RAPPORT dwar it-talba għal konsultazzjoni dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' Alfonso Luigi Marra

15.10.2018 - (2018/2058(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Gilles Lebreton

Proċedura : 2018/2058(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0325/2018
Testi mressqa :
A8-0325/2018
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għal konsultazzjoni dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' Alfonso Luigi Marra

(2018/2058(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għal konsultazzjoni dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' Alfonso Luigi Marra, imressqa fis-7 ta' Marzu 2018 mill-Qorti tal-Appell (Corte d'Appello) ta' Napli (l-Italja) b'rabta mal-proċedimenti ġudizzjarji kontrih (bir-referenza Nri 4831/2015 RG u 4832/2015 RG rispettivament), u mħabbra fis-seduta plenarja fis-17 ta' April 2018,

–  wara li sema' lil Alfonso Luigi Marra skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2002 dwar l-immunità tal-Membri Taljani u l-prattiki tal-awtoritajiet Taljani rigward is-suġġett[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 9(14) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0325/2018),

A.  billi Alfonso Luigi Marra serva bħala Membru tal-Parlament Ewropew mill-21 ta' Lulju 1994 sad-19 ta' Lulju 1999;

B.  billi żewġ settijiet ta' proċedimenti ġudizzjarji ġew istitwiti kontra s-Sur Marra b'rabta ma' dikjarazzjonijiet allegatament diffamatorji li kien għamel f'fuljett tad-19 ta' Settembru 1996, jiġifieri meta kien Membru tal-Parlament Ewropew; billi s-Sur Marra ġie ordnat iħallas kumpens lill-partijiet li ġarrbu d-dannu kemm mill-qorti tal-prim'istanza (sentenzi tas-17 u tat-22 ta' Frar 2000) kif ukoll mill-qorti tat-tieni istanza (sentenzi tas-6 ta' Marzu 2002); billi fuq talba tas-Sur Marra, b'deċiżjonijiet tal-20 ta' Frar 2007, il-Qorti Suprema Taljana (Corte di Cassazione) irreferiet il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew;

C.  billi, sadanittant, il-Parlament kien adotta r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2002 dwar l-immunità tal-Membri Taljani fl-Italja u l-prattiki tal-awtoritajiet Taljani rigward is-suġġett; billi f'dik l-okkażjoni l-Parlament qies li l-każ ta' Alfonso Luigi Marra jikkostitwixxi każ prima facie ta' immunità assoluta, il-qrati kompetenti għandhom jiġu mistiedna jittrażmettu lill-Parlament id-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex jiġi stabbilit jekk il-każijiet inkwistjoni jaqgħux taħt l-ipoteżi tal-immunità assoluta prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 u li l-qrati kompetenti għandhom jiġu mistiedna jissospendu l-proċedimenti pendenti sad-deċiżjoni finali tal-Parlament; billi kien evidenti mid-deċiżjonijiet tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja li din ir-riżoluzzjoni ma kenitx twasslet lill-qrati Taljani;

D.  billi, fil-kuntest tar-rinviju msemmi hawn fuq għad-deċiżjonijiet preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li meta tkun tressqet azzjoni kontra Membru tal-Parlament Ewropew quddiem qorti nazzjonali u dik il-qorti tkun infurmata li tkun inbdiet proċedura għad-difiża tal-privileġġi u tal-immunitajiet ta' dak il-Membru, kif previst fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, dik il-qorti trid tissospendi l-proċedimenti ġudizzjarji u titlob lill-Parlament biex jagħti l-opinjoni tiegħu malajr kemm jista' jkun[3];

E.  billi, wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenzi tal-10 ta' Diċembru 2009, il-Qorti Suprema Taljana rreferiet il-kwistjoni lura lill-Qorti tal-Appell ta' Napli sabiex tieħu deċiżjoni dwar il-każ tas-Sur Marra fid-dawl kemm tar-riżoluzzjoni tal-11 ta' Ġunju 2002 kif ukoll tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja; billi, permezz tas-sentenzi tal-5 ta' Diċembru 2012, il-Qorti tal-Appell, mingħajr ma ssospendiet il-proċedimenti u mingħajr ma talbet l-opinjoni tal-Parlament, ikkonfermat is-sentenzi preċedenti tagħha, li permezz tagħhom is-Sur Marra kien ġie ordnat iħallas kumpens lill-partijiet li ġarrbu dannu; billi, permezz tas-sentenzi tat-30 ta' April 2015, il-Qorti Suprema Taljana annullat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell u rreferiet il-każ lura lilha sabiex tkun tista' tissospendi l-proċedimenti u titlob l-opinjoni tal-Parlament; billi l-Qorti tal-Appell ta' Napli effettivament iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u, permezz ta' ittra tas-27 ta' Jannar 2018, li tikkonsulta l-Parlament Ewropew dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' Alfonso Luigi Marra;

F.  billi l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jeskludu lil xulxin[4]; billi l-każ inkwistjoni jikkonċerna biss l-opinjonijiet allegatament diskriminatorji espressi minn Membru tal-Parlament Ewropew; billi, għalhekk, huwa suffiċjenti li jiġi applikat biss l-Artikolu 8;

G.  billi skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7, il-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħu jkunu soġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom; Immunità bħal din trid tiġi kkunsidrata, sa fejn hija intiża sabiex tipproteġi l-espressjoni libera u l-indipendenza tal-Membri tal-Parlament Ewropew, bħala immunità assoluta li ma tippermettix li jitressqu proċeduri ġudizzjarji kontrihom minħabba opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi ta' dmirijiethom bħala Membri Parlamentari[5];

H.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, sabiex wieħed igawdi mill-immunità, opinjoni għandha tkun espressa minn Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietu, u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari; billi tali rabta għandha tkun diretta u ovvja[6]; billi għalkemm id-dikjarazzjonijiet allegatament diffamatorji saru bejn l-1996 u l-2001 qabel is-sentenza tal-2011 fil-Kawża Patriciello, jibqa' l-fatt li l-qrati Taljani fittxew l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-2018, jiġifieri wara li ġiet stabbilita l-ġurisprudenza rispettiva;

I.  billi l-fatti tal-każ, kif stabbiliti fid-dokumenti pprovduti lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali u fis-smigħ quddiemu, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Marra m'għandhomx konnessjoni diretta u ovvja mad-dmirijiet parlamentari tiegħu;

J.  billi Alfonso Luigi Marra ma jistax għalhekk jitqies li kien qed jaqdi dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-opinjonijiet espressi minnu fil-każ inkwistjoni;

1.  Iqis li l-opinjonijiet espressi minn Alfonso Luigi Marra mhumiex koperti mill-immunità parlamentari fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Alfonso Luigi Marra.

  • [1]  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
  • [2] ĠU C 261E, 30.10.2003, p. 102.
  • [3]  Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07, Marra, iċċitati aktar 'il fuq, paragrafu 43.
  • [4]  Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07, Marra, iċċitati aktar 'il fuq, paragrafu 45.
  • [5]  Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07, Marra, iċċitati aktar 'il fuq, paragrafu 27.
  • [6]  Kawża C-163/10 Patriciello, imsemmija hawn fuq, paragrafi 33 u 35.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Laura Ferrara, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Axel Voss, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Geoffroy Didier, Angelika Niebler

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Ottubru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza