RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni li saret min-Netherlands – EGF/2018/001 NL/Attivitajiet ta' servizzi finanzjarji

27.9.2018 - (COM(2018)0548 – C8-0392/2018 – 2018/2220(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Ivana Maletić

Proċedura : 2018/2220(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0294/2018
Testi mressqa :
A8-0294/2018
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni li saret min-Netherlands – EGF/2018/001 NL/Attivitajiet ta' servizzi finanzjarji

(COM(2018)0548 – C8-0392/2018 – 2018/2220(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0548 – C8-0392/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0294/2018),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji bħala appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja għandha tkun dinamika u għandha ssir disponibbli bl-akbar ħeffa u effiċjenza possibbli;

C.  billi n-Netherlands ippreżentaw l-applikazzjoni EGF/2018/001 NL/Attivitajiet ta' servizzi finanzjarji għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 1 324 sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 64 tan-NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet ta' servizzi finanzjarji, minbarra l-finanzjament ta' assigurazzjoni u ta' pensjonijiet), fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' NL 12 - Friesland, NL 13 - Drenthe u NL 21 - Overijssel fin-Netherlands, l-ewwel applikazzjoni f'dan is-settur ekonomiku mit-twaqqif tal-FEG;

D.  billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jkun hemm tal-anqas 500 sensja matul perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'impriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit f'Diviżjoni ta' NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li n-Netherlands għandhom id-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 192 500 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 987 500;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Netherlandiżi ppreżentaw l-applikazzjoni fit-23 ta' Frar 2018, u li, wara li n-Netherlands taw informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fl-20 ta' Lulju 2018 u nnotfikatha lill-Parlament fl-20 ta' Awwissu 2018;

3.  Jinnota li n-Netherlands isostnu li s-sensji huma marbuta mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u mal-impatt tagħha fuq is-servizzi u l-funzjonament tal-banek Netherlandiżi; jagħraf li l-ambjent ta' rati baxxi tal-imgħax, introdott bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, il-kundizzjonijiet regolatorji aktar stretti, u t-tnaqqis sostanzjali fis-suq ipotekarju u fil-forniment ta' kreditu għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) ikkawżaw dejjem inqas profittabbiltà u ħolqu ħtieġa urġenti għal tnaqqis fl-ispejjeż; jiddispjaċih li b'riżultat ta' dan, il-banek naqqsu l-persunal tagħhom, prinċipalment billi għalqu uffiċċji reġjonali u billi qalbu għal servizzi bankarji online;

4.  Jirrikonoxxi li, għalkemm seħħ xi ftit rkupru f'dawn l-aħħar snin, is-self fis-suq ipotekarju għadu aktar baxx milli kien qabel il-kriżi finanzjarja;

5.  Jiddispjaċih li s-setturi finanzjarji fi Stati Membri oħra qed jiffaċċjaw pressjonijiet simili; jirrikonoxxi li, f'xi każijiet, is-sensji jistgħu jinfirxu fuq perjodu twil wisq biex jissodisfaw il-kriterji tal-FEG; jistieden, madankollu, lill-gvernijiet tal-Istati Membri jikkunsidraw jekk il-FEG jistax jaqdi rwol utli biex l-impjegati jkunu jistgħu jaġġustaw għal dawn il-bidliet;

6.  Ifakkar li huwa mistenni li s-sensji li ngħataw f'20 intrapriża li joperaw fis-settur bankarju Netherlandiż jeżerċitaw pressjoni negattiva konsiderevoli fuq l-ekonomija lokali, li l-qgħad fit-tliet provinċji koperti mill-applikazzjoni (Friesland, Drenthe u Overijssel) hija ogħla mill-medja nazzjonali, u li l-impatt tas-sensji huwa marbut mad-diffikultajiet ta' riallokazzjoni minħabba l-iskarsezza tal-impjiegi, il-livell baxx ta' edukazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, u l-għadd kbir ta' persuni li qed ifittxu impjieg;

7.  Jinnota li l-applikazzjoni tikkonċerna lil 1 324 ħaddiem li ngħataw is-sensja; isaqsi, madankollu, għala biss 450 minnhom se jkunu fil-mira tal-miżuri proposti; jirrileva l-fatt li l-maġġoranza tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma nisa (59 %), li huma parti mill-persunal amministrattiv jew receptionists; jinnota wkoll li 27 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom aktar minn 55 sena; jirrikonoxxi, fid-dawl ta' dan, l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG biex jitjiebu l-possibbiltajiet ta' reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi vulnerabbli;

8.  Jilqa' d-deċiżjoni tan-Netherlands li jiffokaw l-assistenza fuq gruppi vulnerabbli u jgħinu lin-nies ibiddlu l-professjoni, is-settur jew ir-reġjun, inkluż l-għoti ta' taħriġ għas-settur tal-bejgħ bl-imnut u għal profili okkupazzjonali ġodda, bħat-trasport, is-servizzi tal-IT u l-professjonijiet tekniċi, li joffru opportunitajiet akbar ta' xogħol;

9.  Jinnota li n-Netherlands qed jippjanaw seba' tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma koperti minn din l-applikazzjoni: (i) ammissjoni, (ii) għajnuna fit-tiftix ta' impjieg, (iii) riżerva ta' mobilità, (iv) taħriġ u kkowċjar għall-promozzjoni tal-intraprenditorija, (v) taħriġ u taħriġ mill-ġdid, (vi) assistenza għar-rikollokament, (vii) għotjiet għall-promozzjoni tal-intraprenditorija;

10.  jinnota li r-riżerva ta' mobilità hija responsabbli għal kważi 30 % tal-pakkett totali ta' servizzi personalizzati; jifhem li dan jinvolvi kkowċjar għal nies li, għajr hekk, ikollhom diffikultà biex isibu impjieg;

11.  Jirrikonoxxi li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni mill-qrib ma' partijiet ikkonċernati u ma' sħab soċjali bħall-Assoċjazzjoni Bankarja tan-Netherlands (NVB), il-Federazzjoni tat-Trade Unions tan-Netherlands (FNV) u l-Federazzjoni Nazzjonali tat-Trade Unions Insara (CNV);

12.  Jenfasizza li l-awtoritajiet Netherlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

13.  Itenni li jeħtieġ li l-assistenza mill-FEG ma tiħux post azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, jew miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jipprovdu aktar dettalji, fi proposti futuri, dwar is-setturi li jkollhom prospettivi ta' tkabbir, u li għalhekk aktarx jirreklutaw in-nies, kif ukoll biex jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' reintegrazzjoni miksuba permezz tal-FEG;

15.  Ifakkar li, fi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament, id-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol fil-ġejjieni u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fih, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

16.  Ifakkar fit-talba tiegħu li l-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

17.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni li saret min-Netherlands – EGF/2018/001 NL/Attivitajiet ta' servizzi finanzjarji

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[2], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem "FEG") għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-rintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[3].

(3)  Fit-12 ta' Ġunju 2018, in-Netherlands ippreżentaw applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji f'20 impriża li joperaw fis-settur bankarju fir-reġjuni li ġejjin: Friesland, Drenthe u Overijssel fin-Netherlands. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. L-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  Għaldaqstant, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 192 500 għall-applikazzjoni ppreżentata min-Netherlands.

(5)  Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stabbilit għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 192 500 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha][4]*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

  • [1]   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [3]   Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
  • [4] *   Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.

NOTA SPJEGATTIVA

I.  Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva tal-applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II.  L-applikazzjoni tan-Netherlands u l-proposta tal-Kummissjoni

Fl-20 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur in-Netherlands bħala appoġġ għar-rintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn għoxrin intrapriża li joperaw fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 64 ta' NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet ta' servizzi finanzjarji, minbarra l-finanzjament ta' assigurazzjoni u ta' pensjonijiet). Is-sensji jinsabu fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' NL 12 - Friesland, NL 13 - Drenthe u NL 21 - Overijssel fin-Netherlands. Il-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fl-20 ta' Awwissu 2018.

Din hija s-seba' applikazzjoni li se tkun eżaminata fil-qafas tal-baġit tal-2018, u l-ewwel waħda fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 64 ta' NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet ta' servizzi finanzjarji, minbarra l-finanzjament ta' assigurazzjoni u ta' pensjonijiet) minn meta twaqqaf il-FEG. Tirrigwarda 1 324 ħaddiem li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 192 500 mill-FEG għan-Netherlands.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-23 ta' Frar 2018 u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-4 ta' Mejju 2018. Il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fl-20 ta' Lulju 2018 u kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG.

In-Netherlands isostnu li s-sensji huma marbuta mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u mal-impatt tagħha fuq is-servizzi u l-funzjonament tal-banek tan-Netherlands, b'mod partikolari l-ambjent b'rati ta' mgħax baxxi, introdott bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, il-kundizzjonijiet regolatorji aktar stretti, it-tnaqqis sostanzjali tas-suq ipotekarju u fil-provvista ta' kreditu għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li kkawżaw tnaqqis fil-profittabbiltà u ħolqu ħtieġa urġenti għal tnaqqis fl-ispejjeż. B'riżultat ta' dan, il-banek naqqsu l-persunal tagħhom, prinċipalment billi għalqu uffiċċji reġjonali (50% tal-uffiċċji reġjonali għebu bejn l-2004-2014) u billi qalbu għal servizzi bankarji online.

Il-qgħad fit-tliet reġjuni fejn is-sensji seħħew huwa ogħla mill-medja nazzjonali ta' 5.4 % (fi Friesland hija 10.8 %, fi Drenthe 7 % u f'Overijssel 6.3 %). Dawn it-tliet reġjuni mhumiex industrijalizzati u ddiversifikati daqs reġjuni oħra fin-Netherlands, u l-biċċa l-kbira mill-kumpaniji huma SMEs u r-riallokazzjoni fl-istess settur hija diffiċli.

Il-maġġoranza tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma nisa (59 %) b'livelli ta' edukazzjoni baxxi jew medji, bħal persunal amministrattiv u receptionists. 27 % mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom aktar minn 55 sena. Il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG huma aktar u aktar importanti biex itejbu l-possibbiltajiet ta' rintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi vulnerabbli.

Is-seba' tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:

–  Ammissjoni: din il-miżura se tqassam lill-parteċipanti skont il-kapaċitajiet, il-potenzjalitajiet u l-prospetti għal impjieg tagħhom. Kull ammissjoni se tiġi konkluża b'parir.

–  Għajnuna għat-tiftix ta' impjieg: din il-miżura se tibda b'offerta għal programm personalizzat. Fost l-oħrajn, se tinkludi tħejjija ta' dokumenti ta' trasferiment, taħriġ intensiv għall-applikazzjoni għal impjiegi, l-organizzazjoni ta' swieq tax-xogħol u kkuntattjar estensiv ta' impjegaturi.

–  Riżerva ta' mobilità: din il-miżura tikkonsisti minn riżerva flessibbli għal persuni li jkunu qed ifittxu impjieg u impjegaturi li jkollhom disponibbli impjiegi temporanji. Se jitwaqqfu riżervi ta' mobilità reġjonali, speċjalizzati għal dawk li kienu jaħdmu fis-settur bankarju. Din il-miżura se tipprovdi esperjenza ta' xogħol lill-ħaddiema (mħarrġa mill-ġdid) u se tgħinhom jippreżentaw lilhom infushom lil impjegaturi oħra.

–  Taħriġ u kkowċjar għall-promozzjoni tal-intraprenditorija: din il-miżura se tipprovdi taħriġ u kkowċjar lill-parteċipanti li jibdew in-negozju tagħhom stess, billi tiżviluppa l-ħiliet tagħhom, tabbozza pjan sostenibbli tan-negozju u tiggwidahom matul il-proċeduri leġiżlattivi.

–  Taħriġ u taħriġ mill-ġdid: din il-miżura se tipprovdi taħriġ, taħriġ mill-ġdid u faċilitajiet edukattivi oħrajn, kemm għas-settur tal-bejgħ bl-imnut, kif ukoll għal profili okkupazzjonali ġodda, bħat-trasport, is-servizzi tal-IT, professjonijiet tekniċi u oħrajn.

–  Għajnuna għar-rikollokament: din il-miżura se toffri orjentazzjoni lejn l-impjiegi, konsulenza dwar ix-xogħol u taħriġ f'kompetenzi.

–  Għotjiet għall-promozzjoni tal-intraprenditorija: din il-miżura se tipprovdi għotja biex jiġu koperti l-kostijiet ta' investiment, jekk il-parteċipant jikseb il-ħiliet neċessarji u jkollu pjan tan-negozju sostenibbli.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol skont l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jiħdux post miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet tan-Netherlands ipprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:

– il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom,

– hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u f'dik tal-UE rigward is-sensji kollettivi,

– l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

– l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

– il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat.

In-Netherlands avżaw lill-Kummissjoni li s-sors ta' prefinanzjament jew kofinanzjament nazzjonali huma l-fondi tal-Aġenzija għall-Assigurazzjoni tal-Impjegati (UWV), il-provinċji, il-fondi edukattivi u l-fondi tas-sħab soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita mill-parti responsabbli għall-Implimentazzjoni tal-Politika tad-dipartiment għas-Servizzi, il-Kollaborazzjoni u l-Implimentazzjoni (SZV; il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi). Il-kontroll finanzjarju se jsir mid-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija għall-Intrapriżi tan-Netherlands (RVO) tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Politika dwar il-Klima, bħala awtorità ta' ċertifikazzjoni.

III.  Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 1 192 500 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija s-seba' proposta għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond li ntbagħtet lill-Awtorità Baġitarja matul l-2018.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

D(2018)33662

Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-applikazzjoni EGF/2018/001 NL

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG, eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2018/001 NL u adottaw l-opinjoni li tidher hawn taħt.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din l-applikazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti, bla ma jikkontesta, madankollu, it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni tibbaża fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u għandha x'taqsam ma' 1 324 ħaddiem li ngħataw is-sensja f' 20 intrapriża li joperaw fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-Diviżjoni 64 tan-NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet ta' servizz finanzjarju, minbarra l-finanzjament ta' assigurazzjoni u ta' pensjonijiet);

B)  Billi, sabiex jistabbilixxu r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, in-Netherlands isostnu li rati tal-imgħax baxxi, kundizzjonijiet regolatorji aktar stretti, tnaqqis sostanzjali fis-suq ipotekarju u fil-provvista ta' kreditu għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) kellhom impatt serju fuq is-servizzi u l-funzjonament tal-banek Olandiżi, ikkawżaw tnaqqis fil-profittabbiltà u ħtieġa urġenti li jitnaqqsu l-ispejjeż;

C)  Billi 59,3 % tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma nisa u 40,7% huma rġiel; billi 53,6 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom bejn 30 u 54 sena, filwaqt li 26,9 % għandhom aktar minn 55 u 19,5 % għandhom anqas minn 30 sena;

D)  Billi din hija l-ewwel applikazzjoni tal-FEG għas-settur tas-servizzi finanzjarji, minbarra l-finanzjament ta' assigurazzjoni u ta' pensjonijiet;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni tan-Netherlands:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji għall-interventi stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li n-Netherlands huma intitolati għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 192 500 skont dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 987 500;

2.  Jinnota li l-qgħad fit-tliet provinċji koperti mill-applikazzjoni (Friesland, Drenthe u Overijssel) huwa ogħla mill-medja nazzjonali u li m'hemmx prospetti tajba li wieħed isib xogħol ieħor fis-settur finanzjarju peress li huwa previst li l-impjiegi jkomplu jonqsu;

3.  Jirrikonoxxi li, għalkemm seħħ xi ftit rkupru f'dawn l-aħħar snin, is-self fis-suq tal-ipoteki għadu aktar baxx milli kien qabel il-kriżi finanzjarja;

4.  Jagħraf, b'dispjaċir, li s-setturi finanzjarji fi Stati Membri oħra qed jiffaċċjaw pressjonijiet simili; jirrikonoxxi li, f'xi każijiet, is-sensji jistgħu jinfirxu fuq perjodu twil wisq biex jissodisfaw l-kriterji tal-FEG; jistieden, madankollu, lill-gvernijiet tal-Istati Membri jikkunsidraw jekk il-FEG jistax jaqdi rwol siewi biex l-impjegati jkunu jistgħu jaġġustaw għal dawn il-bidliet;

5.  Jilqa' d-deċiżjoni tan-Netherlands li jiffokaw l-assistenza fuq gruppi vulnerabbli u li jgħinu lin-nies ibiddlu l-professjoni, is-settur jew ir-reġjun, inkluż bl-għoti ta' taħriġ għas-settur tal-bejgħ bl-imnut u għal profili okkupazzjonali ġodda, bħat-trasport, is-servizzi tal-IT u l-professjonijiet tekniċi, li joffru opportunitajiet akbar ta' xogħol;

6.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu wkoll l-ammissjoni, l-assistenza fit-tiftix ta' impjieg, ir-riżerva ta' mobilità, it-taħriġ u l-ikkowċjar għall-promozzjoni tal-intraprenditorija, l-assistenza għar-rikollokament, u l-għotjiet għall-promozzjoni tal-intraprenditorija;

7.  jinnota li r-riżerva ta' mobilità hija responsabbli għal kważi 30 % tal-pakkett totali ta' servizzi personalizzati; jifhem li dan jinvolvi kkowċjar għal nies li, għajr hekk, ikollhom diffikultà biex isibu impjieg;

8.  Jilqa' l-konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati u mas-sħab soċjali bħall-Assoċjazzjoni Bankarja tan-Netherlands (NVB), il-Federazzjoni tat-Trade Unions tan-Netherlands (FNV) u l-Federazzjoni Nazzjonali tat-Trade Unions Insara (CNV), fit-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati, kif ukoll il-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali fil-kumitat ta' tmexxija li se jikkoordina l-miżuri kollha tas-suq tax-xogħol;

9.  Jinnota li l-awtoritajiet tan-Netherlands taw assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, li mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju u li l-azzjonijiet se jkunu komplementari ma' dawk iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

10.  Jilqa' l-konferma min-Netherlands li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tieħu post azzjonijiet li l-impriża kkonċernata għandha l-obbligu li tieħu skont il-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;

11.  Ifakkar fil-fatt li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG

ANNEX: LETTER OF THE COMMITTEE ON REGIONAL DEVELOPMENT

Mr Jean ARTHUIS

Chairman

Committee on Budgets

European Parliament

Suġġett: Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Onor. Arthuis,

Il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferita lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li rapport dwar din il-proposta jiġi adottat fil-Kumitat għall-Baġits bejn l-24 u s-27 ta' Settembru 2018:

-  Id-dokument COM(2018)0548 jipproponi l-kontribuzzjoni mil-FEG li tammonta għal EUR 1 192 500 għal 450 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 64 tan-NACE Reviżjoni 2 - Attivitajiet ta' servizzi finanzjarji, minbarra l-finanzjament ta' assigurazzjoni u ta' pensjonijiet. Is-sensji li saru mill-impriżi kkonċernati jinsabu prinċipalment fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' NL12 - Friesland, NL13 - Drenthe u NL21 - Overijssel.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-Membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.9.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, André Elissen, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Monika Hohlmeier, John Howarth, Zbigniew Kuźmiuk, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Jordi Solé, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Monika Vana, Marco Zanni, Manuel dos Santos, Stanisław Żółtek

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karine Gloanec Maurin, Giovanni La Via, Ivana Maletić, Andrey Novakov

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Jonathan Bullock, Sofia Ribeiro, Ruža Tomašić

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

26

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Gérard Deprez

ECR

Zbigniew Kuźmiuk, Ruža Tomašić

ENF

André Elissen, Marco Zanni

PPE

Reimer Böge, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier, Giovanni La Via, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Sofia Ribeiro, Paul Rübig, Petri Sarvamaa

S&D

José Blanco López, Eider Gardiazabal Rubial, Karine Gloanec Maurin, John Howarth, Manuel dos Santos, Isabelle Thomas

VERTS/ALE

Jordi Solé, Indrek Tarand, Monika Vana

3

-

EFDD

Jonathan Bullock

ENF

Stanisław Żółtek

NI

Eleftherios Synadinos

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Settembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza