mingħajr id-disponibbiltà ta' dawn l-ammonti, l-ammont potenzjali ta' proġetti li jiġu ffinanzjati jkun darbtejn inqas.
L-objettivi tar-RFCS huma diversi u jiżguraw il-kompetittività ta' dawn is-setturi permezz tal-innovazzjoni; dan iżomm impjiegi f'żoni ġeografiċi li ta' spiss jinsabu f'diffikultà, u jgħin fit-tnaqqis ta' emissjonijiet tas-CO2 u tniġġis ieħor li jinħolqu minn dawn l-industriji.
Fid-dawl tar-riżultati sodisfaċenti miksuba f'dan il-qasam mill-proġetti kofinanzjati mir-RFCS, huwa ferm mixtieq li jkompli l-appoġġ kontinwu għal dawn il-fondi. Il-Parlament lest jipparteċipa f'riflessjoni strateġika dwar kif tista' tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta' dawn il-fondi u, jekk meħtieġ, il-ġestjoni tal-fondi KEFA tkun aktar attiva, jew li parti minn dawn il-fondi tintuża għat-tnedija ta' proġetti fuq skala kbira sabiex l-azzar Ewropew isir aktar nadif u kompetittiv.
- [1] L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE tal-1 ta' Frar 2003 li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar.
- [2] COM(2017) 452 final tal-25 ta' Awwissu 2017: proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar.
- [3] Kunsill 13451/17 tad-19 ta' Ottubru 2017: proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2003/76/KE li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat, li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar.
- [4] http://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/archive/other_reports_studies_and_documents/hlg_2017_report.pdf
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
l-istabbiliment tal-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tad-data tal-għeluq tat-Trattat tal-KEFA u fuq il-Fond tar-Riċerka tal-Faħam u l-Azzar |
||||
Referenzi |
14532/2017 – C8-0444/2017 – COM(2017)0452 – 2017/0213(APP) |
||||
Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni |
13.12.2017 |
|
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
BUDG 14.12.2017 |
|
|
|
|
Kumitati mitluba jagħtu opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ITRE 14.12.2017 |
|
|
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
ITRE 23.1.2018 |
|
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Jean Arthuis 14.9.2017 |
|
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
22.2.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 2 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nedzhmi Ali, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, André Elissen, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, John Howarth, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Urmas Paet, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Jordi Solé, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Xabier Benito Ziluaga, Jean-Paul Denanot, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Pavel Poc, Tomáš Zdechovský |
||||
Data tat-tressiq |
23.2.2018 |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
28 |
+ |
|
ALDE |
Nedzhmi Ali, Gérard Deprez, Urmas Paet |
|
ECR |
Zbigniew Kuźmiuk |
|
NI |
Eleftherios Synadinos |
|
PPE |
Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Esteban González Pons, Ivana Maletić, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Inese Vaidere, Tomáš Zdechovský, Patricija Šulin |
|
S&D |
Jean-Paul Denanot, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, John Howarth, Vladimír Maňka, Pavel Poc, Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Manuel dos Santos |
|
Verts/ALE |
Indrek Tarand |
|
2 |
- |
|
ENF |
André Elissen |
|
Verts/ALE |
Jordi Solé |
|
2 |
0 |
|
ENF |
Marco Zanni |
|
GUE/NGL |
Xabier Benito Ziluaga |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni