RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

26.3.2018 - (2017/2179(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Bart Staes


Proċedura : 2017/2179(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0115/2018

1. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

(2017/2179(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2015 (COM(2017)0379),

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali speċifiċi[1] tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-aġenziji deċentralizzati għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-analiżi rapida tal-każ dwar l-implimentazzjoni tat-tnaqqis b'5 % tal-persunal ippubblikat fil-21 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar ir-regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[3], u b'mod partikolari l-Artikolu 110 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0115/2018),

A.  billi din ir-riżoluzzjoni tinkludi, għal kull korp imsemmi fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-kummenti trasversali li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta' kwittanza bi qbil mal-Artikolu 110 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 u l-Artikolu 3 tal-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew;

B.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jenfasizza li l-aġenziji għandhom viżibilità għolja fl-Istati Membri u għandhom influwenza sinifikanti fuq it-tfassil tal-politiki u t-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fuq l-implimentazzjoni ta' programmi f'oqsma ta' importanza vitali għaċ-ċittadini Ewropej, bħal pereżempju s-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, il-libertà u l-ġustizzja, ir-riċerka u l-iżvilupp industrijali, l-affarijiet ekonomiċi u monetarji, l-impjiegi u l-progress soċjali; itenni l-importanza tal-kompiti mwettqa mill-aġenziji u l-impatt dirett li għandhom fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej; itenni wkoll l-importanza tal-awtonomija tal-aġenziji, b'mod partikolari dik tal-aġenziji regolatorji u ta' dawk li għandhom il-funzjoni tal-ġbir indipendenti tal-informazzjoni; għad li jirrikonoxxi li l-partijiet ikkonċernati sabu mezz kif jilħqu lill-aġenziji, jinsab imħasseb minħabba li b'mod ġenerali l-viżibilità tal-aġenziji għaċ-ċittadini Ewropej għadha limitata, filwaqt li livell għoli ta' viżibilità huwa meħtieġ għall-obbligu ta' rendikont u għall-indipendenza tagħhom;

2.  Ifakkar li l-aġenziji twaqqfu primarjament sabiex iwettqu valutazzjonijiet tekniċi jew xjentifiċi indipendenti, li bis-saħħa tagħhom isir indispensabbli li jkun hemm regoli ċari u effikaċi għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, kif ukoll sabiex jiżguraw il-funzjonament tas-sistemi tal-Unjoni u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tas-Suq Uniku; jistieden lill-aġenziji kollha jipparteċipaw fil-ftehim interistituzzjonali dwar ir-reġistru ta' trasparenza li bħalissa huwa s-suġġett ta' negozjati bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament;

3.  Jinnota li, skont is-Sommarju tar-riżultati tal-awditi annwali tal-QEA li jirrigwardaw l-Aġenziji u l-korpi l-oħra tal-EU għas-sena finanzjarja 2016 (is-"Sommarju tal-Qorti"), il-baġit 2016 tal-aġenziji ammonta għal madwar EUR 3,4 biljuni, ċifra li tirrappreżenta żieda ta' madwar 21,42 % meta mqabbla mal-2015 u madwar 2,4 % (meta mqabbla ma': 2 % fl-2015) tal-baġit ġenerali tal-Unjoni; jirrimarka li din iż-żieda tikkonċerna prinċipalment lill-aġenziji li jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-industrija, ir-riċerka u l-enerġija (EUR 358 miljun addizzjonali) u mal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern (EUR 174 miljun addizzjonali); jinnota, barra minn hekk, li mill-baġit ta' EUR 3,4 biljuni, madwar EUR 2,4 biljuni ġew iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, filwaqt li madwar EUR 1 biljun ġew iffinanzjati minn tariffi kif ukoll minn kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri, mill-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u minn għejun oħra;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'kooperazzjoni mill-qrib man-Netwerk tal-aġenziji u mal-aġenziji individwali hija u tħejji l-proposta tagħha dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta' wara l-2020 u teżamina għejun alternattivi ta' finanzjament għall-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni;

5.  Jenfasizza li l-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati eżamina, b'mod partikolari, il-każ pilota tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) għall-aġenziji ffinanzjati minn tariffi; jiddikjara li anke jekk l-aġenziji jkunu kompletament iffinanzjati minn tariffi, xorta waħda jkollhom l-obbligu ta' rendikont sħiħ quddiem l-awtorità ta' kwittanza meta jitqiesu r-riskji għar-reputazzjoni li hemm involuti; jesprimi, barra minn hekk, it-tħassib tiegħu dwar l-indikaturi tal-kwalità użati fil-każ pilota tal-EASA, peress li dawn qed jiffukaw bil-kbir fuq is-sodisfazzjon tal-klijent u anqas fuq is-sikurezza tal-ajru;

6.  Jinnota li l-aġenziji jimpjegaw 10 364 membru permanenti, temporanju, kuntrattwali jew issekondat tal-persunal (meta mqabbla ma' 9 848 fl-2015), u dan jirrappreżenta żieda ta' 5,24 % meta mqabbla mas-sena preċedenti, l-aktar minħabba l-kompiti l-ġodda assenjati; jirrimarka li l-akbar żieda fl-għadd ta' membri tal-persunal seħħet fl-aġenziji li jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-industrija, ir-riċerka u l-enerġija (110), il-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern (177) u l-affarijiet ekonomiċi u monetarji (85);

7.  Jinnota li l-Qorti, skont is-sommarju tagħha, ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar l-affidabilità tal-kontijiet tal-aġenziji kollha; jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għall-aġenziji kollha, ħlief għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO);

8.  Huwa tal-fehma li l-proċedura ta' kwittanza jeħtieġ li tiġi ssemplifikata u mħaffa lejn n+1; jistieden, għalhekk, lill-aġenziji u lill-Qorti jsegwu l-eżempju tajjeb mogħti mis-settur privat u jipproponi li l-iskadenza għall-pubblikazzjoni tal-kontijiet finali, tar-rapporti annwali tal-attività u tar-rapporti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tal-aġenziji tkun il-31 ta' Marzu kif ukoll li l-pubblikazzjoni tar-rapporti annwali tal-Qorti dwar l-aġenziji titmexxa 'l quddiem għal mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju, sabiex dan jissemplifika u jħaffef il-proċess, u b'hekk il-proċedura ta' kwittanza tingħalaq matul is-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika inkwistjoni;

Approċċ Komuni u pjan direzzjonali tal-Kummissjoni

9.  Jirrikonoxxi l-implimentazzjoni, mill-aġenziji tal-UE, tal-Approċċ Komuni u tal-pjan direzzjonali tiegħu;

10.  Jilqa' l-kontribut mogħti min-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE ("in-Netwerk") bil-koordinazzjoni, il-ġbir u l-konsolidazzjoni tal-azzjonijiet u l-informazzjoni għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż il-Parlament; jinnota li l-kompiti tiegħu ta' koordinazzjoni jinkludu l-proċeduri annwali tal-kwittanza u tal-baġit, l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni li jirriżulta mill-Approċċ Komuni u inizjattivi ta' politika relatati, u r-rieżami u l-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolamenti tal-Persunal;

11.  Jemmen li dan in-Netwerk iġib miegħu valur miżjud konkret fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-aġenziji deċentralizzati; iqis li jkun ta' vantaġġ li kieku jingħata appoġġ lill-ġestjoni tal-Uffiċċju ta' Appoġġ Komuni tan-Netwerk fi Brussell; jappoġġja bil-qawwa t-talba tiegħu għal post wieħed ta' aġent temporanju, li l-ispiża tiegħu tkun kondiviża fost l-aġenziji fil-baġit 2019 tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), speċjalment jekk il-kompetenzi tan-Netwerk jiġu ċċarati u, filwaqt li tiġi rrispettata l-awtonomija tal-aġenziji, jiġu msaħħa, kull meta jkun possibbli; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinkludi dan il-post żejjed fil-proposta tagħha għall-baġit 2019;

12.  Josserva li n-Netwerk, permezz tas-sub-Netwerk għall-Iżvilupp tal-Prestazzjoni (PDN), fl-2016 ipprepara d-dokument qafas dwar il-prestazzjoni tal-aġenziji, li jiddeskrivi l-għodod li hemm stabbiliti, inkluż l-użu ta' indikaturi b'enfasi partikolari fuq l-ippjanar, il-kejl u r-rappurtar tal-effiċjenza; jilqa' l-fatt li l-PDN bħalissa qed jaħdem, flimkien mal-Kummissjoni, fuq l-iżvilupp ta' mudell tal-maturità għal baġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni bil-għan li jiggwida lil kull aġenzija fl-isforzi tagħha biex ittejjeb mill-aħjar il-kapaċitajiet tagħha li tippjana, tissorvelja u tirrapporta dwar ir-riżultati u l-baġit u r-riżorsi użati; jinnota li hemm lok għal titjib fl-użu li jagħmlu xi aġenziji minn indikaturi tal-eżitu u tal-impatt fl-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħhom; jistieden lin-Netwerk jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri adottati u l-implimentazzjoni tagħhom;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

13.  Ifakkar li l-prinċipju tal-annwalità huwa wieħed mit-tliet prinċipji bażiċi tal-kontabilità, flimkien ma' dawk tal-unità u tal-bilanċ, li huma indispensabbli biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li, skont is-sommarju tal-Qorti, minkejja tnaqqis konsiderevoli, l-aktar kwistjoni frekwenti tal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, li taffettwa lil 23 aġenzija, meta mqabbla ma' 32 fl-2015, tibqa' l-livell għoli ta' riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati[4];

14.    Jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u li mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità;

15.  Jirrikonoxxi l-proposta tan-Netwerk dwar ir-rappurtar tar-riporti kkanċellati li jaqbżu l-5 % tal-baġit totali; jinnota, madankollu, li, sabiex jiġu evalwati l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit, l-aġenziji jistgħu jirrapportaw addizzjonalment dwar il-livelli ta' riporti ppjanati u r-raġunijiet tagħhom; jinkoraġġixxi lill-aġenziji jinkludu din l-informazzjoni fir-rapporti annwali tal-attività konsolidati rispettivi tagħhom;

16.   Jenfasizza li l-livell ta' kanċellazzjoni ta' riporti huwa indikattiv tal-kapaċità ta' ppjanar baġitarju u ta' kemm l-aġenziji antiċipaw korrettament il-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom, u li ħafna drabi bħala indikatur ta' ppjanar baġitarju tajjeb huwa aqwa mis-sempliċi livell ta' riporti;

17.  Jisħaq, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa immedjata li jiġu stabbiliti definizzjonijiet ċari tar-riporti aċċettabbli sabiex ir-rappurtar tal-Qorti dwar din il-kwistjoni jiġi ssemplifikat, kif ukoll sabiex l-awtorità ta' kwittanza tkun tista' tiddistingwi bejn ir-riporti li jindikaw ippjanar baġitarju fjakk u r-riporti bħala għodda baġitarja li tappoġġja lill-programmi pluriennali kif ukoll lill-ippjanar tal-akkwist; jemmen li s-suġġeriment tal-Qorti li jintużaw approprijazzjonijiet differenzjati jippermetti aktar trasparenza rigward x'inhu dak li jikkostitwixxi riport iġġustifikat;

18.  Jirrimarka li l-kompiti u l-baġits tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-EASO żdiedu b'mod sinifikanti fl-2016; jirrikonoxxi li dawn l-aġenziji kellhom jiffaċċjaw sfidi amministrattivi u operattivi, kif ukoll aspettattivi għolja, mingħajr ma kellhom biżżejjed żmien biex jadattaw is-sistemi u l-proċeduri tagħhom u biex jirreklutaw il-persunal meħtieġ; jinnota li bħala riżultat iffaċċjaw problemi fl-assorbiment tal-fondi addizzjonali tal-Unjoni mogħtija matul is-sena baġitarja u li dan wassal għal kanċellazzjonijiet u/jew riporti konsiderevoli kif ukoll għal diffikultajiet biex jikkonformaw mar-regoli baġitarji u finanzjarji;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Qorti u lin-Netwerk jiddiskutu u jipproponu soluzzjonijiet possibbli għal din il-kwistjoni, bil-għan li jissemplifikaw, b'mod partikolari, il-ġestjoni finanzjarja fl-oqsma tal-programmazzjoni pluriennali u tal-akkwist;

20.  Jinnota bi tħassib li r-rapporti awditjati tal-implimentazzjoni baġitarja ta' ċerti aġenziji jipprovdu livell ta' dettall li huwa differenti minn dak mogħti mill-biċċa l-kbira tal-aġenziji l-oħra, u dan ixekkel il-leġġibilità u l-paragunabilità kif ukoll juri li hemm bżonn linji gwida ċari dwar ir-rappurtar baġitarju mill-aġenziji; jirrikonoxxi l-isforzi li saru sabiex jiġi żgurat li l-preżentazzjoni u r-rappurtar tal-kontijiet isiru b'mod konsistenti; jisħaq fuq l-importanza ta' rappurtar aktar standardizzat u paragunabbli biex il-proċedura ta' kwittanza tiġi ssemplifikata u razzjonalizzata u biex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-awtorità ta' kwittanza; jistieden, barra minn hekk, lin-Netwerk u lill-aġenziji individwali jkomplu jaħdmu fuq indikaturi semplifikati u jirrappurtaw il-miżuri meħuda lill-awtorità ta' kwittanza;

21.  Jinnota bi tħassib li l-akkwist pubbliku għadu qasam suxxettibbli għall-iżbalji; jesprima n-nuqqas ta' sodisfazzjon tiegħu fil-konfront tal-EASO, iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), illi ma kinux konformi għalkollox mal-prinċipji u r-regoli dwar l-akkwist pubbliku stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju; jistieden lill-aġenziji jagħtu attenzjoni partikolari lill-kummenti tal-Qorti dwar l-akkwist pubbliku;

22.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji (27 minn 31) għandhom stabbilit pjan tal-kontinwità tal-operat; jikkunsidra li l-aġenziji kollha għandu jkollhom tali pjan stabbilit; jistieden lin-Netwerk jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-evoluzzjoni ta' dik is-sitwazzjoni;

Kooperazzjoni fost l-aġenziji u ma' istituzzjonijiet oħra – servizzi komuni u sinerġiji

23.  Jinnota b'sodisfazzjon li xi aġenziji diġà jikkooperaw skont il-gruppi tematiċi tagħhom, bħalma huma l-aġenziji tal-ġustizzja u l-intern[5] u l-awtoritajiet superviżorji Ewropej[6]; jinkoraġġixxi lill-aġenziji l-oħra li għadhom ma bdewx, biex jikkooperaw aktar ma' aġenziji oħra fi ħdan l-istess grupp tematiku kull meta jkun possibbli, mhux biss biex jistabbilixxu servizzi komuni u sinerġiji, iżda wkoll fl-oqsma ta' politika komuni tagħhom; jenfasizza li l-Aġenzija Ferrovjarja tinsab f'żewġ postijiet, kif ukoll li jeżistu erba' aġenziji dwar politiki soċjali u sitt aġenziji dwar kwistjonijiet ta' ġustizzja u intern; jesprimi d-diżappunt tiegħu rigward l-eżitu miksub s'issa f'dan ir-rigward mill-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati, peress li l-ebda proposta speċifika ma ġiet żviluppata biex l-aġenziji li jikkonċentraw fuq oqsma ta' politika relatati jingħaqdu jew jiġu kolokati; jistieden lill-Kummissjoni tħejji stħarriġ dwar il-passi li jistgħu jittieħdu f'din id-direzzjoni; jinkoraġġixxi lill-Qorti tikkunsidra li tippreżenta analiżijiet panoramiċi tal-oqsma ta' politika komuni tal-aġenziji;

24.  Jinnota li xi aġenziji għad għandhom kwartieri ġenerali doppji kif ukoll uffiċċji u ċentri operattivi multipli; jikkunsidra li s-sedi doppji u multipli kollha li ma joffru l-ebda valur miżjud operattiv għandhom jitneħħew mill-aktar fis possibbli; jistenna l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, li għandha tiffoka fuq il-valur miżjud u fuq l-ispejjeż imġarrba;

25.  Jenfasizza l-benefiċċji tal-kondiviżjoni tas-servizzi, prattika li tippermetti l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli u l-proċeduri ta' implimentazzjoni amministrattivi li jikkonċernaw ir-riżorsi umani u l-kwistjonijiet finanzjarji, kif ukoll il-gwadann li jista' jsir f'dak li jirrigwarda effiċjenza u kosteffikaċja bis-saħħa tal-kondiviżjoni tas-servizzi bejn l-aġenziji, b'mod partikolari meta wieħed iqis it-tnaqqis fil-baġit u fil-persunal li l-aġenziji qed jiffaċċjaw; jinnota li t-tiftix ta' sinerġiji fost l-aġenziji jista' jtaffi l-piż amministrattiv speċjalment minn fuq aġenziji iżgħar;

26.  Jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd iffirmaw proġett pilota ta' "prova tal-kunċett" dwar il-forniment ta' servizzi ta' rkupru mid-diżastri; jinnota li dan ippermetta l-forniment ta' dawn is-servizzi b'iffrankar stmat ta' aktar minn 65 % tal-ispejjeż stmati fuq il-bażi tal-prezzijiet tas-suq; josserva li l-proġett ġie estiż għall-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija fl-ewwel nofs tal-2017, u għadd ta' aġenziji oħra qegħdin jistudjaw il-possibilità li jieħdu sehem aktar tard fl-2017 jew fl-2018; jistieden lin-Netwerk jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi ulterjuri rigward dan il-proġett;

27.  Jilqa' l-fatt li l-aġenziji bdew jużaw il-Portal tal-Akkwist Konġunt – ir-reġistru ċentrali tal-opportunitajiet ta' akkwist konġunt – ospitat mill-extranet tal-aġenziji, li jinkludi funzjonalitajiet bħalma huma l-kondiviżjoni tad-dokumenti u forum ta' diskussjonijiet li permezz tagħhom il-komunikazzjoni fost l-aġenziji rigward is-servizzi ta' akkwist hija aktar trasparenti u aktar faċli biex tiġi mmaniġġjati;

28.  Jilqa' r-riżultati miksuba fil-qasam tal-iffrankar u l-effiċjenza mtejba minħabba l-użu tas-servizzi konġunti permezz ta' ħames akkwisti konġunti kbar bejn l-aġenziji f'dawn l-aħħar sentejn, tlieta taħt it-tmexxija tal-EFSA: is-servizzi tal-cloud, is-servizzi tal-awditjar u s-servizzi ta' netwerks professjonali; wieħed taħt it-tmexxija tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF): is-servizzi ta' stħarriġ; u wieħed taħt it-tmexxija tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol: is-servizzi ta' evalwazzjoni u ta' feedback; jirrimarka li dawn il-ħames akkwisti konġunti kellhom rati għolja ta' parteċipazzjoni, li jvarjaw minn 8 sa 30 aġenzija; jilqa' l-iffrankar li sar, li skont ma ġie stmat huwa ta' EUR 6 700 000 għas-servizzi tal-cloud, EUR 970 000 għas-servizzi tal-awditjar, EUR 1 490 000 għas-servizzi ta' netwerks professjonali, EUR 400 000 għas-servizzi ta' stħarriġ u EUR 1 160 000 għas-servizzi ta' evalwazzjoni u ta' feedback; jistieden lin-Netwerk u lill-aġenziji individwali jibqgħu jaħdmu flimkien u jkomplu jtejbu lista ta' oġġetti u servizzi konġunti li tista' tiġi inkluża fil-proċeduri ta' akkwist konġunti;

29.  Jirrikonoxxi l-progress li sar mill-aġenziji fl-armonizzazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-informatika għall-ġestjoni baġitarja u s-sistemi tal-kontabilità; japprova r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li jiġi mfittex grad ogħla ta' soluzzjonijiet tal-informatika f'oqsma ewlenin bħalma huma l-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-ġestjoni tal-akkwist jew tal-kuntratti biex jitnaqqsu r-riskji marbuta mal-kontroll intern u tissaħħaħ il-governanza tal-informatika;

Ġestjoni tar-riżorsi umani

30.  Ifakkar li l-paragrafu 27 tal-Ftehim Interistituzzjonali[7] jitlob tnaqqis progressiv ta' 5 % tal-persunal fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha li jrid isir bejn l-2013 u l-2017; jinnota li l-aġenziji deċentralizzati, skont l-iskeda taż-żmien tal-Kummissjoni[8], bdew it-tnaqqis sena wara u għandhom il-pjan li jtemmuh sal-2018; jilqa' l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji diġà laħqu jew qabżu t-tnaqqis ta' 5 %; jinnota li, skont l-analiżi rapida tal-każ li saret mill-Qorti dwar l-implimentazzjoni tat-tnaqqis ta' 5 % tal-postijiet tax-xogħol tal-persunal, l-aġenziji deċentralizzati diġà naqqsu l-għadd tagħhom ta' postijiet tax-xogħol fit-tabella tal-persunal b'total ta' 279 post fil-perjodu 2013-2017 meta mqabbel mal-mira ta' 303 post tax-xogħol sal-2018; jirrimarka li mira orizzontali ma wrietx li kienet l-aktar soluzzjoni adatta għall-aġenziji deċentralizzati, peress li l-kompiti u l-ħtiġijiet operattivi tagħhom ivarjaw b'mod sinifikanti;

31.  Jinnota li l-Kummissjoni applikat imposta annwali addizzjonali ta' 1 % matul il-perjodu ta' ħames snin 2014-2018 biex toħloq "grupp ta' ridistribuzzjoni" li jikkonsisti f'218-il post tax-xogħol fil-perjodu 2013-2017, li minnu tkun tista' talloka l-postijiet tax-xogħol lill-aġenziji b'kompiti ġodda fdati lilhom jew li jkunu jinsabu fil-fażi inizjali tagħhom[9]; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-postijiet tax-xogħol il-ġodda ġew mogħtija lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), lill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), lill-EASO u lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA);

32.  Jinsab imħasseb li bit-tnaqqis addizzjonali tal-persunal, qed ikun dejjem aktar diffiċli biex l-aġenziji jwettqu l-mandati u l-programmi ta' ħidma annwali tagħhom, b'mod partikolari l-aġenziji kklassifikati mill-Kummissjoni bħala "aġenziji b'ritmu normali"; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtorità baġitarja jistudjaw għażliet oħra ħalli ma jxekklux lill-aġenziji fil-kapaċità tagħhom li jwettqu l-mandat tagħhom; jirrakkomanda li l-awtoritajiet baġitarji jawtorizzaw riżorsi addizzjonali għall-aġenziji li huma fdati mil-leġiżlaturi biex iwettqu kompiti ġodda; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-iffrankar li n-Netwerk u l-aġenziji individwali kisbu bl-użu ta' proċeduri ta' akkwist konġunt, billi żiedu l-effiċjenza u l-ġestjoni tar-riżorsi umani, kif ukoll tippermetti, fejn meħtieġ, li l-miri ta' tnaqqis fil-persunal jiġu adattati skont il-każ;

33.  Josserva li l-aġenziji deċentralizzati żiedu l-użu ta' aġenti kuntrattwali b'718-il aġent ekwivalenti għal full-time biex jimplimentaw kompiti ġodda, b'kumpens parzjali għat-tnaqqis ta' 5 % tal-persunal u tal-imposta għall-ħolqien tal-grupp ta' ridistribuzzjoni; jinnota li dan jikkonċerna l-aktar lill-Frontex, lill-Europol, lill-EASO u lill-EASA, lill-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) u lill-Aġenzija tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita Ewropea (GSA); huwa tal-fehma li l-aġenti kuntrattwali għandhom jintużaw primarjament bħala miżura temporanja fl-aġenziji li għandhom l-akbar domanda għal persunal ġdid minħabba żieda fl-ammont tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tiddelibera mill-ġdid dwar il-pjanijiet tagħha għal tnaqqis annwali ulterjuri tal-persunal b'1 %;

34.  Jinsab imħasseb dwar għadd ta' fatturi li qed ixekklu l-prestazzjoni operattiva tal-aġenziji, bħalma huma t-tnaqqis fit-tabella tal-persunal, riżorsi umani limitati, diffikultajiet fir-reklutaġġ ta' persuni kwalifikati fi gradi partikolari, koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx f'ċerti pajjiżi u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet permezz proċess ta' għotjiet li jieħu fit-tul u li huwa amministrattivament esiġenti; jinnota, mill-informazzjoni mogħtija min-Netwerk, li koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx għal ċerti pajjiżi jwassal għall-użu sistematiku ta' klassifikazzjoni ogħla sabiex jiġi attirat u miżmum persunal xieraq; jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq ir-reviżjoni tal-formula użata għall-kalkolu tal-koeffiċjent ta' korrezzjoni sabiex jinstab bilanċ aktar effettiv bejn salarju attraenti u għoli tal-ħajja baxx;

35.  Josserva li bejn l-aġenziji jeżistu differenzi sinifikanti fir-rati ta' assenza mix-xogħol minħabba l-liv tal-mard tal-persunal; huwa tal-fehma li miżuri li jippromwovu s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, visti mediċi regolari u attivitajiet għall-benesseri tal-persunal jiffurmaw politika tas-saħħa preventiva li, meta tiġi implimentata bis-sħiħ, iżżid is-sodisfazzjon fix-xogħol u tagħti lok għal iffrankar ferm akbar mill-investiment inizjali;

Kunflitti ta' interess u trasparenza

36.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li 22 aġenzija (71 %) biss adottaw ir-regoli u l-linji gwida interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u r-rappurtar ta' irregolaritajiet skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal; jinnota li d-disa' aġenziji li fadal jipprevedu l-adozzjoni tar-regoli u linji gwida rilevanti; jistieden lin-Netwerk jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri għal kull aġenzija individwali;

37.  Jiddispjaċih li għadhom ma ġewx implimentati proċeduri interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, peress li l-aġenziji tal-ġustizzja u l-intern kienu qed jistennew gwida jew input mill-Kummissjoni; jifhem li, bħala miżura interim, uħud mill-aġenziji kienu proattivi billi fil-kodiċijiet tal-kondotta tagħhom inkludew prinċipji ġenerali dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li huma faċilment aċċessibbli fuq is-sit web tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-adozzjoni rapida tal-linji gwida tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li konsegwentement se jiġu adottati minnufih u implimentati b'mod effikaċi mill-aġenziji tal-Unjoni, inklużi l-Unità Ewropea ta' Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust), is-CEPOL, l-EASO u l-eu-LISA, fis-sura ta' regoli interni ċari dwar il-protezzjoni tal-informaturi;

38.  Jinnota li d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-bord tal-amministrazzjoni, tal-persunal maniġerjali u tal-esperti interni ġew ippubblikati minn 29 aġenzija (94 %) fuq is-siti web tagħhom; jistieden lill-aġenziji li fadal li għadhom ma ppubblikawhomx biex jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien; jilqa' l-fatt li l-aġenziji ta' daqs medju u dawk aktar suxxettibbli li jiffaċċjaw kunflitt ta' interess minħabba l-qasam ta' ħidma tagħhom iwettqu rieżamijiet tad-dikjarazzjonijiet ta' interess hekk kif jiġu mressqa, fuq bażi annwali jew anke aktar spiss;

39.  Jilqa' l-fatt li 26 aġenzija (84 %) għandhom stabbiliti linji gwida għall-għoti ta' aċċess pubbliku għad-dokumenti; jistieden lill-aġenziji li fadal li għad ma għandhomx tali linji gwida biex jadottawhom mingħajr aktar dewmien; japprova l-iżvilupp ta' sistemi interni li jkunu stabbiliti għall-ipproċessar tat-talbiet, inklużi timijiet imħarrġa apposta fl-aċċess għad-dokumenti li jkunu dedikati għall-ipproċessar tat-talbiet li jaslu f'dawk l-aġenziji li jħabbtu wiċċhom ma' frekwenza u kumplessità ogħla ta' talbiet; jistieden lin-Netwerk jiżviluppa linji gwida komuni għall-applikazzjoni tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti li jridu jiġu implimentati mill-aġenziji, speċjalment rigward id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

40.  Jirrimarka li waħda mill-kisbiet prinċipali tan-Netwerk fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni fl-2016 kienet l-istabbiliment ta' Grupp ta' Ħidma Kontra l-Frodi tan-Netwerk Legali Bejn l-Aġenziji, bil-għan li jissaħħu l-approċċi armonizzati u standardizzati għall-istrateġiji kontra l-frodi fost l-aġenziji; jilqa' l-iżvilupp ta' kultura qawwija kontra l-frodi fi ħdan l-aġenziji; jistieden lin-Netwerk jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar ix-xogħol ta' dan il-grupp ta' ħidma;

41.  Jilqa' l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fl-isfera tal-prevenzjoni, speċjalment meta jkunu qed jadottaw l-istrateġiji tagħhom kontra l-frodi, billi jallinjawhom mal-metodoloġija deskritta fid-dokument ta' gwida pprovdut mill-OLAF; jinkoraġġixxi lill-aġenziji kollha jadottaw il-linji gwida tal-OLAF għall-istrateġiji tal-aġenziji kontra l-frodi;

42.  Iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Eurojust, lill-EASO u lill-eu-LISA jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jadottaw linji gwida għal politika effiċjenti dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess mingħajr dewmien, għall-benefiċċju tat-trasparenza u bil-għan li jkun hemm ukoll approċċ aktar koerenti f'dak li jikkonċerna d-dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar il-kunflitti ta' interess;

Komunikazzjoni u viżibilità

43.  Jinnota li l-aġenziji qed jippromwovu attivament il-ħidma tagħhom permezz ta' diversi mezzi iżda jtenni l-appell tiegħu għal aktar viżibilità fl-Istati Membri billi jiżviluppaw pjan komprensiv biex jilħqu aktar ċittadini Ewropej, b'mod partikolari billi jaġġornaw regolarment is-siti web tagħhom biex jipprovdu informazzjoni u jippromwovu l-ħidma li jkunu wettqu; jinnota, barra minn hekk, li l-midja soċjali qed issir aktar u aktar għodda ta' komunikazzjoni standard għall-aġenziji; josserva li jiem għall-pubbliku, kampanji mmirati u filmati li jispjegaw ix-xogħol fundamentali tal-aġenziji huma wħud mill-attivitajiet użati fl-edukazzjoni taċ-ċittadini u li jagħtuhom opportunitajiet biex jitgħallmu aktar dwar il-ħidma tal-aġenziji u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jirrikonoxxi li l-attivitajiet, ġenerali jew speċjalizzati, fil-qasam tar-relazzjonijiet mal-midja huma regolarment imkejla permezz ta' indikaturi differenti, kif ukoll li kull aġenzija għandha l-pjan ta' komunikazzjoni tagħha b'attivitajiet speċifiċi mfassla apposta għall-bżonnijiet tagħha;

44.  Jinnota li l-aġenziji organizzaw sessjonijiet ta' ħidma u taħriġ dwar temi bħalma huma l-komunikazzjoni f'każ ta' kriżi, id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri, il-produzzjoni ta' filmati, il-ħidma mal-ġurnalisti, il-komunikazzjonijiet interni, il-viżwalizzazzjoni tad-data u t-teknoloġija tal-web biex isaħħu l-kapaċità tagħhom fil-kamp tal-komunikazzjoni u biex jistimulaw l-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-rwoli u l-funzjonijiet tal-aġenziji maċ-ċittadini; jilqa' l-attività tal-PDN u l-preżenza tiegħu fuq diversi pjattaformi rilevanti tal-midja soċjali u l-kampanji konġunti (bejn l-aġenziji) li għamlu suċċess;

Kummenti oħra

45.  Jinnota li, fl-opinjoni tagħha Nru 1/2017 dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, il-Qorti pproponiet li l-arranġament għall-awditjar tal-aġenziji deċentralizzati jiġi aġġornat; jiddispjaċih li l-proposta leġiżlattiva ma tipprevedi l-ebda tnaqqis tal-piż amministrattiv eċċessiv li għadhom iġarrbu l-aġenziji deċentralizzati; jinnota li l-awditjar tal-aġenziji deċentralizzati għadu jibqa' "taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-Qorti, li tamministra l-proċeduri kollha meħtieġa amministrattivi u ta' akkwist"; itenni, barra minn hekk, li l-approċċ il-ġdid tal-awditjar li jinvolvi awdituri mis-settur privat irriżulta f'żieda sinifikanti fil-piż amministrattiv fuq l-aġenziji, kif ukoll li ż-żmien użat għall-akkwist u l-amministrazzjoni tal-kuntratti ta' awditjar ħoloq nefqa addizzjonali, u b'hekk kompla jżid il-piż fuq ir-riżorsi li qed jonqsu tal-aġenziji; jenfasizza li huwa imperattiv li din il-kwistjoni tissolva skont l-Approċċ Komuni, fil-kuntest tar-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-Regolament Finanzjarju u r-reviżjoni sussegwenti tar-Regolament Finanzjarju Qafas; jistieden lill-partijiet kollha involuti f'dawn ir-reviżjonijiet jipprovdu ċarezza dwar din il-kwistjoni b'mod urġenti sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv eċċessiv;

46.  Jinnota li, skont is-sommarju tal-Qorti, l-evalwazzjonijiet esterni tal-aġenziji huma ġeneralment pożittivi u l-aġenziji ħejjew pjanijiet ta' azzjoni biex jagħtu segwitu għall-kwistjonijiet li tqajmu fir-rapporti ta' evalwazzjoni; jinnota li, filwaqt li l-biċċa l-kbira tar-regolamenti fundaturi tal-aġenziji jiddisponu li perjodikament titwettaq evalwazzjoni esterna (is-soltu kull erba' sa sitt snin), ir-regolamenti fundaturi ta' sitt aġenziji deċentralizzati – l-Uffiċċju tal-BEREC, l-EASO, l-eu-LISA, l-ETF, l-ENISA u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi – ma jinkludux tali dispożizzjoni u r-regolament fundatur tal-EMA jirrikjedi li ssir evalwazzjoni esterna kull għaxar snin biss; huwa tal-fehma li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata;

47.  Jinnota l-ftehim milħuq fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-20 ta' Novembru 2017 li l-EMA u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) jiġu trasferiti minn Londra għal Amsterdam u Pariġi rispettivament; jinsab konxju tal-impatt li jista' jkollu fuqhom it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni, f'dawk li huma spejjeż futuri u telf ta' għarfien espert, u b'hekk jiġi kkawżat riskju għall-kontinwità tal-operat; jinnota, barra minn hekk, l-impatt possibbli fuq id-dħul u l-attivitajiet ta' diversi aġenziji li mhumiex ibbażati Londra, b'mod partikolari l-EASA, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u l-GSA; jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-aġenziji individwali u lin-Netwerk infurmati bis-sħiħ dwar il-proċess ta' negozjar tal-Brexit u dwar it-tħejjijiet futuri sabiex jiġi minimizzat kwalunkwe impatt negattiv li jista' jokkorri;

48.  Jinnota r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-regolamenti fundaturi tat-tliet aġenziji tripartitiċi (iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA)); ifakkar fl-importanza li tinżamm in-natura tripartitika tal-aġenziji sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet nazzjonali, tal-organizzazzjonijiet Ewropej ta' min iħaddem u tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-ħaddiema fil-governanza u l-funzjonament tagħhom; ifakkar li t-tnaqqis tal-persunal ġie implimentat b'diffikultà kbira u jtenni l-oppożizzjoni tiegħu għal tnaqqis ulterjuri li jillimita l-abbiltà tal-aġenziji li jwettqu l-mandati tagħhom;

49.  Jinnota l-evalwazzjoni esterna li għaddejja bħalissa tal-erba' aġenziji li jaħdmu fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni (is-Cedefop, il-Eurofound, l-EU-OSHA u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF));

50.  Ifakkar li d-diskussjoni dwar l-abbozz tal-programmi ta' ħidma annwali u l-istrateġiji pluriennali tal-aġenziji fil-kumitati responsabbli tgħin biex jiġi żgurat li l-programmi u l-istrateġiji jirriflettu l-prijoritajiet politiċi;

51.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-aġenziji biex jibbilanċjaw l-istrateġiji pluriennali tagħhom bi-għan li jirriflettu l-prijoritajiet u l-għanijiet politiċi stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020;

52.  Jirrimarka li l-eu-LISA u l-EASO huma l-uniċi aġenziji tal-ġustizzja u l-intern li għalihom ir-regolamenti fundaturi tagħhom ma jipprevedu l-ebda obbligu li jwettqu awditi esterni regolari; jistieden lill-koleġiżlaturi jevalwaw l-alternattivi biex jindirizzaw din il-kwistjoni importanti huma u jirrevedu r-regolamenti fundaturi tagħhom;

o

o o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-aġenziji soġġetti għal din il-proċedura ta' kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

24.1.2018

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

(2017/2179(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Claude Rolin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota r-reviżjoni li għaddejja tar-regolamenti kostituttivi tat-tliet Aġenziji tripartitiċi (iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA)); jissottolinja l-importanza li tinżamm in-natura tripartitika tal-aġenziji sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet nazzjonali, tal-organizzazzjonijiet Ewropej ta' min iħaddem u tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-ħaddiema fil-governanza u l-funzjonament tagħhom; ifakkar li t-tnaqqis fir-reklutaġġ ġie implimentat b'diffikultà kbira u jtenni l-oppożizzjoni tiegħu għal tnaqqis ulterjuri li jillimita l-abbiltà tal-aġenziji li jwettqu l-mandati tagħhom;

2.  Jinnota l-evalwazzjoni esterna li għaddejja tal-erba' Aġenziji li jaħdmu fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni (Cedefop, Eurofound, EU-OSHA u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF);

3.  Ifakkar li d-diskussjoni dwar l-abbozz tal-programmi ta' ħidma annwali u l-istrateġiji pluriennali tal-aġenziji fil-kumitati responsabbli tgħin biex jiġi żgurat li l-programmi u l-istrateġiji jirriflettu l-prijoritajiet politiċi reali;

4.  Jilqa' l-kooperazzjoni bejn l-Aġenziji fi ħdan il-qafas tan-Netwerk għall-Iżvilupp tal-Prestazzjoni tal-Aġenziji tal-UE, u lil hinn minnu, li tippermetti l-bini ta' sinerġiji u l-iskambju ta' ideat u l-aħjar prattiki u li timmira li tinkiseb governanza aktar bilanċjata, titjib fl-effiċjenza, tnaqqis fl-ispejjeż u koerenza akbar bejniethom;

5.  Jirrikonoxxi l-progress li sar mill-aġenziji fl-armonizzazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-IT għall-ġestjoni baġitarja u s-sistema tal-kontabilità; japprova r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li jiġi mfittex grad ogħla ta' soluzzjonijiet tal-IT f'oqsma ewlenin bħall-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-ġestjoni tal-akkwist u l-kuntratti biex jitnaqqsu r-riskji marbuta mal-kontroll intern u tissaħħaħ il-governanza tal-IT;

6.  Jilqa' l-kooperazzjoni kontinwa bejn l-ETF u s-Cedefop, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn il-Eurofound u s-Cedefop fi ħdan il-qafas tal-ftehim ta' kollaborazzjoni mġedded fl-2016;

7.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-aġenziji biex jibbilanċjaw l-istrateġiji pluriennali tagħhom ħalli jirriflettu l-prijoritajiet u l-objettivi politiċi stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

6

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Michael Detjen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Arne Gericke, Marian Harkin, Czesław Hoc, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Claude Rolin, Siôn Simon, Romana Tomc, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Georges Bach, Lynn Boylan, Rosa D’Amato, Tania González Peñas, Krzysztof Hetman, Paloma López Bermejo, António Marinho e Pinto, Edouard Martin, Ivari Padar, Flavio Zanonato

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Geoffroy Didier, Morten Messerschmidt

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT MITLUB JAGĦTI OPINJONI

39

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Martina Dlabajová, Marian Harkin, António Marinho e Pinto

GUE/NGL

Lynn Boylan, Tania González Peñas, Rina Ronja Kari, Paloma López Bermejo

PPE

Georges Bach, David Casa, Geoffroy Didier, Krzysztof Hetman, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Claude Rolin, Romana Tomc

S&D

Maria Arena, Guillaume Balas, Vilija Blinkevičiūtė, Ole Christensen, Michael Detjen, Agnes Jongerius, Jan Keller, Javi López, Edouard Martin, Ivari Padar, Georgi Pirinski, Siôn Simon, Marita Ulvskog, Flavio Zanonato

VERTS/ALE

Jean Lambert, Terry Reintke, Tatjana Ždanoka

6

-

ECR

Arne Gericke, Czesław Hoc, Anthea McIntyre, Morten Messerschmidt, Ulrike Trebesius

NI

Lampros Fountoulis

4

0

EFDD

Rosa D'Amato

ENF

Dominique Martin, Joëlle Mélin

GUE/NGL

João Pimenta Lopes

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

7.2.2018

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

(2017/2179(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Kostas Chrysogonos

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") li l-kontijiet annwali finali tal-aġenziji kollha fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern (l-Aġenziji tal-ĠAI) jippreżentaw b'mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom fil-31 ta' Diċembru 2016 u li t-tranżazzjonijiet tagħhom huma legali u regolari; jinnota madankollu li fil-każ tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) il-Qorti ħarġet opinjoni kwalifikata minħabba nuqqas ta' konformità mal-prinċipji tal-akkwist pubbliku peress li l-perċentwal tal-pagamenti rregolari eċċeda (2,9 %) l-baġit tal-infiq tiegħu;

2.  Jiddispjaċih li l-legalità tat-tranżazzjonijiet sottostanti tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) ma ġietx eżaminata mill-Qorti peress li l-ebda tranżazzjoni tal-KEPD ma ntgħażlet għall-awditu bħala parti minn kampjun aleatorju mill-infiq amministrattiv kollu kemm hu, li jkopri l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha;

3.  Jirrimarka li l-kompiti u l-baġits tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-EASO żdiedu b'mod sinifikanti matul l-2016; jirrikonoxxi li dawn l-aġenziji kellhom jiffaċċjaw sfidi amministrattivi u operattivi, kif ukoll aspettattivi għoljin, mingħajr ma kellhom biżżejjed żmien biex jadattaw is-sistemi u l-proċeduri u biex jirreklutaw il-persunal meħtieġ; jinnota li bħala riżultat iffaċċaw problemi fl-assorbiment tal-fondi addizzjonali tal-Unjoni mogħtija matul is-sena baġitarja, u dan wassal għal kanċellazzjonijiet u/jew riporti konsiderevoli kif ukoll għal diffikultajiet biex jikkonformaw mar-regoli baġitarji u finanzjarji;

4.  Jiddispjaċih li żewġ Aġenziji tal-ĠAI, il-Frontex u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), kellhom diffikultajiet biex isibu kandidati xierqa bil-profil meħtieġ, li huwa possibbilment relatat mal-koeffiċjent ta' korrezzjoni tas-salarji li jiġi applikat għall-pajjiż ospitanti (66,7 % għall-Polonja u 69 % għall-Ungerija); jinnota li l-għadd ta' membri tal-persunal reklutati mill-Istat Membru ospitanti kien sproporzjonatament ogħla minn dak għall-persunal minn Stati Membri oħrajn; jirrimarka li l-ħafna ċaqliq tal-persunal jista' jipperikola l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fil-programmi annwali u pluriennali tal-ħidma tal-EASO; jieħu nota tal-isforzi li qed jagħmel bħalissa l-EASO biex jindirizza nuqqasijiet fir-rigward tat-tibdil kbir fil-persunal; jemmen li, jekk jibqa' jkun hemm problemi ta' reklutaġġ, din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment bil-għan li jiġu indirizzati l-ostakoli speċifiċi;

5.  Jirrikonoxxi li l-EASO, l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) u, b'mod inqas estiż, iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) ma kkonformawx b'mod sħiħ mal-prinċipji dwar l-akkwist pubbliku u r-regoli stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju; jinnota li fir-rigward tal-eu-LISA, għall-Frontex u għall-EMCDDA il-Qorti identifikat ukoll dgħufijiet fil-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti; jirrileva wkoll id-dgħufijiet sinifikanti ħafna tal-Kontrolli Interni tal-EASO; jilqa' madankollu l-impenn ta' dawn it-tliet Aġenziji biex jittejbu u jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa;

6.  Jirrimarka li l-eu-LISA u l-EASO huma l-uniċi aġenziji tal-ĠAI li għalihom ir-regolamenti fundaturi tagħhom ma jipprevedu ebda obbligu li jitwettqu awditi esterni regolari; jistieden lill-koleġiżlaturi jevalwaw l-alternattivi biex jindirizzaw din il-kwistjoni importanti meta jirrevedu r-regolamenti fundaturi tagħhom;

7.  Jiddispjaċih li għadhom ma ġewx implimentati proċeduri interni ta' żvelar ta' informazzjoni protetta, peress li l-aġenziji tal-ĠAI kienu qed jistennew gwida jew kontribut mill-Kummissjoni; jifhem li, bħala miżura interim, uħud mill-aġenziji kienu proattivi billi inkludew prinċipji ġenerali tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta fil-kodiċijiet tal-kondotta tagħhom u li huma faċilment aċċessibbli fuq is-sit web tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-adozzjoni rapida tal-linji gwida tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li konsegwentement se jiġu adottati minnufih u implimentati b'mod effettiv mill-Aġenziji tal-Unjoni, inklużi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), is-CEPOL, l-EASO u l-eu-LISA, fil-forma ta' regoli interni ċari dwar il-protezzjoni tal-informaturi;

8.  Iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Eurojust, lill-EASO u lill-eu-LISA jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jadottaw mingħajr dewmien il-linji gwida għal politika effiċjenti dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess għall-benefiċċju tat-trasparenza bil-għan li jkun hemm ukoll approċċ aktar koerenti f'dak li jikkonċerna d-dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar il-kunflitti ta' interess.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Frank Engel, Cornelia Ernst, Raymond Finch, Lorenzo Fontana, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Kostas Chrysogonos, Carlos Coelho, Maria Grapini, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Andrejs Mamikins, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jaromír Štětina

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Jonathan Bullock, Julia Reda, Francis Zammit Dimech

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT MITLUB JAGĦTI OPINJONI

45

+

ALDE

Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Sophia in 't Veld, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz

ECR

Branislav Škripek, Helga Stevens

GUE/NGL

Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Cornelia Ernst, Marie-Christine Vergiat

PPE

Asim Ademov, Georges Bach, Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Frank Engel, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Jaromír Štětina, Traian Ungureanu, Francis Zammit Dimech, Tomáš Zdechovský

S&D

Caterina Chinnici, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Julia Reda, Judith Sargentini

5

-

EFDD

Jonathan Bullock, Raymond Finch

ENF

Lorenzo Fontana, Auke Zijlstra

NI

Udo Voigt

1

0

EFDD

Kristina Winberg

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Hayes, Karin Kadenbach, Julia Pitera, Miroslav Poche

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

18

+

ALDE

Martina Dlabajová, Wolf Klinz

ECR

Raffaele Fitto

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Brian Hayes, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt

S&D

Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Miroslav Poche, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

3

-

ECR

Notis Marias

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

  • [1]  ĠU C 417, 6.12.2016.
  • [2]  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
  • [3]  ĠU L 328, 7.12.2013, p 42.
  • [4]  Sommarju tal-QEA, p. 18.
  • [5]  L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL), l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Unità tal-Unjoni Ewropea ta' Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust),
  • [6]  l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).
  • [7]  Il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).
  • [8]  Għall-aġenziji deċentralizzati, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2013)519 tal-10 ta' Lulju 2013 applikat il-mira ta' tnaqqis ta' 5 % tal-persunal għall-aġenziji deċentralizzati fuq perjodu ta' 5 snin (2014-2018, bl-2013 bħala s-sena ta' referenza).
  • [9]  Skont it-terminoloġija użata mill-Kummissjoni biex tikklassifika lill-aġenziji deċentralizzati bħala "fil-fażi tal-bidu", "b'kompiti ġodda" jew "b'ritmu normali" biex jiġi rifless l-istadju ta' żvilupp tagħhom u t-tkabbir tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-UE u tal-livelli tal-persunal tagħhom.
Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza