Proċedura : 2018/2007(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0164/2018

Testi mressqa :

A8-0164/2018

Dibattiti :

PV 28/05/2018 - 30
CRE 28/05/2018 - 30

Votazzjonijiet :

PV 29/05/2018 - 7.12
CRE 29/05/2018 - 7.12

Testi adottati :

P8_TA(2018)0215

RAPPORT     
PDF 719kWORD 77k
4.5.2018
PE 618.012v02-00 A8-0164/2018

dwar il-finanzi sostenibbli

(2018/2007(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Molly Scott Cato

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
 FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
 FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-finanzi sostenibbli

(2018/2007(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-impenn tal-G20 favur it-tkabbir sostenibbli taħt il-Presidenza Ġermaniża mill-1 ta' Diċembru 2016 sat-30 ta' Novembru 2017, b'riferiment partikolari għad-dikjarazzjoni: "se nkomplu nużaw l-istrumenti kollha tal-politika monetarja, fiskali u strutturali, b'mod individwali u kollettiv, biex nilħqu l-għan tagħna ta' tkabbir sod, sostenibbli, ibbilanċjat u inklużiv, filwaqt li nsaħħu r-reżiljenza ekonomika u finanzjarja",

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-impenn li tittieħed azzjoni sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu u jiġu żgurati konsum u produzzjoni sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-impenn tal-Kummissjoni favur investiment sostenibbi f'dan ir-rigward fil-pjan tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u b'mod speċifiku l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli (HLEG) dwar il-Finanzi Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-HLEG ta' Lulju 2017 bit-titolu "Financing a Sustainable European Economy" (Finanzjament ta' ekonomija Ewropea sostenibbli), li jispjega t-tensjoni bejn l-aġir mingħajr skop ta' lukru fit-terminu qasir u l-bżonn ta' investiment fit-terminu twil biex jintlaħqu l-miri ambjentali, soċjali u ta' governanza, u partikolament għall-punt 5 dwar il-fatt li s-sistema finanzjarja u l-qafas politiku jirriskjaw li jċedu għall-hekk imsejħa "tragedy of the horizon" (traġedja tal-orizzont) fil-paġna 16,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (COM(2017)0292),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-HLEG ta' Jannar 2018 bit-titolu "Financing a Sustainable European Economy" (Finanzjament ta' ekonomija Ewropea sostenibbli),

–  wara li kkunsidra l-paġna 14 tar-rapport interim tal-HLEG li jafferma li l-investituri tal-Ewropa għandhom skopertura kombinata għas-setturi b'intensità għolja ta' karbonju ta' bejn wieħed u ieħor 45 % u li inqas minn 1 % tal-investituri istituzzjonali globali huma assi infrastrutturali ekoloġiċi,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-oqfsa prudenzjali, partikolarment id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), u r-regoli tal-kontabilità għall-investituri jiskoraġġixxu approċċ fit-tul, u li r-regoli prudenzjali jirrikjedu livell ta' kapital proporzjonali għal-livell ta' riskju fuq medda ta' sena u jqis biss ir-riskju finanzjarju għall-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 173 tal-Liġi Franċiża Nru 2015-992 tas-17 ta' Awwissu 2015 dwar it-Tranżizzjoni Enerġetika għat-Tkabbir Ekoloġiku,

–  wara li kkunsidra d-diskors li għamel fit-22 ta' Settembru 2016 Mark Carney, Gvernatur tal-Bank tal-Ingilterra u President tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja, u r-rapport tal-2015 tal-Carbon Tracker Initiative, b'riferiment partikolari għall-fatt li minn tmiem l-2010 l-kapitalizzazzjoni kombinata tas-suq tal-ewwel erba' produtturi ta' faħam tal-Istati Uniti niżlet b'aktar minn 99 %;

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma tal-Finanzjament għall-Ġlieda Kontra t-Tibdil fil-Klima li tnediet mill-BEI u l-Lussemburgu f'Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-paġna 9 tad-dokument ta' diskussjoni ta' E3G ta' Mejju 2016 bit-titolu "Clean Energy Lift Off – Capitalising Europe's Energy Union" (Bidu għall-Enerġija Nadifa – Kapitalizzazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija tal-Ewropa), b'riferiment partikolari għall-fatt li mill-2008 sal-2013 spiċċa fix-xejn aktar minn nofs il-valur tas-suq tal-ewwel 20 kumpanija tas-servizzi enerġetiċi fl-Ewropa, li kien jammonta għal EUR 1 triljun,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-2015 u tal-2016 tal-Carbon Tracker Initiative li jindikaw li bejn USD 1,1 u USD 2 triljun oħra ta' nefqa kapitali mill-fjuwils fossili huma f'riskju li jkunu abbandunati, b'USD 500 biljun fis-settur tal-enerġija Ċiniż biss,

–  wara li kkunsidra r-"Recommendation of the Council on Common Approaches for Officially Supported Export Credits and Environmental and Social Due Diligence" (Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Approċċi Komuni għal krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġjati u d-Diliġenza Dovuta ambjentali u soċjali) ("Common Approaches" (l-Approċċi Komuni)) tal-OECD li tirrikonoxxi "r-responsabilità tal-Aderenti li jimplimentaw l-impenji meħuda mill-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima" u "r-responsabilità tal-Aderenti li jqisu l-impatti ambjentali u soċjali pożittivi u negattivi tal-proġetti, b'mod partikolari f'setturi sensittivi jew li jinsabu f'żoni sensittivi jew ħdejhom, u r-riskji ambjentali u soċjali assoċjati ma' operazzjonijiet eżistenti, fid-deċiżjonijiet tagħhom li joffru appoġġ uffiċjali għal krediti għall-esportazzjoni",

–  wara li kkunsidra r-Responsible Business Conduct for Institutional Investors guidelines (linji gwida dwar l-Imġiba Responsabbli fin-Negozju għall-Invesituri Istituzzjonali) tal-OECD tal-2017, partikolarment il-paġna 13 fejn hemm imniżżel li l-investituri, anki dawk b'parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja, jafu jkunu direttament marbuta mal-impatti negattivi kkawżati minn destinatarji ta' investiment jew li għal dawn l-impatti kkontribwew dawn tal-aħħar, bħala konsegwenza tas-sjieda tagħhom ta' ishma jew tal-ġestjoni ta' tali ishma, fil-kumpanija li tkun qiegħda tikkawża ċerti impatti soċjali jew ambjentali jew tikkontribwixxi għalihom;

–  wara li kkunsidra l-approċċ tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Ekoloġika (GET) tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), li għandu l-għan li jimmitiga u/jew jibni reżiljenza għall-effetti tat-tibdil fil-klima u ta' forom oħra ta' degradazzjoni ambjentali, b'riferiment partikolari għad-dokumenti tal-BERŻ li jgħaqqdu l-impatt tat-tranżizzjoni mal-ambjent, inklużi, fejn xieraq, bidliet fil-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-proġett,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-OECD bit-titolu "Responsible Business Conduct for Institutional Investors: Key Considerations for Due Diligence under the OECD Guidelines for Multinational Enterprises" (Imġiba Responsabbli fin-Negozju għall-Invesituri Istituzzjonali: Kunsiderazzjonijiet Fundamentali għad-Diliġenza Dovuta fil-kuntest tal-Linji Gwida għall-Impriżi Multinazzjonali),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-2018 tat-Task Force ta' Livell Għoli dwar l-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa bit-titolu "Boosting Investment in Social Infrastructure in Europe" (It-Titjib tal-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra l-Liġi Franċiża dwar id-Dmir Korporattiv ta' Viġilanza tas-27 ta' Marzu 2017, b'mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju – NFRD)(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 19 u 19(a) u l-premessi 3, 6, 6(a) u 6(b) tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti (Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti)(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs) (Direttiva dwar l-IORPs)(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (Regolament dwar il-PRIIPs)(6), li jgħid li meta prodott aggregat ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIP) jkollu objettiv ambjentali jew soċjali muri, il-manifattur irid juri lill-investitur potenzjali fil-livell tal-konsumatur u lill-partijiet interessati f'sens usa' kif dawn l-objettivi jintlaħqu matul il-proċess ta' investiment kollu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (Regolament dwar l-STS)(7),

–  wara li kkunsidra s-suġġeriment tat-Triodos Bank ta' "mandati mudell" li jinkludu r-rekwiżit ta' integrazzjoni totali tal-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fid-deċiżjonijiet ta' investiment, l-involviment attiv u l-votazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, l-għażla ta' parametri referenzjarji sostenibbli, rappurtar inqas frekwenti iżda iktar sinifikattiv min-naħa tal-maniġers tal-assi u struttura tariffarja u tal-pagamenti orjentata fuq terminu twil,

–  wara li kkunsidra r-reinterpretazzjoni min-naħa tal-Gvern tar-Renju Unit tad-dmir fiduċjarju, li ddgħajjef ir-rabta mar-redditi massimi u tippermetti l-eżami ta' kwistjonijiet etiċi u ambjentali,

–  wara li kkunsidra r-rwol pijunier tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fil-ħruġ tal-ewwel bond aħdar fid-dinja u billi minn Jannar 2018 sar l-akbar emittent ta' bonds ħodor fid-dinja,

–  wara li kkunsidra l-"Principles for Positive Impact Finance" (Prinċipji għal Finanzi b'Impatt Pożittiv) żviluppati mill-Inizjattiva Finanzjarja tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP FI),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Il-finanzjament tal-azzjoni klimatika: għodda essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi" li tenfasizza r-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fit-titjib tal-portafoll tal-investimenti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi,

–  wara li kkundira l-Inkjesta tal-UNEP dwar it-Tifsil ta' Sistema Finanzjarja Sostenibbli (Inquiry into the Design of a Sustainable Financial System),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2017 tal-Climate Bonds Initiative, li juri kif il-bonds qegħdin jintużaw għat-tranżizzjoni lejn ekonomija globali b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2016 tal-Inkjesta tal-UNEP, li wasal għall-konklużjoni li bosta regolaturi finanzjarji nazzjonali diġà qegħdin jagħmlu jew iħejju valutazzjonijiet tas-sostenibilità u tali inizjattivi għandhom jiġu integrati malajr fil-livell tal-UE, u b'riferiment għall-punt li tali analiżijiet għandhom jibnu fuq xenarji klimatiċi standardizzati, fosthom xenarju li fih żieda fit-temperaturi tad-dinja tinżamm sew taħt iż-2 °C,

—  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni fir-rapport finali ta' Jannar 2018 tal-HLEG li tgħid li l-Kummissjoni jmissha tagħmel test tas-sostenibilità għall-proposti leġiżlattivi finanzjarji kollha;

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-pjan ta' azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali: "Il-Kummissjoni tappoġġja l-allinjament ta' investimenti privati mal-objettivi li jolqtu l-klima, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-ambjent, kemm permezz ta' miżuri ta' politika kif ukoll ta' investiment pubbliku" (COM(2017)0029),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Federali Ġermaniż (Bundesbank) tal-2017 u l-Bullettin Trimestrali (Quarterly Bulletin) tal-Bank tal-Ingilterra tar-raba' trimestru tal-2014, li jgħidu li l-maġġor parti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni tinħoloq mis-settur bankarju privat meta l-banek isellfu;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-ħtieġa li l-flussi finanzjarji jsiru konsistenti ma' pjan orjentat lejn żvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' gassijiet serra u reżistenti għat-tibdil fil-klima;

  wara li kkunsidra r-rapport tal-UNISDR u taċ-ĊRED bit-titolu "The Human Cost of Weather-Related Disasters 1995-2015" (Il-Prezz Uman tad-Diżastri Relatati mat-Temp 1995-2015) li kkonkluda li 90 % tad-diżastri ewlenin irreġistrati f'dan il-perjodu kkawżati minn perikli naturali kienu marbuta mal-klima u mat-temp u li, globalment, id-diżastri jikkawżaw USD 300 biljun f'dannu ekonomiku kull sena(8),

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030 u l-Prijorità 3 tiegħu "Investing in disaster risk reduction for resilience" (Ninvestu fit-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri għal reżiljenza) inkluż il-paragrafu 30 li jsemmi l-ħtieġa "li tiġi promossa, kif xieraq, l-integrazzjoni ta' kunsiderazzjonijiet u miżuri relatati mat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fi strumenti finanzjarji u fiskali",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Recommendations of the Task Force on Climate-related Financial Disclosure" (Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force għad-Divulgazzjoni Finanzjarja relatata mal-Klima),

–  wara li kkunsidra x-xogħol tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) dwar ir-riskji marbuta mal-assi mhux irkuprabbli u l-ħtieġa ta' "testijiet tal-istress relatati mal-karbonju" fil-livell Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 31 tal-2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li wasal għall-konklużjoni li minkejja li l-UE għamlet impenn politiku fl-ambitu tal-perjodu baġitarju attwali 2014-2020 biex tonfoq euro wieħed minn kull ħamsa (20 %) għal skopijiet relatati mal-klima, ma kinitx fit-triq it-tajba biex tonora dan l-impenn, peress li l-programmazzjoni attwali tkun tirrappreżenta madwar 18 % biss,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Statistiku 2016 tal-BEI, li juri li l-appoġġ tal-BEI favur l-azzjoni klimatika jkompli jirrifletti l-kuntesti differenti tas-swieq madwar l-UE u ma laħaqx il-livell ta' 20 % f'16-il Stat Membru tal-UE fl-2016, u li, filwaqt li l-investiment fl-azzjoni klimatika fl-2016 kien prevalentement jinsab fl-ekonomiji l-aktar b'saħħithom tal-UE, fl-2016 il-BEI ffinanzja proġetti favur l-enerġija rinnovabbli fi 11-il Stat Membru u proġetti ta' effiċjenza enerġetika fi 18-il Stat Membru(9);

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-Task Force ta' Livell Għoli dwar l-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa, li jikkalkula li d-diskrepanza minima fl-investiment tal-infrastruttura soċjali fl-UE hi ta' EUR 100-150 biljun kull sena u li d-diskrepanza totali se tkun ta' aktar minn EUR 1,5 triljun bejn l-2018 u l-2030,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Frar 2018 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet Finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2016(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2017 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur(12),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-BEI dwar l-Investiment 2017/2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar l-innovazzjoni għal tkabbir sostenibbli: bijoekonomija għall-Ewropa(13),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni tal-2015 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(14),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u r-responsabilità għal Protezzjoni, Rispett u Rimedju,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0164/2018),

A.  billi s-swieq finanzjarji jistgħu u għandhom jaqdu rwol essenzjali biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli fl-UE li tmur lil hinn mit-tranżizzjoni klimatika u minn kwistjonijiet ekoloġiċi u tirrigwarda anki kwistjonijiet soċjali u ta' governanza; billi hemm ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-fallimenti relatati mas-suq; billi l-isfidi ambjentali, ekonomiċi u soċjali huma marbuta flimkien mill-qrib; billi, skont ir-rapport tal-HLEG ta' Lulju 2017, id-diskrepanza tal-likwidità biex l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa jħallu l-frott hija kważi EUR 180 biljun, esklużi l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli oħrajn;

B.  billi jeħtieġ li t-tranżizzjoni ekoloġika tkun mezz biex jiżdiedu s-solidarjetà u l-koeżjoni; billi l-finanzi sostenibbli jistgħu jkunu mezz li bih jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà lejn tkabbir inklużiv fit-tul u jiġi promoss il-benessri taċ-ċittadini; billi l-kriterji għall-investiment favur il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jidhru promettenti ħafna u jistgħu jkun punt tat-tluq tajjeb; billi l-finanzi sostenibbli jmorru lil hinn mill-investimenti ekoloġiċi u favur il-klima u għandhom iqisu b'urġenza anki kriterji soċjali u ta' governanza;

C.  billi sistema regolatorja prevedibbli u stabbli għall-investimenti relatati mat-tibdil fil-klima hija ta' importanza kbira sabiex jitrawwem l-involviment tas-settur privat fil-finanzjament għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; billi l-Unjoni Ewropea tista' tistabbilixxi standard għal sistema finanzjarja sostenibbli billi tintroduċi qafas kredibbli u komprensiv, li d-dettalji tiegħu għandhom jiġu stabbiliti b'mod progressiv permezz ta' inizjattivi leġiżlattivi speċifiċi;

D.  billi hemm bżonn bidla fil-mentalità tal-partijiet ikkonċernati kollha, li tirrikjedi leġiżlazzjoni trasversali min-naħa tal-Kummissjoni; billi l-investituri istituzzjonali u fil-livell tal-konsumatur qed juru interess akbar biex jinvestu fi prodotti li josservaw il-kriterji ambjentali, soċjali u ta' governanza;

E.  billi hemm bżonn żieda fit-trasparenza tad-data ambjentali, soċjali u ta' governanza dwar il-kumpaniji sabiex jiġi evitat il-"greenwashing";

F.  billi l-evalwazzjoni tal-impatt għandha tkun parti mit-tassonomija ta' prodotti finanzjarji sostenibbli; billi l-għarfien espert dwar kif għandu jiġi kkalkulat l-impatt tal-investimenti fuq l-għanijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza qiegħed jikber;

Il-ħtieġa ta' qafas ta' politika xieraq għall-mobilizzazzjoni tal-kapital meħtieġ għal tranżizzjoni sostenibbli

1.  Jisħaq fuq il-potenzjal ta' tranżizzjoni sostenibbli aktar rapida bħala opportunità biex is-swieq kapitali u l-intermedjarji finanzjarji jiġu orjentati lejn investimenti fit-tul, innovattivi, soċjalment favorevoli, ambjentalment sani u effiċjenti; josserva x-xejra attwali ta' żvestiment mill-faħam, iżda jirrimarka l-ħtieġa ta' sforzi ulterjuri għall-iżvestiment minn fjuwils fossili oħra; jenfasizza l-importanza li l-banek u s-swieq kapitali Ewropej jieħdu vantaġġ mill-innovazzjoni f'dan il-qasam; jinnota li l-benefiċċji u r-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza sikwit ma jkunux integrati adegwatament fil-prezzijiet u li dan jagħti inċentivi tas-suq lill-finanzi insostenibbli u ingranati għal terminu qasir għal ċerti parteċipanti fis-suq li jiffukaw fuq redditi rapidi; jenfasizza li hemm bżonn qafas regolatorju, politiku u superviżorju mfassal tajjeb sabiex jirregola l-finanzi sostenibbli, filwaqt li jitqiesu l-opportunitajiet differenti li joffru r-reġjuni tal-UE; jinnota li qafas bħal dan jista' jgħin sabiex jiġi mmobilizzat il-kapital fuq skala kbira għall-iżvilupp sostenibbli u jtejjeb l-effiċjenza tas-suq biex jidderieġi l-flussi tal-kapital lejn assi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tressaq qafas leġiżlattiv ambizzjuż li jirrikonoxxi l-proposti mressqa fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli;

Ir-rwol tas-settur finanzjarju fir-rigward tas-sostenibilità u l-politiki meħtieġa għall-korrezzjoni tal-fallimenti tas-suq

2.  Jenfasizza li s-settur finanzjarju kollu kemm hu, kif ukoll il-funzjoni prinċipali tiegħu li jalloka l-kapital b'mod effiċjenti kemm jista' jkun għall-ġid tas-soċjetà, f'konformità mal-objettivi tal-UE, għandhom ikunu rregolati mill-valuri tal-ekwità u tal-inklużjoni kif ukoll mill-prinċipju tas-sostenibilità, u għandhom jinkludu indikaturi ambjentali, soċjali u ta' governanza u l-kost ta' nuqqas ta' azzjoni fl-analiżi tal-investiment u fid-deċiżjonijiet relatati; jinnota li l-valutazzjoni ineżatta jew il-preżentazzjoni qarrieqa tar-riskji klimatiċi u ambjentali oħra tal-prodotti finanzjarji jistgħu jikkostitwixxu riskju għall-istabilità tas-suq; jenfasizza r-rwol strumentali tal-politika ekonomika, fiskali u monetarja biex jitrawmu finanzi sostenibbli billi tiffaċilita l-allokazzjoni tal-kapital u torjenta mill-ġdid l-investimenti lejn teknoloġiji u impriżi aktar sostenibbli u lejn attivitajiet ekonomiċi dekarbonizzati, reżiljenti għad-diżastri u effiċjenti fir-riżorsi li jkunu kapaċi jnaqqsu l-bżonn attwali ta' riżorsi futuri u b'hekk ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi relatati mas-sostenibilità tal-UE u l-Ftehim ta' Pariġi; jirrikonoxxi li prezz xieraq u dejjem ogħla għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra huwa komponent fundamentali f'ekonomija tas-suq ambjentali u soċjali funzjonanti u effiċjenti billi jikkoreġi l-fallimenti attwali tas-suq; jinnota li l-prezzijiet fis-suq Ewropew tal-karbonju kienu instabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu biex jeliminaw gradwalment is-sussidji diretti u indiretti għall-fjuwils fossili;

L-assi mhux irkuprabbli u r-riskji sistemiċi relatati

3.  Jissottolinja li għalkemm l-assi tal-karbonju għad għandhom valur fil-karta bilanċjali tal-impriżi, dan il-valur irid isegwi xejra negattiva biex tkun tista' ssir tranżizzjoni lejn soċjetà b'livell baxx ta' karbonju; jenfasizza, għaldaqstant, ir-riskji sistemiċi sostanzjali li l-assi mhux irkuprabbli relatati mal-karbonju u li jagħmlu ħsara lill-ambjent jirrappreżentaw għall-istabilità finanzjarja jekk ma jiġux ipprezzati fil-ħin skont il-profil tar-riskju fit-tul tagħhom; jisħaq fuq il-bżonn ta' identifikazzjoni, valutazzjoni u ġestjoni prudenti tal-iskoperturi u, wara perjodu tranżitorju, ta' rappurtaġġ proporzjonat u obbligatorju, kif ukoll id-disponiment progressiv ta' dawn l-assi, bħala essenzjali għat-tranżizzjoni ordinata, bilanċjata u stabbli lejn investimenti pożittivi f'termini ta' klima u ta' effiċjenza fir-riżorsi; jirrakkomanda li l-kunċett tal-assi mhux irkuprabbli jiġi estiż biex jinkludi sistemi u servizzi ekoloġiċi fundamentali;

4.  Jitlob l-introduzzjoni ta' "testijiet tal-istress relatati mal-karbonju" fil-livell Ewropew kif propost mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) fl-2016 għall-banek u għall-intermedjarji finanzjarji l-oħra biex ikunu jistgħu jiġu ddeterminati r-riskji relatati ma' dawn l-assi mhux irkuprabbli; jilqa' l-proposti tal-BERS għall-iżvilupp ta' politiki prudenzjali reżiljenti għall-klima, pereżempju aġġustamenti addizzjonali speċifiċi tal-kapital abbażi tal-intensità tal-karbonju ta' skoperturi individwali vvalutati bħala eċċessivi applikati għall-investiment globali f'assi meqjusa vulnerabbli ħafna għal tranżizzjoni f'daqqa lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju; jiġbed l-attenzjoni għar-reviżjoni pendenti tar-regolamenti li jistabbilixxu l-awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASE) bħala opportunità biex jitqies ir-rwol tal-ASE fl-investigazzjoni u l-iżvilupp ta' standards għall-valutazzjoni tar-riskji relatati mal-karbonju u ta' riskji oħra relatati mal-ambjent, kif ukoll id-divulgazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fil-proċess intern ta' valutazzjoni tar-riskji fil-banek, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti ta' rapportar eżistenti dwar is-sostenibilità mill-istituzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi f'dan ir-rigward;

Il-finanzjament tal-investimenti pubbliċi meħtieġa għat-tranżizzjoni

5.  Jenfasizza li r-riforma tas-sistema finanzjarja, biex tikkontribwixxi b'mod attiv għall-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika, tirrikjedi l-kooperazzjoni tas-settur pubbliku u s-settur privat; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol strumentali tal-politika fiskali u ekonomika li tipprovdi s-sinjali u l-inċentivi t-tajba; jistieden lill-Istati Membri biex, f'koordinament mal-Kummissjoni, l-ASE u l-BEI, jivvalutaw il-bżonnijiet nazzjonali u kollettivi ta' investiment pubbliku tagħhom u jindirizzaw il-lakuni li jista' jkun hemm biex jiżguraw li l-UE tkun fit-triq it-tajba biex, fil-ħames snin li ġejjin, tilħaq l-għanijiet tagħha fil-qasam tat-tibdil fil-klima u, sal-2030, tilħaq l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jissottolinja r-rwol li l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jistgħu jaqdu f'dan ir-rigward; jissuġġerixxi li dan il-proċess jiġi kkoordinat fil-livell Ewropew u li tiġi stabbilita sistema li tintraċċa l-flussi finanzjarji effettivi lejn investimenti pubbliċi sostenibbli fil-qafas ta' Osservatorju tal-UE dwar il-Finanzi Sostenibbli; jilqa' l-għodod finanzjarji innovattivi li jintegraw l-indikaturi tas-sostenibilità u li jistgħu jiffaċilitaw dan il-proċess, bħalma huma l-bonds ħodor maħruġa pubblikament; jilqa' l-kjarifika mogħtija mill-Eurostat dwar it-trattament ta' kuntratti għall-prestazzjoni tal-enerġija f'kontijiet nazzjonali peress li dan it-trattament iċċarat jista' jiftaħ flussi konsiderevoli ta' kapital pubbliku lejn settur li attwalment jammonta għal tliet kwarti tad-diskrepanza fl-investiment f'enerġija nadifa tal-UE għall-2030; jitlob lill-Kummissjoni tesplora ulterjorment trattament ikkwalifikat ta' investimenti pubbliċi relatati mal-għanijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza sabiex l-ispiża ta' dawn il-proġetti tinfirex tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-investiment pubbliku relatat;

L-indikaturi u t-tassonomija tas-sostenibilità bħala inċentiv għal investimenti sostenibbli

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi proċess ta' diversi partijiet ikkonċernati, inklużi esperti fix-xjenza klimatika kif ukoll parteċipanti fis-suq finanzjarju, biex, sa tmiem l-2019, tistabbilixxi tassonomija tas-sostenibilità soda, kredibbli u teknoloġikament newtrali abbażi ta' indikaturi li jiddivulgaw l-impatt sħiħ tal-investimenti fuq is-sostenibilità u jippermettu li jsir paragun bejn il-proġetti ta' investiment u l-kumpaniji; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati tali indikaturi tas-sostenibilità bħala l-ewwel pass fil-proċess tal-iżvilupp ta' tassonomija tas-sostenibilità tal-UE u li dawn l-indikaturi jiġu inkorporati f'rappurtar integrat; jirrimarka li l-iżvilupp tat-tassonomija tas-sostenibilità għandu jiġi segwit mill-proposti leġiżlattivi addizzjonali li ġejjin: qafas ta' diliġenza dovuta komprensiv u obbligatorju, li jinkludi obbligu ta' diliġenza li jiġi introdott gradwalment tul perjodu tranżitorju u li jqis il-prinċipju tal-proporzjonalità, tassonomija responsabbli dwar l-investiment, u proposta sabiex ir-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza jiġu integrati fil-qafas prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji;

7.  Jinnota li diġà jeżistu indikaturi tas-sostenibilità, iżda li l-oqfsa attwali ta' rappurtar volontarju mhumiex armonizzati biżżejjed; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tibbaża t-tassonomija tagħha fil-qasam tas-sostenibilità fuq lista armonizzata ta' indikaturi tas-sostenibilità abbażi tal-ħidma eżistenti, fost l-oħrajn, tal-Global Reporting Initiative (GRI), il-Prinċipji tan-NU għal Investiment Responsabbli (UN PRI), il-Kummissjoni nnifisha, l-OECD, u s-settur privat, u b'mod partikolari l-indikaturi eżistenti tal-Eurostat dwar l-effiċjenza fir-riżorsi; jirrakkomanda li dawn l-indikaturi jiġu inklużi fit-tassonomija b'mod dinamiku u bi gwida ċara għall-investituri dwar iż-żmien sa meta jridu jintlaħqu ċerti standards; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra wkoll il-ponderazzjoni tal-indikaturi skont l-urġenza li jiġu indirizzati fi kwalunkwe mument partikolari; jissottolinja li t-tassonomija għandha ssib il-bilanċ it-tajjeb bejn l-impenn u l-flessibilità, li jfisser li l-qafas għandu jkun obbligatorju u standardizzat waqt perjodu tranżitorju, iżda għandha titqies ukoll bħala għodda li tevolvi u li tista' tirrikonoxxi riskji emerġenti u/jew riskji li għadhom iridu jiġu identifikati b'mod xieraq;

8.  Iqis li l-inklużjoni ta' indikaturi kwantitattivi prestabbiliti u ta' ġudizzji kwalitattivi dwar ir-riskji klimatiċi u ambjentali ta' tip ieħor hija pass importanti lejn tassonomija ta' investiment responsabbli li tirrispetta l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju u tax-xogħol internazzjonali; jenfasizza li l-istandards minimi dwar ir-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza għandhom jinkludu standards soċjali minimi għal dawn l-investimenti li jinkludu d-drittijiet tal-ħaddiema, l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza u l-esklużjoni ta' riżorsi li jkunu ġejjin minn reġjuni ta' kunflitt jew mingħajr il-kunsens infurmat minn qabel tal-komunitajiet affettwati, kif ukoll standards minimi ta' governanza li jinkludu r-rekwiżiti tal-UE għall-governanza u r-rappurtar korporattivi, li jkunu ekwivalenti għall-istandards tal-UE dwar ir-rappurtar finanzjarju u l-istandards tal-UE li jirregolaw l-azzjoni kontra l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u t-trasparenza fiskali;

Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi proċess ta' diversi partijiet ikkonċernati biex, sa tmiem l-2019, tistabbilixxi "Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi" permezz ta' inizjattiva leġiżlattiva, li għandha tingħata lill-prodotti ta' investiment, ekwità u pensjonijiet li jkunu diġà laħqu l-ogħla standards fit-tassonomija tas-sostenibilità, biex tiggwida d-deċiżjoni dwar l-investiment ta' dawk li jipprijoritizzaw is-sostenibilità fuq il-fatturi l-oħrajn kollha; jirrakkomanda li din it-"Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi" tinkludi standards minimi għar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza konformi mal-Ftehim ta' Pariġi u l-prinċipju "primum non nocere" f'konformità mal-analiżi tar-riskju ambjentali, soċjali u ta' governanza, u attivitajiet li juru biċ-ċar li jkun qed ikollhom "impatt pożittiv" kif definit minn mill-Inizjattiva Finanzjarja tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP FI); jinnota li funzjoni importanti tat-tassonomija, u ta' Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi, hi li titjieb il-valutazzjoni tar-riskju min-naħa tal-parteċipanti tas-suq finanzjarju bil-ħolqien ta' skala ta' klassifikazzjoni bbażata fuq is-suq; jilqa' l-innovazzjonijiet tal-atturi tas-suq, bħall-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, fl-iżvilupp u fl-amministrazzjoni ta' tali klassifikazzjoni bbażata fuq is-suq;

L-integrazzjoni ta' kriterji finanzjarji sostenibbli fil-leġiżlazzjoni kollha relatata mas-settur finanzjarju

10.  Jinnota l-inklużjoni reċenti tal-kwistjonijiet ta' sostenibilità fir-Regolamenti dwar il-PRIIPs (prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni) u dwar l-STS (titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata), kif ukoll fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti u fl-NFRD; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata kunsiderazzjoni regolatorja adegwata tar-riskji assoċjati mal-assi ekoloġiċi u sostenibbli; jilqa' l-inklużjoni tar-rikonoxximent tal-assi mhux irkuprabbli fid-Direttiva dwar l-IORPs, kif ukoll l-estensjoni tal-prinċipju tal-"persuna prudenti" u riferiment għall-prinċipji tan-NU għal investiment responsabbli; jitlob l-integrazzjoni xierqa u proporzonata tal-indikaturi finanzjarji sostenibbli f'kull leġiżlazzjoni ġdida u riveduta relatata mas-settur finanzjarju permezz ta' proposta omnibus jew proposti speċifiċi; jitlob linji gwida komuni sabiex jiġu armonizzati d-definizzjoni ta' fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza u l-introduzzjoni tagħhom f'kull leġiżlazzjoni ġdida u riveduta;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tuża s-setgħa ddefinita fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 biex tipprovdi, kemm jista' jkun malajr u qabel ma tiżviluppa t-tassonomija tas-sostenibilità, att delegat li jispeċifika d-dettalji tal-proċeduri użati biex jiġi stabbilit jekk prodott aggregat ta' investiment għall-konsumaturi bbażat fuq l-assigurazzjoni jkunx immirat lejn objettivi ambjentali jew soċjali speċifiċi; jitlob ukoll qafas ta' diliġenza dovuta proporzjonat u obbligatorju abbażi tal-Linji Gwida 2017 tal-OECD dwar l-Imġiba Responsabbli fin-Negozju għall-Investituri Istituzzjonali, li jirrikjedi lill-investituri jidentifikaw, jipprevjenu, jimmitigaw u jqisu l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza; isostni li dan il-qafas pan-Ewropew għandu jkun ibbażat fuq il-Liġi Franċiża dwar id-Dmir Korporattiv ta' Viġilanza għall-kumpaniji u l-investituri, inklużi l-banek; jitlob ukoll li jsir riferiment dirett għall-kriterji ambjentali, soċjali u ta' governanza fis-"sorveljanza u l-governanza tal-prodotti" (POG) f'kull leġiżlazzjoni ġdida u riveduta, inkluża l-leġiżlazzjoni li qed tiġi diskussa bħalissa; jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament Sostenibbli biex il-prinċipju "Think Sustainability First" (L-Ewwel Aħseb fis-Sostenibilità) jiġi inkorporat fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-UE;

Ir-riskji għas-sostenibilità fil-qafas prudenzjali tar-regoli dwar l-adegwatezza tal-kapital

12.  Jinnota li r-riskji għas-sostenibilità jistgħu wkoll iġorru riskji finanzjarji u li, għalhekk, dawn għandhom jiġu riflessi, jekk ikunu sostanzjali, fir-rekwiżiti tal-kapital u fil-kunsiderazzjoni prudenzjali tal-banek; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tadotta strateġija regolatorja u pjan direzzjonali mmirati, fost affarijiet oħra, lejn il-kejl tar-riskji għas-sostenibilità fil-qafas prudenzjali u tippromwovi l-inklużjoni tar-riskji għas-sostenibilità fil-qafas ta' Basel IV biex tiżgura riżervi ta' kapital suffiċjenti; jenfasizza li l-adegwatezza tal-kapital trid tkun ibbażata fuq ir-riskji murija u trid tirrifletti b'mod sħiħ dawn tal-aħħar; jimmira li jagħti bidu għal proġett pilota tal-UE, fil-qafas tal-baġit annwali li jmiss, biex jibdew jiġu żviluppati parametri referenzjarji metodoloġiċi għal dan l-iskop;

Id-divulgazzjoni

13.  Jenfasizza li d-divulgazzjoni hija kundizzjoni propizja essenzjali għall-finanzi sostenibbli; jilqa' l-ħidma tat-Task Force għad-Divulgazzjoni Finanzjarja relatata mal-Klima (TCFD) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jissekondaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħha; jitlob l-inkorporazzjoni tal-kost tan-nuqqas ta' azzjoni dwar ir-riskji klimatiċi u ambjentali u dwar riskji oħrajn għas-sostenibilità fl-oqfsa tad-divulgazzjoni; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tinkludi d-divulgazzjoni proporzjonali u obbligatorja fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, l-NFRD, id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital mill-2020, b'perjodu ta' traspożizzjoni li matulu l-kumpaniji jistgħu jħejju għall-implimentazzjoni; jinnota li l-Artikolu 173 tal-Abbozz ta' Liġi Franċiż dwar it-Tranżizzjoni tal-Enerġija diġà joffri mudell possibbli għar-regolamentazzjoni tad-divulgazzjoni obbligatorja tar-riskji għall-klima min-naħa tal-investituri; jitlob li jiġi kkunsidrat twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-NFRD; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-rekwiżiti tal-qafas ta' rappurtar għandhom ikun proporzjonati fir-rigward tar-riskji mġarrba mill-istituzzjoni, id-daqs u l-livell ta' kumplessità tagħha; jirrakkomanda li t-tip ta' divulgazzjoni meħtieġa attwalment skont ir-regolament PRIIPs u permezz tad-Dokument bl-Informazzjoni Ewlenija tiġi estiża għall-prodotti finanzjarji kollha għall-konsumatur;

Id-dmir fiduċjarju

14.  Jinnota li d-dmirijiet fiduċjarji diġà huma inkorporati fil-qafas regolatorju finanzjarju tal-UE, iżda jinsisti li għandhom jiġu ċċarati matul id-definizzjoni, l-istabbiliment u l-ittestjar ta' tassonomija sostenibbli, soda u kredibbli, filwaqt li jinkludu attivitajiet kruċjali ta' investiment, inklużi l-istrateġija ta' investiment, il-ġestjoni tar-riskju, l-allokazzjoni tal-assi, il-governanza u l-kunċett ta' "stewardship" għall-atturi kollha tul il-katina tal-investiment, inklużi l-maniġers tal-assi, il-konsulenti indipendenti tal-investiment u intermedjarji oħra; jirrakkomanda li d-dmir fiduċjarju għandu jitwessa' biex iħaddan proċess ta' integrazzjoni bidirezzjonali obbligatorju li abbażi tiegħu l-atturi kollha tul il-katina tal-investiment, inklużi l-maniġers tal-assi u l-konsulenti indipendenti tal-investimenti jew l-intermedjarji l-oħra tal-investimenti, huma obbligati jintegraw ir-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza materjali mil-lat finanzjarju fid-deċiżjonijiet tagħhom, inkluża l-kost tan-nuqqas ta' azzjoni, kif ukoll iqisu l-preferenzi ambjentali, soċjali u ta' governanza materjali mil-lat mhux finanzjarju tal-klijenti u l-benefiċjarji, jew tal-investituri aħħarin finali, li għandhom jiġu mistoqsija b'mod proattiv dwar il-preferenzi tagħhom mil-lat ta' żmien u sostenibilità; jitlob li l-kost tan-nuqqas ta' azzjoni fir-rigward ir-riskji klimatiċi, ambjentali u ta' tip ieħor għas-sostenibilità ssir parti mill-ġestjoni tar-riskju u l-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-bordjiet tal-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi, u parti mid-dmir fiduċjarju tal-investituri;

Mudelli ta' kuntratt għall-identifikazzjoni tal-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza

15.  Jistieden lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) jiżviluppaw linji gwida rigward il-mudelli ta' kuntratt bejn is-sidien tal-assi u l-maniġers tal-assi, il-konsulenti indipendenti tal-investiment u intermedjarji oħra tal-investiment li jkunu jinkorporaw b'mod ċar it-trażmissjoni tal-interess tal-benefiċjarju kif ukoll l-aspettattivi ċari għal dak li għandu x'jaqsam mal-identifikazzjoni u l-integrazzjoni tar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza, bil-ħsieb li dawn ir-riskji jiġu evitati, mnaqqsa, mitigati u kkumpensati; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw l-allokazzjoni xierqa tar-riżorsi lill-ASE fil-kuntest tar-reviżjoni pendenti tar-regolamentazzjoni dwar l-ASE; jitlob sabiex l-kost tan-nuqqas ta' azzjoni fir-rigward tal-klima u riskji oħra tas-sostenibilità tiġi inkorporata fil-leġiżlazzjoni u l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-finanzjament futuri kollha tal-UE;

Stewardship

16.  Jitlob li l-kunċett ta' "stewardship" attiv u responsabbli jifforma parti integrali mid-dmirijiet ġuridiċi tal-investituri u li rendikont tal-attivitajiet relatati mal-kunċett ta' "stewardship" jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji u l-pubbliku permezz, fost l-oħrajn, tad-divulgazzjoni pubblika u obbligatorja tal-holdings ewlenin, tal-attivitajiet ta' impenn, tal-użu ta' konsulenti delegati u tal-użu ta' strumenti ta' investiment passivi; jirrakkomanda li l-fondi passivi, immexxija minn investimenti bbażati fuq l-indiċi, għandhom jiġu mħeġġa jiddivulgaw l-attivitajiet tagħhom ta' "stewardship" u dwar kemm l-użu ta' indiċizzazzjoni u parametri referenzjarji passivi jippermetti l-identifikazzjoni xierqa tar-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza fid-destinatarji tal-investiment; iqis li l-fornituri tal-indiċi għandhom jintalbu jipprovdu d-dettalji tal-iskopertura tal-parametri referenzjarji użati b'mod estensiv u referenzjati għall-parametri klimatiċi u tas-sostenibilità;

Il-ħtieġa li jiġu żviluppati aktar rekwiżiti ta' rappurtar dwar il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-qafas tal-NFRD

17.  Jinnota grad insuffiċjenti ta' konverġenza fir-rappurtar dwar il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-qafas tal-NFRD u l-ħtieġa ta' armonizzazzjoni bil-għan li titrawwem aktar konsistenza, u biex tiġi definita l-aktar metrika ambjentali, soċjali u ta' governanza xierqa għad-divulgazzjoni, permezz ta' indikaturi ta' sostenibilità u effiċjenza fir-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni toħloq grupp li jħaddan diversi partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE, li jkun jinkludi rappreżentanti tal-industrija tas-servizzi finanzjarji, tad-dinja akkademika u tas-soċjetà ċivili, biex tiġi vvalutata u proposta lista xierqa ta' metrika, inkluża lista ta' indikaturi li jkejlu l-impatt tas-sostenibilità u jkopru l-aktar riskji sinifikanti għas-sostenibilità; hu tal-fehma li riforma bħal din għandha tinkludi l-obbligu ta' rappurtar awditjat minn terzi;

Bonds ħodor

18.  Jinnota li l-bonds ħodor jirrappreżentaw frazzjoni biss mis-suq tal-investiment, u waħda li mhijiex regolata biżżejjed, u, minħabba f'hekk, hi parti mis-suq li hija suxxettibbli għar-riskju ta' kummerċjalizzazzjoni qarrieqa, u li l-UE bħalissa m'għandhiex standard unifikat għall-bonds ħodor, li għandu jkun ibbażat fuq it-tassonomija sostenibbli futura tal-UE; jinnota li tali bonds ħodor għandhom jiġu vverifikati u sorveljati mill-awtoritajiet pubbliċi u għandhom jinkludu rappurtar perjodiku dwar l-impatt ambjentali tal-assi sottostanti; jissottolinja li l-bonds ħodor għandhom jinkludu wkoll impatt ambjentali fid-direzzjoni opposta u jappoġġjaw tnaqqis fl-użu ta' assi ta' fjuwils fossili; jissottolinja li l-bonds ħodor għandhom jeskludu ċerti setturi – speċjalment b'rabta mal-attivitajiet li għandhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-klima – u m'għandhomx jiksru l-istandards soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem ewlenin; jissuġġerixxi li l-iżvilupp tal-istandard għal bond aħdar tal-UE għandu jseħħ bi trasparenza sħiħa ma' grupp ta' ħidma speċifiku tal-Kummissjoni li jkun soġġett għal skrutinju regolatorju mill-Parlament Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod regolari l-impatt, l-effikaċja u s-superviżjoni tal-bonds ħodor; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm inizjattiva leġiżlattiva li tinċentiva, tippromwovi u tikkummerċjalizza ħruġ pubbliku Ewropew ta' bonds ħodor mill-istituzzjonijiet Ewropej eżistenti u futuri bħall-BEI u l-Fond Monetarju Ewropew, sabiex jiġu ffinanzjati investimenti sostenibbli ġodda;

L-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu

19.  Josserva li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu (CRAs) ma jintegrawx biżżejjed l-impatt tar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza distruttivi fl-affidabilità kreditizja futura tal-emittenti; jappella għall-adozzjoni ta' standards tal-UE ċari u superviżjoni fir-rigward tal-integrazzjoni tal-indikaturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-klassifikazzjonijiet tal-aġenziji kollha ta' klassifikazzjoni tal-kreditu li joperaw fl-UE; jirrimarka li n-nuqqas ta' kompetizzjoni sottostanti fost dawn l-impriżi u l-enfasi ekonomika dejqa tagħhom għadhom ma ġewx indirizzati għalkollox; jappella għall-ħolqien ta' proċess ta' akkreditament għal "Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi" min-naħa tal-aġenti taċ-ċertifikazzjoni taħt is-superviżjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA); jirrakkomanda li l-ESMA tiġi inkarigata biex tobbliga lis-CRAs jinkorporaw ir-riskji għas-sostenibilità fil-metodoloġiji tagħhom; billi dawn x'aktarx jimmanifestaw ruħhom fil-futur, jitlob lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tar-Regolament dwar is-CRAs; jenfasizza l-importanza ta' riċerka dwar is-sostenibilità mogħtija mill-indiċi tas-sostenibilità u l-aġenziji ta' klassifikazzjoni ambjentali, soċjali u ta' governanza billi din tipprovdi lill-atturi finanzjarji kollha bl-informazzjoni meħtieġa għad-dmir tar-rappurtar u d-dmir fiduċjarju tagħhom, fl-implimentazzjoni tal-bidla lejn sistema finanzjarja aktar sostenibbli;

Sistemi ta' tikkettar għas-servizzi finanzjarji

20.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni toħloq sistema ta' tikkettar vinkolanti u proporzjonata, li għandha tkun volontarja matul perjodu ta' tranżizzjoni, għall-istituzzjonijiet li joffru kontijiet bankarji għall-konsumatur, għall-fondi ta' investiment, għall-prodotti finanzjarji u tal-assigurazzjoni, li tindika kemm l-assi sottostanti huma f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-għanijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza;

Il-mandat tal-ASE

21.  Biħsiebu jkompli jiċċara l-mandat tal-ASE u tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fil-kuntest tar-reviżjoni pendenti tar-regolamenti dwar l-ASE għall-inklużjoni u l-monitoraġġ tar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza, biex b'hekk l-attivitajiet fis-swieq finanzjarji jsiru aktar konsistenti ma' objettivi sostenibbli; hu tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-ESMA għandha:

– tinkludi preferenzi dwar is-sostenibilità bħala parti mil-linji gwida tagħha dwar il-valutazzjoni tal-"adegwatezza", kif propost mill-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar il-Finanzi Sostenibbli u, b'mod aktar ġenerali, tipprovdi gwida dwar il-mod kif kunsiderazzjonijiet dwar is-sostenibilità jistgħu jiġu inkorporati b'mod effikaċi fil-leġiżlazzjoni finanzjarja rilevanti tal-UE, kif ukoll tippromwovi l-implimentazzjoni koerenti ta' dawn id-dispożizzjonijiet mal-adozzjoni;

– tistabbilixxi sistema ta' monitoraġġ superviżorju proporzjonata u – wara perjodu ta' tranżizzjoni – obbligatorja, għall-valutazzjoni tar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza materjali mill-2018 'il quddiem, flimkien ma' analiżi tax-xenarji tas-sostenibilità li tħares fil-bogħod;

– tingħata l-mandat li tivverifika l-allinjament tal-portafoll mar-riskji u l-fatturi tal-Ftehim ta' Pariġi u tiżgura l-konsistenza mar-rakkomandazzjonijiet tat-TCFD;

jissottolinja, f'dan il-kuntest, li l-ASE għandu jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji biex iwettqu l-missjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-ASE jikkooperaw mal-aġenziji u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti dwar dawn il-kwistjonijiet;

Ir-rwol tal-BEI fir-rigward tal-finanzi sostenibbli

22.  Jisħaq fuq ir-rwol eżemplari li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaqdu sabiex jagħmlu l-finanzi sostenibbli; jinnota li għalkemm 26 % tal-finanzjament kollu tal-BEI jiffoka fuq l-azzjoni klimatika, u għalkemm il-BEI kien il-pijunier tas-suq tal-bonds ħodor fl-2007 u jinsab fit-triq it-tajba biex jissodisfa l-impenn li kien ħabbar f'dan ir-rigward, xorta għadu jiffinanzja proġetti b'livell għoli ta' karbonju u allura għad hemm lok għal titjib; iħeġġeġ lill-BEI, għaldaqstant, jadatta u jipprijoritizza s-self futur tiegħu b'tali mod li jkun kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-limitu klimatiku ta' 1,5 °C; jitlob tisħiħ u ribilanċjament fl-operazzjonijiet tas-self tal-BEI u fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) biex ma jibqgħux isiru investimenti fi proġetti b'livell għoli ta' karbonju u tingħata prijorità lil proġetti ta' dekarbonizzazzjoni u effiċjenza fir-riżorsi flimkien ma' setturi innovattivi u impriżi immaterjali oħra; jissuġġerixxi li l-BEI jinsab f'pożizzjoni li jipprovdi aktar kapital tar-riskju għat-tranżizzjoni ekoloġika b'mod bilanċjat mil-lat reġjonali; huwa tal-fehma li għandhom jittieħdu aktar miżuri b'dik il-perspettiva, inkluż, fost l-oħrajn, f'interazzjoni ma' strumenti finanzjarji tal-UE fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss;

Ir-rwol tal-BĊE fir-rigward tal-finanzi sostenibbli

23.  Jirrikonoxxi li l-BĊE huwa indipendenti u li l-mandat primarju tiegħu hu li tinżamm l-istabilità tal-prezzijiet, iżda jfakkar li, bħala istituzzjoni tal-UE, il-BĊE hu marbut ukoll bil-Ftehim ta' Pariġi; jesprimi tħassib, għaldaqstant, dwar il-fatt li "62,1 % tax-xiri ta' bonds korporattivi tal-BĊE jsir f'setturi [...] li huma responsabbli għal 58,5 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fiż-żona tal-euro"(15) u jinnota li l-aktar li jibbenefikaw minn dan il-programm huma korporazzjonijiet kbar; jirrakkomanda li l-BĊE jqis espliċitament il-Ftehim ta' Pariġi u l-għanijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-linji gwida tiegħu dwar il-programmi ta' xiri; jissottolinja li dawn il-linji gwida jistgħu jservu ta' pilota għall-ħolqien ta' politika tal-investiment li tkun orjentata lejn il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza u konsistenti ma' standards għoljin ta' tassonomija sostenibbli tal-UE;

Kwistjonijiet oħra

24.  Jissottolinja li offerta siewja ta' prodotti finanzjarji sostenibbli jista' jkollha wkoll effetti pożittivi fuq it-titjib tal-infrastruttura soċjali Ewropea mifhuma bħala s-sett ta' inizjattivi u proġetti li l-għan tagħhom hu li joħolqu valur pubbliku billi jagħtu spinta lill-investiment u l-innovazzjoni fis-setturi strateġiċi u kruċjali għall-benessri u r-reżiljenza tal-persuni u l-komunitajiet, bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni;

25.  Jilqa' l-ħidma tal-HLEG, li toffri pedamenti siewja għall-ħidma lejn standard ġdid għal settur finanzjarju sostenibbli; jinsisti, madankollu, fuq il-ħtieġa tal-involviment aktar attiv tas-settur bankarju, li minħabba d-dominanza tiegħu fix-xenarju finanzjarju Ewropew għadu essenzjali biex il-finanzi jsiru aktar sostenibbli;

26.  Jissottolinja li l-metodoloġija użata sabiex jiġi intraċċat l-infiq relatat mal-klima twassal għal inkonsistenza fil-programmi, filwaqt li tippermetti li proġetti b'benefiċċji ambjentali u klimatiċi dubjużi jikkwalifikaw bħala nefqa relatata mal-klima (pereżempju l-komponent ekoloġiku tal-politika agrikola komuni);

27.  Jenfasizza li l-parametri referenzjarji finanzjarji kollha li jintużaw b'mod estensiv ma jqisux il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-metodoloġija tagħhom; jappella biex jiġi żviluppat parametru referenzjarju Ewropew wieħed jew aktar għas-sostenibilità, bl-użu tat-tassonomija tas-sostenibilità Ewropea, biex tkejjel il-prestazzjoni tal-emittenti Ewropej abbażi ta' riskji u fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza;

28.  Jitlob li jiġu analizzati u mħeġġa inizjattivi privati, bħall-proġett EeMAP dwar "ipoteki ekoloġiċi", sabiex jiġi vvalutat u jintwera f'liema kundizzjonijiet l-assi ekoloġiċi jistgħu jinvolvu tnaqqis tar-riskju għall-investimenti filwaqt li fl-istess ħin tittejjeb is-sostenibilità ambjentali;

29.  Jistieden lill-UE tippromwovi b'mod attiv l-inklużjoni tal-indikaturi tas-sostenibilità fil-qafas tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju fil-livell internazzjonali;

30.  Jenfasizza li l-governanza korporattiva għandha tippromwovi l-ħolqien ta' valur sostenibbli fit-tul pereżempju permezz ta' ishma ta' lealtà għall-azzjonisti f'terminu ta' żmien twil u billi tinkludi l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-pakketti ta' remunerazzjoni għad-diretturi u l-bord; jinnota li l-kjarifika tad-dmirijiet tad-diretturi f'dan ir-rigward tappoġġja lill-investituri sostenibbli fl-involviment tagħhom mal-bordijiet;

31.  Jitlob l-introduzzjoni ta' assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabilità ambjentali għall-attivitajiet kollha kummerċjali u pubbliċi bħala prekundizzjoni għall-ħruġ ta' permessi ta' awtorizzazzjoni;

32.  Jenfasizza li l-finanzjament sostenibbli jirrikjedi kjarifika tad-dmirijiet tad-diretturi tal-kumpaniji Ewropej rigward il-ħolqien ta' valur sostenibbli fit-tul, kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza, kif ukoll ir-riskji sistemiċi, bħala parti mid-dmir globali tad-diretturi li jippromwovu s-suċċess tal-kumpanija;

33.  Jistieden lill-awtoritajiet superviżorji Ewropej jifformulaw linji gwida għall-ġbir ta' statistika dwar l-identifikazzjoni tar-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza u l-integrazzjoni tagħhom fil-finanzjament, u jitlob li l-istatistika tiġi ppubblikata kull meta jkun possibbli;

34.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tas-swieq bankarji u finanzjarji jfasslu istruzzjonijiet ċari u konċiżi dwar kif it-tassonomija l-ġdida u bidliet oħra assoċjati ma' din il-leġiżlazzjoni jistgħu jiġu implimentati mingħajr ma dan jiġġenera spejjeż u dewmien li jistgħu jiġu evitati;

35.  Isostni l-fehma li l-miżuri ta' pprezzar jistgħu jagħtu kontribut kruċjali fl-eliminazzjoni tad-diskrepanza tal-finanzjament ta' EUR 180 biljun sabiex l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa jħallu l-frott, billi jittrasformaw l-investiment f'għanijiet sostenibbli fit-tul;

36.  Jinnota li l-SMEs sikwit jintesew f'diskussjonijiet li jikkonċernaw il-finanzi sostenibbli, minkejja n-natura innovattiva tagħhom; jinnota, f'dan il-kuntest, il-potenzjal kbir tad-diġitalizzazzjoni u l-FinTech ekoloġika; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis mekkaniżmi li jippermettu lill-SMEs jaggregaw proġetti sabiex dawn ikunu jistgħu jiksbu aċċess għas-suq tal-bonds ħodor;

37.  Jisħaq fuq l-importanza tal-komponent soċjali tal-finanzi sostenibbli; jinnota l-potenzjal tal-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji ġodda ddedikati b'mod speċjali għal infrastrutturi soċjali, bħall-bonds soċjali, kif imħaddna mill-Prinċipji tal-Bonds Soċjali (SBP) 2017;

38.  Jenfasizza li l-identifikazzjoni, il-ġestjoni u d-divulgazzjoni ta' riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza huma parti integrali mill-protezzjoni tal-konsumaturi u l-istabilità finanzjarja u għalhekk għandhom jaqgħu taħt il-mandat u d-dmirijiet superviżorji tal-ASE; jitlob lill-BERS iwettaq b'mod proattiv riċerka dwar l-interazzjoni tal-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza u r-riskju sistemiku, lil hinn mit-tibdil fil-klima;

39.  Ifakkar li l-Parlament talab l-introduzzjoni ta' kont tat-tfaddil tal-UE għall-finanzjament tal-ekonomija ekoloġika fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2017 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur;

40.  Jesiġi li l-infiq kollu futur tal-UE jrid ikun kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi, bl-inklużjoni tal-objettivi relatati mad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija fl-istrumenti legali li jirregolaw l-operazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (inklużi l-fondi ta' koeżjoni), il-fondi għall-azzjoni esterna u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u strumenti oħra lil hinn mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali bħall-FEIS;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju ta' fattibilità dwar kif is-superviżuri u r-regolaturi jistgħu jippremjaw aħjar il-mandati li jinkludu perspettivi fit-tul;

42.  Jistieden lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) tipprovdi l-aħjar prattika u linji gwida dwar kif il-fornituri ta' skemi ta' pensjoni okkupazzjonali u prodotti ta' pensjoni privata għandhom jinvolvu ruħhom mal-benefiċjarji fuq bażi prekuntrattwali u tul il-ħajja tal-investiment; jistieden lill-EIOPA tipprovdi linji gwida dwar l-aħjar prattika, bħall-Fond tar-Renju Unit tal-Aġenzija għall-Ambjent, fir-rigward tal-involviment mal-benefiċjarji u l-klijenti fil-livell tal-konsumatur u sabiex jiġu aċċertati l-interessi finanzjarji u mhux finanzjarji tagħhom;

43.  Jieħu nota tar-rakkomandazzjoni tal-HLEG fir-rigward ta' osservatorju tal-UE għall-finanzi sostenibbli, li għandu jinħoloq sabiex jintraċċa, jirrapporta u jiddivulga informazzjoni dwar investimenti sostenibbli tal-UE u li għandu jitwaqqaf mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent f'kooperazzjoni mal-ASE; jirrakkomanda, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-funzjoni eżemplari tal-Unjoni Ewropea, li dan l-osservatorju jaqdi wkoll rwol fl-intraċċar, l-appoġġ u d-divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar l-investimenti sostenibbli tal-fondi tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE inklużi l-FEIS, il-BEI u l-BĊE; jitlob lill-osservatorju jirrapporta dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Parlament;

44.  Jirrakkomanda li l-BEI jaħdem mal-parteċipanti ż-żgħar fis-suq u mal-kooperattivi tal-komunità biex jitwettaq ir-raggruppament ta' proġetti fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira sabiex dawn ikunu jistgħu jkunu eliġibbli għal finanzjament tal-BEI u bħala parti mill-programm ta' xiri mis-settur korporattiv;

45.  Jaqbel mal-HLEG li hu ta' importanza kbira li ċ-ċittadini tal-Ewropa jingħataw is-setgħa u jkunu involuti fi kwistjonijiet dwar il-finanzi sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tas-sostenibilità u jiġi promoss il-litteriżmu finanzjarju;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-koerenza tal-politiki bejn is-settur finanzjarju u s-settur mhux finanzjarju; ifakkar li politika finanzjarja sostenibbli jeħtieġ li tkun akkumpanjata b'għażliet ta' politika koerenti f'setturi oħra bħall-enerġija, it-trasport, l-industrija u l-agrikoltura;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport ta' progress regolari dwar il-kwistjonijiet koperti f'dan ir-rapport;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-influwenza tal-UE biex juru sens ta' tmexxija fir-rigward tal-finanzjament sostenibbli u jgħollu l-istandards tas-sostenibilità fil-finanzjament fil-livell globali, inkluż permezz ta' ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi, f'fora politiċi multilaterali bħan-NU, il-G7 u l-G20 u ta' dawk li jistabbilixxu standards internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO);

°

°  °

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1.

(2)

ĠU L 132, 20.5.2017, p. 1.

(3)

ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37.

(4)

ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

(5)

ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35.

(6)

ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1.

(7)

ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35.

(8)

L-Uffiċċju tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri https://www.unisdr.org/files/46796_cop21weatherdisastersreport2015.pdf

(9)

Rapport Statistiku 2016 tal-Bank Ewropew tal-Investiment, 27.4.2017.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2018)0039.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2018)0025.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2017)0428.

(13)

Testi adottati, P7_TA(2013)0302.

(14)

Testi adottati, P8_TA(2015)0266.

(15)

Sini Matikainen, Emanuele Campiglio u Dimitri Zenghelis, "The climate impact of quantitative easing" (L-impatt klimatiku ta' tnaqqis kwantitattiv), L-Istitut ta' Grantham dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent, Mejju 2017.


NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Il-maġġoranza assoluta tal-investimenti u tas-self mhijiex kompatibbli mal-objettivi klimatiċi maqbula fil-livell internazzjonali u mal-kriterji ambjentali, soċjali u ta' governanza tal-kumpaniji. Il-Ftehim ta' Pariġi ta spinta ġdida lid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħna iżda madankollu l-Parlament għad ma għandux fehim komuni tal-mod kif is-sistema finanzjarja tista' tkun riformata b'tali mod li din it-tranżizzjoni titħaffef pjuttost milli tixxekkel. Skont stimi tal-Kummissjoni, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli se jirrikjedu investimenti annwali fl-infrastruttura sostenibbli ta' valur bejn EUR 4,7 u 6,7 triljun(1).

Proprju fl-istess ħin naraw abbundanza ta' kapital tfittex opportunità ta' investiment li tirrendi. Is-soluzzjoni tal-enigma tal-finanzi sostenibbli hija l-ħolqien ta' qafas ta' informazzjoni u inċentivi sabiex dan il-kapital jitmexxa fid-direzzjoni tal-investiment neċessarju biex tkun żgurata tranżizzjoni ekoloġika rapida u ġusta għall-ekonomiji u għas-soċjetajiet Ewropej tagħna. Dan ikun iħalli lill-Ewropa tibqa' fit-tmun fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima u ssaħħaħ il-fatt li l-UE hija ggwidata minn valuri b'saħħithom filwaqt li lill-impriżi Ewropej jingħatalhom vantaġġ kompetittiv.

L-istatus quo attwali

Il-bżonn urġenti ta' risposta lit-theddida maħluqa mit-tibdil fil-klima rriżulta fl-innovazzjoni fil-qasam tal-finanzi sostenibbli f'diversi Stati Membri tal-UE. Il-liġi Franċiża dwar id-divulgazzjoni; il-fatt li l-Ġermanja tinsab quddiem nett fil-qasam tal-investiment pubbliku fit-tranżizzjoni enerġetika; l-azzjoni f'waqtha tal-Bank tal-Ingilterra biex tinkludi t-theddida għall-istabilità finanzjarja mill-assi mhux irkuprabbli; l-aġenda ambizzjuża tal-Awtorità Żvediża għas-Sorveljanza Finanzjarja biex tintegra lis-sostenibilità fix-xogħol ta' kuljum tagħha; u l-eżami, min-naħa tan-Netherlands, tat-theddida għall-pensjonijiet u għall-assigurazzjoni mit-"tragedy of the horizon". L-għan tal-Parlament Ewropew għandu jkun li jislet l-aqwa minn din l-innovazzjoni fl-Unjoni tagħna u jgħaqqdu fi standards minimi għal kulħadd, b'hekk l-investiment jiġi ggwidat biex tkun żgurata tranżizzjoni ġusta u rapida lejn ekonomija u soċjetà sostenibbli.

Bejn 60 u 80 fil-mija tar-riżervi ta' faħam, żejt u gass tal-kumpaniji elenkati fil-Borża mhuwiex "konsumabbli" jekk irridu nagħtu lid-dinja l-possibilità li ma taqbiżx it-tisħin globali ta' 2 °C u kemm jista' jkun qrib il-1,5 °C kif maqbul fil-COP21 ta' Pariġi. Dan ifisser, fil-prattika, li sors sinifikanti ħafna ta' riskju sistemiku globali – fil-forma ta' dik li ssejħet "il-bużżieqa tal-karbonju" – huwa bħalissa inkorporat fi ħdan is-swieq finanzjarji globali u tal-UE. Dan ifisser, fil-prattika, li l-mudell tan-negozju tal-"ekonomija tal-karbonju" fl-intier tagħha jiddependi mill-estrazzjoni ta' redditu u, fl-aħħar mill-aħħar, mis-sussidji impliċiti billi l-ispejjeż assoċjati ma' dawn ir-riskji jiġu posposti għall-futur filwaqt li l-atturi attwali tas-suq jibbenefikaw minn sejħa attwali għal riżorsi futuri.

It-tibdil fil-klima huwa sempliċement l-aktar kriżi urġenti minn fost il-kriżijiet ekoloġiċi multipli u interkonnessi li jheddu l-futur tal-umanità. Fost l-eżempji l-oħra nsibu l-eżawriment tal-provvista tal-ilma u t-tniġġis tal-ilma tal-pjan; id-deforestazzjoni u t-telf ta' ħabitats; id-degrad tal-ħamrija u t-theddid għall-provvista tal-ikel; id-dgħufija taċ-ċikli tan-nitroġenu u tal-fosforu; l-aċidifikazzjoni tal-oċeani; it-tnaqqis tal-ożonu. Sal-lum il-finanzi sostenibbli u r-riskju għas-sostenibilità finanzjarja mill-assi mhux irkuprabbli kienu jinkludu biss ir-riskji għall-klima u dan jirrappreżenta l-qofol ta' dan ir-rapport. Dan huwa xejn ħlief l-ewwel pass u l-ħidma dwar il-finanzi sostenibbli fil-ġejjieni għandha tinkludi l-eżami tal-kriżi ekoloġika usa' u nilqgħu pożittivament l-attenzjoni mogħtija lir-riskji maħluqa mill-biedja intensiva fir-rapport finali tal-HLEG.

Il-proposta tar-rapporteur

Kif irrimarkaw il-banek ċentrali (il-Bank tal-Ingilterra u l-Bank Federali Ġermaniż(2)), il-maġġor parti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni tinħoloq mis-settur bankarju privat meta l-banek isellfu. Dan jagħti poter enormi lis-settur bankarju fid-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni ta' flus fl-ekonomija, anki qabel ma jiġu ntaxxati jew imfaddla. Attwalment dan il-poter qiegħed ikkonċentrat għand settur bankarju oligopolistiku, li naturalment isegwi, fil-biċċa l-kbira, aġenda bi skop ta' lukru, askapitu tal-għanijiet ambjentali u soċjali. Filwaqt li n-nuqqasijiet tas-suq għandhom ikunu kkoreġuti bl-introduzzjoni ta' mekkaniżmi tas-suq bħad-divulgazzjonijiet tar-riskji għall-klima, għandna wkoll nibbilanċjaw mill-ġdid dan il-poter mifrux billi jingħata l-poter lil sistema bankarja aktar deċentralizzata u reżiljenti, parallelament ma' netwerk bankarju pubbliku b'saħħtu fl-Ewropa.

Fil-każ li dan ma jirnexxix, jew jipproċedi b'ritmu baxx wisq, ir-rwol tal-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u tal-gvernijiet huwa essenzjali. Fid-dawl tar-ritmu attwali tal-iżvilupp tal-finanzi ekoloġiċi u tal-investimenti fl-enerġija nadifa, l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi x'aktarx mhumiex se jintlaħqu mingħajr sforzi supplimentari. M'għandniex il-lussu li nistennew lis-settur privat jispostja l-profil tal-investimenti tiegħu favur prattiki li huma kompatibbli mat-tieni trajettorja. Dan jissottolinja l-bżonn urġenti ta' azzjoni aktar ambizzjuża u deċiżiva min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi biex jaċċeleraw il-veloċità tal-investiment, partikolarment fl-infrastruttura ekoloġika u biex jindirizza l-allokazzjoni ħażina tal-kapital 'il bogħod mill-ħolqien ta' valur sostenibbli u fit-tul.

L-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu kunfidenti li jassumu rwol aktar b'saħħtu fil-finanzjament tat-tranżizzjoni "ħadra" u juru sens ta' tmexxija fil-konfront tas-settur privat bil-għan li tkun intensifikata l-kapaċità ta' investiment neċessarja għat-tranżizzjoni enerġetika. Relazzjoni sinerġika bejn l-Istati Membri, il-BEI u l-programm ta' xiri ta' assi tal-BĊE tista' toffri żviluppi pożittivi f'dan is-sens. Għandna nirrikonoxxu wkoll ir-rwol ta' tmexxija li jiżvolġu l-finanzi kooperattivi u tal-komunitajiet bħala pijunieri tal-investimenti ekoloġiċi.

Nilqgħu pożittivament ir-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli (HLEG) dwar il-Finanzi Sostenibbli u nifirħulu tal-livell ta' ambizzjoni tiegħu. Ir-rapport tagħna jagħti sostenn politiku lir-rakkomandazzjonijiet tal-HLEG u b'hekk nixtiequ nesprimu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill il-konvinzjoni soda tagħna li ċ-ċittadini tal-UE jistennew mingħandhom turija ta' sens ta' tmexxija globali f'dan il-qasam kif ukoll użu tal-poter tal-flus li jippermetti u jaċċelera l-istabbilizzazzjoni tal-klima u l-protezzjoni tal-ekosistema globali għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada.

(1)

Financing Sustainability, Ħarġa nru 25, 8 ta' Ġunju 2017: https://ec.europa.eu/epsc/sites/epsc/files/strategic_note_issue_25.pdf

(2)

   https://www.bundesbank.de/Redaktion/EN/Topics/2017/2017_04_25_how_money_is_created.html


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

9

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Thierry Cornillet, Markus Ferber, Sven Giegold, Neena Gill, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Petr Ježek, Barbara Kappel, Wolf Klinz, Georgios Kyrtsos, Philippe Lamberts, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Gabriel Mato, Costas Mavrides, Alex Mayer, Bernard Monot, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Pirkko Ruohonen-Lerner, Alfred Sant, Martin Schirdewan, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Paul Tang, Ramon Tremosa i Balcells, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Mady Delvaux, Manuel dos Santos, Ashley Fox, Krišjānis Kariņš, Paloma López Bermejo, Thomas Mann, Eva Maydell, Michel Reimon, Romana Tomc


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

42

+

ECR

Pirkko Ruohonen-Lerner

EFDD

Marco Valli

ENF

Barbara Kappel

GUE/NGL

Paloma López Bermejo, Dimitrios Papadimoulis, Martin Schirdewan

PPE

Burkhard Balz, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Krišjānis Kariņš, Georgios Kyrtsos, Werner Langen, Ivana Maletić, Thomas Mann, Gabriel Mato, Eva Maydell, Luděk Niedermayer, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Theodor Dumitru Stolojan, Romana Tomc, Tom Vandenkendelaere

S&D

Hugues Bayet, Pervenche Berès, Mady Delvaux, Neena Gill, Roberto Gualtieri, Cătălin Sorin Ivan, Olle Ludvigsson, Costas Mavrides, Alex Mayer, Alfred Sant, Manuel dos Santos, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Paul Tang, Jakob von Weizsäcker

VERTS/ALE

Sven Giegold, Philippe Lamberts, Michel Reimon, Molly Scott Cato

9

-

ALDE

Thierry Cornillet, Petr Ježek, Wolf Klinz, Ramon Tremosa i Balcells

ECR

Ashley Fox, Bernd Lucke

ENF

Bernard Monot, Marco Zanni

PPE

Markus Ferber

3

0

ALDE

Caroline Nagtegaal

ECR

Stanisław Ożóg

GUE/NGL

Miguel Viegas

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Mejju 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza