Proċedura : 2017/2275(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0187/2018

Testi mressqa :

A8-0187/2018

Dibattiti :

PV 02/07/2018 - 18
CRE 02/07/2018 - 18

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2018 - 6.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0292

RAPPORT     
PDF 656kWORD 76k
24.5.2018
PE 618.011v02-00 A8-0187/2018

Lejn strateġija esterna tal-UE kontra ż-żwiġijiet prekoċi u furzati - il-passi li jmiss

(2017/2275(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Charles Goerens

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Lejn strateġija esterna tal-UE kontra ż-żwiġijiet prekoċi u furzati - il-passi li jmiss

(2017/2275(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abolizzjoni taż-żwieġ tat-tfal(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u, b'mod partikolari, l-Artikolu 16 tagħha, u t-trattati u l-istrumenti l-oħra kollha tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-20 ta' Novembru 1989, u l-erba' prinċipji fundamentali tagħha tan-nondiskriminazzjoni (Artikolu 2), l-aħjar interessi tat-tfal (Artikolu 3), is-sopravivenza, l-iżvilupp u l-protezzjoni (Artikolu 6) u l-parteċipazzjoni (Artikolu 12), u wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-kunsens għaż-żwieġ, l-età minima taż-żwieġ u r-reġistrazzjoni taż-żwiġijiet,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18 ta' Diċembru 2014 u tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar iż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ prekoċi u ż-żwieġ furzat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 29/8 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-2 ta' Lulju 2015 dwar "Strengthening efforts to prevent and eliminate child, early and forced marriage" ("It-tisħiħ tal-isforzi biex jiġi pprevenut u eliminat iż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat"), ir-riżoluzzjoni 24/23 tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar "Strengthening efforts to prevent and eliminate child, early and forced marriage: challenges, achievements, best practices and implementation gaps" ("It-tisħiħ tal-isforzi biex jiġi pprevenut u eliminat iż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat: sfidi, kisbiet, l-aħjar prattiki u lakuni fl-implimentazzjoni") u r-riżoluzzjoni 35/16 tiegħu tat-22 ta' Ġunju 2017 dwar "Child, early and forced marriage in humanitarian settings" ("Iż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat f'kuntesti umanitarji"),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni adottata mill-Konferenza tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Unjoni Afrikana f'Ġunju 2015 dwar iż-żwieġ tat-tfal, f'Johannesburg (l-Afrika t'Isfel),

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Konġunt tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR) u tal-Kumitat Afrikan ta' Esperti dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal (ACERWC) dwar l-Eliminazzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 32, 37 u 59(4) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA) tal-2012 bit-titolu ''Marrying Too Young – End Child Marriage'' ("Żwieġ Kmieni Wisq - Waqqfu ż-żwieġ tat-Tfal"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 9 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji fundamentali stabbiliti fil-komunikazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-2016 dwar Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012(3), wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015(4), wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-27 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "EU Action Plan on Human Rights and Democracy (2015-2019): Mid-Term Review – June 2017" (Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019): Rieżami ta' Nofs it-Terminu – Ġunju 2017") (SWD(2017)0254),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida riveduti tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal tas-6 ta' Marzu 2017 bit-titolu "Ma Neskludu lill-Ebda Tifel jew Tifla" ("Leave No Child Behind"),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp tas-7 ta' Ġunju 2017, li jenfasizza l-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi f'konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0187/2018),

A.  billi ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati huma ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, id-drittijiet tan-nisa, inklużi d-drittijiet għall-ugwaljanza, l-awtonomija u l-integrità tal-ġisem, l-aċċess għall-edukazzjoni u l-ħelsien mill-isfruttament u d-diskriminazzjoni, u huma problema li teżisti mhux biss f'pajjiżi terzi, iżda jista' jkun li jokkorru wkoll f'xi Stati Membri; billi l-eliminazzjoni ta' dawn il-prattiki hija waħda mill-prijoritajiet għall-azzjoni esterna tal-UE fil-qasam tal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tad-drittijiet tal-bniedem; billi diversi karti u liġijiet internazzjonali jipprojbixxu ż-żwieġ tal-minuri bħalma huma l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokolli Fakultattivi tagħha; billi ż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ prekoċi u ż-żwieġ furzat għandhom impatt estremament negattiv fuq is-saħħa fiżika u mentali u fuq l-iżvilupp personali tal-individwi kkonċernati u fuq it-tfal li jitwieldu minn dawn iż-żwiġijiet, u, bħala riżultat, fuq is-soċjetà b'mod ġenerali; billi ż-żwieġ tat-tfal huwa sura ta' żwieġ furzat peress li t-tfal b'mod inerenti m'għandhomx il-kapaċità li jagħtu l-kunsens sħiħ, liberu u informat tagħhom għaż-żwieġ tagħhom jew għaż-żmien meta jsir; billi t-tfal jirrappreżentaw parti minn grupp li hu vulnerabbli ħafna;

B.  billi l-UE hija impenjata li tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, u billi ż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ furzat jikkostitwixxu ksur ta' dawn id-drittijiet; billi l-UE hija impenjata li b'mod komprensiv tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tat-tfal fil-politika esterna tagħha;

C.  billi l-ebda żwieġ ma għandu jiġi kkuntrattat legalment mingħajr il-kunsens sħiħ u liberu taż-żewġ partijiet, u mill-ebda persuna taħt l-età minima taż-żwieġ;

D.  billi ż-żwieġ tat-tfal huwa problema globali li b'mod trażversali tinsab fil-pajjiżi, il-kulturi u r-reliġjonijiet kollha; billi l-bniet miżżewġa jinstabu fir-reġjuni kollha tad-dinja, mil-Lvant Nofsani sal-Amerika Latina, mill-Asja sal-Ewropa u mill-Afrika sal-Amerika ta' Fuq; billi ż-żwieġ tat-tfal jaffettwa wkoll lis-subien, iżda wisq inqas milli jaffettwa lill-bniet;

E.  billi, sal-lum, aktar minn 750 miljun mara żżewġu qabel l-età ta' 18-il sena, li minnhom 250 miljun ġew imżewġa qabel l-età ta' 15-il sena; billi bħalissa hemm madwar 40 miljun tifla ta' bejn l-età ta' 15 u 19-il sena li huma miżżewġa jew li qed jikkoabitaw; billi, kull sena, xi 15-il miljun aktar jiżżewġu qabel l-età ta' 18-il sena, li minnhom 4 miljun jiżżewġu qabel l-età ta' 15-il sena; billi 157 miljun tifel ukoll iżżewġu qabel l-età ta' 18-il sena, li minnhom 25 miljun ġew imżewġa qabel l-età ta' 15-il sena; billi ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati huma aktar frekwenti fir-reġjuni fqar u sottożviluppati; billi l-għadd ta' żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati qed jiżdiedu hekk kif qed tiżdied il-popolazzjoni dinjija; billi rapport riċenti tal-UNICEF jikkalkula li, fl-2050, madwar 1.2 biljun tifla se jkunu żżewġu qabel l-età ta' 18-il sena; billi 9 minn 10 pajjiżi li għandhom l-ogħla rata ta' żwieġ tat-tfal huma kklassifikati bħala stati fraġli;

F.  billi l-kawżi fundamentali taż-żwieġ tat-tfal huma, b'mod ġenerali, il-faqar, in-nuqqas ta' edukazzjoni, id-disparità bejn is-sessi u l-istereotipi b'għeruq fondi, il-perċezzjoni li ż-żwieġ se jagħti "protezzjoni", l-unur tal-familja u n-nuqqas ta' protezzjoni effettiva tad-drittijiet tas-subien u tal-bniet kif ukoll prattiki, perċezzjonijiet, użanzi, u normi diskriminatorji dannużi; billi dawn il-fatturi spiss jiġu aggravati minħabba l-aċċess limitat għal edukazzjoni ta' kwalità u għal opportunitajiet ta' xogħol u jiġu msaħħa minn ċerti standards soċjali taż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati li għandhom għeruq fondi;

G.  billi ż-żwiġijiet tat-tfal, iż-żwiġijiet prekoċi u ż-żwiġijiet furzati huma marbuta ma' riskju għoli ta' tqaliet f'età bikrija u mhux mixtieqa, rati għolja ta' mortalità materna u ta' mortalità tat-tfal, rata aktar baxxa tal-użu tal-ippjanar tal-familja u tqaliet mhux mixtieqa b'riskji ikbar għas-saħħa, aċċess inadegwat jew ineżistenti għall-informazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u normalment ifissru t-tmiem tal-edukazzjoni tat-tifla; billi xi pajjiżi saħansitra jipprojbixxu lill-bniet tqal u lill-ommijiet żgħażagħ milli jerġgħu lura l-iskola; billi ż-żwieġ tat-tfal jista' jwassal ukoll għax-xogħol furzat, l-iskjavitù, u l-prostituzzjoni;

H.  billi, minkejja li l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tenfasizza l-importanza ta' miżuri li jinkoraġġixxu attendenza regolari l-iskola, ħafna bniet ma jinsabux fl-edukazzjoni minħabba għadd ta' fatturi, pereżempju minħabba li l-iskejjel mhumiex aċċessibbli jew huma għalja ħafna; billi ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati għandhom impatt devastanti sproporzjonat fuq il-vittmi tagħhom kif ukoll konsegwenzi tul ħajjithom kollha u spiss iċaħħdu lill-persuni kkonċernati mill-possibilità li jkomplu l-istudji tagħhom peress li l-bniet għandhom it-tendenza li joħorġu mill-iskola fiż-żmien it-tħejjija ta' qabel iż-żwieġ jew ftit taż-żmien wara li jkunu żżewġu; billi l-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni sesswali, hija mod effettiv kif jiġu pprevenuti ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati peress li l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ jikkontribwixxi għall-emanċipazzjoni, għall-opportunitajiet tax-xogħol u jippromwovi l-libertà tal-għażla, id-dritt għall-awtodeterminazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà b'mod li l-individwi jkunu jistgħu jeħilsu lilhom infushom minn kwalunkwe sura ta' kontroll li b'mod negattiv jaffettwa d-drittijiet tagħhom li mingħajrhom is-sitwazzjoni ekonomika, ġuridika, tas-saħħa u soċjali tan-nisa u l-bniet u l-iżvilupp tas-soċjetà b'mod ġenerali jibqa' mxekkel;

I.  billi, ta' kull sena, 17-il miljun tifel u tifla jkollhom wild, sitwazzjoni li ġġegħilhom jieħdu fuqhom infushom responsabilitajiet tal-adulti u tqiegħed fil-periklu s-saħħa, l-edukazzjoni u l-prospetti ekonomiċi tagħhom; billi ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati jesponu lill-bniet biex ikollhom it-tfal f'età bikrija, sitwazzjoni li tinvolvi riskji u diffikultajiet konsiderevoli matul it-tqala kif ukoll waqt il-ħlas, b'mod partikolari minħabba li l-aċċess għall-appoġġ mediku, jekk mhux ineżistenti, ikun wisq inadegwat, inklużi ċentri tas-saħħa ta' kwalità għolja, li spiss tirriżulta fil-mortalità u l-morbidità tal-ommijiet; billi hemm riskju ogħla li jittieħdu infezzjonijiet trażmessi inkluż l-HIV; billi fil-pajjiżi bi dħul baxx u medju l-kumplikazzjonijiet waqt it-tqala u l-ħlas huma l-kawża ewlenija ta' mewt fost il-bniet tal-età ta' bejn il-15 u d-19-il sena; billi r-rata tal-mortalità tat-trabi li jitwieldu minn ommijiet adolexxenti hija ta' madwar 50 % ogħla u dawn it-trabi għandhom riskju ogħla li jkollhom problemi ta' żvilupp fiżiku u konjittiv; billi l-esperjenza ta' tqaliet frekwenti u bikrija tista' wkoll tikkawża varjetà ta' kumplikazzjonijiet tas-saħħa fit-tul, u saħansitra l-mewt;

J.  billi ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati huma ksur tad-drittijiet tat-tfal u sura ta' vjolenza kontra l-bniet u s-subien, u billi, bħala tali, l-istati għandhom l-obbligu li jinvestigaw l-allegazzjonijiet, iressqu lill-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja u jipprovdu rimedju lill-vittmi, li huma primarjament nisa u bniet; billi dawn iż-żwiġijiet iridu jiġu kkundannati u ma jistgħu jiġu ġġustifikati għall-ebda raġuni kulturali jew reliġjuża; billi ż-żwiġijiet tat-tfal, iż-żwiġijiet prekoċi u ż-żwiġijiet furzati jżidu r-riskju tal-vjolenza sessista, u spiss huma fl-oriġini tal-vjolenza domestika u tal-vjolenza minn sħab intimi u tal-abbuż sesswali, fiżiku, psikoloġiku, emozzjonali u finanzjarju u prattiki oħra dannużi għall-bniet u n-nisa, bħalma huma l-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-hekk imsejħa reati tal-unur, kif ukoll iżidu r-riskju li l-bniet u n-nisa jkunu esposti għad-diskriminazzjoni u għall-vjolenza sessista matul ħajjithom;

K.  billi l-għadd ta' żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati jiżdied b'mod sinifikanti f'sitwazzjonijiet ta' instabilità, kunflitt armat u diżastri naturali u umanitarji, li waqthom il-kura medika u psikoloġika jew l-aċċess għall-edukazzjoni kif ukoll l-opportunitajiet biex dak li jkun jaqla' l-għajxien spiss huma nieqsa u n-netwerks soċjali u r-rutini jkunu ġew sfrattati; billi waqt il-kriżijiet riċenti tal-migrazzjoni, xi ġenituri, bil-ħsieb li jipproteġu lil uliedhom, speċjalment lil uliedhom bniet, mill-aggressjoni sesswali, jew għax iqisuhom bħala piż finanzjarju fuq il-familja tagħhom, ħassew li ma kellhom l-ebda għażla oħra ħlief li jżewġuhom qabel l-età ta' 18-il sena bil-fehma li ż-żwieġ jista' jiftħilhom triq biex jeħilsu mill-faqar;

L.  billi ż-żwieġ furzat huwa wieħed mill-kawżi l-aktar komuni tal-persekuzzjoni għal raġunijiet ta' ġeneru kif jallegaw għadd sinifikanti ta' nisa li jfittxu asil; billi għad hemm għadd ta' ostakli għar-rikonoxximent taż-żwieġ furzat bħala raġuni għall-għoti ta' protezzjoni internazzjonali minkejja li hu sura ta' persekuzzjoni sessista u minkejja li jikkostitwixxi ksur serju u sistematiku tad-drittijiet fundamentali, li jinvolvi trattament inuman u degradanti li jista' jammonta għat-tortura;

M.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tikklassifika ż-żwieġ furzat bħala sura ta' vjolenza kontra n-nisa, u titlob il-kriminalizzazzjoni tal-atti fejn it-tfal jiġu mġiegħla jidħlu fi żwieġ u fejn jiġu ingannati jitilqu minn pajjiżhom bil-għan li t-tifla jew tifel jiġu mġiegħla jidħlu fi żwieġ; billi l-fatt li l-vittmi għandhom nuqqas ta' aċċess għal appoġġ legali, mediku, u soċjali jista' jaggrava l-kwistjoni; billi hemm 11-il Stat Membru tal-UE li għadhom iridu jirratifikaw il-konvenzjoni;

N.  billi n-natura taż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati tfisser li spiss ħafna każijiet ma jiġux irrappurtati, fejn insibu każijiet ta' abbuż li jmorru lil hinn mill-fruntieri internazzjonali u mill-konfini kulturali, u jistgħu jammontaw għal sura ta' traffikar tal-bnedmin li jwassal għall-iskjavitù, l-isfruttament, u/jew il-kontroll;

O.  billi f'Lulju 2014 f'Londra sar l-ewwel Summit dwar il-Bniet (Girl Summit), li kellu l-għan li jimmobilizza l-isforzi nazzjonali u internazzjonali biex fi żmien ġenerazzjoni waħda jinqatgħu l-prattiki tal-mutilazzjoni ġenitali u taż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati;

P.  billi l-prevenzjoni u r-rispons għall-forom kollha ta' vjolenza kontra l-bniet u n-nisa, inklużi ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat, huwa wieħed mill-miri tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020;

Q.  billi, sal-2030, iż-żwieġ tat-tfal se jkun sewa lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw triljuni ta' dollari(5);

R.  billi ż-żwiġijiet prekoċi u tat-tfal għadhom suġġett tabù li jeħtieġ li jiġi indirizzat pubblikament bil-għan li jinqatgħu t-tbatija li jġarrbu ta' kuljum il-bniet żgħar u l-bniet adolexxenti involuti u l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; billi mod wieħed ta' kif isir dan huwa li tiġi appoġġata u mxerrda l-ħidma tal-ġurnalisti, l-artisti, il-fotografi u l-attivisti li jindirizzaw il-kwistjoni taż-żwiġijiet prekoċi;

1.  Jinnota li xi Stati Membri tal-UE jippermettu ż-żwieġ fl-età ta' 16-il sena bil-kunsens tal-ġenituri; jistieden lil-leġiżlaturi, kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi, jiffissaw l-età uniformi minima taż-żwieġ għal 18-il sena u jadottaw il-miżuri amministrattivi, ġuridiċi u finanzjarji biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-rekwiżit, pereżempju billi jippromwovu r-reġistrazzjoni taż-żwiġijiet u tat-twelid u billi jiżguraw li l-bniet ikollhom aċċess għal mekkaniżmi ta' appoġġ istituzzjonali inklużi l-counselling psikosoċjali, mekkaniżmi ta' protezzjoni u opportunitajiet għall-emanċipazzjoni ekonomika; itenni li ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati għandhom jitqiesu bħala ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-drittijiet fundamentali tat-tfal ikkonċernati, l-ewwel u qabel kollox tad-dritt li jesprimu b'mod liberu l-kunsens tagħhom u d-dritt għall-integrità fiżika u s-saħħa mentali tagħhom, iżda wkoll bħala ksur indirett tad-dritt għall-edukazzjoni u għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet ċivili u politiċi; jikkundanna ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati u jqis li kwalunkwe ksur tal-leġiżlazzjoni għandu jiġi indirizzat b'mod proporzjonat u effettiv;

2.  Jemmen li huwa importanti li jiġu indirizzati b'mod determinat il-kawżi multipli taż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati, fosthom it-tradizzjonijiet dannużi, il-faqar endemiku, il-kunflitti, l-użanzi, il-konsegwenzi tad-diżastri naturali, l-istereotipi, in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għad-drittijiet, is-saħħa u l-benesseri tan-nisa u l-bniet, in-nuqqas ta' opportunitajiet edukattivi, ir-risposti ġuridiċi u politiċi dgħajfa b'attenzjoni speċjali lit-tfal minn komunitajiet żvantaġġati; jappella, f'dak ir-rigward, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien mal-korpi rilevanti tan-NU u sħab oħra sabiex jiġbdu l-attenzjoni lejn il-kwistjoni taż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ prekoċi u ż-żwieġ furzat; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jilħqu l-objettivi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li jiġġieldu lill-prattiki dannużi, bħalma hi l-mutilazzjoni ġenitali, b'mod aktar effettiv u li lil dawk responsabbli jġiegħluhom iwieġbu għal għemilhom; jappoġġa l-finanzjament akbar mingħand l-UE u l-Istati Membri tagħha permezz ta' mekkaniżmi ta' għajnuna għall-iżvilupp li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-edukazzjoni, bl-għan li l-bniet u n-nisa jkollhom aċċess aħjar għall-edukazzjoni u jissaħħu l-opportunitajiet biex huma jipparteċipaw fl-iżvilupp komunitarju u fit-tmexxija ekonomika u politika, bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-kawżi taż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati;

3.  Jagħraf li projbizzjoni statutorja fuq iż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati waħedha ma tiggarantixxix li dawn il-prattiki jinqatgħu; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkoordinaw u jsaħħu aħjar l-infurzar tat-trattati, il-leġiżlazzjoni u l-programmi internazzjonali, kif ukoll permezz tar-relazzjonijiet diplomatiċi mal-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet fil-pajjiżi terzi, sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet relatati maż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati; jappella li jsir kull sforz biex jiġu infurzati projbizzjonijiet statutorji u biex dawn il-projbizzjonijiet jiġu kkomplementati b'ġabra usa' ta' liġijiet u politiki; jirrikonoxxi li dan jirrikjedi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki, strateġiji u programmi komprensivi u olistiċi, inkulużi t-tħassir tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi diskriminatorji rigward iż-żwieġ u l-adozzjoni ta' miżuri affermattivi biex it-tfal bniet jiġu emanċipati;

4.  Jinnota li d-disparità bejn is-sessi, in-nuqqas ta' rispett għall-bniet u għan-nisa b'mod ġenerali u ż-żamma ta' tradizzjonijiet kulturali u soċjali li jkomplu jippermettu d-diskriminazzjoni kontra l-bniet u n-nisa huma fost l-akbar ostakli għall-ġlieda kontra ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati; jirrikonoxxi, barra minn hekk, ir-rabta li hemm bejn iż-żwiġijiet tat-tat-tfal, prekoċi u furzati u l-vjolenza bbażata fuq l-unur u jappella li reati bħal dawn jiġu investigati kif għandu jkun u li l-awturi ta' dawn ir-reati jiġu pproċessati quddiem qorti; jinnota, barra minn hekk, li s-subien u l-irġiel żgħażagħ ukoll jistgħu jkunu vittmi ta' tali vjolenza; jappella li dawn il-prattiki jiġu indirizzati fl-ipprogrammar rilevanti kollu tal-UE u fid-djalogi politiċi tal-UE mal-pajjiżi sħab sabiex jiġu pprovduti mekkaniżmi biex dawn il-prattiki jiġu indirizzati b'mod determinat, kif ukoll permezz tal-edukazzjoni u tal-isforzi ta' sensibilizzazzjoni fil-pajjiżi sħab;

5.  Jirrimarka li, sabiex tindirizza b'mod determinat u komprensiv iż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati, l-Unjoni Ewropea, bħala attur ewlieni fl-iżvilupp dinji u fid-drittijiet tal-bniedem, jeħtiġilha taqdi rwol prinċipali b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet reġjonali u l-komunitajiet lokali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mas-sistemi ġudizzjarji fil-pajjiżi terzi, u jipprovdu taħriġ u għajnuna teknika sabiex jgħinu fl-adozzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi ż-żwiġijiet tat-tfal, iż-żwiġijiet prekoċi u ż-żwiġijiet furzati u fl-eliminazzjoni tal-liġijiet, l-istandards soċjali u t-tradizzjonijiet kulturali li jaġixxu bħala ħajt għad-drittijiet u l-libertà tal-bniet żgħar u tan-nisa; jistieden lill-Istati Membri jikkontribwixxu għal inizjattivi bħalma hi l-Inizjattiva Spotlight tal-UE-NU li hi ffukata fuq l-eliminazzjoni ta' kull sura ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

6.  Jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri li fil-leġiżlazzjoni tagħhom għadhom ma inkludewx projbizzjoni totali fuq iż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati, li għadhom ma jinfurzawx id-dritt penali u li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul, biex jagħmlu dan; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mas-soċjetà ċivili ħalli jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom dwar il-kwistjoni; jenfasizza l-importanza ta' appoġġ adegwat u fit-tul, ta' postijiet ta' kenn għan-nisa u għar-rifuġjati u għat-tfal mhux akkumpanjati u spostati, ħalli ħadd ma jiġi mċaħħad mill-protezzjoni minħabba nuqqas ta' riżorsi; jistieden lill-Istati Membri kollha jinfurzaw l-età minima taż-żwieġ stabbilita mil-leġiżlazzjoni u jimmonitorjaw is-sitwazzjoni billi jiġbru data diżaggregata skont is-sessi, sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw aħjar il-kobor tal-problema; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi tad-data Ewropea, inkluża informazzjoni mill-pajjiżi terzi, sabiex timmonitorja ż-żwieġ furzat;

7.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jallinjaw il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar it-trattament taċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi li jinsabu fl-UE, inklużi l-migranti li żżewġu qabel l-età ta' 18-il sena u jdaħħlu sistema ta' ġestjoni tal-każijiet li tkun iċċentrata fuq it-tfal biex jiddeterminaw l-aħjar interessi tat-tfal, li abbażi tagħha tkun tista' tittieħed id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ġuridiku taż-żwieġ u jingħata trattament umanitarju lil dawk li jkunu żżewġu qabel l-età ta' 18-il sena jew bil-forza u tiġi ggarantita l-protezzjoni fil-każijiet li fihom in-nisa u l-bniet involuti jitolbu d-dissoluzzjoni taż-żwieġ furzat; jitlob li jiġu stabbiliti proċeduri speċjali fiċ-ċentri ta' akkoljenza għar-rifuġjati u għall-persuni li jfittxu asil;

8.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea, fil-kuntest tal-politika barranija tagħha u tal-politika tagħha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, toffri patt strateġiku lil sħabha u, għal dak l-għan, tirrikjedi li:

a. il-pajjiżi sħab tagħha kollha jipprojbixxu ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati, filwaqt li jeliminaw kwalunkwe lakuni ġuridiċi u li jinfurzaw il-leġiżlazzjoni f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-tneħħija ta' kwalunkwe dispożizzjoni li tista' tippermetti, tiġġustifika jew tagħti lok għal-żwieġ tat-tfal, bikri jew furzat, inklużi dawk li jippermettu lill-awturi ta' stupru, abbuż sesswali, sfruttament sesswali, ħtif, traffikar tal-bnedmin u suriet moderni ta' skjavitù jaħarbu mill-prosekuzzjoni u l-kastig jekk huma jiżżewġu lill-vittmi tagħhom, speċifikament billi jħassru jew jemendaw dik il-liġi;

b. din il-projbizzjoni hija rispettata u infurzata fil-livelli kollha ladarba l-liġi tkun daħlet fis-seħħ, u li jiġu stabbiliti strateġiji u programmi komprensivi u olistiċi li jinkludu miri progressivi li jistgħu jitkejlu sabiex jiġu pprevenuti u eradikati ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati, u li dawn l-istrateġiji u programmi jiġu finanzjati u vvalutati b'mod adegwat, b'mod partikolari billi jiġi żgurat l-aċċess għall-mekkaniżmi u r-rimedji tal-ġustizzja u tal-obbligu ta' rendikont;

c. il-gvernijiet sħab juru tmexxija u rieda politika sostnuti sabiex jaqtgħu ż-żwieġ tat-tfal u jiżviluppaw oqfsa ġuridiċi u pjanijiet ta' azzjoni komprensivi b'punti ta' progress u kalendarji ċari li jintegraw miżuri ta' prevenzjoni taż-żwieġ tat-tfal b'mod trażversali f'setturi differenti, u li jitolbu ambjenti politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ċivili li jipproteġu u jemanċipaw lin-nisa u lill-bniet u jappoġġaw l-ugwaljanza bejn is-sessi;

d. jiġu mobilizzati r-riżorsi meħtieġa biex dan l-objettiv jintlaħaq, filwaqt li jittieħed ħsieb li din il-kooperazzjoni tinfetaħ għall-atturi istituzzjonali kollha bħalma huma l-ġudikatura, il-professjonisti edukattivi u tas-saħħa, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, il-mexxejja komunitarji u reliġjużi kif ukoll is-soċjetà ċivili fil-qasam tal-indirizzar determinat taż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati;

e. il-livell ta' allokazzjoni ta' għajnuna pubblika għall-iżvilupp lill-awtoritajiet tal-gvern isir jiddependi minn kemm il-pajjiż riċevitur huwa impenjat li jikkonforma, b'mod partikolari, mar-rekwiżiti rigward id-drittijiet tal-bniedem, inkluż fil-ġlieda kontra ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati;

f. il-programm tal-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni (UNFPA) u tal-Fond tan-NU għat-Tfal (UNICEF) jiġi implimentat b'kooperazzjoni trijangolari li tinvolvi lil dawn l-organizzazzjonijiet, lill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f'dan il-qasam u lill-pajjiżi sħab fil-ġlieda kontra ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati permezz tal-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali bbaġitjati, fejn tingħata prijorità lill-programmi u lill-metodi li x'aktarx imorru lil hinn mill-hekk imsejħa prattiki kulturali, reliġjużi jew tribali li, fir-realtà, jikkostitwixxu l-agħar ksur tad-drittijiet tat-tfal u tad-dinjità tat-tfal; jitlob li din il-kooperazzjoni tindirizza wkoll il-kwistjonijiet assoċjati tal-vjolenza bbażata fuq l-unur;

g. l-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi tkun mibnija fuq il-konvenzjonijiet u t-testi rilevanti, kif ukoll l-għanijiet u l-miri speċifiċi adottati mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Settembru 2015 fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari l-Għan Nru 3 ("Niżguraw li kulħadd jgħix ħajja b'saħħitha u nippromwovu l-benesseri ta' kulħadd fl-etajiet kollha"), l-Għan 4 ("Niżguraw edukazzjoni ta' kwalità inklużiva u ekwa u nippromwovu l-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd"), l-Għan 16 ("Nippromwovu soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli, nipprovdu aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd u nibnu istituzzjonijiet effettivi, bl-obbligu ta' rendikont u inklużivi fil-livelli kollha"), speċjalment "intemmu l-abbuż, l-isfruttament, it-traffikar u kull sura ta' vjolenza kontra t-tfal u kull sura ta' tortura tagħhom;

h. l-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi għandha għandha tkun mibnija wkoll fuq l-Għan 5 tal-SDGs ("Niksbu l-ugwaljanza bejn is-sessi u nemanċipaw lin-nisa u lill-bniet kollha"), inkluż l-aċċess għall-ippjanar tal-familja u għall-firxa sħiħa tad-drittijiet pubbliċi u universali tas-saħħa sesswali u riproduttiva, b'mod partikolari l-kontraċezzjoni moderna u l-abort sikur u legali għall-bniet; Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-moviment SheDecides (TiddeċiediHi) u jwiegħdu li jipprovdu finanzjament addizzjonali lill-għajnuna internazzjonali għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi, inklużi l-aborti sikuri u l-informazzjoni dwar l-aborti, u b'hekk issir oppożizzjoni lir-Regola "Global Gag" li reġgħet iddaħħlet mill-gvern tal-Istati Uniti kmieni fl-2017;

i. fid-djalogu li għaddej bħalissa bejn ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambrinidis u pajjiżi terzi, jitqajmu l-kwistjonijiet relatati maż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmi tagħhom tat-tiswir tal-paċi u tar-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt, jiżviluppaw programmi għall-għajxien ekonomiku u l-edukazzjoni għall-bniet u n-nisa li huma vittmi ta' żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat, u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għas-servizzi tas-saħħa u tas-saħħa riproduttiva fiż-żoni milquta minn kunflitt;

9.  Iqis li huwa ta' importanti ewlenija li jinħoloq spazju għad-djalogu rispettuż mal-mexxejja komunitarji u li titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku b'mod ġenerali u fost dawk li jinsabu f'riskju b'mod partikolari, abbażi tal-edukazzjoni u ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u permezz tan-netwerks soċjali u l-midja ġodda bħala parti mill-ġlieda kontra ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat; jitlob, għalhekk, li jiġu żviluppati azzjonijiet trażversali governattivi, ġuridiċi, soċjetali, u diplomatiċi immirati biex jipprevjenu tali prattiki; jemmen li huwa essenzjali li jsir impenn fil-komunitajiet lokali mal-partijiet ikkonċernati ewlenin bħalma huma l-istudenti maskili u femminili adolexxenti, l-għalliema, il-ġenituri, il-mexxejja reliġjużi u dawk komunitarji permezz ta' programmi bbażati fil-komunità jew programmi speċifiċi ta' sensibilizzazzjoni biex tinġibed l-attenzjoni lejn l-impatt negattiv taż-żwieġ tat-tfal fuq it-tfal, il-familji u l-komunitajiet, dwar il-liġi eżistenti rigward iż-żwieġ tat-tfal u disparità bejn is-sessi u dwar kif wieħed ikollu aċċess għall-finanzjament biex jindirizza din il-problema;

10.  Iqis li l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet permezz tal-edukazzjoni, l-appoġġ soċjali u l-opportunitajiet ekonomiċi hija għodda kruċjali biex issir il-ġlieda kontra dawn il-prattiki; jirrakkomanda li l-UE tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet indaqs għan-nisa u l-bniet fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni, filwaqt li tagħmel enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni primarja u sekondarja ta' kwalità għolja mingħajr ħlas u tintegra l-edukazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva fil-kurrikuli tal-iskejjel filwaqt li l-familji tal-bniet jiġu pprovduti inċentivi u/jew għajnuna finanzjarji biex jinkitbu fl-iskola u jkompluha sal-aħħar; jisħaq fuq il-ħtieġa li t-tfal rifuġjati jiġu ggarantiti aċċess sħiħ għall-edukazzjoni u lil-integrazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fl-edukazzjoni nazzjonali jiġu promossi; jirrikonoxxi li hemm il-ħtieġa ta' appoġġ u protezzjoni għal dawk li jinsabu fir-riskju taż-żwieġ tat-tfal, taż-żwieġ bikri, jew taż-żwieġ furzat, u għal dawk li diġà jinsabu f'xi żwieġ minn dawn f'dawk li huma edukazzjoni, appoġġ psikoloġiku u soċjali, abitazzjoni u servizzi soċjali oħra ta' kwalità għolja, kif ukoll servizzi tas-saħħa mentali, sesswali u riproduttivi u kura tas-saħħa;

11.  Jitlob li l-Unjoni Ewropea tiżgura li jingħata taħriġ lill-uffiċjali tal-gvern, inkluż lill-persunal diplomatiku tiegħu, lill-assistenti soċjali, lill-mexxejja reliġjużi u komunitarji, lill-aġenziji kollha tal-infurzar tal-liġi, lis-sistemi ġudizzjarji ta' pajjiżi terzi, lill-għalliema u lill-edukaturi u persunal ieħor li jkollu kuntatt ma' vittmi potenzjali, ħalli jkunu kapaċi jirreaġixxu għall-każijiet ta' żwieġ tat-tfal u għall-vjolenza sessista, u jkunu kapaċi b'mod aħjar li jidentifikaw u jappoġġaw lill-bniet u s-subien li huma esposti għaż-żwieġ tat-tfal, furzat u prekoċi, għall-vjolenza domestika, għar-riskju ta' vjolenza sesswali u kwalunkwe prattika oħra li ddgħajjef id-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem, u sabiex huma jkunu f'pożizzjoni aħjar biex jieħdu azzjoni effettiva ħalli jiżguraw li d-drittijiet u d-dinjità ta' dawn l-individwi jiġu rispettati;

12.  Jitlob li l-Unjoni Ewropea tiżgura li jingħata taħriġ lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi sabiex dawn ikunu f'pożizzjoni aħjar li jiddefendu d-drittijiet tal-bniet li jkunu esposti għaż-żwieġ furzat u prekoċi, għall-vjolenza domestika, għar-riskju ta' stupru kif ukoll għal kwalunkwe prattika oħra li ddgħajjef id-dinjità tal-bniedem;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu lin-nisa u l-bniet migranti permess ta' residenza awtonomu li ma jiddependix mill-istatus tal-konjuġi jew is-sieħeb tagħhom, b'mod partikolari għall-vittmi ta' vjolenza fiżika u psikoloġika, inklużi żwiġijiet furzati jew miftiehma, u li jiggarantixxu li jittieħdu l-miżuri amministrattivi kollha meħtieġa biex dawn in-nisa u l-bniet jiġu protetti, fosthom aċċess effettiv għall-mekkaniżmi ta' assistenza u protezzjoni;

14.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jqisu li jappoġġaw u jsaħħu l-miżuri ta' protezzjoni f'pajjiżi terzi, bħalma huma l-postijiet ta' kenn sikuri, u l-aċċess għal appoġġ legali, mediku, u, fejn ikun hemm bżonn, konsulari, għall-vittmi ta' żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati;

15.  Jagħraf li l-Unjoni Ewropea, li hi impenjata biex tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali, inkluż ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, ma għandha jkollha assolutament xejn x'wieħed ilum fiha fil-livell tal-Istati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal kampanja wiesgħa ta' sensibilizzazzjoni u tiddedika sena Ewropea għall-ġlieda kontra ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat;

16.  Jappoġġa bis-saħħa l-ħidma tas-sħubija globali Girls Not Brides biex jinqata' ż-żwieġ tat-tfal u biex il-bniet ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom;

17.  Jilqa' l-kampanja li għaddejja bħalissa tal-Unjoni Afrikana biex jinqata' ż-żwieġ tat-tfal u jilqa' wkoll il-ħidma ta' organizzazzjonijiet bħalma huma r-Royal Commonwealth Society (is-Soċjetà Rjali tal-Commonwealth) biex jippromwovu azzjoni akbar biex jinqata' ż-żwieġ tat-tfal u tiġi indirizzata b'mod determinat id-disparità bejn is-sessi;

18.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-irġiel u s-subien jiġu infurmati u edukati, u li dawn jiġu mmobilizzati biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tat-tfal u tan-nisa;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0379.

(2)

ĠU C 289, 9.8.2016, p. 57.

(3)

https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/131181.pdf

(4)

https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/eu_action_plan_on_human_rights_and_democracy_en_2.pdf

(5)

Wodon, Quentin T.; Male, Chata; Nayihouba, Kolobadia Ada; Onagoruwa, Adenike Opeoluwa; Savadogo, Aboudrahyme; Yedan, Ali; Edmeades, Jeff; Kes, Aslihan; John, Neetu; Murithi, Lydia; Steinhaus, Mara; Petroni, Suzanne, Economic Impacts of Child Marriage: Global Synthesis Report, Economic Impacts of Child Marriage, Washington, D.C., World Bank Group, 2017.


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (18.4.2018)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar it-tema "Lejn strateġija esterna tal-UE kontra ż-żwiġijiet prekoċi u furzati - il-passi li jmiss"

2017/2275(INI)

Rapporteur: Daniela Aiuto

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat(1) jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem minquxa fl-istandards internazzjonali bħad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Programm ta' Azzjoni dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kunsens għaż-żwieġ, l-età minima taż-żwieġ u r-reġistrazzjoni taż-żwiġijiet, u huma parti mill-prinċipji ewlenin tal-Unjoni Ewropea bħala spazju ta' libertà, sigurtà, ġustizzja u drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa u l-bniet; billi ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat iwassal għal ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem li jaffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u l-bniet u huwa ostaklu għall-iżvilupp soċjoekonomiku;

B.  billi, minkejja l-impenji fil-livell internazzjonali, nazzjonali u reġjonali, iż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat għadu mifrux mad-dinja kollha, skont l-istimi tal-UE, u jolqot kważi 700 miljun mara u 150 miljun raġel maqbuda fi żwiġijiet furzati qabel ma laħqu l-età maġġuri; billi ż-żwieġ prekoċi għadu jikkostitwixxi problema li jaffettwa b'mod sproporzjonat lill-bniet taħt l-età u żgħażagħ; billi l-qerda taż-żwieġ tat-tfal tkun mod strateġiku biex jiġu promossi d-drittijiet tan-nisa u tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom;

C.  billi ntwera ripetutament li ż-żwieġ prekoċi u tat-tfal għandu konsegwenzi negattivi u jagħmel ħsara lill-bniet u lin-nisa, lil uliedhom u l-komunitajiet tagħhom; billi ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat spiss jirriżulta fi tluq mill-iskola, u b'hekk jiċħad lill-bniet u lin-nisa mid-drittijiet bażiċi tagħhom, iżid il-probabilità li jsiru vittmi ta' faqar persistenti bbażat fuq il-ġeneru, u billi ċ-ċaħda mill-edukazzjoni u ta' impjieg imħallas fil-futur twassal biex bi probabilità akbar l-għarajjes żgħażagħ ikunu foqra u jibqgħu foqra;

D.  billi, kull sena fid-dinja kollha, 16-il miljun tifla bejn il-15 u d-19-il sena jwelldu u minn tal-inqas miljun tifla jsiru omm qabel ma jagħlqu l-15-il sena; billi, fil-livell globali, 95 % tat-tfal li jitwieldu lil ommijiet adolexxenti jseħħu f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, disa' minn dawn il-wildiet minn għaxra jseħħu fi żwieġ jew f'unjoni u madwar 70 000 adolexxenti f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw imutu ta' kull sena għal kawżi relatati mat-tqala u l-ħlas(2);

E.  billi l-istudji juru rabta b'saħħitha bejn iż-żwieġ tat-tfal u t-tqala qabel il-waqt; billi ż-żwieġ prekoċi u furzat għandu konsegwenzi gravi fuq is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa u l-bniet, inkluża t-tqala mhux mixtieqa, minħabba livelli baxxi ta' ppjanar tal-familja u edukazzjoni sesswali, u jikkostitwixxi theddida serja għas-saħħa fiżika u mentali tan-nisa u l-bniet billi jżid b'mod sinifikanti r-riskju ta' tqala prekoċi, frekwenti u/jew mhux mixtieqa, mortalità u morbidità materna jew neonatali, fistula ostetrika, infezzjonijiet trażmessi sesswalment, inkluż l-HIV, filwaqt li l-komplikazzjonijiet waqt it-tqala u waqt il-ħlas huma l-kawża ewlenija tal-mewt għall-bniet ta' bejn il-15 u d-19-il sena, u t-tfal li jitwieldu lil ommijiet adolexxenti għandhom probabilità ta' 50 % aktar li jmutu fl-ewwel jiem wara l-ħlas;

F.  billi, fid-dinja, kull seba' sekondi qed tiżżewweġ tfajla taħt il-15-il sena, u ta' spiss ma' raġel li jkun ferm akbar minnha; billi, jekk in-numru tal-għarajjes bniet ser ikompli jikber bir-rati attwali, huwa stmat li fl-2030 se jkollna 950 miljun tfajla miżżewġa u fl-2050 se jkollna 1,2 biljuni(3);

G.  billi ż-żwieġ qabel it-18-il sena jżid il-probabilità ta' vjolenza domestika; billi l-għarajjes bniet spiss huma vittmi ta' vjolenza peress li d-differenza kbira fl-età taggrava l-iżbilanċ tal-poter bejn il-bniet u l-irġiel tagħhom li jkunu ħafna akbar minnhom;

H.  billi l-inugwaljanzi profondi bejn il-ġeneri, kif ukoll l-istereotipi, il-prattiki dannużi, il-perċezzjonijiet, it-tradizzjonijiet u n-normi diskriminatorji huma l-kawżi ewlenin taż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat; billi dan iżid ir-riskju li n-nisa u l-bniet jiġu esposti għad-diskriminazzjoni u l-vjolenza sessista tul ħajjithom;

I.  billi l-edukazzjoni hija waħda mill-aktar modi effikaċi għall-prevenzjoni taż-żwieġ prekoċi u furzat u li jgħin lin-nisa u lill-bniet jagħmlu għażliet b'konsapevolezza sħiħa tal-implikazzjonijiet li jkollhom fuq ħajjithom; billi l-edukazzjoni tħejji lill-bniet għall-impjieg u l-għajxien, tkabbar l-awtostima u l-istatus tagħhom f'darhom u fil-komunità tagħhom, ittihom leħen fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw lil ħajjithom(4), u b'hekk tonqos il-probabilità li dawn jispiċċaw fi żwieġ meta jkunu għadhom tfal u tipposponi t-tqala;

J.  billi jeżisti tħassib dejjem jikber dwar iż-żwieġ prekoċi u furzat f'żoni milquta mill-kunflitti; billi din il-prattika għandha t-tendenza li tkun iġġustifikata minn ċerti gruppi aggressivi u estremisti, filwaqt li jkollha impatt profond fuq is-saħħa u l-benessri tan-nisa u l-bniet;

K.  billi ż-żwieġ tat-tfal hija prattika stabbilita sew f'xi tradizzjonijiet u kulturi, iżda l-ebda kultura jew reliġjon ma tista' tiġġustifika tali prattika, b'mod partikolari meta fin-nofs hemm id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tat-tfal; billi f'bosta komunitajiet fejn iż-żwieġ prekoċi huwa prevalenti, l-irġiel għandhom privileġġi akbar u l-bniet huma spiss meqjusa bħala piż finanzjarju għall-familja tagħhom u, bħala konsegwenza ta' dan, b'mod ġenerali jbatu minn awtostima baxxa;

L.  billi l-bniet ċkejknin għandhom id-dritt li jgħixu tfulithom bis-sħiħ, jilagħbu, igawdu mid-dritt għall-edukazzjoni, u jiġu protetti mill-vjolenza, mill-ħsara fiżika u psikoloġika u mill-abbuż u l-isfruttament ta' kull tip;

M.  billi kemm il-bniet kif ukoll it-tfajliet għandhom id-dritt li jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom bħala ċittadini, kif stabbilit fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

N.  billi ż-żwiġijiet prekoċi u ż-żwiġijiet furzati fihom infushom jikkostitwixxu ostaklu għall-iżvilupp, u l-fatt li tali żwiġijiet għadhom jippersistu kellu riperkussjonijiet negattivi fuq l-isforzi biex jintlaħqu l-Għanijiet 1 sa 6 tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, b'mod partikolari fl-oqsma tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, it-tnaqqis tal-faqar, l-edukazzjoni, il-mortalità u s-saħħa tal-omm u t-tarbija, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva(5);

O.  billi l-prevenzjoni u r-rispons għall-forom kollha ta' vjolenza kontra l-bniet u n-nisa, inkluż iż-żwieġ prekoċi u ż-żwieġ furzat, jikkostitwixxu wieħed mill-miri tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020;

P.  billi, minkejja li ż-żwieġ furzat imur kontra d-dritt tal-UE, id-definizzjoni eżatta tiegħu tvarja; billi n-nuqqas ta' definizzjoni aċċettata b'mod ġenerali xekkel l-isforzi biex tiġi stabbilita data dwar l-għadd ta' żwiġijiet furzati fl-UE;

Q.  billi ż-żwieġ furzat għadu jqanqal tħassib fl-UE; billi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri mhuwiex reat speċifiku, u minflok tingħata protezzjoni permezz ta' kombinazzjoni ta' dispożizzjonijiet kriminali aktar ġenerali, fosthom l-istupru u l-ħtif;

R.  billi, peress li minorenni taħt it-18-il sena ma jistax jagħti l-kunsens tiegħu għaż-żwieġ, iż-żwiġijiet tat-tfal iridu jitqiesu bħala żwiġijiet furzati; billi huwa ta' dispjaċir, għaldaqstant, li 144 pajjiż minn 193 m'għandhomx liġi li tipprojbixxi ż-żwiġijiet tat-tfal;

S.  billi bosta każijiet ta' żwieġ furzat ma jiġux irrappurtati jew jiġu rrappurtati lil organizzazzjonijiet privati u NGOs u mhux lill-awtoritajiet pubbliċi; billi, meta l-każijiet jiġu rrappurtati lill-awtoritajiet pubbliċi, fil-livell tal-Istati Membri ma teżisti l-ebda sistema għall-ġbir tad-data, anki jekk dan huwa meħtieġ b'mod urġenti;

T.  billi, sal-2030, iż-żwieġ tat-tfal se jkun sewa lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw triljuni ta' dollari(6);

U.  billi l-gvernijiet jeħtiġilhom jirrikonoxxu l-importanza tal-ġlieda kontra ż-żwieġ prekoċi u tat-tfal fl-isforz li jilħqu l-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; billi jekk il-bniet jiġu megħjuna jevitaw iż-żwieġ tat-tfal u jipposponu t-tqala u jitħallew imorru l-iskola dawn ikollhom l-opportunità li jtejbu l-introjtu u l-ħiliet u futuri tagħhom, u b'hekk jinqered il-faqar għall-ġenerazzjonijiet futuri; billi l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa jiżguraw li l-bniet ikollhom setgħa fit-teħid ta' deċiżjonijiet rigward il-ħajja familjari tagħhom, kif ukoll il-ħajja sesswali u riproduttiva tagħhom; billi l-qerda taż-żwieġ tat-tfal u ż-żwieġ prekoċi tnaqqas il-mortalità infantili u ċċekken il-firxa wiesgħa ta' problemi ta' saħħa assoċjati mat-tqala jew il-ħlas prekoċi;

V.  billi fil-biċċa l-kbira tal-komunitajiet li jipprattikaw iż-żwieġ prekoċi u tat-tfal in-nisa huma spiss vittmi tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u billi l-involviment u l-edukazzjoni tal-mexxejja tal-komunità u tan-nisa minn dawn il-komunitajiet huma fundamentali biex jinbidlu l-attitudnijiet u l-imġiba f'dak li jikkonċerna ż-żwieġ tat-tfal; billi, barra minn hekk, hija meħtieġa leġiżlazzjoni li tipprojbixxi ż-żwieġ prekoċi u furzat;

W.  billi l-faqar interġenerazzjonali huwa waħda mir-raġunijiet imsemmija biex il-bniet jiġu furzati jidħlu fi żwieġ tat-tfal; billi l-ġenituri ġeneralment mhumiex konxji tar-riskji ta' tqala prekoċi minħabba nuqqas ta' għarfien dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva;

X.  billi b'rabta maż-żwieġ tat-tfal, bħalma għandu jsir fl-oqsma ta' azzjoni kollha kontra l-vjolenza fuq in-nisa, huwa essenzjali li l-irġiel u s-subien jiġu mmobilizzati biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni skont il-ġeneru u jbiddlu l-prattiki tradizzjonali dannużi li huma stabbiliti sew fil-kultura ta' komunità partikolari;

Y.  billi ż-żwieġ prekoċi u tat-tfal għadu suġġett tabù li jeħtieġ li jiġi indirizzat pubblikament bil-għan li tintemm it-tbatija li jġarrbu ta' kuljum il-bniet u t-tfajliet involuti u l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; billi mod wieħed ta' kif isir dan huwa li tiġi appoġġata u mxerrda l-ħidma tal-ġurnalisti, l-artisti, il-fotografi u l-attivisti li jindirizzaw il-kwistjoni taż-żwiġijiet prekoċi;

Z.  billi l-kampanji favur il-qerda taż-żwieġ prekoċi tal-bniet u t-tfajliet mhux ser ikunu ta' suċċess mingħajr l-aċċettazzjoni tas-sesswalità tal-adolexxenti u d-dritt tagħhom li jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar ġisimhom, ir-relazzjonijiet u l-attività sesswali tagħhom; billi, bil-għan li tali deċiżjonijiet jittieħdu b'għarfien sħiħ tal-fatti, l-informazzjoni dwar is-sesswalità u l-metodi ta' kontraċezzjoni trid tkun disponibbli kemm għall-adolexxenti kif ukoll għall-ġenituri tagħhom;

1.  Jikkundanna ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat u prattiki koerċittivi ta' ħsara oħra imposti fuq it-tfajliet u l-bniet fl-Ewropa u l-bqija tad-dinja, peress li prattiki ta' dan it-tip jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod speċifiku, l-abbuż ta' minorenni fejn il-vittma għandha inqas minn 18-il sena;

2.  Jisħaq fuq il-punt li ż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati huma attakk serju fuq id-dritt li persuna tesprimi liberament il-kunsens tagħha;

3.  Jirrikonoxxi li ż-żwiġijiet tat-tfal u furzati saru wkoll problema reali fl-UE, u għaldaqstant hija meħtieġa azzjoni komuni, deċiżiva u kkoordinata min-naħa tal-Istati Membri kollha;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jirrifjutaw b'mod attiv li jirrikonoxxu ż-żwiġijiet furzati u lill-vittmi jipprovdulhom sostenn sħiħ u indipendenti mill-familja;

5.  Jinnota li bosta ġenituri li jgħixu fit-tbatija u f'faqar estrem fil-kampi ta' rifuġjati jħossu l-ħtieġa li jipproteġu lill-uliedhom bniet mit-theddida tal-vjolenza sesswali billi jżewġuhom ma' rġiel akbar minnhom; jisħaq, madankollu, fuq il-punt li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu uniti u konsistenti meta jirrifjutaw it-talbiet tar-rifuġjati għar-rikonoxximent legali taż-żwiġijiet fejn wieħed mill-allegati konjuġi jkun minorenni jew adolexxenti; jissottolinja li l-istatus ta' rifuġjat ma jistax jintuża bħala backdoor legali għar-rikonoxximent ta' żwiġijiet tat-tfal fl-Ewropa;

6.  Jirrakkomanda li, f'dak li jikkonċerna ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat, jittieħed approċċ olistiku u komprensiv, jiġifieri li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin taż-żwieġ tat-tfal, inklużi l-inugwaljanza bejn il-ġeneri, il-faqar u n-nuqqas ta' opportunitajiet soċjali u ekonomiċi; jisħaq, filwaqt li jissottolinja l-importanza tal-edukazzjoni bħala għodda b'saħħitha għall-prevenzjoni taż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat, fuq il-punt li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandha tiġi estiża lil hinn mis-setturi tradizzjonali bħall-edukazzjoni u s-saħħa, u tilħaq oqsma tal-politika oħra;

7.  Jitlob li l-UE jkollha rwol importanti fil-ġlieda kontra dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, u jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni biex jagħmlu użu mill-istrumenti eżistenti kollha disponibbli filwaqt li jippreżentaw strateġija speċifika bil-għan li jiġu identifikati l-passi meħtieġa fil-ġlieda kontra ż-żwieġ prekoċi, furzat u tat-tfal u prattiki oħra dannużi għall-bniet u n-nisa, bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-hekk imsejħa reati tal-unur, l-iskjavitù tas-sess u t-traffikar tas-sess, jiġu identifikati l-objettivi li għandhom jiġu stabbiliti u l-finanzjament allokat espressament għal dak l-iskop bl-iskop ġenerali li din il-prattika tinqered sal-2030, skont l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (għan 5.3) jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex fl-istrateġija jinkludu l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-istereotipi tal-ġeneri u n-normi soċjali diskriminatorji li jikkontribwixxu għall-aċċettazzjoni u l-issoktar tal-prattiki dannużi msemmija hawn fuq;

8.  Ifakkar li l-qerda taż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat hija inkluża bħala waħda mill-prijoritajiet għall-azzjoni esterna tal-UE fil-qasam tal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jfasslu pjan ta' azzjoni biex jgħinu fil-ġlieda kontra ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat fil-kuntest tar-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi sħab u pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, b'mod partikolari fil-qasam tal-iżvilupp, u jagħtu attenzjoni speċjali lir-rispett għad-drittijiet tal-nisa l-bniet fil-ftehimiet ta' kummerċ u sħubija kollha, permezz ukoll tal-"klawsola tad-drittijiet tal-bniedem"; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jagħtu prijorità lil dawn il-kwistjonijiet fid-djalogu politiku mal-pajjiżi sħab u jistabbilixxu miżuri konkreti f'kollaborazzjoni mal-atturi ewlenin kollha biex jeliminaw il-prattiki dannużi kollha; jitlob, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex iħeġġu l-isforzi biex jiġi miġġieled iż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi;

10.  Jilqa' t-tnedija tal-"Inizjattiva Spotlight", inizjattiva globali konġunta tal-UE u n-NU dwar il-ġeneru, biex jiġu indirizzati l-vjolenza sessista u bbażata fuq il-ġeneru u l-prattiki dannużi bħaż-żwieġ furzat, il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) jew it-traffikar tal-bnedmin; jinnota, madankollu, li l-Inizjattiva Spotlight tindirizza l-aktar l-elementi tal-aġenda li diġà huma tħassib kondiviż fil-livell globali; jissottolinja, għaldaqstant, il-ħtieġa li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi promossa b'mod aktar komprensiv, permezz ta' taħlita adegwata ta' programmi u modalitajiet; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali tagħha biex iżżid il-finanzjament għall-Pakkett ta' Riżorsi għal kwistjonijiet dwar il-Ġeneru bil-għan li tintegra l-kwistjonijiet dwar il-ġeneru fil-kooperazzjoni bilaterali u permezz ta' programmi tematiċi;

11.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien ma' UN Women, UNICEF, UNFPA u sħab oħrajn, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-assoċjazzjonijiet tad-dijaspora u l-migranti biex jiġbdu l-attenzjoni lejn il-kwistjoni taż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat billi jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, fosthom permezz tal-edukazzjoni, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa, il-parteċipazzjoni msaħħa fit-teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll fuq il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet kollha, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva;

12.  Josserva l-ħtieġa li l-finanzjament Ewropew għall-azzjoni esterna jibda jiddependi fuq l-implimentazzjoni effikaċi tal-miżuri biex jinqered iż-żwieġ prekoċi u furzat;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw prospettiva tal-ġeneri fil-programmi għat-tiswir tal-paċi u r-rikostruzzjoni wara l-kunflitt, jiżviluppaw programmi għall-għajxien ekonomiku u l-edukazzjoni għall-bniet u n-nisa li huma vittmi ta' żwiġijiet prekoċi u furzati, u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għas-servizzi tas-saħħa u tas-saħħa riproduttiva f'żoni milquta mill-kunflitt;

14.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' allokazzjonijiet baġitarji għal programmi ta' prevenzjoni taż-żwieġ fit-tfulija, li jimmiraw li joħolqu ambjent soċjali fejn il-bniet jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, fosthom permezz ta' programmi edukattivi, soċjali u ekonomiċi għall-bniet li ma jmorrux skola, skemi ta' protezzjoni tat-tfal, postijiet ta' kenn, konsulenza legali u appoġġ psikoloġiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm biżżejjed riżorsi allokati għal dan it-tip ta' programmi u attivitajiet fl-azzjonijiet esterni tagħhom; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni sistematika tal-effikaċja tal-programmi eżistenti u tuża l-finanzjament disponibbli għall-prevenzjoni taż-żwieġ prekoċi bil-għan li tiżgura li l-programmi huma implimentati fir-reġjuni u l-pajjiżi fejn iż-żwieġ tat-tfal huma l-aktar prevalenti; iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE jissodisfaw l-impenn tal-UE fir-rigward tal--Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 bil-għan li jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni u jiżvulppaw il-programmi rilevanti b'sostenn għall-azzjonijiet leġiżlattivi lokali;

15.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati programmi favur it-tisħiħ tal-pożizzjoni għall-bniet u t-tfajliet bħala strateġija ewlenija għall-prevenzjoni u l-iskoraġġiment taż-żwieġ prekoċi, biex b'hekk tittejjeb l-awtostima tagħhom u l-konsapevolezza tad-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt legali li jirrifjutaw iż-żwieġ;

16.  Jisħaq fuq il-punt li l-qerda taż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat min-naħa tagħha jkollha impatt pożittiv fuq il-livell edukattiv milħuq mill-bniet u wliedhom, tikkontribwixxi biex in-nisa jkollhom inqas tfal u żżid il-qligħ mistenni u l-benessri familjari tagħhom;

17.  Josserva li l-kuntatti komunitarji fil-livell lokali huma essenzjali biex jgħinu ħalli jingħelbu l-attitudnijiet tradizzjonali u diskriminatorji f'dak li jikkonċerna l-edukazzjoni għall-bniet, u għaldaqstant itejbu l-prospetti tan-nisa fir-rigward tal-impjiegi bil-għan li jiżguraw l-għajxien tagħhom u dak tal-familja tagħhom;

18.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' programmi ta' informazzjoni li jinvolvu lill-mexxejja tal-komunità kollha, biex dawn jiġu edukati f'dak li jikkonċerna l-effetti dannużi tat-tradizzjonijiet bħaż-żwieġ prekoċi, bil-għan li jkun jista' jkollhom rwol attiv fis-sensibilizzazzjoni fi ħdan il-komunitajiet tagħhom;

19.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-irġiel u s-subien jiġu infurmati u edukati, u li dawn jiġu mmobilitati biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tat-tfal u n-nisa;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri integrati, komprensivi u kkoordinati biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, inkluż iż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat, b'mod partikolari billi jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja u jittejbu l-mekkaniżmi ta' protezzjoni tat-tfal, filwaqt li jiġi pprovdut sostenn aħjar u aċċess ulterjuri u mtejjeb għall-finanzjament għal dawk l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu biex jinqerdu dawn il-prattiki;

21.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jimplimentaw bis-sħiħ il-liġijiet li jipprojbixxu ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat billi jiżguraw aċċess għall-ġustizzja, inklużi r-rimedji, u billi jistabbilixxu strutturi u programmi biex jappoġġaw, jassistu u jipproteġu l-vittmi ta' żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati, inklużi ċ-ċentri ta' akkoljenza siguri u l-assistenza ta' persunal femminili kkwalifikat, bħal midwives, ġinekologi, psikologi u assistenti soċjali; jistieden, b'rabta ma' dan, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi tad-Direttiva tal-UE dwar il-Vittmi, b'mod partikolari billi jtejbu l-aċċess tal-vittmi ta' vjolenza fuq in-nisa għal sostenn għall-vittmi ġenerali u speċjalizzat u billi jistabbilixxu mekkaniżmi ta' rappurtar effikaċi li jirrispettaw l-anonimità u l-kunfidenzjalità bil-għan li jħeġġu lill-vittmi ta' żwieġ furzat jirrappurtaw ir-reat mingħajr il-biża' li jkomplu jiġu stigmatizzati;

22.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiggarantixxu faċilitajiet u taħriġ għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa biex dawn ikunu jistgħu jipprovdu servizzi, informazzjoni u riżorsi kunfidenzjali u ħielsa minn kull ġudizzju li jħarsu l-interessi taż-żgħażagħ u li jissodisfaw l-istandards tad-WHO f'dak li jikkonċerna l-ekwitabilità, l-aċċessibilità, l-aċċettabilità, l-adegwatezza u l-effikaċja;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar il-fenomenu, il-konsegwenzi tiegħu u r-rimedji legali disponibbli fl-UE kollha, inklużi fil-kampi ta' rifuġjati u fil-pajjiżi kandidati;

24.  Jilqa' l-introduzzjoni, bħala parti mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, ta' twissija ġdida li tista' tintuża biex jiġu protetti tfal f'riskju li jispiċċaw fi żwieġ furzat;

25.  Josserva li l-Artikolu 37 tal-Kovenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul) jiddikkjara li l-Istati Partijiet jeħtiġilhom jikkriminalizzaw "l-imġiba intenzjonata fejn adult jew minorenni jiġi mġiegħel jidħol fi żwieġ"; jiddeplora, għaldaqstant, il-fatt li 12-il Stat Membru tal-UE biss ikkriminalizza ż-żwieġ furzat, u jfakkar li, skont ir-rekwiżiti ta' din il-konvenzjoni, il-vittmi li jiddaħħlu f'pajjiż ieħor fejn jitilfu d-dritt tagħhom li jirrisjedu fl-UE bħala riżultat ta' żwieġ furzat għandhom jingħataw rimedju effettiv biex jiksbu lura l-istatus ta' residenza tagħhom; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul biex jagħmlu dan mingħajr dewmien(7);

26.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu lill-migranti nisa u bniet permess ta' residenza awtonomu li ma jiddependix fuq l-istatus tal-konjuġi jew is-sieħeb tagħhom, b'mod partikolari għal vittmi ta' vjolenza fiżika u psikoloġija, inklużi żwiġijiet furzati jew miftiehma, u li jiggarantixxu li jittieħdu l-miżuri amministrattivi kollha meħtieġa biex dawn jiġu protetti, fosthom aċċess effikaċi għall-miżuri ta' assistenza u protezzjoni;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jiskoraġġixxu lill-ġenituri – kemm jekk huma ċittadini tal-UE kif ukoll jekk mhumiex – milli joffru lil uliedhom bniet li jkunu għadhom taħt l-età bħala għarajjes, kemm permezz ta' vjaġġi lejn il-pajjiżi ta' oriġini rispettivi tagħhom kif ukoll – u agħar minn hekk – fl-UE stess, u, fejn neċessarju, jikkastigaw lil dawk il-ġenituri;

28.  Jirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira mill-pajjiżi fid-dinja għandhom liġijiet li jistabbilixxu età minima għaż-żwieġ, iżda jisħaq, madankollu, fuq il-punt li bosta pajjiżi jipprevedu eċċeżżjonijiet għar-rekwiżit ta' età minima għaż-żwieġ, l-aktar bil-kunsens tal-ġenituri jew bl-awtorizzazzjoni tal-qorti, u li dawn għandhom jiġu indirizzati mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà; jistieden lil dawn l-Istati Membri u lil dawk il-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE li għadhom m'għamlux dan biex jikkriminalizzaw iż-żwiġijiet furzati u prekoċi, inter alia billi jirrevedu l-età legali minima, indipendentent mill-kunsens tal-ġenituri, jirrikjedu l-kunsens sħiħ taż-żewġ konjuġi u jippenalizzaw lil dawk li jġiegħlu lil persuna oħra jidħlu fi żwieġ;

29.  Jipproponi li ż-żwieġ furzat jiġi inkluż minnufih fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu bħala forma ta' traffikar tal-bnedmin, u li jiġu żviluppati politika kondiviża u definizzjoni komuni ta' żwieġ furzat li għandha tintuża b'mod konsistenti fil-livell nazzjonali u fil-livell Ewropew fil-politiki u fid-dispożizzjonijiet tal-liġi ċivili u kriminali dwar iż-żwieġ furzat;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu l-każijiet ta' żwieġ tat-tfal, żwieġ prekoċi u żwieġ furzat fl-UE u jikkunsidraw li jistabbilixxu standards legali unifikati f'dak li jikkonċerna l-proċedura li permezz tagħha jiġu trattati l-każijiet ta' żwiġijiet tat-tfal u żwiġijiet prekoċi;

31.  Iħeġġeġ il-kunsiderazzjoni ta' reġistrazzjoni tat-tweild obbligatorja fil-pajjiżi fejn iż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat huwa prevalenti, peress li n-nuqqas ta' reġistrazzjoni jista' jwassal għal riskju akbar ta' żwieġ tat-tfal u prekoċi;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi tad-data Ewropea biex issegwi u tirrapporta żwiġijiet furzati u forom oħra ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem ibbażat fuq il-ġeneru, inkluż l-isfruttament sesswali;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema konsistenti għall-ġbir tad-data dwar iż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati, inkluża data diżaggregata skont is-sessi, peress li biex jitfasslu politiki bbażati fuq data konkreta u jsiru interventi mmirati aħjar huwa essenzjali li jkun hemm data kkonsolidata u affidabbli;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu studji speċifiċi bbażati fuq id-data miġbura, bil-għan li jkun hemm stampa ċara tal-fenomenu fil-livell tal-UE, b'informazzjoni speċifika li tirrigwarda kull Stat Membru;

35.  Jenfasizza l-influwenza negattiva tal-kriżijiet umanitarji, il-kunflitti u d-diżastri naturali fuq il-proliferazzjoni taż-żwiġijiet furzati, tat-tfal u prekoċi; jisħaq, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa li l-iżvilupp jiġi kkombinat mal-isforzi umanitarji;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi u salvagwardati d-drittijiet fundamentali tan-nisa u l-bniet kollha, b'mod partikolari d-dritt li jesprimu s-sesswalità tagħhom u li d-deċiżjonijiet dwar is-sesswalità tagħhom jeħduhom b'mod liberu u responsabbli, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna s-saħħa sesswali u riproduttiva, mingħajr ma jaffaċċjaw restrizzjonijiet, diskriminazzjoni jew vjolenza;

37.  Jenfasizza li r-rispett universali u l-aċċess għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi jikkontribwixxu għall-ksib tal-għanijiet ta' żvilupp sostennibbli kollha relatati mas-saħħa, bħall-kura prenatali u l-miżuri biex jiġi evitat ħlas b'riskju għoli u titnaqqas il-mortalità tat-trabi u tat-tfal; josserva li l-aċċess għall-ippjanar tal-familja, is-servizzi tas-saħħa maternali u s-servizzi ta' abbort siguri u legali huma elementi importanti biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nisa u l-bniet; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-ebda delegazzjoni tal-UE fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq u fir-reġjuni tal-Ewropa u tal-Asja Ċentrali m'għażlet xi indikatur marbut mas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi minkejja l-bżonn enormi fir-rigward tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi f'dawn ir-reġjuni; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE f'dawn ir-reġjuni jevalwaw mill-ġdid dawn iċ-ċifri inkwetanti bil-għan li jiddeterminaw jekk dawn humiex marbuta ma' rappurtar ħażin jew jekk hemmx il-ħtieġa li l-programmi attwali jiġux kkomplementati b'azzjonijiet immirati b'rabta mas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

38.  Jisħaq li, filwaqt li jiffukaw fuq il-prevenzjoni taż-żwieġ prekoċi, l-UE, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi għandhom ukoll jipprovdu sostenn lil nisa żgħażagħ li diġà huma miżżewġin, jgħinuhom isiru konxji tad-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom u d-dritt tagħhom, pereżempju, għall-kontraċezzjoni;

39.  Jikkundanna r-riintroduzzjoni u t-tixrid tal-Global Gag Rule u l-impatt tagħha fuq saħħet in-nisa u l-bniet; ifakkar li l-popolazzjonijiet f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi dawk li normalment ma jkollhomx aċċess għas-servizzi "minħabba l-istigma, il-faqar, il-kollokazzjoni ġeografika, il-vjolenza jew l-istatus ta' HIV", huma dawk li jintlaqtu l-aktar;

40.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw b'mod proattiv id-drittijiet tan-nisa u l-bniet fid-dinja kollha u biex iżidu b'mod sinifikanti l-finanzjament għall-iżvilupp, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, b'mod partikolari għall-aċċess għall-kontraċezzjoni u għall-abbort sigur u legali, bil-għan li jimtela l-vojt li ħallew l-Istati Uniti f'dan il-qasam fejn jidħol il-finanzjament;

41.  Jappoġġa b'qawwa l-inizjattiva "She Decides", u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jżidu s-sostenn tagħhom għal din l-inizjattiva u għal sforzi oħrajn f'dak li jikkonċerna s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

42.  Jemmen li t-tiżjid tan-numru ta' nisa f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi jista' jgħin biex jiżgura li tiġi stabbilita l-leġiżlazzjoni meħtieġa u li jkun hemm aktar sostenn għall-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu biex jipprevjenu ż-żwieġ prekoċi u furzat.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

12.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Florent Marcellesi, Angelika Mlinar, Marijana Petir, João Pimenta Lopes, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Jadwiga Wiśniewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lívia Járóka, Urszula Krupa, Kostadinka Kuneva, Nosheena Mobarik, Jordi Solé, Marc Tarabella, Mylène Troszczynski, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

19

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Angelika Mlinar

ECR

Nosheena Mobarik

EFDD

Daniela Aiuto

GUE/NGL

Malin Björk, Kostadinka Kuneva, João Pimenta Lopes

PPE

Anna Maria Corazza Bildt, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Lívia Járóka, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

S&D

Vilija Blinkevičiūtė, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Marc Tarabella, Julie Ward

VERTS/ALE

Margrete Auken, Florent Marcellesi, Jordi Solé

1

-

PPE

Marijana Petir

3

0

ECR

Urszula Krupa, Jadwiga Wiśniewska

ENF

Mylène Troszczynski

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

Huwa ddefinit bħala "żwieġ li jseħħ mingħajr il-kunsens liberu u validu ta' konjuġi wieħed jew taż-żewġ konjuġi, jew qabel it-18-il sena", skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kunsens għaż-żwieġ, l-età minima taż-żwieġ u r-reġistrazzjoni taż-żwiġijiet tas-7 ta' Novembru 1962 u r-Riżoluzzjoni 1468 (2005) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iż-żwieġ furzat u ż-żwieġ tat-tfal.

(2)

‘Motherhood in Childhood: Facing the challenge of adolescent pregnancy’, UNFPA (2013).

(3)

‘Every Last Girl: Free to live, free to learn, free from harm’, report by Save the Children, 11 October 2016.

(4)

‘Motherhood in Childhood`: Facing the challenge of adolescent pregnancy, UNFPA (2013).

(5)

Riżoluzzjoni 69/156 tal-Assemblea Ġenerali tal-UE tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar iż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat.

(6)

Economic Impacts of Child Marriage: Global Synthesis Report 2017.

(7)

"Forced marriage from a gender perspective", Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Parlament Ewropew (2016).

2 Lista tar-ratifiki għall-Konvenzjoni: https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/210/signatures?desktop=true


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

16.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Arnaud Danjean, Eugen Freund, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Wajid Khan, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Alyn Smith, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

David Coburn, Marek Jurek, Norica Nicolai, Urmas Paet, Soraya Post, Marie-Christine Vergiat, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Charles Goerens, Heidi Hautala, Renate Weber, Francis Zammit Dimech, Joachim Zeller, Jaromír Štětina


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

45

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Charles Goerens, Javier Nart, Norica Nicolai, Urmas Paet, Jozo Radoš, Ivo Vajgl, Renate Weber

EFDD

Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Marie-Christine Vergiat

PPE

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Francisco José Millán Mon, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, László Tőkés, Joachim Zeller, Željana Zovko, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Eugen Freund, Wajid Khan, Arne Lietz, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Soraya Post

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Alyn Smith

2

EFDD

David Coburn

PPE

Francis Zammit Dimech

2

0

ECR

Marek Jurek, Charles Tannock

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza