RAPPORT dwar ir-rwol tal-Parteċipazzjoni Finanzjarja tal-Impjegati fil-ħolqien tal-impjiegi u fir-riattivazzjoni tal-persuni qiegħda

27.9.2018 - (2018/2053(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Renate Weber


Proċedura : 2018/2053(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0293/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rwol tal-Parteċipazzjoni Finanzjarja tal-Impjegati fil-ħolqien tal-impjiegi u fir-riattivazzjoni tal-persuni qiegħda

(2018/2053(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrikjedi lill-UE tippromwovi livell għoli ta' impjiegi, tiggarantixxi protezzjoni soċjali xierqa, tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll tiżgura livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 bl-isem "Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva" (COM(2016)0356),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2014 bl-isem "Il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea" (COM(2014)0168),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2020 bl-isem "Pjan ta' Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva – qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli" (COM(2012)0740),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bl-isem "Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2012)0573),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bl-isem "Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol[1],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 bl-isem "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir – Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa (COM(2008)0394) u l-Programmi ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2008 u l-2009,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Marzu 2006 bl-isem "L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Trasferiment tan-Negozji – Kontinwità bis-saħħa ta' bidu ġdid" (COM(2006)0117),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2002 bl-isem "Qafas għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati" (COM(2002)0364) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta' Ġunju 2003 dwarha[2],

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturar[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fir-rikavat tal-kumpaniji[4], u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (2013/2127(INI)),

–  wara li kkunsidra l-istudju mitlub mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament bl-isem "Il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fir-rikavat tal-kumpaniji", li ġie ppubblikat f'Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-Rieżami ta' Nofs it-Terminu tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali COM(2017) 292, ippubblikat fit-8 ta' Ġunju 0292,

–  –  wara li kkunsidra l-proġett pilota tal-Kummissjoni bl-isem il-"Promozzjoni tas-sjieda u l-parteċipazzjoni tal-impjegati", li l-verżjoni finali tiegħu ġiet ippubblikata fl-2014,

–  wara li kkunsidra r-Rapport PEPPER IV, bl-isem "Benchmarking of employee participation in profits and enterprise results in the member and candidate Countries of the European Union" (Benchmarking tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-profitti u r-riżultati tal-intrapriżi fil-pajjiżi membri u kandidati tal-Unjoni Ewropea), li ġie ppubblikat f'Ottubru 2009 mill-Università Ħielsa ta' Berlin,

–  wara li kkunsidra r-Rapport PEPPER III, bl-isem "Promotion of employee participation in profits and enterprise results in the New Member and Candidate Countries of the European Union" (Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-profitti u r-riżultati tal-intrapriżi fil-pajjiżi membri ġodda u dawk kandidati tal-Unjoni Ewropea), li ġie ppubblikat f'Ġunju 2006 mill-Università Ħielsa ta' Berlin,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta' Diċembru 2003 tal-grupp ta' livell għoli ta' esperti indipendenti dwar ostakoli transnazzjonali għat-tkabbir tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati f'intrapriżi transnazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-Rapport PEPPER II, bl-isem "Promotion of participation by employed persons in profits and enterprise results (including equity participation) in Member States" (Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni mill-persuni impjegati fil-profitti u r-riżultati tal-intrapriżi (inkluża l-parteċipazzjoni fil-kapital) fl-Istati Membri), li ġie ppubblikat mill-Kummissjoni f'Jannar 1997 (COM(1996)0697),

–  wara li kkunsidra r-Rapport PEPPER I, bl-isem "Promotion of employee participation in profits and enterprise results" (Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-profitti u r-riżultati tal-intrapriżi), li ġie ppubblikat f'Marzu 1991 mill-Kummissjoni u l-Istitut Universitarju Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0293/2018),

A.  billi hemm diversi mudelli ta' parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati (EFP) li minnhom jista' jagħżel min iħaddem: qsim tal-profitti, pjanijiet ta' sjieda ta' ishma għall-impjegati, sjieda ta' ishma għall-ħaddiema f'mudelli kooperattivi u pjanijiet ta' sjieda ta' stokks għall-impjegati (ESOPs);

B.  billi l-aktar mudell tal-EFP xieraq fil-parti l-kbira jrid jintgħażel b'attenzjoni mill-kumpanija individwali u l-ħaddiema tagħha filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-kuntest speċifiku tar-regoli ta' tassazzjoni nazzjonali u settorjali, u fil-biċċa l-kbira jiddependi fuq id-daqs, l-attività u l-istatus tal-kumpanija, speċjalment jekk din tkun elenkata; billi mhuwiex xieraq li jiġi żviluppat mudell komprensiv "wieħed tajjeb għal kulħadd" għall-EFP fil-livell tal-UE;

C.  billi, skont id-data mill-Istħarriġ Ewropew tal-Kumpaniji tal-2013[5], l-iskemi tal-EFP jistgħu jvarjaw ħafna skont il-karatteristiċi tal-kumpanija; billi 62 % tal-istabbilimenti Ewropej jużaw xi forma ta' paga varjabbli, bil-kondiviżjoni tal-profitti fi 30 % tal-każijiet u bil-paga marbuta mal-prestazzjoni tal-grupp f'25 % tal-każijiet; billi skemi ta' sjieda ta' ishma qed jintużaw minn 5 % tal-istabbilimenti; billi dawn l-iskemi EFP huma aktar prevalenti fis-settur privat milli fis-settur pubbliku (b'xi eċċezzjonijiet nazzjonali) kif ukoll f'ċerti setturi ekonomiċi, b'mod partikolari t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjonijiet, il-finanzi, l-assigurazzjoni u l-konsulenza; billi huwa aktar probabbli li kumpaniji akbar jużaw dawn l-iskemi EFP minn intrapriżi żgħar u medji, u dawn l-iskemi huma wkoll ħafna aktar komuni f'kumpaniji ta' kapital barrani jew multinazzjonali u f'kumpaniji li jinstabu f'reġjuni ekonomikament[6] ċentrali jew avvanzati;

D.  billi l-ESOPs huma forma ta' EFP li jużaw entità intermedja kapaċi teżerċita drittijiet tal-vot jew forom oħra ta' governanza f'isem l-impegati, li jistgħu jagħżluhom fuq bażi volontarja;

E.  billi l-iskemi tal-EFP li jinvolvu lill-ħaddiema f'konsultazzjoni jew fit-teħid ta' deċiżjonijiet urew[7] li huma ta' benefiċċju kemm għall-impjegati kif ukoll għall-kumpanija inkluż f'termini ta' governanza sostenibbli, trasparenza, djalogu soċjali, rispett reċiproku bejn l-impjegati u min iħaddem, u aspetti oħra bħar-reklutaġġ, iż-żamma, il-motivazzjoni, is-sodisfazzjoni fl-impjieg u l-iżvilupp tal-ħiliet, kif ukoll il-prestazzjoni globali u l-profittabbiltà;

F.  billi l-parteċipazzjoni tal-impjegati fit-teħid tad-deċiżjonijiet tista' ttejjeb il-prestazzjoni organizzazzjonali u l-kwalità tal-ħajja tax-xogħol tal-impjegati, u billi tista' taġixxi bħala għodda għall-innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol[8] biex tippromwovi sens ta' sjieda, ittejjeb il-fluss tal-informazzjoni fil-kumpanija u ttejjeb il-livelli ta' fiduċja bejn min iħaddem u l-impjegati;

G.  billi l-iskemi tal-EFP jista' jkollhom impatti pożittivi fuq l-ekonomija tal-Istati Membri minħabba li jappoġġaw lill-kumpaniji inkluż lill-SMEs u s-suq tax-xogħol; billi l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-ħaddiema fil-kumpanija tagħhom tista' tikkontribwixxi għas-sodisfazzjon fl-impjieg, is-sens ta' sjieda, ir-rispett reċiproku bejn min iħaddem u l-impjegati u għall-prestazzjoni globali, u tista' tgħin lill-impjegati jsibu opportunitajiet f'pajjiżhom;

H.  billi, fil-kuntest tal-iżvilupp tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), l-EFP tista' tikkontribwixxi għall-objettivi tas-CMU ta' tkabbir inklużiv u ta' trasparenza fl-attività ekonomika; billi l-EFP, jekk tkun marbuta ma' taħriġ għal parteċipanti pprovdut mill-kumpaniji u mill-Istati Membri, tista' ttejjeb l-edukazzjoni finanzjarja fost iċ-ċittadini tal-UE, u b'hekk potenzjalment tnaqqas ir-riluttanza tagħhom li jinvestu, u potenzjalment iżżid l-investiment fil-livell tal-konsumatur;

I.  billi l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u l-Istrateġija Ewropa 2020 jistabbilixxu l-prijoritajiet biex itejbu l-kwalità tal-impjiegi u jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar; billi ż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-impjegati fir-riżultati finanzjarji tal-kumpaniji u l-offerta ta' kumpens aħjar jistgħu jgħinu biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

J.  billi l-EFP trid timxi id f'id ma' livell għoli ta' informazzjoni, taħriġ u konsultazzjoni tal-impjegati sabiex dawn ikunu kompletament konxji tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-iskemi ta' parteċipazzjoni finanzjarja li jistgħu jissieħbu fihom u għalhekk ikunu jistgħu jagħmlu valutazzjoni kompletament infurmata tal-vantaġġi u r-riskji potenzjali ta' dawn l-iskemi, bħal fil-każ ta' falliment tal-kumpanija;

K.  billi permezz tal-EFP, id-djalogu soċjali msaħħaħ u t-teħid tad-deċiżjonijiet strateġiċi, min iħaddem jista' jinvesti f'opportunitajiet għall-iżvilupp tal-forza tax-xogħol tagħhom, u għaldaqstant jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-iżgurar ta' livell għoli ta' taħriġ;

L.  billi bl-involviment tal-impjegati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, skont l-ispeċifiċità tal-iskema, l-EFP tista', f'xi każijiet, tgħin lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, fir-rigward tar-ristrutturar u tal-kontinwità tan-negozju billi tindirizza s-suċċessjoni tal-kumpanija u l-problemi ta' tiġdid ġenerazzjonali, pereżempju f'negozji tal-familja;

M.  billi ta' min jikkunsidra li l-EFP għandha elementi pożittivi u negattivi;

N.  billi l-EFP iġġorr xi riskji finanzjarji, imma tista' taġixxi wkoll bħala ammortizzatur, filwaqt li tippermetti bonuses jew kumpens ieħor u tiżgura li l-ħaddiema jkollhom portafoll ta' ishma mfaddla; billi l-ESOPs b'mod partikolari jistgħu jkunu eżempju ta' mudell ta' akkwiżizzjoni ta' kumpaniji mhux elenkati mill-impjegati fejn il-proċess ta' akkwiżizzjoni prijoritarja jista' jippermetti lill-impjegati jkunu jistgħu potenzjalment jissalvagwardjaw l-impjiegi tagħhom stess meta jkun hemm il-possibbiltà ta' akkwist minn kumpaniji oħra;

O.  billi għalhekk huma meħtieġa miżuri sabiex l-impjegati jiġu protetti u jiġi evitat li jiffaċċjaw riskji bħal pereżempju li jitilfu kemm l-impjieg tagħhom kif ukoll il-kapital investit meta min iħaddimhom jintlaqat minn kriżi; billi l-EFP ma tistax tintuża biex jitnaqqsu id-drittijiet soċjali u dawk tal-impjieg akkwistati mill-impjegati, ma tridx tieħu post il-paga bażika normali, forom oħra ta' remunerazzjoni jew kontribuzzjonijiet għal skemi ta' pensjoni, u ma tridx tkun mod li bih jiġu ttrasferiti r-riskji fuq il-ħaddiem jew biex ma tkunx rispettata l-liġi tax-xogħol;

P.  billi l-parteċipazzjoni tal-impjegati fl-EFP għandha tibqa' volontarja, partikolarment fl-SMEs, filwaqt li ma għandhiex taffettwa l-mobbiltà tagħhom fis-suq tax-xogħol, id-drittijiet tas-sigurtà soċjali jew id-drittijiet tagħhom li jieħdu azzjoni kollettiva; billi l-impjegati għandu għalhekk ikollhom aċċess f'kull ħin għal tagħrif dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpanija, bl-eċċezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħha u ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva, u jkunu informati bil-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' kull skema tal-EFP disponibbli;

Q.  billi l-inċentivi fiskali huma elementi ewlenin sabiex tiġi promossa EFP li tista' tħalli l-frott tagħha fuq medda ta' żmien medju sa twil, meta jitqies li l-pajjiżi li għandhom tradizzjoni twila ta' parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati għandhom ukoll l-aktar sjieda żviluppata għall-impjegati u l-ogħla benefiċċji fiskali;

R.  billi politiki tal-impjieg proattivi, bħall-appoġġ għall-impjieg indipendenti ġenwin u l-intraprenditorija regolari u soċjali, huma għodda kruċjali biex in-nies qiegħda jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tal-Intraprenditorija Ewropew adottat f'Jannar 2013;

S.  billi l-Fond Soċjali Ewropew attwali jippromwovi l-intraprenditorija soċjali u l-ekonomija soċjali u ta' solidarjetà u l-FSE Plus li jmiss għandu jkompli jagħmel dan; billi l-EFP tista' tagħti kontribut siewi għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali u ta' solidarjetà billi, pereżempju, tagħmel l-investiment jew il-finanzjament aktar aċċessibbli;

T.  billi l-EFP tista' tikkomplementa l-programmi tal-UE maħsuba biex itejbu l-aċċess għall-kapital, speċjalment għall-SMEs, bħall-programm COSME, il-programm InnovFin, il-programm Ewropa Kreattiva u l-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej;

U.  billi l-EFP tista' tkun għodda komplementari għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni li jgħin lill-persuni li tilfu l-impjieg tagħhom wara bidliet strutturali kbar ikkawżati mill-globalizzazzjoni jew mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, fir-rigward tal-iżvilupp mill-ġdid tal-ħiliet, ta' taħriġ, ta' għajnuna għall-impjieg indipendenti, għall-ħolqien ta' intrapriżi u għall-irkupru ta' intrapriżi mill-impjegati;

V.  billi l-linji gwida tal-UE għall-EFP jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jiżviluppaw oqfsa għall-iskemi tal-EFP li jistgħu potenzjalment iwasslu għal benefiċċji kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegati u wkoll biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-EFP;

W.  billi l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpanija kkonċernata kif ukoll l-informazzjoni dwar r-riskji marbuta għandhom ikunu disponibbli għall-ħaddiema kkonċernati l-ħin kollu;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra rakkomandazzjonijiet xierqa biex tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-kumpaniji, partikolarment l-SMEs, jiżviluppaw u joffru skemi tal-EFP għall-benefiċċju u fl-interess kemm tal-impjegati kif ukoll tal-kumpaniji; jenfasizza li dawn l-iskemi għandhom:

-  jipproteġu s-sigurtà tad-dħul tal-ħaddiema,

-  ma jisfruttawx lill-ħaddiema f'sitwazzjoni ta' kriżi,

-  ma jittrasferux ir-riskju intraprenditorjali fuq il-ħaddiema;

-  jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni għall-investimenti tal-ħaddiema;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi mhux obbligatorji, inklużi inċentivi tat-taxxa li ma jipprevalux fuq ir-regoli tat-taxxa nazzjonali, f'konformità mal-prinċipji tal-aħjar prattika, meta jkunu qed jippromwovu skemi ta' sjieda għall-impjegati fost il-kumpaniji u l-impjegati, fl-istess waqt jappoġġaw l-ogħla standards ta' protezzjoni soċjali għall-impjegati u jissalvagwardjaw id-dritt tagħhom għal azzjoni kollettiva;

3.  Jissottolinja l-fatt li l-EFP għandha tiġi inkorporata f'sistema li tinvolvi lill-ħaddiema, pereżempju fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpanija, inkluż permezz tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, u li l-EFP ma għandhiex tkun sostitut għal paga ġusta u deċenti, u lanqas m'għandha tkun alternattiva għall-pensjonijiet pubbliċi jew għal skemi ta' pensjonijiet miftiehma kollettivament;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-"pjan ta' azzjoni b'ħames punti" inkluż fir-rapport finali tal-proġett pilota għall-promozzjoni tas-sjieda u l-parteċipazzjoni tal-impjegati mill-2014;

5.  Jirrikonoxxi r-rabta bejn il-miżuri leġiżlattivi fil-livell nazzjonali li jiffavorixxu skemi tal-EFP u l-għadd ta' kumpaniji u impjegati li jużawhom;

6.  Jenfasizza l-ostakli transnazzjonali li jiġu iffaċċjati kemm mill-kumpaniji li joffru dawn l-iskemi f'diversi Stati Membri, kif ukoll mill-impjegati, jiġifieri d-diskrepanzi fil-leġiżlazzjoni u r-riskji tat-tassazzjoni doppja li jistgħu jiġġeneraw spejjeż amministrattivi sostanzjali u jaffettwaw il-libertà ta' moviment tal-ħaddiema, aspett importanti biex jinqered il-qgħad u jittejbu l-konverġenza u l-integrazzjoni fost l-Istati Membri;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu s-sensibilizzazzjoni kif ġie rrakkomandat fir-rapport finali tal-proġett pilota għall-promozzjoni tas-sjieda u l-parteċipazzjoni tal-impjegati mill-2014, jikkapitalizzaw fuq is-sejbiet tal-proġetti ta' riċerka u jħeġġu t-trasferibbiltà transfruntiera tal-aħjar prattiki, u jipproponu sett ta' mudelli ta' appoġġ sempliċi, elementari u bażiċi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu siti web apposta li jkunu jinkludu ftehimiet mudell ta' qsim fil-profitti għall-SMEs u l-VSEs biex jaġevolaw l-implimentazzjoni, kif ukoll informazzjoni dwar ir-riskji marbuta u materjal rilevanti ieħor; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tkompli tiġbor id-data dwar l-użu u l-firxa tal-iskemi ta' parteċipazzjoni finanzjarja, kif ukoll teżamina l-impatt tal-parteċipazzjoni finanzjarja fuq l-operat tal-kumpanija, il-kwalità tax-xogħol u ż-żamma tal-impjiegi tagħha, bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jassistu lill-kumpaniji li juru interess fl-EFP b'soluzzjonijiet u miżuri ta' appoġġ speċifiċi biex jevitaw spejjeż amministrattivi u ta' żvilupp eċċessivi marbuta mal-implimentazzjoni tal-EFP, speċjalment fl-SMEs, u biex jinkoraġġixxu lill-operaturi tal-esternalizzazzjoni bħall-banek u fondi ta' investiment biex jipproponu skemi sempliċi tal-EFP adattati apposta għal din it-tip ta' kumpanija, filwaqt li jiżguraw li l-intermedjarji ma jiħdux vantaġġ mill-iżgħar kumpaniji, u li ma jkunx hemm spejjeż moħbija;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni finanzjarja sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet taċ-ċittadini tal-UE f'dan ir-rigward u titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-implikazzjonijiet tal-EFP;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom fil-bidu tal-proċess mas-sħab soċjali, mal-organizzazzjonijiet u ma' partijiet ikkonċernati oħra dwar is-sjieda tal-ishma tal-impjegati sabiex ifasslu l-aktar oqfsa tal-EFP xierqa, u meta skema tal-EFP titqies rilevanti, jinnegozjawha fuq bażi ta' kull impjant b'mod individwali, filwaqt li jikkunsidraw id-daqs, it-tip ta' kumpanija, il-forza tax-xogħol u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, iżda anki l-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali;

12.  Jirrakkomanda li l-iskemi u l-għodod ta' tfaddil tal-pagi jkunu nnegozjati fil-livell ta' kull fergħa, sabiex ftehimiet standard li jkunu jistgħu jiġu applikati direttament u faċilment ikunu magħmula disponibbli għall-SMEs u l-VSEs;

13.  Jenfasizza li l-EFP għandha tkun miftuħa għall-impjegati kollha fuq bażi nondiskriminatorja, irrispettivament mill-età, il-ġeneru, in-nazzjonalità, l-arranġamenti tax-xogħol full-time / part-time, eċċ.;

14.  Iżid jgħid li d-differenzazzjoni bejn l-impjegati tista' tiġi ġġustifikata sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet u l-interessi differenti tal-impjegati, bħal pjanijiet ta' ishma ristretti li jkunu limitati għad-diriġenti;

15.  Jikkunsidra li l-ESOPs għandhom jippermettu wkoll li l-impjegati jużaw il-kont tal-ESOP għal ekwità oħra għajr dik ta' min attwalment iħaddimhom, sabiex b'hekk jiġi mmitigat ir-riskju ta' konċentrazzjoni, b'mod partikolari għal SMEs;

16.  Ifakkar li d-deċiżjoni ta' sħubija ma' skemi tal-EFP għandha tkun għalkollox volontarja, li jfisser li ma għandha tittieħed ebda azzjoni kontra impjegati li jiddeċiedu li ma jingħaqdux u meta jkun hemm qbil, il-parteċipazzjoni tagħhom għandha tkun ibbażata fuq taħriġ xieraq u l-kunsens infurmat tal-impjegati, li jkollhom għarfien sħiħ tal-intitolamenti, l-obbligi u r-riskji, tas-sitwazzjoni tal-kumpanija, tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' kull skema, u tal-effetti tat-tassazzjoni meta jissieħbu mal-iskema u tal-kundizzjonijiet li japplikaw meta huma jitilqu l-kumpanija jew l-iskema;

17.  Jikkunsidra li l-EFP m'għandhiex tissostitwixxi jew tnaqqas ir-remunerazzjoni ta' bażi normali jew xi forma oħra ta' kontribuzzjoni bħall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, iżda trid tkun komplementarja għad-drittijiet soċjali u kuntrattwali kollha, u din tkun prekundizzjoni biex tiġi implimentata EFP;

18.  Jemmen li għandhom jiġu żviluppati aktar rabtiet bejn l-EFP u l-ekonomija soċjali, speċjalment permezz ta' programmi bħall-Ewropa Kreattiva, li toffri mikrokrediti sa EUR 25 000 lil kumpaniji żgħar u negozji soċjali;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-evoluzzjoni u l-bidla rapida tas-suq tax-xogħol u l-isfidi konsegwenti li jirrigwardaw il-ħiliet, id-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni, l-inugwaljanzi fil-ġid u l-qtugħ tas-sigurtà soċjali, kif ukoll il-ħolqien kontinwu ta' opportunitajiet ġodda li jappoġġaw u jipproteġu lill-ħaddiema u jippermettulhom jadattaw u jiżviluppaw professjonalment u personalment;

20.  Jenfasizza r-rwol importanti li jista' jkollha l-EFP fl-iżvilupp tal-intraprenditorjat u l-kultura tal-intraprenditorija billi tiffaċilita r-riċerka u l-aċċess għall-kapital, l-aktar għan-negozji ġodda;

21.  Jenfasizza li għalkemm il-mikrointrapriżi għandhom rwol importanti fl-ekonomija tal-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, għadha ma ġiet implimentata l-ebda miżura ta' appoġġ għas-sjieda tal-ishma tal-impjegati;

22.  Jilqa' l-inizjattivi mmexxija mid-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni, bħad-DĠ EMPL, FISMA u GROW, li jappoġġaw l-impjiegi, l-SMEs u l-unjoni tas-swieq kapitali, u jitlob approċċ ikkoordinat biex ir-riżorsi disponibbli jintużaw bl-aħjar mod, filwaqt li jfakkar li l-benefiċjarju aħħari huwa ċ-ċittadin Ewropew;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.
  • [2]  ĠU C 68E, 18.3.2004, p. 429.
  • [3]  ĠU C 440, 30.12.2015, p. 23.
  • [4]  ĠU C 482, 23.12.2016, p. 41.
  • [5]  It-Tielet Stħarriġ Ewropew tal-Kumpanniji, Eurofound, 2013.
  • [6]  Changes in remuneration and reward systems (Tibdil f'sistemi ta' remunerazzjoni u ta' kumpens).
  • [7]  Stħarriġ ekonomiku annwali tas-sjieda ta' ishma għall-impjegati f'pajjiżi Ewropej.
  • [8]  Workplace Innovation in European companies (Innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol fil-kumpaniji Ewropej), Eurofound 2016

NOTA SPJEGATTIVA

Fl-aħħar 30 sena, il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati (EFP) żviluppat ħafna madwar l-Ewropa. Fl-2018, hemm madwar 10 miljun azzjonist impjegat fl-Ewropa u 20 pajjiż tal-UE għandhom xi tip ta' regolamentazzjoni ta' inċentivi tal-EFP[1]. Is-sena 2017 kienet sena ta' rekord għall-EFP, fejn kien hemm kważi EUR 400 biljun miżmuma mill-impjegati[2].

Madankollu, l-iżvilupp tas-sjieda ta' ishma għall-impjegati mhuwiex ibbilanċjat ġeografikament fi ħdan l-Unjoni Ewropea, b'distakk ta' 30-40 sena bejn il-pajjiżi Ewropej li avvanzaw f'dan ir-rigward u dawk li għadhom lura. Dawn id-differenzi bejn l-Istati Membri jistgħu jiġu spjegati mill-eżistenza ta' leġiżlazzjonijiet adegwati jew min-nuqqas tagħhom. Pereżempju, f'ċerti pajjiżi bħar-Repubblika Ċeka, l-Estonja jew is-Slovakkja, is-sjieda ta' ishma għall-impjegati m'għandhiex rwol prinċipali fl-ekonomija, u ftit li xejn ġew implimentati politiki mill-Istat Membru. Għall-kuntrarju ta' dan, jistgħu jiġu osservati inċentivi fiskali sinifikanti li jiffavorixxu s-sjieda ta' ishma għall-impjegati fi 15-il pajjiż tal-UE (12 biss fl-2015), bħal Spanja, Franza, l-Iżvezja jew Ċipru. Pajjiżi oħra wkoll jipprovdu qafas legali għal skemi ta' sjieda għall-impjegati iżda mingħajr l-ebda inċentiv fiskali[3].

Is-sjieda ta' ishma għall-impjegati għandha l-potenzjal li tistabbilizza l-ekonomija Ewropea inġenerali. L-istudji mill-Istati Uniti juru biċ-ċar li l-kumpaniji li joffru lill-impjegati tagħhom proporzjon tal-kapital tan-negozju joħolqu aktar impjiegi minn kumpaniji li ma jkollhomx l-istess strumenti fis-seħħ. L-azzjonisti impjegati jakkumulaw aktar assi għal skopijiet ta' rtirar, jirċievu pagi aħjar u għandhom inqas probabbiltà li jispiċċaw qiegħda meta mqabbla ma' impjegati oħra. Peress li l-introjtu tal-unitajiet domestiċi privati bħalissa jiddependi ħafna fuq il-pagi, l-azzjonisti impjegati jibbenefikaw minn żieda fl-introjti mill-kapital, li jnaqqas l-inugwaljanza fil-ġid fis-soċjetà[4].

L-ESOPs, pereżempju fl-Istati Uniti, instab li jagħtu spinta lill-bejgħ u lill-impjiegi b'aktar minn 2 %[5] fis-sena meta mqabbel ma' kumpaniji simili mingħajr ESOPs. Il-produttività tiżdied b'sa massimu ta' 4-5 % fuq medja fis-sena meta jiġi adottat ESOP[6]. Fl-Ewropa, ġie ppruvat ukoll li l-prestazzjoni soċjali ta' kumpanija li jkollha sjieda ta' ishma għall-impjegati hija 52 % ogħla milli f'kumpaniji li la għandhom ESOP u lanqas pjan ta' tfaddil għall-impjegati[7].

Id-domanda għal EFP qiegħda tikber fl-UE u din uriet il-benefiċċji tagħha[8]. Sett ċar ta' linji gwida ġenerali u sempliċi tal-UE jippermetti kundizzjonijiet ekwi għall-użu tal-EFP u l-firxa tal-benefiċċji tagħha madwar l-Ewropa.

L-istudju dwar il-promozzjoni tas-sjieda u tal-parteċipazzjoni tal-impjegati, li ħareġ fl-2014, analizza firxa ta' għażliet ta' politika, inkluż pjan ta' azzjoni ta' ħames punti: 1. Tnedija ta' Ċentru Virtwali, 2. Stabbiliment ta' Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni, 3. Implimentazzjoni ta' Programm ta' Azzjoni biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni, 4. Tnedija ta' Kodiċi ta' Kondotta, 5. Proposta leġiżlattiva għal Reġim Komuni Ewropew Fakultattiv[9].

L-istrateġija UE-2020 dwar tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tenfasizza l-ħtieġa ta' tkabbir inklużiv li, fost affarijiet oħra, jirresponsabbilizza liċ-ċittadini permezz tal-impjiegi, l-investiment fil-ħiliet, il-ġlieda kontra l-faqar, u l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali. L-EFP toffri mezzi tanġibbli f'dan ir-rigward billi tinvolvi aktar lill-ħaddiema fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-kumpaniji li jaħdmu għalihom, filwaqt li tgħin issaħħaħ il-ħiliet u l-impjegabbiltà tagħhom, tiżgura sehem tal-benefiċċji finanzjarji u tiġġieled kontra l-konċentrazzjoni tal-kapital, issib xogħol lin-nies qiegħda u toħloq l-impjiegi. Jekk ngħaqqduha flimkien ma' għodod tal-ekonomija soċjali, bħall-mikrokreditu biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-impjiegi u jiġu evitati rilokazzjonijiet, l-SMEs jingħataw appoġġ fis-suċċessjoni tan-negozju, aċċess għall-kapital u għal ħaddiema tas-sengħa, żgur li se jkun hemm riżultati pożittivi.

Madankollu, il-parteċipazzjoni ġenerali fl-iskemi tal-EFP għadha relattivament baxxa. Minkejja ż-żieda fl-interess, 68 % tad-ditti fl-UE ma joffru l-ebda tip ta' skema tal-EFP[10]. Mingħajr ma jitlob strumenti leġiżlattivi ġodda fil-livell tal-UE, dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja għandu l-għan li jistimula l-iżvilupp tal-EFP fl-Ewropa billi:

- jenfasizza l-potenzjal ta' dawn l-iskemi kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddimhom fir-rigward tat-tkabbir u tal-protezzjoni soċjali, flimkien mal-ostakli li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġ li jaħdmu fuqhom;

- jissuġġerixxi għadd ta' miżuri li jistgħu jittieħdu fil-livell tal-Unjoni biex jiffaċilitaw l-EFP, bħall-ħtieġa għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni, pjattaformi ta' skambji tal-aħjar prattiki, edukazzjoni finanzjarja taċ-ċittadini, aktar trasparenza u informazzjoni, aktar inċentivi u riflessjoni fuq l-ostakli transnazzjonali.

  • [1]  Stħarriġ ekonomiku annwali tas-sjieda ta' ishma għall-impjegati fil-pajjiżi Ewropej fl-2016, FEDERAZZJONI EWROPEA TAS-SJIEDA TA' ISHMA GĦALL-IMPJEGATI (EFES), 2017
  • [2]  Stħarriġ ekonomiku annwali tas-sjieda ta' ishma għall-impjegati fil-pajjiżi Ewropej fl-2017, EFES, 2018
  • [3]  Id-dokument ta' pożizzjoni tal-EFES bħala rispons għall-konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tas-CMU tal-2017 bl-isem "Employee share ownership for building the Capital Market Union – Again the need for a European Action Plan" (Sjieda ta' ishma għall-impjegati biex tinbena l-Unjoni tas-Swieq Kapitali: il-ħtieġa għal Pjan ta' Azzjoni Ewropew).
  • [4]  Employee Share Ownership as Pivotal Part of the Capital Markets Union (Sjieda ta' Ishma għall-Impjegati bħala Parti Kruċjali tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali), Deutsches Aktieninstitut e.V., Dokument ta' Pożizzjoni, 16 ta' Marzu 2017
  • [5]  https://www.nceo.org/articles/research-employee-ownership-corporate-performance
  • [6]  https://www.nceo.org/articles/research-employee-ownership-corporate-performance
  • [7]  http://archives.strategie.gouv.fr/cas/system/files/na210-performancesociale-2011-02-21_0.pdf
  • [8]  "The Promotion of Employee Ownership and Participation" (Il-Promozzjoni tas-Sjieda u tal-Parteċipazzjoni tal-Impjegati), 2014, http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/modern/141028-study-for-dg-markt_en.pdf
  • [9]  Promotion of employee ownership and participation proposals for the European action plan (Il-promozzjoni ta' proposti ta' sjieda u parteċipazzjoni tal-impjegati għall-pjan ta' azzjoni Ewropew), EFES, 2014,http://www.efesonline.org/EUROPEAN%20COMMISSION/2015/EFES%20Proposals%20for%20the%20European%20Action%20Plan.pdf
  • [10]  Presentation on the Pilot Project on Promotion of Employee Ownership and Participation (Preżentazzjoni tal-Proġett Pilota dwar il-Promozzjoni tas-Sjieda u l-Parteċipazzjoni tal-Impjegati), 2014, http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201411/20141107ATT92852/20141107ATT92852EN.pdf

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.9.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Michael Detjen, Geoffroy Didier, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Marian Harkin, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Javi López, Thomas Mann, Anthea McIntyre, Miroslavs Mitrofanovs, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Dennis Radtke, Robert Rochefort, Renate Weber, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Georges Bach, Amjad Bashir, Lynn Boylan, Deirdre Clune, Rosa D’Amato, Eduard Kukan, Paloma López Bermejo, António Marinho e Pinto, Anne Sander, Birgit Sippel, Helga Stevens, Neoklis Sylikiotis, Csaba Sógor, Monika Vana, Flavio Zanonato

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Anna Hedh, Marco Valli

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

41

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Martina Dlabajová, Marian Harkin, António Marinho e Pinto, Robert Rochefort, Renate Weber

ECR

Amjad Bashir, Anthea McIntyre, Helga Stevens, Jana Žitňanská

EFDD

Rosa D'Amato, Marco Valli

GUE/NGL

Lynn Boylan, Rina Ronja Kari, Paloma López Bermejo, Neoklis Sylikiotis

PPE

Georges Bach, David Casa, Deirdre Clune, Geoffroy Didier, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Eduard Kukan, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Dennis Radtke, Anne Sander, Csaba Sógor

S&D

Maria Arena, Guillaume Balas, Ole Christensen, Michael Detjen, Anna Hedh, Agnes Jongerius, Javi López, Emilian Pavel, Birgit Sippel, Flavio Zanonato

VERTS/ALE

Jean Lambert, Miroslavs Mitrofanovs, Monika Vana

0

-

 

 

1

0

NI

Lampros Fountoulis

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Ottubru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza