dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tal-obbligu li tiġi rispettata rata standard minima
(COM(2017)0783 – C8-0007/2018 – 2017/0349(CNS))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Roberto Gualtieri
(Proċedura simplifikata – l-Artikolu 50(1) tar-Regoli ta' Proċedura)
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tal-obbligu li tiġi rispettata rata standard minima
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2017)0783),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0007/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0124/2018),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-minimu ta' 15 % għar-rata standard tal-VAT ġie prorogat sitt darbiet minn meta, fl-1992, il-Kunsill wasal għal ftehim dwar regoli li jillimitaw id-diskrezzjoni tal-Istati Membri fl-iffissar tar-rati tal-VAT u jobbligawhom japplikaw din ir-rata standard minima għal perjodu partikolari.
Il-Kummissjoni bosta drabi ressqet proposti għall-proroga ta' din ir-rata minima fl-aħħar mument qabel id-data tal-iskadenza. Fir-realtà dan ma kellu l-ebda implikazzjoni prattika, peress li l-Istati Membri kollha diġà japplikaw rati standard tal-VAT ta' ferm aktar minn 15 % (bħalissa l-Istati Membri kollha japplikaw rata standard ta' mill-inqas 17 %). Madankollu, ir-rapporteur tal-proposta preċedenti ġustament ikkritika lill-Kummissjoni talli ressqet il-proposta tard wisq, u talabha biex fil-futur tressaq proposti simili f'ħin aktar opportun.
Filwaqt li din il-proposta reġgħet tressqet fl-aħħar mument, ir-rapporteur jilqa' l-fatt li finalment il-proposta se tiffissa – b'mod permanenti – limitu miftiehem li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern waqt li jħalli flessibbiltà lill-Istati Membri fl-iffissar tar-rata standard tal-VAT, minflok ħafna prorogi ta' rata minima temporanja fl-aħħar minuta.
Din il-proposta hija parti minn sensiela ta' diversi proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni bil-għan li tiġi riformata s-sistema tal-VAT tal-UE u jintlaħaq l-objettiv ta' sistema tal-VAT tal-UE definittiva. Ir-rapporteur iqis li dawn ir-riformi huma meħtieġa b'urġenza, u jistieden lill-Istati Membri japprovawhom u jimplimentawhom malajr.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu
Is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tal-obbligu li tiġi rispettata rata standard minima