Proċedura : 2017/2260(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0052/2018

Testi mressqa :

A8-0052/2018

Dibattiti :

PV 13/03/2018 - 20
CRE 13/03/2018 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2018 - 8.12
CRE 14/03/2018 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0078

RAPPORT     
PDF 698kWORD 86k
5.3.2018
PE 615.238v02-00 A8-0052/2018

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018

(2017/2260(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Krzysztof Hetman

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018

(2017/2260(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),  

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 145, 148, 152, 153, 174 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod partikolari n-Nru 1, 3, 4, 5, 8 u 10;

–  wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tas-17 ta' Novembru 2017 f'Gothenburg,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018" (COM(2017)0690),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tat-22 ta' Novembru 2017 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (COM(2017)0674),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2017)0677),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2017)0770),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2018" (COM(2017)0771),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji għall-2018: Valutazzjoni Globali" (COM(2017)0800),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "L-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali" (COM(2017)0250),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "Inizjattiva ta' appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu" (COM(2017)0252),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "Taking stock of the 2013 Recommendation on "Investing in children: breaking the cycle of disadvantage"" (Rendikont tar-Rakkomandazzjoni tal-2013 dwar "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ") (SWD(2017)0258),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tas-seba' edizzjoni tal-"Employment and Social Developments in Europe annual review (2017)" (Rieżami Annwali tal-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa (2017)) iffukata fuq il-ġustizzja u s-solidarjetà interġenerazzjonali fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 bit-titolu "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara" (COM(2016)0646),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2016)0604),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "It-Tisħiħ tal-Investimenti Ewropej għall-impjieg u t-tkabbir: Lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u pjan ġdid ta' Investiment Estern għall-Ewropa" (COM(2016)0581),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (COM(2016)0381),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva" (COM(2016)0356),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-Ewropa tinvesti mill-ġdid – Rendikont tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss" (COM(2016)0359),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2016 dwar it-tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2016)0127) u l-annessi tagħha,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2016 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2015)0071), u l-pożizzjoni dwarha tal-Parlament tal-15 ta' Settembru 2016(2),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013, inkluża r-rakkomandazzjoni 2013/112/UE bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ"(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(4),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar "Completing Europe’s Economic and Monetary Union" (Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bħala xprun biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014-2015(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Impjieg u Aspetti Soċjali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja u dik tax-xogħol(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-Impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(18),

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tar-rapport tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea (Settembru 2015),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 5/2017 tal-Qorti tal-Awdituri ta' Marzu 2017 bit-titolu: "Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza? Valutazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-25 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Developments in working life in Europe: EurWORK annual review 2016" (L-Iżviluppi fil-ħajja tax-xogħol fl-Ewropa: rieżami annwali tal-EurWORK 2016), u b'mod speċifiku l-kapitolu dwar "Pay inequalities: Evidence, debate and policies" (L-inugwaljanzi fil-pagi: Evidenza, dibattitu u politiki),

–  wara li kkunsidra l-aġġornament topiku tal-Eurofound tat-18 ta' Lulju 2017 bit-titolu "Pay inequalities experienced by posted workers: Challenges to the "equal treatment" principle" (Inugwaljanzi fil-pagi tal-ħaddiema stazzjonati: Sfidi għall-prinċipju ta' "trattament ugwali") li jipprovdi ħarsa ġenerali dettaljata tal-pożizzjonijiet tal-gvernijiet u tas-sħab soċjali madwar l-Ewropa fir-rigward tal-prinċipju ta' remunerazzjoni ugwali għal xogħol ugwali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tas-26 ta' Ġunju 2017 "Occupational change and wage inequality: European Jobs Monitor 2017" (Il-bidliet fuq il-post tax-xogħol u l-inugwaljanza fil-pagi: Monitoraġġ tal-Impjiegi Ewropej 2017),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tad-19 ta' April 2017 bit-titolu "Social mobility in the EU" (Il-mobilità soċjali fl-UE),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tat-13 ta' Marzu 2017 bit-titolu "Income inequalities and employment patterns in Europe before and after the great Recession" (L-inugwaljanzi fl-introjtu u xejriet tal-impjiegi fl-Ewropa qabel u wara r-Reċessjoni l-Kbira),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Eurofound tal-24 ta' Frar 2017 dwar l-Involviment tas-sħab soċjali fis-Semestru Ewropew: aġġornament tal-2016, u tas-16 ta' Frar 2016 dwar ir-Rwol tas-sħab soċjali fis-Semestru Ewropew li jeżamina l-perjodu 2011-2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport ġenerali tal-Eurofound tas-17 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Sixth European Working Conditions Survey" (Is-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tat-12 ta' Marzu 2015 bit-titolu "New forms of employment" (Forom ġodda ta' impjieg),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tad-29 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "Women, men and working conditions in Europe" (In-nisa, l-irġiel u l-kundizzjonijet tax-xogħol fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali dwar il-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0052/2018),

A.  billi r-rata tal-qgħad fl-UE qiegħda tiżdied u laħqet 72,3 % fit-tieni kwart tal-2017, li jikkorrispondi għal 235,4 miljun persuna impjegata, u li jikkostitwixxi progress lejn il-kisba tal-mira ta' 75 % ta' rata tal-qgħad speċifikata fl-istrateġija Ewropa 2020; billi għad hemm differenzi sostanzjali ħafna bejn ir-rati ta' impjieg f'bosta Stati Membri, li jvarjaw minn ferm inqas mill-medja tal-UE ta' 65 % fil-Greċja, fil-Kroazja, fl-Italja u fi Spanja, għal aktar minn 75 % fin-Netherlands, fid-Danimarka, fir-Renju Unit, fil-Ġermanja u fl-Iżvezja, u għad fadal xi jsir għal irkupru mill-kriżi u, b'mod partikolari, biex jintlaħqu l-miri nazzjonali tal-istrateġija Ewropa 2020; billi t-tkabbir fl-impjiegi kien aktar b'saħħtu fost il-ħaddiema akbar fl-età, l-impjegati b'livell għoli ta' ħiliet u l-irġiel, u aktar dgħajjef fost iż-żgħażagħ, il-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u n-nisa; billi l-impjieg imkejjel f'termini ta' sigħat maħduma minn kull impjegat għadu 3 % taħt il-livell ta' qabel il-kriżi fl-UE u 4 % taħt il-livell ta' qabel il-kriżi fiż-żona tal-euro, minħabba aktar xogħol part-time u inqas sigħat maħduma minn impjegati full-time; billi bħalissa fl-UE 18,9 miljun ruħ għadhom mingħajr impjieg, l-investiment għadu baxx wisq, iż-żieda fil-pagi hija baxxa u l-faqar fost dawk li jaħdmu għadu qiegħed jiżdied; ifakkar li l-Artikolu 3 tat-TUE jistipula li l-Unjoni għandha timmira għal okkupazzjoni sħiħa;

B.  Billi 18.9 miljun ruħ fl-UE għadhom mingħajr impjieg, minkejja l-fatt li r-rati tal-qgħad fl-UE u fiż-żona tal-euro jinsabu fl-aktar livelli baxxi għal dawn l-aħħar disa' snin, b'7,5 % u 8,9 % rispettivament; billi, barra minn hekk, dan l-irkupru għadu ferm inkonsistenti fost l-Istati Membri, bir-rati tal-qgħad ivarjaw minn madwar 4 % fil-Ġermanja sa kważi 20 % fi Spanja u 23,6 % fil-Greċja; billi l-qgħad moħbi – nies diżokkupati li lesti jaħdmu iżda mhux qegħdin ifittxu impjieg b'mod attiv – kien ta' 20 % fl-2016, filwaqt li s-sehem tal-qgħad fit-tul fl-UE għadu għoli b'mod allarmanti b'aktar minn 46,4 % (iċ-ċifra korrispondenti għaż-żona tal-euro hija ta' 49,7 %); billi f'xi Stati Membri, il-qgħad għadu għoli minħabba nuqqas ta' tkabbir u dgħufijiet strutturali; billi r-riformi inadegwati tas-suq tax-xogħol huma waħda mir-raġunijiet għal-livell għoli ta' qgħad; billi l-appoġġ għall-persuni qiegħda fit-tul huwa essenzjali, inkella din is-sitwazzjoni tibda taffettwa l-kunfidenza fihom infushom, u l-benessri u l-iżvilupp futur tagħhom, filwaqt li tpoġġihom f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, u timmina kemm is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali kif ukoll id-dimensjoni soċjali Ewropea;

C.  billi x-xogħol part-time żdied bi 11 % mill-2008 u x-xogħol full-time naqas bi 2 % matul l-istess perjodu, filwaqt li x-xogħol part-time involontarju niżel minn 29,3 % fl-2013 għal 27,7 % fl-2016, iżda xorta għadu jirrappreżenta kwart ta' dawn it-tipi ta' kuntratti;

D.  billi s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol bejn xogħlijiet permanenti u xogħlijiet atipiċi għadha inkwetanti, fejn f'xi Stati Membri l-kuntratti temporanji jammontaw għal bejn 10 % u 20 % tal-impjiegi, b'rati ta' tranżizzjoni partikolarment baxxi lejn kuntratti permanenti u xogħlijiet temporanji li jirrappreżentaw truf li ma jwasslu mkien aktar milli mezzi ta' passaġġ lejn xogħlijiet permanenti; billi dan il-fenomenu qiegħed jipprevjeni numri kbar ta' ħaddiema milli jibbenefikaw minn impjieg sigur u mħallas relattivament tajjeb u prospetti tajbin, u qiegħed joħloq differenzi fil-pagi bejn ħaddiema permanenti u ħaddiema temporanji;

E.  billi għalkemm jista' jiġi osservat titjib żgħir fir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, din xorta waħda għadha għolja b'mod preokkupanti b'16,6 % (18,7 % fiż-żona tal-euro); billi, skont l-abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, iż-żgħażagħ huma aktar ta' spiss impjegati f'forom mhux standard u atipiċi ta' impjieg, inklużi xogħlijiet temporanji, xogħol part-time involontarju u xogħlijiet b'inqas paga; billi fl-2016 kien għad hemm 6,3 miljun żagħżugħ u żagħżugħa bejn il-15 u l-24 sena barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs); billi l-Istati Membri jistgħu jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ billi jiżviluppaw u jimplimentaw oqfsa regolatorji tas-suq tax-xogħol, sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ u politiki attivi tas-suq tax-xogħol, abbażi tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni dwar l-età fir-rigward tal-Artikolu 19 tat-TFUE u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fl-impjiegi;

F.  billi għalkemm id-differenzi fir-rati tal-qgħad fost l-Istati Membri huma iżgħar, dawn xorta waħda għadhom ogħla mil-livell ta' qabel il-kriżi; billi l-qgħad fit-tul għadu 'l fuq minn 50 % tal-qgħad totali f'ċerti Stati Membri u, bħala medja, 46,6 % fl-UE u 49,7 % fiż-żona tal-euro; billi r-rata tal-qgħad issegwi biss nies li m'għandhomx xogħol u li jkunu fittxew b'mod attiv xogħol fl-aħħar erba' ġimgħat, filwaqt li r-rata tal-qgħad fit-tul tkejjel biss is-sehem tan-nies fil-popolazzjoni ekonomikament attiva li għandhom bejn 15 u 74 sena u li kienu diżokkupati għal 12-il xahar jew aktar;

G.  billi d-diskrepanza bejn il-ġeneri fl-impjieg għadha tippersisti, u issa hija ta' 11,6 % fl-UE, b'rati tal-impjieg speċifiċi għall-ġeneru ta' 76,9 % għall-irġiel u 65,3 % għan-nisa, filwaqt li hemm diskrepanzi saħansitra akbar fost nisa li ma twieldux fl-UE u nisa Rom; billi d-diskrepanza bejn il-ġeneri hija saħansitra akbar fl-impjieg part-time, fejn fl-2016, kienet tammonta għal differenza ta' 23 punti perċentwali (pp) u saħansitra kienet ogħla minn 30 pp f'erba' Stati Membri, filwaqt li l-impjieg part-time involontarju tan-nisa kien ta' 23,5 %; billi r-rata tal-impjieg tan-nisa b'tal-inqas wild wieħed taħt l-eta' ta' sitt snin hija 9 pp inqas mir-rata korrispondenti tan-nisa mingħajr ulied, filwaqt li 19 % tal-forza tax-xogħol potenzjali tan-nisa fl-2016 kienet inattiva minħabba li dawn kienu qegħdin jieħdu ħsieb tfal jew adulti inabilitati; billi, minħabba rati inqas ta' impjieg ekwivalenti għall-full-time, in-nisa sofrew diskrepanza sinifikanti fil-pagi ta' 16,3 % fl-2015 fl-UE bħala medja, li tvarja minn 26,9 % fl-Estonja għal 5,5 % fl-Italja u fil-Lussemburgu;

H.  billi xi Stati Membri oħrajn jiffaċċjaw sfidi strutturali fis-suq tax-xogħol bħall-parteċipazzjoni baxxa u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u tal-kwalifiki; billi hemm ħtieġa li dejjem qiegħda tiżdied li l-forza tax-xogħol inattiva tiġi integrata jew riintegrata sabiex jintlaħqu d-domandi tas-suq tax-xogħol;

I.  billi s-soċjetajiet fl-Unjoni Ewropea qegħdin jixjieħu (kważi 20 % tal-popolazzjoni Ewropea għandha aktar minn 65 sena u l-estimi jissuġġerixxu li din ir-rata ser tilħaq 25 % sal-2050), u li l-proporzjon ta' dipendenza fuq l-anzjani ser jiżdied, fatt li jippreżenta sfidi addizzjonali għall-Istati Membri u jista' jirrikjedi li jagħmlu aġġustamenti biex ikomplu jiżguraw sigurtà soċjali, kura tas-saħħa u sistemi ta' kura tas-saħħa fit-tul li jkunu ffinanzjati sew u robusti, u biex jissodisfaw il-ħtieġa għal forniment ta' kura formali u informali; billi l-persuni li jindukraw jikkostitwixxu vantaġġ vitali għas-soċjetà; billi l-istennija tat-tul tal-ħajja fit-twelid fl-UE-28 naqset ftit fl-2015, b'estimu ta' total ta' 80,6 sena (0,3 sena inqas mill-2014), 83,3 sena għan-nisa (0,3 sena inqas mill-2014) u 77,9 sena għall-irġiel (0,2 sena inqas mill-2014); billi dan kien l-ewwel tnaqqis fl-istennija tat-tul tal-ħajja tal-UE-28 sa mill-2002, fejn id-data dwar l-istennija tat-tul tal-ħajja saret disponibbli għall-Istati Membri kollha, u tista' tiġi osservata fil-maġġoranza tal-Istati Membri; billi skont il-Eurostat għadu mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk it-tnaqqis fl-istennija tat-tul tal-ħajja bejn l-2014 u l-2015 kienx biss temporanju jew hux ser ikompli fis-snin li ġejjin;

J.  billi l-isfidi demografiċi jinkludu fatturi bħad-depopolazzjoni u d-dispersjoni tal-popolazzjoni li jfixklu t-tkabbir tar-reġjuni affettwati u jheddu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE;

K.  billi r-rata tat-tluq bikri mill-iskola hija ta' madwar 20 % f'diversi Stati Membri bħal Malta, Spanja u r-Rumanija, u għadha 'l fuq mir-rata tal-mira tal-UE ta' 10 % fil-Portugall, il-Bulgarija, l-Italja, l-Ungerija, ir-Renju Unit u l-Greċja; billi t-tluq bikri mill-iskola jirrappreżenta sfida kumplessa fil-livelli individwali, nazzjonali u Ewropej; billi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat, oriġini migranti u bżonnijiet speċjali huma l-aktar fatturi sinifikanti assoċjati ma' suċċess edukattiv baxx u tluq bikri mill-iskola, filwaqt li jitqies li l-proporzjon medja tal-UE ta' dawk li huma batuti fix-xjenza fi ħdan il-kwartil soċjoekonomiku tal-qiegħ tal-popolazzjoni tal-istudenti  fl-UE skont l-istaħrriġ PISA 2015 huwa ta' madwar 34 %, 26pp aktar mill-ogħla kwartil soċjoekonomiku;

L.  billi s-settur tal-ekonomija soċjali jinkludi 2 miljun negozju (bejn wieħed u ieħor 10 % tat-total tal-UE) u jimpjega aktar minn 14-il miljun persuna (madwar 6,5 % tal-ħaddiema tal-UE); billi dan is-settur għandu rwol importanti biex jilħaq l-isfidi innumerabbli li s-soċjetajiet tal-lum qegħdin jiffaċċjaw, mhux l-inqas it-tixjieħ tal-popolazzjonijiet tagħhom;

M.  billi 80 miljun Ewropew għandhom diżabilità; billi l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-aċċessibbiltà għalihom għadha lura;

N.  billi minkejja li jista' jiġi osservat xi progress fit-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, għad hemm gruppi żvantaġġati fis-soċjetà, u huwa inaċċettabbli li 119-il miljun Ewropew jinsabu fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali, li minnhom aktar minn 25 miljun huma tfal (aktar minn wieħed minn kull erba' tifel u tifla fl-UE), filwaqt li għadhom jeżistu diverġenzi reġjonali fl-Istati Membri u fl-Unjoni kollha, u dan ifisser li l-UE tinsab ferm lura milli tikseb il-mira tal-UE 2020; billi l-inugwaljanza fl-introjtu qiegħda tkompli tikber f'żewġ terzi tal-pajjiżi kollha tal-UE; billi fl-UE kollha, 20 % tal-unitajiet domestiċi l-aktar sinjuri rċevew sehem ta' dħul li kien 5,1-il darba aktar mill-20 % l-aktar fqar, b'differenza għolja ta' 6,5 jew ogħla f'xi pajjiżi Ewropej tal-Lvant u tan-Nofsinhar – kważi d-doppju tal-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali u tal-pajjiżi Nordiċi bl-aħjar prestazzjonijiet; billi l-livelli għoljin ta' inugwaljanza għadhom ostaklu għal opportunitajiet indaqs fl-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-protezzjoni soċjali, u għaldaqstant huma ta' detriment għall-ġustizzja soċjali, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli;

O.  billi, skont il-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni "Employment and Social Developments in Europe 2017" (Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa 2017), fl-2015 kien hemm 118,8 miljun persuna f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali (AROPE), 1,7 miljun aktar miċ-ċifra tal-2008 u 'l bogħod mill-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020 li jitnaqqsu l-AROPE b'20 miljun, b'disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri, li jvarjaw minn 5 % jew anqas fir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja għal madwar 20 % fil-Greċja u fi Spanja; billi r-rata tal-AROPE għat-tfal (0-17) kienet ta' 26,4 % fl-2016, jiġifieri kienet ogħla mir-rati ekwivalenti għall-adulti (16-64, 24,2 %) u, bi kważi 10 pp, ir-rata tal-anzjani (65+, 18,3 %); billi n-numru ta' tfal li qegħdin jesperjenzaw il-faqar għadu għoli b'mod allarmanti fl-Ewropa attwalment b'aktar minn 25 miljun, u l-impatt tal-faqar fuq it-tfal jista' jdum tul ħajjithom u jipperpetwa t-trażmissjoni ta' żvantaġġ minn ġenerazzjoni għall-oħra; billi l-politiki soċjali huma importanti biex tinkiseb il-koeżjoni u l-UE tkun eqreb għaċ-ċittadini tagħha;

P.  billi fl-Ewropa kollha hemm żieda fil-faqar fost dawk li jaħdmu, bl-ogħla livelli rreġistrati fi Spanja (13,1 %), fil-Greċja (14 %) u fir-Rumanija (18,6 %), fatt li juri li l-impjieg biss mhuwiex dejjem biżżejjed biex ineħħi lill-persuni mill-faqar u jirrifletti tendenzi differenti tas-suq tax-xogħol, fosthom xogħlijiet part-time u/jew temporanji, livelli tal-pagi u intensità tax-xogħol fl-unitajiet domestiċi u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena; billi ż-żieda fil-pagi għadha mrażżna fl-UE, wara żieda b'inqas minn 1 % f'dawn l-aħħar sentejn u d-dispersjoni tal-kumpens lill-impjegati hija pjuttost mifruxa fl-UE, li tvarja minn EUR 4,6 għal kull siegħa maħduma fil-Bulgarija għal EUR 43,3 għal kull siegħa maħduma fil-Lussemburgu; billi ż-żieda fil-pagi reali kienet inqas mill-medja tat-tkabbir tal-produttività fi 18 mit-28 Stat Membru u kienet ukoll inqas mit-tnaqqis fil-qgħad; billi l-istabbiliment tal-pagi huwa kwistjoni ta' kompetenza nazzjonali;

Q.  billi l-edukazzjoni hija fattur kruċjali għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, minkejja li appoġġata mill-Kummissjoni; billi l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jitqies il-fatt li r-rata tal-impjieg taż-żgħażagħ (dawk bejn l-20 u l-34 sena) b'edukazzjoni għolja hija ta' 82,8 % fl-UE, 10 pp ogħla minn dawk b'edukazzjoni sekondarja għolja; billi t-taħriġ vokazzjonali qiegħed jibda jsir aktar kredibbli, kemm f'għajnejn iż-żgħażagħ Ewropej kif ukoll f'għajnejn in-negozji li qegħdin jirrikonoxxu l-abbiltajiet tagħhom; billi t-taħriġ miksub f'kuntest informali jipprovdi wkoll lill-Ewropej b'għodod essenzjali għas-suq tax-xogħol;

R.  billi għalkemm it-trasformazzjoni diġitali tirrikjedi li tal-inqas il-ħaddiema jkollhom ħiliet bażiċi diġitali, huwa stmat li 44 % tal-popolazzjoni tal-UE m'għandhiex dawn il-ħiliet(19);

S.  billi, f'konformità mal-Artikolu 168 tat-TFUE, għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet rilevanti tal-Unjoni; billi dan ikun jikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali, il-ġustizzja u l-ugwaljanza soċjali; billi l-avvanzi teknoloġiċi u xjentifiċi, li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) tal-2018 jilqa', qegħdin jagħmluha possibbli biex jinstabu trattamenti u mediċini aħjar, aktar effikaċi u aktar affordabbli; billi dan il-progress qiegħed jgħin jiżgura li l-persuni li jsofru minn kundizzjonijiet kroniċi partikolari, ser ikunu kapaċi jidħlu fis-suq tax-xogħol jew jibqgħu jaħdmu għal aktar żmien; billi din il-mira attwalment qiegħda tiġi kkontestata mill-ispiża għolja ta' xi mediċini;

T.  billi l-politika fiskali fl-Istati Membri għandha rwol fl-istabbilizzazzjoni tal-ambjent makroekonomiku, filwaqt li tfittex ukoll objettivi oħra bħas-sostenibbiltà fiskali jew ir-ridistribuzzjoni;

U.  billi l-provvista u l-ġestjoni ta' sistemi tas-sigurtà soċjali huma l-kompetenza tal-Istat Membri li l-Unjoni tikkoordina iżda ma tarmonizzax;

V.  billi d-dħul gross reali disponibbli tal-unitajiet domestiċi (GDHI) per capita għadu ma rkuprax mil-livelli tiegħu ta' qabel il-kriżi f'diversi Stati Membri, b'għadd ta' ċifri bejn l-20 u t-30 pp inqas mill-2008;

W.  billi l-kapaċità tal-ekonomija tal-UE li tmexxi tkabbir fit-tul hija anqas mill-kapaċità tal-kompetituri maġġuri tagħna; billi l-Kummissjoni stmat li t-tkabbir potenzjali huwa madwar 1,4 % fl-UE b'paragun ma' 2 % fl-Istati Uniti;

X.  billi x-xogħol mhux iddikjarat iċaħħad lill-ħaddiema mid-drittijiet tagħhom u jħeġġeġ id-dumping soċjali, jinvolvi implikazzjonijiet baġitarji serji, u jaffettwa b'mod negattiv l-impjieg, il-produttività, il-kwalità tax-xogħol u l-iżvilupp tal-ħiliet, u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema tal-intitolamenti tal-pensjoni; billi hemm bżonn ta' sforzi kontinwi biex ix-xogħol mhux iddikjarat jinbidel f'xogħol iddikjarat;

Y.  billi r-reġjuni ultraperiferiċi jridu jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet enormi relatati mal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom li jillimitaw il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir; billi f'dawn ir-reġjuni r-rati tal-qgħad ivarjaw bejn 11,2 % u 27,1 % u r-rati tal-qgħad fit-tul ivarjaw bejn 54,5 % u 80,9 %; billi f'dawk ir-reġjuni l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa ogħla minn 40 %;

Z.  billi skont ir-riċerka tal-Eurofound, l-involviment tas-sħab soċjali fl-elaborazzjoni tal-programmi ta' riforma nazzjonali qiegħed jitjieb gradwalment fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, minkejja li għad hemm differenzi u eżiti sinifikanti fir-rigward tal-kwalità u l-effikaċja tal-impenn globali tas-sħab soċjali nazzjonali fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

AA.  billi l-istudju li jmiss tal-Eurofound dwar l-involviment tas-sħab soċjali fis-Semestru Ewropew ser jirrapporta proċess ta' konsolidazzjoni u sensibilizzazzjoni li qiegħda tiżdied, skont il-Linja Gwida dwar l-Impjiegi Nru 7 dwar it-tisħiħ tal-funzjonament tas-swieq tax-xogħol; billi, madankollu, is-sħab soċjali jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat impenn xieraq bil-faċilitazzjoni tal-konsultazzjoni sinifikanti u f'waqtha, skambju ta' kontribuzzjonijiet u feedback, u bl-għotja ta' viżibilità tal-fehmiet tagħhom;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018, flimkien mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali integrat bħala parti importanti tal-politiki globali għal impjiegi ta' kwalità, it-tkabbir sostenibbli u l-investiment, bil-għan li jiżdiedu l-produttività u l-pagi, il-ħolqien ta' impjiegi, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-faqar u t-titjib tal-protezzjoni soċjali u l-aċċess u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi; jagħraf li s-SAT huwa bbażat fuq strateġija ta' investiment, riformi strutturali u finanzi pubbliċi responsabbli li jridu jiġu akkumpanjati minn politiki u miżuri għat-twettiq tal-prinċipji u l-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jisħaq li l-Kummissjoni għandha, fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew, ittejjeb il-proċess tal-koordinazzjoni tal-politika sabiex tissorvelja, tevita u tikkoreġi t-tendenzi negattivi li jistgħu jżidu l-inugwaljanzi u jdgħajfu l-progress soċjali, bħala mezz biex il-koordinazzjoni ekonomika tintrabat mal-prestazzjoni tal-impjiegi u dik soċjali; jistieden lill-Istati Membri biex isegwu l-prijoritajiet identifikati fl-istħarriġ u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jakkumpanjah, bil-ħsieb li l-politiki u l-istrateġiji nazzjonali tagħhom jippromwovu t-tkabbir, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi ta' kwalità, il-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni; jinnota l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trawwim tas-saħħa ta' negozjar tal-ħaddiema;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa għal riformi strutturali soċjalment u ekonomikament ibbilanċjati bl-għan li jitwettaq is-"Social Triple A" billi jittejbu s-suq tax-xogħol u l- politiki soċjali li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ħaddiema u l-gruppi individwali, sabiex jissaħħaħ l-investiment, jinħolqu impjiegi ta' kwalità, il-forza tax-xogħol tkun megħjuna fil-ksib tal-ħiliet li teħtieġ, jiġu promossi opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, tiżdied il-produttività tax-xogħol, tiġi appoġġata ż-żieda fis-salarji u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali li jkunu sostenibbli u adegwati, u biex jittejbu l-istandards tal-ħajja għaċ-ċittadini kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ambjent favorevoli kemm għan-negozji kif ukoll għall-ħaddiema bl-għan li joħolqu aktar impjiegi stabbli, filwaqt li jibbilanċjaw id-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi u t-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod konġunt u b'mod komplementari; jistieden lill-Istati Membri biex gradwalment iċaqalqu t-taxxi mix-xogħol għal sorsi oħra mingħajr ma jipperikolaw is-sigurtà soċjali; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex itejbu l-istandards soċjali u jnaqqsu l-inugwaljanzi;

3.  Jitlob impenn akbar biex jiġu miġġielda l-faqar u l-inugwaljanza li qiegħda tiżdied u biex l-investimenti soċjali jingħataw spinta, fid-dawl tar-rendimenti ekonomiċi u l-benefiċċji soċjali tagħhom; ifakkar li ekonomiji b'livell għoli ta' investiment soċjali huma aktar reżiljenti għax-xokkijiet; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, sabiex jippermettu investiment pubbliku soċjali u, fejn meħtieġ, investiment akbar fl-infrastruttura soċjali u appoġġ għal dawk l-aktar milquta sabiex jiġu indirizzati kif jixraq l-inugwaljanzi, b'mod partikolari permezz tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali li jipprovdu appoġġ adegwat u dedikat għall-introjtu; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq, fejn rilevanti, valutazzjoni aktar profonda ta' liema tipi ta' nfiq jistgħu jitqiesu definittivament bħala investiment soċjali;

4.  Jemmen li huwa importanti li jitrawwem djalogu interkulturali sabiex ikun aktar faċli li l-migranti, ir-rifuġjati u dawk li jfittxu l-asil jidħlu fis-suq tax-xogħol u jintegraw fis-soċjetà; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li għad hemm parteċipazzjoni baxxa fis-suq tax-xogħol tal-minoranzi etniċi; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, biex jimplimentaw b'mod korrett id-Direttivi 2000/78/KE u 2000/43/KE; ifakkar li dawk li għadhom jibdew iġibu magħhom għarfien u ħiliet ġodda, u jitlob l-iżvilupp ulterjuri u l-promozzjoni ta' għodod li jipprovdu informazzjoni multilingwi dwar l-opportunitajiet eżistenti ta' tagħlim formali u informali, taħriġ professjonali, traineeships u ħidma volontarja;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tara li l-isforzi tagħha jkunu effettivi bil-ħsieb li tgħin lil persuni li jbatu minn kundizzjonijiet partikolari, pereżempju uġigħ kroniku, biex jidħlu jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol; jafferma li s-suq tax-xogħol jeħtieġ li jkun adattat għal sitwazzjonijiet bħal dawn, u jsir aktar flessibbli u mhux diskriminatorju, sabiex jiżgura li l-persuni kkonċernati jistgħu bl-istess mod jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tal-UE, b'hekk titnaqqas il-pressjoni fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali;

6.  Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni favur l-investiment li jsaħħaħ is-sostenibbiltà ambjentali u r-rikonoxximent tal-potenzjal tiegħu fl-ekonomija kollha; jaqbel li l-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkulari u ekoloġika għandu potenzjal għoli għall-ħolqien nett ta' impjiegi;

7.  Jilqa' l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) u jemmen li s-Semestru Ewropew għandu jappoġġa l-iżvilupp tal-20 prinċipju ewlieni tiegħu dwar l-opportunitajiet indaqs, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali, li għandhom iservu bħala punt ta' referenza u ta' rakkomandazzjoni fl-implimentazzjoni taċ-ċiklu tal-koordinazzjoni tal-politika tas-Semestru Ewropew sabiex tinħoloq "Social Triple A" ġenwina għall-Ewropa, u biex jinħoloq tkabbir ekonomiku u prevedibbli, sitwazzjoni finanzjarja sostenibbli subordinata għall-miri tal-politika ekonomika u tal-impjieg, b'hekk jiġu ssodisfati l-għanijiet ewlenin prijoritizzati tal-istrateġija UE2020; jirrimarka li l-proċess ta' koordinazzjoni tas-Semestru Ewropew huwa mezz essenzjali ta' konsolidament tad-dimensjoni soċjali Ewropea, li minnha tnissel il-Pilastru Soċjali; jenfasizza li l-EPSR huwa l-ewwel pass permezz tal-ħolqien ta' approċċ komuni għall-protezzjoni u l-iżvilupp tad-drittijiet soċjali fl-UE, li għandu jiġi rifless f'miżuri meħuda mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tressaq proposti konkreti biex jissaħħu d-drittijiet soċjali permezz ta' għodod konkreti u speċifiċi (leġiżlazzjoni, mekkaniżmi għat-tfassil tal-politiki u strumenti finanzjarji) u biex jinkisbu riżultati konkreti; jisħaq fuq is-supremazija tad-drittijiet fundamentali;

8.  Jagħraf l-isforzi meħuda biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tas-Semestru; jappella għal aktar azzjoni li tibbilanċja l-prijoritajiet soċjali u ekonomiċi u li ttejjeb il-kwalità ta' monitoraġġ u r-rakkomandazzjonijiet fil-qasam soċjali;

9.  Jilqa' t-tabella ta' valutazzjoni l-ġdida, li tipprovdi 14-il indikatur ewlieni għall-monitoraġġ tal-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali tal-Istati Membri fir-rigward ta' tliet dimensjonijiet wiesgħa, identifikati fil-kuntest tal-Pilastru Soċjali;

10.  Jissottolinja l-fatt li għall-UE, bħala medja, 11 minn 14-il indikatur ewlieni rreġistraw titjib matul l-aħħar sena disponibbli, u dan ikkonferma t-titjib kostanti fis-suq tax-xogħol u s-sitwazzjoni soċjali li akkumpanjat l-irkupru ekonomiku; jinnota, madankollu, li hija meħtieġa azzjoni biex tinkiseb konverġenza soċjali 'l fuq tul id-dimensjonijiet identifikati permezz tal-Pilastru Soċjali, kif iddikjarat mill-Kummissjoni, u li l-analiżi tal-indikaturi ewlenin turi mill-inqas "sitwazzjoni kritika" waħda għal 17 mit-28 Stat Membru;

11.  Jirrikonoxxi li, minkejja titjib fis-sitwazzjoni ekonomika u tal-impjiegi fis-snin reċenti fl-UE kollha, il-qligħ iġġenerat mhux dejjem tqassam b'mod ugwali, hekk kif in-numru ta' persuni f'sitwazzjoni ta' faqar u esklużjoni soċjali għadu għoli wisq; huwa mħasseb bl-inugwaljanzi li qegħdin jiżdiedu fl-UE u fl-Istati Membri tagħha u biż-żieda fis-sehem ta' ħaddiema f'riskju ta' faqar, mhux biss għal ħaddiema part-time, iżda wkoll għal ħaddiema full-time; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kundizzjonijiet għal dawk in-nies u jagħtu rikonoxximent akbar lill-ħidma u l-għarfien espert tal-NGOs, l-organizzazzjonijiet ta' kontra l-faqar u l-persuni li qegħdin jesperjenzaw huma stess il-faqar u jħeġġu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskambju tal-prattiki tajba; jinnota li l-livelli għoljin ta' inugwaljanza jnaqqsu l-output tal-ekonomija u l-potenzjal għal tkabbir sostenibbli; jissottolinja l-fatt li l-integrazzjoni ta' individwi qiegħda fuq terminu twil permezz ta' miżuri mfasslin individwalment hija fattur ewlieni għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali; jistieden biex jiġu stabbiliti u żviluppati sħubijiet li jinkludu l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha sabiex jiġu provduti l-għodod meħtieġa għal reazzjoni aktar effikaċi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, jingħataw soluzzjonijiet effettivi u jiġi evitat il-qgħad fit-tul; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati politiki tas-suq tax-xogħol effettivi sabiex jitnaqqas il-qgħad fit-tul; iqis li l-Istati Membri għandhom ikomplu jgħinu lil dawk bla xogħol bl-għoti ta' servizzi ta' appoġġ ta' kwalità, bi prezzijiet raġonevoli u aċċessibbli għal tfittxija ta' impjieg, taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid, filwaqt li jipproteġu lil dawk li ma jistgħux jipparteċipaw;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-Għanijiet ta' Żvilupp Soċjali meta tipproponi rakkomandazzjonijiet ta' politika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew;

13.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-varjabilità fir-rati ta' impjieg u qgħad fi Stati Membri differenti u jwissi, b'mod partikolari, dwar il-livell allarmanti ta' sottoimpjieg u l-qgħad moħbi; huwa partikolarment imħasseb dwar il-livell għoli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, b'aktar minn 11 % fl-UE, bl-eċċezzjoni ta' uħud mill-Istati Membri – l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, in-Netherlands, l-Ungerija, Malta u l-Ġermanja; iqis li l-livell għoli ta' NEET u persuni li jitilqu kmieni mill-iskola li għadu persistenti f'diversi pajjiżi huwa partikolarment inkwetanti; jilqa', f'dan ir-rigward, żieda fil-finanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ b'EUR 2.4 biljun għall-perjodu ta' bejn l-2017 u l-2020; jevidenzja li, jekk meħtieġ, għandu jitqies li jingħataw fondi addizzjonali fil-livell tal-UE għall-inizjattiva u li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tkun kompletament miftuħa għall-gruppi kollha, inklużi l-persuni vulnerabbli; ifakkar fir-Rapport Speċjali Nru 5 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, "Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza?";

14.  Huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li s-"sistemi ta' protezzjoni soċjali għandhom jiżguraw id-dritt għal benefiċċji ta' introjtu minimu"; jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu dħul minimu adegwat 'il fuq mis-soll tal-faqar, skont il-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali u bl-involviment tas-sħab soċjali, u biex jiżguraw ikun aċċessibbli għall-persuni kollha u jindirizza lil dawk l-aktar fil-bżonn; iqis li sabiex l-iskemi ta' introjtu minimu jkunu effettivi fil-ġlieda kontra l-faqar, dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn aċċess għal beni u servizzi pubbliċi u miżuri ta' kwalità u affordabbli li jippromwovu opportunitajiet indaqs u jiffaċilitaw id-dħul jew id-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol għal persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, jekk dawn ikunu jistgħu jaħdmu;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq numru Ewropew tas-sigurtà soċjali sabiex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni, biex tipprovdi lin-nies b'rekord tal-intitolamenti attwali u passati tagħhom u biex tevita l-abbuż;

16.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-aċċess għall-protezzjoni soċjali huwa fundamentali sabiex jinħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u li b'segwitu għall-konsultazzjoni mas-sħab soċjali, huwa meħtieġ li jitfasslu proposti konkreti li jiżguraw li l-persuni kollha fil-forom kollha ta' xogħol iġemmgħu intitolamenti tas-sigurtà soċjali, inkluż għall-pensjonijiet adegwati;

17.  Jemmen li l-iżvilupp tal-iskema Ewropea ta' riassigurazzjoni tal-qgħad, imfassla bħala komplementari għas-sistemi nazzjonali tal-benefiċċji, mhux biss itejjeb il-kapaċità ta' assorbiment tal-effetti tal-kriżijiet ekonomiċi b'riżultati assimetriċi, iżda jkun ukoll mezz biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u tas-Semestru Ewropew, issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tappoġġa politiki pubbliċi komprensivi fl-Istati Membri, billi tiffoka fuq li t-tranżizzjonijiet fix-xogħol mill-edukazzjoni u l-qgħad (fit-tul) ikunu mingħajr intoppi, u jappella, b'mod aktar speċifiku, għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri nazzjonali li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni li ilhom qiegħda(20); jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja, speċjalment għall-ħaddiema aktar avvanzati fl-età, biex jgħinuhom jadattaw il-ħiliet tagħhom u jiffaċilitaw l-impjegabbiltà tagħhom;

19.  Huwa mħasseb dwar il-livelli għoljin ta' faqar fl-Ewropa kważi għaxar snin wara l-bidu tal-kriżi, u d-distakk bejn il-ġenerazzjonijiet li sussegwentement inħoloq, inkluż f'dawk l-Istati Membri bi proporzjon ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali; huwa mħasseb b'mod speċjali dwar iż-żieda fir-rati ta' faqar fost it-tfal u l-faqar fost dawk li jaħdmu f'diversi Stati Membri minkejja l-irkupru makroekonomiku f'dawn l-aħħar snin; jinnota li s-sitwazzjoni dwar il-proporzjon ta' tfal li jipparteċipaw fl-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal hija kritika f'aktar minn terz tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali, u tivvaluta l-impatt soċjali u ta' distribuzzjoni tagħhom;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jitnaqqas b'mod drastiku l-faqar fl-Ewropa, b'mod partikolari l-faqar fost it-tfal, u, b'mod aktar speċifiku, biex iressqu proposti konkreti li jpoġġu lit-tfal fil-qalba tal-politiki eżistenti għat-taffija tal-faqar, f'konformità mar-Rakkomandazzjoni dwar l-Investiment fit-Tfal u b'konsiderazzjoni dovuta għall-azzjonijiet preparatorji stabbiliti minn il-baġits tal-UE tal-2017 u tal-2018 u għar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament, billi jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ miżuri li jippermettu li t-tfal f'riskju ta' faqar jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa, edukazzjoni u kura tat-tfal bla ħlas u akkomodazzjoni diċenti u nutrizzjoni adegwata; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jadottaw pjanijiet nazzjonali biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal li jindirizzaw speċifikament l-impatt limitat tat-trasferimenti soċjali fit-tnaqqis tar-riskju tal-faqar;

21.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi tas-SAT dwar it-Tkabbir 2018, dwar l-akkomodazzjoni soċjali adegwata u assistenza oħra ta' akkomodazzjoni bħala servizzi essenzjali, inklużi l-ħarsien ta' persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli minn tkeċċija sfurzata u esklużjonijiet mhux ġustifikati, u l-indirizzar tal-problema ta' persuni mingħajr dar; jitlob sorveljanza msaħħa tal-kundizzjoni ta' persuna mingħajr dar u l-esklużjoni tal-akkomodazzjoni fis-Semestru u r-rakkomandazzjonijiet kif meħtieġ;

22.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea, li jissostitwixxu d-Direttiva attwali dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub;

23.  Jenfasizza r-rati ogħla ta' qgħad taż-żgħażagħ u ħaddiema b'ħiliet baxxi meta mqabbla ma' adulti b'ħiliet speċjalizzati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet, li hija mfassla għat-titjib tal-ħiliet tan-nies bi problemi speċifiċi ta' ħiliet sabiex dawn jiġu megħjuna jirrintegraw fis-suq tax-xogħol;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-isforzi tagħhom fl-investiment f'edukazzjoni u taħriġ affordabbli, aċċessibbli u ta' kwalità għolja, fl-innovazzjoni li tappoġġa t-tkabbir fil-produttività tax-xogħol, fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u f'servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi li jkunu effikaċi u mfassla apposta – b'kont meħud tad-diskrepanzi ġeografiċi, demografiċi u fid-dħul fir-reġjuni u l-pajjiżi individwali – sabiex jiġi garantit li l-ħiliet miksuba jaqblu mad-domanda tas-suq tax-xogħol, biex tingħata s-setgħa lin-nies u jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, u biex jitnaqqas l-għadd ta' persuni li jitilqu kmieni mill-iskola; jissottolinja, f'dan ir-rigward, id-domanda li dejjem qiegħda tikber għal ħiliet diġitali u trasferibbli oħra u jinsisti li l-iżvilupp tagħhom huwa urġenti u meħtieġ b'mod partikolari u għandu jkopri l-gruppi kollha tas-soċjetà, b'attenzjoni partikolari mogħtija lill-ħaddiema u ż-żgħażagħ b'livell baxx ta' ħiliet; jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi li jappoġġjaw il-mobilità fit-tul ta' studenti u gradwati żgħażagħ mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li jippermettu li tiġi żviluppata forza tax-xogħol b'ħiliet u mobbli f'setturi b'potenzjal;

25  Huwa tal-fehma li r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki ser ikun ta' benefiċċju biex jingħeleb id-distakk bejn in-nuqqas ta' ħiliet fis-suq tax-xogħol Ewropew u l-persuni li jfittxu x-xogħol, b'mod partikolari ż-żgħażagħ; jirrimarka li l-kwalifiki u l-ħiliet miksuba f'kuntesti ta' tagħlim mhux formali u informali huma importanti sal-punt li dawn itejbu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u ta' dawk li jinsabu barra mis-suq tax-xogħol minħabba li huma kellhom jaġixxu bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-istabbiliment ta' sistema ta' validazzjoni għal forom tal-għarfien u l-esperjenza mhux formali u informali, speċjalment dawk miksuba permezz tal-volontarjat; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni fl-SAT qieset l-importanza tar-rikonoxximent ta' dawk il-ħiliet li jissodisfaw l-għanijiet tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu t-taħriġ vokazzjonali u jsaħħu t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, inklużi l-apprendistati ta' kwalità;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-programmi ta' apprendistati u jagħmlu użu sħiħ minn finanzjament tal-ERASMUS+ disponibbli għat-trainees sabiex tiġi garantita l-kwalità tat-taħriġ ta' dan it-tip u jsir aktar attraenti; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tingħata spinta lill-użu ta' dan il-programm miż-żgħażagħ fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE";

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ u jrawmu l-iskambju tal-aħjar prattiki;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu l-inizjattivi maħsuba biex jiżdied l-aċċess għal edukazzjoni aħjar, il-ħiliet u l-impjiegi, u sabiex jiġi żgurat fokus aktar qawwi fuq l-ekonomija ekoloġika u ċirkolari kollha tax-xogħol tagħhom fuq il-ħiliet;

29.  Huwa tal-fehma li jkun xieraq li Aġenda għall-Ħiliet li tibqa' valida fil-futur tinkludi t-tagħlim għas-sostenibbiltà u tkun parti minn riflessjoni usa' dwar il-litteriżmu okkupazzjonali fil-kuntest ta' diġitizzazzjoni u robotizzazzjoni dejjem akbar tas-soċjetajiet Ewropej, filwaqt li tikkonċentra mhux biss fuq it-tkabbir ekonomiku iżda wkoll fuq l-iżvilupp personali, is-saħħa u l-benessri aħjar tal-istudenti;

30.  Jilqa' favorevolment il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2017 dwar it-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-edukazzjoni u l-kultura, li tinkludi objettivi ambizzjużi fil-qasam tal-edukazzjoni, b'mod partikolari dwar il-ħolqien ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u t-titjib tat-tagħlim tal-lingwi fl-Ewropa;

31.  Ifakkar li l-industriji kreattivi huma fost l-aktar setturi imprenditorjali, u li l-edukazzjoni kreattiva tiżviluppa ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni tal-problemi, is-sens ta' kollaborazzjoni f'tim u l-inġenjożità; jitlob li l-arti u t-tagħlim kreattiv ikunu inkorporati fl-edukazzjoni STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) minħabba r-rabta stretta bejn il-kreattività u l-innovazzjoni; jevidenzja, barra minn hekk, il-potenzjal tas-settur kulturali u kreattiv (SKK) għall-preservazzjoni u għall-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u għat-tkabbir ekonomiku, għall-innovazzjoni u għall-impjiegi, speċjalment għall-impjiegi taż-żgħażagħ; jisħaq fuq il-fatt li aktar promozzjoni tas-SKK u investimenti f'dan tal-aħħar jistgħu jikkontribwixxu sostanzjalment għall-investimenti, għat-tkabbir, għall-innovazzjoni u għall-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tqis l-opportunitajiet offruti mis-SKK kollu, inklużi b'mod partikolari l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet iż-żgħar, pereżempju fl-ambitu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

32.  Ifakkar fil-bżonn li l-bniet u t-tfajliet jitħeġġew isegwu studji fil-qasam tal-ICTs u jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-bniet u lit-tfajliet jistudjaw is-suġġetti STEM, filwaqt li jkopru wkoll l-arti u l-istudji umanistiċi, u jżidu r-rappreżentanza tan-nisa fil-qasam STEM;

33.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex itejbu s-servizzi u l-leġiżlazzjoni li huma importanti biex jinstab bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja u għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob li jiġu żviluppati servizzi aċċessibbli, ta' kwalità u affordabbli għall-indukrar tat-tfal u għall-edukazzjoni bikrija, kif ukoll servizzi tal-indukrar għal dawk dipendenti fuq l-indukrar, u li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw billi jiġi permess it-teħid ta' liv vantaġġuż għall-familja u jiġu permessi arranġamenti flessibbli tax-xogħol li jisfruttaw il-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda, jiggarantixxu l-protezzjoni soċjali u fejn meħtieġ jipprovdu taħriġ adegwat; jisħaq, madankollu, l-ħtieġa għaldaqstant li jittaffa l-piż ta' kura obbligatorja minn fuq il-membri tal-familja u jappella għall-ħolqien ta' qasam regolat ta' ħaddiema domestiċi u carers li jiffaċilitaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata filwaqt li jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-potenzjali tas-sħubiji pubbliċi-privati u r-rwol importanti tal-fornituri tas-servizzi soċjali u tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali; jenfasizza bis-sħiħ il-ħtieġa għall-monitoraġġ tal-progress soċjali u dwar il-ġeneru, biex tiġi inkluża l-perspettiva dwar il-ġeneru u jitqies l-impatt tar-riformi maż-żmien;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miri dwar l-indukrar ta' persuni anzjani, persuni b'diżabilità u dipendenti oħra, simili għall-miri ta' Barċellona, b'għodod ta' monitoraġġ biex jiġi żgurat li dawn jiġu ssodisfati; jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jikkunsidraw standards kwalitattivi għas-servizzi kollha tal-indukrar, inkluż fir-rigward tad-disponibbiltà, tal-aċċessibbiltà u tal-affordabbiltà tagħhom; jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jilqgħu l-konklużjonijiet tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) dwar it-tisħiħ ta' appoġġ u ta' indukrar ibbażati fil-komunità għal għajxien indipendenti, u jiżviluppaw strateġija ċara u qawwija ta' investiment biex jiġu żviluppati servizzi komunitarji ta' kwalità għolja u biex jiżdied l-appoġġ għal dawk li jipprovdu l-indukrar, speċjalment dawk li jieħdu ħsieb il-familja;

35.  Jappella lill Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tax-xogħol, kemm f'termini tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll f'termini ta' pagi li jippermettu għajxien deċenti u ppjanar tal-familja; jisħaq fuq l-importanza tal-ġlieda effikaċi kontra x-xogħol mhux iddikjarat, bl-involviment tas-sħab soċjali u bl-impożizzjoni ta' multi xierqa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirdoppjaw l-isforzi tagħhom biex jittrasformaw ix-xogħol mhux dikjarat f'xogħol dikjarat billi jsaħħu l-mekkaniżmi tal-ispezzjoni tax-xogħol tagħhom u jistabbilixxu miżuri li jippermettu lill-ħaddiema jimxu mill-ekonomija informali għall-ekonomija formali; ifakkar lill-Istati Membri dwar l-eżistenza tal-Pjattaforma ta' Xogħol Mhux Iddikjarat, li fiha għandhom jieħdu sehem b'mod attiv billi jużawha għall-iskambju tal-aħjar prattiki u bil-għan li jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat, il-kumpaniji tal-isem u l-impjiegi indipendenti fittizji, li kollha kemm huma jipperikolaw kemm il-kwalità tax-xogħol kif ukoll l-aċċess tal-ħaddiema għas-sistemi ta' protezzjoni soċjali u għall-finanzi pubbliċi nazzjonali, li jwasslu għal kompetizzjoni inġusta bejn in-negozji Ewropej; jilqa' l-inizjattivi l-ġodda proposti mill-Kummissjoni, bħalma huma t-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar Awtorità Ewropea tax-Xogħol u n-Numru tas-Sigurtà Soċjali Ewropew; jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-ispettorati tax-xogħol jew lill-korpi pubbliċi rilevanti riżorsi adegwati biex jindirizzaw il-kwistjoni ta' xogħol mhux iddikjarat, biex ifasslu miżuri li jippermettu lill-ħaddiema jgħaddu mill-ekonomija informali għal dik formali u biex itejbu l-kooperazzjoni transfruntiera bejn is-servizzi ta' spezzjoni u l-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u tad-data, sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-kontrolli mfassla biex jiġġieldu u jipprevjenu l-frodi soċjali u x-xogħol mhux iddikjarat u jitnaqqas il-piż amministrattiv;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol ikunu effiċjenti u effettivi u jkunu mfassla b'tali mod li jappoġġaw il-mobilità bejn is-setturi u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, kwistjonijiet li ser isiru aktar importanti hekk kif is-swieq tax-xogħol tagħna jadattaw għat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomiji tagħna;

37.  Jissottolinja l-potenzjal tal-SMEs u tal-impriżi soċjali fil-ħolqien tal-impjiegi u l-ekonomija kollha; iqis li huwa fundamentali li tiġi vvalutata r-rata għolja tan-negozji ġodda sabiex jittieħdu t-tagħlimiet għall-futur, u biex jingħata appoġġ lill-intraprenditorija, inkluż permezz tal-iżvilupp u l-appoġġ tal-mudelli soċjali u tal-ekonomija ċirkolari; iqis li huwa essenzjali, barra minn hekk, li jittejjeb l-ambjent tan-negozju billi jitneħħew il-piżijiet amministrattivi u jiġu aġġustati r-rekwiżiti, jittejjeb l-aċċess għall-finanzi u jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' mudelli tat-taxxa u proċeduri simplifikati tal-konformità tat-taxxa li jiffavorixxu lill-SMEs, lill-intraprendituri, il-ħaddiema għal rashom, il-mikroentitajiet, in-negozji ġodda u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, u biex jiġi evitat li jkun hemm evażjoni tat-taxxa u nuqqas ta' informazzjoni affidabbli għall-identifikazzjoni tal-bażijiet tat-taxxa u s-sidien reali tagħhom; jappella lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki li jrawmu kultura ta' intraprenditorija responsabbli u effikaċi fost iż-żgħażagħ minn età bikrija, jipprovdulhom opportunitajiet ta' internships u ta' żjarat lill-kumpaniji u l-għarfien korrett biex jiġi evitat il-falliment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tkompli l-programmi Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-assoċjazzjonijiet u l-inizjattivi li jgħinu lill-intraprendituri żgħażagħ biex jiżviluppaw proġetti innovattivi;

38.  Jenfasizza li l-imprenditorija soċjali hija qasam li qiegħed jikber li jista' jagħti spinta lill-ekonomija filwaqt li fl-istess ħin itaffi l-privazzjoni, l-esklużjoni soċjali u problemi soċjetali oħra; iqis, għalhekk, li l-edukazzjoni imprenditorjali għandha tinkludi dimensjoni soċjali u tindirizza suġġetti bħall-kummerċ ġust, l-impriżi soċjali u mudelli ta' negozju alternattivi, fosthom il-kooperattivi, sabiex isir sforz biex tinkiseb ekonomija aktar soċjali, inklużiva u sostenibbli;

39.  Jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali kienu kruċjali sabiex jimminimizzaw l-impatt tal-kriżi; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li dawk l-intrapriżi jingħataw aktar appoġġ, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-forom differenti ta' finanzjament, inklużi l-fondi Ewropej, u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jingħataw qafas ġuridiku li jirrikonoxxi l-attivitajiet tagħhom fl-UE u li jipprevjeni kompetizzjoni inġusta; jiddeplora l-fatt li l-valutazzjoni tal-attivitajiet tagħhom mhijiex riflessa fis-SAT, kif mitlub mill-Parlament;

40.  Jirrikonoxxi li n-nisa għadhom sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol; jemmen, f'dan ir-rigward, li kuntratti ta' impjieg flessibbli inklużi kuntratti volontarji u part-time jista' jkollhom rwol importanti fiż-żieda tal-livelli ta' parteċipazzjoni tal-gruppi li kieku mhux hekk setgħu ġew esklużi mis-suq tax-xogħol, inklużi n-nisa;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fir-riċerka u jippromwovu l-iżvilupp ta' teknoloġiji u servizzi ġodda tal-produzzjoni fil-qafas ta' tranżizzjoni ġusta; jissottolinja l-potenzjal tagħhom li jżidu l-produttività u s-sostenibbiltà, joħolqu impjiegi ġodda ta' kwalità u jistimulaw l-iżvilupp fit-tul;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-investiment fis-settur tar-R&Ż f'konformità mal-Istrateġija 2020; isostni li l-investimenti f'dan is-settur jgħinu jżidu l-kompetittività u l-produttività tal-ekonomija u b'hekk jippromwovu l-ħolqien ta' impjiegi stabbli u pagi ogħla;

43.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-aċċess għall-broadband fir-reġjuni kollha, inklużi ż-żoni rurali u r-reġjuni bi problemi naturali jew demografiċi serji u permanenti, b'tali mod li jiġi promoss l-iżvilupp armonjuż madwar l-UE;

44.  Iqis li t-tnaqqis demografiku, li jaffettwa r-reġjuni tal-UE fi gradi differenti, huwa fost l-ostakli serji li jxekklu l-iżvilupp tal-UE, li jeħtieġu approċċi u impenji differenzjati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miżuri mfassla biex jindirizzaw din l-isfida; jissottolinja l-fatt li t-tnaqqis demografiku jirrikjedi approċċ olistiku, li għandu jinkludi l-adattament tal-infrastruttura meħtieġa, impjiegi ta' kwalità b'pagi deċenti u t-titjib fis-servizzi pubbliċi u l-arranġamenti volontarji ta' xogħol flessibbli, li għandhom ikunu relatati ma' sigurtà tal-impjieg adegwata u protezzjoni soċjali aċċessibbli;

45.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni inkludiet il-ħtieġa li tiġi provduta statistika dwar l-isfidi demografiċi bħad-depopolazzjoni u t-tixrid tal-popolazzjoni fil-Programm Statistiku Ewropew tagħha; iqis li din id-data ser tipprovdi stampa preċiża tal-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn ir-reġjuni, u b'hekk tippermetti li jinstabu soluzzjonijiet aħjar; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra dawn l-istatistiċi fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) futur;

46.  Ifakkar li żieda fl-istennija tal-għomor tirrikjedi l-adattament tas-sistemi tal-pensjonijiet biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom u kwalità tajba ta' ħajja għall-anzjani; jisħaq li dan jista' jinkiseb billi jitnaqqas il-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija, inkluż billi jiġu offruti kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati li jipprovdu opportunitajiet għal dawk li jixtiequ jaħdmu aktar fit-tul u bl-evalwazzjoni – fil-livell tal-Istati Membri u flimkien mas-sħab soċjali – tal-ħtieġa li kemm l-età tal-irtirar statutorja kif ukoll dik effettiva jkunu f'livell sostenibbli b'żidiet fl-istennija tal-għomor u bl-ammont ta' snin li jikkontribwixxu għall-assigurazzjoni, u permezz tal-prevenzjoni tal-ħruġ kmieni mis-suq tax-xogħol kif ukoll bl-akkomodazzjoni taż-żgħażagħ u tar-rifuġjati u tal-migranti fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-tisħiħ tas-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi u okkupazzjonali u fil-ħolqien ta' krediti tal-kura, bħala kumpens għall-kontribuzzjonijiet li n-nisa u l-irġiel tilfu minħabba r-responsabbiltajiet tagħhom għat-tfal u kura fit-tul, bħala għodda biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri u biex jingħata dħul tal-irtirar adegwat li jkun ogħla mis-soll tal-faqar u b'hekk jgħixu b'mod dinjituż u indipendenti;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu l-politika tat-tixjiħ attiv, l-inklużjoni soċjali tal-anzjani u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; ifakkar li sistemi tas-saħħa aktar kosteffettivi u l-indukrar fit-tul li jiżguraw aċċess f'waqtu għal kura tas-saħħa preventiva u kurattiva affordabbli ta' kwalità tajba huma wkoll fundamentali għall-produttività;

48.  Huwa tal-fehma li l-Politika ta' Koeżjoni, bħala l-politika ewlenija tal-investiment pubbliku tal-Unjoni Ewropea, uriet l-effettività tagħha fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi u t-tisħiħ tal-inklużjoni u t-tnaqqis tal-faqar u għaldaqstant għandha tirċievi aktar finanzjament fil-QFP futur; iqis li l-FSE għandu jinżamm bħala l-istrument ewlieni tal-UE għall-integrazzjoni u riintegrazzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol, kif ukoll biex jappoġġa miżuri għall-inklużjoni soċjali, jiġġieled il-faqar u l-inugwaljanzi, u jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jappella lill-Kummissjoni żżid il-FSE biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-QFP li jmiss;

49.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-FEIS jappoġġa t-tkabbir u l-impjiegi fi proġetti ta' investiment b'riskju għoli, u li jindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul; jinsab imħasseb, madankollu, dwar l-iżbilanċ enormi fl-użu tal-fond bejn l-UE-15 u l-UE-13; jisħaq fuq, barra minn hekk, ir-rwol tal-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) għall-promozzjoni ta' livelli għolja ta' kwalità u ta' sostenibbiltà tal-impjiegi, biex tiġi garantita protezzjoni soċjali adegwata u deċenti u għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar;

50.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jivvalutaw dwar jekk jistgħux inaqqsu t-taxxi fuq oġġetti essenzjali, partikolarment l-ikel, pass li jikkostitwixxi waħda mill-aktar miżuri bażiċi tal-ġustizzja soċjali;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex il-persuni b'diżabilità jiġu inklużi aktar fis-suq tax-xogħol billi jitneħħew l-ostakli leġiżlattivi, tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni u l-adozzjoni tal-postijiet tax-xogħol kif ukoll billi jinħolqu inċentivi għall-impjieg tagħhom; ifakkar li ambjent tax-xogħol adattat għal persuni b'diżabilità, l-integrazzjoni tagħhom fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll appoġġ finanzjarju mmirat huma miżuri essenzjali li jgħinuhom jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex fit-tabella ta' valutazzjoni soċjali tinkludi indikaturi dwar ix-xogħol u l-inklużjoni soċjali ta' persuni b'diżabilità;

52.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fil-linji gwida proposti l-ġodda għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri annessi mas-SAT tal-2018; jitlob, madankollu, li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu miżuri konkreti biex jintlaħqu l-għanijiet dikjarati, bi qbil mal-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri fl-ambitu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD).

53.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri meħtieġa għall-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati u tal-persuni ta' minoranza etnika jew ta' oriġini immigranti;

54.  Jissottolinja l-fatt li n-nuqqas ta' konformità tad-domanda tax-xogħol mal-provvista tax-xogħol hija problema li l-impjegaturi fir-reġjuni kollha tal-UE, anke f'dawk l-aktar żviluppati, qegħdin jiffaċċjaw u din ma tistax tissolva b'impjiegi li mhumiex siguri jew stabbli; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu miżuri li jiffaċilitaw il-mobilità tal-ħaddiema bejn impjiegi, setturi u postijiet sabiex jissodisfaw id-domanda għall-ħaddiema kemm f'reġjuni anqas żviluppati kif ukoll f'dawk żviluppati aktar filwaqt li dawn jiżguraw l-istabilità u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u jippermettu progress u promozzjoni professjonali; jirrikonoxxi li l-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE madwar l-Istati Membri tgħin biex tintlaħaq il-provvista u d-domanda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu wkoll attenzjoni partikolari liċ-ċirkostanzi uniċi tal-ħaddiema transkonfinali u tal-ħaddiema f'reġjuni periferiċi u ultraperiferiċi;

55.  Jiddeplora l-fatt li, wara bosta talbiet mill-Parlament, ir-reġjuni ultraperiferiċi għadhom ma ġewx inklużi fis-SAT; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bil-għan li tiġi garantita l-ekwità bejn ir-reġjuni u tiġi promossa l-konverġenza 'l fuq, li ġiet diskussa diversi drabi, biex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE fi sforz biex tingħata spinta l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-UE; jenfasizza li l-attenzjoni speċjali li għandha tingħata lir-reġjuni ultraperiferiċi trid tinżamm, mhux biss fir-rigward tal-allokazzjoni tal-fondi iżda wkoll fid-dawl tal-impatt li l-politiki Ewropej jista' jkollhom fuq is-sitwazzjoni soċjali u l-livelli ta' impjieg tagħhom;

56.  Jevidenzja l-fatt li fil-perjodu 2014-2016, it-tkabbir fil-pagi reali waqa' lura wara t-tkabbir tal-produttività, minkejja t-titjib fis-suq tax-xogħol; ifakkar li t-tkabbir fil-pagi reali, b'riżultat ta' żieda fil-produttività huwa kruċjali għall-indirizzar tal-inugwaljanzi;

57.  Jissottolinja r-rwol tas-sħab soċjali fil-proċess ta' riforma bħala partijiet ikkonċernati essenzjali, tal-prattiki tad-djalogu soċjali nazzjonali u tas-soċjetà ċivili u l-valur miżjud tal-involviment attiv tagħhom fl-abbozzar, is-sekwenzjar u l-implimentazzjoni tar-riformi; jisħaq li l-involviment effettiv fit-tfassil tal-politika ser jippermetti li s-sħab soċjali jħossuhom aktar involuti fir-riformi nazzjonali adottati bħala riżultat tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru u għalhekk is-sjieda tagħhom tar-riżultati ser tkun imsaħħa; jappella lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tipproponi linji gwida għal dan l-involviment adegwat għall-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti; jappoġġa l-fehma li l-forom ġodda ta' impjiegi fis-suq globalizzat jeħtieġu forom ġodda ta' djalogu soċjali u ċivili, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħolqien ta' dawn il-forom ġodda ta' djalogu soċjali u l-protezzjoni ta' dawn il-forom ġodda ta' impjieg; jisħaq li l-ħaddiema kollha jridu jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom u jkunu protetti fl-eventwalità li jintuża l-żvelar ta' informazzjoni protetta għar-rapportar ta' prattiki abbużivi; jemmen li, jekk irridu nimxu lejn konverġenza 'l fuq, id-djalogu soċjali għandu jiġi segwit matul il-fażi tal-proċess tas-Semestru Ewropew; jafferma li l-Istati Membri jeħtieġ li jgħinu lin-nies jifformaw il-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol;

58.  Jevidenzja l-fatt li, skont it-tabella ta' valutazzjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP) u tal-UE2020, id-distribuzzjoni tal-ħiliet fil-forza tax-xogħol, fil-biċċa l-kbira, taqbel mar-rekwiżiti tal-kwalifiki tas-suq tax-xogħol fl-2016, u li l-provvista tax-xogħol qabżet id-domanda għat-tipi kollha ta' kwalifiki, u li hija partikolarment għolja għal kwalifiki ta' livell baxx u medju; jenfasizza li l-previżjonijiet tas-CEDEFOP juru żieda parallela fil-ħiliet, kemm mid-domanda kif ukoll mill-provvista sal-2025 u li l-livelli tal-ħiliet huma mistennija li jinbidlu aktar malajr għall-forza tax-xogħol minn dawk meħtieġa għas-suq tax-xogħol; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrivalutaw bir-reqqa d-diffikultajiet biex jiġi aċċessat is-suq tax-xogħol; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fir-rata ta' kwalifikazzjoni żejda (25 % fl-2014);

59.  Jevidenzja li d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru jew id-differenza fir-rata tal-impjieg bejn l-irġiel u n-nisa għadha għolja, bil-qligħ gross medju fis-siegħa tal-impjegati rġiel madwar 16 % ogħla minn dak tal-impjegati nisa; jenfasizza li dawn id-differenzi huma dovuti għas-sottorappreżentanza tan-nisa fis-setturi mħallsa tajjeb, id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol u n-numru kbir ta' nisa li jaħdmu part-time; iħeġġeġ li jeħtieġ isir aktar progress biex jitnaqqsu dawn id-differenzi; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex fl-istrateġija Ewropa 2020 tintroduċi pilastru ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u objettiv globali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

60.  Jappella lill-Istati Membri biex jinkorporaw id-dimensjoni tal-ġeneru u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-mara u r-raġel fil-programmi nazzjonali ta' riforma u fil-programmi ta' stabbiltà u konverġenza tagħhom, billi jistabbilixxu miri kwalitattivi u miżuri li jfittxu li jindirizzaw id-disparitajiet persistenti bejn il-ġeneri;

61.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0355.

(3)

ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.

(4)

ĠU CE 236, 12.8.2011, p. 57.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2017)0451.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2017)0418.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2017)0403.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2017)0360.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2017)0260.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2017)0073.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2017)0039.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2017)0010.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2016)0338.

(14)

Testi adottati, P8_TA(2016)0033.

(15)

ĠU C 366, 27.10.2017, p. 19.

(16)

ĠU C 265, 11.8.2017, p. 48.

(17)

ĠU C 75, 26.2.2016, p. 130.

(18)

ĠU C 65, 19.2.2016, p. 40.

(19)

L-Indiċi tal-Ekonomija u tas-Soċjetà Diġitali, il-Kummissjoni Ewropea.

(20)

ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

L-għan tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), li huwa parti integrali miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, huwa li jsaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-konverġenza soċjali billi jidentifika l-prijoritajiet għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għas-sena li ġejja. Ir-rapporteur jinnota li din l-edizzjoni tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tippreżenta r-riżultati mit-tabella ta' valutazzjoni soċjali, li tissostitwixxi t-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin tal-impjiegi u dawk soċjali miftiehma fl-2013. It-tabella ta' valutazzjoni l-ġdida tipprovdi għadd ta' Indikaturi Ewlenin għall-monitoraġġ tal-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali tal-Istati Membri fir-rigward ta' tliet dimensjonijiet wiesgħa, identifikati fil-kuntest tal-Pilastru, (i) l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, (ii) is-swieq tax-xogħol dinamiċi u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u (iii) l-appoġġ pubbliku/protezzjoni soċjali u l-inklużjoni.

Is-SAT tal-2018 juri s-sinjali pożittivi ta' rkupru tal-ekonomija Ewropea bi tkabbir ekonomiku stabbli, tnaqqis fir-rati ta' qgħad u titjib fl-investiment u l-finanzi pubbliċi. Fit-tieni kwart tal-2017 kien hemm rekord ta' 235.4 miljun persuna impjegata, bi 8 miljun impjieg addizzjonali nħolqu mit-tieni kwart tal-2014. Ir-rati tal-faqar u tal-esklużjonijiet soċjali qegħdin jonqsu. Madankollu, xorta waħda għad hemm ċerti problemi. L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jindika l-aktar ostakli kritiċi perpetwi għall-ksib tal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli flimkien mal-konverġenza soċjali u l-għoti ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Minkejja tnaqqis modest fir-ritmu ekonomiku, il-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' f'livell għoli b'mod inaċċettabbli ta' 16.6 % u 18.7 % għaż-żona tal-euro. Minbarra dan, 6.3 miljun żagħżugħ u żagħżugħa ta' bejn il-15 u l-24 sena jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ. Din hija waħda mill-aktar sfidi urġenti li jeħtieġ li tiġi indirizzata minnufih. Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat għadd ta' miżuri permezz ta' Inizjattiva ewlenija favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ li riċentement ingħatat EUR 2.4 biljun addizzjonali għall-perjodu ta' bejn l-2017 u l-2020. Madankollu, jeħtieġ li jittieħdu aktar azzjonijiet kemm min-naħa tal-Kummissjoni kif ukoll min-naħa tal-Istati Membri.

Waħda mis-soluzzjonijiet sabiex tiġi indirizzata r-rata għolja tal-qgħad hija l-indirizzar tad-diskrepanza bejn id-domanda tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet tal-forza tax-xogħol. Għalhekk, huwa mixtieq li l-politika tal-edukazzjoni tiġi adattata u li jittejbu l-oqfsa tat-taħriġ tal-ħiliet. Barra minn hekk, skont il-Eurostat, huwa stmat li 44 % tal-Ewropej għandhom nuqqas ta' ħiliet diġitali filwaqt li 90 % tal-impjiegi kollha jirrikjedu tal-inqas xi ftit minn dawn il-ħiliet diġitali. F'dan ir-rigward, l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali trasferibbli u ħiliet trasferibbli oħra huwa partikolarment meħtieġ. L-impjegaturi jsibuha diffiċli biex jimpjegaw ħaddiema f'ċerti oqsma, fenomenu li jseħħ kemm f'reġjuni inqas żviluppati kif ukoll f'dawk aktar żviluppati. Għalhekk, il-mobilità tal-ħaddiema fl-impjiegi, is-setturi u l-postijiet għandha tingħata appoġġ.

Jinħtieġu riformi strutturali sabiex jingħata spinta lill-investiment u tittejjeb il-produttività u fl-istess ħin jiġu żgurati sistemi ta' protezzjoni soċjali adegwati. Dawn għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq it-titjib tal-ambjent tan-negozju għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li joħolqu 85 % tal-impjiegi ġodda. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw teknoloġiji ġodda tal-produzzjoni peress li dawn għandhom potenzjal li jagħtu spinta lill-produttività u joħolqu impjiegi ġodda.

Ir-rapporteur jargumenta li s-sitwazzjoni demografika (jiġifieri t-tixjiħ tas-soċjetajiet Ewropej u d-depopolazzjoni sproporzjonata ta' xi reġjuni) tikkostitwixxi sfida għas-sistemi tas-sigurtà soċjali, is-servizzi u s-suq tax-xogħol kollu. Għalhekk, sabiex din tiġi indirizzata, jinħtieġ approċċ olistiku li jinkludi l-ħolqien u l-aġġustament tal-infrastruttura meħtieġa, ir-riforma tal-iskemi nazzjonali tal-pensjoni u l-politiki ta' tixjiħ attiv. Minbarra dan, l-inkoraġġiment tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-inklużjoni soċjali tal-anzjani ser juri wkoll li huwa ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha.

Ir-rapporteur jirrimarka li minkejja d-diversi miżuri li ttieħdu diġà sabiex il-persuni b'diżabilità jiġu integrati bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol, il-problema għadha tippersisti u tirrikjedi azzjoni ulterjuri. Id-diversi inċentivi għall-impjegaturi li jħeġġuhom jimpjegaw persuni b'diżabilità għandhom potenzjal partikolari fiż-żieda tal-impjegabbiltà tal-persuni b'diżabilità. Minbarra dan, għandhom jiġu eliminati l-ostakli leġiżlattivi li jikkostitwixxu piż għall-integrazzjoni sħiħa tal-persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol.

Fl-aħħar nett, ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jikkostitwixxi indikatur importanti għall-Istati Membri meta jfasslu l-politiki nazzjonali u l-pjanijiet ta' riforma tagħhom. Madankollu, sabiex dan ikun effiċjenti, għandha tiġi evitata l-implimentazzjoni inkonsistenti tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, li huma l-pass li jmiss fis-Semestru Ewropew.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (22.2.2018)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018

(2017/2260(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Julie Ward

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-proklamazzjoni konġunta dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jevidenzja l-bidla fl-orjentament politiku favur il-promozzjoni tal-politiki soċjali riflessi fiha; ifakkar li, mingħajr miżuri konkreti, il-proklamazzjoni se tibqa' ineffikaċi u li għandu jingħata prijorità lit-tnaqqis tal-inugwaljanzi, lill-ġlieda kontra l-faqar u lill-aċċessibbiltà għal edukazzjoni ta' kwalità bil-għan li jkunu promossi s-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali u jkun żgurat tkabbir sostenibbli; jisħaq fuq il-fatt li edukazzjoni ta' kwalità għolja u żieda fl-infiq għall-edukazzjoni, għaż-żgħażagħ u għall-kultura huma elementi essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ekonomiċi u soċjali tal-UE;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħsieb li l-Pilastru l-ġdid tad-Drittijiet Soċjali jkun inkorporat fl-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew, inklużi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, billi l-investimenti u l-miżuri soċjali ma għandhomx ikunu biss effett sekondarju pożittiv tal-politika ekonomika, iżda għandhom ikunu għalkollox parti mill-isforzi ta' koordinazzjoni tal-politika tal-Istati Membri biex tinbena Unjoni Soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'din il-perspettiva, tagħmel użu sħiħ mill-klawsola ta' flessibbiltà tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, b'hekk l-Istati Membri jitħallew jagħmlu investimenti mdaqqsin fil-politika kulturali u f'dik għaż-żgħażagħ, fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fir-riċerka u fl-innovazzjoni, li huma ta' importanza fundamentali biex jissawru ċittadini attivi, jinħoloq suq tax-xogħol li jiffunzjona sew u jiġi ġġenerat il-ġid ekonomiku stabbli u fit-tul, fir-rispett, xorta waħda, tal-prinċipju tal-baġits bilanċjati;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ u jrawmu l-iskambju tal-aħjar prattiki;

5.  Jilqa' pożittivament il-progress f'termini ta' ksib ta' edukazzjoni ogħla u t-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola, iżda jinnota li, fir-rigward ta' dan tal-aħħar, għad hemm problemi f'ċerti Stati Membri; jevidenzja, madankollu, li l-istħarriġiet l-aktar reċenti tal-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ u PISA juru tnaqqis fil-ksib ta' ħiliet biżiċi u li għadhom għoljin id-disparitajiet bejn il-ġeneri u bejn il-kategoriji soċjali; ifakkar li ż-żgħażagħ li ġejjin minn kuntesti żvantaġġati għadhom f'riskju ogħla li jkunu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) jew f'impjieg b'livell baxx ta' ħiliet, instabbli jew b'paga baxxa; jisħaq fuq il-fatt li għadhom ma ntlaħqux l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jenfasizza l-bżonn ta' promozzjoni tad-dritt għal edukazzjoni u taħriġ inklużivi u ta' kwalità għolja għall-istudenti ta' kull età u tip, ta' investimenti f'attivitajiet ta' twassil tal-messaġġ, ta' żvilupp ta' miżuri konkreti biex jingħata appoġġ lill-aktar studenti vulnerabbli u lil individwi żvantaġġati, ngħidu aħna l-istudenti b'diżabilità, persuni NEET u żgħażagħ u tfal li ġejjin minn kuntesti ta' migrazzjoni, u jkun żgurat li dawn jiġu inklużi b'mod sistematiku fis-sistema ewlenija tal-edukazzjoni;

6.  Iqis li l-migranti għandu jkollhom aċċess sħiħ għas-sistemi edukattivi, li jirrikjedu nefqa pubbika addizzjonali u mmirata, u jkunu jistgħu jibbenefikaw minn investimenti soċjali u sostenibbli mil-lat ambjentali u ta' kwalità għolja maħsuba biex jintegraw lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol u jnaqqsu l-qgħad;

7.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' ħiliet bażiċi u diġitali fost l-adulti, fatt li jista' jostakola, fost affarijiet oħra, l-aċċess tagħhom għal impjiegi permanenti ta' kwalità; josserva li s-sistemi edukattivi tagħna għandhom ikunu aġġornati skont l-isfidi tas-soċjetà tagħna, li qed tevolvi rapidament u li hija dejjem aktar konnessa, bħal dawk prodotti mill-globalizzazzjoni u mill-progress teknoloġiku; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li l-istudenti ta' kull età u minn kull kuntest ikunu mgħammra b'ħiliet soċjali u trasferibbli, bħal ħiliet interkulturali, ħsieb kreattiv u kritiku u litteriżmu diġitali u medjatiku, u li titrawwem edukazzjoni imprenditorjali u fl-ICTs bħala mod effikaċi biex ikunu żviluppati ħiliet trasferibbli u sens ta' innovazzjoni u kreattività, li huma importanti kemm għal min jaħdem għal rasu kif ukoll għal min hu impjegat; jissottolinja r-rwol fundamentali li jiżvolġu l-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja biex jindirizzaw il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-qgħad, konformement mal-objettivi tal-istateġija Ewropa 2020, u biex jiżguraw taħriġ kontinwu u ta' kwalità għal min jgħallem u għal min iħarreġ;

8.  Huwa tal-fehma li jkun xieraq li Aġenda għall-Ħiliet li tibqa' valida fil-futur tinkludi t-tagħlim għas-sostenibbiltà u tkun parti minn riflessjoni usa' dwar il-litteriżmu okkupazzjonali fil-kuntest ta' diġitalizzazzjoni u robotizzazzjoni dejjem akbar tas-soċjetajiet Ewropej, filwaqt li tikkonċentra mhux biss fuq it-tkabbir ekonomiku iżda wkoll fuq l-iżvilupp personali, is-saħħa u l-benessri aħjar tal-istudenti;

9.  Jitlob li jkun rikonoxxut b'mod xieraq ir-rwol kruċjali tat-tagħlim informali u mhux formali speċjalment għall-persuni l-aktar vulnerabbli, inkluż permezz tal-ħolqien ta' parametri ta' riferiment ambizzjużi u tal-konvalida tal-ħiliet u tal-kwalifiki miksuba; ifakkar fil-bżonn, għaldaqstant, ta' strateġija globali għat-tagħlim tul il-ħajja f'suq tax-xogħol li qed jinbidel b'rata mgħaġġla u bi bżonn, li kulma jmur dejjem jikber, , ta' ħiliet ġodda u innovazzjoni;

10.  Jilqa' favorevolment il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novevmbru 2017 dwar it-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-edukazzoni u l-kultura, li tinkludi objettivi ambizzjużi fil-qasam tal-edukazzjoni, partikolarment il-ħolqien ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u t-titjib tat-tagħlim tal-lingwi fl-Ewropa;

11.  Jilqa' l-kontribut ta' Erasmus+ għat-trawwim tal-mobilità u tal-iskambji kulturali fl-UE kollha u barra minnha; jitlob promozzjoni u użu aħjar tal-għodod Ewropej għall-mobilità u r-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki bil-għan li tkun iffaċilitata l-mobilità fir-rigward tat-tagħlim, tat-taħriġ u tal-impjiegi; itenni li għandhom jiġu offruti aktar opportunitajiet ta' mobilità lill-persuni f'taħriġ vokazzjonali, liż-żgħażagħ żvantaġġati u lill-persuni li jġarrbu forom differenti u multipli ta' diskriminazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li tkun iffaċilitata l-mobilità tal-istudenti u tal-ħaddiema b'attenzjoni partikolari fuq l-inkoraġġament tat-tagħlim ta' lingwi Ewropej oħrajn;

12.  Jilqa' pożittivament l-ispinta fil-ħolqien tal-impjiegi fl-UE kollha; jinnota, madankollu, li skont id-data tal-2017 tal-Eurostat, ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom ferm għoljin f'ċerti pajjiżi: 16,5 % fl-UE-28 u 18,6 % fiż-żona tal-euro; ifakkar, għaldaqstant, li l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ trid tibqa' prijorità kif ukoll tiggarantixxi l-kwalità u s-sigurtà tal-impjiegi maħluqa u timpedixxi l-prekarjat fl-impjiegi, bi qbil mal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO; iqis, f'dan ir-rigward, li għandhom ikunu indirizzati aħjar l-inugwaljanzi persistenti fl-aċċess għall-edukazzjoni u li għandhom ikunu garantiti rati ogħla ta' ksib ta' ħiliet bażiċi, fost oħrajn biex tkun żgurata l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol ta' persuni żvantaġġati jew f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà, persuni li ġejjin minn kuntesti ta' migrazzjoni u rifuġjati; jevidenzja n-nuqqas ta' korrispondenza bejn l-offerta tal-ħiliet u d-domanda għalihom, li jista' jwassal għall-polarizzazzjoni tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol kif ukoll koeżjoni soċjali aktar dgħajfa; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jippromwovu interazzjoni bejn l-istituti edukattivi, l-impriżi, is-settur tar-riċerka u s-sħab soċjali rilevanti l-oħra;

13.  Ifakkar li l-industriji kreattivi huma fost l-iktar setturi imprenditorjali, u li l-edukazzjoni kreattiva tiżviluppa ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni tal-problemi, is-sens ta' kollaborazzjoni f'tim u l-inġenjożità; jitlob li l-arti u t-tagħlim kreattiv ikunu inkorporati fl-edukazzjoni STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) minħabba r-rabta stretta bejn il-kreattività u l-innovazzjoni; jevidenzja, barra minn hekk, il-potenzjal tas-settur kulturali u kreattiv (SKK) għall-preservazzjoni u għall-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u għat-tkabbir ekonomiku, għall-innovazzjoni u għall-impjiegi, speċjalment għall-impjiegi taż-żgħażagħ; jisħaq fuq il-fatt li aktar promozzjoni tas-SKK u investimenti f'dan tal-aħħar jistgħu jikkontribwixxu sostanzjalment għall-investimenti, għat-tkabbir, għall-innovazzjoni u għall-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tqis l-opportunitajiet offruti mis-SKK kollu, inklużi b'mod partikolari l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet iż-żgħar, pereżempju fl-ambitu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

14.  Jenfasizza li l-imprenditorija soċjali hija qasam li qed jikber li jista' jagħti spinta lill-ekonomija filwaqt li fl-istess ħin itaffi l-privazzjoni, l-esklużjoni soċjali u problemi soċjetali oħra; iqis, għalhekk, li l-edukazzjoni imprenditorjali għandha tinkludi dimensjoni soċjali u tindirizza suġġetti bħall-kummerċ ġust, l-impriżi soċjali u mudelli ta' negozju alternattivi, fosthom il-kooperattivi, sabiex isir sforz biex tinkiseb ekonomija aktar soċjali, inklużiva u sostenibbli;

15.  Jenfasizza l-potenzjal enormi ta' innovazzjoni u impjiegi li għandhom is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u t-tfittxija għal effiċjenza ikbar fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni tinkorpora strateġija speċifika dwar l-enerġija u l-ambjent fis-Semestru Ewropew li tkopri wkoll l-edukazzjoni u l-impjiegi;

16.  Jiddispjaċih li, minkejja l-leġiżlazzjoni importanti fis-seħħ u dokumentazzjoni konsiderevolment aħjar ta' dawn il-prattiki, għadhom notevoli l-inugwaljanzi tal-ġeneru fil-qasam tal-impjiegi, inklużi l-politiki ta' reklutaġġ u ta' tkeċċija, id-differenzjali tal-pagi, arranġamenti infurzati ta' xogħol fuq bażi part-time, il-fastidju sesswali u l-miżuri ta' liv tal-ġenituri li mhumiex biżżejjed biex jiżguraw tassew bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għaż-żewġ ġenituri; jitlob, għaldaqstant, l-infurzar u l-implimentazzjoni rapida tal-leġiżlazzjoni attwali fil-qasam tal-ugwaljanza tal-ġeneru u jistieden lill-Istati Membri jkomplu jinkoraġġixxu l-imprenditorija tan-nisa u l-politiki favur il-familja;

17.  Ifakkar fil-bżonn li l-bniet u t-tfajliet jiġu mħeġġa jsegwu studji fil-qasam tal-ICTs u jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-bniet u lit-tfajliet jistudjaw is-suġġetti STEM, filwaqt li jkopru wkoll l-arti u l-istudji umanistiċi, u jżidu r-rappreżentanza tan-nisa fl-oqsma STEM;

18.  Itenni l-appell tiegħu favur il-ħolqien ta' Garanzija għat-Tfal u biex il-Kummissjoni tikkonkludi, f'ħin utli, l-valutazzjoni tagħha bis-saħħa tal-azzjoni preparatorja korrispondenti (linja baġitarja 04 03 77 25); ifakkar li l-valutazzjoni għandha l-għan li teżamina l-mod kif isiru l-investimenti soċjali fl-ewwel snin tat-tfulija, kif tkun żgurata l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar l-investiment fit-tfal(1) u kif isir l-aħjar użu mill-għodod u mill-programmi eżistenti; jinsisti fuq l-implimentazzjoni korretta u malajr tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, anki permezz ta' allokazzjoni ta' fondi adegwata abbażi ta' valutazzjonijiet bir-reqqa u, meta jkun il-każ, riformi sinifikanti u aġġustamenti mfassla skont l-eżiġenzi, bil-għan li liż-żgħażagħ tkun tista' tagħtihom offerti ta' impjieg ta' kwalità u tiżgura l-integrazzjoni sostenibbli tagħhom fis-suq tax-xogħol; jinsisti wkoll fuq monitoraġġ u komunikazzjoni aħjar tal-Garanzija biex ikun iffaċilitat l-iżvilupp tal-politiki favur iż-żgħażagħ li jkunu aktar ibbażati fuq il-provi;

19.  Ifakkar li s-Semestru Ewropew għandu jkun proċess aktar miftuħ, trasparenti u demokratiku; jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal linji gwida dwar djalogu bejn il-partijiet interessati bil-għan li ttejjeb il-kwalità tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, filwaqt li tuża l-għodod addizzjonali offruti għal dan l-għan mid-demokrazija elettronika;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fil-linji gwida l-ġodda li ġew proposti għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri, annessi mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2018; jitlob, madankollu, li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu miżuri konkreti biex jintlaħqu l-għanijiet dikjarati, bi qbil mal-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri fl-ambitu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD).

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Damian Drăghici, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Rupert Matthews, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Francis Zammit Dimech

(1)

ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

19

+

PPE

Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Michaela Šojdrová, Bogdan Brunon Wenta, Andrzej Zdrojewski, Francis Zammit Dimech

S&D

Silvia Costa, Damian Drăghici, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Julie Ward, Krystyna Łybacka

ALDE

Mircea Diaconu, María Teresa Giménez Barbat, Yana Toom

The Greens/EFA

Helga Trüpel

EFDD

Isabella Adinolfi

4

-

ECR

Rupert Matthews

GUE/NGL

Nikolaos Chountis, Curzio Maltese

ENF

Dominique Bilde

2

0

PPE

Andrea Bocskor, Milan Zver

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

27.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

10

14

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Michael Detjen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Arne Gericke, Marian Harkin, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Dennis Radtke, Terry Reintke, Robert Rochefort, Claude Rolin, Siôn Simon, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Georges Bach, Heinz K. Becker, Krzysztof Hetman, Dieter-Lebrecht Koch, Paloma López Bermejo, Edouard Martin, Sven Schulze, Joachim Schuster, Kosma Złotowski

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Evelyne Gebhardt, Paul Tang


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

24

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Martina Dlabajová, Marian Harkin, Robert Rochefort, Yana Toom, Renate Weber

PPE

Georges Bach, Heinz K. Becker, David Casa, Krzysztof Hetman, Dieter-Lebrecht Koch, Ádám Kósa, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Dennis Radtke, Claude Rolin, Sven Schulze, Romana Tomc

Verts/ALE

Jean Lambert, Terry Reintke, Tatjana Zdanoka

10

-

ECR

Arne Gericke, Anthea McIntyre, Ulrike Trebesius, Kosma Złotowski

ENF

Dominique Martin

GUE/NGL

Rina Ronja Kari, Kostadinka Kuneva, Patrick Le Hyaric, Paloma López Bermejo

NI

Lampros Fountoulis

14

0

S&D

Maria Arena, Guillaume Balas, Vilija Blinkevičiūtė, Ole Christensen, Michael Detjen, Evelyne Gebhardt, Agnes Jongerius, Jan Keller, Javi López, Edouard Martin, Joachim Schuster, Simon Siôn, Paul Tang, Marita Ulvskog

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Marzu 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza