RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

23.3.2018 - (2017/2165(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Bart Staes

Proċedura : 2017/2165(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0082/2018
Testi mressqa :
A8-0082/2018
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2165(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija[1],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[2] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0075/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[3], u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4], u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5], u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0082/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2165(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija[6],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[7] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0075/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[8], u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[9], u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[10], u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0082/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2165(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0082/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità tal-kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tal-infiq tagħha[11], is-sussidju tal-Unjoni għall-baġit finali tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2016 kien jammonta għal EUR 29 086 327, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 5,36 % meta mqabbel mal-2015;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

L-obbligi tal-Aġenzija

1.  Ifakkar lill-Aġenzija li jeħtiġilha tirrispetta d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 109 u 110 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013[12] u li jeħtiġilha tissodisfa l-obbligi tagħha fil-proċedura ta' kwittanza, b'mod partikolari billi twieġeb għall-kwestjonarju mibgħut mill-Membri tal-Parlament Ewropew u twieġeb il-mistoqsijiet imqajma matul il-proċedura ta' kwittanza tal-2015, l-hekk imsejjaħ eżerċizzju ta' segwitu; iqis li l-Aġenzija ma ssodisfatx l-obbligi tagħha fl-2016 billi bagħtet ir-risposti tagħha tard wisq u b'hekk kisret ir-regoli u l-obbligi tagħha; huwa tal-fehma li din tista' titqies bħala raġuni proċedurali biex il-kwittanza tiġi differita; huwa tal-fehma li tali dewmien ma għandux jerġa' jirripeti ruħu;

Segwitu għall-kwittanzi 2014 u 2015

2.  Jinnota bi tħassib l-għadd ta' miżuri korrettivi li għadhom għaddejjin b'risposta għall-kummenti tal-Qorti fl-2014 u fl-2015 b'rabta mal-kopertura tal-assigurazzjoni, il-validazzjoni tas-sistema kontabilistika, il-pjan għall-kontinwità tal-operazzjonijiet u r-rata għolja ta' bidla fil-persunal; jistieden lill-Aġenzija tikkompleta għadd kemm jista' jkun kbir ta' azzjonijiet korrettivi fl-2018;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 100 %; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 82,42 %;

4.  Jinnota li l-Aġenzija baqgħet tamministra ammont kbir ta' baġit delegat fl-2016 wara l-iffirmar ta' żewġ ftehimiet ta' delega ġodda (Sfruttament ta' EGNOS u Sfruttament ta' Galileo) matul l-2016; jinnota li fl-2016 ġie impenjat total ta' EUR 1 074 000 000 ta' baġit delegat u saru pagamenti għall-ammont ta' EUR 111 600 000;

Impenji u riporti

5.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-livell ta' riporti għall-approprjazzjonijiet impenjati fl-2016 kien għoli għat-Titolu II (Infiq amministrattiv) fl-ammont ta' EUR 2 806 212 (45 %), meta mqabbel ma' EUR 2 511 309 (42 %) fl-2015; jirrikonoxxi li dawn ir-riporti huma prinċipalment relatati ma' servizzi tal-IT pprovduti fl-2016 u li l-fatturi għalihom ma waslux;

6.  Jirrikonoxxi li l-livell ta' kanċellazzjonijiet ta' riporti tal-Aġenzija huwa baxx ħafna (0,7 % tal-linji tal-baġit globali fl-2016); jinnota li l-Aġenzija tqis li dan jikkostitwixxi indikazzjoni aħjar ta' ġestjoni baġitarja mil-livell ta' riporti nnifsu;

7.  Jinnota li r-riporti spiss jistgħu jkunu parzjalment jew għalkollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operazzjonali tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel u kkomunikati lill-Qorti;

Trasferimenti

8.  Jinnota li sitt trasferimenti interni ġew ipproċessati fl-2016, kollha kemm huma awtorizzati mid-Direttur Eżekuttiv billi kellhom x'jaqsmu ma' trasferimenti ta' ammonti jew fi ħdan it-Titoli jew ta' anqas minn 10 % bejn it-Titoli;

Politika tal-persunal

9.  Jinnota li, fil-bidu tal-2016, l-Aġenzija kienet timpjega 99 aġent temporanju, 36 aġent kuntrattwali u 4 esperti nazzjonali sekondati, għal total ta' 139 membru tal-persunal; jinnota li, fi tmiem l-2016, l-Aġenzija kienet timpjega 113-il aġent temporanju (minn 113-il post awtorizzat taħt il-baġit tal-Unjoni), 43 aġent kuntrattwali u 4 esperti nazzjonali sekondati, hekk li l-għadd totali tal-membri tal-persunal kien 160;

10.  Jinnota li, b'referenza għan-numru ta' postijiet okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, il-proporzjon tal-bilanċ bejn is-sessi kien ta' 36 % nisa u 64 % rġiel;

11.  Jilqa' l-implimentazzjoni min-naħa tal-Aġenzija ta' diversi miżuri biex tqawwi l-attraenza tagħha, kemm esternament kif ukoll internament, eż. billi tirrilieva l-importanza tal-missjoni tagħha, billi twessa' t-tixrid tal-postijiet battala tagħha u tissimplifikahom, billi tiċċara l-benefiċċji għall-persunal u billi ssaħħaħ l-ambjent kollaborattiv bejn id-dipartimenti sabiex tindirizza l-kwistjoni tar-rata għolja ta' tibdil fil-persunal; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-impatt ta' dawk il-miżuri;

12.  Jenfasizza li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Aġenzija; jinnota li l-baġit li ntefaq għall-attivitajiet ta' benesseri jammonta għal madwar EUR 84,70 għal kull membru tal-persunal, li jikkorrispondi għal 1,1 jum; josserva li l-medja ta' jiem ta' liv minħabba mard fl-2016 kienet 7,1 għal kull membru tal-persunal;

13.  Japprezza l-fatt li, fl-2017, l-Aġenzija adottat politika ġdida dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jappoġġja s-sessjonijiet ta' taħriġ organizzati biex ikabbru s-sensibilizzazzjoni tal-persunal u jissuġġerixxi li sessjonijiet ta' taħriġ u ta' informazzjoni dwar il-kwistjoni jiġu organizzati b'mod regolari;

14.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fl-2016, l-Aġenzija ma rċeviet l-ebda lment, azzjoni legali jew każ irrapportat marbuta mar-reklutaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal;

Akkwist

15.  Jinnota li l-medja ta' żmien ta' pagament tal-Aġenzija kien ta' 14-il jum, li huwa ferm taħt il-valur referenzjarju tal-Kummissjoni ta' 30 jum u l-mira tagħha ta' 20 jum; jinnota li l-Aġenzija pproċessat total ta' 4 740 tranżazzjoni finanzjarja, li jirrappreżentaw żieda ta' 11 % meta mqabbel mal-2015;

16.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fil-15 ta' Diċembru 2016, l-Aġenzija ffirmat kuntratt qafas dwar l-isfruttar tas-sistema satellitari Galileo matul il-perjodu mill-2017 sal-2027, li jammonta għal EUR 1 500 000 000; jinnota, barra minn hekk, li l-kuntratt ingħata wara li saret proċedura ta' akkwist pubbliku; jinnota li wieħed mill-offerenti involuti fetaħ proċedimenti legali kontra l-Aġenzija fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-Qorti tal-Ġustizzja"), fejn huwa kkontesta l-eżitu tal-proċedura ta' akkwist; jirrikonoxxi li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja se tiddeċiedi dwar il-legalità u r-regolarità tal-proċedura ta' akkwist għall-kuntratt qafas u għall-kuntratti u għall-pagamenti speċifiċi futuri kollha relatati; jirrimarka li l-ewwel pagamenti mistennija jsiru fl-2017;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, it-trasparenza u d-demokrazija

17.  Jinnota li l-Aġenzija ppubblikat id-dikjarazzjonijiet ta' interess u s-CVs fil-qosor tal-maniġment superjuri tagħha fis-sit web tagħha;

18.  Jirrimarka li l-Aġenzija għadha ma adottatx politika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; madankollu, jinnota mir-rapport ta' segwitu li l-Aġenzija se tibda l-proċess ta' adozzjoni ta' politika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta abbażi tar-regoli ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni għall-aġenziji, li huwa mistenni li jiġu ffinalizzati fl-2018; jitlob lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

Kisbiet ewlenin

19.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, jiġifieri li:

–  ikkompletat l-akkwist ta' EUR 1 500 000 000 fuq l-Operatur tas-Servizz Galileo;

–  aġġornat il-ftehim ta' delega tagħha mal-Kummissjoni fir-rigward ta' Galileo;

–  ikkompletat in-negozjati u ffirmat arranġament ta' ħidma mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) dwar Galileo;

Awditu intern

20.  Jinnota li, fl-2016, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) wettaq awditu tal-proċess ta' ppjanar, monitoraġġ u rapportar tal-Aġenzija; jirrilieva l-fatt li l-awditu ma rrapporta l-ebda konklużjoni kritika; jinnota, barra minn hekk, li fl-2016, l-IAS ħabbar pjanijiet biex iwettaq valutazzjoni perjodika tar-riskju tal-Aġenzija f'April 2017;

Kontrolli interni

21.  Jinnota li l-aħħar valutazzjoni dwar il-konformità mal-Istandards ta' Kontroll Intern saret f'Ottubru 2015 u li din uriet li l-Aġenzija kienet konformi ma' kull waħda mis-16-il Standard ta' Kontroll Intern minbarra waħda, il-''Kontinwità tal-Operazzjonijiet''; jinnota, barra minn hekk, li sussegwentement, fl-2016, l-Aġenzija tat bidu għal valutazzjoni korporattiva tal-kontinwità tal-operazzjonijiet; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar ir-riżultat ta' dik il-valutazzjoni;

22.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fir-rapport tal-awditjar tiegħu ddatat Novembru 2016, l-IAS ikkonkluda li ma kien sar l-ebda eżerċizzju annwali ta' valutazzjoni tar-riskji fl-Aġenzija kollha fl-2016 u li r-riskji sinifikanti tal-Aġenzija mhumiex inklużi fid-dokumenti ta' ppjanar jew fir-Rapporti tal-attività tagħha; josserva, barra minn hekk, li l-IAS innota wkoll li t-terminoloġija użata għad-diversi elementi tas-sistema ta' kejl tal-prestazzjoni mhijiex konsistenti, u li għalhekk tfixkel il-monitoraġġ tal-prestazzjoni; jinnota li l-Aġenzija u l-IAS qablu dwar pjan biex tittieħed azzjoni korrettiva; jirrikonoxxi li l-Aġenzija implimentat is-sejbiet tal-IAS fir-rigward tal-immaniġġjar tar-riskji u li fir-raba' trimestru tal-2016, l-Aġenzija ffinalizzat politika u proċedura għall-immaniġġjar tar-riskju korporattiv;

Kummenti oħra

23.  Jinnota li l-Aġenzija topera kemm iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà ta' Galileo kif ukoll l-istazzjonijiet tal-art ta' Galileo, li t-tnejn jinsabu fit-territorju tar-Renju Unit; jirrimarka li l-istatus tar-Renju Unit fi ħdan dawn l-oqfsa għad irid jiġi ddeterminat; jistieden lill-Aġenzija taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni rigward in-negozjati tal-Brexit, sabiex tħejji ruħha b'mod suffiċjenti biex timminimizza kwalunkwe impatt operazzjonali jew finanzjarju negattiv li jista' jseħħ;

24.  Jinnota b'diżappunt li l-viżibbiltà tal-Aġenzija għadha mhix sodisfaċenti, u li ma tirrilevax biżżejjed il-ħidma mwettqa mill-Unjoni fil-qasam ta' attività tal-Aġenzija; jitlob lill-Aġenzija tkun aktar proattiva rigward il-preżentazzjoni tal-missjoni u tax-xogħol tagħha lill-pubbliku ġenerali, u jitlobha tqawwi l-viżibbiltà ġenerali;

o

o o

25.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... 2018[13] dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Julia Pitera, Miroslav Poche

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

19

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Miroslav Poche, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

5

-

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

GUE/NGL

Dennis de Jong

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

  • [1]  ĠU C 417, 6.12.2017, p. 241.
  • [2]  ĠU C 417, 6.12.2017, p. 241.
  • [3]  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1
  • [4]  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11
  • [5]  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42
  • [6]  ĠU C 417, 6.12.2017, p. 241.
  • [7]  ĠU C 417, 6.12.2017, p. 241.
  • [8]  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1
  • [9]  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11
  • [10]  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42
  • [11]  ĠU C 230, 24.06.2016, p. 4.
  • [12]  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).
  • [13]  Testi adottati ta' din id-data, P8_TA-PROV(2018)0000.
Aġġornata l-aħħar: 10 ta' April 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza