RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 216/2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
15.10.2018 - (14463/2017 – C8-0412/2018 – 2017/0039(APP)) - ***
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Pavel Svoboda
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 216/2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
(14463/2017 – C8-0412/2018 – 2017/0039(APP))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill (14463/2017),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill b'konformità mal-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0412/2018),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 39(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0323/2018),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' regolament tal-Kunsill;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI ĠURIDIKA
11.9.2017
Is-Sur Pavel Svoboda
President
Kumitat għall-Affarijiet Legali
BRUSSELL
Suġġett: Opinjoni dwar il-bażi ġuridika tal-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 216/2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (COM(2017)0087 – 2017/0039(APP))
Sur President,
Matul il-laqgħa tiegħu mid-19 sal-20 ta' Ġunju 2014, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċieda fuq inizjattiva tiegħu, skont l-Artikolu 39(3) tar-Regoli ta' Proċedura, li jeżamina l-validità u x-xerqien tal-bażi ġuridika tal-proposta tal-Kummissjoni kkonċernata.
Il-kumitat eżamina l-kwistjoni msemmija hawn fuq waqt il-laqgħa tiegħu tas-7 ta' Settembru 2017.
I - Il-kuntest
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem il-"ĠU") jiżgura l-pubblikazzjoni uffiċjali tal-leġiżlazzjoni u l-atti l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Sal-2014, l-edizzjoni stampata tal-ĠU biss kienet ikkunsidrata bħala l-pubblikazzjoni valida u legalment vinkolanti. Il-verżjoni elettronika, li kienet ilha disponibbli fuq l-internet sa mill-1998, kienet titqies bħala għodda ta' informazzjoni biss, mingħajr ebda valur legali.
Fil-kawża Skoma-Lux[1], il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-atti legali tal-Unjoni mhumiex infurzabbli kontra individwi jekk ma jkunux ġew ippubblikati b'mod korrett fil-Ġurnal Uffiċjali u d-disponibbiltà ta' dawn l-atti online ma tistax tkun ekwivalenti għall-pubblikazzjoni fil-forma korretta u dovuta fil-Ġurnal Uffiċjali fin-nuqqas, fid-dritt tal-Unjoni, ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni f'dan ir-rigward.
Biex jinstab rimedju għal din is-sitwazzjoni, u biex kulħadd ikun jista' joqgħod fuq l-edizzjoni elettronika bħala l-verżjoni uffiċjali, awtentika, aġġornata u kompluta tal-ĠU, ir-Regolament (UE) Nru 216/2013[2] biddel il-prassi preċedenti sa mill-2014 b'tali mod li l-verżjoni elettronika tkun awtentika u tipproduċi effetti legali filwaqt li l-verżjoni stampata tiġi ppubblikata u jkollha effetti legali biss meta s-sistema ta' informazzjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE ma tkunx operattiva minħabba interruzzjoni.
Ma hemm l-ebda bażi ġuridika espliċita fit-Trattati li tindika l-proċedura leġiżlattiva li għandha tintuża għal kwistjonijiet relatati mal-pubblikazzjoni tal-atti fil-ĠU. L-Artikoli 287 u 297 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), madankollu, jinkludu l-obbligu tal-pubblikazzjoni tal-atti fil-ĠU. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 kien għalhekk ibbażat fuq l-Artikolu 352 tat-TFUE, l-hekk imsejħa l-klawsola tal-flessibbiltà, li jista' jintuża biss jekk tidher meħtieġa azzjoni tal-Unjoni, fil-qafas tal-politiki definiti fit-Trattati, għall-kisba ta' wieħed mill-objettivi previsti mit-Trattati u t-Trattati ma jkunux ipprevedew is-setgħat meħtieġa għal dan l-għan.
Sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-2009, l-użu tal-klawsola tal-flessibbiltà fl-Artikolu 352 tat-TFUE jirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parlament. Tali approvazzjoni ngħatat meta ġie adottat ir-Regolament (UE) Nru 216/2013, peress li l-bidla mill-verżjoni stampata għal dik elettronika kienet ta' natura purament teknika, ma kienet tinkludi l-ebda għażliet ta' politika potenzjali li dwarhom il-Parlament Ewropew, fir-rwol tiegħu ta' koleġiżlatur, kellu jippronunzja ruħu u peress li kien xieraq li r-Regolament jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli[3].
Il-proposta attwali għall-emendar tar-Regolament (UE) Nru 216/2013 għandha l-għan li taġġorna l-proċedura għall-awtentikazzjoni tal-verżjoni elettronika tal-ĠU fid-dawl tal-fatt li sadanittant il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar il-firem elettroniċi ġiet aġġornata. Din il-leġiżlazzjoni ġiet adottata permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja fuq il-bażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE dwar il-miżuri ta' armonizzazzjoni fis-suq intern.
Għalhekk, il-kwistjoni hija dwar jekk din il-proposta emendatorja għandhiex tkun ibbażata fuq il-klawsola tal-flessibbiltà prevista fl-Artikolu 352 tat-TFUE jew fuq il-bażi ġuridika relatata mal-armonizzazzjoni fl-Artikolu 114 tat-TFUE, jew fuq it-tnejn.
II - L-Artikoli rilevanti tat-Trattat
L-Artikolu li ġej tat-TFUE ġie ppreżentat bħala l-bażi ġuridika fil-proposta tal-Kummissjoni (enfasi miżjuda):
Artikolu 352
(ex Artikolu 308 TKE)
1. Jekk tidher meħtieġa azzjoni tal-Unjoni, fil-qafas tal-politika definita fit-Trattati, għall-kisba ta' wieħed mill-objettivi previsti mit-Trattati, u t-Trattati ma jkunux stabbilew is-setgħat meħtieġa għal dan l-għan, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa. Meta l-Kunsill jadotta d-dispożizzjonijiet inkwistjoni skont il-proċedura leġislattiva speċjali, dan għandu jadottahom ukoll b'unanimità, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.
2. Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni tal-Parlamenti nazzjonali għall-proposti bbażati fuq dan l-Artikolu permezz tal-proċedura għall-monitoraġġ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà previst fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
3. Il-miżuri bbażati fuq dan l-Artikolu m'għandhomx jinvolvu l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u regolamenti tal-Istati Membri fil-każijiet fejn it-Trattati jeskludu din l-armonizzazzjoni.
4. Dan l-Artikolu ma jistax iservi bħala bażi sabiex jintlaħaq objettiv tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u kull att adottat skont dan l-Artikolu għandu jirrispetta l-limiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta' Artikolu 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 114 tat-TFUE għandu d-diċitura li ġejja (enfasi miżjuda):
Artikolu 114
(ex Artikolu 95 TKE)
1. Ħlief fejn provdut xort'oħra fit-Trattati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.
[...]
L-Artikoli 287 u 297 tat-TFUE għandhom id-diċitura li ġejja (enfasi miżjuda):
Artikolu 287
(ex Artikolu 248 TKE)
1. Il-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollha tal-Unjoni. Teżamina wkoll il-kontijiet ta' kull dħul u ħruġ tal-korpi jew l-organi kollha stabbiliti mill-Unjoni safejn l-att kostittutiv rilevanti ma jipprekludix dan l-eżami.
Il-Qorti tal-Awdituri tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni li biha tiċċertifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, li tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-dikjarazzjoni tista' tiġi kompletata b'valutazzjoni speċifika għal kull qasam maġġuri tal-attività tal-Unjoni.
[...]
4. Il-Qorti tal-Awdituri għandha tagħmel rapport annwali wara l-għeluq ta' kull sena finanzjarja. Dan għandu jintbagħat lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni u jiġi pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. flimkien mat-tweġibiet ta' dawn l-istituzzjonijiet għall-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri.
[...]
Artikolu 297
(ex Artikolu 254 TKE)
1. L-atti leġislattivi adottati skont il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom ikunu ffirmati mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Kunsill.
L-atti leġislattivi adottati skont il-proċedura leġislattiva speċjali għandhom ikunu ffirmati mill-President tal-istituzzjoni li tkun adottathom.
L-atti leġislattivi għandhom ikunu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data indikata fihom jew, fin-nuqqas ta' dan, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.
2. L-atti mhux leġislattivi adottati fl-għamla ta' regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet, meta dawn ma jindikawx destinatarju, għandhom ikunu ffirmati mill-Presidenti tal-istituzzjoni li tkun adottathom.
Ir-regolamenti, id-direttivi li jkunu indirizzati lill-Istati Membri kollha, kif ukoll id-deċiżjonijiet, meta ma jindikawx destinatarju, għandhom jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data indikata fihom jew, fin-nuqqas ta' dan, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.
Id-direttivi l-oħra, kif ukoll id-deċiżjonijiet li jindikaw destinatarju, għandhom jiġu notifikati lil dawk li lilhom ikunu indirizzati u jkollhom effett minn meta ssir dik in-notifika.
III - Il-ġurisprudenza dwar il-bażi ġuridika
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja "l-għażla tal-bażi ġuridika ta' att Komunitarju għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att"[4]. Għalhekk, l-għażla ta' bażi ġuridika żbaljata tista' tiġġustifika t-tħassir tal-miżura kkonċernata.
F'dan il-kuntest, ix-xewqa ta' istituzzjoni li jkun hemm parteċipazzjoni aktar attiva fl-adozzjoni ta' miżura partikolari, f'liema ċirkostanzi miżura ġiet adottata, kif ukoll il-ħidma li saret f'aspetti oħra fl-ambitu ta' azzjoni kopert minn miżura partikolari huma irrelevanti biex tiġi identifikata l-bażi ġuridika korretta[5].
F'dak li jirrigwarda l-bażi ġuridika doppja, irid jiġi stabbilit jekk il-proposta:
1. għandhiex skop doppju jew komponent doppju, u wieħed minnhom huwa identifikabbli bħala l-iskop jew il-komponent prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa sempliċement inċidentali; jew
2. għandhiex simultanjament għadd ta' objettivi jew diversi komponenti li huma indissoċjabbilment konnessi, mingħajr ma l-ebda wieħed minnhom ikun sekondarju jew indirett fil-konfront tal-ieħor.
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel każ l-att irid ikun ibbażat fuq bażi ġuridika unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-iskop jew mill-komponent ewlieni jew predominanti, u fit-tieni każ l-att irid ikun ibbażat fuq id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti[6].
IV. L-għan u l-kontenut tar-regolament propost
L-għan ta' din il-proposta huwa li taġġorna l-proċedura ta' awtentikazzjoni tal-verżjoni elettronika tal-ĠU b'firma elettronika. Id-Direttiva 1999/93/KE dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi[7] kienet tipprevedi l-użu ta' ċertifikat kwalifikat għal tali firem. Dik id-Direttiva issa tħassret u ġiet sostitwita bir-Regolament Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern[8], li introduċa l-possibbiltà ta' awtentikazzjoni ta' dokument b'siġill elettroniku avvanzat.
Skont il-Kummissjoni, l-użu ta' dan it-tip ta' siġill elettroniku avvanzat jagħmilha possibbli li tiġi awtomatizzata l-firma elettronika u li titħaffef il-proċedura għall-pubblikazzjoni tal-ĠU fil-bażi ta' data tal-EUR-Lex, peress li l-użu ta' siġill elettroniku minflok firma jagħmel differenza f'termini legali peress li l-metodu ta' awtentikazzjoni għal firma jinvolvi persuna fiżika speċifika, filwaqt li meta jintuża siġill, dan jinħoloq minn persuna ġuridika b'ebda indikazzjoni dwar min, fi ħdan din il-persuna ġuridika, kien inkarigat mill-awtentikazzjoni tad-dokument.
Il-proposta tikkonsisti biss minn żewġ artikoli; l-ewwel wieħed jemenda l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 216/2013 fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, u t-tieni wieħed huwa artikolu standard dwar id-data tad-dħul fis-seħħ.
V – Id-determinazzjoni tal-bażi ġuridika xierqa
Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li peress li l-għan tal-proposta huwa li r-Regolament (UE) Nru 216/2013 jiġi aġġornat biex jinkorpora l-iżviluppi teknoloġiċi u leġiżlattivi li seħħew mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-2014 sabiex il-pubblikazzjoni tal-ĠU tkun aktar effiċjenti, dan id-dossier ma jinvolvi ebda għażla politika potenzjali. Il-proposta għalhekk hija purament ta' natura teknika.
Fil-kuntest tal-ġurisprudenza msemmija aktar 'il fuq mill-Qorti tal-Ġustizzja, u fid-dawl tal-fatt li l-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 216/2013 permezz tal-klawsola tal-flessibbiltà fl-Artikolu 352 tat-TFUE, il-fatt li din il-proposta emendatorja kienet motivata mit-tfaċċar ta' bidliet teknoloġiċi relatati mal-firem elettroniċi riżultanti mir-Regolament Nru 910/2014, li ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE, ma għandux l-effett li jbiddel il-bażi ġuridika tar-Regolament (UE) Nru 216/2013.
Għandu jiġi nnotat ukoll li l-Parlament, meta ta l-approvazzjoni tiegħu għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 216/2013, ċaħad il-kunċett li l-adozzjoni tiegħu setgħet isseħħ permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja fuq il-bażi tal-hekk imsejħa teorija tal-"kompetenza impliċita", għar-raġuni li din it-teorija skadiet minħabba d-diversi reviżjonijiet tat-Trattati u l-bidliet fil-proċeduri deċiżjonali li seħħew f'perjodu ta' kważi 60 sena li beda mill-adozzjoni, fuq il-bażi ta' din it-teorija, tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-1958 dwar il-ħolqien tal-ĠU[9].
Barra minn hekk, il-klawsola tal-flessibbiltà tista' tintuża biss jekk tidher meħtieġa azzjoni tal-Unjoni, fil-qafas tal-politiki definiti fit-Trattati, għall-kisba ta' wieħed mill-objettivi previsti mit-Trattati, u t-Trattati ma jkunux ipprevedew is-setgħat meħtieġa għal dan l-għan. Filwaqt li l-obbligu li l-atti jkunu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali joħroġ ċar mill-Artikoli 287 u 297 tat-TFUE, il-fatt li l-Artikolu 114 tat-TFUE jipprevedi l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja huwa għalhekk irrilevanti għal dan l-għan peress li dan ma jirrigwardax tali pubblikazzjoni iżda l-armonizzazzjoni fis-suq intern, u l-użu tiegħu huwa rilevanti għar-Regolament Nru 910/2014 dwar il-firem elettroniċi iżda mhux għar-Regolament (UE) Nru 216/2013 fuq il-pubblikazzjoni tal-ĠU.
Il-proposta ma tistax għalhekk tiġi adottata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE biss, iżda għandha tiġi adottata fuq il-bażi tal-klawsola tal-flessibbiltà fl-Artikolu 352 tat-TFUE.
Il-kwistjoni li mbagħad tinħoloq hija dwar jekk l-Artikolu 114 tat-TFUE għandux ikun inkluż fil-bażi ġuridika għall-proposta flimkien mal-Artikolu 352 tat-TFUE. Skont ġurisprudenza stabbilita, għandha tintuża bażi ġuridika unika meta proposta għandha skop doppju jew komponent doppju, u wieħed minnhom huwa identifikabbli bħala l-iskop jew il-komponent prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa sempliċement inċidentali. F'dan il-każ jidher ċar li l-iskop prinċipali tal-proposta huwa l-pubblikazzjoni tal-ĠU, u li d-dispożizzjonijiet dwar il-firem elettroniċi riżultanti mir-Regolament Nru 910/2014 huma f'kull każ sempliċement inċidentali.
Din il-proposta għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-Artikolu 352 tat-TFUE.
Madankollu għandu jiġi nnotat li l-użu tal-klawsola tal-flessibbiltà jinvolvi proċess ikkomplikat u potenzjalment ineffiċjenti f'termini ta' ħin – mhux tal-inqas minħabba l-fatt li din il-klawsola hija maħsuba biex tintuża vera ftit u b'mod eċċezzjonali biss, il-fatt li l-Parlament jista' jgħid iva jew le biss mingħajr involviment dirett fl-elaborazzjoni tat-test finali u l-fatt li ċerti Stati Membri jeħtieġu l-iskrutinju parlamentari nazzjonali għall-użu tagħha – u li l-iżviluppi teknoloġiċi tal-ġejjieni fil-qasam tar-robotika u l-awtomazzjoni jistgħu jeħtieġu l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il-pubblikazzjoni tal-ĠU u l-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet li jinvolvu għażliet ta' politika fundamentali. Għaldaqstant, għandha titqies il-possibbiltà li r-reviżjonijiet futuri tat-Trattati jistgħu jinkludu ż-żieda ta' bażi ġuridika espliċita għall-adozzjoni ta' miżuri li jirrigwardaw tali pubblikazzjoni u attivitajiet bl-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
VI – KONKLUŻJONI
Fid-dawl tal-analiżi ta' hawn fuq, l-Artikolu 352 tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika xierqa għall-proposta.
VIII - Rakkomandazzjoni
Matul il-laqgħa tiegħu tas-7 ta' Settembru 2017, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali għaldaqstant iddeċieda, b'unanimità[10], li jirrakkomanda li tintbagħat ittra lill-President fejn jingħata l-parir li jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-problemi potenzjali li jistgħu jinqalgħu jekk jiġu proposti emendi aktar globali għar-Regolament (UE) Nru 216/2013 fid-dawl ta' avvanzi teknoloġiċi fil-ġejjieni, u jekk dan jistax jiġġustifika l-ħolqien, fil-kuntest tal-konferenzi governattivi li jmiss intiżi li jemendaw it-Trattati, ta' bażi ġuridika ġdida u espliċita li tirreferi għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja fi kwistjonijiet marbuta mal-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali u l-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.
Dejjem tiegħek,
Pavel Svoboda
- [1] Sentenza tal-11 Diċembru 2007 fil-Kawża C-161/06, Skoma-Lux, ECLI:EU:C:2007:773, punt 48.
- [2] Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, 13.3.2013, p. 1).
- [3] Ara n-nota spjegattiva għall-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-14 ta' Marzu 2012 fil-proċedura 2011/0070(APP).
- [4] Kawża C-45/86, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Preferenzi Tariffarji Ġeneralizzati), Ġabra 1987, p. 1439, punt 5; Kawża C-440/05, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, Ġabra 2007, p. I-9097; Kawża C-411/06, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, Ġabra 2009, p. I-7585.
- [5] Kawża C-269/97, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, Ġabra 2000, p. I-2257, punt 44.
- [6] Ara l-Kawża C-411/06, iċċitata hawn fuq, punti 46-47.
- [7] ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.
- [8] ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.
- [9] Ara n-nota spjegattiva għall-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-14 ta' Marzu 2012 fil-proċedura 2011/0070(APP).
- [10] Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Jean-Marie Cavada (aġent President u rapporteur), Lidia Joanna Geringer de Oedenberg (Viċi President), Isabella Adinolfi, Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Kostas Chrysogonos, Sergio Gaetano Cofferati, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Julia Reda, Evelyn Regner, Axel Voss, Rainer Wieland, Tiemo Wölken, Tadeusz Zwiefka, Gabriel Mato, Andrey Novakov (għal Rosa Estaràs Ferragut, Emil Radev skont l-Artikolu 200(2) tar-Regoli ta' Proċedura).
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
||||
Referenzi |
14463/2017 – C8-0412/2018 – COM(2017)0087 – 2017/0039(APP) |
||||
Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni |
18.9.2018 |
|
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
JURI 1.10.2018 |
|
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Pavel Svoboda 28.2.2017 |
|
|
|
|
Bażi legali kkontestata Data tal-opinjoni tal-JURI |
JURI 7.9.2017 |
|
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
19.6.2017 |
10.10.2018 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
10.10.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Max Andersson, Joëlle Bergeron, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Geoffroy Didier, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Angelika Niebler, Virginie Rozière, Tiemo Wölken |
||||
Data tat-tressiq |
15.10.2018 |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
21 |
+ |
|
ALDE |
Jean-Marie Cavada, António Marinho e Pinto |
|
ECR |
Angel Dzhambazki |
|
EFDD |
Joëlle Bergeron |
|
ENF |
Gilles Lebreton |
|
GUE/NGL |
Kostas Chrysogonos |
|
PPE |
Geoffroy Didier, Angelika Niebler, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka |
|
S&D |
Mady Delvaux, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Virginie Rozière, Tiemo Wölken |
|
VERTS/ALE |
Max Andersson, Pascal Durand, Heidi Hautala |
|
0 |
- |
|
|
|
|
0 |
0 |
|
|
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni