Proċedura : 2017/2188(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0130/2018

Testi mressqa :

A8-0130/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.17
CRE 18/04/2018 - 12.17

Testi adottati :

P8_TA(2018)0122

RAPPORT     
PDF 1032kWORD 110k
28.3.2018
PE 612.401v01-00 A8-0130/2018

dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza lill-Kummissjoni għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2188(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Joachim Zeller

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza lill-Kummissjoni għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2188(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri mfassla skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (COM(2017)0365 – C8-0299/2017)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu ta' ..........2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima III – Il-Kummissjoni(5) u r-riżoluzzjoni tiegħu bl-osservazzjonijiet li jifformaw parti integrali minn dik id-deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05940/2018 – C8-0042/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 62, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 93 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0130/2018),

A.  billi, skont it-termini tal-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha teżegwixxi l-baġit u tamministra l-programmi, u billi, b'applikazzjoni tal-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, din għandha timplimenta l-baġit f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, f'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba;

B.  billi r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jinkludu informazzjoni dwar aspetti importanti relatati mal-implimentazzjoni tal-fondi u, għaldaqstant, huma utli għall-Parlament fir-rwol tiegħu ta' awtorità ta' kwittanza;

C.  billi l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jiffurmaw parti integrali mid-deċiżjoni tal-Parlament imsemmija hawn fuq ta' .......... 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima III – Il-Kummissjoni;

Parti I – Rapport Speċjali Nru 21/2016 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Assistenza ta' qabel l-adeżjoni mogħtija mill-UE għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-Balkani tal-Punent: Metaawditu"

1.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti fil-forma ta' metaawditu li jippreżenta ħarsa ġenerali tal-Kummissjoni rigward il-ġestjoni tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni fl-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

2.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni trid topera f'kuntest politiku diffiċli u tiltaqa' ma' ħafna dgħufijiet fil-livell tal-istituzzjonijiet pubbliċi tal-pajjiżi benefiċjarji bħal burokrazija eċċessiva, rata għolja ta' bidla fil-persunal, effiċjenza baxxa, nuqqas ta' responsabbiltà u korruzzjoni;

3.  Jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha kemm biex jagħtu attenzjoni partikolari lid-definizzjoni ta' strateġiji nazzjonali kwalitattivi u ta' programmi nazzjonali u reġjonali li jkunu jinkludu objettivi ċari, realistiċi u li jistgħu jitkejlu, kif ukoll biex joħolqu konnessjoni aħjar bejn it-tfassil tal-programmi fil-pajjiż benefiċjarju u dawn l-istrateġiji u l-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet rispettivi;

4.  Jappoġġa l-isforzi tal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex ikomplu bl-isforzi tagħhom f'oqsma ewlenin ta' governanza tajba u fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika tagħhom, inkluż fil-qasam tal-kontroll finanzjarju fil-kuntest tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi; jistieden lill-atturi kollha jintensifikaw l-isforzi għall-iżvilupp jew il-konsolidazzjoni ta' strateġiji għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-ġestjoni ta' finanzi pubbliċi;

5.  Iqis li huwa kruċjali li tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' kundizzjonalità, b'mod partikolari billi tkun verifikata bil-quddiem il-kapaċità tal-benefiċjarju li jagħmel dak li huwa meħtieġ għal proġett ta' kwalità għolja kif ukoll f'termini speċifiċi li jistgħu jitkejlu;

6.  Jiddispjaċih li madwar nofs il-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni għat-tisħiħ tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-istat tad-dritt ma kinux sostenibbli; jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata s-sostenibbiltà, speċjalment għal proġetti ddedikati għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva; jiddispjaċih li s-sostenibbiltà ma kinitx assigurata f'ħafna każijiet minħabba fatturi inerenti bħan-nuqqas ta' mezzi baġitarji, ta' persunal u fuq kollox in-nuqqas ta' rieda politika tal-benefiċjarju li jirriforma l-istituzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-kisbiet ta' proġetti li rnexxew b'valur miżjud kwantifikabbli u tiżgura s-sostenibbiltà u l-vijabbiltà tal-proġetti billi dan isir prekundizzjoni tal-proġetti fl-implimentazzjoni tal-IPA II;

7.  Jemmen li għad hemm lok għal titjib biex ċerti setturi ewlenin jilħqu l-istandards tal-Unjoni bħall-osservanza tal-istat tad-dritt, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-governanza tajba; huwa tal-opinjoni li l-assistenza pprovduta f'dawn l-oqsma għandha tiżdied, issir aktar effettiva u sostenibbli minħabba r-rabta mill-qrib mal-istrateġija tat-tkabbir u l-kriterji politiċi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u tinkoraġġixxi l-prosekuzzjoni pubblika u l-iżvilupp tar-rekwiżiti tat-trasparenza u l-integrità fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika bħala kwistjoni ta' prijorità; itenni l-ħtieġa ta' strateġija aktar kontinwa u stretta u impenn politiku akbar mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiżguraw riżultati sostenibbli f'dan ir-rigward;

Parti II – Rapport Speċjali Nru 24/2016 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi infurzata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta' koeżjoni"

9.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti u japprova r-rakkomandazzjonijiet tagħha;

10.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Kummissjoni se timplimenta l-maġġoranza kbira tar-rakkomandazzjonijiet;

11.  Jissottolinja li d-direttorati ġenerali kollha kkonċernati, u b'mod partikolari d-DĠ COMP u d-DĠ REGIO, għandu jkollhom aċċess għad-databases kollha miżmuma mis-servizzi tal-Kummissjoni, li jippermettulhom li effettivament jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid ir-rifjut tagħha li timplimenta r-rakkomandazzjoni 4(b), peress li dan jista' jipperikola l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

13.  Jista' jaċċetta r-retiċenza tal-Kummissjoni biex tpoġġi fil-prattika r-rakkomandazzjoni 4(d), sakemm metodi alternattivi magħżula mill-Istati Membri jkunu daqstant effettivi bħala reġistru ċentrali għall-monitoraġġ tal-għajnuna "de minimis"; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dan ikun il-każ;

14.  Huwa konvint li huwa ta' importanza primarja għall-Istati Membri li jkollhom ċertezza tad-dritt dwar ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat qabel ma jwettqu proġetti kbar peress li regoli ċari u koerenti jistgħu jikkontribwixxu biex inaqqsu r-rati ta' żball f'dan il-qasam;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-awtoritajiet ta' awditjar nazzjonali jkunu familjari mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat kif ukoll jivverifikawhom qabel jippreżentaw ir-rapport annwali ta' kontroll tagħhom;

16.  F'dak il-kuntest jilqa' l-ftehim tad-DĠ COMP u d-DĠ REGIO dwar pjan ta' azzjoni komuni għall-għajnuna mill-Istat f'Marzu 2015; jinnota li l-pjan ta' azzjoni oriġinarjament kien jinkludi sitt azzjonijiet intenzjonati biex iqajmu kuxjenza u jtejbu l-għarfien fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fl-Istati Membri kollha: l-identifikazzjoni u d-disseminazzjoni ta' prattika tajba, korsijiet ta' taħriġ għall-ispeċjalisti fl-għajnuna mill-Istat, sessjonijiet ta' ħidma speċifiċi għall-pajjiż, seminars għall-ispeċjalisti, l-iżvilupp ulterjuri ta' database bil-mistoqsijiet u t-tweġibiet (in-netwerk86 NEK-TE) u l-iżvilupp ta' database bl-informazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat; mill-2016 il-Kummissjoni offriet ukoll modulu ta' taħriġ dedikat;

17.  Jilqa' wkoll il-fatt li, sa Jannar 2016, id-DĠ COMP kien organizza korsijiet ta' taħriġ dwar l-għajnuna mill-Istat u l-infrastruttura fil-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u s-Slovakkja;

18.  Jappoġġa lill-Qorti fl-appell tagħha għal database ċentrali madwar l-UE kollha li fiha l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri jistgħu jikkonsultaw l-identità ta' impriżi soġġetti għal ordnijiet ta' rkupru tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll l-istatus tal-proċedimenti ta' rkupru; iqis li tali database tista' tkun importanti għal analiżijiet tar-riskju futuri;

Parti III – Rapport Speċjali Nru 29/2016 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku - Bidu tajjeb iżda jenħtieġ aktar titjib"

19.  Ifakkar fil-bażijiet ġuridiċi li ġejjin:

(a)  L-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE): "1. Il-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollha tal-Unjoni. Teżamina wkoll il-kontijiet ta' kull dħul u ħruġ tal-korpi jew l-organi kollha stabbiliti mill-Unjoni safejn l-att kostituttiv rilevanti ma jipprekludix dan l-eżami.

Il-Qorti tal-Awdituri tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni li biha tiċċertifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, li tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-dikjarazzjoni tista' tiġi kompletata b'valutazzjoni speċifika għal kull qasam maġġuri tal-attività tal-Unjoni."

(b)  L-Artikolu 27 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Protokoll Nru 4 mehmuż mat-TUE u t-TFUE): "27.1. Il-kontijiet tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali jiġu verifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju u approvati mill-Kunsill. L-awdituri jkollhom kull setgħa li jeżaminaw il-kotba u l-kontijiet kollha tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali u li jiksbu kull informazzjoni fuq it-transazzjonijiet tagħhom.

27.2. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jkunu japplikaw biss għal eżami tal-effiċjenza operattiva tat-tmexxija tal-BĊE."

(c)  L-Artikolu 20(1) u (7) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013(7) li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu: "1. Il-BĊE għandu jagħti rendikont lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, bi qbil ma' dan il-Kapitolu. 7. Meta l-Qorti Ewropea tal-Awdituri teżamina l-effiċjenza operattiva tal-ġestjoni tal-BĊE skont l-Artikolu 27.2. tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, hija għandha tieħu kont ukoll tal-kompiti superviżorji mogħtijin lill-BĊE minn dan ir-Regolament."

20.  Jappoġġa l-konklużjonijiet tal-Qorti u jilqa' l-fatt li l-BĊE aċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti(8);

21.  Madankollu, huwa mħasseb dwar rapport mill-Kumitat ta' Kuntatt tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea (SAI) li jqabbel id-drittijiet tal-awditjar ta' 27 mit-28 SAI nazzjonali madwar l-Unjoni fuq is-superviżuri bankarji; jiddispjaċih li d-dikjarazzjoni sussegwenti ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li feġġet diskrepanza tal-awditjar f'dawk il-pajjiżi fejn il-mandati preċedenti tal-awditjar ta' SAIs nazzjonali fuq superviżuri bankarji mhumiex qed jiġu sostitwiti b'livell simili ta' awditjar mill-QEA fuq l-attivitajiet superviżorji tal-BĊE(9);

22.  Jissottolinja l-fatt li diġà esprima dan it-tħassib fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2016 dwar ir-Rapport Annwali tal-Unjoni Bankarja għall-2015(10);

23.  Jiddispjaċih li hemm trasparenza limitata tal-informazzjoni għall-entitajiet sorveljati minħabba l-approċċ adottat mill-BĊE fir-rigward tal-iżvelar, li wassal biex l-entitajiet sorveljati ma setgħux jifhmu bis-sħiħ l-eżitu tal-proċess ta' rieżami u tal-valutazzjoni prudenzjali; jenfasizza li l-Qorti esprimiet tħassib dwar in-nuqqas ta' trasparenza li fl-opinjoni tagħha tista' żżid "ir-riskju tal-arbitrarjetà superviżorja";

24.  Jirrimarka dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe skrutinju superviżorju dwar il-fatt li l-bank kien espost għal "attivitajiet ta' livell 3" illikwidi, inklużi assi tossiċi u derivati tossiċi li rriżultaw f'eżerċizzju asimmetriku tal-funzjoni superviżorja; iqis li l-preġudizzju qawwi kontra r-riskji ta' kreditu fir-rigward tas-suq u tar-riskji operattivi li jirriżultaw minn attivitajiet finanzjarji spekulattivi kellu r-riżultat tal-penalizzazzjoni tal-banek kummerċjali favur il-banek kbar ta' investiment u dan poġġa f'dubju l-validità u l-affidabbiltà tal-valutazzjonijiet komprensivi mwettqa s'issa; huwa mħasseb dwar id-dikjarazzjonijiet reċenti tal-President tal-Bord Superviżorju, Danièle Nouy, rigward id-diffikultajiet u l-inabbiltà tal-BĊE li jipproċedi b'valutazzjoni xierqa tal-pożizzjonijiet relatati ma' dawn il-prodotti kumplessi u riskjużi;

25.  Jenfasizza s-sejbiet tal-Qorti dwar in-nuqqas ta' distinzjoni organizzattiva effikaċi bejn il-politika monetarja u l-funzjonijiet superviżorji, kif ukoll ta' regoli ta' governanza ċari u stretti għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, li jsaħħu t-tħassib dwar il-kunflitt inerenti bejn ir-rwol tal-BĊE fiż-żamma tal-istabbiltà tal-euro u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kbar Ewropej;

26.  Jappoġġa s-sejbiet tal-Qrati dwar il-bżonn li ssir analiżi tar-riskju rigward l-użu tas-servizzi kondiviżi dwar il-kompiti relatati mal-politika monetarja u l-funzjonijiet superviżorji tal-BĊE;

27.  Huwa inkwetat, f'dan il-kuntest, dwar l-osservazzjoni tal-Qorti li l-livell ta' informazzjoni pprovduta mill-BĊE kien biss parzjalment suffiċjenti biex tiġi vvalutata l-effiċjenza tal-operazzjonijiet marbutin mal-istruttura ta' governanza tal-MSU, ix-xogħol tat-timijiet superviżorji konġunti tiegħu u l-ispezzjonijiet tiegħu fuq il-post; għaldaqstant, jenfasizza li oqsma importanti ma ġewx awditjati;

28.  Iqis li mhuwiex aċċettabbli, minn perspettiva ta' kontabbiltà, li l-parti awditjata, jiġifieri l-BĊE, tkun trid tiddeċiedi unilateralment liema dokument tagħmel aċċessibbli għall-awdituri esterni(11); għalhekk, jistieden lill-BĊE jikkoopera bis-sħiħ mal-Qorti bħala awditur estern u jipprovdi aċċess sħiħ għall-informazzjoni lill-Qorti sabiex jikkonforma mar-regoli msemmijin hawn fuq;

29.  Jistieden lill-Qorti tinforma lill-kumitat kompetenti tal-Parlament jekk tkunx instabet soluzzjoni għall-problema ta' aċċess għal informazzjoni qabel Novembru 2018;

30.  Jirrikonoxxi l-arranġamenti eżistenti dwar ir-rappurtar bejn il-BĊE u l-Parlament Ewropew(12); iqis li dawn l-arranġamenti ma jistgħux, madankollu, jieħdu post l-awditu tal-Qorti;

31.  Ifakkar li l-Kummissjoni kellha tippubblika, sal-31 ta' Diċembru 2015, rieżami tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu; jiddispjaċih għall-fatt li dan ma seħħx;

32.  Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza dan ir-rapport malajr kemm jista' jkun;

Parti IV – Rapport Speċjali Nru 30/2016 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "L-effettività tal-appoġġ tal-UE lis-setturi prijoritarji fil-Honduras"

33.   Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti, japprova r-rakkomandazzjonijiet tagħha u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt; jieħu nota wkoll tat-tweġibiet tal-Kummissjoni;

34.   Jinnota b'sodisfazzjon li r-rapport tal-Qorti ntlaqa' tajjeb ħafna, kemm mill-Gvern tal-Honduras kif ukoll mill-Kummissjoni, u li l-isfidi identifikati mill-Qorti, kif ukoll il-konklużjonijiet tagħha, kienu utli ħafna fit-tisħiħ tad-djalogu politiku bejn il-Honduras u l-Unjoni;

35.  Jirrimarka li, fil-preżent, ir-relazzjonijiet bejn il-Honduras – bħala parti mill-Amerika Ċentrali – u l-Unjoni huma prinċipalment ibbażati fuq il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ffirmat fl-2012, li huwa rabta b'saħħitha u dejjiema ffurmata abbażi tal-fiduċja reċiproka u l-protezzjoni ta' valuri u prinċipji kondiviżi; jirrimarka li l-ftehim jistabbilixxi tliet pilastri ċentrali ta' azzjoni: id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni u l-kummerċ; jirrimarka, b'mod partikolari, li fil-ftehim iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom li jimplimentaw miżuri biex irawmu l-iżvilupp ekonomiku, filwaqt li jqisu interessi reċiproċi bħalma huma l-eliminazzjoni tal-faqar, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp ġust u sostenibbli;

36.  Jenfasizza li, sal-lum, 21 Stat Membru rratifikaw il-ftehim; jittama li dawk il-pajjiżi li għadhom ma ffirmawhx, jiffirmawh mill-aktar fis possibbli, peress li l-implimentazzjoni sħiħa tat-tliet pilastri ssaħħaħ l-iżvilupp tad-djalogu politiku, tippermetti l-allokazzjoni effiċjenti tal-finanzjament u tiżgura, darba għal dejjem, li l-għajnuna tal-Unjoni tkun effettiva fil-bini mill-ġdid u t-trasformazzjoni tal-Honduras;

37.  Jirrimarka li l-Honduras huwa l-pajjiż tal-Amerika Ċentrali li jirċievi l-aktar għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni, u li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni hija r-raba' l-akbar fost it-12-il donatur prinċipali tal-Honduras, li tirrappreżenta 11 % tal-ammont totali ta' għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali li l-pajjiż jirċievi; jenfasizza li ċ-ċifra totali żdiedet minn EUR 223 miljun fil-perjodu 2007-2013, għal EUR 235 miljun fil-perjodu 2014-2020;

38.  Madankollu, jinnota bi tħassib li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni matul il-perjodu eżaminat ikkorrispondiet biss għal 0,2 % tal-PDG tal-pajjiż, perċentwal ferm aktar baxx minn dak tad-donaturi l-oħrajn, b'mod speċjali l-Istati Uniti;

39.  Jinnota, bl-istess mod, li skont data tal-Bank Dinji, wara l-kriżi ekonomika dinjija, il-Honduras esperjenza rkupru moderat mill-perspettiva ekonomika, immexxi minn investimenti pubbliċi, esportazzjonijiet u livelli għoljin ta' introjtu minn remissjonijiet, li ppermetta tkabbir ta' 3,7 % fl-2016 u ta' 3,5 % fl-2017;

40.  Madankollu, jenfasizza li minkejja li l-prospetti ekonomiċi huma inkoraġġanti, u minkejja l-isforzi min-naħa tal-gvern u tad-donaturi, il-Honduras għad għandu l-ogħla livelli ta' faqar u inugwaljanza ekonomika fl-Amerika Latina, b'madwar 66 % tal-popolazzjoni tgħix fil-faqar fl-2016, skont id-data uffiċjali, u bi vjolenza, korruzzjoni u impunità persistenti u mifruxa; jinnota li, minkejja li r-rata ta' qtil naqset f'dawn l-aħħar snin, għadha fost l-ogħla fid-dinja u hija l-ogħla fl-Amerika Latina; barra minn hekk, jenfasizza li għad hemm problemi u sfidi kbar fir-rigward tal-aċċess għall-ħtiġijiet bażiċi, l-opportunitajiet ta' impjieg, ir-riżorsi naturali bħall-art u l-mezzi ta' sopravivenza, u li n-nisa, il-popolazzjonijiet indiġeni u l-persuni ta' dixxendenza Afrikana huma s-sezzjonijiet tal-popolazzjoni li huma l-aktar vulnerabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minħabba l-inugwaljanza;

41.  Jenfasizza, bi tħassib partikolari, li l-Honduras għadu wieħed mill-aktar pajjiżi perikolużi fid-dinja għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-attivisti tad-drittijiet ambjentali, żewġ oqsma li huma sikwit marbutin mill-qrib; jirrimarka li, skont id-data minn Global Witness, mill-inqas 123 difensur tal-art u tal-ambjent inqatlu fil-Honduras mill-2009, li ħafna minnhom kienu membri ta' komunitajiet indiġeni u rurali li opponew il-megaproġetti fuq arthom, kif kienet Berta Cáceres, li l-qtil tagħha għadu ma ġiex solvut; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kooperazzjoni tal-Unjoni fil-Honduras ma timmina bl-ebda mod id-drittijiet tal-bniedem tal-poplu tal-Honduras u twettaq monitoraġġ rigoruż fuq bażi regolari biex tiżgura li jibqa' hekk; waqt li jibqa' jitqies dan, itenni l-importanza tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) li jipprovdi appoġġ finanzjarju u materjali urġenti u dirett għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju u tal-fond ta' emerġenza li jippermetti lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni jagħtuhom għotjiet diretti ad hoc; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tal-linji gwida tal-Unjoni dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-adozzjoni ta' strateġiji lokali biex jiġi żgurat li l-linji gwida jitpoġġew fil-prattika kompletament b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li diġà għandhom esperjenza f'dan il-qasam;

42.  Jinnota bi tħassib kbir l-inċidenti serji li seħħew fil-Honduras wara l-elezzjonijiet li saru fis-26 ta' Novembru 2017; jirrimarka li n-netwerks Ewropej u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-midja kkundannaw l-użu sproporzjonat, u xi drabi fatali, tal-forza kontra d-dimostranti min-naħa tal-forzi tas-sigurtà tal-istat, kif ukoll attakki oħra fuq difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-kriżi wara l-elezzjonijiet, li matulha l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw li 30 persuna ġew maqtula (21 minnhom mill-pulizija militari (PMOP)), 232 ġew midruba u 1 085 ġew detenuti; jirrimarka li l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU fil-Honduras iddokumenta aktar minn 50 każ ta' intimidazzjoni u fastidju kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, mexxejja tal-komunità u ġurnalisti; jinnota li, b'reazzjoni għas-sitwazzjoni, il-Gvern tal-Honduras ħabbar it-twaqqif ta' Ministeru tad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jopera b'mod indipendenti mill-Ministeru attwali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Ġustizzja, il-Governanza u d-Deċentralizzazzjoni, li beda jopera fis-27 ta' Jannar 2018; jistieden lis-SEAE jżid l-appoġġ tal-Unjoni għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tad-djalogu politiku, u jinsisti li l-Gvern tal-Honduras jissodisfa r-responsabbiltajiet u l-obbligu tiegħu li jżomm il-paċi u jiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini tiegħhu;

43.  Jirrimarka dwar kemm huwa importanti li s-settur privat fil-pajjiżi tal-Unjoni jimpenja ruħu wkoll li jħares id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-ogħla standards soċjali u ambjentali b'tali mod li, bħala minimu, jiġu osservati l-istandards Ewropej f'dawn l-oqsma; jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jieħdu rwol attiv fl-isforzi kontinwi tan-NU biex tabbozza trattat internazzjonali dwar il-korporazzjonijiet b'parteċipazzjoni azzjonarja biex jagħtu rendikont ta' kwalunkwe involviment fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

44.  Ifakkar li l-kolp ta' stat tal-2009 kellu konsegwenzi diżastrużi għall-pajjiż: kien hemm tnaqqis sinifikanti fit-tkabbir tal-attività soċjali u ekonomika, l-għajnuna internazzjonali ma baqgħetx tasal u l-Honduras ġie sospiż mill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani; jinnota li l-attivitajiet tal-Unjoni fil-Honduras setgħu madankollu jitkomplew matul dak il-perjodu, għalkemm kien hemm dewmien fl-implimentazzjoni fis-setturi prijoritarji kollha, u xi wħud minnhom, bħall-armonizzazzjoni tal-qafas legali, ma setgħux jiġu kkompletati; jenfasizza li kieku l-Unjoni ma tatx u ma komplietx l-appoġġ lis-setturi prijoritarji għall-kooperazzjoni, il-kundizzjonijiet f'dawn l-oqsma kienu jkunu saħansitra aktar diffiċli;

45.  Jinnota li l-Gvern tal-Honduras iddikjara li huwa lest jaċċetta skrutinju internazzjonali u jikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali (l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ftuħ riċenti tal-Missjoni għall-Appoġġ tal-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u l-Impunità fil-Honduras, l-awditjar tal-kontijiet tal-Istat minn Transparency International, eċċ.); madankollu, jirrimarka kemm huwa importanti li jintlaqgħu u jiġu applikati t-tagħlimiet u l-aħjar prattiki li jkunu nkisbu, u li ma jkunx hemm dipendenza indefinita fuq dawk l-organizzazzjonijiet sabiex jiġu eżerċitati r-responsabbiltajiet ewlenin tal-istat; jinnota bi tħassib kbir ħafna li, fit-18 ta' Frar 2018, il-kap tal-Missjoni biex Tappoġġa l-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u l-Impunità fil-Honduras (MACCIH) irriżenja minħabba li l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) ma tatux biżżejjed appoġġ biex iwettaq il-kompitu li ngħatalu sentejn ilu biex jiġġieled il-korruzzjoni fil-Honduras (nuqqas ta' riżorsi, ħela mil-lat tal-organizzazzjoni, nuqqas ta' faċilitajiet xierqa, eċċ.); jinnota li, minkejja dan in-nuqqas ta' appoġġ, il-MACCIH kisbet riżultati sinifikanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni mill-2017 'l hawn, b'każijiet kbar kontra uffiċjali tal-gvern involuti f'korruzzjoni gravi u b'investigazzjonijiet li jinvolvu l-klassi politika tal-Honduras; huwa mħasseb li dawn iċ-ċirkustanzi se jxejnu l-ewwel sforzi reġjonali kbar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impunità f'wieħed mill-pajjiżi li l-aktar għandu bżonn azzjoni bħal din, jistieden lill-Gvern tal-Honduras u lill-OAS jipprovdu appoġġ u faċilitazzjoni bla kundizzjonijiet għall-ħidma tal-MACCIH, u jistieden lis-SEAE jkompli jaħdem mal-MACCIH bil-għan li jilħqu għanijiet komuni;

46.  Jinnota li l-awditi mwettqin mill-Qorti ffukaw fuq il-perjodu bejn l-2007 u l-2015, meta l-pagamenti tal-Unjoni ammontaw għal EUR 119-il miljun, u li s-setturi prijoritarji taħt kunsiderazzjoni kienu t-tnaqqis tal-faqar, il-forestrija, is-sigurtà u l-ġustizzja, li rċevew 89 % tal-appoġġ bilaterali mħallas; madankollu, huwa tal-fehma li l-perjodu kopert mill-Qorti fir-rapport tagħha huwa twil wisq peress li huwa itwal minn dak tal-mandat tal-Kummissjoni u jinkludi wkoll sitwazzjonijiet politiċi u ekonomiċi estremament diffiċli u differenti; huwa tal-fehma li sabiex dawn isiru aktar effettivi, il-perjodi tal-awditjar għandhom jitqassru, jew li l-valutazzjonijiet interim għandhom isiru, minħabba l-fatt li hemm wisq każijiet fejn ir-rapport jidentifika kwistjonijiet jew nuqqasijiet li sadattant ġew rettifikati, u dan ifisser li xi wħud mill-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport m'għadhomx rilevanti; jenfassizza, barra minn hekk, li fir-rapport tagħha, il-Qorti ma tatx kont tal-intervisti li għamlet fil-Honduras, b'mod partikolari dawk mal-benefiċjarji, ma' donaturi oħrajn u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

47.  Jinnota li fir-rapport tagħha l-Qorti kkonkludiet li, għalkemm sar xi progress, l-għajnuna tal-Unjoni lis-setturi prijoritarji kienet biss parzjalment effettiva, l-aktar minħabba ċ-ċirkustanzi tal-pajjiż, kif ukoll sensiela ta' problemi ta' ġestjoni li naqqsu l-impatt tal-għajnuna, u jinnota li għalkemm l-istrateġija tal-Kummissjoni kienet rilevanti u koordinata, ma kenitx speċifika biżżejjed, u l-finanzjament kien mifrux fuq wisq oqsma, u dan fisser li minkejja t-talbiet tal-Gvern tal-Honduras, ma kienx possibbli li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet sinifikanti tas-setturi prijoritarji li lanqas ma rċevew appoġġ minn donaturi oħrajn;

48.  Għalkemm jikkondividi t-tħassib li esprimiet il-Qorti, jaqbel mal-Kummissjoni li, f'ħafna okkażjonijiet, kien meħtieġ ċertu grad ta' flessibbiltà biex isir adattament għall-kriżi kkawżata mill-kolp ta' stat kif ukoll għall-ħtieġa li tingħata risposta għal sitwazzjonijiet ta' urġenza massima u għall-ħtiġijiet essenzjali tal-popolazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem sabiex tikseb bilanċ effettiv bejn il-flessibbiltà meħtieġa biex tadatta għaċ-ċirkustanzi, il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti li qegħdin jinbidlu tal-pajjiż, il-bżonn li jiġu indirizzati l-aktar sfidi urġenti inklużi d-drittijiet tal-bniedem, id-dritt tal-ħajja u d-dritt għal ħajja dinjituża, u l-ħtieġa li tingħata risposta u li jittejjeb l-impatt potenzjali tal-għajnuna tal-Unjoni;

49.  Jinnota li fil-passat, il-kooperazzjoni tal-Unjoni kienet iffukata fuq il-qasam tal-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku, filwaqt li l-eżerċizzju ta' programmazzjoni l-ġdid jirrispondi għall-ħtiġijiet idderivati mill-isfidi ewlenin għall-iżvilupp li qiegħed jiffaċċja l-pajjiż: it-tnaqqis tal-faqar u tal-inugwaljanza, is-sigurtà alimentari, l-edukazzjoni u s-saħħa, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem, ir-riformi fil-qasam tat-taxxa, il-ġlieda kontra l-impunità u l-korruzzjoni, il-ħolqien ta' impjiegi b'ħarsien soċjali, il-kompetittività, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-vulnerabbiltà minħabba t-tibdil fil-klima;

50.  Jenfasizza li, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tal-pajjiż, huwa fundamentali li jiġu msaħħa u varati programmi komprensivi tal-ġlieda kontra l-faqar (b'mod speċjali indirizzati lejn il-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal u l-popli indiġeni, hekk kif talab il-gvern tal-Honduras) kif ukoll programmi komprensivi ta' edukazzjoni, ta' taħriġ u vokazzjonali mmirati lejn tfal u żgħażagħ mill-kuntesti l-aktar żvantaġġati, sabiex jingħataw opportunitajiet biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet u l-ħiliet tagħhom u jitbiegħdu mir-riskju li jaqgħu f'idejn in-netwerks tal-vjolenza u tal-kriminalità organizzata;

51.  Jenfasizza wkoll ir-rwol kritiku tan-nisa u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fil-qasam tal-progress soċjali, inklużi l-movimenti mmexxija miż-żgħażagħ; jitlob lill-Unjoni tinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-ħolqien ta' ambjent sigur u favorevoli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tan-nisa u tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, u li jiġu indirizzati l-forom speċifiċi ta' repressjoni bbażati fuq is-sess, b'mod partikolari fir-reġjuni milquta minn kunflitti; jenfasizza l-importanza li jingħata kontribut attiv għall-appoġġ ta' politiki u azzjonijiet relatati mad-drittijiet tan-nisa, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

52.  Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tkompli tagħmel sforzi speċjali fir-rigward tal-kooperazzjoni, sabiex issaħħaħ it-trasparenza, il-kredibbiltà u l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet statali, u fir-rigward taż-żarmar tal-istruttura tal-korruzzjoni u tal-impunità li timmina l-fiduċja taċ-ċittadini u tikkostitwixxi wieħed mill-ostakli prinċipali għall-iżvilupp tal-pajjiż;

53.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' djalogu politiku osservat mill-Qorti f'ċerti oqsma kritiċi li jirċievu appoġġ mill-Appoġġ għall-Pjan Nazzjonali (objettivi ta' edukazzjoni, żvilupp tal-istatistika nazzjonali u riforma tas-servizz pubbliku); meta jitqies li l-politika tal-Kummissjoni tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-azzjoni tal-UE u qed twassal għal titjib tanġibbli; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu politiku, b'mod speċjali fis-setturi strateġiċi u prijoritarji, u żżomm sod f'dawk l-oqsma li fihom il-gvern ma jurix biżżejjed interess jew reattività, kif kien il-każ tal-politika nazzjonali tal-ġustizzja u s-sigurtà u l-każ tal-Osservatorju Ġudizzjarju;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-programmazzjoni konġunta mal-Gvern tal-Honduras, iżda anki mal-Istati Membri tal-Unjoni, u tagħmel sforz speċjali fil-koordinament intern u ma' donaturi oħrajn, bl-iskop li tiżgura li t-tqassim tax-xogħol ikun kemm jista' jkun effiċjenti, tilħaq il-komplementarjetà fejn ikun possibbli u, b'mod partikolari, tevita l-problemi identifikati mill-Qorti: il-proliferazzjoni ta' proġetti identiċi jew simili (l-istess setturi, l-istess benefiċjarji), interventi kontradittorji, sovrappożizzjonijiet jew nuqqas ta' azzjoni, speċjalment fis-setturi prijoritarji; jirrimarka li l-Kummissjoni għandha ssib ukoll sistema rapida u effikaċi ta' funzjonament mad-donaturi l-oħrajn bil-għan li jitnaqqsu l-iskadenzi u jinkisbu dinamiżmu, effiċjenza u riżultati;

55.  Jinnota li madwar nofs l-appoġġ bilaterali tal-Unjoni fil-Honduras jingħata permezz ta' appoġġ mill-baġit, kemm ġenerali kif ukoll settorjali; jenfasizza bi tħassib li, b'mod speċjali minħabba l-instabbiltà makroekonomika sinifikanti tal-pajjiż, kif ukoll in-nuqqasijiet tekniċi u l-problemi ta' frodi u korruzzjoni fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, l-appoġġ baġitarju jista' joħloq riskji konsiderevoli;

56.  Jinnota bi tħassib li għalkemm ir-rapport tal-Qorti jirrimarka li l-appoġġ baġitarju kien allokat għal strateġiji nazzjonali pertinenti u kredibbli, f'uħud mis-setturi prijoritarji, l-istrateġiji tal-gvern ma kinux ċari jew inkella kienu frammentati u ma ngħatawx baġits speċifiċi, filwaqt li l-istituzzjonijiet affettwati ma kinux f'pożizzjoni li jiżviluppaw politiki u riformi;

57.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni identifikat dawn ir-riskji u ppruvat timmitigahom; madankollu, jerġa' jirrimarka lill-Kummissjoni li l-appoġġ baġitarju mhuwiex karta bajda u li l-impenji ta' riforma min-naħa tal-gvern mhumiex neċessarjament garanzija suffiċjenti; f'dan is-sens, jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li jittaffa kwalunkwe riskju, tkompli tgħasses bir-reqqa sabiex il-linji gwida dwar l-appoġġ baġitarju jiġu applikati u rrispettati fl-istadji kollha tal-proċedura; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tevita l-appoġġ baġitarju f'dawk is-setturi li fihom ma jkollhiex ċertezza ta' risposta kredibbli u rilevanti min-naħa tal-gvern;

58.  Jaqbel mal-Kummissjoni li s-sospensjoni ta' diversi pagamenti ta' appoġġ baġitarju għal ċertu żmien, kif kien il-każ fl-2012 minħabba s-sitwazzjoni makroekonomika ġenerali u n-nuqqas ta' qbil bejn il-Honduras u l-FMI, mhijiex neċessarjament messaġġ kontradittorju li jista' jikkomprometti l-effikaċja tal-għajnuna, kif indikat mill-Qorti, anzi, bil-kuntrarju, tista' tippermetti li jintbagħtu messaġġi ċari ħafna lill-gvern li jeħtieġ isolvi malajr u b'mod effikaċi l-problemi li nstabu;

59.  Jinnota b'interess kbir li l-Honduras huwa l-ewwel pajjiż fejn huwa applikat l-appoġġ baġitarju orjentat lejn ir-riżultati; madankollu, jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-Qorti kkonkludiet li d-dgħufijiet fl-istrumenti ta' monitoraġġ ostakolaw il-valutazzjoni tar-riżultati miksuba, li l-monitoraġġ tagħhom wera diversi nuqqasijiet u li r-rakkomandazzjonijiet mogħtija ma ġewx segwiti b'mod konsistenti; jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport dettaljat li jkun jinkludi l-objettivi, l-indikaturi u l-parametri ta' riferiment li ntużaw, il-metodi ta' kalkolu u ta' verifika, eċċ., u tivvaluta l-effikaċja u l-impatt tagħhom sabiex jitkejlu r-riżultati miksuba u sabiex, fl-istess ħin, jittejbu l-komunikazzjoni, il-viżibbiltà u l-impatt tal-azzjoni tal-Unjoni; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tagħmel enfasi akbar fuq ir-riżultati tal-objettivi stabbiliti fl-istrateġiji ta' djalogu politiku mal-gvern tal-Honduras kif ukoll fid-djalogu mas-soċjetà ċivili u mad-donaturi l-oħrajn;

60.  Peress li l-ġestjoni tajba tal-finanzi pubbliċi hija kundizzjoni fundamentali sabiex ikunu jistgħu jinġibdu fondi mill-appoġġ baġitarju, u peress li fil-Honduras dan huwa wieħed mill-akbar nuqqasijiet minkejja l-pjanijiet suċċessivi tal-Gvern u l-għajnuna tal-Kummissjoni, jidhirlu li l-Kummissjoni għandha tagħmel enfasi speċjali biex tkompli ssaħħaħ dan is-settur; f'dan is-sens, u filwaqt li jitqies ir-rwol li għandha tiżvolġi l-Qorti Superjuri tal-Awdituri (Tribunal Superior de Cuentas) tal-Honduras fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-istat, jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa programmi speċifiċi ta' kooperazzjoni mal-Qorti bil-għan li tipprovdi assistenza teknika u taħriġ f'dan is-settur;

61.  Jistieden lill-Gvern tal-Honduras jipprovdi l-mezzi u l-finanzjament kollha meħtieġa sabiex il-Qorti Superjuri tal-Awdituri tal-Honduras tkun tista' twettaq il-kompitu tagħha b'mod indipendenti, effettiv u f'konformità mal-istandards internazzjonali fil-qasam tal-awditjar, tat-trasparenza u tal-obbligu ta' rendikont;

62.  Jinnota bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti li fl-uffiċċju tal-Unjoni fil-Honduras għad hemm nuqqas ta' persunal speċjalizzat fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u ta' kwistjonijiet makroekonomiċi li jirrigwardaw it-tranżazzjonijiet tal-appoġġ baġitarju, u jirrimarka li dan huwa partikolarment riskjuż minħabba l-instabbiltà ekonomika kronika ta' pajjiż li, minkejja dawk iċ-ċirkustanzi serji, għadu qed jingħata appoġġ baġitarju; fid-dawl tar-riskji identifikati mill-Qorti, jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni b'urġenza biex iżżid l-għadd ta' persunal fl-uffiċċju tal-Unjoni fil-Honduras;

63.  Jinnota li l-kooperazzjoni tal-Unjoni fil-Honduras qed tagħti appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-promozzjoni tas-sigurtà alimentari, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u li attwalment jinsabu fil-fażi ta' implimentazzjoni madwar 35 proġett tematiku b'total ta' aktar minn EUR 9 miljun; jinnota wkoll li fil-ftehim mas-soċjetà ċivili fil-Honduras, id-delegazzjoni tal-Unjoni fasslet pjan direzzjonali li ġie approvat fl-2014 li jinkludi azzjonijiet ta' djalogu politiku u azzjonijiet ta' appoġġ maħsuba għall-pajjiż; iqis li huwa ta' importanza fundamentali li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti mhux biss fil-proċess ta' konsultazzjoni li jwassal għall-abbozzar tal-pjanijiet direzzjonali, iżda anke fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fir-rieżami tagħhom;

64.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar it-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota bi tħassib kbir li, fl-ewwel tliet xhur biss tal-2014, l-Unità għar-Reġistrazzjoni u l-Monitoraġġ ta' Assoċjazzjonijiet Ċivili (Unidad para el Registro y Monitoreo de Asociaciones Civiles) irrevokat il-liċenzji ta' aktar minn 10 000 NGO talli ma ppreżentawx rapporti dwar il-finanzi u l-programmi tagħhom lill-gvern (FitW 2015) u li minkejja xi bidliet pożittivi f'dawn l-aħħar snin, uħud mil-liġijiet u l-miżuri amministrattivi li ġew adottati dan l-aħħar fil-Honduras ikkumplikaw u llimitaw l-ispazju u l-attività ta' dawn l-assoċjazzjonijiet li għadu jġiegħel l-għeluq ta' ħafna minnhom;

65.  Jilqa' bi pjaċir l-appoġġ u l-impenn li assumiet żmien ilu l-Unjoni mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; huwa tal-fehma li, fil-kuntest tad-djalogu politiku u fl-iżvilupp tal-programmi ta' kooperazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonċentra fuq l-iżvilupp ta' strateġiji li jistabbilixxu l-kuntest ġuridiku, amministrattiv u politiku adegwat biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jitħallew jiżvolġu r-rwol tagħhom u joperaw b'mod effikaċi, kif ukoll biex jingħataw pariri u informazzjoni b'mod regolari dwar il-fondi u l-opportunitajiet ta' finanzjament u biex titħeġġeġ l-integrazzjoni tagħhom fl-organizzazzjonijiet u fin-netwerks internazzjonali tas-soċjetà ċivili;

66.  Huwa tal-fehma li l-Qorti kien imissha ddedikat kapitolu tar-rapport tagħha għall-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Honduras minħabba r-rwol fundamentali li jwettqu fis-soċjetà b'mod ġenerali u fl-iżvilupp lokali b'mod partikolari, u saħansitra aktar meta jitqies il-fatt li l-Unjoni hija d-donatur prinċipali lil dawn l-organizzazzjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u assumiet rwol ta' tmexxija fil-protezzjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-użu u l-applikazzjoni ta' sensiela ta' strumenti u politiki; jittama li l-Qorti tqis dan fir-rapporti futuri tagħha;

Parti V – Rapport Speċjali Nru 31/2016 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Infiq ta' mill-inqas euro wieħed minn kull ħamsa mill-baġit tal-UE fuq l-azzjoni klimatika: qed isir xogħol ambizzjuż, iżda hemm riskju serju li ma jkunx suffiċjenti"

67.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

68.  Jilqa' l-impenji ambizzjużi tal-Unjoni biex, sal-2020, tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b'minn tal-inqas 20 %, meta mqabbel mal-livelli tal-1990, u b'40 % sal-2030, u biex tonfoq mill-inqas 20 % tal-baġit tagħha fuq azzjoni relatata mal-klima għall-perjodu baġitarju 2014-2020; jilqa' l-progress ġenerali li sar; madankollu, jiddispjaċih li skont il-Qorti hemm riskju serju li l-objettiv għall-baġit ta' 20 % mhux se jintlaħaq;

69.  Iqis li huwa ta' importanza kbira għall-Kummissjoni li turi kontinwament sens ta' tmexxija u impenn suffiċjenti rigward kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima permezz tal-implimentazzjoni effikaċi tal-Ftehim ta' Pariġi, kif ukoll li tikkonsolida l-kredibbiltà u l-għodod internazzjonali tagħha għat-tiswir ta' kundizzjonijiet għall-politika tal-Unjoni dwar il-klima u d-diplomazija ekoloġika fis-snin li ġejjin;

70.  Jilqa' l-implimentazzjoni tal-impenn fil-qafas ta' politiki diġà eżistenti, mingħajr ma jinħolqu strumenti finanzjarji ġodda; iqis li dan għandu jikkontribwixxi għal koerenza akbar fost id-diversi oqsma politiċi tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jabbozzaw pjan koordinat dwar is-sostenn massimu għall-koeżjoni u l-kontinwità ta' diversi programmi;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija globali konkreta biex jintlaħaq l-objettiv stabbilit li jkun ifisser pjanijiet ta' azzjoni għal qasam speċifiku, li jelenkaw miżuri u strumenti dettaljati, metodoloġiji ta' kejl u ta' rappurtar, u indikaturi tal-prestazzjoni, użati f'azzjonijiet b'rabta mal-klima f'oqsma politiċi speċifiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw standards komuni u unifikati għall-implimentazzjoni ta' sistemi ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u verifika xierqa, partikolarment fir-rigward tal-Markaturi ta' Rio u ta' rappurtar tal-iżborż tal-infiq relatat mal-klima;

72.  Jiddispjaċih li l-Qorti identifikat id-dgħufijiet tas-sistema ta' traċċar tal-Unjoni, li jżidu b'mod sostanzjali r-riskju li jkun hemm sovrastima tal-infiq relatat mal-azzjoni klimatika; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta b'mod sistematiku l-prinċipju ta' prudenza sabiex jiġu evitati s-sovrastimi; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-istimi u tikkoreġi l-koeffiċjenti tal-klima meta jiġi applikat ir-riskju ta' sovrastima;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni f'ċerti oqsma b'potenzjal qawwi ħafna, partikolarment il-programm Orizzont 2020, l-agrikoltura u s-sajd, u dan f'kooperazzjoni mal-Istati Membri; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżviluppa koordinament intensiv tal-attivitajiet fil-qasam tal-iżvilupp ta' teknoloġiji u innovazzjonijiet ġodda dwar il-protezzjoni ambjentali flimkien mal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT);

74.  Jirrimarka dwar il-ħtieġa partikolari li l-Kummissjoni tikseb riżultati rigward il-parametri ta' riferiment relatati mal-klima, billi ssaħħaħ l-integrazzjoni tad-diversi strumenti ta' programmazzjoni tagħha sabiex tiffavorixxi livell għoli ta' koerenza u possibbilment ta' koordinament fost l-Istati Membri, sabiex jintlaħaq l-objettiv globali ta' mill-anqas 20 % tal-baġit tal-Unjoni għal soċjetà b'livell aktar baxx ta' karbonju u reżiljenti għall-klima;

75.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' objettivi speċifiċi f'partijiet sostanzjali tal-baġit tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tabbozza pjan ġenerali li jiddeskrivi liema strumenti ta' finanzjament jistgħu jikkontribwixxu, u sa liema punt, biex jintlaħaq l-objettiv ta' 20 % tal-baġit; jinnota bi tħassib li n-nuqqas ta' pjan huwa sinjal ta' kompatibbiltà baxxa ta' oqsma baġitarji differenti;

76.  Jinnota bi tħassib li hemm ftit informazzjoni dwar l-ispiża għall-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima, u sa liema punt l-azzjoni tal-UE relatata mal-klima se tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, filwaqt li d-data disponibbli tista' ma tkunx kumparabbli bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa r-rappurtar dwar il-punt sa fejn l-objettiv li jintefaq l-20 % tal-baġit tal-Unjoni fil-perjodu 2014-2020 għall-azzjonijiet klimatiċi qed jiġi implimentat fil-politiki kollha, bl-ispeċifikazzjoni tal-ammonti impenjati u żborżati u l-informazzjoni relatata mal-mitigazzjoni jew mal-adattament u l-identifikazzjoni tal-oqsma li fihom jeħtieġ li jitjiebu r-riżultati marbuta mal-azzjoni klimatika;

77.  Jemmen li l-integrazzjoni tal-programmi ta' finanzjament jeħtieġ li tiġi rfinuta aktar billi jiġu definiti aktar strateġiji ta' adattament jew mitigazzjoni u pjanijiet ta' azzjoni relatati, inklużi strumenti ta' kwantifikazzjoni u ta' investiment adegwati u inċentivi dwar il-klima meħtieġa, u metodi aħjar ta' traċċar tal-istimi, sabiex isiru previżjonijiet ġusti dwar il-progress miksub fost il-programmi tal-Unjoni u l-azzjonijiet tal-Istati Membri;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa malajr ambjent favorevoli għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju, billi tadatta l-kundizzjonijiet tal-investiment u l-oqfsa u l-istrumenti ta' nfiq għall-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni fis-setturi rilevanti ewlenin kollha;

79.  Jinnota b'dispjaċir li ma hemm l-ebda għodda li tipprovdi aġġornament ikkonsolidat pluriennali dwar is-sitwazzjoni fil-baġit kollu tal-UE; iqis li hemm bżonn ta' evalwazzjoni ex post u rikalkolu tal-kontribuzzjonijiet previsti għall-finanzjament għall-klima;

80.  Jiddispjaċih li m'hemm l-ebda qafas ta' rappurtar speċifiku mwettaq mill-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni u l-kejl tal-kontroimplikazzjonijiet tal-politiki tal-UE li jikkontribwixxu negattivament għat-tibdil fil-klima u fuq il-kejl ta' kemm ikun kbir is-sehem tal-baġit tal-UE li jintefaq fid-direzzjoni opposta; huwa mħasseb li mingħajr din id-data l-Kummissjoni ma tistax tagħti stampa ċara sa liema punt l-Unjoni tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika b'mod sistematiku l-azzjonijiet li huma potenzjalment kontroproduċenti u tipprevedihom fil-kalkoli finali dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

Parti VI – Rapport Speċjali Nru 32/2016 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Assistenza mill-UE lill-Ukrajna"

81.  Jinnota li l-assistenza finanzjarja u esperta mill-UE għar-riforma tal-Ukrajna kienet meħtieġa; madankollu, jenfasizza li l-implimentazzjoni tar-riformi għadha ferm aktar lura milli kien mistenni;

82.  Jiddispjaċih li għadhom jeżistu strutturi qodma, li huma reżistenti għar-riforma, il-modernizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni, filwaqt li l-forzi li huma lesti jirriformaw jiffaċċjaw diffikultajiet kbar biex jipprevalu;

83.  Jilqa' l-assistenza mill-Unjoni lill-Ukrajna; madankollu, huwa tal-opinjoni li jmissha tiġi vinkolata ma' sforzi tanġibbli min-naħa tal-Gvern tal-Ukrajna bl-intenzjoni li jtejjeb is-sitwazzjoni f'pajjiżu stess; speċifikament, it-titjib tas-sistema ta' riżorsi proprji permezz ta' skema fiskali effiċjenti u trasparenti, li ma tkunx tkopri biss l-introjtu taċ-ċittadini imma anke l-assi tal-oligarki;

84.  Jappella għal ġlieda effiċjenti kontra l-korruzzjoni li għadha mifruxa, u għal appoġġ effikaċi tal-organizzazzjonijiet impenjati favur din il-ġlieda;

85.  Jappella biex il-poter ġudizzjarju fil-pajjiż jiġi strutturat mill-ġdid biex isir strument indipendenti impenjat favur l-istat tad-dritt;

86.  Jeżiġi kontroll aktar strett tas-settur bankarju, b'mod li jiġu evitati eżodi tal-kapital lejn pajjiżi terzi li jikkawżaw insolvenzi tal-istituti bankarji; jindika l-ħtieġa f'dan ir-rigward li l-appoġġ baġitarju jingħata biss bil-kundizzjoni li l-assistenza finanzjarja mogħtija tkun qed tintuża b'mod trasparenti u komprensiv;

87.  Huwa tal-opinjoni li ġeneralment, qabel tingħata kwalunkwe għajnuna finanzjarja, imissha tkun saret valutazzjoni minn qabel tal-prospettivi ta' suċċess tiegħu;

88.  Huwa konvint li hemm bżonn li tingħata aktar attenzjoni għall-ħolqien u l-edukazzjoni ta' strutturi amministrattivi kompetenti u deċentralizzati;

Parti VII – Rapport Speċjali Nru 33/2016 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili: il-koordinazzjoni tar-reazzjonijiet għal diżastri li seħħew barra mit-territorju tal-UE kienet effettiva f'termini ġenerali"

89.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti; japprova r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u japprova r-rieda tal-Kummissjoni li tikkunsidrahom;

90.  Jenfasizza l-importanza kbira ta' reazzjoni rapida u koerenti għad-diżastri naturali u għal dawk ikkawżati mill-bniedem sabiex jitnaqqas l-impatt ekonomiku, ambjentali u uman tagħhom;

91.  Jieħu nota tas-sodisfazzjon ġenerali tal-Qorti dwar il-mod kif il-Kummissjoni tittratta l-proċess ta' reazzjoni għad-diżastri;

92.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tibni fuq ir-riżorsi tagħha, inklużi proċeduri baġitarji, ta' mobilizzazzjoni u tal-għażla tal-esperti, b'tali mod li l-pajjiżi affettwati jirċievu mill-Unjoni assistenza immedjata skont il-ħtiġijiet tagħhom; jisħaq fuq l-importanza ta' "punti fokali ta' protezzjoni ċivili" maħtura fi ħdan l-uffiċċji nazzjonali u reġjonali tan-Netwerk fuq il-post tal-ECHO u fost il-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni f'pajjiżi ta' riskju;

93.  Jilqa' l-varar tal-"Korp Mediku Ewropew" fi Frar 2016 li kabbar b'mod sostanzjali l-"akkomunament volontarju" tal-Mekkaniżmu ta' Protezzjoni Ċivili tal-UE b'"riżerva" ta' timijiet mediċi u tas-saħħa pubblika disponibbli biex iqiegħdu fil-prattika t-tagħlimiet misluta mill-kriżi tal-Ebola; iqis li dan l-approċċ, jiġifieri li jkun hemm riżerva ta' timijiet mediċi u timijiet speċjalizzati oħra ta' valutazzjoni u ta' appoġġ, irid jitkompla u jittejjeb aktar;

94.  Jissuġġerixxi li jitneħħew il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa kollha li jxekklu kemm lill-istati parteċipanti kif ukoll liċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni għal Rispons ta' Emerġenza (ERCC) milli jwieġbu aktar fil-pront, b'mod partikolari fil-bidu ta' kriżi;

95.  Jitlob lill-istati parteċipanti jirreġistraw aktar assi fl-akkomunament volontarju sabiex jitjieb l-istat ta' tħejjija għal reazzjoni għad-diżastri;

96.  Jenfasizza l-importanza tal-iskambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, korpi oħra tal-Unjoni u n-Nazzjonijiet Uniti fil-faċilitazzjoni ta' tweġiba strutturata f'każ ta' emerġenza; jilqa' l-ftehimiet ta' kooperazzjoni ffirmati mal-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) u l-Programm Dinji tal-Ikel (WFP), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffirma aktar ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) u ma' atturi oħra involuti;

97.  Ifakkar li r-rekwiżiti ta' kwalità u ta' interoperabbiltà jiġu definiti u mwessa' skont l-istandards il-ġodda tad-WHO dwar il-moduli mediċi kif ukoll skont sħab strateġiċi oħra u l-kundizzjonijiet qafas tagħhom, biex tiġi żgurata azzjoni bikrija assoċjata ma' koordinazzjoni aktar komprensiva fil-missjonijiet internazzjonali; iqis li biex tiġi garantita d-disponibbiltà jew il-mobilizzazzjoni immedjata tal-kapaċitajiet mill-bidu ta' emerġenza u biex jiġu evitati l-iżbalji ta' finanzjament, il-proċessi ta' proviżjonar jeħtieġ li jiġu ottimizzati u fil-biċċa l-kbira standardizzati;

98.  Iħeġġeġ it-tkomplija tal-isfruttament tas-sinerġiji potenzjali mal-atturi u l-istrumenti l-oħra involuti, b'mod partikolari l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp, u l-evitar tad-duplikazzjoni tal-azzjonijiet li diġà twettqu;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-funzjonalità tal-pjattaforma ta' komunikazzjoni tal-ERCC, CECIS, sabiex l-informazzjoni tkun tista' tinkiseb aktar faċilment mill-partijiet ikkonċernati, inkluż l-aċċess mobbli għat-timijiet tal-EUCP fil-post;

100.  Huwa tal-opinjoni li l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili għandhom ikunu segwiti b'attivitajiet oħra bil-għan li jrawmu kultura ta' prevenzjoni, kif ukoll il-bini tal-kapaċità u r-reżiljenza ta' komunitajiet vulnerabbli jew milquta minn diżastri;

Parti VIII – Rapport Speċjali Nru 34/2016 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-Ġlieda kontra l-Ħela tal-Ikel: opportunità għall-UE sabiex ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-katina tal-provvista tal-ikel"

101.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti li janalizza bir-reqqa l-effikaċja tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel; japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti u jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

102.  Jinnota bi tħassib kbir li skont l-istimi, madwar terz tal-ikel prodott globalment għall-konsum mill-bniedem jinħela jew jintilef; jiddeplora l-fatt li l-Unjoni ma tikkumbattix il-ħela tal-ikel b'mod effettiv u li s'issa pprovdiet biss azzjonijiet inkoerenti u frammentati;

103.  Jenfasizza li l-Unjoni għandha potenzjal kbir biex tindirizza l-problema tal-ħela tal-ikel billi taġġusta l-politiki eżistenti mingħajr ma ġġarrab spejjeż addizzjonali u għandha taspira li tagħmel dan; madankollu, jinnota b'dispjaċir li minkejja r-retorika mimlija tama, kien hemm nuqqas ta' rieda politika biex l-impenji jiġu tradotti f'miżuri ta' politika;

104.  Jiddispjaċih ħafna li l-ambizzjonijiet tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel pjuttost naqsu b'mod ċar maż-żmien; jiddeplora n-nuqqas ta' azzjoni politika mmirata fil-qasam tal-ħela tal-ikel u li l-effetti pożittivi li joħorġu minn xi oqsma ta' politika huma pjuttost b'kumbinazzjoni; jistenna bil-ħerqa l-valutazzjoni tar-riżultati tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel;

105.  Iqis li huwa sinjal tal-approċċ inkonsistenti min-naħa tal-Kummissjoni, l-ewwel, li filwaqt li l-Unjoni hija meqjusa minn ta' quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, mhijiex impenjata biżżejjed fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel u dan jikkontribwixxi b'mod dirett għal effetti negattivi fuq il-klima, u, it-tieni, li filwaqt li kull sena l-Unjoni tinvesti mijiet ta' miljuni ta' euro f'għajnuna għall-iżvilupp, fil-ġlieda kontra l-ġuħ u fil-konformità mal-kummerċ ġust, ma tindirizzax biżżejjed il-kwistjoni tal-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel li hija waħda mill-kawżi diretti ta' dawk l-istess problemi;

106.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni immedjata kontra l-ħela tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni twettaq l-impenji tagħha fir-rigward ta' dokumenti ta' politika rilevanti relatati mal-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel;

107.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi koordinazzjoni mill-qrib fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali sabiex tgħaqqad l-approċċi differenti ta' diversi Stati Membri fir-rigward tal-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel, tad-donazzjoni tal-ikel, tas-sikurezza tal-ikel u tal-prattiki ta' iġjene tajbin; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel, li tallinja aħjar il-ħidma tagħha mal-attivitajiet tal-Istati Membri;

108.  Jiddispjaċih li l-azzjoni tal-Kummissjoni f'livell tekniku kienet limitata għall-istabbiliment ta' gruppi ta' ħidma u ta' esperti, li madankollu ma wasslu għal ebda input applikabbli; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-azzjoni tagħha f'livell tekniku u tikseb riżultati konkreti; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kooperazzjoni eqreb mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u mal-EIT li huma kapaċi jipprovdu assistenza esperta u teknika soda;

109.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tqisx li huwa meħtieġ li tinħoloq definizzjoni komuni tal-ħela tal-ikel u ma tikkunsidrax li huwa meħtieġ li tistabbilixxi ġerarkija speċifika tal-ħela tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tħejji definizzjoni komuni tal-ħela tal-ikel, metodoloġija komuni għall-kejl u l-monitoraġġ tal-ħela tal-ikel, u linji gwida dwar il-ġerarkija tal-iskart fil-każ tal-ħela tal-ikel b'kooperazzjoni mal-Istati Membri;

110.  Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza pjan ta' azzjoni li jidentifika l-oqsma ta' politika b'potenzjal li jindirizzaw il-ħela tal-ikel, b'enfasi fuq il-prevenzjoni u d-donazzjoni, u tiddefinixxi l-opportunitajiet li jistgħu jiġu sfruttati fil-qafas ta' dawn il-politiki; jistieden lill-Kummissjoni tabbozza pjanijiet ta' azzjoni li jinkludu miri li jistgħu jitkejlu u indikaturi tal-prestazzjoni, u tabbozza valutazzjonijiet tal-impatt f'oqsma ta' politika speċifiċi;

111.  Jiddispjaċih li għalkemm id-donazzjoni tal-ikel tirrappreżenta t-tieni l-aktar għażla preferuta għall-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel, kien hemm ħafna ostakli f'diversi livelli differenti li jfissru li għad mhijiex użata biżżejjed; jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet iffaċċjati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, b'mod partikolari biex id-donazzjoni tal-ikel tikkonforma mal-qafas legali attwali; jistieden lill-Kummissjoni toħloq pjattaforma speċifika għall-iskambju ta' prattiki tajbin fost l-Istati Membri sabiex tiffaċilita d-donazzjoni tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-kontribuzzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti;

112.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza u tippubblika linji gwida dwar ir-ridistribuzzjoni u d-donazzjoni tal-ikel, inklużi arranġamenti fiskali għad-donaturi, li jkunu bbażati fuq l-aħjar prattiki kondiviżi bejn l-Istati Membri li bħalissa qed jieħdu azzjoni attiva fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tfassal linji gwida dwar kif jingħelbu ostakli differenti marbuta mad-donazzjoni tal-ikel u dwar konċessjonijiet fiskali għal katini ta' ħwienet u kumpaniji li jagħtu donazzjonijiet tal-ikel;

113.  Jiddispjaċih li l-kunċetti ta' "l-aħjar qabel" u "uża sa" huma ġeneralment mhux ċari għall-parteċipanti fil-livelli kollha tal-katina tal-provvista tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara dawn il-kunċetti u tagħmel mezz li l-linji gwida dwarhom isiru vinkolanti sabiex tiġi evitata kwalunkwe interpretazzjoni żbaljata;

114.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jedukaw lill-pubbliku ġenerali fl-oqsma tal-immaniġġjar tal-ikel u l-ħela tal-ikel;

115.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja inizjattivi individwali u limitati f'uħud mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-korpi Ewropej la għandhom il-qafas leġiżlattiv u lanqas linji gwida komuni li jirregolaw l-immaniġġjar ta' ikel mhux ikkunsmat ipprovdut mis-servizzi tal-catering tal-istituzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tabbozza dispożizzjonijiet komuni li jindirizzaw il-kwistjoni tal-ħela tal-ikel fl-istituzzjonijiet Ewropej, inklużi linji gwida dwar il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel kif ukoll regoli dwar id-donazzjoni ta' ikel skartat, sabiex timminimizza l-ħela tal-ikel ikkawżat mill-istituzzjonijiet Ewropej;

Parti IX – Rapport Speċjali Nru 35/2016 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "L-użu tal-appoġġ baġitarju biex tittejjeb il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku fl-Afrika sub-Saħarjana"

116.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti; japprova r-rakkomandazzjonijiet tagħha; jesprimi sodisfazzjon dwar ir-rieda tal-Kummissjoni li tapplikahom; jiddispjaċih li r-risposti tal-Kummissjoni huma pjuttost vagi u bla ambizzjoni;

117.  Jisħaq fuq l-importanza tal-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku (MDD) fil-pajjiżi l-anqas żviluppati billi din tnaqqas id-dipendenza mill-għajnuna għall-iżvilupp, twassal għal titjib fil-governanza pubblika u tiżvolġi rwol ċentrali fil-bini tal-istat;

118.  Jenfasizza li, skont il-Qorti, il-Kummissjoni għadha ma użatx il-kuntratti ta' appoġġ baġitarju b'mod effikaċi biex tappoġġa lill-MDD f'pajjiżi b'introjtu baxx u b'introjtu medju inferjuri fl-Afrika sub-Saħarjana; madankollu, jinnota li l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni żied il-potenzjal ta' din il-forma ta' għajnuna li tagħti appoġġ lill-MDD b'mod effikaċi;

119.  Jirrimarka li t-tisħiħ tas-sistemi tat-taxxa jikkontribwixxi mhux biss biex jiżdied aktar dħul prevedibbli, iżda anke għall-obbligu ta' rendikont tal-gvernijiet billi joħloq rabta diretta bejn il-kontribwenti u l-gvern tagħhom; jappoġġa l-inklużjoni espliċita tat-titjib tal-MDD fil-lista ta' sfidi ewlenin għall-iżvilupp indirizzati permezz tal-appoġġ baġitarju;

120.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tatx biżżejjed kunsiderazzjoni lill-MDD meta fasslet l-operazzjonijiet tagħha ta' appoġġ baġitarju; jenfasizza li ma ġewx evalwati r-riskji ewlenin relatati mal-eżenzjonijet mit-taxxa, u mal-ġbir u t-trasferiment tat-taxxi u tad-dħul mhux fiskali mir-riżorsi naturali;

121.  Ifakkar fl-importanza tal-mobilizzazzjoni tad-dħul fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi relatati mal-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti; jinkoraġġixxi t-tisħiħ tal-assistenza finanzjarja u teknika għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u oqfsa reġjonali ta' amministrazzjoni tat-taxxa, kif ukoll l-adozzjoni ta' prinċipji għan-negozjar ta' trattati dwar it-taxxa;

122.  Jirrimarka li l-awditu żvela nuqqas ta' għodod ta' monitoraġġ xierqa biex jiġi vvalutat il-punt sa fejn l-appoġġ baġitarju kkontribwixxa għat-titjib kumplessiv fl-MDD;

123.  Jemmen li huwa kruċjali li titkompla l-promozzjoni ta' sistemi fiskali nazzjonali ġusti u trasparenti fil-qasam tal-politika tat-taxxa, li jiżdied l-appoġġ għall-proċessi u l-korpi ta' sorveljanza fil-qasam tar-riżorsi naturali, u li jitkompla l-appoġġ għar-riformi fil-governanza li jippromwovu l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi naturali u t-trasparenza; jenfasizza li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles inaqqsu d-dħul mit-taxxa għall-pajjiżi b'introjtu baxx u b'introjtu medju inferjuri u jafu jkunu kontroproduċenti għal tali pajjiżi; jitlob b'insistenza li l-Kummissjoni tiżgura li l-konsegwenzi fiskali tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-pajjiżi b'introjtu baxx u b'introjtu medju inferjuri jitqiesu fil-valutazzjonijiet tar-riskju meta jiġu nnegozjati ftehimiet ta' kummerċ ħieles;

124.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm mal-linji gwida hija u twettaq valutazzjonijiet makroekonomiċi u tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tal-aspetti marbutin mal-MDD biex tikseb stampa aktar ċara tal-kwistjonijiet l-aktar problematiċi, eż. l-iskala tal-inċentivi fiskali, l-ipprezzar ta' trasferiment, l-evażjoni tat-taxxa;

125.  Jissottolinja l-fatt li biex jitjieb it-tfassil tal-operazzjonijiet tal-appoġġ baġitarju, il-proċedura għall-identifikazzjoni tar-riskji li jheddu l-ilħuq tal-objettivi ffissati għandha tkun aktar komprensiva u tisfrutta l-Istrument ta' Valutazzjoni ta' Dijanjostika tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa, kull meta disponibbli;

126.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu applikati aktar ta' spiss kundizzjonijiet speċifiċi għall-MDD billi dawn jassoċjaw b'mod ċar l-iżborż tal-pagamenti tal-appoġġ baġitarju mal-progress tal-pajjiż sieħeb fir-riformi tal-MDD; jitlob lill-Kummissjoni tagħżel il-kundizzjonijiet li huma rilevanti u li jkollhom l-aktar impatt wiesa' fuq l-MDD;

127.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni jkollha topera f'kuntest politiku u istituzzjonali kumpless; ifakkar fir-rilevanza ta' djalogu politiku strutturat, li jinvolvi interlokuturi mill-gvern nazzjonali u minn donaturi oħra, bil-għan li jkunu ddeterminati l-oqsma ta' interess u titfassal strateġija ta' għajnuna mħejjija apposta;

128.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni testendi l-komponent tal-bini tal-kapaċitajiet tal-appoġġ baġitarju hija u tħejji sisien sodi għal trasformazzjoni ekonomika u soċjali fit-tul, kif ukoll tindirizza l-ostakli ewlenin għall-ġbir effiċjenti tad-dħul pubbliku;

129.  Jirrimarka li l-konferma ta' influwenza diretta tal-isforzi ta' appoġġ baġitarju fuq il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali tirrikjedi evalwazzjoni aktar dettaljata tal-oqsma speċifiċi ta' sistema fiskali li tkun tippermetti l-attribuzzjoni ta' avvanzi li saru lill-partijiet individwali tal-assistenza fornuta;

Parti X – Rapport Speċjali Nru 36/2016 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Valutazzjoni tal-arranġamenti għall-għeluq tal-programmi tal-koeżjoni u tal-iżvilupp rurali għall-2007-2013"

130.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti u japprova r-rakkomandazzjonijiet tagħha;

131.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Kummissjoni pprovdiet appoġġ adegwat u f'waqtu biex tgħin lill-Istati Membri jħejju għall-għeluq tal-programmi għall-2007-2013;

132.  Jilqa' d-disponibbiltà tal-Kummissjoni li tikseb armonizzazzjoni ulterjuri tad-dispożizzjonijiet regolatorji bejn il-fondi, fosthom dwar it-terminoloġija, u l-proċessi ta' aċċertament u ta' għeluq, kull meta din ittejjeb il-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni u tikkontribwixxi għal implimentazzjoni aktar sempliċi u aktar effettiva fl-Istati Membri u fir-reġjuni;

133.  Jinnota li sitt deċiżjonijiet dwar proġetti kbar għall-perjodu 2007-2013 għadhom pendenti;

134.  Jinnota bi stagħġib ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikkunsidra impenji speċifiku b'rabta mal-proposti leġiżlattivi għall-perjodu ta' wara l-2020, peress li taf li diġà jistgħu jibnu fuq l-esperjenza ta' żewġ perjodi finanzjarji kompluti (2000-2006 u 2007-2013); madankollu, huwa rassigurat mill-fatt li dan ir-rifjut kien ġej pjuttost mit-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-prerogattivi ġuridiċi tagħhom aktar milli minn nuqqas ta' qbil dwar il-kontenut;

135.  Jappoġġa l-appell tal-Qorti għal allinjament ulterjuri tad-dispożizzjonijiet regolatorji għall-għeluq bejn is-settur tal-koeżjoni u l-miżuri relatati mal-investiment taħt l-iżvilupp rurali;

136.  Iqis li r-rati tar-riskji residwi kkalkulati jibqgħu kwantità mhux magħrufa fuq il-bażi tal-esperjenza u jistgħu jintużaw bħala indikaturi;

137.  Jinnota li l-Qorti qed titlob li l-perjodi ta' eliġibbiltà m'għandhomx jikkoinċidu ma' perjodu sussegwenti tal-programm wara l-2020 u t-tħassib tagħha li l-perjodi ta' eliġibbiltà estiżi (jiġifieri, n+2, n+3) huma waħda mir-raġunijiet għal xogħlijiet finanzjarji b'lura u l-bidu tard tal-perjodu ta' programmazzjoni sussegwenti flimkien ma' dewmien fil-finalizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni riveduta fir-rigward tal-programmazzjoni u l-finanzjament u r-regoli ta' implimentazzjoni assoċjati, b'mod partikolari fl-2014-2015; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġu żgurati l-assorbiment massimu u t-tmexxija bla xkiel ta' proġetti pluriennali;

138.  Jinnota li l-għeluq finali tal-perjodu finanzjarju jseħħ biss kull seba' snin; għalhekk, jikkondividi l-opinjoni tal-Qorti li l-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità baġitarja u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar l-eżitu finali tal-proċedura ta' gћeluq f'dokument separat; iqis li tali dokument għandu mhux biss jikkonferma l-legalità u r-regolarità tan-nefqa iżda għandu wkoll ikejjel ir-riżultat u l-impatt tal-programmi (approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni);

Parti XI – Rapport Speċjali Nru 1/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex il-potenzjal sħiħ tan-netwerk Natura 2000 jiġi implimentat"

139.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti u japprova r-rakkomandazzjonijiet tagħha;

140.  Jissottolinja l-importanza tal-bijodiversità għall-umanità; jinnota li n-netwerk Natura 2000 stabbilit skont id-Direttiva dwar l-Għasafar(13) u d-Direttiva dwar il-Ħabitats(14) (id-Direttiva dwar in-Natura) huwa l-qofol tal-istrateġija tal-Unjoni dwar il-bijodiversità; madankollu, jinnota bi tħassib li l-potenzjal sħiħ tiegħu għadu ma ġiex sfruttat għalkollox;

141.  Jinnota li r-rwol ġenerali tal-Kummissjoni huwa li tipprovdi gwida għall-Istati Membri; jiddispjaċih li l-Istati Membri ma qisux biżżejjed il-pariri tal-Kummissjoni;

142.  Jiddispjaċih li l-Qorti kkonkludiet li l-Istati Membri ma ġestewx in-netwerk Natura 2000 kif xieraq u li l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri ma kinitx adegwata;

143.  Ifakkar li minħabba n-natura transfruntiera tiegħu, l-implimentazzjoni tan-netwerk Natura 2000 tirrikjedi koordinazzjoni b'saħħitha fost l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu struttura b'saħħitha f'livell nazzjonali sabiex jippromwovu l-kooperazzjoni transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida mtejba għall-Istati Membri għall-bini ta' pjattaforma ta' kooperazzjoni;

144.  Jinnota bi tħassib kbir li l-objettivi ta' konservazzjoni ħafna drabi ma kinux speċifiċi biżżejjed u mhux kwantifikati, filwaqt li l-pjanijiet ta' ġestjoni ma ġewx definiti b'mod preċiż u ma kellhomx miri għat-tlestija tagħhom; itenni li dan jista' jfixkel il-valur miżjud tan-netwerk Natura 2000; jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza r-regoli dwar approċċ effettiv lejn l-istabbiliment ta' objettivi ta' konservazzjoni u pjanijiet ta' ġestjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-Istati Membri humiex isegwu l-gwida u, meta jkun meħtieġ, tipprovdilhom aktar appoġġ ta' konsulenza;

145.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu l-miżuri ta' konservazzjoni meħtieġa f'waqthom sabiex jiġi żgurat il-valur miżjud tagħhom u biex jaġġornaw il-pjanijiet ta' ġestjoni kif xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tiċċekkja bir-reqqa dwar dewmien potenzjali tal-proġetti ta' konservazzjoni;

146.  Jinnota li sabiex in-netwerk Natura 2000 isir effettiv, l-involviment ta' partijiet ikkonċernati ewlenin bħall-utenti u s-sidien tal-art huwa essenzjali; jiddispjaċih li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri hemm nuqqas ta' mezzi ta' komunikazzjoni effikaċi; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u d-diversi partijiet ikkonċernati;

147.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Istati Membri naqsu milli jivvalutaw b'mod adegwat il-proġetti li kellhom impatt negattiv fuq is-siti Natura 2000, li l-miżuri kompensatorji ma kinux utilizzati biżżejjed u li l-approċċ fost l-Istati Membri jvarja b'mod wiesa'; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida aktar strutturata dwar kif u meta jiġu applikati miżuri kumpensatorji fil-prattika u biex tissorvelja l-użu tagħhom;

148.  Jiddispjaċih li d-dokumenti ta' programmazzjoni 2014-2020 ma rriflettewx bis-sħiħ il-ħtiġijiet ta' finanzjament u l-Kummissjoni ma indirizzatx in-nuqqasijiet b'mod strutturat; jistieden lill-Kummissjoni tħejji iktar bir-reqqa għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

149.  Jiddispjaċih li s-sistemi ta' monitoraġġ u ta' rappurtar għan-netwerk Natura 2000 ma kinux adegwati biex jipprovdu informazzjoni komprensiva dwar l-effikaċja tan-netwerk; huwa mħasseb li ebda sistema ta' indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi tal-użu tal-fondi tal-Unjoni ma ġiet żviluppata biex tirrifletti fuq il-prestazzjoni tan-netwerk Natura 2000; huwa tal-opinjoni li dan ifixkel l-effikaċja tan-netwerk Natura 2000; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni introduċiet sett ta' indikaturi komprensivi obbligatorji għall-proġetti kollha għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 taħt il-Programm LIFE; jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-istess approċċ għal programmi oħra fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

150.  Jinnota bi tħassib li l-pjanijiet ta' monitoraġġ fil-livell tas-sit ta' sikwit ma kinux inklużi f'dokumenti ta' ġestjoni tas-sit u li ma kinux dettaljati jew bi skadenza speċifika; huwa mħasseb ukoll li l-formoli standard għad-data ma kinux aġġornati u d-data pprovduta mill-Istati Membri dwar ir-rapport dwar l-Istat tan-Natura ma kinux kompluti, mhux preċiżi u mhux komparabbli; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirrimedjaw din il-kwistjoni fil-pjan ta' azzjoni maħsub;

151.  Jilqa' l-iżvilupp mill-Kummissjoni ta' reġistru ċentrali għar-reġistrazzjoni tal-ilmenti u l-mistoqsijiet relatati ma' Natura 2000; jinnota li fil-maġġoranza tagħhom il-każijiet ingħalqu mingħajr passi proċedurali ulterjuri; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-ilmenti u l-mistoqsijiet kollha b'mod rigoruż;

152.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Proċess Bijoġeografiku li jipprovdi mekkaniżmu għal kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati dwar il-ġestjoni tan-netwerk Natura 2000 u opportunità korrispondenti ta' netwerking; madankollu, jistieden lill-Kummissjoni ssolvi l-kwistjoni tal-problema lingwistika li tostakola l-kisba tiegħu;

153.  Jiddispjaċih ħafna li l-Qafas ta' Azzjoni Prijoritizzata (PAF) ħoloq stampa mhux affidabbli tal-ispejjeż tan-netwerk Natura 2000, u li d-data ppreżentata mill-Istati Membri kienet ineżatta u limitata; jinnota bi tħassib li l-istimi tal-finanzjament ma kinux affidabbli u komparabbli, u b'hekk xekklu l-monitoraġġ preċiż tal-ammont tal-fondi tal-Unjoni ddedikati għan-netwerk Natura 2000; jiddispjaċih li dan wassal biex l-Oqfsa ta' Azzjoni Prijoritizzata kellhom utilità limitata fl-iżgurar tal-konsistenza tal-finanzjament tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-bijodiversità taħt in-netwerk Natura 2000; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri b'aktar linji gwida strutturati dwar ir-rappurtar u l-monitoraġġ u dwar it-tlestija tal-PAF; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-data pprovduta tkun eżatta;

154.  Huwa tal-opinjoni li l-allokazzjonijiet finanzjarji għan-netwerk Natura 2000 iridu jkunu identifikabbli u l-użu tagħhom ikun traċċabbli, inkella l-impatt tal-investimenti ma jistax jitkejjel; sakemm in-netwerk Natura 2000 ikun kofinanzjat mill-FEŻR/FK u l-FAEŻR, jistieden lid-direttorati ġenerali rispettivi tal-Kummissjoni jżidu kapitolu speċifiku dwar in-netwerk Natura 2000 fir-rapporti ta' attività annwali tagħhom;

155.  Jilqa' t-twaqqif tal-grupp ta' esperti u l-gruppi ta' ħidma ad hoc dwar prattiki armonizzati u jistieden lill-Kummissjoni tuża r-riżultati tal-attivitajiet tagħhom fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

156.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-kumitati rilevanti tal-Parlament dwar il-pjan ta' azzjoni favur it-titjib tal-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar in-Natura(15);

Parti XII – Rapport Speċjali Nru 2/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "In-negozjar, li sar mill-Kummissjoni, tal-Ftehimiet ta' Sħubija 2014-2020 u l-programmi fil-qasam tal-Koeżjoni, għall-perjodu 2014-2020: l-infiq qed ikun aktar immirat fuq il-prijoritajiet ta' Ewropa 2020, iżda l-arranġamenti għall-kejl tal-prestazzjoni qed ikunu dejjem aktar kumplessi"

157.  Jilqa' l-konstatazzjonijiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fir-rapport speċjali tagħha; iqis l-analiżi tal-Qorti tal-fażi ta' programmazzjoni 2014-2020 tal-implimentazzjoni tal-FSIE bħala utli u f'waqtha biex tassisti lil-leġiżlaturi u lill-Kummissjoni jifformulaw konklużjonijiet xierqa għall-perjodu wara l-2020;

158.  Jinnota r-risposti tal-Kummissjoni u li l-Kummissjoni taċċetta ħamsa mir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti kompletament u żewġ rakkomandazzjonijiet parzjalment; jilqa' d-disponibbiltà tal-Kummissjoni li timplimentahom u jistieden lilha u lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet b'mod sħiħ u tempestiv;

159.  Ma jaqbilx mal-opinjoni tal-Qorti u tal-Kummissjoni skont liema s-setgħat imsaħħa tal-Parlament kienu, fihom infushom, fattur għal dewmien bla bżonn fl-adozzjoni tar-regolamenti rilevanti għall-perjodu 2014-2020;

160.  Jiddispjaċih għad-dewmien mill-Kummissjoni fil-preżentazzjoni tal-proposta tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali wara l-2020 li joħloq il-prospett ta' dewmien sinifikanti fin-negozjati u fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni korrispondenti dwar il-QFP u l-programmi u l-istrumenti finanzjarji, u b'hekk tiġi pperikolata l-implimentazzjoni tempestiva tagħhom fil-perjodu ta' wara l-2020;

161.  Jisħaq fuq il-fatt li l-proposta għal regolamenti ġodda għall-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020, li tikkonsisti f'ġabra unika ta' regoli jew f'format ieħor, jeħtiġilha tiżgura, fil-prattika, simplifikazzjoni, aċċessibbiltà msaħħa għall-fondi u implimentazzjoni ta' suċċess tal-objettivi ta' din il-politika;

162.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata r-ripetizzjoni tad-dewmien fl-adozzjoni tal-programmi operazzjonali, kif ukoll il-problemi identifikati mill-Qorti bħal negozjati aktar kumplessi, impenjattivi u twal tar-regolamenti dwar il-FSIE għall-perjodu 2014-2020, l-adozzjoni tardiva tal-leġiżlazzjoni sekondarja u tal-linji gwida u l-bżonn ta' ħafna sessjonijiet ta' approvazzjonijiet tal-programmi operazzjonali mill-Kummissjoni; jiddispjaċih li dawn in-nuqqasijiet imorru kontra l-objettiv ta' simplifikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tal-politika ta' koeżjoni;

163.  Jinnota li, fir-Rapport Speċjali Nru 2/2017, il-Qorti kkonkludiet li l-Ftehimiet ta' Sħubija wrew li huma strument effettiv għad-delimitazzjoni tal-finanzjament taħt is-SIE għall-objettivi tematiċi u l-prijoritajiet għall-investiment, u biex jingħata appoġġ lill-enfasi fuq l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi; madankollu, jissottolinja li l-implimentazzjoni b'suċċess tal-objettivi tirrikjedi baġit adegwat favur il-politika ta' koeżjoni wara l-2020;

164.  Josserva li, għall-kuntrarju tal-perjodi preċedenti, kien meħtieġ li l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tal-programmi operazzjonali jiġu adottati mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, filwaqt li fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti l-programmi operazzjonali finali biss kellhom jiġu adottati mill-Kulleġġ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa' tqis il-valur miżjud ta' tali proċedura hija u tabbozza l-proposta tagħha għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020;

165.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza b'attenzjoni l-problemi indikati hawn fuq u tieħu miżuri biex tevitahom fil-perjodu wara l-2020, kif ukoll kull azzjoni neċessarja ta' titjib u li tippermetti programmazzjoni rapida u ta' kwalità;

166.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu l-konsultazzjoni tagħhom fl-abbozzar tal-programmi operazzjonali li għandha tiffaċilita proċess rapidu tal-approvazzjoni tagħhom;

167.  Jissottolinja l-importanza tal-użu ta' terminoloġija preċiża u armonizzata li tippermetti li r-riżultati miksuba fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni jitkejlu b'mod adegwat; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma pproponietx definizzjonijiet komuni tat-termini "riżultati" u "output" fil-proposta tagħha għar-Regolament Finanzjarju l-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi definizzjonijiet komuni ċari ta' termini bħal "output", "riżultati" u "impatt" mill-aktar fis possibbli u sew qabel il-bidu tal-perjodu ta' wara l-2020;

168.  Ifakkar li kapaċità amministrattiva adegwata, speċjalment fil-livell nazzjonali u reġjonali, hija kruċjali għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni bla intoppi tal-programmi operazzjonali, inkluż għall-monitoraġġ u għar-rappurtar tal-objettivi u tar-riżultati miksuba permezz tal-indikaturi rilevanti; jinsisti, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw l-assistenza teknika disponibbli biex tittejjeb il-kapaċità amministrattiva fil-livelli differenti;

169.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-"aħjar prattiki" fil-livell kollha;

170.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Istati Membri japplikaw bosta indikaturi addizzjonali ta' eżitu u riżultati flimkien mal-indikaturi fornuti mill-atti bażiċi legali; jibża' li jkun hemm regolamentazzjoni żejda (l-hekk imsejħa "gold-plating effect") li tista' tagħmel l-użu tal-fondi strutturali aktar ikkumplikat u inqas effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni tiskoraġġixxi lill-Istati Membri milli jsegwu tali approċċ;

171.  Jenfasizza r-rilevanza li jitkejjel l-impatt fuq perjodu medju u twil tal-programmi, billi huwa biss meta l-impatt jitkejjel li min jieħu d-deċizjonijiet jista' jaċċerta jekk l-objettivi politiċi ntlaħqux; jistieden lill-Kummissjoni tkejjel espliċitament l-"impatt" matul il-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020;

Parti XIII – Rapport Speċjali Nru 3/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Assistenza mill-UE lit-Tuneżija"

172.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti li jivvaluta l-effiċjenza u l-effikaċja tal-assistenza mill-Unjoni mogħtija lit-Tuneżija; japprova r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

173.  Jinnota li l-finanzjament tal-Unjoni, b'mod ġenerali, intefaq tajjeb billi kkontribwixxa b'mod sinifikanti għat-tranżizzjoni demokratika u għall-istabbiltà ekonomika tat-Tuneżija wara r-rivoluzzjoni;

174.  Jinnota li l-azzjonijiet tal-Unjoni kienu kkoordinati tajjeb mad-donaturi ewlenin u fi ħdan l-istituzzjonijiet u d-dipartimenti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tinkiseb programmazzjoni konġunta mal-Istati Membri, sabiex jittejbu l-fokus u l-koordinament tal-għajnuna;

175.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni u s-SEAE kellhom jaħdmu f'ambjent politiku, soċjali u ta' sigurtà volatili, li rrappreżenta sfida ewlenija fl-għoti ta' għajnuna komprensiva;

176.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tirfina l-approċċ għal appoġġ baġitarju settorjali billi tiddeskrivi l-prijoritajiet tal-pajjiż, it-tfassil ta' kundizzjonijiet u b'hekk tiffaċilita approċċ tal-Unjoni aktar strutturat u mmirat u ssaħħaħ il-kredibbiltà kumplessiva tal-istrateġija nazzjonali Tuneżina;

177.  Jinnota li l-finanzjament mill-Unjoni ta kontribut sinifikanti għat-tranżizzjoni demokratika u għall-istabbiltà ekonomika tat-Tuneżija; madankollu, jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jnaqqsu l-fokus tal-azzjonijiet tagħhom għal numru iżgħar ta' oqsma ddefiniti tajjeb sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-assistenza mill-Unjoni;

178.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-aħjar prassi rigward il-programmi ta' appoġġ baġitarju u tapplika l-kundizzjonijiet għall-iżborż rilevanti li se jistimula lill-awtoritajiet Tuneżini jwettqu riformi essenzjali; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar allokazzjoni mhux stretta ta' fondi "aktar għal aktar" li s-soltu kienu relatati mat-twettiq ta' aktar rekwiżiti u ma kinitx preċeduta minn analiżi dettaljata ta' kemm sar progress;

179.  Jenfasizza s-sinifikat ta' valutazzjoni estensiva tal-Ġestjoni tal-Finanzi Pubbliċi, preferibbilment bl-użu tal-PEFA(16), sabiex jiġu identifikati dgħufijiet potenzjali fil-provvediment ta' għajnuna tal-Unjoni u jiġu indirizzati;

180.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb it-tfassil tal-programmi u l-proġetti billi tistabbilixxi sett ta' indikaturi u linji bażi preċiżi li jippermettu evalwazzjoni xierqa tal-limitu sa fejn intlaħqu l-objettivi;

181.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-enfasi titqiegħed fuq l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u fit-tul minflok fuq azzjonijiet li jwasslu biss għal irkupru temporanju fis-suq tax-xogħol;

Parti XIV – Rapport Speċjali Nru 4/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Nipproteġu l-baġit tal-UE minn infiq irregolari: Il-Kummissjoni għamlet użu dejjem akbar mill-miżuri preventivi u l-korrezzjonijiet finanzjarji fil-qasam tal-Koeżjoni matul il-perjodu 2007-2013"

182.  Jilqa' l-konstatazzjonijiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fir-rapport speċjali tagħha;

183.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari biex jitnaqqsu d-disparitajiet fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni, jiġu rristrutturati ż-żoni industrijali li jkunu sejrin lura u titħeġġeġ il-kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali, biex b'hekk jingħata kontribut għall-ilħuq tal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni; iqis li din l-importanza tiġġustifika s-sehem sinifikanti tagħha mill-baġit tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza tal-ġestjoni finanzjarja tajba tagħha, tal-prevenzjoni u d-deterrenza tal-irregolaritajiet u tal-korrezzjonijiet finanzjarji;

184.  Jinnota li l-Kummissjoni aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Qorti u jistidinha timplimentahom b'mod sħiħ u fi żmien debitu;

185.  Josserva wkoll, b'mod ġenerali, li l-Kummissjoni għamlet użu effettiv mill-miżuri għad-dispożizzjoni tagħha matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 biex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni minn infiq irregolari;

186.  Jilqa' l-fatt li, fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, il-Kummissjoni bdiet timplimenta l-miżuri korrettivi u l-korrezzjonijiet finanzjarji ferm qabel milli għamlet fil-perjodu 2000-2006 u b'impatt aktar inċiżiv; madankollu, jenfasizza li tali miżuri korrettivi jridu jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni waqt li fl-istess ħin jirrikonoxxu l-importanza tal-implimentazzjoni f'waqtha u effettiva tal-programmi operazzjonali milquta;

187.  Jistieden lill-Kummissjoni tibqa' viġilanti meta teżamina d-dikjarazzjonijiet tal-għeluq ippreżentati mill-Istati Membri għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, kif ukoll fil-futur;

188.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport analitiku u konsolidat dwar il-miżuri preventivi u l-korrezzjonijiet finanzjarji kollha imposti matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, abbażi tar-rapport għall-perjodu preċedenti;

189.  Jissottolinja li l-interruzzjonijiet u s-sospensjonijiet tal-pagamenti jirrappreżentaw riskju finanzjarju sinifikanti għall-Istati Membri u jistgħu jwasslu wkoll għal diffikultajiet għall-Kummissjoni fil-ġestjoni baġitarja tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura sforzi bbilanċjati biex tipproteġi l-baġit u l-ilħuq tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni;

190.  Jissottolinja li jekk l-Istati Membri nfushom jiskopru irregolaritajiet u jieħdu miżuri preventivi, dan jirriżulta f'inqas ħin imqatta' fuq l-identifikazzjoni tal-problemi u jħalli iktar ħin biex dawn jiġu riżolti; iqis li dan ifisser ukoll li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fl-Istati Membri jaħdmu b'mod effettiv u b'hekk li l-livell ta' irregolaritajiet jista' jkun taħt is-soll tal-materjalità; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri jkunu aktar proattivi u responsabbli u jiskopru u jikkoreġu l-irregolaritajiet abbażi tal-kontroll u tal-awditi tagħhom stess, bil-għan li jtejbu s-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll fil-livell nazzjonali ħalli jkunu evitati aktar korrezzjonijiet finanzjarji netti u telf ta' fondi;

191.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni suffiċjenti f'termini ta' volum u ta' kwalità f'każijiet ta' korrezzjonijiet finanzjarji li ngħataw bidu b'segwitu għall-awditi tal-Kummissjoni bil-għan li jkunu żgurati proċeduri rapidi;

192.  Jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza taċ-ċertezza tar-regolamentazzjoni u gwida u assistenza teknika adegwati min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluża formulazzjoni b'mod speċifiku biżżejjed tar-rekwiżiti tagħha; jistieden ukoll lill-Kummissjoni taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-Istati Membri bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza tal-kontrolli tal-ewwel u tat-tieni livell;

193.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida għar-rappurtar armonizzat dwar l-implimentazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji li se jiffaċilitaw il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-korrezzjonijiet finanzjarji eżegwiti mill-Istati Membri;

194.  Jappoġġa l-konklużjoni tal-Qorti skont liema l-qafas legali fir-rigward tal-korrezzjonijiet finanzjarji għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020 għandu jissaħħaħ iżda l-enfasi primarja trid tibqa' fuq il-prevenzjoni tal-irregolaritajiet u tal-frodi;

195.  Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf, mill-aktar fis possibbli, sistema ta' monitoraġġ integrata, li tippermetti li l-informazzjoni li tinsab fid-databases tintuża biex issir analiżi komparattiva, li tkun tkopri kemm il-miżuri preventivi kif ukoll il-korrezzjonijiet finanzjarji għall-perjodu 2014-2020, u tipprovdi aċċess għall-informazzjoni fi żmien debitu lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri;

196.  Jistieden lill-Qorti biex, fl-attività ta' awditjar futura tagħha, tikkonċentra aktar fuq id-dgħufijiet sistematiċi u tippreżenta rakkomandazzjonijiet kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri dwar it-titjib tal-funzjonament tas-sistema globali tal-ġestjoni u tal-kontroll finanzjarji;

Parti XV – Rapport Speċjali Nru 5/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-qgħad fost iż-żgħażagħ - il-politiki tal-UE għamlu differenza? Valutazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ"

197.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti u huwa kuntent li l-Kummissjoni taċċetta wħud mir-rakkomandazzjonijiet u se tikkunsidrahom;

198.  Jinnota li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni naqset f'dawn l-aħħar snin; madankollu, jiddispjaċih li f'nofs l-2016 18,8 % taż-żgħażagħ kienu għadhom qiegħda; jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Istati Membri jużaw l-appoġġ disponibbli tal-Unjoni biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni li ilha teżisti;

199.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li l-popolazzjoni NEET (barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ) hija skonnessa mill-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol; jifhem li din il-popolazzjoni hija l-aktar diffiċli biex tintlaħaq permezz ta' programmi operazzjonali li jimplimentaw skemi finanzjarji tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; iqis li għall-perjodu 2017-2020, l-attenzjoni għandha tkun fuq din il-popolazzjoni, sabiex jiġi żgurat l-ilħuq tal-objettivi ewlenin tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (YG);

200.  Jenfasizza li l-integrazzjoni tal-popolazzjoni NEET tirrikjedi, b'mod sinifikanti, iżjed finanzjament tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jimmobilizzaw ukoll riżorsi addizzjonali mill-baġits nazzjonali tagħhom;

201.  Jenfasizza li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ għamlet kontribut pożittiv favur l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ mill-2012 iżda li r-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ tibqa' għolja b'mod inaċċettabbli, u għalhekk jitlob li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tiġi estiża sal-2020;

202.  Jiddispjaċih li ebda wieħed mill-Istati Membri li saru żjarat fihom ma seta' jipprovdi lin-NEETs kollha b'opportunità li jaċċettaw offerta fi żmien erba' xhur minn meta jidħlu fl-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

203.  Jilqa' b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni biex titjieb il-kwalità tal-offerti;

204.  Jinnota li l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha ppubblikata f'Ottubru 2016(17), tikkonkludi li teżisti l-ħtieġa li tittejjeb l-effikaċja tagħha;

205.  Jinnota l-isfida li għadha teżisti ta' nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet biex jissodisfaw id-domandi tas-suq tax-xogħol; jitlob lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) tal-Kunsill, tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri bil-għan li din il-kwistjoni titqajjem fl-aġenda dwar l-impjiegi;

206.  Jilqa' l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-Istati Membri biex jidentifikaw u jxerrdu prattika tajba fil-monitoraġġ u r-rappurtar ibbażat fuq is-sistemi eżistenti fl-Istati Membri; ifakkar lill-Kummissjoni li l-komparabbiltà tad-data tibqa' fundamentali għal dawn il-finijiet;

207.  Jinnota li, sabiex jintlaħaq l-għan ta' offerta ta' impjieg ta' kwalità fit-tul għaż-żgħażagħ kollha taħt l-24 sena f'reġjuni identifikati, se jkunu meħtieġa ħafna aktar riżorsi;

Parti XVI – Rapport Speċjali Nru 6/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Ir-rispons tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati: l-approċċ "hotspot""

208.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti; japprova r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

209.  Jinnota t-tweġiba tal-Kummissjoni u l-impenn tagħha li tappoġġa lill-awtoritajiet Taljani u Griegi; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Qorti sabiex tkompli tiżviluppa l-aspetti speċifiċi tal-approċċ "hotspot";

210.  Jiddispjaċih li fir-rapport speċjali tagħha, il-Qorti ma setgħetx tittratta l-istampa usa', inkluża r-rilokazzjoni tal-applikanti fi Stati Membri oħra; jenfasizza li l-ostakli fil-proċeduri ta' segwitu kkawżaw sfida kostanti għall-funzjonament xieraq tal-hotspots;

211.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-implimentazzjoni tal-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni; jenfasizza l-bżonn li jitkompla l-iżvilupp ta' miżuri fuq perjodu qasir, kif ukoll ta' dawk fuq perjodu twil, għall-ġestjoni aħjar tal-fruntieri u biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni illegali;

212.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), lill-Europol, lill-Frontex (fid-dawl tal-mandat il-ġdid tagħha bħala Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta), lill-awtoritajiet nazzjonali u lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra biex ikomplu u jżidu l-appoġġ tagħhom għall-hotspots; jinnota li huwa biss permezz ta' kooperazzjoni aktar intensa bejn il-Kummissjoni, l-aġenziji u l-Istati Membri li jista' jkun żgurat l-iżvilupp b'aktar suċċess tal-kunċett tal-hotspots;

213.  Jenfasizza f'dan ir-rigward li, speċjalment fil-każ tal-Italja, il-wasla kontinwa ta' migranti tibqa' tippreżenta sfidi enormi, li għalihom huwa essenzjali l-appoġġ tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha;

214.  Jisħaq fuq l-importanza tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u tal-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF); jappella għall-possibbiltà li jiġu applikati r-regoli finanzjarji ta' emerġenza għall-AMIF u l-ISF; jinsisti li l-uniku mod biex tiżdied l-effiċjenza tal-hotspots fl-appoġġ tal-Istati Membri l-iktar esposti huwa billi jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji biex jittejbu u jinħolqu infrastrutturi ta' akkoljenza u akkomodazzjoni, li huma essenzjali meta jaslu numri enormi ta' migranti;

215.  Jilqa' r-riżultati tal-awditu tal-Qorti dwar is-sitwazzjoni tal-migranti minorenni fil-hotspots, u jisħaq fuq l-importanza li jiġi żviluppat approċċ integrat għall-akkoljenza tagħhom, filwaqt li dejjem jitqiesu l-aħjar interessi tagħhom; jappella għal użu aħjar tar-riżorsi finanzjarji għall-akkoljenza tal-minorenni u għal taħriġ għall-persunal li se jaħdem mill-qrib mal-persuni l-aktar vulnerabbli; ifakkar li wara l-pubblikazzjoni ta' dan ir-rapport speċjali, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni ffukata kompletament fuq il-migranti minorenni(18); jissottolinja l-importanza ta' din il-komunikazzjoni u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet inklużi f'dan id-dokument;

216.  Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu l-isforzi tagħhom ta' appoġġ għall-hotspots permezz ta' rilokazzjoni aktar effettiva u, jekk ma jkunx hemm raġunijiet għal ammissjoni, permezz tal-proċeduri ta' ritorn;

217.  Huwa allarmat dwar ir-rapporti kontinwi ta' traffikar tat-tfal; jappella għal miżuri addizzjonali għall-protezzjoni tat-tfal, speċjalment il-minorenni mhux akkumpanjati, mill-wasla tagħhom 'il quddiem; iqis li huwa inaċċettabbli li t-traffikanti jkomplu jirrappreżentaw theddida diretta għat-tfal;

218.  Jistieden lill-Europol ikompli bl-isforzi tiegħu fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali, it-traffikar tal-bnedmin u l-ġlieda kontra l-organizzazzjonijiet kriminali involuti, u jappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġestjoni ta' investigazzjonijiet kriminali possibbli dwar il-ġestjoni tal-hotspots;

219.  Jilqa' l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali Taljani u Griegi biex jirreġistraw l-ogħla numru possibbli ta' migranti li jaslu f'pajjiżhom, b'rata ta' reġistrazzjoni ta' 78 % fil-Greċja fl-2016, meta mqabbel ma' 8 % fl-2015, u ta' 60 % fl-2015, meta mqabbel ma' medja ta' 97 % għall-2016 fl-Italja; jissottolinja li l-uniku mod kif ikun hemm sistema ta' akkoljenza effikaċi huwa li jkollna stampa eżatta tas-sitwazzjoni fil-post;

220.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw il-kwalità tal-eżami tal-applikazzjoni għall-asil fil-hotspots; jirrikonoxxi ċ-ċirkustanzi diffiċli li fihom l-applikazzjonijiet iridu jiġu pproċessati, iżda jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati proċeduri mgħaġġla li jwasslu biex isiru l-iżbalji; barra minn hekk, jenfasizza li l-Istati Membri l-iktar esposti għandhom ikunu responsabbli biss għar-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba' tal-migranti kollha, iżda li l-proċeduri ta' segwitu għandhom ikunu responsabbiltà komuni tal-Istati Membri kollha, fi spirtu ta' solidarjetà; jappella biex dawk li qegħdin ifittxu l-asil jiġu informati b'mod xieraq dwar il-proċeduri ta' rilokazzjoni, dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-pajjiżi ta' destinazzjoni possibbli;

221.  Jistieden lill-Kunsill jiżgura, mingħajr dewmien, li n-nuqqas li għadu jeżisti ta' esperti jiġi rimedjat bl-appoġġ tal-EASO kif ukoll tal-Istati Membri; huwa konvint li, speċjalment fil-każ tal-Italja, ikun meħtieġ appoġġ addizzjonali fil-futur ukoll; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaqblu dwar pjan biex tali kapaċità addizzjonali tkun disponibbli minnufih fuq talba tal-Italja u l-Greċja;

222.  Jissottolinja li l-hotspots huma postijiet iddedikati għar-reġistrazzjoni tal-migranti li jkunu deħlin u għalhekk dawn m'għandhomx isiru affollati, u lanqas ċentri ta' detenzjoni; jistieden lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom biex ipoġġu fil-prattika l-miżuri neċessarji kollha biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

223.  Huwa mħasseb dwar il-bosta partijiet ikkonċernati li attwalment qed jiġu involuti fl-istabbiliment u l-funzjonament tal-hotspots u jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jissottomettu proposti li jagħmlu l-istruttura aktar trasparenti u responsabbli;

224.  Jirrakkomanda lill-Qorti tikkunsidra rapport ta' segwitu malajr dwar il-funzjonament tal-hotspots b'ambitu usa' li jinkludi analiżi tal-proċeduri ta' asil, rilokazzjoni u ritorn;

Parti XVII – Rapport Speċjali Nru 7/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Ir-rwol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni f'dak li jirrigwarda l-infiq taħt il-PAK: pass pożittiv lejn mudell ta' awditu uniku iżda hemm dgħufijiet sinifikanti li jridu jiġu indirizzati"

225.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti, u japprova l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħha; jinnota b'sodisfazzjon li l-Kummissjoni taċċetta l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet li saru u se tikkunsidra li, jew diġà bdiet, timplimentahom;

226.  Jirrikonoxxi l-progress pożittiv li sar fil-mudell tal-awditjar tan-nefqa tal-PAK; madankollu, jiddispjaċih li l-iskema ta' awditjar uniku għadha ma taħdimx bil-potenzjal sħiħ tagħha;

227.  Ifakkar lill-Kummissjoni fir-responsabbiltà finali tagħha tal-użu effiċjenti tan-nefqa tal-PAK; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-applikazzjoni tal-metodi ta' kontroll tkun simili biżżejjed fl-Unjoni kollha, u li l-korpi ta' ċertifikazzjoni (CBs) kollha japplikaw l-istess kriterji f'xogħolhom;

228.  Jinnota li s-CBs ilhom jawditjaw b'mod indipendenti lill-aġenziji tal-pagamenti tal-pajjiż rispettiv tagħhom mill-1996; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li fl-2015, għall-ewwel darba, is-CBs kienu rikjesti jaċċertaw il-legalità u r-regolarità tan-nefqa relatata; iqis li dan huwa żvilupp importanti ħafna peress li jista' jgħin lill-Istati Membri jsaħħu l-kontrolli tagħhom u jnaqqsu l-ispejjeż ta' awditjar, u jippermetti lill-Kummissjoni tikseb aktar assigurazzjoni indipendenti dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa tal-PAK;

229.  Madankollu, jiddispjaċih li l-Kummissjoni tista' tuża x-xogħol tas-CBs sa ċertu punt biss, peress li skont ir-rapport tal-Qorti, hemm dgħufijiet sinifikanti fit-tfassil fil-qafas attwali, li minħabba fihom l-opinjonijiet tas-CBs ma jikkonformawx bis-sħiħ mal-istandards u r-regoli tal-awditjar f'ċerti oqsma importanti;

230.  Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li kien hemm dgħufijiet kemm fil-metodoloġija kif ukoll fl-implimentazzjoni, fost oħrajn l-istrateġiji tal-awditjar ħafna drabi ma jkunux xierqa, settijiet ta' kampjuni inadegwati jkunu qed jitfasslu, u l-awdituri tas-CBs spiss ma jkollhomx livell suffiċjenti ta' ħiliet u kompetenzi legali; madankollu, jirrikonoxxi li l-2015 setgħet kienet sena diffiċli għall-Istati Membri, peress li r-regoli u l-linji gwida rilevanti tal-Unjoni kienu għaddejjin minn perjodu ta' varar dak iż-żmien, u jista' jkun li l-Korpi ta' Ċertifikazzjoni ma jkunux ġew ipprovduti b'biżżejjed informazzjoni u taħriġ dwar l-implimentazzjoni prattika tagħhom, jew mogħtija biżżejjed gwida dwar in-numru meħtieġ ta' kampjuni;

231.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar sforzi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet sottolinjati fir-rapport tal-Qorti, u biex jinkiseb mudell ta' awditjar uniku tassew effiċjenti fin-nefqa tal-PAK; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja u tappoġġja b'mod attiv lis-CBs fit-titjib ta' xogħolhom u l-metodoloġija dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa;

232.  Jindika b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġu żviluppati metodi ta' ħidma aktar affidabbli fil-linji gwida relatati mar-riskju li tintefaħ l-assigurazzjoni li tirriżulta mill-kontrolli interni u japprova r-rimarki tal-Qorti rigward ir-rappreżentattività mhux xierqa tal-kampjuni u t-tip ta' ttestjar permess, il-kalkolu mhux meħtieġ ta' żewġ rati ta' żball differenti u kif jintużaw ir-rati, u l-opinjonijiet mhux affidabbli li huma bbażati fuq żball sottostmat;

233.  Jinnota wkoll mir-rapport tal-Qorti li, minkejja n-natura li ħafna drabi ma tkunx affidabbli tal-istatistika ta' kontroll tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tkompli tibbaża l-mudell ta' assigurazzjoni tagħha fuq din id-data, u li fl-2015 l-opinjoni tas-CBs kienet biss wieħed mill-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni;

234.  Jiddispjaċih li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan in-nuqqas ta' affidabbiltà huma ċari; jinnota, pereżempju, li fil-pagamenti diretti, DĠ AGRI ta' pagamenti supplementari lil 12 minn 69 aġenzija tal-pagamenti b'rata ta' żball ta' aktar minn 2 %, filwaqt li aġenzija tal-pagamenti waħda biss inizjalment ikkwalifikat id-dikjarazzjoni tagħha, u li fl-2015, DĠ AGRI ħareġ ukoll riżervi għal 10 aġenziji tal-pagamenti; jinnota wkoll li fiż-żoni rurali, DĠ AGRI ta pagamenti supplementari lil 36 minn 72 aġenzija tal-pagamenti u f'14-il każ ir-rata ta' żball aġġustata kienet ogħla minn 5 %, u li fl-2015 DĠ AGRI ħareġ ukoll riżervi għal 24 aġenzija tal-pagamenti minn 18-il Stat Membru;

235.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq dan in-nuqqas ta' affidabbiltà u tiżviluppa miżuri sabiex tikseb bażi affidabbli għall-mudell ta' assigurazzjoni tagħha; jemmen li l-Kummissjoni għandha, f'dan ir-rigward, tiggwida b'mod attiv lis-CBs biex joħorġu opinjonijiet adegwati, u japprofittaw mill-informazzjoni u d-data pprovduta b'konsegwenza;

236.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikjedi wkoll li s-CBs jimplimentaw salvagwardji xierqa biex jiżguraw ir-rappreżentattività tal-kampjuni tagħhom, tippermetti lis-CBs iwettqu biżżejjed ittestjar fuq il-post, tirrikjedi li s-CBs jikkalkulaw rata waħda biss ta' żball għal-legalità u r-regolarità, u tiżgura li l-livell ta' żball irrappurtat mill-aġenziji tal-pagamenti fl-istatistika ta' kontroll tagħhom ikun inkluż b'mod korrett fir-rata ta' żball tas-CBs;

237.  Jirrakkomanda, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni tinsisti biex l-opinjonijiet dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa tal-PAK ikunu ta' kwalità u b'portata li jippermettu lill-Kummissjoni taċċerta ruħha dwar l-affidabbiltà tad-data ta' kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti, jew meta jkun xieraq, tistma l-aġġustament neċessarju tar-rati ta' żball tal-aġenziji tal-pagamenti abbażi tal-opinjonijiet pprovduti mis-CBs;

238.  Jinnota li, f'dak li għandu x'jaqsam mar-rakkomandazzjoni Nru 7 tal-Qorti, il-Kummissjoni trid tiżgura li r-rata ta' żball tal-aġenziji tal-pagamenti ma takkumulax wisq fir-rata ta' żball globali tas-CBs; jemmen li l-linji gwida f'dan ir-rigward għandhom ikunu ċari kemm jista' jkun sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet ħżiena fil-korrezzjonijiet finanzjarji;

239.  Jinnota wkoll mir-rapport tal-Qorti li s-salvagwardja tan-nuqqas ta' avviż minn qabel tal-aġenziji tal-pagamenti dwar liema tranżazzjonijiet se jkunu soġġetti għal twettiq mill-ġdid, ġiet kompromessa fil-każ tal-Italja, fejn is-CB kien ta lill-aġenzija tal-pagamenti avviż minn qabel dwar liema benefiċjarji kienu se jiġu skrutinizzati qabel ma l-aġenzija tal-pagamenti wettqet il-maġġoranza ta' kontrolli fuq il-post inizjali tagħha; jenfasizza bil-qawwa li l-applikazzjoni adegwata tal-metodu ta' għażla bbażat fuq it-talbiet għandha tiġi garantita f'kull każ, u avviżi minn qabel ma jistgħux jiġu applikati mingħajr konsegwenzi;

240.  Jirrimarka li għal tranżazzjonijiet mhux IACS (kemm FAEG u FAEŻR), hemm disparità sinifikanti bejn il-perjodu li għalih il-kontrolli fuq il-post huma rrappurtati (sena kalendarja) u l-perjodu li għalih in-nefqa titħallas (mis-16 ta' Ottubru 2014 sal-15 ta' Ottubru 2015 għas-sena finanzjarja 2015); jinnota li, konsegwentement, uħud mill-benefiċjarji soġġetti għal kontrolli fuq il-post imwettqa matul is-sena kalendarja 2014 ma ġewx rimborżati fis-sena finanzjarja 2015, u s-CBs ma jistgħux jinkludu r-riżultati ta' dawn it-tranżazzjonijiet fil-kalkolu tagħhom tar-rata ta' żball għas-sena finanzjarja kkonċernata; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ b'soluzzjoni xierqa għas-sinkronizzazzjoni ta' dawn il-kalendarji;

241.  Jirrimarka li l-iskedi ta' kontroll għall-aġenziji tal-pagamenti jistgħu jkunu limitati ħafna, speċjalment fi Stati Membri bi staġun qasir tat-tkabbir, u l-għoti ta' informazzjoni rilevanti lis-CBs fi żmien debitu jista' ħafna drabi jkun ta' sfida kbira; jinnota li dan jista' jwassal għall-użu ta' diversi metodi ta' kontroll differenti u rati ta' żball doppji, peress li s-CBs ma jistgħux isegwu l-proċedura ta' kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti b'mod sħiħ; jemmen li din il-kwistjoni tista' tiġi riżolta, pereżempju permezz ta' miżuri ta' monitoraġġ bis-satellita;

242.  Iqis li t-teknoloġija ġdida tista' tiġi sfruttata aħjar b'mod ġenerali fil-kontroll tan-nefqa tal-PAK: meta jista' jintlaħaq livell suffiċjenti ta' affidabbiltà, pereżempju permezz ta' kontroll satellitari, il-benefiċjarji u l-awdituri m'għandhomx jitgħabbew b'numru eċċessiv ta' awditi fuq il-post; jenfasizza li filwaqt li jiġu żgurati l-interessi finanzjarji tal-finanzjament tal-UE fin-nefqa tal-PAK, l-għan aħħari tal-iskema ta' awditjar uniku għandu jkun li tipprovdi kontrolli effiċjenti, sistemi amministrattivi li jiffunzjonaw u tnaqqis tal-piż burokratiku;

243.  Barra minn hekk, jenfasizza li l-mudell ta' awditjar uniku għandu jinkludi inqas saffi fis-sistema ta' kontroll u jinvolvi inqas spejjeż għall-Unjoni, l-Istati Membri u l-benefiċjarji; iqis li għandha ssir enfasi akbar fuq l-affidabbiltà tas-sistema ġenerali ta' kontroll tal-Istat Membru, minflok ma ssir enfasi sempliċement fuq kontrolli supplementari għall-benefiċjarji; iqis li s-sistema ta' kontroll għadha wisq ta' piż għall-benefiċjarji, li f'dawk l-Istati Membri fejn l-irregolaritajiet u l-frodi huma anqas komuni, is-sistema ġenerali tal-awditjar uriet li hija suffiċjenti, u li l-affidabbiltà tista' tiġi żgurata b'metodi oħra minbarra kontrolli eċċessivi fuq il-post;

244.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota partikolari tar-rapport tal-Qorti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u tiżviluppa aktar is-sistema ta' kontroll tan-nefqa tal-PAK lejn approċċ ta' awditjar verament uniku;

245.  Jenfasizza li ħafna min-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti ġew imqajma u indirizzati mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha tal-2018; jilqa' l-progress kostanti li sar mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni;

Parti XVIII – Rapport Speċjali Nru 8/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-kontrolli tas-sajd tal-UE: jenħtieġu sforzi addizzjonali"

246.   Sabiex titjieb l-eżattezza tal-informazzjoni dwar il-kapaċità tas-sajd, jitlob lill-Istati Membri biex, sal-2018, jistabbilixxu proċeduri li jivverifikaw l-eżattezza tal-informazzjoni rreġistrata fir-reġistri nazzjonali tal-flotot tagħhom;

247.  Fil-kuntest ta' kwalunkwe emenda futura għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009(19) ("ir-Regolament dwar il-Kontroll"), u sabiex titjieb l-eżattezza tal-informazzjoni dwar il-kapaċità tas-sajd, jitlob lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta leġiżlattiva tagħha regoli dettaljati għall-verifiki regolari dokumentarji u fuq il-post, kemm tal-indikaturi tat-tunnelleġġ gross (TG) kif ukoll dawk tal-qawwa tal-magna (kW) li jintużaw għall-kalkolu tal-kapaċità tas-sajd;

248.   Fil-kuntest ta' kwalunkwe emenda futura għar-Regolament dwar il-Kontroll, u sabiex jitjieb il-monitoraġġ tal-attivitajiet ta' bastimenti tas-sajd żgħar, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta leġiżlattiva tagħha:

(a)   it-tneħħija tal-eżenzjonijiet tal-VMS(20) għal bastimenti li jkunu bejn 12 u 15-il metru twal;

(b)   ir-rekwiżit għall-installazzjoni ta' sistemi iżgħar u orħos ta' lokalizzazzjoni għal bastimenti li jkunu inqas minn 12-il metru twal;

249.  Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tad-distribuzzjoni tal-kwoti tas-sajd, jitlob lill-Istati Membri biex, sal-2019, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar is-sistema ta' allokazzjoni tal-kwoti tagħhom f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament dwar il-PKS(21), inkluż il-mod kif il-kriterji trasparenti u oġġettivi jkunu ġew inkorporati fid-distribuzzjoni tal-kwoti tas-sajd fost il-partijiet ikkonċernati;

250.   Sabiex jitjiebu l-kompletezza u l-affidabbiltà tad-data dwar is-sajd, jitlob lill-Istati Membri biex, sal-2019:

(a)  jeżaminaw mill-ġdid u jtejbu l-proċess għar-reġistrazzjoni u l-verifika tad-data f'forma stampata tal-attivitajiet tas-sajd; jintroduċu b'mod gradwali proċessi biex jirreġistraw u jivverifikaw id-data elettronika dwar l-attivitajiet tas-sajd mibgħuta minn bastimenti b'tul totali ta' anqas minn 10 metri; jiżguraw li dawn is-sistemi jkunu kompatibbli u jippermettu l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd;

(b)   jiżguraw li jkollhom data affidabbli dwar l-attività ta' bastimenti taħt l-10 metri fit-tul permezz tal-introduzzjoni gradwali ta' rekwiżiti xierqa ta' reġistrazzjoni u rappurtar, li jkunu rħas u faċli biex jintużaw, u li japplikaw ir-regoli stabbiliti mir-Regolament dwar il-Kontroll biex jiġbru d-data;

(c)   jikkompletaw il-validazzjoni u l-kontroverifika tad-data dwar l-attivitajiet tas-sajd;

251.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, sal-2019:

(a)   tistabbilixxi pjattaforma għall-iskambju tal-informazzjoni li għandha tintuża mill-Istati Membri biex jibagħtu d-data vvalidata f'formats u f'kontenuti standard, biex b'hekk l-informazzjoni disponibbli għas-servizzi differenti tal-Kummissjoni tkun taqbel mad-data tal-Istati Membri;

(b)   tippromwovi l-iżvilupp ta' sistema orħos, aktar sempliċi u li tkun faċli għall-utent biex tiffaċilita l-komunikazzjoni elettronika tal-attivitajiet tas-sajd għal bastimenti li jkunu inqas minn 12-il metru twal; tintroduċi, għall-bastimenti ta' bejn l-10 metri u 12-il metru fit-tul, l-obbligu li jintużaw sistemi ta' reġistrazzjoni u rappurtar elettroniċi (e-logbooks) flok dawk stampati; tintroduċi b'mod gradwali, għall-bastimenti b'tul ta' inqas minn 10 metri, l-obbligu li jirreġistraw u jirrappurtaw il-qabdiet tagħhom permezz ta' sistema elettronika orħos, aktar sempliċi u faċli biex tintuża;

(c)   tanalizza l-problemi li jkun fadal fil-kompletezza u l-affidabbiltà tad-data fil-livell tal-Istati Membri, u tiddeċiedi dwar azzjonijiet xierqa mal-Istati Membri meta jkun meħtieġ;

252.   Fil-kuntest ta' kwalunkwe emenda futura tar-Regolament dwar il-Kontroll, u sabiex titjieb il-kompletezza tal-affidabbiltà tad-data dwar is-sajd, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta leġiżlattiva tagħha:

(a)   it-tneħħija tas-Sistema Elettronika ta' Rappurtar u ta' eżenzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet elettroniċi għall-bastimenti li jkunu bejn 12 u 15-il metru twal;

(b)   rieżami tal-obbligi ta' rappurtar tad-data dwar il-qabdiet tal-Istati Membri, taħt ir-Regolament dwar il-Kontroll, sabiex jiġu inklużi d-dettalji taż-żona tas-sajd, tad-daqs tal-bastimenti, u tat-tagħmir tas-sajd;

253.  Sabiex l-ispezzjonijiet jittejbu, jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jużaw protokolli u rapporti ta' spezzjoni standard li jkunu aktar adattati għall-kundizzjonijiet reġjonali u tekniċi speċifiċi tas-sajd minn dawk previsti fl-Anness XXVII tar-Regolament (UE) Nru 404/2011(22); jistieden lill-Istati Membri jagħmlu dan f'konsultazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u sal-2019, meta r-regolament il-ġdid dwar il-miżuri tekniċi(23) mistenni jidħol fis-seħħ;

254.  Fil-kuntest ta' kwalunke emenda futura tar-Regolament dwar il-Kontroll, jitlob lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta leġiżlattiva tagħha l-użu obbligatorju mill-Istati Membri tas-Sistema Elettronika tar-Rapporti ta' Spezzjoni sabiex tiżgura riżultati eżawrjenti u aġġornati tal-ispezzjonijiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi wkoll fil-proposta l-obbligu għall-Istati Membri li jikkondividu r-riżultati tal-ispezzjonijiet ma' Stati Membri oħra kkonċernati;

255.   Sabiex tkun żgurata l-effikaċja tas-sistema tas-sanzjonijiet, jistieden lill-Istati Membri biex, sal-2019:

(a)   jieħdu kont dovut tal-ksur rikorrenti jew ta' trasgressuri persistenti meta jistabbilixxu s-sanzjonijiet;

(b)    jimplimentaw bis-sħiħ is-sistemi tal-punti u jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tagħhom fit-territorji rispettivi tagħhom;

256.  Fil-kuntest ta' kwalunkwe emenda futura tar-Regolament dwar il-Kontroll, jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-proposta leġiżlattiva tagħha, tinkludi dispożizzjoni li tipprevedi sistema għall-iskambju ta' data dwar ksur u sanzjonijiet f'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u l-Istati Membri;

Parti XIX – Rapport Speċjali Nru 9/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu ''Appoġġ mogħti mill-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t'Isfel/ix-Xlokk tal-Asja"

257.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti; japprova r-rakkomandazzjonijiet tagħha u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

258.  Jirrikonoxxi li minkejja l-ambjent diffiċli li kellha topera fih, l-Unjoni għamlet kontribut tanġibbli lejn il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t'Isfel u x-Xlokk tal-Asja;

259.  Jilqa' l-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin permezz ta' miżuri bħall-ħatra ta' uffiċjali ta' kollegament Ewropej għall-migrazzjoni f'pajjiżi speċifiċi; jitlob li l-ħidma f'dan ir-rigward tkompli;

260.  Iħeġġeġ lill-Unjoni tintensifika l-kooperazzjoni tagħha mal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet oħra preżenti fiż-żona (bħan-NU, l-ASEAN u NGOs rilevanti) u mas-soċjetà ċivili, sabiex tikseb ħarsa ġenerali aħjar lejn il-prijoritajiet li għad fadal u b'hekk tħejji pjan ta' azzjoni aktar immirat;

261.  Jenfasizza l-importanza li jinqerdu l-faqar estrem u d-diskriminazzjoni tal-minoranzi u bejn is-sessi fil-pajjiżi tal-Asja t'Isfel u tax-Xlokk tal-Asja, kif ukoll li jiġu kkonsolidati l-pedamenti demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom bl-għajnuna tal-EIDHR;

262.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa database komprensiva, koerenti u affidabbli dwar l-għajnuna finanzjarja kontra t-traffikar, biex b'hekk id-distribuzzjoni tal-fondi tkun aktar ġustifikata u tilħaq lill-benefiċjarji li effettivament għandhom l-aktar ħtiġijiet urġenti; jaqbel mal-Kunsill dwar il-ħtieġa li tiġi elaborata lista aġġornata ta' reġjuni u pajjiżi affettwati mit-traffikar tal-bnedmin, u li dik il-lista tiġi inkluża fid-database;

263.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Rappurtar dwar is-segwitu tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Eradikazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u identifikazzjoni ta' azzjonijiet konkreti oħra" (COM(2017)0728) ippubblikata mill-Kummissjoni f'Diċembru 2017; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati għal kull reġjun;

264.  Jilqa' l-fatt li t-traffikar tal-bnedmin se jkompli jkun prijorità fiċ-ċiklu ta' politika tal-Unjoni li jmiss dwar il-kriminalità internazzjonali organizzata u serja bejn l-2018 u l-2021;

265.  Iqis li huwa essenzjali li jissaħħu l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fl-istati tal-Asja t'Isfel u tax-Xlokk tal-Asja, sabiex ikunu aktar effettivi fl-identifikazzjoni u ż-żarmar tan-netwerks tat-traffikar tal-bnedmin; jitlob b'insistenza li jitħarrxu s-sanzjonijiet għall-kriminali involuti fit-traffikar tal-bnedmin;

266.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Unjoni permezz ta' kooperazzjoni politika u ġudizzjarja, sabiex jiġu indirizzati l-gruppi mafjużi li jużaw l-Unjoni bħala d-destinazzjoni aħħarija għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, kif innutat fil-komunikazzjoni ta' Diċembru 2017;

267.  Jemmen li tinħtieġ konnessjoni aħjar bejn l-għażla taż-żmien għal azzjonijiet mitiganti, ir-riżorsi permessi għal din il-kwistjoni, u aktar kooperazzjoni bejn is-SEAE, il-Kummissjoni, l-ASEAN u n-Nazzjonijiet Uniti biex tkun possibbli ġlieda aktar effiċjenti kontra t-traffikar tal-bnedmin;

268.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jindirizzaw ukoll il-kwistjoni tat-traffikar tal-bnedmin billi jesploraw mezzi oħra ta' azzjoni bħal ftehimiet bilaterali u multilaterali;

Parti XX – Rapport Speċjali Nru 10/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Jenħtieġ li l-appoġġ li jingħata mill-UE lil bdiewa żgħażagħ ikun immirat aħjar biex jitrawwem tiġdid ġenerazzjonali effettiv"

269.   Huwa tal-opinjoni li fir-rigward tal-politiki tal-PAK eżistenti:

(a)  tinħtieġ evalwazzjoni komprensiva tal-għodda u l-miżuri kollha li jistgħu jiġu kkombinati biex tingħata għajnuna lill-bdiewa żgħażagħ, issir enfasi fuq il-komprabbiltà fl-Unjoni kollha, fuq il-konsistenza jew l-inkonsistenza fl-indikaturi tar-riżultati, u fuq l-ostakli għad-dħul fis-suq min-naħa tal-bdiewa żgħażagħ li jistgħu jiġu indirizzati fir-reviżjoni futura tal-PAK;

(b)  l-objettivi għandhom jiġu definiti b'mod aħjar f'termini ta' tiġdid ġenerazzjonali, possibilment b'għan kwantifikat, u għandha tinġabar informazzjoni dwar il-livelli ta' suċċess fit-tiġdid ġenerazzjonali kif ukoll il-fatturi li jikkontribwixxu għalih jew li jxekkluh;

270.   Huwa tal-opinjoni li għall-PAK wara l-2020, il-leġiżlazzjoni għandha titfassal b'tali mod li l-Kummissjoni tindika (jew tirrikjedi lill-Istati Membri jindikaw, konformement mad-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni kondiviża) loġika ta' intervent ċara għall-istrumenti ta' politika li jindirizzaw it-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura; iqis li l-loġika ta' intervent għandha tinkludi:

(a)   valutazzjoni soda tal-ħtiġijiet tal-bdiewa żgħażagħ li tinvestiga r-raġunijiet sottostanti għalfejn iż-żgħażagħ li jkunu jridu jsiru bdiewa jiffaċċjaw ostakli biex jistabbilixxu l-azjendi agrikoli, u ostakli bħal dawn huma mifruxa f'żoni ġeografiċi, setturi agrikoli jew karatteristiċi speċifiċi oħrajn tal-azjendi;

(b)  valutazzjoni ta' liema ħtiġijiet jistgħu jiġu indirizzati mill-istrumenti ta' politika tal-Unjoni u liema ħtiġijiet jistgħu jew diġà qed jiġu indirizzati aħjar mill-politiki tal-Istati Membri, kif ukoll analiżi ta' liema forom ta' appoġġ (eż. pagamenti diretti, somma f'daqqa, strumenti finanzjarji) huma l-aktar adatti biex jaqblu mal-ħtiġijiet identifikati;

(c)  miżuri ta' sensibilizzazzjoni ta' tipi possibbli ta' assistenza għal trasferiment iktar kmieni ta' razzett lil suċċessur flimkien ma' servizzi jew miżuri ta' konsulenza bħal skema ta' rtirar sodisfaċenti bbażata fuq l-introjtu jew id-dħul nazzjonali jew reġjonali fis-settur agrikolu, alimentari u forestali;

(d)  minkejja l-perjodu twil ta' trasferimenti ppjanati tal-azjendi agrikoli, l-iżgurar ta' definizzjoni tal-objettivi SMART, li permezz tagħha r-riżultati mistennija tal-istrumenti ta' politika jsiru espliċiti u kwantifikabbli, f'termini tar-rata mistennija ta' tiġdid ġenerazzjonali u tal-kontribut għall-vijabbiltà tal-azjendi li jingħataw appoġġ; iqis, b'mod partikolari, li għandu jkun ċar jekk l-istrumenti ta' politika għandhomx l-għan li jappoġġaw l-akbar għadd possibbli ta' bdiewa żgħażagħ jew għandhomx jimmiraw lejn tipi speċifiċi ta' bdiewa żgħażagħ (eż. dawk bl-aħjar edukazzjoni, dawk li se jistabbilixxu azjenda agrikola f'żoni żvantaġġati, dawk li se jintroduċu teknoloġiji għall-iffrankar tal-enerġija jew tal-ilma fl-azjendi, dawk li qed iżidu l-profittabilità jew il-produttività tal-azjendi, dawk li qed jimpjegaw aktar nies);

271.   Fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-PAK ta' wara l-2020, jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-għanijiet tal-miżuri billi:

(a)  japplikaw kriterji biex jiżguraw l-għażla tal-proġetti l-aktar kosteffikaċi, bħall-proġetti li jwasslu għall-ogħla żieda fil-produttività sostenibbli jew fil-vijabbiltà tal-azjendi li jingħataw appoġġ, jew l-ogħla żieda fl-impjieg fiż-żoni bl-ogħla livell ta' qgħad jew f'żoni żvantaġġati bil-livell l-aktar baxx ta' tiġdid ġenerazzjonali;

(b)  japplikaw kriterji ċari għall-valutazzjoni tal-mod kif il-bdiewa żgħażagħ ikunu jistgħu jiġu appoġġati f'każ ta' kontroll konġunt tal-azjendi ġuridiċi (eż. billi jiddefinixxu x'perċentwal ta' drittijiet tal-vot jew ta' ishma l-benefiċjarju għandu jkollu, ikun definit il-perjodu li matulu jkun hemm kambjament fil-bilanċ tal-ishma, x'perċentwal minimu tad-dħul tiegħu jew tagħha għandu jiġi mill-attività tiegħu jew tagħha fl-azjenda appoġġata) biex l-għajnuna tiġi allokata lil bdiewa żgħażagħ li l-biedja fl-azjendi sostnuti tagħhom tikkostitwixxi l-attività prinċipali;

(c)  japplikaw sollijiet minimi għoljin biżżejjed tal-punti li għandhom jintlaħqu mill-proġetti, u jaqsmu l-baġit tal-miżuri b'mod adegwat biex jipprovdu disponibbiltà indaqs tal-fondi lill-bdiewa żgħażagħ li jkunu se jistabbilixxu azjenda agrikola matul id-durata kollha kemm hi tal-perjodu ta' programmazzjoni;

(d)  itejbu l-użu tal-pjanijiet ta' direzzjoni tan-negozju bħala għodda biex jivvalutaw kemm il-ħtieġa għal finanzjament pubbliku permezz ta' valutazzjoni – fl-istadju tal-applikazzjoni – tal-vijabbiltà probabbli tal-azjendi mingħajr l-għajnuna, kif ukoll – fi tmiem il-proġetti – l-impatt tal-għajnuna fuq il-vijabbiltà tal-azjenda jew fuq objettivi speċifikati b'mod ċar (eż. l-impjieg, l-introduzzjoni ta' teknoloġiji għall-iffrankar tal-enerġija jew tal-ilma);

272.   Huwa tal-opinjoni li l-leġiżlazzjoni rigward il-miżuri tal-PAK ta' wara l-2020 għandha tiggarantixxi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri (f'konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni kondiviża) itejbu s-sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni; iqis b'mod partikolari li:

(a)  il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi indikaturi tal-outputs, tar-riżultati u tal-impatti li jkunu jippermettu li ssir valutazzjoni tal-progress, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-għodod ta' politika meta mqabbla mal-objettivi, billi timxi fuq l-aħjar prattiki, bħal indikaturi utli li jkunu ġew żviluppati mill-Istati Membri fis-sistemi ta' monitoraġġ tagħhom;

(b)  l-Istati Membri għandhom jiġbru regolarment data reali dwar il-karatteristiċi strutturali u finanzjarji tal-azjendi li jingħataw appoġġ (eż. id-dħul, l-introjtu, l-għadd ta' impjegati, l-innovazzjonijiet introdotti, il-livelli edukattivi tal-bdiewa) li tkun tippermetti li ssir valutazzjoni ta' kemm il-miżuri huma effiċjenti u effikaċi fl-ilħuq tal-objettivi mixtieqa ta' politika;

(c)  il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li jsiru evalwazzjonijiet biex jipprovdu informazzjoni utli dwar il-kisbiet tal-proġetti u tal-miżuri, li tkun ibbażata fuq data reali dwar l-evoluzzjoni tal-karatteristiċi strutturali u finanzjarji tal-azjendi li jingħataw appoġġ, billi jimxu fuq l-aħjar prattiki (eż. valutazzjonijiet komparattivi, analiżijiet kontrofattwali, stħarriġiet) bħal dawk identifikati f'dan l-awditu (ara l-kaxxa 5 tar-rapport speċjali tal-Qorti dwar il-każ tal-Emilja-Romanja fil-paragrafu 75);

(d)  ikun żgurat li l-bdiewa żgħażagħ ikollhom aċċess faċli għall-konsulenza u għall-istrumenti li jgħinuhom jirreaġixxu b'mod effiċjenti u effikaċi għat-theddid ta' disturbi fis-suq jew saturazzjonijiet tas-suq kif ukoll volatilità tal-prezzijiet; iqis li b'dan il-mod, il-kompetittività u l-orjentament tas-suq jistgħu jissaħħu u l-fluttwazzjonijiet relatati mal-kriżijiet fl-introjtu tal-produtturi jistgħu jitnaqqsu;

Parti XXI – Rapport Speċjali Nru 11/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-Fond fiduċjarju Bêkou tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana: bidu promettenti minkejja xi nuqqasijiet''

273.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti, u japprova l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħha;

274.  Jilqa' l-ħolqien tal-Fond fiduċjarju Bêkou Ewropew u l-kontribut tiegħu għar-rispons internazzjonali għall-kriżi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; jirrikonoxxi li, f'diversi modi, dan l-ewwel fond fiduċjarju jista' jitqies bħala proġett pilota importanti, u li hemm bżonn li tiġi żviluppata gwida aktar preċiża dwar il-kwistjoni sistemika tal-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tad-donaturi, skont approċċ aktar sistemiku, biex jinkisbu garanziji;

275.  Jinnota li l-fondi fiduċjarji kienu parti minn reazzjoni ad hoc fil-kuntest ta' nuqqas ta' riżorsi u flessibbiltà meħtieġa għal approċċ rapidu u komprensiv għal kriżijiet ewlenin; jemmen li hemm bżonn ta' aktar żmien biex tiġi ppruvata l-effikaċj tiegħu u biex inkomplu nitgħallmu mill-implimentazzjoni operazzjonali;

276.  Jemmen ukoll li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-effikaċja u l-governanza politika tal-fondi fiduċjarji, kif ukoll lin-nuqqas ta' garanziji u sorveljanza tal-użu aħħari tal-fondi allokati;

277.  Jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-osservazzjonijiet tal-Qorti li jirreferu għall-influwenza limitata li l-fond għandu fuq il-koordinazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati, u li l-Kummissjoni għandha tagħmel dak kollu li huwa fis-setgħa tagħha biex tuża l-esperjenzi diġà miksuba fl-attivitajiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) f'oqsma bħalma huma l-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni tal-investimenti b'ħafna partijiet u l-ġestjoni tar-responsabbiltà għar-riżultati;

278.  Jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe strument finanzjarju u strument finanzjarju mħallat ġdid għandu jibqa' konformi mal-objettivi komprensivi tal-politika ta' żvilupp tal-Unjoni, u jiffoka fuq l-oqsma bl-ogħla valur miżjud u impatt strateġiku;

279.  Jinnota li, sal-lum, il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-fond fiduċjarju kienu relattivament baxxi; jitlob lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom aktar sabiex jiżguraw li dan il-fond iwassal għall-objettivi politiċi mistennija;

280.  Jemmen li għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għall-kontroll tal-ispejjeż ta' ġestjoni u dawk amministrattivi meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet totali; huwa favur li tali għodod ġodda fil-qasam tal-iżvilupp ikunu koerenti mal-istrateġija u l-għanijiet ta' politika tal-FEŻ u jikkomplementawhom;

281.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta mekkaniżmi ta' kontroll komprensivi biex tiżgura l-iskrutinju politiku, mill-Parlament, tal-governanza, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti l-ġodda fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza; jikkunsidra li huwa importanti li jiġu żviluppati strateġiji speċifiċi għas-superviżjoni ta' dawk l-istrumenti, b'objettivi, miri u rieżamijiet speċifiċi;

Parti XXII – Rapport Speċjali Nru 12/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb: titjib fil-kwalità tal-ilma u fl-aċċess għalih fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fir-Rumanija, iżda l-ħtiġijiet ta' investiment għadhom sostanzjali"

282.  Peress li l-aċċess għall-ilma tax-xorb ta' kwalità tajba huwa waħda mill-ħtiġijiet l-aktar bażiċi taċ-ċittadini, jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tagħmel l-almu tagħha biex timmonitorja s-sitwazzjoni aħjar, speċjalment fir-rigward taż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma, li huma eqreb l-utenti finali; ifakkar li l-ilma tax-xorb ta' kwalità ħażina jista' jwassal għal riskji għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej;

283.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu aktar informazzjoni liċ-ċittadini fir-rigward tal-kwalità tal-ilma tax-xorb ipprovdut lilhom, peress li f'numru ta' Stati Membri ċ-ċittadini mhumiex konxji li l-ilma tal-vit huwa tajjeb għax-xorb;

284.  Jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri mhumiex obbligati jirrappurtaw dwar il-kwalità tal-ilma taż-żoni żgħar tal-provvista tal-ilma; jittama li d-Direttiva riveduta dwar l-Ilma tax-Xorb(24) issib soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni;

285.  Jissottolinja l-importanza tas-sostenibbiltà tal-infrastruttura tal-ilma u jenfasizza l-importanza li ċ-ċittadini jinżammu involuti fil-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-ilma;

286.  Jenfasizza l-fatt kruċjali li l-politiki tal-ipprezzar tal-ilma jridu jrawmu l-effiċjenza u jirkupraw l-ispejjeż tal-użu tal-ilma; jinnota li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jipprovdu ilma tax-xorb ta' kwalità għolja u għall-but ta' kulħadd liċ-ċittadini kollha tagħhom, peress li l-ilma huwa ġid komuni u dritt tal-bniedem;

287.  Ifakkar lill-Kummissjoni li d-diskussjonijiet li għaddejjin u t-tendenzi li qed jikbru favur il-liberalizzazzjoni u l-privatizzazzjoni tas-servizzi tal-ilma f'diversi Stati Membri saru kwistjoni ewlenija ta' tħassib għaċ-ċittadini;

Parti XXIII – Rapport Speċjali Nru 13/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Sistema Ewropea unika tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju: l-għażla politika qatt se ssir realtà?"

288.   Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti, u japprova l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħha;

289.   Jinnota li l-Kummissjoni ma evalwatx tajjeb l-impatt tal-pakketti leġiżlattivi li varat mis-sena 2000 'l hawn dwar is-settur ferrovjarju; jiddispjaċih li l-fondi tal-Unjoni investiti f'diversi proġetti ma jistgħux jitqiesu kosteffikaċi;

290.   Jinnota li s-settur ferrovjarju ġeneralment huwa korporattiv ħafna u li dan jista' jaffettwa l-perċezzjoni tal-liberalizzazzjoni tas-suq, bir-riżultat li jkun jidher aktar bħala theddida milli bħala vantaġġ;

291.  Jinnota li l-interess tal-Istati Membri li jtejbu l-interoperabbiltà jrid ikun akkumpanjat minn stima tal-ispejjeż u tal-finanzjament meħtieġ; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu miri realistiċi meta jallokaw l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għas-sistema ERTM u jagħti parir lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi skadenzi li jistgħu jintlaħqu għall-implimentazzjoni;

292.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tfassal kalendarju għaż-żarmar flimkien mal-Istati Membri, b'objettivi legalment vinkolanti; għalhekk, jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li taħdem mal-industrija biex tippromwovi l-użu ta' sistema tal-offerti komuni mfassla mill-Komunità tal-Ferroviji Ewropej;

293.  Iqis li l-investimenti għoljin meħtieġa minn din is-sistema, flimkien mal-benefiċċju differiti għal dawk li jġarrbu l-ispejjeż, jirrikjedu valutazzjoni strateġika tal-prijoritajiet stabbiliti fil-Kunsill u l-Istati Membri; jilqa' l-pjan Ewropew ta' varar u l-pjan ta' azzjoni dettaljat assoċjat tal-ERTMS, li l-għan tiegħu huwa li jiżgura fluss kontinwu ta' għajnuna; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffukaw fuq koordinazzjoni aħjar tal-pjan Ewropew ta' varar u jiżguraw li l-impenji tal-Unjoni jitqiesu fil-prijoritajiet nazzjonali tagħhom; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tistabbilixxi objettivi interim fil-pjanijiet nazzjonali ta' varar biex jittejjeb il-monitoraġġ ta' taqsimiet individwali;

294.  Huwa mħasseb dwar ir-rata għolja ta' diżimpenn relatata mal-appoġġ tat-TEN-T għall-proġetti ERTMS, prinċipalment minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni mhumiex allinjati mal-istrateġiji ta' implimentazzjoni nazzjonali; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed tadatta proċeduri ta' finanzjament tas-CEF meta jkun possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tqis u tivvaluta s-sitwazzjoni u tieħu l-miżuri meħtieġa biex tegħleb dawn in-nuqqasijiet;

295.   Jiddispjaċih li l-finanzjament tal-Unjoni għal unitajiet abbord fil-biċċa l-kbira jittieħed mit-traffiku domestiku u li t-trasport tal-merkanzija ma jistax jiġi appoġġat mill-fondi ta' koeżjoni; ifakkar li t-trasport ferrovjarju tal-merkanzija huwa wieħed mill-aspetti ewlenin tas-suq uniku;

296.   Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li n-nuqqasijiet relatati ma' inkompatibbiltajiet tas-sistema jingħelbu b'mod effikaċi fil-perjodu ta' pprogrammazzjoni li jmiss;

297.  Iqis li, sabiex ikun operattiv, is-suq ferrovjarju uniku jkun jirrikjedi l-involviment sħiħ tal-operaturi tas-suq ikkonċernati qabel l-allokazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni; huwa tal-opinjoni li l-politika tal-Unjoni dwar is-settur ferrovjarju tirrikjedi bidla realistika tal-istrateġija, li għandha tinkludi stima tal-ispejjeż u l-benefiċċji, u l-iżvilupp ta' mudell ekonomiku fl-Istati Membri, jekk tali mudell ma jeżistix, bil-għan li jiġi ggarantit finanzjament xieraq u biex ikun possibbli li jiġu identifikati s-sorsi b'mod effikaċi;

Parti XXIV – Rapport Speċjali Nru 14/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Analiżi tal-prestazzjoni tal-ġestjoni ta' kawżi fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea"

298.   Jilqa' r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri; japprova r-rimarki u r-rakkomandazzjonijiet tagħha;

299.  Jikkritika lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) talli rrifjutat l-aċċess lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri għal uħud mid-dokumenti li talbet għall-analiżi tal-prestazzjoni tal-QtĠ-UE; ifakkar lill-QtĠ-UE li l-Membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif ukoll l-awdituri tagħha huma marbuta bil-kunfidenzjalità u bis-segretezza professjonali fil-qadi ta' dmirijiethom(25); jiddispjaċih li r-référendaires ma setgħux jiġu intervistati minkejja r-rwol kruċjali tagħhom fix-xogħol tal-QtĠ-UE;

300.   Jinnota b'dispjaċir li mill-2012 'il quddiem il-Qorti Ġenerali qabżet kemm-il darba il-perjodu ta' żmien raġonevoli li fih il-parti f'kawża hija intitolata tistenna li tkun ngħatat is-sentenza; jistieden lill-Qorti Ġenerali tirrapporta lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament ħalli tiċċara s-sitwazzjoni;

301.   Jinnota li wara r-riforma tal-istruttura ġudizzjarja tal-QtĠ-UE, l-allokazzjoni tal-imħallfin għall-awli qed ssir skont l-ammont ta' kawżi f'oqsma differenti; jixtieq isir jaf kif issir din l-allokazzjoni, u jekk jintużawx awli speċjalizzati għal ċerti oqsma; jitlob data statistika dwar il-progress tal-fajls fl-ambitu tas-sistema l-ġdida;

302.   Jiddispjaċih li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri eskludiet mill-kampjunar il-kawżi li damu iktar minn darbtejn id-durata medja; huwa tal-opinjoni li mhux il-kawżi tipiċi biss huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni;

303.   Jissuġġerixxi li l-lingwi ta' ħidma tal-QtĠ-UE, b'mod partikolari dawk li fihom tagħmel id-deliberazzjonijiet, jiżdiedu għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, li huma l-lingwi ta' ħidma fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-QtĠ-UE biex tispira ruħha mill-aħjar prattiki fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex timplimenta fil-prattika din ir-riforma tal-lingwa;

304.   Jinnota li r-référendaires huma influwenti ħafna fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan il-QtĠ-UE, iżda li r-rwol tagħhom u r-regoli li jiggvernaw l-imġiba tagħhom għadhom mhumiex magħrufa fid-dinja ta' barra;

305.   Huwa mħasseb dwar il-fatt li fid-dawl tal-aktar fatturi frekwenti li jaffettwaw id-durata tal-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali, il-wasla u l-ipproċessar ta' dokumenti proċedurali fir-reġistru jammontaw għal 85 % tal-ħin mitlub; jistaqsi jekk ir-reġistru għandux riżorsi suffiċjenti;

306.   Huwa mħasseb dwar it-tul tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali fejn jitqajmu kwistjonijiet dwar il-kunfidenzjalità;

307.   Jieħu nota tal-proċess biex jiġu assenjati kawżi riferuti lill-qrati; jitlob lill-QtĠ-UE tipprovdi regoli li jistipulaw il-proċedura ta' assenjazzjoni fiż-żewġ qrati;

308.   Jinnota li fl-2014 u l-2015, madwar 40 % tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali kienu assenjati barra mis-sistema ta' rotazzjoni, li jqajjem dubji dwar is-sistema nnifisha; iqajjem dubji, fl-istess ħin, dwar l-allokazzjoni diskrezzjonali ta' fajls fi ħdan il-Qorti Ġenerali; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' trasparenza fil-proċedura;

309.   Huwa mħasseb dwar il-vakanzi ġudizzjarji li huwa l-aktar fattur frekwenti li jaffettwa d-durata tat-trattament tal-kawżi quddiem il-QtĠ-UE; jipproponi li s-seduti u d-deliberazzjonijiet dwar firxa usa' ta' kawżi - aktar milli dawk b'ċirkostanzi speċifiċi - ikunu permissibbli matul dak il-perjodu;

310.   Jinnota li l-liv minħabba mard, liv ta' maternità/tal-ġenituri, jew it-tluq ta' référendaires ukoll għandhom impatt fuq id-durata tal-kawżi; jitlob lill-QtĠ-UE tikkunsidra metodi alternattivi possibbli biex tegħleb l-assenzi temporanji u tiżgura l-progress bla xkiel tal-ħidma tagħha;

311.   Huwa tal-fehma li r-riżorsi mhumiex kondiviżi b'mod proporzjonali bejn il-qrati meta jitqies l-ammont ta' xogħol rispettiv tagħhom; jissuġġerixxi li s-"cellule des lecteurs d'arrêts" fil-Qorti Ġenerali tintervjeni fi stadju aktar tard matul il-kawża;

312.   Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-deċiżjonijiet ta' nomina ta' mħallfin ġodda jittieħdu ferm qabel id-data tat-tluq tal-predeċessuri tagħhom, biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel tal-volum ta' xogħol;

313.   Huwa mħasseb dwar l-approċċ ta' universalità li l-QtĠ-UE tapplika għad-diversi passi matul il-proċess; jirrakkomanda lill-QtĠ-UE tadatta l-iskadenza li tistabbilixxi biex jitqiesu t-tipoloġija u l-kumplessità tal-kawżi;

314.   Jinnota li kwistjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali jikkostitwixxu għadd sinifikanti ta' kawżi fiż-żewġ qrati; iħeġġeġ lill-QtĠ-UE tanalizza modi kif tista' tissimplifika l-proċeduri għal dawn il-kawżi, u tikkunsidra rieżami preliminari mis-servizzi ta' riċerka u dokumentazzjoni tal-QtĠ-UE;

Parti XXV – Rapport Speċjali Nru 16/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu ''Programmazzjoni tal-Iżvilupp Rurali: jeħtieġ li jkun hemm inqas kumplessità u aktar fokus fuq ir-riżultati''

315.   Fit-tħejjija tal-perjodu ta' programmazzjoni għal wara l-2020, sabiex tiżdied l-enfasi fuq il-prestazzjoni u r-riżultati, tiżdied l-integrazzjoni bejn il-programmi ta' żvilupp rurali (PŻR) u programmi oħra, u jittejbu l-valutazzjonijiet tal-kontribut tal-PŻR għall-ilħuq tal-objettivi strateġiċi, jistieden:

(a)  lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposti ta' politika tagħha jindikaw kif se tissaħħaħ il-konsistenza bejn il-programmi individwali permezz ta' iktar żvilupp tar-rekwiżiti;

(b)  lill-Istati Membri jispeċifikaw, sal-2020, kif se jiġu implimentati l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni, komplementarjetà u sinerġija, kif se jingħataw segwitu u kif se jsir rappurtar dwarhom fil-kuntest tal-objettivi u r-regoli globali tal-Unjoni;

316.   Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid it-tfassil tad-dokumenti tal-programmazzjoni sa tmiem l-2020 bil-għan li tissimplifika l-kontenut tagħhom u tnaqqas l-għadd ta' rekwiżiti għall-perjodu ta' programmazzjoni għal wara l-2020; iqis, b'mod partikolari, li dan għandu jillimita l-istruttura tad-dokumenti tal-programmazzjoni għal dawk l-elementi u l-possibbiltajiet li huma essenzjali għal ippjanar, implimentazzjoni u monitoraġġ korretti tal-infiq għall-iżvilupp rurali;

317.   Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri mal-Istati Membri sa tmiem l-2018 biex tiżgura li r-rappurtar annwali msaħħaħ dwar l-implimentazzjoni fl-2019 jipprovdi informazzjoni ċara u komprensiva dwar il-kisbiet tal-programm, u li t-tweġibiet meħtieġa għall-mistoqsijiet ta' evalwazzjoni komuni jipprovdu bażi aħjar għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

318.   Fit-tħejjija għall-perjodu ta' programmazzjoni għal wara l-2020, jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi b'mod aktar eżatt, fil-kuntest tal-objettivi globali tal-Unjoni għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, it-tipi ta' indikaturi li għandhom jiġu stabbiliti sabiex jiġu vvalutati r-riżultati u l-impatt tal-interventi fil-qasam tal-iżvilupp rurali; iqis li l-Kummissjoni tista' tgawdi mill-esperjenza u s-soluzzjonijiet li diġà ġew żviluppati minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra (eż. id-WHO, il-Bank Dinji u l-OECD) fl-iffukar fuq il-prestazzjoni u r-riżultati;

319.  Huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni jeħtieġ li tiżgura l-kontinwità tat-tip ta' investiment li attwalment jitwettaq taħt it-tieni pilastru tal-politika agrikola komuni, li huwa strument ta' finanzjament essenzjali biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku li jippromwovi l-kompetittività, l-innovazzjoni u l-impjiegi fiż-żoni rurali u muntanjużi ta' reġjuni li għadhom lura, u b'hekk jiġi żgurat żvilupp rurali sostenibbli;

320.  Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi u tiffaċilita l-kooperazzjoni u n-netwerking nazzjonali biex, sa tmiem l-2020, jinxterdu prattiki tajba f'dak li jirrigwarda l-kejl tal-prestazzjoni żviluppati fil-livell nazzjonali;

321.   Għall-perjodu ta' programmazzjoni għal wara l-2020, jitlob lill-Kummissjoni biex, sa tmiem l-2020, teżamina mill-ġdid u tieħu kont tal-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tas-sistema attwali, inklużi:

(a)   l-impatt tar-riżerva ta' prestazzjoni u liema mekkaniżmi alternattivi jistgħu jkomplu jtejbu l-prestazzjoni;

(b)   l-adegwatezza u l-livell ta' kejl tal-indikaturi tar-riżultati li jintużaw biex tiġi aċċessata r-riżerva għall-prestazzjoni u;

(c)   l-użu li jsir mis-sanzjonijiet finanzjarji biex tiġi indirizzata prestazzjoni insuffiċjenti;

322.   Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu, qabel jadottaw proposti leġiżlattivi oħra f'nofs l-2018, li jallinjaw l-istrateġija u t-tfassil ta' politika fit-tul maċ-ċiklu baġitarju, kif ukoll li jwettqu rieżami komprensiv tal-infiq qabel ma jiġi stabbilit baġit ġdid fuq terminu twil;

323.  Iqis li sabiex tippermetti l-approvazzjoni tal-PŻR fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, il-Kummissjoni għandha tindika fil-proposti leġiżlattivi tagħha liema tibdiliet b'rabta mal-iskedar tat-tfassil ta' politika, tal-programmazzjoni u tal-implimentazzjoni huma inklużi biex jiġi żgurat li l-PŻR jistgħu jiġu approvati fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, biex ikun jista' jkun hemm implimentazzjoni f'waqtha mill-2020;

324.   Huwa tal-opinjoni li d-deċiżjoni dwar id-durata tal-QFP għandha tikseb bilanċ ġust bejn żewġ rekwiżiti li jidhru kunfliġġenti: minn naħa waħda, il-bżonn li bosta politiki tal-Unjoni – speċjalment dawk fl-ambitu tal-ġestjoni konġunta, bħall-agrikoltura u l-koeżjoni – joperaw abbażi tal-istabbiltà u tal-prevedibbiltà ta' impenn ta' mill-inqas seba' snin, u, min-naħa l-oħra, il-bżonn ta' leġittimità u ta' obbligu ta' rendikont demokratiċi li jirriżulta mis-sinkronizzazzjoni ta' kull qafas finanzjarju maċ-ċiklu politiku ta' ħames snin tal-Parlament u tal-Kummissjoni;

Parti XXVI – Rapport Speċjali Nru 17/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "L-intervent tal-Kummissjoni fil-kriżi finanzjarja Griega"

325.  Jirringrazzja lill-Qorti talli ħejjiet rapport komprensiv dwar suġġett sinifikanti ħafna, li huwa marbut mill-qrib mal-attivitajiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit; jiddispjaċih li r-rapport tal-awditjar ħa tliet snin biex jiġi abbozzat; jissottolinja l-importanza ta' rapporti ppubblikati fil-ħin, peress li dan jiffaċilita l-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Parlament b'mod konsiderevoli;

326.  Jiddeplora l-fatt li l-Qorti kellha biss mandat limitat fl-awditjar tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Greċja li kienet ġestita mit-trojka li tikkonsisti mill-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-FMI u li ma rċevietx biżżejjed informazzjoni mill-BĊE; iħeġġeġ lill-BĊE, fl-ispirtu ta' kooperazzjoni reċiproka, jipprovdi informazzjoni li tippermetti lill-Qorti jkollha stampa usa' tal-użu tal-fondi tal-Unjoni;

327.  Jirrikonoxxi s-sitwazzjoni ekonomika kkumplikata madwar l-Ewropa u b'mod speċjali s-sitwazzjoni politika diffiċli fil-Greċja matul l-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni peress, li kellha impatt dirett fuq l-effiċjenza tal-implementazzjoni tal-assistenza;

328.  Jissottolinja l-importanza fundamentali tat-trasparenza fl-użu tal-fondi tal-Unjoni f'diversi strumenti ta' assistenza finanzjarja implimentati fil-Greċja;

329.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-proċeduri ġenerali għat-tfassil tal-programmi ta' appoġġ, b'mod partikolari billi tiddeskrivi fil-qosor l-ambitu tax-xogħol analitiku meħtieġ għall-ġustifikazzjoni tal-kontenut tal-kundizzjonijiet, u fejn possibbli billi tindika l-għodod li jistgħu jintużaw f'sitwazzjonijiet rilevanti;

330.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-Kummissjoni ttejjeb l-arranġamenti tagħha għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-varar tar-riformi sabiex tidentifika aħjar ostakli amministrattivi jew ostakli oħra għall-implimentazzjoni effikaċi tar-riformi; iqis ukoll li l-Kummissjoni trid tiżgura li jkollha r-riżorsi meħtieġa biex twettaq valutazzjonijiet bħal dawn;

Parti XXVII – Rapport Speċjali Nru 18/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Ajru Uniku Ewropew"

331.  Jirrimarka dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni sħiħa tal-Ajru Uniku Ewropew minħabba r-reżistenza ta' xi professjonijiet fis-settur tal-ajru, li jiddefendu l-prerogattivi proprji tagħhom, u minħabba n-nuqqas ta' rieda politika qawwija tal-Istati Membri biex jissodisfaw il-ħtiġijiet għall-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva;

332.  Jiddeplora l-fatt li minkejja li l-Unjoni rnexxielha telimina l-fruntieri tal-art bejn l-Istati Membri fiż-żona Schengen, sal-lum ma kinitx kapaċi telimina l-fruntieri tal-ajru bejn l-istess Stati Membri, u dan iwassal għal telf komuni ta' valur ta' EUR 5 biljun fis-sena;

333.  Jirrimarka li jeħtieġ li l-indikaturi jiġu riveduti u aġġornati sabiex tiġi ssimplifikata l-iskema tal-prestazzjoni tat-traffiku tal-ajru; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qalet li qed jiġu riveduti; jenfasizza li tenħtieġ data eżatta u xierqa sabiex jiġi żgurat li r-rieżami tal-indikaturi jkun effikaċi;

334.  Jirrimarka li l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 tal-industrija tal-avjazzjoni b'massimu ta' 10 %, u dan jgħin b'mod sinifikanti biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;

335.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti ħarsa aktar dettaljata lejn ir-riżultati tal-Impriża Konġunta SESAR peress li dawn jistgħu ma jkunux applikabbli għas-sitwazzjoni attwali li fiha l-Ajru Uniku Ewropew ma ġiex implimentat, u hemm riskju li jiġu applikati f'sistemi tal-ajru li ma jkunux jistgħu jikkooperaw ma' xulxin;

336.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta dettalji tal-kuntratt tagħha mal-Eurocontrol sabiex jiġi mmonitorjat l-infiq tal-flus tal-kontribwenti tal-Unjoni;

337.  Jirrimarka dwar il-ħtieġa li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkunu indipendenti u li jingħataw biżżejjed riżorsi finanzjarji u organizzattivi;

338.  Jitlob lill-Kummissjoni tispjega lill-kumitat responsabbli tal-Parlament għaliex ma varatx proċeduri ta' ksur dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru, li kellhom ikunu operattivi fl-2012 iżda s'issa għadhom mhumiex;

Parti XXVIII – Rapport Speċjali Nru 21/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Ekoloġizzazzjoni: skema aktar kumplessa ta' appoġġ għall-introjtu, li għadha mhijiex ambjentalment effettiva"

  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet proposti mill-Qorti u jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu lir-rakkomandazzjonijiet u r-rimarki deskritti fir-rapport speċjali;

  Jinnota l-infiq konsiderevolment għoli fuq il-pagament ekoloġiku l-ġdid li jirrapreżenta 30 % tat-total tal-pagamenti diretti tal-PAK u kważi 8 % tal-baġit kollu tal-Unjoni; jinnota bi tħassib li dan l-ammont ma jikkorrispondix għal-livell ta' ambizzjoni li l-pagament ekoloġiku joffri; jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont ta' dan kollu fit-tħejjija tar-riforma tal-PAK;

  Jiddispjaċih dwar il-fatt li għadu mhuwiex ċar kif l-ekoloġizzazzjoni mistennija tikkontribwixxi għall-miri usa' tal-UE dwar it-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni toħloq pjan ta' azzjoni speċifiku għall-ekoloġizzazzjoni bħala parti minn riforma ġdida tal-PAK li tiddeskrivi b'mod ċar il-loġika tal-intervent kif ukoll sett ta' miri speċifiċi u li jistgħu jitkejlu;

  Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-istrument ta' ekoloġizzazzjoni għadu miżura ta' appoġġ għall-introjtu li tippermetti lill-bdiewa jżidu l-introjtu tagħhom b'massimu ta' 1 %, filwaqt li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet mhux neċessarjament jimponi xi obbligi jew spejjeż relatati mal-implimentazzjoni, u b'hekk jinħoloq dubju dwar ir-raison d'étre tal-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa regoli aktar stretti dwar il-bdiewa, filwaqt li tevita użu eċċessiv tal-eżenzjonijiet;

343.  Huwa mħasseb dwar il-livell ta' kumplessità u trasparenza tal-ekoloġizzazzjoni u tal-PAK innifisha; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-programm ta' ekoloġizzazzjoni u l-PAK kollha sabiex jiżdied il-livell ta' trasparenza u jiġi evitat ir-riskju għoli ta' abbuż u ta' finanzjament doppju;

  Huwa partikolarment imħasseb dwar il-konklużjoni tal-Qorti li huwa improbabbli li l-ekoloġizzazzjoni tipprovdi benefiċċji sinifikanti għall-ambjent u l-klima u jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tqis l-eżistenza tal-istrument u l-possibbiltà li jiġu investiti mill-ġdid il-fondi konsiderevoli tal-ekoloġizzazzjoni fi programmi diġà eżistenti u li ħafna drabi jwettqu l-istess funzjoni, li wrew li huma aktar effikaċi u ġustifikati;

0

0 0

345.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1)

  ĠU L 48, 24.2.2016.

(2)

  ĠU C 323, 28.9.2017, p. 1.

(3)

  ĠU C 322, 28.9.2017, p. 1.

(4)

  ĠU C 322, 28.9.2017, p. 10.

(5)

  Testi adottati ta' din id-data, P8_TA-PROV(2018)0000.

(6)

  ĠU L 298, 26.10.2002, p. 1.

(7)

  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(8)

  Il-BĊE għandu:

1.  Ikompli jissimplifika l-proċess deċiżjonali u jiddelega ċerti deċiżjonijiet lil-livelli aktar baxxi sabiex jippermetti li l-Bord Superviżorju jiffoka fuq kwistjonijiet aktar impenjattivi;

2.  Jivvaluta r-riskji involuti u jimplimenta s-salvagwardji meħtieġa, li jinkludu l-ġestjoni ta' talbiet possibbilment konfliġġenti u monitoraġġ iddedikat tal-konformità li jippermetti li jingħeleb it-tħassib dwar l-użu ta' servizzi kondiviżi;

3.  Jassenja biżżejjed ħiliet u riżorsi għall-awditjar intern biex jiżgura li l-oqsma b'riskju għoli u b'riskju medju jkunu koperti fejn u meta jkun xieraq;

4.  Jikkoopera bis-sħiħ mal-Qorti sabiex din tkun tista' teżerċita l-mandat tagħha u b'hekk issaħħaħ l-obbligu ta' rendikont;

5.  Jifformalizza l-arranġamenti attwali tiegħu għall-kejl u d-divulgazzjoni pubblika ta' informazzjoni dwar il-prestazzjoni superviżorja, sabiex tissaħħaħ il-kontabbiltà esterna tiegħu;

6.  Jemenda r-Regolament Qafas tal-MSU sabiex jifformalizza l-impenji mill-ANK parteċipanti u jiżgura li kollha kemm huma jipparteċipaw bis-sħiħ u b'mod proporzjonat fix-xogħol tat-TSK;

7.  Jiżviluppa, f'kollaborazzjoni mal-ANK, profili tar-rwoli/tat-timijiet u metodi biex jiġu vvalutati kemm l-adegwatezza tal-persunal li l-ANK ikollhom l-intenzjoni li jassenjaw għat-TSK, kif ukoll il-prestazzjoni sussegwenti tagħhom;

8.  Jistabbilixxi u jżomm database ċentralizzata, standardizzata u komprensiva tal-ħiliet, l-esperjenza u l-kwalifiki tal-impjegati tat-TSK, kemm dawk mill-BĊE kif ukoll dawk mill-ANK;

9.  Jimplimenta kurrikulu formali ta' taħriġ kemm għall-persunal ta' superviżjoni ġdid kif ukoll għal dak eżistenti fit-TSK;

10.  Jiżviluppa u jimplimenta metodoloġija bbażata fuq ir-riskju biex jiddetermina l-għadd immirat ta' persunal u l-kompożizzjoni tal-ħiliet għat-TSK;

11.  Jeżamina mill-ġdid perjodikament il-mudell ta' raggruppament fil-proċess ta' ppjanar superviżorju u jaġġornah kif ikun xieraq;

12.  Iżid jew inkella jerġa' jorganizza l-persunal tiegħu biex isaħħaħ il-preżenza tiegħu b'mod sostanzjali fi spezzjonijiet fuq il-post ta' banek sinifikanti, abbażi ta' prijoritizzazzjoni ċara tar-riskji;

13.  Isegwi mill-qrib id-dgħufijiet fis-sistema tal-IT għal spezzjonijiet fuq il-post u jkompli bl-isforzi tiegħu biex iżid il-kwalifiki u l-ħiliet tal-ispetturi fuq il-post li jiġu mill-ANK;

(9)

  Dikjarazzjoni, "Ensuring fully auditable, accountable and effective banking supervision arrangements following the introduction of the Single Supervisory Mechanism" (L-iżgurar ta' arranġamenti ta' superviżjoni bankarja li jkunu jistgħu jiġu awditjati kompletament, ikollhom obbligu ta' rendikont u jkunu effettivi wara l-introduzzjoni tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku) tal-Kumitat ta' Kuntatt tal-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Istati Membri tal-UE u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

(10)

  ĠU C 50, 9.2.2018, p. 80.

(11)

  Dwar limiti rigward l-aċċess għall-informazzjoni ara l-Anness II tar-rapport speċjali.

(12)

  Dwar l-arranġamenti ta' rappurtar eżistenti bejn il-BĊE u l-Parlament Ewropew ara l-Anness IX tar-rapport speċjali.

(13)

  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(14)

  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(15)

  Pjan ta' azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija (COM(2017)0198).

(16)

  Valutazzjoni tan-Nefqa Pubblika u tar-Responsabbiltà Finanzjarja.

(17)

  Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara (COM(2016)0646).

(18)

  Il-protezzjoni tat-tfal migranti (COM(2017)0211).

(19)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(20)

  Sistemi ta' monitoraġġ tal-bastimenti.

(21)

  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(22)

  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).

(23)

  Ara l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta' ekosistemi tal-baħar permezz ta' miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1098/2007 (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1343/2011 u (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (COM(2016)0134).

(24)

  Ara l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni) (COM(2017)0753).

(25)

Ara l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu, u l-Linji Gwida Etiċi għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri li japplikaw għall-persunal, b'mod partikolari t-Taqsima 4 li tikkonċerna s-segretezza professjonali.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Arndt Kohn, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Norbert Lins, Lieve Wierinck


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

18

+

ALDE

Martina Dlabajová, Wolf Klinz, Lieve Wierinck

EFDD

Marco Valli

PPE

Ingeborg Gräßle, Norbert Lins, Andrey Novakov, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Claudia Schmidt, Patricija Šulin, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Arndt Kohn, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

3

-

ECR

Ryszard Czarnecki, Raffaele Fitto

ENF

Jean-François Jalkh

1

0

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza