RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

26.3.2018 - (2017/2143(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Ingeborg Gräßle


Proċedura : 2017/2143(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0100/2018
Testi mressqa :
A8-0100/2018
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

(2017/2143(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016[1],

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (COM(2017)0365 – C8-0254/2017)[2],

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[3],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0100/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lill-Ombudsman Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

(2017/2143(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0100/2018),

1.  Jinnota li fir-Rapport Annwali 2016 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati b'relazzjoni mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Ombudsman Ewropew ("l-Ombudsman");

2.  Jinnota li l-Qorti, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, ikkonkludiet li l-pagamenti inġenerali għan-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet u tal-korpi ma kellhomx żbalji materjali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016;

3.  Jilqa' l-fatt li l-Ombudsman ippreżentat ir-rapport ta' attività annwali lill-Qorti f'Marzu; jinnota li l-Qorti ppreżentat ir-rapport tagħha lill-Parlament f'Ottubru u li l-votazzjoni dwar il-kwittanza mill-Parlament se ssir fis-sessjoni plenarja sa Mejju; jinnota li sakemm tingħalaq il-kwittanza, dment li ma tiġix posposta, ikunu għaddew mill-inqas 17-il xahar mill-għeluq tal-kontijiet annwali; jirrimarka li l-awditjar fis-settur privat isegwi skeda ta' żmien ħafna iqsar; jenfasizza li l-proċedura ta' kwittanza teħtieġ tiġi ssemplifikata u mħaffa; jirrikjedi lill-Ombudsman issegwi l-eżempju tajjeb mogħti mis-settur privat u jipproponi li tiġi stabbilita skadenza għall-preżentazzjoni tar-rapporti ta' attività annwali għall-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara, skadenza għall-preżentazzjoni tar-rapporti tal-Qorti għall-1 ta' Lulju u sussegwentement issir votazzjoni dwar il-kwittanza fis-sessjoni plenarja ta' Novembru, u b'hekk il-proċedura ta' kwittanza tingħalaq fi żmien sena wara s-sena finanzjarja kkonċernata; 

4.  Jilqa' l-ġestjoni finanzjarja ġeneralment prudenti u soda tal-Ombudsman fil-perjodu tal-baġit tal-2016; jesprimi appoġġ għall-bidla fundamentali li rnexxiet lejn ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni fl-ippjanar tal-baġit tal-Kummissjoni introdotta mill-Viċi President Kristalina Georgieva f'Settembru 2015 bħala parti mill-inizjattiva "Baġit tal-UE iffukat fuq ir-Riżultati"; iħeġġeġ lill-Ombudsman tapplika dan il-metodu għall-proċedura ta' ppjanar tal-baġit tagħha stess;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-Ombudsman huwa wieħed purament amministrattiv u fl-2016 ammonta għal EUR 10 658 951 (fl-2015 kien EUR 10 346 105);

6.  Jinnota li mill-approprjazzjonijiet totali, ġew impenjati 95,40 % (meta mqabbel ma' 92,32 % fl-2015) u tħallsu 85,89 % (meta mqabbel ma' 86,19 % fl-2015) b'rata ta' użu ta' 95,40 % (meta mqabbel ma' 92,32 % fl-2015); jilqa' ż-żieda fir-rata ta' użu;

7.  Jilqa' r-rwol kruċjali tal-Ombudsman fil-promozzjoni tal-governanza tajba u fl-iżgurar tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-Unjoni; jinnota li fl-2016, l-Ombudsman għalqet ħames inkjesti strateġiċi u fetħet erbgħa ġodda dwar kwistjonijiet marbuta, fost oħrajn, mat-trasparenza u l-kunflitti ta' interess; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli bil-ħidma strateġika tagħha bl-għan li tiġi promossa l-governanza tajba tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

8.  Jilqa' d-deċiżjoni li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-komunikazzjoni u tat-traduzzjoni marbuta mal-produzzjoni ta' pubblikazzjonijiet mingħajr ma tkun kompromessa l-kwalità tagħhom; jinnota li tnaqqas it-tul tad-dokumenti, u għalhekk jinsab interessat ikun jaf jekk l-informazzjoni li issa ġiet eskluża mill-pubblikazzjonijiet hijiex madankollu aċċessibbli jekk tintalab;

9.  Jilqa' l-fatt li l-organigramma tal-Ombudsman ġiet iċċarata u tinsab disponibbli fuq is-sit web tiegħu; jitlob lill-Ombudsman tiżgura li l-verżjoni aġġornata tal-organigramma tkun dejjem disponibbli fuq is-sit web tagħha;

10.  Jinnota r-riżultati li nkisbu fl-2016 fir-rigward tal-ġestjoni tal-ilmenti u jilqa' l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonformaw mad-deċiżjonijiet tal-Ombudsman b'rata ta' 84 % (83 % fl-2015); jinnota li din hija t-tieni l-ogħla rata ta' konformità mad-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman s'issa; jirrakkomanda li l-Ombudsman tkompli taħdem u tanalizza soluzzjonijiet possibbli sabiex minn tal-inqas terġa' tintlaħaq ir-rata ta' 88 % li nkisbet fl-2014; jinnota li r-rata ta' segwitu għal rimarki kritiċi kienet ta' 63 % fl-2016 (41 % fl-2015); jilqa' r-rapport tal-Ombudsman bit-titolu "Putting it Right", li joffri analiżi dwar kif l-istituzzjonijiet ikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet tagħha u jippreżenta analiżi dettaljata għal kull istituzzjoni;

11.  Jilqa' l-introduzzjoni tal-proċedura rapida ġdida għall-każijiet ta' aċċess għad-dokumenti bħala sinjal ċar li l-Ombudsman tagħmel l-almu tagħha biex tilħaq livell għoli ta' trasparenza tad-dokumenti tal-Unjoni; huwa tal-fehma li għad hemm lok għal titjib minn kważi kull istituzzjoni oħra tal-Unjoni;

12.  Jissottolinja l-importanza li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jafu bil-possibbiltà li jirrikorru għand l-Ombudsman f'każ ta' amministrazzjoni ħażina; jilqa' l-isforzi tal-Ombudsman biex iżżid l-attivitajiet ta' komunikazzjoni tagħha u l-kooperazzjoni fost l-ombudsmen biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-ħidma tagħha; jinnota li l-Ombudsman kemm-il darba indirizzat il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, u jħeġġeġ sabiex ikun hemm aktar kooperazzjoni fil-ħidma strateġika tagħha dwar l-inkjesti u l-inizjattivi tagħha;

13.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar "bibien iduru interni" bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet l-oħra, b'mod partikolari d-direttorati tal-Kummissjoni li jistgħu jkunu taħt l-iskrutinju tagħha;

14.  Jinnota li wħud mill-objettivi stabbiliti mill-Ombudsman biex tivvaluta l-prestazzjoni tagħha stess permezz ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ma ġewx milħuqa[6]; jitlob lill-Ombudsman tidentifika l-miżuri meħuda biex jittejbu r-riżultati miksuba;

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-bilanċ bejn is-sessi fil-livell ta' ġestjoni u fost l-amministraturi; iħeġġeġ lill-Ombudsman iżżomm din ix-xejra;

16.  Jinnota li għad hemm żbilanċ ġeografiku fil-livell maniġerjali; jinnota li tnejn mit-tliet maniġers li ġejjin mill-Istat Membru tal-Ombudsman kienu jokkupaw pożizzjonijiet maniġerjali fl-Uffiċċju għal ħafna snin qabel il-ħatra tal-Ombudsman preżenti, u huma uffiċjali, filwaqt li t-tielet wieħed ingħaqad bħala kap tal-Kabinett fil-bidu tal-mandat tal-Ombudsman preżenti; jirrikonoxxi li huwa għalhekk diffiċli li tinbidel is-sitwazzjoni fi żmien qasir, iżda jħeġġeġ lill-Ombudsman tagħmel ħilitha sabiex jinkiseb bilanċ ġeografiku fil-pożizzjonijiet maniġerjali fuq terminu twil;

17.  Jinnota l-pjan tal-Ombudsman li tikkonforma mal-ftehim interistituzzjonali li tnaqqas il-persunal b'5 % matul il-perjodu ta' ħames snin; jinnota li, skont ir-rapport ta' segwitu għall-kwittanza tal-2015, l-istimi inizjali tal-2016 biex jinħolqu ħames postijiet ġodda ġew emendati u l-verżjoni finali rriżultat fi tnaqqis nett ta' membru tal-persunal wieħed;

18.  Jirrikonoxxi li l-Ombudsman qiegħda tesperjenza żieda sinifikanti ta' lmenti u huwa konxju tat-talba tagħha lill-Parlament, li għamlet fir-rapport ta' attività annwali tagħha għall-2016, għal żieda baġitarja moderata sabiex jiġu impjegati persunal multilingwi supplimentari; jinsab imħasseb li, b'riżultat tat-tnaqqis tal-persunal, ir-riżorsi disponibbli li jifdal f'kull servizz ma jippermettux l-assorbiment ta' żieda fil-volum tax-xogħol; jistieden lill-awtoritajiet baġitarji jkunu konxji mill-impatt fit-tul tat-tnaqqis tal-persunal, b'mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità tal-Ombudsman li ttejjeb il-bilanċi bejn is-sessi u l-bilanċi ġeografiċi, kif ukoll il-ħtieġa li tibni fuq il-kapaċità ta' uffiċjali bl-esperjenza biex jassumu karigi maniġerjali waqt li tiġi ppjanata l-allokazzjoni futura tar-riżorsi finanzjarji għall-persunal;

19.  Jinnota l-impenn tal-Ombudsman li ttejjeb it-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni; jinnota li fl-2016 l-inkjesti relatati mat-trasparenza għal darb'oħra kienu jirrappreżentaw l-akbar perċentwal ta' każijiet;

20.  Jinnota li għad hemm ilment li għadu għaddej quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) fir-rigward tal-Ombudsman li tressaq fl-2016; jinnota li l-Uffiċċju tal-Ombudsman għandu kooperazzjoni mill-qrib mal-KEPD, u qiegħed jirrieżamina l-proċedura tal-Uffiċċju dwar l-ipproċessar tad-data personali ta' partijiet terzi fi lmenti u inkjesti; jitlob lill-Uffiċċju tal-Ombudsman iżomm lill-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit informat dwar l-eżitu tar-rieżami;

21.  Jilqa' l-inklużjoni ta' grafiki tar-riżorsi umani u tat-taħriġ professjonali fir-rapport ta' attività annwali tal-Ombudsman għall-2016;

22.  Jafferma l-bżonn li jiġi stabbilit korp ta' żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jingħataw l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

23.  Jinnota li l-Ombudsman tat segwitu f'waqtu għall-kwittanza tal-2015, jiġifieri qabel it-30 ta' Ġunju 2018, fir-rapport tagħha lill-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit, f'konformità mal-Artikolu 166 tar-Regolament Finanzjarju; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' data tal-2016 f'sezzjonijiet differenti tar-rapport ta' attività annwali tal-Ombudsman għall-2016;

24.  Jiddispjaċih għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea; josserva li f'dan l-istadju ma tista' ssir l-ebda previżjoni dwar il-konsegwenzi finanzjarji, amministrattivi, umani u oħrajn relatati ma' dan il-ħruġ; jitlob lill-Ombudsman u lill-Qorti jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt u jinformaw lill-Parlament dwar ir-riżultati sa tmiem l-2018.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Julia Pitera

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

19

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

EFDD

Marco Valli

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Arndt Kohn, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

3

-

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

  • [1]    ĠU L 48, 24.2.2016.
  • [2]    ĠU C 323, 28.9.2017, p. 1.
  • [3]    ĠU C 322, 28.9.2017, p. 1.
  • [4]    ĠU C 322, 28.9.2017, p. 10.
  • [5]    ĠU L 298, 26.10.2002, p. 1.
  • [6]    L-impatt tal-konformità; il-viżibbiltà permezz taż-żjarat fuq is-sit web u l-użu tal-gwida interattiva biex jiġi kkuntattjat membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsman; u l-perċentwal ta' każijiet li fihom id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ittieħdet fi żmien xahar - l-objettiv stabbilit mill-Ombudsman ma laħaqx il-mira.
Aġġornata l-aħħar: 9 ta' April 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza