RAPPORT dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – L-irkupru ta' flus u assi minn pajjiżi terzi f'każijiet ta' frodi
1.10.2018 - (2018/2006(INI))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Cătălin Sorin Ivan
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – L-irkupru ta' flus u assi minn pajjiżi terzi f'każijiet ta' frodi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-tmintax-il rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) dwar is-sena 2017,
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE")[2],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT (COM(2016)0148),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Settembru 2018 intitolat "Il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi – Rapport Annwali 2017" (COM(2018)0553) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh (SWD(2018)0381 sa 0386),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (2014/335/UE, Euratom) tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport finali)[4] (riżoluzzjoni CRIM) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM[5],
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 470 tal-Ewrobarometru,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi doganali u l-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-UE (O-000066/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0298/2018),
A. billi l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE jenħtieġ li tkun element ewlieni tal-politika tal-UE li għandha l-għan li żżid il-fiduċja taċ-ċittadini billi tiżgura li flushom jintużaw b'mod xieraq u effettiv;
B. billi d-diversità fis-sistemi legali u amministrattivi fl-Istati Membri tippreżenta ambjent diffiċli għall-ġlieda kontra l-frodi, u fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni uniformi fil-livell Ewropew biex tiġġieled kontra l-kriminalità organizzata;
C. billi l-Artikolu 325(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jiddikjara li l-"Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess";
D. billi d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea[6] tintroduċi standards minimi tal-UE dwar l-iffriżar ta' proprjetà bil-ħsieb ta' konfiska sussegwenti possibbli u dwar il-konfiska ta' proprjetà fi kwistjonijiet kriminali;
E. billi l-proposta tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016 għal regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska (2016/0412(COD)) tintroduċi mezzi ta' kooperazzjoni standardizzati fost l-Istati Membri;
F. billi l-ebda wieħed minn dawn l-istrumenti ma jista' japplika għal pajjiżi terzi;
G. billi r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE"), u b'mod partikolari l-Artikolu 104 tiegħu, jipprevedi mezzi ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi;
H. billi l-Artikolu 3(4) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu (CETS Nru 198) jiddikjara li: Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra skont il-bżonn biex tirrikjedi li, fir-rigward ta' reat jew reati serji kif definiti mil-liġi nazzjonali, awtur ta' reat juri l-oriġini tar-rikavati allegati jew ta' proprjetà oħra soġġetta għal konfiska sal-punt li tali rekwiżit ikun konsistenti mal-prinċipji tal-liġi domestika tiegħu;
I. billi fil-livell reġjonali u globali n-NU u l-Kunsill tal-Ewropa żviluppaw diversi konvenzjonijiet u mekkaniżmi b'rabta mal-konfiska u l-irkupru tal-assi, jiġifieri l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni tal-31 ta' Ottubru 2003, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali tal-15 ta' Novembru 2000, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu tas-16 ta' Mejju 2005, u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali tat-8 ta' Novembru 1990; billi, madankollu, għal diversi raġunijiet dawn l-istrumenti mhux dejjem jippermettu rkupru effettiv u f'waqtu tal-assi misruqa;
J. billi din il-kwistjoni ġiet indikata mill-UE bħala waħda mill-prijoritajiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni; billi proġetti pilota u preparatorji qed jiġu implimentati f'dan ir-rigward;
K. billi skont l-Artikoli 1, 3 u 14 tar-Regolament 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-OLAF għandu mandat li jinvestiga kull fejn jintefqu flus l-UE, inkluż f'pajjiżi mhux tal-UE li jirċievu assistenza mingħandha;
L. billi, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013, l-OLAF jista' jidħol f'arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattiva ma' awtoritajiet kompetenti f'pajjiżi terzi, wara koordinazzjoni minn qabel mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni u mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;
1. Jenfasizza l-problema attwali ta' fondi tal-UE mitlufa minħabba każijiet ta' frodi li jinvolvu fondi li qed jiġu trasferiti lil pajjiżi terzi;
2. Jisħaq fuq il-ħtieġa, għall-finijiet tal-prevenzjoni, li jiġu evitati trasferimenti ta' fondi permezz ta' intermedjarji finanzjarji li joperaw f'ġurisdizzjonijiet mhux trasparenti u mhux kooperattivi;
3. Jenfasizza bi tħassib li l-fondi minn pajjiżi terzi jistgħu wkoll jiġu trasferiti b'mod frodulenti lejn l-UE; jissottolinja li r-riżultat tal-Azzjoni Preparatorja ffinanzjata mill-UE dwar l-appoġġ għall-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija biex jiġi implimentat l-irkupru tal-assi mwettqa mill-Istitut Interreġjonali ta' Riċerka tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja (UNICRI) għandu jwassal għal programm tal-UE permanenti u usa' għall-implimentazzjoni tal-irkupru tal-assi;
4. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-iżborż tal-fondi jiġi marbut mal-pubblikazzjoni ta' data dwar is-sjieda benefiċjarja, sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru tal-assi f'każ ta' frodi;
5. Jissottolinja li, sfortunatament, s'issa l-UE kkonkludiet biss ftehimiet dwar l-assistenza legali reċiproka ma' ftit pajjiżi terzi, bħall-Ġappun, l-Istati Uniti, in-Norveġja u l-Liechtenstein, minkejja l-fatt li huwa suspettat li l-fondi huma wkoll trasferiti lejn ġurisdizzjonijiet oħra; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-isforzi biex jintlaħqu ftehimiet ma' pajjiżi terzi li jirċievu finanzjament mill-UE;
6. Jiddispjaċih għall-fatt li bosta Stati Membri attwalment iridu jiddependu fuq ftehimiet bilaterali u li ma hemm l-ebda approċċ tal-UE għal din il-kwistjoni serja; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa għal approċċ aktar unifikat;
7. Jitlob lill-UE tavvanza fl-applikazzjoni tagħha għas-sħubija tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa malajr kemm jista' jkun, u żżomm lill-Parlament aġġornat dwar din il-kwistjoni;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar ħarxa fil-pożizzjoni tagħha fi ftehimiet iffirmati ma' pajjiżi terzi billi żżid klawżoli kontra l-frodi; jiddispjaċih għall-fatt li ma hemm l-ebda data dwar l-ammont ta' fondi tal-UE mitlufa kull sena minħabba każijiet frodulenti marbuta ma' trasferiment ta' flus lil pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tikkalkula l-ammont ta' fondi tal-UE li ntilfu;
9. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tar-riskju tal-liġijiet tal-UE li jiffaċilitaw it-trasferiment illegali ta' flus barra mill-UE, u tneħħi l-punti sensittivi f'dawk il-liġijiet;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi metodu standardizzat ta' ġbir ta' data, li jkun identiku għall-Istati Membri kollha, biex jippermetti li jiġi identifikat it-trasferiment ta' assi frodulenti lil pajjiżi terzi, bil-għan li tinħoloq bażi ta' data ċentrali tal-UE malajr kemm jista' jkun; jissottolinja li diġà jeżisti mekkaniżmu bħal dan biex jiġġieled il-ħasil tal-flus, u li dan il-mekkaniżmu jista' jiġi estiż;
11. Jissottolinja li l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu tas-16 ta' Mejju 2005 u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali tat-8 ta' Novembru 1990 jikkostitwixxu strumenti importanti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi relatati mal-iffriżar u l-irkupru tal-assi; jilqa' l-konklużjoni b'suċċess tan-negozjati dwar il-proposta għal regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska, u jinnota li l-elementi ewlenin tagħha jistgħu jiffurmaw bażi utli għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fil-kuntest ta' konvenzjonijiet internazzjonali u ftehimiet bilaterali li l-UE hija parti minnhom;
12. Jiddispjaċih għall-fatt li mhux l-Istati Membri kollha tal-UE qablu li jkunu parti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE); jisħaq fuq l-importanza li l-UPPE jsir il-protagonist ewlieni ta' kwalunkwe mekkaniżmu futur għall-irkupru fil-pajjiżi terzi, u li dan jirrikjedi li jkun rikonoxxut għal dan l-iskop bħala awtorità kompetenti, skont l-Artikolu 104 tar-Regolament dwar l-UPPE, fit-trattati eżistenti u futuri dwar l-assistenza legali reċiproka u l-irkupru tal-assi, b'mod partikolari l-Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u tan-NU;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
27.9.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 1 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Inés Ayala Sender, Jonathan Bullock, Tamás Deutsch, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Wolf Klinz, Arndt Kohn, Bogusław Liberadzki, Monica Macovei, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Joachim Zeller, Dennis de Jong |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Richard Ashworth, Karin Kadenbach |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
19 |
+ |
|
ALDE |
Wolf Klinz |
|
ECR |
Monica Macovei |
|
EFDD |
Marco Valli |
|
GUE/NGL |
Luke Ming Flanagan, Dennis de Jong |
|
PPE |
Richard Ashworth, Ingeborg Gräßle, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Claudia Schmidt, Joachim Zeller |
|
S&D |
Inés Ayala Sender, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Bogusław Liberadzki, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski |
|
VERTS/ALE |
Bart Staes, Indrek Tarand |
|
NI |
Cătălin Sorin Ivan |
|
1 |
- |
|
PPE |
Tamás Deutsch |
|
1 |
0 |
|
EFDD |
Jonathan Bullock |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni