RAPPORT dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar is-Serbja

16.10.2018 - (2018/2146(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: David McAllister


Proċedura : 2018/2146(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0331/2018
Testi mressqa :
A8-0331/2018
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar is-Serbja

(2018/2146(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Salonka fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-"Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija" tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/56/KE,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea (SEC(2011)1208), id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-2 ta' Marzu 2012 biex jingħata status ta' pajjiż kandidat lis-Serbja u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013 biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mas-Serbja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza fir-rigward tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni 64/298 tad-9 ta' Settembru 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħet id-disponibbiltà tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin varat fit-28 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet adottati fit-tmien laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Serbja tat-13 u l-14 ta' Ġunju 2018 u t-tmien laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn it-13 u l-14 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE/ODHIR) rigward il-missjoni limitata ta' osservazzjoni elettorali tal-elezzjonijiet parlamentari bikrin fis-Serbja fid-29 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni dwar il-valutazzjoni tal-elezzjoni tal-OSKE/ODHIR tul l-elezzjonijiet presidenzjali fis-Serbja tat-2 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni 2018 dwar is-Serbja tas-17 ta' April 2018 (SWD(2016)0152),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titlu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija tat-23 ta' Mejju 2017 (9655/17),

–  wara li kkunsidra r-raba' laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni UE-Serbja tas-16 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra t-tmien laqgħa tal-Konferenza mas-Serbja dwar l-Adeżjoni fil-livell ministerjali tal-25 ta' Ġunju 2018.

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Lulju 2015 tal-korp kontra l-korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa – GRECO – dwar is-Serbja u r-Raba' rapport tas-Sessjoni ta' Evalwazzjoni tal-GRECO tal-20 ta' Ottubru 2017 bit-titlu "Corruption prevention in respect of members of parliament, judges and prosecutors" (Il-prevenzjoni tal-korruzzjoni fir-rigward tal-membri tal-parlament, l-imħallfin u l-prosekuturi),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 dwar il-Programm ta' Riforma Ekonomika tal-Kosovo 2018-2020 (SWD(2018)0132) u l-konklużjonijiet konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, adottat mill-Kunsill fil-25 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-"Opinion on the draft amendments to the constitutional provisions on the judiciary" (Opinjoni dwar l-abbozz ta' emendi għad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-ġudikatura) tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-25 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-istħarriġ tal-2017 dwar ir-Rom emarġinati fil-Balkani tal-Punent, appoġġat mill-Kummissjoni u li sar mill-Bank Dinji u mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal bit-titlu "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar is-Serbja[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0331/2018),

A.  billi s-Serbja, bħal kull pajjiż li jaspira li jaderixxi mal-UE, trid tiġi ġġudikata abbażi tal-merti proprji tagħha li tissodisfa, timplimenta u tikkonforma mal-istess ġabra ta' kriterji, u billi l-kwalità tar-riformi neċessarji u d-dedikazzjoni lejhom jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni; billi l-proċess ta' adeżjoni huwa u jibqa' wieħed ibbażat fuq il-mertu li jiddependi b'mod sħiħ mill-progress oġġettiv miksub minn kull pajjiż, inkluża s-Serbja;

B.  billi sa mill-ftuħ tan-negozjati mas-Serbja nfetħu erbatax-il kapitolu u tnejn minnhom ingħalqu b'mod provviżorju;

C.  billi s-Serbja kienet impenjata b'mod kontinwu biex tinnormalizza r-relazzjonijiet mal-Kosovo, li wassal għall-Ewwel Ftehim tal-Prinċipji li Jiggvernaw in-Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet tad-19 ta' April 2013 u l-ftehimiet ta' Awwissu 2015; billi s-Serbja kompliet tipparteċipa f'dan id-djalogu;

D.  billi s-Serbja kkontribwiet għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali u għal relazzjonijiet ta' viċinat tajbin, kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà, għar-rikonċiljazzjoni u għal klima li għen biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bilaterali miftuħa mill-passat;

E.  billi s-Serbja żammet l-impenn li toħloq ekonomija tas-suq li tiffunzjona u kompliet tibni riżultati tajbin fl-implimentazzjoni tal-obbligi tal-FSA;

F.  billi l-istat tad-dritt huwa valur fundamentali li fuqu hija msejsa l-UE u jinsab fil-qalba kemm tal-proċess ta' tkabbir kif ukoll tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni; billi hemm bżonn ta' riformi li jindirizzaw l-isfidi importanti li għad fadal f'dan il-qasam, partikolarment fil-garanzija ta' ġudikatura indipendenti, imparzjali, responsabbli u effiċjenti, u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, kif ukoll fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;

G.  billi s-Serbja rratifikat il-konvenzjonijiet fundamentali kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, inklużi b'mod partikolari l-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni tal-1948 (Nru 87), id-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, tal-1949 (Nru 98) u, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat tal-1930 (Nru 29);

H.  billi s-sitwazzjoni dwar il-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-mezzi ta' komunikazzjoni tibqa' kwistjoni ta' tħassib partikolarment serju, li teħtieġ li tiġi indirizzata b'determinazzjoni u b'effikaċja bħala kwistjoni ta' prijorità;

I.  billi s-Serbja tibbenefika minn assistenza ta' qabel l-adeżjoni skont l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), b'allokazzjoni indikattiva totali ta' EUR 1,5 biljun għall-2014-2020; billi l-allokazzjoni indikattiva riveduta tal-IPA II għas-Serbja għall-perjodu 2018-2020 hija ta' EUR 728 miljun; billi s-Serbja ngħatat kumpens għall-prestazzjoni ta' nofs it-terminu;

1.  Jilqa' l-impenn kontinwu muri mis-Serbja fit-triq lejn l-integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea; jappella lis-Serbja, ħalli bl-appoġġ tal-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv din id-deċiżjoni strateġika fost il-pubbliku Serb u tkompli żżid l-informazzjoni li tingħata f'waqtha u b'mod trasparenti, kif ukoll il-viżibbiltà tal-UE u tal-proġetti u l-programmi ffinanzjati minnha;

2.  Jissottolinja li l-implimentazzjoni bir-reqqa tar-riformi u tal-politiki hija indikatur ewlieni ta' proċess ta' integrazzjoni ta' suċċess; jappella lis-Serbja ttejjeb l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u ta' politiki ġodda; jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni ta' tielet reviżjoni tal-programm nazzjonali għall-adozzjoni tal-acquis tal-UE u jwissi kontra l-konsegwenzi ta' traspożizzjoni mhux xierqa fil-liġi nazzjonali ta' liġijiet importanti tal-UE rigward l-allinjament mal-acquis; jilqa' bi pjaċir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha bit-titlu ta' "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" li, flimkien ma' rieda politika qawwija, bit-twassil ta' riformi reali u sostnuti, u b'soluzzjonijiet definittivi mal-ġirien, is-Serbja tista' ssir membru tal-UE; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li jekk jingħataw il-garanziji ta' progress meħtieġa, b'mod partikolari fil-qasam fundamentali tal-istat tad-dritt, biex jappoġġjaw il-ftuħ ta' kapitoli mħejjija teknikament u jaċċelleraw il-proċess globali ta' negozjati ta' adeżjoni;

3.  Jilqa' bi pjaċir it-tlestija b'suċċess tal-proċess ta' pprogrammar IPA 2018 u l-iffirmar tal-Ftehim ta' Finanzjament għall-IPARD II; jistieden lill-Kummissjoni sabiex fit-tfassil tal-Istrument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni l-ġdid (IPA III), tinkludi dispożizzjonijiet adegwati li jipprevedu l-possibbiltà tal-adeżjoni tas-Serbja mal-UE;

4.  Jilqa' bi pjaċir il-progress tas-Serbja fl-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona, li tiggarantixxi tkabbir ekonomiku u li tippreserva l-istabbiltà makroekonomika u monetarja; jenfasizza li s-Serbja għamlet progress tajjeb biex tindirizza wħud mill-punti ta' dgħufija strateġiċi li kienu problematiċi fil-passat, partikolarment permezz tal-konsolidament tal-baġit; jenfasizza, madankollu, li l-qgħad, l-eżodu tal-imħuħ u l-inattività ekonomika għadhom għoljin; jappella lis-Serbja tiżviluppa pjan sostenibbli għall-futur tal-intrapriżi statali; jenfasizza l-importanza suprema ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għall-ekonomija tas-Serbja u, jappella għal ambjent ta' negozju trasparenti u inqas burokratiku; jappoġġja l-adeżjoni tas-Serbja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);

5.  Jesprimi tħassib dwar il-qgħad persistenti u jenfasizza l-importanza ta' taħriġ u l-iżvilupp ta' ħiliet intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ; jappella lis-Serbja ttejjeb il-pożizzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jappella lis-Serbja ssaħħaħ id-djalogu tripartitiku; jitlob għal emenda tal-Liġi dwar il-Kontribuzzjonijiet tal-Assigurazzjoni Soċjali Obbligatorja u tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni tas-Saħħa bil-għan li tiġi evitata d-diskriminazzjoni kontra l-produtturi agrikoli żgħar;

6.  Jieħu nota tal-elezzjonijiet presidenzjali tat-2 ta' April 2017; jilqa' bi pjaċir it-twettiq ġenerali tal-elezzjonijiet u jappella lill-awtoritajiet jiżguraw l-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali; jitlob lill-awtoritajiet jindirizzaw u jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR, b'mod partikolari l-garanzija ta' ambjent ekwu matul il-perjodu tal-kampanja elettorali, u l-parteċipazzjoni fi djalogu mal-missjoni internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali domestiċi indipendenti; jitlob lill-awtoritajiet jinvestigaw b'mod xieraq l-akkużi ta' irregolaritajiet, ta' vjolenza u ta' intimidazzjoni li tqajmu matul proċessi elettorali fil-passat; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali; jindika li l-finanzjament tal-partiti politiċi jeħtieġ li jkun trasparenti u konformi mal-istandard internazzjonali;

7.  Jappella lis-Serbja tkompli tallinja lilha nnifisha mal-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, inkluża l-politika tagħha dwar ir-Russja, anke fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti; jilqa' bi pjaċir il-kontribut importanti tas-Serbja u l-parteċipazzjoni kontinwa f'numru ta' missjonijiet u operazzjonijiet tal-Politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) (EUTM Mali, EUTM Somalja, EUNAVFOR Atalanta, EUTM RCA), bis-Serbja tipparteċipa f'erba' minn sitt missjonijiet jew operazzjonijiet militari li attwalment qed jitwettqu mill-Unjoni; jinsab imħasseb madankollu, dwar il-kooperazzjoni militari li għadha għaddejja tas-Serbja mar-Russja u mal-Belarussja;

8 .  Ifaħħar l-approċċ kostruttiv tas-Serbja fir-rigward tal-ġestjoni tal-effetti tal-kriżi migratorja u tar-rifuġjati, kif ukoll l-isforzi sostanzjali li wettaq il-pajjiż biex jipprovdi kenn u provvisti umanitarji, primarjament bl-appoġġ tal-UE; jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni mis-Serbja tal-Liġi dwar l-Asil il-ġdida, il-Liġi dwar il-Barranin u l-Liġi dwar il-Kontroll tal-Fruntieri; iħeġġeġ lis-Serbja tallinja b'mod gradwali l-politika dwar il-viżi tagħha ma' dik tal-UE; jinnota bi tħassib li l-politika dwar il-viżi mhux allinjata tas-Serbja fetħet il-possibbiltà ta' migrazzjoni illegali u ta' kuntrabandu lejn il-pajjiżi tal-UE, kif ukoll lejn il-pajjiżi ġirien mhux tal-UE; iħeġġeġ lis-Serbja ddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu ta' ritorn għall-immigranti irregolari li jikkonforma mal-acquis tal-UE u ttejjeb aktar il-kapaċità tagħha li tindirizza l-bżonnijiet tal-minorenni mhux akkumpanjati; jappella lis-Serbja ssib soluzzjoni vijabbli għar-rifuġjati minn pajjiżi ġirien, inkluż fir-rigward tal-bżonnijiet ta' akkomodazzjoni tagħhom u ta' aċċessibbiltà għax-xogħol u l-edukazzjoni;

Stat tad-dritt

9.  Iħeġġeġ lis-Serbja tintensifika l-isforzi ta' riforma tagħha fil-qasam tal-istat tad-dritt, u partikolarment tiggarantixxi l-indipendenza u l-effikaċja ġenerali tas-sistema ġudizzjarja; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' riforma effikaċi f'dan il-qasam; jinnota li minkejja li ġie reġistrat xi progress fit-tnaqqis ta' każijiet pendenti ta' proċedimenti qodma, u fid-dħul fis-seħħ ta' miżuri ta' armonizzazzjoni tal-prattika tal-qorti, l-indipendenza ġudizzjarja fis-Serbja għadha mhijiex garantita bis-sħiħ u l-ambitu tal-influwenza politika fuq il-ġudikatura jibqa' punt ta' tħassib; jappella lis-Serbja ssaħħaħ l-obbligu ta' rendikont, l-imparzjalità, il-professjonalità u l-effiċjenza ġenerali tal-ġudikatura, kif ukoll tistabbilixxi sistema ta' għajnuna legali mingħajr ħlas li tiżgura għażla wiesgħa ta' fornituri ta' għajnuna legali ħielsa; jitlob l-implimentazzjoni tas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

10.  Itenni l-importanza li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jħeġġeġ lis-Serbja turi impenn ċar biex tittratta din il-kwistjoni; jilqa' bi pjaċir l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni u l-Ġurisdizzjoni tal-Awtoritajiet tal-Gvern dwar it-Trażżin tal-Kriminalità Organizzata, it-Terroriżmu u l-Korruzzjoni; jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-emendi li saru fit-taqsima dwar il-kriminalità ekonomika tal-kodiċi kriminali tal-pajjiż u jħeġġeġ lis-Serbja timplimenta bis-sħiħ dawn l-emendi, inkluża l-emenda dwar l-abbuż mill-kariga, sabiex tipprevjeni kwalunkwe użu ħażin; jitlob li titkompla l-implimentazzjoni tal-istrateġija u tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali kontra l-korruzzjoni; itenni t-talba tiegħu lis-Serbja biex tadotta malajr il-liġi l-ġdida tagħha dwar l-Aġenzija għal Kontra l-Korruzzjoni bil-għan li ttejjeb l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u ta' politiki ġodda u dawk eżistenti; jenfasizza l-importanza ewlenija li l-Aġenzija tirċievi u żżomm ir-riżorsi umani u finanzjarji li teħtieġ biex taqdi l-mandat tagħha b'mod indipendenti; jenfasizza li l-membri tal-Aġenzija ta' Kontra l-Korruzzjoni jridu jiġu eletti skont il-prinċipji ta' trasparenza, ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess jew ta' affiljazzjoni politika; jitlob lill-awtoritajiet jimlew il-postijiet vakanti kollha fl-Aġenzija; jappella lis-Serbja tkompli ttejjeb il-każistika tagħha dwar l-investigazzjonijiet, l-akkużi u l-kundanni finali f'każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli u tippubblika statistika fuq bażi regolari dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet fil-każijiet kollha ta' allegazzjonijiet ta' korruzzjoni minn uffiċjali pubbliċi;

11.  Jitlob lill-awtoritajiet Serbi jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO); jitlob lill-Parlament Serb jindirizza b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess, u jadotta l-Kodiċi ta' Kondotta;

12.  Jirrikonoxxi li sar xi progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u jilqa' bi pjaċir ir-rwol attiv tas-Serbja fil-kooperazzjoni internazzjonali u ta' pulizija reġjonali u ġudizzjarja; jappella lis-Serbja turi impenn akbar u twassal riżultati tanġibbli f'din il-ġlieda, partikolarment permezz ta' rekord konvinċenti ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni f'każijiet ta' kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar illegali u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali mis-Serbja lejn l-UE u lejn pajjiżi mhux tal-UE, l-omiċidji b'rabta mal-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità, il-flussi finanzjarji li jappoġġjaw attivitajiet terroristiċi u l-ħasil tal-flus; jappella lis-Serbja tkompli bl-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta' azzjoni li ġie miftiehem mat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF); jiġbed l-attenzjoni għall-għadd dejjem akbar ta' attakki kriminali u jitlob li dawn jiġu riżolti permezz ta' kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet ġudizzjarji;

Demokrazija, djalogu soċjali, drittijiet tat-trade unions u r-relazzjonijiet tax-xogħol

13.  Jenfasizza li l-parlament Serb għadu ma jeżerċitax sorveljanza effettiva tal-eżekuttiv, u li t-trasparenza, l-inklużività u l-kwalità tal-proċess leġiżlattiv jeħtieġ li jitjiebu aktar; jilqa' bi pjaċir it-tnaqqis fl-użu ta' proċeduri ta' urġenza għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta' proċeduri ta' urġenza baqa' frekwenti u jxekkel l-iskrutinju parlamentari u pubbliku; jenfasizza li jenħtieġ li tiġi evitata kull azzjoni li tillimita l-kapaċità tal-parlament Serb li jwettaq dibattitu effikaċi dwar il-leġiżlazzjoni u l-iskrutinju tagħha; jenfasizza l-importanza tal-ħidma tal-oppożizzjoni f'demokrazija u jissottolinja li jenħtieġ li l-politiċi tagħha ma jkunux soġġetti għal malafama u libell; jesprimi tħassib li xi politiċi qegħdin jagħmlu użu ħażin tad-diskors pubbliku biex jalimentaw il-qawmien tar-radikaliżmu; jitlob għal miżuri addizzjonali li jiżguraw id-djalogu bejn il-partiti u involviment effikaċi tas-soċjetà ċivili; jitlob lill-Parlament Serb jirrevedi l-prattika ta' ostruzzjoniżmu u jekk din toħnoqx id-dibattitu demokratiku; jilqa' bi pjaċir l-isforzi kontinwi tal-parlament Serb biex itejjeb it-trasparenza permezz ta' dibattiti dwar il-pożizzjonijiet ta' negozjar tas-Serbja li jirrigwardaw il-kapitoli ta' adeżjoni mal-UE, kif ukoll permezz ta' skambji mat-tim ta' negozjaturi ewlenin u mal-Konvenzjoni Nazzjonali dwar l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li jeħtieġ li jiġi rikonoxxut u appoġġjat bis-sħiħ ir-rwol tal-korpi regolatorji indipendenti, inkluż l-Ombudsman tal-pajjiż, l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni, l-Awtorità Nazzjonali tal-Awditjar u l-Kummissarju għall-Informazzjoni ta' Importanza Pubblika u l-Protezzjoni tad-Data Personali; jitlob l-impenn tal-Parlament Serb fl-implimentazzjoni tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-korpi regolatorji indipendenti, b'mod partikolari dawk tal-Ombudsperson; ifakkar li d-djalogu soċjali huwa wieħed mill-pilastri tal-mudell soċjali Ewropew u, li konsultazzjoni regolari bejn il-gvern u s-sħab soċjali hija strumentali fil-prevenzjoni tat-tensjoni soċjali u tal-kunflitti; jissottolinja li huwa essenzjali li d-djalogu soċjali jmur lil hinn mill-iskambju ta' informazzjoni u li l-partijiet interessati jenħtieġ li jiġu kkonsultati dwar liġijiet importanti qabel ma jkunu soġġetti għal proċedura parlamentari;

14.  Jilqa' bi pjaċir il-preżentazzjoni tal-abbozz ta' riforma kostituzzjonali tal-ġudikatura tal-pajjiż li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni ta' Venezja għal opinjoni; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jniedu dibattitu pubbliku inklużiv u li jagħmel sens li jsir b'mod kostruttiv sabiex jissensibilizzaw aktar dwar il-proċess ta' riforma kostituzzjonali fil-pajjiż; jitlob konsultazzjoni pubblika sħiħa qabel ma l-abbozz finali jitressaq quddiem il-parlament Serb;

15.  Jilqa' bi pjaċir il-progress tas-Serbja fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika tagħha, partikolarment permezz tal-adozzjoni ta' bosta liġijiet ġodda dwar is-salarji tas-servizz pubbliku u dwar ir-relazzjonijiet tal-impjieg, dwar il-gvern lokali u s-salarji fil-provinċji awtonomi u, dwar l-akkademja ta' taħriġ nazzjonali; jenfasizza li l-influwenza politika fil-ħatriet maniġerjali ewlenin għadha kwistjoni ta' tħassib; jappella lis-Serbja temenda l-liġi dwar is-servizz ċivili biex tiggarantixxi n-newtralità tal-amministrazzjoni pubblika; jinnota li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi fil-livelli kollha huwa importanti għall-implimentazzjoni b'suċċess tar-riformi ewlenin; jilqa' bi pjaċir il-ħolqien ta' Ministeru tal-Integrazzjoni Ewropea, li jinkorpora l-istrutturi ta' dak li kien l-Uffiċċju għall-Integrazzjoni Serb-Ewropew, li kompla jipprovdi gwida politika favur l-integrazzjoni Ewropea;

Drittijiet tal-bniedem

16.  Jissottolinja li ddaħħal fis-seħħ il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li hemm bżonn ta' implimentazzjoni konsistenti u effikaċi fil-pajjiż kollu; jappella lis-Serbja tadotta l-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tad-Data u tiżgura li tikkonforma bis-sħiħ mal-istandards u mal-aħjar prattiki tal-UE; jinnota li hemm bżonn sforzi sostnuti ulterjuri biex titjieb is-sitwazzjoni ta' persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, inklużi tfal, persuni b'diżabbiltajiet, persuni bl-HIV/AIDS u persuni LGBTI; jikkundanna l-okkorrenza kontinwa ta' reati ta' mibegħda kontra r-Rom u persuni LGBTI; jappella lis-Serbja ssegwi b'mod attiv l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni ta' reati b'motivazzjoni ta' mibegħda; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jippromwovu klima ta' tolleranza u jikkundannaw kull forma ta' inċitament għall-mibegħda, approvazzjoni pubblika jew tiċħid ta' ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

17.  Iħeġġeġ lis-Serbja ssaħħaħ ir-rwol u l-kapaċità tal-awtoritajiet tagħha rigward il-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa, it-tfal u l-persuni b'diżabbiltà u f'dan ir-rigward, tiżgura kooperazzjoni aħjar bejn il-pulizija, il-prosekuturi pubbliċi u s-servizzi soċjali; jilqa' bi pjaċir ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul mis-Serbja u tal-iżviluppi reċenti fir-rigward ta' miżuri għall-protezzjoni ta' tfal mill-vjolenza, inkluża d-dikjarazzjoni tal-gvern dwar l-istabbiliment ta' Ombudsperson għat-tfal, u jitlob lill-awtoritajiet jimmonitorjaw l-effett tal-leġiżlazzjoni u ta' miżuri oħra; jissottolinja li għad hemm nuqqasijiet fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni b'diżabbiltà, u jħeġġeġ lill-gvern jadotta strateġija nazzjonali dwar il-persuni b'diżabbiltà;

18.  Iħeġġeġ bil-qawwi lill-awtoritajiet Serbi jqawwu l-isforzi tagħhom biex itejbu s-sitwazzjoni dwar il-libertà ta' espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jilqa' l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma ġdid iddedikat għall-iżvilupp tal-Abbozz tal-Istrateġija tal-Mezzi ta' Komunikazzjoni; jenfasizza l-fatt li t-theddid, il-vjolenza u l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni, inklużi l-fastidji u l-intimidazzjoni amministrattiva permezz ta' proċeduri bil-qorti, jibqgħu kwistjonijiet ta' tħassib; jitlob lill-uffiċjali jkunu konsistenti fil-kundanna pubblika ta' kull forma ta' intimidazzjoni ta' ġurnalisti u jżommu lura milli jindaħlu fl-attivitajiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni u tal-ġurnalisti, inkluż fil-kuntest ta' elezzjonijiet; jinnota f'dan ir-rigward li anki jekk ġew solvuti bosta każijiet u ġew ippreżentati xi akkużi kriminali, il-kundanni għadhom rari; jilqa' bi pjaċir l-isforz tal-grupp ta' ħidma permanenti li ġie stabbilit permezz tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Miżuri għal Żieda fis-Sikurezza tal-Ġurnalisti u jitlob lill-awtoritajiet juru l-impenn sħiħ tagħhom biex jinvestigaw u jieħdu passi kontra kull każ ta' attakk kontra ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jappella favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġijiet dwar il-mezzi ta' komunikazzjoni u t-tisħiħ tal-indipendenza tal-Korp Regolatorju għall-Mezzi ta' Komunikazzjoni Elettroniċi tas-Serbja; jilqa' bi pjaċir l-isforzi mġedda għall-adozzjoni ta' strateġija għall-mezzi ta' komunikazzjoni biex jinħoloq ambjent tal-mezzi tal-komunikazzjoni pluralistiku u jisħaq f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' konsultazzjoni trasparenti u inklużiva mal-partijiet interessati; jissottolinja l-ħtieġa ta' trasparenza sħiħa fis-sjieda tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-finanzjament tagħhom; jitlob l-adozzjoni ta' politiki li jipproteġu l-mezzi tal-komunikazzjoni u l-programmi f'lingwi ta' minoranzi nazzjonali li jgħixu fis-Serbja;

19.  Jitlob lill-awtoritajiet Serbi jsaħħu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, li għandhom rwol ewlieni f'demokrazija li tiffunzjona tajjeb; jikkundanna l-kampanji negattivi u r-restrizzjonijiet kontra ċerti Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (OSĊ); jitlob li tiġi adottata strateġija nazzjonali u pjan ta' azzjoni relatat biex jiġi rregolat l-ambjent li fih joperaw l-OSĊ; jemmen li hemm bżonn ta' sforzi ulterjuri biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni sistematika bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili u jitlob li tingħata aktar attenzjoni fl-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fl-oqsma li jolqtu lis-soċjetà ċivili;

Rispett u protezzjoni tal-minoranzi

20.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni għar-realizzazzjoni tad-drittijiet ta' minoranzi nazzjonali, u l-adozzjoni ta' digriet li jistabbilixxi fond għall-minoranzi nazzjonali; jappella lill-Gvern Serb jimplimenta bis-sħiħ it-trattati internazzjonali kollha li jikkonċernaw id-drittijiet tal-minoranzi; jenfasizza li l-progress fil-qasam ta' garanzija tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali mhuwiex sodisfaċenti u jitlob li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta' azzjoni u għal koordinazzjoni u inklużjoni mtejba tal-partijiet interessati, inklużi l-pajjiżi ġirien skont il-ħtiġijiet tat-trasport u l-komunikazzjoni; jinnota li l-fond għall-minoranzi nazzjonali qed jiffunzjona u kien hemm żieda fil-finanzjament tiegħu; jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni ta' liġijiet kruċjali dwar il-qafas tad-drittijiet tal-minoranzi; itenni l-appell tiegħu li s-Serbja tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-minoranzi, inkluż fir-rigward tal-edukazzjoni u l-kultura, l-użu tal-lingwi tal-minoranzi, ir-rappreżentanza fl-amministrazzjoni pubblika u fil-ġudikatura u l-aċċess kontinwu għall-mezzi ta' komunikazzjoni u s-servizzi reliġjużi bil-lingwi tal-minoranzi; jirrikonoxxi l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċikli ta' elezzjoni tal-minoranzi nazzjonali tal-pajjiż u jitlob l-adozzjoni ta' politiki li jiggarantixxu r-rappreżentanza politika ġusta tagħhom fl-assemblea nazzjonali Serba; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tad-dritt ta' reġistrazzjoni tat-twelid f'waqtu; jenfasizza li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali hija kundizzjoni preliminari għall-adeżjoni mal-UE;

21.  Jinnota li d-diversità kulturali tal-Vojvodina tikkontribwixxi għall-identità tas-Serbja; jenfasizza li l-awtonomija tal-Vojvodina għandha tiġi ppreservata u l-liġi dwar ir-riżorsi ta' finanzjament tal-Vojvodina għandha tiġi adottata mingħajr aktar dewmien, kif previst fil-Kostituzzjoni;

22.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-istrateġija l-ġdida għall-inklużjoni soċjali tar-Rom għall-perjodu 2016-2025, flimkien ma' pjan ta' azzjoni li jkopri l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-impjiegi; jilqa' bi pjaċir ir-rikonoxximent tal-istrateġija li n-nisa Rom jiffaċċjaw diskriminazzjoni partikolari; iħeġġeġ lis-Serbja tistabbilixxi għanijiet u indikaturi ċari għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida; jinsab imħasseb dwar ir-rata għolja ta' bniet Rom li jitilqu mill-iskola; jinnota li l-maġġoranza tar-Rom jbatu minn esklużjoni soċjali u jiffaċċjaw il-ksur sistematiku tad-drittijiet tagħhom; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija l-ġdida għall-inklużjoni tar-Rom u l-pjan ta' azzjoni tagħha; jenfasizza l-importanza tal-ifformular ta' politiki li se jiġġieldu d-diskriminazzjoni kontra r-Rom u kontra ż-Żingari. jitlob għall-parteċipazzjoni pubblika u politika sinifikattiva tar-Rom fil-livelli kollha;

Kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet ta' bon viċinat

23.  Jilqa' bi pjaċir il-fatt li s-Serbja tibqa' impenjata, b'mod kostruttiv, favur relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi oħrajn tat-tkabbir u ma' Stati Membri ġirien tal-UE; jilqa' bi pjaċir il-fatt li s-Serbja żammet l-impenn tagħha f'għadd ta' inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali bħall-Proċess ta' Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk, il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA), l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, l-Istrateġiji makroreġjonali tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju (EUSDR), l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR), il-Proċess Brdo-Brijuni, l-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-aġenda ta' konnettività tagħha u l-proċess ta' Berlin; jilqa' bi pjaċir ir-riżultati miksuba s'issa mill-inizjattiva tas-Sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jitlob l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ekonomika Reġjonali (REA); itenni t-talba tiegħu biex is-Serbja timplimenta l-miżuri ta' riforma ta' konnettività assoċjati mal-aġenda ta' konnettività; jilqa' bi pjaċir l-isforzi tas-Serbja biex tipprijoritizza l-investimenti fl-infrastruttura u jissottolinja l-importanza ta' konnettività akbar fir-reġjun; jinnota li jeħtieġ li jsiru sforzi akbar fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni tal-fruntiera sabiex tiġi evitata d-depopolazzjoni tagħhom; jappoġġja l-proposta għal tnaqqis tat-tariffi tar-roaming fil-Balkani tal-Punent; jenfasizza li t-tilwim bilaterali pendenti ma għandux ikollu effett negattiv fuq il-proċess ta' adeżjoni; jappoġġja bil-qawwa l-wegħda tas-sħab tal-Balkani tal-Punent li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, l-istabbiltà reġjonali u l-kooperazzjoni reċiproka; ifakkar li l-UE hija determinata li ssaħħaħ u tintensifika l-impenn tagħha biex tappoġġja t-trasformazzjoni tar-reġjun;

24.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra; jieħu nota tal-adozzjoni ta' strateġija ta' prosekuzzjoni għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra u jħeġġeġ lis-Serbja twettaq l-attivitajiet kollha previsti; jilqa' bi pjaċir il-ħatra, f'Mejju 2017, ta' prosekutur ġdid għad-delitti tal-gwerra; itenni t-talba tiegħu għall-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija, partikolarment permezz tat-tressiq 'il quddiem ta' atti ta' akkuża, u għall-adozzjoni ta' strateġija ta' prosekuzzjoni operattiva; jappella lis-Serbja tinvestiga b'mod effettiv il-każijiet kollha ta' delitti tal-gwerra, b'mod partikolari dawk ta' profil għoli, u tikkoopera mas-sħab reġjonali tagħha f'dawn il-każijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu sforzi akbar biex isolvu dawn il-kwistjonijiet fil-proċess tan-negozjati UE-Serbja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu jindirizzaw il-problema ta' persuni li għebu matul il-gwerer tad-disgħinijiet; jappella lis-Serbja biex għal darb'oħra tikkoopera bis-sħiħ mal-Mekkaniżmu Residwu Internazzjonali tat-Tribunali Kriminali Internazzjonali attwali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jkomplu jaħdmu fuq il-kwistjoni tad-destin tal-persuni li għebu, inkluż il-ftuħ tal-arkivji nazzjonali b'rabta mal-perjodu tal-gwerra; iħeġġeġ lis-Serbja tħejji skema ta' riparazzjoni għall-vittmi u l-familji tagħhom; itenni s-sostenn tiegħu għall-inizjattiva biex toħloq Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fl-Ex-Jugoslavja; jenfasizza l-importanza tal-ħidma mwettqa mill-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO) u mill-fergħat lokali tiegħu biex tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni fost iż-żgħażagħ; jitlob għal aktar emendi fil-Liġi dwar Restituzzjoni u jenfasizza l-importanza ta' trattament nondiskriminatorju tar-rikorrenti ta' restituzzjoni meta mqabbel ma' benefiċjarji oħra, b'mod partikolari fil-qasam tar-reġistrazzjoni ta' proprjetà pubblika;

25.  Jilqa' bi pjaċir l-impenn kontinwu tas-Serbja fil-proċess ta' normalizzazzjoni mal-Kosovo, u l-impenn tagħha għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet milħuqa fid-djalogu ffaċilitat mill-UE; jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-President Serb vara djalogu intern dwar il-Kosovo; itenni l-appell tiegħu għal progress fl-implimentazzjoni sħiħa, in bona fide u f'ħin opportun, tal-ftehimiet kollha li diġà ntlaħqu, inklużi dawk dwar l-enerġija u jħeġġeġ liż-żewġ naħat biex ikomplu b'mod determinat il-proċess ta' normalizzazzjoni; jenfasizza l-importanza li tinħoloq assoċjazzjoni/komunità ta' muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba; jenfasizza li għandha titħaffef il-ħidma għal fażi ġdida ta' djalogu li għandu l-għan li jikseb normalizzazzjoni sħiħa tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo, li għandha tiġi definita fi ftehim ġuridikament vinkolanti; itenni l-appell tiegħu lis-SEAE biex iwettaq evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-mod li bih iż-żewġ partijiet qegħdin jissodisfaw l-obbligi tagħhom; jikkundanna, b'mod inekwivoku, il-qtil tal-politiku Serb tal-Kosovo, Oliver Ivanović u jenfasizza l-bżonn ta' kooperazzjoni ġenwina bejn l-investigaturi tal-Kosovo u dawk Serbi u ta' appoġġ internazzjonali, biex b'hekk l-awturi tar-reati jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

26.  Jinnota d-dibattitu li għaddej u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar aġġustamenti possibbli tal-fruntiera bejn is-Serbja u l-Kosovo, inkluż skambji ta' territorji; jissottolinja n-natura multietnika kemm tal-Kosovo kif ukoll tas-Serbja u li l-objettiv fir-reġjun ma għandux ikun il-ħolqien ta' stati etnikament omoġenji; jappoġġja d-djalogu ffaċilitat mill-UE bħala l-qafas biex jintlaħaq ftehim ta' normalizzazzjoni komprensiv bejn is-Serbja u l-Kosovo; iqis li kwalunkwe ftehim jista' jkun aċċettabbli biss jekk ikun maqbul b'mod reċiproku, filwaqt li titqies l-istabbiltà kumplessiva fir-reġjun u d-dritt internazzjonali;

27.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar dikjarazzjonijiet ripetuti żżejjed minn politiċi ta' grad għoli li jqiegħdu fid-dubju l-integrità territorjali tal-Bożnija-Ħerzegovina u jikkundanna kull forma ta' retorika nazzjonalista mmirata biex tinkoraġġixxi d-diżintegrazzjoni tagħha;

Enerġija u trasport

28.  Jappella lis-Serbja timplimenta bis-sħiħ il-miżuri ta' riforma ta' konnettività fis-settur tal-enerġija; iħeġġeġ lis-Serbja tiżviluppa l-kompetizzjoni fis-suq tal-gass u tissodisfa l-obbligi korrispondenti rigward is-separazzjoni kif stipulat mit-Tielet Pakkett tal-Enerġija; jappella lis-Serbja tiżviluppa l-politika tal-enerġija tagħha biex tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja; jilqa' bi pjaċir l-isforzi tal-pajjiż għall-promozzjoni tal-investimenti fl-oqsma tal-effiċjenza tal-enerġija u fl-enerġija rinnovabbli; ifakkar li l-leġiżlazzjoni dwar l-użu effiċjenti tal-enerġija ma tikkonformax bis-sħiħ mad-direttivi korrispondenti tal-UE; jappella lis-Serbja tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija tagħha lejn sorsi ta' enerġija rinnovabbli oħrajn;

29.  Jilqa' bi pjaċir l-impenn konġunt iffirmat mis-Serbja u l-Bulgarija fis-17 ta' Mejju 2018, fl-okkażjoni tas-summit tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent f'Sofija, dwar il-bini ta' interkonnettur tal-gass bejn iż-żewġ pajjiżi u l-adozzjoni tal-pakkett IPA 2018, li jinkludi l-proġett ta' infrastruttura strateġikament importanti "L-awtostrada tal-paċi Nis-Merdare-Prestina", li se jippermetti konnessjoni aħjar tat-trasport bejn is-Serbja ċentrali u l-Kosovo u għandu sinifikat simboliku għar-relazzjonijiet fir-reġjun;

30.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-livell allarmanti ta' tniġġis tal-arja fis-Serbja li minħabba fih, skont id-data tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, fl-2016 madwar 6 500 persuna mietu minħabba mard respiratorju; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Serbi jadottaw il-miżuri neċessarji fuq żmien qasir biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni u jirriformaw b'mod effettiv il-politiki tat-trasport u l-mobbiltà fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul fil-bliet il-kbar;

°

°  °

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.

  • [1]  ĠU C 331, 18.9.2018, p. 71.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

3

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Wajid Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Gilles Pargneaux, Igor Šoltes, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andor Deli, Ivan Štefanec

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

49

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Javier Nart, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Amjad Bashir, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Michèle Alliot-Marie, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Andor Deli, Andrzej Grzyb, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Francisco José Millán Mon, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Ivan Štefanec, Dubravka Šuica, László Tőkés

S&D

Nikos Androulakis, Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Wajid Khan, Arne Lietz, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Gilles Pargneaux, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Boris Zala

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Jordi Solé, Igor Šoltes, Bodil Valero

3

-

ENF

Jean-Luc Schaffhauser

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

6

0

ENF

Mario Borghezio

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Marie-Christine Vergiat

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Novembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza