RAPPORT dwar strateġija Ewropea għall-promozzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini – Inħeġġu l-produzzjoni tal-pjanti leguminużi u li fihom il-proteini fis-settur agrikolu Ewropew

27.3.2018 - (2017/2116(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Jean-Paul Denanot

Proċedura : 2017/2116(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0121/2018
Testi mressqa :
A8-0121/2018
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar strateġija Ewropea għall-promozzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini – Inħeġġu l-produzzjoni tal-pjanti leguminużi u li fihom il-proteini fis-settur agrikolu Ewropew

(2017/2116(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar "Id-defiċit ta' proteini fl-UE: x'soluzzjoni hemm għal problema li ilha teżisti?"[1],

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, magħruf bħala l-"Omnibus", dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u l-emenda tiegħu biex tiġi inkluża fih talba lill-Kummissjoni biex tippubblika "pjan dwar il-proteini" sa tmiem l-2018[2],

–  wara li kkunsidra d-"Dikjarazzjoni Ewropea dwar is-Sojja", ippreżentata fit-12 ta' Ġunju 2017 lill-Kunsill Agrikoltura mill-Ġermanja u mill-Ungerija, u mbagħad iffirmata minn 14-il Stat Membru[3],

–  wara li kkunsidr‏‏a d-deċiżjoni tal-Kunsill 93/355/KEE tat-8 ta' Ġunju 1993 dwar il-konklużjoni ta' Memorandum ta' Ftehim fuq ċerti żrieragħ taż-żejt bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika fl-isfond tal-GATT[4],

–  wara li kkunsidra d-dokument adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli") u b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) 2, 12 u 15 inklużi fiha,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-68 sessjoni tagħha li tipproklama b'mod uffiċjali l-2016 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Legumi, taħt il-patroċinju tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO)[5],

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament Ewropew "The Environmental Role of Protein Crops in the new Common Agricultural Policy" ("Ir-rwol Ambjentali tal-Għelejjel tal-Proteini fil-Politika Agrikola Komuni l-Ġdida")[6],

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ li saret fil-Parlament dwar titjib fil-provvista Ewropea tal-għelejjel tal-proteina,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sojja tad-Danubju tad-19 ta' Jannar 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0121/2018),

A.  billi l-Unjoni Ewropea qed tbati minn defiċit kbir fil-proteini veġetali minħabba l-ħtiġijiet tas-settur tat-trobbija tal-annimali, li jiddependi mill-importazzjonijiet tal-għalf minn pajjiżi terzi, sitwazzjoni li sfortunatament rat ftit titjib minkejja l-bosta avviżi ta' intenzjonijiet u inizjattivi dwar dan is-suġġett matul perjodu ta' aktar minn 15-il sena, u minkejja l-użu ta' prodotti sekondarji mill-bijofjuwils fl-għalf tal-annimali; billi s-sitwazzjoni attwali, ikkaratterizzata mill-importazzjoni ta' proteini veġetali (prinċipalment is-sojja) mill-Amerika t'Isfel, hija insostenibbli u turi li aħna għandna nieħdu azzjoni aktar enerġetika, partikolarment biex intejbu s-sostenibbiltà ta' dawn l-importazzjonijiet;

B.  billi huwa vitali li titnaqqas id-dipendenza qawwija tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-għelejjel tal-proteina, li prinċipalment jintużaw għall-għalf tal-annimali; billi minbarra l-impatt ambjentali fir-reġjuni li jipproduċu s-sojja, is-sitwazzjoni attwali ġġorr magħha riskji kbar ħafna speċjalment għas-settur tal-bhejjem tal-UE, peress li l-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali żdiedet sostanzjalment;

C.  billi l-Parlament għal diversi drabi tkellem dwar il-proteini u l-ħtieġa għal pjan Ewropew tal-proteini, iżda billi l-inizjattivi tiegħu ma wasslux għal effetti reali li jistgħu jbiddlu d-dipendenza tal-Ewropa fuq oħrajn għall-provvista ta' proteini veġetali;

D.  billi minħabba li faqqgħet il-kriżi tal-BSE kienet ġustament ġiet imposta projbizzjoni Ewropea fuq l-użu ta' sustanzi mitħuna li ġejjin mill-annimali fl-għalf[7], iżda dan kellu l-effett li tiżdied drastikament l-importazzjoni tas-sojja mill-Amerika Latina;

E.  billi, konsegwentement, l-Unjoni tiddedika biss 3 % tar-raba' għall-għelejjel li fihom il-proteini u timporta aktar minn 75 % tal-provvista ta' proteini veġetali tagħha li ġejja prinċipalment mill-Brażil, l-Arġentina u l-Istati Uniti;

F.  billi s-setturi tal-bhejjem fl-Unjoni huma estremament sensittivi għall-volatilità tal-prezzijiet u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u huma dipendenti fuq l-importazzjonijiet ta' proteini veġetali bi prezz raġonevoli u ta' kwalità għolja, li toffri sfida reali għall-azjendi agrikoli Ewropej;

G.  billi l-għelejjel tal-proteina Ewropej jiġġeneraw prodotti sekondarji żejtnin li jistgħu jikkontribwixxu għall-ekonomija ċirkolari u jkunu ta' valur għall-konsum mill-bniedem, l-enerġija rinnovabbli jew il-produzzjoni ta' sustanzi kimiċi ekoloġiċi; billi l-koproduzzjoni ta' proteini u prodotti sekondarji fl-Ewropa tagħmilha possibbli li jitnaqqsu l-importazzjonijiet kemm ta' proteini OĠM u kif ukoll ta' bijofjuwils li jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni;

H.  billi l-kwistjoni tal-proteina veġetali użata fl-għalf tal-annimali spiss wisq ġiet analizzata mill-perspettiva ta' prodotti b'livell għoli ta' proteini, b'rabta mad-defiċit tagħna fil-proteini veġetali u mat-tfittxija ta' materja prima maħsuba biex tissupplimenta r-razzjonijiet tal-annimali tal-azjendi agrikoli;

I.  billi hemm il-ħtieġa li tiġi adottata analiżi aktar komprensiva tal-kwistjoni dwar il-proteina fl-Ewropa sabiex inkunu mogħnija bi strateġija fit-tul u nimmassimizzaw l-għadd ta' strumenti għad-dispożizzjoni tagħna biex nagħtu spinta lill-azzjonijiet tagħna sabiex innaqqsu d-dipendenza tagħna fuq il-proteini veġetali; billi din l-istrateġija hija għodda fit-tranżizzjoni lejn sistemi agroalimentari u sistemi tal-biedja aktar sostenibbli;

J.  billi l-proteini, bħall-enerġija, huma komponent essenzjali tal-ikel tagħna u jistgħu jiġu pprovduti mill-annimali jew mill-pjanti;

K.  billi l-proteini veġetali huma fil-qalba tal-isfidi tas-sikurezza u s-sovranità tal-ikel (l-ikel u l-għalf), il-protezzjoni ambjentali, it-tisħin globali u l-enerġija rinnovabbli; billi dawn huma essenzjali għall-ħajja u huma preżenti fl-ikel kollu kkonsmat, kemm mill-bnedmin u kif ukoll mill-annimali;

L.  billi l-produzzjoni totali Ewropea ta' materjal rikk fil-proteini telgħet minn 24,2 għal 36,3 miljun tunnellata (+50 %) bejn l-1994 u l-2014, iżda fl-istess ħin il-konsum totali tela' minn 39,7 għal 57,1 miljun tunnellata (+44 %); billi b'hekk id-defiċit globali tal-proteina tal-Unjoni qed jiżdied (20,8 tunnellata fl-2014); billi s-suq dinji tal-proteini veġetali, b'konnessjoni mas-suq tas-sojja u d-dqiq tas-sojja, żdied b'mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar 50 sena, u billi l-konsum ta' dawn il-materji primi żdied drastikament fl-Istati Membri kollha, fejn il-konsum tas-sojja żdied minn 2,42 miljun tunnellata fl-1960 għal kważi 36 miljun tunnellata llum; billi s-settur tal-bhejjem tal-UE huwa dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet tal-fażola tas-sojja u d-dqiq tas-sojja minn pajjiżi terzi, b'mod speċjali mill-Amerika t'Isfel; billi d-domanda għas-sojja fi ħdan l-UE tuża erja ta' kważi 15-il miljun ettaru, li minnhom 13-il miljun ettaru huma fl-Amerika t'Isfel;

M.  billi l-kultivazzjoni tal-għelejjel tal-proteina tiġġenera valur miżjud sinifikanti għall-ambjent, li mhuwiex ipperikolat bl-użu relatat ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

N.  billi f'dawn l-aħħar snin iċ-Ċina saret l-akbar importatur fid-dinja tas-sojja u nediet l-istrateġija ġenwina u mhux trasparenti tas-sikurezza tal-provvista tagħha stess, li tinsab barra mill-mekkaniżmi tradizzjonali tas-suq u li hija bbażata fuq kuntratti ta' produzzjoni mal-akbar fornitur tas-sojja fid-dinja, il-Brażil, u b'investiment massiċċ hemmhekk, b'detriment għall-ambjent, il-produzzjoni, l-ipproċessar (tgħaffiġ) u l-infrastruttura tat-trasport portwali; billi din l-istrateġija ta' internazzjonalizzazzjoni min-naħa tal-industrija agroalimentari Ċiniża jista' jkollha impatt fuq il-provvisti attwali fis-suq tas-sojja u ta' żrieragħ taż-żejt fl-UE, li hija wkoll klijent ewlieni tal-Brażil, u tipperikola l-istabbiltà tas-swieq tal-Unjoni;

O.  billi l-maġġoranza tas-sojja importata, b'mod partikolari fl-Amerika, ġejja minn għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi, u billi l-konsumaturi Ewropej ma jafdawx din it-teknoloġija; billi hemm interess dejjem jikber fi prodotti mhux ġenetikament modifikati u tħassib dejjem jiżdied dwar il-marka tal-karbonju tal-importazzjonijiet; billi fl-UE ħafna produtturi u proċessuri tas-sojja, produtturi tal-għalf tal-annimali, u rappreżentanti tal-industrija tal-ikel (produtturi tal-laħam, il-ħalib u l-bajd u utenti oħra ta' fażola tas-sojja), il-ktajjen tal-kummerċ u istituzzjonijiet rilevanti oħra jappoġġaw sistemi ta' produzzjoni tas-sojja mhux ġenetikament modifikati li huma sostenibbli u ċċertifikati;

P.  billi sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ikel tal-Ewropa, il-biedja Ewropea għaddiet minn trasformazzjoni, fil-qafas tal-politika agrikola komuni (PAK); billi hija intensifikat ruħa u s-swieq tal-prodotti agrikoli u tal-materja prima agrikola nfetħu, li dan żied id-dipendenza tal-UE fuq importazzjonijiet ta' proteini veġetali mill-kontinenti Amerikani; billi l-globalizzazzjoni wasslet għal konverġenza tad-drawwiet fil-qasam tad-dieta u l-ispeċjalizzazzjoni tal-azjendi agrikoli, li ta lok għal ċaqliq fuq skala kbira ta' inputs fuq distanzi twal għall-produzzjoni tal-proteini, kemm jekk huma fertilizzanti sintetiċi tan-nitroġenu kif ukoll materja prima rikka fil-proteini għall-għalf tal-bhejjem, b'impatt fuq l-ambjent u l-klima;

Q.  billi l-produzzjoni ta' għelejjel tal-proteina, b'mod partikolari tas-sojja, importati għall-produzzjoni ta' għalf tal-annimali hija waħda mill-muturi ewlenin ta' tibdil fl-użu tal-art u hija mutur ewlieni tad-deforestazzjoni globali f'ħafna reġjuni barra mill-Ewropa; billi ż-żieda fil-kultivazzjoni ta' għelejjel tal-proteina Ewropej tista' tipprovdi komplement importanti għall-miżuri għall-promozzjoni ta' ktajjen tal-provvista tal-prodotti bażiċi agrikoli mingħajr id-deforestazzjoni; billi l-indirizzar tal-isfida globali tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti saret anki aktar importanti fid-dawl tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima;

R.  billi n-nitroġenu meħtieġ għall-alimentazzjoni tal-pjanti u għall-produzzjoni ta' proteini veġetali, bl-eċċezzjoni ta' għelejjel leguminużi, illum fil-biċċa l-kbira jiġi pprovdut mill-fertilizzanti tan-nitroġenu sintetiċi, li jiswew il-flus u jinvolvu enerġija intensiva għall-produzzjoni tagħhom, jiġġeneraw tniġġis kemm fir-riżorsi tal-ilma u tal-arja u għandhom marka ekoloġika għolja minħabba l-ammont kbir ħafna ta' fjuwils fossili kkunsmati waqt il-proċess ta' produzzjoni; billi dan ma jikkontribwixxix għall-għan tal-ekonomija ċirkolari u sabiex isir użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tagħna u l-flussi tal-iskart; billi f'dawn iċ-ċirkostanzi, il-kwistjoni ta' proteini għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid, mill-produzzjoni sal-konsum, f'termini ta' prestazzjoni produttiva u ambjentali, ibbażata fuq immaniġġjar aktar sodisfaċenti taċ-ċiklu tan-nitroġenu, inkluż l-użu u l-iżvilupp ta' fertilizzanti nitroġeni organiċi bħal nutrijenti riċiklati minn flussi ta' skart organiku bħal demel tal-annimali;

S.  billi sabiex tonqos id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta' proteini veġetali, huwa neċessarju li niffokaw mhux biss fuq għelejjel b'kontenut għoli ta' proteini li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-annimali ruminanti u l-annimali mhux ruminanti, iżda wkoll fuq l-għelejjel l-oħra kollha (inkluż fiż-żoni tal-foraġġ u tal-bwar) li, għalkemm għandhom kontenut ta' proteini iktar baxx, huma kkultivati estensivament mal-Unjoni kollha; billi hemm ħafna benefiċċji fiż-żoni fejn ir-ruminanti jirgħu fil-mergħat, inkluż inqas spejjeż marbutin mar-riżorsi ta' produzzjoni tal-azjendi agrikoli;

T.  billi mhux se jkun hemm żieda fil-produzzjoni tal-proteini veġetali mingħajr titjib tal-profitabbiltà ta' dawn l-impjanti u llum hemm il-ħtieġa għall-implimentazzjoni ta' pjan ta' provvista ta' proteina strateġiku, effikaċi u ambizzjuż biex jiġi appoġġat l-iżvilupp sostenibbli tal-biedja Ewropea; billi pjan bħal dan jeħtieġ il-mobilizzazzjoni ta' bosta politiki tal-Unjoni, u l-ewwel u qabel kollox il-PAK;

U.  billi f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, l-Unjoni użat tliet metodi ta' azzjoni prinċipali sabiex tappoġġa l-objettiv tal-indipendenza Ewropea rigward il-proteini, jiġifieri l-għajnuna akkoppjata volontarja għall-għelejjel li fihom il-proteini u għaż-żrieragħ żejtnin, il-politika tal-UE dwar il-bijofjuwils u l-kundizzjonalità ta' 30 % tal-appoġġ dirett, introdotti mill-aħħar riforma tal-PAK b'relazzjoni mal-implimentazzjoni ta' miżuri ta' ekoloġizzazzjoni, fosthom l-obbligu li 5 % tar-raba' tintuża bħala Żona ta' Interess Ekoloġiku (EFA) u d-deċiżjoni li jitħallew jitkabbru għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu u għelejjel tat-titwiq;

V.  billi l-interess tal-bdiewa f'għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu u r-raba' b'kontenut għoli ta' proteini żdied b'mod sinifikanti għaliex minħabba li dawn jgħinu lill-bdiewa jissodisfaw ir-rekwiżiti skont il-politika ta' ekoloġizzazzjoni, u billi dan l-interess ser jinkoraġġixxi dawk li jnisslu l-pjanti biex ikomplu bl-attivitajiet tagħhom relatati ma' dawn l-għelejjel jew iżiduhom;

W.  billi matul il-perjodu 2000-2013 il-miżuri introdotti mill-PAK ma rnexxilhomx waħedhom jeqilbu lura t-tendenza ta' tnaqqis jew staġnar tal-produzzjoni ta' proteini fl-Ewropa, iżda billi mill-2013 il-kombinazzjoni ta' din l-għajnuna flimkien mal-miżura ta' ekoloġizzazzjoni li ppermettiet il-kultivazzjoni tal-għelejjel tal-proteina f'EFAs wasslet għal żieda qawwija fil-produzzjoni ta' għelejjel tal-proteini fl-UE;

X.  billi l-ftehim politiku dwar il-PAK milħuq mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fl-2013 jipprevedi l-possibbiltà ta' tkabbir ta' għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu fl-EFAs;

Y.  billi r-riċerka wriet li l-manifatturi tal-għalf spiss iżidu aktar proteini lill-ikel milli huwa meqjus neċessarju u billi titjib fl-effiċjenza jista' jinkiseb permezz ta' determinazzjoni aktar preċiża tal-kontenut ta' proteina meħtieġa mill-ispeċijiet fil-mira;

Z.  billi, minħabba l-perċentwal baxx ta' kultivazzjoni ta' għelejjel li fihom il-proteini fl-UE, naqas l-għadd ta' programmi ta' riċerka dwar il-proteini veġetali, kif naqsu wkoll it-taħriġ, l-innovazzjoni u l-kisba ta' esperjenza prattika fl-UE; billi l-effikaċja tal-innovazzjoni għandha tissaħħaħ u l-politika ta' riċerka għandha tiġi intensifikata, iżda billi dan jista' jirnexxi biss jekk ikun sostnut minn impenji politiċi fuq perjodu medju sa twil; billi politika tar-riċerka dwar il-proteini għandha tinkludi wkoll għelejjel leguminużi mkabbra lokalment u adattati;

AA.  billi l-appoġġ ta' attivitajiet ta' tnissil tal-pjanti se jkun importanti biex jiġu żviluppati varjetajiet ġodda ta' għelejjel tal-proteina li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar produzzjoni ta' proteini fl-UE; billi attivitajiet effettivi ta' tnissil ta' pjanti jeħtieġu politika ta' riċerka ffinanzjata b'mod suffiċjenti u ambjent regolatorju xieraq li jinkoraġġixxi l-innovazzjoni;

AB.  billi l-Kummissjoni diġà ffinanzjat, u qiegħda fil-proċess li tiffinanzja, għadd ta' proġetti rilevanti, inklużi dawk taħt l-intestatura "SFS-44-2016 - A joint plant breeding programme to decrease the EU's and China's dependency on protein imports" ("Programm konġunt ta' tnissil ta' pjanti li jnaqqas id-dipendenza tal-UE u taċ-Ċina fuq l-importazzjonijiet ta' proteini"); billi komunikazzjoni, tixrid u sfruttament xierqa tar-riżultati ta' dawn il-proġetti għandhom ikunu żgurati sabiex deċiżjonijiet politiċi futuri f'dan il-qasam ikunu bbażati fuq l-evidenza;

AC.   billi l-ispiża ta' sojja bejn wieħed u ieħor irduppjat f'termini reali mill-2007;

1.  Huwa tal fehma li wasal il-waqt biex jiġi implimentat pjan strateġiku Ewropew wiesa' għall-produzzjoni tal-proteini u l-provvista tal-proteini veġetali, ibbażat fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-għelejjel kollha mkabbra fl-Unjoni kollha; huwa wkoll tal-fehma li din il-bidla timplika bidla sostanzjali ta' sistemi ta' produzzjoni tagħna biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-għajxien tal-bdiewa u r-rekwiżiti ta' ekonomija ċirkolari u l-produzzjoni sostenibbli tal-biedja, fuq il-bażi ta' prinċipji bħall-agroekoloġija u prattiki oħra favur l-ambjent, inklużi strateġiji ta' l-għalf tar-ruminanti b'input baxx ibbażati kemm fuq mergħat permanenti u kif ukoll fuq bwar temporanji fir-raba';

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjonijiet immedjati bil-għan li jiġi evitat kwalunkwe tnaqqis fil-livell attwali tal-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina, filwaqt li jitqiesu b'mod xieraq il-benefiċċji ambjentali li jirriżultaw mill-kultivazzjoni konvenzjonali tal-għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu fl-EFAs;

3.   Josserva li l-għelejjel tal-proteina jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-ambjent minħabba l-potenzjal tagħhom li jiffissaw in-nitroġenu mill-atmosfera; iżid li dawn il-benefiċċji jinkludu tnaqqis tal-użu ta' fertilizzanti bbażati fuq il-fjuwils fossili, it-titjib fil-kwalità u l-fertilità tal-ħamrija, u fin-newba tal-għelejjel, billi jonqos il-livelli ta' mard ġej minn monokultura kontinwa u l-protezzjoni u t-titjib tal-bijodiversità; Jenfasizza, barra minn hekk, li l-fatt li dawn l-għelejjel jiffissaw in-nitroġenu jista' jgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' produzzjoni u l-possibbiltà ta' effetti ambjentali negattivi assoċjati mal-użu eċċessiv tal-fertilizzanti;

4.  Jitlob l-istabbiliment ta' pjattaforma Ewropea, b'appoġġ mill-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Għelejjel li jagħmilha possibbli li: jiġu identifikati żoni Ewropej ta' kultivazzjoni ta' għelejjel tal-proteina skont il-kategorija tal-għelejjel u l-post fejn jinsabu, jinħolqu referenzi tekniċi li jkunu aċċessibbli għall-bdiewa kollha, jiġu determinati l-kapaċitajiet Ewropej ta' produzzjoni tal-proteini sabiex tiġi ffaċilitata l-kummerċjalizzazzjoni u tiġi kkatalogata r-riċerka pubblika u privata mwettqa fil-qasam tal-proteini;

5.  Jirrakkomanda li ssir enfasi fuq is-sorsi kollha ta' proteini veġetali, u b'hekk fuq l-għelejjel użati kemm fl-ikel u fl-għalf, u fuq appoġġ regolatorju għall-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni ta' proteini bbażati fuq il-pjanti; jemmen, barra minn hekk, li għandha ssir aktar riċerka dwar sorsi alternattivi ta' proteina;

6.  Jirrikonoxxi li l-produzzjoni tas-sojja fl-Amerika t'Isfel hija fattur ewlieni fil-bidla fl-użu tal-art u tikkawża diversi problemi ekoloġiċi multipli bħall-kontaminazzjoni tal-ilma ta' taħt l-art mill-pestiċidi, l-erożjoni tal-ħamrija, tnaqqis fir-riżorsi tal-ilma u d-deforestazzjoni li jwassal għal telf devastanti tal-bijodiversità; jirrikonoxxi li l-produzzjoni tas-sojja għandha konsegwenzi negattivi soċjali u għas-saħħa fil-pajjiżi produtturi, aggravata minn drittijiet tal-pussess tal-art dgħajfa, ħtif tal-art, tkeċċija sfurzata u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Ifakkar li l-kriżi tal-BSE fis-snin disgħin u l-projbizzjoni fuq l-użu ta' proteini tal-annimali pproċessati fl-għalf, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 999/2001, żiedu d-domanda għal proteini veġetali fl-Ewropa; jinnota li sorsi alternattivi Ewropej ta' għalf li fih il-proteini, bħall-ħut mitħun, jintużaw fis-settur Ewropew tat-trobbija tal-ħut;

L-objettivi multipli tal-pjan

8.  Huwa tal-fehma li dan il-pjan għandu jimmassimizza l-produzzjoni sostenibbli tal-bijomassa fiż-żoni agrikoli rilevanti billi jiġu żviluppati koperturi veġetali permanenti, li parti minnhom tista' tiġi ddedikata għall-provvista tal-proteini;

9.  Iqis li huwa neċessarju li wieħed iħares b'mod partikolari lejn il-potenzjal ta' għelejjel leguminużi, sew jekk ikunu qmuħ jew legumi tal-foraġġ, peress li din il-familja ta' pjanti tippreżenta diversi benefiċċji agrikoli, ekonomiċi u ambjentali, bil-vantaġġi prinċipali tagħhom li jassimilaw in-nitroġenu mill-arja permezz ta' sistema simbjotika, li tnaqqas il-ħtieġa ta' fertilizzanti nitroġeniċi sintetiċi, u jeħtieġu ftit użu ta' pestiċidi; jenfasizza li l-għelejjel leguminużi jħallu warajhom struttura tajba tal-ħamrija għall-għelejjel ta' wara permezz tan-nitroġenu li jħallu, li jista' jżid ir-rendimenti b'bejn 10 u 20 %; jenfasizza li n-newba hija ta' benefiċċju għall-kwalità tal-ħamrija, tnaqqas il-livelli ta' mard u ssostni l-bijodiversità;

10.  Jenfasizza, barra minn hekk, li fis-sistemi tan-newba tal-għelejjel li jinkludu l-għelejjel leguminużi, iċ-ċikli riproduttivi tal-pesti u l-patoġeni jiġu interrotti, u għaldaqstant jitnaqqsu l-livelli ta' mard tal-pjanti u l-ħtieġa li jiġu applikati l-pestiċidi; jinnota li benefiċċju ulterjuri huwa li l-bijodiversità tiżdied ukoll billi titwaqqaf il-monokultura sena wara sena;

11.  Jirrakkomanda li tiġi appoġġata, b'mod partikolari taħt il-PAK, il-kultivazzjoni tas-sojja fl-UE billi din tiġi magħmula aktar kompetittiva u bi profitti akbar, waqt li varjetajiet ġodda bħalissa qegħdin joffru possibbiltajiet ġodda għal xi reġjuni fejn l-għelejjel jistgħu jadattaw ruħhom, iżda jinnota li dan ma għandux inaqqas mill-importanza tal-kultivazzjoni ta' għelejjel ta' proteina oħra taċ-ċereali (lupina, fażola, piżelli, ċiċri, karawett, ful, eċċ.); jemmen li din il-varjetà wiesgħa tagħmilha possibbli li tiġi mmassimizzata l-produzzjoni tal-proteini fir-reġjuni kollha tal-Ewropa, skont il-kundizzjonijiet klimatiċi lokali;

12.  Jitlob li tingħata attenzjoni akbar lill-immaniġġjar tal-mergħat u tal-għelejjel tax-xnien li, minħabba l-art estensiva li jokkupaw, jagħtu kontribut kbir ħafna biex jiġu ssodisfati l-ħtiġiet tal-proteini għall-għalf tal-annimali (ir-ruminanti biss); jinnota li l-għelejjel leguminużi bħax-xnien jistgħu jagħmlu progress tajjeb fil-bwar;

13.  Jirrakkomanda li l-għelejjel tal-proteini veġetali bħas-sojja, l-alfalfa, il-ful, il-piżelli u għelejjel bħax-xnien, is-sainfoin u ħafna legumi oħra jerġgħu jiġu introdotti fis-sistemi ta' kultivazzjoni u ta' foraġġ fuq skala kbira ;

14.  Jara l-ħtieġa li jiġu żviluppati ktajjen tal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-proteina lokali u reġjonali billi jiġu stabbiliti gruppi ta' bdiewa u billi jinħolqu rabtiet aktar mill-qrib bejn bdiewa tar-raba' u bdiewa li jrabbu l-bhejjem (kuntratti ta' provvista u ta' skambju, bini ta' impjanti ta' daqs żgħir jew medju deċentralizzati għall-bijoraffinament tal-"proteina ħadra"), biex isir skambju ta' għarfien dwar varjetajiet ta' legumi xierqa, newb u ħamriji; iqis li jkun utli, għal dan l-iskop, li , permezz tal-PAK, jiġu assistiti l-operaturi li jieħdu riskji billi jidħlu fi ktajjen tal-provvista fi żmien qasir għall-ikel u l-għalf ibbażati fuq il-proteini; jenfasizza l-importanza ta' kuntratti diretti bejn il-kultivaturi u l-produtturi tal-għalf tal-annimali;

15.  Iħeġġeġ il-promozzjoni tal-produzzjoni ta' varjetajiet ta' kwalità għolja ta' proteini veġetali mingħajr OĠM bi traċċabilità u tikkettar ċari (fir-rigward kemm tal-post tal-produzzjoni u kif ukoll tal-metodi użati), b'reazzjoni għal żieda fl-interess tal-konsumaturi Ewropej fi prodotti ħielsa minn OĠM;

16.  iqis li jenħtieġ li tiġi appoġġata l-awtosuffiċjenza alimentari tal-azjendi agrikoli fil-livell kemm tal-azjendi kif ukoll fil-livell reġjonali għar-ruminanti, u għall-annimali poligastriċi, inkluż permezz ta' produzzjoni ta' għalf fl-azjenda agrikola;

17.  Iqis li huma mixtieq li jiġi minimizzat it-telf mill-ħsad u l-flussi residwi u li jiżdied il-valur nutrittiv billi jitjieb il-livell tal-ħsad, il-ħżin u s-sistemi ta' pproċessar (tnixxif, pakkettar);

18.  Huwa tal-fehma li biex titjieb il-produzzjoni tal-proteini veġetali huwa meħtieġ li tiżdied il-profittabbiltà ta' dawn l-għelejjel u li jiġu żviluppati prattiki bħan-newb tal-għelejjel (fuq tul minimu ta' tliet snin) u inqas żrigħ ta' għelejjel leguminużi, u żieda fit-taħlita tal-varjetajiet u għall-għelejjel fis-setturi ta' produzzjoni tal-bus (xnien/kolza, tritikal/piżelli eċċ.) u foraġġ (ħaxix, xnien, meslins, eċċ) sabiex nersqu lejn sistema agroalimentari aktar sostenibbli, nappoġġaw bidla minn monokultura ta' għelejjel intensiva fl-input fi ħdan l-UE u barra mill-UE lejn sistema agroekoloġika diversifikata;

19.   Jitlob li l-ħidma ta' riċerka tibda fuq: l-idoneità għall-użu fin-newb tal-għelejjel imħallta; l-għażla ta' varjetajiet u speċijiet ġodda li jagħtu flessibbiltà lill-bdiewa biex jadattaw għat-tibdil fil-klima; ir-reżistenza għall-istress; it-taħlit tal-għelejjel; it-titjib fir-rendimenti; il-kontenut ta' proteini u tad-diġestibilità tal-għalf tal-annimali (żerriegħa mnibbta, iż-żerriegħa tal-kolza, eċċ.); it-titjib fir-reżistenza tal-pjanti kontra l-mard; il-bijoloġija tal-ġerminazzjoni tal-ħaxix salvaġġ bħala funzjoni ta' kontroll tal-ħaxix salvaġġ; il-konverżjoni tal-għalf; u bijostimulanti; jenfasizza l-ħtieġa li l-bdiewa jkollhom numru ta' għodod koerenti inklużi prattiki ta' mmaniġġjar, tekniki u prodotti ta' protezzjoni tal-pjanti biex jiġu miġġielda l-pesti u fatturi oħra li jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-rendiment u t-tkabbir tal-għelejjel;

20.  Jappella għal investiment kbir fir-riċerka inkluża riċerka fil-varjetajiet sabiex tittejjeb il-prestazzjoni agronomika ta' dawn l-għelejjel, l-għelejjel tal-proteini jsiru ekonomikament attraenti, peress li huma jistgħu jbatu meta mqabbla mal-marġini li jista' jinkiseb minn għelejjel oħra, jipprovdu aktar varjetajiet tal-għelejjel, sabiex jiġi żgurati rendimenti, jiġu solvuti kwistjonijiet agronomiċi li qed jillimitaw il-kultivazzjoni tal-għelejjel tal-proteina u jiġi żgurat li l-volum ikun suffiċjenti, minħabba li dan huwa essenzjali għar-ristrutturar tal-ktajjen tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni; jenfasizza l-fatt li huwa neċessarju wkoll li jiġu żviluppati għelejjel tal-proteina li huma aktar adattati għall-klima Ewropea, li jitjieb il-valur tal-proteini u tiġi żgurata s-sigurtà għall-investimenti sabiex titrawwem ir-riċerka;

21.  Jirrakkomanda użu akbar mill-agrikoltura ta' preċiżjoni, b'mod partikolari l-bidla diġitali, biex il-kontribut tal-pjanti u r-razzjonijiet tal-għalf tal-annimali jiġu aġġustati bl-aktar mod preċiż, sabiex jinħela l-inqas possibbli u ċerti tipi ta' tniġġis jiġu minimizzati, u jirrakkomanda wkoll użu akbar ta' sistemi mekkaniċi ta' kontroll tal-ħaxix salvaġġ;

22.  Biħsiebu jippromwovi: il-kisba ta' għarfien ġdid; it-trasferiment tal-għarfien; it-taħriġ bażiku u kontinwu; u appoġġ għal kull tip ieħor ta' innovazzjoni u riċerka applikata kemm fl-ikel għall-bniedem u l-għalf tal-annimali;

23.  Jitlob li jingħata appoġġ lil forma kollha ta' innovazzjoni u riċerka applikata billi jinġabru flimkien l-esperjenza u l-għarfien u billi jiġu involuti partijiet ikkonċernati partikolarment dawk lokali billi jiġu offruti soluzzjonijiet innovattivi;

24.  Jitlob kriterji ta' sostenibbiltà għall-importazzjonijiet tal-għalf sabiex tiġi żgurata produzzjoni sostenibbli tal-pjanti tal-proteina f'pajjiżi terzi li ma jwassalx għal impatti ambjentali jew soċjali negattivi;

25.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-edukazzjoni dwar id-dieta jista' jkollha fit-tiswir tad-domandi għall-ikel; jenfasizza l-ħtieġa tal-adozzjoni ta' linji gwida dwar id-dieta jew fil-livell tal-UE jew f'dak tal-Istati Membri bl-għan li jippromwovu dieta sana filwaqt li jindirizzaw kwistjonijiet ta' tħassib ambjentali marbuta mal-produzzjoni tal-ikel;

26.  Iqis li huwa essenzjali li l-appoġġ tekniku għall-bdiewa u s-servizzi ta' konsulenza jissaħħu bil-għan tal-promozzjoni ta' produzzjoni sostenibbli ta' proteini tal-qamħ u l-foraġġ;

L-istrumenti tal-pjan

27.  Huwa tal-fehma li dan il-pjan jeħtieġ il-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta' bosta politiki tal-Unjoni: il-PAK; il-politika tar-riċerka; il-politiki dwar l-ambjent u l-azzjonijiet dwar il-klima; il-politika tal-enerġija; il-politika tal-viċinat u l-politika kummerċjali;

28.   Iqis li huwa importanti li l-PAK tappoġġja l-għelejjel tal-proteini permezz ta' pagament akkoppjat volontarju (li, jekk ma jkunx limitat biss għall-għelejjel u għar-reġjuni f'diffikultà, jirrendi aktar) u permezz ta' pagament ekoloġiku, kif ukoll permezz tat-tieni pilastru, b'mod partikolari bis-saħħa ta' miżuri agroambjentali fil-biedja organika u tipi oħra ta' biedja, l-investiment, il-kwalità, is-sistema konsultattiva għall-azjendi agrikoli (FAS), it-taħriġ, u naturalment l-innovazzjoni permezz tal-EIP; jenfasizza l-fatt li l-introduzzjoni ta' pagament akkoppjat ta spinta lill-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina f'xi Stati Membri;

29.  Jemmen li għandhom jinstiltu tagħlimiet utli mill-projbizzjoni li saret dan l-aħħar fuq l-użu tal-pestiċidi fl-EFAs, anki jekk, fl-2016, dawn kienu jkopru 15 % tar-raba' Ewropea, (tmien miljun ettaru) u kważi 40 % ta' dawn iż-żoni huma magħmula minn għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu jew għall-għelejjel tat-titwiq; huwa tal-fehma li, bħala parti mill-proċess li jsir użu miż-żoni agrikoli utli kollha, previst skont il-pjan awtonomu tal-proteini veġetali, l-EFAs jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-proteina kemm fi ħdan l-agrikoltura konvenzjonali — b'ġestjoni integrata tal-pesti, filwaqt li jitqies il-fatt li l-bdiewa li jkabbru dawn l-għelejjel f'EFAs fl-agrikultura konvenzjonali mhux dejjem ikollhom l-assigurazzjoni li jkunu jistgħu jirreaġixxu għall-invażjonijiet tal-pesti — u l-agrikoltura organika, peress li biex jiġu sostitwiti l-importazzjonijiet tas-sojja fl-UE, l-ekwivalenti ta' kważi 17-il miljun ettaru ta' raba' jridu jkunu ddedikati lis-soja fl-UE; iqis li l-EFAs huma wkoll essenzjali biex tingħata spinta lill-bijodiversità, li hija mhedda, u għas-sikurezza tal-ikel tagħna, peress li, b'mod partikolari billi jittejjeb id-dakkir, il-bijodiversità tista' żżid ir-rendimenti tal-għelejjel tal-viċinat, li jistgħu jkunu għelejjel tal-proteina, b'madwar 20 %;

30.  Jirrakkomanda aġġustament għall-arranġamenti ta' ekoloġizzazzjoni b'konnessjoni maż-żamma ta' bwar permanenti sabiex jitqiesu b'mod aktar effettiv, b'mod partikolari r-reġjuni, il-karatteristiċi speċifiċi tal-alfalfa, jew waħedha jew f'taħlitiet ta' ħaxix, fi bwar temporanji li jkollhom iktar minn ħames snin, li jfisser li l-bur ikkonċernat jiġi kklassifikat bħala permanenti, kif definit fil-liġi, u b'hekk il-ħrit jiġi llimitat wara l-perjodu ta' ħames snin, anki jekk it-tħawwil mill-ġdid jippermetti li jiġi prodott volum kbir ta' proteina tal-għalf b'awtonomija akbar għall-azjendi kkonċernati;

31.  Jilqa' l-fatt li fil-kuntest tar-reviżjoni omnibus tal-Politika Agrikola Komuni l-Parlament kiseb rivalutazzjoni tal-koeffiċjent ta' konverżjoni tal-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu minn 0,7 għal 1 b'kumpens għall-projbizzjoni tal-użu ta' pestiċidi fl-EFAs;

32.  Huwa tal-fehma li l-istrateġija Ewropea dwar il-proteini għandha tqis ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, l-użu doppju ta' proteini u r-rwol tal-prodotti sekondarji, l-iskart u r-residwi tagħhom fl-ekonomija ċirkolari, u tħeġġeġ in-newb tal-għelejjel u d-diversifikazzjoni u l-użu ta' art imserrħa skont il-miżuri ta' ekoloġizzazzjoni skont il-PAK;

33.  Iqis li huwa importanti li l-PAK futura tieħu kont ta' proposti addizzjonali biex tappoġġa l-kultivazzjoni ta' proteini veġetali, bħal proposti għal sistemi ta' newb ta' minimu ta' tliet snin fir-raba' li jkollhom komponent leguminuż; f'dan ir-rigward, jenfasizza li l-Istati Membri fejn huwa prominenti mard tat-temp umdu jista' jkollhom bżonn ta' perjodu itwal ta' newb; iqis ukoll li huwa partikolarment rilevanti li noħolqu pagament ta' ekosistema li jkun aktar flessibbli minn pagament ta' ekoloġizzazzjoni sabiex nirrikonoxxu l-benefiċċji ta' għelejjel leguminużi u għelejjel taż-żrieragħ żejtnin għall-bijodiversità, inkluż għat-tagħlif tad-dakkara, l-għoti ta' mekkaniżmi ta' teħid ta' riskju għall-innovaturi u l-ftuħ ta' sottoprijorità tal-proteini fil-politika dwar l-iżvilupp rurali;

34.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti strumenti ġodda li jgħinu biex ikabbru l-provvista ta' proteini tal-pjanti, b'mod partikolari tas-sojja, u li tiġi żgurata implimentazzjoni ekwa madwar l-Istati Membri kollha;

35.  Jemmen li r-riċerka kurrenti fil-qasam ta' strateġija għal għelejjel li fihom il-proteini hija frammentata u li mhijiex iffukata biżżejjed; jitlob li l-isforzi ta' riċerka u żvilupp, b'mod partikolari tar-riċerka pubblika, jiġu intensifikati rigward għelejjel tal-proteini sottożviluppati li huma adatti kemm bħala ikel għall-bnedmien u kemm bħala għalf tal-annimali u li ftit li xejn huma ta' interess għall-investituri privati, u rigward proteini alternattivi bħal proteini mill-insetti u mill-alka; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet ta' riċerka pubbliċi u privati; jissottolinja l-ħtieġa ta' qafas regolatorju li jappoġġja l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni sabiex tinkiseb produzzjoni akbar u kompetittiva ta' proteini;

36.  Jirrakkomanda żieda fl-investiment fi proġetti ta' riċerka industrijali u agrikoli li jiffokaw fuq it-titjib tal-kwalità u tad-diversità funzjonali tal-proteini għall-konsum tal-bniedem;

37.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li niżguraw il-provvisti tas-sojja tagħna permezz ta' aktar kooperazzjoni mal-viċinat tagħna, u li niddeviersifikaw is-sostenibbiltà tas-sorsi ta' proteini prodotti barra mill-UE, b'mod partikolari mill-ġirien tal-UE li għażlu l-Ewropa u li jipproduċu sojja li tista' tiddaħħal fl-Unjoni permezz tad-Danubju; jitlob li dawk l-importazzjonijiet jilħqu l-istess standards soċjali u ambjentali bħal dawk li japplikaw għall-produzzjni tas-sojja ġewwa l-UE, u jammetti li l-kultivazzjoni ta' sojja ħielsa mill-OĠM hija milqugħa biex taqdi d-domanda tal-konsumaturi;

38.  Jirrikonoxxi li prattiki agrikoli tal-lum huma inkonċepibbli mingħajris-sojja, li din il-pjanta importanti ħafna fil-passat reċenti kienet għoddha għebet mill-kultivazzjoni fl-Ewropa, u li l-kultivazzjoni tas-sojja żdiedet minn 17-il miljun tunnellata fl-1960 għal 319 miljun tunnellata fl-2015;

39.  Jitlob aġġustamenti għat-tieni pilastru tal-PAK biex jipprovdi aktar rikonoxximent remunerazzjoni għall-kontribut ta' għelejjel li jitimgħu lid-dakkara f'mumenti kritiċi tal-istaġun (pjanti li jagħmlu l-fjuri kmieni fir-rebbiegħa) u tar-rwol tagħhom fil-ġlieda kontra t-tnaqqis tad-dakkara;

40.  Jappoġġja l-istabbiliment ta' sistemi trasparenti ta' tikkettar tal-prodotti bbażati fuq standards tal-produzzjoni ċċertifikati, bħall-istandards tas-Sojja tad-Danubju u tas-Sojja tal-Ewropa;

41.  Huwa tal-fehma li, minkejja li l-Ftehim ta' Blair House tal-1992 għadu fis-seħħ, de facto huwa antikwat u m'għandux ifixkel l-iżvilupp sostenibbli tal-għelejjel tal-proteini fl-Ewropa;

°

°  °

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 58
  • [2]  Rapport dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2012/2002, ir-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, UE Nru 1304/2013, (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1307/2013, (UE) Nru 1308/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
  • [3]  Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (OR. en) 10055/17, Brussell, 7 ta' Ġunju 2017.
  • [4]  ĠU L 147, 18.6.1993, p. 25.
  • [5]  Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), "Sena Internazzjonali tal-Legumi" (AIL): Żrieragħ Nutrittivi għal Futur Sostenibbli.
  • [6]  IP/B/AGRI/IC/2012-067 (PE 495.856).
  • [7]  ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001.

NOTA SPJEGATTIVA

I. L-ISFOND

Fl-aħħar 15-il sena, il-Parlament tagħna tkellem bosta drabi dwar il-proteini u dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit pjan Ewropew għall-proteini. Dawn l-inizjattivi sfortunatament qatt ma ngħatalhom segwitu pożittiv u l-Unjoni Ewropea għadha tiddependi fuq ħaddieħor għall-provvisti tal-għelejjel tal-proteini tagħha. Jidher li dan huwa mument aktar propizju għal rieżami ta' din il-kwistjoni, minħabba li l-PE, il-Kunsill u l-Kummissjoni issa inkludewha fl-aġendi tagħhom, kif juru "d-dikjarazzjoni dwar is-sojja" tal-Kunsill ta' Ġunju ta' din is-sena u t-tħabbira tal-Kummissjoni rigward "l-istrateġija Ewropea dwar il-proteini" tal-Kummissarju Hogan.

Fil-passat, il-problema tal-proteini użati fl-għalf tal-annimali ġiet diskussa biss mill-perspettiva tal-ħtieġa ta' prodotti b'livell għoli ta' proteini u tal-isforzi tagħna biex inpattu għad-defiċit tagħna f'għelejjel tal-proteina, prinċipalment permezz ta' importazzjonijiet tas-sojja. Aħna u nadottaw approċċ ġdid għall-kwistjoni ta' proteini fl-Ewropa, huwa importanti wkoll li nfakkru fir-rwol tal-proteini fil-katina alimentari tal-bniedem.

Fil-fatt, il-problema hija saħansitra aktar kumplessa. Il-provvista tal-proteini hija kwistjoni ċentrali, li tinsab fil-qalba ta' żewġ preokkupazzjonijiet ewlenin li jirrikjedu l-attenzjoni immedjata tagħna, bi rbit mas-sigurtà tal-ikel fuq naħa waħda u mal-isfidi ambjentali u klimatiċi fuq in-naħa l-oħra.

1.  Il-provvista tal-proteini hija kwistjoni ċentrali fil-qalba ta' żewġ preokkupazzjonijiet ewlenin

(a)   Is-sikurezza tal-ikel

L-għelejjel tal-proteini importati huma meħtieġa għall-ħtiġijiet tal-bhejjem fl-agrikoltura.

Is-suq dinji tal-proteini flimkien ma' dak tal-pellets tas-sojja f'dawn l-aħħar snin għadda minn bidliet konsiderevoli, bil-prospett ta' tensjonijiet possibbli fid-dawl tal-kwantitajiet kbar ħafna ta' sojja li qed jiġu kkunsmati f'xi partijiet tad-dinja, speċjalment fil-forma ta' laħam.

Għal aktar minn 50 sena, il-konsum tas-sojja żdied bil-ħeffa fil-pajjiżi agrikoli kollha, hekk li s-sojja llum tirrappreżenta 45 % tas-suq dinji tal-proteini. Fl-Ewropa, il-konsum tas-sojja kiber minn 2.42 miljun tunnellata fl-1960 għal kważi 36 miljun tunnellata llum. F'postijiet oħra, u b'mod partikolari fiċ-Ċina, il-konsum domestiku sploda bil-kbir. Iċ-Ċina llum hija l-akbar importatur tas-sojja fid-dinja, u timporta l-aktar mill-Brażil, l-akbar produttur u esportatur fid-dinja. Jeħtieġ li nirrilevaw fatt wieħed partikolari. Iċ-Ċina, li tassorbi aktar minn żewġ terzi tal-produzzjoni tas-sojja tal-Brażil, sabet mod kif tiżgura l-provvisti tagħha tal-ġejjieni, b'mod li jista' jhedded il-provvista tagħna stess u dik ta' xerrejja oħra tas-sojja.

Konsegwentement, jista' jkun li dalwaqt nibdew inħallsu prezzijiet ferm għoljin, dejjem jekk inkunu għadna nsibu provvisti suffiċjenti ta' sojja, jew saħansitra li nibqgħu nsibu sojja x'nixtru.

(b)   Preokkupazzjonijiet ambjentali

L-użu ta' fertilizanti sintetiċi li fihom in-nitroġenu għall-kultivazzjoni tal-ghelejjel tal-proteina għandu wkoll effetti ekoloġiċi ta' tniġġis, hekk li jikkontamina l-provvisti tal-ilma u jikkawża emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Biex nimmaniġġjaw aħjatr iċ-ċiklu tan-nitroġenu, irridu nerġgħu neżaminaw mill-għeruq is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-produzzjoni tal-ikel u tal-agrikoltura tagħna.

Huwa ċar li l-kwistjoni tal-proteini tqajjem għadd ta' mistoqsijiet rigward l-iżvilupp tal-mudelli agroalimentari tagħna. Is-sempliċi aġġustamenti għad-domanda għall-prodotti tal-pjanti b'kontenut għoli ta' proteina u l-produzzjoni massiċċa ta' fertizzanti sintetitċi li fihom in-nitroġenu mhumiex se jilqgħu għall-bżonnijiet tagħna, u tabilħaqq jistgħu jwasslu għal żbilanċi lokali u tensjonijiet internazzjonali. Irridu nikkunsidraw serjament approċċ ġdid bil-għan li niżguraw settur agroalimentari sostenibbli li jqis il-proteina bis-sħiħ, hekk li jħalli l-akbar spazju possibbli għall-manuvrar u għall-azzjoni biex innaqqsu d-dipendenza tagħna fuq l-għelejjel tal-proteina.

2.  Jeħtiġilna nikkunsidraw is-sorsi kollha tal-proteini

(a)   Provvista ta' proteini żbilanċjata għall-għalf tal-annimali

Kull sena, 477 miljun tunnellata ta' materja prima jintużaw għall-għalf tal-annimali, li minnhom madwar 50 % jiġu mill-produzzjoni tal-għalf u mill-bwar tal-farms, filwaqt li l-bqija jiġu minn għelejjel kbar u minn prodotti importati.

Id-domanda għall-għelejjel tal-proteina, minbarra għall-għalf, hija madwar 45 miljun tunnellata ta' proteina mhux raffinata kull sena. 60 % tad-domanda hija ssodisfata mill-koproduzzjoni tal-pellets u 40 % minn ċereali u għelejjel ta' proteina taż-żejt.

L-Unjoni għandha rata ta' awtosuffiċjenza ta' 38 % għall-ħtiġijiet kollha tagħha għall-proteina fl-għalf tal-annimali. Għall-pellets tas-sojja, prodott li jirrappreżenta madwar terz tal-provvista ta' proteini, iċ-ċifra hija 5 %, ċifra partikolarment baxxa.

(b)   Sorsi ta' provvista potenzjali

Biex innaqqsu d-dipendenza tagħna fuq fornituri esterni, irridu niffukaw mhux biss fuq għelejjel li fihom ħafna proteina, imma wkoll fuq dawk li fihom anqas proteina li l-kultivazzjoni tagħhom hija mxerrda mal-Unjoni kollha. Billi nwessgħu it-tiftixa tagħna għas-sorsi kollha ta' proteina, inkunu nistgħu ninvolu r-reġjuni kollha tal-Ewropa fi proċess konġunt biex nilħqu żvilupp sostenibbli u nnaqqsu d-dipendenza tagħna rigward il-proteini.

Għal dan il-għan, l-Unjoni għandha varjetà wiesgħa ħafna ta' għelejjel u varjetajiet minn fejn tagħżel, inklużi legumi tal-qamħ, żrieragħ taż-żejt (lift, żerriegħa tal-ġirasol u sojja) u għalejjel tal-proteini (piżelli, ċiċri, fażola, lupini u favetta). F'dawn l-aħħar snin, il-volumi tal-produzzjoni ta' grixa tal-lift żdiedu b'mod sinifikanti minħabba l-iżvilupp tal-agrokarburanti. Filwaqt li l-produzzjoni tas-sojja baqgħet relattivament modesta, tista' tiġingħata aktar stimolu billi jkun hemm konċentrazzjoni fuq varjetajiet aktar idonei li jħallu aktar rendimenti li huma aktar ekonomikament kompetittivi fil-konfront taċ-ċereali.

F'dan il-kuntest, il-prodotti tal-ikel (bħall-ħalib u t-tofu) jistgħu jkunu wkoll sors ta' valur miżjud. Għelejjel taż-żerriegħa oħra, bħall-piżelli tal-proteina, il-fażola, il-lupini u ċ-ċiċri m'għandhomx jiġu ttraskurati, speċjalment jekk ir-riċerka f'dan il-qasam jirnexxilha tiskopri varjetajiet u mezzi ġodda kif nikkumbattu ċerti bijopatoġeni. Il-legumi tal-għalf ingħataw anqas attenzjoni, iżda minkejja dan, bħala f'għelejjel puri jew f'taħlita ta' għelejjel, jista' jkollhom rwol ewlieni biex inaqqsu d-dipendenza fis-settur tal-bhejjem u jtejbu l-prattiki agrikoli. Fl-aħħar nett, it-titjib tal-kwalità taċ-ċereali għandu jitqies ukoll bħala assi fil-karta tal-bilanċ tal-proteini tagħna.

II. PJAN STRATEĠIKU AMBIZZJUŻ U WIESA' GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI GĦALL-GĦELEJJEL TAL-PROTEINA FL-EWROPA

Politiki tal-UE li jorbtu mal-proteini gaħndhom jiġu mmobilizzati u kkoordinati biex jirfdu dan il-pjan.

(a)  Il-PAK

Fiċ-ċirkustanzi preżenti

Jidher li l-appoġġ dirett għall-produzzoni tal-proteini permezz tal-ewwel pilastru jkun soluzzjoni tajba biex il-pjan għall-proteini jiġi implimentat fl-UE kollha.

Hemm diversi proġetti ta' ekoloġizzazzjoni li jistgħu jibbenefikaw mill-produzzjoni tal-proteini, fosthom id-diversifikazzjoni tal-għelejjel, il-biedja organika u l-iskemi ta' ċertifikazzjoni, li lkoll jinkoraġġixxu sistema ta' tinwib li tiffaċilita l-għelejjel tal-proteini. Iż-żoni ta' interess ekoloġiku wkoll jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-proteini mingħajr il-ħtieġa għall-użu sistematiku tal-pestiċidi.

Fid-dawl tal-għadd ta' pajjiżi li diġà użawh, il-pagament akkoppjat volontarju jidher li huwa l-aktar għodda xierqa għall-iżvilupp ta' għelejjel tal-proteina u jista' jintuża b'mod aktar wiesa', flok ma jibqa' llimitat biss għas-setturi u għar-reġjuni f'diffikultà.

Il-pilastru tal-iżvilupp rurali joffri firxa ta' tipi ta' assistenza għall-iżvilupp tal-proteini, inklużi miżuri agroambjentali, investiment fil-produzzjoni u fl-ipproċessar ġewwa l-farms, it-titjib tal-kwalità, konsulenza, taħriġ, innovazzjoni u miżuri li jħeġġu l-biedja organika.

Fil-qafas tal-aġġustamenti jew tar-riforma tal-PAK

Nissuġġerixxu xi adattamenti f'ċerti strumenti eżistenti. Għall-pagament ta' ekoloġizzazzjoni, rekwiżit tat-tinwib (tul minimu ta' tliet3 snin) tal-għelejjel jista' jkun miżura addizzjonali utli għad-diversifikazzjoni. Dan joffri benefiċċji agronomiċi u ambjentali maġġuri (kontroll aktar effikaċi tal-pesti, titjib fil-kwalità tal-ħamrija, eċċ.). Jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll taħlitiet ta' għelejjel differenti. Il-pagament akkoppjat m'għandux jibqa' llimitat għas-setturi u għar-reġjuni f'diffikultà meta jintuża biex jappoġġja l-għelejjel tal-proteini, u għandu jsir aktar flessibbli biex jiffaċilita l-użu tal-finanzjament disponibbli.

Possibbiltajiet oħra jistgħu jiġu kkunsidrati oħra fil-kuntest tar-riforma tal-PAK: appoġġ ekosistemiku tal-ewwel pilastru għal-legumi u appoġġ speċifiku għat-teħid tar-riskji fil-varar ta' ktajjen ta' proteini. Dawn jistgħu jkunu kkombinati ma' finanzjament mill-FEŻR.

(b)  Il-politika dwar ir-riċerka

L-Unjoni qatt ma wriet wisq interess fi proġetti tar-riċerka fit-tul għal soluzzjonijiet biex inaqqsu d-dipendenza tagħna fuq l-għelejjel tal-proteina. L-investiment fir-riċerka pubblika huwa importanti ħafna għall-għelejjel li l-kultivazzjoni tagħhom hija anqas komuni u li ftit li xejn jinteressaw lis-settur privat.

(c)  Il-politika tal-Viċinat

F'uħud mill-ġirien tal-EU, bħall-Ukrajna, li huma bbażati l-aktar fuq l-agrikoltura, il-kundizzjonijiet ta' produzzjoni u ta' klima jiffavorixxu s-sojja, li diġà tiġi kkultivata hemmhekk. Il-produzzjoni tas-sojja f'kooperazzjoni mal-Ukrajna, li bħalissa jinsab f'kunflitt mar-Russja u li huwa favur l-Ewropa, tkun għażla li tagħmel sens, ladarba diġa nimportaw tunnellati ta' ċereali minn dan il-pajjiż, ċereali li jikkompetu ma' dawk prodotti mill-bdiewa tagħna stess.

(d)  Il-politika kummerċjali

Fis-snin 60, il-ftehimiet tal-GATT konklużi mill-Komunità Ewropea inkoraġġew importazzjonijiet massiċċi u bla tariffi doganali ta' għelejjel tal-proteina, li kienu tassew meħtieġa, minn pajjiżi terzi, u speċjalment mill-Istati Uniti. Dawn il-ftehimiet ġew inkorporati fil-ftehimiet ta' Blair House tal-1992, bl-ebda aġġustament ta' tariffi doganali, minkejja li ma konniex nafu x'se naqbdu nagħmlu bil-muntanji taċ-ċereali li kellna. Fl-istess żmien, ġie konkluż memorandum mal-Istati Uniti li llimita l-appoġġ li l-Komunità Ewropea kienet tagħti għall-għelejjel tal-proteina taż-żejt tagħha. Bi rbit ma' dan ir-rapport, nixtieq nirrileva li dawn il-ftehimiet illum saru antikwati u m'għadhomx jirriflettu l-isfidi tad-dinja tagħna llum, speċjalment rigward l-isfidi tal-ambjent u tat-tisħin globali, li jobbligawna nerġgħu nikkunsidraw l-għażliet li għandna quddiemna rigward il-produzzjoni u l-konsum.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (11.12.2017)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar strateġija Ewropea għall-promozzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini – Inħeġġu l-produzzjoni tal-pjanti leguminużi u li fihom il-proteini fis-settur agrikolu Ewropew
(2017/2116(INI))

Rapporteur għal opinjoni: György Hölvényi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.   billi, storikament, id-defiċit Ewropew ta' għelejjel li fihom il-proteini jmur lura għal ftehimiet kummerċjali internazzjonali antiki, speċjalment mal-Istati Uniti, li ppermettew lill-Komunità Ewropea tipproteġi l-produzzjoni tagħha taċ-ċereali iżda, min-naħa l-oħra, ippermettew l-importazzjoni mingħajr dazju fl-Unjoni ta' għelejjel li fihom il-proteini u ta' żrieragħ żejtnija (il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ u l-Ftehim ta' Blair House UE-Stati Uniti tal-1992); billi ma' dawn żdied il-progress sinifikanti miksub fl-effiċjenza tal-produzzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini fil-pajjiżi terzi, biex b'hekk il-bdiewa Ewropej spiċċaw fi żvantaġġ kompetittiv, li għalihom il-produzzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini mhijiex daqstant attraenti minn perspettiva ekonomika;

B.   billi l-għelejjel mill-Brażil, mill-Arġentina u mill-Istati Uniti mhumiex soġġetti għall-istess restrizzjonijiet ambjentali, regolatorji u tas-saħħa, kif ukoll relatati mal-OĠM, bħall-għelejjel Ewropej;

C.   billi ċ-ċertezza tad-dritt, u l-istabbiltà u l-koerenza tal-politiki pubbliċi Ewropej huma parti essenzjali minn kwalunkwe strateġija fit-tul kredibbli dwar il-proteini;

D.   billi f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin l-Unjoni użat tliet metodi ta' azzjoni prinċipali sabiex tappoġġja l-għan tal-indipendenza Ewropea rigward il-proteini, jiġifieri l-appoġġ akkoppjat volontarju għall-għelejjel li fihom il-proteini u għaż-żrieragħ żejtnin, il-politika tal-UE dwar il-bijofjuwils u l-kundizzjonalità ta' 30 % tal-għajnuna diretta introdotta mill-aħħar riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) għall-implimentazzjoni ta' miżuri ekoloġiċi, fosthom l-obbligu li 5 % tal-art li tinħadem tintuża bħala żona ta' interess ekoloġiku (ŻIE) u d-deċiżjoni li jitħallew jitkabbru għelejjel li jistabbilizzaw in-nitroġenu u għelejjel tat-titwiq;

E.  billi, minħabba l-perċentwal baxx ta' kultivazzjoni ta' għelejjel li fihom il-proteini fl-UE, naqas l-għadd ta' programmi ta' riċerka dwar il-proteini veġetali, kif naqsu wkoll it-taħriġ, l-innovazzjoni u l-kisba ta' esperjenza prattika fl-UE; billi politika dwar ir-riċerka tista' tirnexxi biss jekk tkun tagħmel parti minn impenji politiċi fuq żmien medju jew twil;

1.  Ifakkar li l-Unjoni talloka 3 % biss tal-art tagħha li tinħadem għall-għelejjel li fihom il-proteini u timporta madwar 70 % tal-għalf li fih ħafna proteini – l-aktar mill-Brażil, l-Arġentina u l-Istati Uniti, li fil-biċċa l-kbira tiegħu jikkonsisti minn prodotti tar-raba' OĠM; jenfasizza li l-promozzjoni tal-kultivazzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini hija neċessarja sabiex titnaqqas id-dipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet kif ukoll l-impronta tal-karbonju u dik ambjentali tal-biedja;

2.  Jemmen li l-promozzjoni tal-kultivazzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini, bħala parti min-newba tal-għelejjel, tista' wkoll tkun għodda b'saħħitha fit-tranżizzjoni lejn sistemi agroalimentari aktar sostenibbli, peress li tappoġġja bidla minn monokulturi intensivi mil-lat tal-input b'input għoli ta' prodotti kimiċi sintetiċi, għal sistemi agroekoloġiċi diversifikati, u tista' tgħin biex jerġa' jiġi stabbilit ambjent adatt u biex jiżdiedu s-sorsi alimentari tad-dakkara, li huma parti essenzjali tal-bijodiversità;

3.  Jenfasizza li d-disponibbiltà ta' statistika li tikkonċerna l-għarfien dwar il-kultivazzjoni u l-kummerċ tal-għelejjel li fihom il-proteini, flimkien ma' preferenzi tal-konsumatur f'dan ir-rigward, kif ukoll inizjattivi tal-bdiewa għall-kultivazzjoni ta' għelejjel li fihom il-proteini u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, is-saħħa u n-nutrizzjoni, huma essenzjali għall-varar, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' strateġija Ewropea għall-promozzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini;

4.  Jenfasizza l-fatt li l-għelejjel li fihom il-proteini ma jinkludux biss is-sojja, iżda jinkludu wkoll iċ-ċereali u l-legumi tal-foraġġ, li jistgħu jitkabbru f'firxa wiesgħa ta' kundizzjonijiet agroklimatiċi u tal-ħamrija fl-Ewropa kollha; jinnota li l-għelejjel li fihom il-proteini jintużaw għall-ikel, fl-għalf u bħala fjuwil; iqis li huwa importanti li jiġu promossi l-konservazzjoni u l-kultivazzjoni tal-varjetajiet indiġeni;

5.  Ifakkar li l-kriżi tal-BSE fis-snin disgħin u l-projbizzjoni fuq l-użu ta' proteini tal-annimali pproċessati fl-għalf, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 999/2001, żiedu d-domanda għal proteini veġetali fl-Ewropa; jinnota li sorsi alternattivi Ewropej ta' għalf li fih il-proteini, bħall-ħut mitħun, jintużaw fis-settur Ewropew tat-trobbija tal-ħut;

6.  Jemmen li għandhom jinħolqu kundizzjonijiet għall-iżvilupp ta' provvista interna vijabbli u sostenibbli ta' proteini fl-UE, li ma jġibux biss benefiċċji ekonomiċi għall-bdiewa u l-produtturi tal-għalf u tal-ikel għall-konsumaturi, iżda anke firxa wiesgħa ta' benefiċċji ambjentali u klimatiċi, bħall-abbiltà ta' stabbilizzazzjoni tan-nitroġenu mill-atmosfera, biex b'hekk jitnaqqsu kemm l-emissjonijiet tas-CO2 mill-produzzjoni tal-fertilizzanti kimiċi sintetiċi, li tikkonsma ammont kbir ta' enerġija, kif ukoll l-emissjonijiet tad-diossidu tan-nitroġenu matul il-kultivazzjoni tal-għelejjel leguminużi li fihom il-proteini, jittejbu l-kwalità tal-ħamrija u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, jitnaqqsu l-livelli ta' mard mill-monokultivazzjoni, u titħares il-bijodiversità; jinnota, barra minn hekk, li ż-żrigħ taċ-ċereali u l-għelejjel li fihom il-proteini fl-istess roqgħa art – approċċ komuni fil-biedja organika – fil-fatt huwa utli u m'għandux jitwarrab;

7.  Jenfasizza li f'sistemi tan-newba tal-għelejjel li jinkludu l-għelejjel leguminużi, iċ-ċikli riproduttivi tal-pesti u l-patoġeni jiġu interrotti, u għaldaqstant jitnaqqsu l-livelli ta' mard tal-pjanti; jinnota, barra minn hekk, li l-bijodiversità tiżdied ukoll permezz tat-tneħħija tal-monokultivazzjonijiet;

8.  Jinnota li l-għelejjel leguminużi jattiraw id-dakkara, iżda li l-insettiċidi li jintużaw fuq dawn l-għelejjel jistgħu jkunu fatali għad-dakkara;

9.  Ifakkar li madwar 75 % tal-fażola tas-sojja tintuża bħala għalf u li l-fażola tas-sojja ĠM titħawwel fuq aktar minn 90 miljun ettaru madwar id-dinja – 82 % tal-wiċċ totali għall-kultivazzjoni tas-sojja; ifakkar li fl-Istati Uniti l-perċentwal ta' fażola tas-sojja modifikata bl-inġinerija ġenetika huwa ferm aktar minn 90 %;

10.  Ifakkar li l-UE tiddependi minn importazzjonijiet massivi ta' għalf b'livell għoli ta' proteini, fil-biċċa l-kbira sojja ĠM tolleranti għall-erbiċidi, u dan mhuwiex tajjeb;

11.  Jenfasizza li dipendenza żejda minn importazzjonijiet tas-sojja mill-Kontinent Amerikan, li mhumiex soġġetti għall-istess standards ambjentali, tas-saħħa u regolatorji bħall-għelejjel Ewropej, flimkien ma' domanda akbar għal proteina tas-sojja miċ-Ċina, tpoġġi s-sigurtà tal-provvista tal-Ewropa f'pożizzjoni vulnerabbli, b'mod partikolari fil-kuntest ta' domanda li qed tikber minħabba li qed jiżdiedu kemm il-popolazzjoni globali kif ukoll il-konsum tal-laħam;

12.  Jenfasizza li dawn l-importazzjonijiet ifissru impronta tal-karbonju sinifikanti u jwasslu għal problemi ambjentali serji fil-pajjiżi tal-oriġini, bħad-deforestazzjoni, it-telf tal-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-ekosistema, effetti tossikoloġiċi, anke fuq speċijiet mhux fil-mira, u ħsara lis-saħħa tal-ħaddiema lokali, kif ukoll impatt negattiv fuq l-użu tal-art fiż-żoni li fihom tiġi prodotta s-sojja;

13.  Jinnota li l-biċċa l-kbira tas-sojja ĠM importata fl-UE saret tolleranti għal erbiċida waħda jew aktar, bħall-glifosat, li konsegwentement ikunu preżenti bħala residwi fl-ikel u l-għalf importat;

14.  Jenfasizza li l-UE tibbenefika mill-produzzjoni fuq skala kbira ta' għelejjel li fihom il-proteini billi tnaqqas id-defiċit tagħħa ta' proteini veġetali; jirrikonoxxi l-ostakli sinifikanti li jirriżultaw mir-rendimenti relattivament baxxi ta' legumi xierqa u l-prezzijiet mhux kompetittivi tagħhom meta mqabbla ma' prodotti importati;

15.  Jinnota li l-baqar u ruminanti oħra evolvew flimkien ma' batterji ta' benefiċċju li jbiddlu l-ħaxix u veġetazzjoni oħra f'sors tal-ikel b'livell għoli ta' proteini; jenfasizza, għalhekk, li ma jkunx tajjeb, minn perspettiva ambjentali, tas-saħħa jew ekonomika, li dawn l-annimali jingħataw sojja importata li tkun ġiet ittrasportata għal distanzi twal, meta jitqies li jistgħu jintużaw sorsi lokali ta' għalf;

16.  Jinnota li l-bidla minn ruminanti li jieklu l-foraġġ għal dawk li jieklu s-sojja u l-qamħirrum importati wasslet għall-qerda tal-foresti pluvjali, tal-bwar permanenti, tal-mergħat u l-bwar, u dan wassal għal telf devastanti tal-bijodiversità kif ukoll għal telf ta' karbonju minħabba bidla fl-użu tal-art;

17.  Jemmen li sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq is-sojja importata, li tintuża b'mod predominanti għall-għalf, l-għalf ibbażat fuq il-bwar fl-Ewropa għandu jiġi mħeġġeġ u inċentivat;

18.  Jinnota li, flimkien mal-għalf ibbażat fuq il-bwar, alternattivi oħra ta' ragħa u tfittix għall-ikel huma disponibbli wkoll fuq bwar temporanji, bħal taħlitiet ta' ħaxix u ta' xnien u żrigħ inqas mill-medja b'għelejjel leguminużi, bħall-ġulbiena, il-lupini u l-legumi tal-qamħ bħall-alfalfa;

19.  Jappoġġja l-objettivi tad-Dikjarazzjoni Ewropea dwar is-Sojja u inizjattivi oħra biex tingħata spinta lill-produzzjoni tas-sojja mhux ĠM u l-kultivazzjoni ta' għelejjel oħra li fihom il-proteini fl-Ewropa sakemm, fil-prattika, jiġu implimentati b'mod responsabbli u jirrispettaw l-għanijiet tal-iżvilupp ta' sistemi agrikoli sostenibbli, soċjalment ġusti u ekoloġikament reżiljenti;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitrawwem l-interess tal-bdiewa fil-kultivazzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini;

21. Jinnota li, sabiex jingħata inċentiv lill-bdiewa biex ikabbru l-għelejjel li fihom il-proteini, l-attività trid tkun finanzjarjament vijabbli;

22.  Ifakkar li l-PAK għandha impatt deċiżiv fuq id-deċiżjonijiet tal-bdiewa li jkabbru, jew li ma jibqgħux ikabbru, l-għelejjel li fihom il-proteini, u għaldaqstant għandu jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħha fil-kuntest tal-għanijiet tas-sostenibbiltà, u f'konformità mad-diversi inizjattivi rigward il-produzzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini u leguminużi meħuda f'livell nazzjonali;

23.  Jinnota li l-introduzzjoni ta' ħlas akkoppjat volontarju għall-għelejjel li fihom il-proteini kkontribwiet għaż-żieda fil-produzzjoni fl-Istati Membri li japplikawh, u jistieden lill-Istati Membri jużawh bis-sħiħ;

24.  Jemmen li l-PAK li jmiss għandha tinkludi ħlas għall-għelejjel leguminużi li fihom il-proteini u għandha tagħmel użu aħjar u aktar immirat tal-għodod relatati mal-għelejjel li fihom il-proteini, billi tuża l-inċentivi pjuttost minn miżuri punittivi;

25.  Jemmen li l-bdiewa għandhom jingħataw appoġġ talli jkabbru l-foraġġ li fih il-proteini tagħhom stess u talli jkollhom l-annimali fil-bwar, billi dan itejjeb l-awtosuffiċjenza tagħhom u jwassal għal standards ogħla ta' trattament xieraq tal-annimali;

26.  Jenfasizza li huwa essenzjali li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-produzzjoni ta' għelejjel leguminużi li fihom il-proteini fl-Unjoni u għalhekk jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għall-bdiewa fl-Istati Membri kollha;

27.  Jinnota li, għalkemm bħalissa l-volum ta' għelejjel li fihom il-proteini mkabbra fl-UE huwa baxx, il-Ftehim ta' Blair House għadu fis-seħħ; jemmen li l-ħtieġa ta' dan il-ftehim għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid u jinnota, barra minn hekk, li hemm klawżoli ta' eżenzjoni tad-WTO fis-seħħ għal miżuri ta' appoġġ ta' benefiċċju soċjali u għall-ambjent;

28.  Jemmen li ladarba din tkun ilha fis-seħħ għal xi snin, wieħed jista' jislet tagħlimiet utli mill-projbizzjoni riċenti tal-użu tal-pestiċidi fl-EFAs;

29.  Jinnota li l-funzjoni primarja tal-projbizzjoni tal-użu tal-pestiċidi fl-EFAs hija li ssaħħaħ il-proċessi ekoloġiċi permezz tat-tisħiħ tal-bijodiversità; jinnota, għalhekk, li l-projbizzjoni tal-pestiċidi fl-EFAs hija konformi mal-għanijiet leġiżlattivi;

30.  Ifakkar li l-prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-ikel u tal-bijofjuwils u ċerti proteini pproċessati tal-annimali jirrappreżentaw sorsi alternattivi importanti ta' proteini għall-għalf, u li l-użu tagħhom għandu jiġi promoss; jenfasizza li l-bijofjuwils jagħmlu parti minn ekonomija ċirkolari meta jiġu manifatturati minn prodotti sekondarji, skart jew residwi, meta jokkupaw parti żgħira mir-raba', meta jkunu ta' benefiċċju fir-rigward tan-newba u tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel u fir-rigward tal-użu tar-raba' abbandunata skont il-miżuri ekoloġiċi tal-PAK, u meta, waħedhom, ma jwasslux għal żieda fil-prezzijiet tal-ikel;

31.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar il-proteini pproċessati tal-annimali ħafna drabi hija antikwata u għandha ssir adattata għall-iskop tagħha sabiex jinħoloq aktar spazju fil-qafas regolatorju biex jiġi ffaċilitat l-użu ta' sorsi tal-proteini alternattivi, bħall-proteini tal-insetti;

32.  Jinnota li l-istudju GLOBIOM tal-Kummissjoni diġà jinkorpora l-benefiċċji tal-gassijiet serra tal-koproduzzjoni tal-għalf mal-bijofjuwils fl-estimi rakkomandati tal-emissjonijiet tal-użu tal-art indirett;

33.  Jenfasizza li l-legumi huma sors importanti ta' proteina veġetali u għaldaqstant għandhom rwol importanti wkoll fl-iżgurar ta' dieti sostenibbli u tajbin għas-saħħa tal-bniedem; jemmen li jeħtieġ li jiżdied il-volum ta' għelejjel li fihom il-proteini ta' kwalità għolja li mhumiex ĠM mkabbra fl-UE sabiex jiġu ssodisfati l-interess dejjem jikber tal-konsumatur u f'dieti veġetali u d-domanda għalihom;

34.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-edukazzjoni dwar id-dieta jista' jkollha fit-tiswir tad-domandi għall-ikel; jenfasizza l-ħtieġa tal-adozzjoni ta' linji gwida dwar id-dieta jew fil-livell tal-UE jew f'dak tal-Istati Membri bl-għan li jippromwovu dieta sana filwaqt li jiġi indirizzat it-tħassib ambjentali marbut mal-produzzjoni tal-ikel;

35.  Jenfasizza li prezzijiet globali baxxi tal-proteini, kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli, kostijiet għoljin tal-inputs u kompetizzjoni minn għelejjel li fihom il-proteini li jkunu ġejjin minn barra l-Ewropa kollha huma sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati;

36.  Jinnota li, fid-dawl tat-tibdil fil-klima, ir-riċerka xjentifika indipendenti dwar l-istabbilizzazzjoni tar-rendimenti u dwar ir-reżistenza għall-istress hija partikolarment rilevanti;

37.  Ifakkar li, sabiex il-kultivazzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini terġa' ssir attraenti għall-bdiewa tal-UE, ir-riċerka għandha tiffoka wkoll fuq il-livelli ta' rendiment, proteini u alkalojdi u fuq l-iżvilupp ta' sistemi ta' kultivazzjoni aktar sostenibbli, b'mod partikolari dawk ibbażati fuq in-newba tal-għelejjel li fihom il-proteini;

38.  Jenfasizza li l-istrutturi eżistenti, bħas-Sistema Konsultattiva għall-Azjendi Agrikoli (FAS) u s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni, jistgħu jipprovdu pariri u taħriġ għall-bdiewa dwar il-kultivazzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini, anke fil-kuntest tan-newba tal-għelejjel;

39.  Jappoġġja l-istabbiliment ta' sistemi trasparenti ta' tikkettar tal-prodotti bbażati fuq standards tal-produzzjoni ċertifikati, bħall-istandards tas-Sojja tad-Danubju u s-Sojja tal-Ewropa;

40.  Jappella biex ir-regoli dwar it-tikkettar tal-OĠM jiġu estiżi biex ikopru prodotti minn annimali li jkunu ġew mitmugħa l-aktar b'għalf ĠM;

41.  Jinnota li t-tixrid tal-għarfien, l-iskambju ta' prattiki tajba u l-iżvilupp tas-suq ukoll jeħtieġu investiment urġenti; jenfasizza l-importanza tal-għarfien lokali u reġjonali dwar il-ħamrija u varjetajiet ta' legumi xierqa;

42.  Jenfasizza l-ħtieġa tal-innovazzjoni u l-iżvilupp fi prattiki u f'tekniki ta' ġestjoni biex jiġu miġġielda l-ħaxix ħażin, il-pesti u fatturi oħra li jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-rendiment u t-tkabbir tal-għelejjel.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

7.12.2017

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Angélique Delahaye, Stefan Eck, Bas Eickhout, Karl-Heinz Florenz, Gerben-Jan Gerbrandy, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Jytte Guteland, Karin Kadenbach, Urszula Krupa, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Rory Palmer, Piernicola Pedicini, Pavel Poc, John Procter, Julia Reid, Michèle Rivasi, Annie Schreijer-Pierik, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jørn Dohrmann, Herbert Dorfmann, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Krzysztof Hetman, Merja Kyllönen, Gesine Meissner, Nuno Melo, Ulrike Müller, Gabriele Preuß, Bart Staes, Claude Turmes

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Norbert Erdős, Sven Schulze

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

45

+

ALDE

Gerben-Jan Gerbrandy, Gesine Meissner, Ulrike Müller

ECR

Jørn Dohrmann, Arne Gericke, Urszula Krupa, John Procter, Jadwiga Wiśniewska

EFDD

Piernicola Pedicini

ENF

Sylvie Goddyn

GUE/NGL

Stefan Eck, Luke Ming Flanagan, Merja Kyllönen

NI

Zoltán Balczó

PPE

Ivo Belet, Angélique Delahaye, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Karl-Heinz Florenz, Jens Gieseke, Françoise Grossetête, Krzysztof Hetman, Peter Liese, Norbert Lins, Nuno Melo, Annie Schreijer-Pierik, Sven Schulze

S&D

Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Jytte Guteland, Karin Kadenbach, Susanne Melior, Rory Palmer, Pavel Poc, Gabriele Preuß, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE

Marco Affronte, Bas Eickhout, Martin Häusling, Michèle Rivasi, Bart Staes, Claude Turmes

1

-

EFDD

Julia Reid

1

0

ECR

Julie Girling

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

1

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, José Bové, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Jacques Colombier, Michel Dantin, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Jarosław Kalinowski, Zbigniew Kuźmiuk, Norbert Lins, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Ulrike Müller, Maria Noichl, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Bronis Ropė, Ricardo Serrão Santos, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Maria Gabriela Zoană

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Brannen, Stefan Eck, Julie Girling, Elsi Katainen, Anthea McIntyre, Annie Schreijer-Pierik, Thomas Waitz

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

35

+

ALDE

Jan Huitema, Ivan Jakovčić, Elsi Katainen, Ulrike Müller

ECR

Beata Gosiewska, Zbigniew Kuźmiuk, Anthea McIntyre

ENF

Jacques Colombier, Philippe Loiseau

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan

NI

Laurenţiu Rebega

PPE

Daniel Buda, Michel Dantin, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Julie Girling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Norbert Lins, Mairead McGuinness, Marijana Petir, Annie Schreijer-Pierik, Czesław Adam Siekierski

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Paul Brannen, Nicola Caputo, Paolo De Castro, Jean-Paul Denanot, Maria Noichl, Ricardo Serrão Santos, Marc Tarabella, Maria Gabriela Zoană

1

-

EFDD

John Stuart Agnew

6

0

GUE/NGL

Matt Carthy, Stefan Eck, Anja Hazekamp

Verts/ALE

Martin Häusling, Bronis Ropė, Thomas Waitz

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza