RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Brażil għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, u għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Moldova għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex, u fir-rigward tal-ewkivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fil-Moldova

12.7.2018 - (COM(2017)0643 – C8-0400/2017 – 2017/0297(COD)) - ***I

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Czesław Adam Siekierski
(Proċedura simplifikata – Artikolu 50(2) tar-Regoli ta' Proċedura)


Proċedura : 2017/0297(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0253/2018
Testi mressqa :
A8-0253/2018
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Brażil għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, u għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Moldova għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex, u fir-rigward tal-ewkivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fil-Moldova

(COM(2017)0643 – C8-0400/2017 – 2017/0297(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0643),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0400/2017),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Frar 2018[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0253/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW[2]*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

DEĊIŻJONI (UE) 2018/...

TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' ...

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika tal-Moldova għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fir-Repubblika tal-Moldova

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

▌Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

▌Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[4],

Billi:

(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE[5] tipprevedi li, taħt ċerti kondizzjonijiet, l-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu għal ċerti uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa fil-pajjiżi terzi elenkati jridu jitqiesu ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu skont il-liġi tal-Unjoni u li, skont ċerti kondizzjonijiet, iż-żerriegħa ta' ċerti speċijiet ta' pjanti tal-għalf, ċereali, pitravi, u pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti f'dawk il-pajjiżi jridu jitqiesu ekwivalenti għaż-żerriegħa prodotta skont il-liġi tal-Unjoni.

(2)  Ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil ('il-Brażil') ressqet talba lill-Kummissjoni biex tagħti ekwivalenza lis-sistema tagħha ta' spezzjonijiet fuq il-post ta' uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, kif ukoll liż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u liż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti u ċċertifikati fil-Brażil.

(3)  Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Brażil, u, abbażi ta' verifika mwettqa fl-2016 dwar is-sistema ta' kontrolli uffiċjali u ta' ċertifikazzjoni ta' pjanti tal-għalf u żerriegħa taċ-ċereali fil-Brażil, u l-ekwivalenza tagħha mar-rekwiżiti tal-Unjoni, ippubblikat il-konklużjonijiet tagħha f'rapport bit-titlu "Rapport finali ta' verifika mwettqa fil-Brażil mill-11 sad-19 ta' April 2016 sabiex tivvaluta s-sistema ta' kontrolli uffiċjali u ta' ċertifikazzjoni taż-żerriegħa, u l-ekwivalenza tas-sistema mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea".

(4)  Wara l-verifika, ġie konkluż li l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa, it-teħid tal-kampjuni, l-ittestjar u l-post-kontrolli uffiċjali taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u taċ-ċereali jitwettqu kif suppost, u jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti rispettivi stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill  66/401/KEE[6] u 66/402/KEE[7]. Barra minn hekk, ġie konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa fil-Brażil huma kompetenti u joperaw b'mod xieraq.

(5)  Ir-Repubblika tal-Moldova ressqet talba lill-Kummissjoni biex tagħti ekwivalenza lis-sistema tagħha ta' spezzjonijiet fuq il-post ta' uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u uċuħ tar-raba' li jipproduċu pjanti taż-żejt u tal-fibra, kif ukoll għaż-żerriegħa taċ-ċereali, iż-żerriegħa tal-ħxejjex u ż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti u ċċertifikati fir-Repubblika tal-Moldova.

(6)  Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tar-Repubblika tal-Moldova, u, abbażi ta' verifika li twettqet fl-2016 dwar is-sistema ta' kontrolli uffiċjali u ta' ċertifikazzjoni taż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra fir-Repubblika tal-Moldova, u l-ekwivalenza tagħha mar-rekwiżiti tal-Unjoni, ippubblikat il-konklużjonijiet tagħha f'rapport bit-titlu "Rapport finali ta' verifika mwettqa fir-Repubblika tal-Moldova mill-14 sal-21 ta' Ġunju 2016 sabiex tivvaluta s-sistema ta' kontrolli uffiċjali u ta' ċertifikazzjoni taż-żerriegħa, u l-ekwivalenza tagħhom mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea".

(7)  Wara l-verifika, ġie konkluż li l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa, it-teħid tal-kampjuni, l-ittestjar u l-post-kontrolli uffiċjali taż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex, u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra jitwettqu b'mod xieraq, u jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti rispettivi stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 66/402/KEE, 2002/55/KE[8] u 2002/57/KE[9]. Barra minn hekk, ġie konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa fir-Repubblika tal-Moldova huma kompetenti u joperaw b'mod xieraq.

(8)  Għaldaqstant, huwa xieraq li tingħata ekwivalenza fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu fir-rigward tal-uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u l-uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali fil-Brażil, u fir-rigward taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil u ċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tiegħu.

(9)  Huwa xieraq ukoll li tingħata ekwivalenza fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu fir-rigward tal-uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra fir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll fir-rigward taż-żerriegħa taċ-ċereali, żerriegħa tal-ħxejjex u żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fir-Repubblika tal-Moldova u ċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tagħha.

(10)  Fl-Unjoni hemm domanda għall-importazzjoni taż-żerriegħa tal-ħxejjex minn pajjiżi terzi, inkluż mir-Repubblika tal-Moldova. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/17/KE tkopri ż-żerriegħa tal-ħxejjex iċċertifikata uffiċjalment kif imsemmi fid-Direttiva 2002/55/KE sabiex tiġi indirizzata d-domanda għal tali żerriegħa li toriġina mir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll minn pajjiżi terzi oħra fil-futur.

(11)  Filwaqt li jitqiesu r-regoli applikabbli tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Ittestjar taż-Żrieragħ (ISTA), huwa xieraq li l-pajjiż terz ikkonċernat jipprovdi dikjarazzjoni uffiċjali li ż-żerriegħa ttieħed kampjun tagħha u ġiet ittestjata skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli Internazzjonali għall-Ittestjar taż-Żrieragħ tal-ISTA ("ir-Regoli tal-ISTA") fir-rigward taċ-Ċertifikati Internazzjonali Oranġjo tal-Lott ta' Żrieragħ, u li l-lottijiet ta' żrieragħ jkunu akkumpanjati minn ċertifikat bħal dan.

(12)  Fid-dawl tal-iskadenza tal-"Esperiment derogatorju dwar it-teħid ta' kampjuni taż-żerriegħa u l-analiżi taż-żerriegħa" li jinsab fl-Anness V(A) għad-Deċiżjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) fit-28 ta' Settembru 2000 dwar l-Iskemi tal-OECD għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Varjetà taż-Żerriegħa li timxi fil-Kummerċ Internazzjonali, jenħtieġ li kwalunkwe referenza għal dak l-esperiment titħassar.

(13)  Jenħtieġ li kwalunkwe referenza għall-Kroazja bħala pajjiż terz titħassar, minħabba l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni fl-2013.

(14)  Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/17/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni 2003/17/KE

Id-Deċiżjoni 2003/17/KE hija emendata kif ġej:

(1)  fl-Artikolu 1, il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:

"L-ispezzjonijiet fuq il-post li jirrigwardaw l-uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa tal-ispeċijiet speċifikati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni mwettqa fil-pajjiżi terzi elenkati f'dak l-Anness għandhom jitqiesu ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa skont id-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, sakemm dawn:";

(2)  l-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 2

Iż-żerriegħa tal-ispeċijiet speċifikati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni, prodotta fil-pajjiżi terzi elenkati f'dak l-Anness u ċċertifikata uffiċjalment mill-awtoritajiet elenkati f'dak l-Anness, għandha titqies ekwivalenti għaż-żerriegħa li tikkonforma mad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt B tal-Anness II għal din id-Deċiżjoni.";

(3)  l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.  Meta żerriegħa ekwivalenti tiġi 'mogħtija t-tikketta mill-ġdid u marbuta mill-ġdid' fil-Komunità, fit-tifsira tal-Iskemi tal-OECD għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Varjetà taż-Żerriegħa li timxi fil-Kummerċ Internazzjonali, għandhom japplikaw b'analoġija d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE fir-rigward tal-għeluq mill-ġdid tal-pakketti prodotti fil-Komunità.

  L-ewwel subparagrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-OECD applikabbli għal tali operazzjonijiet.

(b)  fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(b)  għall-pakketti żgħar tal-KE fit-tifsira tad-Direttivi 66/401/KEE, 2002/54/KE jew 2002/55/KE.";

(4)  l-Annessi għad-Deċiżjoni 2003/17/KE huma emendati skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

ANNESS

L-Annessi I u II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE huma emendati kif ġej:

(1)  l-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)  fit-tabella, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin f'ordni alfabetika:

"BR

Ministry of Agriculture, Livestock and Food Supply

Esplanada dos Ministérios, bloco D

70.043-900 Brasilia-DF

66/401/KEE

66/402/KEE"

"MD

National Agency for Food Safety (ANSA)

str. Mihail Kogălniceanu 63,

MD-2009, Chisinau

66/402/KEE

2002/55/KEE

2002/57/KEE"

;

(b)  fin-nota f'qiegħ il-paġna tat-tabella msemmija fil-punt (a), jiddaħħlu t-termini li ġejjin f'ordni alfabetika: "BR – il-Brażil", "MD – ir-Repubblika tal-Moldova";

(c)  fin-nota f'qiegħ il-paġna ta' dik it-tabella, it-terminu "HR – il-Kroazja" huwa mħassar;

(2)  l-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-punt A, paragrafu 1, jiżdied l-inċiż li ġej:

"▌  iż-żerriegħa tal-ħxejjex, fil-każ tal-ispeċijiet imsemmija fid-Direttiva 2002/55/KE.";

(b)  il-punt B huwa emendat kif ġej:

(i)  fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, jiżdied l-inċiż li ġej:

"▌  iż-żerriegħa tal-ħxejjex, fil-każ tal-ispeċijiet imsemmija fid-Direttiva 2002/55/KE.";

(ii)  fil-paragrafu 2.1, jiddaħħal l-inċiż li ġej wara t-tielet inċiż:

▌"  id-Direttiva 2002/55/KE, Anness II,";

(iii)  il-paragrafu 2.2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.2.  Għall-fini tal-eżami biex jiġi ċċekkjat jekk ġewx sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.1, għandhom jittieħdu kampjuni b'mod uffiċjali jew taħt superviżjoni uffiċjali skont ir-Regoli tal-ISTA, u l-piżijiet tagħhom għandhom jikkonformaw mal-piż stipulat skont dawn il-metodi, filwaqt li jitqiesu l-piżijiet speċifikati fid-Direttivi li ġejjin:

–  id-Direttiva 66/401/KEE, Anness III, kolonni 3 u 4,

–  id-Direttiva 66/402/KEE, Anness III, kolonni 3 u 4,

–  id-Direttiva 2002/54/KE, Anness II, it-tieni linja,

–  id-Direttiva 2002/55/KE, Anness III,

–  id-Direttiva 2002/57/KE, Anness III, kolonni 3 u 4,";

(iv)  il-paragrafu 2.3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

  "2.3.  L-eżami għandu jitwettaq b'mod uffiċjali jew taħt superviżjoni uffiċjali skont ir-Regoli tal-ISTA.";

(v)  il-paragrafu 2.4 huwa mħassar;

(vi)  fl-paragrafu 3.1, it-tieni inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

"−  dikjarazzjoni li ttieħdu kampjuni miż-żerriegħa u ġew ittestjati skont metodi internazzjonali attwali: "Ittieħed kampjun u ġie analizzat f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli Internazzjonali għall-Ittestjar taż-Żrieragħ tal-ISTA fir-rigward taċ-Ċertifikati Internazzjonali Oranġjo tal-Lott ta' Żrieragħ minn …, (isem jew kodiċi tal-membru tal-istazzjon tat-testijiet taż-żrieragħ tal-ISTA)',";

(vii)  il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.  Il-lottijiet ta' żrieragħ għandhom ikunu akkumpanjati minn Ċertifikat Internazzjonali Oranġjo tal-ISTA tal-Lott ta' Żrieragħ li jagħti t-tagħrif marbut mal-kondizzjonijiet fil-paragrafu 2.".

  • [1]  ĠU C 227, 28.6.2018, p. 76.
  • [2] * Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
  • [3]   ĠU C 227, 28.6.2018, p. 76.
  • [4]   Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' ... (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill ta' ...
  • [5]   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-pajjiżi terzi fuq l-uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa prodotta fil-pajjiżi terzi (ĠU L 8, 14.1.2003 p. 10).
  • [6]   Id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta' Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta' żerriegħa ta' pjanti tal-għalf (ĠU 125, 11,7,1966, p. 2298).
  • [7]   Id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta' Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309).
  • [8]   Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta' Ġunju2002 dwar il-marketing ta' żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33).
  • [9]   Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta' pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI

Is-Sur Czesław SIEKIERSKI

President

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

BRUSSELL

Suġġett:  Opinjoni dwar il-bażi ġuridika tal-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Brażil għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, u għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Moldova għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex, u fir-rigward tal-ewkivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fil-Moldova (COM(2017)0643 – C8-0400/2017 – 2017/0297(COD))

Sur President,

Permezz ta' ittra datata l-24 ta' April 2018 inti tlabt lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali biex, skont l-Artikolu 39(2), iqis jekk il-bażi ġuridika tal-proposta tal-Kummissjoni li tidher hawn fuq kinitx xierqa.

Il-Kumitat eżamina l-kwistjoni msemmija hawn fuq waqt il-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2018.

Il-proposta tiddikjara bħala l-bażi ġuridika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), mingħajr ebda speċifikazzjoni ulterjuri u d-dispożizzjonijiet li jinsabu f'erba' direttivi settorjali u li jagħtu s-setgħa lill-Kunsill biex jiddeċiedi dwar l-ekwivalenza (rispettivament, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 66/401; l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 66/402; l-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2002/55; l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2002/571.

I.  L-isfond

Il-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tikkonċerna l-importazzjoni taż-żrieragħ minn pajjiżi li mhumiex fl-UE. Hija tipproponi li l-Brażil u l-Moldova jiżdiedu mal-lista ta' pajjiżi li s-sistemi ta' kontroll tagħhom huma rikonoxxuti fir-rigward ta' ċerti speċijiet ta' żrieragħ. Għal dan il-fini, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE dwar l-ispezzjonijiet u l-ekwivalenza taż-żerriegħa fil-pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea trid tiġi emendata.

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ hija stabbilita f'direttiva orizzontali (id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE dwar il-katalgu komuni) u diversi direttivi settorjali li jkopru tipi speċifiċi ta' wċuħ tar-raba' (pjanti tal-għalf, ċereali, pjanti taż-żejt u tal-fibra, frott, pitravi, eċċ). Barra minn hekk, taħt dawk id-direttivi bosta miżuri ta' implimentazzjoni ġew adottati matul iż-żmien. L-objettiv ta' din il-leġiżlazzjoni huwa li tagħti kontribut lill-produttività agrikola u d-disponibbiltà ta' provvisti billi tiżgura li ż-żrieragħ kummerċjalizzati jkollhom biżżejjed kapaċità ta' ġerminazzjoni u jkunu ħielsa mill-mard. Ir-regola prinċipali hija li ż-żrieragħ jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni biss jekk jappartjenu għal varjetà rreġistrata (li jidhru f'"katalgu") u li huma parti minn lott li jkun ġie ċċertifikat.

Iċ-ċertifikazzjoni għandha l-għan li tiżgura li ż-żrieragħ fil-fatt jappartjenu għall-varjetà li tkun ġiet iddikjarata, li jkunu b'saħħithom u ta' kwalità tajba. Iċ-ċertifikazzjoni ssir minn korpi uffiċjali jew taħt sorveljanza uffiċjali; din tinvolvi "spezzjonijiet fuq il-post", jiġifieri, spezzjonijiet viżwali fl-għelieqi fejn jitkabbru l-uċuħ tar-raba' u fuq lottijiet, kif ukoll it-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar.

Din il-proposta tikkonċerna erba' Direttivi settorjali: id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE dwar it-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa ta' pjanti tal-għalf, id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież, id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE dwar il-marketing ta' żrieragħ tal-ħxejjex u d-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE fuq il-marketing taż-żerriegħa ta' pjanti taż-żejt u tal-fibra.

Dawk l-atti jipprovdu għall-possibbiltà li ż-żerriegħa maħsuda f'pajjiż terz u li għandha l-istess assigurazzjonijiet fir-rigward tal-karatteristiċi u l-eżami tiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti għaż-żerriegħa maħsuda fl-Unjoni, jew li spezzjonijiet fl-għelieqi mwettqa fuq uċuh tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa f'pajjiż terz jiġu kkunsidrati li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-UE. L-erba' direttivi msemmija hawn fuq jipprevedu li l-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddetermina l-pajjiżi terzi li jingħataw ekwivalenza.

Fuq il-bażi ta' dawk id-dispożizzjonijiet, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE (l-att li għandu jiġi emendat bil-proposta attwali) stabbiliet li ċerti żrieragħ - jiġifieri ż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, taċ-ċereali, tal-ħxejjex, u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra - prodotti f'pajjiżi terzi elenkati għandhom jitqiesu ekwivalenti għaż-żrieragħ tal-istess tip prodotti fl-Unjoni u li l-ispezzjonijiet fl-għelieqi fuq uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa mwettqa f'dawk il-pajjiżi jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni. Din id-Deċiżjoni fiha wkoll dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar mill-ġdid u l-irbit mill-ġdid taż-żerriegħa li jsiru fit-territorju tal-Istati Membri. L-Anness I tad-Deċiżjoni jinkludi lista tal-uċuħ tar-raba' u ta' pajjiżi terzi li lilhom tingħata ekwivalenza.

Il-proposta inkwistjoni żżid lill-Brażil mal-lista ta' pajjiżi terzi fir-rigward ta' żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u żrieragħ taċ-ċereali u lill-Moldova fir-rigward taż-żerriegħa taċ-ċereali, iż-żerriegħa tal-ħxejjex u ż-żerriegħa tal-pjanti taż-zejt u tal-fibra. Il-proposta tagħmel ukoll modifiki żgħar fid-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar mill-ġdid u l-irbit mill-ġdid taż-żerriegħa.

II.   Il-bażi ġuridika proposta

Il-proposta għandha bażi ġuridika multipa: it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), mingħajr ebda speċifikazzjoni ulterjuri u d-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-direttivi settorjali[1] u li jagħti s-setgħa lill-Kunsill li jiddeċiedi dwar l-ekwivalenza (rispettivament, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 66/401; l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 66/402; l-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2002/55; l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2002/571.

III.  Id-Dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat

L-Artikolu 43(2) tat-TFUE jaqra:

"Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli prevista fl-Artikolu 40(1) kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd".

IV.   Il-ġurisprudenza u l-għażla tal-bażi ġuridika

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, "L-għażla tal-bażi legali ta' att [tal-Unjoni] għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta' stħarriġ ġudizzjarju [inkluż], b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att".[2] Ir-referenza ġenerika tat-TFUE hija għalhekk insuffiċjenti peress li ma tiddeterminax il-bażi legali, li jipprevjeni lill-Qorti milli tkun f'pożizzjoni li tirrieżamina l-adegwatezza tagħha. Għalhekk, riferiment għat-Trattat b'mod ġenerali kif inhu mhuwiex konformi mar-rekwiżit bażiku stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja f'dan ir-rigward.

Wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-Unjoni Ewropea huwa li hi tikseb is-setgħat mit-Trattat, u li ma tistax jaġixxi fin-nuqqas ta' tali setgħat kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja: "[...] ir-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattati u ma jaqgħux fid-diskrezzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet innifishom, [...] Għalhekk, rikonoxximent lil istituzzjoni tal-possibbiltà li tistabbilixxi bażijiet legali dderivati li jippermettu l-adozzjoni ta' atti leġiżlattivi jew ta' miżuri ta' implementazzjoni, sew fis-sens ta' tisħiħ jew ukoll fis-sens ta' tħaffif tal-modalitajiet għall-adozzjoni ta' att, ikun qed jattribwixxi fil-konfront tagħha setgħa leġiżlattiva li teċċedi dak li huwa previst mit-Trattati [...]"[3] Għalhekk, jekk wieħed jistrieħ fuq direttivi settorjali bħala bażi ġuridika, dan ma jkunx konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u att adottat fuq dik il-bażi jkun invalidu. Il-bażi ġuridika proposta għalhekk tikkostitwixxi każ ta' bażi legali sekondarja illegali.

V.  Il-Kontenut u l-kuntest tal-proposta

Il-proposta tikkonċerna l-importazzjoni taż-żrieragħ. Hija żżid lill-Brażil u l-Moldova mal-lista ta' pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-ekwivalenza tal-UE fir-rigward ta' ċerti speċijiet ta' żrieragħ. B'hekk titwessa' l-perspettiva ta' importazzjoni ta' żrieragħ ta' kwalità għolja. F'dan is-sens, il-proposta għandha l-objettiv li żżid il-produttività agrikola u l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni agrikola. Hija għandha l-objettiv ukoll li tiżgura d-disponibbiltà tal-provvisti. Dawk l-objettivi huma parti mill-Politika Agrikola Komuni u huma stabbiliti fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 39(1) tat-TFUE.

VI.  L-Analiżi u d-determinazzjoni tal-bażi ġuridika xierqa

Kif iddikjarat hawn fuq, it-Trattat biss jista' jservi ta' bażi għall-adozzjoni ta' att bħal dak propost mill-Kummissjoni. Il-leġiżlazzjoni sekondarja msemmija mill-Kummissjoni għaldaqstant hija irrilevanti peress li ma tistax tkun parti mill-bażi ġuridika għall-proposta.

Barra minn hekk, sempliċement riferiment ġeneriku għat-TFUE mhuwiex biżżejjed, iżda l-koleġiżlaturi jeħtiġilhom jemendaw il-proposta billi jistabbilixxu liema dispożizzjoni, meta wieħed iqis l-għan u l-kontenut tal-proposta, għandha sservi bħala l-bażi ġuridika għaliha. Meta jitqies li l-kontenut u l-għan huma, kif stabbilit hawn fuq, li tiġi implimentata l-Politika Agrikola Komuni fir-rigward tal-aspetti stabbiliti fil-proposta, il-bażi ġuridika xierqa għall-proposta hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE.

VII.  Konklużjoni u rakkomandazzjoni

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-bażi ġuridika tal-proposta ma tikkonformax mar-rekwiżiti bażiċi stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li mhijiex determinata fir-rigward tar-riferiment tagħha għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tikkonsisti f'dispożizzjonijiet ta' leġiżlazzjoni sekondarja għall-bqija.

Fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2018 , il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċieda b'mod korrispondenti, unanimament[4], li jirrakkomanda lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali biex iżomm l-Artikolu 43(2) tat-TFUE bħala l-bażi ġuridika tal-proposta.

Dejjem tiegħek,

Pavel Svoboda

  • [1]  Id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE dwar it-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa ta' pjanti tal-għalf; id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież; id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE dwar il-marketing ta' żrieragħ tal-ħxejjex; id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE fuq il-marketing taż-żerriegħa ta' pjanti taż-żejt u tal-fibra.
  • [2]  [nota ta' qiegħ il-paġna]
  • [3]  Is-Sentenza fil-Każ il-Parlament v il-Kunsill (il-Kawżi Magħquda C-14/15 u C-116/15, ECLI:EU:C:2016:715, il-punt 47). Dwar dan il-prinċipju ara wkoll il-Każ il-Parlament v il-Kunsill (il-Każ C-363/14, ECLI:EU:C:2015:579, il-punt 43); il-Parlament v il-Kunsill (il-Kawża C-540/13, ECLI:EU:C:2015:224, il-punt 32); il-Parlament v il-Kunsill (il-Kawżi Magħquda C-317/13 u C-679/13, ECLI:EU:C:2015:223, il-punt 42); il-Parlament v il-Kunsill (il-Kawża C-133/06, ECLI:EU:C:2008:257, il-punti 54 sa 56).
  • [4]  Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Pavel Svoboda (President), Jean-Marie Cavada, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg (Viċi President), Axel Voss (rapporteur għal opinjoni), Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Sergio Gaetano Cofferati, Geoffroy Didier, Angel Dzhambazki, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Angelika Niebler, Evelyn Regner, József Szájer, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Brażil (fuq għelejjel li jipproduċu ż-żerriegħa tal-pjanit tal-għalf u għelejjel li jipproduċu ż-żerriegħa taċ-ċereali, u taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil) u fil-Moldova (fuq għelejjel li jipproduċu ż-żerriegħa taċ-ċereali, għelejjel li jipproduċu ż-żerriegħa tal-veġetali u għelejjel li jipproduċu ż-żerriegħa ta’ pjanti oleaġinużi u tal-fibra, u ż-żerriegħa taċ-ċereali, iż-żerriegħa veġetali u ż-żerriegħa tal-pjanti oleaġinużi u tal-fibra prodotti fil-Moldova)

Referenzi

COM(2017)0643 – C8-0400/2017 – 2017/0297(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

14.11.2017

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AGRI

16.11.2017

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Czesław Adam Siekierski

22.11.2017

 

 

 

Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni

21.2.2018

Bażi legali kkontestata

       Data tal-opinjoni tal-JURI

JURI

20.6.2018

 

 

 

Data tal-adozzjoni

10.7.2018

 

 

 

Data tat-tressiq

12.7.2018

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Lulju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza