RAPPORT dwar l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni
15.10.2018 - (2018/2081(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Vincent Peillon
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) li jgħid li "[k]ulħadd għandu dritt għall-edukazzjoni. L-edukazzjoni għandha tkun bla ħlas, tal-inqas l-edukazzjoni primarja u bażika",
– wara li kkunsidra d-dokument intitolat "Nittrasformaw lid-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", adottat fil-25 ta' Settembru 2015 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li jagħraf li l-ekwità, l-inklużjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi huma marbuta b'mod inseparabbli mad-dritt għall-edukazzjoni inklużiva,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u b'mod partikolari l-Għan nru 4: "L-iżgurar ta' aċċess ugwali għall-edukazzjoni ta' kwalità, u l-promozzjoni ta' opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja", kif ukoll id-Dikjarazzjoni ta' Incheon u l-Qafas għal Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 4, li jiddikjara li "l-ugwaljanza bejn is-sessi hija inseparabbli mid-dritt għall-edukazzjoni għal kulħadd",
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Nru 36 (2017) tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, fir-rigward tad-dritt tal-bniet u n-nisa għall-edukazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-27 ta' Lulju 2015,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 35/L2 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) tat-22 ta' Ġunju 2017, intitolata "Id-dritt għall-edukazzjoni: segwitu tar-Riżoluzzjoni 8/4 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem",
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2002 bit-titlu "L-edukazzjoni u t-taħriġ fil-kuntest tat-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp" (COM(2002)0116),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-2010 dwar ir-rinfurzar u t-titjib tal-edukazzjoni fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp bit-titlu "More and Better Education in Developing Countries" (Iktar Edukazzjoni mtejba fil-Pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp) (SEC(2010)0121),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2018 bit-titlu "L-Edukazzjoni f'Emerġenzi u Kriżijiet fit-Tul" (COM(2018)0304),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Charlevoix dwar l-edukazzjoni ta' kwalità għall-bniet, it-tfajliet adoloxxenti u n-nisa fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, adottata mill-G7 fid-9 ta' Ġunju 2018,
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u l-Kodiċi ta' Mġiba tal-UE dwar it-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika tal-Iżvilupp (COM(2007)0072),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal (SWD(2015)0182) – L-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u tan-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE (2016-2020)[1],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar it-titjib tas-sostenibilità tad-dejn tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp[2],
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-UNESCO dwar il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni Globali ppubblikat fl-2017 u bit-titlu "Accountability in Education: meeting our commitments" (Ir-responsabilità fl-edukazzjoni: inwettqu l-impenji tagħna),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0327/2018),
A. billi l-edukazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem u hija ċentrali għall-kisba tal-SDGs kollha; tipprevjeni t-trażmissjoni tal-faqar bejn il-ġenerazzjonijiet u għandha rwol ewlieni fil-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa; billi l-edukazzjoni bħala qasam tad-drittijiet tmur lil hinn mill-ugwaljanza aritmetika u tfittex li tippromwovi ugwaljanza reali bejn is-sessi fl-edukazzjoni u permezz tagħha;
B. billi l-aħħar komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-edukazzjoni fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp tmur lura għall-2002 u ġiet aġġornata biss fl-2010 b'dokument ta' ħidma;
C. billi fl-2009, l-għajnuna għall-edukazzjoni kienet tirrappreżenta 8,3 % tal-għajnuna globali għall-iżvilupp; billi fl-2015, dan is-sehem naqas għal 6,2 %; billi għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, dan is-sehem naqas minn 11 % għal 7,6 % fuq l-istess perjodu;
D. billi l-għajnuna għall-edukazzjoni bażika tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha naqset bi 33,9 % bejn l-2009 u l-2015, jiġifieri aktar mill-għajnuna għall-edukazzjoni b'mod ġenerali (15,2 %);
E. billi fl-2015, 264 miljun tifel u tifla u żagħżugħ u żagħżugħa fl-età tal-iskola fl-edukazzjoni primarja jew sekondarja ma kinux irreġistrati fi skola;
F. billi, sa tmiem l-2017, kien hemm aktar minn 25,4 miljun rifuġjat madwar id-dinja, li minnhom 7,4 miljuni kienu tfal tal-iskola primarja, li minnhom 4 miljuni ma kellhom aċċess għall-ebda tip ta' edukazzjoni primarja; fil-pajjiżi milquta minn sitwazzjonijiet fraġli u kunflitti, hemm 37 % aktar bniet milli subien li ma jmorrux skola primarja, u huwa kważi 90 % aktar probabbli li n-nisa żgħażagħ ma jmorrux skola sekondarja mill-kontropartijiet maskili tagħhom fil-pajjiżi mhux affettwati minn kunflitt;
G. billi r-rapport dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU tal-2017 juri li, fl-2011, madwar kwart biss ta' skejjel fl-Afrika sub-Saħarjana kellhom aċċess għall-elettriku u anqas minn nofs kellhom aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb; billi l-Afrika sub-Saħarjana għandha l-iktar perċentwal baxx ta' għalliema kwalifikati fl-edukazzjoni primarja kif ukoll f'dik sekondarja;
H. billi fil-passat l-appoġġ għall-edukazzjoni f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp kien iffukat wisq fuq l-għadd ta' studenti rreġistrati u mhux fuq il-kwalità tal-edukazzjoni pprovduta; u l-SDG Nru 4 għandu l-għan li jiżgura li jkun hemm aċċess ta' kulħadd għall-edukazzjoni ta' kwalità sal-2030;
I. billi jitqiesu d-diffikultajiet iffaċċjati minn ċerti intrapriżi f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex isibu ħaddiema bi kwalifiki li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom;
J. billi l-isforzi li saru mill-2016, li għalkemm jistħoqqilhom kull tifħir, madankollu ma kinux biżżejjed sabiex ipattu għaż-żmien mitluf akkumulat u għalhekk għandhom jissoktaw u jiżdiedu maż-żmien;
K. billi, skont il-UNESCO, l-għajnuna għall-edukazzjoni tal-pajjiżi b'introjtu baxx u b'introjtu medju baxx għandha tikber b'sitt darbiet sabiex sal-2030 jintlaħaq l-SDG nru 4; billi, skont il-Kummissjoni internazzjonali dwar il-finanzjament ta' opportunitajiet edukattivi fid-dinja, l-għajnuna għall-edukazzjoni għandha tilħaq id-89 biljun dollaru fl-2030, meta mqabbla mat-12-il biljun tal-lum il-ġurnata;
Inpoġġu l-edukazzjoni fiċ-ċentru tal-iżvilupp
1. Jinsab konvint li l-għajnuna għall-edukazzjoni għandha tkun prijorità, peress li l-edukazzjoni tikkostitwixxi dritt fundamentali iżda wkoll peress li hija essenzjali għall-kisba ta' SDGs oħra: għall-iżvilupp ekonomiku u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa, l-inklużjoni soċjali ta' persuni b'diżabilità, is-saħħa, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-prevenzjoni tal-kunflitti;
2. Jiddispjaċih għalhekk li l-għajnuna għall-edukazzjoni mhix prijorità tad-donaturi internazzjonali; iħeġġeġ biex l-edukazzjoni titpoġġa fiċ-ċentru tal-politiki dwar l-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;
3. Jirrikonoxxi li l-kisba tal-SDG nru 4 teħtieġ investiment enormi fis-sistemi edukattivi; jafferma li, l-ewwel nett, dan l-investiment għandu jsir mill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, iżda li l-għajnuna internazzjonali tibqa' indispensabbli biex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' finanzjament;
4. Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-komunikazzjoni tagħha dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-kuntest tat-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, li tmur lura għall-2002, kif ukoll id-dokument ta' ħidma tagħha tal-2010; jindika li l-komunikazzjoni l-ġdida għandha tippjana l-mezzi biex jintlaħaq l-SDG nru 4 sal-2030;
5. Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex jallokaw 10 % tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tagħhom għall-edukazzjoni sal-2024, u 15 % fl-2030;
6. Ifakkar li ż-żieda meħtieġa fl-isforzi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex jiġu promossi sistemi tat-taxxa ekwi u jiġu miġġielda l-flussi finanzjarji illeċiti u ż-żieda indispensabbli fl-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp mhumiex se jkunu biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' finanzjament; jappella għalhekk għall-ħolqien ta' mezzi ta' finanzjament innovattivi b'effett ta' ingranaġġ u li huma allinjati ma' mekkaniżmi u inizjattivi ta' finanzjament eżistenti sabiex jissaħħu s-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali;
7. Isegwi b'interess il-proposta tal-Kummissjoni internazzjonali dwar il-finanzjament ta' opportunitajiet edukattivi fid-dinja li tinħoloq Faċilità Internazzjonali ta' Finanzjament għall-Edukazzjoni (IFFEd), dment li din tikkomplementa tassew l-isforzi attwali u ma tissostitwixxihomx; iqis li din l-inizjattiva għandha titwettaq f'sinerġija mal-azzjoni tas-Sħubija Globali għall-Edukazzjoni; jindika li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-affidabilità tal-kreditu tal-pajjiżi eliġibbli qabel kull finanzjament;
8. Jinnota li l-mira ta' 20 % ta' għajnuna pubblika għall-iżvilupp tal-Unjoni allokata għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem, li jkopru s-servizzi soċjali bażiċi, inkluża s-saħħa u l-edukazzjoni, mhix preċiża u ma tippermettix monitoraġġ adegwat tal-infiq; jitlob li l-miri kwantifikati jiġu inklużi fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;
Nindirizzaw il-prijoritajiet
9. Ifakkar li l-kompetenza tat-tagħlim bażiku, inkluż ta' ħiliet diġitali, hija prerekwiżit għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-integrazzjoni fil-ħajja tax-xogħol, li l-edukazzjoni tal-bniet hija lieva essenzjali għall-kisba tal-SDGs, għas-saħħa u l-benesseri kif ukoll għall-miġja ta' soċjetajiet paċifiċi, u li l-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) huma l-aktar esposti għan-nuqqas ta' finanzjament meta fil-fatt huma dawk fejn l-investiment jiġġenera l-ogħla benefiċċji għall-bniedem, soċjali, għall-ekonomija u għas-saħħa;
10. Ifakkar li l-emanċipazzjoni tal-gruppi vulnerabbli hija essenzjali biex jitnaqqas il-faqar; jinsisti li l-persuni kollha, irrispettivament mis-sess, l-etniċità, il-lingwa, ir-reliġjon, l-opinjoni politika jew opinjoni oħra, kif ukoll il-persuni b'diżabilità, il-migranti u l-popli indiġeni, għandu jkollhom aċċess għal opportunitajiet inklużivi u ekwi għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja;
11. Jafferma għaldaqstant li l-għajnuna tal-Unjoni għall-edukazzjoni qabelxejn għandha tindirizza żewġ prijoritajiet: tippromwovi l-edukazzjoni bażika ta' kwalità u inklużiva u tipprovdi appoġġ imsaħħaħ lil-LDCs;
12. Jinsisti b'mod partikolari fuq l-għan 4.1 tal-SDG, li jimmira għal ċiklu ta' edukazzjoni primarja u sekondarja fuq perjodu ta' 12-il sena bla ħlas għal kulħadd; itenni li għandu jkun pilastru ewlieni tas-Sħubija bejn l-Afrika u l-UE, f'konformità mal-prijoritajiet strateġiċi miftiehma fis-Summit tal-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana (2017); jindika li l-edukazzjoni bla ħlas ma għandhiex tkopri biss it-tagħlim iżda wkoll l-ispejjeż moħbija, kif ukoll l-ispejjeż tal-materjal edukattiv, tat-trasport u tal-ikel; iqis li l-Istati għandhom iqisu sistemi ta' għotjiet sabiex it-tfal l-aktar żvantaġġati jkunu jistgħu jattendu l-iskola; ifakkar fl-importanza li jiġu ggarantiti l-pluraliżmu u l-libertà tal-għażla tal-ġenituri; madankollu, jirrikjedi li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, bi qbil mal-mira tal-SDG 4.1 u l-Artikolu 26 tal-UDHR, ma jużawx l-Assistenza Pubblika għall-Iżvilupp biex jappoġġaw istituzzjonijiet edukattivi kummerċjali bi skop ta' qligħ, li ma jirrispettawx il-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni;
13. Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex minn issa sal-2030 jallokaw tal-inqas nofs l-għajnuna tagħhom għall-edukazzjoni lill-edukazzjoni bażika;
14. Jitlob ukoll li tal-inqas 40 % tal-għajnuna għall-edukazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tkun diretta lejn l-LDCs;
15. Jitlob, li tingħata attenzjoni partikolari lill-ugwaljanza bejn il-bniet u s-subien, li hi essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli u għall-prinċipju li ħadd ma jaqa' lura; jistieden lill-Unjoni tippromwovi edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-aċċess tal-bniet għall-edukazzjoni, għall-parteċipazzjoni tagħhom fi u t-tlestija tal-istudji tagħhom; ifakkar fl-għan li 85 % tal-programmi l-ġodda tal-Unjoni Ewropea jkollhom, bħala objettiv ewlieni jew sinifikanti, l-ugwaljanza tal-ġeneri sal-2020; jitlob, fl-aħħar nett, appoġġ għall-iżvilupp ta' sistemi edukattivi li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' studenti b'diżabilità, kif ukoll minoranzi oħra u gruppi vulnerabbli, b'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet lokali;
16. Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-komunikazzjoni tagħha dwar l-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenzi u ta' kriżijiet fit-tul u l-għan li 10 % tal-għajnuna umanitarja tal-Unjoni tiġi allokata għall-edukazzjoni mill-2019;
17. Ifakkar li l-edukazzjoni ta' tfal rifuġjati jew spostati għandha tiġi kkunsidrata mill-bidu bħala prijorità; jisħaq fuq l-importanza li jiġu appoġġati pajjiżi milquta minn sitwazzjonijiet ta' fraġilità u kunflitti sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tagħhom u jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, inkluża l-edukazzjoni sekondarja, għat-tfal u ż-żgħażagħ rifuġjati, dawk spostati internament u l-komunitajiet ospitanti tagħhom;
18. Jenfasizza l-ħtieġa ta' reazzjoni aktar integrata, li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati, rapida, sistematika u effettiva għall-ħtiġijiet tal-edukazzjoni f'sitwazzjoni ta' emerġenza, skont il-prinċipju ta' rabta bejn l-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp;
19. Jinnota li ċerti pajjiżi fil-mira ma jistgħux jew ma jridux jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjoni, inklużi l-ħtiġijiet edukattivi tagħha; jitlob l-identifikazzjoni tas-sieħeb l-aktar xieraq tas-soċjetà ċivili u t-tisħiħ u l-estensjoni tal-prattiki tajba f'dan il-qasam mill-NGOs u atturi oħra;
20. Ifakkar fl-importanza ta' edukazzjoni sekondarja, teknika u vokazzjonali għall-impjegabilità taż-żgħażagħ u għall-iżvilupp sostenibbli; jemmen li dawn it-tnejn tal-aħħar għandhom iwasslu għal impjieg diċenti, jiġu diretti lejn il-ħtiġijiet tal-iżvilupp tal-pajjiżi u l-ħtiġijiet tan-negozji, f'koordinazzjoni ma' u sa fejn possibbli, iffinanzjati minnhom; jiġbed l-attenzjoni għall-proġetti li jinvolvu lis-settur privat fiċ-ċentri tat-taħriġ u jistieden lill-Kummissjoni teżamina kif jista' jiġi appoġġat b'finanzjament l-iżvilupp ta' inizjattivi bħal dawn; jindika li l-Pjan ta' Investiment Estern tal-Unjoni jista' jiġi mmobilizzat biex jintlaħqu dawn l-objettivi u jitlob parteċipazzjoni strateġika tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni f'dan il-qasam;
21. Jinsab imħasseb dwar il-fenomenu tal-"eżodu ta' mħuħ"; jinnota li xi Stati Membri jonfqu aktar minn nofs l-għajnuna tagħhom għall-edukazzjoni fuq l-ispejjeż tal-edukazzjoni fit-territorju tagħhom; jindika li ż-żieda fl-għajnuna għall-edukazzjoni se jkollha tnaqqas dan il-proporzjon; jistieden lill-Istati Membri jesploraw u japplikaw il-prattiki u l-esperjenzi tajbin bħall-iskambji akkademiċi u professjonali; iqis li viżi għal dħul multiplu jippermettu lil dawn l-istudenti jaġġornaw l-għarfien tagħhom u jiffavorixxu l-mobilità ċirkolari; jistieden, fl-istess ħin, li jiġu stabbiliti inċentivi jew miżuri li jħeġġu lill-istudenti jaħdmu fis-settur ekonomiku jew tal-gvern fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom wara r-ritorn tagħhom għal perjodu minimu, b'tali mod li l-għarfien li jkunu kisbu jibbenefikaw prinċipalment lil pajjiżi sħab;
22. Jinnota li l-kwalità tal-għalliema hija essenzjali għat-tagħlim; jinnota bi tħassib li l-kwalità u d-disponibilità tat-taħriġ tal-għalliema jibqgħu problema serja, b'mod partikolari fl-Afrika sub-Saħarjana; jinsisti fuq l-isforzi li għandhom isiru għat-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema, b'enfasi fuq l-għarfien u l-ħiliet edukattivi, kif ukoll fuq ir-reklutaġġ, il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, inter alia biex jiġu mħeġġa jibqgħu u jgħaddu l-għarfien tagħhom lill-ġenerazzjonijiet futuri; jitlob li jkun hemm aktar programmi biex l-għalliema jiġu skambjati minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-Istati Membri tal-Unjoni, pereżempju permezz tal-programm Erasmus+;
23. Jinnota l-investimenti enormi meħtieġa fl-infrastrutturi, il-materjal u t-tagħmir edukattivi, b'mod partikolari f'żoni rurali jew sottopopolati, biex ikun żgurat aċċess ugwali għall-edukazzjoni għall-faċilitajiet kollha tal-edukazzjoni, mingħajr diskriminazzjoni;
24. Jenfasizza l-importanza ta' teknoloġiji ġodda biex jitjiebu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kwalità tagħha, b'mod partikolari għat-tixrid tal-għarfien, it-taħriġ, it-tagħlim u l-iżvilupp tal-għalliema u l-ġestjoni tal-istituzzjonijiet; jisħaq fuq il-ħtieġa li tinħataf l-opportunità tat-tranżizzjoni diġitali biex jiġi żgurat li l-għarfien u l-metodi ta' tagħlim moderni jiġu żviluppati f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li dawn it-teknoloġiji ġodda għandhom jappoġġaw l-isforzi edukattivi, u mhux jissostitwixxuhom billi jnaqqsu l-istandards edukattivi; jitlob għal evalwazzjoni mtejba tal-impatt tal-investiment teknoloġiku fuq l-eżiti tat-tagħlim; jinsisti fuq it-tisħiħ tal-ħiliet diġitali biex jippromwovu l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet;
25. Jitlob li jiġu rduppjati l-isforzi sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-esklużjoni diġitali permezz tal-edukazzjoni u tat-taħriġ dwar ħiliet diġitali fundamentali u inizjattivi sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-ICTs; jappella wkoll li l-litteriżmu diġitali jiġi introdott fil-kurrikuli tal-iskejjel fil-livelli kollha tal-edukazzjoni fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, bil-għan li jinkisbu l-ħiliet meħtieġa sabiex jitjieb l-aċċess għall-informazzjoni;
26. Jinnota li l-edukazzjoni għandha twitti t-triq għall-ġenerazzjoni li jmiss sabiex tkun tista' tgħix ħajja produttiva bis-sħiħ f'dinja li se tkun qed tinbidel permezz ta' robotizzazzjoni u awtomatizzazzjoni; jemmen li sabiex jiġu ssodisfati l-aspettattivi ta' dawk li qed ifittxu xogħol kif ukoll in-negozji, it-taħriġ disponibbli għandu jkun ġenwinament professjonali u li, sabiex isir dan, ma għandhomx jiġu esklużi sħubijiet mas-settur privat fil-qasam tal-edukazzjoni vokazzjonali; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tal-flessibilità u l-ħiliet, iżda jenfasizza wkoll l-importanza tal-ħiliet tal-ħajja u l-ħiliet soċjali fl-edukazzjoni; jinsab ċert li, barra mill-iskejjel li jgħallmu l-għarfien akkademiku, it-tfal għandhom jakkwistaw ħiliet ta' riflessjoni biex ikunu jistgħu jistaqsu mistoqsijiet validi, ħiliet kreattivi biex ikunu jistgħu jirrealizzaw l-ideat tagħhom u jkunu kapaċi jaġixxu biex jitgħallmu tul ħajjithom;
27. Jinsisti fuq ir-rabta bejn l-edukazzjoni u s-saħħa; jindika li l-mediċina fil-kuntest tal-iskola u l-edukazzjoni dwar is-saħħa, minbarra li jippromwovu t-tagħlim, huma mod kif jintlaħqu sezzjonijiet kbar tas-soċjetà; jitlob li jiġi stabbilit approċċ komprensiv u integrat għall-edukazzjoni sesswali għall-bniet u s-subien, li jindirizza kwistjonijiet tas-saħħa bħall-HIV, l-ippjanar tal-familja u t-tqala, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għal objettivi usa' bħat-titjib tal-aċċess tal-bniet għall-edukazzjoni; jinnota l-importanza tal-fornituri tal-kura tas-saħħa għal appoġġ psikosoċjali, speċjalment f'pajjiżi affettwati minn kunflitti, sabiex titjieb ir-reżiljenza tat-tfal żgħar;
28. Jinkoraġġixxi lill-Istati biex jintroduċu mill-inqas sena ta' edukazzjoni bla ħlas għat-tfal żgħar, f'konformità mal-mira tal-SDG 4.2;
29. Jerġa' jafferma li ambjent favorevoli biss jippermetti edukazzjoni ta' kwalità, inklużi l-involviment tal-ġenituri, l-aspetti nutrittivi, is-sigurtà, kif ukoll l-aċċess għall-elettriku, l-ilma u faċilitajiet sanitarji adegwati, sabiex is-subien u l-bniet ikunu jistgħu jibbenefikaw tassew mill-iskola u jiżdiedu r-rati ta' studenti li jtemmu l-iskola b'suċċess, l-aktar fil-livell tal-primarja;
Intejbu l-kwalità tal-għajnuna
30. Huwa tal-opinjoni li l-evalwazzjonijiet tas-sistemi edukattivi, inklużi dawk ipprovduti minn istituzzjonijiet mhux statali, dwar il-kwalità tat-tagħlim u r-riżultati tat-tagħlim huma prerekwiżit għal kwalunkwe titjib fl-effikaċja tal-għajnuna; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffinanzjaw ir-riċerka, l-aggregazzjoni tad-data u l-għodod ta' evalwazzjoni affidabbli, tekniċi, mhux diskriminatorji u indipendenti;
31. Iqis essenzjali koordinazzjoni mtejba tad-donaturi fi gruppi lokali għall-edukazzjoni, sabiex jiġu evitati duplikazzjoni ta' impjiegi, kif ukoll sitwazzjonijiet fejn l-isforzi ta' għajnuna jidħlu f'kunflitt; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aktar sistematiku tal-ipprogrammar konġunt u tad-delegazzjoni; ifakkar li l-għajnuna għall-iżvilupp ma tistax isservi bħala strateġija ta' influwenza;
32. Jenfasizza l-obbligu tal-gvernijiet li jiżguraw id-dritt għall-edukazzjoni taċ-ċittadini tagħhom; jinnota, għalhekk, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kapaċità tal-persuni responsabbli, fil-livelli kollha, li jipprovdu servizzi għal kulħadd u jistabbilixxu istituzzjonijiet, strateġiji u pjanijiet nazzjonali edukattivi ekwi, aċċessibbli u nondiskriminatorji bi sjieda reali, u maħluqa abbażi ta' konsultazzjoni sinifikanti u parteċipazzjoni strateġika ta' atturi ewlenin, fosthom tas-soċjetà ċivili, b'għanijiet speċifiċi u mekkaniżmi ta' monitoraġġ, evalwazzjonijiet u spezzjonijiet regolari, delimitazzjoni ċara u trasparenti tar-responsabilitajiet, u allokazzjoni tar-riżorsi soġġetta għal kontrolli indipendenti; iħeġġeġ l-adozzjoni ta' oqfsa regolatorji nazzjonali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tas-servizzi tal-edukazzjoni;
33. Jenfasizza l-prevedibilità tal-għajnuna u s-sjieda tagħha mill-Istati sħab; jindika f'dan ir-rigward li l-appoġġ dirett tal-baġit u l-għajnuna mogħtija mill-organizzazzjonijiet multilaterali jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti bl-aħjar mod;
34. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex meta jkun possibbli jippromwovu l-appoġġ dirett tal-baġit settorjali, bi kriterji stretti, inkluż il-governanza tajba, u kontrolli estensivi, b'mod partikolari biex jiġu evitati każijiet ta' korruzzjoni; ifakkar li l-pajjiżi terzi benefiċjarji jimpenjaw ruħhom li jirrimborżaw pagamenti f'każ ta' irregolaritajiet serji; jitlob l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-ftehimiet ta' finanzjament; jenfasizza l-ħtieġa li jitwaqqaf mekkaniżmu ta' monitoraġġ biex jivverifika jekk l-għajnuna għall-iżvilupp ġietx abbużata u biex tapplika sanzjonijiet skont dan, inkluż permezz tar-riallokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji, sabiex tiżdied l-għajnuna għall-aħjar prattiki f'dan il-qasam;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu r-rwol tal-awtoritajiet lokali u l-OSĊ fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' għajnuna għall-edukazzjoni, inkluż fil-qafas tal-appoġġ dirett tal-baġit;
36. Jinnota li terz biss tal-għajnuna għall-edukazzjoni ġejja mill-organizzazzjonijiet multilaterali, meta mqabbla maż-żewġ terzi fil-qasam tas-saħħa; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament tagħhom għas-Sħubija Globali għall-Edukazzjoni u għall-fond "Education cannot wait" (l-Edukazzjoni ma tistax tistenna); iqis li s-Sħubija Globali għandha tkun tista', fil-pjan strateġiku tagħha li jmiss għal wara l-2020, testendi l-perjodu ta' programmazzjoni tagħha minn 3 snin għal 6 snin sabiex ikun permess finanzjament aktar stabbli u prevedibbli, li huwa partikolarment meħtieġ għat-tisħiħ tas-sistemi edukattivi nazzjonali;
°
° °
37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi Adottati ta' din id-data, P8_TA(2018)0239.
- [2] Testi Adottati ta' din id-data, P8_TA(2018)0104.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
9.10.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 0 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Nirj Deva, Mireille D’Ornano, Enrique Guerrero Salom, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Linda McAvan, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Lola Sánchez Caldentey, Eleni Theocharous, Mirja Vehkaperä, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Thierry Cornillet, Ádám Kósa, Cécile Kashetu Kyenge, Florent Marcellesi, Paul Rübig, Kathleen Van Brempt |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Krzysztof Hetman, Kati Piri |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
25 |
+ |
|
ALDE |
Beatriz Becerra Basterrechea, Thierry Cornillet, Mirja Vehkaperä |
|
ECR |
Nirj Deva, Eleni Theocharous |
|
EFDD |
Ignazio Corrao, Mireille D’Ornano |
|
GUE/NGL |
Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey |
|
PPE |
Krzysztof Hetman, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Ádám Kósa, Paul Rübig, Bogdan Brunon Wenta, Joachim Zeller, Željana Zovko |
|
S&D |
Enrique Guerrero Salom, Cécile Kashetu Kyenge, Linda McAvan, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Kati Piri, Kathleen Van Brempt |
|
Verts/ALE |
Maria Heubuch, Florent Marcellesi |
|
0 |
- |
|
|
|
|
1 |
0 |
|
PPE |
Anna Záborská |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni