Proċedura : 2017/2211(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0184/2018

Testi mressqa :

A8-0184/2018

Dibattiti :

PV 12/06/2018 - 19
CRE 12/06/2018 - 19

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2018 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0254

RAPPORT     
PDF 719kWORD 75k
23.5.2018
PE 619.126v03-00 A8-0184/2018

dwar il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari

(2017/2211(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Davor Škrlec

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

L-ekonomija ċirkolari hija kunċett ġdid ta' politika Ewropea li jipprevedi r-riforma strutturali tal-ekonomija tagħna mill-mudell "ħu, agħmel, iddisponi (take, make, dispose)" f'mudell ċikliku li huwa aktar konformi mas-sistema tal-għajxien. Għaldaqstant, sabiex nagħmlu l-bidla u nerġgħu nfasslu l-futur tagħna, f'Diċembru 2015 il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, qafas ta' politika pubblika wiesa' tal-UE bil-għan li jiddefinixxi mill-ġdid l-approċċ soċjetali tagħna għall-produzzjoni u l-konsum ta' prodotti u servizzi. Bħala waħda mill-politiki Ewropej ewlenin, il-politika ta' koeżjoni hija meqjusa bħala wieħed mis-sorsi ewlenin ta' investiment. Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà, il-politika ta' koeżjoni tipprovdi wkoll l-aħjar għodod ta' implimentazzjoni għall-ekonomija ċirkolari. Il-governanza f'diversi livelli, bħala s-sinsla tal-politika ta' koeżjoni, topera skont l-istess prinċipju. Għalhekk, dawn iż-żewġ politiki pubbliċi huma mmexxija mill-istess loġika, u għandhom jikkomplementaw lil xulxin filwaqt li jilħqu l-objettivi politiċi tagħhom. Jeħtieġ li nirrikonoxxu u nsaħħu l-għodod ta' politika eżistenti fi ħdan iż-żewġ politiki sabiex nisfruttaw b'mod sħiħ il-potenzjal imsemmi.

Ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fil-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari

Matul it-tħejjija tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-ekonomija ċirkolari ma kinitx rikonoxxuta bħala qasam ta' politika prijoritarju fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, wara l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, saru sforzi biex jiġi rikonoxxut il-potenzjal ta' investiment rilevanti u disponibbli fi ħdan il-Fondi SIE li jista' jkompli jiġi ssimplifikat għall-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari.

Għal titjib fil-ġestjoni tal-iskart u enfasi fuq il-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart, li huma l-opzjonijiet tat-trattament tal-iskart ippreferuti fl-Unjoni Ewropea, hemm potenzjal ta' investiment ta' EUR 5,5 biljun. Barra minn hekk, hemm EUR 2,3 biljun fi proċessi ta' produzzjoni ekoloġiċi u fl-użu effiċjenti tar-riżorsi fl-SMEs. Il-politika ta' koeżjoni tista' tappoġġja l-użu mill-ġdid tal-ilma bi EUR 15-il biljun allokati għal investiment fis-settur tal-ilma matul il-perjodu 2014-2020. Opportunitajiet importanti ta' finanzjament fir-riċerka u l-innovazzjoni huma wkoll disponibbli u l-ekonomija ċirkolari hija prijorità fl-Istrateġiji ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti li jmexxu dawn l-investimenti.

L-ekonomija ċirkolari bħala mutur għall-iżvilupp sostenibbli u reġjonali

Il-bliet u l-muniċipalitajiet kollha fl-Unjoni Ewropea se jkunu l-mutur tal-miżuri tal-ekonomija ċirkolari. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-eqreb taċ-ċittadini u l-isfidi lokali, u għaldaqstant għandhom għarfien aħjar tal-isfidi u l-opportunitajiet lokali. Għalhekk, huwa ta' importanza kbira li tiġi żgurata awtonomija funzjonali u finanzjarja adegwata għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, b'mod speċjali fir-rigward tad-dritt tagħhom li jħejju u jimplimentaw l-istrateġiji tal-iżvilupp tagħhom stess, l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) u l-Investiment Territorjali Integrat (ITI), biex il-partijiet ikkonċernati lokali jiġu megħjuna jikkombinaw flussi ta' finanzjament u jippjanaw inizjattivi lokali mmirati lejn l-ekonomija ċirkolari.

Il-ħsieb fis-sistemi huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-ekonomija ċirkolari għax il-bidla minn mudell lineari tal-ekonomija tagħna f'wieħed ċirkolari tista' titwettaq biss permezz tal-kooperazzjoni u l-konnessjoni tal-mudelli ta' kummerċ u produzzjoni. Ir-rapport jisħaq ukoll fuq ir-rwol tal-SMEs li jafu s-swieq lokali aħjar u jistgħu jqajmu kuxjenza dwar prattiki pożittivi permezz ta' kooperazzjoni mal-komunitajiet, u joħolqu valur lokali u impjiegi lokali sostenibbli. Permezz tal-innovazzjoni u l-iżvilupp, l-SMEs jipprovdu lis-suq u lis-soċjetà b'soluzzjonijiet ġodda u mudelli kummerċjali ċirkolari. F'dan il-proċess, huma jistrieħu fuq il-politika ta' koeżjoni, b'mod speċjali fuq l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u s-sinerġiji mal-Orizzont 2020, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kif ukoll fuq investimenti xkattati permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) eċċ. Għandna nappoġġjaw dawn l-isforzi u nfasslu ż-żewġ politiki f'din id-direzzjoni, bl-objettiv li l-innovazzjonijiet preżenti jsiru r-realtajiet ta' għada. Sfortunatament, għad hemm nuqqas ta' domanda għal prodotti u servizzi ċirkolari, ħafna drabi minħabba li huma aktar għaljin minn dawk lineari, filwaqt li l-esternalitajiet negattivi ta' dawn tal-aħħar mhumiex meqjusa. L-akkwist pubbliku ekoloġiku f'kombinazzjoni mal-akkwist ċirkolari jippreżenta għodda formidabbli għall-awtoritajiet pubbliċi biex jagħtu inċentiv lis-swieq tal-ekonomija ċirkolari.

Barra minn hekk, l-approċċ makroreġjonali huwa l-element ewlieni biex ikun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni reġjonali, kif ukoll opportunità għall-istabbiliment tas-swieq reġjonali, b'mod partikolari għall-materja prima sekondarja. Għaldaqstant, jeħtiġilna nissimplifikaw il-ħolqien ta' kapaċitajiet konġunti, bħal pereżempju fir-rigward tar-riġenerazzjoni taż-żjut għar-rimi u kapaċitajiet oħra ta' riċiklaġġ. Programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera u transnazzjonali huma kruċjali biex irawmu l-kooperazzjoni interreġjonali fir-rigward tal-attivitajiet tal-ekonomija ċirkolari u jħeġġu s-simbjożi industrijali, is-sensibilizzazzjoni u l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki.

L-għan ta' dan l-isforz kollu huwa biex ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali tagħna jsiru aktar reżiljenti u kompetittivi fis-swieq globali. L-ekonomija ċirkolari tipprovdi impjiegi lokali u mudelli kummerċjali li huma bbażati fil-qalba tal-Unjoni Ewropea, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet lokali tagħha. Waħda mill-prekundizzjonijiet ewlenin għall-implimentazzjoni ta' mudell tal-ekonomija ċirkolari li jiffunzjona b'mod sħiħ hija żieda fil-produzzjoni tal-enerġija sostenibbli u lokali, filwaqt li fl-istess ħin jiżdiedu l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-fluss ta' materjali rkuprati. Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli huma wieħed mill-pilastri ta' appoġġ essenzjali tal-ekonomija ċirkolari, u b'hekk jirrappreżentaw wieħed mill-investimenti indiretti l-aktar importanti fl-ekonomija ċirkolari b'potenzjal sostanzjali biex tingħata spinta lill-impjiegi ekoloġiċi lokali.

Il-bijoekonomija bħala qasam stabbilit ta' politika pubblika Ewropea tikkonsisti f'azzjonijiet politiċi kruċjali li jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari. Il-bidla lejn materja prima bijoloġika u metodi tal-ipproċessar bijoloġiċi tista' tiffranka sa 2,5 biljun tunnellata ta' ekwivalenti għas-CO2 fis-sena sal-2030, filwaqt li fl-istess ħin tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili li tippreżenta sfida kruċjali fit-tul għall-Unjoni Ewropea. Materjali bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi, bijodegradabbli u kompostabbli, kif ukoll materjali permanenti, huma importanti biex ikun hemm titjib fl-użu effiċjenti tar-riżorsi u fiż-żamma ta' materjali prezzjużi f'ċirkwiti ċirkolari. Il-potenzjal tal-innovazzjoni fil-futur jinsab fil-ġestjoni aktar effiċjenti tal-istokkijiet tal-għalf bijoloġiku, kif ukoll fl-eliminazzjoni gradwali tas-sustanzi tossiċi mill-materjali kollha.

Wieħed mill-ewwel passi leġiżlattivi lejn l-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari kien il-Pakkett dwar l-Iskart li ddefinixxa ħafna dispożizzjonijiet neċessarji għall-ġestjoni xierqa tal-iskart, li hija l-isfida ewlenija għall-muniċipalitajiet u r-reġjuni lokali. L-ilħuq tal-miri stabbiliti fil-Pakkett dwar l-Iskart għandu jiġi appoġġjat finanzjarjament b'mod inevitabbli mill-politika ta' koeżjoni. Filwaqt li jiġu kkunsidrati r-rati ta' riċiklaġġ stabbiliti fil-livell Ewropew u l-perjodu ta' żmien previst għall-implimentazzjoni, huwa neċessarju li l-investimenti jiffukaw fuq l-ogħla livelli tal-ġerarkija tal-iskart, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri u jiġu evitati lock-ins teknoloġiċi fit-tul. L-Istati Membri għandhom jużaw l-istrateġiji tal-ekonomija ċirkolari nazzjonali u l-pjanijiet tal-ġestjoni tal-iskart nazzjonali bħala l-għodod ta' politika fit-tul li jistgħu jipprovdu linji gwida ċari lill-partijiet ikkonċernati kollha u jindikaw lill-Kummissjoni Ewropea li huma fit-triq it-tajba biex l-ekonomija ċirkolari ssir realtà.

Il-ħela tal-ikel hija rikonoxxuta globalment bħala problema ekonomika u etika kbira li teħtieġ li tiġi indirizzata f'kull stadju tal-ktajjen tal-valur tal-ikel. L-Unjoni Ewropea fil-preżent taħli madwar 173 kilogramma ta' ikel għal kull persuna fis-sena, li jirrappreżenta 20 % tal-produzzjoni tal-ikel annwali fl-Ewropa. Huwa ppruvat li l-azzjoni lokali hija effikaċi ħafna fl-indirizzar ta' din l-isfida kumplessiva, bħalma juru l-istejjer ta' suċċess u l-proġetti implimentati madwar l-Ewropa. Għalhekk, għandu jkun hemm żieda fl-opportunitajiet ta' finanzjament li jindirizzaw dan il-qasam ta' politika importanti.

Ir-rimi barra tal-iskart huwa wkoll waħda mill-isfidi globali jaħarqu li normalment ikollhom l-akbar impatt fuq il-komunitajiet lokali u l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Ċerti stimi qed juru li l-iskemi tat-tindif qed jiswew lil kull kontribwent Ewropew madwar EUR 25 fis-sena, filwaqt li f'xi Stati Membri l-ispiża tista' titla sa EUR 54 fis-sena. L-indirizzar tar-rimi barra tal-iskart jeħtieġ li jiġi promoss u ffinanzjat aħjar permezz tal-Fondi SIE peress li għandu benefiċċji ambjentali kif ukoll soċjali. L-ifqar livelli tas-soċjetà huma dawk l-aktar affettwati minn nuqqas ta' azzjoni. Barra minn hekk, is-soluzzjoni tal-problema tal-iskart fil-baħar jeħtieġ li tibda bil-prevenzjoni tal-iskart fuq l-art.

L-Ekonomija Ċirkolari fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020

Il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari mhumiex biss dwar il-politiki tal-infrastruttura iżda anke dwar il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà. Dawn jipprovdu tweġibiet għall-isfidi li jiffaċċjaw il-komunitajiet lokali u reġjonali dwar kif jiġu indirizzati l-aktar kwistjonijiet importanti relatati mal-klima. Għalhekk, dan ir-rapport jikkunsidra l-introduzzjoni ta' dispożizzjoni dwar il-kundizzjonalità ex ante biex jasal għal ekonomija ċirkolari fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni, sabiex jiġu permessi programmi operattivi ġodda biex jirriflettu aħjar il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari. Ir-rapport jesiġi l-implimentazzjoni ta' metodoloġija ta' rintraċċar rilevanti għal monitoraġġ preċiż tal-kontribut tal-politika ta' koeżjoni fl-akkwist ta' ekonomija ċirkolari, u jitlob żieda sinifikanti fl-infiq għall-ekonomija ċirkolari u relatat mal-klima fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020.


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari

(2017/2211(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 4, 11, 174 sa 178, 191 u 349 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21 u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-UNFCCC, kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi, fi Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 7(2) u 11(2) tal-Ftehim ta' Pariġi li jirrikonoxxu d-dimensjonijiet lokali, sottonazzjonali u reġjonali tat-tibdil fil-klima u l-azzjoni klimatika,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli l-ġodda tan-NU, u b'mod partikolari l-għan 7: li "jiġi żgurat l-aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd" u l-għan 11: li "l-bliet isiru inklużivi, siguri, reżiljenti u sostenibbli",

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni")(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(7),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 bit-titolu "Qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari" (COM(2018)0029),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2017 bit-titolu "Ir-rwol tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari" (COM(2017)0034),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2017 bit-titolu "Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari" (COM(2017)0033),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" (COM(2015)0639),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari" (COM(2015)0614),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta Lulju 2014 bit-titolu "Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa" (COM(2014)0398),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta Lulju 2014 bit-titolu "Pjan ta' azzjoni ekoloġiku għall-SMEs: Għajnuna għall-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju" (COM(2014)0440),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu: "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta Frar 2012 bit-titolu "Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa" (COM(2012)0060),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Lulju 2012 bit-titolu "Bliet u Komunitajiet Intelliġenti – Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni" (C(2012)4701),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Diċembru 2017 ikkummissjonat mill-Kummissjoni bit-titolu "Integration of environmental concerns in Cohesion Policy Funds (ERDF, ESF, CF) – Results, evolution and trends through three programming periods (2000-2006, 2007-2013, 2014-2020)" (L-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni (FEŻR, FSE, FK) – Riżultati, evoluzzjoni u xejriet matul tliet perjodi ta' programmazzjoni (2000-2006, 2007-2013, 2014-2020)),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-investiment f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea – l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar opportunitajiet ta' tkabbir ekoloġiku għall-SMEs(12),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Gżejjer Intelliġenti tat-28 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0184/2018),

A.  billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-aktar familjari ma' kwistjonijiet lokali u reġjonali u huma atturi ewlenin għal implimentazzjoni effikaċi tal-politika ta' koeżjoni, huma wkoll fuq quddiem tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; billi l-mudell ta' governanza Ewropea f'diversi livelli, li huwa mibni fuq kooperazzjoni attiva u kostruttiva bejn il-livelli differenti ta' governanza u l-partijiet ikkonċernati, flimkien ma' informazzjoni adegwata u involviment attiv taċ-ċittadini, huwa kruċjali għall-kisba ta' din il-bidla;

B.  billi l-bliet jirrappreżentaw biss 3 % tas-superfiċje tad-dinja iżda jilqgħu fihom aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja, jikkonsmaw aktar minn 75 % tar-riżorsi globali, u jipproduċu 60-80 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u billi sal-2050, 70 % tal-popolazzjoni globali hija mistennija li tiċċaqlaq lejn il-bliet;

C.  billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar b'saħħitha u aktar ċirkolari hija kemm opportunità tajba kif ukoll sfida għall-UE, l-Istati Membri tagħha u ċ-ċittadini tagħha, biex tiġi mmodernizzata l-ekonomija Ewropea u tiġi ggwidata lejn direzzjoni aktar sostenibbli; billi din hija, b'mod partikolari, opportunità għar-reġjuni Ewropej kollha u l-awtoritajiet lokali, li huma l-livell governattiv l-eqreb tal-komunitajiet lokali; billi ġġib magħha possibbiltajiet għall-iżvilupp u t-tkabbir fir-reġjuni Ewropej u tista' tgħinhom jibnu mudell sostenibbli li jikseb żvilupp ekonomiku, jittrasforma setturi eżistenti, itejjeb il-bilanċi kummerċjali u l-kompetittività industrijali bi produttività mtejba, joħloq impjiegi ġodda, ta' kwalità għolja u mħallsin tajjeb u joħloq ktajjen ta' valur ġodda;

D.  billi madwar 60 % tal-iskart tal-UE fil-preżent mhuwiex riċiklat u billi l-esplorazzjoni u l-introduzzjoni ta' mudelli ta' negozju ċirkolari ġodda jistgħu joħolqu kost-benefiċċji kbar u opportunitajiet ta' negozju għall-benefiċċju tal-SMEs tal-UE;

E.  billi l-ilħuq tal-miri tal-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedu bidla lejn ekonomija aktar ċirkolari u huwa kontribut vitali għall-iżvilupp ta' mudell ekonomiku li għandu bħala l-għan tiegħu, mhux biss il-profitt, iżda anke l-protezzjoni tal-ambjent;

F.  billi l-politika ta' koeżjoni toffri mhux biss opportunitajiet ta' investiment b'reazzjoni għall-ħtiġijiet lokali u reġjonali permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), iżda toffri wkoll qafas ta' politika integrat biex jitnaqqsu d-disparitajiet tal-iżvilupp bejn ir-reġjuni Ewropej u biex jiġu megħjuna jindirizzaw il-ħafna sfidi għall-iżvilupp tagħhom, inkluż permezz tal-appoġġ għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll il-kooperazzjoni territorjali u l-bini ta' kapaċità, u anke biex jiġi attirat u promoss l-investiment privat;

G.  billi l-qafas leġiżlattiv kurrenti għall-politika ta' koeżjoni ma jsemmix it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari bħala objettiv, u billi l-iżvilupp sostenibbli huwa prinċipju orizzontali għall-użu tal-Fondi SIE, kif definit fl-Artikolu 8 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni kif ukoll fil-Qafas Strateġiku Komuni (Anness I) li jippermettu t-tisħiħ tar-rabta bejn l-istrumenti eżistenti bħala appoġġ tal-proġetti tal-ekonomija ċirkolari;

H.  billi ħafna mill-objettivi tematiċi stabbiliti għall-Fondi SIE li jridu jikkonformaw mal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, kif ukoll il-kundizzjonalitajiet ex ante relatati, huma rilevanti għall-objettivi ta' ekonomija ċirkolari;

I.  billi l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għamilha obbligatorja li l-operazzjonijiet appoġġjati mill-Fondi SIE jkunu konformi mad-dritt applikabbli tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali relatat mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż speċjalment id-dritt ambjentali;

J.  billi wieħed mill-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari huwa li jitnaqqas l-iskart li jintbagħat fil-landfills u billi l-iżgurar u r-riabilitazzjoni ta' landfills legali u illegali fl-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala prijorità assoluta;

K.  billi ċ-Ċina pprojbiet, mill-1 ta' Jannar 2018, l-importazzjonijiet ta' fdal tal-plastik u ta' skart tal-karti mhux isseparat, u billi din il-projbizzjoni se toħloq sfidi ta' riċiklaġġ għall-Unjoni, li se jinħtieġ li jiġu ttrattati fil-livelli reġjonali u lokali;

Ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fil-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari

1.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tappoġġja l-ekonomija ċirkolari permezz ta' politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni biex jgħinu lill-Istati Membri u lir-reġjuni tal-UE jużaw il-fondi tal-politika ta' koeżjoni għall-ekonomija ċirkolari;

2.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, l-appoġġ tal-UE għall-perjodu 2014-2020 għall-innovazzjoni, l-SMEs, l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u l-protezzjoni ambjentali jammonta għal EUR 150 biljun u ħafna minn dawn l-oqsma qed jikkontribwixxu għall-kisba ta' ekonomija ċirkolari;

3.  Jinnota li l-analiżi dwar ir-riżultat tan-negozjati rigward il-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għall-perjodu ta' programmazzjoni kurrenti wriet li l-FSE ntuża biex jappoġġja azzjonijiet biex jiġu introdotti mudelli ta' organizzazzjoni tax-xogħol aktar ekoloġiċi u azzjonijiet fis-settur ekoloġiku;

4.  Jinnota, madankollu, li kif issottolinjat fi studju kkummissjonat mill-Kummissjoni, il-qafas ta' politika kurrenti ma jippermettix li jiġi kopert il-kontribut sħiħ tal-politika ta' koeżjoni għall-ekonomija ċirkolari; jinnota l-fatt, f'dan ir-rigward, li d-definizzjoni tal-kategoriji tal-"Qasam ta' Intervent" eżistenti użati għall-allokazzjonijiet finanzjarji ma tkoprix l-ekonomija ċirkolari bħala tali;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta l-miżuri ppjanati tal-ekonomija ċirkolari u tosserva prattiki regolatorji tajbin, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssorveljati l-miżuri ta' implimentazzjoni;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat l-impenn tal-Kummissjoni għal qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari(13) bil-għan li jiżdied u jiġi evalwat il-progress miksub fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, filwaqt li jitnaqqas il-piż amministrattiv;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni straordinarja biex tirranġa ż-żoni użati għar-rimi illegali u r-rimi ta' skart perikoluż fil-landfills, li qed jaffettwaw b'mod negattiv is-saħħa u l-benesseri ekonomiku u soċjali tal-popolazzjonijiet ikkonċernati;

8.  Jissottolinja r-rwol tal-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020 u tal-Programm LIFE 2014-2020 biex jiffinanzjaw proġetti innovattivi u jappoġġjaw it-tnaqqis tal-iskart, il-proġetti ta' riċiklaġġ u l-proġetti ta' użu mill-ġdid li jkunu rilevanti għall-ekonomija ċirkolari;

9.  Japprezza li diversi reġjuni użaw l-istrateġiji tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom biex jistabbilixxu prijoritajiet relatati mal-ekonomija ċirkolari u jiggwidaw l-investimenti tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-politika ta' koeżjoni lejn dan l-objettiv, filwaqt li jwettqu rwol fundamentali biex jappoġġjaw l-investimenti u l-infrastruttura li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-SMEs; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali jużaw din il-prattika tajba bħala modus operandi komuni u jimplimentaw dawn l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti;

10.  Jilqa' l-ħolqien ta' Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi għall-SMEs, kif ukoll il-Pjattaforma ta' Appoġġ Finanzjarju tal-Ekonomija Ċirkolari;

11.  Itenni l-fehma tiegħu li l-ekonomija ċirkolari tmur lil hinn mill-ġestjoni tal-iskart u tinkludi oqsma bħalma huma l-impjiegi ekoloġiċi; l-enerġija rinnovabbli; l-użu effiċjenti tar-riżorsi; il-bijoekonomija; il-politiki fil-qasam tal-agrikoltura u tas-sajd, bl-industriji b'bażi bijoloġika tagħhom maħsuba biex jieħdu post il-fjuwils fossili; il-ġestjoni tal-ilma; l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; il-ħela tal-ikel; l-iskart fil-baħar; it-titjib tal-kwalità tal-arja; ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni f'oqsma relatati; jirrikonoxxi, madanakollu, li l-infrastruttura tal-iskart hija element kruċjali għat-tnaqqis ta' xejriet lineari ta' produzzjoni u ta' konsum u li hemm bżonn li jiġu appoġġjati l-innovazzjonijiet fil-qasam tal-ekodisinn sabiex jitnaqqsu l-livelli ta' skart tal-plastik;

12.  Ifakkar li l-problema bażika li trid tiġi solvuta l-ewwel hija s-suq tal-materja prima sekondarja, peress li jekk l-ispiża tal-materja prima tkun inqas minn dik tal-materja riċiklata, huwa ċar li l-ispinta lejn l-ekonomija ekoloġika tonqos b'mod konsiderevoli u li l-użu tal-fondi strutturali jista' jintilef f'ċirku vizzjuż; iqis, f'dan il-kuntest, li ċerti liġijiet ad hoc (bħall-proposta li ġejja tal-Kummissjoni dwar l-użu uniku tal-prodotti tal-plastik) u tassazzjoni xierqa fil-livell tal-UE bħala parti mir-riżorsi proprji tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, jistgħu jagħtu kontribut deċiżiv għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

13.  Jenfasizza l-fatt li, bħala medja, il-materjali riċiklati jissodisfaw biss madwar 10 % tad-domanda tal-UE għal materjali; jirrikonoxxi, fir-rigward ta' żviluppi ġodda fis-swieq globali, speċjalment il-projbizzjoni riċenti fiċ-Ċina ta' fdal ta' plastiks u skart tal-karti mhux isseparat, il-potenzjal il-ġdid għal reġjuni u komunitajiet lokali li jinvestu f'infrastruttura ta' riċiklaġġ, joħolqu impjiegi ekoloġiċi ġodda u jindirizzaw l-isfidi kurrenti li qed tiffaċċja l-UE;

14.  Jenfasizza l-eżistenza u l-importanza tal-kundizzjonalitajiet ex ante dwar il-Fondi SIE relatati, b'mod partikolari, mal-objettiv tal-ħarsien u l-protezzjoni l-ambjent u tal-promozzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għal dik dwar "il-promozzjoni ta' investimenti ekonomikament u ambjentalment sostenibbli fis-settur tal-iskart"; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-negliġenza tal-ġerarkija tal-iskart u n-nuqqas ta' valutazzjoni ambjentali soda tal-eżiti fit-tul tal-investimenti taħt il-Fondi SIE;

15.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni akbar bejn ir-reġjuni, SMEs u entitajiet pubbliċi/privati oħrajn sabiex jitnedew pjattaformi tematiċi ġodda ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, b'mod partikolari bejn is-settur agroalimentari, dak tal-enerġija u dak industrijali;

16.  Jenfasizza l-importanza li tkun applikata l-ġerarkija tal-iskart bħala prerekwiżit biex tinkiseb ekonomija ċirkolari, kif ukoll il-bżonn ta' trasparenza akbar fil-katina tal-provvista, sabiex il-prodotti u l-materjali li jkunu waslu fi tmiem il-ħajja jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati u rkuprati b'mod effiċjenti; barra minn hekk, jirrikonoxxi xejra negattiva fl-investiment tal-Fondi SIE f'livelli aktar baxxi tal-ġerarkija tal-iskart, b'mod partikolari fil-faċilitajiet ta' trattament bijoloġiku mekkaniku (MBT) u fl-inċinerazzjoni, li f'ċerti każijiet tista' twassal għal kapaċitajiet żejda u lock-in teknoloġiku fit-tul, u li b'hekk tipperikola l-ilħuq tal-miri ta' riċiklaġġ tal-UE; ifakkar li t-tħeġġiġ tal-komunità tan-negozju biex issegwi l-ġerarkija għandu jiġġenera materjali addizzjonali fil-fluss tar-riżorsi, u għandu joffri wkoll opportunitajiet potenzjali għall-użu tagħhom fil-manifattura;

17.  Ifakkar fil-miri l-ġodda dwar l-iskart għall-2025, l-2030 u l-2035 stabbiliti fir-rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u jissottolinja li l-ilħuq ta' dawn il-miri jirrikjedi impenn politiku fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll investimenti ekonomiċi; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-Unjoni disponibbli b'appoġġ għal tali investimenti u jissottolinja li dawn se jiġġeneraw redditi sinifikanti f'termini ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-impjiegi;

18.  Jissottolinja l-importanza tal-proġetti reġjonali għall-ipproċessar tal-iskart residwu li huwa kompletament mhux riċiklabbli sabiex jiġu prodotti bijokarburanti sostenibbli tat-tieni ġenerazzjoni, wara separazzjoni bir-reqqa jew ġbir separat f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-definizzjonijiet kollha relatati mal-iskart jikkonformaw mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u li tkun disponibbli data komparabbli dwar il-progress li jsir mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva Azzjonijiet Innovattivi Urbani, li s'issa approvat tmien proġetti innovattivi tal-ekonomija ċirkolari tal-awtoritajiet urbani għal finanzjament tal-FEŻR u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tevalwa l-implimentazzjoni tagħhom sabiex tifformula politiki usa' tal-ekonomija ċirkolari; 

L-ekonomija ċirkolari bħala mutur għall-iżvilupp sostenibbli u reġjonali

21.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tas-sħubija u r-rwol importanti tal-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-settur mhux governattiv, inklużi l-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, waqt it-tfassil ta' ftehimiet ta' sħubija u programmi operattivi; jitlob li jkun hemm involviment ġenwin tas-sħab fil-proċessi ta' politika, bil-ħolqien ta' sħubijiet trasversali u li fid-dokumenti ta' programmazzjoni jiġu inkorporati adegwatament objettivi relatati mal-ekonomija ċirkolari; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom stess f'dan il-qasam f'koordinazzjoni mal-approċċ tal-UE għal ekonomija ċirkolari; jenfasizza r-rwol ewlieni li jista' jkollu l-gvern lokali fil-kisba tal-ekonomija ċirkolari;

22.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol tas-sħubijiet pubbliċi-privati fit-tfassil u l-ippjanar ta' prodotti u servizzi ġodda li jieħdu kont taċ-ċiklu tal-ħajja, bil-ħsieb li jiġu implimentati erba' mudelli tad-disinn li jkunu jistgħu jintużaw taħt ekonomija ċirkolari: it-tfassil għal-lonġevità; it-tfassil għal kiri/servizz; it-tfassil għall-użu mill-ġdid fil-manifattura; it-tfassil għall-irkupru ta' materjali;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinbidlu u jiġu adattati l-istrateġiji u l-mudelli tas-suq kurrenti biex jakkumpanjaw lir-reġjuni fit-tranżizzjoni lejn din il-forma ta' ekonomija aktar sostenibbli, filwaqt li fl-istess ħin tingħata spinta lill-kompetittività ekonomika, industrijali u ambjentali;

24.  Jitlob li tiġi implimentata l-ekonomija ċirkolari fil-qafas tal-governanza kkoordinata f'diversi livelli u l-prinċipju tas-sħubija, bi trasparenza sħiħa, l-involviment tal-komunitajiet lokali u l-parteċipazzjoni pubblika wiesgħa;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa aktar kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha involuti fil-proċessi ta' ekonomija ċirkolari;

26.  Jinnota li l-proġetti relatati mal-ekonomija ċirkolari li rċevew l-appoġġ tal-politika ta' koeżjoni ġabu magħhom benefiċċji akbar għal reġjuni aktar żviluppati; jirrikonoxxi l-kapaċità amministrattiva limitata ta' reġjuni anqas żviluppati, u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jużaw il-possibbiltajiet kollha eżistenti sabiex jipprovdu għajnuna esperta u jsaħħu l-kapaċità ta' dawn ir-reġjuni biex jgħinuhom iżidu l-isforzi tagħhom, u biex joħolqu kundizzjonijiet għall-kisba ta' qabża teknoloġika billi jimplimentaw aktar proġetti li jissodisfaw il-prinċipji ta' ekonomija ċirkolari u billi jiżviluppaw sħubijiet u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati bħal esperti tal-materjali, kimiki, manifatturi u riċiklaturi, partikolarment fil-qafas tal-inizjattiva "Industrija 2020 fl-ekonomija ċirkolari";

27.  Jisħaq fuq l-istimi li bidla lejn materja prima bijoloġika u metodi ta' pproċessar bijoloġiku tista' tiffranka sa 2,5 biljun tunnellata ta' CO2 fis-sena sal-2030, biex b'hekk jiżdiedu ferm is-swieq għall-materja prima b'bażi bijoloġika u prodotti ġodda tal-konsumatur; jenfasizza l-importanza assoluta ta' ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità filwaqt li r-riżorsi jiġu ttrasformati fi prodotti, materjali u fjuwils b'bażi bijoloġika;

28.  Iqis li l-bijoekonomija hija essenzjali għall-iżvilupp reġjonali u lokali, peress li żżid il-koeżjoni bejn ir-reġjuni permezz tal-potenzjal tagħha li toħloq l-impjiegi u t-tkabbir fiż-żoni rurali; jitlob li jsir aktar użu mill-Fondi SIE għall-implimentazzjoni ta' innovazzjonijiet eżistenti, permezz ta' politiki li jħeġġu l-partijiet ikkonċernati, filwaqt li tkompli titrawwem l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' materjali b'bażi bijoloġika, bijodegradabbli, riċiklabbli u kompostabbli prodotti minn stokkijiet tal-għalf bijoloġiku mmaniġġjati b'mod sostenibbli; ifakkar li l-implimentazzjoni konsistenti tal-bijoekonomija tista' wkoll issolvi l-problema tal-ħela tal-ikel; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fil-ħolqien ta' sistemi u pjattaformi li jgħaqqdu l-atturi differenti mis-setturi tal-produzzjoni tal-ikel, tat-trasport, tal-bejgħ bl-imnut, tal-konsumaturi u tal-iskart, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħrajn, biex b'hekk jinkisbu sinerġiji akbar biex joħolqu soluzzjonijiet effiċjenti;

29.  Jinnota li, barra l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, l-inċentivi għandhom jingħataw ukoll lill-konsumaturi nfushom, li għandhom jiġu infurmati b'mod kostanti u mħeġġa jibdlu l-imġiba tal-konsumaturi fir-rigward tal-ġestjoni u l-produzzjoni tal-iskart, ir-riċiklaġġ u kwistjonijiet li jinvolvu soluzzjonijiet sostenibbli fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;

30.  Jitlob għal aċċess aħjar, eħfef u aktar trasparenti biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu ffinanzjati, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom u permezz ta' aktar kooperazzjoni mal-BEI, fil-qafas taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment, sabiex ikunu jistgħu jiżdiedu l-investimenti f'impjiegi ekoloġiċi, il-ġestjoni tal-iskart, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, żvilupp ulterjuri ta' żoni rurali inkluż fir-rigward tal-infrastruttura meħtieġa u teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, il-bidla minn fjuwils fossili għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli u t-tranżizzjoni tal-enerġija lokali, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, distribuzzjoni deċentralizzata tal-enerġija, l-innovazzjoni għal enerġija nadifa u l-ekonomija ċirkolari; jilqa' l-fatt li l-BEI pprovda, matul l-aħħar ħames snin, madwar EUR 2,4 biljun f'kofinanzjament għal proġetti tal-ekonomija ċirkolari għall-ġestjoni tal-iskart, il-ġestjoni tal-ilma jew ir-riċerka u l-iżvilupp agrikoli; jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni aħjar tal-Fondi SIE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari, anke bil-ħsieb li jiġu żgurati programmi li jinkludu approċċ reġjonali u li jużaw aħjar il-potenzjal reġjonali għal sorsi tal-enerġija sostenibbli;

31.  Jistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali biex jinkoraġġixxu l-istabbiliment u l-appoġġ ta' netwerks għall-użu mill-ġdid u għat-tiswija, partikolarment dawk li joperaw bħala intrapriżi tal-ekonomija soċjali, biex jestendu l-ħajja ta' prodotti permezz tal-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-riutilizzazzjoni, u billi jħaffu l-aċċess ta' tali netwerks għal punti ta' ġbir tal-iskart, u billi jippromwovu l-użu tal-Fondi SIE, l-istrumenti ekonomiċi, il-kriterji ta' akkwist pubbliku, jew miżuri oħra f'dan is-sens;

32.  Jenfasizza li s-sostenibbiltà taċ-ċiklu tal-ħajja tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tiddependi mill-konsum tal-enerġija fit-trasport; jissottolinja li dan japplika b'mod partikolari għal żoni rurali fejn id-distanzi bejn il-punti ta' ġbir u s-siti tal-ipproċessar huma itwal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jikkunsidraw l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fl-istrateġiji tagħhom tal-ekonomija ċirkolari għal żoni rurali sabiex jevitaw impatti ambjentali u klimatiċi li jkunu b'mod ġenerali negattivi;

33.  Jirrimarka li, minn kampjun ta' 32 programm operattiv rivedut għal studju dwar l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-fondi tal-politika ta' koeżjoni, disgħa jindirizzaw l-ekonomija ċirkolari u sitta l-impjiegi ekoloġiċi; jilqa' l-isforzi eżistenti li saru mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali iżda fl-istess ħin jistieden lill-Istati Membri jintegraw aħjar l-ekonomija ċirkolari fil-programmi operattivi u reġjonali tagħhom u fil-ftehimiet ta' sħubija tagħhom; iħeġġeġ li jingħata appoġġ lir-reġjuni biex jiżguraw tranżizzjoni li tkun kemm jista' jkun bla xkiel għall-ekonomija ċirkolari;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ekonomija ċirkolari tkun inkorporata b'mod xieraq fil-programmi edukattivi u t-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ mill-ġdid bħala suġġett interdixxiplinari sabiex tifforma attitudnijiet ġodda li mbagħad jgħinu sabiex jiġu ddefiniti mudelli ta' negozju ġodda u joħolqu impjiegi ġodda;

35.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali responsabbli għat-tħejjija tal-programmi operattivi biex jintegraw aktar mill-qrib l-ekonomija ċirkolari fi programmi ta' kooperazzjoni territorjali, b'mod partikolari l-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera, bil-għan li jimplimentaw soluzzjonijiet transfruntieri li jistgħu jiġġeneraw riżultati aktar effiċjenti u orħos;

36.  Jemmen li l-ippjanar futur tal-Fondi SIE fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss għandu jkun ikkoordinat aħjar mal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima għall-2030, billi juża, fejn ikun possibbli, indikaturi simili għal dawk li jinsabu fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija; jappella għal strateġija ambizzjuża u koerenti għall-Istati Membri sabiex jilħqu l-miri mandatorji diġà eżistenti fil-livell tal-UE dwar il-mitigazzjoni tal-klima;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jaħtfu l-opportunità biex jintegraw aktar l-ekonomija ċirkolari fil-programmi operattivi kurrenti tagħhom matul il-perjodu ta' reviżjoni; jemmen li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita dan il-proċess filwaqt li tipprovdi assistenza għall-Istati Membri fir-rigward tal-analiżi tas-sitwazzjoni kurrenti u l-oqsma possibbli fejn l-ekonomija ċirkolari u l-prinċipji tagħha jkunu jistgħu jiġu applikati u miżjuda;

38.  Iqis li r-rwol tal-ETC fl-indirizzar tal-isfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari għandu jkun imsaħħaħ aktar; jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-kooperazzjoni transfruntiera, b'mod partikolari permezz tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC), biex jiġu implimentati proġetti tal-ekonomija ċirkolari; barra minn hekk, jenfasizza l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli permezz ta' ftehimiet ta' qabel l-adeżjoni ma' pajjiżi li mhumiex Stati Membri biex jindirizzaw l-isfidi preżenti, speċjalment fil-qasam tat-tniġġis tal-arja;

39.  Jisħaq fuq il-potenzjal mhux sfruttat tal-istrateġiji makroreġjonali kurrenti biex jgħinu fl-indirizzar ta' sfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari, mhux biss fl-Istati Membri iżda wkoll f'pajjiżi terzi li jinstabu fl-istess żona ġeografika; jenfasizza li dawk l-istrateġiji għandhom jiffukaw fuq prijoritajiet li jappoġġjaw il-ħolqien ta' suq għal materja prima sekondarja għall-Unjoni; jitlob li jiġu żviluppati inizjattivi ta' kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi ġirien;

40.  Itenni l-fehmiet tiegħu dwar l-importanza tal-bini u ż-żamma adegwati tal-kapaċitajiet fl-awtoritajiet pubbliċi lokali, reġjonali u nazzjonali, li hija wkoll rilevanti ħafna għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; jindika r-rwol importanti li l-assistenza teknika jista' jkollha f'dan il-qasam; jirrikonoxxi li r-reġjuni u ż-żoni urbani għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni tas-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija minn isfel għal fuq (bottom-up) u huma l-aktar adattati għall-ittestjar u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet tal-enerġija integrati f'rabta diretta maċ-ċittadini; jisħaq fuq ir-rwol li jista' jkollhom l-inizjattivi "bliet intelliġenti" fl-ekonomija ċirkolari billi jippromwovu mudelli ta' teknoloġija ekoloġika bħala parti minn strateġiji ta' żvilupp urban sostenibbli; jissottolinja li bliet sostenibbli u "ċirkolari" huma strument għal ekonomija ċirkolari effettiva;

41.  Jenfasizza l-importanza tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku bħala mutur tal-ekonomija ċirkolari, b'suq potenzjali li jammonta għal EUR 1,8 triljun kull sena u li jipprovdi xogħlijiet pubbliċi, prodotti u servizzi(14);

42.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' qafas regolatorju tal-enerġija li jinkoraġġixxi liċ-ċittadini u l-komunitajiet tal-enerġija jipparteċipaw fit-tranżizzjoni tal-enerġija permezz tad-dritt tal-awtoproduzzjoni u l-awtokonsum, kif ukoll permezz ta' skemi għal appoġġ kontinwu, l-aċċess prijoritarju ggarantit għall-grilja u dispaċċ ta' prijorità għall-enerġija rinnovabbli;

43.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jkomplu jinvestu fi programmi edukattivi, f'taħriġ vokazzjonali u biex il-ħaddiema jerġgħu jiġu kkwalifikati, kif ukoll f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji u l-vantaġġi tal-azzjonijiet kollha bil-għan li tiġi implimentata l-ekonomija ċirkolari permezz ta' proġetti ta' politika ta' koeżjoni, biex b'hekk tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tiġi influwenzata l-imġiba tal-konsumaturi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-potenzjal tal-FSE; jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li l-intraprendituri żgħażagħ jitħeġġu jersqu lejn ekonomija ċirkolari, speċjalment f'reġjuni b'livelli baxxi ta' introjtu u tkabbir; jissottolinja wkoll li l-ekonomija ċirkolari hija opportunità biex iż-żoni rurali jiġġieldu d-depopolazzjoni, jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom u jiksbu sigurtà kontra r-riskji; jindika, f'dan ir-rigward, li ż-żoni rurali għandhom bżonn ta' inċentivi għat-tranżizzjoni lejn katini ta' valur sostenibbli; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata strateġija speċifika għal reġjuni insulari;

44.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu tal-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) u l-Investiment Territorjali Integrat (ITI) biex tgħin lill-partijiet ikkonċernati lokali jikkombinaw flussi ta' fondi u jippjanaw inizjattivi lokali mmirati lejn l-ekonomija ċirkolari;

45.  Jinnota li 80 % tal-iskart fil-baħar jiġi minn sorsi bbażati fuq l-art; għalhekk jenfasizza l-importanza tal-indirizzar tal-art u r-rimi tal-iskart fil-baħar permezz ta' azzjoni lokali u reġjonali li għandha kemm il-benefiċċji ambjentali kif ukoll is-saħħa tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq il-prevenzjoni ta' skart iġġenerat fuq l-art;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, l-impatt fuq il-kalkolu ta' żbilanċi tal-gvern tal-investimenti reġjonali u nazzjonali kkofinanzjati permezz tal-Fondi SIE fi proġetti relatati mal-ekonomija ċirkolari;

47.  Jilqa' l-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 98/83/KE dwar l-Ilma tax-Xorb, li se tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari billi tnaqqas l-iskart tal-plastik mill-ilma fil-fliexken, u li tinvolvi ffrankar kbir tal-enerġija u ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma tax-xorb;

L-ekonomija ċirkolari fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020

48.  Jistieden lill-Kummissjoni, għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, timplimenta metodoloġija ta' rintraċċar rilevanti b'indikaturi xierqa li jippermettu monitoraġġ aħjar tal-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-kisba ta' ekonomija ċirkolari sabiex toffri stampa aktar preċiża tal-kundizzjonijiet ambjentali u soċjoekonomiċi;

49.  Jindika li appoġġ konsiderevoli għat-tkomplija tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari qed tiġi pprovduta wkoll minn programmi oħrajn, bħal LIFE, COSME u Orizzont 2020; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji bejn dawn l-istrumenti msemmija hawn fuq sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proposti leġiżlattivi l-ġodda għall-qafas ta' politika ta' koeżjoni futur, tiżviluppa kundizzjonalitajiet ex ante xierqa relatati mal-kisba ta' ekonomija ċirkolari; iqis li għandhom jiġu żviluppati strateġiji ta' ekonomija ċirkolari fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u mas-sħab ekonomiċi u soċjali;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-programm Orizzont 2020 jagħti ferm aktar attenzjoni u finanzjament lill-proġetti ta' innovazzjoni u riċerka fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari;

52.  Jenfasizza l-importanza li jiżdied l-appoġġ tal-politika ta' koeżjoni għall-iżvilupp urban u rurali sostenibbli, u jitlob li jingħata rwol aktar prominenti lil objettivi relatati mal-ekonomija ċirkolari f'dan il-kuntest; jitlob li jitkomplew azzjonijiet urbani u rurali innovattivi f'dan il-qasam u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu massimu mit-tagħlimiet meħuda fil-perjodu 2014-2020 meta tħejji l-proposti għall-futur; jitlob li jkun hemm approċċ flessibbli u mfassal apposta fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana, u li jipprovdi inċentivi u gwida biex jiġu sfruttati għalkollox il-potenzjali tal-bliet fl-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Ekonomija Ċirkolari post fejn jiġu skambjati l-aħjar prattiki sabiex isir l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

54.  Jenfasizza l-interdipendenza tal-ekonomija ċirkolari u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u għaldaqstant jitlob infiq akbar f'investimenti relatati mal-ekonomija ċirkolari u mal-klima fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020; barra minn hekk jenfasizza li fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (QFP) in-nefqa relatata mal-klima għandha b'mod ġenerali tiżdied meta mqabbla ma' dik kurrenti;

°

°  °

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.

(5)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.

(6)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.

(7)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2017)0053.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2016)0321.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2016)0311.

(11)

ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.

(12)

ĠU C 353, 27.9.2016, p. 27.

(13)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 bit-titolu "Qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari" (COM(2018)0029).

(14)

"Buying green! A handbook on green public procurement" (Ixtri b'mod ekoloġiku! - Manwal dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku) , it-3 edizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea, 2016.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (27.4.2018)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari

(2017/2211(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Stanislav Polčák

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li t-tranżizzjoni minn mudell ta' ekonomija lineari għal wieħed ċirkolari hija neċessità u mhux għażla; iqis li t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari tnaqqas l-iskart, toħloq impjiegi ġodda ta' kwalità għolja, iżżid il-kompetittività tal-SMEs, toħloq opportunitajiet għal integrazzjoni soċjali, issaħħaħ l-iżvilupp ta' teknoloġiji nodfa, ittejjeb l-effiċjenza enerġetika kif ukoll l-effiċjenza fir-riżorsi u tnaqqas il-konsum tal-materja prima u d-dipendenza tal-Ewropa fuq il-materja prima u l-enerġija importati, bħall-idrokarburi, iżda jemmen li din it-tranżizzjoni tirrikjedi mudelli ta' negozju innovattivi li jkunu maħsuba biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' konsum tan-nies mingħajr ma jkollhom impatt li jagħmel ħsara fuq l-ambjent;

2.  Jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rwol tal-ekonomija ċirkolari fil-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jirrimarka li l-bini ta' soċjetà b'ekonomija ċirkolari jitlob tip ġdid ta' għarfien u approċċ, kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati, l-iżvilupp ta' ambjent operattiv, u tibdil fil-modi li bihom il-kumpaniji jagħmlu n-negozju tagħhom; iqis bħala essenzjali li l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni jkun iddirezzjonat b'mod aktar effettiv lejn miżuri li jappoġġjaw l-ekonomija ċirkolari, inklużi l-attivitajiet ta' taħriġ;

3.  Jirrakkomanda sħubija bejn diversi partijiet ikkonċernati bħala mezz biex jitrawmu sinerġiji tajbin bejn il-prinċipji tal-politika ta' koeżjoni u tal-ekonomija ċirkolari permezz tal-involviment, fuq bażi ugwali, tal-atturi kollha matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, jiġifieri l-awtoritajiet pubbliċi, is-settur privat, l-akkademiċi u l-NGOs;

4.  Jappella biex tingħata aktar attenzjoni lill-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u lill-akkoppjament b'mod aktar effettiv tal-potenzjal tal-bijoekonomija mal-ekonomija ċirkolari, peress li dan jista' jkun mod li bih tingħata spinta lill-istandards tal-għajxien u l-mezzi tal-għajxien fiż-żoni rurali; jirrimarka li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari sostenibbli b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju tista' titħaffef billi l-appoċċ għall-prodotti fossili jiġi assenjat mill-ġdid għall-prodotti u l-produzzjoni rinnovabbli;

5.  Jemmen li l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' finanzjament aħjar u strumenti xierqa għall-iżvilupp territorjali kif ukoll billi tkun appoġġjata l-ekonomija ċirkolari; jenfasizza l-ħtieġa ta' perspettiva fuq terminu twil u sinjali ċari ta' investiment għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; iqis li l-kundizzjonalitajiet ex ante għenu l-fażi tal-implimentazzjoni tal-objettivi strateġiċi tal-fondi ta' koeżjoni attwali, iżda dawn jistgħu jiġu ddefiniti f'aktar dettall għall-perjodu ta' wara l-2020; jitlob, f'dan il-kuntest, konformità mal-ġerarkija tal-iskart, li tista' tiġi artikolata f'sensiela ta' kundizzjonalitajiet ex ante li jirrestrinġu l-użu tal-fondi għall-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta' sussidjarjetà; jitlob li jiġu introdotti inċentivi finanzjarji għall-prevenzjoni tal-iskart, allinjati strettament mal-ġerarkija tal-iskart prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart(1); jenfasizza li l-fondi ta' koeżjoni stabbiliti għall-prevenzjoni, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart għandhom jikkonformaw ukoll ma' din il-ġerarkija; jistieden lill-Istati Membri, li diġà huma obbligati japplikaw il-ġerarkija tal-iskart tal-UE, sabiex jagħtu prijorità lill-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ fl-investimenti tagħhom fl-infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli li jiddefinixxu l-istrumenti u l-korpi responsabbli għall-monitoraġġ tad-data dwar it-tnaqqis tal-iskart fil-livelli kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u l-konsum;

6.  Jappoġġja t-tisħiħ tar-rekwiżiti tar-responsabilità tal-produttur u jitlob li jkun hemm tnaqqis sostanzjali tal-plastik fl-imballaġġ u jiġu stabbiliti skemi ta' imballaġġ li jista' jerġa' jintuża min-naħa tal-ktajjen il-kbar tal-bejgħ bl-imnut bħala għodda prattika għall-prevenzjoni tal-iskart; jenfasizza li jridu jittieħdu passi ulterjuri sabiex tiġi estiża d-durabilità tal-prodotti u jiġu inkoraġġiti l-użu mill-ġdid u r-riċiklabilità tagħhom, inkluża l-introduzzjoni ta' penali finanzjarji għall-imballaġġ eċċessiv;

7.  Ifakkar fil-miri ġodda dwar l-iskart għall-2025, l-2030 u l-2035 stabbiliti fir-rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u jissottolinja li l-ilħuq ta' dawn il-miri jirrikjedi impenn politiku fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll investimenti ekonomiċi; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-Unjoni disponibbli b'appoġġ għal tali investimenti u jissottolinja li dawn se jiġġeneraw redditi sinifikanti f'termini ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-impjiegi;

8.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-bijoskart jinġabar separatament mis-sors u li jinħoloq il-qafas neċessarju biex il-kompost mill-bijoskart jintuża fl-agrikoltura u f'setturi oħra; jenfasizza li l-bijoskart jirrappreżenta perċentwal għoli ta' skart muniċipali mħallat, u jirrimarka li, il-fatt li l-possibilitajiet għal ġbir separat ta' tali skart mhumiex suffiċjenti jagħmilha impossibbli li l-bijoskart jintuża u li jitreġġa' lura fil-ħamrija bħala kompost;

9.  Jenfasizza li s-sostenibilità taċ-ċiklu tal-ħajja tal-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tiddependi mill-konsum tal-enerġija fit-trasport; jissottolinja li dan japplika b'mod partikolari għal żoni rurali fejn id-distanzi bejn il-punti ta' ġbir u s-siti tal-ipproċessar huma itwal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jikkunsidraw l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fl-istrateġiji tagħhom tal-ekonomija ċirkolari għal żoni rurali sabiex jevitaw impatti ġenerali negattivi ambjentali u klimatiċi;

10.  Jissottolinja l-importanza tal-proġetti reġjonali biex jipproċessaw l-iskart residwu li huwa kompletament mhux riċiklabbli bil-għan li jiġu prodotti bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni sostenibbli, wara separazzjoni bir-reqqa jew ġbir separat f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart;

11.  Ifakkar fl-importanza tat-taħriġ għal impjiegi ġodda fl-ekonomija ekoloġika: il-Fond Soċjali Ewropew, flimkien mal-investiment tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda għal ekonomija ċirkolari;

12.  Jieħu nota li l-approċċ il-ġdid ristrettiv taċ-Ċina fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' skart Ewropew jista' jkollu, fuq terminu qasir, impatt negattiv fuq il-ġestjoni tal-iskart fl-UE; iqis fl-istess ħin li, fil-prinċipju, dan huwa opportunità għall-ġestjoni tal-iskart fl-UE, u jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart, jerġgħu janalizzaw il-politiki tagħhom dwar il-ġestjoni tal-iskart, itejbu l-ġestjoni tar-riżorsi tagħhom, u jistabbilixxu infrastruttura ta' riċiklaġġ tal-UE li tiffunzjona, li tagħti spinta lill-ekonomija ċirkolari fl-UE; jilqa', f'dan il-kuntest, l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-plastik u jirrakkomanda konverġenza akbar bejn l-UE u ċ-Ċina u sħab oħra sabiex jistabbilixxu s-sisien għal ekonomija tal-plastik sostenibbli, fejn id-disinn u l-produzzjoni jippermettu durabilità akbar, aktar użu mill-ġdid u riċiklaġġ ta' kwalità għolja;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-definizzjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-iskart jikkonformaw mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u li tkun disponibbli data komparabbli dwar il-progress li jsir mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-segwitu tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri biex tiġi żgurata l-kisba tat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari;

15.  Jenfasizza li ħafna Stati Membri għad iridu jiżviluppaw l-infrastruttura meħtieġa għall-ġestjoni tal-iskart; jirrimarka li, għaldaqstant, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti objettivi ta' politika fit-tul sabiex jiggwidaw il-miżuri u l-investimenti, speċifikament billi jiġi evitat il-ħolqien ta' kapaċitajiet strutturali eċċessivi għat-trattament tal-iskart residwali u tiġi evitata l-inerzja tal-materji riċiklabbli fil-livelli l-baxxi tal-ġerarkija tal-iskart; jinnota, għal dak l-għan, li huwa essenzjali li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jintużaw biex jiġi ffinanzjat l-iżvilupp tal-infrastruttura għall-ġestjoni tal-iskart meħtieġa għall-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.

16.  Ifakkar li l-problema bażika li trid tiġi solvuta l-ewwel hija s-suq tal-materja prima sekondarja, peress li jekk il-kost tal-materja prima jkun inqas minn dak tal-materja riċiklata, huwa ċar li l-ispinta lejn l-ekonomija ekoloġika naqset b'mod konsiderevoli u li l-użu tal-fondi strutturali jista' jintilef f'ċirku vizzjuż; iqis, f'dan il-kuntest, li xi liġijiet ad hoc (bħall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss dwar l-użu uniku tal-prodotti tal-plastik) u tassazzjoni xierqa fil-livell tal-UE bħala parti mir-riżorsi proprji tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, jistgħu jagħtu kontribut deċiżiv għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva 98/83/KE dwar l-Ilma tax-Xorb, li se tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari billi tnaqqas l-iskart tal-plastik mill-ilma fil-fliexken, u tfisser iffrankar kbir tal-enerġija u ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma tax-xorb;

18.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għal proġetti reġjonali għat-trattament innovattiv tad-demel u l-għeluq taċ-ċiklu minerali tal-annimali li jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-lissija tan-nitrati u jikkontribwixxu għall-produzzjoni tal-bijoenerġija ekoloġika;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta l-miżuri ppjanati tal-ekonomija ċirkolari u tosserva prassi regolatorja tajba, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssorveljati l-miżuri ta' implimentazzjoni;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu sinerġiji bejn proġetti reġjonali għall-ekonomija ċirkolari fil-qasam tal-fertilizzanti organiċi, bħal konċentrati minerali ta' grad għoli mit-trattament tad-demel, u l-oqfsa leġiżlattivi tal-UE, fost l-oħrajn billi jawtorizzaw konċentrati minerali bħala alternattivi ekoloġiċi għall-fertilizzant kimiku, bil-kundizzjoni li jkollhom koeffiċjent ta' disponibilità suffiċjentement għoli u b'hekk jgħinu biex tittejjeb il-kwalità tal-ilma ta' taħt l-art u l-ilma tal-wiċċ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtemmu d-diskriminazzjoni legali kontra l-fertilizzanti organiċi sostenibbli bbażati fuq id-demel tal-annimali b'paragun mal-fertilizzant minerali konvenzjonali u jemendaw il-leġiżlazzjoni tal-UE u d-definizzjonijiet għal dan il-għan;

21.  Iqis li huwa neċessarju, fl-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-ġestjoni tal-iskart u fl-ippjanar tal-investimenti fl-infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari, li l-Istati Membri jużaw sew il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej billi jippromwovu l-ewwel il-prevenzjoni u l-użu mill-ġdid, imbagħad ir-riċiklaġġ, bi qbil mal-ġerarkija tal-iskart; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni, b'konformità mal-ġerarkija tal-iskart, għandha toħloq sinerġiji akbar bejn il-programm Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej sabiex jiġi żviluppat qafas finanzjarju effettiv li jgħin lill-awtoritajiet lokali jimplimentaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u jiffinanzjaw l-intoduzzjoni ta' teknoloġiji u metodi innovattivi tal-ġestjoni tal-iskart;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat l-impenn tal-Kummissjoni għal qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari bil-għan li jiżdied u jiġi evalwat il-progress miksub fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, filwaqt li jitnaqqas il-piż amministrattiv.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

25.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

59

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Stefan Eck, Bas Eickhout, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, Anneli Jäätteenmäki, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Giovanni La Via, Peter Liese, Joëlle Mélin, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Rory Palmer, Massimo Paolucci, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Julia Reid, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Davor Škrlec, Renate Sommer, Estefanía Torres Martínez, Adina-Ioana Vălean, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Cristian-Silviu Buşoi, Caterina Chinnici, Fredrick Federley, Anja Hazekamp, Norbert Lins, Rupert Matthews, Alojz Peterle, Stanislav Polčák, Carolina Punset, Christel Schaldemose

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jude Kirton-Darling, Jeroen Lenaers, Mylène Troszczynski

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

59

+

ALDE

Fredrick Federley, Gerben-Jan Gerbrandy, Anneli Jäätteenmäki, Carolina Punset, Frédérique Ries

ECR

Urszula Krupa, Rupert Matthews, Bolesław G. Piecha, Jadwiga Wiśniewska

EFDD

Piernicola Pedicini

ENF

Sylvie Goddyn, Joëlle Mélin, Mylène Troszczynski

GUE/NGL

Lynn Boylan, Stefan Eck, Anja Hazekamp, Kateřina Konečná, Estefanía Torres Martínez

PPE

Pilar Ayuso, Cristian-Silviu Buşoi, Birgit Collin-Langen, Angélique Delahaye, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Giovanni La Via, Jeroen Lenaers, Peter Liese, Norbert Lins, Miroslav Mikolášik, Alojz Peterle, Stanislav Polčák, Renate Sommer, Adina-Ioana Vălean

S&D

Nikos Androulakis, Biljana Borzan, Nessa Childers, Caterina Chinnici, Miriam Dalli, Seb Dance, Jytte Guteland, Karin Kadenbach, Jude Kirton-Darling, Susanne Melior, Rory Palmer, Massimo Paolucci, Pavel Poc, Christel Schaldemose, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE

Marco Affronte, Margrete Auken, Bas Eickhout, Benedek Jávor, Michèle Rivasi, Davor Škrlec

1

-

EFDD

Julia Reid

1

0

NI

Zoltán Balczó

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

15.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Mercedes Bresso, Steeve Briois, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Aleksander Gabelic, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Louis-Joseph Manscour, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Paul Nuttall, Younous Omarjee, Konstantinos Papadakis, Stanislav Polčák, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Maria Spyraki, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Matthijs van Miltenburg, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, John Howarth, Ivana Maletić, Miroslav Mikolášik, Bronis Ropė, Davor Škrlec, Damiano Zoffoli

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Dariusz Rosati, Boris Zala


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

31

+

ALDE

Ivan Jakovčić, Iskra Mihaylova, Matthijs van Miltenburg

ECR

Sławomir Kłosowski, Ruža Tomašić

EFDD

Isabella Adinolfi, Rosa D'Amato

GUE/NGL

Younous Omarjee

PPE

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Ivana Maletić, Miroslav Mikolášik, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Dariusz Rosati, Fernando Ruas, Maria Spyraki, Ramón Luis Valcárcel Siso, Joachim Zeller

S&D

Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Aleksander Gabelic, John Howarth, Constanze Krehl, Louis-Joseph Manscour, Liliana Rodrigues, Kerstin Westphal, Boris Zala, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE

Bronis Ropė, Davor Škrlec

3

-

EFDD

Paul Nuttall

ENF

Steeve Briois

NI

Konstantinos Papadakis

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Mejju 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza