RAPPORT dwar ir-reġjuni li għadhom lura fl-UE

27.2.2018 - (2017/2208(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Michela Giuffrida


Proċedura : 2017/2208(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0046/2018
Testi mressqa :
A8-0046/2018
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-reġjuni li għadhom lura fl-UE

(2017/2208(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 174, 175 u 176 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006[1],

  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea[2],

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (COM(2015)0639),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar effetti tar-restrizzjonijiet baġitarji għall-awtoritajiet reġjonali u lokali rigward in-nefqa tal-Fondi Strutturali tal-UE fl-Istati Membri[3],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni[4],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta'Frar 2017 dwar l-investiment fl-impjiegi u fit-tkabbir – il-massimizzazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tas-CPR[5],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar iż-żieda fl-involviment tas-sħab u l-viżibilità fil-prestazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej[6],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-elementi fundamentali għal politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020[7],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE[8],

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-10 ta' April 2017 bit-titolu "Competitiveness in low-income and low-growth regions: the lagging regions report" (Il-Kompetittività fir-reġjuni b'introjtu baxx u bi tkabbir baxx: ir-rapport dwar ir-reġjuni li għadhom lura (SWD(2017)0132),

–  wara li kkunsidra l-kundizzjonalitajiet ex ante għal strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti,

–  wara li kkunsidra s-seba' rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, ippubblikat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Ottubru 2017,

  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0046/2018),

A.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja li ilha tippersisti fl-UE kellha impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku fil-livell reġjonali, għalkemm il-politika ta' koeżjoni kkontribwiet għal madwar terz tal-baġit tal-UE għat-tkabbir u għall-impjiegi u din tnaqqas id-disparitajiet bejn ir-reġjuni tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, u fil-qafas tas-Semestru Ewropew, tagħti ħarsa lejn il-kofinanzjament reġjonali u nazzjonali taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) u l-impatt tiegħu fuq id-defiċits nazzjonali;

B.  billi l-politika ta' koeżjoni – implimentata permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK) – hija l-politika ewlenija tal-UE dwar l-investiment, it-tkabbir u l-iżvilupp, hija allinjata mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u għandha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali bejn ir-reġjuni, tippromwovi l-konverġenza u fl-aħħar mill-aħħar itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej;

C.  billi l-FEŻR, il-FSE u l-FK għandhom bħala objettiv prinċipali għall-perjodu 2014-2020 l-investimenti favur it-tkabbir u l-impjiegi bil-ħsieb li jsaħħu s-suq tax-xogħol, l-ekonomiji reġjonali u l-kooperazzjoni reġjonali Ewropea, itejbu l-kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali fi ħdan l-Unjoni u fl-aħħar mill-aħħar inaqqsu d-disparitajiet fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni individwali tal-Ewropa;

D.  billi, skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-reġjuni li għadhom lura, 47 reġjun fi tmien Stati Membri għadhom lura; billi r-rapport jista' jwassal għal fehim aħjar tal-kumplessità tal-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni li għadhom lura, u għalhekk għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;

E.  billi l-politika ta' koeżjoni għandha rwol importanti fir-reġjuni li għadhom lura u fil-maġġoranza tagħhom tirrappreżenta sehem għoli ħafna ta' investiment pubbliku;

F.  billi r-reġjuni li għadhom lura għandhom rati ta' produttività, impjieg u attendenza skolastika aktar baxxi meta mqabbla ma' reġjuni oħrajn fl-istess Stat Membru;

G.  billi r-rapport tal-Kummissjoni jiddistingwi bejn żewġ tipi ta' reġjuni li għadhom lura: "reġjuni bi tkabbir baxx" – reġjuni inqas żviluppati u fi tranżizzjoni li ma laħqux il-medja tal-UE bejn l-2000 u l-2013 fi Stati Membri bi PDG per capita skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist (PPS) inqas mill-medja tal-UE fl-2013, li jinkludu kważi r-reġjuni kollha inqas żviluppati u fi tranżizzjoni fil-Greċja, Spanja, l-Italja u l-Portugal; u "reġjuni b'introjtu baxx" – ir-reġjuni kollha bi PDG per capita f'PPS inqas minn 50 % tal-medja tal-UE fl-2013, li jinkludu diversi reġjuni inqas żviluppati fil-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja u r-Rumanija;

H.  billi r-reġjuni bi tkabbir baxx isofru minn staġnar ekonomiku, li ġej, b'mod partikolari, minn tnaqqis f'investimenti pubbliċi u privati, mhux bħal fil-każ tar-reġjuni b'introjtu baxx li ġeneralment iżommu l-potenzjal tagħhom ta' żvilupp;

I.  billi r-reġjuni li għadhom lura jsofru aktar mill-oħrajn mill-iskarsità ta' investimenti pubbliċi u privati u dan huwa anki minħabba n-neċessità li jiġu rispettati l-obbligi ta' tnaqqis tad-dejn pubbliku imposti mill-Patt ta' Stabbiltà;

J.  billi r-reġjuni li għadhom lura ta' spiss huma kkaratterizzati minn nuqqas ta' riformi strutturali, li jnaqqas l-impatt ta' investimenti pubbliċi li diġà huma limitati;

K.  billi r-reġjuni li għadhom lura jsofru minn żvantaġġi serji f'termini ta' trasport pubbliku, infrastrutturi ekonomiċi u tal-enerġija, u jeħtieġu investimenti aktar effiċjenti u effikaċi;

L.  billi l-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm bżonn relazzjoni aktar stretta bejn il-politika ta' koeżjoni u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew;

M.  billi r-reġjuni li għadhom lura, u b'mod partikolari r-reġjuni b'introjtu baxx, spiss iħabbtu wiċċhom mal-emigrazzjoni ta' żgħażagħ u ta' ħaddiema tas-sengħa, li t-tnejn huma riżorsi meħtieġa għar-rivitalizzazzjoni ekonomika u soċjali taż-żoni kkonċernati, u b'hekk dawn ir-reġjuni jsiru inqas attraenti f'termini ta' impjiegi u investimenti;

N.  billi għandha tiġi rfinata d-definizzjoni ta' reġjuni b'introjtu baxx u dawk bi tkabbir baxx;

O.  billi huwa importanti li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-utenti finali rigward il-programmi lokali u reġjonali ffinanzjati mill-UE u r-riżultati miksuba, indipendentement mil-livell ta' finanzjament ta' reġjun speċifiku;

P.  billi governanza tajba u amministrazzjoni pubblika effiċjenti huma meħtieġa f'reġjuni li għadhom lura, peress li dawn jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku; billi t-tnaqqis tal-eċċess ta' regoli u kontrolli, u t-tul u l-kumplessità tal-proċeduri, u l-użu aħjar ta' għodod tal-ICT, jistgħu jikkontribwixxu biex titjieb l-effiċjenza u l-governanza tajba fir-reġjuni li għadhom lura;

Q.  billi skont is-seba' rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, ir-reġjuni li għadhom lura kklassifikaw fl-iktar pożizzjonijiet baxxi fl-Indiċi Ewropew tal-Kwalità tal-Gvern, li jfisser li jonqos l-impatt fuq l-investiment pubbliku;

R.  billi ċifri u statistika affidabbli, aġġornati u diżaggregati huma importanti għal deċiżjonijiet politiċi li jkunu infurmati sewwa, aktar trasparenti, imparzjali u aktar ġusti;

S.  billi l-ostakli għat-tkabbir għandhom jitneħħew kif ukoll jitnaqqsu l-lakuni fl-infrastruttura fir-reġjuni li għadhom lura;

T.  billi l-SMEs fir-reġjuni li għadhom lura huma ffinanzjati b'rati tal-imgħax ferm ogħla u jiltaqgħu ma' aktar diffikultajiet biex jingħataw self mis-settur bankarju sabiex jikkofinanzjaw proġetti tal-Fondi SIE;

U.  billi erbgħa minn kull ħames reġjuni li għadhom lura għandhom mill-inqas 25 % tal-popolazzjoni tagħhom f'belt jew f'żoni aċċessibbli bit-trasport tiegħu, magħrufa bħala żona urbana funzjonali (FUA), u wieħed minn kull ħames reġjuni li għadhom lura għandu aktar minn 50 % tal-popolazzjoni tiegħu f'FUA;

V.  billi l-attivitajiet tradizzjonali, bħalma huma s-sajd jew il-biedja artiġjanali fuq skala żgħira, jiddefinixxu l-identitajiet u l-istili ta' ħajja fil-biċċa l-kbira taż-żoni kostali u rurali ta' reġjuni li għadhom lura, u huma ta' importanza ekonomika, territorjali, soċjali u kulturali; billi l-istrateġiji ta' żvilupp huma meħtieġa sabiex tittejjeb il-kapaċità li jżommu u jattiraw it-talent, jadottaw teknoloġiji ġodda, u jistimolaw investimenti ġodda;

1.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat dokument ta' ħidma tal-persunal dwar il-kompetittività fir-reġjuni b'introjtu baxx u bi tkabbir baxx: ir-rapport dwar ir-reġjuni li għadhom lura; jinnota li r-rapport jipproponi għadd ta' soluzzjonijiet pożittivi biex jiġu appoġġati t-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi f'dawn ir-reġjuni; jenfasizza, barra minn hekk, li l-analiżi dwar il-kompetittività tagħhom tagħti kontribut importanti għad-dibattitu futur dwar il-politika ta' koeżjoni;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-implimentazzjoni tal-inizjattivi pilota għar-reġjuni li għadhom lura f'żewġ reġjuni fir-Rumanija u, bl-appoġġ tal-Bank Dinji, f'żewġ reġjuni fil-Polonja, b'mod partikolari d-definizzjoni ta' prijoritajiet strateġiċi u azzjonijiet konkreti li jistgħu jiġu implimentati malajr; jistenna b'interess il-pubblikazzjoni tar-riżultati ta' dawn l-inizjattivi;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li l-politika ta' koeżjoni għandha rwol ewlieni biex tiżgura u tippromwovi l-investiment pubbliku u privat fir-reġjuni kollha tal-UE, kemm b'mod dirett kif ukoll billi tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent li jiffavorixxi l-investiment; iqis li sabiex l-UE, kollha hemm hi, tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha inġenerali, għandha twettaq azzjonijiet li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha u tnaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u r-ritard tar-reġjuni li għadhom lura;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi r-reġjuni li għadhom lura fil-livell NUTS III, fuq il-bażi ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali ġenerali, u tindirizza aħjar il-finanzjament ta' dawn iż-żoni f'konformità maċ-ċikli ta' programmazzjoni tal-Fondi SIE;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu strateġiji, programmi u azzjonijiet imfassla apposta għad-diversi reġjuni li għadhom lura, b'kont meħud tax-xejriet u d-disparitajiet subreġjonali, peress li d-direzzjoni meħuda u l-isfidi li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni b'introjtu baxx u bi tkabbir baxx ivarjaw ħafna, skont l-ispeċifiċitajiet tagħhom, bl-użu ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, biex titħaffef il-konverġenza tagħhom u tiġi żgurata l-aħjar soluzzjoni għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli; iqis li dawn l-istrateġiji, il-programmi jew l-azzjonijiet għandhom ikunu kkoordinati mal-Aġenda Urbana, peress li r-reġjuni li għadhom lura mhumiex strettament rurali;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li, apparti l-iżvilupp baxx tal-SMEs u l-investiment baxx fihom, ir-rata tal-qgħad tibqa' drastikament għolja, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u tirrappreżenta waħda mill-aktar problemi serji u urġenti fil-parti l-kbira tar-reġjuni li għadhom lura; jissottolinja r-rwol fundamentali tal-edukazzjoni sekondarja u l-edukazzjoni għolja, it-taħriġ professjonali fuq il-post tax-xogħol u t-trasferiment ta' għarfien fil-ġlieda kontra l-livelli allarmanti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u l-għadd kbir ta' żgħażagħ li qed jitilqu minn dawn ir-reġjuni; jindika l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ u ta' investimenti akbar fir-rigward tal-ħtiġijiet u l-iżvilupp tal-SMEs u n-negozji tal-familja; huwa tal-fehma li l-involviment taż-żgħażagħ iwassal għal prestazzjoni mtejba, peress li spiss jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi;

7.  Jinnota li l-preżenza ta' forza tax-xogħol edukata u mħarrġa li taqbel mal-ħtiġijiet tal-ekonomija reġjonali għandha impatt qawwi fuq il-kompetittività, il-produttività u l-attraenza tas-suq tax-xogħol, li mbagħad jista' jiffjorixxi f'ambjent ta' tkabbir u ftuħ għal investiment pubbliku u privat; huwa tal-fehma li, f'dan il-kuntest, għandha titqies is-sitwazzjoni attwali tar-reġjuni li għadhom lura, b'mod partikolari r-rata tal-migrazzjoni negattiva u l-impatt negattiv tagħha fuq l-impjiegi; jenfasizza r-rwol li l-agrikoltura u s-sajd għandhom fir-reġjuni li għadhom lura billi, permezz tal-promozzjoni tan-negozji tal-familja u l-ħolqien tal-impjiegi u l-iffaċilitar tal-inklużjoni soċjali, jipprovdu l-ikel u jiżguraw is-sigurtà tal-ikel;

8.  Jinnota li d-diversifikazzjoni saret neċessità għall-bdiewa u għas-sajjieda, b'mod partikolari fir-reġjuni li għadhom lura, bħala mezz biex jipprovdu sorsi addizzjonali ta' introjtu u jistimulaw l-attivitajiet sostenibbli mil-lat ekonomiku u ekoloġiku; jinnota, madankollu, li din id-diversifikazzjoni ma trid bl-ebda mod tissostitwixxi attivitajiet aktar tradizzjonali, bħas-sajd sostenibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jappoġġaw proġetti tal-ekonomija blu jew dawk simili bil-għan li jgħinu lin-nies fir-reġjuni li għadhom lura jiżviluppaw sorsi ta' introjtu sostenibbli mil-lat ambjentali;

9.  Jittama li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 fil-qasam tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-istrateġija fit-tul tal-UE li jmiss u l-objettivi tagħha, se jkomplu jikkunsidraw il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni li għadhom lura, u b'mod partikolari d-diverġenzi persistenti fl-infrastruttura u l-iżvilupp tal-kapital uman, b'enfasi partikolari fuq ir-rata tal-persuni li jitilqu kmieni mill-iskola u l-impatt negattiv tagħhom fuq l-impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, teżamina l-impatt ta' żieda possibbli fir-rata ta' kofinanzjament tal-FSE għall-perjodu ta' finanzjament li jmiss;

10.  Iqis bħala neċessarju li jinsab il-bilanċ ġust bejn l-interventi strutturali, il-politiki soċjali u l-politiki industrijali fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE, sabiex jiġu stimulati t-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi billi jiġu abbinati għotjiet ma' strumenti finanzjarji u jiġi attirat aktar appoġġ finanzjarju, biex b'hekk jgħin sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li fadal; jisħaq fuq il-fatt li, f'dan ir-rigward, l-istrumenti finanzjarji b'riskju baxx jistgħu jkunu preferibbli minn dawk b'riskju għoli kull fejn il-perspettiva ekonomika tippermetti dan;

11.  Jinnota li l-politika ta' koeżjoni tista' sservi bħala għodda biex jitranġaw il-lakuni u l-iżbilanċi fuq il-kompetittività, kif ukoll l-assimetriji makroekonomiċi bejn ir-reġjuni, billi tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' ambjent attraenti u sostenibbli għan-negozji u ċ-ċittadini; jissottolinja l-fatt li, fir-reġjuni bi tkabbir baxx, l-aċċess għall-kreditu, l-infurzar tal-kuntratti u l-ħarsien ta' investimenti minuri huma l-problemi prinċipali identifikati, filwaqt li fir-reġjuni b'introjtu baxx, l-akbar kwistjonijiet huma li jissolvew l-insolvenza, il-provvista tal-elettriku u l-infurzar tal-kuntratti;

12.  Jinnota li r-reġjuni li għadhom lura jinsabu taħt pressjoni migratorja konsiderevoli; jemmen li, biex tiġi indirizzata din l-isfida, il-kontribut tal-Fondi SIE jista' jkun biss ta' suċċess jekk il-prinċipju ta' solidarjetà jiġi applikat ukoll b'mod effikaċi; iqis li r-rifuġjati u l-migranti taħt protezzjoni internazzjonali jeħtieġ li jirċievu taħriġ u edukazzjoni xierqa bil-ħsieb li jiġu integrati fis-suq tax-xogħol;

13.  Jinnota li ħafna mill-problemi ta' reġjuni li għadhom lura huma simili għal dawk esperjenzati fir-reġjuni ultraperiferiċi; jilqa', għalhekk, l-istrateġija proposta mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha: "Sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE"[9];

14.  Iqis li l-kriterji demografiċi u ta' żvilupp soċjali, bħall-Indiċi ta' Progress Soċjali Reġjonali, u indikaturi ambjentali jew oħrajn, flimkien mal-PDG, jistgħu jitqiesu fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni u jiġu inklużi f'rapporti futuri tal-Kummissjoni dwar ir-reġjuni li għadhom lura, sabiex ikun żgurat li jintlaħaq il-potenzjal tar-reġjuni li għadhom lura;

15.  Jenfasizza l-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, speċjalment fir-reġjuni bi tkabbir baxx, li naqqsu l-marġni tal-politiki baġitarji u li b'hekk irriżultaw fi tnaqqis fl-investiment pubbliku; jisħaq fuq l-importanza, min-naħa l-oħra, tat-tnaqqis tad-dejn bil-għan li jiġi eliminat l-iżbilanċ baġitarju u jiġu adattati l-investimenti pubbliċi għar-rekwiżiti tat-tkabbir;

16.  Iqis li l-politika ta' koeżjoni għandha impatt pożittiv fil-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi applikata l-pożizzjoni maqbula dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir rigward il-flessibbiltà fil-kundizzjonijiet ċikliċi, ir-riformi strutturali u l-investimenti tal-gvern bil-għan li jiġu implimentati riformi strutturali kbar u proġetti simili, ħalli jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020; jirrikonoxxi n-neċessità li jiġi ċċarat il-kuntest u l-kamp ta' applikazzjoni tar-riformi strutturali fil-politika ta' koeżjoni; jinnota, madankollu, li riformi strutturali bħal dawn fl-Istati Membri u r-reġjuni taħt programmi ta' appoġġ jistgħu jgħinu biex jinkiseb riżultat aħjar għall-investimenti taħt il-politika ta' koeżjoni;

17.  Jitlob li tittieħed azzjoni aktar b'saħħitha biex tiżdied il-konverġenza bejn ir-reġjuni kollha, inkluża azzjoni biex tiġi żgurata r-reżiljenza tagħhom għal xokkijiet għall-għarrieda;

18.  Jinnota li l-aċċess għall-kreditu huwa aktar diffiċli fir-reġjuni li għadhom lura, speċjalment fir-reġjuni b'introjtu baxx, minħabba rati tal-imgħax ogħla u, sa ċertu punt, l-averżjoni għar-riskju tas-sistema tal-kreditu; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat aċċess aġevolat għall-kreditu biex ikunu assistiti l-SMEs, jiġu mħeġġa mudelli ġodda ta' negozji u jkun promoss it-tkabbir fir-reġjuni li għadhom lura;

19.  Jisħaq fuq l-importanza li l-fondi tal-UE jagħtu spinta lir-reżiljenza ekonomika u l-koeżjoni ta' dawn ir-reġjuni, kif ukoll il-kompetittività, l-investimenti u l-opportunitajiet għall-kooperazzjoni; jirrikonoxxi, għalhekk, il-kontribut tal-gruppi ta' azzjoni lokali fl-iżvilupp ta' strateġiji lokali; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-possibbiltà li tipproponi l-allokazzjoni ta' sehem akbar ta' appoġġ għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD), li b'hekk tgħin kemm biex jiġu indirizzati l-isfidi kif ukoll jinbnew il-kapaċitajiet; ifakkar li r-reġjuni li għadhom lura ħafna drabi jesperjenzaw diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament, kif ukoll dewmien burokratiku u amministrattiv li jxekkel l-operazzjonijiet tal-fondi tal-UE;

20.  Huwa tal-fehma li inċentivi pożittivi jistgħu jiġu mfittxija għar-reġjuni fil-qafas eżistenti tal-kundizzjonijiet makroekonomiċi imposti mis-Semestru Ewropew;

21.  Jikkunsidra l-importanza ta' governanza ekonomika soda għal prestazzjoni ġenerali effiċjenti tal-fondi SIE, bl-għan aħħari li jitranġaw in-nuqqasijiet u jiġi evitat dewmien; jappoġġa, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tiġi analizzata u sussegwentement rieżaminata r-raġuni nnifisha wara r-rabta bejn is-Semestru Ewropew u l-politika ta' koeżjoni;

22.  Jemmen li s-solidarjetà, il-kapaċità istituzzjonali aktar b'saħħitha, ir-rispett tal-prinċipju ta' governanza tajba, il-konnettività u d-diġitalizzazzjoni mtejba f'dawn ir-reġjuni għandhom impatt sinifikanti fuq it-tkabbir ekonomiku tagħhom u fuq l-użu aktar effiċjenti u effikaċi tar-riżorsi eżistenti; jiġbed l-attenzjoni, għalhekk, għall-kwistjoni tal-appoġġ u t-titjib tal-kwalità tal-amministrazzjoni u l-istituzzjonijiet fir-reġjuni affettwati; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jxerrdu eżempji tal-aħjar prattika dwar iż-żieda fl-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika, billi l-governanza effettiva għandha tkun ir-rakkomandazzjoni bażika għar-reġjuni li għadhom lura;

23.  Jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-prinċipju ta' sħubija u tal-governanza f'diversi livelli li għandhom jissaħħu mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tas-sussidjarjetà; jemmen li l-involviment tal-livelli kollha tal-gvern u tal-partijiet ikkonċernati fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' strateġiji u programmi u azzjonijiet speċifiċi mmirati lejn dawn ir-reġjuni huwa fundamentali sabiex jinħoloq tassew valur miżjud Ewropew għaċ-ċittadini;

24.  Itenni l-importanza tal-innovazzjoni, tad-diġitalizzazzjoni, u tat-titjib tas-servizzi lokali (saħħa, soċjali u postali) u tal-infrastruttura għall-ħolqien ta' ambjent pożittiv u bażi soda biex tingħata spinta lit-tkabbir u tissaħħaħ il-koeżjoni fir-reġjuni li għadhom lura; iqis li l-forniment ta' konnessjonijiet tal-internet b'veloċità għolja huwa prekondizzjoni għall-vijabilità taż-żoni rurali u fil-muntanji; jenfasizza l-potenzjal ta' proġetti multisettorjali li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali billi jikkapitalizzaw fuq sinerġiji bejn il-fondi Ewropej;

25.  Jissuġġerixxi li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew għandhom isiru fuq bażi pluriennali, b'monitoraġġ u rieżamijiet fuq żmien medju, u jitqiesu bħala inċentivi pożittivi għat-tnedija ta' riformi strutturali aktar milli bħala strumenti li jistgħu jeskludu l-aċċess għal investimenti taħt il-politika ta' koeżjoni, bil-għan li jingħata kontribut għall-għanijiet komuni tal-Unjoni;

26.  Jemmen li l-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika soda, kif spjegat fir-Regolament 1303/2013, għandhom jiġu analizzati bir-reqqa, inkluż bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha; jemmen, barra minn hekk, li l-bażi loġika tal-Fondi SIE għandha tiġi rieżaminata, fid-dawl tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss u li titqies l-implimentazzjoni tagħha matul il-perjodu 2014-2020; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra aġġustamenti dwar kif is-Semestru Ewropew u l-politika ta' koeżjoni huma marbuta ma' xulxin; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, sistema ta' inċentivi pożittivi, b'marġnijiet li għandhom jinħolqu fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid, li tista' sservi bħala pakkett li għandu jintuża meta l-Istati Membri jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u ma' rekwiżiti oħra fl-ambitu tas-Semestru Ewropew;

27.  Iqis li huwa meħtieġ b'mod partikolari li jiġu appoġġati attivitajiet kummerċjali produttivi u indiġeni speċifiċi għar-reġjuni li għadhom lura, inklużi t-turiżmu sostenibbli, l-ekonomija ċirkolari, it-tranżizzjoni tal-enerġija lokali, il-prodotti manifatturati, u l-innovazzjoni ffokati fuq l-SMEs; iqis li s-sinerġiji li jirriżultaw minn kombinazzjoni effikaċi ta' finanzjament minn korpi nazzjonali u reġjonali u minn strumenti tal-UE, bl-użu ta' investimenti territorjali integrati, għandhom jgħinu biex jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ;

28.  Jissottolinja l-importanza li jiġu sfruttati l-opportunitajiet kollha offruti mill-UE għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir f'dawn ir-reġjuni; iqis li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lir-reġjuni li għadhom lura fit-tħejjija ta' programmi operazzjonali u dawk ta' kooperazzjoni transfruntiera; ifakkar, għalhekk, li huwa importanti li jitħeġġeġ l-użu tal-fondi taħt ġestjoni diretta u tal-FEIS, flimkien u f'koordinazzjoni mal-opportunitajiet offruti mill-politika ta' koeżjoni;

29.  Jisħaq fuq l-importanza ta' statistika affidabbli, aġġornata u diżaggregata; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni u l-Eurostat jipprovdu statistika bl-aktar dettall u diżaggregazzjoni ġeografika possibbli, sabiex dawn ikunu jistgħu jintużaw biex jiġu definiti politiki ta' koeżjoni xierqa, inkluż fir-reġjuni li għadhom lura; jilqa', f'dan il-kuntest, l-informazzjoni pprovduta fir-rapport tal-Kummissjoni;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrieżamina r-relazzjoni eżistenti bejn il-politika ta' koeżjoni u l-governanza makroekonomika, filwaqt li jfakkar li l-politika għandha l-leġittimità li tirriżulta direttament mit-Trattati, u hija waħda mill-politiki Ewropej l-aktar viżibbli u l-aktar espressjoni importanti ta' solidarjetà Ewropea u valur miżjud fir-reġjuni kollha Ewropej; jemmen li r-rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-proċessi ta' governanza ekonomika fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew trid tkun waħda bbilanċjata, reċiproka u ffukata fuq sistema ta' inċentivi pożittivi; jappoġġa rikonoxximent ulterjuri tad-dimensjoni territorjali, li tista' tkun ta' benefiċċju għas-Semestru Ewropew; iqis, għaldaqstant, li l-governanza ekonomika u l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni f'termini ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll tat-tkabbir sostenibbli, tal-impjiegi u tal-ħarsien tal-ambjent, għandhom jitqiesu fl-ambitu ta' approċċ ibbilanċjat;

31.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-atturi politiċi kollha jirrikonoxxu r-rwol li tiżvolġi l-politika ta' koeżjoni bħala l-istrument ewlieni tal-politika ekonomika Ewropea favur l-investimenti pubbliċi u privati li jqisu l-ispeċifiċitajiet territorjali, soċjali u ekonomiċi tar-reġjuni;

32.  Jappella lill-Istati Membri, kif propost fir-rapport tal-Kummissjoni, biex jadottaw strateġiji u programmi ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali mmirati biex jappoġġaw lir-reġjuni li għadhom lura u jtejbu l-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom, il-governanza u fatturi oħra ewlenin ta' tkabbir; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tipprovdi assistenza teknika, professjonali u prattika lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-muniċipalitajiet sabiex jintużaw l-aħjar prattiki u tappoġġa d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi;

33.  Jitlob li l-politika ta' koeżjoni tkompli tkun prijorità għall-Unjoni u li tkun appoġġata minn finanzjament ambizzjuż xieraq, anke fid-dawl ta' pressjonijiet fuq il-baġit tal-UE, u li jiżdiedu s-sinerġiji ma' fondi oħra tal-UE u li jiġi attirat appoġġ finanzjarju komplementari permezz ta' strumenti finanzjarji fil-qafas ta' programmazzjoni pluriennali ta' wara l-2020; jisħaq fuq il-fatt li l-valuri bħas-solidarjetà Ewropea, li l-politika ta' koeżjoni tinkorpora, m'għandhomx jiddgħajfu;

34.  Ifakkar fir-responsabbiltà tal-Parlament fit-tfassil u l-approvazzjoni tal-qafas leġiżlattiv xieraq għall-politika ta' koeżjoni futura; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ppreservat ir-rwol fundamentali u l-objettiv bażiku tal-politika ta' koeżjoni f'konformità mal-Artikolu 174 tat-TFUE, mhux biss biex tinkiseb konverġenza, iżda wkoll biex jiġi evitat li t-territorji jaqgħu lura; jindika l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati r-regoli, u li jkun żgurat bilanċ tajjeb bejn is-simplifikazzjoni tal-politika u l-kontrolli adegwati, filwaqt li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi eċċessivi; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw estensjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 dwar il-FEŻR, permezz ta' finanzjament tal-konnessjonijiet tal-ibliet maż-żoni madwarhom fir-reġjuni li għadhom lura;

35.  Jappella lill-Kummissjoni tappoġġa aħjar l-iżvilupp ta' sistemi ta' innovazzjoni, bħall-istrateġiji ta' innovazzjoni għal speċjalizzazzjoni intelliġenti, u ssaħħaħ l-interazzjoni bejn in-negozji, l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka fir-reġjuni li għadhom lura; jisħaq fuq l-importanza, barra minn hekk, li territorji konnessi tajjeb ħafna huma essenzjali għall-ħidma ta' sħubijiet ta' riċerka, inkluż inizjattivi tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni, b'tali mod li prattiki innovattivi jkunu jistgħu jsaħħu aktar l-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura u tal-impriżi assoċjati fir-reġjuni li għadhom lura;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kummissarju għall-Politiki Reġjonali, Corina Crețu, f'Ġunju 2015, nediet inizjattiva biex teżamina l-fatturi li jillimitaw it-tkabbir u l-investimenti fir-reġjuni b'introjtu baxx u bi tkabbir baxx (l-hekk imsejħa "reġjuni li għadhom lura").

L-iskop ta' dan ir-rapport huwa li jidentifika soluzzjonijiet possibbli biex isostnu t-tkabbir u jżidu d-dħul f'dawn ir-reġjuni.

Huwa jiffoka fuq 47 reġjun fi tmien Stati Membri, inklużi:

•  ir-reġjuni bi tkabbir baxx: reġjuni bi PDG viċin il-medja tal-UE iżda mingħajr ebda tkabbir bħal fil-każ tal-Italja, Spanja, il-Greċja u l-Portugall, u

•  ir-reġjuni b'introjtu baxx: reġjuni bi PDG xorta baxx ħafna iżda b'tendenza ta' tkabbir pożittiva ħafna. F'dawn ir-reġjuni, li kien għadhom ferm aktar lura minn reġjuni oħrajn, il-politika ta' koeżjoni qiegħda taħdem b'riżultati eċċellenti (dan hu l-każ tar-reġjuni tal-Bulgarija, tal-Ungerija, tal-Polonja u tar-Rumanija).

Kuntest

Il-qafas makroekonomiku għandu impatt sinifikanti fuq it-tkabbir reġjonali. L-iżbilanċi makroekonomiċi kkawżati mill-kriżi jirriskjaw li jxejnu l-isforzi li saru f'għoxrin sena permezz tal-politika ta' koeżjoni partikolarment fir-reġjuni bi tkabbir baxx fejn il-livelli preokkupanti ta' dejn pubbliku u privat ixekklu l-iżvilupp ta' dawn ir-reġjuni.

Ir-reġjuni li għadhom lura għandhom livell aktar baxxi f'termini ta' produttività, attendenza skolastika u impjieg. Ir-riġidità tas-suq tax-xogħol u ambjent imprenditorjali ftit li xejn dinamiku għandhom impatt negattiv fuq l-ekonomiji tagħhom.

Sistemi reġjonali ta' innovazzjoni mhux biżżejjed żviluppati, nuqqas ta' kwalifiki u kwalità skarsa tal-istituzzjonijiet jheddu l-potenzjal ta' tkabbir ta' dawn ir-reġjuni.

Fir-reġjuni b'introjtu baxx hemm tnaqqis demografiku kostanti minħabba b'mod partikolari l-migrazzjoni, speċjalment taż-żgħażagħ u tal-ħaddiema tas-sengħa, lejn reġjuni b'attraenza okkupazzjonali akbar.

L-investimenti pubbliċi u privati naqsu l-aktar fir-reġjuni bi tkabbir baxx.

Il-Kummissjoni tidentifika soluzzjonijiet possibbli fosthom it-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-impriżi u l-istituti tal-edukazzjoni għolja, l-investimenti fl-infrastrutturi u fl-edukazzjoni, it-titjib tal-kollegamenti bejn il-bliet u ż-żoni tal-madwar, aktar investimenti fl-istituzzjonijiet pubbliċi biex jitjiebu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u tissaħħaħ ir-rabta bejn is-Semestru Ewropew u l-politika ta' koeżjoni billi jiġu identifikati s-setturi ta' investiment.

Ir-rapport

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li r-rapport tal-Kummissjoni għandu jqajjem tħassib u riflessjoni aktar profonda, li jiffoka fuq l-ineffettività ta' swieq tax-xogħol inflessibbli fejn in-negozjar kollettiv huwa r-regola.

Il-veru punt kruċjali, skont ir-rapporteur, huwa d-definizzjoni tar-relazzjoni bejn il-politika ta' koeżjoni u l-politika ekonomika Ewropea.

F'dan ir-rigward ir-rapport jinqasam fi tliet partijiet ewlenin:

Dejn pubbliku u tkabbir ekonomiku

Il-Kummissjoni tafferma li d-dejn pubbliku jirrappreżenta ostaklu għat-tkabbir u għalhekk għall-funzjonament tajjeb tal-politika ta' koeżjoni u, fir-rapport tagħha, torbot direttament il-politika ta' koeżjoni mad-dejn pubbliku u ssostni li dan tal-aħħar, fil-fatt, jimmina l-kapaċità tal-Fondi Strutturali li joħolqu żvilupp u tkabbir.

L-obbligi ta' tnaqqis tad-dejn pubbliku imposti mill-Patt ta' Stabbiltà, skont ir-rapporteur, inaqqsu l-possibbiltà ta' investimenti pubbliċi u r-reġjuni li għadhom lura, billi jiddependu aktar minn dawn ir-riżorsi, iġarrbuhom aktar minn reġjuni oħrajn. Ir-rapporteur tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huma r-restrizzjonijiet baġitarji li qegħdin ixekklu l-investimenti tal-politika ta' koeżjoni, aktar milli d-dejn pubbliku nazzjonali. Għalhekk ikun importanti li l-kofinanzjament jinħall mir-restrizzjonijiet baġitarji imposti mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir biex il-politika ta' koeżjoni tkun tista' toħloq żvilupp u impjiegi.

Relazzjoni bejn il-politika ta' koeżjoni u l-kundizzjonalità makroekonomika

Skont ir-rapporteur, il-mekkaniżmu tal-kundizzjonalità makroekonomika għandu jkun riformat biex ikun evitat li l-investimenti jitqiegħdu f'sogru proprju f'dawk ir-reġjuni bl-akbar diffikultajiet strutturali. Fil-każ tal-politiki ta' koeżjoni kif ukoll tal-politiki l-oħra tal-Unjoni, kwalunkwe kundizzjonalità għandha tkun iċċentrata qabel kollox fuq ir-rispett tal-valuri fundamentali, tal-koeżistenza u mbagħad fuq ir-rispett tal-parametri makroekonomiċi.

Il-kundizzjonalità makroekonomika, tafferma r-rapporteur, għandha tkompli titqies bħala parametru għall-attivazzjoni tal-miżuri ta' koeżjoni iżda b'mod pożittiv u kostruttiv biex ikunu inċentivati u stimolati r-riformi.

Politika ta' koeżjoni u Semestru Ewropew

Ir-rapporteur tosserva li l-Kummissjoni tawspika relazzjoni aktar stretta bejn il-politika ta' koeżjoni u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew, iżda ma tgħidx kif. Ir-rakkomandazzjonijiet ma għandhomx ikunu restrizzjoni iżda stimolu u sostenn anki għar-reġjuni. Billi l-bżonn, speċjalment għar-reġjuni bi tkabbir baxx, huwa li jinbdew riformi strutturali, ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu pluriennali.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (25.1.2018)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar ir-reġjuni li għadhom lura fl-UE
(2017/2208(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Viorica Dăncilă

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi jeħtieġ li tiġi żgurata l-kontinwità tat-tip ta' investiment li bħalissa qiegħed isir mit-tieni pilastru tal-politika agrikola komuni (PAK), li huwa strument ta' finanzjament essenzjali biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku, li jippromwovi l-kompetittività, l-innovazzjoni u l-impjiegi fiż-żoni rurali u muntanjużi ta' reġjuni li għadhom lura, u b'hekk jiġi żgurat żvilupp rurali sostenibbli. billi t-tieni pilastru joffri wkoll l-inċentivi finanzjarji għall-investiment fiż-żoni rurali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet territorjali speċifiċi; billi dawn l-inċentivi finanzjarji, min-naħa tagħhom, jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi trasversali tal-ħarsien tal-ambjent u tal-mitigazzjoni u tal-adattament għat-tibdil fil-klima; billi l-ewwel pilastru joffri inċentivi u appoġġ għall-prattiki agrikoli u agroekoloġiċi, li t-tnejn li huma jgħinu lill-ambjent u jinkoraġġixxu lin-nies biex jinvolvu ruħhom fl-agrikoltura, bħal pereżempju l-bdiewa żgħażagħ;

B.  billi l-agrikoltura tirrappreżenta sehem sinifikament ogħla ta' impjiegi kemm f'reġjuni bi tkabbir baxx kif ukoll dawk b'introjtu baxx meta mqabbel mal-medja għall-UE-28; billi, b'mod speċifiku, dan is-sehem huwa ħames darbiet ogħla f'reġjuni b'introjtu baxx u 2.6 ogħla f'reġjuni bi tkabbir baxx;

C.  billi r-rapport dwar reġjuni li għadhom lura jikkonċerna, fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-perjodu 2000-2013, b'aġġornament li jinkludi data sal-2014 jew sal-2015, u ma jqisx il-biedja;

D.   billi prijoritizzazzjoni politika u investiment baxxi, infrastruttura fiżika u diġitali insuffiċjenti, konnettività baxxa, nuqqas ta' servizzi elettroniċi, kapaċità istituzzjonali li ħafna drabi hija insuffiċjenti jew nuqqas ta' servizzi pubbliċi lokali, diskrepanza fil-ħiliet u żieda fil-livelli ta' dejn fost il-komunitajiet rurali u tal-biedja, dawn kollha jippreżentaw ostaklu kbar għall-iżvilupp ta' suċċess ta' komunitajiet u impriżi rurali li jkunu vijabbli u awtosuffiċjenti, bil-konsegwenza li ħafna żgħażagħ ikollhom jabbandunaw iż-żoni rurali u jemigraw, b'hekk jiggrava l-iskarsezza ta' ħaddiema kkwalifikati u jiġu kompromessi l-prospettivi futuri tar-reġjun;

E.  billi f'xi reġjuni b'introjtu baxx tal-UE, il-problema tal-ħtif tal-art u tal-konċentrazzjoni tal-art hija ostaklu kbir għall-għajnuna lil dawn ir-reġjuni biex jiżviluppaw u jikbru;

F.  billi waħda mill-kwistjonijiet il-kbar u l-aktar kumplessi fl-UE hija t-titjib tas-sitwazzjoni taż-żoni rurali, li tista' tiġi indirizzata b'approċċ intelliġenti;

G.  billi l-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi ġeneralment huma aktar indirizzati f'oqsma ta' politika mhux vinkolanti, milli f'dawk vinkolanti, bħalma huma l-politiki reġjonali, li jirċievu appoġġ finanzjarju akbar;

1.  Huwa tal-fehma li l-agrikoltura, is-settur agroalimentari u l-imprenditorija rurali huma parti mis-soluzzjoni għat-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli u r-rivitalizzazzjoni taż-żoni rurali, li jippromwovu l-impriżi mmexxija minn familji u joħolqu impjiegi ġodda, b'tali modi li jiffaċilitaw l-inklużjoni soċjali wiesgħa u nondiskriminatorja, u huma strumenti eċċellenti li bis-saħħa tagħhom jiġu miġġielda l-faqar u l-inugwaljanzi, u biex jiżdiedu l-livelli ta' introjtu f'reġjuni li għadhom lura, filwaqt li fl-istess ħin jgħinu biex jippreservaw b'mod sostenibbli l-ambjent rurali, jippromwovu s-servizzi tal-ekosistemi, u jiġġieldu kontra d-depopolament rurali u t-tnaqqis fid-disponibbiltà tas-servizzi pubbliċi; jenfasizza r-rwol strateġiku li l-agrikoltura għandha fir-reġjuni li għadhom lura, billi tipprovdi ikel u tiggarantixxi sigurtà alimentari lil dawn ir-reġjuni;

2.  Iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-fenomenu tad-depopolament rurali, li jinvolvi t-tluq ta' żgħażagħ, li huma riżorsa meħtieġa għall-irkupru ekonomiku u soċjali tal-lokalitajiet ikkonċernati;

3.  Jinnota li ż-żoni rurali mhumiex biss żoni fejn jaħdmu l-bdiewa u fejn jitkabbar l-ikel, iżda huma wkoll id-dar ta' miljuni ta' Ewropej, li qegħdin jgħixu f'komunitajiet b'ħafna inqas possibbiltajiet;

4.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvestu fl-edukazzjoni sabiex jattiraw riżorsi umani ta' kwalità għolja fir-reġjuni agrikoli li għadhom lura, u jiżguraw li dawn jibqgħu hemmhekk;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-fondi għall-iżvilupp rurali biex tingħata spinta lir-reżiljenza ekonomika u l-koeżjoni territorjali ta' dawn ir-reġjuni, kif ukoll il-kompetittività, permezz ta' proġetti mfassla apposta bbażati fuq approċċi minn isfel għal fuq, investimenti, opportunitajiet għall-kooperazzjoni u żvilupp infrastrutturali; jirrikonoxxi, għalhekk, il-kontribut tal-gruppi ta' azzjoni lokali fl-iżvilupp ta' strateġiji lokali, fl-appoġġ ta' netwerking għall-partijiet interessati u fl-evalwazzjoni u l-approvazzjoni ta' proġetti LEADER individwali, u jappella, għalhekk, biex jiġi allokat sehem akbar ta' appoġġ għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD), b'hekk jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi kif ukoll jinbnew il-kapaċitajiet; jissottolinja l-importanza tat-trasferiment tal-għarfien, u biex reġjuni li għadhom lura jingħataw aċċess aktar faċli għall-innovazzjonijiet agrikoli; jirrimarka li l-involviment taż-żgħażagħ fl-attivitajiet agrikoli jwassal għal titjib tal-prestazzjoni, bis-saħħa tal-kontributi li huma jagħtu biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi u jintroduċu teknoloġija tal-ogħla livell disponibbli fil-biedja;

6.   Jenfasizza l-importanza li jinżamm finanzjament adegwat tal-UE għall-iżvilupp reġjonali għal wara l-2020 sabiex ikunu sodisfatti l-ħtiġijiet ta' dawn ir-reġjuni, b'kont meħud, fuq kollox, tal-potenzjal ta' tkabbir tal-biedja, filwaqt li titqies il-ħtieġa ta' finanzjament kontinwu għar-reġjuni kollha tal-UE, peress li l-impatti tal-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni industrijali mhumiex biss limitati għar-reġjuni inqas żviluppati, kif ġie ppreżentat fis-seba' Rapport ta' Koeżjoni tal-Kummissjoni, iżda jaffettwaw b'mod sinifikanti, pereżempju, żoni skarsament popolati; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-iskemi ta' pagament tal-ewwel pilastru, speċjalment għar-reġjuni li għadhom lura, u jappella, għalhekk, sabiex dawn jinżammu kemm jista' jkun qrib il-livelli tal-PAK ta' bħalissa;

7.   Jenfasizza li l-finanzjament għall-iżvilupp rurali u tal-PAK ma jistax jiġi kompromess, minkejja l-pressjonijiet fuq il-baġit tal-UE; jenfasizza li l-Brexit se jkollha konsegwenzi fuq l-Istati Membri kollha u jista' jkollha impatt negattiv fuq ir-reġjuni rurali; jappella sabiex jiġu identifikati u appoġġati dawn ir-reġjuni;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar flessibbiltà fil-ġestjoni tal-fondi għall-iżvilupp rurali, u jissottolinja l-importanza li tinqata' r-rabta bejn il-finanzjament agrikolu u r-restrizzjonijiet baġitarji;

9.  Jenfasizza li strateġiji ta' żvilupp komprensivi u f'waqthom huma meħtieġa mhux biss biex jindirizzaw uħud mill-problemi bażiċi tar-reġjuni agrikoli li għadhom lura, iżda wkoll biex isaħħu l-kapaċità tagħhom li jadottaw teknoloġiji ġodda, iżommu u jattiraw it-talent, u jiġġeneraw u jistimolaw investimenti ġodda;

10.  Iqis li waħda mill-akbar sfidi li qed jaffaċċjaw ir-reġjuni li għadhom lura hija ż-żieda fil-produttività u l-impjiegi fil-biedja;

11.  Jenfasizza l-importanza tal-effetti sinerġiċi possibbli tas-sehem kbir, iżda li qiegħed jonqos, tal-agrikoltura fit-total ta' impjiegi fir-reġjuni li għadhom lura, bil-prospettiva li jkunu jistgħu jipprovdu bażi soda għall-iżvilupp ta' prodotti tradizzjonali ta' kwalità, bħal prodotti ta' indikazzjoni ġeografika, prodotti tal-muntanji jew speċjalitajiet lokali, u promozzjoni ta' miżuri tas-sigurtà alimentari u tas-sostenibbiltà ambjentali; jinnota wkoll il-potenzjal għall-iżvilupp ta' attivitajiet turistiċi, b'mod partikolari turiżmu rurali u agrituriżmu; jenfasizza l-appell tal-Parlament fl-2015 biex il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tal-UE tiġi estiża għal prodotti li mhumiex agrikoli; jemmen li din l-estensjoni tagħti spinta lir-reġjuni rurali kollha tal-UE billi żżid il-valur ta' prodotti tradizzjonali u toħloq impjiegi f'reġjuni rurali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva biex testendi l-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika għal prodotti li mhumiex agrikoli;

12.  Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati inizjattivi lokali mmirati lejn l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum ta' prodotti lokali, kif ukoll il-kummerċ lokali;

13.  Itenni l-importanza tal-innovazzjoni, tad-diġitalizzazzjoni li tkun imkejla b'mod xieraq, u tat-titjib fis-servizzi lokali (tas-saħħa, soċjali, u postali) u tal-infrastruttura, b'hekk jinħolqu ambjent pożittiv u bażi soda biex tingħata spinta lit-tkabbir u tissaħħaħ il-koeżjoni fir-reġjuni li għadhom lura; jenfasizza li infrastruttura tajba, b'mod speċjali l-provvista ta' konnessjonijiet tal-internet b'veloċità għolja, li hija prekundizzjoni għall-vijabbiltà taż-żoni rurali, tista' tikkontribbwixxi biex jiġi indirizzat id-depopolament rurali u tgħin biex tiġi attirata forza tax-xogħol ta' kwalità għolja li hija meħtieġa għat-tkabbir f'dawn iż-żoni; ifakkar li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma essenzjali għat-taħlita tal-iżvilupp, li jistgħu jissaħħu aktar permezz tal-interkonnettività online; jilqa' d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-biedja, li jipprevedi konċentrazzjoni akbar ta' investimenti fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari u l-bijoekonomija, li joffru potenzjal sinifikanti għall-impjiegi, u għall-iżvlupp tal-inizjattiva "rħula intelliġenti" permezz ta' appoġġ għall-komunitajiet lokali bil-ħsieb li tiġi diġitalizzata u żviluppata l-infrastruttura tas-servizzi;

14.  Jenfasizza l-mudell ta' agrikoltura soċjali u l-potenzjal tiegħu li jgħaqqad lill-persuni f'żoni rurali, u b'mod partikolari li jqarreb lill-biedja maċ-ċittadini; jemmen li dan il-mudell huwa għodda importanti li joffri firxa ta' servizzi ta' appoġġ terapewtiku fil-komunità lokali filwaqt li jgħaqqad lill-bdiewa ma' komunità usa';

15.  Jinnota li l-implimentazzjoni sħiħa ta' proġetti innovattivi, bħall-inizjattiva "rħula intelliġenti", tiddependi ħafna minn konnettività estiża flimkien ma' edukazzjoni; iħeġġeġ sabiex jittieħdu passi biex jintemm id-depopolament fiż-żoni rurali, u tingħata spinta lill-biedja mill-familji, u biex jiġu promossi b'approċċ intelliġenti l-ġestjoni ambjentali aħjar, l-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien tal-impjiegi;

16.  Jinnota li l-promozzjoni ta' bidla fir-rwoli tradizzjonali tas-sessi, b'tali mod li n-nisa qegħdin dejjem aktar ikunu kapaċi jaqsmu l-ġid tat-tkabbir reġjonali, għandha valur intrinsiku, u tista' ssaħħaħ ukoll il-kompetittività tal-kummerċ u l-industrija, b'mod partikolari fir-reġjuni li għadhom lura;

17.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tagħti prijorità lit-tiġdid ġenerazzjonali fil-qafas tar-riforma li jmiss tal-PAK; jemmen li din l-attenzjoni se tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tar-reġjuni rurali tal-UE;

18.  Jinnota li d-diversifikazzjoni saret neċessità għal ħafna bdiewa, b'mod partikolari fir-reġjuni li għadhom lura, sabiex jipprovdu sorsi addizzjonali ta' introjtu;

19.   Jenfasizza li territorji konnessi tajjeb ħafna, li jipprijoritizzaw u jsaħħu ż-żoni rurali, huma essenzjali għall-ħidma ta' sħubijiet ta' riċerka, inkluż inizjattivi tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni, b'tali mod li l-prattiki innovattivi jkunu jistgħu jsaħħu aktar l-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura u l-impriżi assoċjati u tat-tkabbir f'żoni rurali tar-reġjuni li għadhom lura; iqis, f'dan ir-rigward, li l-ħtieġa li tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni tal-UE fil-livell NUTS 2 hija pertinenti ħafna;

20.  Jenfasizza l-utilità ta' approċċ territorjali, li jiżgura infrastruttura suffiċjenti u kapital soċjali għal kull reġjun; jenfasizza l-ħtieġa li fir-reġjuni rurali jiġu pprovduti servizzi, bħal konsulenza professjonali, pariri finanzjarji u pariri dwar prattiki ta' ġestjoni tal-irziezet, sabiex jittaffew il-pressjonijiet li ġġib magħha l-biedja; itenni li, sabiex jinżammu dawn l-oqsma, huwa essenzjali li jiġu offruti servizzi pubbliċi, bħall-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, il-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali pubbliċi, it-trasport pubbliku u s-servizzi postali pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-possibbiltà li jgħinu lill-komunitajiet li jinsabu f'reġjuni li għadhom lura permezz ta' għodod korrispondenti li joħolqu ċirkwiti tal-produzzjoni magħluqa u jgħinu biex proċessi li jżidu l-valur jibqgħu fir-reġjuni, b'hekk jinħolqu ekonomiji rurali vibranti u jitreġġa' lura d-depopolament rurali;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kofinanzjament fl-ambitu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jibqa' 'l barra mir-restrizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, José Bové, Daniel Buda, Nicola Caputo, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Albert Deß, Jørn Dohrmann, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Jarosław Kalinowski, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Bronis Ropė, Ricardo Serrão Santos, Czesław Adam Siekierski, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Stefan Eck, Jens Gieseke, Maria Heubuch, Karin Kadenbach, Momchil Nekov, Sofia Ribeiro, Annie Schreijer-Pierik, Hannu Takkula, Tom Vandenkendelaere, Thomas Waitz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Stanisław Ożóg

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

37

+

PPE

Franc Bogovič, Daniel Buda, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Jens Gieseke, Esther Herranz García, Mairead McGuinness, Marijana Petir, Sofia Ribeiro, Annie Schreijer-Pierik, Czesław Adam Siekierski, Tom Vandenkendelaere

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Nicola Caputo, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Karin Kadenbach, Maria Noichl, Ricardo Serrão Santos, Tibor Szanyi, Marc Tarabella

ECR

Richard Ashworth, Jørn Dohrmann, Zbigniew Kuźmiuk, James Nicholson, Stanisław Ożóg

ALDE

Ivan Jakovčić, Ulrike Müller, Hannu Takkula

GUE/NGL

Stefan Eck, Luke Ming Flanagan

Verts/ALE

José Bové, Martin Häusling, Bronis Ropė

EFDD

Marco Zullo

1

-

EFDD

John Stuart Agnew

2

0

ENF

Philippe Loiseau, Laurenţiu Rebega

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd (31.1.2018)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar ir-reġjuni li għadhom lura fl-UE
(2017/2208(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Nicola Caputo

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar innovazzjoni u diversifikazzjoni tas-sajd kostali artiġjanali fir-reġjuni li jiddependu mis-sajd[1],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ir-rwol tat-turiżmu relatat mas-sajd fid-diversifikazzjoni tas-sajd[2],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE[3],

  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd l-ġdida[4],

  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura[5],

  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS)[6],

A.  billi s-sajd, b'mod partikolari s-sajd artiġjanali fuq skala żgħira, huwa attività tradizzjonali li, permezz tal-karattru speċifiku tiegħu, jiddefinixxi l-identità u l-istil ta' ħajja fil-biċċa l-kbira taż-żoni kostali ta' "reġjuni li għadhom lura" (bħaż-żoni tal-Mezzogiorno Taljan, u ż-żoni tal-Greċja, il-Kroazja, Spanja u l-Portugal) u "reġjuni b'introjtu baxx" (bħal żoni tal-Bulgarija u r-Rumanija) imsemmija fir-rapport rilevanti tal-Kummissjoni;

B.  billi l-għajxien ta' 12 % tal-popolazzjoni dinjija jiddependi mis-sajd u l-agrikoltura, u dan ifisser li l-kummerċ tal-prodotti tas-sajd jista' jkollu impatt soċjali u ekonomiku enormi, u kważi 40 % tal-produzzjoni tiġi kkummerċjalizzata fil-livell internazzjonali b'valur ta' esportazzjoni annwali ta' 'l fuq minn EUR 115 biljun;

C.  billi s-sajd fuq skala żgħira, artiġjanali, kostali u għall-frott tal-baħar bil-qoxra huwa ta' importanza ekonomika, territorjali, soċjali u kulturali f'bosta żoni kostali tal-UE, inklużi l-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi tagħha, u dan il-qasam għandu, għaldaqstant, jiġi protett u sostnut meta jiġi mhedded mis-sajd industrijali u fuq skala kbira u l-akkwakultura industrijali;

D.  billi s-sajd artiġjanali juża rkaptu u tekniki li għandhom inqas impatt fuq l-istatus tal-istokkijiet li jinsabu fil-periklu tal-estinzjoni;

E.  billi s-sajd artiġjanali għandu riperkussjonijiet sinifikanti għall-futur tal-komunitajiet kostali u l-gżejjer inqas żviluppati tal-Unjoni; billi huwa meħtieġ li jitrawwem l-interess taż-żgħażagħ biex jintegraw ruħhom fis-settur u jingħatalhom taħriġ ta' kwalità għolja, fosthom fis-sajd artiġjanali u kostali, bil-għan li jingħata kontribut għall-iżvilupp ta' żoni li jiddependu fuq is-sajd u l-popolazzjoni tiġi mħeġġa tibqa' tgħix hemm;

F.  billi l-ksib ta' rendiment massimu sostenibbli jirrikjedi fokus reġjonali li jqis il-kriterji xjentifiċi u l-kunsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi;

G.  billi l-UE hija l-akbar suq għall-prodotti tas-sajd u, proprju għal din ir-raġuni, tikber in-neċessità li jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd ma jħallux biss qligħ iżda jkunu bbilanċjati u sostenibbli wkoll;

H.  billi s-sajd kompla jonqos, u b'hekk kkontribwixxa għad-deklin ekonomiku gravi ta' bosta żoni kostali u gżejjer, inklużi dawk fir-reġjuni li għadhom lura, li rriżulta f'depopolazzjoni u wassal biex l-abitanti telqu jgħixu f'żoni li joffru prospetti aħjar f'dak li jikkonċerna l-impjieg u l-edukazzjoni;

I.  billi l-miżuri li jaffettwaw lil dawn ir-reġjuni li huma adottati bħala parti mill-politika komuni tas-sajd iridu jkunu sostenibbli mil-lat soċjali u ekonomiku bil-għan li jiġi żgurat li s-sajd artiġjanali jibqa' vijabbli; billi l-ispeċijiet li jinqabdu bis-sajd kostali għandhom valur kbir mil-lat soċjoekonomiku, għad li dawn jikkostitwixxu biss proporzjon żgħir tas-sajd kummerċjali;

J.  billi l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistipula li "meta jallokaw opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom, ... l-Istati Membri għandhom jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi" u li "l-kriterji li għandhom jintużaw jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, ... il-kontribut għall-ekonomija lokali"; billi, f'dan il-qafas, l-UE jeħtiġilha tagħti attenzjoni partikolari lill-flotot ta' reġjuni inqas żviluppati;

K.  billi n-nisa għandhom rwol essenzjali fis-sajd artiġjanali, b'mod partikolari f'kompiti marbuta mal-katina tal-ipproċessar u s-sajd għall-frott tal-baħar bil-qoxra;

L.  billi l-politika ta' koeżjoni tal-UE timmira li tnaqqas id-differenzi bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri, u dan billi trawwem konfluwenza ekonomika, soċjali u territorjali, u billi s-settur tas-sajd u s-setturi marbuta direttament jew indirettament miegħu għandhom rwol fl-iżvilupp tar-reġjuni kostali;

M.  billi għadd kbir ta' impjiegi, kemm dawk diretti kif ukoll dawk indiretti, li huma ġġenerati mis-settur tas-sajd, is-settur tas-sajd għall-frott tal-baħar bil-qoxra u s-settur tal-akkwakultura u l-industriji anċillari, kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni u l-industriji tal-ipproċessar tal-ħut, ituhom importanza soċjoekonomika kbira;

N.  billi xi żoni tas-sajd kostali fir-reġjuni li għadhom lura jinsabu qrib reġjuni ekonomikament żviluppati u destinazzjonijiet turistiċi iżda, madankollu mhumiex kapaċi jilħqu tkabbir ekonomiku adegwat;

O.  billi l-pressjoni biex isir użu mir-riżorsi tal-baħar qed tikber f'dawn ir-reġjuni, u s-settur tas-sajd spiss jiġi emarġinat favur it-turiżmu, minkejja l-fatt li ż-żewġ setturi huma kompatibbli u komplementari;

P.  billi l-Artikolu 349 tat-TFUE jirrikonoxxi s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali speċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi, li hija aggravata minn fatturi (l-ultraperiferiċità, l-insularità, iċ-ċokon, it-topografija u l-klima diffiċli, id-dipendenza fuq ftit prodotti, eċċ.) li n-natura permanenti tagħhom u l-fatt li jeżistu kollha flimkien jillimitaw l-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi;

Q.  billi perċentwal kbir tal-popolazzjonijiet lokali fir-reġjuni inqas żviluppati, b'mod partikolari r-reġjuni ultraperiferiċi, jiddependi minn attivitajiet marbuta mas-sajd kostali fuq skala żgħira u s-sajd lokali, u hemm nuqqas ta' żgħażagħ f'dan it-tip ta' attività peress li ma tiġbidx lin-nies, tirrikjedi livell baxx ta' ħiliet u spiss il-paga hija ħażina;

R.  billi mod wieħed ta' kif tiġi ggarantita l-kompetittività ta' prodotti tas-sajd minn reġjuni ultraperiferiċi huwa li jiġi żgurat li l-prezz tal-ħut minn dawk ir-reġjuni ma jkunx eċċessiv bħala riżultat tal-ispejjeż ta' trasport meta jilħaq is-swieq ta' destinazzjoni ewlenin;

S.  billi s-sajd rikreazzjonali u t-turiżmu marbut ma' din l-attività għandhom impatt ekonomiku importanti u jistgħu jġibu magħhom id-diversifikazzjoni għal dawn ir-reġjuni;

T.  billi l-istrateġija tal-ekonomija blu tal-UE tħeġġeġ u tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fiż-żoni kostali;

U.  billi t-turiżmu marittimu u kostali jipprovdi impjieg għal 3.2 miljun ruħ u jiġġenera total ta' EUR 183 biljun f'valur miżjud gross fl-UE;

1.  Jisħaq fuq l-importanza tas-sajd, b'mod partikolari s-sajd fuq skala żgħira u t-turiżmu kostali u marittimu sostenibbli għall-iżvilupp ta' ekonomija marittima, soċjali u ekoloġika għalkollox inklużiva; jenfasizza l-importanza li tiġi ddiversifikata l-offerta tat-turiżmu billi jiġu stimulati l-attivitajiet sostenibbli mil-lat ekonomiku u ekoloġiku li tul is-sena sħiħa jiffaċilitaw u jippromwovu l-aċċess għall-wirt marittimu, it-turiżmu sottomarin, it-turiżmu kulinari u l-isports tal-ilma tul is-sena, bil-għan li jikkumpensaw għall-istaġjonalità; iqis li hu neċessarju li jingħata appoġġ finanzjarju akbar lill-SMEs li qed jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi għat-turiżmu kostali u marittimu permezz ta' strumenti finanzjarji bħal Orizzont 2020;

2.  Jinnota li d-diversifikazzjoni saret neċessità għal ħafna sajjieda żgħar kważi kullimkien, iżda b'mod partikolari għal dawk li jinsabu fir-reġjuni li għadhom lura, peress li l-introjtu tagħhom minn attivitajiet tas-sajd spiss m'huwiex adegwat u jkollhom jirrikorru għal sorsi addizzjonali ta' introjtu, inklużi forom ġodda ta' turiżmu relatat mas-settur, bħat-turiżmu tas-sajd; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-użu ta' fondi differenti tal-UE, flimkien mal-FEMS, bil-għan li jiżviluppaw it-turiżmu tas-sajd u l-ipproċessar tal-ħut f'dawn iż-żoni u b'hekk jiddiversifikaw is-sorsi ta' introjtu; jisħaq fuq il-punt, madankollu, li d-diversifikazzjoni ma trid bl-ebda mod tipperikola l-attivitajiet tas-sajf infishom u li l-ħidma tas-sajjieda ż-żgħar trid tiġi rikonoxxuta u tingħata sostenn finanzjarju, anki tul il-perjodu ta' waqfien mis-sajd għal raġunijiet bijoloġiċi;

3.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvestu fit-taħriġ u l-iżvilupp teknoloġiku tas-setturi kollha tas-sajd bil-għan li jattiraw riżorsi umani ta' kwalità għolja għas-settur tas-sajd fir-reġjuni li għadhom lura u jiżguraw li dawn jibqgħu hemmhekk; josserva li l-investiment fil-kapital uman u l-azzjoni biex jiġi promoss it-taħriġ fis-settur tas-sajd huma prekundizzjonijiet essenzjali bil-għan li jinkiseb tkabbir sostenibbli u kompetittiv; jenfasizza r-rwol li l-FSE jista' jkollu fit-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż is-sajd artiġjanali u kostali; jisħaq fuq l-importanza tal-istabbiliment u l-prestazzjoni ta' Gruppi ta' Azzjoni Lokali għas-Sostenn tas-Settur tas-Sajd (FLAGs), li jipprovdu assistenza lis-settur tas-sajd;

4.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jipprovdu infrastruttura innovattiva u sostenibbli, inklużi konnessjonijiet tal-internet veloċi u IT ta' kwalità tajba, bil-għan li jgħinu lis-sajjieda fir-reġjuni li għadhom lura jiddiversifikaw minn attivitajiet ta' sajd tradizzjonali, itejbu l-attività mwettqa u jagħmlu l-attività tagħhom kompatibbli ma' setturi oħra ta' attività ekonomika, b'mod partikolari s-setturi komplementari; jenfasizza l-potenzjal ta' proġetti multisettorjali li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorkali f'reġjuni kostali inqas żviluppati billi jikkapitalizzaw fuq sinerġiji bejn il-fondi Ewropej, b'mod partikolari l-FEŻR, il-FEMS u l-FSE; jisħaq fuq l-importanza tal-ekonomija blu, li tista' tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku ta' żoni kostali u gżejjer li għadhom lura;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jingħata s-sostenn lill-ħidma u l-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi u interprofessjonali bil-għan li tittejjeb il-kompetittività u l-pożizzjonament tas-settur fis-suq;

6.  Jisħaq fuq l-importanza tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS), li għall-ewwel darba jgħaqqad il-finanzjament tal-Politika Marittima Integrata u l-finanzjament għas-sajd, kif ukoll il-finanzjament mill-BEI, f'dak li jikkonċerna l-iżvilupp sostenibbli, u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tas-sajd, l-akkwakultura u l-ipproċessar tas-sajd, l-appoġġ tad-diversifikazzjoni tal-introjtu fil-komunitajiet tas-sajd li jiddependu minn dawk is-setturi, b'mod partikolari s-sajd kostali fuq skala żgħira, il-promozzjoni tat-taħriġ vokazzjonali għan-nisa u ż-żgħażagħ u l-integrazzjoni tal-intraprendituri l-ġodda fis-settur; jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-użu tal-FEMS, b'mod partikolari l-komponenti tiegħu maħsuba għat-taħriġ vokazzjonali u l-ħiliet għall-popolazzjonijiet lokali u l-iżvilupp ta' attivitajiet komplementari għas-sajd tradizzjonali; iqis li huwa kruċjali li jinżammu, u preferibbilment jiġi miżjuda, is-sussidji mogħtija lir-reġjuni ultraperiferiċi għat-trasport tal-ħut sa ma jidħol fis-suq internazzjonali bil-għan li tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta ma' prodotti minn postijiet oħra; jenfasizza l-importanza li l-FEMS jingħata biżżejjed finanzjament fil-perjodu wara l-2020 biex ikompli jipprovdi sostenn lill-iżvilupp kostali ta' reġjuni li jiddependu mis-sajd;

7.  Jisħaq fuq il-punt li s-sajjieda, speċjalment is-sajjieda ż-żgħar, f'ħafna reġjuni li għadhom lura jsibu diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-finanzjament minħabba l-piż tad-dejn u l-pressjonijiet fuq il-finanzi pubbliċi f'dawk iż-żoni, kif ukoll dewmien burokratiku u amministrattiv li jxekkel il-ħidma tal-FEMS; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali bil-għan li jiġu żviluppati strumenti finanzjarji adegwati maħsuba apposta għall-bżonnijiet tas-sajjieda u l-intrapriżi tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw proċedura ssimplifikata u rapida għall-użu tal-FEMS għar-reġjuni li għadhom lura; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tistabbilixxi strument iddedikat biex jipprovdi sostenn lis-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi, skont l-eżempju tal-miżuri li ttieħdu għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi taħt l-iskema POSEI, li jikkontribwixxi biex jinsilet l-akbar benefiċċju mis-sajd potenzjali f'dawn ir-reġjuni;

8.  Jitlob l-applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 349 tat-TFUE fil-politiki, ir-regolamenti, il-fondi u l-programmi tal-UE relatati mas-sajd, b'mod partikolari l-FEMS, sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-reġjuni ultraperiferiċi;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-użu ta' fondi differenti tal-UE, flimkien mal-FEMS, bil-għan li jiżviluppaw it-turiżmu tas-sajd u l-ipproċessar tal-ħut fir-reġjuni kkonċernati u b'hekk jiddiversifikaw is-sorsi ta' introjtu tagħhom;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li tippermetti s-sopravivenza tas-settur tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi u f'konformità mal-prinċipji ta' trattament differenzjali għall-gżejjer żgħar u t-territorji msemmija fl-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 14, iddaħħal miżuri ta' appoġġ ibbażati fuq l-Artikolu 349 tat-TFUE li jippermettu l-finanzjament (fil-livell tal-UE jew dak nazzjonali) tal-bastimenti tas-sajd artiġjanali u tradizzjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi li jħottu l-qabdiet kollha tagħhom fil-portijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi u jikkontribwixxu għall-iżvilupp lokali sostenibbli, sabiex dawn iżidu s-sigurtà tal-bniedem, jikkonformaw mal-istandards Ewropej tal-iġjene, jiġġieldu kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u jiksbu aktar effiċjenza ambjentali;

11.  Jappoġġa lill-Istati Membri fl-istabbiliment ta' reġim fiskali preferenzjali għal dawn ir-reġjuni kkonċernati, bil-għan li jiġi mħeġġeġ l-investiment u miġġieled il-faqar;

12.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata u promossa l-akkwakultura sostenibbli mil-lat ambjentali u f'dak li jikkonċerna s-saħħa tal-istokkijiet tal-ħut u tal-konsumaturi; jissottolinja, barra minn hekk, mhux biss il-potenzjal tagħha bħala attività ekonomika li tipprovdi impjiegi stabbli u li jħallsu sew (diġà tirrappreżenta 80 000 impjieg fl-UE), iżda wkoll l-importanza tagħha għat-tnaqqis kemm tas-sajd żejjed tal-istokkijiet tal-ħut Ewropej kif ukoll tad-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni ta' ħut u frott tal-baħar minn pajjiżi terzi. iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex jipprovdu sostenn għall-proġetti tal-ekonomija blu bil-għan li jgħinu lin-nies fir-reġjuni li għadhom lura jiżviluppaw sorsi ta' introjtu sostenibbli mil-lat ambjentali. jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkonċentraw iżjed l-isforzi tagħhom biex isolvu kwistjonijiet ta' piż amministrattiv li jolqtu s-settur tas-sajd u l-akkwakultura.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGHTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, Richard Corbett, Linnéa Engström, João Ferreira, Sylvie Goddyn, Mike Hookem, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Norica Nicolai, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Ole Christensen, Norbert Erdős, Seán Kelly, Verónica Lope Fontagné

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Tim Aker, João Pimenta Lopes

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

22

+

ALDE

António Marinho e Pinto, Norica Nicolai

ECR

Peter van Dalen, Remo Sernagiotto, Ruža Tomašić

ENF

Sylvie Goddyn

GUE/NGL

João Ferreira, João Pimenta Lopes

PPE

Alain Cadec, Norbert Erdős, Carlos Iturgaiz, Seán Kelly, Werner Kuhn, Verónica Lope Fontagné, Jarosław Wałęsa

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Richard Corbett, Ulrike Rodust, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas

VERTS/ALE

Linnéa Engström, Ian Hudghton

2

-

EFDD

Tim Aker, Mike Hookem

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

3

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Steeve Briois, Andrea Cozzolino, Raymond Finch, John Flack, Iratxe García Pérez, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Paul Nuttall, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Monika Smolková, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ángela Vallina, Lambert van Nistelrooij, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Andor Deli, Ivana Maletić, Urmas Paet, Georgi Pirinski, Bronis Ropė, Milan Zver

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eleonora Evi, Anna Hedh, Bogdan Brunon Wenta

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

31

+

ALDE

Ivan Jakovčić, Iskra Mihaylova, Urmas Paet

ECR

John Flack, Sławomir Kłosowski, Mirosław Piotrowski, Ruža Tomašić

PPE

Daniel Buda, Andor Deli, Krzysztof Hetman, Ivana Maletić, Lambert van Nistelrooij, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Fernando Ruas, Ramón Luis Valcárcel Siso, Bogdan Brunon Wenta, Joachim Zeller, Milan Zver

S&D

Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Iratxe García Pérez, Michela Giuffrida, Anna Hedh, Constanze Krehl, Louis-Joseph Manscour, Georgi Pirinski, Liliana Rodrigues, Monika Smolková, Kerstin Westphal

VERTS/ALE

Bronis Ropė

3

-

EFDD

Raymond Finch, Paul Nuttall

ENF

Steeve Briois

3

0

EFDD

Eleonora Evi

GUE/NGL

Martina Michels, Ángela Vallina

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Marzu 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza