RAPPORT dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija: abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru
9.11.2018 - (2018/2092(INI))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Sergei Stanishev
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija: abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (11997D/PRO/02),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija tad-29 ta' Settembru 2010 (14142/2010) u tat-8 ta' Lulju 2011 (14142/1/2010),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-qafas għall-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija tas-7 ta' Diċembru 2011 (14302/3/11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tad-9 u l-10 ta' Ġunju 2011, tat-22 u t-23 ta' Settembru 2011, tal-25 u s-26 ta' Ottubru 2012, tas-7 u d-9 ta' Marzu 2013, u tal-5 u s-6 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija għal Schengen[2],
– wara li kkunsidra t-tmien rapport biannwali tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament taż-żona Schengen tal-15 ta' Diċembru 2015 (COM(2015) 0675 final),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen[3],
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1908 tat-12 ta' Ottubru 2017 dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li jirrigwardaw is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija[4],
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' April 2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen marbuta mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (15820/1/2017),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen marbuta mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija[5],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0365/2018),
A. billi l-Bulgarija u r-Rumanija adottaw l-acquis ta' Schengen mal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea fl-2007; billi fl-2008 il-Bulgarija ddikjarat li tinsab lesta biex tibda l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Grupp ta' Ħidma tal-Evalwazzjoni ta' Schengen (SCH-EVAL), kompost minn esperti mill-Istati Membri ta' Schengen; billi fl-2007 u fl-2008 ir-Rumanija ddikjarat li lesta tibda l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-SCH-EVAL;
B. billi t-tlestija tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen għall-Bulgarija u r-Rumanija u l-istat ta' tħejjija taż-żewġ pajjiżi biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta' Schengen ġew ikkonfermati mill-esperti SCH-EVAL u mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 u l-10 ta' Ġunju 2011; billi fl-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2011, il-Kunsill ivverifika li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen ġew issodisfati fl-oqsma kollha, jiġifieri l-protezzjoni tad-data, il-fruntieri tal-ajru, il-fruntieri fuq l-art, il-kooperazzjoni tal-pulizija, is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, il-fruntieri tal-baħar u l-viżi; billi minbarra l-isfida tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, it-tlestija tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen wasslet liż-żewġ pajjiżi biex jirristrutturaw fundamentalment is-sistemi tagħhom ta' sorveljanza tal-fruntieri u jinvestu f'żieda fil-kapaċità tal-infurzar tal-liġi; billi skont l-Att tal-Adeżjoni 2005, it-tlestija b'suċċess tal-proċeduri ta' evalwazzjoni ta' Schengen hija l-unika prerekwiżit għall-applikazzjoni sħiħa tal-aqcuis ta' Schengen, inkluża l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru; billi l-istat ta' tħejjija tal-Bulgarija u tar-Rumanija biex japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ ġie rikonoxxut diversi drabi mill-kapijiet ta' stat u ta' gvern fil-Kunsill, kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-Parlament, l-aktar reċentement fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Settembru 2017 u fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-30 ta' Mejju 2018;
C. billi fl-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2010, il-Kunsill ippropona l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija u l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru; billi fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011, il-Parlament approva din id-deċiżjoni u talab lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsulta lill-Parlament jekk ikun beħsiebu jemendaha b'mod sostanzjali;
D. billi f'Settembru 2011 il-Presidenza tal-Kunsill ippreżentat proposta għal implimentazzjoni parzjali tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija, jiġifieri l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni tal-baħar u tal-ajru biss, filwaqt li pprevediet deċiżjoni separata, fi stadju sussegwenti, fir-rigward tal-fruntieri fuq l-art;
E. billi fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni kkonferma f'diversi okkażjonijiet l-impenn tiegħu li jibbaża kwalunkwe deċiżjoni futura dwar l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni għall-Bulgarija u r-Rumanija fuq approċċ f'żewġ stadji; billi l-adozzjoni ta' dik id-deċiżjoni mill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ġiet differita ripetutament;
F. billi bid-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2017, il-Bulgarija u r-Rumanija ngħataw aċċess passiv għas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża; billi fl-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018 il-Kunsill ippropona l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen marbuta mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fiż-żewġ Stati Membri;
G. billi la l-Att tal-Adeżjoni 2005 u lanqas il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen ma jipprevedu l-iffissar ta' skedi ta' żmien differenti għall-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru; billi kull tkabbir preċedenti taż-żona Schengen ġie stabbilit b'att legali wieħed;
H. billi ż-żona Schengen hija arranġament uniku u waħda mill-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea, li tippermetti l-moviment liberu tal-persuni għall-fruntieri interni ta' Schengen; billi dan sar possibbli permezz ta' diversi miżuri ta' kumpens, bħall-istabbiliment tas-sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen sabiex jissaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni, kif ukoll il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex tiġi vverifikata l-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen mill-Istati Membri u titrawwem fiduċja reċiproka fil-funzjonament taż-żona Schengen;
I. billi ż-żamma tal-kontrolli fil-fruntieri interni fl-Unjoni u l-introduzzjoni mill-ġdid tagħhom fiż-żona Schengen għandhom impatt serju fuq il-ħajjiet taċ-ċittadini Ewropej u ta' dawk kollha li jgawdu mill-prinċipju tal-moviment liberu ġewwa l-UE u jdgħajfu serjament il-fiduċja tagħhom fl-istituzzjonijiet u l-integrazzjoni Ewropej; billi dan jinvolvi spejjeż operattivi u ta' investiment diretti għall-ħaddiema transfruntiera, it-turisti, it-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, b'effetti debilitanti fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri u l-funzjonament tas-suq intern tal-UE; billi ż-żamma tal-kontrolli fil-fruntieri interni għall-Bulgarija u r-Rumanija għandha impatt negattiv fuq l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet minn u lejn iż-żewġ Stati Membri, kif ukoll fuq l-operazzjonijiet tat-trasport minn u lejn uħud mill-akbar flotot ċivili u portijiet tal-merkanzija tan-Nofsinhar tal-Ewropa, u dan jirriżulta f'benefiċċji mitlufa u żieda fl-infiq; billi l-istimi tal-ispejjeż marbuta mal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri għall-Unjoni Ewropea jvarjaw bejn EUR 0,05 biljun u EUR 20 biljun fi spejjeż ta' darba u EUR 2 biljun fi spejjeż operattivi annwali[6];
J. billi ż-żamma ta' kontrolli fil-fruntieri interni fl-Unjoni jew l-introduzzjoni mill-ġdid tagħhom fiż-żona Schengen jidhru li huma marbuta ma' perċezzjoni ta' theddid għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna pjuttost milli evidenza soda tal-eżistenza effettiva ta' theddida serja; billi l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni b'riżultat tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen fl-Istati Membri li aderixxu preċedentement ma rriżultatx f'rati ogħla ta' kriminalità; billi t-tkabbir ta' Schengen tal-2007 huwa assoċjat ma' rati aktar baxxi ta' kriminalità relatata ma' akkwist materjali kemm fl-Istati Membri l-ġodda ta' Schengen kif ukoll fl-Istati Membri eżistenti ta' Schengen u ma żiedx il-perċezzjoni ta' nuqqas ta' sigurtà fost iċ-ċittadini tal-UE[7];
1. Ifakkar li l-kundizzjonijiet meħtieġa kollha għall-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen ġew issodisfati mill-Bulgarija u mir-Rumanija fl-2011;
2. Jiddispjaċih għall-fatt li f'dawn l-aħħar seba' snin, il-Kunsill naqas milli jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija minkejja l-appelli ripetuti tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Parlament dwar dan;
3. Iqis li l-proposta għall-qsim tal-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni f'żewġ atti legali sabiex jiġu stabbiliti skedi ta' żmien differenti għall-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru, titbiegħed b'mod sinifikanti mit-test tal-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Settembru 2010 approvat mill-Parlament;
4. Ifakkar li l-Kunsill jista' jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija biss wara konsultazzjoni mal-Parlament – obbligu li joħroġ mill-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2005; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jinnotifika lill-Parlament jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011;
5. Jesprimi tħassib li l-introduzzjoni ta' approċċ f'żewġ stadji jista' jaffettwa b'mod negattiv it-tkabbir futur taż-żona Schengen; jenfasizza li nuqqas ta' qbil fil-Kunsill iqajjem dubju dwar l-applikazzjoni unitarja tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-UE u l-kredibbiltà tal-UE, u dan inaqqas kontinwament l-appoġġ pubbliku għall-politiki komuni tal-UE peress li juri trattament inugwali tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom u jintroduċi linji artifiċjali tad-diviżjoni fi ħdan l-Unjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu li tali prattiki jikkontribwixxu għaż-żieda fil-populiżmu u n-nazzjonaliżmu madwar il-kontinent, li jippreżenta sfida fundamentali għall-funzjonament tal-UE;
6. Jissottolinja l-fatt li l-moviment liberu tal-persuni madwar il-fruntieri interni, li jirriżulta mill-inkorporazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qafas legali tal-UE, huwa wieħed mill-kisbiet ewlenin tal-UE; jenfasizza li l-funzjonament u t-tkabbir taż-żona Schengen ma għandux jiġi affettwat b'mod negattiv min-nuqqasijiet f'politiki oħra tal-UE, bħas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil;
7. Jilqa' l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2017 li tagħti lill-Bulgarija u lir-Rumanija aċċess passiv għas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża u l-proposta tal-Kunsill għall-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta' Schengen relatati mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fiż-żewġ Stati Membri; jiddispjaċih għall-fatt li l-adozzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet ma saritx immedjatament wara verifika tat-tlestija b'suċċess tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen fl-2011, iżda bdiet bħala miżura ad hoc sabiex tiżgura konformità mal-prekundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ, li mistennija tibda topera sa mhux aktar tard mill-2020; iqis li dawn l-atti legali jikkostitwixxu pass lejn l-indirizzar tal-lakuni ta' informazzjoni bejn dawk l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ u dawk li japplikawh parzjalment; jinsisti bil-qawwa li l-adozzjoni ta' dawn l-atti ma għandhiex isservi biex tkompli ddewwem l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru; jinnota li bl-adozzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet, il-Bulgarija u r-Rumanija se jaqsmu r-responsabbiltajiet u l-obbligi kollha, iżda mhux il-benefiċċji kollha, tas-sħubija sħiħa fiż-żona Schengen;
8. Jenfasizza li l-acquis ta' Schengen ma tfassalx biex jakkomoda lill-Istati Membri bi status legali differenti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta' azzjoni fuq perjodu twil tal-Kunsill ħoloq il-ħtieġa li ssir distinzjoni ċara fil-leġiżlazzjoni tal-UE, relatata mas-sistemi ta' informazzjoni u ta' ġestjoni tal-fruntieri, bejn dawk l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ u dawk li japplikawh parzjalment; jesprimi t-tħassib tiegħu li dan jikkodifika legalment eżistenza parallela, de facto, ta' żona Schengen b'moviment liberu u żona Schengen mingħajr moviment liberu, u dan joħloq ir-riskju ta' lakuni fl-iskambju ta' informazzjoni, nuqqsijiet leġiżlattivi u nuqqas ta' konnettività bejn is-sistemi ta' ġustizzja u affarijiet interni;
9. Jenfasizza li fir-rigward tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen, ma għandu jiġi introdott l-ebda kriterju addizzjonali, ħlief għall-prerekwiżiti speċifikati stabbiliti fl-Att ta' Adeżjoni tal-2005, u l-ebda rabta ma' mekkaniżmi u politiki oħra tal-Unjoni, inkluż, u bla preġudizzju għall-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika; jistieden lill-Istati Membri jieħdu deċiżjoni dwar it-tkabbir taż-żona Schengen biss abbażi tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni taż-żona Schengen wara t-tlestija tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen;
10. Iħeġġeġ lill-Kunsill jippreżenta abbozz ġdid ta' deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija fuq il-bażi tal-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2010 (14142/2010) malajr kemm jista' jkun u, permezz ta' att legali wieħed, jieħu deċiżjoni immedjata għall-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru;
11. Jistieden lill-Kunsill biex japplika l-istess approċċ għall-Kroazja u jikkonforma l-adeżjoni sħiħa tal-pajjiż maż-żona Schengen hekk kif tlesti b'suċċess il-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen u tissodisfa l-kriterji rilevanti;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
- [1] ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 160.
- [2] ĠU C 94 E, 3.4.2013, p. 13.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2018)0228.
- [4] ĠU L 269, 19.10.2017, p. 39.
- [5] Testi adottati, P8_TA(2018)0253.
- [6] van Ballegooij, W., "The Cost of Non-Schengen: Civil Liberties, Justice and Home Affairs aspects" (Il-Kost tan-Non-Schengen: l-aspetti tal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni), Ir-rapport dwar il-Kost tan-Non-Ewropa, Unità tal-Valur Miżjud Ewropew, 2016, p. 32.
- [7] Ibid., pp. 28 u 31.
NOTA SPJEGATTIVA
I. SFOND
Fl-2007, skont l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni 2005 tagħhom mal-Unjoni Ewropea, il-Bulgarija u r-Rumanija adottaw l-acquis ta' Schengen. Ċerti dispożizzjonijiet, inkluża l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni, kellhom japplikaw fil-Bulgarija u fir-Rumanija biss skont deċiżjoni tal-Kunsill għal dak il-għan, wara li jkun ġie vverifikat li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu ġew issodisfati. Fid-9 ta' Ġunju 2011, il-Kunsill ikkonkluda, skont il-proċeduri ta' evalwazzjoni ta' Schengen applikabbli, li l-kundizzjonijiet fl-oqsma kollha tal-acquis ta' Schengen li jirrigwardaw il-Fruntieri tal-Ajru, il-Fruntieri fuq l-Art, il-Kooperazzjoni tal-Pulizija, il-Protezzjoni tad-Data, is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, il-Fruntieri tal-Baħar u l-Viżi kienu ġew issodisfati mill-Bulgarija u mir-Rumanija. Madankollu, id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet relatati mal-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru għadu qed jistenna deċiżjoni finali tal-Kunsill, fejn trid tittieħed deċiżjoni unanima pożittiva mill-Istati Membri kollha attwali ta' Schengen.
Fiż-żmien tal-abbozzar ta' dan ir-rapport, il-Bulgarija u r-Rumanija japplikaw l-acquis ta' Schengen parzjalment biss u, għalhekk, il-kontrolli jibqgħu jitwettqu fil-fruntieri ma' dawn iż-żewġ Stati Membri. Mill-2011, il-Kunsill ikkonferma f'diversi okkażjonijiet l-impenn tiegħu li jieħu kwalunkwe deċiżjoni ulterjuri abbażi ta' approċċ "f'żewġ stadji" – abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni tal-baħar u tal-ajru biss, segwita mill-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art f'data mhux speċifikata b'att legali separat.
L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jikkonferma l-pożizzjoni tal-Parlament li l-Kunsill jeħtieġlu jieħu deċiżjoni mingħajr aktar dewmien dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija bħala membri sħaħ taż-żona Schengen. Ir-Rapporteur jemmen li din id-Dar jenħtieġ li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju li wara t-tlestija b'suċċess tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen fl-oqsma kollha minn pajjiż aderenti, il-Kunsill, wara li jikkonsulta mal-Parlament, jenħtieġ li jieħu deċiżjoni immedjata biex jabolixxi l-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru b'att legali wieħed.
II. L-ISKEDA
Wara l-ħruġ tad-dikjarazzjonijiet ta' tħejjija tagħhom fl-2007 u fl-2008, il-Bulgarija u r-Rumanija għaddew minn evalwazzjoni ddettaljata u fil-fond ta' Schengen biex tiġi ddeterminata t-tħejjija tagħhom għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis ta' Schengen (il-Protezzjoni tad-Data, l-SIS, il-Fruntieri tal-Ajru, il-Fruntieri fuq l-Art, il-Fruntieri tal-Baħar, il-Kooperazzjoni tal-Pulizija u l-Viżi). Fid-29 ta' Settembru 2010, il-Kunsill ippubblika abbozz ta' deċiżjoni għall-applikazzjoni sħiħa tal-aqcuis ta' Schengen, inkluża l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru, soġġett għall-issodisfar definittiv tal-kundizzjonijiet meħtieġa. Wara l-opinjoni u l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2011 (bħala parti minn proċedura ta' konsultazzjoni) il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni kkonferma fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 u l-10 ta' Ġunju 2011 li l-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen għall-Bulgarija u r-Rumanija tlesta b'suċċess fl-oqsma kollha tal-acquis ta' Schengen. Madankollu, il-Kunsill naqas milli jieħu deċiżjoni abbażi tat-test legali kkonsultat mal-Parlament u ppospona l-kwistjoni sa Settembru 2011.
Bħala riżultat tan-nuqqas ta' unanimità fil-Kunsill, f'Settembru 2011, il-Presidenza Pollakka ta' dak iż-żmien ressqet proposta ta' kompromess għal approċċ f'żewġ stadji. Din il-proposta ġiet sottomessa bħala abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea (Coreper). Għalkemm l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill irrappreżenta tbegħid sinifikanti mit-test approvat mill-Parlament, il-Kunsill naqas milli jerġa' jikkonsulta lill-Parlament kif mitlub fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011.
F'dawn l-aħħar snin, il-proposta għal approċċ "f'żewġ stadji" dwar l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni għall-Bulgarija u għar-Rumanija ġiet diskussa f'diversi okkażjonijiet mill-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni u ssemmiet ukoll fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-Kapijiet tal-Istati Membri tal-UE (ta' Schengen).
III. IMPLIKAZZJONIJIET TAL-APPLIKAZZJONI PARZJALI TAL-ACQUIS TA' SCHENGEN MIŻ-ŻEWĠ STATI MEMBRI
Ir-Rapporteur jemmen li hemm konsegwenzi negattivi diretti li jirriżultaw mid-differiment kontinwu tal-adeżjoni sħiħa tal-Bulgarija u tar-Rumanija għaż-żona Schengen għaż-żewġ Stati Membri, iżda wkoll għall-Unjoni kollha kemm hi.
Moviment liberu huwa prinċipju ewlieni tal-UE u l-kapaċità li wieħed ikun jista' jivvjaġġa fi ħdan l-Unjoni minghajr ma jsirulu kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni hija fost l-aktar kisbiet ta' suċċess u tanġibbli tagħha. Huwa saħħaħ is-sens ta' appartenenza taċ-ċittadini għal entità komuni ta' libertà, paċi u prosperità kondiviżi. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta' estensjoni ta' din il-kisba għaċ-ċittadini Ewropej kollha jżid ix-xettiċiżmu tal-UE, iqajjem sens ta' inġustizzja u jnaqqas il-popolarità tal-UE, u finalment jimmina l-appoġġ pubbliku għall-azzjonijiet komuni Ewropej.
Il-moviment liberu fiż-żona Schengen irriżulta wkoll f'benefiċċji ekonomiċi sinifikanti għall-Istati Membri parteċipanti billi ffaċilita l-integrazzjoni tal-kummerċ transkonfinali. L-istudju "The Cost of Non-Schengen: Civil Liberties, Justice and Home Affairs aspects", ikkummissjonat mill-Kumitat tal-Parlament għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE), jasal għal konklużjonijiet ewlenin dwar l-impatt ekonomiku negattiv ta' kontroll transkonfinali bejn l-Istati Membri. Il-kostijiet marbuta mal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri fiż-żona Schengen huma stmati li jvarjaw bejn EUR 0.05 biljun u EUR 20 biljun f'kostijiet ta' darba u bejn EUR 2 biljuni u EUR 4 biljuni f'kostijiet operatorji annwali. Filwaqt li hemm diversi ostakli li jikkwantifikaw l-implikazzjonijiet ekonomiċi preċiżi għall-Bulgarija u r-Rumanija, ir-Rapporteur jemmen li d-data pprovduta sservi bħala indikazzjoni għat-telf ekonomiku u soċjali sinifikanti għaż-żewġ pajjiżi bħala riżultat tal-istaġnar kontinwu fil-Kunsill.
Fid-diskors pubbliku, it-tkabbir taż-żona Schengen spiss huwa marbut ma' politiki oħra tal-Unjoni, bħar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil jew l-isforzi kontinwi lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva. Ir-Rapporteur jemmen bis-sħiħ li l-moviment liberu taċ-ċittadini jenħtieġ li ma jsofrix min-nuqqasijiet f'politiki oħra tal-Unjoni jew ikun soġġett għalihom. Il-previżjoni tas-sigurtà tal-Unjoni tirrikjedi azzjoni komuni u mhux frammentazzjoni, filwaqt li tippreserva l-bilanċ ġust bejn il-libertajiet u s-sigurtà. Għal dan il-għan, iridu jsiru sforzi biex jinbena qafas legali kkoordinat, robust u inklużiv, fejn l-Istati Membri kollha jkunu jinsabu fl-istess livell.
Madankollu, id-differiment kontinwu tal-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija għaż-żona Schengen, huwa pass fid-direzzjoni opposta. Dan joħloq il-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ u l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen parzjalment fil-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll il-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu evitati l-lakuni u jiġu evitati n-nuqqasijiet possibbli. Il-proposta għal adeżjoni parzjali tal-Bulgarija u tar-Rumanija hija pass ulterjuri lejn il-kodifikazzjoni legali tal-koeżistenza de facto ta' żona Schengen b'moviment liberu u żona Schengen mingħajr moviment liberu (jew b'moviment liberu parzjali).
F'dak li seta' jitqies bħala l-aħħar pass qabel ma tneħħa l-kontroll fil-fruntieri interni għall-Bulgarija u r-Rumanija, fl-2017, iż-żewġ pajjiżi ngħataw aċċess passiv għas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS). Fiż-żmien tal-abbozzar ta' dan ir-rapport, kien hemm proċedura kontinwa biex tkun tista' ssir applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen relatati mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS). Il-kriterji għall-implimentazzjoni ta' dawn l-atti leġiżlattivi ġew issodisfati fl-2011. Madankollu, dawn il-proposti tal-Kunsill tressqu mhux minħabba l-impenji meħuda f'isem l-UE, iżda aktar bħala parti mit-tħejjija kontinwa għall-implimentazzjoni mal-UE kollha tas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ, li mistennija tibda topera sa mhux aktar tard mill-2020. Ir-Rapporteur jemmen li wara dawn id-deċiżjonijiet, il-Bulgarija u r-Rumanija se jkollhom ir-responsabbiltajiet u l-obbligi kollha ta' Membri sħaħ taż-żona Schengen, u b'hekk se jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-Istati Membri kollha ta' Schengen, iżda ċ-ċittadini tal-Unjoni xorta waħda ma jgawdux mill-benefiċċju ta' moviment liberu lejn u minn dawn il-pajjiżi.
IV. KONKLUŻJONIJIET TAR-RAPPORTEUR
Ir-rapporteur jemmen li l-proposta ta' approċċ "f'żewġ stadji" għall-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija għaż-żona Schengen mhux biss hija nieqsa minn kwalunkwe ġustifikazzjoni legalment soda, iżda toħloq ukoll għadd ta' riskji, bħall-introduzzjoni ta' kundizzjonalitajiet ġodda biex tiddewwem aktar l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, iż-żieda fit-tul tal-piż ekonomiku sinifikanti għaż-żewġ Stati Membri li tirriżulta miż-żamma tal-kontrolli fil-fruntieri fuq l-art, kif ukoll it-twittija tat-triq għal lakuni ta' informazzjoni u nuqqasijiet leġiżlattivi potenzjali bejn l-Istati Membri ta' Schengen u l-Istati Membri mhux ta' Schengen fil-futur.
Il-qsim tad-deċiżjoni tal-Kunsill f'żewġ atti legali (waħda għall-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri tal-ajru u tal-baħar, u oħra – għall-fruntieri fuq l-art) jikkodifika legalment ukoll l-istandard doppju attwali fiż-żona Schengen, fejn il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom l-obbligi u r-responsabbiltajiet kollha ta' membri sħaħ ta' Schengen, iżda ma jgawdux mill-benefiċċju ta' moviment liberu.
Għalhekk, ir-Rapporteur huwa tal-fehma li l-Parlament Ewropew jenħtieġ li jirrispetta bis-sħiħ il-mudell stabbilit fit-tkabbir preċedenti taż-żona Schengen, fejn l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, inkluża l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni tal-ajru, tal-baħar u fuq l-art, twettqet permezz ta' att legali wieħed wara l-issodisfar tal-kriterji meħtieġa. Kwalunkwe deċiżjoni oħra tistabbilixxi preċedent li jwassal għal konsegwenzi politiċi, ekonomiċi u soċjali negattivi mhux biss għall-Bulgarija u r-Rumanija, iżda wkoll għall-Unjoni kollha kemm hi, kif ukoll jaffettwa b'mod negattiv tkabbir futur ieħor taż-żona Schengen.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
5.11.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
36 4 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Heinz K. Becker, Monika Beňová, Michał Boni, Daniel Dalton, Frank Engel, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Kinga Gál, Ana Gomes, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, Ivari Padar, Judith Sargentini, Giancarlo Scottà, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Auke Zijlstra |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Carlos Coelho, Pál Csáky, Maria Grapini, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jeroen Lenaers, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Morten Helveg Petersen, Barbara Spinelli |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Petras Auštrevičius, Enrique Calvet Chambon, Rupert Matthews, Martina Michels |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
36 |
+ |
|
ALDE |
Petras Auštrevičius, Enrique Calvet Chambon, Sophia in 't Veld, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Morten Helveg Petersen |
|
ECR |
Rupert Matthews, Helga Stevens |
|
EFDD |
Laura Ferrara |
|
GUE/NGL |
Cornelia Ernst, Martina Michels, Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat |
|
PPE |
Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Pál Csáky, Frank Engel, Kinga Gál, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Traian Ungureanu |
|
S&D |
Monika Beňová, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Ivari Padar, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer |
|
VERTS/ALE |
Eva Joly, Judith Sargentini |
|
4 |
- |
|
ECR |
Kristina Winberg |
|
ENF |
Giancarlo Scottà, Auke Zijlstra |
|
PPE |
Jeroen Lenaers |
|
1 |
0 |
|
ECR |
Daniel Dalton |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni