RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Portugall – EGF/2018/002 PT/Norte – Centro – Lisboa għall-ilbies)
11.10.2018
(COM(2018)0621 – C8-0399/2018 – 2018/2223(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: José Manuel Fernandes
- MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
- NOTA SPJEGATTIVA
- ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
- ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
- INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
- VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Portugall – EGF/2018/002 PT/Norte – Centro – Lisboa għall-ilbies)
(COM(2018)0621 – C8-0399/2018 – 2018/2223(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0621 – C8-0399/2018),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0311/2018),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jagħtu appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex jassistuhom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli b'mod kemm jista' jkun effiċjenti u rapidu;
C. billi l-Portugall ippreżenta l-applikazzjoni EGF/2018/002 PT/Norte – Centro – Lisboa tal-ilbies għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-1 161 sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 14 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura tal-ilbies) fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' Norte (PT11), ta' Centro (PT16) u ta' Lisboa (PT17) fil-Portugall;
D. billi l-l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG, li jeħtieġ li mill-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja tul perjodu referenzjarju ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku ddefinit fil-livell ta' diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2, u li jkunu jinsabu f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi, jew f'iktar minn żewġ reġjuni kontigwi ddefiniti fil-livell NUTS 2, dment li jkun hemm iktar minn 500 ħaddiem milquta fi tnejn mir-reġjuni kollha flimkien fi Stat Membru;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, il-Portugall għandu dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 4 655 883 skont dan ir-Regolament, ammont li jirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 7 759 806;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Portugiżi ppreżentaw l-applikazzjoni fl-24 ta' April 2018, u li, wara li l-Portugall ta informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fl-10 ta' Settembru 2018 u nnotifikat lill-Parlament fl-istess ġurnata;
3. Josserva li l-Portugall sostna li s-sensji kienu marbutin mal-bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'mod aktar partikolari l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fit-tessuti u l-ħwejjeġ wara li l-Ftehim dwar il-Multifibri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ skada fi tmiem l-2004 li wasslet għal bidliet radikali fl-istruttura tal-kummerċ dinji fis-settur tat-tessuti u tal-ilbies;
4. Jinnota li r-rata tal-qgħad fis-settur tal-ilbies fid-distretti fejn is-sensji seħħew hija ogħla minn dik fir-reġjuni Norte, Centro u Lisboa fejn jinsabu tali distretti, u li l-prospettivi għal riallokazzjoni huma baxxi peress li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma l-aktar nisa b'livell baxx ta' ħiliet;
5. Ifakkar li s-sensji li ngħataw f'żewġ intrapriżi li joperaw fis-settur tal-ilbies Portugiż huma mistennija jpoġġu pressjoni negattiva konsiderevoli fuq l-ekonomija lokali, u li l-impatt tas-sensji huwa marbut mad-diffikultajiet ta' riallokazzjoni minħabba l-iskarsezza ta' impjiegi, il-livell baxx ta' edukazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, u l-għadd kbir ta' dawk li qed ifittxu impjieg;
6. Jirrakkomanda l-applikazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment, u b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, bil-għan li jitjiebu l-kwalifiki tal-ħaddiema Portugiżi biex jonqos il-qgħad, u speċjalment dawk fost iż-żgħażagħ u dak fit-tul;
7. Jinnota li l-applikazzjoni tirrigwarda 1 161 ħaddiem li ngħataw is-sensja, u li minnhom 730 se jintlaqtu mill-miżuri proposti; jindika l-fatt li l-maġġoranza tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma nisa (88,63 %); jinnota wkoll li 20,55 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom aktar minn 55 sena; jirrikonoxxi, fid-dawl ta' dan, l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG biex jitjiebu l-possibbiltajiet ta' reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi vulnerabbli;
8. Jilqa' l-fatt li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG se jiġu wkoll ipprovduti għal massimu ta' 730 żagħżugħ(a) taħt l-età ta' 30 sena barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs);
9. Jinnota li l-Portugall qiegħed jippjana tliet tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma koperti minn din l-applikazzjoni: (i) taħriġ u taħriġ mill-ġdid, (ii) promozzjoni tal-intraprenditorija, (iii) allokazzjonijiet;
10. Jenfasizza li t-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid għandhom joħolqu alternattivi reali għar-reintegrazzjoni fir-reġjun fil-qies tas-setturi li għandhom domanda dejjem tikber għall-ħaddiema;
11. Jinnota li l-allowances finanzjarji, inklużi dawk għat-taħriġ, għall-mobbiltà u għall-ikel, ma jaqbżux il-massimu ta' 35 % tal-ispejjeż totali stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawk l-azzjonijiet huma bil-kundizzjoni li l-benefiċjarji fil-mira jieħdu sehem attiv fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjieg jew ta' taħriġ;
12. Jirrikonoxxi li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni ma' grupp ta' ħidma, li kien jinkludi s-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi, ir-rappreżentanti tat-trade unions, l-Istitut tas-Sigurtà Soċjali u l-Awtorità għall-Kundizzjonijiet tax-Xogħol;
13. Jenfasizza li l-awtoritajiet Portugiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u taw assigurazzjonijiet li mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju u li l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari ma' dawk iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;
14. Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, jew miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi u jilqa' b'sodisfazzjon il-konferma mill-Portugall f'dan ir-rigward;
15. Ifakkar li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jipprovdu aktar dettalji, fi proposti futuri, dwar is-setturi li jkollhom prospettivi ta' tkabbir, u li għalhekk aktarx jirreklutaw in-nies, kif ukoll biex jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' reintegrazzjoni miksuba permezz tal-FEG;
17. Ifakkar fit-talba tiegħu li l-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;
18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata mill-Portugall – EGF/2018/002 PT/Norte – Centro – Lisboa għall-ilbies
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[2], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem "FEG") għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2) Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont massimu annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[3].
(3) Fl-24 ta' April 2017, il-Portugall ippreżenta applikazzjoni biex jimmobilizza l-FEG, fir-rigward ta' sensji fis-settur tal-manifattura tal-ħwejjeġ fir-reġjuni Norte, Centro u Lisboa fil-Portugall. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. L-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(4) Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, il-Portugall iddeċieda li jipprovdi servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG anke lil 730 żagħżugħ(a) li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs).
(5) Għaldaqstant, jenħtieġ li l-FEG jiġi mmobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 4 655 883 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Portugall.
(6) Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stabbilit għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 4 655 883 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.
Artikolu 2
Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni għandha tapplika mill-... [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni].
Magħmul fi ...,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
NOTA SPJEGATTIVA
I. Kuntest
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala proviżjon [dispożizzjoni] fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta proposta lill-awtorità baġitarja għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.
II. L-applikazzjoni tal-Portugall u l-proposta tal-Kummissjoni
Fl-10 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Portugall bħala appoġġ għar-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn żewġ intrapriżi li joperaw fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 14 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura tal-ħwejjeġ) fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' Norte (PT11), ta' Centro (PT16) u ta' Lisboa (PT17) fil-Portugall. Il-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fl-10 ta' Settembru 2018.
Din hija t-tmien applikazzjoni li se tkun taħt eżami fil-qafas tal-baġit tal-2018, u s-sitt waħda fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 14 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura tal-ħwejjeġ) minn mindu ġie stabbilit il-FEG. Hija tirrigwarda 1 161 ħaddiem li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 4 655 883 mill-FEG għall-Portugall.
L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fl-24 ta' April 2018 u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sad-19 ta' Ġunju 2018. Il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fl-10 ta' Settembru 2018 u kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG.
Il-Portugall sostna li s-sensji kienu marbutin mal-bidliet strutturali ewlenin fl-andament kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, b'mod partikolari t-taqlib ekonomiku serju li s-settur tal-ilbies għadda minnu, inkluż it-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-UE, wara tmiem il-Ftehim dwar il-Multifibra tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fl-2004. Iż-żieda tal-importazzjonijiet lejn l-UE poġġiet pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet, li kellha effett negattiv fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-intrapriżi fis-settur tat-tessuti fl-UE u wasslet biex fl-industrija tat-tessuti u l-ħwejjeġ hemm tendenza ġenerali lejn produzzjoni offshore f'pajjiżi b'anqas spejjeż barra mill-UE.
Fil-Portugall, fir-reġjuni Norte, Centro u Lisboa, dan irriżulta fi tnaqqis kostanti fl-għadd ta' ħaddiema fis-settur tal-ilbies (minn 130 000 fl-2005 għal 90 000 fl-2016). Fl-2017, ir-rata tal-qgħad fir-reġjuni Norte u Lisboa (9,5 %) kienet ogħla mill-medja nazzjonali (8,9 %). Din is-sitwazzjoni mistennija tkompli tmur għall-agħar minħabba s-sensji qawwija tal-ħaddiema.
Il-maġġoranza tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma nisa (88,63 %) b'livelli ta' edukazzjoni baxxi. 20,55 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom aktar minn 55 sena. Sa 730 minnhom huma żgħażagħ barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 30 sena. Il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG huma aktar u aktar importanti biex itejbu l-possibbiltajiet ta' reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi vulnerabbli.
It-tliet tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:
– Taħriġ u taħriġ mill-ġdid. Dan jinkludi traineeships, taħriġ vokazzjonali u kontinwu u pjanijiet ta' integrazzjoni indirizzati lil ħaddiema u lin-NEETs. L-attivitajiet tfasslu biex jaqblu f'dak li joffru mad-domanda tas-suq tax-xogħol u biex jgħinu lill-parteċipanti jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.
– Promozzjoni tal-intraprenditorija. Din il-miżura se tipprovdi lill-parteċipanti b'għotja biex jippromwovu l-impjieg indipendenti flimkien ma' taħriġ imprenditorjali u l-possibbiltà li jissieħbu ma' Startup Incubation appoġġata mis-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi Portugiż (IEFP).
– Allokazzjonijiet. Dawn jinkludu: 1) allokazzjonijiet għat-taħriġ biex ikopru l-ispejjeż imġarrba waqt it-taħriġ mill-persuni li qed ifittxu x-xogħol jew in-NEETs; 2) allokazzjonijiet għall-mobbiltà biex jikkumpensaw għall-ivvjaġġar mill-post ta' residenza lejn u minn attivitajiet ta' taħriġ rispettivi; 3) allokazzjonijiet għall-ikel biex jgħinu jkopru l-ispejjeż lill-parteċipanti meta jkollhom jieklu barra.
Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol skont l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.
L-awtoritajiet Portugiżi pprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:
– il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom,
– hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u f'dik tal-UE rigward is-sensji kollettivi,
– l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,
– l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,
– il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat.
Il-Portugall innotifika lill-Kummissjoni li s-sors ta' prefinanzjament jew kofinanzjament nazzjonali huwa s-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi Portugiż (IEFP). Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li huma responsabbli għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE).
Jenħtieġ li l-awtoritajiet Portugiżi jużaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, u b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, bil-għan li jitjiebu l-kwalifiki tal-ħaddiema Portugiżi biex jonqos il-qgħad, u speċjalment dawk fost iż-żgħażagħ u dak fit-tul.
III. Proċedura
Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 4 655 883 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).
Sal-lum, din hija t-tmien proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond mibgħuta lill-Awtorità Baġitarja matul l-2018.
F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
D(2018)37581
L-Onor. Jean Arthuis
President tal-Kumitat għall-Baġits
ASP 09G205
Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-applikazzjoni EGF/2018/002 PT
Onor. President,
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG, eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2018/002 PT u adottaw l-opinjoni li tidher hawn taħt.
Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din l-applikazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti, bla ma jikkontesta, madankollu, it-trasferiment tal-pagamenti.
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
A) Billi din l-applikazzjoni tibbaża fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u għandha x'taqsam ma' 1 161 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'żewġ intrapriżi li joperaw fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-Diviżjoni 14 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura tal-ilbies) fir-reġjuni NUTS livell 2 Norte, Centro u Lisboa fil-Portugall;
B) Billi, biex jistabbilixxi r-rabta bejn is-sensji u bidliet strutturali ewlenin fl-andament kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, il-Portugall jargumenta li s-settur tal-ilbies intlaqat minn tnaqqis tas-sehem tal-Unjoni fis-suq wara tmiem il-Ftehim dwar il-Multifibra fl-2004;
C) Billi 88,6 % tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma nisa u 11,4 % huma rġiel; billi 74,9 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom bejn it-30 u l-54 sena, filwaqt li aktar minn 20 % għandhom aktar minn 55 sena u 4,3% għandhom anqas minn 30 sena;
D) Billi din hija s-sitt applikazzjoni tal-FEG għas-settur tal-ilbies sal-lum, u billi erbgħa minnhom kienu bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ.
Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu rigward l-applikazzjoni Portugiża:
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji għall-interventi stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li l-Portugall għandu dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 4 655 883 skont dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 7 759 806;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Portugiżi ppreżentaw l-applikazzjoni fl-24 ta' April 2018, u li, wara li l-Portugall ta informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja fl-10 ta' Settembru 2018 u nnotifikatha lill-Parlament dakinhar stess;
3. Jinnota li r-rata tal-qgħad fis-settur tal-ilbies fid-distretti fejn is-sensji seħħew hija ogħla minn dik fir-reġjuni – Norte, Centro u Lisboa – li jagħmlu parti minnhom, u li l-prospettivi għal riallokazzjoni huma baxxi peress li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma l-aktar nisa b'livell baxx ta' ħiliet;
4. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Portugall li jimmira l-assistenza kemm lejn il-ħaddiema li ngħataw is-sensja u kemm lejn sa 730 żagħżugħ(a) barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs);
5. Jinnota li l-Portugall qed jippjana miżuri attivi tas-suq tax-xogħol għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja, inklużi t-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tal-intraprenditorija u allowances;
6. Jenfasizza li t-taħriġ (mill-ġdid) għandu joħloq alternattivi reali għar-reintegrazzjoni fir-reġjun fil-qies tas-setturi li għandhom domanda tikber għal ħaddiema;
7. Jinnota li l-allowances finanzjarji, jiġifieri dawk għat-taħriġ, għall-mobbiltà u għall-ikel, ma jaqbżux il-massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament, u li dawn l-azzjonijiet huma bil-kundizzjoni li l-benefiċjarji fil-mira jieħdu sehem attiv fl-attivitajiet ta' tiftix ta' impjieg jew ta' taħriġ;
8. Jilqa' l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati fi grupp ta' ħidma li kien jinkludi s-Servizz Pubbliku għall-Impjiegi, ir-rappreżentanti tat-trade unions, l-Istitut tas-Sigurtà Soċjali u l-Awtorità dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol, fit-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati;
9. Jinnota li l-awtoritajiet tal-Portugall taw assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, li mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju u li l-azzjonijiet se jkunu komplementari ma' dawk iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;
10. Jilqa' l-konferma mill-Portugall li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tieħu post azzjonijiet li l-impriża kkonċernata għandha l-obbligu li tieħu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;
11. Ifakkar li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.
Dejjem tiegħek,
Marita ULVSKOG
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
L-Onor. Jean ARTHUIS
President
Kumitat għall-Baġits
Parlament Ewropew
Suġġett: Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
Onor. President,
Il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferita lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li rapport dwar din il-proposta jiġi adottat fil-Kumitat għall-Baġits bejn it-8 u d-9 ta' Ottubru 2018:
- COM(2018)0621 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 4 655 883 għal 730 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 14 ta' NACE Reviżjoni 2 - Manifattura tal-ilbies. Is-sensji li saru mill-impriżi kkonċernati jinsabu prinċipalment fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' Norte (PT11), ta' Centro (PT16) u ta' Lisboa (PT17).
Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.
Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-Membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.
Dejjem tiegħek,
Iskra MIHAYLOVA
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
9.10.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
29 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, John Howarth, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Răzvan Popa, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Jordi Solé, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Inese Vaidere, Monika Vana, Tiemo Wölken |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrey Novakov |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Auke Zijlstra |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
29 |
+ |
|
ALDE |
Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Gérard Deprez |
|
ECR |
Zbigniew Kuźmiuk |
|
GUE/NGL |
Younous Omarjee |
|
NI |
Eleftherios Synadinos |
|
PPE |
Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Inese Vaidere |
|
S&D |
Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Iris Hoffmann, John Howarth, Vladimír Maňka, Răzvan Popa, Manuel dos Santos, Tiemo Wölken |
|
Verts/ALE |
Jordi Solé, Monika Vana |
|
2 |
- |
|
ECR |
Bernd Kölmel |
|
ENF |
Auke Zijlstra |
|
0 |
0 |
|
|
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni