Proċedura : 2017/2276(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0188/2018

Testi mressqa :

A8-0188/2018

Dibattiti :

PV 12/06/2018 - 16
CRE 12/06/2018 - 16

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2018 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0257

RAPPORT     
PDF 652kWORD 65k
25.5.2018
PE 615.554v01-00 A8-0188/2018

dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO

(2017/2276(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Ioan Mircea Paşcu

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO

(2017/2276(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,

–  wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tat-28 ta' Ġunju 2016, tal-15 ta' Diċembru 2016, tad-9 ta' Marzu 2017, tat-22 ta' Ġunju 2017 u tal-15 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2015 u tal-14 ta' Novembru 2016 dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, u tas-6 ta' Diċembru 2016 dwar il-kooperazzjoni UE-NATO, tas-6 ta' Marzu, tat-18 ta' Mejju 2017 u tas-17 ta' Lulju 2017 dwar l-Istrateġija Globali tal-UE, u tad-19 ta' Ġunju 2017 u tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO tas-6 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-8 ta' Lulju 2016 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO, il-ġabra komuni ta' 42 proposta li ġew approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016, u r-rapporti ta' progress tal-14 ta' Ġunju 2017 u tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll is-sett ġdid ta' 32 proposta li ġew approvati miż-żewġ Kunsilli fil-5 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin (inkluża d-difiża), li saru fit-13 ta' Novembru 2017 u fis-6 ta' Marzu 2018, li jirrigwardaw speċifikament il-kooperazzjoni UE-NATO,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tal-10 ta' Novembru 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Intejbu l-Mobbiltà Militari fl-Unjoni Ewropea" (JOIN(2017)0041) u l-Pjan ta' Azzjoni assoċjat ippreżentat f'Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-pakkett għad-difiża ppreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO għall-2017, maħruġ fil-15 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 439 tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO (NATO PA) tad-9 ta' Ottubru 2017 dwar il-kooperazzjoni aktar mill-qrib UE-NATO ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni Nru 440 tan-NATO AP tad-9 ta' Ottubru 2017 dwar il-bażi industrijali tad-difiża Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-8 ta' Ottubru 2017 tal-Kumitat għad-Difiża u s-Sigurtà tan-NATO AP dwar il-kooperazzjoni UE-NATO wara Varsavja, inkluż l-anness tiegħu b'kontribut tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar, "L-UE f'ambjent globali jinbidel – dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 u tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK)(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 u tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar "L-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0188/2018),

A.   billi l-valuri tagħna, bħad-demokrazija liberali, il-multilateraliżmu, id-drittijiet tal-bniedem, il-paċi, l-iżvilupp u l-istat ta' dritt, li fuqhom huma msejsa l-UE u r-rabta transatlantika, kif ukoll is-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u l-għaqda u l-koeżjoni Ewropea, jinsabu fi żmien fejn qegħdin jaffrontaw kemm sfidi ġeopolitiċi kif ukoll degradazzjoni rapida tal-ambjent strateġiku;

B.   billi ż-żewġ organizzazzjonijiet ewlenin tal-Punent, l-UE u n-NATO, qegħdin iwettqu progress fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom sabiex jindirizzaw sfidi, riskji u theddid kumplessi, kemm konvenzjonali kif ukoll ibridi, li joriġinaw minn atturi statali u mhux statali prinċipalment min-Nofsinhar u mil-Lvant; billi l-akkumulazzjoni ta' kriżijiet, li qegħdin jiddestabbilizzaw il-viċinat Ewropew, toħloq kemm theddid intern kif ukoll estern għas-sigurtà; billi l-ebda waħda miż-żewġ organizzazzjonijiet m'għandha l-mezzi kollha biex tindirizza dawn l-isfidi kollha għas-sigurtà waħidha u t-tnejn ikunu f'pożizzjoni aħjar li jindirizzawhom jekk jikkooperaw flimkien; billi l-UE u n-NATO huma indispensabbli sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha;

C.   billi l-kooperazzjoni UE-NATO m'għandhiex titqies bħala għan fiha nnifisha iżda mezz li bih jinkisbu l-prijoritajiet u l-għanijiet kondiviżi dwar is-sigurtà permezz tal-komplementarjetà tal-missjonijiet u tal-mezzi disponibbli; billi l-Istati Membri tal-UE u l-alleati tan-NATO għandhom ġabra waħda ta' forzi; billi flimkien jistgħu jagħmlu użu effiċjenti mir-riżorsi u jimmobilizzaw b'mod aktar effettiv firxa kbira ta' strumenti eżistenti bħala reazzjoni għall-isfidi għas-sigurtà;

D.   billi n-NATO hija alleanza militari u l-UE mhijiex; billi l-UE hija attur strateġiku globali u tipprovdi sigurtà bil-firxa unika u varjata ta' strumenti u għodod għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tindirizza l-isfidi attwali b'mod komprensiv permezz tad-diversi politiki tagħha; billi, skont l-objettivi u fid-dawl tal-Istrateġija Globali, l-UE qiegħda ssaħħaħ ir-responsabbiltà tagħha għas-sigurtà u d-difiża proprja u r-rwol tagħha bħala sieħeb għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kif ukoll il-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod awtonomu, filwaqt li ssaħħaħ ukoll il-kontribut tagħha għan-NATO u trawwem kooperazzjoni msaħħa;

E.   billi n-NATO għandha r-responsabbiltà ewlenija għad-difiża kollettiva tal-membri tagħha; filwaqt li jieħu nota tal-linja gwida tan-NATO sabiex l-alleati jonfqu 2 % tal-PDG tagħhom fuq id-difiża fi żmien għaxar snin sabiex tinżamm kapaċità ta' difiża adatta; billi n-NATO, bħala s-sieħba ewlenija tas-sigurtà tal-UE, għadha garanzija essenzjali għall-interoperabilità tal-kapaċitajiet tal-forzi alleati u għall-koerenza tal-isforzi ta' akkwist tagħhom;

F.   billi l-azzjonijiet tal-UE u tan-NATO għandhom ikunu komplementari fid-dimensjoni tas-sigurtà sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi ġodda, mingħajr preċedent u multidimensjonali għas-sigurtà; billi l-oqsma komuni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet jirrikjedu wkoll kooperazzjoni aktar mill-qrib u effiċjenti;

G.  billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO, li huma involuti fil-ġestjoni tal-kriżijiet, jistgħu jkunu aktar effiċjenti f'din l-attività li kieku kellhom jaġixxu b'mod tassew ikkoordinat u jisfruttaw kemm jistgħu l-għarfien espert u r-riżorsi tagħhom; billi, bħala segwitu għall-Istrateġija Globali tal-UE, l-UE qiegħda ssaħħaħ l-approċċ konġunt tagħha għall-konflitti u l-kriżijiet esterni, kif ukoll tirrispondi għat-theddid u l-isfidi fir-rabta interna-esterna tas-sigurtà b'mezzi ċivili jew militari;

H.  billi waqt is-Summit tan-NATO f'Varsavja fl-2016, l-Alleanza u l-UE indikaw l-oqsma għal kooperazzjoni msaħħa fid-dawl tal-isfidi komuni fil-Lvant u fin-Nofsinhar, inklużi l-ġlieda kontra t-theddid ibridu, it-tisħiħ tar-reżiljenza, il-bini tal-kapaċitajiet ta' difiża, iċ-ċiberdifiża, is-sigurtà marittima u l-eżerċizzji; billi f'Diċembru 2016, 42 miżura għall-avvanz tal-kooperazzjoni NATO-UE f'oqsma maqbula ġew approvati mill-ministri għall-affarijiet barranin tan-NATO u f'Diċembru 2017 intlaħaq qbil dwar aktar oqsma ta' ħidma konġunta;

I.  billi hemm bżonn ta' sħubija UE-NATO fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu, inkluż fil-ġlieda kontra l-misinformazzjoni u d-diżinformazzjoni u t-tqawwija tar-reżiljenza; billi hemm bżonn distinzjoni ċara fir-rigward tal-mandat u l-istrateġiji politiċi taż-żewġ istituzzjonijiet;

J.  billi hemm żieda kbira fl-attivitajiet min-naħa tar-Russja; billi, filwaqt li jippersisti r-riskju ta' dgħufija fir-rabta transatlantika u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE, l-approċċ komuni u strateġiku tagħhom fir-rigward tar-Russja jrid jissaħħaħ; billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO huma mħassba dwar l-imġiba militari aktar assertiva tar-Russja; billi l-manipulazzjoni politika u l-attakki ċibernetiċi huma wkoll sorsi ta' tħassib; billi l-UE rreaġiet għall-indħil tar-Russja fl-affarijiet interni Ewropej bi ksur tad-dritt u n-normi internazzjonali; billi r-reżiljenza hija, u se tibqa', element ewlieni tad-difiża kollettiva;

K.  billi l-Viċinat tan-Nofsinhar qiegħed jiffaċċja instabilità mingħajr preċedent u jirrappreżenta sfida strateġika importanti kemm għall-Istati Membri tal-UE kif ukoll għall-membri tan-NATO, speċjalment dawk li jinsabu fil-fruntiera;

L.  billi l-attakki ċibernetiċi qegħdin isiru dejjem aktar komuni u aktar sofistikati; billi fl-2014 in-NATO stabbiliet iċ-ċiberdifiża bħala parti mill-kompiti ċentrali tal-Alleanza għad-difiża kollettiva u fl-2016 irrikonoxxiet iċ-ċiberspazju bħala dominju operattiv flimkien mal-art, l-ajru u l-baħar; billi l-UE u n-NATO jistgħu jikkomplementaw l-isforzi ta' xulxin; billi għandha tiġi promossa kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà u, f'dan il-qasam irid ikun hemm approċċ ikkoordinat mill-Istati Membri kollha tal-UE;

M.  billi f'Diċembru 2017 in-NATO u l-UE ddeċidew li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu billi primarjament iżidu l-iskambju tal-informazzjoni u jtejbu r-reżiljenza nazzjonali;

N.  billi kemm l-UE kif ukoll in-NATO jużaw l-istess infrastruttura ta' trasport fl-Ewropa, fattur ċentrali għall-iskjerament rapidu tal-militar, u billi dan l-aħħar il-mobbiltà militari ġiet identifikata bħala prijorità fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;

O.  billi, skont l-aktar stħarriġ reċenti tal-Pew Research Center, l-appoġġ pubbliku għan-NATO huwa wieħed sod u qiegħed jiżdied fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tan-NATO;

Sħubija aktar sostantiva

1.  Huwa konvint li l-UE u n-NATO għandhom l-istess valuri sabiex jinkisbu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, jiffaċċjaw sfidi strateġiċi simili u, minħabba 22 sħubija sovrastanti tal-membri, għandhom interessi konverġenti fir-rigward tas-sigurtà u tad-difiża, inkluża l-protezzjoni taċ-ċittadini tagħhom kontra kull theddid; iqis li s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija fundamentali sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi għas-sigurtà; jissottolinja li l-kooperazzjoni UE-NATO għandha tkun komplementari u tirrispetta l-ispeċifiċitajiet u r-rwoli reċiproċi;

2.  Jissottolinja li l-ftuħ u t-trasparenza bir-rispett sħiħ tal-awtonomija u l-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet, kif ukoll l-inklużività u r-reċiproċità mingħajr preġudizzju għan-natura speċifika tal-politika dwar is-sigurtà u d-difiża ta' kull Stat Membru, huma prinċipji importanti tas-sħubija strateġika UE-NATO; jenfasizza li l-kooperazzjoni ma' Stati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO u membri tan-NATO li mhumiex membri tal-UE hija parti integrali mill-kooperazzjoni UE-NATO;

3.  Huwa konvint li għall-membri tagħha, in-NATO hija l-pedament tad-difiża u d-deterrenza kollettiva fl-Ewropa; huwa konvint ukoll li UE aktar b'saħħitha b'PSDK aktar effettiva, permezz ta' diversi proġetti bejn l-Istati Membri, u li kapaċi tonora d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li permezz tiegħu l-Istati Membri jistgħu jitolbu assistenza, tikkontribwixxi għal NATO aktar b'saħħitha; jissottolinja l-fatt li l-kooperazzjoni UE-NATO trid tikkunsidra wkoll il-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' dawk is-sitt Stati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO u ta' dawk is-seba' membri tan-NATO li mhumiex membri tal-UE;

4.  Jemmen bil-qawwa li r-risponsi effettivi għall-ispettru sħiħ ta' sfidi ta' sigurtà jirrikjedu viżjoni strateġika, adattament strutturali ulterjuri, kif ukoll taħlita ta' strumenti ta' saħħa formali u informali kemm għall-UE kif ukoll għan-NATO; jissottolinja li ż-żmien huwa fattur essenzjali fit-tisħiħ tas-sħubija UE-NATO, meta jitqiesu d-differenzi bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;

5.  Jinnota li, filwaqt li għandha tiġi żviluppata kultura strateġika komuni Ewropea, il-kisba ta' perċezzjoni komuni għat-theddid ikollha impatt pożittiv; huwa tal-fehma li l-Unjoni jeħtiġilha taħdem biex issaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha; għaldaqstant, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE biex isibu, f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE, fehim kondiviż tal-ambjent tat-theddid li qiegħed jevolvi u jkomplu bl-isforzi bħat-tgħarrif konġunt, it-taħriġ ta' rispons għall-emerġenzi ċivili u l-valutazzjonijiet kondiviżi tat-theddid; jilqa' l-isforzi reċenti f'dik id-direzzjoni;

6.  Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jirrikonoxxu li r-reazzjonijiet purament nazzjonali għat-terroriżmu u n-nuqqas ta' sigurtà mhumiex biżżejjed, jistennew lill-UE tipproteġihom minn dan it-theddid u li kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO tippermetti lill-Istati Membri jkunu aktar komplementari u aktar effettivi;

7.  Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni UE-NATO fuq missjonijiet u operazzjonijiet, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll f'dak tattiku;

8.  Jisħaq li s-sħubija strateġika UE-NATO hija fundamentali wkoll għat-tibdil fil-PSDK tal-UE, u għall-futur tal-Alleanza, kif ukoll għar-relazzjonijiet UE-Renju Unit wara l-Brexit;

9.  Iqis li l-potenzjal tar-relazzjonijiet UE-NATO jista' jiġi sfruttat aktar u li żviluppi u approfondiment ulterjuri tas-sħubija ma għandhomx ikunu limitati għal rispons komuni għall-kriżijiet barra l-Ewropa, partikolarment fil-viċinat, iżda anke għall-kriżijiet fil-kontinent;

10.  Jissottolinja l-bżonn li ssir ħidma konġunta dwar il-prevenzjoni, l-analiżi u t-twissija bikrija permezz ta' kondiviżjoni effettiva tal-informazzjoni bit-tir li t-theddid emerġenti jiġi miġġieled permezz ta' azzjonijiet komuni;

11.  Iqis li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO u l-azzjonijiet ta' implimentazzjoni sussegwenti jirrappreżentaw fażi ġdida u sostantiva tas-sħubija strateġika; jilqa' r-riżultati tanġibbli fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta, partikolarment fir-rigward tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, il-komunikazzjonijiet strateġiċi, il-koerenza tar-riżultati fil-proċessi rispettivi tal-ippjanar tad-difiża u l-kooperazzjoni marittima; jinkoraġġixxi aktar progress u jilqa' l-ġabra ġdida ta' azzjonijiet li ġew miżjuda fil-5 ta' Diċembru 2017, b'mod partikolari dawk rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-mobbiltà militari u n-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jilqa' l-bidla fil-kultura ta' involviment kif ukoll il-funzjonament mingħajr xkiel tal-kooperazzjoni bejn il-persunal fl-implimentazzjoni ta' kull azzjoni; itenni li għalkemm il-proċess innifsu huwa rregolat minn istituzzjonijiet, is-suċċess tal-implimentazzjoni ta' għanijiet u azzjonijiet komuni maqbula jiddependi fuq ir-rieda politika kontinwa tal-Istati Membri kollha; jilqa' f'dan il-kuntest l-involviment ukoll tal-Membri kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO u jenfasizza li l-implimentazzjoni b'suċċess tad-Dikjarazzjoni Konġunta tiddependi fuq ir-rieda politika kontinwa tal-Istati Membri kollha; iqis li huwa importanti li jissaħħu kooperazzjoni u djalogu aħjar UE-NATO u li jiġu żgurati rieda politika u riżorsi xierqa għall-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni u t-titjib ulterjuri tal-kooperazzjoni; jistenna b'interess l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni l-ġdida UE-NATO waqt is-Summit tan-NATO fi Brussell fil-11-12 ta' Lulju 2018;

12.  Jinnota t-tgħarrif regolari komuni mwassal mill-VP/RGħ u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO fil-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE u fil-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NAC) tan-NATO, rispettivament, u l-kontinwazzjoni tal-laqgħat regolari bejn il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u n-NAC;

13.  Jilqa' l-affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn mill-Istati Uniti lejn in-NATO u s-sigurtà Ewropea; ifakkar il-fatt li l-UE u l-Istati Uniti huma sħab internazzjonali ewlenin u li din is-sħubija teżisti wkoll permezz tan-NATO; jissottolinja l-valur tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati Uniti; jemmen bis-sħiħ li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni UE-NATO ssaħħaħ r-rabta transatlantika u li l-kapaċità tan-NATO li twettaq il-missjonijiet tagħha hija marbuta mar-relazzjoni transatlantika; jinnota, għaldaqstant, li l-iżviluppi politiċi reċenti jista' jkollhom impatt fuq is-saħħa tar-relazzjoni transatlantika; jinnota li l-Istati Uniti, li normalment jinkoraġġixxu u jilqgħu l-iżviluppi sostantivi fid-difiża tal-UE, għandhom ikomplu bl-isforzi għal fehim aħjar tal-interessi strateġiċi Ewropej, inkluż fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża Ewropej; jenfasizza li l-isforzi tal-UE biex tikseb awtonomija strateġika jsaħħu l-ambjent tas-sigurtà tal-Alleanza;

14.  Jilqa' l-Enhanced Forward Presence tan-NATO fuq il-fruntiera tal-Lvant tan-NATO; jilqa' l-iskjerament minn NATO ta' erba' gruppi tattiċi multinazzjonali fl-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja, immexxija, rispettivament, mir-Renju Unit, il-Kanada, il-Ġermanja u l-Istati Uniti; iqis li, għas-sigurtà taż-żewġ organizzazzjonijiet, għandha tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni UE-NATO fuq il-fruntiera tal-Lvant u tan-Nofsinhar u li l-penetrazzjoni Russa anke fil-pajjiżi fuq il-fruntiera tal-Lvant, b'mezzi ibridi jew konvenzjonali, għandha tiġi evitata u jkun hemm reżistenza għaliha kif adattat; jissottolinja li l-infrastruttura attwali fl-Ewropa, li hija prinċipalment orjentata lejn il-Punent, għandha tiġi kkomplementata bl-iżvilupp ta' dimensjoni ġdida bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, li tissodisfa r-rekwiżiti tal-mobbiltà militari; jisħaq li l-isforzi dwar il-mobbiltà militari għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u għall-pożizzjoni difensiva tal-Alleanza; iqis li t-toroq, il-pontijiet u l-linji ferrovjarji għandhom jiġu modernizzati sabiex jippermettu l-iskjerament rapidu tal-persunal u t-tagħmir militari;

15.  Jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tat-titjib tal-kapaċitajiet ta' tisħiħ rapidu tan-NATO permezz tat-titjib tal-infrastruttura tal-UE u dik nazzjonali, it-tneħħija tal-ostakli burokratiċi u infrastrutturali għall-moviment rapidu tal-forzi u bl-istazzjonament antiċipat tat-tagħmir u l-provvisti militari, li jtejbu s-sigurtà kollettiva tagħna;

16.  Jilqa' t-tnedija tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO); jisħaq fuq il-potenzjal tagħha li ssaħħaħ il-kontribut tal-UE fi ħdan in-NATO; jemmen li din tista' żżid is-sinerġiji u l-effikaċja, u li huwa pass kruċjali għat-titjib tas-sigurtà u l-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE kif ukoll il-prestazzjoni potenzjali tal-membri Ewropej fin-NATO, u huwa konvint li UE u NATO aktar b'saħħithom isaħħu lil xulxin;

17.   Jenfasizza l-komplementarjetà tal-PESCO għan-NATO u li għandha tkun xprun għal aktar kooperazzjoni UE-NATO fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet billi din tfittex li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE u, b'mod ġenerali, biex il-PSDK issir aktar effikaċi u rilevanti sabiex tirrispondi għall-isfidi attwali tas-sigurtà u ta' dawk militari; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u tal-komunikazzjoni dwar il-PESCO mal-Istati Uniti u ma' membri oħra tan-NATO sabiex jiġu evitati ideat żbaljati;

18.   Jissottolinja li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO li jmiss għandha tinsisti li l-kapaċitajiet żviluppati fuq livell multinazzjonali mill-Istati Membri tal-UE, inkluż fl-ambitu tal-PESCO, u mill-membri tan-NATO jkunu disponibbli kemm għall-operazzjonijiet tal-UE kif ukoll għal dawk tan-NATO; jenfasizza li d-deċiżjonijiet reċenti mill-UE (Rieżami Annwali Kkoordinat dwar id-Difiża (CARD), PESCO, Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) maħsuba biex jiżguraw li l-Ewropej jieħdu responsabbiltà akbar għas-sigurtà tagħhom, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tan-NATO kif ukoll għall-iżgurar ta' kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet transatlantiċi, filwaqt li jitqies l-objettiv li flimkien jindirizzaw l-isfidi komuni għas-sigurtà, jevitaw duplikazzjoni bla bżonn u jiżviluppaw kapaċitajiet ta' difiża koerenti, komplementari u interoperabbli; iqis li l-iżvilupp ta' standards komuni, proċeduri, taħriġ u eżerċizzji għandu jitqies bħala faċilitatur importanti għal kooperazzjoni UE-NATO aktar effiċjenti;

19.   Jinnota li wara l-Brexit, 80 % tal-infiq tan-NATO fid-difiżamhux se jkun mill-UE u li tlieta minn erba' brigati fil-Lvant se jitmexxew minn pajjiżi mhux tal-UE;

20.  Iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO biex jorganizzaw eżerċizzji regolari fil-livell strateġiku bil-parteċipazzjoni tal-mexxejja strateġiċi prinċipali taż-żewġ organizzazzjonijiet; jilqa', f'dan ir-rigward, l-eżerċizzju Estonjan EU CYBRID 2017 fejn, għall-ewwel darba, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO pparteċipa f'eżerċizzju tal-UE;

Oqsma ewlenija ta' Kooperazzjoni

21.  Jinnota li t-theddid għas-sigurtà sar aktar ibridu u anqas konvenzjonali, u li hemm bżonn ta' kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi indirizzat dan it-theddid; jistieden lill-UE u lin-NATO jkomplu l-bini ta' reżiljenza u jiżviluppaw għarfien sitwazzjonali kondiviż tat-theddid ibridu; iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO jikkoordinaw il-mekkaniżmi ta' rispons għall-kriżijiet tagħhom sabiex jipprovdu risponsi koerenti għat-theddid ibridu; jilqa' l-inawgurazzjoni konġunta reċenti taċ-Ċentru ta' Eċċellenza Ibrida ibbażata f'Helsinki mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u l-VP/RGħ u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE joħolqu Ċentri ta' Eċċellenza Ibrida abbażi tal-eżempju taċ-ċentru f'Helsinki; jilqa' f'dan ir-rigward, l-eżerċizzji separati iżda paralleli, PACE17 u CMX17, li saru fl-2017 u li permezz tagħhom il-persunal tal-UE u tan-NATO ittestjaw rispettivament il-proċeduri rispettivi tagħhom għall-komunikazzjoni u għall-iskambju ta' informazzjoni matul l-iżvolġiment ta' theddida ibrida fittizja; ifaħħar l-azzjoni konkreta mill-alleati tal-Punent bħala reazzjoni għall-attakk kimiku Russu suspettat fir-Renju Unit;

22.   Iqis li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO li jmiss għandha tilqa' l-progress li sar u tappella għall-implimentazzjoni prattika tal-proposti kollha adottati miż-żewġ istituzzjonijiet; jemmen li hemm bżonn ta' aktar sforzi rigward l-implimentazzjoni tad-diversi impenji li diġà ttieħdu;

23.   Jemmen, f'dan il-kuntest, li l-inizjattivi biex tissaħħaħ l-Ewropa tad-Difiża għandhom ikunu ta' benefiċċju għaż-żewġ organizzazzjonijiet, li b'hekk jippermetti li l-Istati Membri tal-UE jsaħħu l-awtonomija strateġika tagħhom u jkunu jistgħu jintervjenu flimkien militarment b'mod li jkun kredibbli; ifakkar li dawn l-inizjattivi huma komplementari għal dawk tan-NATO;

24.   Iqis li huwa importanti wkoll li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' inklużività, reċiproċità u rispett sħiħ tal-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet, kif previst fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2017;

25.  Jilqa' l-Eżerċizzju Parallel u Koordinat tal-UE ta' Maniġġar ta' Kriżijiet tal-2017 li kien ta' suċċess u li pprovda pjattaforma utli għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jistenna b'interess li jeżamina l-esperjenzi misluta kif ukoll il-kontinwazzjoni tal-kooperazzjoni fl-eżerċizzji konġunti bejn l-UE u n-NATO, inkluż l-eżerċizzju mmexxi mill-UE ppjanat fl-2018;

26.  Jinnota li l-proċeduri attwali għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni klassifikata bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet għadhom kumplessi u ineffiċjenti; jikkunsidra li ż-żewġ organizzazzjonijiet jiffaċċjaw sfidi strateġiċi simili u, għaldaqstant, se jiffaċċjaw il-konsegwenzi flimkien; jemmen li – bil-bini ta' fiduċja reċiproka – il-kooperazzjoni fl-iskambju ta' informazzjoni klassifikata u l-analiżi tal-intelligence jridu jitjiebu, inkluż fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza li l-UE se jkollha żżid il-kapaċità tagħha billi tipprovdi aktar persunal tal-UE li jkollu approvazzjoni tas-sigurtà, taħriġ iddedikat għal ħidma fuq informazzjoni klassifikata u investiment f'komunikazzjonijiet siguri; huwa tal-opinjoni li t-trawwim tar-reċiproċità u approċċ ibbażat fuq "ħtieġa għal kondiviżjoni" fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni xierqa jkun ta' benefiċċju wkoll għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet; huwa tal-fehma li l-Valutazzjoni b'mod Parallel u Kkoordinat tal-Intelligence tista' tintuża biex it-theddid ibridu jiġi miġġieled flimkien b'mod aktar effettiv;

27.  Jistieden lill-UE u lin-NATO jsaħħu l-kooperazzjoni ta' bejniethom fir-rigward tal-komunikazzjoni strateġika, inkluż bit-tisħiħ tas-sħubija bejn iċ-Ċentru ta' Eċċellenza għall-Komunikazzjonijiet Strateġiċi tan-NATO u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) diviżjoni StratCom;

28.  Jilqa' ċ-Ċellola ta' Fużjoni l-ġdida tal-UE kontra t-Theddid Ibridu u l-interazzjoni tagħha maċ-Ċellola ta' Analiżi Ibrida tan-NATO fil-kondiviżjoni tal-għarfien sitwazzjonali kif ukoll bl-iskambju tal-analiżi ta' theddid ibridu potenzjali;

29.  Huwa konvint li l-kooperazzjoni kif ukoll l-iskambju u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni huma kruċjali fil-qasam taċ-ċibersigurtà u jirrikonoxxi l-progress li sar f'dan il-qasam; jisħaq fuq il-bżonn li jitjiebu l-prevenzjoni, id-detezzjoni u r-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi; jappella liż-żewġ organizzazzjonijiet sabiex jikkoordinaw l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħhom kif ukoll l-iskambju ta' data relatata maċ-ċiberdifiża, fejn xieraq, biex b'hekk jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' intelligence UE-NATO; jinkoraġġixxi lill-UE u lin-NATO jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni operattiva u jrawmu l-interoperabbiltà bil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar mezzi, metodi u proċessi, użati għall-attribuzzjoni tal--attakki ċibernetiċi; iqis li ż-żieda fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-UE u n-NATO hija prijorità sabiex tkun possibbli l-identifikazzjoni tas-sorsi responsabbli għall-attakki ċibernetiċi u sabiex jitwettqu l-azzjonijiet legali konsegwenti; iqis li huwa importanti wkoll li jiġu armonizzati l-attivitajiet ta' taħriġ u li jkun hemm kooperazzjoni fir-Riċerka u t-Teknoloġija fid-dominju ċibernetiku; jilqa' l-arranġament bejn l-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters tal-UE u l-Kapaċità ta' Rispons f'Inċidenti relatati mal-Kompjuters tan-NATO; jemmen li fi ħdan il-mandat il-ġdid tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), l-attivitajiet ġodda relatati mal-kooperazzjoni fiċ-ċiberdifiża jistgħu jkunu ta' interess għan-NATO;

30.  Iqis li huwa importanti li tkun żgurata l-komplementarjetà u tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn tal-isforzi għall-bini ta' kapaċità marittima sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà marittima b'mod aktar effiċjenti; jilqa' ż-żieda fil-kooperazzjoni u fil-koordinazzjoni operattivi UE-NATO, inkluża l-kondiviżjoni tal-għarfien tas-sitwazzjoni abbażi tal-esperjenzi miksuba fil-Mediterran u l-Qarn tal-Afrika, biex b'hekk ikun hemm aktar opportunitajiet għal appoġġ loġistiku reċiproku u skambju tal-informazzjoni bejn il-persunal taż-żewġ organizzazzjonijiet dwar l-attivitajiet operattivi, inklużi attivitajiet relatati mal-migrazzjoni irregolari;

31.  Jilqa' l-kooperazzjoni tattika u operattiva msaħħa, inkluż permezz ta' rabtiet diretti bejn tal-Kmand Marittimu Alleat tan-NATO u l-Frontex, kif ukoll bejn l-Operazzjoni Sea Guardian u EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia, li jgħinu lill-UE u l-missjonijiet tagħha sabiex titrażżan il-migrazzjoni irregolari u jiġu miġġielda netwerks ta' traffikar illegali, inkluż it-traffikar illegali tal-armi; jinnota li fuq talba n-NATO tista' tipprovdi appoġġ loġistiku u kapaċitajiet oħrajn bħar-riforniment tal-fjuwil fuq il-baħar kif ukoll appoġġ mediku; jinnota li dan huwa r-riżultat tal-kooperazzjoni UE-NATO, bejn l-Operazzjoni Ocean Shield u EUNAVFOR Operazzjoni Atalanta, fil-ġlieda kontra l-piraterija 'l barra mill-Qarn tal-Afrika;

32.  Jinkoraġġixxi sinerġiji ulterjuri UE-NATO f'dan il-qasam kif ukoll titjib ieħor, partikolarment fil-koordinazzjoni tal-intelligence, tas-sorveljanza u tal-isforzi ta' rikonjizzjoni (ISR);

33.  Itenni li l-inizjattivi tal-UE mmirati għat-tisħiħ tas-sigurtà u tad-difiża Ewropea għandhom jgħinu wkoll biex jiżguraw li dawk l-Istati Membri tal-UE li huma membri tan-NATO jissodisfaw l-impenji tagħhom tan-NATO; iqis li li tkun Stat Membru tal-UE kif ukoll membru tan-NATO m'għandha tkun ta' detriment għal ebda stat; bl-istess mod, jisħaq li dawk l-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO għandu jkollhom obbligi differenti fir-rigward tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża; jisħaq li l-Istati Membri tal-UE għandu jkollhom il-kapaċità jniedu missjonijiet militari awtonomi f'ċirkostanzi meta n-NATO ma tkunx disposta taġixxi jew fejn l-azzjoni tal-UE tkun aktar xierqa;

34.   Jilqa' l-kontinwazzjoni tat-tendenza ta' żieda fl-infiq marbut mad-difiża fost il-membri tan-NATO; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tal-UE li huma wkoll membri tan-NATO biex jagħmlu progress sostantiv lejn il-kisba ta' 2 % tal-PDG fuq id-difiża, b'20 % jkun fuq tagħmir prinċipali ġdid; iqis li l-Istati Membri tal-UE, impenjati jissodisfaw il-linji gwida tan-NATO dwar l-infiq għad-difiża, għandhom jikkunsidraw l-allokazzjoni ta' somma speċifika, fi ħdan il-linja gwida, ta' 20 % fuq l-akkwist, lejn ir-riċerka u l-iżvilupp sabiex jiggarantixxu li jkun hemm nefqa minima għall-innovazzjoni, li tista' tirriżulta f'teknoloġiji li jintużaw ukoll għas-settur ċivili;

35.  Ifakkar lill-membri fl-appell tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO ta' Varsavja sabiex "jiffaċilitaw industrija tad-difiża aktar b'saħħitha u aktar riċerka fil-qasam tad-difiża"; jemmen bis-sħiħ li l-membri tal-UE u tan-NATO jeħtieġ jikkooperaw u jfittxu sinerġiji dwar it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-bażi teknoloġika u industrijali tagħhom sabiex jirrispondu għall-prijoritajiet tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari permezz tar-rieżami annwali koordinat dwar id-difiża u l-proċess tal-ippjanar tad-difiża tan-NATO; iqis li huwa importanti li kooperazzjoni teknoloġika u industrijali, li tkun effettiva u bilanċjata dwar id-difiża transatlantika, għandha tkun prijorità strateġika għaż-żewġ organizzazzjonijiet; jappoġġa l-miżuri previsti skont l-EDF bħala sosteniment għall-attivitajiet konġunti ta' riċerka u ta' żvilupp tal-kapaċitajiet Ewropej; iqis li impenn akbar fir-rigward tar-riċerka u l-ippjanar tal-kapaċitajiet jista' jwassal għal aktar effiċjenza;

36.  Itenni l-bżonn li tiġi żgurata l-koerenza tal-eżiti u tal-iskedi ta' żmien bejn ir-Rieżami Annwali Koordinat tal-UE dwar id-Difiża, il-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet u l-proċessi rispettivi tan-NATO, bħall-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża tan-NATO; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-inizjattivi multinazzjonali fl-iżvilupp tal-kapaċità kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO jkunu komplementari u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; jissottolinja li l-kapaċitajiet użati fil-PSDK u żviluppati fl-ambitu tal-PESCO jibqgħu proprjetà tal-Istati Membri, li jistgħu jagħmluhom disponibbli wkoll għal oqfsa oħra;

37.   Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu indirizzati, f'kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO, l-ostakli fiżiċi u legali għall-moviment veloċi u rapidu tal-persunal u l-assi militari fi ħdan u lil hinn mill-UE sabiex jiġi żgurat, fejn meħtieġ, moviment bla xkiel tat-tagħmir u l-forzi madwar l-Ewropa, inkluża l-utilità tal-infrastruttura kritika bħat-toroq, il-pontijiet u r-rotot ferrovjarji, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni ppreżentat mill-VP/RGħ u l-Kummissjoni abbażi tal-pjan direzzjonali żviluppat fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jfittxu jagħmlu segwitu u jużaw il-momentum miksub s'issa; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kapaċitajiet ta' difiża kompatibbli biex jiġu ffaċilitat l-iskjerament u l-kooperazzjoni madwar l-UE u n-NATO; jirrakkomanda lill-UE u lin-NATO biex jindirizzaw ukoll il-mobbiltà ta' forzi tan-NATO li mhumiex fl-UE fi ħdan it-territorju Ewropew;

38.  Iqis li l-UE u n-NATO għandhom jaħdmu aktar biex iqawwu r-reżiljenza, id-difiża u s-sigurtà tal-ġirien u tas-sħab taż-żewġ organizzazzjonijiet; jappoġġa bil-qawwa l-fatt li l-assistenza lill-pajjiżi ġirien u sħab għall-bini tal-kapaċitajiet tagħhom u għat-trawwim tar-reżiljenza, inklużi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-komunikazzjoni strateġika, iċ-ċiberdifiża, il-ħżin ta' munizzjon u r-riforma tas-settur tas-sigurtà, huma objettiv komuni, partikolarment fi tliet pajjiżi pilota (il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Moldova u t-Tuneżija);

39.   Ifakkar li huwa fl-interess kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO biex jindirizzaw kwistjonijiet ta' sigurtà kemm fil-Balkani tal-Punent kif ukoll fil-Viċinat tal-UE u jikkooperaw f'ċerti oqsma partikolari; jilqa' l-isforzi tal-UE u tan-NATO biex jipprovdu appoġġ politiku u prattiku lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar; jissuġġerixxi li l-Istati Membri tal-UE jkomplu b'dawn l-isforzi sabiex jiżguraw kontinwazzjoni tal-iżvilupp demokratiku u tar-riforma tas-settur tas-sigurtà; jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija kruċjali biex jiġi indirizzat it-theddid għas-sigurtà tal-kontinent kollu;

40.  Jisħaq fuq l-importanza tal-prinċipji minquxa fid-Dokument ta' Vjenna, b'mod partikolari l-prinċipju tal-aċċess miftuħ u t-trasparenza; jilqa' f'dan ir-rigward l-aċċess miftuħ li għandhom l-osservaturi internazzjonali għall-eżerċizzji militari u l-eżerċizzji konġunti tal-UE u tan-NATO;

41.  Itenni r-rwol importanti tan-nisa fil-missjonijiet tal-PSDK u tan-NATO, b'mod partikolari fit-trattament tan-nisa u t-tfal fiż-żoni ta' kunflitt; jilqa' l-fatt li kemm l-UE kif ukoll in-NATO għarfu dan ir-rwol importanti; jirrakkomanda li l-UE u n-NATO jippromwovu b'mod proattiv d-diversità bejn il-ġeneri fl-istrutturi u fl-operazzjonijiet tagħhom;

42.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiżgura relazzjoni mill-qrib fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża mar-Renju Unit wara l-Brexit, b'rikonoxximent li r-Renju Unit jibqa' kontributur ewlieni għad-difiża Ewropea kemm bħala membru tan-NATO kif ukoll bħala nazzjon Ewropew, filwaqt li ma jibqax aktar membru tal-UE;

°

°  °

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma ta' sigurtà u ta' difiża, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0120.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0435.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0440 u P8_TA(2017)0492.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0503 u P8_TA(2017)0493.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2017)0092.


OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar l-abbozz ta' rapport dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO (2017/2276(INI)) AFET/8/11771)

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Ioan Mircea Paşcu

Opinjoni tal-Minoranza mressqa mill-MEP tal-Grupp GUE/NGL Javier Couso Permuy,

Ir-rapport jikkomplementa l-linja tal-UE dwar it-tisħiħ tas-sħubija UE-NATO. Dan ikompli l-politika militaristika u aggressiva tal-UE dwar iż-żieda u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari tal-UE fis-Sigurtà u d-Difiża, filwaqt li jiddefendi wkoll iż-żieda tal-finanzjament tagħhom, dejjem f'kooperazzjoni man-NATO.

Noġġezzjonaw għar-rapport għax:

- jiddefendi l-fatt li s-sħubija UE-NATO hija fundamentali għall-PSDK tal-UE li qiegħda tevolvi;

- jappoġġa l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) bħala xprun għal aktar kooperazzjoni UE-NATO fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet u għal pilastru tal-UE aktar b'saħħtu fin-NATO

- jappoġġa miżuri previsti fl-ambitu tal-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF);

- iqis li huwa importanti li kooperazzjoni transatlantika effettiva fir-rigward tal-industrija tad-difiża għandha tkun prijorità strateġika għaż-żewġ organizzazzjonijiet;

- xorta jiddefendi l-politika ta' militarizzazzjoni tal-Mediterran, jiġifieri l-Operazzjoni Sea Guardian u EUNAVFOR MED Sophia;

Aħna nesiġu:

- ix-xoljiment tan-NATO;

- l-ebda finanzjament militari mill-baġit tal-UE u interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 41(2) tat-TUE;

- it-tmiem tal-Politiki tal-UE li huma ta' natura Militaristika: Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), Fond Ewropew għad-Difiża (FEŻ), Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP).

- li l-fondi pubbliċi jappoġġaw l-impjiegi ta' kwalità, l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid u l-SMEs;

- li l-attivitajiet kollha jkunu strettament konformi mal-Karta tan-NU u mad-Dritt Internazzjonali


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

16.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

11

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Eugen Freund, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Wajid Khan, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Alyn Smith, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

David Coburn, Marek Jurek, Norica Nicolai, Urmas Paet, Soraya Post, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Renate Weber, Francis Zammit Dimech, Joachim Zeller


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

36

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Javier Nart, Norica Nicolai, Urmas Paet, Jozo Radoš, Ivo Vajgl, Renate Weber

EFDD

Aymeric Chauprade

PPE

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Francisco José Millán Mon, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Francis Zammit Dimech, Joachim Zeller, Željana Zovko

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Andi Cristea, Eugen Freund, Wajid Khan, Arne Lietz, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Janusz Zemke

11

-

EFDD

Fabio Massimo Castaldo, David Coburn

ENF

Jean-Luc Schaffhauser

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Marie-Christine Vergiat

S&D

Soraya Post

VERTS/ALE

Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Bodil Valero

8

0

ECR

Marek Jurek, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden

NI

Dobromir Sośnierz

S&D

Demetris Papadakis

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Tamás Meszerics, Alyn Smith

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Ġunju 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza