Proċedura : 2017/2064(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0155/2018

Testi mressqa :

A8-0155/2018

Dibattiti :

PV 30/05/2018 - 23
CRE 30/05/2018 - 23

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0235

RAPPORT     
PDF 608kWORD 72k
2.5.2018
PE 615.366v02-00 A8-0155/2018

li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-manipulazzjoni tal-odometri fil-vetturi bil-mutur: reviżjoni tal-qafas legali tal-UE

(2017/2064(INL))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Ismail Ertug

(Inizjattiva – Artikolu 46 tar-Regoli ta' Proċedura)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNILI R-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-manipulazzjoni tal-odometri fil-vetturi bil-mutur: reviżjoni tal-qafas legali tal-UE

(2017/2064(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 91 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/47/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151(3), ir-Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill (KE) 661/2009(4), ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 692/2008(5) u r-Regolament Nru 39 tal-UN/ECE(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar CARS 2020: lejn industrija tal-karozzi Ewropea b'saħħitha, kompetittiva u sostenibbli(7),

–  wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) ta' Novembru 2017 intitolat "It-tbagħbis tal-odometri - miżuri għall-prevenzjoni"(8) u l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew korrispondenti tiegħu, "Il-manipulazzjoni tal-odometri fil-vetturi bil-mutur fl-UE(9)",

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Assoċjazzjoni tal-Awtoritajiet tar-Reġistrazzjoni Ewropej tal-Vetturi u s-Sewwieqa bl-isem "Reġistrazzjoni tal-Kilometraġġ tal-Vetturi"(10),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bl-isem "Studju tas-Suq tal-Konsumaturi dwar il-funzjonament tas-suq tal-karozzi użati minn perspettiva tal-konsumatur",

–  wara li kkunsidra d-Dikjazzjoni bil-Miktub tal-Parlament Ewropew 0030/2016 tal-11 ta' April 2016 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-kilometraġġ fis-suq tal-karozzi użati;

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0155/2018),

Is-sitwazzjoni attwali

A.  billi t-tbagħbis tal-odometri, jiġifieri l-prattika ħażina ta' alterazzjoni intenzjonata jew mhux awtorizzata tal-kilometraġġ reali ta' vettura muri fuq l-odometru tagħha, huwa problema serja u mifruxa madwar l-Unjoni Ewropea kollha, speċjalment fil-kummerċ transfruntier, li tagħmel ħsara lill-pajjiżi terzi, li jimportaw karozzi użati mill-Unjoni Ewropew;

B.  billi l-profitt ekonomiku tat-tbagħbis tal-odometri jista' jkun sinifikanti meta jitqiesu l-prezzijiet baxxi tat-tagħmir meħtieġ u ż-żieda artifiċjali fil-valur tal-karozzi użati; billi studji jistmaw li s-sehem tal-vetturi mbagħbsa jilħaq bejn 5 % u 12 % tal-bejgħ tal-karozzi użati fil-livell nazzjonali, u bejn 30 % u 50 % tal-bejgħ transfruntier, li jakkumula għal ħsara ekonomika totali ta' bejn EUR 5.6 u 9.6 biljun fl-Unjoni kollha;

C.  billi l-għadd ta' kilometri misjuqa huwa wieħed mill-aktar parametri importanti biex xerrej jivvaluta l-kundizzjoni teknika ta' vettura, u billi l-qari tal-kilometraġġ għandu impatt sinifikanti fuq il-valur tas-suq ta' vettura;

D.  billi l-qari tal-odometru huwa maħżun u muri b'mod diġitali filwaqt li l-aċċess estern għar-rikonfigurazzjoni huwa faċli, billi l-livell ta' protezzjoni tal-qari huwa inqas minn dak ta' komponenti oħra fil-vettura;

E.  billi t-tbagħbis tal-odometri jagħmel ħsara lill-konsumaturi, lin-negozjanti tal-karozzi użati, lill-assiguraturi u lill-kumpaniji tal-kiri, filwaqt li joffri benefiċċju finanzjarju lil dawk li jwettqu din il-frodi, u jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet bil-għan li jsir aktar diffiċli għan-nonprofessjonisti biex ibagħbsu l-odometri;

F.  billi l-livell ogħla ta' tkagħbir minħabba l-użu tal-karozzi b'odometri manipulati jolqot b'mod negattiv is-sikurezza fit-toroq, u min jixtri tali karozzi jista' jġarrab spejjeż ogħla ta' manutenzjoni u tiswija jekk il-karozzi ma jiġux spezzjonati abbażi tal-kilometraġġ veru tagħhom;

G.  billi karozzi b'odometri manipulati jistgħu juru konsum ogħla u iktar emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu milli mistenni, u b'hekk jiksru r-rekwiżiti tad-durabilità tal-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip;

H.  billi s-suq tal-karozzi użati fl-Unjoni Ewropea, li huwa minn darbtejn sa tlett darbiet akbar mis-suq tal-karozzi l-ġodda, għandu l-inqas fiduċja tal-konsumatur fost is-swieq tal-oġġetti(11) u t-tbagħbis tal-odometri jikkontribwixxi serjament għat-telf ta' fiduċja tal-konsumaturi fin-negozjanti ta' karozzi użati, u għalhekk ifixkel il-funzjonament tas-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta;

I.  billi l-konsumaturi mhumiex infurmati biżżejjed dwar il-modi possibbli ta' prevenzjoni tal-manipulazzjoni tal-qari tal-odometri fil-karozzi użati u dwar it-tekniki eżistenti għall-monitoraġġ tal-kilometraġġ u l-prevenzjoni tal-frodi f'dan il-qasam, u modi ta' ksib ta' aċċess għal dawk it-tekniki;

J.  billi bosta Stati Membri għadhom qed jonqsu milli jipprovdu lill-konsumaturi bl-għodod meħtieġa li jippermettulhom jivverifikaw il-passat ta' vettura użata;

K.  billi l-frodi tal-kilometraġġ taffettwa b'mod sproporzjonat lill-gruppi soċjali u ż-żoni ġeografiċi b'introjtu aktar baxx, u jesponi lill-konsumaturi fl-Istati Membri li daħlu fl-UE wara l-2004 u fil-pajjiżi ġirien tal-UE (b'mod partikolari dawk il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fejn il-karozzi użati mill-UE jiġu importati mingħajr ammonti sinifikanti ta' dazju imposti fuqhom, jew inkella mingħajr ebda dazju) għal riskju ogħla li tinxtara karozza b'odometru manipulat u għaldaqstant spiss huma milquta minn din il-prattika ħażina;

L.  billi, fl-assenza ta' sistema integrata komuni għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, hemm riskju akbar li jiġi legalizzat qari ta' kilometraġġ li diġà ġie manipulat qabel l-ivverifikar inizjali fil-pajjiż fejn eventwalment tiġi reġistrata l-karozza u fejn diġà hemm miżuri għar-reġistrazzjoni tal-vettura u l-ivverifikar tal-kilometraġġ tagħha;

M.  billi l-ġlieda kontra l-frodi tal-odometri permezz tal-istabbiliment ta' regoli uniformi għall-prevenzjoni tal-manipulazzjoni fundamentalment issaħħaħ is-sigurtà u ċ-ċertezza fix-xiri transfruntier tal-vetturi, u għaldaqstant tnaqqas l-iskala ta' prattiki inġusti u toffri benefiċċji sostanzjali għal miljuni ta' konsumaturi Ewropej;

Miżuri eżistenti li jindirizzaw il-frodi tal-odometri

N.  billi xi Stati Membri diġà introduċew strumenti biex jimminimizzaw il-manipulazzjoni tal-odometri, bħal "Car-Pass" fil-Belġju u "Nationale AutoPas" (NAP) fin-Netherlands; billi ż-żewġ Stati Membri jużaw bażi tad-data li tiġbor fiha l-qari tal-odometru f'kull manutenzjoni, servizz, tiswija jew spezzjoni perjodika tal-vettura, mingħajr ma tinġabar ebda data personali, u t-tnejn li huma kważi qerdu l-frodi tal-odometri fid-dominji rispettivi tagħhom fi żmien qasir;

O.  billi s-sistema Belġjana titħaddem fuq bażi legali minn organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ u s-sistema fin-Netherlands titħaddem minn aġenzija governattiva u t-tnejn li huma joperaw bi spiża raġonevoli u s-suċċess taż-żewġ sistemi huwa akkumpanjat u mrawwem minn kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni kif ukoll minn qafas legali b'saħħtu li jistabbilixxi regoli ċari u penali dissważivi;

P.  billi l-għadd ta' karozzi manipulati sostanzjalment ogħla f'pajjiżi mingħajr aċċess għal dawn il-bażijiet tad-data juri li l-iskambju transfruntier tad-data u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri huma kruċjali għas-suċċess tagħhom;

Q.  billi EUCARIS, is-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan, diġà tipprovdi infrastruttura u organizzazzjoni għall-iskambju ta' data armonizzata relatata mat-trasport bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, u tintuża mill-Istati Membri kollha biex jissodisfaw l-obbligi taħt id-Direttiva 2011/82/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12) filwaqt li l-funzjonalitajiet tagħha diġà jinkludu reġistrazzjonijiet tal-kilometraġġ;

R.  billi jeżistu wkoll soluzzjonijiet tekniċi, kemm fir-rigward tal-hardware kif ukoll tas-software, li jistgħu jiġu integrati f'vetturi mill-manifatturi u b'hekk tiġi evitata l-manipulazzjoni tal-odometru mill-bidu, billi "Moduli tas-Sigurtà tal-Hardware" u "Estensjonijiet Siguri tal-Hardware" diġà qed jintużaw biex jipproteġu unitajiet ta' kontroll elettroniċi (ECU) fil-vetturi kontra l-aċċess mhux awtorizzat, il-manipulazzjoni jew is-serq tal-karozzi, u l-ispiża tagħhom għal kull vettura hija stmata li tammonta għal EUR 1;

S.  billi, sabiex tinkiseb l-approvazzjoni tat-tip għal vettura, ir-Regolament (UE) 2017/1151 jobbliga lill-manifatturi jimplimentaw strateġiji sistematiċi ta' protezzjoni kontra t-tbagħbis u karatteristiċi "write-protect" li jiskoraġġixxu r-riprogrammazzjoni tal-odometri, filwaqt li jqis ukoll karatteristiċi għall-iskambju mill-bogħod ta' data; billi din tirrikjedi biss informazzjoni u spjegazzjonijiet ipprovduti mill-manifattur u ma tipprevedi ebda ttestjar biex jiġi vverifikat jekk l-odometru huwiex sigur kontra t-tbagħbis meta jeżistu proċessi ċertifikati u rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, bħall-Kriterji Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni; billi proċessi rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, bħall-Kriterji Komuni (ISO/IEC 15408), pereżempju, jistgħu jikkontribwixxu għall-protezzjoni kontra t-tbagħbis;

Leġiżlazzjoni u lakuni

T.   billi filwaqt li l-manipulazzjoni tal-odometru hija projbita f'26 Stat Membru, għaxra biss fosthom għandhom miżuri addizzjonali biex jivverifikaw il-kilometraġġ disponibbli għall-klijenti u sitta biss jirrikonoxxu l-manipulazzjoni tal-odometru bħala reat kriminali(13); billi l-hardware u s-software użati għat-tbagħbis tal-odometri huma liberament disponibbli fl-Unjoni u mhumiex ikklassifikati bħala reat kriminali, u billi aktar Stati Membri qed jikkriminalizzaw attivitajiet marbuta mal-manipulazzjoni illegali tal-qari tal-miter;

U.  billi l-frodi tal-odometru tirrappreżenta theddida għall-affidabilità stradali, kif indikat fid-Direttiva 2014/45/UE, u b'hekk l-Istati Membri huma mistednin jimponu penali effikaċi, proporzjonati u dissważivi għal manipulazzjonijiet bħal dawn; billi l-Kummissjoni għandha teżamina ulterjorment il-fattibilità li jiġu konnessi l-pjattaformi nazzjonali bil-għan li jkun jista' jsir skambju transfruntier tal-informazzjoni dwar l-affidabilità stradali, li tinkludi l-qari tal-odometri;

V.  billi d-Direttiva 2014/45/UE fiha obbligu ta' reġistrazzjoni tal-kilometraġġ matul l-ispezzjoni teknika perjodika (PTI - periodical technical inspection) u tagħmel dawn ir-reġistrazzjonijiet disponibbli għal PTIs sussegwenti, iżda tindirizza biss reġistrazzjonijiet tal-kilometraġġ matul it-testijiet tal-affidabilità stradali mill-ewwel spezzjoni tal-affidabilità stradali 'l quddiem; billi l-ewwel PTI jista' jseħħ sa erba' snin wara l-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura, u għalhekk jitħalla biżżejjed ħin għal manipulazzjoni tal-odometru qabel l-ewwel spezzjoni kif ukoll bejn l-ispezzjonijiet, u jista' wkoll jirriżulta f'reġistrazzjoni uffiċjali ta' rekords ta' kilometraġġ żbaljati;

W.  billi la d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 dwar l-approvazzjoni tat-tip, u lanqas ir-Regolament Nru 39 tal-UNECE ma jqisu l-frodi tal-kilometraġġ u l-odometri siguri kontra t-tbagħbis; billi r-Regolament (KE) 661/2009 jagħmel referenza għar-Regolament 39 tal-UNECE dwar ir-rekwiżiti ta' approvazzjoni għall-ispidometru, iżda m'hemm l-ebda rekwiżit għall-odometru jew il-karatteristiċi essenzjali tiegħu;

Żvilupp futur fis-settur awtomobilistiku

X.   billi l-industrija awtomobilistika għamlet progress kbir fl-iżvilupp u fil-produzzjoni ta' vetturi li huma konnessi, jużaw l-ITS u jikkomunikaw mal-ambjent tagħhom, biex b'hekk ħafna mill-karozzi li jidħlu fis-suq diġà huma mogħnija b'funzjonijiet ta' konnettività u għaldaqstant fit-toroq Ewropej qed issir tranżizzjoni lejn flotta ta' vetturi konnessi;

Y.   billi, skont diversi sondaġġi, l-età medja tal-karozzi fit-toroq Ewropej hija ta' bejn 7 u 11-il sena u qed tiżdied b'mod kostanti, filwaqt li fl-Istati Membri li aderew wara l-2004, il-karozzi qabżu sew l-età medja, u dan jirriżulta fi flotta li tikkonsisti f'karozzi ġodda u konnessi ħafna u karozzi relattivament qodma mingħajr ebda funzjoni ta' konnettività;

Z.   billi vetturi moderni llum diġà jibagħtu regolarment is-settijiet ta' data lill-manifatturi inkluż il-kilometraġġ attwali u l-ħin totali ta' tħaddim, u b'hekk titwassal data ewlenija għall-verifika tal-plawżibilità tar-rekord tal-kilometraġġ;

AA.   billi t-teknoloġija tal-blockchain tista' tkun soluzzjoni waħda għall-ħżin ta' data mill-odometri;

AB.   billi CarTrustChain huwa proġett ta' suċċess dwar kif tista' tintuża t-teknoloġija blockchain biex telimina l-frodi tal-odometri, li kien kofinanzjat mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali;

1.   Jitlob lill-Kummissjoni biex, abbażi tal-Artikoli 91(1) u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tissottometti qafas leġiżlattiv li jirrikjedi li l-Istati Membri joħolqu ostakli legali, tekniċi u operattivi biex ma jippermettux li ssir manipulazzjoni tal-odometri, wara r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f'dan ir-rapport u l-Anness tagħhom fi żmien 12-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan ir-rapport mill-Parlament Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina r-rekwiżiti statutorji tar-Regolament (UE) 2017/1151;

2.  Jistieden lil Kummissjoni tiżgura li l-istess ostakli legali u tekniċi jiġu applikati wkoll għal importazzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex Membri tal-UE;

3.   Jilqa' soluzzjonijiet tekniċi bħal HSM u SHE, li diġà jintużaw b'mod wiesa' biex jipproteġu data sensittiva fil-karozzi, u jissottolinja l-fatt li l-qari tal-odometri għandu jibbenefika mill-istess livell ta' protezzjoni bil-għan li tiġi impedita l-manipulazzjoni tal-odometri;

4.   Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-approvazzjoni tat-tip għas-sigurtà fil-karozza stess, speċjalment għal miżuri tekniċi kontra l-frodi tal-odometri iżda wkoll fid-dawl taż-żieda fil-karozzi konnessi;

5.   Jilqa' li l-Kummissjoni inkludiet rekwiżiti b'rabta mas-sigurtà teknoloġika għall-odometri fir-Regolament 2017/1151; josserva, madankollu, li m'hemm l-ebda dispożizzjoni dwar kif għandu jsir monitoraġġ ta' dawn ir-rekwiżiti, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji ċari biex is-sigurtà tal-odometri tiġi kkontrollata b'mod effikaċi, tirranġa dawk il-kriterji jekk meħtieġ, fl-iqsar żmien possibbli, u tinforma lill-Parlament dwar l-effikaċja tar-regolament;

6.   Jinnota li soluzzjonijiet nazzjonali li jużaw bażijiet tad-data ta' qari frekwenti tal-odometri mill-PTI, żjarat fil-garaxxijiet u spezzjonijiet oħra tal-vetturi kisbu suċċess kbir fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-odometri fl-Istati Membri rispettivi, u għaldaqstant jipproponi li dawk l-Istati Membru li s'issa naqsu milli jaġixxu kif jitolbu ċ-ċirkostanzi biex jistabbilixxu soluzzjonijiet xierqa mill-aktar fis possibbli;

7.   Jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Istati Membri kollha għandu jkollhom reġistri nazzjonali u jipparteċipaw fl-iskambju transfruntier tad-data minn dawk ir-reġistri, peress li dan huwa l-uniku mod ta' kif il-frodi tal-kilometraġġ tista' tiġi miġġielda b'mod effikaċi fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tipproponi qafas leġiżlattiv għall-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta' ġbir ta' data nazzjonali komparabbli u reċiprokament kompatibbli, abbażi tal-aqwa prattiki eżistenti, li jipprovdu ġbir ta' data dwar il-kilometraġġ frekwenti u affidabbli minn meta tiġi reġistrata għall-ewwel darba vettura u li jippermetti l-iskambji internazzjonali;

8.  Jisħaq fuq il-punt li l-aċċess transfruntier għall-qari tal-odometri għandu jkun possibbli u li l-aċċess faċli għal din l-informazzjoni min-naħa ta' xerrej ta' vettura użata jkun kontribut kbir għall-protezzjoni tal-konsumaturi; jissottolinja li xerrej ta' vettura użata għandu jkun jista' jivverifika l-eżattezza tal-qari tal-odometru tal-karozza, indipendentement mill-Istat Membru fejn kienet reġistrata qabel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurmaw b'mod proattiv lill-konsumaturi u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-miżuri eżistenti kontra l-frodi tal-odometri u mezzi biex tiġi identifikata u impedita l-manipulazzjoni tal-odometru;

9.   Jenfasizza li l-EUCARIS toffri infrastruttura eżistenti għal skambju kosteffikaċi tal-qari tal-odometri madwar l-Unjoni fuq il-bażi ta' soluzzjoni ta' bażi tad-data; jiddispjaċih li fl-2017 kienu biss il-Belġju, in-Netherlands u s-Slovakkja li għamlu użu mill-pjattaforma EUCARIS biex jiskambjaw informazzjoni dwar il-qari tal-odometri, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri japprofittaw mill-opportunitajiet ipprovduti minn din is-sistema;

10.   Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-parteċipazzjoni fl-EUCARIS obbligatorja u timplimentaha bħala pjattaforma ta' informazzjoni tal-vetturi u b'hekk tiffaċilita l-verifika tal-kilometraġġ fl-Unjoni kollha bil-ħsieb li jitnaqqsu l-possibilitajiet li jiġu manipulati l-odometri;

11.   Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-reġistru elettroniku mid-Direttiva 2014/45/UE għadu ma ġiex stabbilit u li l-penali tal-Istati Membri mhumiex dissważivi biżżejjed, u b'konsegwenza ta' dan ma ntlaħqux l-objettivi f'dak li jikkonċerna l-iskambju tad-data;

12.   Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi qafas ġuridiku li jippermetti lill-Istati Membri jirreġistraw qari tal-odometri obbligatorju mill-PTI, minn kull ispezzjoni, servizz, operazzjoni ta' manutenzjoni u tiswija li jsiru, u minn żjarat fil-garaxxijiet oħra, ibda mill-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura;

13.   Jenfasizza li soluzzjoni bbażata fuq il-blockchain tista' tkun aktar kosteffikaċi u jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi kost-benefiċċji għal din is-soluzzjoni fi żmien 12-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan ir-rapport min-naħa tal-Parlament Ewropew, inklużi s-sigurtà, it-trasparenza u l-protezzjoni tad-data; iqis li sakemm ma ssir l-applikazzjoni potenzjali ta' din it-teknoloġija għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien soluzzjonijiet effikaċi, li jistgħu jintużaw faċilment u jitħaddmu malajr, b'riferiment partikolari għall-bażijiet tad-data;

14.  Jissottolinja li applikazzjoni usa' ta' teknoloġiji kriptografiċi avvanzati, bħal soluzzjonijiet ibbażati fuq il-Moduli tas-Sigurtà tal-Hardware jew Estensjonijiet ta' Hardware Sigur, tista' tipprovdi protezzjoni addizzjonali kontra l-manipulazzjonijiet tal-odometri, u tipproteġi l-odometri minn aċċess mhux awtorizzat permezz ta' ċipep ta' sigurtà;

15.   Jenfasizza li l-vetturi qed isiru dejjem aktar kapaċi li jkunu konnessi u li dan l-iżvilupp ser ikompli u b'hekk se jippermetti li d-data tal-odometru tiddaħħal awtomatikament f'bażi tad-data jew f'netwerk tal-blockchain; jilqa' l-isforzi tal-industrija tal-karozzi biex jiżviluppaw varjetà ta' salvagwardji tekniċi kontra t-tbagħbis tal-odometru fosthom il-kriptaġġ tad-data, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà iżda wkoll jitlob lill-manifatturi biex itejbu aktar l-effikaċja tas-soluzzjonijiet tekniċi tagħhom;

16.   Jenfasizza li l-miżuri kollha li jinvolvu t-trażmissjoni u l-ħżin tad-data għandhom isegwu l-acquis Ewropew għall-protezzjoni tad-data, u jiġu prattikati biss għall-prevenzjoni tat-tbagħbis tal-odometru u bl-ogħla livell ta' protezzjoni ċibernetika;

17.   Jistieden lill-Istati Membri biex joħolqu jew jemendaw il-leġiżlazzjoni dwar it-tbagħbis tal-odometru sabiex jagħmluh reat kriminali – inkluż il-forniment ta' hardware, software u s-servizzi relatati meħtieġa għal manipulazzjoni mhux awtorizzata – minħabba li t-tbagħbis iwassal għal valutazzjoni mhux korretta tal-kundizzjoni tal-vettura, u b'hekk għandu impatt negattiv fuq is-sikurezza tat-toroq; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għall-infurzar effikaċi, mhux diskriminatorju u proporzjonat ta' din il-leġiżlazzjoni;

18.  Jemmen li t-tibdil ta' odometru ta' vettura b'ieħor li juri qari ta' kilometraġġ aktar baxx, jekk l-għan ta' tali azzjoni jkun li jinħeba l-kilometraġġ reali u għaldaqstant isir profitt, għandu jitqies bħala frodi tal-kilometraġġ ta' vettura;

19.   Jitlob lill-Kummissjoni biex, fuq il-bażi tal-Artikoli 91(1) u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tissottometti proposta għal att dwar miżuri li jindirizzaw il-manipulazzjoni tal-odometri, skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta' hawn taħt;

20.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet fl-anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:RAKKOMANDAZZJONIJIET

 DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

It-trawwim ta' soluzzjonijiet tekniċi u tal-approvazzjoni tat-tip

Sabiex il-manipulazzjoni tal-qari tal-odometru ssir aktar diffiċli, għandu jiġi stabbilit livell ogħla ta' sigurtà fil-vettura stess għad-data tal-odometru. Dan għandu jinkiseb bil-mezzi li ġejjin:

  Is-sorveljar tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(3)(f) tar-Regolament 2017/1151 u r-rappurtar tar-riżultati malajr kemm jista' jkun lill-Parlament;

  L-istabbiliment ta' rekwiżiti ċari biex jiżguraw il-qari tal-odometru kontra l-manipulazzjoni fosthom – jekk jiġu vvalutati pożittivament – protezzjoni kriptografika tal-manipulazzjoni, sistemi ta' rikonoxximent tal-manipulazzjoni, detezzjoni u reġistrazzjoni separati tal-kilometraġġ u sigurtà tal-hardware;

  L-introduzzjoni ta' metodu ta' ttestjar jew applikazzjoni tal-Kriterji Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni għas-soluzzjonijiet preventivi mir-Regolament 2017/1151 dwar il-frodi tal-odometri;

Sistemi ta' bażijiet tad-data

Il-bażijiet tad-data bil-qari tal-odometri jnaqqsu b'mod sinifikanti l-għadd ta' vetturi manipulati. Huwa importanti li tinkiseb soluzzjoni għall-Ewropa kollha, għax l-inizjattivi nazzjonali iżolati ma jistgħux jipprevjenu l-frodi tal-odometri fil-kummerċ transfruntier ta' vetturi użati. Għaldaqstant, għandhom jiġu proposti l-miżuri li ġejjin:

  ir-reġistrazzjonijiet obbligatorji tal-qari tal-odometru kif mitlub fid-Direttiva 2014/45/UE għandhom ikunu magħmula disponibbli għal skambju transfruntier, u jekk jintalbu, għall-klijenti wkoll;

  jinħoloq qafas legali biex jitwaqqfu bażijiet tad-data kumparabbli tar-reġistrazzjonijiet tal-kilometraġġ fl-Istati Membri, filwaqt li jiġu żgurati l-iskambju internazzjonali u l-aċċess għall-informazzjoni, abbażi tal-aqwa prattika eżistenti li tipprovdi reġistrazzjoni frekwenti u affidabbli tad-data tal-kilometraġġ;

  il-bażijiet tad-data tal-qari tal-odometri li jeżistu diġà fil-livell tal-Istati Membri għandhom ikunu interkonnessi, kompatibbli u interoperabbli fil-livell tal-UE u jippermettu skambju internazzjonali tad-data, filwaqt li l-infrastruttura eżistenti bħall-EUCARIS għandha tintuża għal implimentazzjoni kosteffikaċi u f'waqtha;

  ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data għandhom jiġu rispettati u, fejn ikun meħtieġ, għandhom jiġu adatti b'mod li jippermetti l-ħżin u l-iskambju tad-data rilevanti u l-protezzjoni tal-privatezza filwaqt li jipprevjenu b'mod effikaċi l-użu frawdolenti tad-data miġbura;

  ix-xerrejja ta' vetturi użati għandhom jiġu provduti b'mezzi biex jivverifikaw, qabel ix-xiri, l-eżattezza tal-qari tal-odometru tal-karozza, abbażi tad-data tal-kilometraġġ miġbura minn dik il-vettura indipendentement mill-Istat Membru fejn kienet reġistrata qabel;

Il-blockchain u l-konnettività bħala soluzzjonijiet fit-tul potenzjali u kumplimentari

Il-vetturi qed isiru dejjem aktar konnessi u s-sehem ta' vetturi konnessi fil-flotta Ewropea qed jikber b'mod kostanti. Dawn diġà jittrażmettu data bħall-qari tal-kilometraġġ attwali lis-servers tal-manifatturi. Dik id-data diġà tista' tintuża biex tinkixef il-frodi tal-kilometraġġ.

It-teknoloġija blockchain tista', biż-żmien, toffri għodda affidabbli biex data tiġi mdaħħla f'netwerk u biex tgħin il-prevenzjoni tal-manipulazzjoni tad-data li tiddaħħal. L-ikkombinar ta' dawk l-iżviluppi u tat-teknoloġija jista' jiġi esplorat bħala soluzzjoni fit-tul kontra l-frodi tal-odometri.

Għalhekk, għandhom jiġu proposti l-miżuri li ġejjin:

  valutazzjoni tal-kosti u l-benefiċċji potenzjali tal-istabbiliment ta' netwerk Ewropew tal-blockchain għall-qari tal-odometru;

  jekk il-valutazzjoni tkun pożittiva: jinħoloq il-qafas legali u regolatorju għal trasmissjoni awtomatizzata tal-qari tal-odometru ta' karozzi li huma mgħammra b'funzjonijiet ta' konnettività u – irrispettivament mill-valutazzjoni tal-blockchain– għall-aċċessar tad-data tal-odometru maħżuna u miġbura mill-manifattur li tikkumplimenta r-reġistrazzjonijiet tal-kilomettraġġ minn entrati manwali fil-PTI u minn sorsi oħra;

  issir obbligatorja t-trażmissjoni tal-qari tal-odometru mill-PTI, miż-żjarat u l-ispezzjonijiet fil-garaxxijiet u b'hekk il-bażi tad-data tiġi integrata u żviluppata ulterjorment;

Leġiżlazzjoni u infurzar

Sa issa, il-frodi tal-odometru mhijiex reat kriminali fl-Istati Membri kollha, għalkemm id-Direttiva 2014/45/UE tistieden b'mod espliċitu biex dan iseħħ. L-infurzar ta' miżuri legali effettivi, inklużi multi u penali, huwa kruċjali biex tinqered il-frodi tal-odometri. Għalhekk, għandhom jiġu proposti l-miżuri li ġejjin:

  il-frodi tal-odometri għandha titqies bħala reat imwettaq kemm mill-persuna li tordna l-modifikazzjoni tal-qari tal-miter (sid il-karozza) kif ukoll mill-persuna li timmodifikah, u għandu jkun punibbli b'penali effettivi, proporzjonati, dissważivi u mhux diskriminatorji li jsegwu standard ferm komparabbli fl-Unjoni kollha;

(1)

Id-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u l-valutazzjoni tal-impatt korrispondenti 2009/40/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 51).

(2)

Id-Direttiva 2014/47/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-ispezzjonijiet tekniċi waqt it-traġitt tal-affidabilità stradali ta' vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li jirrevoka d-Direttiva 2000/30/KE, ĠU L 127, 29.4.2007, p. 134.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1).

(5)

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tal-18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).

(6)

Ir-Regolament Nru 39 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) – Id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-vetturi fir-rigward tat-tagħmir tal-ispeedometer inkluża l-installazzjoni tiegħu (ĠU L 120, 13.5.2010, p. 40).

(7)

Testi adottati, P7_TA(2013)0547.

(8)

http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/602012/IPOL_STU%282017%29602012_EN.pdf

(9)

http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/615637/EPRS_STU%282018%29615637_EN.pdf

(10)

https://www.ereg-association.eu/media/1122/final-report-ereg-topic-group-xiii-vehicle-mileage-registration.pdf

(11)

Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur, Kummissjoni Ewropea 2014

(12)

Id-Direttiva 2011/82/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinarju ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, (ĠU L 288, 5.11.2011, p. 1).

(13)

Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net, 2015), Xiri transfruntier ta' karozzi:

minn xiex għandek toqgħod attent meta tkun qed tfittex karozza bi prezz irħis, p. 236

(14)

Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi ("Direttiva Kwadru") (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Il-frodi tal-odometri hija fenomenu mifrux ħafna li joħloq theddida serja għas-sikurezza fit-toroq, ifixkel it-tħaddim normali tas-suq intern u jimponi spiża addizzjonali inġusta fuq il-konsumaturi, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-kumpaniji tal-bejgħ tal-karozzi użati, il-kumpaniji tal-lokazzjoni kif ukoll il-manifatturi.

L-istimi juru li bejn 5 % u 12 % tal-karozzi huma affettwati fis-swieq nazzjonali iżda bejn 30 % u 50 % tal-karozzi kollha huma affettwati fil-kummerċ transfruntier. Id-dannu ekonomiku għall-UE kollha huwa stmat bejn EUR 5.6 u 9.6 biljun. Konsegwentement, il-fiduċja fis-suq tal-karozzi użati hija l-aktar baxxa fost is-swieq kollha tal-prodotti fl-UE.(1)

L-hekk imsejħa għodod ta' aġġustament tal-odometru jew korrezzjoni tal-odometru huma disponibbli faċilment u jinbiegħu bi prezzijiet bażiċi baxxi ħafna. Bi prezz ogħla, huma disponibbli għodod aktar sofistikati li jinkludu abbonamenti għal software ta' aġġornament, b'kost amortizzat li jitħallas malajr, meta s-servizz ikun offrut fuq bażi kummerċjali. Il-profitti huma kunsiderevoli peress li l-valur ekonomiku miżjud artifiċjalment - skont is-segment ta' vetturi - huwa ta' medja ta' bejn EUR 2,000 u EUR 5,000(2).

Hemm ukoll tqassim inugwali tal-probabilità ta' xiri ta' karozza b'odometru mbagħbas, kemm ġeografikament kif ukoll soċjalment. Fil-pajjiżi tal-UE13, problemi relatati ma' odometri manipulati ġew irrappurtati b'mod aktar frekwenti milli fi Stati Membri oħra. Il-frodi tal-kilometraġġ ukoll taffettwa b'mod sproporzjonat lill-gruppi soċjali bi dħul disponibbli aktar baxx.

Minbarra l-effetti ekonomiċi, hemm impatti negattivi serji fuq is-sikurezza fit-toroq. Minħabba l-kilometraġġ żbaljat, is-sid tal-karozza se jsegwi pjan ta' manutenzjoni u ta' spezzjoni ħażin, li mbagħad jista' jwassal għal sostituzzjoni tard jew żbaljata ta' partijiet u komponenti. Tkagħbir prematur se jwassal għal żieda fil-ħtiġijiet ta' manutenzjoni u ta' tiswija u — minħabba spejjeż mhux mistennija li ħafna nies ma jistgħux iħallsu — dan iwassal għal aktar vetturi mhux sikuri fit-toroq.

Barra minn hekk, il-prestazzjoni ambjentali ta' dawk il-karozzi hija agħar milli mistenni u jiżdiedu l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu. Għalhekk, karozzi b'odometri manipulati jistgħu mingħajr ma jkun mistenni jfallu t-testijiet tal-emissjonijiet matul l-ispezzjoni teknika perjodika. Konsegwenzi oħra tal-manipulazzjoni li jista' jkollhom ukoll impatt fuq il-manifatturi. Fil-fatt, ir-Regolament 715/2007 jiddefinixxi rekwiżiti tad-durabilità tat-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis; madankollu, karozza li tikkonforma fir-realtà mar-Regolament iżda li jkollha odometru manipulat tista' turi tnaqqis fil-kapaċitajiet ta' kontroll tal-emissjonijiet u sussegwentement tkun theddida għall-prestazzjoni tal-manifattur.

Diskussjoni ta' kontromiżuri

Minħabba l-ambitu tal-manipulazzjoni tal-odometri u l-impatt negattiv tagħha fuq is-sikurezza fit-toroq, l-ambjent, l-ekonomija u l-konsumaturi, xi Stati Membri indirizzaw il-problema u introduċew kontromiżuri. L-għan huwa li jinħolqu ostakli legali, tekniċi u operazzjonali biex il-manipulazzjonijiet isiru impossibbli jew biex dawn tant jieħdu ħin, ikunu diffiċli u għalja li ma jibqgħux jipproduċu qligħ.

Il-Belġju u n-Netherlands stabbilixxew sistemi ta' bażijiet tad-data li jaħżnu reġistrazzjonijiet tal-kilometraġġ mill-PTI, u minn żjarat ta' manutenzjoni u ta' spezzjoni fil-garaxxijiet. B'riżultat ta' dan, l-għadd ta' karozzi b'odometri manipulati naqas b'mod sinifikanti u l-fenomenu kważi sparixxa. Madankollu, dan l-effett huwa validu biss għal bejgħ intern ta' karozzi użati. L-għadd ta' karozzi manipulati f'bejgħ transfruntier għadu kostanti. Sabiex ikun hemm l-istess effett fil-kummerċ transfruntier, huma kruċjali tliet fatturi: id-data għandha tinġabar, għandha tkun korretta u għandu jkun possibbli l-aċċess transfruntier għal dik id-data.

Huwa għalhekk li soluzzjoni ta' bażi tad-data Ewropea tista' tgħin biex tinġabar data b'mod uniformi u biex ikun jista' jseħħ skambju transfruntier. Il-bini fuq strutturi eżistenti bħall-EUCARIS ikun approċċ kosteffikaċi.

Billi l-bażijiet tad-data jaħżnu biss kilometraġġ mill-ewwel reġistrazzjoni 'l quddiem - li fl-agħar każ huwa l-ewwel PTI wara erba' snin - wieħed xorta jista' jimmanipula l-odometru qabel din id-data. Bħala riżultat, kilometraġġ żbaljat ikun irreġistrat uffiċjalment u b'hekk "legalizzat".

Sabiex jiġi evitat dan ir-riskju, bosta partijiet interessati huma favur soluzzjoni fil-vettura stess. Il-partijiet speċifiċi tal-unitajiet ta' kontroll elettroniku tal-vettura (ECU) ikollhom livell ta' sigurtà ogħla minn oħrajn jew huma speċifikament protetti kontra aċċess mhux awtorizzat. L-hekk imsejħa "Moduli tas-Sigurtà tal-Hardware" diġà jintużaw għal dan il-għan u skont diversi partijiet interessati huma jirrappreżentaw soluzzjoni irħisa u effiċjenti, li l-manifatturi jkollhom jimplimentawha. Din tkun soluzzjoni mill-bidu nett biex jiġi stabbilit ostaklu addizzjonali għall-manipulazzjoni.

Soluzzjonijiet proposti: minn soluzzjonijiet għal żmien qasir sa soluzzjonijiet fit-tul

Il-problema tal-frodi tal-odometri għandha tiġi indirizzata permezz ta' approċċ f'diversi livelli. L-għoti ta' mandat lill-manifatturi biex jiżguraw speċifikament l-odometri kontra l-manipulazzjoni huwa l-ewwel pass li se jipproteġi aħjar lill-karozzi ġodda kollha li jidħlu fis-suq. L-istabbiliment ta' soluzzjoni ta' bażi tad-data Ewropea jinkludu l-karozzi kollha fit-triq kif ukoll il-karozzi futuri kollha.

Wara ħarsa lejn il-progress teknoloġiku, kemm fl-industrija tal-karozzi kif ukoll fl-IT, wieħed jara li kombinazzjoni ta' vetturi konnessi u ta' teknoloġija blockchain tista' tkun soluzzjoni fit-tul. Karozzi konnessi diġà huma fit-toroq Ewropej u l-għadd tagħhom x'aktarx li jkompli jiżdied. L-OEMs diġà jirċievu settijiet ta' data minn dawn il-vetturi, inkluż fost l-oħrajn il-kilometraġġ attwali. Għalhekk, data rilevanti u teknoloġija ta' trażmissjoni awtomatizzata diġà qed jintużaw.

Minflok ma jintbagħtu dawk is-settijiet ta' data f'bażi tad-data klassika, fejn it-tibdil u t-tħassir ma jistgħux jiġu esklużi, netwerk blockchain jista' jikkostitwixxi alternattiva sikura u kosteffikaċi. Il-blockchains bid-diżinn stess tagħhom huma reżistenti għal modifika tad-data. Fuq medda twila ta' żmien, it-trasferiment awtomatizzat tad-data tal-odometru lejn blockchain Ewropew jista' jtemm il-manipulazzjoni tal-odometri.

(1)

Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (Kummissjoni Ewropea, 2014)

(2)

KTI, Technische Informationen 2/2014 Tachobetrug (http://www.k-t-i.de/fileadmin/edit/publikationen/ti/2014/2014-02_TI_Tachobetrug_V1.0.pdf)


ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNILI R-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM

Il-lista li ġejja hija stabbilita fuq bażi purament volontarja taħt ir-responsabilità esklużiva tar-rapporteur. Ir-Rapporteur irċeviet kontribut mingħand dawn l-entitajiet jew persuni li ġejjin fit-tħejjija tar-rapport, sal-adozzjoni tiegħu fil-kumitat:

Entità u/jew persuna

EAC European Automobile Clubs

Allgemeiner Deutscher Automobil-Club e.V. (ADAC)

Association of European Vehicle and Driver Registration Authorities (EReg)

Car-Pass

Centre Européen des Consommateurs France

Certificare

CTIC Centro Tecnologico

DEKRA

European Council for Motor Trades and Repairers (CECRA)

Fédération Internationale de l'Automobile (FIA)

Gesamtverband der Deutschen Versicherungswirtschaft (GdV)

Kraftfahrzeugtechnisches Institut und Karosseriewerkstätte (KTI)

Verband der TÜV e.V. (VdTÜV)


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Dieter-Lebrecht Koch, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Renaud Muselier, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Claudia Țapardel, Keith Taylor, István Ujhelyi, Peter van Dalen, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Matt Carthy, Jakop Dalunde, Michael Detjen, Markus Ferber, Michael Gahler, Maria Grapini, Karoline Graswander-Hainz, Kateřina Konečná, Peter Kouroumbashev, Werner Kuhn, Ramona Nicole Mănescu, Jozo Radoš, Matthijs van Miltenburg, Henna Virkkunen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Anna Hedh, Jeroen Lenaers, Mylène Troszczynski


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

46

+

ALDE

Izaskun Bilbao Barandica, Jozo Radoš, Dominique Riquet, Matthijs van Miltenburg

ECR

Tomasz Piotr Poręba , Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Peter van Dalen

EFDD

Daniela Aiuto, Peter Lundgren

ENF

Marie-Christine Arnautu, Mylène Troszczynski

GUE/NGL

Matt Carthy, Kateřina Konečná, Merja Kyllönen

PPE

Georges Bach, Markus Ferber, Michael Gahler, Dieter-Lebrecht Koch, Werner Kuhn, Jeroen Lenaers, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Ramona Nicole Mănescu, Renaud Muselier, Markus Pieper, Massimiliano Salini, Claudia Schmidt, Henna Virkkunen, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Luis de Grandes Pascual

S&D

Lucy Anderson, Isabella De Monte, Michael Detjen, Ismail Ertug, Maria Grapini, Karoline Graswander-Hainz, Anna Hedh, Peter Kouroumbashev, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Gabriele Preuß, Claudia Țapardel, István Ujhelyi

VERTS/ALE

Michael Cramer, Jakop Dalunde, Keith Taylor

1

-

EFDD

Jill Seymour

1

0

ECR

Jacqueline Foster

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Mejju 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza