RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità

14.5.2018 - (2016/2328(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Angelika Mlinar
Proċedura ta' kumitati konġunti – Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2016/2328(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0168/2018
Testi mressqa :
A8-0168/2018
Testi adottati :

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Dan ir-Rapport għandu l-għan li jivvaluta l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità fl-Istati Membri tal-UE. B'mod partikolari, jiffoka fuq il-koerenza, ir-rilevanza, l-effikaċja u l-effiċjenza tagħha. Biex jagħmel dan, ikopri diversi aspetti tal-applikazzjoni tad-Direttiva: il-miżuri tat-traspożizzjoni legali fil-livell tal-Istati Membri, l-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-prattika, il-benefiċċji li pprovdiet lill-vittmi kif ukoll l-isfidi li rriżultaw. Ir-Rapport finalment jipprovdi numru ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovi aktar l-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-futur.

Il-Parlament Ewropew għandu rwol rilevanti fil-promozzjoni ta' aktar sforzi fil-livell tal-UE biex tissaħħaħ l-applikazzjoni xierqa tad-Direttiva permezz tal-appoġġ u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità inġenerali u, b'mod aktar partikolari, permezz tal-appoġġ tal-finanzjament mill-UE mmirat lejn taħriġ ġudizzjarju adegwat.

Il-Parlament għandu jappoġġja u jippromwovi wkoll aktar konsistenza bejn l-istrumenti leġiżlattivi differenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi billi jissimplifika aħjar l-approċċ u jiżgura proċess aktar koerenti.

L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva sas-16 ta' Novembru 2015. F'Novembru 2017, 23 mis-27 Stat Membru kienu uffiċjalment ittrasponew id-Direttiva (id-Danimarka għażlet li tibqa' barra mid-Direttiva). Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea għadha ma vvalutatx it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva, anke jekk l-obbligi ta' rapportar tagħha kienu dovuti f'Novembru 2017, skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva.

Minn mindu nħatru, iż-żewġ rapporteurs ġabru l-informazzjoni u bbażaw ruħhom, fost l-oħrajn, fuq is-sorsi li ġejjin:

  seduta ta' smigħ li saret fil-laqgħa konġunta tal-kumitati tal-Kumitati LIBE u FEMM fil-11 ta' Jannar 2018;

  valutazzjoni tal-impatt ex-post mis-servizzi tal-EPRS tal-Parlament, ippubblikata f'Diċembru 2017;

  skambju ta' informazzjoni mal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali rilevanti u l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-vittmi;

VALUTAZZJONI

Ħafna nies jisfaw vittmi tal-kriminalità fl-UE kull sena - bl-esklużjoni tar-reati minuri, jiġu rrapportati lill-pulizija madwar 30 miljun reat. Aktar u aktar nies qed jivvjaġġaw, jgħixu jew jistudjaw barra mill-pajjiż u għalhekk huma vittmi potenzjali tar-reati mwettqa f'pajjiż li mhux tagħhom. L-UE għandha mandat biex tiżgura li ċ-ċittadini u l-barranin li jinsabu ġewwa l-fruntieri tagħha jkunu protetti.

Il-vittmi jrid ikollhom id-dritt li:

• jifhmu u li jiġu mifhuma waqt il-kuntatt mal-awtorità (pereżempju lingwaġġ ċar u sempliċi);

• jingħataw informazzjoni mal-ewwel kuntatt li jsir mal-awtorità;

• jagħmlu lment formali u jingħataw rikonoxximent bil-miktub;

• ikollhom interpretazzjoni u traduzzjoni (tal-inqas matul l-intervisti/l-interrogazzjonijiet tal-vittma);

• jingħataw informazzjoni dwar il-progress tal-każ;

• ikollhom aċċess għas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi.

Ġew identifikati firxa ta' fatturi li jistgħu jimminaw l-effikaċja tad-Direttiva fil-prattika, inkluż:

• In-nuqqas ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni li jakkumpanjaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva;

• In-nuqqas ta' informazzjoni disponibbli f'lingwa li jistgħu jifhmuha l-vittmi, inkluż li tkun faċli biex tinftiehem jew lingwa tas-sinjali fejn meħtieġ;

• In-nuqqas ta' appoġġ finanzjarju għall-għoti tas-servizz u n-nuqqas ta' koordinazzjoni tas-servizzi ta' appoġġ, il-pulizija, il-prosekuturi, u atturi rilevanti oħra;

• In-nuqqas ta' involviment mill-partijiet ikkonċernati u n-nuqqas ta' taħriġ tal-prattikanti.

Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin fir-rigward tad-differenzi fil-liġi kriminali nazzjonali li taffettwa l-protezzjoni tal-vittmi hija relatata mal-użu mill-Istati Membri ta' definizzjonijiet differenti ta' kunċetti ewlenin; b'mod speċjali, id-differenzi fid-definizzjoni tal-kunċett ta' "vittma" jimplikaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali testendi l-kopertura għal gradi differenti, eż. għall-membri tal-familja (ara t-Taqsima 3.4 dwar "Niddefinixxu l-vittmi tal-kriminalità"). L-istalking huwa eżempju ieħor fejn mhux l-Istati Membri kollha jqisuh fil-kodiċijiet kriminali tagħhom.

Qasam li fih ħafna mill-Istati Membri għamlu progress sinifikanti, kemm fuq livell leġiżlattiv kif ukoll amministrattiv, jikkonċerna l-valutazzjoni individwali (l-Artikolu 22 tad-Direttiva). L-istabbiliment ta' valutazzjoni individwali meta l-vittmi jirrapportaw reat huma kruċjali biex jiżgura li l-ħtiġijiet u l-għażliet tagħhom jiġu vvalutati kif xieraq mill-prattikanti. L-ebda vittma ma tista' tiġi appoġġjata b'mod adegwat jekk l-uffiċjali l-aktar esposti (f'ħafna mill-każijiet, il-pulizija fejn il-vittma tmur tirrapporta r-reat) ma jkunux jafu l-karatteristiċi personali tal-vittmi, it-tip jew in-natura tar-reat u ċ-ċirkostanzi tar-reat.

Minkejja dan, il-modi li jitwettqu bihom il-valutazzjonijiet individwali jvarjaw bil-kbir bejn l-Istati Membri, u f'xi każijiet jiddependu biss fuq eżerċizzju tal-"immarkar tal-kaxxi". Barra minn hekk, anke jekk il-valutazzjonijiet individwali jitwettqu b'mod adegwat madwar l-UE, id-disponibbiltà ta' strutturi ta' appoġġ tal-vittmi mhijiex konsistenti madwar l-Istati Membri, u xi kultant anke fi ħdan Stat Membru wieħed. Barra minn hekk, il-koordinazzjoni xierqa fil-livell tal-Istati Membri tibqa' waħda ta' sfida. Il-fornituri responsabbli mill-appoġġ tal-vittmi huma normalment organizzati mill-gvern jew mill-NGOs u spiss jeżistu t-tnejn flimkien, biex b'hekk titqajjem il-kwistjoni ta' finanzjament konsistenti u fit-tul għas-servizzi tal-appoġġ, kif ukoll il-kwistjoni tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

KONKLUŻJONIJIET

Il-ko-rapporteurs jirrakkomandaw bil-qawwa li l-Istati Membri kollha jittrasponu u jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva.

Huma josservaw ukoll li l-Istati Membri għandhom jevitaw nuqqasijiet possibbli fl-implimentazzjoni tad-Direttiva minħabba interpretazzjoni differenti fuq livell nazzjonali u differenzi fil-liġi kriminali nazzjonali li jaffettwaw il-protezzjoni tal-vittmi.

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (2016/2328(INI))

(2016/2328(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 18, 19, 21, 79 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 20, 21, 23, 24, 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji Bażiċi tal-Ġustizzja għall-Vittmi tal-Kriminalità u l-Abbuż tal-Poter, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-29 ta' Novembru 1985,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2017/865[1] u (UE) 2017/866 tal-11 ta' Mejju 2017[2] dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,

  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2006)8 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar assistenza għall-vittmi tal-kriminalità,

  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri tal-31 ta' Marzu 2010 dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2013 dwar il-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda fl-UE u tal-5 ta' Ġunju 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI[3],

  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali[4],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili[5],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI[6],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni[7],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI[8],

  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Diċembru 2011, dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI[9],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija[10],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta' April 2014, dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea[11],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta' April 2014 li għandha x'taqsam ma' kumpens għal vittmi ta' delitti[12],

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "How can the EU and the Member States better help victims of terrorism?" (Kif tista' l-UE u l-Istati Membri jgħinu aħjar il-vittmi tat-terroriżmu?), ippubblikat mid-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali f'Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-istudju mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bit-titolu "Second European Union minorities and discrimination survey" (It-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-minoranzi u d-diskriminazzjoni), ippubblikat f'Diċembru 2017,

  wara li kkunsidra l-istudju mill-FRA bit-titolu "Child-friendly justice -Perspectives and experiences of children involved in judicial proceedings as victims, witnesses or parties in nine EU Member States" (Il-ġustizzja li tqis l-interessi tat-tfal - Perspettivi u esperjenzi ta' tfal involuti fi proċedimenti ġudizzjarji bħala vittmi, xhieda jew partijiet f'disa' Stati Membri tal-UE), ippubblikat fi Frar 2017,

  wara li kkunsidra r-Rapport tal-FRA dwar id-Drittijiet Fundamentali għall-2017, ippubblikat f'Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-FRA dwar id-Drittijiet Fundamentali għall-2016, ippubblikat f'Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-FRA bit-titolu "Victims of crime in the EU:the extent and nature of support for victims" (Il-vittmi tal-kriminalità fl-UE: il-livell u n-natura tal-appoġġ għall-vittmi), ippubblikat f'Jannar 2015,

  wara li kkunsidra l-istudju tal-FRA bit-titolu "Severe labour exploitation: workers moving within or into the European Union" (L-isfruttament sever tal-ħaddiema: il-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni Ewropea jew li jidħlu fiha), ippubblikat f'Ġunju 2015,

  wara li kkunsidra l-istudju tal-FRA bit-titolu "Severe labour exploitation: an EU-wide survey" (L-isfruttament sever tal-ħaddiema, stħarriġ madwar l-UE), ippubblikat f'Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-Proġett IVOR bit-titolu "Implementing Victim-Oriented Reform of the criminal justice system in the EU" (Nimplimentaw ir-Riforma orjentata lejn il-vittmi tas-sistema tal-ġustizzja kriminali fl-UE), ippubblikat fis-6 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) bit-titolu "An analysis of the Victims’ Rights Directive from a gender perspective" (Analiżi tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi mill-perspettiva tas-sessi),

–  wara li kkunsidra l-"Yogyakarta Principles plus 10" adottati fl-10 ta' Novembru 2017 ("Il-Prinċipji u l-Obbligi tal-Istat dwar l-Applikazzjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem Rigward l-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess"),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika[13],

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tad-Direttiva 2012/29/UE tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, magħmula mill-Unità ta' Evalwazzjoni Ex-Post,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0168/2018),

A.  billi d-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità ("id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi") tfittex li tpoġġi lill-vittma tar-reat fiċ-ċentru tas-sistema tal-ġustizzja kriminali, u għandha l-għan li ssaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità sabiex kwalunkwe vittma tkun tista' tiddependi fuq l-istess livell ta' drittijiet, irrispettivament minn fejn twettaq ir-reat, min-nazzjonalità tagħha jew mill-istatus ta' residenza tagħha;

B.  billi 23 mis-27 Stat Membru ttrasponew id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sa Settembru 2017; billi l-Kummissjoni bdiet 16-il proċedura ta' ksur kontra Stati Membri li għadhom mhumiex kompletament konformi fil-prattika; billi d-Direttiva għamlitha possibbli li jibda l-progress lejn it-trattament tal-vittmi tal-kriminalità fi Stat Membru ieħor; billi għad fadal nuqqasijiet fil-każ tas-sitwazzjonijiet transfruntiera;

C.  billi jeżistu fis-seħħ standards u strumenti magħquda fil-livell ta' UE biex itejbu l-ħajjiet taċ-ċittadini tal-UE, iżda l-vittmi tal-kriminalità għadhom jiġu ttrattati b'mod differenti bejn pajjiż u ieħor;

D.  billi minkejja ħafna bidliet introdotti fl-Istati Membri, il-vittmi xorta spiss huma nieqsa mis-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom, dan jimmina l-effikaċja fil-prattika tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi u b'mod partikolari l-aċċess għar-rekwiżi tal-informazzjoni;

E.  billi, apparti l-għajnuna legali, il-gruppi ta' appoġġ għall-vittmi jikklassifikaw il-ħtiġijiet tal-vittmi f'erba' kategoriji: id-dritt għall-ġustizzja, id-dinjità, il-verità u l-memorja, fejn din tal-aħħar tfisser diżapprovazzjoni mhux kundizzjonata tat-terroriżmu;

F.  billi xi Stati Membri juru nuqqas ta' servizzi ta' appoġġ għall-vittmi u nuqqas ta' koordinazzjoni bejniethom fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, u dan jagħmilha diffiċli għall-vittmi biex jaċċessaw servizzi ta' appoġġ eżistenti;

G.  billi d-djar ta' kenn, iċ-ċentri u l-linji telefoniċi ta' għajnuna għan-nisa, huma aġenziji ewlenin għall-appoġġ tal-vittmi nisa tal-vjolenza u t-tfal tagħhom; billi hemm nuqqas ta' provvediment għal djar ta' kenn u ċentri għan-nisa fl-Ewropa; billi huma meħtieġa b'mod urġenti aktar djar ta' kenn għan-nisa peress li jipprovdu sikurezza, akkomodazzjoni, konsulenza u appoġġ għal nisa li jesperjenzaw il-vjolenza domestika u għat-tfal tagħhom; billi n-nuqqas ta' djar ta' kenn għan-nisa jista' jikkostitwixxi riskju għal ħajja;

H.  billi f'każijiet meta jseħħ attakk terroristiku fi Stat Membru partikolari u l-vittma tkun residenti fi Stat Membru ieħor, iż-żewġ Stati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiffaċilitaw l-assistenza għall-vittma;

I.  billi jekk l-entitajiet governattivi u l-istituzzjonijiet nazzjonali jieħdu azzjoni effikaċi u protettiva biex jgħinu lill-vittmi, iċ-ċittadini jappoġġjaw u jafdaw lill-istituzzjonijiet, u dan jista' jagħti spinta lir-reputazzjoni tagħhom;

J.  billi firxa wiesgħa ta' professjonisti tas-saħħa huma aktarx li jiġu f'kuntatt mal-vittmi, b'mod speċjali l-vittmi tal-vjolenza sessista, u spiss jiġu inizjalment ikkuntattjati mill-vittma biex jirrapportaw reat; billi l-evidenza turi li l-professjonisti tas-saħħa, bħat-tobba u professjonisti kliniċi oħra, jirċievu taħriġ limitat fir-rispons effikaċi għall-vjolenza sessista;

K.  billi l-vittmi nisa ta' vjolenza sessista dejjem jirrikjedu appoġġ u protezzjoni speċjali, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom għal vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta;

L.  billi għad hemm sottorapportar sistematiku tal-inċidenti jew tal-awturi tal-vjolenza fl-UE, b'mod partikolari fil-każijiet li jinvolvu l-minoranzi, il-migranti, persuni bi status ta' residenza dipendenti jew prekarju, il-persuni LGBTI, ir-reati anti-Semitiċi, l-abbuż sesswali tat-tfal, il-vjolenza domestika u sessista, u t-traffikar u l-vittmi ta' xogħol furzat; billi kważi żewġ terzi mill-vittmi nisa ta' vjolenza sessista ma jirrapportawx lil awtorità, minħabba li jibżgħu mir-ritaljazzjoni, l-imbarazzament u l-istigma soċjali;

M.  billi r-reati ta' mibegħda kontra l-persuni LGBTI huma realtà fl-UE kollha; billi dawn id-delitti mhumiex irrapportati biżżejjed u d-drittijiet tal-vittmi huma għaldaqstant mhux rispettati;

N.  billi l-istudju tal-FRA bit-titolu "Making hate crime visible in the European Union: acknowledging victims' rights" (Nagħmlu r-reat ta' mibegħda viżibbli fl-Unjoni Ewropea: nirrikonoxxu d-drittijiet tal-vittmi) jiddikjara li status ta' immigrant iżid ir-riskju li wieħed jiġi vittimizzat kriminalment, indipendentement minn fatturi ta' riskju magħrufa oħra;

O.  billi r-reati ta' mibegħda razzisti kontra l-migranti u l-persuni li jfittxu asil żdiedu madwar l-Istati Membri; billi l-għadd tal-awturi ta' dawn ir-reati ta' mibegħda li jitressqu quddiem il-ġustizzja huwa wieħed żgħir ħafna;

P.  billi minkejja li l-vittmi tal-kriminalità kollha jingħataw drittijiet ugwali mingħajr diskriminazzjoni skont l-Artikolu 1, fir-realtà l-parti l-kbira tal-Istati Membri ma daħħlux fis-seħħ politiki jew proċessi biex jiżguraw li l-vittmi mhux iddokumentati jistgħu jirrapportaw b'mod sigur l-isfruttament sever tal-ħaddiema, il-vjolenza sessista, u forom oħra ta' abbuż mingħajr ir-riskju ta' penalitajiet tal-immigrazzjoni; billi dan jaffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u l-bniet, li huma anke aktar esposti għat-traffikar u l-isfruttament sesswali; billi l-istħarriġ tal-FRA "Second European Union Minorities and Discrimination Survey" (It-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-minoranzi u d-diskriminazzjoni) jiddikjara li wieħed biss minn kull tmien rispondenti rrapporta jew ressaq ilment dwar l-inċident l-aktar riċenti tad-diskriminazzjoni li esperjenza minħabba l-isfond etniku jew ta' immigrant tiegħu;

Q.  billi l-Artikolu 1 tad-Direttiva jiddikjara li d-drittijiet stabbiliti fiha għandhom japplikaw għall-vittmi b'mod mhux diskriminatorju, inkluż fir-rigward tal-istatus ta' residenza tagħhom;

R.  billi l-kampanja #MeToo enfasizzat li s-sistema ġudizzjarja ma tipprovdix ġustizzja u protezzjoni adegwati lin-nisa u l-bniet u li, bħala konsegwenza, il-vittmi tal-vjolenza sessista ma jirċevux l-appoġġ meħtieġ;

S.  billi r-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Istanbul jipprovdu qafas legali Ewropew koerenti biex tiġi pprevenuta u miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u biex jiġu mħarsa l-vittmi tagħha; billi d-definizzjoni tal-vjolenza sessista għandha li tkun ibbażata fuq il-Konvenzjoni ta' Istanbul, u għandha tirrikonoxxi n-natura strutturali tal-vjolenza kontra n-nisa u forom oħra ta' vjolenza sessista u r-rabtiet tagħhom mal-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li tibqa' prevalenti fis-soċjetà; billi l-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib trid titqies minn perspettiva tas-sessi, peress li taffettwa lin-nisa b'mod sproporzjonat;

T.  billi n-nisa huma l-aktar esposti għall-istalking, li huwa forma komuni ta' vjolenza sessista, u billi l-istalking bħala reat speċifiku ma ġiex meqjus fil-kodiċijiet kriminali ta' seba' Stati Membri;

U.  billi trid tingħata attenzjoni speċifika għas-sikurezza u l-protezzjoni tat-tfal ta' vittmi nisa ta' vjolenza sessista u vjolenza domestika;

V.  billi l-vittmi ta' spiss mhumiex infurmati sew dwar il-proċess u l-eżiti tiegħu; billi l-vittmi ta' spiss jiġu infurmati b'mod mhux mistenni dwar ir-rilaxx tal-awtur tar-reat mill-midja jew minn fatturi esterni oħra, minflok mill-awtoritajiet kompetenti;

W.  billi l-vittmi u l-membri tal-familja ma jingħatawx biżżejjed informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom meta jkun seħħ reat fi Stat Membru ieħor għajr fejn tkun qed tirrisjedi l-vittma; billi l-Istati Membri għandhom definizzjonijiet differenti tal-kunċett ta' "vittma"; billi, bħala konsegwenza ta' dan, il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jvarja (xi kultant jestendi biex ikopri l-membri tal-familja, pereżempju);

X.  billi n-numri ta' linji telefoniċi għall-għajnuna faċilment aċċessibbli u pubbliċizzati b'mod wiesgħa huma għal ħafna nisa l-ewwel pass lejn il-kisba tal-għajnuna u l-appoġġ li jeħtieġu meta jkunu qed jesperjenzaw il-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib;

Y.  billi huma biss 27 % tal-Ewropej li huma familjari man-numru tat-telefon ta' emerġenza uniku Ewropew 112; billi mhux kulħadd għandu aċċess għalih;

Z.  billi f'numru konsiderevoli ta' każijiet, il-vittma hija l-aktar xhud importanti fil-proċess u teħtieġ tkun protetta minn imġiba possibbilment ritaljatorja jew ta' theddid mill-awtur tar-reat, inkluż billi tiġi pprevenuta vittimizzazzjoni ripetuta jew sekondarja; billi d-dikjarazzjoni tax-xhieda hija kruċjali għall-funzjonament tajjeb u l-fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja kriminali u essenzjali għall-investigazzjoni effikaċi u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità organizzata u gruppi terroristiċi, li tista' twassal għaż-żarmar tagħhom; billi l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu b'mod effikaċi lix-xhieda u jżidu l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam;

AA.  billi ġew irrapportati nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, b'mod partikolari fir-rigward ta':

–  l-għoti ta' servizzi xierqa lill-vittmi skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

–  l-implimentazzjoni xierqa tar-rekwiżiti biex tiġi ggarantita valutazzjoni individwali tal-vittmi;

–  l-istabbiliment xieraq tal-mekkaniżmi li jippermettu lill-allegat awtur tar-reat li jkollu kopja tal-ilment;

–  l-iżgurar ta' aċċessibbiltà ugwali għall-vittmi u s-servizzi ta' appoġġ speċjalizzat għall-vittmi kollha, inklużi l-persuni b'diżabilità, il-persuni LGBTI, il-vittmi tfal, il-vittmi ta' vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza sesswali, u l-vittmi ta' reati ta' mibegħda u unur, irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom;

–  il-garanzija ta' proċeduri rapidi, effiċjenti u sensittivi għall-vittmi fil-każijiet fil-qorti kriminali, li jikkunsidraw il-bżonnijiet speċifiċi tal-gruppi ta' persuni l-aktar vulnerabbli;

–  il-ġbir ta' data dwar u l-analiżi tal-kultura tal-vjolenza, il-misoġenija u l-istereotipi tas-sessi, u r-rabta tagħhom mal-inċidenza tar-reati ta' mibegħda;

–  tingħata informazzjoni lill-vittmi dwar is-sitwazzjoni penali u proċedurali tat-trasgressuri tagħhom;

AB.  billi l-vittmi tal-kriminalità jirrapportaw b'mod regolari li t-tbatija tal-proċess tal-ġustizzja nnifsu huwa tip ta' vittimizzazzjoni – vittimizzazzjoni sekondarja jew rivittimizzazzjoni; billi l-fatturi li għandhom impatt fuq kif il-vittmi jesperjenzaw is-sistema jinkludu kif jiġu ttrattati matul il-proċess, u l-ammont ta' kontroll u aċċess parteċipatorju li jingħatalhom;

AC.  billi l-vittmi tat-terroriżmu kienu soġġetti għal attakki li huma maħsuba fl-aħħar mill-aħħar biex jagħmlu ħsara lis-soċjetà jew grupp ikbar li jirrappreżentaw; billi dawn għalhekk jeħtieġu attenzjoni speċjali, appoġġ u rikonoxximent soċjali minħabba n-natura partikolari tar-reat kommess kontrihom;

AD.  billi ċerti drittijiet, bħad-dritt għal għajnuna u kumpens finanzjarju, ma kinux implimentati jew mogħtija kif xieraq lill-vittmi tal-attakki terroristiċi tal-2016 fi Brussell skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi;

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva

1.  Jikkritika n-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tissottometti rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi sa Novembru 2017, skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw u jibagħtu d-data u l-istatistika rilevanti kollha lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-valutazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva;

2.  Jikkritika l-fatt li li sentejn wara li t-traspożizzjoni kienet dovuta, kienu biss 23 mis-27 Stat Membru li uffiċjalment ittrasponew id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi sa Settembru 2017, u fost dawn, xi wħud huma biss parzjalment konformi u ma' xi dispożizzjonijiet biss;

3.  Jinnota l-implimentazzjoni b'suċċess minn xi Stati Membri ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, jiġifieri:

–  id-dritt għal interpretar u traduzzjoni,

–  id-dritt għal smigħ,

–  il-protezzjoni ta' vittmi li huma tfal,

–  id-drittijiet tal-vittmi meta jagħmlu lment,

–  id-dritt li tingħata informazzjoni mal-ewwel kuntatt li jsir ma' awtorità kompetenti;

4.  Jiddeplora, madankollu, in-nuqqasijiet importanti li jifdal fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva f'ħafna Stati Membri, b'mod partikolari fir-rigward ta':

–  il-kumplessità ta' proċeduri għall-aċċess tas-servizzi ta' appoġġ u nuqqasijiet fis-sistema ta' appoġġ għall-vittmi, inkluż nuqqas ta' aċċess għall-għajnuna legali u kumpens, nuqqas ta' appoġġ finanzjarju u koordinazzjoni bejn is-servizzi ta' appoġġ, u mekkaniżmi inkonsistenti ta' referenza,

–  il-fatt li spiss ma tingħatax informazzjoni ċara f'aktar minn lingwa waħda, li jagħmilha diffiċli de facto għall-vittmi li jfittxu l-protezzjoni barra mill-pajjiż fi Stat Membru ieħor;

–  in-nuqqas ta' preżenza leġiżlattiva f'każijiet transfruntiera u d-drittijiet tal-vittmi residenti fi Stati Membri oħra, u n-nuqqas li jieħdu miżuri biex jiżguraw li n-nuqqas ta' status ta' residenza jew status inċert ma joħolqux ostaklu għall-kapaċità tal-vittmi li jasserixxu d-drittijiet tagħhom taħt din id-Direttiva;

5.  Jenfasizza kemm huwa essenzjali li l-ewwel kuntatt mal-vittma jsir kif xieraq, b'mod speċjali fil-każ ta' vittmi ta' vjolenza sessista; jinnota, madankollu, li uħud mill-vittmi l-aktar vulnerabbli – bħal minorenni u vittmi bla edukazzjoni, b'diżabilità jew anzjani, kif ukoll (għal raġunijiet ta' lingwa) migranti u vittmi ta' traffikar tal-bnedmin – jista' jkollhom diffikultajiet biex jifhmu l-informazzjoni li tiġi kkomunikata lilhom u, bħala riżultat, id-dritt tagħhom għall-informazzjoni stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva ma jiġix eżerċitat bis-sħiħ, u għalhekk huwa neċessarju li tiġi żgurata l-preżenza ta' espert ikkwalifikat biex jgħin lill-vittmi; jinnota li l-Artikolu 4 huwa wieħed mill-punti b'saħħithom tad-Direttiva, peress li jgħin lill-vittmi jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-appoġġ disponibbli kif stabbilit fid-Direttiva;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess faċli għall-ġustizzja u għajnuna legali adegwata bla ħlas, għaliex dan jikkontribwixxi bil-kbir biex jinkiser is-silenzju u biex iżid il-fiduċja tal-vittma fis-sistema tal-ġustizzja kriminali, inaqqas il-possibbiltà tal-impunità u jippermetti lill-vittma li tibda l-proċess tal-irkupru psikoloġiku;

7.  Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effikaċi d-dritt garantit mill-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi għall-vittmi u l-vittmi potenzjali kollha għall-informazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-mekkaniżmi ta' informazzjoni fi ħdan l-Istati Membri sabiex il-vittmi mhux biss ikunu jafu bid-drittijiet tagħhom, iżda jkunu jafu wkoll fejn għandhom imorru biex jeżerċitawhom; ifakkar li l-professjonisti li jagħtu l-ewwel għajnuna lill-vittmi għandhom ikunu l-ewwel punt ta' kuntatt għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-programmi mfassla biex jindirizzaw sitwazzjonijiet li jwasslu għal vittimizzazzjoni; jissottolinja li n-nuqqas ta' provvista ta' informazzjoni lill-vittmi qabel, matul u wara l-proċedimenti kriminali jirriżulta fi tgawdija fqira tad-drittijiet tal-vittmi u n-nuqqas ta' sodisfazzjoni lejn is-sistema ġudizzjarja u jiskoraġġixxi lill-vittmi milli jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċedimenti kriminali;

8.  Jiddeplora l-fatt li wisq Stati Membri naqsu milli jimplimentaw, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, valutazzjonijiet individwali tal-vittmi, li jwassal għal ineffiċjenza fid-detezzjoni u fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, fit-trattament tagħhom b'rispett u dinjità u, bħala konsegwenza, biex jingħataw protezzjoni skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

9.  Jinnota li n-nuqqas ta' traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva f'ċerti Stati Membri jfisser li ċ-ċittadini ta' dawk l-Istati Membri jsofru diskriminazzjoni f'dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Ewropej;

10.  Jiddeplora l-fatt li d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tillimita l-eżerċizzju tad-dritt tal-vittmi għal għajnuna legali minħabba d-dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jipprovdu l-għajnuna legali biss meta l-vittma jkollha l-istatus ta' parti għall-proċedimenti kriminali u jistipulaw li l-kundizzjonijiet jew ir-regoli proċedurali li taħthom il-vittmi jkollhom aċċess għal għajnuna legali għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali; jenfasizza li dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu partikolarment onerużi għall-vittmi ta' vjolenza sessista li ma jagħmlux ilmenti u li l-każijiet tagħhom qatt ma jiġu trattati bħala parti mis-sistema tal-ġustizzja kriminali;

11.  Jinnota li strumenti oħra li jindirizzaw żidiet suċċessivi simili għad-drittijiet tal-vittmi jikkomplikaw il-koerenza mad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi;

12.  Ifakkar li ċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini ta' pajjiż terz li sfaw vittmi tal-kriminalità fi Stat Membru ieħor jistgħu jgawdu wkoll id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni offruta minn din id-Direttiva irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom, u li vittmi ta' reati kriminali kommessi fi Stat Membru għajr dak fejn il-vittima tirrisjedi jistgħu jressqu l-ilment tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' residenza; jinnota, madankollu, li dan id-dritt spiss jiġi mminat mill-inċertezza tad-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru dwar l-extraterritorjalità; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-istatus ta' residenza tagħhom mhuwiex kriterju għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-vittmi u biex jiċċaraw id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-extraterritorjalità; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-aċċess għal servizzi ta' appoġġ għall-vittmi mhux residenti ta' reati u informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom, u biex jadottaw miżuri speċifiċi li jiffukaw b'mod partikolari fuq id-drittijiet tal-vittmi kollha għal kumpens u fi proċedimenti kriminali; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni adatta biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jew l-entitajiet li jipprovdu appoġġ speċjalizzat biex jiġi żgurat l-aċċess effikaċi tal-vittmi għal din l-informazzjoni u għal dawn is-servizzi;

13.  Ifakkar lill-Istati Membri li l-vittmi f'sitwazzjoni ta' residenza irregolari għandu jkollhom ukoll aċċess għal drittijiet u servizzi, inklużi djar ta' kenn u servizzi speċjalizzati skont din id-Direttiva, bħal protezzjoni legali u appoġġ psikosoċjali u finanzjarju mill-Istati Membri, mingħajr il-biża' li jiġu deportati; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu miżuri biex jiżguraw li dawn id-drittijiet u s-servizzi jsiru disponibbli mingħajr diskriminazzjoni; jilqa' l-passi meħuda minn xi Stati Membri li jagħtu lill-vittmi mhux iddokumentati permess ta' residenza għal raġunijiet umanitarji jew sakemm il-proċedimenti kriminali, li jistgħu jinkoraġġixxu lill-vittmi jirrapportaw ir-reati u jiġġieldu l-klima ta' impunità; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromulgaw leġiżlazzjoni li tipprovdi toroq għal vittmi bi status ta' residenza dipendenti biex jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta' abbuż billi jagħmluha possibbli li jinkiseb status ta' residenza indipendenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-iskambju u l-evalwazzjoni ta' prattiki tajba eżistenti fost l-Istati Membri, li jintegraw il-perspettivi tal-vittmi u s-soċjetà ċivili;

Rakkomandazzjonijiet

Valutazzjoni individwali

14.  Ifakkar li wieħed mill-għanijiet l-aktar importanti tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi huwa li tittejjeb il-pożizzjoni tal-vittmi tal-kriminalità madwar l-UE u biex il-vittma titpoġġa fiċ-ċentru tas-sistema tal-ġustizzja kriminali;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu d-drittijiet tal-vittmi ta' reati ta' mibegħda, inklużi dawk kontra l-persuni LGBTI jew b'raġunijiet razzisti;

16.  Jenfasizza l-fatt li l-valutazzjonijiet individwali huma kruċjali fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-vittmi billi jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, u d-dritt li jagħmlu deċiżjonijiet fil-proċedimenti li huma involuti fihom u, jekk il-vittma tkun tifel jew tifla, id-dritt li jkollha aċċess għas-salvagwardji proċedurali speċifika li japplika għalihom mill-bidu nett tal-proċedimenti legali; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod xieraq fil-leġiżlazzjoni tagħhom valutazzjonijiet individwali fil-ħin tal-vittmi, inkluż waqt l-ewwel kuntatt ma' awtorità kompetenti jekk ikun meħtieġ, bħala pass proċedurali essenzjali biex jiġu rikonoxxuti u identifikati l-ħtiġijiet tal-vittma, biex wara tingħata protezzjoni speċifika skont dawk il-ħtiġijiet, u tiġi pprevenuta vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimidazzjoni u ritaljazzjoni; jenfasizza li l-valutazzjonijiet individwali jeħtieġ li jiġu rieżaminati fuq bażi regolari biex jiġu ddeterminati l-ħtiġijiet ta' appoġġ kontinwu, u li l-vittmi għandhom jiġu pprovduti b'analiżi ta' segwitu f'perjodu ta' żmien xieraq wara li jkun seħħ ir-reat, abbażi tal-għarfien eżistenti ta' reazzjonijiet trawmatiċi; ifakkar li l-valutazzjonijiet individwali huma partikolarment meħtieġa għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u l-vittmi tfal li sofrew minn abbuż sesswali, minħabba r-riperkussjonijiet soċjali, fiżiċi u psikoloġiċi ta' dawn ir-reati; ifakkar li l-valutazzjonijiet individwali kollha għandhom ikunu sensittivi għall-ġeneru, ladarba n-nisa u l-vittmi LGBTQI ta' vjolenza sessista jirrikjedu attenzjoni u protezzjoni speċjali minħabba riskju għoli ta' vittimizzazzjoni ripetuta, u għalhekk għandhom ikunu żgurati miżuri speċifiċi u appoġġ speċjalizzat;

Is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi

17.  Jiddispjaċih għad-diffikultajiet esperjenzati mill-vittmi biex jiksbu aċċess għas-servizzi ta' appoġġ; jiddeplora l-fatt li f'xi Stati Membri, is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi għadhom ma twaqqfux; jenfasizza li s-servizzi u d-drittijiet ta' appoġġ għall-vittmi għandhom jingħataw lill-vittmi kollha madwar l-UE u għandhom ikunu aċċessibbli anke meta persuna tkun għadha ma ppruvatx jekk hijiex vittma tal-kriminalità, jew qabel ma jkunu seħħew kwalunkwe proċedura jew att uffiċjali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu għal, u jżidu n-numru u jtejbu l-aċċessibbiltà tan-nisa, is-servizzi ta' djar ta' kenn u ċentri għan-nisa, l-appoġġ għall-vittmi nisa tal-forom kollha ta' vjolenza sessista, u jiżguraw li s-superstiti nisa ta' vjolenza qatt ma jiġu mċaħħda minn post; jinsisti li s-servizzi jeħtieġ jiġu estiżi biex b'mod aktar adegwat jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-nisa kollha, b'mod partikolari nisa b'abbiltajiet differenti u nisa migranti, inklużi nisa migranti mhux iddokumentati; jenfasizza li dawn is-servizzi għandhom jinkludu wkoll appoġġ speċjalizzat mhux residenzjali, bħal informazzjoni u konsulenza, akkumpanjament il-qorti u servizzi ta' komunikazzjoni; iqis li d-djar ta' kenn għan-nisa għandhom jgħinu lin-nisa kollha li qed jaffaċċjaw vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, u għandhom ikunu disponibbli 24/7 u bla ħlas għan-nisa u t-tfal tagħhom, b'tali mod li n-nisa jkunu jistgħu jħossuhom sikuri u kapaċi jirrapporta vjolenza sessista;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-valutazzjoni individwali tat-tfal u tal-vittmi li huma tfal ta' kwalunkwe tip ta' kriminalità, b'mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin, inkluż l-isfruttament sesswali, il-vjolenza sessista u l-abbuż u l-isfruttament sesswali; ifakkar li l-vittmi li huma tfal għandhom dejjem jiġu kkunsidrati li għandhom ħtiġijiet ta' protezzjoni speċifiċi minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom kif previst fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva; jenfasizza l-ħtieġa li l-vittmi li huma tfal u żgħażagħ jiġu trattati b'mod li jqis b'mod xieraq il-vulnerabbiltà tagħhom;

Taħriġ

19.  Jenfasizza li l-iżgurar ta' aktar programmi ta' taħriġ fil-livell tal-UE huwa ta' importanza kbira għall-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri madwar l-Istati Membri u l-iżgurar tat-trattament ugwali għaċ-ċittadini Ewropej;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ speċifiku għal dawk responsabbli biex jgħinu lill-vittmi ta' atti terroristiċi, kif ukoll jagħtuhom ir-riżorsi meħtieġa għal dan il-għan;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu programmi ta' taħriġ li huma sensittivi għall-ġeneru u linji gwida għall-professjonisti kollha involuti fit-trattament tal-vittmi tal-kriminalità, bħal dawk li jipprattikaw il-liġi, l-uffiċjali tal-pulizija, il-prosekuturi, l-imħallfin, il-professjonisti tas-saħħa, il-ħaddiema soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw l-fondi tal-UE b'mod adegwat għal dawn l-iskopijiet ta' taħriġ; jistieden lill-Istati Membri biex b'mod speċifiku jiżguraw li huma jikkonformaw mal-obbligi kollha dwar it-taħriġ għall-uffiċjali tal-pulizija, sabiex ikunu jistgħu jwettqu valutazzjonijiet individwali aħjar u fil-ħin ladarba r-reat ikun sar; jistieden lill-Istati Membri jipprevjenu vittimizzazzjoni ulterjuri jew vittimizzazzjoni sekondarja esperjenzata mill-vittmi tal-kriminalità, biex jipprovdu lill-vittmi b'informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u s-servizzi li jistgħu jaċċessaw, u li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom, bħala mezz biex jitnaqqas l-istress postrawmatiku; jenfasizza li dan it-taħriġ għandu jkun inkluż ukoll fi programmi edukattivi, f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-NGOs, u li taħriġ obbligatorju u speċifiku għandu jkun regolarment disponibbli kollha għall-professjonisti kollha involuti fit-trattament tal-vittmi tal-kriminalità, bil-għan li tiġi żviluppata attitudni xierqa biex tittratta l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull tip ta' vittma, tgħin lill-professjonisti jipprevjenu l-vjolenza u tipprovdi appoġġ adegwat għal gruppi vulnerabbli, bħat-tfal, in-nisa vittmi ta' vjolenza sessista, il-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabilità; ifakkar li t-taħriġ personali huwa element neċessarju biex l-objettivi tad-Direttiva jiġu implimentati b'mod effikaċi; iqis li dan it-taħriġ għandu jinkludi gwida dwar kif għandu jiġi żgurat li l-vittmi jkunu protetti minn koerċizzjoni, abbuż u vjolenza u li l-integrità fiżika u mentali tagħhom tiġi rispettata; jemmen, barra minn hekk, li kull sessjoni ta' taħriġ għandha tenfasizza l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni – pedament tad-Direttiva;

22.  Ifakkar li t-tfal vittmi tal-kriminalità huma partikolarment vulnerabbli, u li għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-taħriġ tal-professjonisti li jittrattaw mal-vittmi tal-kriminalità relatata mat-tfal, speċjalment f'każijiet ta' abbuż sesswali u sfruttament sesswali, b'kunsiderazzjoniet tal-ħtiġijiet assoċjati mal-gruppi ta' etajiet differenti; jenfasizza li dawn il-professjonisti għandhom jikkomunikaw b'mod adatt għat-tfal;

23.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipprovdi kontenut prattiku għall-jum internazzjonali tal-vittmi tat-terroriżmu billi torganizza, mill-inqas darbtejn fis-sena, laqgħa internazzjonali mmirata speċifikament lejn l-iskambju ta' esperjenzi u prattiki tajbin bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u statali tal-Istati Membri u l-ġbir ta' xiehda mill-vittmi; jikkunsidra li dan għandu jgħin biex tiġi żgurata traspożizzjoni rapida, uniformi u sħiħa tad-Direttiva, l-identifikazzjoni bikrija ta' problemi komuni ta' applikazzjoni, u proċess għall-valutazzjoni għaddejja ta' din il-kapaċità li titqajjem sensibilizzazzjoni, u tiżdied dimensjoni operattiva għal wirjiet ta' solidarjetà u appoġġ istituzzjonali u soċjali għall-vittmi;

24.  Jissottolinja l-fatt li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa huma essenzjali biex jidentifikaw vittmi ta' vjolenza domestika, ladarba l-vjolenza fuq in-nisa f'relazzjonijiet mill-qrib taffettwa kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali fuq terminu twil; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi u d-drittijiet tal-vittmi hija aċċessibbli għal professjonisti tas-saħħa, u li jiġi pprovdut taħriġ immirat għal firxa wiesgħa ta' professjonisti tal-kura tas-saħħa, inklużi t-tobba tal-familja, it-tobba speċjalizzati f'assistenza f'emerġenza, l-infermiera, l-assistenti mediċi, il-ħaddiema soċjali kliniċi u l-persunal tal-akkoljenza, bil-ħsieb li tiġi pprovduta tweġiba effikaċi għall-vittma, b'mod partikolari f'każijiet ta' vjolenza sessista, b'tali mod li tippermetti lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa jidentifikaw każijiet ta' abbuż potenzjali, u jinkoraġġixxu lill-vittmi nisa jikkuntattjaw awtorità kompetenti;

Dimensjoni transfruntiera

25.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna finanzjarja u legali lill-membri tal-familja f'każijiet fejn ikun seħħ reat serju – eż., fejn il-vittma tkun mietet jew imweġġa' serjament – fi Stat Membru għajr dak li fih huma residenti, b'mod partikolari f'każijiet fejn il-familja ma jkollhiex riżorsi finanzjarji biex tivvjaġġa lejn dak l-Istat Membru biex tattendi l-qorti, biex tiffinanzja appoġġ psikoloġiku jew biex tirripatrija lill-vittmi;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-proċeduri aktar flessibbli u jgħaġġlu l-proċess ta' trażmissjoni tas-sentenzi għall-vjolenza sessista mogħtija f'pajjiż, b'mod speċjali fil-każijiet ta' koppji internazzjonali, sabiex l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-konjugi jkunu jistgħu jaġixxu kif meħtieġ kemm jista' jkun malajr u jipprevjenu li l-kustodja tat-tfal tingħata lil ġenitur akkużat bi vjolenza sessista f'pajjiż ieħor;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikomplu jiżviluppaw id-drittijiet tal-vittmi sabiex l-UE jkun jista' jkollha rwol ewlieni fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi;

Id-drittijiet proċedurali

28.  Jenfasizza l-importanza li tingħata għajnuna legali mingħajr ħlas filwaqt li jiġi żgurat li l-piż burokratiku għall-vittma jkun kemm jista' jkun baxx;

29.  Jistieden, b'mod partikolari, lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri kunfidenzjali u anonimi biex jirrapportaw ir-reati, partikolarment f'każijiet ta' abbuż sesswali u l-abbuż ta' persuni b'diżabilità u minorenni, bil-għan li jiġu mmonitorjati u evalwati l-għadd ta' rapporti u jiġi żgurat li l-vittmi mhux iddokumentati jistgħu jressqu lment mingħajr ir-riskju ta' konsegwenzi relatati ma' immigrazzjoni;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-miżuri legali fi proċeduri kriminali li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-vittmi tfal, inklużi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tfal ta' vjolenza sessista, partikolarment f'każijiet fejn l-omm tat-tifel jew tifla tinqatel mis-sieħeb tagħha, matul il-proċedimenti kriminali kollha, u biex jiġi żgurat li huma jirċievu assistenza u appoġġ soċjali u psikoloġiku minn hemm 'il quddiem, sabiex jiġi evitat li l-vittmi tfal jiġu esposti għal vittimizzazzjoni sekondarja; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-miżuri speċifiċi biex itejbu r-rwol tal-linji telefoniċi nazzjonali fil-kuntest tal-vittmi tfal, meta jitqies li l-awtorapportar tat-tfal huwa limitat;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-inċidenti sinifikanti ta' vjolenza sessista, inkluż il-vjolenza domestika, meta jiddeterminaw id-drittijiet ta' kustodja u ta' żjara, u jqis li d-drittijiet u l-ħtiġijiet tax-xhieda tfal għandhom jitqiesu wkoll meta l-vittmi jiġu pprovduti b'servizzi ta' protezzjoni u ta' appoġġ;

32.  Ifakkar lill-Istati Membri dwar ir-rekwiżit li jipprovdu servizzi ta' traduzzjoni u interpretar mingħajr ħlas, u jinnota li nuqqas ta' informazzjoni f'lingwi oħra jista' jikkostitwixxi ostakolu għall-protezzjoni effikaċi tal-vittmi u forma ta' diskriminazzjoni kontrihom;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b'mod attiv u jikkooperaw mill-qrib f'kampanji ta' informazzjoni biex iżidu s-sensibilizzazzjoni ġenerali pubblika dwar id-drittijiet tal-vittmi kif stabbilit mid-dritt tal-UE, inklużi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi li huma tfal; jenfasizza li dawn il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għandhom jiġu organizzati wkoll fl-iskejjel sabiex it-tfal jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom u jiġu pprovduti bl-għodda biex jirrikonoxxu kwalunkwe forma tal-kriminalità li huma setgħu sofrew jew kienu xhieda tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwaqqfu kampanji biex iħeġġu n-nisa u l-persuni LGBTQI jirrapportaw kwalunkwe forma ta' vjolenza sessista sabiex ikunu jistgħu jiġu protetti u jirċievu l-appoġġ li jeħtieġu;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki għal approċċ orjentat lejn il-vittmi għall-uffiċjali tal-pulizja fil-ħidma ta' kuljum tagħhom;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod attiv, kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f'dak nazzjonali, f'kampanji ta' prevenzjoni kontra l-vjolenza sessista u l-vittimizzazzjoni mill-ġdid fis-sistema ġudizzjarja u fil-midja, u biex jippromwovu bidla kulturali fl-opinjoni pubblika sabiex jipprevjenu attitudnijiet jew imġiba li jagħtu tort lill-vittma, li jistgħu jirriżultaw fi trawma addizzjonali għall-vittmi ta' reati speċifiċi bħal vjolenza sessista jew abbuż sesswali; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lis-settur privat, is-settur tal-IT u lill-midja biex jagħmlu użu mill-potenzjal tagħhom u jipparteċipaw fil-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmi biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-proċess biex il-vittmi jirrapportaw ir-reati li jkunu sofrew;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri speċifiċi fil-każ ta' attakki li jirriżultaw f'għadd kbir ta' vittmi, sabiex fil-proċedimenti kriminali jkunu jistgħu jipparteċipaw għadd kbir ta' vittmi;

38.  Ifakkar lill-Istati Membri li għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-riskju ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni u għall-ħtieġa li tiġi mħarsa d-dinjità u l-integrità fiżika tal-vittmi, inkluż waqt is-smigħ u x-xhieda tagħhom biex jiġu ddeterminati l-ammont u l-limitu ta' protezzjoni meħtieġa għal dawn il-persuni waqt il-proċedimenti kriminali;

39.  Jenfasizza l-importanza tal-obbligu li l-vittmi jinżammu infurmati dwar il-progress tal-proċedimenti kriminali miġjuba kontra l-atturi tar-reati kontrihom, b'mod partikolari meta jkunu ngħataw sentenzi ta' priġunerijajew meta dawn ikunu qed jiġu skontati;

Perspettiva istituzzjonali

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi ta' rapportar tagħha kif stabbilit fid-Direttiva;

41.  Jenfasizza l-importanza ta' data komparabbli diżaggregata rilevanti dwar ir-reati kollha, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-vjolenza fuq in-nisa u t-traffikar tal-bnedmin, sabiex jiġi żgurat fehim aħjar tal-problema, u biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi vvalutata u mtejba l-azzjoni tal-Istati Membri għall-appoġġ tal-vittmi;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni kontra n-nuqqasijiet ġudizzjarji u prattiċi fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva permezz ta' interazzjoni xierqa tad-diversi strumenti tal-UE għall-protezzjoni tal-vittmi, bħad-Direttiva 2011/99/UE dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni, id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, id-Direttiva 2011/92/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u d-Direttiva 2014/42/UE dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jirratifikaw u jinfurzaw b'mod sħiħ il-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa[14], biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u jimplimentaw dawn l-istrumenti importanti b'mod koerenti sabiex jiżguraw li l-vittmi fl-Ewropa jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi eżamijiet settorjali fil-monitoraġġ u r-rapportar tagħha, u tiżgura applikazzjoni uniformi tad-Direttiva biex il-vittmi kollha jiġu protetti irrispettivament mir-raġunijiet tal-vittimizzazzjoni jew karatteristiċi speċifiċi, bħar-razza, il-kulur, ir-reliġjon, is-sess, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, il-karatteristiċi tas-sess, id-diżabilità, l-istatus ta' migrazzjoni jew kwalunkwe status ieħor;

44.  Ifakkar li l-membri tal-familja tal-vittmi huma inklużi fid-definizzjoni ta' "vittma", u jistieden lill-Istati Membri jinterpretaw it-terminu "membri tal-familja" – u termini ewlenin oħra, bħal "partikolarment vulnerabbli" – b'mod wiesa', sabiex ma jirrestrinġux il-lista ta' detenturi tad-drittijiet potenzjali bla bżonn;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri li jiżguraw li l-komunikazzjonijiet bil-miktub u orali jikkonformaw ma' standards tal-lingwa sempliċi, u huma adattati għall-minorenni u l-persuni b'diżabilità, b'lingwa li l-vittma tista' tifhem, sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jinżammu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom b'mod komprensibbli, adegwat u mmirat qabel, matul u wara l-proċedimenti kriminali;

46.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li fejn l-eżerċizzju tad-drittijiet ikun limitat minn perjodi ta' preskrizzjoni, għandu jitqies id-dewmien li jirriżulta minn diffikultajiet ta' traduzzjoni u interpretazzjoni;

47.  Sforz il-fatt li huwa forma komuni ta' vjolenza sessista li jeħtieġ miżuri ta' prevenzjoni speċifiċi, jistieden lis-seba' Stati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jilleġiżlaw ħalli jagħmlu l-istalking reat kriminali, kif mitlub mill-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi dwar id-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza, id-dritt għall-protezzjoni u, b'mod partikolari, id-dritt li jiġi evitat kuntatt mal-awtur tar-reat jew, fejn ikun il-każ, ma' awturi jew kompliċi potenzjali oħra tar-reat;

48.  Jitlob lill-Istati biex jipprevjenu vittimizzazzjoni ulterjuri permezz ta' umiljazzjonijiet u attakki kontra l-unur tal-vittma min-naħa tas-setturi soċjali relatati mal-attakkant; ifakkar li dawn l-espressjonijiet jikkostitwixxu vittimizzazzjoni oħra u mhumiex protetti mil-libertà ta' espressjoni skont l-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem[15];

49.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li tkun qed titħaddem linja telefonika ta' informazzjoni ta' emerġenza wara l-attakk jew preferibbilment, li jinkludu dan is-servizz fil-lista ta' servizzi tan-numru ta' emerġenza Ewropew 112, u li jsiru dispożizzjonijiet biex jipprovdu assistenza f'lingwa barranija; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri kollha biex immedjatament jimplimentaw l-Artikolu 22 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi fil-leġiżlazzjoni tagħhom;

50.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li, f'każ li vittma ta' terroriżmu ma tirrisjedix fl-Istat Membru fejn l-att seħħ, dan l-Istat Membru għandu jikkoopera mal-Istat Membru ta' residenza sabiex jiffaċilita l-assistenza għall-vittma;

51.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu linja telefonika nazzjonali, miftuħa 24/7 u bla ħlas, għan-nisa u persuni LGBTQI li jkunu vittmi ta' vjolenza sessista;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-assistenza lill-vittmi mis-servizzi tal-appoġġ għall-vittmi qabel, matul u wara l-proċedimenti kriminali, inkluż appoġġ psikoloġiku; jissottolinja r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fl-appoġġ tal-vittmi; iqis, madankollu, li l-gvernijiet m'għandhomx joqogħdu biss fuq l-NGOs biex jipprovdu s-servizzi ta' appoġġ ewlenin lill-vittmi ("il-volontarjat"); jinsisti li l-Istati Membri jiżguraw li jiżdiedu l-fondi u r-riżorsi għal NGOs li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-vittma u jridu jibnu l-kapaċità biex jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' appoġġ għall-vittmi, li jinvolvu l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, is-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali u s-soċjetà ċivili;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ speċjalizzat għall-vittmi tat-terroriżmu fl-ippjanar tar-rispons għal emerġenza biex tkun żgurata l-provvista ta' servizzi ta' appoġġ xierqa, kemm immedjatament wara attakk kif ukoll fuq terminu twil;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri speċifiċi biex jiżguraw il-provvista ta' informazzjoni lil vittmi mhux residenti fit-territorju ta' Stat Membru fejn ikun seħħ l-attakk terroristiku; jemmen li dawn il-miżuri għandhom, b'mod partikolari, jiffokaw fuq id-drittijiet ta' vittmi mhux residenti fi proċedimenti kriminali u fuq kumpens;

55.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jiġġieldu l-impunità dejjem u jiżguraw li l-awturi tar-reat jitressqu quddiem il-ġustizzja, sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jħosshom protetti; jistieden lill-Istati Membri kollha, barra minn hekk, jaħdmu b'mod transsettorjali biex jidentifikaw u jindirizzaw fatturi sistemiċi li jikkontribwixxu għall-vittimizzazzjoni ripetuta ta' persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli u/jew li jiffaċċjaw livelli għoljin ta' diskriminazzjoni, għaliex jekk ma jsirx dan jista' jkollha impatt serju fuq il-proċess ta' rkupru psikoloġiku tal-vittma;

56.  Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu mekkaniżmi legali li jikkriminalizzaw il-glorifikazzjoni ta' att speċifiku ta' terroriżmu fil-każ li dan jumilja lill-vittmi u jikkawża vittimizzazzjoni sekondarja billi jagħmel ħsara lid-dinjità u l-irkupru tal-vittmi;

57.  Jikkunsidra li l-vittmi tat-terroriżmu għandu jkollhom post ċentrali fis-soċjetà Ewropea, bħala simbolu tad-difiża tal-pluraliżmu demokratiku; jistieden, f'dan ir-rigward, li jitħejjew kungressi, imfakar, materjal awdjoviżiv biex tinħoloq sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini Ewropej u reġistru tal-vittmi Ewropej għal użu amministrattiv;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw protezzjoni aktar b'saħħitha għall-vittmi ta' vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza sesswali, bħala mezz ta' titjib tal-aċċess għall-ġustizzja u l-effiċjenza tal-proċedimenti kriminali;

59.  Ifakkar in-natura speċifika tal-vittmi ta' attakki terroristiċi, li jaqgħu f'kategorija separata u għandhom ħtiġijiet speċifiċi; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tabbozza direttiva speċifika dwar il-protezzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu;

60.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu s-servizzi ta' appoġġ, bħal appoġġ għat-trawma u konsulenza, u aċċess għall-kura tas-saħħa meħtieġa, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva, bħala parti mill-appoġġ immirat għall-vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi, bħat-tfal, il-vittmi nisa ta' vjolenza sessista, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-persuni LGBTI, u l-persuni b'diżabilità;

61.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta' kontroll tal-kwalità adegwati biex jivvalutaw jekk laħqux ir-rekwiżiti għall-istandards sensittivi għall-ġeneru u li jqisu l-interessi tan-nisa u t-tfal fir-rigward tad-dispożizzjonijiet magħmula mis-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi biex jinkoraġġixxu r-rapportar tar-reati u biex il-vittma tiġi protetta b'mod effikaċi;

62.  Jistieden lill-Istati Membri jgħinu lill-vittmi jittrattaw il-kwistjonijiet legali, finanzjarji u prattiċi kif ukoll ir-riskju ta' aktar vittimizzazzjoni;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-użu potenzjali tal-proġett iffinanzjat mill-UE "Infovictims", bħala għodda biex tinforma u tikkomunika mal-vittmi dwar proċessi kriminali permezz ta' metodi ta' komunikazzjoni differenti, bħal fuljetti u kartelluni; iqis li dan il-proġett isaħħaħ il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki biex jiġu infurmati l-vittmi tal-kriminalità;

64.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi kkoordinati għall-ġbir tal-informazzjoni dwar il-vittmi ta' attakki terroristiċi li jseħħu fit-territorju tagħhom, u, permezz tal-ħolqien u l-iżvilupp ta' one-stop shop, jipprovdu lill-vittmi b'portal tal-internet u linja telefonika ta' emerġenza jew b'mezzi oħra ta' komunikazzjoni, bħall-email jew għodda ta' messaġġi multimedjali, li jagħtu aċċess għal informazzjoni sikura, personalizzata, speċifika u rilevanti skont il-ħtiġijiet tal-utent, b'servizz ta' appoġġ kunfidenzjali, bla ħlas u faċilment aċċessibbli; jenfasizza li dan is-servizz ta' appoġġ irid ikun kapaċi jipprovdi assistenza u appoġġ lill-vittmi tat-terroriżmu f'konformità mal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, bħal appoġġ emozzjonali u psikoloġiku, u pariri u informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni legali, prattika jew finanzjarja, irid ikun kapaċi jassisti lill-vittmi li qed jikkomunikaw ma' diversi dipartimenti amministrattivi u, jekk meħtieġ, jirrappreżentahom f'dan ir-rigward immedjatament wara l-attakk u waqt kwalunkwe proċediment kriminali, kif ukoll assistenza għal proċeduri nazzjonali għal talba ta' kumpens;

65.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri xierqa biex kemm jista' jkun jipprevjenu, attakki fuq il-ħajja privata tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward ta' attivitajiet investigattivi u matul il-proċeduri legali;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tibdel il-portal tal-Ġustizzja elettronika attwali fi pjattaforma aktar faċli għall-utent li tipprovdi lill-vittmi b'informazzjoni konċiża u faċli li tinftiehem dwar id-drittijiet tagħhom u l-proċeduri li huma jeħtieġ isegwu;

67.  Jistieden lill-Istati Membri, fir-rispett sħiħ tal-libertà tal-espressjoni, jinvolvu ruħhom mal-midja u l-ġurnalisti biex jadottaw miżuri ta' awtoregolazzjoni wara attakk terroristiku sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-ħajja privata tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom u, barra minn hekk jirrikonoxxu l-valur tal-kooperazzjoni ma' servizzi speċjalizzati għal assistenza u appoġġ tal-vittmi biex jgħinu lill-vittmi jittrattaw l-attenzjoni tal-midja li jirċievu;

68.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta' koordinazzjoni biex jiżguraw it-tranżizzjoni effikaċi tal-appoġġ għall-vittmi minn kura sensittiva għall-ġeneru immedjata wara r-reat, għall-assistenza li huma jeħtieġu fuq medda itwal ta' żmien; jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jipprovdu l-maġġoranza tas-servizzi ta' assistenza għall-vittmi għandhom ikunu inklużi fl-istadji kollha tal-ippjanar, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni; jenfasizza li mekkaniżmi bħal dawn għandhom, b'mod partikolari, jiżguraw li l-vittmi jiġu riferiti servizzi fuq terminu twil, b'organizzazzjonijiet differenti jipprovdu appoġġ matul il-fażijiet diversi; iqis li dawn il-mekkaniżmi għandhom jaqdu wkoll funzjoni transfruntiera sabiex jipprovdu servizzi ta' appoġġ għall-vittmi, u jiggarantixxu d-dritt tal-vittma li tkun infurmata, megħjuna u kkumpensata fil-post tar-residenza tagħha, meta r-reat ikun seħħ fi Stat Membru għajr dak li fih tirrisjedi l-vittma;

69.  Jistieden lill-Istati Membri, f'każ ta' attakk terroristiku, biex jistabbilixxu ċentru ta' koordinazzjoni li jgħaqqad flimkien organizzazzjonijiet u esperti bl-għarfien espert meħtieġ biex jipprovdu informazzjoni, appoġġ u servizzi prattiċi lill-vittmi u lill-familji u l-qraba tagħhom; jenfasizza li dawn is-servizzi għandhom ikunu kunfidenzjali, bla ħlas u aċċessibbli faċilment għall-vittmi kollha tat-terroriżmu, u għandhom jinkludu, b'mod partikolari:

(a)   Appoġġ emozzjonali u psikoloġiku speċjalizzat, bħall-appoġġ tat-trawma u l-konsulenza speċifikament adatti għall-ħtiġijiet tal-vittmi tat-terroriżmu;

(b)  Servizzi ta' rijabilitazzjoni vokazzjonali biex jgħinu lill-vittmi li jsofru minn korrimenti u ħsara biex isibu impjiegi ġodda jew jibdlu l-karrieri;

(c)   Iffaċilitar ta' konnessjonijiet virtwali sikuri għall-vittmi ma' vittmi oħra u ma' gruppi ta' appoġġ immexxija mill-vittmi;

(d)   Servizzi ta' appoġġ ibbażati fuq il-komunita;

(e)   Servizzi li jinfurmaw lill-membri tal-familja dwar l-identifikazzjoni tal-vittmi u l-fdalijiet tagħhom u biex jintbagħtu lura l-fdalijiet tagħhom lejn pajjiżhom;

70.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li, meta mqabbel mal-Konvenzjoni ta' Istanbul, il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi huwa aktar limitat fir-rigward tal-protezzjoni tal-vittmi ta' vjolenza sessista (inklużi persuni affettwati mill-FGM); jilqa, madankollu, il-mekkaniżmu ta' obbligu ta' rendikont aktar b'saħħtu tad-Direttiva u jenfasizza li ż-żewġ strumenti għandhom jiġu promossi flimkien sabiex tiġi mmasimizzata l-protezzjoni offruta lill-vittmi ta' vjolenza sessista;

71.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu materjal ta' informazzjoni adegwat u għajnuna legali bla ħlas lill-vittmi tat-terroriżmu li jkunu wkoll partijiet fi proċedimenti kriminali, biex ikunu jistgħu jiksbu deċiżjoni dwar kumpens;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta' fond Ewropew ta' għajnuna lill-vittmi ta' atti terroristiċi;

73.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu:

  a) Sit web dedikat permanenti li minnu tkun tista' tiġi aċċessata l-informazzjoni pubblika kollha dwar is-servizzi ta' appoġġ stabbiliti wara li jkun seħħ attakk terroristiku f'dak l-Istat Membru, u li għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja, li għandha ssir disponibbli bħala kwistjoni ta' urġenza: id-dettalji ta' kuntatt ta' kwalunkwe organizzazzjoni responsabbli biex tipprovdi appoġġ u informazzjoni lill-vittmi, il-membri tal-familja u l-membri tal-pubbliku wara attakk terroristiku, u informazzjoni dwar l-attakk u miżuri stabbiliti bħala reazzjoni għalih, inkluża informazzjoni dwar is-sejbien jew il-kuntatt ma' vittmi nieqsa u miżuri biex jgħinu lill-vittmi jirritornaw lejn djarhom, li għandhom jinkludu:

i. Kif terġa' tinkiseb kwalunkwe proprjetà mitlufa bħala riżultat ta' attakk;

ii. Reazzjonijiet psikoloġiċi normali ta' vittmi ta' attakk u gwida lill-vittmi dwar modi kif tiġi mmitigata kwalunkwe reazzjoni negattiva, u informazzjoni dwar korrimenti mhux viżibbli possibbli, bħal pereżempju t-telf tas-smigħ;

iii. Informazzjoni dwar kif jiġu ssostitwiti dokumenti ta' identifikazzjoni;

iv. Informazzjoni dwar kif tikseb assistenza finanzjarja, kumpens jew benefiċċji tal-gvern;

v. Informazzjoni dwar id-drittijiet speċifiċi tal-vittmi tat-terroriżmu u l-membri tal-familja, inklużi d-drittijiet fi proċedimenti kriminali kif preskritt fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi;

vi. Kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa meħtieġa sabiex tiżgura li l-vittmi jkunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, is-sikurezza tagħhom, jew is-servizzi disponibbli għalihom;

b)   Sit web b'aċċess privat, disponibbli għall-vittmi ta' attakki terroristiċi u l-membri tal-familja tagħhom, li jipprovdi informazzjoni lill-vittmi li mhix pubblikament disponibbli;

c)   Ippjanar dwar kif il-membri tal-familja jiġu infurmati dwar is-sitwazzjonijiet tal-vittmi;

d)   Il-ġbir uniformi tal-informazzjoni dwar il-vittmi mill-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet kollha responsabbli għall-akkoljenza, it-trattament u l-assistenza tal-vittmi; l-informazzjoni għandha tinġabar b'mod konformi mal-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet kollha involuti fir-rispons għal attakk terroristiku u b'appoġġ għall-vittmi u l-familji tagħhom;

74.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu netwerk nazzjonali ta' servizzi ta' appoġġ għall-vittmi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn dawn l-organizzazzjonijiet u għall-varar ta' gruppi ta' ħidma biex jiġu kkondiviżi l-aħjar prattiki, jiġi żviluppat it-taħriġ u tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-vittmi tal-kriminalità;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu mal-Istati Membri sabiex jonqsu d-diskrepanzi kbar[16] fil-kumpens finanzjarju nazzjonali mogħti minn kull Stat Membru lill-vittmi ta' attakki terroristiċi;

76.  Jenfasizza li huwa essenzjali li l-Istati Membri jirreaġixxu mal-vittmi tal-kriminalità b'mod rispettuż, sensittiv u professjonali sabiex jinkoraġġixxu lill-vittmi tal-kriminalità jirrapportaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-persunal mediku;

77.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-hotline ta' emerġenza 112 ikun għalkollox aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u li jiġu varati kampanji biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwaru;

78.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta, malajr kemm jista' jkun, strateġija Ewropea għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull vjolenza sessista, inkluż att legali biex jappoġġja lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u t-trażżin tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u ta' vjolenza sessista; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill jattiva l-klawżola "passerelle" billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet kif ukoll forom oħrajn ta' vjolenza sessista bħala reat kriminali skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

79.   Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi għall-irkupru ta' ħlasijiet ta' kumpens adegwati mingħand l-awturi tar-reat;

80.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effiċjenti, b'riżorsi ekonomiċi u finanzjarji biżżejjed u b'kooperazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni u atturi rilevanti oħra, inkluża s-soċjetà ċivili, id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi;

81.   Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-prijorità tas-salvagwardja tas-sigurtà personali u l-protezzjoni tal-individwi kollha mill-vjolenza sessista u interpersonali fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà;

o

o    o

82.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 131, 20.5.2017, p. 11.
  • [2]  ĠU L 131, 20.5.2017, p. 13.
  • [3]  ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.
  • [4]  ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.
  • [5]  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.
  • [6]  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
  • [7]  ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.
  • [8]  ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
  • [9]  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
  • [10]  Testi Adottati, P8_TA(2017)0501.
  • [11]  ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39.
  • [12]  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 15.
  • [13]  Testi adottati, P8_TA(2017)0329.
  • [14]  Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul.
  • [15]  Sentenza tal-Awla tas-16 ta' Lulju 2009, Féret vs il-Belġju, C-573.
  • [16]  Il-kumpens finanzjarju nazzjonali jvarja minn euro simboliku f'ċerti Stati Membri għal EUR 250 000 u aktar f'oħrajn.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Jan Philipp Albrecht, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Michał Boni, Caterina Chinnici, Anna Maria Corazza Bildt, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Eva Joly, Dietmar Köster, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Barbara Kudrycka, Florent Marcellesi, Louis Michel, Angelika Mlinar, Claude Moraes, Maria Noichl, Ivari Padar, Marijana Petir, Pina Picierno, Judith Sargentini, Branislav Škripek, Michaela Šojdrová, Helga Stevens, Ernest Urtasun, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Coelho, Andrejs Mamikins, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Evelyn Regner, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Esther Herranz García, Verónica Lope Fontagné, Patricija Šulin

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

42

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Nathalie Griesbeck, Sophia in 't Veld, Louis Michel, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz

EFDD

Kristina Winberg

GUE/NGL

Malin Björk, Cornelia Ernst

PPE

Asim Ademov, Michał Boni, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Esther Herranz García, Monika Hohlmeier, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Barbara Kudrycka, Verónica Lope Fontagné, Patricija Šulin, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

S&D

Francisco Assis, Vilija Blinkevičiūtė, Caterina Chinnici, Tanja Fajon, Sylvie Guillaume, Dietmar Köster, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Maria Noichl, Ivari Padar, Pina Picierno, Evelyn Regner, Julie Ward, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Jan Philipp Albrecht, Eva Joly, Florent Marcellesi, Judith Sargentini, Ernest Urtasun

4

-

ECR

Branislav Škripek

PPE

Marijana Petir, Michaela Šojdrová, Anna Záborská

2

0

ECR

Helga Stevens

NI

Udo Voigt

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Mejju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza