Proċedura : 2018/2036(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0353/2018

Testi mressqa :

A8-0353/2018

Dibattiti :

PV 12/11/2018 - 17
CRE 12/11/2018 - 17

Votazzjonijiet :

PV 13/11/2018 - 4.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0447

RAPPORT     
PDF 695kWORD 81k
24.10.2018
PE 622.176v01-00 A8-0353/2018

dwar standards minimi għall-minoranzi fl-UE

(2018/2036(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: József Nagy

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar standards minimi għall-minoranzi fl-UE

(2018/2036(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10, 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità,

–  wara li kkunsidra l-kriterji ta' Kopenħagen, u l-grupp ta' regoli tal-Unjoni li pajjiż kandidat jeħtieġlu jissodisfa jekk ikun jixtieq jissieħeb fl-Unjoni (l-acquis),

–  wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jagħmlu parti minn Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1948,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/RES/60/7 adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1 ta' Novembru 2005, dwar it-Tifkira tal-Olokawst,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha, speċjalment il-Protokoll Nru 12 dwar in-nondiskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali 2018 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-istħarriġ tal-FRA bit-titolu "It-tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni" (EU-MIDIS II),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà u l-Protokoll Mhux Obbligatorju tagħha (A/RES/61/106), adottata fit-13 ta' Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1985 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, adottata fl-2014 dwar is-sitwazzjoni u d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2153 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, adottata fl-2017 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni tar-Rom u ta' ċerti gruppi ta' nomadi,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2196 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, adottata fl-2018 dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tal-lingwi reġjonali u minoritarji fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 424 tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, adottata fl-2017 dwar il-lingwi reġjonali u minoritarji fl-Ewropa llum il-ġurnata,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 1201 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, adottata fl-1993 dwar protokoll addizzjonali dwar id-drittijiet tal-minoranzi għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iż-żieda fl-anti-Żingariżmu u l-vjolenza razzista kontra r-Rom fl-Ewropa, adottata fl-1 ta' Frar 2012,

–  wara li kkunsidra l-Linja Gwida Numru 5 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea, adottata waqt it-Tielet Summit tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Kapijiet ta' Stat u Gvern f'Varsavja fis-16 u s-17 ta' Mejju 2005,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Kopenħagen tal-1990 tal-OSKE u l-għadd kbir ta' rakkomandazzjonijiet u linji gwida tematiċi dwar id-drittijiet tal-minoranza maħruġa mill-Kummissarju Għoli għall-Minoranzi Nazzjonali tal-OSKE u mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, tal-OSKE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-protezzjoni u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-minoranzi fl-Istati Membri tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar "aspetti tad-drittijiet fundamentali fl-integrazzjoni tar-Rom fl-UE: il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu"(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/JHA tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Rom – l-anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu ta' estinzjoni u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2005 dwar il-ħarsien tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni f'Ewropa akbar(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar "ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2017: Insaħħu d-Drittijiet taċ-Ċittadini f'Unjoni ta' Tibdil Demokratiku"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(10),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), b'mod partikolari l-Kawża T-646/13 (Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il-Kummissjoni) u l-ġurisprduenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB).

–  wara li kkunsidra r-rapporti u l-istħarriġ tal-FRA, bħar-rapport intitolat "Ir-rispett għall-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u l-ħarsien tagħhom 2008-2010", kif ukoll rapporti rilevanti oħra minn organizzazzjonijiet u NGOs nazzjonali, Ewropej u internazzjonali dwar il-kwistjoni,

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet u lkonstatazzjonijiet tal-Intergrupp għall-Minoranzi Tradizzjonali, il-Komunitajiet Nazzjonali u l-Lingwi tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0353/2018),

A.  billi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi huma parti integrali mid-drittijiet tal-bniedem, li huma universali, indiviżibbli u indipendenti; billi l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi huma essenzjali għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà u għall-promozzjoni tat-tolleranza, tar-rispett reċiproku, tal-fehim u tal-kooperazzjoni fost il-persuni kollha li jgħixu f'territorju partikolari;

B.  billi l-UE hija mużajk ta' kulturi, lingwi, reliġjonijiet, tradizzjonijiet u storja, li jifformaw komunità ta' ċittadini diversi magħqudin flimkien bil-valuri ewlenin komuni tagħhom; billi din ir-rikkezza tal-Ewropa mhijiex fatt skontat u jenħtieġ li tiġi protetta u mrawma;

C.  billi madwar 8 % taċ-ċittadini tal-UE jappartjeni għal minoranza nazzjonali u madwar 10 % jitkellem lingwa reġjonali jew minoritarja; billi l-fastidju persistenti, id-diskriminazzjoni — inkluża d-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali, u l-vjolenza jillimitaw l-abbiltà tan-nies li jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, u jimminaw il-parteċipazzjoni ugwali tagħhom fis-soċjetà;

D.  billi l-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi tista' tgħin sabiex nibnu futur sostenibbli għall-Ewropa u tikkontribwixxi sabiex tiggarantixxi r-rispett għall-prinċipji ta' dinjità, tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni; billi l-benefiċċji mhumiex limitati għall-minoranzi peress li l-protezzjoni u l-promozzjoni ser iġġib l-istabbiltà, l-iżvilupp ekonomiku u l-prosperità għal kulħadd;

E.  billi t-Trattat ta' Lisbona introduċa t-terminu "persuni li jagħmlu parti minn minoranzi" fil-liġi primarja tal-UE, l-ewwel referenza speċifika fl-istorja tad-dritt tal-UE; L-Artikolu 2 tat-TUE jistipula li "L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel"; jinnota li dawn il-valuri huma kondiviżi mill-Istati Membri kollha u għandhom jiġu appoġġati u promossi attivament mill-UE u minn kull Stat Membru b'mod individwali fil-politiki kollha tagħhom, kemm internament kif ukoll esternament b'mod konsistenti; billi dawn id-drittijiet jistħoqqilhom l-istess trattament bħad-drittijiet l-oħra stabbiliti fit-Trattati;

F.  billi t-Trattati tal-UE, b'mod simili għall-approċċ tal-liġi internazzjonali f'dan ir-rigward, ma jiddefinux it-terminu "minoranzi"; billi l-Artikolu 17 tat-TUE jistipula li l-Kummissjoni jeħtiġilha tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati;

G  billi l-Artikolu 19 tat-TFUE jistipula li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu, skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, jista' jieħu azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni;

H.  Billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għamlet il-kunċett tal-"minoranzi nazzjonali" terminu tad-dritt tal-Unjoni; billi l-Artikolu 21 tal-Karta jissottolinja b'mod espliċitu li d-diskriminazzjoni hija pprojbita; billi jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta'dawk li jinsabu fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli;

I.  billi, meta jiddefinixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, l-Artikolu 9 tat-TUE jistipula espressament li l-Unjoni għandha tosserva l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jirċievu attenzjoni ugwali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tagħha;

J.  billi l-FCNM u l-Karta tal-Lingwi huma kisbiet ewlenin tas-sistema għall-protezzjoni internazzjonali tal-minoranzi u għodod internazzjonali importanti għall-iffissar tal-istandards għall-Istati Partijiet; billi l-effett tal-ftehimiet ikkonċernati ddgħajjef minn proċess twil ta' ratifika, mir-riżervi magħmula mill-Partijiet u minn nuqqas ta' setgħat ta' skrutinju, li jagħmilhom dipendenti fuq ir-rieda tajba tal-istati; billi n-nuqqas sistematiku ta' implimentazzjoni tas-sentenzi, tad-deċiżjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet iwassal ukoll għal normalizzazzjoni tan-nuqqas ta' konformità maż-żewġ strumenti internazzjonali;

K.  billi l-aħjar prattiki li diġà jintużaw fl-Istati Membri għandhom jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp ta' standards minimi komuni Ewropej għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, bħal fl-Italja (Alto Adige/Südtirol) jew il-Ġermanja (Schleswig-Holstein);

L.  billi d-drittijiet tal-minoranzi li jagħmlu parti minn minoranzi huma ggarantiti minn ftehimiet internazzjonali kemm multilaterali kif ukoll bilaterali u huma mnaqqxa fis-sistemi kostituzzjonali ta' ħafna Stati Membri, u r-rispett għalihom huwa prerekwiżit importanti għall-valutazzjoni tal-istat tad-dritt;

M.  billi d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (2000/43/KE) tirrappreżenta miżura legali ewlenija għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni etnika u razzjali; billi diversi Stati Membri għadhom ma implimentawhiex bis-sħiħ; billi l-Artikolu 5 ta' dik id-direttiva jistipula li, sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza sħiħa, il-prinċipju tat-trattament ugwali m'għandux jipprevjeni lil kwalunkwe Stat Membru milli jżomm jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkumpensa għal żvantaggi marbuta mal-oriġini razzjali jew etnika;

N.  billi l-motto tal-UE huwa "Magħquda fid-diversità", kif adottat fis-sena 2000 u jissottolinja r-rispett għad-diversità bħala wieħed mill-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea;

O.  billi l-kriterji ta' Kopenħagen huma parti mill-kriterji ta' adeżjoni għall-UE; billi waħda mit-tliet kriterji ta' Kopenħagen tirrikjedi b'mod ċar li l-pajjiżi jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom; billi ma jsir l-ebda monitoraġġ ulterjuri tad-drittijiet tal-minoranzi ladarba pajjiż kandidat isir Stat Membru;

P.  billi l-esperjenza turi li l-pajjiżi fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni huma aktar lesti li jirrispettaw il-kriterji ta' Kopenħagen; billi, bħala konsegwenza tan-nuqqas ta' qafas xieraq li jiggarantixxi l-issodisfar ta' dawn il-kriterji wara l-adeżjoni, f'bosta Stati Membri jkun hemm rigress sostanzjali wara s-sħubija fl-UE; billi l-UE għad m'għandhiex standards komuni fil-livell tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-minoranzi għall-Istati Membri;

Q.  billi bħalissa, l-Unjoni għandha biss għodod b'effikaċja limitata biex tirrispondi għal manifestazzjonijiet sistematiċi u istituzzjonali ta' diskriminazzjoni, razziżmu u ksenofobija; billi, minkejja għadd kbir ta' appelli lill-Kummissjoni, ittieħdu biss ftit passi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

R.  billi jeħtieġ li jiġu żviluppati mekkaniżmi u proċeduri fil-qasam tal-istat tad-dritt biex jiżguraw li l-prinċipji u l-valuri tat-Trattat jiġu rispettati fl-Unjoni kollha; billi r-rispett għad-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi huwa fattur kostituttiv ta' dawn il-valuri; billi għandu jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi effikaċi biex jingħalqu l-lakuni li fadal; billi tali mekkaniżmi għandhom ikunu bbażati fuq evidenza, ikunu oġġettivi u nondiskriminatorji, għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sussidjarjetà, neċessità u proporzjonalità, għandhom japplikaw kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u għandhom ikunu bbażati fuq approċċ gradat, li jinkludi aspett preventiv kif ukoll wieħed korrettiv; billi l-Parlament aferma l-approġġ tiegħu f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016, dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(11), li jista' jkun fundamentali għall-approċċ ikkoordinat għall-governanza fil-livell Ewropew li huwa attwalment nieqes;

S.  billi l-lingwi huma parti integrali tal-identità Ewropea u l-aktar espressjoni diretta tal-kultura; billi r-rispett għad-diversità lingwistika huwa valur fundamentali tal-UE, kif stabbilit, pereżempju, fl-Artikolu 22 tal-Karta u fil-preambolu tat-TUE, li jgħid li "Ispirati mill-wirt kulturali, reliġjuż u umanista tal-Ewropa, li minnu żviluppaw il-valuri universali tad-drittijiet invjolabbli u inaljenabbli tal-bniedem, kif ukoll il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, u l-istat tad-dritt";

T.  billi d-diversità lingwistika hija parti importanti mill-ġid kulturali ta' reġjun; billi bejn 40 sa 50 miljun persuna fl-UE jitkellmu waħda mis-60 lingwa reġjonali jew minoritarja tagħha, li xi wħud minnhom jinsabu f'riskju serju; billi t-tnaqqis tal-lingwi minoritarji huwa perċettibbli madwar l-Ewropa; billi l-lingwi mitkellma minn komunitajiet żgħar u li m'għandhom l-ebda status uffiċjali, huma saħansitra aktar esposti għar-riskju ta' estinzjoni;

U.  billi huwa stmat li persuna waħda kull elf tuża lingwa tas-sinjali nazzjonali bħala l-ewwel lingwa tagħha; billi dawn il-lingwi jenħtieġ li jingħataw status uffiċjali;

V.  billi f'soċjetajiet inklużivi, l-identità individwali kif ukoll l-identità nazzjonali huma importanti, u waħda ma teskludix lill-oħra; billi s-sistemi leġiżlattivi nazzjonali tal-Istati Membri fihom lakuni importanti fir-rigward tal-minoranzi u jirrappreżentaw livell baxx ta' armonizzazzjoni u simetrija;

W.  billi l-wirt kulturali tal-Ewropa huwa għani u varjat ħafna; billi l-wirt kulturali jarrikkixxi l-ħajja individwali taċ-ċittadini; billi l-Artikolu 3 TUE jgħid li l-Unjoni "għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew"; billi l-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi li ilhom jgħixu fl-Ewropa għal sekli sħaħ jikkontribwixxu għal dan il-wirt għani, uniku u varjat ħafna, u huma parti integrali mill-identità Ewropea;

X.  billi hemm ħafna diskrepanzi fost l-Istati Membri fir-rigward tar-rikonoxximent ta' minoranzi u r-rispett tad-drittijiet tagħhom; billi l-minoranzi madwar l-UE għadhom iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni istituzzjonalizzata u huma s-suġġett ta' stereotipi derogatorji u saħansitra d-drittijiet miksuba tagħhom spiss jiġu limitati jew applikati b'mod selettiv;

Y.  billi hemm differenza bejn il-protezzjoni tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni; billi n-nondiskriminazzjoni mhijiex biżżejjed sabiex tintemm l-assimilazzjoni; billi ugwaljanza effettiva tmur lil hinn mill-fatt li ma ssirx diskriminazzjoni u tfisser li l-minoranzi jiġu ggarantiti t-tgawdija tad-drittijiet tagħhom, bħad-dritt għall-identità, l-użu tal-lingwa u l-edukazzjoni, drittijiet kulturali u ta' ċittadinanza, eċċ, fuq l-istess livell tal-maġġoranza;

Z.  billi ż-żieda fil-vjolenza ksenofobika u d-diskors ta' mibegħda fl-Unjoni Ewropea, li spiss jiġu promossi minn forzi estremisti tal-lemin, taffettwa u tolqot il-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

AA.  billi ċ-ċittadini tal-UE li jagħmlu parti minn minoranzi jistennew li jitwettaq aktar fil-livell Ewropew fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, kif attestat mill-għadd kbir ta' petizzjonijiet li tressqu quddiem il-Parlament Ewropew f'dan ir-rigward;

AB.  billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Minority Safepack" ġabret 1 215 879 firma madwar l-UE, u dan juri r-rieda ta' dawn iċ-ċittadini tal-UE li jsaħħu l-qafas leġiżlattiv li jirregola l-politiki tal-minoranzi fil-livell tal-UE;

AC.  billi hemm ħafna lok biex jittejjeb il-mod li bih tingħata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi fl-UE; billi l-leġittimità tal-istituzzjonijiet demokratiċi hija bbażata fuq il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tal-gruppi kollha fis-soċjetà, inklużi l-minoranzi;

1.  Ifakkar li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiggarantixxu lill-minoranzi t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem, kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunità;

2.  Ifakkar li filwaqt li l-protezzjoni tal-minoranzi hija parti mill-kriterji ta' Kopenħagen, kemm għall-pajjiżi kandidati kif ukoll għall-Istati Membri, ma hemm l-ebda garanzija li l-istati kandidati se jirrispettaw l-impenji meħuda fil-qafas tal-kriterji ta' Kopenħagen ladarba jkunu saru Stati Membri;

3.  Jinnota li lill-UE għad jonqsulha l-istrumenti effikaċi biex timmonitorja u tinforza r-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi; jiddispjaċih dwar il-fatt li fil-qasam tal-protezzjoni tal-minoranzi, l-UE jew qieset bħala skontat li l-Istati Membri tagħha jikkonformaw mad-drittijiet tal-minoranzi jew strieħet fuq strumenti ta' monitoraġġ esterni, bħal dawk tan-NU, il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE;

4.  Jinnota li l-konformità mal-kriterji ta' Kopenħagen min-naħa tal-istati qabel u wara l-adeżjoni tagħhom mal-UE trid tkun soġġetta għal monitoraġġ kostanti u għal djalogu kostanti fi ħdan u bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema ta' protezzjoni komprensiva tal-UE għall-minoranzi, li tkun akkumpanjata b'mekkaniżmu sod ta' monitoraġġ;

5.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 17(1) tat-TUE, il-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, għandha l-leġittimità u l-awtorità li tiżgura li l-Istati Membri kollha qed jirrispettaw l-istat tad-dritt u valuri oħra msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE; iqis, għaldaqstant, li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni biex twettaq il-kompitu u tiżgura li l-kundizzjonijiet li kienu jeżistu qabel l-adeżjoni ta' Stat Membru għadhom qed jiġu ssodisfati ma jiksrux is-sovranità tal-Istati Membri;

6.  Ifakkar li fl-istandards internazzjonali eżistenti, kull Stat Membru għandu d-dritt li jiddefinixxi l-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali;

7.  Ifakkar li ma hemm l-ebda standard komuni tal-UE għad-drittijiet tal-minoranzi fl-UE u lanqas fehim komuni ta' min jista' jitqies bħala persuna li tagħmel parti minn minoranza; jinnota li m'hemm l-ebda definizzjoni ta' minoranzi fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jagħmlu parti minn Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi, u lanqas fil-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali (FCNM); jissottolinja l-ħtieġa li jiġu protetti l-minoranzi nazzjonali jew etniċi, reliġjużi u lingwistiċi kollha, irrispettivament mid-definizzjoni, u jenfasizza li kwalunkwe definizzjoni għandha tiġi applikata b'mod flessibbli, peress li l-inklużjoni de facto tal-benefiċjarji taħt il-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi spiss tifforma parti minn proċess evoluzzjonarju li eventwalment jista' jwassal għal rikonoxximent formali; jirrakkomanda li, fir-rigward tal-prinċipji ta' sussidjarjetà, proporzjonalità u nondiskriminazzjoni, definizzjoni ta' "minoranza nazzjonali" għandha tkun ibbażata fuq id-definizzjoni stipulata fir-Rakkomandazzjoni 1201 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (1993) għal protokoll addizzjonali dwar id-drittijiet tal-minoranzi għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jiġifieri grupp ta' persuni fi Stat li

–  jirrisjedu fit-territorju ta' dak l-Istat u jkunu ċittadini tiegħu;

– iżommu rabtiet fit-tul, sodi u dejjiema ma' dak l-Istat;

– juru karatteristiċi distintivi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi;

– ikunu rappreżentattivi biżżejjed, għalkemm iżgħar fin-numru mill-bqija tal-popolazzjoni ta' dak l-Istat jew ta' reġjun ta' dak l-Istat;

– ikunu motivati minn tħassib li jippreżervaw flimkien dak li jikkostitwixxi l-identità komuni tagħhom, inkluż il-kultura tagħhom, it-tradizzjonijiet tagħhom, ir-reliġjon tagħhom jew il-lingwa tagħhom;

8.  Ifakkar il-Linja Gwida Numru 5 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea kif adottata mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, fil-laqgħa f'Varsavja fis-16 u s-17 ta' Mejju 2005, li tiddikjara li "l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha sabiex tittrasponi dawk l-aspetti tal-Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa fi ħdan il-kompetenza tagħha fid-dritt tal-Unjoni Ewropea";

9.  Jinnota li partijiet mid-dispożizzjonijiet tal-FCNM u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji ("il-Karta tal-Lingwi") jaqgħu fi ħdan il-kompetenzi tal-UE, u jfakkar l-konklużjoni tal-FRA li għalkemm l-Unjoni ma għandhiex kompetenza leġiżlattiva ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali fiha nfisha, hija "tista' tiddeċiedi dwar varjetà ta' kwistjonijiet li jaffettwaw lill-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali";

10.  Iqis li hemm bżonn ta' proposta leġiżlattiva dwar l-istandards minimi ta' protezzjoni tal-minoranzi fl-UE, wara valutazzjoni tal-impatt xierqa u f'konformità mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li japplikaw għall-Istati Membri, bl-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni tal-minoranzi u jiġu protetti d-drittijiet diġà fis-seħħ fl-Istati Membri kollha filwaqt li jiġu evitati standards doppji; Iqis, bla ħsara għall-prinċipji ta' sussidjarità u proporzjonalità, li tali standards għandhom jibdew minn dawk diġà kkodifikati fi strumenti legali internazzjonali u għandhom jiġu inkorporati b'mod strett f'qafas legali li jiggarantixxi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-UE kollha u jkunu akkumpanjati minn mekkaniżmu ta' monitoraġġ li jaħdem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li s-sistemi legali tagħhom jiggarantixxu li l-persuni li jagħmlu parti minn minoranza ma jiġux diskriminati, u biex jieħdu u jimplimentaw miżuri ta' protezzjoni mmirati;

11.  Ifakkar li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi hija parti mill-proposta għall-konklużjoni ta' Patt tal-Unjoni għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (il-Patt DRF); ifakkar, f'dan ir-rigward, it-talba li saret fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għall-konklużjoni ta' Patt DRF; jistieden lill-Kummissjoni tintegra d-drittijiet tal-minoranzi fis-sottopartijiet kollha possibbli tal-mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twaqqaf korp fil-livell tal-Unjoni (jew fi ħdan l-istrutturi eżistenti jew bħala korp separat) għar-rikonoxximent u l-protezzjoni tal-minoranzi fl-UE;

13.  Jilqa' r-reġistrazzjoni b'suċċess u l-ġbir ta' firem fil-qafasta l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bit-titlu "Minority SafePack", li tappella għal qafas Ewropew għall-protezzjoni tal-minoranzi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora modi li bihom l-interessi u l-ħtiġijiet tal-minoranzi jistgħu jiġu rappreżentati aħjar fil-livell tal-UE;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissalvagwardjaw id-dritt ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranza li jippreservaw, jipproteġu u jiżviluppaw l-identità tagħhom, u biex jieħdu l-passi meħtieġa ħalli tiġi promossa l-parteċipazzjoni effettiva tal-minoranzi fil-ħajja soċjali, ekonomika u kulturali u fl-affarijiet pubbliċi;

15.  Ifakkar li l-aċċess għaċ-ċittadinanza tal-UE jinkiseb permezz tan-nazzjonalità ta' Stat Membru, li hija rregolata minn liġijiet nazzjonali; Ifakkar li fil-kuntest tal-aċċess għaċ-ċittadinanza nazzjonali, l-Istati Membri għandhom ikunu rregolati mill-prinċipji tad-dritt tal-UE, bħal dawk tal-proporzjonalità u tan-nondiskriminazzjoni, li t-tnejn li huma jinsabu definiti sew fil-ġurisprudenza tal-QĠUE; billi l-Artikolu 20 tat-TFUE jipprevedi li kwalunkwe persuna li għandha n-nazzjonalità ta' Stat Membru hija wkoll ċittadin tal-Unjoni, bid-drittijiet u l-obbligi minquxa fit-Trattati u l-Karta; ifakkar li skont it-Trattati kull ċittadin tal-UE jeħtieġ li jirċievi attenzjoni ugwali mill-istituzzjonijiet tal-UE;

16.  Ifakkar fit-tħassib kbir tiegħu dwar l-għadd ta' Rom apolidi fl-Ewropa, sitwazzjoni li twassal għaċ-ċaħda totali tal-aċċess tagħhom għal servizzi soċjali, edukattivi u tal-kura tas-saħħa u timbuttahom lejn il-marġni ta' soċjetà; jistieden lill-Istati Membri jabolixxu l-apolidija u jiżguraw it-tgawdija tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem minn kulħadd;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri effettivi biex ineħħu kwalunkwe ostakli għall-aċċess tas-sistema tal-kura tas-saħħa minn persuni li jagħmlu parti minn minoranza; jinnota li l-gruppi ta' minoranzi għandhom inqas aċċess għas-servizzi tas-saħħa u għall-informazzjoni dwar is-saħħa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-minoranzi jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa, kemm fiżika kif ukoll mentali u mingħajr diskriminazzjoni;

18.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex taderixxi għall-FCNM u għall-Karta tal-Lingwi u l-Istati Membri biex jirratifikawhom u biex jirrispettaw il-prinċipji stipulati f'dawn id-dokumenti; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jibqgħu lura minn atti li jmorru kontra l-prinċipji stipulati f'dawn il-prinċipji; jenfasizza li meta jkun qed joħolqu standards minimi għall-minoranzi fl-UE, l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri għandhom joqgħodu lura milli jadottaw liġijiet u miżuri amministrattivi li jdgħajfu d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi jew li jipprevdu derogi minn dawn id-drittijiet;

19.  Jafferma mill-ġdid li l-persuni indiġeni, fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom, għandhom ikunu ħielsa minn diskriminazzjoni ta' kwalunkwe tip u jkollhom id-dritt għad-dinjità u għad-diversità tal-kultura, tat-tradizzjonijiet, tal-istorja u tal-aspirazzjoni tagħhom, li għandhom jiġu riflessi kif xieraq fl-edukazzjoni u l-informazzjoni pubblika; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan, biex jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-Popli Indiġeni u Tribali f'Pajjiżi Indipendenti (Konvenzjoni ILO Nru 169) u jimplimentawha in bona fede;

20.  Iqis li standards komuni minimi Ewropej sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi għandhom jiġu żviluppati fl-UE, li jimxu fuq il-linji tal-prinċipji proċedurali ta' relazzjonijiet tajbin ta' viċinat, relazzjonijiet ta' ħbiberija u li jiżguraw kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-viċinat mhux tal-UE, fuq il-bażi tal-implimentazzjoni ta' standards u normi internazzjonali; iqis li l-adozzjoni tal-istandards komuni minimi Ewropej m'għandhiex tnaqqas id-drittijiet u l-istandards diġà eżistenti li jipproteġu lill-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; ifakkar fil-bżonn li jiġu implimentati l-impenji adottati u tal-prinċipji żviluppati fil-qafas tal-OSKE, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet u l-linji gwida tematiċi tagħha; ifakkar li l-Kummissjoni diġà qieset dawk l-istandards fil-kuntest tal-kriterji ta' Kopenħagen matul in-negozjati tal-adeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, sabiex tapplika l-istess standards għall-Istati Membri kollha tal-UE;

21.  Jenfasizza li l-politiki tan-nondiskriminazzjoni waħedhom ma jsolvux il-kwistjonijiet li jiffaċċjaw il-minoranzi u ma jipprevenux l-assimilazzjoni tagħhom; jinnota li l-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi huma f'kategorija speċjali fir-rigward tad-dritt għal rimedju u għandhom ħtiġijiet speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati sabiex tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa u effettiva, u li huwa neċessarju li jiġu rsipettati u promossi d-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt li jesprimu liberament, jippreservaw u jiżviluppaw l-identità kulturali jew lingwistika tagħhom, filwaqt li jirrispettaw l-identità, il-valuri u l-prinċipji tal-pajjiż li jirrisjedu fih; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi monitoraġġ regolari tad-diversità lingwistika u kulturali fl-UE;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġaw u jiffinanzjaw il-ġbir ta' data affidabbli u konkreta fil-qasam l-ugwaljanza, b'konsultazzjoni ma' rappreżentanti tal-minoranzi bil-għan li jitkejlu l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni; jitlob monitoraġġ effikaċi, fuq skala tal-UE, tas-sitwazzjoni tal-minoranzi nazzjonali u etniċi; iqis li l-FRA għandha timmonitorja iżjed id-diskriminazzjoni fil-konfront tal-minoranzi nazzjonali u etniċi fl-Istati Membri;

23.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-protezzjoni tal-minoranzi, fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu finanzjament u appoġġ suffiċjenti għal dawk l-organizzazzjonijiet;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissalvagwardjaw il-protezzjoni tal-minoranzi fi ħdan il-minoranzi u jindirizzaw l-inugwaljanzi fi ħdan l-inugwaljanzi, peress li l-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi spiss jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla u intersettorjali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu riċerka sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni kumplessa tad-diskriminazzjoni multipla u intersettorjali;

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-reat ta' mibegħda u d-diskors ta' mibegħda

25.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda allarmanti fir-reati ta' mibegħda u fid-diskors ta' mibegħda mmotivati mir-razziżmu, il-ksenofobija jew l-intolleranza reliġjuża fil-konfront ta' minoranzi fl-Ewropa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu l-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda u l-attitudnijiet u l-imġiba diskriminatorji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-FRA jkomplu bil-ħidma tagħhom fir-rigward tal-monitoraġġ tar-reati ta' mibegħda u tad-diskors ta' mibegħda fl-Istati Membri diretti lejn il-minoranzi, u jirrapportaw b'mod regolari dwar il-każijiet u t-tendenzi;

26.  Jikkundanna b'mod inekwivoku kull forma ta' diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi u kull forma ta' segregazzjoni, diskors ta' mibegħda, reati ta' mibegħda u esklużjoni soċjali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkundannaw b'mod ċar u jissanzjonaw iċ-ċaħda tal-atroċitajiet kontra l-minoranzi nazzjonali u etniċi; itenni l-pożizzjoni tiegħu li esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar "aspetti tad-drittijiet fundamentali fl-integrazzjoni tar-Rom fl-UE: il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu"; ifakkar li ċ-ċittadini Ewropej kollha għandhom jirċievu l-istess assistenza u l-istess protezzjoni tkun xi tkun l-oriġini etnika jew kulturali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq qafas Ewropew u lill-Istati Membri biex ifasslu pjanijiet nazzjonali speċifiċi li jindirizzaw il-vjolenza ksenofobika u d-diskors ta' mibegħda fil-konfront ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

27.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jippromwovu relazzjonijiet ta' ħbiberija u stabbli bejniethom, u jħeġġiġhom iżommu djalogu miftuħ u ta' appoġġ mal-pajjiżi ġirien, speċjalment fir-reġjuni tal-fruntiera fejn bosta lingwi u kulturi jistgħu jkunu preżenti;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li jissensibilizzaw il-popolazzjoni tal-UE għad-diversità u jippromwovu l-forom kollha paċifiċi ta' manifestazzjonijiet tal-kulturi tal-minoranzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu l-istorja tal-minoranzi nazzjonali u etniċi u biex jippromwovu kultura ta' tolleranza fl-iskejjel tagħhom bħala parti mill-kurrikuli tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu djalogi kulturali, inklużi iżda mhux esklussivament fl-iskejjel, dwar il-forom u l-uċuħ differenti tal-mibegħda kontra l-gruppi ta' minoranza; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li n-nondiskriminazzjoni, kif ukoll l-istorja u d-dritt tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, jiġu integrati bħala komponenti tas-sistema edukattiva nazzjonali tagħhom;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu kampanji kontra d-diskors ta' mibegħda, biex jistabbilixxu unitajiet kontra r-reati ta' mibegħda fil-forzi tal-pulizija bbażati fuq l-għarfien tal-isfidi li qed jiffaċċjaw il-gruppi ta' minoranza differenti u jwettqu taħriġ intern kontinwu, u jiggarantixxu li l-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi jkunu ugwali quddiem il-liġi u jiżguraw li jkollhom aċċess ugwali għall-ġustizzja u d-drittijiet proċedurali;

30.  Iqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom mingħajr biża'; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu edukazzjoni obbligatorja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, iċ-ċittadinanza demokratika u l-litteriżmu politiku fil-kurrikuli tal-iskejjel tagħhom fil-livelli kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ obbligatorju għal dawk responsabbli, li huma essenzjali għall-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri u li għandhom ikunu mgħammra biex iservu liċ-ċittadini kollha billi jużaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw id-diskriminazzjoni intersettorjali kemm fil-politiki tagħhom kif ukoll permezz tal-programmi ta' finanzjament tagħhom;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, sabiex tinħoloq fiduċja reċiproka, iwaqqfu kummissjonijiet nazzjonali tal-verità u tar-rikonċiljazzjoni sabiex jirrikonoxxu l-persekuzzjoni, l-esklużjoni u n-nuqqas ta' rikonoxximent tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi tul is-sekli, u jiddokumentaw dawn il-kwistjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw b'mod ċar u jissanzjonaw iċ-ċaħda tal-atroċitajiet kontra persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u jħeġġiġhom iżommu u jonoraw ġranet ta' kommemorazzjoni ewlenin ta' gruppi ta' minoranza fil-livell statali, bħall-Jum ta' Tifkira tal-Olokawst tar-Rom; iħeġġiġhom jistabbilixxu istituzzjonijiet li juru l-istorja u l-kultura ta' gruppi minoritarji u jappoġġawhom kemm finanzjarjament kif ukoll amministrattivament;

32.  Iqis li l-parteċipazzjoni soċjali, ekonomika, politika u kulturali attiva u sinifikanti minn gruppi ta' minoranzi hija essenzjali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu strateġiji li jkun fihom kemm miżuri proattivi kif ukoll reattivi abbażi ta' konsultazzjonijiet reali u sistematiċi ma' rappreżentanti ta' grupp ta' minoranzi, u li jinvolvuhom fit-tħaddim, fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni ta' programmi u proġetti prinċipali mnedija fil-livelli kollha, inkluż fil-livell lokali sabiex jiġu ssalvagwardjati l-inklużività u n-nondiskriminazzjoni tagħhom;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar sħaħ u bir-reqqa tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, u jħeġġiġhom jinvolvu ruħhom f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni fir-rigward ta' leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni; jemmen li l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi biżżejjed, kif meħtieġ mid-Direttiva; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja bmod xieraq l-implimentazzjoni tad-Direttiva;

34.  Jiddispjaċih li l-proposta għal Direttiva dwar it-Trattament Ugwali tal-2008 għadha pendenti għall-approvazzjoni mill-Kunsill; itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill biex jadotta l-proposta mill-aktar fis possibbli;

Minoranzi nazzjonali u etniċi

35.  Jinnota li l-minoranzi nazzjonali u etniċi huma gruppi ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi li ilhom jgħixu fl-istess territorju u jikkondividu identità komuni, f'xi każijiet b'riżultat ta' tibdil fil-fruntieri, u f'oħrajn minħabba li jgħixu għal żmien twil f'żona, fejn huma rnexxielhom jippreservaw l-identità tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproteġu l-identità kulturali u lingwistika ta' minoranzi nazzjonali u etniċi, u biex joħolqu kundizzjonijiet għall-promozzjoni ta' dik l-identità; jenfasizza r-rwol importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE jista' jkollhom fil-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u etniċi, u jqis li r-riorganizzazzjoni amministrattiva u r-riorganizzazzjoni territorjali m'għandhiex ikollha konsegwenzi negattivi għalihom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu riżorsi finanzjarji għall-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi mill-baġit ċentrali, sabiex ma jinħoloqx piż fuq il-baġits lokali;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għall-minoranzi nazzjonali u etniċi sabiex jieħdu sehem fil-ħajja politika u soċjali ; iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw sistemi elettorali u liġijiet li jiffaċilitaw ir-rappreżentanza tal-minoranzi nazzjonali u etniċi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri korrettivi immedjati sabiex itemmu r-reġistrazzjoni tat-twelid diskriminatorja, iwettqu r-reġistrazzjoni tal-membri ta' gruppi ta' minoranza mingħajr diskriminazzjoni u jiżguraw li l-karti tal-identità li jinħarġu ma jkunux diskriminatorji;

37.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu analiżi koerenti tal-politiki attwali dwar il-minoranzi sabiex jikkjarifikaw il-punti pożittivi u l-isfidi u jiżguraw il-konformità mad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali u etniċi;

38.  Jistieden lill-FRA tabbozza opinjoni dwar kif għandhom jinħolqu mezzi biex jiġu protetti u promossi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali, b'mod konformi mad-deċiżjoni tal-QĠUE, deċiżjoni Nru T-646713/13;

Drittijiet kulturali

39.  Jenfasizza li l-attivitajiet kulturali huma oqsma essenzjali għall-preservazzjoni tal-identità tal-minoranzi nazzjonali u etniċi, u li l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet tal-minoranzi u l-espressjoni tal-valuri artistiċi fil-lingwa materna huma partikolarment importanti għall-preservazzjoni tad-diversità Ewropea; jinnota li ż-żamma tal-patrimonju kulturali tal-UE tikkostitwixxi interess komuni tal-UE u tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw, isaħħu u jippromwovu d-drittijiet kulturali tal-minoranzi;

40.  Ifakkar li huwa essenzjali li jinftiehem xi tfisser "kultura" sabiex tiġi ddefinita l-portata tad-drittijiet tal-minoranzi f'dan ir-rigward; jinnota li l-kultura, f'sens wiesa', hija ekwivalenti għall-ġabra sħiħa ta' attivitajiet u kisbiet materjali u mhux materjali ta' komunità partikolari u ta' dak li jiddistingwiha minn oħrajn; jenfasizza li d-drittijiet kulturali għandhom jinkludu d-dritt li wieħed jipparteċipa fil-ħajja kulturali, id-dritt li jgawdi l-kultura, id-dritt li jagħżel li jkun parti minn grupp, id-drittijiet lingwistiċi, u l-protezzjoni tal-wirt kulturali u xjentifiku;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-kontribut tal-minoranzi nazzjonali u etniċi għall-wirt kulturali tal-Unjoni, sabiex jissaħħaħ id-djalogu mar-rappreżentanti tal-minoranzi u mal-persuni li jagħmlu parti minnhom u sabiex jidentifikaw u jimplimentaw politiki u azzjonijiet koordinati għall-ġestjoni sostenibbli tal-preservazzjoni u l-iżvilupp tal-kultura tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu livell xieraq ta' istituzzjonalizzazzjoni tal-prattiki fil-livell nazzjonali biex jipproteġu d-drittijiet kulturali;

42.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu u jappoġġaw lill-minoranzi nazzjonali u etniċi u lill-persuni li jagħmlu parti minnhom fit-trawwim ta' għarfien u ta' ħiliet li huma meħtieġa sabiex jissalvagwardjaw u jimmaniġġjaw u jiżviluppaw b'mod sostenibbli l-wirt kulturali li għandu jiġi mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet futuri; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri istabbilixxu u jżommu fondi kulturali sostanzjali għall-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kemm fil-livelli orizzontali kif ukoll vertikali sabiex jiġi żgurat appoġġ effettiv, trasparenti u ekwu għall-ħajja kulturali tal-komunitajiet minoritarji;

43.  Jenfasizza l-fatt li l-midja għandha rwol ċentrali fir-rigward tad-drittijiet kulturali u lingwistiċi; ifakkar li l-kapaċità li jkollok aċċess, tirċievi u tippubblika informazzjoni u kontenut f'lingwa li tista' tifhem u tikkomunika mingħajr problemi biha hija prerekwiżit għall-parteċipazzjoni ugwali u effettiva fil-ħajja pubblika, ekonomika, soċjali u kulturali; jinnota, f'dan ir-rigward, li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali u etniċi li jgħixu f'żoni tal-fruntiera, rurali u remoti; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' finanzjament tal-entitajiet tal-midja li jippubblikaw jew ixandru b'lingwi reġjonali jew minoritarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament xieraq lill-organizzazzjonijiet jew lill-korpi tal-midja li jirrappreżentaw lill-minoranzi sabiex jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-identitajiet kulturali tal-minoranzi u jippermettulhom jaqsmu l-fehmiet, il-lingwa u l-kultura tagħhom mal-maġġoranza;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-midja tkun tista' topera b'mod indipendenti, jippromwovu l-użu ta' lingwi minoritarji fil-midja, u jqisu l-minoranzi nazzjonali u etniċi meta joħorġu liċenzji għas-servizzi tal-midja, inkluż l-assenjar ta' xandara tat-televiżjoni u tar-radju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu fondi xierqa lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-minoranzi, bil-ħsieb li jitrawwem is-sens ta' appartenenza tagħhom, u l-identifikazzjoni mal-gruppi ta' minoranzi rispettivi tagħhom, u li l-identitajiet, il-lingwi, l-istorja u l-kulturi tagħhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-maġġoranza;

45.  Ifakkar fir-rwol fundamentali tal-midja pubblika fil-promozzjoni ta' dan il-kontenut, b'mod partikolari fil-kuntest tal-iskrutinju demokratiku mill-awtoritajiet lokali jew reġjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħloq il-kundizzjonijiet legali u regolatorji biex tiżgura l-libertà tas-servizz, il-passaġġ u r-riċezzjoni ta' kontenut awdjoviżiv fir-reġjuni fejn jgħixu l-minoranzi sabiex dawn ikunu jistgħu jaraw u jisimgħu kontenut fil-lingwa materna tagħhom, fejn tali kontenut jista' jixxandar fil-livell transfruntier mingħajr blokki ġeografiċi;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, b'mezzi xierqa, li s-servizzi tal-midja awdjoviżiva ma jinkludu l-ebda inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda mmirati lejn persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; jenfasizza li l-midja taqdi rwol importanti fil-kopertura tal-ksur tad-drittijiet tal-minoranzi u jekk ma jiġux irrapportati, ir-realitajiet ta' kuljum li jiffaċċjaw il-minoranzi jibqgħu inviżibbli;

47.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jibqgħu lura minn atti politiċi u legali u minn politiki li għandhom l-għan li jistabbilixxu miżuri restrittivi, bħall-obbligi ta' użu ta' sottotitoli u/jew traduzzjoni u kwoti obbligatorji għal programmi f'lingwi uffiċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippermettu u jippromwovu l-preżenza ta' midja reġjonali jew ta' lingwa minoritarja, ukoll fuq l-interfaċċi online; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament xieraq jew għotjiet għal organizzazzjonijiet u għall-midja li jirrappreżentaw il-minoranzi nazzjonali u etniċi, minħabba l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet reġjonali tagħhom;

48.  Jistieden lill-Istati Membri biex, fid-dawl tas-Sena Ewropea tal-Patrimonju Kulturali, jivvalorizzaw u jippromwovu l-kulturi minoritarji preżenti f'pajjiżhom, billi jikkontribwixxu għad-disseminazzjoni tal-istorja u t-tradizzjonijiet tagħhom u jiġġieldu kontra l-iżolament tal-komunitajiet ikkonċernati;

49.  Jisħaq fuq il-fatt li l-iżvilupp ta' kwalunkwe politika dwar il-patrimonju kulturali għandu jkun inklużiv, ibbażat fuq il-komunitajiet u parteċipattiv, li jinvolvi l-konsultazzjoni u d-djalogu mal-komunitajiet minoritarji kkonċernati;

Id-dritt għall-edukazzjoni

50.  Jinnota li l-edukazzjoni għandha rwol ewlieni fis-soċjalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-identità u tibqa' l-għodda ewlenija biex jngħata nifs ġdid lil-lingwi minoritarji b'riskju ta' estinzjoni u biex dawn jiġu preservati; jenfasizza li kull persuna li tagħmel parti minn minoranza nazzjonali għandha d-dritt għal edukazzjoni f'lingwa minoritarja; jisħaq fuq il-fatt li l-kontinwità tal-edukazzjoni fil-lingwa materna hija essenzjali sabiex tinżamm l-identità kulturali u lingwistika; jinnota li, fil-każ tal-edukazzjoni fil-lingwi minoritarji, m'hemm l-ebda mudell wieħed tal-aħjar prattika waħda li huwa adatt għall-minoranzi nazzjonali u etniċi kollha; jinnota l-bżonn li tingħata attenzjoni speċjali lill-persuni li jużaw il-lingwa tas-sinjali;

51.  Ifakkar li l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa jirrakkomanda li l-Partijiet Stati tagħha jiżguraw, sa fejn possibbli u fil-qafas tas-sistema tal-edukazzjoni tagħhom, li persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali jkollhom opportunitajiet adegwati biex jiġu mgħallma l-lingwa minoritarja kkonċernata jew biex jirċievu struzzjoni f'dik il-lingwa, mingħajr preġudizzju għat-tagħlim tal-lingwa uffiċjali jew it-tagħlim b'dik il-lingwa;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-azzjonijiet tagħhom ħalli joħolqu għodda xierqa biex jippromovu u jappoġġaw l-użu uffiċjali ta' lingwi mitkellma minn minoranzi nazzjonali u etniċi, fit-territorji fejn jgħixu, f'livell lokali jew reġjonali, f'konformità mal-prinċipji tal-FCNM u tal-Karta tal-Lingwi, filwaqt li jiżguraw li l-protezzjoni u l-inkoraġġiment tal-użu tal-lingwi reġjonali u minoritarji m'għandhomx ikunu għad-detriment tal-lingwi uffiċjali u l-obbligu li wieħed jitgħallimhom;

53.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li xi Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Karta tal-Lingwi u li anke xi wħud li rratifikawha ma jimplimentawhiex b'mod effettiv; jinsab iddiżappuntat bil-fatt li f'xi Stati Membri, id-drittijiet eżistenti jew mhumiex implimentati jew sempliċiment mhumiex rispettati;

54.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li, b'mod konformi man-normi internazzjonali, il-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali u etniċi jkollhom drittijiet tagħhom garantiti u opportunitajiet adegwati żgurati għal dak li jikkonċerna l-provvista ta' edukazzjoni f'lingwa minoritarja, kif ukoll tagħlim bil-lingwa materna tagħhom kemm fl-istituzzjonijiet edukattivi pubbliċi kif ukoll f'dawk privati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jifformulaw politiki edukattivi xierqa u jimplimentaw dawk li huma l-aktar adattati għall-ħtiġijiet tal-minoranzi nazzjonali u etniċi, anki permezz ta' programmi edukattivi speċifiċi jew permezz ta' kurrikuli u kotba tal-iskola speċjali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament għat-taħriġ sabiex jiżguraw istruzzjoni effettiva fil-lingwi ta' minoranza u sabiex jinkorporaw l-aħjar prattiki fit-tagħlim tal-lingwi barranin fil-metodoloġija tat-tagħlim tal-lingwi uffiċjali fil-każ tal-kurrikula għal skejjel li jipprovdu edukazzjoni f'lingwa minoritarja; jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri għandhom jippromwovu it-tagħlim kemm tal-lingwi reġjonali jew minoritarji kif ukoll tal-lingwa uffiċjali bl-użu ta' metodi xierqa;

55.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li dawk li jitkellmu lingwa reġjonali jew minoritarja bħala l-lingwa materna tagħhom, ikollhom l-opportunità li jitgħallmu l-lingwa uffiċjali b'mod suffiċjenti, billi jinkorporaw prattika tajba mit-tagħlim ta' lingwi barranin jew tat-tieni lingwi fl-approċċ metodoloġiku adottat sabiex tiġi mgħallma l-lingwa uffiċjali tal-Istat;

56.  Jenfasizza li persuni li jagħmlu parti minn minoranzi għandhom ukoll jitgħallmu l-lingwa, l-istorja u l-kultura tal-maġġoranza tal-popolazzjoni, u li l-istudenti li jappartjenu għal maġġoranza tal-popolazzjoni, kif ukoll il-pubbliku inġenerali, għandhom isiru familjari mal-istorja u l-kultura tal-minoranzi u għandhom jingħataw l-opportunità sabiex jitgħallmu lingwi tal-minoranzi;

57.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu l-produzzjoni ta' kotba li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kelliema ta' lingwi reġjonali jew minoritarji, jew – jekk dan jidher li huwa impossibbli – jiffaċilitaw l-użu ta' kotba minn pajjiżi oħra ppubblikati f'dawk il-lingwi, b'kooperazzjoni mal-korpi tar-regolamentazzjoni tal-edukazzjoni tal-pajjiżi fejn jintużaw lingwi kkonċernati;

58.  Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni għolja bil-lingwa materna u tat-taħriġ ta' speċjalisti b'għarfien ta' terminoloġija speċjalizzata, speċjalment f'reġjuni b'għadd kbir ta' kelliema tal-lingwa kkonċernata; jenfasizza l-ħtieġa kritika li jingħataw struzzjonijiet lit-tobba bil-lingwi minoritarji;

59.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri jinkludu lir-rappreżentanti tal-minoranzi fid-diskussjonijiet dwar l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi tagħhom;

60.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddefinixxu l-limiti preferenzjali għat-tagħlim tal-lingwi reġjonali jew minoritarji, sabiex tiġi żgurata l-ekwità fl-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu d-dritt ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali jew etniċi li jgħixu f'żoni b'għadd sostanzjali ta' minoranzi bħal dawn, inklużi żoni rurali jew żoni b'insedjamenti iżolati, biex jirċievu edukazzjoni b'lingwa minoritarja, b'mod partikolari bil-lingwa materna tagħhom, jekk ikun hemm domanda suffiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-riformi u l-politiki edukattivi ma jirrestrinġux id-dritt li jirċievu edukazzjoni f'lingwa minoritarja;

61.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw id-disponibbiltà ta' appoġġ integrat fuq livell vertikali għal lingwi minoritarji u reġjonali fis-sistemi edukattivi, speċifikament billi jinħolqu, fil-livell tal-Istati Membri, ministeri tal-edukazzjoni kif ukoll fi ħdan il-Kummissjoni, unitajiet responsabbli għall-inkorporazzjoni tal-edukazzjoni fil-lingwi minoritarji u reġjonali fil-kurrikuli tal-iskejjel; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu tagħlim kontinwu tal-lingwi minoritarji, mill-edukazzjoni ta' qabel il-primarja sal-edukazzjoni terzjarja;

62.  Jisħaq fuq il-fatt li t-taħriġ ta' għalliema u l-aċċess għal kotba u materjal tat-tagħlim ta' kwalità tajba huma prekundizzjonijiet essenzjali għall-iżgurar ta' edukazzjoni ta' kwalità tajba għall-istudenti; Iqis li l-kurrikuli, il-materjal edukattiv u l-kotba dwar l-istorja jenħtieġ li jipprovdu stampa ġusta, preċiża u informattiva tas-soċjetajiet u tal-kulturi tal-gruppi ta' minoranzi; jinnota li problema rikonoxxuta ħafna fir-rigward tal-edukazzjoni fil-lingwi minoritarji li teħtieġ li tiġi indirizzata hija d-disponibbiltà insuffiċjenti ta' materjal tat-tagħlim ta' kwalità għolja u ta' għalliema ta' ħila xierqa tal-lingwi minoritarji. jinnota li t-tagħlim tal-istorja b'mod multidimensjonali għandu jkun rekwiżit fl-iskejjel kollha, kemm f'komunitajiet ta' minoranza kif ukoll ta' maġġoranza; jinnota l-importanza li jiġi żviluppat it-taħriġ tal-għalliema sabiex ikun jaqbel mal-ħtiġijiet tat-tagħlim f'livelli differenti u f'tipi differenti ta' skejjel;

63.  Jissottolinja li t-tagħlim tal-lingwa minoritarja jikkontribwixxi għall-fehim reċiproku bejn il-maġġoranza u l-minoranza u jressaq il-komunitajiet eqreb xulxin; iħeġġeġ lill-Istati Membri japplikaw miżuri pożittivi sabiex tiġi żgurata rappreżentanza xierqa tal-minoranzi fl-edukazzjoni, kif ukoll fl-amministrazzjoni pubblika u fl-aġenziji eżekuttivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u muniċipali;

64.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-promozzjoni ta' programmi ffukati fuq l-iskambju tal-esperjenzi u l-aħjar prattiki fir-rigward tal-edukazzjoni f'lingwi reġjonali u minoritarji fl-Ewropa; jistieden lill-UE u lill-Kummissjoni jpoġġu aktar enfasi fuq il-lingwi reġjonali u minoritarji fil-ġenerazzjoni futura tal-programmi Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Ewropa għaċ-Ċittadini taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) l-ġdid;

65.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li f'xi wħud mill-Istati Membri, l-istudenti li jagħmlu parti minn minoranzi mhumiex integrati fl-istituzzjonijiet tas-sistema edukattiva ġenerali, iżda jinsabu fi skejjel speċjali għar-raġuni li m'għandhomx għarfien biżżejjed tal-lingwa tat-tagħlim; ifakkar li l-edukazzjoni f'lingwa minoritarja jew il-fatt li wieħed jagħmel parti minn kwalunkwe minoranza partikolari ma jistgħux jintużaw bħala skuża biex it-tfal jiġu segregati abbażi ta' identità; jistieden lil-Istati Membri jżommu lura minn din it-tip ta' segregazzjoni u jieħdu miżuri adegwati sabiex dawn l-istudenti jkunu jistgħu jattendu skejjel tal-edukazzjoni ġenerali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-introduzzjoni ta' suġġetti dwar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi b'mod partikolari fil-kurrikuli tal-iskejjel bħala mezz biex jiġu promossi d-diversità kulturali u t-tolleranza permezz tal-edukazzjoni;

Id-drittijiet lingwistiċi

66.  Jinnota li l-lingwa hija aspett essenzjali mill-identità kulturali u d-drittijiet tal-bniedem tal-minoranzi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss id-dritt li tintuża lingwa minoritarja, kemm fil-privat kif ukoll fil-pubbliku u mingħajr diskriminazzjoni, f'oqsma fejn hemm għadd sostanzjali ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, biex jiġi żgurat li l-lingwi jistgħu jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra, u biex titħares id-diversità lingwistika fi ħdan l-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-pjan tagħha ta' promozzjoni tat-tagħlim u tal-użu tal-lingwi reġjonali bħala mod potenzjali sabiex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni lingwistika fl-UE, u sabiex tiġi promossa d-diversità lingwistika; ifakkar li l-promozzjoni tal-għarfien ta' lingwi minoritarji minn persuni li mhumiex membri tal-minoranza huwa mod ta' kif jitrawmu l-fehim u r-rikonoxximent reċiproċi;

67.  Jisħaq fuq il-fatt li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013, il-Parlament fakkar li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni lill-fatt li, bil-politiki tagħhom, xi Stati Membri u reġjuni qed jipperikolaw is-sopravivenza tal-lingwi fi ħdan il-fruntieri tagħhom, anke jekk dawk il-lingwi ma jinsabux f'periklu fil-kuntest Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-ostakoli amministrattivi u leġiżlattivi imposti fuq il-prattika ta' dawn il-lingwi;

68.  Jinnota li minbarra l-24 lingwa uffiċjali tagħha, fl-UE hemm 60 lingwa oħra li huma wkoll parti mill-wirt kulturali u lingwistiku tagħha u li huma mitkellma f'reġjuni speċifiċi jew minn gruppi speċifiċi minn 40 miljun ruħ; jinnota li l-multilingwiżmu tal-Unjoni Ewropea huwa uniku fil-livell tal-organizzazzjonijiet internazzjonali; jinnota li l-prinċipju tal-multilingwiżmu huwa minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li jobbliga lill-Unjoni Ewropea tirrispetta d-diversità lingwistika u tappoġġa l-wirt lingwistiku u kulturali rikk tal-Ewropa billi tippromwovi t-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika;

69.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fil-prattika jippermettu u jippromwovu, fil-kuntest tal-awtoritajiet amministrattivi u tal-organizzazzjonijiet tas-servizz pubbliku, l-użu tal-lingwi reġjonali jew minoritarji, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, bħal fir-relazzjonijiet bejn individwi privati u organizzazzjonijiet min naħa, u awtoritajiet pubbliċi min-naħa l-oħra; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-informazzjoni u s-servizzi pubbliċi disponibbli f'dawn il-lingwi, inkluż fuq l-internet, f'żoni fejn hemm għadd sostanzjali ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali u etniċi;

70.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess għal lingwi minoritarji u reġjonali, billi jiffinanzjaw u jappoġġaw attivitajiet ta' traduzzjoni, doppjaġġ u sottotitolar u l-kodifikazzjoni ta' terminoloġija xierqa u nondiskriminatorja fir-reġistri amministrattivi, kummerċjali, ekonomiċi, soċjali, tekniċi u legali;

71.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet muniċipali fiż-żoni kkonċernati biex jippermettu l-użu ta' lingwi reġjonali u minoritarji; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw bħala linji gwida l-prattiki tajbin li diġà jeżistu fil-livell nazzjonali;

72.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-użu ta' lingwi reġjonali jew minoritarji fil-livell lokali u reġjonali; iħeġġeġ b'mod attiv, għal dan il-għan, lill-awtoritajiet muniċipali sabiex jiżguraw l-użu ta' tali lingwi fil-prattika;

73.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li f'żoni b'għadd sostanzjali ta' abitanti li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali, l-immarkar u t-tikkettar tas-sikurezza u tas-sigurtà, l-istruzzjonijiet u l-avviżi pubbliċi obbligatorji li jkunu importanti għaċ-ċittadini, kemm jekk ipprovduti mill-awtoritajiet jew mis-settur privat, kif ukoll l-ismijiet ta' postijiet u d-denominazzjonijiet topografiċi tagħhom, ikunu miktuba f'forma korretta u disponibbli fil-lingwi ġeneralment użati f'reġjun partikolari, inkluż fuq sinjali li jindikaw dħul jew ħruġ minn żoni urbani u fuq is-sinjali l-oħra kollha tat-toroq li jipprovdu informazzjoni;

74.  Jinnota li r-rappreżentazzjoni viżwali ta' lingwi reġjonali u minoritarji – sinjali tat-toroq, ismijiet tat-toroq, l-ismijiet tal-istituzzjonijiet amministrattivi, pubbliċi u kummerċjali, eċċ. – hija essenzjali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali u etniċi, peress li din tirrifletti, u tikkontribwixxi għall-użu essenzjali tal-lingwi reġjonali u minoritarji, li jinkoraġġixxu lill-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali/etniċi li jużaw, jippreservaw u jiżviluppaw l-identità lingwistika speċifika tagħhom u d-drittijiet lingwistiċi tagħhom, jesprimu l-identità multietnika lokali tagħhom, u jsaħħu s-sens ta' sjieda tagħhom bħala membri ta' gruppi li jgħixu f'komunità lokali jew reġjonali;

75.  Jistieden lill-Istati Membri jibqgħu lura minn jew jeliminaw prattiki legali li jimpedixxu l-aċċess tal-minoranzi għall-ispettru sħiħ tal-professjonijiet eżerċitati fi Stat partikolari; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess xieraq għas-servizzi legali u ġuridiċi; jenfasizza li r-rappreżentanti tal-minoranzi għandhom jiġu informati wkoll b'mod espliċitu dwar il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti skont il-liġi nazzjonali tagħhom f'każ li d-drittijiet tagħhom ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranza jkunu ġew miksura;

76.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li kull persuna li tagħmel parti minn minoranza nazzjonali għandha d-dritt li tuża l-kunjom (tal-missier) u l-ewwel isem tagħha bil-lingwa minoritarja u d-dritt li dawn jiġu rikonoxxuti b'mod uffiċjali, inkluż fil-kuntest tal-libertà ta' moviment fl-UE;

77.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex ineħħu l-ostakli amministrattivi u finanzjarji li jistgħu jxekklu d-diversità lingwistika fil-livell Ewropew u nazzjonali u jimpedixxu t-tgawdija u l-implimentazzjoni tad-drittijiet lingwistiċi tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali u etniċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex itemmu l-prattiki lingwistikament diskriminatorji;

Konklużjoni

78.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal qafas komuni ta' standards minimi tal-UE għall-protezzjoni tal-minoranzi; jirrakkomanda li dan il-qafas għandu jkun fih stadji importanti li jistgħu jitkejlu b'rappurtar regolari, u għandu jikkonsisti, bħala minimu,

–  fl-abbozzar ta' linji gwida li jirriflettu l-aħjar prattiki fi ħdan l-Istati Membri, f'kooperazzjoni ma' diversi partijiet interessati involuti fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi,

–  f'rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, b'kont meħud tal-miżuri nazzjonali eżistenti, ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  proposta leġiżlattiva għal direttiva, li għandha tiġi abbozzata wara valutazzjoni tal-impatt xierqa, f'konformità mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità kif japplikaw fl-Istati Membri u bbażati fuq il-punti msemmija hawn fuq, dwar standards minimi għall-minoritajiet fl-UE, inklużi punti ta' riferiment u sanzjonijiet ċari;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-qafas jinkludi ġbir tad-data, kif ukoll metodoloġiji ta' monitoraġġ u rappurtar finanzjarji u orjentati lejn il-kwalità bbażati fuq il-ħidma fil-post, peress li dawn l-elementi jsaħħu l-politiċi effikaċi u bbażati fuq evidenza u jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-effettività tal-istrateġiji, l-azzjonijiet u l-miżuri meħuda;

80.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-istati kandidati, lill-OSKE, lill-OECD, lill-Kunsill tal-Ewropa u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1)

ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(2)

. Testi adottati, P8_TA(2018)0032.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0413.

(4)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2016)0485.

(6)

ĠU C 328, 6.9.2016, p. 4.

(7)

ĠU C 93, 09.03.2016, p. 52.

(8)

ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 405.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2017)0487.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2016)0409.


OPINJONI TAL-MINORANZA

imressqa skont l-Artikolu 52a(4) tar-Regoli ta' Proċedura

Marek Jurek

Ir-riżoluzzjoni proposta tiddevja b'mod fundamentali mill-proposta oriġinali. Dokument li kien maħsub biex jikkonferma d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali (jiġifieri l-lingwa, il-kultura, ir-reliġjon u r-rappreżentazzjoni politika tagħhom fil-livell nazzjonali u reġjonali), għal żmien twil injorati mill-Unjoni Ewropea, ġie sfruttat biex jiġi promoss "mekkaniżmu dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali" li għalih m'hemm l-ebda bażi fit-Trattati u li fil-fatt huwa tentattiv biex jiġi stabbilit kontroll permanenti u mhux xieraq fuq l-Istati Membri.

Il-Parlament Ewropew għandu dejjem jiftakar li huwa wieħed mill-awtoritajiet tal-Unjoni u li jaġixxi fuq il-bażi tat-Trattati u fl-ambitu tal-kompetenzi li dawn jiddelegaw lilu. Dan huwa evidenti wkoll mill-prinċipju sempliċi u ovvju li "l-maġġoranza mhijiex permessa li tagħmel kollox”. Barra minn hekk, huwa ferm mhux xieraq li dawk li jsostnu li għandu jkun hemm kontroll fuq pajjiżi demokratiċi jużaw il-minoranzi għall-finijiet politiċi tagħhom u biex jaqtgħu l-għatx għall-poter tagħhom.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (25.9.2018)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar standards minimi għall-minoranzi fl-UE

(2018/2036(INI))

Rapporteur: Andrea Bocskor

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-UE għandha dmir speċjali li tipproteġi u tiggarantixxi d-drittijiet ta' 'l fuq minn 50 miljun persuna li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali jew reġjonali li jgħixu fit-territorju tagħha u li jitkellmu waħda mis-60 lingwa minoritarja u reġjonali li jinsabu f'periklu serju ta' estinzjoni; ifakkar li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi hija garantita skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-kwistjonijiet b'rabta mal-minoranzi ma jitqiegħdux f'pożizzjoni għolja biżżejjed fl-aġenda tal-UE, u li bħalissa m'hemmx approċċ komprensiv tal-UE dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-kwistjonijiet fil-politika ta' protezzjoni tal-minoranzi; jappoġġa, għalhekk, approċċ integrat lejn l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni sabiex tiġi żgurata ġestjoni xierqa mill-Istati Membri fir-rigward tad-diversità tan-nies fis-soċjetajiet tagħhom;

2.  Jinnota li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri politiċi u leġiżlattivi li jissalvagwardjaw u jippromwovu l-identità u d-drittijiet tal-minoranzi, inklużi d-drittijiet etniċi, kulturali, reliġjużi u lingwistiċi;

3.  Jinnota li, f'konformità mal-protokoll addizzjonali dwar id-drittijiet tal-minoranzi għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-minoranzi nazzjonali għandhom jitqiesu bħala gruppi ta' persuni li jirrisjedu fit-territorju ta' stat, iżommu rabtiet dejjiema ma' dak l-istat, juru karatteristiċi distintivi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi, ikunu rappreżentattivi biżżejjed, u huma mmotivati minn xewqa li jippreżervaw l-identità komuni tagħhom; jinnota li, fl-istess ħin, hemm komunitajiet ta' minoranzi lil hinn mill-minoranzi nazzjonali li jeħtiġilhom jiġu protetti;

4.   Jilqa' l-iżvilupp ta' standards internazzjonali għall-indirizzar ta' kwistjonijiet nazzjonali u reġjonali b'rabta mal-minoranzi permezz ta' numru ta' strumenti legali, bħalma huma l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji, li huma ż-żewġ trattati ewlenin tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-minoranzi, iżda wkoll l-iżvilupp ta' liġi mhux vinkolanti, bħar-Rakkomandazzjonijiet ta' The Hague dwar id-drittijiet għall-edukazzjoni tal-minoranzi nazzjonali tal-OSKE u r-Rakkomandazzjonijiet ta' Oslo dwar id-Drittijiet Lingwistiċi tal-Minoranzi Nazzjonali tal-OSKE; jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw dawn l-istandards u rakkomandazzjonijiet fis-sistemi legali tagħhom u jiggarantixxu li l-persuni li jappartjenu għal minoranza nazzjonali jew reġjonali ma ssirx diskriminazzjoni kontrihom; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżguraw li persuni li jappartjenu għal komunitajiet ta' minoranzi oħra jiġu protetti biżżejjed u ma jiġux diskriminati;

5.  Ifakkar li l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa jirrakkomanda li l-partijiet kontraenti tagħha jiżguraw, sa fejn possibbli u fil-qafas tas-sistema tal-edukazzjoni tagħhom, li persuni li jappartjenu għal dawk il-minoranzi jkollhom opportunitajiet adegwati biex jiġu mgħallma l-lingwa minoritarja jew biex jirċievu struzzjoni f'din il-lingwa, mingħajr preġudizzju għat-tagħlim tal-lingwa uffiċjali jew it-tagħlim f'din il-lingwa;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas komuni tal-UE għal lingwi reġjonali jew minoritarji, simili għall-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, biex l-Istati Membri jiġu inkoraġġiti jiżviluppaw strateġiji li jtejbu l-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni ta' minoranzi fil-ħajja politika, kulturali, soċjali u ekonomika tas-soċjetajiet fejn jgħixu;

7.  Jinnota li jekk il-minoranzi ma jitħallewx jew jiġu ostakolati milli jiksbu progressivament id-drittijiet ekonomiċi, soċjali, edukattivi u kulturali tagħhom, dan ikollu implikazzjonijiet fuq il-benessri ġenerali tal-individwi u tal-komunitajiet, kif ukoll fuq il-preservazzjoni tal-identitajiet tagħhom; jirrimarka li kwalunkwe restrizzjoni ta' aspetti tal-identità kulturali tagħhom, anki jekk tkun konsistenti mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, tista' tikkostitwixxi kawża ta' kunflitt u ta' esklużjoni soċjali;

8.  Josserva li l-inklużjoni soċjali tal-minoranzi għandha impatt pożittiv fuq l-integrazzjoni ekonomika u kulturali tagħhom;

9.  Ifakkar li huwa essenzjali li jinftiehem xi tfisser "kultura" sabiex tiġi ddefinita l-kisba tad-dritt tal-minoranzi għaliha; jinnota li l-kultura, f'sens wiesa', hija ekwivalenti għall-ġabra sħiħa ta' attivitajiet u kisbiet materjali u mhux materjali ta' komunità partikolari u ta' dak li jiddistingwiha minn oħrajn; jisħaq li d-drittijiet kulturali għandhom jinkludu: id-dritt ta' parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali; id-dritt ta' tgawdija tal-kultura; id-dritt li wieħed jagħżel li jappartjeni għal grupp; id-drittijiet lingwistiċi; u l-protezzjoni tal-wirt kulturali u xjentifiku;

10.  Ifakkar li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiggarantixxu lill-minoranzi t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem, kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunità; jirrimarka li huwa wkoll obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu l-prerekwiżiti għall-preservazzjoni tal-ġid kulturali tal-minoranzi, kif ukoll għall-promozzjoni u l-parteċipazzjoni tal-membri tagħhom fil-ħajja kulturali tal-komunità;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-minoranzi jiġu infurmati kif suppost u jagħtu l-kunsens ħieles tagħhom qabel kwalunkwe użu ta' kontenut marbut mal-attivitajiet artistiċi tagħhom, b'mod li jiġu mħarsa d-drittijiet tagħhom ta' proprjetà intellettwali;

12.  Jistieden lill-Istati Membri biex, fid-dawl tas-Sena Ewropea tal-Patrimonju Kulturali, jivvalorizzaw u jippromwovu l-kulturi minoritarji preżenti f'pajjiżhom, billi jikkontribwixxu għad-disseminazzjoni tal-istorja u t-tradizzjonijiet tagħhom u jiġġieldu kontra l-iżolament ta' dawn il-komunitajiet;

13.  Ifakkar li l-edukazzjoni bil-lingwa materna hija essenzjali biex jiġu mħarsa d-drittijiet lingwistiċi u biex jissaħħaħ il-valur taċ-Ċittadinanza Ewropea; iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri jiżguraw li persuni li jappartjenu għal minoranzi reġjonali, etniċi jew lingwistiċi, irrispettivament minn jekk ikunux tfal tal-iskola jew adulti, ikollhom opportunitajiet adegwati biex jitgħallmu l-lingwa, l-istorja u l-kultura tagħhom u anki biex jirċievu edukazzjoni fil-lingwa tagħhom fil-livelli kollha tal-edukazzjoni fir-reġjun li jgħixu fih; jenfasizza, madankollu, li persuni li jappartjenu għal minoranzi, jenħtieġ li jitgħallmu wkoll il-lingwa, l-istorja u l-kultura tal-maġġoranza tal-popolazzjoni, u li l-istudenti li jappartjenu għal maġġoranza tal-popolazzjoni, kif ukoll il-pubbliku inġenerali, jenħtieġ li jsiru familjari mal-istorja u l-kultura tal-minoranzi u jenħtieġ li jingħataw l-opportunità sabiex jitgħallmu lingwi tal-minoranzi;

14.  Ifakkar li l-multilingwiżmu, inklużi d-diversi lingwi tas-sinjali, jikkostitwixxi wieħed mill-aktar elementi siewja għad-diversità kulturali fl-Ewropa; jenfasizza r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri fis-sensibilizzazzjoni akbar dwar kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-minoranzi u jinkoraġġixxu u jappoġġjaw lill-Istati Membri fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u tat-tolleranza, speċjalment permezz tal-edukazzjoni, il-kooperazzjoni kulturali, l-isport u opportunitajiet ta' mobilità transkonfinali; ifakkar li l-protezzjoni u t-tisħiħ tal-wirt kulturali b'rabta mal-minoranzi fl-Istati Membri - parti ċentrali mill-identità kulturali tal-komunitajiet, tal-gruppi u tal-individwi – jaqdu rwol ewlieni fil-koeżjoni soċjali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li politika dwar il-wirt kulturali jenħtieġ li tkun inklużiva, qrib taċ-ċittadin u parteċipattiva u għandha tinkludi l-konsultazzjoni u d-djalogu mal-komunitajiet tal-minoranzi kkonċernati; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiskambjaw informazzjoni u eżempji ta' prattika tajba f'dan il-qasam u jipprovdu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b'riżorsi finanzjarji proprji u oħrajn adegwati sabiex ikunu jistgħu jħejju u jimplimentaw l-istrateġiji li fil-fehma tagħhom ikunu l-aħjar għall-protezzjoni tal-minoranzi; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw li jitħares id-dritt li tintuża lingwa minoritarja u jipproteġu d-diversità lingwistika fi ħdan l-Unjoni skont it-Trattati;

15.  Jenfasizza li jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jiġi żgurat l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal studenti minn minoranzi nazzjonali jew reġjonali u għall-appoġġ ta' istituzzjonijiet edukattivi reġjonali li jipprovdu servizzi fil-lingwa materna tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-iżvilupp tat-tagħlim tal-lingwa materna għal tfal tal-iskola u studenti f'żoni b'minoranzi nazzjonali jew reġjonali;

16.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess għal lingwi minoritarji u reġjonali, billi jiffinanzjaw u jiżviluppaw attivitajiet ta' traduzzjoni, doppjaġġ u sottotitolar, kif ukoll billi jimplimentaw terminoloġija amministrattiva, kummerċjali, ekonomika, soċjali, teknika u legali adegwata u nondiskriminatorja;

17.  Jinnota li xi żoni tal-fruntiera jikkondividu lingwa komuni li mhijiex lingwa uffiċjali tal-UE; jemmen li livelli miżjuda ta' finanzjament għat-tagħlim u l-promozzjoni ta' lingwi transfruntiera użati inqas isaħħu l-kooperazzjoni, iżidu l-mobilità għall-minoranzi bejn il-fruntieri u jarrikkixxu d-diversità kulturali u l-patrimonju ta' dawn iż-żoni;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li persuni minn minoranzi reġjonali jew nazzjonali li jgħixu f'insedjamenti mifruxa jirċievu edukazzjoni xierqa fil-lingwa tagħhom;

19.  Jinsab konvint li l-lingwa materna hija element ċentrali tal-identità kulturali u individwali u parti essenzjali mill-kulturi minoritarji, li tiżgura li dawn il-kulturi jistgħu mbagħad jiġu espressi, imxerrda u mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet futuri kif xieraq; iqis li l-Istati Membri għandhom jipprovdu opportunitajiet biex dawk kollha li huma interessati jkunu jistgħu jitgħallmu l-lingwi minoritarji; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw li dawk li jitkellmu lingwa reġjonali jew minoritarja bħala l-lingwa materna tagħhom ikollhom l-opportunità li jitgħallmu l-lingwa uffiċjali b'livell suffiċjenti;

20.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipproduċu kotba akkademiċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-kelliema ta' lingwi reġjonali jew minoritarji, jew – jekk dan jidher li huwa impossibbli – jiffaċilitaw l-użu ta' kotba akkademiċi minn pajjiżi oħra ppubblikati f'dawk il-lingwi, b'kooperazzjoni mal-korpi tar-regolamentazzjoni tal-edukazzjoni tal-pajjiżi fejn jintużaw lingwi reġjonali jew minoritarji;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament għat-taħriġ tal-għalliema u għall-iżvilupp ta' kurrikula speċjali (inkluż għat-tagħlim tul il-ħajja), metodoloġiji u kotba akkademiċi biex jiżguraw tagħlim effettiv kemm bil-lingwi minoritarji – f'dawk ir-reġjuni fejn hemm minoranza nazzjonali jew lingwistika rikonoxxuta – kif ukoll bil-lingwa uffiċjali, għat-tfal bi sfond ta' lingwa minoritarja; jistieden ukoll lill-Istati Membri jippromwovu relazzjonijiet transfruntiera stabbli, inkluż permezz ta' kooperazzjoni kulturali, artistika u edukattiva, b'mod partikolari f'dawk l-oqsma fejn il-preżenza ta' minoranzi lingwistiċi hija l-akbar;

22.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li f'xi wħud mill-Istati Membri tal-Unjoni, l-istudenti li jappartjenu għal minoranza lingwistika mhumiex integrati fl-istituzzjonijiet tas-sistema edukattiva ġenerali, iżda jinsabu fi skejjel speċjali għar-raġuni li m'għandhomx għarfien biżżejjed tal-lingwa tat-tagħlim; jistieden lil-Istati Membri jżommu lura minn din it-tip ta' segregazzjoni u jieħdu biżżejjed miżuri sabiex dawn l-istudenti jkunu jistgħu jattendu skejjel tal-edukazzjoni ġenerali;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-promozzjoni ta' programmi ffukati fuq l-iskambju tal-esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar l-edukazzjoni f'lingwi reġjonali u ta' minoranza fl-Ewropa; jistieden lill-Unjoni Ewropew u lill-Kummissjoni jpoġġu aktar enfasi fuq il-lingwi reġjonali u minoritarji fil-ġenerazzjoni futura tal-programmi Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Ewropa għaċ-Ċittadini taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) l-ġdid;

24.  Jenfasizza l-fatt li l-midja għandha rwol ċentrali fir-rigward tad-drittijiet kulturali u lingwistiċi; ifakkar li l-midja jenħtieġ li tirrifletti l-pluralità tal-popolazzjoni u tirrispetta l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, u li r-regolamentazzjoni statali tax-xandir bl-ebda mod ma jenħtieġ li tirrestrinġi d-drittijiet tal-minoranzi; jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu r-rappreżentanza tal-lingwi minoritarji fil-midja pubblika u privata, kif ukoll fuq interfaċċi onlajn, il-midja soċjali u t-teknoloġiji tal-lingwa; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-midja għandha tirrapporta inċidenti rilevanti għall-minoranzi b'mod preċiż u bbilanċjat;

25.  Jiddispjaċih ħafna dwar iż-żieda fir-razziżmu, il-fanatiżmu reliġjuż, l-anti-Semitiżmu, l-iżlamofobija, l-anti-Żingariżmu u l-ksenofobija f'ħafna Stati Membri tal-UE; jesprimi tħassib dwar il-fatt li persuni li jappartjenu għal minoranzi qed jibqgħu jħabbtu wiċċhom ma' ostakoli f'dak li jikkonċerna r-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u għadhom vittmi ta' diskriminazzjoni, diskors ta' mibegħda, delitti u reati motivati mill-mibegħda; jenfasizza li l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali u tat-tolleranza interetnika skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali hija impenn pubbliku importanti; jappoġġa miżuri kontra d-diskriminazzjoni u programmi mfassla biex iqajmu kuxjenza u jipproteġu u jippromwovu d-diversità kulturali; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex, skont il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, jiżguraw li s-sistemi legali tagħhom jipproteġu lill-persuni minn minoranzi milli jisfaw vittmi ta' diskriminazzjoni u biex jadottaw miżuri ta' protezzjoni speċifiċi, skont ir-regoli internazzjonali applikabbli;

26.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri jeħtieġ ukoll li jimplimentaw miżuri mfassla biex jinvolvu b'mod attiv lill-minoranzi sabiex mhux biss jevitaw l-iżolament tagħhom, iżda wkoll jgħinuhom isiru membri attivi tal-komunità;

27.  Jenfasizza li aċċess adegwat għall-midja awdjoviżiva pubblika u viżibbiltà fiha, kif ukoll id-dritt li tinħoloq u tiġi operata midja stampata u awdjoviżiva privata, huma essenzjali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-identità awtonoma tal-minoranzi; iqis li, għal skopijiet ta' infurzar ta' dawn id-drittijiet, huwa neċessarju li l-minoranzi jibbenefikaw minn allokazzjoni proporzjonata ta' riżorsi finanzjarji u riżorsi oħrajn minn sorsi pubbliċi jew kważi pubbliċi, peress li l-kontenut tal-midja minn komunitajiet ta' minoranzi iżgħar u għalihom b'mod partikolari ftit li xejn jista' jibqa' jeżisti fis-swieq kompetittivi mingħajr sussidji;

28.  Itenni mill-ġdid li l-libertà ta' espressjoni tinkludi l-kapaċità tal-minoranzi li jesprimu lilhom infushom u jikkomunikaw b'mod ħieles mal-membri tal-komunitajiet tagħhom stess u oħrajn fil-lingwa tagħhom stess permezz tax-xandir tas-settur privat u pubbliku, l-istampa u l-midja elettronika;

29.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu l-użu ta' lingwi reġjonali jew minoritarji fil-livell reġjonali billi jadottaw standards legali u regolatorji, kif ukoll permezz ta' inċentivi xierqa fil-politika dwar il-midja tagħhom;

30.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprovdu finanzjament xieraq għall-promozzjoni tal-identità, il-lingwa, l-istorja u l-kultura ta' minoranzi nazzjonali u reġjonali;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu l-kundizzjonijiet legali u regolatorji biex jiżguraw il-libertà tas-servizz, il-passaġġ u r-riċezzjoni ta' kontenut awdjoviżiv f'dawk ir-reġjuni fejn jgħixu l-minoranzi sabiex dawn ikunu jistgħu jaraw u jisimgħu kontenut fil-lingwa materna tagħhom billi, pereżempju, jinkoraġġixxu liċenzjar transfruntier għax-xandir;

32.  Jikkunsidra li sabiex tiġi inkoraġġita u ffaċilitata l-parteċipazzjoni effettiva tal-minoranzi fil-ħajja pubblika, jenħtieġ li jiġi inkoraġġit, fejn prattikabbli, l-użu tal-lingwi tagħhom fil-muniċipalitajiet u fil-proċessi elettorali, amministrattivi, konsultattivi u ta' parteċipazzjoni pubblika oħra;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jinkoraġġixxu l-użu ta' lingwi reġjonali jew minoritarji fil-livelli lokali u reġjonali u, b'dan il-ħsieb, jinkoraġġixxu b'mod attiv lill-awtoritajiet muniċipali biex jiżguraw li dawn il-lingwi jintużaw fil-prattika;

34.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-ismijiet ta' postijiet u d-deżinjazzjonijiet topografiċi jinkitbu fil-forma korretta tagħhom u jkunu disponibbli fil-lingwi użati b'mod komuni f'reġjun partikolari, inkluż fuq is-sinjali li jindikaw id-dħul jew il-ħruġ minn żoni urbani, fuq is-sinjali tat-toroq kollha li juru informazzjoni u anke fi struzzjonijiet importanti u avviżi pubbliċi;

35.  Jindika li għad hemm bżonn urġenti li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni soċjali gravi tar-Rom, peress li s-sitwazzjoni tagħhom, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-abitazzjoni, l-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa, għadha prekarja f'ħafna partijiet tal-Unjoni; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jieħdu azzjoni korrettiva kontra prattiki diskriminatorji fil-konfront ta' membri tal-komunità tar-Rom, b'mod partikolari meta jkunu involuti korpi pubbliċi; jesprimi tħassib dwar il-fatt li diversi forom ta' diskriminazzjoni u s-segregazzjoni tat-tfal Rom fl-edukazzjoni għadhom fenomenu strutturali u profond f'diversi Stati Membri; ifakkar li l-kwistjoni tas-segregazzjoni tar-Rom kienet is-suġġett ta' għadd ta' rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni; jistieden għalhekk lill-gvernijiet isegwu dawk ir-rakkomandazzjonijiet u jimplimentaw miżuri effettivi kif meħtieġ; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-integrazzjoni ta' lingwi mhux territorjali;

36.  Iqis li huwa meħtieġ li jittejjeb il-qafas leġiżlattiv tal-UE sabiex tingħata protezzjoni komprensiva lid-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva jew rakkomandazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, tippromwovi r-riċerka dwar l-edukazzjoni, it-tagħlim tal-lingwi u l-mudelli tal-edukazzjoni f'kuntesti multilingwi, u tappoġġa programmi li jiffukaw fuq l-iskambji tal-esperjenza u l-aħjar prattiki b'rabta mal-lingwi reġjonali u minoritarji fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni biex barra minn hekk talloka ż-żona tat-"teknoloġija tal-multilingwiżmu u tal-lingwa" lill-portafoll ta' Kummissarju; jikkunsidra li l-Kummissarju responsabbli għandu jiġi inkarigat bil-promozzjoni tad-diversità lingwistika u l-ugwaljanza fil-livell tal-UE, minħabba l-importanza tal-protezzjoni tal-lingwi minoritarji Ewropej fl-era diġitali;

37.  Jinnota r-rabta frekwenti bejn l-identità kulturali ta' minoranza u territorju ġeografiku partikolari; jirrimarka li, għal ħafna minoranzi, id-dritt għall-art jiddefinixxi t-triq u l-mezzi li permezz tagħhom il-membri tagħhom jgħixu u jipprattikaw il-kultura tagħhom;

38.  Jiġbed l-attenzjoni għall-valur pożittiv tal-promozzjoni tad-diversità kulturali u s-sensibilizzazzjoni, b'mod speċjali fil-livell lokali u reġjonali fejn il-possibbiltajiet ta' impatt dirett huma ħafna akbar;

39.  Jinnota li l-edukazzjoni hija wieħed mill-aħjar strumenti sabiex iż-żgħażagħ li jappartjenu għal minoranzi jkunu jistgħu jitgħallmu dwar il-patrimonju u l-istorja tagħhom u sabiex il-kultura tagħhom tinxtered u tiġi rrikonoxxuta mis-soċjetà b'mod ġenerali; jisħaq li l-edukazzjoni hija fundamentali għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi u hija prerekwiżit għat-tgawdija tad-drittijiet ekonomiċi, politiċi, soċjali u kulturali; jirrimarka li l-edukazzjoni hija mezz għall-emanċipazzjoni ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, u tippermettilhom jipparteċipaw b'mod sinifikanti fis-soċjetà li huma parti minnha;

40.  Jemmen li l-attivitajiet edukattivi huma fundamentali għall-integrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ li jappartjenu għal minoranzi, kif ukoll iwasslu għall-integrazzjoni tal-ġenituri u l-membri tal-familja tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinċentivaw lill-istituzzjonijiet tat-tagħlim sabiex jiżviluppaw attivitajiet extrakurrikulari li jinvolvu lill-ġenituri u t-tfal, sabiex jiżdiedu l-livelli ta' interazzjoni bejn il-komunità kollha tal-iskola;

41.  Jirrakkomanda li jsir investiment fit-tħejjija tal-uffiċjali tal-istituzzjonijiet ta' tagħlim li jilqgħu lill-minoranzi, prinċipalment l-għalliema, sabiex jingħataw il-ħiliet meħtieġa biex jaħdmu ma' studenti minn kulturi, reliġjonijiet, oriġini etnika jew lingwi differenti;

42.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jinkludu lir-rappreżentanti tal-minoranzi fit-tfassil tas-sistemi edukattivi tagħhom;

43.  Jirrakkomanda li għall-perjodu QFP li jmiss (2021-2027), l-għotjiet tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE +) allokati għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali jintużaw biex jappoġġjaw proġetti edukattivi u kulturali għall-integrazzjoni tal-minoranzi etniċi, reliġjużi, kulturali jew lingwistiċi;

44.  Ifakkar li n-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza huma l-ewwel prinċipji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fir-rigward tal-minoranzi u gruppi oħrajn żvantaġġati; jinnota li l-ILO, fil-promozzjoni u l-applikazzjoni tad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali tax-xogħol, tagħti attenzjoni speċjali lill-gruppi soċjali jew ekonomikament żvantaġġati u r-regoli tagħha jqisu l-ħtieġa ta' promozzjoni u ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jiġbru data fuq bażi regolari u jipprovdu informazzjoni statistika dwar l-integrazzjoni tal-minoranzi fl-istabbilimenti tal-edukazzjoni, fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja ċivika;

46.  Jitlob lill-Kummissjoni biex toħloq mekkaniżmi ta' monitoraġġ tal-progress tal-Istati Membri fit-twettiq tal-obbligi tagħhom fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja b'mod regolari l-implimentazzjoni, fl-Istati Membri, tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji, tipprovdi lill-Istati Membri b'rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward, tfassal rapporti bbażati fuq żjarat fil-pajjiż, tirrapporta lura dwar dawn lill-Parlament fuq bażi regolari, u tkompli tiżviluppa r-rabtiet mal-Kummissarju Għoli tal-OSKE għall-Minoranzi Nazzjonali;

48.  Jenfasizza li l-protezzjoni tal-minoranzi, bħala parti mid-diversità kulturali u lingwistika dinjija, hija essenzjali għall-istabbiltà, id-demokrazija u l-paċi fl-Ewropa;

49.  Jilqa' s-suċċess tal-Inizjattiva Minority SafePack, li ġiet varata skont l-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u li hija appoġġata minn 1 215 789 ċittadin Ewropew, li titlob l-adozzjoni ta' disa' atti leġiżlattivi sabiex jiġi stabbilit qafas ġuridiku tal-UE għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi;

50.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti leġiżlattivi rakkomandati fl-Inizjattiva Minority SafePack mingħajr dewmien żejjed, ladarba ċ-ċertifikat tal-validità tal-firem mibgħuta mill-Istati Membri jkun ġie rċevut;

51.  Ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma universali u li l-ebda minoranza ma jenħtieġ li ġġarrab diskriminazzjoni; jenfasizza l-fatt li d-drittijiet tal-minoranzi huma parti inaljenabbli mill-prinċipju tal-istat tad-dritt; jinnota li r-riskju ta' ksur tad-drittijiet tal-minoranzi huwa ogħla meta l-istat tad-dritt ma jiġix irrispettat;

52.  Iqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jħarsu b'mod konsistenti d-drittijiet tal-minoranzi u jivvalutaw perjodikament jekk dawk id-drittijiet humiex qed jiġu rispettati;

53.  Jinnota li l-UE hija nieqsa mill-istrumenti effikaċi biex timmonitorja r-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi; jitlob monitoraġġ effikaċi, fuq skala tal-UE, tas-sitwazzjoni tal-minoranzi awtoktoni u lingwistiċi; iqis li l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali jmissha tagħmel monitoraġġ imsaħħaħ tad-diskriminazzjoni fil-konfront tal-minoranzi nazzjonali fl-Istati Membri;

54.  Jemmen li d-drittijiet lingwistiċi jridu jiġu rispettati fil-komunitajiet fejn hemm aktar minn lingwa uffiċjali waħda, mingħajr limiti għad-drittijiet ta' lingwa meta mqabbla ma' oħra, f'konformità mal-ordni kostituzzjonali ta' kull Stat Membru;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-promozzjoni tat-tagħlim u tal-użu tal-lingwi reġjonali u minoritarji, bħala mod potenzjali biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni tal-lingwa fl-UE;

56.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw il-prattika tajba u japplikaw soluzzjonijiet ipprovati u ttestjati fl-indirizzar tal-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-minoranzi fl-Unjoni Ewropea kollha;

57.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lid-drittijiet tal-minoranzi, jiżguraw id-dritt għall-użu ta' lingwa ta' minoranza u jħarsu d-diversità lingwistika fi ħdan l-Unjoni;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.9.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Silvia Costa, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Michaela Šojdrová

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Santiago Fisas Ayxelà, Emma McClarkin, Liliana Rodrigues, Francis Zammit Dimech

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

14

+

ALDE

María Teresa Giménez Barbat

PPE

Andrea Bocskor, Santiago Fisas Ayxelà, Svetoslav Hristov Malinov, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Francis Zammit Dimech, Bogdan Andrzej Zdrojewski,

S&D

Caterina Chinnici, Silvia Costa, Petra Kammerevert, Liliana Rodrigues

VERTS/ALE

Jill Evans, Helga Trüpel

2

-

ECR

Emma McClarkin

ENF

Dominique Bilde

-

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

4

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Martina Anderson, Heinz K. Becker, Monika Beňová, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Daniel Dalton, Frank Engel, Laura Ferrara, Romeo Franz, Kinga Gál, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Claude Moraes, József Nagy, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Sergei Stanishev, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Kostas Chrysogonos, Carlos Coelho, Gérard Deprez, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Marek Jurek, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Innocenzo Leontini, Angelika Mlinar, Barbara Spinelli, Daniele Viotti, Axel Voss

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Jude Kirton-Darling


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

44

+

ALDE

Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Sophia in 't Veld, Angelika Mlinar

ECR

Monica Macovei

GUE/NGL

Martina Anderson, Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Barbara Spinelli

PPE

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Frank Engel, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Barbara Kudrycka, Jeroen Lenaers, Innocenzo Leontini, József Nagy, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Axel Voss, Tomáš Zdechovský

S&D

Monika Beňová, Caterina Chinnici, Sylvie Guillaume, Jude Kirton-Darling, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Daniele Viotti, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Romeo Franz, Eva Joly, Jean Lambert, Bodil Valero

4

-

ECR

Kristina Winberg

EFDD

John Stuart Agnew

ENF

Auke Zijlstra

PPE

Brice Hortefeux

4

0

ECR

Daniel Dalton, Marek Jurek, Branislav Škripek

EFDD

Laura Ferrara

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Novembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza