Proċedura : 2017/2266(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0055/2018

Testi mressqa :

A8-0055/2018

Dibattiti :

PV 14/03/2018 - 21
CRE 14/03/2018 - 21

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2018 - 10.5

Testi adottati :

P8_TA(2018)0083

RAPPORT     
PDF 587kWORD 59k
5.3.2018
PE 615.458v02-00 A8-0055/2018

li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tiddenunzja l-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Comoros

(14423/2017 – C8-0447/2017 – 2017/0241(NLE) – 2017/2266(INI))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: João Ferreira

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tiddenunzja l-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Comoros

(14423/2017 – C8-0447/2017 – 2017/0241(NLE)2017/2266(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14423/2017),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Comoros(1),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0447/2017),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta'...(2) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999(3) ("ir-Regolament IUU"), b'mod partikolari l-Artikolu 8(8) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0055/2018),

A.  billi l-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Comoros (minn hawn 'il quddiem "il-Comoros") jiddisponi għat-terminazzjoni tiegħu minn kwalunkwe waħda mill-partijiet fil-każ ta' ċirkostanzi serji, bħal pereżempju n-nuqqas ta' konformita mal-impenji meħuda mill-partijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (aktar 'il quddiem "is-sajd IUU").

B.  billi s-sajd illegali huwa ta' theddida mill-akbar għar-riżorsi tal-baħar globali, peress li dan it-tip ta' sajd jeżawrixxi l-istokkijiet tal-ħut, jeqred il-ħabitats tal-baħar, iqiegħed lis-sajjieda onesti fi żvantaġġ inġust, u jeqred l-għajxien tal-komunitajiet tal-kosta, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

C.  billi l-UE għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiżgura li l-ftehimiet dwar is-sajd sostenibbli konklużi ma' pajjiżi terzi jġibu benefiċċji reċiproċi lill-UE u lill-pajjiżi terzi kkonċernati, inkluż lill-popolazzjonijiet lokali tagħhom u lis-setturi tas-sajd tagħhom;

D.  billi l-għan ġenerali tal-Protokoll li jikkonkludi l-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Comoros kien li l-kooperazzjoni fis-sajd bejn l-UE u l-Komoros tissaħħaħ fl-interessi taż-żewġ partijiet, billi jiġi stabbilit qafas ta' sħubija li fih tkun tista' titwettaq politika tas-sajd sostenibbli filwaqt li jiġu sfruttati b'mod sostenibbli r-riżorsi tas-sajd fiż-żona ekonomika esklussiva Komorjana, u li jiġi żgurat sehem xieraq, li jikkorrispondi mal-interessi tal-flotot tal-UE, tal-eċċessi tas-sajd disponibbli;

E.  billi l-ewwel ftehim dwar is-sajd bejn il-KEE u Comoros imur lura għall-1988 u billi l-flotot tal-Istati Membri tal-KEE/l-UE minn dak iż-żmien 'l hawn ġew mogħtija aċċess għal opportunitajiet tas-sajd taħt sensiela ta' protokolli implimentattivi;

F.  billi, skont ir-rapport tal-UNCTAD intitolat "L-Esportazzjonijiet tas-Sajd u l-Iżvilupp Ekonomiku tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati", il-kooperazzjoni settorjali ma marritx aktar 'il quddiem minn stat rudimentali, b'impatt żgħir ħafna fuq l-industrija tas-sajd, fuq il-kundizzjonijiet tal-ħatt l-art, fuq il-kapaċità ta' monitoraġġ u ta' sorveljanza, fuq l-iżvilupp xjentifiku, jew fuq it-taħriġ tekniku tas-sajjieda u tal-osservaturi; billi l-prezz li l-UE tħallas lill-Comoros għal kull tunnellata ħut (tonn) huwa bejn wieħed u ieħor 15 % tal-prezz bl-ingrossa stmat għal kull tunnellata;

G.  billi l-Comoros ġiet innotifikata fit-1 ta' Ottubru 2015 dwar il-possibbiltà li tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax peress li naqset li teżerċita kontroll adegwat tal-bastimenti rreġistrati taħt il-bandiera tal-Comoros; billi, wara li ġiet identifikata bħala pajjiż li ma jikkooperax f'Mejju 2017 u elenkata bħala tali f'Lulju 2017 mill-UE, li ħarġet "karta ħamra", il-pajjiż xorta naqas milli jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex isolvi l-problemi identifikati u biex jiġġieled lis-sajd IUU;

H.  billi l-Protokoll preċedenti tal-ftehim tas-sajd mal-Comoros skada fil-30 ta' Diċembru 2016 u ma ġġeddidx minħabba li l-Comoros naqset milli tieħu kwalunkwe impenn biex tiġġieled is-sajd IUU; billi l-Protokoll ingħata pakkett finanzjarju ta' EUR 600 000 fis-sena, li EUR 300 000 minnhom ġew allokati lill-appoġġ għall-politika tas-sajd tal-Comoros bil-ħsieb li tiġi promossa s-sostenibbiltà u l-ġestjoni tajba tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta' dan il-pajjiż;

I.  billi l-UE hija impenjata bis-sħiħ li tiġġieled is-sajd illegali u kwalunkwe forma ta' negozju li jirriżulta minnu, u dak l-impenn huwa stabbilit fir-Regolament tal-IUU;

J.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin ifittxu kooperazzjoni mal-Comoros f'għadd ta' setturi; billi d-denunzja min-naħa tal-UE tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd tista' titreġġa' lura (jekk jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa) u billi d-denunzja ta' dan il-ftehim ma teskludix in-negozjar futur ta' xi ftehim ieħor jew ta' kwalunkwe sura oħra ta' sħubija fis-settur tas-sajd;

K.  billi l-ġlieda kontra s-sajd IUU ma tiddependix biss fuq l-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, iżda, għall-kuntrarju, titlob li jinstabu metodi li jirrimedjaw is-sitwazzjonijiet; billi jekk ma tirċevix għajnuna minn barra, il-Comoros mhix se tkun tista' ttejjeb il-politiki ta' ġestjoni tal-baħar għal riżorsi tas-sajd b'mod partikolari, inkluż fir-rigward tal-ħatt, il-kapaċità ta' monitoraġġ u sorveljanza, l-iżvilupp xjentifiku u tekniku, it-taħriġ ta' sajjieda u ta' osservaturi;

L.  billi għall-ewwel darba l-adozzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) inkorporaw għan rilevanti għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-ibħra u tar-riżorsi tal-baħar (Għan 14);

1.  Jiddispjaċih li l-Comoros naqset milli tieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex issolvi l-problemi identifikati u biex tiġġieled is-sajd IUU, minkejja li kienet imwissija mill-UE;

2.  Itenni kemm hu importanti l-kontroll effettiv tal-istat tal-bandiera, li n-nuqqas tiegħu huwa l-kawża ewlenija tas-sajd IUU; iqis li l-Comoros għandha tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tas-superviżjoni u l-kontroll tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha; jemmen bis-sħiħ li dan in-nuqqas ta' superviżjoni u awtorizzazzjoni tas-sajd jippermetti li tali bastimenti jwettqu sajd IUU b'impunità;

3.  Huwa tal-fehma li l-Comoros għandha tibqa' involuta mal-UE u taħtaf din l-opportunità biex tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex ittejjeb il-ħila tagħha li tindirizza s-sajd illegali;

4.  Jiddeplora l-fatt li, fi kważi 30 sena ta' ftehimiet dwar is-sajd bejn l-UE u l-Comoros – li kienu jinkludu komponent immirat lejn il-kooperazzjoni u l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd tal-Comoros – ma ħariġx li kien possibbli li jinkisbu riżultati aktar tanġibbli fl-iżvilupp tas-settur, inkluż f'oqsma bħalma huma l-kapaċità ta' monitoraġġ u sorveljanza, l-iżvilupp xjentifiku, u t-taħriġ tekniku għas-sajjieda u l-osservaturi;

5.  Isostni li l-istrumenti disponibbli tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), jeħtieġ li jkunu kkombinati b'mod aktar effettiv mal-appoġġ ġenerali għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sajd;

6.  Ifakkar li l-Comoros għandha d-dmir, skont il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd iffirmat mal-UE u strumenti internazzjonali oħrajn, kif ukoll fi ħdan il-qafas għall-kisba tal-Aġenda 2030 u l-SDGs, li tirrispetta l-prinċipji ta' governanza tajba fis-sajd u s-sajd responsabbli, iżżomm l-istokkijiet tal-ħut u tippreserva l-ekosistema tal-baħar fiż-żona ekonomika esklużiva tagħha;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li niġġieldu s-sajd IUU globalment u li jinħolqu inċentivi biex l-istati jieħdu r-responsabilitajiet tagħhom bis-serjetà u jimplimentaw ir-riformi meħtieġa fis-settur tas-sajd tagħhom;

8.  Jisħaq li l-ġlieda kontra s-sajd IUU m'għandhiex tiddependi kompletament fuq l-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx u li, sabiex verament niġġieldu s-sajd illegali fil-forom kollha tiegħu, huwa neċessarju li jinstabu modi li bihom ngħinu lil pajjiżi, b'mod partikolari lil stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, li l-Comoros hija waħda minnhom, biex b'hekk ikunu jistgħu jbiddlu l-politiki tal-ġestjoni tal-baħar tagħhom;

9.  Jaqbel mal-Kummissjoni u mal-Kunsill dwar il-ħtieġa li jiġu applikati l-miżuri msemmija fl-Artikolu 38(8) tar-Regolament IUU għad-denunzja ta' kwalunkwe ftehim bilaterali eżistenti dwar is-sajd mal-Comoros, li jiddisponi għat-terminazzjoni tal-ftehim fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-impenji magħmula minnha fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd IUU;

10.  Jinnota l-konsegwenzi l-oħra msemmija fl-Artikolu 38(8) tar-Regolament IUU, dwar il-projbizzjonijiet fuq il-kiri (chartering), l-għoti ta' bandiera ġdida u l-ftehimiet privati, fost oħrajn;

11.  Isostni, madankollu, li tali denunzja ma għandhiex tkun it-tmiem tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Comoros fis-settur tas-sajd; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex li tiżgura li din ir-relazzjoni tkun tista' tiġi attivata mill-ġdid malajr kemm jista' jkun, u tipproċedi mill-premessa li l-komunitajiet tas-sajd u s-sajd artiġġjanali fuq skala żgħira għandhom jitqiesu bħala ċentrali għall-iżvilupp tal-pajjiż u li, għal dan il-għan, għandhom jiġu promossi l-investiment u l-assistenza teknika fl-oqsma li ġejjin:

  l-amministrazzjoni u s-sistema ta' governanza tas-sajd, il-leġiżlazzjoni, il-makkinarju istituzzjonali, il-bini tal-kapaċità għar-riżorsi umani (sajjieda, xjenzjati, spetturi, u oħrajn), u t-tisħiħ tal-valur kummerċjali u kulturali tal-irkaptu u tal-ħut tradizzjonali tal-Comoros;

  il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u l-kapaċitajiet xjentifiċi, il-kapaċità ta' protezzjoni tal-kosta, u l-kapaċitajiet għall-ispezzjoni, għas-sorveljanza, u għall-kontroll tal-kwalità;

  l-istabbiliment ta' faċilitajiet għat-tkessiħ, id-distribuzzjoni u l-ipproċessar tal-ħut;

  il-bini u t-titjib tal-infrastruttura għall-ħatt l-art u għas-sigurtà fil-portijiet;

  it-tiġdid tal-flotta fuq skala żgħira tal-Komoros, biex jittejbu s-sigurtà, il-kapaċità tal-flotta li tibqa' fuq il-baħar, u l-kapaċità tas-sajd;

12.  Jitlob l-inklużjoni ta' klawżola li permezz tagħha, jekk il-Comoros tirrimedja n-nuqqasijiet tagħha, il-proċedura titwaqqaf u l-karta ħamra tiġi rtirata, u b'hekk il-flotta tal-UE tkun tista' tirritorna;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex treġġa' s-sitwazzjoni lura għan-normal billi ttejjeb l-effikaċja tal-miżuri li jiġġieldu s-sajd IUU u tħalli l-flotta tal-UE tmur lura fiż-żona tas-sajd ladarba t-termini ta' protokoll ġdid ikunu ġew innegozjati mill-ġdid;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-mandati rispettivi tagħhom, iżommu lill-Parlament mgħarraf bis-sħiħ u mingħajr dewmien b'tali żviluppi li jafu jseħħu f'dan il-proċess;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Unjoni tal-Comoros.

(1)

ĠU L 290, 20.10.2006, p. 7.

(2)

Testi adottati, P8_TA(0000)0000.

(3)

ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

L-Unjoni tal-Comoros (il-Comoros) hija grupp ta' tliet gżejjer ewlenin li jinsabu fil-punent tal-Oċean Indjan, 'il barra mill-kosta tal-Afrika tal-Lvant. L-arċipelagu, li ilu indipendenti mill-1975, fih ukoll ir-raba' gżira, Mayotte, li għażlet is-sovranità Franċiża.

Skont iċ-ċifri tal-2013, il-Comoros għandha popolazzjoni ta' madwar 734 000 abitant. Minħabba l-kuntest storiku, l-instabilità politika u d-diffikultà fl-aċċess għar-riżorsi, il-Comoros hija wieħed mill-pajjiżi l-anqas żviluppati, b'ekonomija li tiddependi ħafna mill-għotjiet u l-assistenza teknika minn barra.

Is-settur tas-sajd huwa t-tieni l-akbar settur fil-pajjiż, wara l-agrikultura, u huwa meqjus bħala prijorità strateġika. Is-sajd jirrappreżenta 10 % tal-impjiegi u 8 % tal-PDG (ċifri tal-2013). Dawn il-perċentwali madankollu juru tnaqqis fl-importanza tas-settur f'dak li jikkonċerna l-importanza ekonomika u l-impjieg, minħabba l-vulnerabilità tiegħu għal fatturi esterni – l-operazzjonijiet domestiċi kollha (8 000 sajjied) jinvolvu attivitajiet fuq skala żgħira artiġjanali li jużaw dgħajjes żgħar tal-fibra tal-ħġieġ b'tul ta' bejn 6 m u 7 m, b'ċilindrata ta' mhux aktar minn 25 CV u b'tagħmir tekniku rudimentali għall-aħħar, jew inkella kenuri mingħajr mutur.

L-istokkijiet li jistgħu jiġu sfruttati fiż-ŻEE tal-Comoros – l-aktar il-ħut pelaġiku kbir (it-tonn u l-pixxispad) – huma stmati li jilħqu t-33 000 tunnellata fis-sena, iżda l-qabdiet annwali tas-sajjieda lokali jammontaw għal madwar 16 000 tunnellata. Il-bqija tal-ħut jinqabad minn flotot industrijali barranin u jinħatt l-art xi mkien ieħor. Il-ħut jiġi pproċessat ukoll barra l-Comoros, inkluż il-ħut maqbud mill-flotta lokali.

Ir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea (u l-predeċessuri tagħha) u l-Comoros imorru lura għall-1988. Mill-2006 'il quddiem, madankollu, ir-relazzjonijiet bdew jiġu rregolati mill-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd li jiddisponi għal kontribuzzjoni finanzjarja b'żewġ komponenti distinti: wieħed għall-aċċess għar-riżorsi tas-sajd; u l-ieħor immirat lejn l-appoġġ settorjali favur l-iżvilupp tal-kapaċitajiet lokali.

Il-Ftehim li qed jiġi eżaminat f'dan ir-rapport kien jinvolvi kontribuzzjoni finanzjarja totali ta' EUR 1 845 750, li madwar 49 % minnha kien allokat għall-appoġġ settorjali. Il-Ftehim ippermetta l-għoti ta' 45 liċenzja għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun u 25 liċenzja għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ (maqsuma bejn Spanja, Franza u l-Portugall). Il-Ftehim irrikjeda wkoll li l-bastimenti tal-UE li joperaw fl-ambitu tiegħu jħaddmu numru minimu ta' membri tal-ekwipaġġ mill-Comoros u inkluda klawsola ta' esklussività dwar l-ispeċijiet li għandhom jinstadu.

Minkejja l-kundizzjonijiet imniżżla f'dan il-Ftehim u l-protokoll assoċjat, l-implimentazzjoni tiegħu kienet milquta minn diversi limitazzjonijiet – b'mod partikolari b'rabta mal-piraterija – u dan fisser li dawn il-liċenzji tas-sajd ma ġewx użati. Fl-istess ħin, l-involviment tal-Comoros f'operazzjonijiet li jikkostitwixxu ksur tar-Regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (l-IUU), b'mod partikolari billi ppermettiet l-għoti ta' bandiera ġdida lil bastimenti involuti f'sajd IUU, wassal biex, f'Ottubru 2015, l-UE innotifikat lill-Comoros bil-possibilità li tiġi identifikata bħala pajjiż li ma jikkooperax – li tabilħaqq ġara f'Mejju u f'Ġunju 2017 (meta l-Comoros irċeviet "karta ħamra").

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe reazzjoni mill-awtoritajiet tal-Comoros matul dan il-proċess kollu, il-Kummissjoni u l-Kunsill qed jipproponu li l-Ftehim jiġi ddenunzjat.

B'mod ġenerali, ir-rapporteur ma jara l-ebda raġuni għalfejn għandu jkun hemm nuqqas ta' qbil dwar din id-denunzja tal-ftehim, iżda għandha tingħata kunsiderazzjoni lil żewġ kwistjonijiet: is-sitwazzjoni soċjali prekarja ħafna tal-Comoros; u għadd ta' valutazzjonijiet magħmula minn korpi tan-NU li jikkritikaw il-pożizzjoni setgħana tal-UE meta tiġi biex tfassal il-ftehimiet u meta tiffissa l-prezz tal-ħut (fejn hija tħallas prezz inferjuri għall-prezz bl-ingrossa stmat għat-tonn), u li jiġbdu l-attenzjoni dwar il-fatt li l-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd naqsu milli jappoġġaw l-iżvilupp tal-industrija lokali.

Ir-rapporteur jixtieq jisħaq fuq il-fatt li, fi kważi 30 sena ta' ftehimiet dwar is-sajd bejn l-UE u l-Comoros – li kienu jinkludu komponent immirat lejn il-kooperazzjoni u l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd tal-Comoros – ma kienx possibbli li jinkisbu riżultati aktar tanġibbli fl-iżvilupp tas-settur, inkluż f'oqsma bħalma huma l-kapaċità ta' monitoraġġ u ta' sorveljanza, l-iżvilupp xjentifiku u t-taħriġ tekniku għas-sajjieda u l-osservaturi.

Din il-valutazzjoni tagħmilha essenzjali, fil-kuntest ta' din id-deċiżjoni, li jitressqu proposti maħsuba biex jikkontribwixxu għall-kontinwità tal-appoġġ għall-iżvilupp u biex isir titjib fil-kundizzjonijiet tas-sajd fil-Comoros, fl-attivitajiet relatati u fil-kwalità tal-ħajja tas-sajjieda u tal-komunitajiet tas-sajd.

F'dan il-kuntest ta' kooperazzjoni kontinwata bejn l-UE u l-Comoros – b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-politika tal-iżvilupp – huwa importanti li l-politika tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fil-konfront ta' dan il-pajjiż tiffoka fuq il-prijoritajiet strateġiċi, u s-settur tas-sajd huwa aspett ċentrali ta' dawn. L-UE għandha għaldaqstant tkompli tippromwovi trasferimenti li jippermettu lill-Comoros, fost affarijiet oħra, li:

  ittejjeb is-sistema tagħha għall-ġestjoni u l-governanza tas-sajd mil-lat legali u fir-rigward tal-istruttura istituzzjonali, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għar-riżorsi umani (is-sajjieda, ix-xjenzjati, l-ispetturi, eċċ.), u l-valur kummerċjali u kulturali tal-irkaptu tradizzjonali u tal-ħut tal-Comoros;

  tiżviluppa l-kapaċitajiet tagħha fir-rigward tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni xjentifika, il-protezzjoni kostali, l-ispezzjoni, is-sorveljanza u l-kontroll tal-kwalità;

  toħloq jew jirrinova l-faċilitajiet għat-tkessiħ, id-distribuzzjoni u l-ipproċessar tal-ħut;

  tibni u ttejjeb l-infrastruttura għall-ħatt l-art u għas-sigurtà fil-portijiet;

  tippromwovi t-tiġdid tal-flotta fuq skala żgħira biex ittejjeb is-sigurtà, il-kapaċità tal-flotta li tibqa' fuq il-baħar u l-kapaċità tas-sajd.

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-ftehimiet dwar is-sajd sostenibbli ffirmati mill-UE ma' pajjiżi terzi għandhom ikunu ta' benefiċċju reċiproku u għandhom jagħtu prijorità lill-azzjoni li ssaħħaħ is-sovranità tal-pajjiżi terzi fuq is-sajd tagħhom, l-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi relatati u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-baħar, tal-komunitajiet tas-sajd u ta' dawk li jaħdmu fis-settur tas-sajd. Huwa dan it-tip ta' żvilupp, u mhux it-tfaqqir tar-riżorsi, li jikkostitwixxi l-mod l-aktar effikaċi u ġust kif għandu jiġi miġġieled is-sajd IUU.

Ir-rapporteur jitlob ukoll li l-Parlament Ewropew jiġi informat minnufih dwar kwalunkwe żvilupp futur li jsir f'dan il-proċess.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (21.2.2018)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tiddenunzja l-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Comoros

(2017/2266(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Norbert Neuser

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-aħħar Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd, li skada fil-31 ta' Diċembru 2016, ingħata pakkett finanzjarju ta' EUR 600 000 fis-sena, li EUR 300 000 minnhom ġew allokati lill-appoġġ għall-politika tas-sajd tal-Comoros bil-ħsieb li tiġi promossa s-sostenibbiltà u l-ġestjoni tajba tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tiegħu;

B.  billi s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) li jaffettwa ż-żoni kostali fil-Comoros għandu effetti dannużi fuq is-sajd lokali u l-bijodiversità, li jhedded l-introjtu u l-għajxien tas-sajjieda fuq skala żgħira, is-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp sostenibbli tal-Comoros, u fl-aħħar mill-aħħar jaggrava l-faqar;

C.  billi r-riżorsi marittimi mhumiex illimitati; billi il-kontinent Afrikan jitlef biljuni ta' dollari kull sena għal sajd IUU;

D.  billi, skont il-FAO, is-sajd illegali jammonta għal madwar 26 miljun tunnellata ta' ħut kull sena, jew aktar minn 15 % tal-qabdiet totali madwar id-dinja; billi s-sajd eċċessiv illegali jimmina ir-riġenerazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, jhedded il-bijodiversità, l-ekosistema tal-baħar u s-sigurtà tal-ikel u jikkawża telf ekonomiku sinifikanti;

E.  billi l-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi tal-baħar hija kruċjali biex tillimita l-effetti ħżiena tat-tibdil fil-klima; billi l-COP21 enfasizza l-urġenza li tinbidel it-tendenza ta' produzzjoni żejda;

F.  billi għall-ewwel darba l-adozzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) inkorporaw għan rilevanti għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-ibħra u tar-riżorsi tal-baħar (Għan 14);

1.  Huwa konxju li s-sajd IUU huwa problema ekonomika u ambjentali kbira madwar id-dinja, kemm fis-sajd tal-baħar kif ukoll f'dak tal-ilma ħelu, li jhedded is-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut u s-sigurtà tal-ikel, u l-bijodiversità tal-oċeani tad-dinja; jenfasizza li s-sajd IUU jimmina wkoll l-isforzi tal-ġestjoni tas-sajd u jikkostitwixxi kompetizzjoni inġusta għas-sajjieda, partikolarment mill-flotot artiġjanali, u oħrajn li joperaw skont il-liġi, b'konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali serji; jinnota li livelli għoljin ta' sajd IUU għandhom tendenza li jkunu aktar frekwenti f'pajjiżi b'sistema dgħajfa ta' governanza;

2.  Jenfasizza li l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp huma partikolarment vulnerabbli għal sajd IUU minħabba l-kapaċità limitata tagħhom għall-kontroll u s-sorveljanza tal-ilmijiet tagħhom, li tkompli tiddestabbilizza l-ġestjoni tas-sajd tagħhom; jenfasizza li s-sajd IUU jċaħħad id-dħul u l-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari meta dawn l-attivitajiet isiru fl-istess żoni tas-sajd fejn joperaw is-sajjieda lokali fuq skala żgħira;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-politika tal-UE ta' tolleranza żero lejn is-sajd illegali madwar id-dinja;

4.  Jiddispjaċih li għall-kuntrarju tal-appoġġ settorjali previst skont il-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd, l-awtoritajiet ta' Comoros naqsu milli jieħdu miżuri xierqa biex jistabbilixxu reġistru nazzjonali tal-bastimenti tas-sajd u jfasslu u jimplimentaw pjan ta' azzjoni nazzjonali robust u qafas legali kontra s-sajd IUU fl-ibħra tal-Comoros u minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Comoros, li wassal biex il-Comoros jiġi identifikat bħala pajjiż li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU;

5.  Jiddispjaċih li minbarra n-nuqqas ta' kapaċità min-naħa tal-amministrazzjoni tal-Comoros biex tindirizza s-sajd IUU, il-Kummissjoni rrappurtat nuqqas ta' governanza jew rieda politika insuffiċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Comoros biex jikkoperaw;

6.  Jitlob li tissaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fi kwistjonijiet amministrattivi, iżda wkoll fl-immappjar u fl-evalwazzjoni tar-riżorsi; jitlob, barra minn hekk, miżuri biex jgħinuhom ifasslu statistika affidabbli u oġġettiva, li tikkontribwixxi għall-formulazzjoni ta' politiċi u strateġiji fil-qasam ekonomiku u f'dak li għandu x'jaqsam mal-monitoraġġ u l-protezzjoni tas-sajd legali;

7.  Ifakkar li l-Comoros għandu d-dmir, skont il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd iffirmat mal-UE u strumenti internazzjonali oħrajn, kif ukoll fi ħdan il-qafas għall-kisba tal-Aġenda 2030 u l-SDGs, li jirrispetta l-prinċipji ta' governanza tajba fis-sajd u s-sajd responsabbli, iżomm l-istokkijiet tal-ħut u jippreserva l-ekosistema tal-baħar fiż-żona ekonomika esklużiva tiegħu;

8.  Ifakkar b'mod partikolari l-SDG 14, il-mira 4, li għandu l-għan li jirregola b'mod effikaċi l-ħsad u jtemm is-sajd eċċessiv, is-sajd IUU u l-prattiki tas-sajd qerrieda u jimplimenta pjanijiet ta' ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza, sabiex l-istokkijiet tal-ħut jiġu rkurpati fl-inqas żmien fattibbli, għall-inqas sa livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli kif determinati mill-karatteristiċi bijoloġiċi tagħhom;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi d-djalogu politiku u settorjali tagħha dwar is-sajd mal-awtoritajiet tal-Comoros, li jwassal biex dawn l-awtoritajiet iwettqu d-dispożizzjonijiet skont ir-Regolament IUU u, fl-aħħar mill-aħħar, jitneħħa dan il-pajjiż mil-lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx; jappella, sadanittant, biex l-assistenza li rċieva l-Comoros taħt strumenti finanzjarji oħrajn tal-UE tiġi orjentata mill-ġdid sabiex il-popolazzjoni ma tħallasx l-ispiża ta' din is-sitwazzjoni;

10.  Jenfasizza li l-awtoritajiet ta' kontroll tas-sajd madwar id-dinja għandhom jingħataw riżorsi suffiċjenti (umani, finanzjarji u teknoloġiċi) li jippermettulhom jimplimentaw bis-sħiħ il-liġijiet u r-regolamenti dwar is-sajd;

11.  Jinsab konvint li l-ġlieda kontra s-sajd IUU tirrikjedi approċċ multilaterali u tiddependi bil-kbir fuq rispons koerenti fil-livell internazzjonali, inkluż minn stati tal-bandiera, l-istati tal-kosta, l-istati tal-portijiet u dawk tas-suq; huwa tal-fehma li dan ir-rispons għandu jkun ibbażat fuq l-applikazzjoni uniformi tal-liġi internazzjonali u tar-regolamenti dwar is-sajd IUU u fuq skambju ta' informazzjoni estensiv u preċiż; jistieden lill-komunità internazzjonali tieħu miżuri simili għal dawk adottati mill-UE biex jingħalqu s-swieq tal-ħut maqbuda permezz ta' sajd IUU.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGHTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Ignazio Corrao, Mireille D’Ornano, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Maria Heubuch, György Hölvényi, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Arne Lietz, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Eleftherios Synadinos, Eleni Theocharous, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Thierry Cornillet, Paul Rübig, Rainer Wieland

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

21

+

ALDE

Thierry Cornillet, Paavo Väyrynen

ECR

Nirj Deva, Eleni Theocharous

EFDD

Ignazio Corrao, Mireille D’Ornano

GUE/NGL

Lola Sánchez Caldentey

PPE

György Hölvényi, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Cristian Dan Preda, Paul Rübig, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Željana Zovko, Anna Záborská

S&D

Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Arne Lietz, Norbert Neuser, Vincent Peillon

Verts/ALE

Maria Heubuch

1

-

NI

Eleftherios Synadinos

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

27.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Alain Cadec, David Coburn, Linnéa Engström, João Ferreira, Sylvie Goddyn, Mike Hookem, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Liadh Ní Riada, Ulrike Rodust, Annie Schreijer-Pierik, Remo Sernagiotto, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, José Blanco López, Nicola Caputo, Ole Christensen, Rosa D’Amato, Norbert Erdős, John Flack, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Anja Hazekamp, Maria Heubuch, Czesław Hoc, Yannick Jadot, France Jamet, Seán Kelly, Verónica Lope Fontagné, Linda McAvan, Francisco José Millán Mon, Nosheena Mobarik, Cláudia Monteiro de Aguiar, Rolandas Paksas, Daciana Octavia Sârbu, David-Maria Sassoli, Maria Lidia Senra Rodríguez, Nils Torvalds

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Liliana Rodrigues


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

20

+

ALDE

António Marinho e Pinto, Norica Nicolai

ECR

Peter van Dalen, Remo Sernagiotto, Ruža Tomašić

ENF

Sylvie Goddyn

GUE/NGL

João Ferreira, Liadh Ní Riada

PPE

Alain Cadec, Norbert Erdős, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, Gabriel Mato, Annie Schreijer-Pierik, Jarosław Wałęsa

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Liliana Rodrigues, Ulrike Rodust, Isabelle Thomas

VERTS/ALE

Linnéa Engström

0

-

 

 

2

0

EFDD

David Coburn, Mike Hookem

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Marzu 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza