RAPPORT li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra

22.5.2018 - (12543/2017 – C8-0422/2017 – 2017/0238(NLE) – 2017/2269(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: László Tőkés


Proċedura : 2017/2269(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0179/2018
Testi mressqa :
A8-0179/2018
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra

(12543/2017 – C8-0422/2017 – 2017/0238(NLE)2017/2269(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12543/2017),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (12548/2017),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2), u l-Artikoli 207 u 209, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), u l-Artikolu 218(7) u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0422/2017),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Armenja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni[1],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-summits tas-Sħubija tal-Lvant, partikolarment dik maqbula fl-2017 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), partikolarment ir-rapport tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-Implimentazzjoni tar-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (JOIN(2017)0018) u d-dokument ta' ħidma rivedut tad-9 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Eastern Partnership – 20 Deliverables for 2020: Focusing on key priorities and tangible results" (SWD(2017)0300) (Is-Sħubija tal-Lvant – 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli), kif ukoll il-komunikazzjoni tal-2016 dwar "Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Viċinat tal-Lvant u, partikolarment ir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017[2] u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta' ...[4] 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Armenja, iffirmati fil-21 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0179/2018),

A.  billi l-qafas attwali tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Unjoni Ewropea hu bbażat fuq il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-1996, li daħal fis-seħħ fl-1999 u li għandu jiġi sostitwit bil-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ li qiegħed jiġi propost;

B.  billi permezz tas-Sħubija tal-Lvant, l-UE u l-Armenja bbażaw ir-relazzjonijiet tagħhom fuq impenn kondiviż favur id-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

C.  billi għad hemm tħassib rigward ir-rispett sħiħ tal-Armenja dwar uħud mill-valuri ewlenin imsemmija aktar kmieni, partikolarment rigward id-demokrazija u l-istat tad-dritt, li qegħdin jiġu mxekkla mill-korruzzjoni, ix-xiri tal-voti, il-kriminalità organizzata u l-kontroll oligarkiku abbużiv;

D.  billi l-pożizzjoni ġeografika tal-Armenja f'salib it-toroq bejn l-Ewropa, l-Asja Ċentrali u l-Lvant Nofsani, kif ukoll il-poteri reġjonali tal-viċinat, partikolarment ir-Russja, l-Iran u t-Turkija, hija kemm strateġika u toħloq sfida; billi n-nuqqas ta' rikonoxximent minn xi wħud mit-traġedji tal-passat, partikolarment il-ġenoċidju Armen, il-preżenza ta' truppi barranin fl-Armenja kif ukoll il-kunflitti mtawla fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, li ħallew effett ukoll fuq l-Ażerbajġan u l-Georgia, jirrappreżentaw theddida ewlenija għas-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali tal-imsieħba kollha; billi s-soluzzjoni paċifika għall-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh tista' sseħħ biss bi qbil mal-Prinċipji Bażiċi 2009 tal-OSKE, partikolarment permezz tal-isforzi u l-proposti tal-Kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE;

E.  billi l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tal-Armenja, kif ukoll l-aktar donatur importanti tagħha; billi l-Armenja hija wkoll membru tal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika, li jixhed li l-UE ma tisfurzax, bħala prerekwiżit, li l-imsieħba għandhom jagħżlu relazzjonijiet aktar profondi mal-UE għad-detriment tar-relazzjonijiet tagħhom ma' partijiet terzi, anki jekk xi opportunitajiet - bħal Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) - ma kinux possibbli f'dan il-kuntest;

F.  billi l-ftehim il-ġdid jistabbilixxi bażi ġuridika ġdida għat-tisħiħ mill-ġdid tad-djalogu politiku u twessigħ tal-ambitu tal-kooperazzjoni ekonomika, kif ukoll il-kooperazzjoni f'setturi bħall-enerġija, it-trasport, l-infrastruttura u l-ambjent; billi dawn id-dispożizzjonijiet mistennija li jkollhom impatt pożittiv fuq l-Armenja f'termini ta' promozzjoni ta' standards demokratiċi, ta' tkabbir ekonomiku u ta' żvilupp sostenibbli; biex b'hekk dawn il-prospetti jkunu partikolarment importanti għaż-żgħażagħ Armeni, inkluż permezz ta' edukazzjoni mtejba u ta' aktar opportunitajiet ta' xogħol; billi kemm iċ-ċittadini tal-UE kif ukoll tal-Armenja jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni msaħħa;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ, li jirrappreżenta pass sinifikanti 'l quddiem fir-relazzjonijiet UE-Armenja u jinkludi impenn favur l-approfondiment ulterjuri tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi;

2.  Jinnota li l-iffirmar tal-Ftehim mhuwiex il-punt aħħari f'termini tal-kooperazzjoni UE-Armenja; jenfasizza, pjuttost, l-importanza ta' implimentazzjoni rapida u effikaċi qabel ma jiġi eżaminat il-potenzjal għat-tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni u tal-integrazzjoni bejn iż-żewġ partijiet, b'ritmu u fuq skala li jkunu aċċettabbli b'mod reċiproku għaż-żewġ partijiet;

3.  Ifakkar li biex aktar prospetti ta' kooperazzjoni jsiru disponibbli, huwa importanti li jseħħ progress sinifikanti f'termini ta' rispett ta' valuri fundamentali bħall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll il-preżenza ta' sistema demokratika li tiffunzjona, li tiddefendi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, u li twassal għal riżultati konkreti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; f'dan ir-rigward, jistenna bil-ħerqa li l-UE tikkunsidra, fi żmien debitu, il-ftuħ tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Armenja, sakemm ikun hemm fis-seħħ il-kundizzjonijiet għal mobbiltà ġestita tajba u sigura, kif ukoll l-implimentazzjoni effikaċi tal-iffaċilitar tal-viża u tal-ftehimiet ta' riammissjoni bejn il-partijiet;

4.  Ifaħħar liċ-ċittadini tal-Armenja għat-tranżizzjoni tal-poter f'April u f'Mejju 2018, li seħħet b'mod paċifiku u li wasslet għal bidla fil-gvern b'konformità mal-Kostituzzjoni tal-Armenja; jilqa' l-kawtela murija mill-korpi tal-infurzar tal-liġi, iżda jesprimi tħassib dwar l-arresti mhux ġustifikati ta' dimostranti paċifiċi inklużi ta' Membri tal-Parlament; jifraħ mill-qalb lil Nikol Pashinyan għall-ħatra tiegħu bħala l-Prim Ministru l-ġdid tal-Armenja; jistenna b'interess li tiżdied il-kooperazzjoni miegħu, mal-gvern tiegħu u mal-Assemblea Nazzjonali, partikolarment biex jingħatalhom appoġġ ħalli jwettqu l-istennijiet tas-soċjetà Armena kif espressi matul il-protesti, u jesprimi l-fatt li fil-ġejjieni jkun lest li josserva l-elezzjonijiet parlamentari fl-Armenja;

Ambitu, prinċipji ġenerali, valuri fundamentali u impenn għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti

5.  Jisħaq li l-applikazzjoni territorjali tal-Ftehim tkopri, minn naħa, it-territorji li fihom japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, bil-kundizzjonijiet stipulati f'dawk it-Trattati, u min-naħa l-oħra, it-territorju tar-Repubblika tal-Armenja. jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li ma jiġi esportat ebda prodott illegalment lejn l-UE mill-Armenja;

6.  Jinnota li l-Ftehim hu konformi mal-ispirtu u mal-prinċipji espressi fir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2017, li tiddikjara b'mod ċar li mhu se jiġi rratifikat ebda ftehim komprensiv ma' pajjiż li ma jirrispettax il-valuri tal-UE ta' demokrazija, tal-istat tad-dritt, il-governanza tajba, u d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; iħeġġeġ madankollu lill-awtoritajiet Armeni biex bl-appoġġ tal-UE, jiżguraw li ma jkun hemm ebda rigress fuq dawn il-valuri, għaliex dan jista' jiskatta s-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-Ftehim skont l-Artikolu 379 tiegħu; itenni li l-assistenza finanzjarja tal-UE lejn l-Armenja għadha tiddependi fuq l-implimentazzjoni tar-riformi u l-kwalità tagħhom;

7.  Iħeġġeġ lill-Armenja tadotta u timplimenta bil-ħeffa r-riformi li ntlaħaq qbil reċiproku dwarhom, partikolarment fir-rigward tal-istabbiltà tas-sistema elettorali, l-indipendenza tal-ġudikatura, u t-trasparenza fil-governanza tal-istutuzzjonijiet tal-istat, partikolarment fil-kuntest tal-prijoritajiet ta' sħubija UE-Armenja, li għandhom jaġixxu bħala qafas ta' gwida għall-implimentazzjoni tal-Ftehim, sabiex jintlaħqu riżultati tanġibbli u pożittivi għaċ-ċittadini Armeni;

8.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-parteċipazzjoni sinifikanti u l-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili matul din il-fażi ta' implimentazzjoni, inkluż permezz tal-Pjattaforma l-ġdida tas-Soċjetà Ċivili stabbilita b'dan il-Ftehim, li tmur lil hinn mis-sempliċi obbligu li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jingħataw informazzjoni u li jitwettqu skambji ta' fehmiet magħhom, kif hu previst attwalment fl-Artikolu 366 tal-Ftehim; ifakkar li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti għandhom jirriflettu l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta' interessi politiċi u soċjali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tapplika l-prinċipju ta' kondizzjonalità tal-assistenza finanzjarja tal-UE billi l-appoġġ mill-UE jintrabat b'mod sistematiku mal-implimentazzjoni effikaċi tar-riformi – inkluż permezz tal-istrument tal-Viċinat Ewropew, l-assistenza makrofinanzjarja u strumenti oħrajn – fejn il-progress imwettaq għandu jkun soġġett għal monitoraġġ bir-reqqa;

10.  Jinnota li l-Ftehim huwa konformi wkoll mal-ispirtu u mal-prinċipji espressi fir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2017 inkluż fir-rigward tal-fatt li r-ratifika tal-ftehim il-ġdid mal-Armenja jew mal-Ażerbajġan tiddependi fuq impenn sinifikanti u fuq progress sostanzjali lejn ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex b'rieda tajba jaċċelleraw ir-ritmu u r-riżultati tan-negozjati tagħhom wara l-elezzjonijiet tal-2018 fiż-żewġ pajjiżi sabiex huma jibqgħu mfakkra fl-istorja billi jsibu soluzzjoni għal kunflitt li sewa wisq ħajjiet, speċjalment dawk ta' ċivili, u li pprevjena mhux biss l-istabbiliment tal-paċi u l-istabbiltà, iżda wkoll xekkel l-iżvilupp soċjoekonomiku fir-reġjun għal kważi tletin sena; jesprimi tħassib profond għaż-żieda fil-preżenza militari u l-infiq sproporzjonat għad-difiża fir-reġjun; jappoġġja l-inizjattivi kollha li jwasslu għall-paċi u għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat, inklużi taħdidiet ta' livell għoli u mekkaniżmu ta' monitoraġġ tal-waqfien mill-ġdid, u jappella lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iżidu l-appoġġ tal-UE għall-programmi u biex jiffaċilitaw iż-żieda fil-kuntatti bejn l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (NGO) u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ filwaqt li jiżgura li l-Istati Membri tal-UE jevitaw esportazzjonijiet indiretti ta' prodotti u teknoloġija b'użu doppju lill-partijiet tal-kunflitt;

Riforma politika

11.  Jappella kemm lill-Armenja kif ukoll lill-UE biex jagħtu prijorità għolja lir-riformi domestiċi, kif deskritt fl-Artikolu 4, sabiex b'mod partikolari jiżguraw it-tranżizzjoni bla xkiel minn sistema presidenzjali għal waħda parlamentari kif ukoll in-nonpolitizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-istat; iħeġġeġ lill-gvern Armen biex jiżgura li r-riformi ewlenin – bħal dawk marbutin mal-istruttura u mal-attivitajiet tal-gvern jew mal-kodiċi kriminali – jkunu soġġetti għal trasparenza akbar u għal djalogu inklużiv mal-oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili, fl-interessi tas-soċjetà Armena b'mod ġenerali;

12.  Jenfasizza l-bżonn li jkun żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-oppożizzjoni kif ukoll ambjent li fih is-soċjetà ċivili, inklużi r-rappreżentanti tal-midja u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jistgħu joperaw ħielsa minn biża' ta' tpattija; jappella lill-Armenja, f'dan il-kuntest, tiżgura proċess rapidu u ġust għall-priġunieri kollha, inkluż għal Andreas Ghukasyan, liema proċessi għandhom ikunu ħielsa minn kull kunsiderazzjoni politika; jappella lill-awtoritajiet Armeni jiżguraw li l-ġurnalisti ma jiffaċċjaw ebda pressjoni jew biża' ta' ritaljazzjoni jew vjolenza fuq ħidmiethom u li jiġi rispettat id-dritt għal-libertà ta' għaqda, u biex jibqgħu lura minn użu eċċessiv tal-forza u l-pressjoni bħal akkużi kriminali mhux ġustifikati kontra d-dimostranti paċifiċi u l-mexxejja tal-protesta; jappella għal investigazzjonijiet imparzjali u proċessi ekwi fil-każijiet kollha, inkluż fir-rigward ta' azzjonijiet sproporzjonati fil-passat mill-pulizija kontra d-dimostranti paċifiċi u fil-każ "Sasna Tsrer", li matulu l-pulizija xekklet serjament il-ħidma tal-avukati difensuri;

13.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Armeni sabiex, fid-dawl tal-elezzjonijiet futuri, jimplimentaw b'mod rapidu u sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-missjonijiet ta' osservazzjoni internazzjonali mmexxija mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE/ODIHR), kif enfasizzat fir-rapport finali tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta' xiri ta' voti, ta' intimidazzjoni tal-votanti, ta' pressjoni fuq ħaddiema taċ-ċivil u fuq impjegati tas-settur privat u ta' ndħil żejjed fil-proċess ta' votazzjoni minn rappreżentanti tal-partiti jew minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, li wasslu għal nuqqas ta' titjib fil-fiduċja pubblika fis-sistema elettorali tal-pajjiż;

14.  Iħeġġeġ lill-Armenja timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja bħal dawk inklużi fl-opinjoni tiegħu tal-2017 dwar l-Abbozz tal-Kodiċi Ġudizzjarju, skont liema opinjoni, il-Kodiċi wassal għal bidliet pożittivi wara r-riforma kostituzzjonali, iżda jinkludi diskrepanzi u inkonsistenzi li għandhom jiġu indirizzati;

L-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali

15.  Itenni r-rabta qawwija tiegħu mad-dritt internazzjonali u mal-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba u r-rispett għad-drittiijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u jħeġġeġ lill-Armenja twettaq progress sinifikanti f'dawn l-oqsma, partikolarment fir-rigward tal-libertà tal-midja, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni fiskali, in-nepotiżmu u l-kontroll oligarkiku abbużiv; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Armeni biex ivaraw proċess ta' riformi ekonomiċi profondi u ġenwini bil-għan li tingħeleb l-istruttura oligarkika u t-tneħħija tal-monopolji rilevanti; iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Armeni jkomplu jaġixxu b'konsistenza fir-rigward tal-obbligi tal-pajjiż bħala Pajjiż Firmatarju tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura sabiex jevitaw, jipproċedu u jikkastigaw il-ksur;

16.  Jiddispjaċih għall-vjolenza bbażata fuq is-sessi u l-orjentazzjoni sesswali li għadha ta' tħassib serju fl-Armenja; jinnota r-rikonoxximent tal-vjolenza domestika bħala problema ewlenija li seħħ bl-adozzjoni, fit-8 ta' Diċembru 2017, tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Vjolenza fi ħdan il-Familja, il-Protezzjoni tal-Vittmi tal-Vjolenza fi ħdan il-Familja u r-Restawr tal-Paċi (Koeżjoni) fil-Familja mill-Assemblea Nazzjonali, iżda jappella għal leġiżlazzjoni aktar b'saħħitha sabiex tiġi miġġielda b'effikaċja vjolenza simili u biex l-awtoritajiet jipproteġu u jipprovdu appoġġ lil dawk li sofrew tali vjolenza; ifaħħar lill-Armenja għall-iffirmar, fit-18 ta' Jannar 2018, tal-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fir-rigward tan-nisa u l-vjolenza domestika, u jħeġġeġ lill-Armenja biex b'mod rapidu tirratifika u timplimenta bir-reqqa din il-Konvenzjoni sabiex tissodisfa b'effikaċja l-impenji tagħha favur standards internazzjonali f'dan il-qasam;

17.  Jappella lill-Armenja tindirizza l-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi u kwistjonijiet kontra d-diskriminazzjoni billi tieħu passi rapidi iżda effikaċi li jkollhom l-għan li jiksbu opportunitajiet indaqs għal kulħadd, partikolarment f'termini ta' impjiegi, paga ndaqs u karigi pubbliċi, idealment permezz ta' liġi komprensiva dwar l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, filwaqt li tipproteġi gruppi vulnerabbli oħrajn bħall-persuni LGBTI, bi qbil mal-istandards internazzjonali u mal-impenji diversi dwar id-drittijiet tal-bniedem meħuda mill-Armenja, u biex tiżgura mekkaniżmi ta' protezzjoni effikaċi u b'riżorsi adegwati; f'dan ir-rigward, jesprimi tħassib dwar l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni pendenti mal-istandards internazzjoni dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni

18.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Armeni jagħtu prijorità għolja biex itemmu l-għażla bbażata fuq is-sessi li sseħħ permezz ta' abort selettiv, li l-inċidenza tiegħu fl-Armenja u fl-Ażerbajġan tibqa' fost l-aktar mifruxa fid-dinja wara ċ-Ċina; iħeġġeġ l-impenn tal-Armenja biex ittejjeb il-ħajja tat-tfal - partikolarment tat-tfal b'diżabbiltà u tfal orfni - billi timplimenta b'konsistenza l-prijoritajiet stipulati fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u fil-Pjan ta' Azzjoni rilevanti għall-implimentazzjoni tal-UNCRC, kif ukoll biex tiżgura l-edukazzjoni inklużiva tat-tfal kollha sal-2025 u l-qerda tax-xogħol tat-tfal;

19.  Iħeġġeġ it-twettiq ta' sforzi ulterjuri biex tiżdied il-kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità transfruntiera, u jappella lill-Armenja tallinja lilha nnifisha aktar mill-qrib mal-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE;

20.  Jappella lill-Armenja tirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) li tiegħu hi firmatarja sa mill-1999;

Kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali

21.  Jilqa' l-approfondiment tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn l-UE u l-Armenja kif ukoll il-fatt li f'xi każijiet il-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ (CEPA) imur lil hinn mill-impenji tad-WTO f'termini ta' trasparenza u ta' aċċess għas-suq ta' prodotti u tal-operaturi tal-UE f'oqsma bħall-kummerċ fis-servizzi, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-akkwist pubbliku;

22.  Jappella lill-Armenja tipparteċipa f'relazzjoni kummerċjali ta' fiduċja mal-UE bi qbil mal-impenji meħuda bl-adeżjoni tad-WTO; ifakkar li t-termini u l-kundizzjonijiet tas-sħubija tad-WTO, kif ukoll l-obbligi skont il-ftehimiet tad-WTO u d-dispożizzjonijiet ta' dawk il-ftehimiet, japplikaw biss għat-territorji tar-Repubblika tal-Armenja kif rikonoxxuti min-NU;

23.  Jesprimi t-tama li l-Ftehim se jipprovdi malajr opportunitajiet ekonomiċi ġodda u attraenti għaċ-ċittadini Armeni li jgħixu fl-Armenja jew li qegħdin jirritornaw lejha, u partikolarment liż-żgħażagħ fil-pajjiż;

24.  Jiddispjaċih madankollu, li l-Ftehim ma jistax jinkludi fih it-tneħħija tal-ostakoli tariffarji bħala riżultat tas-sħubija tal-Armenja fl-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika; jilqa' madankollu, ir-rata ta' utilizzazzjoni għolja tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP+) tal-UE mill-Armenja, iżda jinnota bi tħassib li l-esportazzjonijiet SĠP+ huma kkonċentrati f'numru limitat biss ta' prodotti; jinnota li l-Ftehim jirrispetta l-politika barranija multidimensjonali tal-Armenja, iżda jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza tal-UE fl-Armenja ma tkunx diretta lejn setturi milquta mis-sanzjonijiet Russi kontra l-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissorvelja b'mod strett il-konformità tal-Istati Membri tal-UE għar-regolament tal-Kunsill 833/2014, sabiex jiġi evitat li r-Russja takkwista prodotti u teknoloġija permezz tal-Armenja;

25.  Jilqa' l-ftehim milħuq dwar il-protezzjoni tat-trademarks, inkluż id-dispożizzjonijiet tranżitorji fl-Artikolu 237 dwar il-Cognac u x-Champagne, biex b'hekk jitħarsu l-interessi tal-UE kif ukoll biex l-Armenja tkun tista' tiżviluppa l-kummerċ tagħha fis-setturi ewlenin kollha tal-ekonomija tagħha;

Enerġija u oqsma oħra ta' kooperazzjoni

26.  Jilqa' l-enfasi li saret, partikolarment fl-Artikolu 42, dwar is-sigurtà nukleari abbażi tal-istandards u tal-prattiki tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u tal-Unjoni Ewropea; jiddispjaċih għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Armeni li jestendu t-tul ta' ħajja tal-impjant nukleari ta' Medzamor, u jtenni t-tħassib serju tiegħu fuq id-diskrepanzi persistenti bejn l-istandards tas-sigurtà ta' dan l-impjant nukleari kif ukoll ir-riskji ewlenin li jirriżultaw mill-pożizzjoni tal-impjant f'żona siżmika; ifaħħar lin-negozjaturi talli inkludew kooperazzjoni speċifika dwar "l-għeluq u d-dekummissjonar sikur tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Medzamor u l-adozzjoni bikrija ta' pjan direzzjonali/pjan ta' azzjoni għal dan l-għan, filwaqt li titqies il-ħtieġa għas-sostituzzjoni tiegħu b'kapaċità ġdida sabiex tiġi żgurata sigurtà tal-enerġija u l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli tar-Repubblika tal-Armenja" fl-Artikolu 42 tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ (CEPA);

27.  Jilqa' wkoll id-dispożizzjonijiet speċifiċi għal kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali fl-Armenja, b'kunsiderazzjoni tal-bżonn urġenti għal progress f'dan il-qasam kif ukoll tal-opportunitajiet għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis ta' dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija li tista' tirriżulta mill-iżvilupp ta' sorsi alternattivi ta' enerġija nadifa; b'mod partikolari jistieden lill-Kummissjoni tassisti u tappoġġja l-gvern Armen kemm teknikament kif ukoll finanzjarjament fil-pjan ambizzjuż tiegħu li jiżviluppa l-enerġija rinnovabbli;

28.  Jappella lill-awtoritajiet Armeni biex isaħħu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll fil-proċessi ta' akkwist pubbliku u ta' privatizzazzjoni, u barra minn hekk, biex isaħħu s-superviżjoni tas-settur bankarju;

29.  Jenfasizza l-importanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-djalogu u l-kooperazzjoni dwar il-politika tal-impjiegi, tad-drittijiet tax-xogħol bħas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, inklużi l-gruppi vulnerabbli u marġinalizzati, sabiex jiġu pprovduti impjiegi aħjar b'kundizzjonijiet ta' xogħol imtejba, partikolarment għaż-żgħażagħ Armeni, u li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-qgħad għoli u l-faqar estrem;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

30.  Jilqa' l-istabbiliment ta' Kumitat Parlamentari ta' Sħubija skont l-Artikolu 365 tal-Ftehim u jimpenja ruħu li, flimkien mal-Parlament tal-Armenja, jistabbilixxi b'mod rapidu r-regoli ta' proċedura ta' dan il-kumitat bil-għan li l-attivitajiet tiegħu jiġu varati kmieni;

31.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jibagħtu lill-Parlament rapport bil-miktub dettaljat dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali kull sitt xhur, bi qbil mar-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017, li tenniet ir-riżoluzzjoni tal-Parlament li jżid il-monitoraġġ tiegħu tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali mas-sħab tal-Lvant u li jqawwi l-iskrutinju tiegħu tal-appoġġ tal-UE pprovdut f'dan ir-rigward;

32.  Jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet Armeni biex jintensifikaw l-isforzi ta' komunikazzjoni tagħhom rigward l-għanijiet u l-objettivi ta' dan il-ftehim ġdid sabiex ikomplu jsaħħu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, kemm fl-Armenja kif ukoll fl-UE, dwar l-opportunitajiet u l-benefiċċji li huma mistennija li joħorġu mill-konklużjoni tal-ftehim; jappella, barra minn hekk, liż-żewġ partijiet biex ikomplu bl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra kwalunkwe kampanja ta' diżinformazzjoni fir-rigward tar-relazzjonijiet UE-Armenja;

°

°  °

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Armenja.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

16.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

63

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Eugen Freund, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Wajid Khan, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Alyn Smith, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

David Coburn, Doru-Claudian Frunzulică, Marek Jurek, Norica Nicolai, Urmas Paet, Miroslav Poche, Soraya Post, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Helmut Scholz, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Renate Weber, Francis Zammit Dimech, Joachim Zeller

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

63

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Norica Nicolai, Urmas Paet, Jozo Radoš, Ivo Vajgl, Renate Weber

ECR

Marek Jurek, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden

EFDD

Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade

ENF

Mario Borghezio

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Helmut Scholz, Marie-Christine Vergiat

PPE

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Francis Zammit Dimech, Joachim Zeller, Željana Zovko

S&D

Nikos Androulakis, Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Andi Cristea, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Wajid Khan, Arne Lietz, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Soraya Post, Boris Zala, Janusz Zemke

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Alyn Smith, Bodil Valero

2

-

EFDD

David Coburn

ENF

Jean-Luc Schaffhauser

1

0

NI

Dobromir Sośnierz

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza