RAPPORT dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-qtugħ tas-sorsi ta' dħul għall-ġiħadisti - nindirizzaw il-finanzjament tat-terroriżmu

26.2.2018 - (2017/2203(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Javier Nart


Proċedura : 2017/2203(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0035/2018
Testi mressqa :
A8-0035/2018
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-qtugħ tas-sorsi ta' dħul għall-ġiħadisti - nindirizzaw il-finanzjament tat-terroriżmu

(2017/2203(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu tal-1999,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul[1] u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh[2],

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2013 tas-7 ta' Lulju 2003 dwar ċerti ristrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2465/96[3],

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali kontra t-Terroriżmu tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjonijiet 1267 (1999), 1373 (2001), 1989 (2011), 2133 (2014), 2199 (2015), 2253 (2015) u 2368 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE[4],

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li temenda d-Direttiva 2009/101/KE tal-5 ta' Lulju 2016 (COM/2016/0450),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Manama dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, tat-9 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dokument tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) dwar l-Aħjar Prattiki dwar Sanzjonijiet Finanzjarji Mmirati relatati mat-Terroriżmu u l-Finanzjament tat-Terroriżmu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Ottubru 2014 tal-FATF dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tal-ISIL u r-rapport tal-istess Task force, ta' Frar 2015, dwar il-Finanzjament tal-Organizzazzjoni Terroristika Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante (ISIL),

–  wara li kkunsidra l-ħdax-il Rapport ta' Progress tal-Unjoni tas-Sigurtà, ippubblikat mill-Kummissjoni fit-18 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Addendum tal-Memorandum tal-Alġier dwar Prattiki Tajbin fil-Prevenzjoni u ċ-Ċaħda tal-Benefiċċji tal-Ħtif tal-Persuni għal Riskatt mit-Terroristi, tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu (GCTF), ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Taormina tal-G7 tas-26 ta' Mejju 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti,

–  wara li kkunsidra l-Kumitat Speċjali dwar it-Terroriżmu, li għadu kemm ġie stabbilit,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/827 tat-28 ta' Mejju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja[5],

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni ta' Frar 2016 għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE fl-2017 (TE-SAT),

–  wara li kkunsidra rapport tas-26 ta' Ġunju 2017 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati ma' attivitajiet transfruntiera (COM(2017)0340),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI[6],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI[7],

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2017 dwar l-importazzjoni ta' beni kulturali (COM(2017)0375),

–  wara li kkunsidra d-disa' Rapport ta' Progress tal-Unjoni tas-Sigurtà, ippubblikat mill-Kummissjoni fis-27 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tat-18 ta' Ottubru 2017 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Il-ħdax-il rapport dwar il-progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina" (COM(2017)0608),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0035/2018),

A.  billi wieħed mill-elementi ewlenin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu huwa l-qtugħ tas-sorsi ta' finanzjament tiegħu, fosthom permezz taċ-ċirkwiti moħbija ta' frodi u evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u r-rifuġji fiskali;

B.  billi xi finanzjament jista' jiġi minn pajjiżi Ewropej biex jintuża xi mkien ieħor mill-organizzazzjonijiet terroristiċi, filwaqt li finanzjament ieħor jiġi minn barra l-Ewropa, sabiex jiffinanzja r-radikalizzazzjoni u l-atti terroristiċi veri u proprji; billi d-dimensjonijiet esterna u interna tal-ġlieda kontra t-terroriżmu huma interrelatati, billi l-qtugħ tas-sorsi ta' finanzjament tat-terroriżmu għandu jkun parti minn strateġija usa' tal-UE li tintegra d-dimensjonijiet esterna kif ukoll interna tas-sigurtà;

C.  billi n-netwerks moderni ta' komunikazzjoni, u l-finanzjament kollettiv (crowdfunding) b'mod partikolari, urew li huma mezz irħis u effiċjenti biex jiġu ġġenerati fondi għall-finanzjament ta' attivitajiet terroristiċi jew il-ġestjoni tan-netwerk ġiħadista; billi l-gruppi terroristiċi kienu kaġaċi jiġbru fondi addizzjonali għall-attivitajiet tagħhom permezz tal-"phishing", is-serq tal-identità u x-xiri ta' dettalji tal-karti tal-kreditu misruqa minn forua online;

D.  billi dan il-finanzjament jista' jintuża bi tliet modi: għal attakki terroristiċi li jeħtieġu finanzjament fuq skala kbira; għal attakki oħra li, minkejja li l-effetti tagħhom ikunu daqstant brutali, jirrikjedu ammonti iżgħar ta' flus; u għall-finanzjament ta' propaganda li tista' tnebbaħ attakki minn "lupu solitarju" li jistgħu jsiru anke b'ammont ċkejkejn ta' flus u bi ftit ppjanar minn qabel; billi r-rispons jeħtieġ li jkun effettiv fl-indirizzar ta' kull sitwazzjoni;

E.  billi finanzjament minn għejun legali jista' jiġi mgħoddi minn min jirċevih lil partijiet terzi, individwi, gruppi, kumpaniji jew entitajiet b'rabtiet ma' attivitajiet terroristiċi;

F.  billi minħabba li t-terroriżmu hu reat globali, ir-rispons effettiv għalih irid ukoll ikun globali u olistiku, b'koordinament bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi u l-organi ġudizzjarji, waqt li l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti dwar persuni fiżiċi u ġuridiċi u dwar attività suspetta huwa assolutament essenzjali, meta niftakru li l-protezzjoni tad-data personali u r-rispett għall-privatezza huma drittijiet fundamentali importanti;

G.  billi, bħala riżultat ta' leaks ta' data f'dawn l-aħħar snin, żiedet b'mod konsiderevoli s-sensibilizzazzjoni dwar ir-rabtiet bejn il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa minn naħa waħda u l-kriminalità organizzata u l-finanzjament tat-terroriżmu min-naħa l-oħra, u billi dawn il-kwistjonijiet saru punt fokali ewlieni ta' tħassib politiku internazzjonali; billi, kif rikonoxxut mill-Kummissjoni, rapporti reċenti fil-midja wrew li teżisti rabta bejn il-frodi fuq skala kbira tal-VAT u tas-sisa u l-kriminalità organizzata, inkluż it-terroriżmu[8];

H.  billi l-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri kważi kollha kkriminalizzaw l-finanzjament tat-terroriżmu bħala reat għalih waħdu;

I.  billi d-data finanzjarja hija għodda importanti għall-ġbir tal-intelligence sabiex jiġu analizzati n-netwerks terroristiċi u l-aħjar modi biex jiġu sfrattati l-attivitajiet tagħhom; billi teżisti ħtieġa li għadha għaddejja ta' infurzar adegwat tal-leġiżlazzjoni għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; billi huma meħtieġa strateġiji komprensivi u preventivi msejsa fuq l-iskambju ta' informazzjoni bażika u kooperazzjoni mtejba bejn l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja, l-aġenziji tal-intelligence u l-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi involuti fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; billi din l-informazzjoni għandha tkopri x-xejriet li qed jevolvu fil-qasam tal-finanzi internazzjonali bħalma huma Bitmap, il-kodifikazzjoni SWIFT, il-kriptovaluti u l-mekkaniżmi regolatorji korrispondenti; billi l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell dinji trid tinvolvi standards dinjija ta' trasparenza rigward is-sidien benefiċjarji aħħarin tal-entitajiet korporattivi, trusts u arranġamenti simili, sabiex jinxteħet dawl fuq l-opaċità finanzjarja, li tiffaċilita l-ħasil ta' rikavat minn attivitajiet kriminali u l-finanzjament ta' organizzazzjonijiet u atturi terroristiċi;

J.  billi teżisti ħtieġa ta' pjattaforma Ewropea formalizzata fi ħdan l-istrutturi eżistenti – li s'issa eżistiet biss fuq bażi informali – għaċ-ċentralizzazzjoni tal-ġbir tal-informazzjoni, li bħalissa hija mifruxa fuq 28 Stat Membru, u li permezz tagħha l-Istati Membri jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar il-livelli tagħhom ta' impenn u ta' progress fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; billi dan l-iskambju ta' informazzjoni għandu jkun proattiv;

K.  billi għadd ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mingħajr skop ta' lukru, organizzazzjonijiet karitattivi, fondazzjonijiet, netwerks u donaturi privati, li għandhom jew li jaffermaw li għandhom għanijiet soċjali jew kulturali, poġġew is-sisien għall-kapaċitajiet finanzjarji tal-ISIS/Da'esh, Al-Qaeda u organizzazzjonijiet ġiħadisti oħrajn, u jaġixxi bħala paraventu għal prattiki abbużivi; billi għaldaqstat, is-sorveljanza u l-ġbir ta' intelligence dwar dawn l-organizzazzjonijiet, il-finanzjaturi tagħhom, l-attivitajiet tagħhom u r-rabtiet tagħhom ma' atturi fl-UE, li sikwit huma estensivi, huma essenzjali; billi l-appoġġ tagħhom għall-espansjoni tar-radikaliżmu ġiħadista fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani, fl-Asja u fl-Ewropa għandu jitwaqqaf; billi din l-espansjoni fil-fruntieri tal-UE u fil-pajjiżi ġirien u sħab tagħna hija partikolarment allarmanti; billi l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF f'dawn l-oqsma min-naħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) u tal-Istati Membri tiegħu hija ta' importanza kruċjali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu dinji;

L.  billi n-netwerk dinji tal-ġbir ta' fondi ta' Al-Qaeda huwa mibni fuq donazzjonijiet lil organizzazzjonijiet karitattivi u NGOs, li jikkomunikaw mad-donaturi permezz tal-midja soċjali u fora online; billi l-kontijiet intużaw ukoll biex jintalbu donazzjonijiet mingħand is-sostenituri tal-kawża tal-ġiħad; billi f'dawn l-aħħar snin ġew żviluppati diversi applikazzjonijiet tal-ismartphones minn organizzazzjonijiet terroristiċi biex jimmassimizzaw l-ilħuq u jinkoraġġixxu donazzjonijiet mingħand is-sostenituri, li ħafna minnhom jinsabu fil-pajjiżi tal-Golf;

M.  billi l-mikrostati u l-istati bi preċedenti medjokri fir-rigward tal-istat tad-dritt huma partikolarment vulnerabbli u f'riskju li jsiru punti ċentrali għall-finanzjament tat-terroriżmu;

N.  billi l-intelligence tissuġġerixxi li istituzzjonijiet u individwi fil-Golf qed jipprovdu appoġġ finanzjarju u loġistiku lill-ISIS/Da'esh, lil Al-Qaeda u lil gruppi radikali oħra; billi mingħajr dan il-finanzjament ħafna minn dawn il-gruppi terroristiċi ma jkunux awtosuffiċjenti;

O.  billi l-ISIS/Da'esh u Al-Qaeda saru finanzjarjament awtosuffiċjenti; billi l-ISIS/Da'esh u Al-Qaeda qed jippruvaw jgħaddu flushom lejn is-Sirja u l-Iraq permezz tal-esportazzjonijiet taż-żejt u l-investiment fin-negozji, fosthom permezz kurrieri tal-flus u professjonali, trasferimenti illegali tal-fondi u servizzi tal-flus u professjonali; billi l-ISIS/Da'esh u Al-Qaeda qed jaħslu r-rikavat mill-attivitajiet kriminali tagħhom billi jixtru kull xorta ta' impriżi u assi; billi l-ISIS/Da'esh u Al-Qaeda qegħdin ukoll jaħslu r-rikavat minn antikitajiet misruqa u kkuntrabandaw opri tal-arti u artefatti billi bigħuhom barra minn pajjiżhom, fosthom fi swieq fl-Istati Membri; billi l-kummerċ illeċitu f'beni, armi tan-nar, żejt, drogi, sigaretti u oġġetti kulturali, fost affarijiet oħra, kif ukoll it-traffikar tal-bnedmin, l-iskjavitù, l-isfruttament tat-tfal, ir-racketeering u l-estorsjoni, saru mezzi li jiffinanzjaw il-gruppi terroristiċi; billi r-rabtiet bejn il-kriminalità organizzata u l-gruppi terroristiċi, li kulma jmur qed ikomplu jiżdiedu, jikkostitwixxu theddida dejjem tikber għas-sigurtà tal-Unjoni; billi dawn is-sorsi jistgħu jippermettu lill-ISIS/Da'esh u lil Al-Qaeda jkomplu jiffinanzjaw atti kriminali fil-ġejjieni wara l-kollass territorjali tagħhom fis-Sirja u fl-Iraq;

P.  billi ġiet stabbilita projbizzjoni internazzjonali tar-riskatti, permezz ta' sensiela ta' impenji internazzjonali mirfuda b'riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u b'liġijiet nazzjonali; billi fil-prattika, il-projbizzjoni tan-NU jonqosha l-appoġġ ta' firmatarji ewlenin li jagħtu prijorità lill-preservazzjoni immedjata tal-ħajja aktar milli lill-impenji tagħhom kontra t-terroriżmu, u b'hekk involontarjament jiffinanzjaw lill-organizzazzjonijiet terroristiċi;

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGĦ):

(a)  jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw il-qtugħ tas-sorsi ta' finanzjament ta' netwerks terroristiċi bħala prijorità ewlenija, peress dan jikkostitwixxi għodda effettiva li tostakola l-effikaċja ta' dawn in-netwerks; hu tal-fehma li l-istrateġiji ta' prevenzjoni bbażati fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika u l-iskambju ta' informazzjoni suspetta u rilevanti fost l-aġenziji tal-intelligence huma fundamentali fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u, b'mod aktar ġenerali, l-attakki terroristiċi; jistieden lill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Membri, għaldaqstant, biex itejbu l-koordinament u l-kooperazzjoni permezz tat-twaqqif ta' pjattaforma stabbli Ewropea ta' intelligence finanzjarja għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, fil-qafas ta' strutturi eżistenti (eż. l-Europol) sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' aġenzija oħra, b'enfasi profonda fuq l-iskambju proattiv ta' informazzjoni dwar l-appoġġ finanzjarju għal netwerks terroristiċi; iqis li dan it-tip ta' pjattaforma toħloq bażi ta' data komuni għad-data dwar persuni fiżiċi u ġuridiċi u dwar tranżazzjonijiet suspetti; jenfasizza li data b'valur għoli miġbura minn kwalunkwe aġenzija tas-sigurtà nazzjonali għandha tiġi trażmessa rapidament fil-waqt li fih tiġi rreġistrata fuq is-sistema ċentrali, li għandha tingħata l-permess li tinkludu informazzjoni dwar persuni li mhumiex ċittadini tal-UE, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-impatti possibbli fuq id-drittijiet fundamentali u b'mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u l-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop; jenfasizza li din il-lista jeħtieġ li tinkludi, fost l-oħrajn, direttorju ta' banek, istituzzjonijiet finanzjarji u entitajiet kummerċjali fl-Ewropa u barra minnha, kif ukoll pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; jistieden lill-Kummissjoni tħejji tali direttorju malajr kemm jista' jkun, fuq il-bażi ta' kriterji u analiżi proprji skont id-Direttiva (UE) 2015/849; itenni li dawk li b'mod dirett jew indirett iwettqu, jorganizzaw jew jappoġġaw atti terroristiċi jeħtieġ li jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;

(b)  jistieden lill-pajjiżi Ewropej, kemm l-Istati Membri tal-UE kif ukoll il-pajjiżi terzi, jiffinanzjaw il-programmi ta' kondiviżjoni tal-prattiki tajba bejn is-servizzi tal-intelligence tagħhom, inkluż f'dawk li huma l-investigazzjoni u l-analiżi tat-terroristi u tal-metodi użati mill-organizzazzjonijiet terroristiċi fir-reklutaġġ u fit-trasferiment tal-finanzjament tat-terroriżmu; jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' valutazzjonijiet tat-theddid pubbliku fuq bażi trimestrali li jgħaqqdu l-intelligence u l-informazzjoni li jiġbru l-Europol u ċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN); jistieden lill-Istati Membri jiżguraw biżżejjed finanzjament u riżorsi umani għall-aġenziji tal-intelligence;

(c)  jissottolinja, bħalma tenniet it-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF), li żviluppat strateġija għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, kemm hu importanti li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni titjieb u ssir b'aktar ħeffa, bejn l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja, il-forzi tas-sigurtà u l-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi u dawk tal-intelligence fi ħdan il-ġurisdizzjonijiet tagħhom stess, bejn id-diversi ġurisdizzjonijiet kif ukoll fis-settur privat, b'mod partikolari dak bankarju;

(d)  jilqa' pożittivament l-impenn tal-GCC mal-FATF; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkoraġġixxu b'mod attiv lis-sħab tal-UE, partikolarment il-GCC u l-Istati Membri tiegħu, jimplimentaw għalkollox ir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF bil-għan li jkunu indirizzati n-nuqqasijiet fl-oqsma tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terrożimu kif ukoll joffru assistenza teknika biex isir progress f'dawn l-oqsma;

(e)  jistieden lill-VP/RGħ tappoġġa l-isforzi tal-FATF u tagħti prijorità lill-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, partikolarment billi tidentifika, f'kollaborazzjoni ma' Stati Membri tan-NU li għandhom nuqqasijiet fuq il-livell strateġiku fl-ambitu tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(f)  jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Europol u s-sħab strateġiċi l-aktar importanti tal-UE li jiżvolġu rwol fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell dinji; jemmen li kooperazzjoni aktar mill-qrib tkun tippermetti aktar effikaċja fil-prevenzjoni, fl-identifikazzjoni u fir-risposti biex jingħelbu ċ-ċentri finanzjarji tat-terroriżmu; jistieden lill-Istati Membri jużaw aħjar in-netwerk informali ta' Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIU.net), abbażi tal-ħidma mwettqa mill-Europol, permezz tal-implimentazzjoni tal-ħames Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u bis-saħħa tal-adozzjoni ta' miżuri regolatorji biex ikunu indirizzati kwistjonijiet oħra li ġejjin mill-istatus u mill-kompetenzi diverġenti tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, partikolarment biex ikunu faċilitati l-koordinament u l-iskambju ta' informazzjoni kemm bejniethom kif ukoll bejnhom u bejn l-awtoritajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi, bl-għan li din l-informazzjoni tkun kondiviża mal-Pjattaforma tal-Intelligence Antiterroristika Ewropea;

(g)  ifakkar li djalogu politiku msaħħaħ, aktar assistenza finanzjarja u sostenn lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet kontra t-terroriżmu tas-sħab tal-UE li jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom importanza enormi;

(h)  jistieden lill-Istati Membri tal-UE jissorveljaw aħjar l-attivitajiet finanzjarji ta' organizzazzjonijiet suspetti involuti f'dan it-tip ta' attivitajiet, bħall-kummerċ illeċitu, il-kuntrabandu, il-falsifikazzjoni u l-prattiki frawdolenti, permezz tal-ħolqien ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunta mal-Europol u jiffaċilitaw l-aċċess lill-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi għat-tranżazzjonijiet suspetti, filwaqt li fl-istess ħin iqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità u d-dritt għall-privatezza; jistieden lill-Istati Membri biex għal dan l-għan iżidu t-taħriġ u l-ispeċjalizzazzjoni tal-investigaturi; jistieden lill-Kummissjoni ssostni u tiffinanzja adegwatament l-iżvilupp ta' programmi ta' taħriġ għall-awtoritajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi u għall-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri;

(i)  jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprovdu rapport annwali dwar il-progress li jkun sar u dwar il-miżuri meħuda fil-qasam tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u, partikolarment, dwar l-isforzi li saru biex ikunu ostakolat il-finanzjament tal-ISIS/Da'esh u ta' Al-Qaeda; ifakkar li ċerti Stati Membri jinvestu aktar minn oħrajn fil-qasam tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u li, għalhekk, l-aħjar risposta tkun li tiżdied il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, partikolarment rigward l-effikaċja tal-miżuri diġà attwati;

(j)  jilqa' favorevolment il-proposta tal-Kummissjoni li toħloq reġistri tal-kontijiet bankarji u tiffaċilita l-aċċess għal dawn ir-reġistri lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn involuti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; josserva li l-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi inizjattiva biex twessa' l-aċċess tal-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi għal dawn ir-reġistri; jissottolinja l-bżonn li jiġu rispettati r-regoli dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-iskambju ta' informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji, partikolarment fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli;

(k)  jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex il-banek ikunu jistgħu jissorveljaw mill-qrib il-karti ta' debitu mħallsa minn qabel b'tali mod li jkun żgurat li l-flus li jitpoġġew fuqhom jitpoġġew biss permezz ta' trasferimenti bankarji u kontijiet identifikabbli; jisħaq fuq l-importanza ta' katina ta' attribuzzjoni li tippermetti lis-servizzi tal-intelligence jiddeterminaw jekk jeżistix riskju serju li tranżazzjoni tintuża għal atti terroristiċi jew reati gravi oħrajn; jistieden barra minn hekk lill-Istati Membri jieħdu l-provvedimenti neċessarji biex jiffaċilitaw bis-sħiħ il-ftuħ ta' kont bankarju min-naħa ta' dawk kollha li jkunu preżenti fit-territorju tagħhom;

(l)  jisħaq fuq il-bżonn li tieqaf kull forma ta' rifuġju fiskali li tiffaċilita l-ħasil tal-flus, l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, li tista' tiżvolġi rwol fundamentali fil-finanzjament tan-netwerks terroristiċi; jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jiġġieldu l-evażjoni tat-taxxa u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi u timplimenta miżuri għal sorveljanza stretta tal-flussi finanzjarji u tar-rifuġji fiskali;

(m)  jieħu nota tas-suċċess tal-kooperazzjoni mal-Istati Uniti u ma' sħab oħrajn u s-siwi tal-informazzjoni miksuba permezz tal-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-kondivizjoni tal-informazzjoni tat-"Terrorism Financing Tracking Program" (TFTP) tal-Istati Uniti; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita sistema Ewropea f'dan l-ambitu, li tikkomplementa l-qafas attwali u tindirizza l-lakuni attwali, speċjalment fir-rigward tas-SEPA, filwaqt li jitqies il-bilanċ bejn is-sigurtà u l-libertajiet individwali; ifakkar li l-istandards Ewropej tal-privatezza tad-data jkunu applikabbli għal din is-sistema intra-Ewropea;

(n)  jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri, b'kooperazzjoni mal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, ifasslu lista tal-individwi u tal-entitajiet li joperaw f'reġimi ftit trasparenti u b'rati għoljin ta' tranżazzjonijiet finanzjarji suspetti, fejn ikun hemm provi li l-awtoritajiet kompetenti naqsu milli jintervjenu, partikolarment jekk huma affiljati mar-radikaliżmu ġiħadista; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jieħdu kont tal-involviment ta' pajjiż fil-finanzjament tat-terroriżmu fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pajjiż ikkonċernat;

(o)  jistieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jsaħħaħ l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet selettivi u miżuri restrittivi oħra kontra l-individwi u l-entitajiet kollha li jqiegħdu għad-dispożizzjoni, bi kwalunkwe mod, riżorsi ekonomiċi għall-ISIS/Da'esh, Al-Qaeda u gruppi ġiħadisti oħra; jitlob l-iffriżar tal-fondi u tal-assi finanzjarji jew tar-riżorsi ekonomiċi l-oħra ta' dawn l-individwi, il-gruppi, l-impriżi u l-entitajiet (inklużi l-fondi derivati minn beni ta' proprjetà tagħhom jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minnhom jew mill-persuni li jaġixxu għalihom jew skont l-istruzzjonijiet tagħhom); jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU inkarigat li jissorvelja l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet; josserva li l-Istati Membri kollha huma obbligati, skont ir-riżoluzzjoni 2253(2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jaġixxu malajr biex jimblukkaw fondi jew assi finanzjarji tal-ISIS/Da'esh, Al-Qaeda u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom; jistieden lill-VP/RGħ tappoġġa l-appell tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU lill-Istati Membri tan-NU biex jaġixxu b'mod vigoruż u deċiż biex jaqtgħu il-fluss ta' fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħrajn lejn individwi u entitajiet preżenti fil-lista tas-sanzjonijiet kontra l-ISIS/Da'esh u Al-Qaeda;

(p)  jistieden lill-Istati Membri tal-UE jistabbilixxu sistema ta' monitoraġġ u awtorizzazzjoni biex jiżguraw li l-postijiet ta' qima u ta' edukazzjoni, l-istituzzjonijiet, iċ-ċentri, l-organizzazzjonijiet karitattivi, l-assoċjazzjonijiet kulturali u l-entitajiet simili, jindikaw fid-dettall, fejn ikun hemm is-suspett raġonevoli li għandhom rabtiet ma' gruppi terroristiċi, mingħand min jirċievu l-fondi u l-mod kif l-fondi li jirċievu jitqassmu, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll barra minnha, kif ukoll iċ-ċentralizzazzjoni ta' bażi ta' data, stabbilita bil-garanziji kollha xierqa, tat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa minn dawk li jibagħtu l-fondi; jitlob li jiġi implimentat sorveljanza obbligatorja minn qabel tal-oriġini tal-flus u tad-destinazzjoni tagħhom fil-każ tal-organizzazzjonijiet karitattivi, fejn ikun hemm motivi raġonevoli ta' suspett ta' rabtiet mat-terroriżmu, biex tiġi evitata d-distribuzzjoni b'mod doluż jew negliġenti b'finijiet terroristiċi; iħeġġeġ li dawn il-miżuri kollha jittieħdu fl-ambitu ta' programmi speċifiċi maħsuba biex jikkumbattu l-Iżlamofobija, bil-għan li tkun evitata żieda tar-reati ta' mibegħda kif ukoll attakki kontra Musulmani jew kwalunkwe attakk ieħor ta' natura razzista u ksenofoba għal raġunijiet reliġjużi jew etniċi;

(q)  jistieden lill-Istati Membri jiżguraw superviżjoni akbar u jirregolaw il-metodi tradizzjonali ta' trasferiment ta' flus (bħal pereżempju l-hawala jew il-fei ch'ien Ċiniż, fost oħrajn) jew sistemi informali ta' trasferiment ta' valuri, partikolarment permezz tal-proċedura li għaddejja bħalissa għall-adozzjoni ta' regolament dwar il-kontrolli fir-rigward tal-flus deħlin fl-Unjoni u ħerġin minnha (2016/0413(COD)), biex għall-aġenti li jwettqu tranżazzjonijiet isir obbligatorju jiddikjaraw lill-awtoritajiet kompetenti kull tranżazzjoni sinifikanti mwettqa bl-użu ta' dawn is-sistemi u jkun enfasizzat, hija u ssir komunikazzjoni mal-gruppi kkonċernati minn dawn il-miżuri, li l-għan mhuwiex li jitwaqqfu t-trasferimenti informali tradizzjonali ta' flus, iżda li jitwaqqaf it-traffikar li jinvolvi l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu jew il-profitti industrijali/kummerċjali li ġejjin mill-flus maħmuġin; jitlob, f'dan ir-rigward li:

(i)  kull intermedjarju u/jew persuna li jipparteċipaw f'din l-attività (kontrolluri jew sensara, medjaturi jew min jagħmel l-arranġamenti, koordinaturi, min jiġbor il-flus u min jgħaddihom) jeħtieġu li jirreġistraw mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

(ii)  kull tranżazzjoni tiġi dikjarata u dokumentata b'tali mod li jkun faċilitat it-trasferiment tal-informazzjoni, meta mitlub;

(iii) jiġu stabbiliti u imposti penali dissważivi għall-intermedjarji u/jew persuni involuti f'attivitajiet mhux iddikjarati;

(r)  jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-leġiżlazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ aħjar tat-tranżazzjonijiet finanzjarji elettroniċi kollha u l-kumpaniji kollha li joħolqu munita elettronika, inklużi l-intermediarji, bil-għan li tkun evitata t-trasformazzjoni tal-fondi għall-utenti mhux kompletament identifikati, kif jista' jkun il-każ ta' utenti ta' netwerks pubbliċi jew browsers anonimi; jenfasizza, f'dan is-sens, li min isarraf flus kriptati fi flus reali jew viċe versa jeħtieġ ikun obbligat jagħmel dan permezz ta' kont bankarju identifikabbli; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tal-implikazzjonijiet għall-finanzjament tat-terroriżmu tal-attivitajiet ta' logħob elettroniku (e-gaming), muniti virtwali, kriptovaluti, katini ta' blokok ta' tranżazzjonijiet (blockchain) u teknoloġiji FinTech; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri possibbli, anki leġiżlattivi, biex jinħoloq qafas regolatorju għal dawn l-attivitajiet, bil-għan li jiġu limitati l-istrumenti li jiffinanzjaw it-terroriżmu;

(s)  jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu s-sorveljanza tar-regolamentazzjoni u tal-kontroll fuq it-traffikar tad-deheb, tal-ħaġar prezzjuż u tal-metalli prezzjużi, sabiex dawn il-beni ma jintużawx biex jiffinanzjaw l-attivitajiet terroristiċi; jitlob li jinħolqu kriterji maqbula u segwiti mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprojbixxu u jissanzjonaw it-traffiku kummerċjali kollu (esportazzjonijiet u importazzjonijiet) ma' żoni kkontrollati minn ġiħadisti, bl-eċċezzjoni tal-beni għall-għajnuna umanitarja neċessarji għall-popolazzjoni sottomessa; jitlob il-prosekuzzjoni u s-sanzjonijiet minħabba negliġenza jew għemil doluż ta' dawk kollha (persuni fiżiċi jew ġuridiċi) li jipparteċipaw f'dan it-traffikar f'kull forma (xiri, bejgħ, distribuzzjoni jew intermedjazzjoni jew oħrajn); jinnota r-riskju speċifiku li t-terroriżmu jiġi ffinanzjat permezz ta' servizzi ta' trasferiment ta' valur jew ta' flus (MVTS); jistieden lill-Istati Membri jiddefinixxu sħubija u kooperazzjoni msaħħa fost l-aġenti tal-MTVS u l-aġenziji Ewropej inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi u joħorġu linji gwida biex jidentifikaw u jindirizzaw kwalunkwe ostaklu speċifiku li jimpedixxi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar it-trasferimenti ta' flus suspetti;

(t)  jilqa' pożittivament il-proposta għal regolament dwar l-importazzjoni ta' beni kulturali u jisħaq fuq l-importanza tagħha biex tkun indirizzata l-importazzjoni illegali ta' tali beni għall-finanzjament tat-terroriżmu; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi ċertifikat ta' traċċabilità għall-opri tal-arti u għall-antikitajiet li jidħlu fis-suq tal-UE, speċjalment l-oġġetti li joriġinaw minn territorji jew postijiet ikkontrollati minn kwalunkwe attur mhux statali armat kif ukoll minn organizzazzjonijiet, gruppi jew individwi preżenti fil-lista tal-UE tal-organizzazzjonijiet terroristiċi; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-kooperazzjoni tagħha ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU, l-UNESCO, l-Interpol, l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana u l-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet, biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar ta' beni kulturali użat biex jiffinanzja t-terroriżmu; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw unitajiet tal-pulizija li jispeċjalizzaw fit-traffikar ta' beni kulturali u jiżguraw il-koordinament fost dawn l-unitajiet fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jobbligaw lill-impriżi li jinnegozjaw l-opri tal-arti biex jiddikjaraw it-tranżazzjonijiet suspetti u jimponu fuq is-sidien tal-impriżi li jinnegozjaw l-opri tal-arti u l-antikitajiet involuti fit-traffikar ta' dan it-tip ta' beni sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u dissważivi, anki kriminali, jekk ikun il-każ, minħabba finanzjament tat-terroriżmu b'negliġenza; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sostenn favur il-pajjiżi terzi, b'mod partikolari dawk ġirien, fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra l-kriminalità u t-traffikar bħala għejun ta' finanzjament tat-terroriżmu;

(u)  jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex titjieb it-trasparenza tal-oriġini, tat-trasport u tas-senserija tal-materja prima bażika, partikolarment il-prodotti petrokimiċi, biex issaħħaħ it-traċċabilità u twaqqaf il-finanzjament mhux intenzjonat tal-organizzazzjonijiet terroristiċi;

(v)  jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibilità li tirriformula r-regolamenti u d-direttivi rilevanti bl-għan li l-entitajiet finanzjarji jkollhom jitolbu informazzjoni dwar ir-raġuni għalfejn isiru tranżazzjonijiet suspetti ta' ammonti żgħar u kbar ta' flus, biex jiġi kkontrollat il-ħlas ta' riskatt lill-organizzazzjonijiet terroristiċi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri preventivi mmirati lejn l-operaturi ekonomiċi preżenti f'żoni f'riskju, biex jgħinuhom ikomplu l-attivitajiet tagħhom;

(w)  jistieden lill-SEAE jinnomina speċjalista tal-intelligence finanzjarja fil-missjoni PSDK il-ġdida fl-Iraq, biex jagħti appoġġ lill-gvern ta' dan il-pajjiż ħalli jimpedixxi li l-assi tal-ISIS/Da'esh u ta' Al-Qaeda jinħarġu mill-pajjiż, kif ukoll biex jassisti lill-awtoritajiet tal-Iraq fl-iżvilupp ta' programmi biex jiġi miġġieled il-ħasil tal-flus;

(x)  jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fl-ambitu tad-djalogi ma' pajjiżi terzi sħab dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija u fuq l-iskambju ta' data u prattiki tajba, biex jissaħħu s-sinerġiji f'livell dinji fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(y)  jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' netwerk ta' esperti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fid-delegazzjonijiet tal-UE; jitlob li dan in-netwerk jissaħħaħ u jiġi estiż għal aktar reġjuni, b'mod partikolari l-Qarn tal-Afrika (u x-Xlokk tal-Asja); jisħaq fuq l-importanza li jiddaħħlu objettivi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-mandati tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet PSDK tal-UE, b'mod partikolari fil-Libja, fis-Saħel, fil-Qarn tal-Afrika u fil-Lvant Nofsani; iħeġġeġ lill-SEAE jinnomina espert tal-intelligence finanzjarja fil-missjonijiet PSDK fil-pajjiżi f'riskju li jsiru ċentri għat-terroristi ("terrorist hubs") u fir-reġjun tas-Saħel, u biex jiżviluppa, b'mod effikaċi, kooperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet lokali;

(z)  jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi sħab jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu tal-1999, li tiddefinixxi għadd ta' prinċipji u standards għall-qerda tal-finanzjament tat-terroriżmu, u jimplimentawha b'mod effikaċi;

(aa)  jisħaq fuq il-fatt li huwa essenzjali li jiġu indirizzati u jitnaqqsu l-problemi soċjoekonomiċi, jitrawmu Stati sostenibbli u jkun garantit ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li tonqos l-art fertili biex jikbru l-ISIS/Da'esh, Al-Qaeda u gruppi ġiħadisti oħrajn, anki rigward il-kapaċitajiet tagħhom f'termini ta' awtonomija finanzjarja;

(ab)  iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lis-SEAE jsaħħu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi li fihom jinżamm ir-rikavat mit-traffikar tad-droga, mit-traffikar tal-bnedmin u mit-traffikar ta' beni u mal-pajjiżi tal-oriġini tas-sigaretti tal-kuntrabandu, sabiex ikunu jistgħu jiġu ssekwestrati;

(ac)  iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lis-SEAE jmexxu 'l quddiem, fil-fora internazzjonali, inizjattivi biex tiżdied it-trasparenza tas-sjieda tal-impriżi, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' reġistri pubbliċi tal-persuni ġuridiċi, inklużi l-kumpaniji, it-trusts u l-fondazzjonijiet, u ta' reġistru ċentrali tal-kontijiet bankarji, tal-istrumenti finanzjarji, tal-proprjetà immobiljari, tal-kuntratti ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja u ta' assi rilevanti oħrajn li jistgħu jintużaw b'mod abbużiv għall-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu;

(ad)  jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistabbilixxu u jimplimentaw mekkaniżmu annwali ta' riferiment għar-rapportar lill-Parlament tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(ae)  iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lis-SEAE jsostnu lis-sħab barranin tagħna fl-isforzi interni tagħhom biex jimblukkaw il-flussi finanzjarji tal-individwi lill-organizzazzjonijiet issuspettati li jagħtu għajnuna u riżorsi lit-terroristi;

(af)  iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw malajr il-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tal-VAT, ħalli l-organizzazzjonijiet kriminali ma jitħallewx jisfruttaw il-lakuni tas-sistema Ewropea tal-VAT biex jiffinanzjaw it-terroriżmu u attivitajiet kriminali oħrajn;

(ag)  jilqa' favorevolment il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska;

(ah)  itenni li jrid jibqa' prijorità assoluta tal-aġenda tas-sigurtà u d-difiża l-fatt li naffrontaw u nirbħu lill-ISIS/Da'esh, lil Al Qaeda u lil gruppi ġiħadisti oħrajn, mil-lat finanzjarju, militari kif ukoll ideoloġiku; jistieden lis-SEAE tagħmel l-isforzi diplomatiċi kollha possibbli mal-Istati tar-reġjun biex tisħaq fuq dan l-interess komuni kemm għall-UE kif ukoll għall-atturi reġjonali;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin ul-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.

  • [1]  Testi adottati, P8_TA(2016)0422.
  • [2]  Testi adottati, P8_TA(2015)0179.
  • [3]  ĠU L 169, 8.7.2003, p. 6.
  • [4]  ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
  • [5]  ĠU L 132, 29.5.2015, p. 1.
  • [6]  ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.
  • [7]  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
  • [8]  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-17-3441_mt.htm;https://www.euractiv.com/section/economy-jobs/news/eu-targets-terror-financing-with-vat-fraud-crackdown/

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

55

1

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Klaus Buchner, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Wajid Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Andrejs Mamikins, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Alyn Smith, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Hilde Vautmans, Anders Primdahl Vistisen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Neena Gill, Rebecca Harms, Patricia Lalonde, Peter Liese, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Renate Sommer, Bodil Valero, Janusz Zemke

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

55

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Iveta Grigule-Pēterse, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Javier Nart, Jozo Radoš, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans

ECR

Charles Tannock, Anders Primdahl Vistisen

ENF

Mario Borghezio

PPE

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Peter Liese, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Renate Sommer, László Tőkés, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica

S&D

Nikos Androulakis, Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Neena Gill, Wajid Khan, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Elena Valenciano, Janusz Zemke

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Rebecca Harms, Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Jordi Solé, Bodil Valero

1

-

NI

Georgios Epitideios

5

0

ECR

Amjad Bashir

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sofia Sakorafa, Miguel Urbán Crespo

NI

Janusz Korwin-Mikke

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Frar 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza