Proċedura : 2010/0310M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0224/2018

Testi mressqa :

A8-0224/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2018 - 6.6

Testi adottati :

P8_TA(2018)0286

RAPPORT     
PDF 620kWORD 66k
26.6.2018
PE 619.389v02-00 A8-0224/2018

li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra

(10209/1/2012 – C8-0038/2018 – 2010/0310M(NLE)

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Tokia Saïfi

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra

(10209/1/2012 – C8-0038/2018 – 2010/0310M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (10209/1/2012),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 91, l-Artikolu 100, l-Artikolu 207, l-Artikolu 209 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0038/2018),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Afarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u tal-Kummissjoni li tippreżenta elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Iraq, adottata fit-8 ta' Jannar 2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Jannar 2018 li jistabbilixxu strateġija ġdida dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Pluriennali tal-Kummissjoni għall-Iraq (2014-2017),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa 'ISIS/Da'esh(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2367 (2017) tal-14 ta' Lulju 2017 u 2379 (2017) tal-21 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta'... dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0224/2018),

A.  billi l-Ewropa u l-Iraq jaqsmu bejniethom eluf ta' snin ta' influwenzi kulturali reċiproċi u ta' storja komuni;

B.  billi l-Iraq safa mħarbat minn għexieren ta' snin tal-ħakma dittatorjali ta' Saddam Hussein, li faqqa' gwerer ta' aggressjoni kontra l-Iran fl-1980 u kontra l-Kuwajt fl-1990, minn sanzjonijiet tqal, u minn kunflitt intern wara l-invażjoni tal-2003 mmexxija mill-Istati Uniti, inkluża l-vjolenza settarja u s-seċessjoniżmu Kurd, u t-terroriżmu ġiħadista minn Da'esh; billi dawn il-fatturi kollha jispjegaw il-kobor tal-isfidi li l-Iraq qed iħabbat wiċċu magħhom huwa u jaħdem biex jimxi 'l quddiem lejn governanza aħjar, progress ekonomiku u rikonċiljazzjoni nazzjonali;

C.  billi l-UE sostniet mill-ġdid l-impenn tagħha li tibni sħubija qawwija mal-Iraq, abbażi tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, u li tappoġġja lill-awtoritajiet Iraqin matul it-tranżizzjoni għad-demokrazija u l-proċess ta' rikostruzzjoni, filwaqt li tindirizza l-kawżi aħħarin tal-instabbiltà politika, soċjali u ekonomika; billi l-isforzi ta' rikostruzzjoni ġew stmati li jiswew sa USD 88 biljun;

D.  billi l-Istati Membri tal-UE involuti fil-gwerra tal-2003, u l-UE bħala entità sħiħa, għandhom responsabbiltà partikolari biex jassistu lill-popolazzjoni Iraqija u jappoġġjaw l-isforzi biex il-pajjiż jikseb il-paċi u l-istabbiltà;

E.  billi l-elezzjonijiet parlamentari saru fit-12 ta' Mejju 2018; billi fir-reġjun, li huwa mgħakkes mit-tiġdid tal-ħakma ta' reġimi u prattiki awtoritarji, l-Iraq huwa wieħed mill-ftit eżempji ta' ambjent politiku kompetittiv, li jinkludi sistema multipartitika u media relattivament ħielsa; billi l-forzi politiċi fil-pajjiż jidhru li fehmu l-ħtieġa li jiffurmaw alleanzi transettarji biex iqawwu l-leġittimità u l-istabbiltà tas-sistema; billi elezzjonijiet ġenwini u kompetittivi huma ta' importanza fundamentali għall-konsolidament tad-demokrazija fl-Iraq; billi l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet kollha tas-soċjetà Iraqina se tkun pass importanti lejn demokrazija inklussiva u lejn sens kondiviż ta' nazzjon;

F.  billi jeħtieġ li jsir titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni tas-sigurtà biex jinġiebu 'l quddiem l-istabbiltà, ir-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-pajjiż, sew fil-livell nazzjonali u sew f'dak lokali; billi l-obbligu ta' rendikont għad-delitti mwettqa mill-partijiet kollha huwa neċessarju biex titwettaq ir-rikonċiljazzjoni; billi l-UE tipprovdi assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fl-Iraq permezz tal-Missjoni ta' Konsulenza tal-UE; billi l-Missjoni ta' Assistenza tan-NU għall-Iraq (UNAMI) ilha preżenti fil-pajjiż sa mill-2003 u għamlet xogħol sinifikanti biex ġiebet 'il quddiem djalogu politiku inklussiv u rikonċiljazzjoni nazzjonali; billi n-NATO qed tkompli twettaq l-Inizjattiva tagħha tal-Bini tal-Kapaċità fl-Iraq, li tiffoka fuq il-ġlieda kontra l-apparati esplożivi improvviżati, it-tneħħija ta' mezzi esplożivi, it-tneħħija ta' mini, l-ippjanar ċivili-militari, il-manutenzjoni ta' tagħmir mill-era Sovjetika, il-mediċina militari u r-riforma tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà tal-Iraq;

G.  billi l-Iraq qed jiffaċċja sfidi ta' governanza f'termini tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi u l-konsolidament tal-istat ta' dritt, l-infurzar tal-liġi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-minoranzi etnikoreliġjużi kollha;

H.  billi huwa importanti li l-qgħad jiġi indirizzat, speċjalment dak fost iż-żgħażagħ, biex ma jitħalliex li jiġu radikalizzati u b'hekk isiru rekluti faċli għal organizzazzjonijiet terroristiċi jew għal gruppi oħra tal-kriminalità organizzata;

I.  billi s-Servizz tal-Iraq Kontra t-Terroriżmu, l-attur prinċipali wara l-liberazzjoni ta' Mosul, tilef bosta membri li nqatlu jew indarbu fil-ġlied, u jeħtieġ li jingħata rikonoxximent u appoġġ xierqa biex jissaħħulu l-kapaċitajiet ta' reklutaġġ tiegħu, b'tali mod li l-forza tkun tista' terġa' lura għal daqs ekwu u sostenibbli;

J.  billi l-awtoritajiet Iraqin għandhom iqisu l-introjtu tal-pajjiż miż-żejt bħala opportunità u għodda għar-rikostruzzjoni soċjali u ekonomika sostenibbli li minnha tgawdi s-soċjetà Iraqija kollha kemm hi, u mhux iqassmu dan l-introjtu abbażi tal-klijenteliżmu; billi depożiti taż-żejt sinifikanti jinsabu fir-Reġjun awtonomu tal-Kurdistan tal-Iraq; billi jeħtieġ li jiġu normalizzati r-relazzjonijiet bejn il-gvern ċentrali f'Bagdad u l-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan tar-Reġjun awtonomu tal-Kurdistan tal-Iraq bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjoni;

K.  billi l-Iraq huwa geġwiġija ta' komunitajiet li spiss jikkompetu għall-poter u għall-kontroll tar-riżorsi naturali; billi eluf ta' ċittadini Iraqin, inkluż dawk minn komunitajiet minoritarji, u b'mod partikolari n-nisa u l-bniet, ġew sterminati b'mod inuman jew tjassru minn Da'esh f'delitti tal-gwerra u f'delitti kontra l-umanità; billi gruppi terroristiċi u estremisti għadhom kapaċi jisfruttaw faċilment it-tensjonijiet intersettarji u lokali; billi aktar minn 1,5 miljun ċittadin Iraqi Nisrani (Kaldej, Sirjaċi, Assirjani u membri ta' minoranzi Nsara oħrajn) kienu jgħixu fl-Iraq fl-2003, u billi jikkostitwixxu popolazzjoni nattiva antika li hija f'periklu kbir ta' persekuzzjoni u eżilju; billi miljuni ta' ċittadini Iraqini, fosthom Insara, kellhom jaħarbu mill-vjolenza, jew billi ħallew pajjiżhom jew inkella billi ġew spostati ġewwa l-fruntieri tal-pajjiż; billi l-Kurdi jiffurmaw minoranza sinifikanti tal-popolazzjoni tal-Iraq, u billi l-maġġoranza tagħhom jgħixu fir-Reġjun awtonomu tal-Kurdistan tal-Iraq;

L.  billi Da'esh, al-Qaeda u organizzazzjonijiet terroristiċi li jaħsbuha bħalhom huma ispirati mill-verżjoni estrema tas-Salafiżmu/Waħħabiżmu; billi, minkejja t-telfa militari u territorjali ta' Da'esh, it-theddida ta' din l-ideoloġija għad trid tiġi indirizzata permezz ta' titjib fil-governanza, edukazzjoni, forniment ta' servizzi, sforzi ta' deradikalizzazzjoni u l-inklużjoni sħiħa tal-komunità Sunnita tal-Iraq fil-proċess politiku;

M.  billi, sal-lum, f'pajjiż ta' 26 miljun abitant, hemm 11-il miljun ruħ fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja, u aktar minn 3 miljun Iraqi ġew spostati internament, li ħafna minnhom huma ospitati fi ħdan ir-Reġjun tal-Kurdistan tal-Iraq, u billi hemm 246 000 rifuġjat mis-Sirja; billi l-għoti ta' appoġġ ekonomiku lill-persuni spostati internament ħalli jkunu jistgħu jerġgħu jibnu l-għajxien tagħhom huwa essenzjali biex ikunu jistgħu jirritornaw mnejn ġew;

N.  billi t-telfa territorjali ta' Da'esh hija r-riżultat tal-isforzi tal-forzi armati tal-Iraq, appoġġjati mill-Koalizzjoni Globali kontra Da'esh, kif ukoll mid-diversi Unitajiet ta' Mobilizzazzjoni Popolari, mill-Peshmerga u minn forzi alleati oħra; billi, minkejja t-telfa territorjali ta' Da'esh fl-Iraq, it-theddida ġiħadista għadha tippersisti u tipperikola l-konsolidament tal-istabbiltà u tas-sigurtà fil-pajjiż, speċjalment tul il-fruntiera mas-Sirja; billi huwa neċessarju, għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż u għall-integrazzjoni tas-soċjetà Iraqina, li jingħelbu d-differenzi bbażati fuq kriterji reliġjużi, li l-Unitajiet ta' Mobilizzazzjoni Popolari jiġu xolti u li l-membri tagħhom jiġu integrati skont il-ħtiġijiet tal-istat, mossa li mingħajrha mhux se jkun jista' jinkiseb stat funzjonali bbażat fuq id-demokrazija u l-pluraliżmu; billi fl-2016 il-Parlament tal-Iraq għadda liġi li effettivament għamlet il-kostellazzjoni ta' milizzji element permanenti tal-forzi tas-sigurtà tal-Iraq; billi stat Iraqi magħqud, pluralistiku u demokratiku huwa prerekwiżit għall-istabbiltà u l-iżvilupp tal-pajjiż u taċ-ċittadini tiegħu;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Iraq; jitlob li jsir użu sħiħ mill-mekkaniżmi li l-Ftehim jistabbilixxi biex ir-rabtiet bejn l-UE u l-Iraq jiġu approfonditi;

2.  Jissottolinja li l-FSK huwa strument essenzjali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Iraq, kif ukoll għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħna fir-rikostruzzjoni, l-istabbilizzazzjoni u r-rikonċiljazzjoni fil-livell nazzjonali u f'dak lokali, bi strateġija fit-tul; jenfasizza li huwa importanti li l-Iraqin ikollhom sjieda tal-proċess tal-bini ta' stat demokratiku, federali u pluralista bbażat fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u fuq l-istat tad-dritt;

3.  Jilqa' l-inizjattiva tat-tlaqqigħ tal-Konferenza Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni tal-Iraq, li saret fil-Kuwajt fit-12 ta' Frar 2018; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jwettqu l-impenji finanzjarji u tekniċi tagħhom;

4.  Jilqa' l-impenn tal-UE li tipprovdi appoġġ aktar fit-tul lill-pajjiż, u l-fatt li l-UE identifikat lill-Iraq bħala pajjiż pilota li fih għandha tiġi indirizzata u mħaddma aħjar ir-rabta bejn il-ħidma umanitarja u l-iżvilupp sabiex titrawwem tranżizzjoni mill-assistenza umanitarja għal rikostruzzjoni u stabilizzazzjoni aktar fit-tul; ifakkar li l-kriżi tal-Iraq hija emerġenza tat-tielet livell fil-klassifika tan-NU, u li, bħalissa, 11-il miljun ruħ jeħtieġu l-assistenza; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, għaldaqstant, biex l-ewwel nett isaħħu l-isforzi tagħhom kollha ħalli jindirizzaw b'urġenza l-isfidi umanitarji u l-ħtiġijiet umani ewlenin, b'mod partikolari fir-rigward tal-aktar minn 3 miljun persuna li sfaw spostati internament (IDPs);

5.  Jenfasizza li l-faqar huwa mifrux fil-pajjiż u li, minkejja li l-Iraq huwa pajjiż bi dħul medju superjuri, snin twal ta' vjolenza, kunflitti u settarjaniżmu dgħajfu bil-kbir il-progress fl-iżvilupp; jitlob li l-UE tiffoka l-assistenza tagħha għall-iżvilupp, permezz ta' proġetti mmirati, fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli u fuq l-aktar persuni fil-bżonn, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, iż-żgħażagħ, il-persuni spostati internament u r-refuġjati;

Il-prijoritajiet tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Iraq

6.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri jkomplu jagħtu l-għajnuna umanitarja li qed jipprovdu fil-preżent sabiex jgħinu u jipproteġu lill-Iraqin kollha milquta mill-kunflitti, filwaqt li jużaw l-għajnuna bħala mezz għall-konsolidament tal-governanza, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw sorveljanza komprensiva tal-assistenza finanzjarja li pprovdew biex jiżguraw li qiegħda tasal għand il-persuni fil-bżonn; jenfasizza li l-Iraqin kollha għandhom id-dritt legali li jikbsu dokumentazzjoni ċivili u aċċess għall-għajnuna mingħajr ebda diskriminazzjoni;

7.  Jitlob li l-UE tintensifika l-kooperazzjoni tagħha biex tiffaċilita l-istabbilizzazzjoni u s-sigurtà taż-żoni li ġew illiberati reċentement u b'hekk tagħmel possibbli r-ritorn sikur, informat, volontarju u dinjituż tal-IDPs; jitlob li l-UE tkompli tappoġġja lill-awtoritajiet Iraqin biex tiżgura proċessi elettorali demokratiċi, u biex tgħin lill-Kummissjoni Elettorali Għolja Indipendenti tal-Iraq fl-isforzi tagħha ħalli l-IDPs ikunu jistgħu jivvotaw fl-elezzjonijiet; iħeġġeġ lill-UE tipprovdi assistenza teknika sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Iraq rigward it-tneħħija tal-mini u l-qerda tal-isplużivi perikolużi miż-żoni lliberati; jistieden lill-Gvern tal-Iraq biex jaħdem favur tħaffif tal-proċessi ta' reġistrazzjoni għal organizzazzjonijiet tat-tneħħija ta' mini;

8.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jipprovdu assistenza finanzjarja urġenti għar-rikostruzzjoni ta' infrastruttura ta' prijorità u għar-restawr ta' servizzi pubbliċi essenzjali, bħalma huma l-aċċess għall-ilma u s-sanità, l-elettriku, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, bil-għan li jiżguraw standards ta' għajxien bażiċi għall-popolazzjoni, isaħħu l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u jipprijoritizzaw il-finanzjament għal proġetti li jappoġġjaw lil atturi li jippromwovu r-responsabbiltà u l-bidla demokratika; jitlob li l-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw proċess ta' ppjanar tar-rikostruzzjoni urbana li jippermetti l-involviment taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet relatati mar-rikostruzzjoni sabiex jiżguraw l-inklussività fl-ippjanar u fl-irkupru urban bil-għan li tittejjeb il-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-istat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-fondi pprovduti għar-rikostruzzjoni jinfirxu b'mod uniformi fost il-komunitajiet fil-bżonn, irrispettivament mill-identifikazzjoni etnika jew reliġjuża tal-benefiċjarji, u jiġu inkanalati permezz ta' aġenziji statali leġittimi, aktar milli permezz ta atturi sottostatali; jemmen li l-assistenza finanzjarja tista' wkoll tiġi introdotta u mqassma lil intraprendituri u negozji lokali biex il-provvista ta' kapital għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tkun żgurata;

9.  Jitlob li l-UE tagħmel kull sforz biex tħeġġeġ l-issuktar ta' djalogu sostnut u kostruttiv bejn il-gvern ċentrali u l-awtoritajiet tar-Reġjun tal-Kurdistan tal-Iraq, b'mod partikolari wara r-referendum li sar fil-Kurdistan fis-27 ta' Settembru 2017, sabiex jiġu stabbiliti relazzjonijiet stabbli li jissodisfaw iż-żewġ partijiet, jitrawwem proċess inklussiv tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-ogħla livell u jiġu rrispettati bis-sħiħ id-diversità tal-pajjiż u d-drittijiet tal-partijiet kollha fis-soċjetà Iraqija, kif ukoll il-prinċipji tal-Kostituzzjoni tal-Iraq u l-unità u l-integrità territorjali tal-Iraq; jenfasizza l-ħtieġa li tissolva d-demarkazzjoni tal-konfini bejn ir-reġjun Kurd u l-bqija tal-Iraq, permezz ta' djalogu appoġġjat min-NU; jemmen li l-Iraq u l-Gvern awtonomu tar-Reġjun tal-Kurdistan għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-esportazzjonijiet taż-żejt mingħajr indħil minn barra; jitlob ukoll li l-UE tippromwovi kooperazzjoni aktar qawwija bejn l-awtoritajiet federali u dawk lokali biex effettivament jibnu l-pajjiż mill-ġdid u jiksbu stabbiltà fit-tul u koeżistenza paċifika; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li r-reġjun tal-Kurdistan tal-Iraq jimplimenta r-riformi politiċi u ekonomiċi meħtieġa, jiġġieled il-korruzzjoni, jippermetti l-ħolqien ta' partiti ġodda u funzjonanti u jiggarantixxi elezzjonijiet ġenwini u kompetittivi għall-parlament reġjonali fl-2018;

10.  Jemmen li, waqt it-tranżizzjoni mill-assistenza ta' emerġenza għall-iżvilupp, oqsma ta' prijorità għall-assistenza għall-iżvilupp jinkludu approċċ fit-tul, stabilizzazzjoni, riformi u titjib fl-oqsma tal-governanza tajba u tal-obbligu ta' rendikont, edukazzjoni u żvilupp tal-ħiliet, aċċess għal opportunitajiet ta' għajxien u forniment ta' servizzi tas-saħħa u soċjali bażiċi; jisħaq ukoll fuq l-importanza ta' riformi li jtejbu l-bilanċ bejn is-sessi u r-rappreżentanza tan-nisa fil-ħajja politika tal-pajjiż; huwa ħerqan li jirċievi proposti konkreti dwar l-azzjonijiet previsti li jirrispondu għal dawn il-ħtiġijiet u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi evidenza tar-riżultati u tal-impatti miksuba fil-qafas tal-programm pluriennali indikattiv 2014-2017;

11.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-grad għoli ta' frammentazzjoni fis-soċjetà Iraqija; jitlob li l-UE, f'koordinament mal-UNAMI u mal-awtoritajiet Iraqin, tappoġġja bis-sħiħ il-ħidma tal-Kummissjoni għar-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali biex tippromwovi rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet u proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali ta' sjieda Iraqija, tiżgura r-rispett għad-diversità tal-Iraq u ġġib 'il quddiem governanza inklussiva u rappreżentattiva, fil-livell nazzjonali u f'dak lokali, li tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' sens ta' ċittadinanza Iraqija komuni; jinnota li l-ħtieġa li ma jitħallewx iqumu kunflitti u li jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà, kif ukoll id-domanda għal inizjattivi ta' rikonċiljazzjoni, medjazzjoni u djalogu, iqajmu n-neċessità li l-fondi disponibbli għal inizjattivi bħal dawn jiżdiedu b'mod sinifikanti, l-aktar permezz tal-użu tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP); jilqa' r-rakkomandazzjonijiet minn mexxejja reliġjużi Iraqin li l-Gvern tal-Iraq jistabbilixxi kunsill ta' kjeriċi u studjużi superjuri fl-Iraq, jibgħat talba lill-Parlament Iraqi biex japprova liġi li tikkriminalizza diskorsi reliġjużi estremisti li jinċitaw il-mibegħda u l-vjolenza u tikkastiga lil min jinkoraġġixxi tali atti, jirrevedi l-kurrikuli u jiffoka fuq ir-rikonċiljazzjoni u ċ-ċittadinanza nazzjonali u mhux fuq l-identità settarja;

12.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali u lill-UE biex jipprovdi appoġġ għaż-żamma tad-diversità ta' identitajiet etniċi, kulturali u reliġjużi fl-Iraq; jitlob, fil-qafas tal-Kostituzzjoni tal-Iraq, li ssir esplorazzjoni ta' modi kif tiġi rikonoxxuta, protetta u msaħħa l-governanza lokali ta' minoranzi etniċi u reliġjużi li jgħixu f'żoni fejn storikament kellhom preżenza qawwija u għexu fil-paċi maġenb xulxin – pereżempju fil-muntanji Sinjar (Yazidi) u fil-pjanuri ta' Nineveh (il-popli Kaldej-Sirjani_Assirjani); jistieden lill-awtoritajiet Iraqin iħallu lil Kurdi, Insara u Yezidi jerġgħu lura fiż-żoni ta' residenza oriġinali tagħhom u jiżguraw li jkunu jistgħu jagħmlu dan bla periklu;

Djalogu politiku

13.  Jitlob li l-UE ssaħħaħ id-djalogu politiku tagħha mal-awtoritajiet Iraqin biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi permezz ta' aktar rispett tal-istat tad-dritt, governanza tajba u sistema ġudizzjarja effiċjenti; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt issir prijorità f'dan id-djalogu, u jistieden lill-awtoritajiet Iraqin biex jiddikjaraw moratorju fuq il-piena tal-mewt b'effett immedjat;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili Iraqija u għall-involviment sħiħ tagħha fid-diversi proċessi ta' riformi; isostni li għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-rappreżentanza tan-nisa, taż-żgħażagħ u ta' persuni mill-gruppi etniċi u reliġjużi kollha tas-soċjetà tal-Iraq, inklużi l-Insara, il-Musulmani Xiiti u Sunniti, il-Yazidi u l-Mandeani, ix-Shabak, il-Kurdi, it-Turkmeni u oħrajn, li talbiethom jeħtieġ li jiġu indirizzati; jenfasizza, fl-istess waqt, li jeħtieġ li jiġi stabbilit bħala prijorità l-ksib ta' klassi politika inklussiva u mhux settarja li tkun rappreżentattiva tal-partijiet kollha tas-soċjetà Iraqina;

15.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha, fid-dawl tal-ġabra ta' liġijiet Ewropej fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jagħti bidu, flimkien mal-awtoritajiet Iraqin, għal programmi ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-iskambju ta' prattiki tajba u ta' għodod effikaċi, biex jindirizzaw il-korruzzjoni mifruxa u b'hekk jiżguraw li l-ġid nazzjonali jinqasam b'mod ġust; jenfasizza l-importanza tal-UE bħala sors ta' pariri lill-Gvern tal-Iraq dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u governanza biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-Iraq;

16.  Ifaħħar il-kontribut lill-forzi armati Iraqin fil-ġlieda globali kontra l-organizzazzjoni terroristika Da'esh; jibqa' jagħti appoġġ għall-azzjoni komprensiva kontra t-terroriżmu li qed twettaq il-Koalizzjoni Globali kontra Da'esh, organizzazzjoni li għadha theddida prominenti minkejja l-kisbiet militari li saru kontriha, fl-iżgurar tar-rispett tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem; jirrikonoxxi li l-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Iraq hija influwenzata bil-kbir mis-sitwazzjonijiet ta' madwarha, bħall-gwerra fis-Sirja; jitlob li l-UE tistabbilixxi djalogu dwar kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu bil-għan li ssir riforma tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu li tissaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiż li jilqa' għal theddidiet terroristiċi, u taħdem mal-awtoritajiet Iraqin fil-ġlieda kontra l-impunità għal delitti diretti kontra kwalunkwe grupp, sew jekk ikun etniku, reliġjuż jew ta' tip ieħor, inklużi l-minoranzi ta' kull sura; jifhem li, biex it-terrorożmu jkun jista' jiġi miġġieled, il-kawżi aħħarin tiegħu jridu jiġu indirizzati;

17.  Jitlob li l-UE tħeġġeġ lill-awtoritajiet Iraqin jadottaw strateġija nazzjonali biex jittrattaw id-delitti mwettqa minn Da'esh, jaderixxu mal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), jaċċettaw volontarjament il-ġurisdizzjoni tal-QKI li tinvestiga b'mod trasparenti u ġust, u jiżguraw li jingħata rendikont għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, għad-delitti tal-gwerra u għad-delitti kontra l-umanità mwettqa minn Da'esh; jenfasizza l-ħtieġa li ssir prosekuzzjoni kredibbli kontra dawk responsabbli għad-delitti mwettqa minn Da'esh, bil-parteċipazzjoni sinifikanti tal-vittmi u bil-ħolqien ta' reġistru ġudizzjarju eżawrjenti ta' dawn id-delitti; jinsab imħasseb, fl-istess waqt, li ambitu eċċessivament wiesa' għal prosekuzzjonijiet jista' jġib miegħu r-riskju ta' aktar inġustizzji, u b'hekk jimpedixxi r-rikonċiljazzjoni u r-reintegrazzjoni tal-komunitajiet fil-ġejjieni;

18.  Jissottolinja li, fit-taħriġ ta' atturi lokali tal-media fil-ġurnaliżmu għall-paċi, hemm ħtieġa għal għarfien espert estensiv dwar kwistjonijiet relatati mal-media u mal-libertà ta' espressjoni;

19.  Jitlob li l-UE tirrikonoxxi r-responsabbiltà tagħha għal ċittadini tal-UE li marru fl-Iraq biex jieħdu sehem f'delitti mwettqa minn Da'esh u li għandhom ikunu suġġetti għall-istat tad-dritt u jittellgħu l-qorti; jitlob li jitwaqqfu proċeduri ċari bejn l-Iraq u l-Istati Membri rispettivi tal-UE dwar ir-ripatrijazzjoni u r-responsabbiltà legali tal-persuni involuti;

20.  Jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja riforma tas-sistema ġudizzjarja, partikolarment fir-rigward tal-ġustizzja tranżizzjonali, sabiex tiżgura l-konformità mal-istandards internazzjonali dwar proċessi ġusti u l-indipendenza u l-imparzjalità ġudizzjarja, bil-għan li jkun żgurat l-obbligu ta' rendikont fi strutturi governattivi; jitlob ukoll li l-UE taħdem mal-awtoritajiet Iraqin fil-ġlieda kontra l-impunità għal delitti mmirati kontra kwalunkwe grupp, sew jekk ikun etniku, reliġjuż jew ta' tip ieħor, inklużi l-minoranzi ta' kull sura;

21.  Jistieden lill-awtoritajiet Iraqin biex jipprijoritizzaw l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-qerda ta' kull tip ta' vjolenza u ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-vjolenza sessista; jenfasizza, f'dan ir-rigward ,li huwa importanti li titħassar il-liġi li teżonera mill-prosekuzzjoni għal stupru, aggressjoni sesswali, stupru ta' minorenni, ħtif jew atti simili lil perpetratur li jiżżewweġ lill-vittma tiegħu;

22.  Jitlob li l-UE tippromwovi relazzjonijiet tajbin u kostruttivi bejn l-Iraq u l-ġirien tagħha kif ukoll ir-rwol tal-pajjiż bħala kontributur għall-paċi reġjonali; jissottolinja li l-Iraq jaħdem estensivament mal-Istati Uniti u mal-Iran, u li dan l-aħħar tejjeb ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Arabja Sawdija, hekk li potenzjalment l-Iraq jista' jsir punt fokali ta' sforzi reġjonali biex jikkalmaw it-tensjonijiet; jistieden lill-partijiet kollha involuti biex jimplimentaw il-paragrafu 8 tar-Riżoluzzjoni 598 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li titilob li jsir arranġament ta' sigurtà reġjonali bejn l-istati littorali tal-Golf Persjan;

23.  Jitlob li l-UE taħdem mal-awtoritajiet Iraqin fit-tfassil ta' strateġija nazzjonali għall-ħarsien u għall-eżumazzjoni ta' oqbra tal-massa biex oqbra tal-massa f'żoni ta' kunflitti riċenti jiġu ppreservati, bl-għan li l-fdalijiet umani li fihom jiġu eżumati u analizzati forensikament, biex il-vittmi jkunu jistgħu jingħataw difna deċenti jew jiġu rrilaxxati f'idejn il-qraba, u biex tinġabar l-evidenza u tkun tista' ssir investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' każijiet suspettati ta' delittti kontra l-umanità; jitlob ukoll li l-UE u l-Istati Membri jieħdu azzjonijiet sabiex jitwaqqaf b'urġenza grupp ta' esperti li jfittex li jiġbor l-evidenza kollha ta' kull delitt internazzjonali li qed jitwettaq, inkluż il-ġenoċidju, kull fejn dawn id-delitti jistgħu jiġu jitwettqu, bi tħejjija għal prosekuzzjoni internazzjonali tal-persuni responsabbli;

24.  Jitlob li jiġi stabbilit fil-livell dinji jum ta' kommemorazzjoni annwali tal-vittmi tal-atroċitajiet terroristiċi ta' Da'esh, al-Qaeda u organizzazzjonijiet terroristiċi simili;

Kooperazzjoni settorjali

25.  Jissottolinja li flimkien mal-proċess ta' rikostruzzjoni u ta' stabbilizzazzjoni jrid ikun hemm politiki koerenti ta' żvilupp ekonomiku u soċjali li minnu jgawdu l-Iraqin kollha b'mod sostenibbli u inklussiv; jitlob li l-UE taħdem bis-sħiħ mal-awtoritajiet Iraqin sabiex mhux biss tindirizza l-iżbilanċi ekonomiċi u baġitarji, iżda tippromwovi wkoll tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklussiv li jkun kapaċi jiġġenera l-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ, minbarra li jistabbilixxi qafas għall-kummerċ u joħloq ambjent li jiffavorixxi l-investiment; jitlob li l-UE tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-Iraq biex liż-żgħażagħ li tilfu stadji tal-edukazzjoni formali minħabba li sfaw spostati internament minn Da'esh joffrilhom opportunitajiet ta' aċċess għal programmi edukattivi formali li jgħammruhom bl-għarfien u bil-ħiliet ħalli jtejbu l-possibilitajiet tagħhom li jsibu x-xogħol;

26.  Jitlob lill-UE tħeġġeġ u tappoġġja lill-Iraq fid-diversifikazzjoni tal-ekonomija tiegħu;

27.  Jinsab imħasseb dwar ir-rata għolja ta' tluq bikri mill-iskola fost studenti taż-żewġ sessi fl-iskejjel tal-Iraq (kif iddenunzjaw organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jgħidu li 60 % ta' dawk li kienu rreġistrati fl-2015 fl-iskejjel primarji m'għadhomx jattendu); jenfasizza li livelli għolja ta' litteriżmu huma kruċjali biex tinbena paċi pożittiva f'żoni milquta mill-kunflitti;

28.  Jitlob li l-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha fis-setturi tal-edukazzjoni u favur riforma tal-edukazzjoni sabiex tiggarantixxi l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità fil-livelli kollha għal kulħadd, u speċjalment għall-minorenni; jirrikonoxxi l-problema ta' nuqqas ta' aċċess għall-iskejjel għall-bniet minħabba drawwiet, perċezzjonijiet fis-soċjetà, faqar u nuqqas ta' sikurezza; jitlob li l-UE tippromwovi kuxjenza rigward l-edukazzjoni tal-bniet u taħdem mal-Gvern tal-Iraq biex ittejjeb is-sitwazzjoni, billi dan huwa kruċjali biex il-kwalità tal-ħajja tagħhom tittejjeb;

29.  Jitlob li l-UE tiżviluppa opportunitajiet ta' kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza u tar-riċerka, b'mod partikolari kooperazzjoni u sħubijiet bejn l-universitajiet, b'mod partikolari fir-rigward ta' Erasmus+ u opportunitajiet ta' skambju fil-qasam tat-tagħlim u tar-riċerka;

30.  Jitlob li l-UE taħdem fuq il-kooperazzjoni dwar materji kulturali u ssaħħaħha, biex tipproteġi, tippreserva u terġa' tbni l-patrimonju artistiku u kulturali ta' l-Iraq;

31.  Jilqa' l-varar, wara talba mill-awtoritajiet Iraqin u fil-qafas tal-istrateġija Iraqija tas-sigurtà, tal-missjoni maħsuba biex tappoġġja r-riforma tas-settur tas-sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq); jittama li din tgħin biex issaħħaħ l-istituzzjonijiet pubbliċi u tippermetti l-istabbiliment ta' forza tal-pulizija imparzjali u inklussiva; jissottolinja li r-riforma tas-settur tas-sigurtà fl-Iraq hija sfida importanti li għandha tiġi appoġġjata wkoll min-NU; jenfasizza li jeħtieġ li titħeġġeġ id-demobilizzazzjoni tal-milizzji u r-reintegrazzjoni tal-ġellieda bħala parti minn sforz ta' riforma tas-settur tas-sigurtà u permezz ta' programmi mfassla apposta ta' reintegrazzjoni, meta jkunu meħtieġa;

32.  Jitlob li l-UE tipprovdi assistenza teknika msaħħa lill-awtoritajiet tal-Iraq biex jimmaniġġjaw ir-riżorsi naturali sewwa, itejbu l-ġbir tat-taxxi u jnaqqsu l-flussi finanzjarji illeċiti, bl-għan li jiżguraw li l-Iraq ikun jista' jiffinanzja l-iżvilupp tiegħu min ġewwa fiż-żmien medju jnaqqas l-inugwaljanza preżenti fil-popolazzjoni u bejn ir-reġjuni tiegħu; jisħaq fuq il-ħtieġa li s-settur privat u l-investituri jingħataw pariri bil-għan li jissaħħu kemm is-sensittività għall-kunflitti kif ukoll il-kontribut tagħhom għat-tiswir tal-paċi u għall-iżvilupp sostenibbli;

33.  Jitlob li l-UE tistabbilixxi, flimkien mal-Iraq, fil-qafas previst skont il-FSK, djalogu dwar l-aspetti kollha tal-migrazzjoni, u li timplimenta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem biex tindirizza l-migrazzjoni, filwaqt li żżomm quddiem għajnejha l-ħtieġa li ssib soluzzjonijiet fit-tul, effikaċi u vijabbli, għall-ġid taċ-ċittadini sew tal-UE u sew tal-Iraq;

34.  Jenfasizza li l-Iraq huwa sieħeb potenzjalment importanti fl-iżgurar tar-rikostruzzjoni ta' infrastruttura relatata mal-enerġija u ta' aktar diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija għall-Iraq u ta' sorsi ta' forniment għall-UE; jitlob li l-UE, għalhekk, tappoġġja lill-Iraq fit-tranżizzjoni tal-enerġija tagħha u tikkoopera mal-Iraq fl-istabbiliment ta' proġetti komuni u fl-iskambju ta' prattiki tajbin u ta' għarfien tekniku fl-oqsma ewlenin tal-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli, l-ambjent u l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi, inkluż l-ilma, bil-għan, fost l-oħrajn, li taċċelera l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

35.  Ifakkar li n-nisa u l-bniet jintlaqtu b'mod sproporzjonat mill-kunflitt u mill-estremiżmu, u li huma aktar vulnerabbli għall-vjolenza u għall-abbużi, fosthom il-vjolenza sesswali, it-tortura, it-traffikar tal-bnedmin, il-jasar u ż-żwieġ tat-tfal; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi umanitarji u ta' żvilupp tan-nisa u l-bniet, b'mod partikolari f'komunitajiet spostati; jitlob li l-UE tkompli tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-emanċipazzjoni tan-nisa permezz tal-isforzi tagħha favur l-iżvilupp u tenfasizza r-rwol tan-nisa fl-irkupru u fit-tiswir tal-paċi ġewwa l-pajjiż;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fl-agrikoltura tal-Iraq fid-dawl tal-potenzjal għoli tagħha rigward l-impjiegi u tal-importanza tar-ripopolazzjoni taż-żoni rurali, fejn il-popolazzjoni qed tonqos il-ħin kollu minħabba l-kunflitti.

37.  Ifaħħar l-impenn sod tal-Iraq li jissieħeb fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u jitlob lill-Kummissjoni tassisti lill-awtoritajiet tal-Iraq fl-isforzi tagħhom biex il-pajjiż jerġa' jidħol l-ekonomija dinjija u fil-kummerċ dinji;

Ir-relazzjonijiet istituzzjonali

38.  Jinsisti li kull għajnuna mogħtija mill-Unjoni hija suġġetta għal konformità stretta mal-prinċipji tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, u li se tkun akkumpanjata minn proċess ta' evalwazzjoni kostanti, li l-Parlament Ewropew għandu jiġi debitament infurmat dwar ir-riżultati tiegħu bi qbil mal-Artikolu 113 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni;

39.  Jimpenja ruħu li, flimkien mal-Parlament tal-Iraq, jistabbilixxi kumitat t'a kooperazzjoni parlamentari, kif jipprevedi l-FSK, sabiex ikun jista' jagħti bidu għall-attivitajiet tiegħu, fosthom il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġetti ta' kooperazzjoni bejn l-Iraq u l-UE;

40.  Jitlob li l-Grupp tiegħu għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet jinkludi lill-Iraq fil-lista tiegħu ta' pajjiżi prijoritarji għall-2019 u jaħdem fi programmi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Parlament tal-Iraq; jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja dawn il-programmi;

°

°  °

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tar-Repubblika tal-Iraq.

23.5.2018

(1)

ĠU L 204, 31.7.2012, p. 20.

(2)

ĠU C 440, 30.12.2015, p. 83.

(3)

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 77.

(4)

ĠU C 215, 19.6.2018, p. 194.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq

(2010/0310M(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Paavo Väyrynen

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-impenn tal-UE li tipprovdi appoġġ aktar fit-tul lill-pajjiż u l-fatt li l-UE identifikat lill-Iraq bħala pajjiż pilota li fih għandha tiġi indirizzata u mħaddma aħjar ir-rabta bejn il-ħidma umanitarja u l-iżvilupp sabiex titrawwem tranżizzjoni mill-assistenza umanitarja għal rikostruzzjoni u stabilizzazzjoni aktar fit-tul; ifakkar li skont in-NU l-kriżi tal-Iraq hija emerġenza tat-tielet livell u li, bħalissa, 11-il miljun ruħ jeħtieġu assistenza; iħeġġeġ, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, biex l-ewwel nett isaħħu l-isforzi tagħhom kollha biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfidi umanitarji u l-ħtiġijiet umani ewlenin, b'mod partikolari fir-rigward ta' aktar minn tliet miljun persuna spostata internament;

2.  Iħeġġeġ lill-UE tibqa' impenjata fil-qasam tal-assistenza ta' emerġenza fil-pajjiż, b'kont meħud li hemm aktar minn 3 miljun persuna spostata internament fil-pajjiż, li minnhom aktar minn 1,6 miljun persuna qed jgħixu f'kundizzjonijiet iġjeniċi u sanitarji terribbli; jisħaq ukoll fuq il-fatt li madwar nofs il-persuni spostati internament huma minuri u li, minn dawn, 600 000 ma ngħataw ebda forma ta' edukazzjoni;

3.  Jenfasizza li l-faqar huwa mifrux fil-pajjiż u li minkejja li huwa pajjiż bi dħul medju superjuri, is-snin ta' vjolenza, kunflitt u settarjaniżmu dgħajfu b'mod konsiderevoli l-progress fl-iżvilupp; jistieden lill-UE tiffoka l-assistenza tagħha għall-iżvilupp, permezz ta' proġetti mmirati, fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli u l-aktar persuni fil-bżonn, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, iż-żgħażagħ, il-persuni spostati internament u r-refuġjati;

4.  Jisħaq fuq il-punt li l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-aċċess għall-ġustizzja għadhom sfidi importanti u li l-Iraq huwa fost il-pajjiżi li kklassifikaw fl-aħħar pożizzjonijiet fl-indiċi dwar it-trasparenza; jinsisti li l-UE tagħti prijorità lill-implimentazzjoni ta' riformi politiċi u ekonomiċi mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija;

5.  Jinsisti li t-tkabbir sostenibbli u inklużiv għandu jiġi appoġġat skont il-prijoritajiet nazzjonali tal-Iraq fil-qasam tal-iżvilupp;

6.  Jinnota li l-proċessi soċjali u politiċi u d-dinamika fl-Iraq huma ddominati ħafna mill-irġiel u affettwati mill-influwenza eċċessiva ta' mexxejja reliġjużi; jiddeplora l-fatt li dan sikwit jirriżulta fl-esklużjoni tan-nisa u tal-gruppi sekulari mill-interazzjonijiet soċjali;

7.  Jemmen li, waqt it-tranżizzjoni mill-assistenza ta' emerġenza għall-iżvilupp, approċċ fit-tul, l-istabilizzazzjoni, riformi u titjib fl-oqsma tal-governanza tajba u l-obbligu ta' rendikont, l-edukazzjoni u l-iżvilupp ta' ħiliet, l-aċċess għal opportunitajiet ta' għajxien u l-forniment ta' servizzi tas-saħħa u soċjali bażiċi huma oqsma ta' prijorità għall-assistenza għall-iżvilupp; jisħaq ukoll fuq l-importanza ta' riformi li jtejbu l-bilanċ bejn is-sessi u r-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika tal-pajjiż; huwa ħerqan li jirċievi proposti konkreti dwar l-azzjonijiet previsti li jwieġbu għal dawn il-ħtiġijiet u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi evidenza tar-riżultati u l-impatti miksuba fil-qafas tal-programm pluriennali indikattiv 2014-2017;

8.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi appoġġata d-diversifikazzjoni sostenibbli tal-ekonomija tal-Iraq biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-estrazzjoni u l-esportazzjoni ta' materja prima bħaż-żejt mhux maħdum, li ammonta għal 46,8 % tal-esportazzjonijiet tal-pajjiż fl-2016;

9.  Jenfasizza li d-deterjorament tal-ambjent u l-infrastruttura, in-nixfa suċċessiva u d-deżertifikazzjoni kellhom impatt kbir fuq il-popolazzjonijiet rurali u żiedu l-insigurtà tal-ikel u n-nuqqas ta' ilma, b'mod partikolari għall-persuni spostati; jistieden lill-UE taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet tal-Iraq biex dawn tal-aħħar jibdew jużaw u jimmaniġġjaw b'mod aktar effiċjenti u ekwu r-riżorsi naturali;

10.  Jinsab imħasseb dwar ir-rata għolja ta' tluq kmieni mill-iskola fost l-istudenti miż-żewġ sessi mill-iskejjel tal-Iraq (kif iddenunzjaw organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jgħidu li 60 % ta' dawk li kienu rreġistrati fl-2015 fl-iskejjel primarji m'għadhomx jattendu); jenfasizza li livelli għolja ta' litteriżmu huma kruċjali għall-kisba ta' paċi pożittiva f'żoni ta' kunflitt;

11.  Jistieden lill-UE tipprovdi programmi edukattivi dwar il-paċi u l-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u kampanji ta' diżarm biex tintemm il-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-Iraq;

12.  Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni individwali tad-drittijiet tal-bniedem sabiex tingħata spinta lill-armonija bejn il-komunitajiet u biex jiġi skoraġġit li l-milizzji jirreklutaw żgħażagħ, li huma vulnerabbli għall-vjolenza jew l-estremiżmu;

13.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-atturi tal-media lokali jitħarrġu fil-ġurnaliżmu ta' paċi sabiex iħaddnu għarfien espert estensiv fi kwistjonijiet relatati mal-media u l-libertà ta' espressjoni;

14.  Jinsisti li l-għoti tal-għajnuna umanitarja u l-assistenza għall-iżvilupp iridu jkunu bbażati fuq il-ħtiġijiet u ma jkunux partiġjani biex jappoġġaw proċess ta' stabilizzazzjoni u rikostruzzjoni effikaċi, inkluż ir-ritorn sikur f'darhom tal-minoritajiet reliġjużi u tal-gruppi etniċi; jenfasizza li l-atturi esterni, inkluża l-UE, iridu attivament jimmitigaw ir-riskju li l-assistenza tiġi strumentalizzata minn atturi politiċi domestiċi jew allokata b'mod li jiddiskrimina kontra gruppi speċifiċi jew li jipprivileġġahom;

15.  Jitlob li l-UE tiżgura li l-fondi tagħha jiġu investiti fi proġetti li jgħinu lill-popolazzjoni tal-Iraq u li jingħata appoġġ adegwat lill-muniċipalitajiet fil-forniment tagħhom tas-servizzi essenzjali u fil-ħolqien ta' governanza lokali, sabiex tiggarantixxi standards ta' għajxien bażiċi għall-popolazzjoni; jitlob, barra minn hekk, li l-UE tiżgura koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali u l-muniċipalitajiet lokali sabiex tidentifika l-prijoritajiet fil-qasam tal-investiment u biex iżżid l-appoġġ għas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob, b'mod partikolari, li tingħata prijorità lill-finanzjament għal proġetti li jappoġġaw atturi li jippromwovu r-responsabbiltà u l-bidla demokratika, u li jitrawwmu mekkaniżmi ta' djalogu u ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-livell lokali, b'mod partikolari dawk li jinvolvu liż-żgħażagħ;

16.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li l-korruzzjoni fl-Iraq hija mifruxa u sseħħ f'livelli multipli, u li jidher li m'hemm ebda strateġija ċara kif tiġi ttrattata;

17.  Jenfasizza li hemm perċezzjoni ta' nuqqas ta' ġustizzja u l-eżistenza ta' standards doppji fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Iraq; jinnota li l-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Iraq ma jidhrux li qegħdin jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex dawk li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u kriminali oħra jitressqu l-qorti;

18.  Jinnota li r-riforma tas-settur tas-sigurtà fl-Iraq hija sfida importanti li għandha tiġi appoġġata min-NU u mill-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir ħidma favur id-demobilizzazzjoni tal-milizzji u r-riintegrazzjoni tal-ġellieda bħala parti minn riforma tas-settur tas-sigurtà;

19.  Jistieden lill-UE tipprovdi assistenza teknika msaħħa lill-awtoritajiet tal-Iraq għall-ġestjoni tajba tar-riżorsi naturali, għal ġbir tat-taxxa mtejjeb u għat-tnaqqis ta' flussi finanzjarji illeċiti, bl-għan li jiġi żgurat li l-Iraq ikun jista' jiffinanzja l-iżvilupp tiegħu b'mod domestiku għal perjodu medju u jnaqqas l-inugwaljanza preżenti fil-popolazzjoni u bejn ir-reġjuni tiegħu; jisħaq fuq il-ħtieġa li s-settur privat u l-investituri jingħataw pariri bl-għan li jissaħħu kemm is-sensittività għall-kunflitti kif ukoll il-kontribut tagħhom għat-tiswir tal-paċi u għall-iżvilupp sostenibbli;

20.  Jitlob li l-UE tinvesti fl-irkupru u fl-iżvilupp tal-ekonomija lokali, b'mod partikolari billi żżid l-appoġġ għall-intraprenditorija, għall-SMEs u għat-taħriġ vokazzjonali, tippromwovi l-investiment f'oqsma ta' prijorità bħall-enerġija u l-agrikoltura, u tinkoraġġixxi sħubijiet pubbliċi-privati; jemmen li l-ħolqien ta' ambjent pożittiv b'inċentivi għall-iżvilupp tas-settur privat mhux biss se jippermetti li jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-pajjiż, iżda se jgħin ukoll biex joħloq opportunitajiet għall-persuni spostati internament u għar-rifuġjati fir-ritorn tagħhom ma' tmiem il-kunflitt;

21.  Ifakkar li n-nisa u l-bniet huma affettwati b'mod sproporzjonat mill-kunflitt u mill-estremiżmu, u li huma aktar vulnerabbli għall-vjolenza u għall-abbużi, fosthom il-vjolenza sesswali, it-tortura, it-traffikar tal-bnedmin, l-iskjavitù u ż-żwieġ tat-tfal; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi umanitarji u ta' żvilupp tan-nisa u l-bniet, b'mod partikolari f'komunitajiet spostati; jistieden lill-UE tkompli tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-emanċipazzjoni tan-nisa minkejja l-isforzi tagħha favur l-iżvilupp u tenfasizza r-rwol tan-nisa fl-irkupru u fit-tiswir tal-paċi fil-pajjiż;

22.  Jistieden lill-UE ssaħħaħ id-djalogu tagħha mal-atturi tas-soċjetà ċivili tal-Iraq; jenfasizza li hemm bżonn approċċ sensittiv għall-ġeneru fil-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' rikostruzzjoni sabiex in-nisa jkunu inklużi b'mod effettiv;

23.  Jissottolinja li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tridx tkun limitata għal azzjonijiet ripressivi, iżda għandha tkun konsistenti mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u mad-dritt internazzjonali, sabiex tiġi evitata radikalizzazzjoni ulterjuri jew imġedda; jistieden lill-atturi politiċi, tal-iżvilupp, tas-sigurtà u atturi soċjali oħra, biex janalizzaw u jindirizzaw bir-reqqa l-kawżi tar-radikalizzazzjoni, l-estremiżmu vjolenti u r-reklutaġġ ta' terroristi b'mod koerenti;

24.  Jinkoraġġixxi l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta' diżarm, ta' demobilizzazzjoni u ta' riintegrazzjoni fl-Iraq;

25.  Jistieden lill-UE timplimenta programmi li jippermettu lin-nies jipparteċipaw fil-proċessi lokali tat-teħid ta' deċiżjonijiet u ssaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fl-agrikoltura fl-Iraq fid-dawl tal-potenzjal għoli okkupazzjonali tagħha u l-importanza tar-ripopolazzjoni taż-żoni rurali fejn aktar u aktar nies qed jabbandunaw dawn iż-żoni minħabba l-kunflitti.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Titolu

Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq

Referenzi

2010/0310M(NLE)

Kumitat responsabbli

 

AFET

 

 

 

 

Rapporteur għal opinjoni

       Data tal-ħatra

Paavo Väyrynen

12.4.2018

Eżami fil-kumitat

24.4.2018

 

 

 

Data tal-adozzjoni

16.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Mireille D’Ornano, Doru-Claudian Frunzulică, Charles Goerens, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Jean-Luc Schaffhauser, Elly Schlein, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

21

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Charles Goerens, Paavo Väyrynen

EFDD

Ignazio Corrao, Mireille D’Ornano

ENF

Jean-Luc Schaffhauser

PPE

Andor Deli, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Cristian Dan Preda, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko

S&D

Doru-Claudian Frunzulică, Cécile Kashetu Kyenge, Arne Lietz, Juan Fernando López Aguilar, Linda McAvan, Norbert Neuser, Elly Schlein

VERTS/ALE

Maria Heubuch

2

-

GUE/NGL

Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq

Referenzi

2010/0310M(NLE)

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

 

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

 

INTA

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

INTA

23.4.2018

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Tokia Saïfi

4.12.2017

 

 

 

Eżami fil-kumitat

23.4.2018

 

 

 

Data tal-adozzjoni

20.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

3

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Wajid Khan, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Cristian Dan Preda, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Hilde Vautmans

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Andrea Bocskor, Reinhard Bütikofer, Neena Gill, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Jo Leinen, Urmas Paet, Tokia Saïfi, Mirja Vehkaperä, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen, Monika Smolková

Data tat-tressiq

26.6.2018


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

51

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Urmas Paet, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Mirja Vehkaperä

ECR

Amjad Bashir, Bas Belder, Charles Tannock

EFDD

Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade

PPE

Asim Ademov, Michèle Alliot-Marie, Andrea Bocskor, Birgit Collin-Langen, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Eduard Kukan, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Ramona Nicole Mănescu, Alojz Peterle, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, Željana Zovko, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Neena Gill, Ana Gomes, Wajid Khan, Jo Leinen, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Monika Smolková, Elena Valenciano

VERTS/ALE

Reinhard Bütikofer, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Alyn Smith, Jordi Solé

3

-

ENF

Jean-Luc Schaffhauser

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

7

0

ENF

Mario Borghezio

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Miguel Urbán Crespo

NI

James Carver

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Lulju 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza