RAPPORT  dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar il-Montenegro

17.10.2018 - (2018/2144(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Charles Tannock


Proċedura : 2018/2144(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0339/2018
Testi mressqa :
A8-0339/2018
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar il-Montenegro

(2018/2144(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro, li ilu fis-seħħ mill-1 ta' Mejju 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-disa' laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro tal-25 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Montenegro man-NATO fil-5 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-ratifika mill-parlamenti tal-Montenegro u tal-Kosovo tal-Ftehim tad-Demarkazzjoni tal-Fruntiera bejn il-Montenegro u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titolu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 bit-titolu ''Komunikazzjoni tal-2018 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE'' (COM(2018)0450), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Montenegro 2018 Report" (Rapport 2018 dwar il-Montenegro) (SWD(2016)0150),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 dwar il-Programm ta' Riforma Ekonomika tal-Montenegro (2018-2020) (SWD(2018)0131) u l-Konklużjonijiet Konġunti tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2018 tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Uffiċċju OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE ODIHR) u d-dikjarazzjoni tad-delegazzjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Parlament Ewropew, dwar l-elezzjoni presidenzjali tal-15 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-15-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro li saret f'Podgorica fis-16 u s-17 ta' Lulju 2018,

  wara li kkunsidra l-eżitu tal-istħarriġ tal-2017 dwar ir-Rom emarġinati fil-Balkani tal-Punent, li sar mill-Kummissjoni, mill-Bank Dinji u mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin varat fit-28 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Montenegro,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0339/2018),

A.  billi kull pajjiż tat-tkabbir huwa valutat individwalment fuq il-merti tiegħu stess, u huma r-rapidità u l-kwalità tar-riformi li jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;

B.  billi attwalment il-Montenegro huwa dak li għamel l-aktar progress fil-proċess tan-negozjati, billi fetaħ 31 mill-35 kapitolu tal-acquis communautaire tal-UE u għalaq provviżorjament in-negozjati dwar tlieta;

C.  billi d-djalogu kostruttiv fost forzi politiċi interni u mal-pajjiżi ġirien ikun essenzjali biex isir aktar progress fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE;

D.  billi l-Montenegro baqa' impenjat li joħloq ekonomija tas-suq li tiffunzjona u kompla jikseb riżultati tajbin fl-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA);

E.  billi l-Montenegro jibbenefika minn assistenza ta' qabel l-adeżjoni fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II);

F.  billi l-Montenegro għandu jkompli jsaħħaħ, fost affarijiet oħra, il-kapaċità parlamentari, leġiżlattiva u ta' sorveljanza, it-trasparenza istituzzjonali, ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġestjoni interna tal-każijiet tad-delitti tal-gwerra, l-integrità tal-proċess elettorali, il-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-ekonomija informali;

1.  Jilqa' pożittivament l-impenn kontinwu tal-Montenegro fil-proċess tal-integrazzjoni fl-UE u l-progress tajjeb kontinwu tiegħu, b'mod globali, abbażi ta' appoġġ pubbliku wiesa' għal din id-deċiżjoni strateġika;

2.  Jissottolinja li l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-riformi jibqgħu indikatur ewlieni ta' integrazzjoni b'suċċess; jitlob lill-Montenegro jtejjeb l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u politiki ġodda u jitlob l-implimentazzjoni fil-pront tal-parametri intermedji ta' riferiment għall-kapitoli 23 u 24;

3.  Jilqa' favorevolment il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, kif iddikjarat fil-komunikazzjoni tagħha tas-6 ta' Frar 2018 dwar l-Istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent, li b'rieda politika soda, bir-realizzazzjoni ta' riformi reali u sostnuti u b'soluzzjonijiet definittivi għat-tilwim mal-ġirien, il-Montenegro jista', potenzjalment, ikun lest biex isir Membru sal-2025;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw riżorsi finanzjarji adegwati fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss biex jieħu kont tal-adeżjoni possibbli tal-Montenegro mal-Unjoni Ewropea, kif delinjat fl-Istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent;

Demokratizzazzjoni

5.  Ifakkar lill-partiti politiċi kollha li l-impenn politiku kostruttiv jiddependi minn parlament li jiffunzjona totalment li fih il-politiċi kollha jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom fil-konfront tal-eletturi billi jpoġġu fis-siġġijiet tagħhom fi ħdan il-parlament; jilqa' pożittivament il-fatt li l-maġġoranza tal-partiti tal-oppożizzjoni rritornaw fil-parlament wara bojkott parlamentari fit-tul; iħeġġeġ lill-partiti politiċi l-oħra kollha jirritornaw fil-parlament u jagħmlu aktar sforzi flimkien biex jistabbilixxu djalogu politiku ġenwin bil-għan li jkun żgurat li l-parlament ikollu l-mezzi biex jiżvolġi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu ta' leġiżlatur u ta' sorveljanza, b'hekk jerġa' jinġieb proċess demokratiku li jiffunzjona;

6.  Jitlob l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-parteċipazzjoni pubblika u politika tan-nisa u tal-minoranzi, b'mod partikolari r-Rom[1], anki billi tippermetti l-parteċipazzjoni sinifikattiva tan-nisa li jagħmlu parti minn minoranzi fil-proċessi deċiżjonali u l-okkupazzjoni ta' karigi fl-amministrazzjoni pubblika u f'istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn;

7.  Jistieden lill-mexxejja politiċi tal-Montenegro jikkonċentraw l-isforzi fuq l-isfidi li għad fadal f'dak li għandu x'jaqsam mal-problemi marbuta mal-istat tad-dritt, mal-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, mal-korruzzjoni, mal-ħasil tal-flus, mal-kriminalità organizzata u mal-vjolenza assoċjata magħha u jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b'mod prijoritarju;

8.  Jinnota li l-libertajiet fundamentali ġew rispettati fl-elezzjonijiet presidenzjali ta' April 2018; jistieden lill-gvern jikkollabora mal-partiti tal-oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili biex jindirizzaw b'mod komprensiv in-nuqqasijiet identifikati mill-OSKE ODIHR u jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjonijiet Prijoritarji tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tagħha billi tiġi adottata l-leġiżlazzjoni nazzjonali pendenti, jissaħħu t-trasparenza u l-professjonalità tal-amministrazzjoni elettorali, ħalli l-fiduċja taċ-ċittadini fil-proċess elettorali titjieb; jitlob li l-elezzjonijiet lokali jsiru simultanjament fil-pajjiż kollu u t-titjib tal-kwalità u tat-trasparenza tal-elezzjonijiet; iħeġġeġ it-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi;

9.  Jitlob investigazzjonijiet kompluti fl-allegati irregolaritajiet elettorali kollha; jinsisti, għal darb'oħra, li jingħata segwitu xieraq lill-"iskandlu tar-reġistrazzjoni ta' smigħ" tal-2012; jitlob lill-Aġenzija ta' Kontra l-Korruzzjoni (ACA) tintensifika l-monitoraġġ ta' abbuż possibbli tar-riżorsi pubbliċi għal finijiet tal-partiti politiċi;

10.  Jesprimi tħassib dwar id-deċiżjoni tal-Parlament Montenegrin li jneħħi lil Vanja Ćalović Marković mill-Kunsill tal-Aġenzija għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni; iħeġġeġ li dan il-każ jiġi ttrattat bi trasparenza sħiħa;

Stat tad-dritt

11.  Jinnota r-rwol ċentrali li jaqdu l-Awtorità tal-Awditjar, l-ACA, il-Kummissjoni tal-Kontroll tal-Akkwist Pubbliku, l-Aġenzija għall-Kompetizzjoni u l-Awtorità tal-Għajnuna mill-Istat fl-indirizzar tal-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon ir-riformi kontinwi mmirati lejn it-titjib tal-kapaċità u tal-indipendenza ta' dawn l-istituzzjonijiet, iżda jinnota l-ħtieġa li titjieb l-effiċjenza, tinbena każistika aħjar, titħeġġeġ il-prevenzjoni tal-korruzzjoni, anki bis-saħħa ta' sanzjonijiet adegwati, u jitneħħew l-ostakoli li fadal biex tinkiseb l-indipendenza sħiħa tagħhom;

12.  Jikkonstata l-progress li sar biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-ACA fl-investigazzjoni tal-finanzjament tal-kampanji; jisħaq fuq il-bżonn, madankollu, li titjieb il-fiduċja fil-konfront tal-aġenzija u tissaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha, objettiv li jista' jinkiseb billi ħidmitha titħares ulterjorment minn kull influwenza politika;

13.  Jilqa' pożittivament l-isforzi magħmula biex titjieb it-trasparenza tal-amministrazzjoni pubblika u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni iżda jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' amministrazzjoni pubblika aktar faċli għaċ-ċittadini, professjonali u depolitiċizzata; ifaħħar ix-xogħol aktar effikaċi tal-Ombudsman; jitlob valutazzjonijiet tal-impatt regolatorji mtejba, rapporti komprensivi dwar l-awditjar u konsultazzjonijiet pubbliċi inklużivi dwar il-proposti leġiżlattivi; jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u tal-aċċess miftuħ għall-informazzjoni għal finijiet tal-ġlieda effikaċi kontra l-korruzzjoni, u jinkoraġġixxi reviżjoni tal-modifiki leġiżlattivi li saru f'Mejju 2017; jirrakkomanda l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi u tal-kapital uman fl-amministrazzjoni pubblika;

14.  Jilqa' pożittivament il-progress notevoli li wera l-Montenegro fil-governanza elettronika u fil-parteċipazzjoni elettronika, fil-fatt il-pajjiż issa huwa fost l-ewwel 25 pajjiż bl-aħjar riżultati f'dawn is-setturi, skont l-Istħarriġ 2016 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-amministrazzjoni pubblika elettronika; jistieden lill-Gvern Montenegrin iżomm dan ir-ritmu tar-riformi ħalli jkompli jtejjeb l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà tal-amministrazzjoni pubblika;

15.  Jilqa' favorevolment il-progress moderat li sar fir-rigward taż-żieda fl-indipendenza, fit-trasparenza, fl-obbligu ta' rendikont, fil-professjonalità u fl-effiċjenza tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji; jitlob salvagwardji kontra l-indħil politiku u l-applikazzjoni koerenti ta' kodiċijiet etiċi u miżuri dixxiplinari; jilqa' pożittivament il-fatt li l-imħallfin u l-prosekuturi l-ġodda nħatru għall-ewwel darba permezz tas-sistema ta' reklutaġġ il-ġdida;

16.  Jinnota l-ħtieġa li jimxu 'l quddiem il-proċedimenti ġudizzjarji dwar it-tentattiv ta' allegat kolp ta' stat ta' Ottubru 2016 billi tiġi żgurata l-kooperazzjoni ġudizzjarja sħiħa mal-pajjiżi terzi; jilqa' favorevolment id-deċiżjoni li jixxandru pubblikament il-proċedimenti ġudizzjarji f'ġieħ it-trasparenza;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-emendi tal-Liġi dwar il-Kunsill Ġudizzjarju approvata fid-29 ta' Ġunju 2018, li tippermetti t-tkomplija tal-funzjonament normali tal-Kunsill Ġudizzjarju; josserva li dawn l-emendi ġew adottati konformement mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; jenfasizza li dawn il-modifiki fir-rigward tal-elezzjoni ta' membri mhux esperti fil-Kunsill jirrappreżentaw biss soluzzjoni temporanja; iħeġġeġ lill-grupp ta' ħidma ad hoc tal-Parlament, ikkostitwit dan l-aħħar, isolvi malajr din il-kwistjoni;

18.  Jinsab imħasseb dwar il-każijiet dejjem jiżdiedu ta' vjolenza u assassinji marbuta mal-kriminalità organizzata, li għandhom effett negattiv fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini ordinarji; jilqa' pożittivament il-fatt li l-awtoritajiet identifikaw din il-kwistjoni iżda jitlob azzjoni preventiva aktar robusta, inkluż billi jsir rikors għal provvedimenti ta' konfiska tal-assi mhux ibbażati fuq kundanna; ifaħħar l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni mogħtija fil-każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli; jirrikonoxxi, iżda, li dawn ir-riżultati għandhom ikomplu jissaħħu, partikolarment fil-ħasil tal-flus u fit-traffikar ta' bnedmin;

19.  Jitlob li jsir progress fil-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u l-arrikkiment illeċitu tal-uffiċjali pubbliċi, inkluż fil-livell muniċipali; jistieden lill-awtoritajiet jintensifikaw il-konfiska tal-assi tal-kriminalità, imexxu inkjesti f'ġid inġustifikat u jieħdu passi oħra li jwasslu għaż-żarmar tax-xbieki kriminali, il-qtugħ tar-rabtiet bejn il-kriminalità organizzata, in-negozju u l-politika; jiddenunzja, sadattant, il-prattika ta' impożizzjoni ta' sanzjonijiet aktar baxxi mill-minimu stabbilit mil-liġi, billi għandha effett kontroproduċenti fuq il-prevenzjoni tar-reati ta' korruzzjoni;

20.  Ifakkar li l-Montenegro għandu jagħmel aktar sforzi biex jiżgura l-protezzjoni effikaċi tad-dritt għall-proprjetà, konformement mal-acquis tal-UE u mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet statali jipprevedu proċedimenti ġusti fi żmien raġonevoli fl-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku nazzjonali eżistenti, inkluż fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà u r-restituzzjoni tal-proprjetà. josserva li reġim sod, mhux diskriminatorju u stabbli għad-drittijiet tal-proprjetà huwa rekwiżit preliminari għall-fiduċja taċ-ċittadini, tal-investituri esterni u tal-impriżi;

Ġestjoni tal-fruntieri u migrazzjoni

21.  Jinnota li sal-lum il-Montenegro kien kapaċi jiġġestixxi t-talbiet għal asil, iżda jissottolinja li għad irid isir aktar progress; jinkoraġġixxi lill-Montenegro jikkollabora aktar mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta biex titjieb il-ġestjoni tal-fruntieri, konformement man-normi Ewropej, jindirizza l-migrazzjoni irregolari u jħarbat ix-xbieki tal-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali; jitlob sforzi intensifikati u kooperazzjoni transfruntiera sabiex jiġu evitati u żarmati x-xbieki tal-kriminalità organizzata relatati mat-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll il-kuntrabandu tad-drogi u tat-tabakk; jenfasizza t-tħassib persistenti rigward il-kummerċ illegali ta' tabakk fil-Montenegro, partikolarment madwar iż-żoni ta' kummerċ ħieles tal-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni lill-Montenegro fil-kontroll taż-żoni ta' kummerċ ħieles tiegħu u fil-ħidma għall-prevenzjoni tal-kummerċ illegali;

22.  Jiddispjaċih bin-nuqqas ta' progress fl-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin u jħeġġeġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-prevenzjoni tal-prostituzzjoni organizzata furzata u tat-tfal tallaba; jissottolinja li huma neċessarji aktar sforzi għall-identifikazzjoni tal-vittmi u għall-aċċess tagħhom għall-assistenza, għall-kumpens u għall-miżuri ta' protezzjoni; jistieden lill-Montenegro jagħti protezzjoni effikaċi lill-vittmi tat-traffikar, u jagħti attenzjoni partikolari lir-riabilitazzjoni tal-vittmi tfal tat-traffikar u lin-nisa u lill-bniet Rom, minħabba ċ-ċirkostanzi vulnerabbli li fihom jinsabu bħala konsegwenza tal-faqar u tal-emarġinazzjoni;

Mezzi ta' komunikazzjoni

23.  Jinsab dejjem aktar imħasseb dwar l-istat tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, li fih tliet rapporti suċċessivi tal-Kummissjoni nnutaw li ma kien sar "l-ebda progress"; ifakkar li l-kapitolu 23 relatat infetaħ f'Diċembru 2013 u li huwa l-progress f'dan il-kapitolu u fil-kapitolu 24 li jiddetermina r-ritmu kumplessiv tan-negozjati; jikkundanna fl-aktar termini qawwija possibbli l-intimidazzjoni, il-kampanji ta' malafama u attakki verbali u fiżiċi fuq il-ġurnalisti; jinnota li kien hemm seba' każijiet irrapportati ta' attakki fuq ġurnalisti fl-2017; iħeġġeġ lill-gvern jiżgura li l-ġurnalisti jkunu protetti f'termini prattiċi; jitlob li ttieħed aktar azzjoni biex tkun żgurata l-indipendenza tal-mezzi ta' komunikazzjoni u tal-ġurnalisti u jinkoraġġixxi l-ġbir sistematiku ta' data relatata mat-theddid fil-konfront tal-ġurnalisti; jinnota li d-Delegazzjoni tal-UE fil-Montenegro qiegħda ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib;

24.  Huwa partikolarment imħasseb bl-attakk li sar fit-8 ta' Mejju 2018 kontra Olivera Lakić, ġurnalista tal-gazzetta Vijesti, u jitlob investigazzjoni kompluta dwar il-każ; iqis bħala inaċċettabbli l-fatt li ma kien hemm l-ebda żvilupp ġdid fir-rigward tal-investigazzjonijiet f'każijiet antiki ta' vjolenza kontra l-ġurnalisti; jistieden lill-awtoritajiet jikkundannaw bil-qawwa kull attakk kontra l-ġurnalisti u jippromwovu miżuri maħsuba biex jipproteġu lill-ġurnalisti u jeliminaw l-impunità;

25.  Jiddeplora l-pressjoni finanzjarja u editorjali kontinwa eżerċitata fuq is-servizz tax-xandir pubbliku tal-Montenegro (RTCG) u l-Aġenzija għall-Mezzi ta' Komunikazzjoni Elettroniċi; iħeġġeġ li jiddaħħlu fis-seħħ salvagwardji kontra influwenzi politiċi u kummerċjali indebiti, u li tiġi żgurata trasparenza sħiħa tar-reklamar tal-istat fil-mezzi ta' komunikazzjoni; itenni l-bżonn li l-RTCG u l-organi ta' informazzjoni kollha l-oħrajn ikunu protetti minn influwenzi politiċi indebiti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet statali jfornu kemm lir-regolaturi tal-mezzi ta' komunikazzjoni kif ukoll lis-servizz tax-xandir pubbliku b'biżżejjed fondi biex jiggarantixxu l-awtonomija u l-indipendenza finanzjarji tal-RTCG u tal-Aġenzija għall-Mezzi ta' Komunikazzjoni Elettroniċi, li huma kruċjali għal kuntest medjatiku sod matul il-kampanji elettorali; jiddispjaċih bil-bidla fil-kompożizzjoni tal-kunsill RTCG u bit-tkeċċija tad-Direttur Ġenerali tal-RTCG, is-Sa Andrijana Kadija; jemmen li t-tkeċċijiet prematuri għandhom ikunu permessi biss f'ċirkostanzi limitati;

26.  Iwissi li nuqqas ta' awtonomija finanzjarja għall-mezzi ta' komunikazzjoni jkebbes id-dipendenza politika u l-polarizzazzjoni tagħhom; jemmen li għandha tintalab allokazzjoni trasparenti u mhux diskriminatorja ta' fondi statali għar-reklamar, u jistieden lill-awtoritajiet jikkunsidraw forom alternattivi ta' sussidji indiretti għall-promozzjoni tal-indipendenza tal-mezzi ta' komunikazzjoni;

27.  Jissottolinja r-rwol tal-Aġenzija għall-Mezzi ta' Komunikazzjoni Elettroniċi u l-awtoregolamentazzjoni effikaċi fl-iżgurar tal-ogħla standards etiċi fil-mezzi ta' komunikazzjoni tal-Montenegro u fit-tnaqqis fin-numru ta' każijiet ta' malafama; jinnota li s-sitwazzjoni prekarja tal-ġurnalisti timmina l-kwalità u l-professjonalità tal-mezzi ta' komunikazzjoni;

Soċjetà ċivili u drittijiet tal-bniedem

28.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-OSĊ fit-titjib tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet statali u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jikkundanna b'mod qawwi l-intimidazzjoni reċenti ta' kampanja ta' malafama inaċċettabbli fil-konfront tal-OSĊ li kkritikaw il-progress kumplessiv bil-mod, jew in-nuqqas tiegħu, f'setturi ewlenin tal-istat tad-dritt;

29.  Jitlob attenzjoni akbar fl-abbozzar u fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni f'oqsma li jolqtu l-ispazju għad-dispożizzjoni tas-soċjetà ċivili, biex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni ma timponix piż sproporzjonat lill-OSĊ, ma jkollhiex effetti diskriminatorji jew tnaqqas l-ispazju għad-dispożizzjoni tas-soċjetà ċivili; jissottolinja l-bżonn ta' finanzjament pubbliku disponibbli għall-OSĊ li joperaw fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' viġilanza, ta' difiża kif ukoll tal-organizzazzjonijiet ta' bażi ż-żgħar; jemmen li l-OSĊ għandhom ikunu ħielsa li jirċievu finanzjamenti minn donaturi oħrajn, bħad-donaturi privati u l-organizzazzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji internazzjonali;

30.  Jieħu nota tal-modifiki lil-liġi dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) maħsuba biex itejbu l-finanzjament pubbliku tagħhom, u jirrakkomanda l-adozzjoni rapida tal-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa; itenni t-talba tiegħu għal konsultazzjonijiet sistematiċi, inklużivi, f'waqthom u awtentiċi mas-soċjetà ċivili u l-pubbliku ġenerali dwar riformi leġiżlattivi importanti relatati mal-UE, inkluża l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell lokali, biex tissaħħaħ id-demokrazija u tiżdied it-trasparenza tal-proċess deċiżjonali; jirrakkomanda t-titjib tal-kuntest tar-regolamentazzjoni finanzjarja għal-OSĊ billi jingħataw riżorsi addizzjonali, u d-definizzjoni ta' regoli ċari fir-rigward tal-mekkaniżmi governattivi għall-konsultazzjoni tal-OSĊ;

31.  Jilqa' pożittivament l-allinjament leġiżlattiv li għaddej rigward id-drittijiet fundamentali; jinkoraġġixxi t-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali li jippermetti l-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet, inkluż fl-eventwalità ta' maltrattamenti min-naħa tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, intimidazzjonijiet u attakki fiżiċi; jitlob aġġornamenti għal-liġi dwar il-libertà tat-twemmin reliġjuż;

32.  Jilqa' pożittivament l-isforzi li saru s'issa fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, iżda jħeġġeġ titjib fil-mekkaniżmi ta' infurzar u monitoraġġ għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, anki billi tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal; jitlob, f'dan ir-rigward, implimentazzjoni effikaċi tal-politiki dwar id-drittijiet fundamentali, partikolarment fl-oqsma tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet ta' inklużjoni soċjali tal-persuni b'diżabbiltajiet, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tar-Rom, billi jkunu garantiti allokazzjonijiet u riżorsi baġitarji adegwati għall-implimentazzjoni tal-politiki u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet responsabbli; jistieden lill-awtoritajiet jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu ż-żwieġ prekoċi furzat;

33.  Iħeġġeġ lill-Montenegro jissalvagwardja l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u jissorvelja l-effetti tagħha fuq in-nisa minn gruppi soċjali żvantaġġati u emarġinati; jistieden lill-Montenegro jiżgura aċċess bla xkiel għall-ġustizzja għan-nisa kollha, u jforni assistenza legali mingħajr ħlas lin-nisa li sfaw vittmi ta' vjolenza sessista, u jagħti attenzjoni partikolari lin-nisa Rom, lin-nisa b'diżabbiltajiet u lin-nisa li jgħixu fi nħawi rurali u remoti; jistieden lill-Montenegro jsaħħaħ ir-rwol u l-kapaċità tal-awtoritajiet rilevanti tiegħu, ħalli jkunu mgħammra aħjar biex jieħdu ħsieb il-protezzjoni u r-riabilitazzjoni tal-vittmi u jaħdmu b'mod proattiv mal-irġiel biex ma jikkommettux vjolenza fuq in-nisa; iħeġġeġ lill-Montenegro jżid l-għadd u l-kapaċità taċ-ċentri ta' akkoljenza statali;

34.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Montenegro jkomplu jtejbu l-klima tal-inklużjoni soċjetali u t-tolleranza u biex jieħdu miżuri effikaċi kontra d-diskors ta' mibegħda, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni tal-minoranzi; josserva li l-Montenegro għadu mhuwiex kompletament konformi mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jkomplu jsaħħu l-isforzi tagħhom għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-persuni LGBTI; għadu inkwetat bid-diffikultajiet marbuta mal-aċċettazzjoni tad-diversità sesswali fis-soċjetà Montenegrina; jesprimi tħassib dwar id-diskriminazzjoni li jsofru n-nisa u l-bniet fil-komunità Rom, u dwar il-fatt li l-popolazzjoni Rom emarġinata fil-Montenegro għandha aċċess limitat għall-opportunitajiet f'kull aspett tal-iżvilupp tal-bniedem, kif evidenzjaw ir-riżultati ta' stħarriġ tal-2017 dwar dan is-suġġett; jisħaq fuq l-importanza li jissaħħaħ is-settur tal-SMEs u li jingħata sostenn permezz ta' leġiżlazzjoni aħjar u tal-implimentazzjoni ta' politika industrijali;

35.  Josserva l-progress kostanti fit-titjib tal-qagħda tal-minoranzi; jitlob rispett u aktar sforzi għall-protezzjoni tal-identità multietnika tar-reġjun ta' Boka Kotorska;

36.  Iħeġġeġ lill-Montenegro jvara kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika biex jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTI, u jissalvagwardja investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ekwi fil-każijiet ta' reati kommessi kontrihom;

37.  Iħeġġeġ lill-Montenegro jvara kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika biex jinkoraġġixxi r-rapportar tal-vjolenza domestika kontra n-nisa u l-bniet, iżid in-numru ta' mħallfin imħarrġa korrettament u sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru, jiżgura investigazzjoni u prosekuzzjoni korretti tar-reati u jissalvagwardja s-servizzi ta' assistenza, konsulenza u reintegrazzjoni għall-vittmi;

Ekonomija, politika soċjali, impjiegi u edukazzjoni

38.  Japprezza l-progress li għamel il-Montenegro biex jiżgura l-istabbiltà makroekonomika u l-konsolidament fiskali u jitlob trasparenza fil-baġit u kuntest pożittiv għall-impjiegi u għan-negozju; jenfasizza li l-korruzzjoni, l-ekonomija informali, il-lakuni fl-istat tad-dritt u t-toqol tal-proċeduri regolatorji għadhom igerrxu l-investimenti u jiskoraġġixxu t-tkabbir; jenfasizza li l-mudell soċjali Ewropew jirrikjedi djalogu mal-partijiet ekonomiċi kkonċernati kollha, fosthom it-trade unions;

39.  Iħeġġeġ li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal li joffru l-għodod diġitali fl-ambitu tar-reġistru katastali, tal-fatturazzjoni u tal-ħruġ tal-permessi tal-bini; jinnota l-ħtieġa li titħaffef l-introduzzjoni tal-aċċess għall-banda wiesgħa għall-impriżi u għall-familji; jisħaq fuq il-bżonn ta' qafas ta' interoperabbiltà fil-livell tal-gvern kollu kemm hu, biex issostni d-diġitalizzazzjoni ulterjuri u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u tan-negozju; Jilqa' favorevolment l-iżvilupp kontinwu tar-reġistrazzjoni elettronika online tal-kumpaniji;

40.  Jilqa' pożittivament il-modifiki regolatorji fis-settur tal-edukazzjoni u l-isforzi biex jiżdiedu r-rati ta' parteċipazzjoni fl-iskejjel preprimarji, anki għat-tfal li ġejjin minn kuntesti żvantaġġati, u jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ komprensiv għall-iżvilupp fl-ewwel snin taż-żgħorija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw ir-rata tal-qgħad għolja fit-tul fost iż-żgħażagħ u n-nisa, anki permezz ta' valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneru, meta jkun il-każ; jinnota t-tħejjija tal-White Paper għall-promozzjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ, f'kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol; jisħaq fuq il-bżonn li jiddaħħlu miżuri attivi għas-suq tax-xogħol, speċjalment għan-nisa li ntlaqtu negattivament mill-abolizzjoni tal-benefiċċji soċjali tagħhom;

41.  Josserva li jkun tajjeb li s-sħab soċjali jiġu kkonsultati b'mod effikaċi u sistematiku dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-impjiegi u mal-affarijiet soċjali; jisħaq fuq il-bżonn li jkomplu jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Kunsill Soċjali; jilqa' pożittivament l-adozzjoni ta' ġabriet ta' regoli għas-settur tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, iżda għadu mħasseb dwar il-perċentwal għoli ta' inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol u dwar in-numru baxx ta' spetturi tax-xogħol;

42.  Jilqa' l-parteċipazzjoni msaħħa tal-Montenegro fil-programm Erasmus+ u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi rduppjat il-baġit ta' Erasmus+; jinkoraġġixxi koordinament akbar fi kwistjonijiet trasversali li jolqtu lill-impjieg taż-żgħażagħ, lill-inklużjoni, liċ-ċittadinanza attiva, lill-volontarjat u lill-edukazzjoni;

Ambjent, enerġija u trasport

43.  Jesprimi sodisfazzjon li skont l-Artikolu 1 tal-kostituzzjoni tiegħu, il-Montenegro huwa stat ekoloġiku; jilqa' pożittivament il-ftuħ possibbli tal-kapitolu 27 tal-acquis fin-negozjati mal-Montenegro din is-sena; jistieden lill-awtoritajiet jipproteġu aħjar iż-żoni l-aktar prezzjużi, speċjalment il-bijodiversità, u jirrieżaminaw il-proġetti ta' bini tal-lukandi u tal-impjanti idroelettriċi;

44.  Josserva li l-iżvilupp ta' kapaċitajiet idroelettriċi u turistiċi addizzjonali, b'mod partikolari f'żoni protetti, irid jirrispetta l-istandards ambjentali tal-UE; jesprimi tħassib dwar l-iżvilupp insostenibbli tal-kapaċitajiet idroelettriċi, peress li 80 proġett ta' impjanti idroelettriċi mhumiex ippjanati skont il-konvenzjonijiet internazzjonali jew il-leġiżlazzjoni tal-UE, minkejja r-rekwiżiti tal-kapitolu 27; iħeġġeġ aktar sfruttament ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli u miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija potenzjali u t-titjib tal-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart; jilqa' b'sodisfazzjon l-allinjament ta' suċċess bejn il-liġi tal-Montenegro tal-2016 dwar l-iskambju transfruntier tal-elettriku u tal-gass naturali u t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija; ifaħħar l-allinjament leġiżlattiv imtejjeb tal-Montenegro fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet jallinjaw totalment il-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u mad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija;

45.  Iħeġġeġ lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jirrevedu s-sostenn tagħhom favur il-proġetti tal-impjanti idroelettriċi, u jirtiraw il-finanzjamenti għall-proġetti kollha li jsiru f'żoni protetti jew li jkunu nieqsa minn valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali ex ante sodi;

46.  Jesprimi tħassib fir-rigward tal-pjan urban speċjali għall-Park Nazzjonali tal-Lag ta' Scutari (Skadar); jisħaq fuq il-bżonn li jkunu abbandunati l-proġetti idroelettriċi fuq skala kbira fuq ix-xmara Morača, minħabba r-riperkussjonijiet negattivi konsiderevoli fuq il-Lag ta' Scutari (Skadar) u x-xmara Tara, li t-tnejn huma żoni protetti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali;

47.  Jilqa' pożittivament l-iżviluppi pożittivi fl-allinjament ulterjuri mal-acquis tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Montenegro fil-qasam ambjentali u tat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lill-Gvern Montenegrin jipproteġi s-sit ta' Ulcinj Salina fil-livell kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, konformement mar-rakkomandazzjonijiet tal-istudju ffinanzjat mill-UE dwar il-protezzjoni tas-sit ta' Ulcinj Salina; jissottolinja l-bżonn urġenti li tkun żgurata l-integrazzjoni ta' Ulcinj Salina fin-netwerk Natura 2000; jitlob l-identifikazzjoni u d-deżinjazzjoni taż-żoni marini protetti;

48.  Jenfasizza l-parteċipazzjoni proattiva tal-Montenegro u r-rwol kostruttiv fil-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali permezz tal-Proċess ta' Berlin u l-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jilqa' pożittivament l-eżitu tas-summit UE-Balkani tal-Punent tal-2018, li sar f'Sofija, u l-adozzjoni tal-pakkett IPA 2018, li jinkludi finanzjamenti għaż-żewġ proġetti infrastrutturali importanti: il-bypass ta' Budva fil-Kuritur Adrijatiku-Joniku u s-sezzjoni ferrovjarja Vrbnica-Bar fil-Kuritur Orjent/Mediterran tal-Lvant; jisħaq fuq l-importanza tar-rotot tat-traffiku li jikkostitwixxu kollegament dirett bejn il-pajjiżi tal-Balkani u s-swieq tal-UE;

49.  Ifaħħar l-intenzjoni tal-Montenegro li jistabbilixxi l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (EU ETS) fit-tliet snin li ġejjin u l-adozzjoni tal-leġislazzjoni sekondarja dwar l-ekonomija fil-fjuwil u l-emissjonijiet tal-karozzi l-ġodda; josserva l-importanza li jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Montenegro aspetti tal-EU ETS, tar-Regolament dwar il-qsim tal-isforzi u tal-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Rapportar (MRM);

50.  Japprezza l-isforzi kontinwi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent, kif indikat fl-Inizjattiva Adrijatika Trilaterali;

Kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet ta' bon viċinat

51.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi kontinwi tal-Montenegro favur kooperazzjoni reġjonali kostruttiva u relazzjonijiet bilaterali ta' bon viċinat; jappoġġja l-proposta għal tnaqqis tat-tariffi tar-roaming fil-Balkani tal-Punent;

52.  Jilqa' favorevolment ir-ratifika tal-Ftehim tal-Fruntieri tal-Istat bejn il-Montenegro u l-Kosovo; jitlob il-konklużjoni rapida ta' ftehimiet biex jiġi solvut tilwim pendenti dwar il-fruntieri mal-pajjiżi ġirien l-oħra;

53.  Jilqa' favorevolment l-iffirmar min-naħa tal-Montenegro u tal-Albanija ta' dikjarazzjoni konġunta u 12-il ftehim dwar l-assistenza reċiproka f'diversi oqsma, u jqis dan bħala eżempju ta' kooperazzjoni pożittiva fir-reġjun;

54.  Iħeġġeġ lill-Montenegro jintensifika l-isforzi tiegħu biex jagħti prijorità u jikkastiga b'mod proattiv id-delitti tal-gwerra u jiċċara x'sar minnhom il-persuni nieqsa; jilqa' pożittivament l-isforzi għar-reintegrazzjoni tal-persuni spostati fl-ambitu tal-Programm Reġjonali għall-Alloġġi; jenfasizza l-fatt li, avolja ġew adottati erba' dokumenti dwar l-istrateġija ta' investigazzjoni dwar id-delitti tal-gwerra, il-prosekutur tal-Istat ma bediex investigazzjonijiet jew proċedimenti ġodda u lanqas ma ressaq akkużi ġodda; jesprimi tħassib dwar il-fatt li mit-tmien każijiet miftuħa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali (SPO) fl-2016, sitta għadhom biss fil-fażi ta' investigazzjoni preliminari; itenni s-sostenn tiegħu fil-konfront tal-inizjattiva li toħloq Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward id-delitti tal-gwerra u l-ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi f'dik li kienet il-Jugoslavja (RECOM); jisħaq fuq l-importanza ta' dan il-proċess u tal-involviment attiv tal-mexxejja politiċi reġjonali kollha; jilqa' pożittivament is-sostenn pubbliku għar-RECOM min-naħa tal-Prim Ministru;

55.  Ifaħħar lill-Montenegro għal sena oħra ta' allinjament sħiħ mal-pożizzjonijiet u mad-dikjarazzjonijiet kollha tal-UE fil-kuntest tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK), u jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK); japprezza l-mod ta' kif il-Montenegro mexxa l-politika estera tiegħu; jistieden lill-Montenegro jallinja ruħu mal-pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-integrità tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u mal-prinċipji gwida tagħha dwar il-ftehimiet bilaterali ta' immunità;

56.  Jitlob aktar kooperazzjoni bejn il-Montenegro u l-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità tal-informatika u l-kwistjonijiet relatati maċ-ċiberdifiża;

57.  Ifakkar l-importanza strateġika tal-adeżjoni tal-Montenegro man-NATO biex ikunu żgurati l-istabbiltà u l-paċi fil-Balkani tal-Punent;

°

°  °

58.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Montenegro.

  • [1]  Il-kelma "Rom" hija użata bħala terminu ġenerali li jinkludi diversi gruppi relatati, sew jekk huma nomadi sew jekk le, mhux biss ir-Rom, iżda wkoll l-Ashkali, l-Eġizzjani u oħrajn, li jista' jkollhom kulturi u stili ta' ħajja differenti ħafna minn xulxin.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

5

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Wajid Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Gilles Pargneaux, Igor Šoltes, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivan Štefanec

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

47

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Javier Nart, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Amjad Bashir, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Michèle Alliot-Marie, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Andrzej Grzyb, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Ramona Nicole Mănescu, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Ivan Štefanec, Dubravka Šuica

S&D

Nikos Androulakis, Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Wajid Khan, Arne Lietz, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Gilles Pargneaux, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Boris Zala

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Jordi Solé, Bodil Valero, Igor Šoltes

5

ENF

Mario Borghezio, Jean-Luc Schaffhauser

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

PPE

László Tőkés

5

0

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Marie-Christine Vergiat

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Novembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza