RAPPORT dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-UE
17.5.2018 - (2017/2224(INI))
Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Krystyna Łybacka
Rapporteur għal opinjoni (*):
Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
(*) Kumitat assoċjat – l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
- MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- NOTA SPJEGATTIVA
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
- OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
- INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
- VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titlu "Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa" (COM(2011)0567),
– wara li kkunsidra d-dritt għall-edukazzjoni kif definit fl-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ[1],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2015 dwar ir-rwol tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni primarja fit-trawwim tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenza diġitali[3],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titlu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa" (COM(2016)0381) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2017 dwar "Aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa"[4],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, rigward id-dritt għall-edukazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Protokoll 1 għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1904 (2012) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-dritt għal-libertà tal-għażla fl-edukazzjoni,
– wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) bit-titlu "Il-prijoritajiet il-ġodda tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ"[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi "Erasmus+": il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE[6],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tas-17 ta' Marzu 2015 dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni;
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar is-segwitu għall-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja[7],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titlu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa – Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (SDW(2016)0195),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE[8],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2016 bit-titlu "Perkorsi ta' titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti"[9],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2016 bit-titlu "It-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni" (COM(2016)0941),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2017 bit-titlu "L-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti għal bidu tajjeb fil-ħajja" (COM(2017)0248),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2017 bit-titlu "Aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja" (COM(2017)0247),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2017 dwar il-monitoraġġ tal-gradwati (COM(2017)0249),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2017 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi (SDW(2017)0322),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Novembru 2017 dwar "L-immodernizzar tal-edukazzjoni skolastika u għolja",
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2017 bit-titlu "Strateġija ġdida tal-UE għall-edukazzjoni",
– wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Jannar 2018 dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim (COM(2018)0023),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Jannar 2018 dwar "Il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja" (COM(2018)0024),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali[10],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Jannar 2018 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (COM(2018)0022),
– wara li kkunsidra r-rapport ta' konklużjoni tas-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir, li ġie organizzat f'Gothenburg, l-Iżvezja, fis-17 ta' Novembru 2017[11],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u l-kura fit-tfulija bikrija: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada, adottata fit-3090 Laqgħa tal-Kunsill dwar l-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport organizzata fid-19 u l-20 ta' Mejju 2011[12],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 1984 dwar il-libertà tal-edukazzjoni fil-Komunità Ewropea[13],
– wara li kkunsidra d-dritt għall-edukazzjoni kif definit fl-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja[14],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 bit-titlu "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)29), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwarha tal-5 ta' Lulju 2017[15],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR),
– wara li kkunsidra l-Karta tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Edukazzjoni għal Ċittadinanza Demokratika u l-Edukazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fil-qafas tar-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)7,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
– wara li kkunsidra l-Objettiv Strateġiku B tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing (1995),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 28 u 29 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata f'Settembru 2015 u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016, u b'mod partikolari, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 4 u 5,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0173/2018),
A. billi skont l-Artikolu 6e tat-TFUE, il-kompetenza fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija tal-Istati Membri, filwaqt li l-Unjoni Ewropea għandha rwol ta' appoġġ vitali biex tistabbilixxi l-isfidi u l-għanijiet u tippromwovi u tiskambja l-aħjar prattiki;
B. u billi d-dritt għall-edukazzjoni hu dritt fundamentali tal-bniedem u billi l-edukazzjoni fil-forom kollha tagħha u fil-livell kollha jenħtieġ li tippreżenta l-karatteristiċi interkonnessi u essenzjali li ġejjin: a) id-disponibilità; b) l-aċċessibilità; c) l-aċċettabilità; u d) l-adattabilità;
C. billi l-prijorità prinċipali tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa li jipprovdi edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja li jkunu inklużivi u ta' kwalità;
D. billi l-kisba ta' opportunitajiet indaqs hi funzjoni importanti tal-edukazzjoni, u l-aċċess għall-edukazzjoni jrid għalhekk isir nondiskriminatorju; billi għal dan il-għan, hemm bżonn ta' aktar sforzi biex jiġi żgurat li kulħadd, b'attenzjoni partikolari lil dawk l-aktar vulnerabbli, il-persuni b'diżabilità jew bi bżonnijiet speċjali, kif ukoll il-gruppi żvantaġġati, igawdi l-istess opportunitajiet li jaċċedi għall-edukazzjoni u t-taħriġ u u jikkompletahom, u li jikseb ħiliet fil-livelli kollha;
E. billi s-sistemi edukattivi Ewropej jirrappreżentaw rikkezza enormi ta' diversità kulturali, soċjali u lingwistika, filwaqt li fl-istess ħin l-Istati Membri jikkondividu għanijiet u sfidi simili fl-edukazzjoni, fosthom l-iżgurar ta' aċċess ugwali għall-edukazzjoni għal kulħadd, li jistgħu jiġu indirizzati fil-livell Ewropew;
F. billi l-kapaċità tas-sistemi tal-edukazzjoni li jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjetali, ekonomiċi u personali tiddependi mill-kwalità, l-aċċessibilità, id-diversità, l-effiċjenza u l-ekwità tagħhom, kif ukoll mid-disponibilità ta' riżorsi umani, finanzjarji u materjali;
G. billi huwa importanti li jiġi mfakkar li l-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni tal-għalliema, intlaqtet mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, u li l-finanzjament pubbliku għall-edukazzjoni għandu rwol fundamentali fis-sistemi edukattivi tal-UE; billi, għalhekk, appoġġ finanzjarju pubbliku miżjud għall-edukazzjoni, fosthom għall-għalliema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, kif ukoll għar-riċerka, hu kruċjali biex tiġi żgurata edukazzjoni pubblika bla ħlas, inklużiva u aċċessibbli;
H. billi l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali u l-iżvilupp taż-żgħażagħ sabiex jagħmluhom ċittadini proattivi u responsabbli li jkunu lesti biex jgħixu u jaħdmu f'dinja teknoloġikament avvanzata u globalizzata u jipprovduhom b'sett ta' kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, definit bħala kombinazzjoni ta' għarfien, ħiliet u attitudnijiet meħtieġa għall-milja u l-iżvilupp personali, għaċ-ċittadinanza attiva u għall-impjieg;
I. billi l-kwalità tat-tagħlim tikkostitwixxi fattur determinanti importanti għar-riżultati tal-istudenti, u għalhekk appoġġ qawwi għall-eċċellenza fir-rigward tat-tagħlim u tal-edukaturi jikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet għall-kooperazzjoni fil-livell tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ;
J. billi d-dritt għall-edukazzjoni jinkludi l-libertà li jitwaqqfu stabbilimenti edukattivi, abbażi tar-rispett dovut għall-prinċipji demokratiċi u għad-dritt tal-ġenituri li jiżguraw li t-tfal tagħhom huma mgħallma u istruwiti skont il-konvinzjonijiet reliġjużi, filosofiċi u pedagoġiċi tagħhom;
K. billi l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni kif applikat għall-edukazzjoni jippermetti lill-Istati Membri joħolqu u jimplimentaw strateġija komuni għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluża wkoll il-pjattaforma online ET2020 (Edukazzjoni u Taħriġ 2020); billi l-parametri referenzjarji ta' din l-istrateġija huma analizzati u evalwati kull sena fil-pubblikazzjoni "Education and Training Monitor" (Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ), kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-UE kollha kemm hi;
L. billi fl-aħħar "Education and Training Monitor" ippubblikat fl-2017, il-Kummissjoni irrikonoxxiet li minkejja progress kontinwu fit-tnaqqis tal-għadd ta' studenti bi tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, l-għadd tagħhom xorta għadu għoli ħafna fl-UE;
M. billi skont ir-riżultati tal-aħħar testijiet testijiet ta' PISA, 20,6 % tal-istudenti Ewropej jiffaċċjaw problemi fl-akkwist ta' ħiliet bażiċi fl-oqsma tal-qari, il-matematika u x-xjenza, u għadd sinifikanti ta' ċittadini Ewropej għandhom nuqqas ta' ħiliet ta' litteriżmu; billi dan huwa joħloq tħassib serju f'termini ta' tagħlim ulterjuri, żvilupp personali, u parteċipazzjoni adegwata fil-ħajja pubblika u fis-suq tax-xogħol;
N. billi l-iżgurar ta' aċċess għall-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC) għat-tfal kollha huwa essenzjali sabiex dawn igawdu minn bidu pożittiv fil-ħajja u fil-perkorsi edukattivi tagħhom;
O. billi l-kwalità tal-persunal hija fattur fundamentali għas-servizzi tal-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal;
P. billi l-promozzjoni tal-mobilità tal-istudenti u tal-persunal hija parti importanti mis-sistemi ta' edukazzjoni ogħla Ewropej, u tikkontribwixxi għall-iżvilupp taż-żgħażagħ u tista' tistimula l-progress ekonomiku u soċjali; billi hemm bżonn ta' titjib kwalitattiv u aktar appoġġ finanzjarju bl-għan li tikber il-mobilità tal-istudenti u tal-persunal fl-ambitu ta' Erasmus+;
Q. billi l-innovazzjonijiet metodoloġiċi u diġitali jikkostitwixxu strument potenzjali għall-estensjoni tal-aċċess għall-kontenut u l-għarfien, iżda ma għandhomx jissostitwixxu l-kuntatt personali u l-iskambju fost l-istudenti u bejn l-istudenti u l-għalliema, u lanqas ma għandhom isiru l-prijorità tas-sistemi ta' edukazzjoni;
R. billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li huwa minqux fit-Trattati u għandu jiġi rifless fil-politiki kollha tal-UE, u, bl-istess mod, anki fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura;
S. billi l-edukazzjoni hija għodda b'saħħitha biex jingħelbu l-inugwaljanzi bejn is-sessi u d-dikriminazzjoni, iżda tista' sikwit tirriproduċi jew taggrava d-diskriminazzjoni eżistenti; billi l-inugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni tostakola kemm l-iżvilupp personali kif ukoll l-impjieg, u taffettwa ħafna oqsma soċjokulturali;
T. billi, minkejja l-fatt li n-nisa jammontaw għal 3 minn kull 5 (57,6 %) tal-gradwati kollha fl-edukazzjoni għolja, id-differenza fl-impjieg bejn il-ġeneri kienet 11,6 % fl-2015;[16]
L-għarfien bħala riżorsa ekonomika ewlenija u sors ta' benesseri taċ-ċittadini
1. Jiddikjara li l-edukazzjoni ta' kwalità universali hija komponent kruċjali tal-iżvilupp personali, kulturali, soċjali u professjonali f'soċjetà msejsa fuq l-għarfien;
2. Iqis li s-salvagwardja tal-valuri komuni Ewropej u tal-ksib tal-għanijiet ekonomiċi u soċjali tal-UE kif ukoll dawk tal-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli huma marbuta ma' edukazzjoni ta' kwalità permezz tal-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem, il-koeżjoni soċjali, l-integrazzjoni u s-suċċess individwali;
3. Jissottolinja r-rwol kruċjali fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa, kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment, filwaqt li tipprovdi għall-ħtiġijiet għall-bżonnijiet taċ-ċittadini u tibni komunità ta' ċittadini differenti uniti permezz tal-valuri ewlenin komuni tagħhom;
4. Jissottolinja li s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva u l-valuri komuni, u bħala tali jgħinu biex isawru soċjetà miftuħa, inklużiva, pluralista, demokratika u tolleranti;
5. Jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni biex tgħin lill-istudenti jiżviluppaw valuri etiċi u ċiviċi u jsiru membri tas-soċjetà attivi, responabbli u b'moħħhom miftuħa li jkunu kapaċi jeżerċitaw u jiddefendu d-drittijiet demokratiċi u r-responsabilitajiet tagħhom fis-soċjetà, japprezzaw id-diversità, jiżvolġu rwol attiv fil-ħajja demokratika u jieħdu r-responsabilità għalihom infushom u għall-komunitajiet tagħhom; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' edukazzjoni ċivika, etika, ambjentali u taċ-ċittadinanza;
6. Jenfasizza li sabiex iż-żgħażagħ jikkonfrontaw l-isfidi, isiru ċittadini Ewropej attivi u jkunu ta' suċċess f'ħajjithom u fis-suq tax-xogħol filwaqt li jsawru wkoll il-ġejjieni tad-dinja, edukazzjoni ta' kwalità u inklużiva trid tipprovdilhom l-għarfien, il-ħiliet il-litteriżmu medjatiku u l-ħsieb kritiku u awtonomu meħtieġa, kif ukoll attitudnijiet demokratiċi;
7. Jissottolinja l-fatt li l-iżgurar ta' aċċess ugwali għal edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità huwa kruċjali għall-kisba ta' koeżjoni soċjali kontinwa billi jiġġieled il-faqar, l-esklużjoni soċjali ta' nies bi sfondi żvantaġġati u vulnerabbli, u l-istereotipi tal-ġeneri, u għaldaqstant għadu l-akbar għajnuna għall-mobilità soċjali;
8. Jinnota l-fatt li edukazzjoni ta' kwalità tista' trawwem ir-riċerka u l-innovazzjoni rilevanti għas-soċjetà u ta' benefiċċju għaliha;
9. Jirrikonoxxi l-importanza tal-edukazzjoni fl-iżvilupp ta' kompetenzi kulturali u fl-inkoraġġiment tal-iżvilupp kulturali; jinkoraġġixxi sinerġiji aktar mill-qrib bejn is-settur tal-edukazzjoni u dak kulturali, li għandhom jinkisbu billi jiġi appoġġat rwol attiv għall-kultura u l-arti f'kuntesti edukattivi formali, informali u mhux formali;
10. Jinnota r-rwol li l-edukazzjoni tiżvolġi fl-iżvilupp ta' attitudnijiet ta' tagħlim tul il-ħajja li jgħinu lin-nies jadattaw għall-eżiġenzi li qed jinbidlu tad-dinja moderna;
11. Ifakkar li l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi jiżvolġu rwol ewlieni fil-ħolqien u t-trawwim ta' attitudni pożittiva lejn it-tagħlim, anki t-tagħlim tul il-ħajja;
Ir-realtà edukattiva li qed tinbidel u l-isfidi relatati
12. Jemmen li approċċ komprensiv għall-politika dwar l-edukazzjoni, b'appoġġ politiku u pubbliku qawwi, huwa kruċjali għall-proċess tar-riforma edukattiva, u li sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet huwa essenzjali li jiġu involuti kemm is-soċjetà b'mod ġenerali kif ukoll l-atturi rilevanti u interessati kollha, inklużi l-ġenituri;
13. Iqis li governanza effettiva u finanzjament adegwat għall-istabbilimenti edukattivi kollha, riżorsi u tagħlim edukattivi ta' kwalità moderni, għalliema motivati u kompetenti, u tagħlim tul il-ħajja huma kruċjali għall-kisba tal-ekwità, id-dversità u l-eċċellenza fl-edukazzjoni;
14. Jenfasizza l-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) u l-innovazzjoni, bħala strumenti biex jiġu offruti opportunitajiet ġodda fl-edukazzjoni, jintlaħqu b'mod aktar effettiv il-ħtiġijiet ta' studenti individwali (inklużi l-ħtiġijiet edukattivi speċjali), u tiżdied il-flessibilità fit-tagħlim, il-personalizzazzjoni u r-responsabilità, kif ukoll jitrawmu forom interattivi ta' kooperazzjoni u komunikazzjoni;
15. Jisħaq fuq l-opportunitajiet li d-diġitalizzazzjoni u l-istabbiliment ta' pjattaformi edukattivi komuni joffru għall-edukazzjoni moderna, speċjalment f'termini ta' tagħlim mill-bogħod, edukazzjoni mill-bogħod, u t-tagħlim imħallat, li għandhom jippermetti aktar flessibilità fl-edukazzjoni billi jfassluha b'mod eqreb għas-sitwazzjonijiet ta' għajxien individwali tal-istudenti u b'hekk ikunu ta' benefiċċju għat-tagħlim tul il-ħajja, għall-kwalità tal-edukazzjoni, għall-aċċessibilità u għall-iżvilupp ta' ħiliet futuri; jenfasizza l-ħtieġa li l-kurrikuli tal-ICT u tal-media jkunu xierqa għall-età u li jirrispettaw l-iżvilupp u l-benesseri tat-tfal u jenfasizzaw l-importanza kemm tal-użu responsabbli kif ukoll tal-ħsieb kritiku;
16. Josserva li t-tagħlim effikaċi permezz ta' teknoloġiji moderni jeħtieġ aċċess ugwali, livell kompetenti ta' ħiliet diġitali, riżorsi tat-tagħlim ta' kwalità, taħriġ fl-adattament tat-teknoloġija għal skopijiet pedagoġiċi u l-promozzjoni tal-attitudnijiet u l-motivazzjoni meħtieġ għal parteċipazzjoni diġitali sinifikattiva; jemmen li l-ħiliet tal-litteriżmu diġitali u medjatiku għandhom ikunu parti essenzjali mill-politiki tal-edukazzjoni u jinkludu, fost l-oħrajn, il-kompetenzi ċiviċi u l-ħsieb kritiku; jenfasizza l-importanza ta' valutazzjoni kritika tas-sorsi u l-affidabilità tagħhom, u ta' proġetti ta' litteriżmu medjatiku f'dan ir-rigward;
17. Jirrikonoxxi li f'dinja dejjem aktar globalizzata u diġitalizzata, huwa meħtieġa metodi ta' tagħlim u ta' valutazzjoni innovattivi u rilevanti, kif ukoll infrastruttura edukattiva adegwata li tippermetti l-ħidma fi gruppi u t-tagħlim f'tim, u tistimula l-ħsieb kreattiv u s-soluzzjoni tal-problemi flimkien ma' metodi edukattivi progressivi oħrajn; ifakkar fl-importanza tal-involviment tal-għalliema, l-istudenti u persunal ieħor tal-iskejjel fil-valutazzjoni ta' jekk intlaħqux l-objettivi ta' tagħlim, u kif intlaħqu;
18. Jinnota li jinħtieġu aktar sforzi biex il-paradigma edukattiva tiġi adattata biex tibbilanċja approċċ iffokkat fuq l-għalliem kif ukoll fuq il-kontenut, li tkun aktar adatta individwalment u speċifikament għall-istudenti u ċ-ċirkustanzi tal-għajxien tagħhom, b'approċċ iffokat fuq il-komprensjoni, li jgħaqqad flimkien metodi ta' tagħlim adatti għall-mudell tat-tagħlim tradizzjoni kif ukoll online, biex b'hekk tissaħħaħ il-personalizzazzjoni tal-proċess edukattiv u b'dan il-mod jiżdiedu r-rati ta' żamma u ikkompletar;
19. Jenfasizza li s-sistemi edukattivi għandhom jippromwovu l-approċċi interdixxiplinari, kooperattivi u kreattivi u x-xogħol f'tim bil-għan li l-istudenti jiġu mgħammra bl-għarfien u l-ħiliet, inklużi ħiliet trażversali u mhux tekniċi, kif ukoll kompetenzi professjonali, trażversali, soċjali u ċiviċi;
20. Ifakkar li l-ksib ta' tagħlim ta' kwalità huwa proċess kontinwu li jinkludi d-djalogu, sens ta' kondiviżjoni u kurżità, u għandu jingħata prijorità fil-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni;
21. Jenfasizza li l-iffaċilitar ta' aċċess ugwali għal edukazzjoni inklużiva ta' kwalità huwa essenzjali għall-indipendenza u l-integrazzjoni fis-soċjetà ta' studenti b'diżabilità; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għal edukazzjoni ewlenija ("mainstream") inklużiva u ta' kwalità, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-istudenti kollha b'kull tip ta' diżabilità, li jfisser, pereżempju, li tiġi pprovduta edukazzjoni inklużiva bilingwi għat-tfal neqsin mis-smigħ fir-rigward tal-ħtiġijiet lingwistiċi speċjali tagħhom; jistieden lill-iskejjel jipprovdu servizzi differenzjati kemm formali kif ukoll informali, u appoġġ imsaħħaħ, waqt li jużaw ukoll il-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda sabiex jiġu moqdija l-bżonnijiet individwali tal-istudenti kollha; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-iskejjel fir-rigward tal-politika tagħhom ta' aċċettazzjoni ta' kulħadd, u tistabbilixxi indikaturi speċifiċi għad-diżabilità fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020;
22. Jemmen li l-edukazzjoni Ewropea jeħtieġ li tfittex qabelxejn l-iżvilupp tar-raġunament, ir-riflessjoni u l-kurżità xjentifika; li hija trid tkun kapaċi tibni fuq il-bażi ta' kultura umanistika artistika, xjentifika u teknika; u li, hekk kif tibda mir-realtà prattika tal-ħajja lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropea, hija għandha tagħti t-taħriġ neċessarju biex tirrisolvi problemi nazzjonali u Ewropej u tqajjem kuxjenza dwar il-problemi fi ħdan il-komunità internazzjonali;
23. Jirrikonoxxi r-realtà tad-differenzi individwali fil-kapaċitajiet konjittivi u l-karatteristiċi tal-personalità li jinteraġixxu ma' fatturi soċjali u ambjentali, u jinfluwenzaw l-eżiti edukattivi; jissottolinja f'dan il-kuntest li l-edukazzjoni hija aktar effiċjenti, ekwa u ġusta meta jittieħed kont ta' dawn id-differenzi;
24. Jirrikonoxxi li, f'dinja kompetittiva, huwa essenzjali li t-talent Ewropew jiġi identifikat u promoss kmieni kemm jista' jkun;
25. Jenfasizza li t-titjib fir-riżultati fl-ambitu edukattiv huwa kompatibbli, b'mod medju, mal-promozzjoni tal-eċċellenza fost l-istudenti b'talenti; jinnota, f'dan il-kuntest, l-importanza tat-tfassil ta' programmi ta' intervent xierqa sabiex jissaħħu l-karatteristiċi psikoloġiċi rilevanti għall-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-persuni;
26. Jenfasizza l-bżonn li tingħata importanza lill-litteriżmu viżiv bħala ħila ġdida tal-ħajja, filwaqt li jirrikonoxxi li llum il-ġurnata, in-nies qed jikkomunikaw aktar permezz tal-immaġnijiet milli permezz tal-mezzi tradizzjonali;
27. Jinnota l-proposta li tinħoloq Żona Ewropea ta' Edukazzjoni, ippreżentata fis-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir, li ġie organizzat f'Gothenburg fl-2017; ifakkar li din l-inizjattiva għandha trawwem il-kooperazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u l-kwalifiki, u aktar mobilità u tkabbir;
28. Jappoġġja l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2017 li jitolbu li titjieb il-mobilità u l-parteċipazzjoni tal-istudenti fl-edukazzjoni u fl-attivitajiet kulturali, fosthom permezz ta' "Kard Ewropea tal-Istudenti", li għandha tiffaċilita r-rikonoxximent ta' krediti universitarji miksuba fi Stati Membri oħra;
29. Jemmen li Erasmus+ huwa l-programm emblematiku tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni, u li l-impatt u l-popolarità tiegħu ġew evidenzjati għalkollox tul is-snin; jappella, għalhekk, għal żieda sostanzjali fil-finanzjament għal dan il-programm fil-QFP 2021-2027, sabiex il-programm isir aktar aċċessibbli u inklużiv u jkun jista' jilħaq aktar studenti u għalliema;
30. Jissottolinja li l-qgħad taż-żgħażagħ huwa fenomenu li jinstab fl-Ewropa kollha li skont ir-rapporti jammonta għal madwar id-doppju tar-rata medja tal-qgħad ġenerali; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rati għolja b'mod allarmanti fl-Istati Membri tal-Mediterran, li huma l-aktar għoljin fi Spanja (44,4 %), l-Italja (37,8 %) u fil-Greċja (47,3 % taż-żgħażagħ huma qiegħda waqt li 30,5 % taż-żgħażagħ huma NEETs, skont l-Eurostat;
31. Josserva li minkejja ż-żewġ miljun impjieg battal li jeżistu fl-UE, aktar minn 30 % taż-żgħażagħ kwalifikati b'diplomi qed jaħdmu f'impjiegi li ma jaqblux mal-ħiliet jew l-aspirazzjonijiet tagħhom, filwaqt li 40 % tal-impjegaturi Ewropej isibuha diffiċli biex isibu ħaddiema bil-ħiliet li jeħtieġu l-impjegaturi[17];
32. Jafferma l-ħtieġa li s-sistemi ta' edukazzjoni fil-livelli kollha jżommu perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi li tieħu kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jbatu minn forom multipli ta' diskriminazzjoni, inklużi l-persuni b'diżabilità, persuni li jidentifikaw ruħhom bħala LGBTI u persuni li jkunu ġejjin minn komunitajiet emarġinati;
Edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC)
33. Jenfasizza li ECEC ta' kwalità u aċċessibbli toħloq pedament għal sistemi tal-edukazzjoni aktar ekwitabbli u effettivi, u tiżgura l-iżvilupp personali individwali, il-benesseri u l-effikaċja ta' tagħlim ulterjuri;
34. Jenfasizza l-benefiċċji kbar għat-tfal kollha, speċjalment dawk minn gruppi żvantaġġati, li jattendu ECEC, u jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza li jiġi żgurat li kull tifel u tifla jkun jista' jkollhom aċċess għall-ECEC; josserva bi tħassib, f'dan ir-rigward, li f'diversi Stati Membri, id-domanda għal postijiet ECEC hija akbar mill-provvista, speċjalment għal tfal iżgħar;
35. Jissottolinja l-importanza tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-ECEC, ħalli t-tfal ikunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet konjittivi tagħhom u jiġi ddeterminat jekk humiex qed jiġu moqdija l-aħjar interessi tat-tfal;
Edukazzjoni skolastika
36. Jara lill-iskejjel kollha bħala ċentri għat-trawwim tal-ħsieb kritiku u kreattiv u għall-promozzjoni tal-valuri demokratiċi u ċ-ċittadinanza attiva; iqis li l-iskejjel għandhom jiffukaw fuq l-għajnuna għaż-żgħażagħ biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jifhmu u jużaw l-informazzjoni disponibbli, kif ukoll biex jiżviluppaw l-awtonomija fit-tagħlim u l-profiċjenza lingwistika;
37. Jirrimarka li l-bżonnijiet speċifiċi tal-istudenti kollha għandhom ikunu fiċ-ċentu tal-funzjonament effikaċi tal-iskejjel skola, li jeħtieġ l-istabbiliment ta' objettivi konġunti u aġenda ċara għall-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-komunità tal-iskola kollha u l-persuni interessati, fejn xieraq;
38. Iqis li l-kurrikuli moderni għandhom ikunu mmexxija mill-kompetenzi, għandhom isaħħu l-ħiliet personali u l-kompetenza ta' ġestjoni ta' ħajja orjentata għall-futur u konxja dwar is-saħħa u għandhom jiffokaw fuq valutazzjoni formattiva u fuq il-benesseri fiżiku u emozzjonali tal-istudenti; jemmen li kull student għandu jkollu l-possibilità li jwettaq il-potenzjal intellettwali tiegħu; jenfasizza li l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-ħiliet hu proċess kontinwu, li jopera fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, u li l-ħiliet u l-kompetenzi għandhom jitqiesu kemm fil-proċess edukattiv u kemm fir-rikonoxximent ta' kwalifiki edukattivi;
39. Jissottolinja li l-kisba ta' ħiliet bażiċi ta' litteriżmu u numeriżmu hija fundamentali għat-tagħlim ulterjuri, l-iżvilupp personali u l-kisba tal-kompetenza diġitali tal-istudenti; jenfasizza li l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020) u l-Aġenda Ġdida tal-Ħiliet tal-Kummissjoni għandhom jikkomplementaw l-azzjonijiet nazzjonali u jappoġġjaw l-Istati Membri f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet edukattivi jsaħħu l-ħiliet bażiċi permezz ta' tagħlim ibbażat fuq il-proġetti u l-problemi, fost soluzzjonijiet oħra;
40. Jinnota li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li ħadd ma jtemm l-iskola mingħajr ħiliet bażiċi, inklużi ħiliet diġitali bażiċi; jenfasizza l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-impjiegi llum 'il ġurnata jirrikjedu livelli ogħla ta' litteriżmu, numeriżmu, litteriżmu diġitali u ħiliet kruċjali oħra, u li s-sistemi ta' edukazzjoni moderni għandhom għaldaqstant jgħaqqdu t-tmien kompetenzi ewlenin deskritti fil-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, li jinkludi wkoll l-għarfien u l-attitudnijiet; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li din il-proposta tiddefinixxi wkoll il-ħiliet diġitali bħala ħiliet bażiċi;
41. Iqis li, minkejja l-impatt ta' teknoloġiji ġodda fuq l-edukazzjoni, l-iskola xorta għandha tibqa' ambjent fundamentali tat-tagħlim fejn il-potenzjalitajiet jiġu żviluppati, u fejn kull individwu jista' jsib l-ispazju u l-ħin għal tkabbir personali u soċjali;
42. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għoti ta' aktar awtonomija lill-iskejjel fir-rigward tal-kurrikuli, l-evalwazzjoni u finanzjament, irriżulta fi prestazzjoni aqwa mill-istudenti, dejjem jekk hemm governanza effikaċi fl-iskola u rendikont mill-iskola stess għat-tagħlim tal-istudenti;
43. Jenfasizza l-impatt pożittiv tad-diversità kulturali u l-multilingwiżmu fl-iskejjel fuq l-iżvilupp lingwistiku u konjittiv tal-istudenti, kif ukoll fuq il-promozzjoni tal-kuxjenza interkulturali, ir-rispett u l-pluraliżmu;
44. Jenfasizza l-bżonn li jissaħħaħ it-tagħlim ta' lingwi bil-ħsieb li persuna titkellem żewġ lingwi barra mil-lingwa materna u li jiġi promoss fil-livell tal-iskejjel sekondarji t-tagħlim ta' tal-anqas żewġ suġġetti f'lingwa li ma tkunx lingwa materna;
45. Jirrimarka li l-iskambji tal-iskejjel sekondarji jikkontribwixxu ħafna sabiex jinkoraġġixxu l-istudenti jiksbu abilitajiet, ħiliet, attitudnijiet u valuri intrinsiċi għaċ-ċittadinanza dinamika Ewropea u biex jiżviluppaw ħsieb kritiku kostruttiv;
46. Jenfasizza l-bżonn li l-iskejjel ikunu aktar miftuħa sabiex jippermettu r-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali, tranżizzjonijiet b'anqas xkiel bejn toroq edukattivi differenti (bħal pereżempju tekniċi u akkademiċi);
47. Jissottolinja li l-istudenti għandhom jiġu mħeġġa jużaw tekniki ta' awtovalutazzjoni biex ikejlu l-progress fit-tagħlim tagħhom; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet edukattivi jiżguraw li l-għodda tal-feedback jipprovdu informazzjoni affidabbli billi jużaw taħlita ta' diversi strumenti, bħal kwestjonarji ta' studenti, gruppi ta' fokus u kaxex għas-suġġerimenti;
48. Jenfasizza l-importanza ta' ħajja attiva permezz tal-isport; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-bżonn li l-attività fiżika u l-edukazzjoni fiżika jiġu promossi u jingħataw rwol estiż fil-kurrikuli edukattivi fil-livelli kollha, b'possibilitajiet imtejba għall-iżvilupp ta' kooperazzjoni bejn l-istabbilimenti edukattivi u l-organizzazzjonijiet tal-isport lokali; jinkoraġġixxi wkoll l-inizjattivi edukattivi u l-attivitajiet extrakurrikulari bl-għan li jappoġġjaw il-ksib tal-ħtiġijiet u l-interessi individwali tal-istudenti filwaqt li anke jibnu konnessjonijiet mal-komunitajiet lokali;
49. Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni ta' kwalità, taħriġ vokazzjonali u attivitajiet komunitarji u volontarji biex jgħinu biex jogħla l-istatus ta' vokazzjonijiet ibbażati fuq ix-xogħol;
50. Jinnota li għadd konsiderevoli ta' impjiegi ġodda qed jinħolqu f'industriji relatati mal-enerġija rinnovabbli, u li għaldaqstant is-setturi u l-impjiegi ekoloġiċi għandhom jiġu indirizzati fil-kurrikula tal-iskejjel;
51. Jenfasizza li l-ħiliet tal-ġestjoni tal-informazzjoni, il-ħsieb kritiku u l-ħila li wieħed juża l-għarfien miksub huma għanijiet kruċjali tal-edukazzjoni akkademika;
52. Jirrikonoxxi n-neċessità li jissaħħaħ it-triangolu tal-għarfien u li jittejbu r-rabtiet bejn ir-riċerka u t-tagħlim billi jiġu allokati riżorsi adegwati għall-programmi rilevanti u billi jiġi żgurat li l-istudenti involuti fi programmi ta' riċerka jingħataw il-mezzi finanzjarji biex iwettqu r-riċerka tagħhom;
53. Jemmen li sistemi ta' edukazzjoni għolja għandhom ikunu aktar flessibbli u miftuħa, u li għandhom ikunu promossi mogħdijiet ta' taħriġ b'alternanza fl-universitajiet u fl-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ulterjuri, b'mod partikolari billi jiġu inkoraġġiti l-apprendistati, u b'hekk jingħata lok għar-rikonoxximent tat-tagħlim informali u mhux formali, u jkunu żgurati tranżizzjonijiet b'inqas intoppi bejn bejn il-livelli differenti tal-edukazzjoni, inkluża dik bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u l-edukazzjoni ogħla, kif ukoll diversi forom ta' twettiq tal-programmi; jenfasizza li dan għandu jkun ibbażat fuq komprensjoni aħjar tal-prestazzjoni tal-gradwati;
Edukazzjoni għolja
54. Jenfasizza, fil-kuntest tal-ħolqien ta' Żona Ewropea ta' Edukazzjoni, l-importanza li nappoġġjaw u nibnu fuq l-potenzjal tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja Ewropej kollha u tal-istudenti sabiex jiġi stimulati n-netwerking, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-kompetizzjoni;
55. Huwa tal-opinjoni li approċċ kumplessiv għall-internazzjonalizzazzjoni, inkluża mobilità akbar għall-persunal u l-istudenti (anki permezz ta' traineeships u apprendistati), u dimensjoni internazzjonali għall-kurrikulu, u għat-tagħlim, ir-riċerka, il-kooperazzjoni u attivitajiet addizzjonali, għandu jkun element importanti tal-istituzzjonijiet Ewropej ta' edukazzjoni għolja;
56. Huwa favur enfasi akbar fuq programmi ta' studju interdixxiplinari, u jinkoraġġixxi l-promozzjoni, b'mod parallel, tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika (STEAM) u tax-xjenzi umani u soċjali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tan-nisa u ta' gruppi oħra sottorappreżentati fis-suġġetti STEAM u l-professjonijiet rilevanti;
57. Huwa tal-fehma li l-edukazzjoni għolja trid tinvolvi ruħha mas-soċjetà ġenerali sabiex tippromwovi t-tkabbir innovattiv u l-benesseri soċjali; jemmen li l-kooperazzjoni bejn istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja (HEIs) u l-partijiet interessati esterni hija mixtieqa, għax dawn tal-aħħar jistgħu jikkontribwixxu l-għarfien u l-ħiliet espert fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' edukazzjoni għolja; jenfasizza, madankollu, li r-responsabilità għat-teħid ta' deċiżjonijiet trid dejjem tkun tal-istudenti u l-esperti tal-pedagoġija;
58. Jirrikonoxxi r-rwol ċentrali li jiżvolġu l-akkademiċi u l-istudenti fit-tixrid tal-għarfien, is-sejbiet u l-fatti empiriċi miksuba fost il-pubbliku ġenerali; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, riċerka li tkun ekonomikament u politikament indipendenti li hija rilevanti għas-soċjetà u toffrilha benefiċċji;
59. Jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni bbażata fuq ir-riċerka u r-riċerka pedagoġika bħala mezz biex jiġi stimulat it-tagħlim attiv, jissaħħaħ l-iżvilupp tal-ħiliet, u tittejjeb il-metodoloġija tat-tagħlim;
60. Jissottolinja li l-istudenti għandhom jiġu mħeġġa jużaw tekniki ta' awtovalutazzjoni biex ikejlu l-progress tagħhom fit-tagħlim;
L-għalliem bħala garanti ta' tagħlim ta' kwalità
61. Iqis li l-għalliema u l-ħiliet, l-impenn u l-effikaċja tagħhom huma l-bażi tas-sistemi tal-edukazzjoni;
62. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu attirati lejn il-professjoni tat-tagħlim iktar kandidati motivati bi sfondi akkademiċi jew professjonali sodi u b'kompetenzi pedagoġiċi; jitlob proċeduri ta' għażla adattata u miżuri u inizjattivi speċifiċi biex jittejbu l-istatus ta' għalliema, it-taħriġ, l-opportunitajiet professjonali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluża r-remunerazzjoni, li jiġu evitati forom ta' impjieg instabbli, id-drittijiet soċjali, is-sikurezza u l-protezzjoni, kif ukoll li l-għalliema jiġu pprovduti b'appoġġ li jinkludi programmi ta' mentoring, tagħlim bejn il-pari u skambju tal-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi ugwaljanza akbar bejn is-sessi fil-professjoni tat-tagħlim;
63. Jenfasizza l-importanza ta' riformi u investiment fl-edukazzjoni tal-għalliema, mill-fażi inizjali u matul l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, sabiex l-għalliema jingħataw għarfien solidu u aġġornat, ħiliet u kompetenzi essenzjali għal standard għoli ta' tagħlim, li jinkludi diversità fil-metodi ta' tagħlim, bħat-tagħlim mill-bogħod, permezz ta' teknoloġiji diġitali tat-tagħlim; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema, inkluż l-għoti ta' programmi ta' tagħlim tul il-ħajja u korsijiet ta' aġġornament u ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet matul il-karrieri tagħhom, li joffru soluzzjonijiet prattiċi għall-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-għalliema fix-xogħol tagħhom fil-livell tal-klassi, u opportunitajiet biex jipparteċipaw fi skambji internazzjonali ta' għalliema sabiex titrawwem kultura ta' tagħlim istituzzjonali;
64. Jaqbel li t-taħriġ pedagoġiku, psikoloġiku u metodoloġiku ta' kwalità għolja ta' għalliema tal-iskola u tal-edukazzjoni terzjarja u l-lekċerers huwa kundizzjoni ewlenija biex l-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri tkun suċċess; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-qsim tal-aħjar prattiki u l-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali, programmi ta' mobilità bħal Erasmus+ u apprendistati mħallsa fi Stati Membri oħra;
65. Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-għalliem fil-forniment ta' ambjent ta' tagħlim inklużiv li jirrikjedi l-applikazjoni ta' firxa ta' metodi u approċċi biex jissodisfaw ħtiġijiet differenti, u b'hekk l-istudenti kollha jkunu jistgħu jiġu involuti fit-tfassil, it-twettiq u l-valutazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim tagħhom; jirrikonoxxi l-funzjoni kruċjali tal-għalliema bħala gwidi u mentors proattivi li jgħallmu lill-istudenti kif jevalwaw l-informazzjoni, jadottaw rwol ta' appoġġ fil-konfront tal-isfidi, u jippreparaw lill-istudenti għall-ħajja;
66. Iqis li l-involviment tal-għalliema u l-mexxejja tal-iskejjel biex jiġu mmodernizzati s-sistemi tal-edukazzjoni huwa vitali għal proċessi ta' riforma effettivi u l-immotivar tal-persunal edukattiv għal titjib ulterjuri fil-politika tal-iskola;
67. Huwa tal-fehma li politika komprensiva tal-iskola trid tiggarantixxi appoġġ effikaċi għall-għalliema sabiex tiżgura l-kisba ta' miri edukattivi, ambjent tal-iskola abilitanti, skejjel li jaħdmu u jiżviluppaw b'mod effiċjenti u governanza kollaborattiva;
68. Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-edukaturi kif ukoll tal-kooperazzjoni bejn il-ġenituri, l-għalliema u l-awtoritajiet tal-iskejjel fi ħdan l-edukazzjoni formali, mhux formali u informali fl-appoġġ għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, kollaborazzjoni msaħħa fost l-atturi kollha fit-tagħlim formali, mhux formali u informali;
69. Huwa tal-fehma li kooperazzjoni msaħħa bejn l-għalliema, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi hija ta' benefiċċju għall-partijiet relatati kollha u tirriżulta f'titjib u aġġornament tal-kontenut tat-tagħlim, tal-prattiki tat-tagħlim u l-pedagoġija, kif ukoll trawwem l-innovazzjoni, il-kreattività u l-ħiliet ġodda;
Rakkomandazzjonijiet
70. Iqis li z-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għandha tiffoka fuq il-kisba ta' għanijiet komuni, inkluż l-iżgurar ta' tagħlim ta' kwalità għal kulħadd, u trid tkun imfassla fuq bażi ta' u evalwazzjoni kritika ta' politiki eżistenti u xejriet u ċifri edukattivi kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE, sabiex jiġu żgurati l-koerenza, il-konsistenza u riżultati li jistgħu jinkisbu, filwaqt li jingħata wkoll impetu ġdid lill-iżvilupp tagħhom u jiġu rispettati l-prinċipji tal-għoti, tas-sussidjarjetà, tal-libertà, tal-proporzjonalità u tal-awtonomija istituzzjonali u edukattiva;
71. Jemmen li ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni m'għandhiex tipperikola u lanqas tissostitwixxi l-Proċess ta' Bolonja u li dan tal-aħħar għandu pjuttost jiġi żviluppat u msaħħaħ; jisħaq fuq l-importanza ta' rabtiet reċiproċi u komplementari bejn iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni u ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja;
72. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħolqien ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u jsaħħu l-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-objettivi tagħha; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tiżgura l-iskambju ta' ideat u prattiki tajba bil-għan li jinkisbu dawn l-għanijiet;
73. Jappoġġa, bħala bażi għal aktar kooperazzjoni li tħaddan l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE, il-ħolqien ta' netwerk Ewropew ta' universitajiet, ibbażat fuq approċċ minn isfel għal fuq u inizjattivi tal-universitajiet stess, li għandu jikkontribwixxi, fost l-oħrajn, biex iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ssir spazju aktar innovattiv, vitali u attraenti għat-tagħlim u r-riċerka;
74. Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-edukazzjoni bħala investiment fil-kapital uman, u jipprovdu iktar finanzjament pubbliku ta' natura trasparenti għat-twettiq ta' inizjattivi bl-għan li tittejjeb il-kwalità, l-inklużività u l-ekwità fit-tagħlim;
75. Jenfasizza li investiment akbar fis-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ, kif ukoll fil-modernizzazzjoni u fl-aġġustament tagħhom, jikkostitwixxu kundizzjoni kruċjali għall-progress soċjali u ekonomiku; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li jiġi żgurat li l-investiment soċjali, speċjalment fl-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd, jingħata prijorità fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss tal-QFP 2020-2026;
76. Iħeġġeġ, fir-rigward tat-tisħiħ tal-inklużività u l-iżgurar tal-libertà tal-għażla fl-edukazzjoni, il-provvista ta' appoġġ finanzjarju adegwat għal skejjel tal-kategoriji u l-livelli kollha, skejjel statali u l-iskejjel privati mingħajr skop ta' qligħ, sakemm il-kurrikulu offrut ikun ibbażat fuq il-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jkun konformi mas-sistemi legali u r-regoli u regolamenti rigward il-kwalità tal-edukazzjoni u l-użu ta' tali fondi fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat;
77. Iqis li wasal iż-żmien biex isir l-investimenti neċessarju fl-infrastruttura edukattiva f'reġjuni inqas żviluppati, dejjem waqt li investiment ikkoordinat jiġi adattat għall-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjun ikkonċernat; jenfasizza f'dan ir-rigward, huwa partikolarment importanti li jkun jista' jingħata aktar appoġġ mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-fondi Ewropej għal inizjattivi reġjonali li għandhom l-għan li jiżviluppaw l-edukazzjoni;
78. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu skambju tal-esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar il-mekkaniżmi u l-metodi tal-finanzjament pubbliku, inkluż il-finanzjament abbażi tal-prestazzjoni u l-iffinanzjar tar-riċerka kompetittiv, bil-għan li tinkiseb diversifikazzjoni ta' finanzjament sostenibbli u trasparenti;
79. Jitlob kooperazzjoni msaħħa fost l-Istati Membri fl-immodernizzar tal-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jibdew l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li joffru mezzi li bihom jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-Ewropa permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja;
80. Jenfasizza r-rwol tas-Semestru Ewropew fil-promozzjoni ta' riformi nazzjonali, b'mod partikolari billi jiġu definiti r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-edukazzjoni;
81. Jistenna li l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali jappoġġa lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet edukattivi fl-użu miżjud, aktar effikaċi u aktar adegwat għall-era u l-iżvilupp ta' teknoloġija tal-ogħla livell fit-tagħlim mill-għalliema, fit-tagħlim tagħhom stess, tal-istudenti u fl-evalwazzjoni, li jkun jissodisfa standards ta' garanzija tal-kwalità; jemmen li kwalunkwe pjan ta' edukazzjoni diġitali għandu jistabbilixxi u jivvaluta regolarment ir-rabta bejn il-mezzi diġitali tal-edukazzjoni u l-oqfsa ta' kwalifiki bbażati fuq l-eżiti tat-tagħlim;
82. Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet edukattivi jippromwovu metodi ta' tagħlim individwalizzati u ċċentrati fuq min qed jitgħallem, inklużi korsijiet imfassla apposta li jkunu bbażati fuq u jgħaqqdu l-esperjenza akkademika u professjonali ta' min qed jitgħallem kif ukoll metodi innovattivi u interazzjoni bejn l-għalliema u l-istudenti, sabiex jiġu appoġġati l-edukazzjoni kontinwa u l-kisba ta' riżultati ppjanati tat-tagħlim fejn l-istudenti jkunu parteċipanti attivi fil-proċess ta' tagħlim tagħhom stess;
83. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw approċċ olistiku għall-edukazzjoni u jipprovdu lill-istudenti b'opportunitajiet ta' tagħlim speċifiċi u flessibbli, li jistgħu jgħammruhom bil-kompetenzi ċentrali biex jirnexxilhom jidħlu fis-suq tax-xogħol;
84. Jitlob biex jiġi inkorporat aktar tagħlim inkwiżittiv, attiv u ta' stħarriġ ibbażat fuq il-proġetti u l-problemi fi programmi edukattivi fil-livelli kollha, bil-għan li jiġu promossi l-kooperazzjoni u x-xogħol f'tim; jirrakkomanda li s-sistemi edukattivi jaħdmu biex isaħħu ħiliet trażversali, ħiliet mhux tekniċiu ħiliet tal-ħajja;
85. Itenni li d-dritt għall-edukazzjoni jrid jiġi ggarantit lil kull persuna b'diżabbiltà, mill-kindergarten sal-università, u jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm tagħmir għat-tagħlim u tagħmir tekniku xieraq, miżuri ta' valutazzjoni u persunal ikkwalifikat xierqa biex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabbiltà jkunu ġenwinament kapaċi jgawdu minn dan id-dritt;
86. Jappoġġa u jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku u l-ħsieb kritiku permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ; ifakkar fl-impenn eżistenti f'dan il-qasam, deskritt fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2016; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tikkoordina żviluppi ta' politika fil-livell tal-UE fil-qasam tal-litteriżmu medjatiku bil-għan li jinxterdu għarfien aġġornat u l-aħjar prattiki f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri speċifiċi sabiex jippromwovu u jappoġġaw il-proġetti tal-litteriżmu medjatiku u diġitali, bħall-proġett pilota dwar il-Litteriżmu Medjatiku għal Kulħadd, u biex jiżviluppaw strateġija komprensiva dwar il-politika tal-kompetenza diġitali, b'enfasi partikolari fuq l-edukazzjoni fl-iskola;
87. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw opportunitajiet biex jiżviluppaw kompetenzi ewlenin sabiex iżommu u jakkwistaw ħiliet filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil ħiliet bażiċi, dixxiplini STEAM, kompetenzi lingwistiċi, ħiliet intraprenditorjali, kompetenzi diġitali, kreattività, ħsieb kritiku u xogħol f'tim; Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-użu tal-Qafas tal-Kompetenzi Ewlenin tal-UE fl-ambjenti edukattivi kollha u biex jippermettu l-applikazzjoni tiegħu għat-tagħlim formali, mhux formali u informali, u b'hekk jiġi mmassimizzat il-potenzjal tiegħu bħala għodda kruċjali għat-tagħlim tul il-ħajja;
88. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza pubblika dwar it-tagħlim tul il-ħajja u jintegraw perspettiva tal-ġeneru fl-iżvilupp ta' politiki u programmi rilevanti, b'enfasi partikolari fuq in-nisa b'livelli baxxi ta' edukazzjoni, kemm f'żoni urbani kif ukoll rurali, biex dawn jingħataw opportunitajiet li jtejbu l-ħiliet tagħhom;
89. Jappoġġa l-parametru referenzjarjumiżjud tal-UE għall-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tipproponi rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li dan l-għan ambizzjuż jinkiseb; iħeġġeġ enfasi ikbar fuq it-tagħlim tul il-ħajja fil-livelli kollha tal-edukazzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fir-realizzazzjoni ta' strateġija ta' tagħlim tul il-ħajja, fl-edukazzjoni ta' persuni attivi professjonalment, fl-iżvilupp ta' kompetenzi u fil-formazzjoni ta' kultura tat-tagħlim għal persuni ta' kull età u bi sfondi differenti;
90. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp, il-promozzjoni u t-tisħiħ ta' programmi ta' taħriġ u ta' edukazzjoni li jiffaċilitaw it-tagħlim tal-adulti u l-inklużjoni attiva tagħhom fis-sistema edukattiva; ifakkar li t-tagħlim u l-edukazzjoni tal-adulti għandhom jipprovdu varjetà ta' toroq ta' tagħlim u opportunitajiet flessibbli ta' tagħlim, inkluż appoġġ lill-persuni biex iġestixxu t-toroq tagħhom ta' tagħlim tul il-ħajja, programmi li jagħtu ċans ieħor lill-persuni li qatt ma marru skola, dawk li telqu mill-iskola qabel iż-żmien u dawk li ħarġu mill-iskola; jitlob lill-Kummissjoni timplimenta l-impenji bħal Garanzija ta' Ħiliet kif stipulat fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa u taġixxi biex jitjiebu l-opportunitajiet ta' impjieg tal-adulti bi ftit ħiliet fl-UE;
91. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw proġetti interġenerazzjonali biex jiffaċilitaw il-fehim tal-isfidi li jiffaċċjaw l-anzjani u jipprovdulhom ukoll opportunitajiet biex jaqsmu l-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza tagħhom;
92. Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' sinerġiji u kollaborazzjonijiet bejn it-tagħlim formali, mhux formali u informali; jilqa' l-progress li sar f'dawn l-aħħar snin lejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali sal-2018; jistieden madankollu lill-Istati Membri jkomplu lil hinn mill-2018 bl-isforzi tagħhom biex isaħħu ulterjorment l-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjoni, u biex jistabbilixxu oqfsa ġuridiċi rilevanti u joħolqu strateġiji komprensivi ta' validazzjoni sabiex jippermettu l-validazzjoni; jenfasizza li r-rikonoxximent tat-tagħlim informali u mhux formali, inkluż permezz ta' korsijiet online b'xejn, huwa ċentrali għall-idea li l-edukazzjoni tinfetaħ għal dawk aktar żvantaġġati;
93. Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-ġenituri bħala parti mit-trijangolu tal-edukazzjoni fl-appoġġ tat-tagħlim tat-tfal; jissottolinja l-benefiċċji tal-involviment tal-ġenituri fl-edukazzjoni tat-tfal għas-suċċess akbar tal-istudent, għall-benesseri tal-istudenti u l-iżvilupp tal-iskejjel;
94. Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi transfruntiera f'tagħlim miftuħ online;
95. Jenfasizza li l-kwalità tal-edukazzjoni għandha titkejjel f'termini tal-grad li jkun laħaq l-istudent, u mhux biss l-għarfien u l-kompetenzi tiegħu, iżda wkoll il-kapaċità li jkompli jsegwi u jiżviluppa t-tagħlim tul il-ħajja u l-isforzi kreattivi tiegħu;
96. Jappoġġa lill-Kummissjoni fil-ħolqien ta' tabella ta' valutazzjoni biex tappoġġa l-iżvilupp ta' kompetenzi ewlenin kif ukoll edukazzjoni, tagħlim u t-taħriġ ibbażati fuq il-kompetenza;
97. Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu l-istereotipi tas-sessi fl-edukazzjoni biex jiġi żgurat li n-nisa jkollhom l-istess opportunitajiet u libertà ta' għażla fir-rigward tal-karriera li jixtiequ; huwa mħasseb, f'dan il-kuntest, dwar l-istereotipi li għadhom jeżistu f'materjal tat-tagħlim f'xi Stati Membri u l-aspettattivi differenti tal-għalliema fir-rigward tal-imġiba tal-bniet u s-subien; jiġbed l-attenzjoni dwar il-bżonn li jiġi inkorporat il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi kemm fit-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema, kif ukoll fil-prattiki ta' tagħlim, sabiex jiġi eliminat kwalunkwe ostakolu li jimpedixxi lill-istudenti milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom irrispettivament mill-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri biex, meta jimplimentaw l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kurrikuli u s-sillabi tas-sistemi edukattivi reġjonali, jagħtu attenzjoni speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi, filwaqt li jieħdu kont tar-rati għolja ta' vjolenza kontra n-nisa rreġistrati f'dawk ir-reġjuni; jenfasizza li s-sistemi edukattivi fil-livelli kollha jeħtieġ li jinkludu perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jieħdu kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jbatu minn diskriminazzjoni;
98. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni fl-istituzzjonijiet edukattivi, kemm jekk dan ikun permezz ta' tagħlim formali kif ukoll informali;
99. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni u/jew lill-Istati Membri l-ħolqien u l-promozzjoni ta' premju Ewropew/nazzjonali fuq it-tema tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet edukattivi, bl-għan li titħeġġeġ l-aħjar prattika;
100. Jenfasizza li l-edukazzjoni hija għodda ewlenija għall-inklużjoni soċjali u għat-titjib tal-livelli ta' ħiliet u l-kwalifiki fost il-migranti u r-rifuġjati, kemm minorenni kif ukoll adulti; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-integrazzjoni permezz tal-edukazzjoni u l-qsim ta' valuri komuni, it-titjib u l-iffaċilitar tar-rikonoxximent ta' diplomi u kwalifiki, l-għoti ta' boroż ta' studju u l-istabbiliment ta' sħubiji ma' universitajiet fil-pajjiżi ta' oriġini, kif ukoll il-bini fuq l-esperjenza siewja tal-Kurituri tal-Edukazzjoni;
101. Jenfasizza li għandhom isiru sforzi akbar biex jiġi żgurat l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha għal studenti minn minoranzi awtoktoni u biex jappoġġaw istituzzjonijiet edukattivi li jipprovdu servizzi fl-ilsien nattiv ta' minoranzi awtoktoni etniċi jew lingwistiċi; jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-promozzjoni ta' programmi ffukati fuq l-iskambju tal-esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar l-edukazzjoni f'lingwi reġjonali u ta' minoranza fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' tagħlim bl-ilsien nattiv tal-istudenti u l-istudenti;
102. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-livell ta' kompetenzi lingwistiċi permezz tal-użu ta' prattiki tajbin, bħall-kisba tal-ewwel ċertifikat f'lingwa barranija taħt ċerta età mogħti mill-istat;
103. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu sistema ta' għotjiet innovattivi u flessibbli għat-trawwim tal-ħiliet artistiċi u sportivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jappoġġa lill-Istati Membri li qed ifittxu li jintroduċu skemi ta' boroż ta' studju għall-istudenti b'kapaċitajiet ippruvati fil-qasam edukattiv, sportiv u artistiku;
104. Jilqa', f'dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa[18], li tipproponi soluzzjonijiet għan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u għan-nuqqas ta' ħiliet u bħala mezz għas-sejba tas-sistema t-tajba tar-rikonoxximent tal-ħiliet; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jistabbilixxu sistemi b'alternanza ta' kwalità ta' edukazzjoni (li għandhom valur kbir f'termini ta' olistiku għall-iżvilupp personali u l-iżvilupp tal-ħiliet għat-tagħlim tul il-ħajja) u taħriġ vokazzjonali b'koordinazzjoni mal-atturi lokali u reġjonali, u skont in-natura speċifika ta' kull sistema edukattiva; jieħu nota, f'dan il-kuntest, tal-importanza tal-provvediment ta' toroq flessibbli bejn tipi differenti ta' edukazzjoni, u l-vantaġġi u l-attraenza dejjem akbar tas-sistema ETV ibrida li tikkombina b'mod ugwali toroq ibbażati fuq skola u toroq ibbażati fuq xogħol;
105. Jirrakkomanda li l-gwida edukattiva għandha tissaħħaħ bħala għodda vitali li tħaddan diversi sistemi edukattivi b'mod flessibbli filwaqt li tarrikkixxi u taġġorna l-għarfien u l-ħiliet;
106. Jappoġġa u jinkoraġġixxi gwida edukattiva u vokazzjonali bħala kompitu edukattiv vitali għall-iżvilupp individwali u soċjali tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ;
107. Huwa tal-fehma li l-intraprenditorija hija xprun għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u tikkostitwixxi wkoll mezz biex l-ekonomiji jsiru aktar kompetittivi u innovattivi, u dan jikkontribwixxi għall-emanċipazzjoni tan-nisa;
108. Jenfasizza li l-imprenditorija soċjali hija qasam li qed jikber li jista' jagħti spinta lill-ekonomija filwaqt li fl-istess ħin itaffi l-privazzjoni, l-esklużjoni soċjali u problemi soċjetali oħra; iqis, għaldaqstant, li l-edukazzjoni intraprenditorjali għandha tinkludi dimensjoni soċjali, u għandha tindirizza suġġetti bħall-kummerċ ġust, l-intrapriżi soċjali, responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi u mudelli ta' negozju alternattivi, bħall-kooperattivi, sabiex isir sforz biex tinkiseb ekonomija aktar soċjali, inklużiva u sostenibbli;
109. Jistieden lill-Istati Membri jiffokaw fuq l-edukazzjoni intraprenditorjali u finanzjarja, il-volontarjat u l-għarfien ta' lingwi barranin fl-edukazzjoni u jagħtu prijorità wkoll lil dawn il-ħiliet fl-ETV;
110. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-opportunitajiet ta' impjieg konkreti assoċjati mal-edukazzjoni ETV u r-rilevanza tagħha fis-suq tax-xogħol;
111. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw gwida għall-karriera li tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-kapaċitajiet u l-predispożizzjonijiet tal-istudenti fil-livelli kollha, u ssaħħaħ il-proċess ta' tagħlim personalizzat;
112. Jenfasizza ċ-ċirkostanzi edukattivi speċjali tat-tfal u l-adolexxenti li l-ġenituri tagħhom jivvjaġġaw fl-Ewropa għal raġunijiet ta' xogħol, u jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju sabiex tenfasizza s-sitwazzjoni speċifika tagħhom fir-rigward tal-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom fir-rigward tal-edukazzjoni ta' qabel l-iskola u tal-iskola;
113. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, waqt li taġixxi skont l-Artikolu 349 tat-TFUE, iżżid l-appoġġ lill-Istati Membri li għandhom reġjuni ultraperiferiċi, bil-għan li jitjiebu s-sistemi edukattivi tagħhom fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;
114. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jivvalutaw u jissorveljaw regolarment r-rilevanza ta'-politiki, strateġiji u programmi edukattivi, ukoll billi jqisu l-feedback minn għalliema u studenti, sabiex jiżguraw li s-sistemi edukattivi jkomplu jindirizzaw il-ħtiġijiet li qed jinbidlu u s-sitwazzjoni soċjoekonomika li qed tevolvi kontinwament tal-pajjiż ikkonċernat; jirrakkomanda li jissaħħu r-rabtiet bejn il-politika tal-edukazzjoni u politiki oħra biex jitrawmu u jiġu vvalutati l-effiċjenza u l-prestazzjoni tar-riformi edukattivi;
115. Itenni l-importanza tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni u tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-programmi tal-UE li għandhom l-impjieg taż-żgħażagħ fil-mira; jenfasizza l-importanza ta' investiment effettiv u sostenibbli;
116. Japprezza l-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni, u f'dan il-kuntest, jistieden lill-Istati Membri biex ikunu aktar involuti u impenjati biex jimplimentaw it-titjib propost;
117. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, b'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, jappoġġaw lill-istituzzjonijiet edukattivi fl-immodernizzar tal-proċessi ta' riforma billi jassenjaw punti ta' kuntatt speċjalizzati fil-livell nazzjonali u/jew reġjonali biex jipprovdu informazzjoni rilevanti, gwida u assistenza;
118. Itenni l-ħtieġa li jinħolqu ambjenti ta' tagħlim ibbażati fuq id-drittijiet u li jkunu sensittivi għall-ġeneru biex l-istudenti jkunu jistgħu jitgħallmu dwar id-drittijiet tal-bniedem u jiddefenduhom, inklużi d-drittijiet tan-nisa u t-tfal, il-valuri fundamentali u l-parteċipazzjoni ċivika, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet taċ-ċittadini, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, billi jkunu kunfidenti fl-identità tagħhom, billi jkunu konxji tal-fatt li leħinhom jinstema' u jħossuhom apprezzati mill-komunitajiet tagħhom;
Edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC)
119. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess bla ħlas u ġust għal ECEC ta' kwalità għolja, u jħeġġiġhom biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet materjali u finanzjarji biex it-tfal kollha jkollhom aċċess għall-edukazzjoni bikrija tat-tfal mingħajr diskriminazzjoni, u biex jipprovdu aktar postijiet ta' nursery u kindergarten u għat-tfal;
120. Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-istabbiliment ta' qafas Ewropew komuni għall-ECEC, billi tibni fuq il-prinċipji proposti fil-Qafas tal-Kwalità; jappoġġa l-istabbiliment ta' punt ta' riferiment Ewropew għall-kwalità tal-ECEC li għandu jiġi mfassal f'kooperazzjoni mal-għalliema u l-professjonisti tas-settur, u skont indikaturi ta' kwalità nazzjonali jew reġjonali;
121. Jemmen li l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar sforzi biex jinkoraġġixxu lill-korpi governattivi tal-istituzzjonijiet tal-ECEC biex jinvestigaw il-possibbiltà li jwettqu proġetti madwar l-Ewropa kollha; jinnota li l-professjonisti jistgħu, b'dan il-mod, ikunu kapaċi jsegwu tal-innovazzjonijiet fit-tagħlim u jagħmlu l-edukazzjoni ta' qabel l-iskola aktar sinifikanti;
122. Isostni li l-istituzzjonijiet fl-ewwel snin tat-tfulija m'għandhomx jiġu esklużi minn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; iqis li dawn l-istituzzjonijiet għandhom bl-istess mod jippromwovu l-iskambju tal-għarfien fost l-Istati Membri, speċjalment għall-finijiet tal-qsim ta' informazzjoni meta jimplimentaw proġetti innovattivi;
123. Jirrakkomanda li tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-persunal tal-ECEC u l-għalliema tal-iskejjel ta' qabel il-primarja biex tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u l-konnessjonijiet bejn il-livelli tal-edukazzjoni, biex l-istudenti tal-iskejjel ta' qabel il-primarja jiġu mħejjija għat-tranżizzjoni lejn l-iskola primarja u biex issir enfasi fuq l-iżvilupp tat-tfal; jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet bejn il-fornituri tal-ECEC u l-ġenituri tat-tfal u t-tuturi, bejn il-persunal u t-tfal tal-iskola, u fost it-tfal infushom;
124. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament għall-ECEC kif ukoll l-appoġ u l-inizjattivi ekonomiċi (bħal pereżepju tnaqqis tat-taxxi, sussidji jew tneħħija tat-tariffi) għall-ġenituri u l-gwardjani, speċjalment dawk minn sfondi soċjoekonomikament żvantaġġati, sabiex ikunu jistgħu jużaw is-servizzi tal-ECEC u jiġu inkoraġġiti jużawhom;
125. Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jinvestu fil-persunal sabiex jattiraw aktar nies biex isegwu l-karriera rilevanti u b'hekk jiżguraw id-disponibbiltà ta' persunal bi kwalifiki għolja għall-ECEC;
126. Jistieden lill-Istati Membri jirriformaw u jtejbu s-sistemi tagħhom bl-għan li jintlaħqu l-objettivi ta' Barċellona li jkun hemm mill-inqas 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin li jipparteċipaw fi programmi ECEC;
Edukazzjoni fl-iskola
127. Jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta' "approċċ għal skola sħiħa" sabiex jiżdiedu l-inklużjoni soċjali, l-aċċessibilità, il-governanza demokratika, il-kwalità u d-diversità fl-edukazzjoni, kif ukoll biex jiġu indirizzati t-tluq bikri mill-iskola u l-kwistjoni tan-NEETs, filwaqt li jinżamm l-għan li r-riżultati tat-tagħlim u l-ħtiġijiet, il-benesseri u l-involviment tal-istudenti fil-ħajja tal-iskola jitpoġġew fil-qalba ta' kull attività; huwa favur il-promozzjoni u l-appoġġ ta' strutturi demokratiċi ta' rappreżentanti tal-istudenti tal-iskola;
128. Jenfasizza li l-għadd kbir ta' NEETs - kważi 6,3 miljun żagħżugħ u żagħżugħa bejn l-etajiet ta' 15 u 24 sena - jista' jitnaqqas billi jiġi prevenut it-tluq bikri mill-iskola, u billi l-iskejjel ikunu magħmula aktar prattiċi u konnessi mal-ambjent lokali tagħhom, kif ukoll billi jiġu żviluppati rabtiet ma' kumpaniji lokali, awtoritajiet lokali, istituzzjonijiet soċjali u NGOs; huwa tal-fehma li t-tluq bikri mill-iskola, li hu waħda mir-raġunijiet għalfejn iż-żgħażagħ sussegwentement isiru NEETs, jista' jiġi miġġieled billi jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jemmen li huwa importanti wkoll li l-istudenti jingħataw appoġġ biex isibu l-metodi tat-tagħlim tagħhom stess, inklużi korsijiet fuq l-internet u tagħlim imħallat; jilqa' l-implimentazzjoni ta' kurrikula rilevanti u impenjattivi u ta' sistemi ta' gwida sodi u żviluppati sew, b'servizzi ta' counselling u gwida ta' kwalità għall-istudenti kollha;
129. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-opportunitajiet u l-istrutturi għall-kollaborazzjoni interna u esterna fil-livell tal-iskejjel, inklużi l-kooperazzjoni interdixxiplinari, it-tagħlim f'tim, ir-raggruppamenti tal-iskejjel u l-interazzjonijiet ma' atturi involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' perkorsi tat-tagħlim; jinnota l-importanza ta' skambji internazzjonali u sħubijiet bejn l-iskejjel permezz ta' programmi bħal Erasmus+ u e-Twinning;
130. Jenfasizza li l-edukazzjoni fl-iskejjel għandha wkoll issir aktar flessibbli sabiex ittejjeb ir-rispons għaċ-ċirkostanzi reali tal-ħajja tal-istudenti, pereżempju permezz ta' żieda fl-użu ta' servizzi online, sabiex, pereżempju, opportunitajiet ta' tagħlim imħallat ikunu jistgħu jittejbu wkoll;
131. Jemmen li iktar ma l-persuni jiksbu ħiliet STEAM kmieni, aktar jiżdiedu l-possibilitajiet tagħhom ta' suċċess edukattiv u professjonali; għalhekk, jinkoraġġixxi aktar inizjattivi STEAM fil-livell tal-iskejjel, u fl-istess ħin, il-promozzjoni tax-xjenzi umani u soċjali, permezz ta' kooperazzjoni msaħħa u differenzjata ma' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u tar-riċerka xjentifika, fost mezzi oħra;
132. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp fost iż-żgħażagħ Ewropej ta' ħiliet lingwistiċi f'ambjenti edukattivi formali u mhux formali billi jiġu żviluppati pedagoġiji multilingwi innovattivi, il-qsim tal-aħjar prattiki ta' pedagoġija multilingwi, u jiġu msaħħa l-kompetenzi lingwistiċi tal-għalliema;
133. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw inizjattivi eżistenti u jiżviluppaw u jimplimentaw politiki totalment komprensivi dwar edukazzjoni u strateġiji inklużivi mmirati lejn ħtiġijiet speċifiċi, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-aktar gruppi vulnerabbli, bil-ħolqien ta' ambjenti ta' tagħlim iktar inklużivi u t-tisħiħ tal-ftuħ u tal-impenn; jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva, tiżviluppa metodi innovattivi u għodod edukattivi biex trawwem l-inklużjoni u tissodisfa l-ħtiġijiet ta' studenti individwali;
134. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jintegraw it-tagħlim dwar l-UE fil-kurrikuli tal-iskejjel sekondarji tagħhom, sabiex l-istudenti jiffamiljarizzaw ruħhom mal-funzjonament tal-Unjoni, l-istorja tagħha u l-valuri taċ-ċittadinanza Ewropea;
135. Jenfasizza l-importanza li jiġi inkluż u promoss fil-kurrikuli skolastiċi u l-kontenut edukattiv għarfien dwar l-istorja tal-emanċipazzjoni tan-nisa, u b'mod partikolari d-dritt tal-vot għan-nisa, inkluż fl-okkażjoni tal-anniversarji simboliċi (eż. l-2018 bħala l-100 anniversarju minn meta n-nisa ħadu d-dritt li jivvutaw fil-Polonja u l-Ġermanja) sabiex jiżdied l-għarfien bil-ħsieb li jiġu promossi d-drittijiet tan-nisa fi ħdan qafas edukattiv;
136. Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni dwar is-saħħa u r-relazzjonijiet, li jeħtieġ tinkludi t-tagħlim lit-tfal u ż-żgħażagħ dwar relazzjonijiet ibbażati fuq l-ugwaljanza, il-kunsens, ir-rispett u r-reċiproċità, kif ukoll it-tagħlim dwar d-drittijiet tan-nisa u l-bniet, inklużi s-saħħa u d-drittijiet riproduttivi u sesswali, bħala għodda biex jiġu miġġielda l-istereotipi u tiġi pprevenuta l-vjolenza sessista u l-promozzjoni tal-benesseri;
137. Iħeġġeġ taħriġ tas-Salib l-Aħmar fl-iskejjel għall-istudenti, l-għalliema u l-persunal li ma jgħallimx, biex jingħata kontribut għat-tagħlim ta' ħiliet essenzjali tal-ewwel għajnuna u biex wieħed ikun kapaċi jaġixxi f'każ ta' emerġenza;
138. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw skema pilota biex jappoġġaw skambji ta' studenti sekondarji li taħthom iqattgħu tal-anqas nofs is-sena akkademika fi Stat Membru ieħor;
139. Jistieden lill-Istati Membri jillimitaw sal-minimu meħtieġ l-użu ta' testijiet standardizzati bħala strumenti biex jiġi vvalutat il-livell tal-għarfien u l-ħiliet miksuba;
140. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkunsidraw l-adozzjoni ta' miżuri li jiżguraw ir-rikonoxximent ta' perjodi ta' studju barra mill-pajjiż li ma jirriżultawx f'diploma jew kwalifika; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida għar-rikonoxximent ta' perjodi ta' studju barra mill-pajjiż, filwaqt li tqis l-aħjar prattiki eżistenti tal-Istati Membri, il-prinċipju tal-apprezzament reċiproku bejn is-sistemi edukattivi, u l-approċċ ibbażat fuq kompetenzi bażiċi, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet ta' sistemi tal-edukazzjoni u kulturi nazzjonali;
141. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-bullying, il-bullying ċibernetiku, il-fastidju, id-dipendenza u l-vjolenza billi, fil-livell tal-iskejjel u b'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha (b'mod partikolari l-għalliema, l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u l-NGOs speċjalisti), jiżviluppaw programmi ta' prevenzjoni u kampanji ta' sensibilizzazzjoni favur l-inklużjoni;
142. Jirrakkomanda li l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet edukattivi tagħhom u l-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom b'mod aktar attiv fil-promozzjoni tal-prattika tal-isport fost l-istudenti;
Edukazzjoni għolja
143. Jitlob il-ħolqien ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni abbażi tal-potenzjal tal-oqfsa eżistenti, eż. iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, l-Unjoni ta' Innovazzjoni, iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja, b'tali mod li jsaħħu u jikkomplementaw lil xulxin;
144. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu tal-inqas 2 % tal-PDG rispettiv tagħhom fl-edukazzjoni għolja u biex jikkonformaw mal-punt ta' riferiment tal-UE tal-investiment ta' 3 % tal-PDG tal-Unjoni fir-R&Ż sal-2020;
145. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex, meta jkunu qed jagħmlu użu mir-riżorsi nazzjonali u reġjonali u jallokaw fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, jagħtu prijorità lil programmi edukattivi ulit-trawwim ta' kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni għolja, id-dinja tax-xogħol, l-industrija, il-komunitajiet ta' riċerka u s-soċjetà kollha kemm hi;
146. Jistieden lill-Istati Membri jrawmu mobilità aktar inklużiva u aċċessibbli tal-istudenti, l-apprendisti, l-għalliema apprendisti, ir-riċerkaturi u l-persunal amministrattiv, peress li dan jikkontribwixxi kemm għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom kif ukoll għal kwalità ogħla tat-tagħlim mill-għalliema, tat-tagħlim mill-istudenti, tar-riċerka u tal-amministrazzjoni; jappoġġa l-iffaċilitar ta' mobilità għal kulħadd, fost miżuri oħrajn permezz ta' rikonoxximent bla xkiel ta' krediti u kwalifiki akkademiċi u professjonali miksuba barra mill-pajjiż, finanzjament adegwat u assistenza personali, garanziji ta' drittijiet soċjali u, fejn xieraq, l-inkorporazzjoni ta' mobilità edukattiva bħala parti minn programmi edukattivi; jinnota, f'dan ir-rigward, l-inizjattivi l-ġodda tal-Kummissjoni, inkluża l-eCard biex tiffaċilita l-mobilità tal-istudenti bejn il-fruntieri;
147. Huwa tal-fehma li l-finanzjament għall-mobilità tal-persunal tal-għalliema u tar-riċerkaturi jeħtieġ li jiżdied billi jiġu previsti għotjiet għall-istudju/għar-riċerka minbarra r-rimborż tal-ispejjeż, l-estensjoni tat-tul ta' soġġorni barra mill-pajjiż, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni u l-promozzjoni ta' forom ta' tutoraġġ konġunt għalliem/riċerkatur;
148. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-mobilità fl-edukazzjoni tal-adulti, kif diġà previst fil-programm Erasmus+;
149. Jenfasizza l-importanza li jiġu garantiti r-rikonoxximent transfruntier reċiproku u l-kompatibbiltà tal-kwalifiki u l-lawrji akkademċi għat-tisħiħ tas-sistema tal-assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell tal-UE u fil-pajjiżi kollha li ssieħbu fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja;
150. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji komprensivi u għodod xierqa biex tiġi determinata l-kwalità ta' modi ġodda ta' tagħlim, pereżempju tagħlim elettroniku, korsijiet online miftuħa massivi (MOOCs) u riżorsi b'aċċess miftuħ; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, ir-rwol tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Garanzija ta' Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (ENQA) u netwerks Ewropej oħra rilevanti fil-kontribut għall-istabbiliment ta' assigurazzjoni tal-kwalità;
151. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja fost il-HEIs, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-impjegaturi, bil-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-isfidi tal-HEIs u tal-istudenti, jinħolqu rabtiet mal-atturi lokali u reġjonali, jintlaħqu l-komunitajiet lokali, jitrawmu l-iżvilupp u l-innovazzjoni lokali u reġjonali, jinbnew sistemi ta' edukazzjoni għolja inklużivi u konnessi, tissaħħaħ il-kollaborazzjoni mad-dinja tax-xogħol u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-reġjuni f'termini ta' ħiliet; jinkoraġġixxi barra minn hekk lill-HEIs biex ikunu aktar involuti fl-iżvilupp lokali u reġjonali billi jipparteċipaw fi proġetti kooperattivi tal-komunità, fost azzjonijiet oħra;
152. Jitlob li jiġu ssodisfati l-impenji tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet, inkluż l-appoġġ lill-Istati Membri biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni iktar informazzjoni dwar kif il-gradwati jagħmlu progress fis-suq tax-xogħol; jilqa', f'dan il-kuntest, il-proposta biex tiġi stabbilita sistema ta' traċċar tal-gradwati Ewropej sal-2020; iqis li informazzjoni dwar it-traċċar tal-gradwati u ġbir ta' data preċiż u rilevanti (mhux biss fil-livell nazzjonali iżda wkoll fil-livell tal-UE) huma essenzjali għal assigurazzjoni tal-kwalità u għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità;
153. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tnaqqas id-distakk fir-riċerka u l-innovazzjoni fost l-Istati Membri u r-reġjuni billi tipproponi inizjattivi ġodda fil-qafas tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA), kif ukoll tappoġġa l-kombinazzjoni ta' attivitajiet ta' riċerka u tagħlim għall-benefiċjarji tal-MSCA li qed iħejju għal karriera akkademika;
154. Jissuġġerixxi li l-koalizzjoni EU STE(A)M tkun tinkludi firxa wiesgħa ta' suġġetti biex tħejji lill-istudenti jgħixu u jaħdmu f'kuntest ta' realtà li qed tinbidel b'mod dinamiku;
155. Jappoġġa l-għoti ta' krediti tal-Iskema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment tal-Krediti (ECTS) lil studenti għal xogħol ta' volontarjat fil-komunità, bħala mezz biex jingħata kontribut lill-iżvilupp professjonali u personali tal-istudenti;
156. Jenfasizza li l-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali, id-diplomazija kulturali u d-djalogi ta' politika ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-edukazzjoni għolja mhux biss jippermettu li l-għarfien jasal aktar liberament, iżda jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tal-kwalità u r-reputazzjoni internazzjonali tal-edukazzjoni għolja Ewropea, filwaqt li jagħtu spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni, irawmu l-mobilità u d-djalogu interkulturali, u jippromwovu l-iżvilupp internazzjonali f'konformità mal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-UE;
157. Huwa tal-fehma li sistemi tal-edukazzjoni validi għall-futur għandhom jinkludu tagħlim għas-sostenibbiltà u l-bini tal-paċi u għandhom ikunu parti minn riflessjoni usa' dwar il-litteriżmu okkupazzjonali fil-kuntest ta' diġitalizzazzjoni u robotizzazzjoni dejjem akbar tas-soċjetajiet Ewropej, filwaqt li jikkonċentraw mhux biss fuq it-tkabbir ekonomiku iżda wkoll fuq l-iżvilupp personali, it-titjib tas-saħħa u l-benesseri tal-istudenti;
158. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u d-dinja tax-xogħol sabiex l-istudenti jitħejjew aħjar biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, kif ukoll biex jieħdu azzjoni dwar il-ħtieġa li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u n-nuqqas ta' ħiliet; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, l-inklużjoni ta' kollokamenti tax-xogħol rilevanti u ta' kwalità għolja, rikonoxxuti permezz ta' krediti ECTS, fi programmi tal-edukazzjoni għolja u skemi ETV, il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, id-dinja tax-xogħol, is-settur tar-riċerka u l-atturi ekonomiċi lokali u reġjonali fil-ħolqien ta' sistemi doppji ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, gwida għall-karriera, apprendistati u wkoll taħriġ ibbażat fuq ir-realtà, li għandhom ikunu parti minn kurrikuli tal-edukazzjoni għolja u vokazzjonali; jitlob ukoll li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw id-dritt ta' kull żagħżugħ fl-UE li jiġi offrut impjieg, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew xogħol u taħriġ ikkombinati;
159. Jemmen li biex ikun żgurat li jiġu offruti kollokamenti f'apprendistati jew traineeship ta' kwalità, hija fundamentali l-eżistenza ta' kuntratti li jiddelinjaw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet kollha u jispeċifikaw it-tul, l-objettivi tat-tagħlim u l-kompiti li jikkorrispondu għal ħiliet identifikati b'mod ċar li għandhom jiġu żviluppati, l-istatus tal-impjieg, kumpens/rimunerazzjoni adegwati, inkluż għas-sahra, protezzjoni soċjali u skemi ta' sigurtà skont il-liġi nazzjonali applikabbli, ftehimiet kollettivi applikabbli, jew it-tnejn li huma;
160. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu offruti kontenut xieraq ta' tagħlim u taħriġ, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, għat-traineeships u għall-apprendistati, biex jiġi żgurat ir-rwol kruċjali tagħhom fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-ħajja professjonali; jenfasizza li t-traineeships u l-apprendistati qatt m'għandhom jintużaw bħala sostituti għal impjiegi, u li t-trainees u l-apprendisti m'għandhomx jiġu trattati bħala fħaddiema irħas jew saħansitra ħaddiema mhux imħallsa;
161. Jissuġġerixxi li l-universitajiet u ċ-ċentri ta' taħriġ jipprovdu taħriġ bażiku u avvanzat għal għalliema tal-edukazzjoni vokazzjonali, b'kontributi minn esperti f'oqsma ta' ħidma li jikkorrispondu għal oqsma speċifiċi koperti minn korsijiet vokazzjonali;
L-għalliem bħala garanti ta' tagħlim ta' kwalità
162. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-għalliema fl-inkorporazzjoni tal-innovazzjoni u t-teknoloġija fit-tagħlim permezz ta' tisħiħ tal-ħiliet diġitali tagħhom, kif ukoll tipprovdihom b'riżorsi u appoġġ rilevanti, pereżempju permezz tal-provvista ta' taħriġ aġġornat u l-iżvilupp ta' komunitajiet online u riżorsi u korsijiet edukattivi miftuħa;
163. Jappoġġa l-ħolqien tal-Akkademja tat-Tagħlim, bħala faċilità komplementari li tippermetti lill-għalliema jitħarrġu u jiskambjaw l-aħjar prattiki fil-livell Ewropew, billi jipprovdu ċentru għal skambju online, qsim ta' esperjenzi u tagħlim reċiproku, kif ukoll li jkun post għal laqgħat regolari fil-forma ta' sessjonijiet ta' ħidma, seminars u konferenzi għall-promozzjoni tal-kollaborazzjoni tal-għalliema, it-tisħiħ tal-kwalità tat-tagħlim u t-tisħiħ tal-iżvilupp professjonali tal-għalliema; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi proġett dwar il-ħolqien ta' dan it-tip ta' akkademja, ibbażata wkoll fuq l-għarfien tal-European Schoolnet Academy;
164. Ifakkar fl-importanza ta' taħriġ pedagoġiku għall-persunal tat-tagħlim fil-HEIs u li l-kompetenzi pedagoġiċi jitqiesu tal-anqas bħala ugwalment importanti daqs il-kompetenzi ta' riċerka fil-proċess tar-reklutaġġ; jenfasizza r-rwol ta' edukazzjoni bbażata fuq ir-riċerka u tar-riċerka pedagoġika biex jiġi stimulat approċċ iċċentrat fuq l-istudent għat-tagħlim, biex jitħeġġeġ it-tagħlim attiv, jissaħħaħ l-iżvilupp tal-ħiliet u tittejjeb il-metodoloġija tat-tagħlim;
165. Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu inċentivi biex jattiraw u jimmotivaw liż-żgħażagħ u lill-għalliema kwalifikati biex dawn jidħlu fis-sistema edukattiva u jaħdmu fiha;
166. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut l-istatus professjonali ta' impjegati tal-ECEC;
167. Jitlob appoġġ għal għalliema li jagħtu korsijiet multilingwi, billi dawn huma fattur importanti fl-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni;
168. Jenfasizza r-rwol tat-tagħlim interkulturali bħala parti minn edukazzjoni tal-għalliema bil-għan li jissaħħu l-kompetenzi interkulturali tal-għalliema sabiex jiġu promossi l-kultura Ewropea u l-valuri komuni kif ukoll dimensjoni Ewropea tat-tagħlim; jinnota li l-kompetenzi interkulturali huma essenzjali biex wieħed jaħdem f'soċjetajiet dejjem aktar diversi, kif ukoll biex titrawwem l-internazzjonalizzazzjoni fil-livell tal-iskejjel;
169. Huwa konxju mill-ħtieġa li jinħolqu sinerġiji bejn l-għarfien tal-għalliema u l-potenzjal teknoloġiku tal-istudenti, sabiex jiġu massimizzati l-eżiti tat-tagħlim;
170. Jappoġġa l-inkorporazzjoni ta' kollokamenti ta' taħriġ tal-għalliema, iggwidati minn mentors professjonali, tul l-istudji kollha tal-edukazzjoni tal-għalliema;
171. Jinkoraġġixxi lill-għalliema u lill-mexxejja tal-iskejjel jippromwovu u jieħdu rwol minn ta' quddiem fl-implimentazzjoni tal-innovazzjoni fl-ambjent tal-iskola u jsaħħu l-iżvilupp tagħha;
172. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja biex jagħtu prijorità, jappoġġaw u jippremjaw it-titjib u l-aġġornament tal-għarfien pedagoġiku tal-għalliema u r-riċerkaturi tal-edukazzjoni għolja, inklużi l-possibiltajiet edukattivi offruti mit-teknoloġija moderna bħala mezz biex jissaħħu l-kisbiet tal-istudent u l-effikaċja tat-tagħlim;
173. Jappoġġa l-iżvilupp ta' tekniki tat-tagħlim u standards edukattivi ġodda, innovattivi u ambizzjużi sabiex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tal-istudenti u l-HEIs, kif ukoll l-isfidi ta' dinja li qed tinbidel b'mod rapidu;
174. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU C 183, 14.6.2014, p. 30.
- [2] ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
- [3] ĠU C 172, 27.5.2015, p. 17.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2017)0360.
- [5] ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25.
- [6] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.
- [7] ĠU C 346, 21.9.2016, p. 2.
- [8] Testi adottati, P8_TA(2017)0018.
- [9] ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.
- [10] ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
- [11] http://www.socialsummit17.se/wp-content/uploads/2017/11/Concluding-report-Gothenburg-summit.pdf
- [12] https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/educ/122123.pdf
- [13] ĠU C 104, 16.4.1984, p. 69.
- [14] ĠU C 135, 26.5.2010, p. 12.
- [15] Testi adottati, P8_TA(2017)0303.
- [16] http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Gender_statistics
- [17] http://www.cedefop.europa.eu/en/publications-and-resources/publications/3072, https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1502en_0.pdf
- [18] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 intitolata "Aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (COM(2016)0381).
NOTA SPJEGATTIVA
"Jekk ngħallmu lill-istudenti tal-lum kif għallimna lil dawk tal-bieraħ, nisirqulhom l-għada."
John Devery
Aħna ngħixu f'dinja li qed tinbidel b'mod rapidu.
L-iżviluppi teknoloġiċi u l-globalizzazzjoni jġibu sfidi ġodda, inkluż għas-sistemi tal-edukazzjoni tagħna.
Fis-soċjetà tal-informazzjoni, il-kompitu tas-sistemi tal-edukazzjoni mhuwiex biss li jittrasferixxu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex dawn jintużaw, iżda anke biex in-nies jiġu mgħallma kif joħolqu l-għarfien, li huwa sors ta' kompetittività u prosperità għall-pubbliku u riżorsa ekonomika kruċjali.
Il-valur tal-kapital uman modern jinkiseb minn potenzjal intellettwali, il-kapaċità li wieħed jadatta għat-tibdil fl-ambjent, attitudni favur l-innovazzjoni u attitudni miftuħa għar-riskju. Ir-rapporteur, fil-ħidma tagħha fuq l-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni, ġiet iggwidata minn tliet suppożizzjonijiet assjoloġiċi:
1. Il-post tradizzjonali tat-tagħlim, jiġifieri l-iskola, issa huwa komplementat mill-ħafna sorsi oħra ta' informazzjoni disponibbli. Teknoloġiji moderni lliberaw l-edukazzjoni, ħolqu opportunitajiet għal attivitajiet edukattivi multidimensjonali, u stabbilew SPAZJU EDUKATTIV. Sfida ewlenija hija li jiġi żgurat li l-iskejjel huma l-aktar post interessanti f'dan l-ispazju.
2. Ir-rwol tas-sistemi tal-edukazzjoni huwa li jiffurmaw PERSUNA sħiħa li hija kapaċi tissodisfa l-potenzjal tagħha fil-ħajja professjonali, soċjali, kulturali u ċivika tagħha f'ambjent divers u globali.
3. L-iżvilupp tal-bniedem jirrikjedi mhux biss is-sigurtà, li għaliha l-istati huma lesti jonfqu l-flus u joħolqu patti ta' difiża. Prerekwiżit għall-iżvilupp b'suċċess huwa PATT TA' ĊIVILTÀ bbażat fuq sistemi tal-edukazzjoni inklużivi, ta' kwalità għolja u ffinanzjati b'mod adegwat.
Ir-rapporteur adottat ir-rapport li ġej.L-ewwel nett, ir-rapporteur enfasizzat
l-importanza tal-edukazzjoni bħala aspett ewlieni tal-potenzjal ekonomiku u fattur kruċjali għall-iżvilupp fis-soċjetà tal-informazzjoni. Imbagħad investigat ir-realtà li qed tinbidel tal-edukazzjoni u indikat l-isfidi li din toħloq għal stadji partikolari tal-edukazzjoni. Wara dan, ir-rapporteur indirizzat is-suġġett tal-għalliema bħala l-garanti ewlieni tal-immodernizzar b'suċċess tas-sistemi tal-edukazzjoni. Fl-aħħar nett, ir-rapporteur għamlet għadd ta' rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni effettivi tal-proċess ta' riforma edukattiva.
L-isfidi demografiċi u soċjali Ewropej, ir-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol, it-teknoloġiji ġodda, il-preferenzi personali u l-ħtiġijiet edukattivi qed jiddeterminaw id-direzzjonijiet tat-tibdil fl-edukazzjoni. Huwa importanti li s-sistemi tal-edukazzjoni jqisu dawn il-fatturi sabiex mhux biss joffru għarfien ta' kwalità għolja, iżda anke sabiex jiżguraw kompetenzi xierqa, inkluża l-kompetenza ewlenija tas-seklu 21: il-kapaċità li wieħed jitgħallem b'suċċess matul il-ħajja tiegħu.
L-edukazzjoni ta' qabel il-primarja u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal
Ir-rapporteur tenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni ta' qabel il-primarja u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal għall-iżvilupp kumplessiv tat-tfal, biex tiġi ffurmata attitudni favur l-edukazzjoni u għall-iżvilupp tal-ħiliet tat-tagħlim. F'dan il-kuntest, ir-rapporteur tagħti attenzjoni partikolari lill-iffaċilitar tal-aċċess għal edukazzjoni ta' qabel il-primarja u edukazzjoni bikrija tat-tfal ta' kwalità għolja għal kulħadd, u għall-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ, kemm f'termini tal-infrastruttura kif ukoll ta' finanzjament għal familiji żvantaġġati. Il-professjonaliżmu u l-kompetenza tal-persuni li jaħdmu mat-tfal, kif ukoll ir-regolamentazzjoni tal-istatus professjonali tagħhom, huma kruċjali wkoll. Ir-rapporteur titlob ukoll l-iżvilupp ta' qafas Ewropew għall-edukazzjoni ta' qabel il-primarja u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal li jiggarantixxi l-iżvilupp olistiku tat-tfal, kif ukoll għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-edukazzjoni ta' qabel il-primarja u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal. L-istadju finali tal-edukazzjoni ta' qabel il-primarja u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal jenħtieġ li jikkonsisti minn kooperazzjoni bejn il-persuni li jaħdmu mat-tfal u l-għalliema futuri tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jfasslu proċess edukattiv personalizzat li jiffaċilita l-iżvilupp personali komprensiv tat-tfal, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet u l-preferenzi tagħhom. L-individwalizzazzjoni tal-proċess tat-tagħlim, flimkien ma' riżultati tat-tagħlim definiti b'mod ċar u ambjent tat-tagħlim motivanti hija, fl-opinjoni tar-rapporteur, sfida ewlenija u l-objettiv ta' sistema tal-iskejjel modernizzata.
L-iskejjel
Skola li fiha għalliem iservi bħala l-uniku repożitorju ta' għarfien li l-istudenti jeħtieġ li jiksbu hija ħaġa tal-passat. Ir-rapporteur tara lill-iskejjel moderni bħala ċentri ta' ħsieb kritiku u kreattiv. Dan jirrikjedi bidla fundamentali fit-tagħlim. It-tagħlim bl-amment irid jiġi ssostitwit mill-ħsieb, il-fehim u d-diskussjoni. Dan jirrikjedi kurrikuli ta' kwalità għolja u attenzjoni speċjali għall-kisba ta' ħiliet bażiċi. Id-dinja globalizzata tirrikjedi wkoll ħiliet lingwistiċi.
It-teknoloġiji moderni u l-opportunitajiet li joħolqu jistgħu jagħmlu l-interazzjoni bejn l-għalliem u l-istudent aktar faċli, jimmitigaw defiċits edukattivi li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet ambjentali tal-istudenti, u jagħmlu l-proċess tat-tagħlim effettiv u interessanti.
Minbarra l-funzjoni edukattiva tagħhom, l-iskejjel jenħtieġ li jkollhom ukoll funzjoni soċjali b'ħafna aspetti, li trawwem l-inklużjoni, opportunitajiet edukattivi indaqs, ħiliet ta' xogħol f'tim, it-twassil tal-proġett u l-involviment ċiviku. L-iskejjel jeħtiġilhom ikunu wkoll post sikur għall-istudenti u l-għalliema. Għal din ir-raġuni, ir-rapporteur titlob l-iżvilupp ta' strateġiji biex tiġi miġġielda l-vjolenza bejn il-pari, il-bullying elettroniku, id-diskriminazzjoni u l-forom kollha ta' fastidju.
Dan mhuwiex possibbli mingħajr ġestjoni kompetenti, appoġġ għall-għalliema u l-ġerarkiji tal-iskejjel, u approċċ madwar l-iskejjel kollha li fih l-iskola kollha kemm hi, flimkien ma' partijiet ikkonċernati esterni u l-komunità lokali, tikkollabora sabiex tiżgura l-kwalità tal-iskola u l-effiċjenza tal-funzjonijiet kollha tagħha.
L-iżgurar li l-iskejjel għandhom għeruq sodi fl-oqsma lokali tagħhom iwassal għad-deċentralizzazzjoni u aktar awtonomija. Dan huwa ta' benefiċċju, dment li l-iskejjel ikollhom il-kapaċità li jippjanaw u jimmaniġġjaw b'mod effettiv l-iżvilupp tagħhom u jkunu responsabbli lejn il-ġenituri, il-komunitajiet lokali u l-awtoritajiet edukattivi tagħhom għall-ħidma tagħhom.
Edukazzjoni għolja
L-edukazzjoni għolja għandha rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-potenzjal u l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Il-livell tal-edukazzjoni, l-intraprenditorja soċjali u attitudnijiet favur l-innovazzjoni huma l-garanti tas-suċċess tal-proġett Ewropew.
F'dan il-kuntest, ir-rapporteur tenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ "it-trijangolu tal-għarfien" u li jittejbu r-rabtiet bejn ir-riċerka u l-edukazzjoni. Ir-rapporteur tenfasizza wkoll li sistemi tal-edukazzjoni għolja jridu jkunu ħafna aktar flessibbli u miftuħa, jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn livelli differenti tal-edukazzjoni, jipprovdu r-rikonoxximent ta' tagħlim mhux formali u informali, u jużaw forom differenti ta' implimentazzjoni tal-kurrikulu, inkluż permezz tal-użu ta' teknoloġiji ġodda, li jagħmluha possibbli li l-fokus ikun fuq l-istudenti u li jitwettqu programmi interdixxiplinari.
Sabiex jiġu żviluppati kompetenzi trasversali, soċjali u ċiviċi, huwa importanti li jiġu inklużi internships, fil-forma ta' krediti tal-ECTS għall-programmi tal-edukazzjoni għolja, u edukazzjoni doppja, kif ukoll li jitqiesu kwistjonijiet u ħtiġijiet lokali billi jiġu integrati fil-kurrikuli tat-tagħlim u l-proġetti ta' riċerka, biex b'hekk jissaħħaħ l-iżvilupp ta' speċjalizzazzjonijiet intelliġenti.
Ir-rapporteur tqis li l-iskambju tal-aħjar prattiki u kooperazzjoni komprensiva permezz ta' żieda fil-mobilità tal-istudenti u tal-persunal, it-titjib tar-rikonoxximent tad-diplomi, u d-dimensjoni internazzjonali ta' kurrikuli u programmi ta' riċerka jenħtieġ li jkunu aspetti importanti tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja Ewropej.
L-għalliema bħala garanti tal-kwalità tat-tagħlim
L-għalliema, il-ħiliet tagħhom u l-impenn tagħhom huma element ewlieni ta' kwalunkwe bidla fis-sistemi tal-edukazzjoni. Ir-rapporteur tenfasizza l-ħtieġa li jiġu rreklutati kandidati motivati sew bi predispożizzjoni għat-tagħlim. Fl-opinjoni tar-rapporteur, huwa neċessarju li jinbidlu kemm il-kurrikuli kif ukoll il-metodi tat-tagħlim fl-edukazzjoni tal-għalliema. Għarfien akkademiku tajjeb huwa prerekwiżit għax-xogħol tal-għalliem, iżda l-kapaċità li jaħdem mat-tfal u ż-żgħażagħ hija vitali wkoll.
F'dan il-kuntest, ir-rapporteur tenfasizza s-sinifikat kbir tal-inklużjoni ta' modulu ta' internship estensiv fil-kurrikuli tat-taħriġ tal-għalliema, kif ukoll il-ħtieġa li l-għalliema jiġu mgħammra b'kompetenzi diġitali avvanzati sabiex jinkisbu s-sinerġiji mixtieqa bejn l-għarfien u l-kompetenzi tal-għalliema u dawk tal-istudent.
Ir-rapporteur tenfasizza wkoll il-ħtieġa li jittejjeb l-istatus tal-għalliema, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, il-prospetti tal-karriera u l-paga tagħhom, il-ħtieġa ta' investiment fl-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema u ż-żieda fil-parteċipazzjoni tagħhom fi skambji internazzjonali.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, ir-rapporteur tappoġġa l-idea tal-Kummissjoni tal-ħolqien ta' Żona Ewropea ta' Edukazzjoni. Madankollu, ir-rapporteur tenfasizza li din trid tkun konsistenti ma' dak li nkiseb s'issa miż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Hija tqis ukoll li ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni jenħtieġ li tirċievi appoġġ politiku qawwi mill-Istati Membri, li l-isforzi kollettivi tagħhom jagħtu impetu ġdid lill-iżvilupp edukattiv filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà, il-libertà edukattiva u l-awtonomija istituzzjonali.
Ir-rapporteur tinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex iżidu l-investiment fl-edukazzjoni, jużaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, u biex jappoġġaw lill-għalliema u l-maniġers, kemm fil-qasam tat-teknoloġiji moderni kif ukoll fl-iżvilupp ta' metodi ta' tagħlim iċċentrati fuq l-istudent, li fl-istess ħin jiżguraw edukazzjoni ta' kwalità għolja, imkejla mir-rikkezza tal-għarfien u l-ħiliet li jingħataw, kif ukoll il-kreattività u l-kapaċità għal tagħlim tul il-ħajja.
Matul it-tħejjija tar-rapport, ir-rapporteur ikkuntattjat firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw istituzzjonijiet tal-UE, id-diversi livelli tal-edukazzjoni u l-assoċjazzjonijiet involuti fl-edukazzjoni. Ir-rapporteur organizzat ukoll seminar dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni bil-parteċipazzjoni ta', fost l-oħrajn, il-Kummissarju Tibor Navracsics, il-President tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, Petra Kammerevert, Membri tal-Parlament Ewropew, u rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u l-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll rappreżentanti mill-akkademja u għadd kbir ta' organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet.[1]
- [1] Membri tal-Panel tas-Seminar: Dr.Jan Peeters, Ċentru għall-Innovazzjoni fl-Ewwel Snin tat-Tfulija; Larissa Nenning, Bureau ta' Organizzazzjoni tal-Unjonijiet Ewropej tal-Istudenti tal-Iskejjel; Dr.Thomas Ekman Jørgensen, Assoċjazzjoni tal-Unversità Ewropea; Sarika Vij, The Guild of European Research-Intensive Universities; Asa Morberg, Assoċjazzjoni għall-Edukazzjoni tal-Għalliema fl-Ewropa; Eduardo Nadal, Il-Kumitat tat-Trade Union Ewropew għall-Edukazzjoni; Brikena Xhomaqi, Pjattaforma ta' Tagħlim Tul il-Ħajja; Horst Dreimann, Assoċjazzjoni Ewropea ta' Istituti għal Taħriġ Vokazzjonali.
Organizazzjonijiet parteċipanti (lista mhux eżawrjenti): L-Edukazzjoni dwar id-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-Ewropa, AEGEE / Forum tal-Istudenti Ewropej, Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Libertà tal-Edukazzjoni, In-Netwerk tal-Istudenti tal-Erasmus, European University Foundation, World Scout Bureau - Uffiċċju Reġjonali Ewropew, Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fornituri tas-Servizz għal Persuni b'Diżabilità, Forum taż-Żgħażagħ Ewropej, Assoċjazzjoni Ewropea għall-Garanzija ta' Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja, ThinkYoung, Assoċjazzjoni Ewropea tar-Reġjuni u l-Awtoritajiet Lokali għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja, The European Council for Steiner Waldorf Education Georg Jürgens, Il-Kunsill Ewropew tal-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali ta' Skejjel Indipendenti, Iż-Żgħażagħ għall-Iskambju u l-Fehim, Is-Servizz Ġermaniż ta' Skambju Akkademiku, Skambji Edukattivi Ewropej - iż-Żgħażagħ għall-Fehim, il-Federazzjoni Ewropea għat-Tagħlim Interkulturali, Assoċjazzjoni għall-Edukazzjoni tal-Għalliema fl-Ewropa, ADS Insight Sprl. Id-Dokumenti ta' Pożizzjoni rċevuti: L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ġenituri, L-Unjoni Ewropea tal-Istudenti, International Certificate Conference Languages
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (11.4.2018)
għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-UE
(2017/2224(INI))
Rapporteur għal opinjoni (*): Agnieszka Kozłowska-Rajewicz
(*) Kumitat assoċjat – l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jinnota li l-Istati Membri tal-UE jġorru r-responsabbiltà għas-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ tagħhom u l-UE tgħinhom biex jistabbilixxu l-għanijiet konġunti u jikkondividu l-prattiki tajbin;
2. Ifakkar li l-edukazzjoni, li għandha tapprofondixxi l-ħsieb kritiku, analitiku u independenti u tkun iffokata fuq l-aspetti kulturali u soċjetali, kif ukoll fuq il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, hija essenzjali għal ċittadinanza responsabbli msejsa fuq kultura ta' rispett reċiproku u valuri fundamentali, u hija dritt fundamentali tal-bniedem;
3. Ifakkar, barra minn hekk, fl-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja inklużivi u ta' kwalità, sabiex jakkwista u jiżviluppa ħiliet li jippermettulu jipparteċipa għalkollox fis-soċjetà u jiġġestixxi b'suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol;
4. Jinnota, barra minn hekk, fil-kuntest ta' diviżjonijiet soċjoekonomiċi fl-Unjoni li kibru matul dawn l-aħħar għaxar snin, li edukazzjoni ta' kwalità fil-livelli kollha tgħin biex timminimizza l-inugwaljanzi, inklużi l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi interġenerazzjonali, u l-isterjotipi u l-inugwaljanzi relatati mal-ġeneru, u għandha rwol importanti biex issaħħaħ il-mobilità soċjali f'direzzjoni 'l fuq, kif ukoll il-konverġenza;
5. Jenfasizza li l-kwalità tal-għalliema u l-libertà tagħhom li jikkonformaw mal-programmi edukattivi u jagħżlu l-metodi ta' tagħlim huma prerekwiżit għal edukazzjoni ta' kwalità, li tipprovdi l-aħjar pedament biex l-istudenti jimxu 'l quddiem u jirnexxu fis-suq tax-xogħol;
6. Jenfasizza b’mod partikolari, f'dan l-isfond, li l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għandu jiġi pprovdut lit-tfal u lill-istudenti kollha tal-UE, inklużi dawk b’diżabilità, u irrispettivament mill-istatus soċjoekonomiku, ġeografiku jew kulturali tal-ġenituri tagħhom; jistieden lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jinvestu f'sistemi ta' kwalità edukattivi u tat-taħriġ;
7. Jemmen li l-edukazzjoni sekondarja għandha tkun b'xejn u obbligatorja, u jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jagħtu lin-nies li telqu mill-iskola primarja jew sekondarja l-possibbiltà li jirreġistraw mill-ġdid u jlestu l-istudji tagħhom;
8. Jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi li jinsabu qrib iż-żoni residenzjali fir-reġjuni kollha tal-UE bħala bażi indispensabbli għal tagħlim tajjeb u opportunitajiet indaqs fl-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-impjiegi fl-Ewropa;
9. Jindika li fl-era postindustrijali, il-bidliet fil-karattru avvanzat tal-ekonomija tal-UE, flimkien mad-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tas-suq tax-xogħol tal-UE, żiedu d-domanda għal kwalifiki u ħiliet ta' livell għoli (il-bidliet rapidi fis-setturi relatati mal-ICT, pereżempju, se jwasslu għal 756 000 pożizzjoni vakanti mhux meħuda għall-professjonisti tal-ICT fl-ekonomija kollha tal-UE sal-2020), filwaqt li naqset id-domanda għal kwalifiki u ħiliet ta' livell baxx[1]; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt li d-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u r-robotizzazzjoni qed ikollhom, u li ser ikollhom fil-futur, fuq l-għadd ta' impjiegi u t-tipi tagħhom;
10. Jinnota li l-kwalifiki tal-forza tax-xogħol sikwit ma jaqblux mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u meta nżommu dan f'moħħna, li minkejja d-domanda qawwija fis-suq tax-xogħol għal ħiliet ta' livell għoli u r-rispons tas-sistema edukattiva fil-forma tal-iżvilupp sinifikanti ta' Istituti tal-Edukazzjoni Ogħla[2], madwar 20 % tal-Ewropej, inklużi 1 % ta' dawk li jiggradwaw mill-università, m'għandhomx ħiliet bażiċi bħall-qari, il-kitba u l-matematika[3]; ifakkar, barra minn hekk, il-fatt li 44 % tal-Ewropej m'għandhomx ħiliet diġitali bażiċi3, u dan joħloq ostakoli serji għad-dħul tagħhom f'suq tax-xogħol teknoloġikament avvanzat, kif ikoll għall-parteċipazzjoni ċivika u attiva fis-soċjetà;
11. Jinnota li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li ħadd ma jtemm l-iskola mingħajr ħiliet bażiċi, inklużi ħiliet diġitali bażiċi; jenfasizza l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-impjiegi llum il-ġurnata jirrikjedu livelli ogħla ta' litteriżmu, numeriżmu, litteriżmu diġitali u ħiliet kruċjali oħra, u li s-sistemi ta' edukazzjoni moderni għandhom għaldaqstant jgħaqqdu t-tmien kompetenzi ewlenin deskritti fil-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, li jinkludi wkoll l-għarfien u l-attitudnijiet; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-proposta tiddefinixxi wkoll il-ħiliet diġitali bħala ħiliet bażiċi;
12. Jenfasizza, f'dan l-isfond, li huwa importanti li jsir l-akbar użu possibbli mid-diġitalizzazzjoni fil-forom kollha tal-edukazzjoni; jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni, għalhekk, biex jippromwovu l-edukazzjoni diġitali u diġitalizzata fit-tipi kollha ta' skejjel;
13. Jistieden lill-Istati Membri, b'mod partikolari, biex itejbu l-litteriżmu diġitali taċ-ċittadini permezz ta' edukazzjoni adegwata minn stadju bikri li tiżviluppa l-ħiliet tal-lingwa, il-loġika u l-matematika, kif ukoll il-ħsieb simboliku, abbażi tal-ikkowdjar, l-ipprogrammar u attivitajiet relatati li huma importanti għal impjiegi fis-setturi tat-teknoloġija għolja u, b'mod aktar ġenerali, fis-suq tax-xogħol diġitalizzat; josserva li dawn il-ħiliet huma ta' natura universali u jistgħu jkunu utli f'ħafna setturi oħra apparti l-ħajja ta' kuljum; jilqa', f'dan ir-rigward, inizjattivi tal-Kummissjoni bħall-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar u l-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, u jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali komprensivi għall-ħiliet diġitali, li jaf jgħinu u jappoġġjaw lill-għalliema kif ukoll lill-istudenti jiksbu ħiliet elettroniċi;
14. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-kisba ta' ħiliet bażiċi tkun prerekwiżit għall-gradwazzjoni minn kull skola, mill-livell primarju sal-livell universitarju, inklużi ċ-ċentri edukattivi għall-adulti, u jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lit-titjib tal-ħiliet fil-każ ta' adulti b'livell baxx ta' ħiliet; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva tal-Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet – programm importanti fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa;
15. Iqis li huwa kruċjali li t-taħriġ tal-għalliema jinvolvi l-litteriżmu u l-ħiliet diġitali, kemm fil-livell universitarju kif ukoll fit-taħriġ professjonali tul il-karriera tal-għalliema;
16. Jenfasizza li l-ħiliet diġitali bażiċi u l-litteriżmu diġitali żviluppati permezz tas-sistemi edukattivi għandhom jinkludu tagħlim dwar l-użu raġonevoli ta' tagħmir elettroniku, sabiex jiġi evitat l-użu eċċessiv tal-kompjuters, tal-internet jew tal-mowbajls, u sabiex it-tfal insalvawhom minn dipendenzi tal-imġiba għal-logħob elettroniku u għall-midja soċjali;
17. Jenfasizza l-importanza ta' gwida tal-karrieri tul il-ħajja sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-nies f'taħriġ u f'perkorsi tal-karrieri adatti, flessibbli u ta' kwalità għolja; jenfasizza l-ħtieġa li jkunu promossi l-possibiltajiet ta' apprendistat u ta' taħriġ permezz ta' inizjattivi ta' qawmien tal-kuxjenza għall-istudenti, għall-ġenituri tagħhom, għall-istudenti adulti, għall-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, għal min iħaddem u għas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi;
18. Ifakkar fl-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja, permezz tat-titjib tal-ħiliet u ta' taħriġ mill-ġdid, għall-ftuħ ta' possibilitajiet ġodda għal inklużjoni attiva u għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-kwalifiki, speċjalment għall-persuni b'livell baxx ta' ħiliet, għal dawk li ilhom qiegħda, għall-persuni bi bżonnijiet speċjali, għall-persuni kbar fl-età u għall-migranti; jenfasizza l-ħtieġa li nistinkaw lejn approċċ individwali għall-iżvilupp tal-karriera u l-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membir fl-iżvilupp ta' programmi ta' taħriġ u edukazzjoni li jiffaċilitaw l-inklużjoni attiva u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' adulti li jirritornaw fis-suq tax-xogħol;
19. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu b'mod attiv l-opportunitajiet disponibbli għat-titjib tal-ħiliet għal adulti bi kwalifiki baxxi, inkluż l-aċċess għal servizzi ta' gwida u ta' pariri dwar il-karrieri, u biex ixerrdu l-informazzjoni dwarhom; jenfasizza li din l-informazzjoni trid tkun disponibbli f'formati aċċessibbli u faċli għall-utent;
20. Josserva li minkejja ż-żewġ miljun post tax-xogħol battal fl-UE, aktar minn 30 % taż-żgħażagħ kwalifikati b'diplomi qed jaħdmu f'impjiegi li ma jaqblux mal-ħiliet jew l-aspirazzjonijiet tagħhom, filwaqt li 40 % tal-impjegaturi Ewropej isibuha diffiċli biex isibu ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa[4];
21. Josserva li n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet jista' jiġi attribwit mhux biss għal kwalifiki inadegwati, iżda wkoll għall-kwalifiki insuffiċjenti u l-kwalifiki żejda;
22. Jenfasizza li n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u n-nuqqasijiet ta' ħiliet fis-suq tax-xogħol huma fatturi sinifikanti kemm għall-qgħad kif ukoll għall-postijiet tax-xogħol battala[5]; iqis li dawn il-fenomeni inkwetanti jistgħu jiġu indirizzati, inter alia billi:
- naraw li s-sistemi edukattivi jikkooperaw aktar mill-qrib man-negozji u s-sħab soċjali, bħalma huma l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-għaqdiet tal-ħaddiema, pereżempju billi l-professjonisti u l-prattikanti jiġu mistiedna jkollhom rwol fil-ħolqien ta’ apprendistati u traineeships b'valur edukattiv reali;
- intejbu l-mobilità bejn ir-reġjuni transfruntiera, inkluż l-iskambju tal-kompetenzi esperti fl-ogħla livell politiku; u
- niffokaw fuq l-iżvilupp olistiku tal-istudenti, mhux biss l-impjegabilità tagħhom, iżda wkoll il-ħiliet soċjali u ċiviċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, biex jiffokaw aktar fuq il-ħiliet transversali u soċjali, il-ħiliet interkulturali, il-ħsieb kritiku u kreattiv, il-ħila li wieħed isolvi l-problemi, u l-intraprenditorjat, li kollha huma ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol;
23. Jinnota li xogħlijiet differenti jistgħu jirrikjedu l-istess ħiliet u jikkonsistu fl-istess kompiti; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li s-sistema edukattiva għandha tkun orjentata lejn il-ħiliet u l-kompiti, biex tippermetti tranżizzjoni rapida bejn impjieg u ieħor; jenfasizza li, fil-kuntest tal-evoluzzjoni soċjetali u tas-suq tax-xogħol, is-sistemi edukattivi għandhom jistinkaw biex jattrezzaw lill-istudenti bis-sett it-tajjeb ta' ħiliet, kompetenzi u għarfien biex jgħinhom isiru ċittadini Ewropej attivi u biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-ħiliet hu proċess kontinwu li jiżvolġi fil-livelli kollha ta' edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol; iqis li l-ħiliet u l-kompetenzi għandhom jintużaw kemm fil-proċess edukattiv kif ukoll fir-rikonoxximent tal-edukazzjoni u l-kwalifiki permezz tas-sistema ta' mikrokredenzjali (korsijiet qosra u ċċertifikati);
24. Jilqa', f'dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa[6], li tipproponi soluzzjonijiet għan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u għan-nuqqasijiet ta' ħiliet u għas-sejba tas-sistema t-tajba tar-rikonoxximent tal-ħiliet; ifakkar fl-importanza tal-10 azzjonijiet imnedija bħala parti minn din l-aġenda, li jipprovdu t-taħriġ it-tajjeb u jappoġġjaw l-akkwist ta' ħiliet għaċ-ċittadini tal-UE. huwa tal-fehma li meta n-nies jifhmu t-tendenzi u x-xejriet tad-domanda għall-ħiliet u l-impjiegi, dan jippermettilhom jagħmlu għażliet aħjar għall-karriera, isibu impjiegi ta' kwalità u jtejbu l-opportunitajiet f'ħajjithom; jitlob, għalhekk, li jsir aktar tbassir tal-ħiliet;
25. Jinnota, barra minn hekk, li ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) ibassar żieda parallela fil-ħiliet kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista sal-2025, u li d-domanda għal ħiliet ta' livell għoli fis-suq tax-xogħol qed tisboq il-provvista mis-sistema edukattiva; ifakkar, b'mod partikolari, li n-nuqqas ta' impjegati f'setturi bbażati fuq is-STEM fl-UE hu mistenni jilħaq aktar minn 200 000 sal-2020; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni mtejba mas-sħab soċjali, biex jitqiesu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u aktar tbassir tal-ħiliet għall-iżvilupp tas-suq tax-xogħol; jilqa' l-fatt li l-utenti tal-pjattaforma Europass tal-futur se jiġu pprovduti b'intelliġenza dwar il-ħiliet li tiggwidahom fl-għażliet li jagħmlu dwar it-tagħlim u l-karriera tagħhom;
26. Jinnota li għadd konsiderevoli ta' impjiegi ġodda qed jinħolqu f'industriji relatati mal-enerġija rinnovabbli, u li s-setturi u l-impjiegi ekoloġiċi għandhom jiġu indirizzati fil-kurrikula tal-iskejjel;
27. Jenfasizza li l-għadd kbir ta' NEETs - kważi 6.3 miljun żagħżugħ u żagħżugħa bejn l-etajiet ta' 15 u 24 sena li la għandhom impjieg u lanqas mhuma qed jagħmlu xi edukazzjoni jew taħriġ - jista' jitnaqqas billi jiġi prevenut it-tluq bikri mill-iskola, u billi l-iskejjel ikunu magħmula aktar prattiċi u konnessi mal-ambjent lokali tagħhom, billi jiġu żviluppati rabtiet ma' kumpaniji lokali, awtoritajiet lokali, istituzzjonijiet soċjali u NGOs; huwa tal-fehma li t-tluq bikri mill-iskola, li hu waħda mir-raġunijiet għalfejn iż-żgħażagħ sussegwentement isiru NEETs, jista' jiġi miġġieled billi jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jemmen li huwa importanti wkoll li l-istudenti jingħataw appoġġ biex isibu l-metodi tat-tagħlim tagħhom stess, inklużi korsijiet fuq l-internet u tagħlim imħallat; jilqa' l-implimentazzjoni ta' kurrikula rilevanti u impenjattivi u ta' sistemi ta' gwida sodi u żviluppati sew, ta' gwida u konsulenza ta' kwalità għolja, b'servizzi ta' counselling u gwida ta' kwalità għall-istudenti kollha;
28. Jirrimarka l-ħtieġa li jittejbu l-livelli ta' ħiliet u l-kwalifiki fost il-migranti u r-rifuġjati; jenfasizza li hi meħtieġa azzjoni, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali, biex tiġi appoġġjata l-integrazzjoni effettiva fis-suq tax-xogħol, kif ukoll riformi fis-suq tax-xogħol, sabiex jibbenefikaw il-ħiliet, l-għarfien u l-kwalifiki eżistenti; ifakkar fil-ħtieġa li jittejbu s-sistemi għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki, inklużi dawk miksuba barra mill-UE;
29. Jilqa' b'ħafna sodisfazzjon il-fatt li bħala parti mill-isforzi ta' modernizzazzjoni tal-edukazzjoni skolastika fl-UE, il-Kummissjoni tagħmel referenza partikolari għall-importanza tal-promozzjoni tal-edukazzjoni inklużiva permezz tal-iskambjar tal-aħjar prattiki dwar l-integrazzjoni tal-istudenti migranti u t-tagħlim ta' valuri komuni;
30. Jenfasizza, barra minn hekk, li għandhom jitħeġġu aktar it-taħriġ mill-ġdid u miżuri oħra ta' edukazzjoni u taħriġ prattiċi għar-rifuġjati u l-migranti;
31. Jenfasizza ċ-ċirkostanzi edukattivi speċjali tat-tfal u l-adolexxenti li l-ġenituri tagħhom jivvjaġġaw fl-Ewropa għal raġunijiet ta' xogħol, u jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju sabiex tenfasizza s-sitwazzjoni speċifika tagħhom fir-rigward tal-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom fir-rigward tal-edukazzjoni ta' qabel l-iskola u tal-iskola;
32. Iqis li l-iskejjel għandhom ikunu ta' appoġġ u jipprovdu edukazzjoni inklużiva għall-istudenti kollha, speċjalment dawk b'diżabilità; jenfasizza l-ħtieġa tal-inklużjoni ta' tfal / studenti b'diżabilità fl-edukazzjoni, biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti u jkunu integrati għalkollox fis-soċjetà bħala parteċipanti attivi u kontributuri reali; hu tal-fehma li bis-saħħa tal-iżviluppi teknoloġiċi attwali, l-istudenti b'diżabilità qed jiġu offruti aċċess eħfef għall-edukazzjoni permezz ta' metodi tat-tagħlim formali u mhux formali; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għal edukazzjoni ewlenija ("mainstream") inklużiva u ta' kwalità, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-istudenti kollha b'kull tip ta' diżabilità, li jfisser, pereżempju, li tiġi pprovduta edukazzjoni inklużiva bilingwi għat-tfal neqsin mis-smigħ fir-rigward tal-ħtiġijiet lingwistiċi speċjali tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-iskejjel fir-rigard tal-politika tagħhom ta' nonrifjut;
33. Jirrimarka li l-pass tal-bidla fis-suq tax-xogħol, id-diversità tas-sistemi edukattivi, il-mobilità li qed tiżdied tal-ħaddiema, u l-livelli dejjem jiżdiedu tal-migrazzjoni qed jesiġu li min iħaddem u l-fornituri tal-edukazzjoni jirrikonoxxu l-kwalifiki, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba, fosthom f'tagħlim mhux formali u informali[7], f'konformità ma' sistema ta' valutazzjoni komparabbli u abbażi tal-aħjar prattika tal-Istati Membri li diġà introduċew għodod ta' dan it-tip; jinnota, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' rispons tal-politika mmirat lejn l-aktar gruppi esklużi u vulnerabbli fis-suq tax-xogħol;
34. Ifakkar li r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali[8] talbet lill-Istati Membri biex sa mhux aktar tard mill-2018 ikunu daħħlu fis-seħħ l-arranġamenti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali;
35. Ifakkar fl-importanza li jittejbu jew jiġu introdotti proċeduri għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni informali u mhux formali[9], li jkunu bbażati fuq l-aħjar prattika tal-Istati Membri li diġà introduċew għodod ta' dan it-tip;
36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jippermettu r-rikonoxximent u l-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali, u jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza u s-siwi tal-mikrokredenzjali; jilqa' l-iżvilupp ta' korsijiet online miftuħa massivi (MOOCs), li jistgħu jwessgħu l-aċċess għall-edukazzjoni għal gruppi żvantaġġati jew dawk li ċ-ċirkostanzi tagħhom ma jippermettulhomx jattendu klassijiet fil-post, u għalhekk iżidu l-opportunitajiet tagħhom ta' impjieg u ta' ħajja aħjar, u b'hekk jagħmluha possibbli li jiġi miġġieled il-qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ;
37. Jistieden lill-Istati Membri jinternazzjonalizzaw is-sistemi edukattivi u jespandu l-programmi ta' mobilità tal-istudenti biex iħejjuhom aħjar għas-suq tax-xogħol tal-UE, fejn nuqqas ta' ħiliet fil-lingwi u l-kulturi barranin huwa l-ewwel ostaklu għall-mobilità; jenfasizza li l-programmi ta' mobilità għall-istudenti kkontribwew għall-integrazzjoni Ewropea u għandhom impatt pożittiv fuq l-impjiegi taż-żgħażagħ; jitlob, f'dan il-kuntest, li tingħata attenzjoni speċjali lill-aspett transfruntier tal-edukazzjoni, pereżempju billi jiġi promoss it-tagħlim tal-lingwi ġirien u, b'mod partikolari, li jiġu inklużi prijoritajiet akkademiċi ġodda f'dan il-qasam, kemm fil-mogħdija akkademika kif ukoll f'dik vokazzjonali; iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li dawn l-azzjonijiet jindirizzaw it-tipi kollha ta' skejjel u l-livelli kollha ta' edukazzjoni, biex is-suq tax-xogħol tal-UE jkun magħmul disponibbli għal studenti gradwati mhux biss mill-universitajiet iżda wkoll mis-sistema tal-edukazzjoni ETV;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tiżgura li l-programmi ta' mobilità, bħal Erasmus +, jiġu rikonoxxuti b'mod reċiproku mill-Istati Membri, u sabiex tiżgura investimenti miżjuda sostnuti f'Erasmus +, kif ukoll appoġġ finanzjarju u individwali; jirrikonoxxi l-fatt li fl-2016, il-programm Erasmus + appoġġja 725 000 ċittadin Ewropew b'għotjiet ta' mobilità sabiex jgħinhom jistudjaw, jitħarrġu, jgħallmu, jaħdmu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom, u qiegħed fit-triq it-tajba biex jilħaq il-mira tiegħu li jkun appoġġja 3.7 % taż-żgħażagħ fl-UE bejn l-2014 u l-2020;
39. Jipproponi li l-Kummissjoni żżomm l-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali bħala wieħed mill-prijoritajiet għal programm futur Erasmus+ fil-perjodu finanzjarju li jmiss (wara l-2020) fl-azzjonijiet kollha tagħha, inkluża l-mobilità;
40. Jiddispjaċih, fil-kuntest ta' domanda dejjem tikber għal kompetenzi u ħiliet ta' livell għoli, dwar il-fatt li tul iż-żmien, l-iżvilupp sinifikanti tal-edukazzjoni ogħla qed iwassal għall-inflazzjoni tad-diplomi, filwaqt li fl-istess ħin qed ikompli jikber in-nuqqas ta' ħiliet u kwalifiki professjonali, li qed iwasslu għal żbilanċi fis-suq tax-xogħol;
41. Jitlob, f'dan ir-rigward, għall-ħolqien ta' aktar ħiliet orjentati lejn is-suq tax-xogħol kif ukoll żieda massiva fil-proporzjon tat-taħriġ orjentat lejn il-prattika; jistieden lill-Istati Membri b'mod partikolari biex jiżviluppaw aktar edukazzjoni terzjarja u taħriġ vokazzjonali, biex l-istudenti jkunu jistgħu jiksbu kwalifiki relatati ma' ħiliet u taħriġ prattiċi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-porożità bejn sistemi edukattivi differenti;
42. Josserva li, irrispettivament mill-għadd ta' studenti li qed jikber, is-sehem ta' gradwati b'ħiliet ta' livell għoli huwa differenzjat bejn l-Istati Membri, u li l-proporzjon ta' gradwati b'ħiliet ta' livell baxx ħafna jvarja bejn 10 % u 'l fuq minn 50 %; jinsisti li l-kriterji ta' evalwazzjoni fil-politiki tal-edukazzjoni għolja għandhom jinkludu wkoll kriterji kwalitattivi, pereżempju l-parametru referenzjarju għall-Istati Membri biex jiżdied l-għadd ta' studenti[10] m'għandux jiffoka biss fuq l-għadd ta' diplomi, iżda wkoll fuq il-livell reali ta' ħiliet;
43. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u min iħaddem, bil-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-isfidi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u tal-istudenti, billi jinħolqu rabtiet mal-atturi lokali u reġjonali, jintlaħqu l-komunitajiet lokali, jitrawmu l-iżvilupp u l-innovazzjoni lokali u reġjonali, jinbnew sistemi ta' edukazzjoni għolja inklużiva u konnessa, tissaħħaħ il-kollaborazzjoni mad-dinja tax-xogħol u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-ħiliet fil-livell reġjonali;
44. Jissottolinja, barra minn hekk, in-nuqqas ta' gwida vokazzjonali inklużiva u ta' kwalità għolja fl-Istati Membri, u jemmen li huma biss il-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali attraenti u mfittxija mfassla bil-kontribut u l-kooperazzjoni tas-sħab soċjali li jistgħu jippromwovu din l-għażla fost l-istudenti;
45. Jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li tittejjeb il-kwalità tal-gwida vokazzjonali fl-iskejjel, u li l-għoti ta' gwida u appoġġ edukattivi personalizzati fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ jista' jiffaċilita b'mod sinifikanti l-aċċess għas-suq tax-xogħol;
46. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-opportunitajiet ta' impjieg konkreti assoċjati mal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV) u r-rilevanza tal-edukazzjoni ETV fis-suq tax-xogħol;
47. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu t-taħriġ vokazzjonali u edukattiv aktar viżibbli, biex jippromwovu pjattaformi bħall-EURES, biex jiġi żgurat li jkun aċċessibbli għal kulħadd, ibbilanċjat mil-lat tal-ġeneru u nondiskriminatorju, u biex jiġi ggarantit li jkollu finanzjament suffiċjenti u biex jiġu msaħħa l-kwalità u l-attraenza tiegħu, u biex ikunu promossi l-edukazzjoni doppja, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u t-tagħlim imsejjes fuq ir-realtà fil-forom kollha f'kull livell u forma ta' edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni għolja, sabiex jiġu żgurati rabtiet aktar sodi bejn l-edukazzjoni u s-swieq tax-xogħol u biex tiġi pprovduta permeabilità bejn tipi differenti ta' edukazzjoni; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal tagħmir tekniku modern fiċ-ċentri edukattivi, bl-infrastruttura diġitali xierqa; jitlob li l-promozzjoni tal-politiki tal-apprendistat u l-intraprenditorija għaż-żgħażagħ, tiġi żviluppata u msaħħa, biex ikun iffaċilitat id-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol;
48. Jemmen li biex ikun żgurat li jiġu offruti kollokamenti f'apprendistati jew traineeship ta' kwalità, hija fundamentali l-eżistenza ta' kuntratti li jiddelinjaw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet kollha u jispeċifikaw it-tul, l-objettivi tat-tagħlim u l-kompiti li jikkorrispondu għal ħiliet identifikati b'mod ċar li għandhom jiġu żviluppati, l-istatus tal-impjieg, kumpens/rimunerazzjoni adegwati, inkluż għas-sahra, protezzjoni soċjali u skemi ta' sigurtà skont il-liġi nazzjonali applikabbli, ftehimiet kollettivi applikabbli, jew it-tnejn li huma;
49. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu offruti kontenut xieraq ta' tagħlim u taħriġ, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, għat-traineeships u għall-apprendistati, biex jiġi żgurat ir-rwol kruċjali tagħhom fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-ħajja professjonali; jenfasizza li t-traineeships u l-apprendistati qatt m'għandhom jintużaw bħala sostituti għall-impjiegi, u li t-trainees u l-apprendisti m'għandhomx jiġu kkunsidrati għall-użu bħala forza tax-xogħol irħisa jew saħansitra mhux imħallsa;
50. Ifakkar li llum, l-eċċellenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ teħtieġ integrazzjoni ġenwina bejn l-iskola u x-xogħol, u jenfasizza li din l-integrazzjoni tagħti spinta kemm lill-kwalità tal-matematika u l-litteriżmu miksuba mit-tfal, kif ukoll lill-ħiliet professjonali li jeħtiġilhom jakkwistaw; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, is-sistemi ta' edukazzjoni doppja u l-edukazzjoni bbażata fuq ir-realtà - approċċ innovattiv fejn l-iskejjel immexxu kumpaniji reali li joffru prodotti jew servizzi reali, u jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol;
51. Iqis li l-informazzjoni mill-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati u l-ġbir ta' data preċiża u rilevanti (mhux biss fil-livell nazzjonali, iżda wkoll fil-livell tal-UE) huma essenzjali għall-assigurazzjoni tal-kwalità u l-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità li hija bbażata fuq il-kontenut u tikkorrispondi mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u għar-riforma tas-sistemi edukattivi biex tagħmilhom aktar flessibbli u inklużivi;
52. Jiżgura li s-sistema tal-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-karrieri li tissorvelja r-rati ta' impjieg tal-gradwati u indikaturi oħra tal-karrieri għandhom jintużaw ukoll għall-evalwazzjoni tal-kurrikula tal-iskejjel u tal-organizzazzjoni tat-tagħlim, mhux biss biex jingħataw spinta l-possibbiltajiet tal-gradwati fis-suq tax-xogħol, iżda anki biex jissaħħu l-pożizzjoni u l-influwenza tagħhom fil-bini tal-ekonomija u fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda;
53. Jitlob li tinġabar data diżaggregata skont is-sessi dwar l-eżiti tal-gradwati mill-edukazzjoni terzjarja u mill-ETV, biex jittejjeb l-użu potenzjali ta' din id-data fil-kuntest tal-impjieg tal-gradwati u biex tiġi vvalutata l-kwalità tal-edukazzjoni minn perspettiva bbażata fuq is-sessi;
54. Jenfasizza li investimenti akbar fis-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ, kif ukoll fil-modernizzazzjoni u fl-aġġustament tagħhom, huma kundizzjoni kruċjali għall-progress soċjali u ekonomiku; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li jiġi żgurat li l-investiment soċjali, speċjalment fl-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd, jingħata prijorità fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-2020-2026;
55. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha, permezz tal-FSE u s-Semestru Ewropew, biex tappoġġja politiki pubbliċi komprensivi fl-Istati Membri li jkollhom l-għan li jipprovdu tranżizzjonijiet mingħajr intoppi mill-edukazzjoni u l-qgħad (fit-tul) għall-impjieg, u b'mod speċifiku għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri fil-livell nazzjonali mfassla fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni li ilhom qiegħda;
56. Itenni l-importanza tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni u tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-programmi tal-UE li għandhom l-impjieg taż-żgħażagħ fil-mira; jinnota l-importanza ta' investimenti effettivi u sostenibbli.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
27.3.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 22 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Michael Detjen, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Marian Harkin, Czesław Hoc, Agnes Jongerius, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Dominique Martin, Miroslavs Mitrofanovs, Emilian Pavel, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Robert Rochefort, Claude Rolin, Siôn Simon, Romana Tomc, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Renate Weber |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Georges Bach, Amjad Bashir, Heinz K. Becker, Karima Delli, Tania González Peñas, Ivari Padar, Anne Sander, Sven Schulze, Jasenko Selimovic, Csaba Sógor, Neoklis Sylikiotis, Ivo Vajgl |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jude Kirton-Darling, Ana Miranda, James Nicholson, Massimo Paolucci |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
26 |
+ |
|
ALDE |
Enrique Calvet Chambon, Marian Harkin, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Ivo Vajgl, Renate Weber |
|
ECR |
Amjad Bashir, Arne Gericke, Czesław Hoc, James Nicholson, Ulrike Trebesius |
|
PPE |
Georges Bach, Heinz K. Becker, David Casa, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Csaba Sógor, Romana Tomc |
|
S&D |
Siôn Simon |
|
22 |
- |
|
EFDD |
Tiziana Beghin |
|
ENF |
Mara Bizzotto, Dominique Martin |
|
GUE/NGL |
Tania González Peñas, Patrick Le Hyaric, João Pimenta Lopes, Neoklis Sylikiotis |
|
NI |
Lampros Fountoulis |
|
S&D |
Guillaume Balas, Brando Benifei, Michael Detjen, Elena Gentile, Agnes Jongerius, Jude Kirton-Darling, Ivari Padar, Massimo Paolucci, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Marita Ulvskog |
|
VERTS/ALE |
Karima Delli, Ana Miranda, Miroslavs Mitrofanovs |
|
0 |
0 |
|
|
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=mt&pubId=7711
- [2] Sors: Rapport ta' Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2017; Stħarriġ tal-OECD dwar il-Ħiliet tal-Adulti 2016.
- [3] http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/587312/IPOL_STU%282016%29587312_EN.pdf , https://www.oecd.org/skills/piaac/Skills_Matter_Further_Results_from_the_Survey_of_Adult_Skills.pdf [Annex A, table A3.3(L), A 3.3(N)].
- [4] http://www.cedefop.europa.eu/en/publications-and-resources/publications/3072, https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1502en_0.pdf
- [5] http://www.cedefop.europa.eu/en/events-and-projects/projects/assisting-eu-countries-skills-matching
- [6] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 intitolata "Aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (COM(2016)0381).
- [7] Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2017 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa. Testi adottati, P8_TA(2017)0360.
- [8] ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
- [9] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2017 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa.
- [10] Rapport ta' Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2017.
OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (4.4.2018)
għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-UE
(2017/2224(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Michaela Šojdrová
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi, għalkemm id-deċiżjoni biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni hija tal-Istati Membri, l-UE għandha rwol prinċipali ta' sostenn fl-istabbiliment ta' għanjiet konġunti u fil-promozzjoni tal-kondiviżjoni ta' prattiki tajba fuq il-bażi tal-Artikoli 165 u 167 tat-TFUE;
B. billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li huwa minqux fit-Trattati u għandu jiġi rifless fil-politiki kollha tal-UE, u, bl-istess mod, anki fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura;
C. billi l-edukazzjoni toffri opportunità unika li tippermetti l-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa u l-indirizzar tal-forom kollha ta' diskriminazzjoni u stereotipi, iżda dan il-potenzjal għadu ma ġiex sfruttat bis-sħiħ fl-Unjoni Ewropea; billi, skont id-data tal-Eurostat tal-2014, aktar nisa (42,3 %) milli rġiel (33,6 %) ikomplu l-edukazzjoni għolja, iżda billi numru akbar ta' nisa jagħżlu studji umanistiċi milli oqsma xjentifiċi; billi fost studenti fl-edukazzjoni terzjarja, 9,6 % tal-istudenti nisa biss qed jistudjaw għal lawriji relatati mal-ICT, meta mqabbla ma' 30,6 % tal-irġiel; billi l-impatt tal-istereotipi tas-sessi fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ jista' jiddetermina l-għażliet tal-ħajja, u dan għandu implikazzjonijiet qawwija fuq is-suq tax-xogħol, fejn in-nisa jiffaċċjaw segregazzjoni kemm orizzontali kif ukoll vertikali; billi n-nisa spiss jiffaċċjaw vjolenza, li tista' tiġi eliminata permezz tal-edukazzjoni; billi n-nisa għadhom fil-biċċa l-kbira sottorappreżentati f'inizjattivi mmirati biex irawmu dejjem iktar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali bħall-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar, l-ICT għal Edukazzjoni Mtejba, il-Klabb tal-Mexxejja Ewropew tal-Istartups u l-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali;
D. billi l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għolja huwa fundamentali għall-emanċipazzjoni personali u ċ-ċittadinanza responsabbli, u jgħin fl-iżvilupp tal-fehim tad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali komuni u r-rispett tagħhom, jiggarantixxi l-koeżjoni soċjali, u jiġġieled l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u dawk ta' bejn is-sessi, l-istereotipi tas-sessi u l-vjolenza; billi l-edukazzjoni hija għodda b'saħħitha biex jingħelbu l-istereotipi u d-dikriminazzjoni bbażati fuq is-sessi u li għandhom għeruq fondi; billi s-sistemi edukattivi m'għandhomx ikunu ffukati biss fuq is-suq tax-xogħol iżda wkoll fuq il-ħtiġiet umani, soċjetali u kulturali; billi t-tfal kollha għandu jkollhom aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, mingħajr diskriminazzjoni; billi d-distakk soċjoekonomiku twessa' fl-Ewropa tul dawn l-aħħar deċennji, u billi l-inugwaljanza hija interkonnessa sew mal-opportunitajiet ta' xogħol u t-tipi ta' impjieg; billi huwa essenzjali li l-edukazzjoni, li l-aċċess għaliha huwa dritt fundamentali tal-bniedem, tirċievi finanzjament adegwat fuq bażi kontinwa; billi l-għalliema għandhom rwol ewlieni fl-edukazzjoni personali, ċivika u soċjali tal-istudenti tagħhom, anki għal dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet dwar il-ġeneru u l-inugwaljanzi soċjali;
E. billi l-miżuri ta' awsterità u t-tnaqqis drastiku fl-infiq pubbliku naqqsu b'mod ġenerali l-baġit għall-edukazzjoni pubblika, li kellu effett negattiv fuq iż-żgħażagħ u l-istudenti, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet;
F. billi l-intraprenditorija hija spiss assoċjata ma' ħiliet li jirrigwardaw il-ġestjoni proattiva ta' proġetti, in-negozjar u l-proattività; billi dawn il-ħiliet għandhom jiġu mħeġġa u promossi;
G. billi d-diġitalizzazzjoni rrivoluzzjonat u biddlet b'mod fundamentali l-mod li bih il-persuni jaċċedu għal informazzjoni u jipprovduha, u dan jirrappreżenta potenzjal kbir fil-qasam tal-edukazzjoni, anki f'termini ta' opportunitajiet edukattivi għan-nisa u l-bniet; billi hemm distakk sinifikanti bejn is-sessi fl-aċċess għall-opportunitajiet professjonali u edukattivi fir-rigward tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u l-ħiliet tal-informatika;
H. billi n-nisa jikkostitwixxu 20 % biss tal-professjonisti fil-qasam tax-xjenza u jirrappreżentaw 27 % biss tal-gradwati tal-inġinerija[1]; billi huma biss 29 mara għal kull 1 000 gradwat mara, meta mqabbla ma' 95 raġel għal kull 1000 gradwat raġel, li għandhom l-ewwel grad universitarju fl-ICT, u 3 % biss tal-gradwati nisa kollha għandhom lawrija f'din id-dixxiplina (meta mqabbla ma' kważi 10 % tal-gradwati rġiel), u billi huma biss 4 nisa minn 1 000 mara li se jiksbu xogħol fis-settur tal-ICT; billi ż-żieda fin-numru tan-nisa fis-settur tal-ICT, li huwa wieħed mis-setturi bl-ogħla pagi, prinċipalment permezz tal-inklużjoni tagħhom fl-edukazzjoni u l-lawriji universitarji fil-kamp tal-ICT u x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), tista' tikkontribwixxi għat-tisħiħ u l-indipendenza finanzjarja tagħhom, u b'hekk tnaqqas id-distakk fil-pagi globali bejn is-sessi; billi 60 % tal-istudenti tal-iskola fl-UE qatt ma jużaw tagħmir diġitali fil-klassijiet tagħhom; billi ftit nisa biss jokkupaw pożizzjonijiet deċiżjonali fis-setturi tax-xjenza u t-teknoloġija; billi jeħtieġ li jkun hemm aktar mudelli eżemplari ta' nisa f'oqsma tradizzjonalment dominati mill-irġiel;
I. billi t-tagħlim tul il-ħajja jiżvolġi rwol importanti biex iżid il-kompetittività u l-impjegabbiltà tan-nisa fuq il-post tax-xogħol; billi 15 %[2] biss tan-nisa li għandhom livell baxx ta' edukazzjoni jkomplu jipparteċipaw fl-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja; billi dan in-numru jeħtieġ li jiżdied biex in-nisa jkunu jistgħu jegħlbu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom meta jkunu qed jaġġornaw il-ħiliet tagħhom ħalli jkunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidel;
J. billi r-rappreżentanza żejda spoporzjonata tan-nisa f'ċerti professjonijiet, bħalma huma t-tagħlim, potenzjalment jista' jkollha l-effett li tnaqqas l-istatus tal-professjoni u tbaxxi s-salarji;
K. billi l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet edukattivi bil-mezzi kollha għad-dispożizzjonijiet tagħhom, u billi l-edukazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tikkostitwixxi element trażversali fil-programmi skolastiċi; billi l-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali jeħtieġ li jiżguraw li l-materjali tat-tagħlim ma jkunx fih kontenut diskriminatorju;
L. billi għadd sinifikanti ta' bniet u subien minn kuntesti soċjoekonomiċi foqra m'għandhomx aċċess ugwali għall-edukazzjoni minħabba livelli ta' għajxien baxxi;
M. billi l-ġenituri għandhom rwol importanti fl-edukazzjoni ta' wliedhom, u għalhekk għandhom ikunu involuti b'mod attiv fl-isforzi u l-politiki kollha mmirati lejn il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni;
N. billi jeħtieġ li jinżammu, fil-livell lokali, l-iskejjel u l-faċilitajiet ta' taħriġ fir-reġjuni kollha tal-UE, bħala pedament essenzjali għal edukazzjoni tajba u opportunitajiet ugwali ghall-bniet;
1. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw, fi ħdan is-sistemi edukattivi tagħhom, opportunitajiet ugwali għall-istudenti kollha, speċjalment għal dawk li ġejjin minn kuntesti soċjoekonomikament żvantaġġati, u jimmonitorjaw l-aċċess ugwali tagħhom għal edukazzjoni ta' kwalità għolja; huwa tal-fehma li l-aċċess għall-iskola, xi kultant fiżiku u ġeografiku, huwa wieħed mill-mezzi biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn is-sessi fl-edukazzjoni; jinsisti li fatturi soċjali usa' għandhom jiġu kkunsidrati biex titjieb is-sitwazzjoni tal-bniet emarġinati fl-UE; ifakkar li ammont kbir ta' studenti minn popolazzjonijiet emarġinati jitilqu mill-iskola qabel ma jtemmu l-istudji tagħhom u/jew jiġu mgħallma fi skejjel segregati; huwa tal-fehma li l-edukazzjoni hija l-uniku mod kif tfal emarġinati jkunu jistgħu joħorġu mill-faqar u mill-esklużjoni; jirrimarka li l-faqar u d-diffikultajiet ekonomiċi għandhom impatt qawwi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni, u dan jaffettwa wkoll l-aċċess tal-bniet għall-iskejjel u l-universitajiet; għalhekk, iħeġġeġ l-inizjattivi mill-Istati Membri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ispejjeż edukattivi diretti u indiretti għall-familji fil-bżonn; jilqa' b'sodisfazzjon il-promozzjoni ta' edukazzjoni inklużiva permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-integrazzjoni ta' studenti migranti u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bl-għan li jiġu identifikati l-valuri komuni;
2. Jirrimarka li l-parteċipazzjoni fqira tan-nisa u l-bniet fl-edukazzjoni relatata mal-ICT, u aktar tard fl-impjieg, hi riżultat ta' interazzjoni kumplessa tal-istereotipjar tas-sessi li tibda' fl-istadji bikrija tal-ħajja u tal-edukazzjoni u tkompli fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu l-istereotipi tas-sessi u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi f'kull livell u tip ta' edukazzjoni, anki fir-rigward tal-għażla skont il-ġeneru tal-korsijiet ta' studju u tal-karriera, f'konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020");
3. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw b'mod miftuħ fil-qafas tal-ET 2020 sabiex isibu soluzzjonijiet u jikkondividu l-aħjar prattiki dwar l-edukazzjoni diġitali bikrija li jkunu inklużivi fir-rigward tal-bniet, inklużi l-ħiliet diġitali u l-ikkowdjar, kif ukoll fi stadji ulterjuri dwar programmi mmirati biex jiżdied in-numru ta' nisa li jiddeċiedu li jsegwu u jiggradwaw b'lawriji fis-suġġetti STEM;
4. Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-litteriżmu diġitali u l-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-bniet fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qasam tal-ICT; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jpoġġu enfasi akbar fuq l-għoti ta' opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ għall-bniet fl-oqsma STEM u tal-ICT, kif ukoll fuq l-indirizzar tad-distakk diġitali tal-ġeneru billi jiżviluppaw il-ħiliet diġitali tagħhom permezz tal-inklużjoni tal-ikkowdjar, il-midja u t-teknoloġiji ġodda fil-kurrikuli edukattivi fil-livelli kollha, anki għall-għalliema, sabiex jitnaqqsu u jitneħħew id-distakki fil-ħiliet diġitali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu edukazzjoni dwar l-ICT li tkun xierqa għall-età fl-istadji bikrija tal-iskejjel, b'enfasi partikolari fuq l-ispirazzjoni tal-bniet biex jiżviluppaw interess u talent fil-qasam diġitali, peress li l-bniet jitbiegħdu mis-suġġetti STEM aktar kmieni fil-perkors edukattiv tagħhom minħabba l-istereotipi tas-sessi fir-rigward ta' dawn is-suġġetti, nuqqas ta' mudelli ta' eżempju u segregazzjoni ta' attivitajiet u ġugarelli; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jinvestu b'mod konsistenti fl-informazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-kampanji edukattivi u jtejbu l-għoti ta' pariri għall-karriera lill-bniet u s-subien billi jindirizzaw il-perċezzjonijiet stereotipati tar-rwoli tas-sessi, kif ukoll l-istereotipi tas-sessi fl-orjentazzjoni vokazzjonali, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna x-xjenza, l-inġinerija u t-teknoloġiji l-ġodda; jirrimarka li dan jgħin biex titnaqqas is-segregazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa, filwaqt li jagħmilha possibbli li jittieħed benefiċċju sħiħ mill-kapital uman tal-bniet u n-nisa fl-UE;
5. Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu l-istereotipi tas-sessi fl-edukazzjoni biex jiġi żgurat li n-nisa jkollhom l-istess opportunitajiet u libertà ta' għażla fir-rigward tal-karriera li jixtiequ; huwa mħasseb, f'dan il-kuntest, dwar l-istereotipi li għadhom jeżistu f'materjal tat-tagħlim f'xi Stati Membri u l-aspettattivi differenti tal-għalliema fir-rigward tal-imġiba tal-bniet u s-subien; jiġbed l-attenzjoni dwar il-bżonn li jiġi inkorporat il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi kemm fit-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema, kif ukoll fil-prattiki ta' tagħlim, sabiex jiġi eliminat kwalunkwe ostakolu li jimpedixxi lill-istudenti milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom irrispettivament mill-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri biex, meta jimplimentaw l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kurrikuli u s-sillabi tas-sistemi edukattivi reġjonali, jagħtu attenzjoni speċjali lir-reġjuni l-aktar imbiegħda, filwaqt li jieħdu kont tar-rati għolja ta' vjolenza kontra n-nisa rreġistrati f'dawk ir-reġjuni; jenfasizza li s-sistemi edukattivi fil-livelli kollha jeħtieġ li jinkludu perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jieħdu kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jbatu minn diskriminazzjoni;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-impenn favur l-ugwaljanza bejn is-sessi jmur lil hinn minn dikjarazzjonijiet ta' prinċipju u intenzjonijiet politiċi u jissarraf f'żidiet sostanzjali fl-isforzi u r-riżorsi investiti, filwaqt li jittieħed kont tal-importanza tal-edukazzjoni biex isseħħ il-bidla kulturali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu kull forma ta' diskriminazzjoni u fastidju fl-ambjent edukattiv; jappella lill-Istati Membri jappoġġjaw l-inklużjoni ta' informazzjoni oġġettiva dwar kwistjonijiet LGBTI fil-kurrikuli tal-iskejjel;
7. Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-awtoritajiet edukattivi jieħdu azzjoni preventiva fir-rigward tal-vjolenza sessista; jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' miżuri preventivi, speċjalment f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla, sabiex jiġu ttrattati l-każijiet ta' fastidju sesswali;
8. Jenfasizza l-effett pożittiv li l-edukazzjoni dwar is-sess u r-relazzjonijiet għandha fuq is-saħħa u l-benessri taż-żgħażagħ, kif ukoll fuq il-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tal-bniet; jistieden lill-Istati Membri jinkludu, bħala parti mill-kurrikuli tal-iskejjel, edukazzjoni sesswali komprensiva li tittratta, fost aspetti oħra, is-sessiżmu, ir-rwoli tas-sessi u l-kunċetti ta' kunsens, rispett u reċiproċità;
9. Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni u kura preskolari ta' kwalità għolja u jfakkar li dawn għandhom ikunu universalment aċċessibbli, bil-għan li jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b'mod partikolari għan-nisa u l-ommijiet; ifakkar li l-edukazzjoni u l-kura preskolari għandhom rwol essenzjali biex it-tfal ikunu preparati sew għall-iskola primarja;
10. Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni adatta għat-tfal u adegwata għall-età tagħhom, u jopponi kwalunkwe tip ta' sesswalizzazzjoni bikrija u irraġonevoli f'ċentri ta' kura matul il-ġurnata għat-tfal, kindergartens jew skejjel primarji;
11. Jirrimarka li r-rwol u l-kisbiet tan-nisa fl-istorja, ix-xjenza u oqsma oħra mhux dejjem jiġu riflessi u rappreżentati biżżejjed fil-kurrikuli u l-programmi edukattivi; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni f'oqsma rilevanti, jieħdu passi biex jippreżentaw u jinkludu n-nisa f'kontenut edukattiv b'mod aktar viżibbli u bilanċjat; bl-istess mod, jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jorganizzaw azzjonijiet, inklużi kampanji, biex ixerrdu l-għarfien dwar in-nisa fl-istorja, ix-xjenza u oqsma oħra, anki bl-għan li jiġu promossi mudelli ta' eżempju ta' nisa lill-bniet u n-nisa fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;
12. Jirrimarka l-importanza li jiġi inkluż u promoss fil-kurrikuli skolastiċi u l-kontenut edukattiv għarfien dwar l-istorja tal-emanċipazzjoni tan-nisa, u b'mod partikolari d-dritt tal-vot għan-nisa, inkluż fl-okkażjoni tal-anniversarji simboliċi (eż.100 sena minn meta n-nisa ħadu d-dritt li jivvutaw fil-Polonja u l-Ġermanja fl-2018) sabiex jiżdied l-għarfien bil-ħsieb li jiġu promossi d-drittijiet tan-nisa fi ħdan qafas edukattiv;
13. Huwa tal-fehma li l-intraprenditorija hija xprun għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u tikkostitwixxi wkoll mezz biex l-ekonomiji jsiru aktar kompetittivi u innovattivi, u dan jikkontribwixxi għall-emanċipazzjoni tan-nisa;
14. Ifakkar li, fil-qafas tal-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-UE, għandha tiġi żviluppata kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, in-negozji u partijiet interessati oħra, speċjalment fil-qasam tal-innovazzjoni reġjonali, sabiex titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-karrieri imprenditorjali;
15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza pubblika dwar it-tagħlim tul il-ħajja u jintegraw perspettiva tal-ġeneru fl-iżvilupp ta' politiki u programmi rilevanti, b'enfasi partikolari fuq in-nisa b'livelli baxxi ta' edukazzjoni, kemm f'żoni urbani kif ukoll rurali, biex dawn jingħataw opportunitajiet li jtejbu l-ħiliet tagħhom;
16. Jistieden lill-Istati Membri jiffokaw fuq l-edukazzjoni intraprenditorjali u finanzjarja, il-volontarjat u l-għarfien ta' lingwi barranin fl-edukazzjoni u jagħtu prijorità wkoll lil dawn il-ħiliet fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV);
17. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet edukattivi jiżguraw rappreżentanza akbar tan-nisa fil-bordijiet tal-iskejjel, l-universitajiet u l-istituti ta' riċerka, fejn huma sottorappreżentati sew, u fil-korpi regolatorji tal-assoċjazzjonijiet tal-iskejjel u tal-istudenti, kif ukoll fi kwalunkwe task force involuta fl-implimentazzjoni ta' riformi fis-sistemi edukattivi;
18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw l-istabbilimenti edukattivi biex jeliminaw fid-dokumenti u l-kanali ta' komunikazzjoni kollha l-lingwaġġ stereotipat fir-rigward tas-sessi, li jista' jżid l-inugwaljanza bejn is-sessi;
19. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw jew isaħħu r-regolamenti nazzjonali intiżi sabiex jiġġieldu l-influwenza negattiva ta' rwoli tas-sessi stereotipati, li ġejjin minn valuri mgħoddija permezz tal-midja u r-reklamar, u li ta' spiss wisq jimminaw il-ħidma tal-iskejjel fuq dawn is-suġġetti;
20. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni u/jew lill-Istati Membri l-ħolqien u l-promozzjoni ta' premju Ewropew/nazzjonali fuq it-tema tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet edukattivi, bl-għan li titħeġġeġ l-aħjar prattika.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
27.3.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
29 24 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Daniela Aiuto, Heinz K. Becker, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Iratxe García Pérez, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Florent Marcellesi, Angelika Mlinar, Angelika Niebler, Margot Parker, Marijana Petir, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Maria Gabriela Zoană |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Stefan Eck, Urszula Krupa, Branislav Škripek, Dubravka Šuica, Mylène Troszczynski, Julie Ward, Josef Weidenholzer |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
John Howarth, Arne Lietz, Francis Zammit Dimech |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
24 |
+ |
|
ALDE |
Angelika Mlinar |
|
ECR |
Urszula Krupa, Branislav Škripek, Jadwiga Wiśniewska |
|
EFDD |
Daniela Aiuto |
|
GUE/NGL |
Malin Björk, Stefan Eck |
|
PPE |
Heinz K. Becker, Anna Maria Corazza Bildt, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Niebler, Dubravka Šuica, Francis Zammit Dimech |
|
S&D |
Vilija Blinkevičiūtė, Iratxe García Pérez, John Howarth, Arne Lietz, Liliana Rodrigues, Julie Ward, Josef Weidenholzer, Maria Gabriela Zoană |
|
VERTS/ALE |
Florent Marcellesi, Terry Reintke, Ernest Urtasun |
|
2 |
- |
|
EFDD |
Margot Parker |
|
ENF |
Mylène Troszczynski |
|
3 |
0 |
|
PPE |
Marijana Petir, Michaela Šojdrová, Anna Záborská |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
25.4.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
27 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Angel Dzhambazki, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Stefano Maullu, Momchil Nekov, Yana Toom, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Eider Gardiazabal Rubial, Elena Gentile, Sylvie Guillaume, Emma McClarkin, Martina Michels, Michel Reimon, Liliana Rodrigues, Remo Sernagiotto, Francis Zammit Dimech |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
27 |
+ |
|
ALDE |
María Teresa Giménez Barbat, Yana Toom |
|
ECR |
Angel Dzhambazki, Emma McClarkin, Remo Sernagiotto |
|
EFDD |
Isabella Adinolfi |
|
GUE/NGL |
Curzio Maltese, Martina Michels |
|
PPE |
Andrea Bocskor, Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Francis Zammit Dimech, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver |
|
S&D |
Eider Gardiazabal Rubial, Elena Gentile, Sylvie Guillaume, Petra Kammerevert, Krystyna Łybacka, Momchil Nekov, Liliana Rodrigues, Julie Ward |
|
Verts/ALE |
Jill Evans, Michel Reimon |
|
1 |
- |
|
ENF |
Dominique Bilde |
|
0 |
0 |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni